IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 23 ta’ Ġunju, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fl-Italja u f’nazzjoniet oħra tkun iċċelebata s-solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, Corpus Domini.  L-Evanġelju jippreżentalna l-episodju tal-miraklu tal-ħobż (cfr Lq 9, 11-17) li jseħħ ħdejn l-għadira tal-Galileja.  Ġesù mhedi jkellem lil eluf ta’ persuni, ifejjaq.  X’ħin il-jum jasal biex jintemm id-dixxipli jersqu lejn il-Mulej u jgħidulu: “Ibgħathom in-nies biex imorru fl-irħula u l-irziezet fil-qrib biex jistrieħu u jieklu xi ħaġa” (v. 12).   Id-dixxipli wkoll kienu għajjenin.  Infatti kienu f’post imwarrab; biex jixtru x’jieklu n-nies kien ikollhom jimxu u jmorru fl-irħula.  Ġesù jara dan u jwieġeb: “Tuhom intom x’jieklu” (v.13).  Dal-kliem iqnaqal stagħġib fid-dixxipli.  Ma kinux qed jifhmu, forsi rrabjaw xi ftit ukoll, u jwieġbu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha” (ibid.).

Iżda Ġesù jistieden lid-dixxipli biex verament jagħmlu l-maqlub, biex mill-loġika ta’ “kulħadd għal rasu” jgħaddu għal dik tal-qsim, ibda minn dak il-ftit li tipprovdielna l-Providenza.  U mill-ewwel juri ċar x’kellu f’moħħu jagħmel.  Jgħidilhom: “Qegeħduhom bilqiegħda ħamsin, ħamsin” (v. 14).  imbagħad jiehu f’idejh il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, idur lejn il-Missier ċelesti u jlissen it-talba tal-barka.  Imbagħad jibda jaqsam il-ħobż f’biċċiet, jaqsam il-ħut u jtihom lid-dixxipli, li jqassmuhom lill-folla  U dak l-ikel ma spiċċax qabel kulħadd kien kiel sax-xaba’

Dal-miraklu – importanti ħafna, tant li jirrakkuntawh l-Evanġelisti kollha – juri l-qawwa tal-Messija u, fl-istess waqt, il-kumpassjoni tiegħu: Ġesù ġietu ħniena min-nies.  Dak il-ġest straordinarju ma jibqax biss bħala wieħed mis-sinjali l-kbar tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù, imma jantiċipa dak li wara, fl-aħħar, kellu jkun il-memorjal tas-sagrifiċċju tiegħu, jiġifieri l-Ewkaristija, sagrament tal-Ġisem tiegħu u ta’ Demmu mogħtijin għas-salvazzjoni tad-dinja.

L-Ewkaristija hija s-sinteżi tal-eżistenza kollha ta’ Ġesù, li kienet att uniku ta’ mħabba lejn il-Missier u lejn l-aħwa.  Hemmhekk ukoll, bħal fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, Ġesù ħa l-ħobż f-idejh, refa’ t-talba tal-barka lejn il-Missier, qasam il-ħobż u tah lid-dixxipli: u għamel l-istess bl-inbid.   Imma f’dak il-waqt, lejlet il-Passjoni tiegħu, f’dak il-ġest, Hu ried iħalli t-Testment tiegħu tal-Patt il-ġdid u etern, memorjal dejjiemi tal-Għid tiegħu tal-mewt u l-qawmien.  Il-festa ta’ Corpus Domini kull sena tistedinna biex inġeddu l-istgħaġib tagħna u l-ferħ għal dan ir-rigal tal-Mulej, l-Ewkaristija.  Nilqgħuh bil-gratitudni, mhux passivament, bi drawwa.  Ma nistgħux nidraw l-Ewkaristija u mmorru nitqarbnu bi drawwa: le!  Kull darba li nersqu lejn l-altar biex nirċievu l-Ewkaristija, irridu nġeddu bis-serjetà ‘l-Ammen’ tagħna għall-Ġisem ta’ Kristu.  Meta s-saċerdot jgħid: “Il-Ġisem ta’ Kristu”, aħna ngħidu ‘ammen’: imma għandha tkun ‘ammen’ li tiġi mill-qalb, konvinta.  Huwa Ġesù, huwa Ġesù li salvani, huwa Ġesù li jiġi biex itini l-qawwa biex ngħix.  Huwa Ġesù, Ġesù ħaj.  Allura m’għandhiex issir drawwa: kull darba qiesna qed nirċievu l-ewwel tqarbina.

L-espressjoni tal-fidi Ewkaristika tal-poplu qaddis ta’ Alla huma l-purċissjonijiet bis-Santissmu Sagrament, li f’dis-Solennità jsiru kullimkien fil-Knisja Kattolika.  Jien ukoll, illejla, fil-kwartier Ruman ta’ Casal Bertone, se niċċelebra l-quddiesa li tintemm bil-purċissjoni.  Nistieden lil kuħadd jieħu sehem, anki spiritwalment, permezz tar-radju u t-televixn.  Il-Madonna tgħinna nimxu bil-fidi u bl-imħabba wara Ġesù li naduraw fl-Ewkaristija.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Madrid ġew dikjarati Beati Maria Carmen Lacaba Abdia u 13 sorijiet sħabha tal-Ordni Franġsikan tal-Immakulata Kunċizzjoni, li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi waqt il-persekuzzjoni reliġjuża li seħħet bejn l-1936 u l-1939.  Dawn is-sorijiet tal-klawsura, bħax-Xbejbiet għaqlin, taw xhieda b’fidi erojka tal-miġja tal-Għarus Divin.  Il-martirju tagħhom hu stedina lilna lkoll biex inkunu qawwijin u perseveranti speċjalment fis-siegħa tal-prova.  Insellmu lil dawn il-Beati l-ġodda b’applaws!

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini.   Irrid insellem b’mod partikolari lil dawk li ġejjin mill-Brażil, mill-Gżira ta’ Guam (Stati Uniti tal-Amerika) u lill-pellegrinaġġ minn Liverpool, immexxi mis-Sorijiet tas-Sinjura tagħna ta’ Namur.

Insellem lill-fidili minn Salerno, Crotone u Lanciano.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber