Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

F’dan il-Ħadd tal-Avvent l-Evanġelju jirrakkontalna l-fatti si seħħew qabel it-twelid ta’ Ġesù, u l-evanġelista Mattew jippreżenthom minn għajnejn San Ġużepp, l-għarus tal-Verġni Marija.

Ġużeppi u Marija kienu jgħixu f’Nazaret, kienu għadhom ma jgħixux flimkien, għax iż-żwieġ kien għadu ma seħħx.  Sadattant, Marija, wara li rċeviet it-tħabbira mill-anġlu, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Meta Ġużeppi jinduna b’dan, jibqa’ mħawwad.  L-Evanġelju ma jgħidlniex x’għadda minn moħħu u x’kienu l-ħsibijiet tiegħu, imma jgħidilna dak li hu essenzjali: hu fittex li jagħmel ir-rieda ta’ Alla u kien lest li jiċċaħħad mill-aktar ħaġa għażiża li kellu.  Flok ma jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu u jfittex dawk li skont il-liġi kienu d-drittijiet tiegħu, Ġużeppi jagħmel għażla li għalih kienet iġġib magħha sagrifċċju enormi.  U l-Evanġelju jgħidilna: “Ladarba kien raġel ġust u ma riedx ixandarha ma’ kulħadd, ħaseb li jibgħatha bil-moħbi” (1,19).

Din is-sentenza qasira tiġbor fiha dramm sħiħ li kien għaddej f’qalb Ġużeppi meta naħsbu fl-imħabba li hu kellu għal Marija!  Imma anke f’ċ-ċirkustanza bħal din, Ġużeppu ried jagħmel ir-rieda ta’ alla u jagħżel, bi tbatija kbira, bla dubbju, li jħassar l-għerusija tiegħu minn ma’ Marija bil-moħbi.  Hemm bżonn li naħsbu ftit fuq dawn il-kelmiet biex nifhmu ftit aħjar liema kienet il-prova li Ġużeppi kellu jgħaddi minnha fil-ġranet qabel ma twieled Ġesù.  Kienet prova tixbaħ lil dik tas-sagrifiċċju ta’ Abram, meta Alla talbu joffrilu lil ibnu Iżakk (cfr Ġen 22): li jiċċaħħad mill-aktar ħaġa għażiża li klleu, mill-maħbuba ta’ qalbu.

Imma bħalma jagħmel fil-każ ta’ Abram, il-Mulej jidħol fl-istorja: f’Ġużeppi sab dik il-fidi li kien qed ifittex u għalhekk jiftaħlu triq oħra, triq ta’ mħabba u ferħ: “Ġużeppi,” jgħidlu, “tibżax tieħu b’martek lil Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1,20).

Dan l-evanġelju jurina l-qalb kbira u qawwija li kellu san Ġużepp.  Hu kien qiegħed jimxi fuq proġett tajjeb għall-ħajja tiegħu, imma Alla refagħlu proġett ieħor, missjoni akbar.  Ġużeppi kien raġel li dejjem ta widen għal-leħen Alla, kien dejjem lest jisma’ u jwettaq ir-rieda sigrieta tiegħU, kien raġel li kien attent u ppreparat biex jisma’ l-messaġġi li kienu jaslulu minn qalbu u mill-għoli.  Ma webbisx rasu biex jibqa’ sejjer bil-proġett li kellu għal ħajtu, ma ħalliex il-weġgħa li ġarrab tivvelenalu qalbu, imma kien lest biex jilqa’ l-bidla li, b’mod li ma fehemx, feġġet quddiemu.  U għalhekk kien raġel tajjeb.  Ma ħalliex il-mibegħda tirbħu, u ma ħalliex in-niket jivvelenah.  Imma kemm-il darba lilna l-mibgħeda, l-antipatija wkoll u n-niket jivvelenawlna qalbna! U dan iġib il-ħsara.  Tħallih qatt iseħħ: Ġużeppi hu eżempju li għandna nixbħu f’dan ir-rigward.  U għalhekk Ġużeppi sar aktar ħieles u aktar kbir.  Billi aċċetta l-qagħda l-ġdida tiegħu skont il-pjan ta’ Alla, Ġużeppi sab il-milja tiegħu nnifsu, aktar ‘il hemm minnu nnifsu.  Din il-libertà tiegħu li jiċċaħħad minn dak li hu tiegħu, għall-ħakma fuq ħajtu stess, u din id-disponibilità ġewwienija għar-rieda ta’ Alla, jgħallmuna u juruna t-triq li minnha għandna ngħaddu.

Ejjew għalhekk nippreparaw biex niċċelebraw il-Milied billi naħsbu fil-fond fuq Marija u Ġużeppi: Marija, il-mara mimlija bil-grazzja li kellha l-kuraġġ tafda ħajjitha b’mod sħiħ fil-Kelma ta’ Alla; Ġużeppi, ir-raġel ta’ fidi u ġust li aktar kien lest jemmen lill-Mulej flok jisma’ l-vuċijiet tad-dubbju u tas-suppervja umana.  Magħhom, nimxu flimkien lejn Betlehem.

 

Wara l-Anġelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Quddiemi qed nara miktub b’ittri kbar “Il-fqar ma jistgħux jistennew”. Dan ħsieb sabiħ!  U dan ifakkarni li Ġesù twieled fi stalla, ma twelidx f’dar.  Wara kellu jaħrab, imur fl-Eġittu biex isalva ħajtu.  Fl-aħħar mar lura f’daru, f’Nazaret.  U llum qed naħseb, anke waqt li naqra dik il-kitba, fil-ħafna familji bla dar, sew għax qatt ma kellhom waħda, sew għax tilfu dik li kellhom minħabba ħafna raġunijiet.  Il-familja u d-dar imorru id f’id.  Hu diffiċli ħafna li tmexxi ‘l quddiem familja bla ma tkun tgħix f’dar.  F’dawn il-ġranet tal-Milied nistieden lil kulħadd – persuni, għaqdiet soċjali, awtoritajiet – biex jagħmlu l-almu tagħhom biex kull familja jkollha dar.

Insellmilkom ilkoll, għeżież pellegrini li ġejtu minn ħafna Pajjiżi biex tieħdu sehem f’din il-laqgħa ta’ talb.  Ħsiebi jmur lejn il-familji, lejn il-gruppi parrokkjali, lejn l-għaqdiet u lejn l-insara individwali.  Insellem b’mod partikulari l-komunità tal-Pontificio Istituto Missioni Estere, il-Banda ta’ San Giovanni Valdarno, iż-żgħażagħ tal-parroċċa San Francesco Nuovo f’Rieti, u dawk li qed jieħdu sehem fit-tiġrija li telqet minn Alessandria sa Ruma biex jagħtu xhieda tal-impenn favur il-paċi fis-Somalja.

Nixtieq nagħti kontribut edifikanti lil dawk kollha li llum inġabru minn madwar l-Italia biex juru l-impenn soċjali tagħhom; nawguralhom li jwarrbu t-tentazzjoni għall-konflitti u għall-vjolenza, u li jżommu dejjem mat-triq tad-djalogu u tal-ħarsien tad-drittijiet.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u Milied ta’ tama, ta’ ġustizzja u ta’ fraternità. L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.