IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 20 ta' Ottubru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

It-tieni qari tal-liturġija tal-lum itina l-eżortazzjoni li biha l-Appostlu San Pawl jindirizza lill-kollaboratur fidil tiegħu Timotju: "Xandar il-Kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim" (2 Tim 4,2).  It-ton huwa mqanqal mill-qalb: Timotju għandu jħossu responsabbli mix-xandir tal-Kelma.

Il-Ġurnata Missjunarja li qed niċċelebraw illum hi okkażjoni propizja sabiex kull mgħammed ikun aktar konxju mill-ħtieġa li jikkopera fix-xandir tal-Kelma, fit-tħabbir tas-Saltna t'Alla b'impenn imġedded.  Biex jagħti spinta lir-responsabbiltà missjunarja tal-Knisja kollha madwar mitt sena ilu l-Papa Benedittu XV kien ħareġ l-Ittra Appostolika Maximum Illud.  Hu kien ħass il-ħtieġa li bi spirtu evanġeliku jagħti mbuttatura lill-missjoni fid-dinja sabiex tkun imsoffija minn kull qoxra kolonjali u tkun meħlusa minn kull kundizzjonament ġej mill-politika espanzjonistika tan-nazzjonijiet Ewropej

Fil-kuntest mibdul tal-lum, il-messaġġ ta' Benedittu XV għadu attwali u stimolu biex ngħelbu kull tentazzjoni ta' għeluq awtorefernzjali u kull għamla ta' pessimiżmu pastorali, ħalli ninfetħu għan-novità ferrieħa tal-Evanġelju.  Fiż-żmien tagħna, immarkat mill-globaliżżazzjoni li suppost hi solidali u tirrispetta l-karatteristiċi partikolari tal-popli iżda li, minflok, għadha mxekkla għax tapprova u taċċetta l-kunflitti antiki għall-poter li jżoqqu l-gwerer u jirvinaw il-pjaneta, min jemmen hu msejjaħ biex iwassal kullimkien, b'ħeġġa ġdida, l-aħbar it-tajba  li f'Ġesù l-ħniena tegħleb id-dnub, it-tama tegħleb il-biża', il-fraternità tegħleb l-ostilità.  Kristu hu l-paċi tagħna u fih kull firda tingħeleb, fih biss hemm is-salvazzjoni ta' kull bniedem u ta' kull poplu.

Biex il-missjoni ngħixuha fil-milja tagħha hemm kundizzjoni indispensabbli: it-talb, talb herqan bla heda, skont kif għallimna Ġesù u mxandar fl-Evanġelju tal-lum li fih jirrakkonta parabbola "dwar il-ħtieġa li nitobu dejjem bla qatt negħjew" (Lq 18,1).  It-talb hu l-ewwel rifda tal-poplu t'Alla għall-missjunarji, għani bl-imħabba u l-gratitudni għax-xogħol diffiċli tax-xandir u l-għoti tad-dawl u tal-grazzja tal-Evanġelju li dawk li għadhom ma rċevewhiex.  Illum hija wkoll okkażjoni sabiħa biex nistaqsu lilna nfusna: jien nitob għall-missjunarji? Nitlob għal dawk li jmorru l-bogħod  biex iwasslu l-Kelma t'Alla bix-xhieda?  Naħsbu ftit.

Marija, Omma il-ġnus kollha, takkumpanja u tipproteġi kuljum lill-missjunarji tal-Evanġelju.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti, ilbieraħ fi Crema kien dikjarat Beatu l-martri Don Alfredo Cremonesi, saċerdot missjunarju tal-Istitut Pontifiċju tal-Missjonijiet Barranin.  Kien maqtul fil-Birmanja fl-1953, kien appostlu tal-paċi u xhud żelanti tal-Evanġelju li ma jgħeja qatt, sa ma fl-aħħar ħallas b'demmu.  L-eżempju tiegħu għandu jimbuttana biex insiru operaturi tal-fraternità u missjunarji kuraġġużi f'kull ambjent; jalla jinterċedi għal kull min jaħdem bla heda biex jiżra' l-Evanġelju fid-dinja.  Ilkoll flimkien ejjew nagħtu applaws lill-Beatu Alfredo!

U issa nagħti merħba minn qalbi lilkom ilkoll pellegrini ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi tad-dinja.  Insellem partikolarment u nbierek minn qalbi lill-komunità Peruvjana ta' Ruma miġbura hawn bix-xbieha meqjuma tas-Señor de los Milagros - jalla l-fidi u t-tradizzjonijiet tal-poplu tiegħu jibqgħu sħaħ! -; lis-sorijiet Infermieri tal-Addolorata li ċċelebraw il-Kaptitlu Ġenerali tagħhom; lill-parteċipanti tal-Mixja "Nibqgħu Umani", li dawn l-aħħar xhur terrqu bliet u territorji Taljani biex jippromwovu diskussjoni kostruttiva dwar it-temi tal-inklużjoni u l-akkoljenza.  Grazzi għal din l-inizjattiva sabiħa!

Ħsieb speċjali jmur lejn iż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika li ġew flimkien mal-edukaturi tagħhom mid-djoċesijiet Taljani kollha, fl-okkażzjoni tal-50 anniversarju tal-ACR.  Għeżież żgħażagħ fl-evanġeliżżazzjoni intom protagonisti speċjalment fost dawk tamparkom.  Il-Knisja għandha fiduċja fikom; ibqgħu mexjin bil-ferħ u l-ġenerożità!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber