Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

fil-liturġija tal-lum nisimgħu dawn il-kelmiet mill-Ittra lil-Lhud: “b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna. Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna” (Lhud 12, 1-2).  Din hija espressjoni li rridu ninsistu fuqha b’mod partikulari f’din is-Sena tal-Fidi.  Aħna wkoll, tul din is-sena kollha, inżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù, għax il-fidi, li hi l-“iva” tagħna għar-relazzjoni ta’ wlied ma’ Alla, ġejja minnu, ġejja minn Ġesù.  Hu l-uniku medjatur f’din ir-relazzjoni bejnna u bejn il-Missier tagħna li hu fis-smewwiet.  Ġesù huwa l-Iben, u aħna wlied fih.

Imma l-Kelma ta’ Alla ta’ dan il-Ħadd fiha wkoll kelma ta’ Ġesù li ddaħħalna fi kriżi, u li hemm bżonn tiġi spjegata, għax inkella tista’ faċilment tiġi mifhuma ħażin.  Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda” (Lq 12,51).  Xi jfisser dan?  Ifisser li l-fidi mhix xi biċċa tiżjin; li tgħix il-fidi mhux li żżejjen il-ħajja bi ftit reliġjon, qisek qed iżżejjen torta bil-krema.  Le, il-fidi mhix din.  Il-fidi titlob li nagħżlu lil Alla bħala l-kriterju fundamentali tal-ħajja, u Alla mhux vojt, Alla mhux newtrali, Alla huwa dejjem pożittiv, Alla huwa mħabba,  l-imħabba hija dejjem pożittiva!  Wara li Ġesù ġiie fid-dinja ma nistgħux inġibu ruħna daqs li kieku lil Alla ma nafuhx.  Ma nistgħux naraw lil Alla bħal xi ħaġa astratta, nieqsa minn tifsira, li nagħmlu referenza għaliha biss nominalment; le, Alla għandu wiċċ konkret, għandu isem: Alla huwa ħniena, Alla huwa fedeltà, Alla hu ħajja li tingħata lilna lkoll.  Għalhekk Ġesù jgħid: ġejt inġib il-firda; mhux għax Ġesù jrid jifred lill-bnedmin bejniethom, għall-kuntrarju: Ġesù huwa l-paċi tagħna, Ġesù huwa l-għaqda tagħna!  Imma din il-paċi mhix il-paċi tal-oqbra, mhix il-paċi tan-newtralità, Ġesù ma jġibx newtralità, din il-paċi mhix li jintlaħaq kompromess akkost ta’ kollox.  Il-mixja wara Ġesù titlob iċ-ċaħda tal-ħażin, tal-egoiżmu u l-għażla tat-tajjeb, tal-verità, tal-ġustizzja, anke meta dan jitlob sagrifiċċju u ċaħda ta’ dak li jaqbillek.  U dan, iva, jifred: nafuh, jifred anke fejn hemm rabtiet mill-aktar sodi.  Imma noqgħodu attenti: mhuwiex Ġesù li jifred!  Hu jpoġġi kriterju: jew ngħixu għalina nfusna jew inkella ngħixu għal Alla u għall-oħrajn; nistennew li jaqduna jew naqdu aħna lil ħaddieħor; nobdi għal dak li ngħid jien jew nobdi għal dak li jgħid Alla.  Dan hu kif Ġesù huwa “sinjal ta’ kontradizzjoni” (Lq 2,34).

Dan ifisser li din il-kelma tal-vanġelu ma tati permess bl-ebda mod biex tintuża l-forza biex tixxerred il-fidi.  Fir-realtà huwa l-kuntrarju:  il-qawwa tan-nisrani hija l-qawwa tal-verità u tal-imħabba, li titlob iċ-ċaħda ta’ kull forma ta’ vjolenza.  Il-fidi u l-vjolenza ma jmorrux flimkien!  Il-fidi u l-vjolenza ma jmorrux flimkien!Imma l-fidi u l-qawwa iva.  In-nisrani mhux vjolenti, imma huwa qawwi.  U b’liema qawwa? Dik tal-ħlewwa, il-qawwa tal-ħlewwa, il-qawwa tal-imħabba.

Għeżież ħbieb, anke fost il-qraba ta’ Ġesù kien hemm uħud li f’ċertu punt ma qablux mal-mod kif hu kien jgħix u jippriedka; dan jgħidulna l-vanġelu (ara Mk 3,20-21).  Imma Ommu dejjem imxiet warajh bil-fedeltà, waqt li dejjem żammet ħarsitha fissa fuq Ġesù, Ibel l-Għoli, u fuq il-misteru tiegħu.  U fl-aħħar, grazzi għal Marija, il-qraba ta’ Ġesù daħlu fl-ewwel komunità nisranija (ara At 1,14).  Ejjew nitolbu il Marija tgħin lilna wkoll biex inżommu ħarsitna mwaħħla fuq Ġesù u biex nimxu warajh, anke meta dan jitlob prezz.

-------------------------

Wara l-Angelus il-papa ta dan il-messaġġ

Ftakruh dan: li nimxu wara Ġesù ma jfissirx li nżommu n-newtralità; li nimxu wara Ġesù jfisser li nkunu attivi, għax il-fidi mhux biċċa tiżjin, imma hi l-qawwa tar-ruħ.

Għeżież ħuti,

insellmilkom ilkoll minn qalbi, Rumani u pellegrini: il-familji, il-gurppi parrokkjali, iż-żgħażagħ...

Nitlobkom talba għall-vittmi ta’ dak il-vapur li għereq fil-Filippini, u anke talba għall-familji tal-vittmi... għandhom ħafna tbatija!

Inkomplu wkoll nitolbu għall-paċi fl-Eġittu. Ejjew ngħidu flimkien: Marija, sultana tal-paċi, itlob għalina!

Insellem lill-grupp folkloristiku pollakk li ġej minn Edmonton, fil-Kanada.

Insellem b’mo speċjali ż-żgħażagħ ta’ Brembilla – qiegħed narakom tajjeb! – qrib Bergamo, u nbierek il-fjamma li se jieħdu minn Ruma sa pajjiżhom bil-mixi.  Insellem ukoll liż-żgħażagħ ta’ Altamura.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, u l-ikla t-tajba! Sakemm nerġgħu niltaqgħu!

 

Miġjub ghall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia