IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-
Ħadd, 16 ta’ Diċembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dat-tielet Ħadd tal-Avvent il-liturġija tistedinna għall-ferħ.  Isimgħu sewwa: għall-ferħ. Il-Profeta Sofonija jindirizza dal-kliem lil ġemgħa żgħira mill-poplu ta’ iżrael: “Ifraħ, bint Sijon, għajjat bil-ferħ, Iżrael, infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm!” (3,14).  Għajjat bil-ferħ, faħħar, thenna: din hi l-istedina ta’ dan il-Ħadd.  L-abitanti tal-Belt Imqaddsa msejħin biex jifirħu għax il-Mulej neħħa l-kundanna (cfr v. 15).  Alla ħafer, ma riedx jikkastiga!  Għalhekk għall-poplu ta’ Iżrael m’hemmx bżonn ta’ aktaar swied il-qalb, m’hemmx bżonn ta’ skoraġġiment, imma kollox imexxi lejn gratitudni ferrieħa lejn Alla li dejjem irid jirhan u jsalva lil dawk lil jħobb.  U l-imħabba tal-Mulej lejn il-poplu tiegħu ma tieqaf qatt, titqabbel mat-tenerezza tal-missier lejn l-ulied, tal-għarus lejn l-għarusa, kif jgħid mill-ġdid Sofonija: “Minħabba fik jithenna bil-kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajjat ta’ ferħ” (v. 17).  Dan hu l-Ħadd – hekk insejħulu – tal-ferħ: it-tielet Ħadd tal-Avvent, qabel il-Milied.

Dan l-appell tal-Profeta hu f’waqtu partikolarment fiż-żmien li aħna qed nitħejjew għall-Milied, għax jgħodd għal Ġesù l-Immanu-el, l-Alla magħna: il-preżenza tiegħu hi l-għajn tal-ferħ.  Infatti Sofonija jiddikjara: “is-Sultan ta’ Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok”; u ftit wara jtenni: “Il-Mulej Alla tiegħek, gwerrier li jsalva” (vv. 15-17).  Dal-messaġġ isib it-tifsira sħiħa tiegħu fil-waqt tat-tħabbira lil Marija, li jirrakkuntalna l-evanġelista Luqa.  Il-kliem li l-anġlu Gabrijel jgħid lill-Verġni donnhom eku ta’ dawk tal-profeta.  X’jgħid l-arkanġlu Gabrijel?  “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1,28).  Lill-Madonna jgħidliha: “Ifraħ”.  F’raħal imwarrab tal-Galilija, fil-qalb ta’ mara żgħażugħa li d-dinja ma tafhiex, Alla jkebbes ix-xrara tal-hena għad-dinja kollha.  U llum din l-istess aħbar hi ndirizzata lejn il-Knisja msejħa biex tilqa’ l-Evanġelju ħalli jsir laħam, ħajja konkreta.  Lill-Knisja, lilna lkoll, jgħidilna: “Ifraħ, komunità nisranija ċkejkna, fqira u umli imma sabiħa f’għajnejja għax imxennqa għas-Saltna tiegħi, għandek il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, bil-paċenzja tinseġ għajnqbut ta’ paċi, ma tmurx wara s-setgħana tal-mument imma tibqa’ qrib il-foqra bil-fedeltà. U b’hekk ma tibża’ minn xejn imma qalbek mimlija hena”.  Jekk aħna ngħejxu hekk, fil-preżenza tal-Mulej, qalbna dejjem se tkun hienja.  Hena “ta’ livell għoli”, meta jkun hemm, mimlija, u l-ferħ umli tal-ħajja ta’ kuljum, jiġifieri l-paċi.   Il-paċi hi l-aktar ferħ ċkejken, imma hu ferħ.

Illum San Pawl ukoll iħeġġiġna biex ma nitnikktux, biex ma niddisprawx għal kull xejn, imma biex f’kull ċirkostanza npoġġu x-xewqat tagħna quddiem Alla, il-ħtiġijiet tagħna, it-tħassib tagħna “bit-talb u s-suppliki” (Fi 4,6).  L-għarfien li fid-diffikultajiet nistgħu dejjem induru lejn il-Mulej, u li Hu ma jirrofta qatt it-talb tagħna, hu raġuni ta’ ferħ kbir.  Ebda tħassib, ebda biża’ qatt ma se jirnexxilhom ineħħulna s-serenità li tiġi mhux mill-ħwejjeġ umani, mill-faraġ uman, le, is-serenità li tiġi minn Alla, mill-għarfien li Alla jmexxi ħajjitna bl-imħabba, u dan jagħmlu dejjem.  Anki fost il-problemi u t-tbatijiet, din iċ-ċertezza żżoqq it-tama u l-kuraġġ.

Iżda biex nilqgħu l-istedina tal-Mulej għall-ferħ, jeħtieġ inkunu persuni lesti li nagħrblu ftit lilna nfusna.  Xi jfisser dan?  Propju bħal dawk li wara li semgħu l-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista, jistaqsuh: int tipprietka hekk, u aħna “x’għandna nagħmlu?” (Lq 3,10).  Jien x’għandi nagħmel?  Dil-mistoqsija hi l-ewwel pass lejn il-konverżjoni li aħna mistednin nagħmlu tul daż-żmien tal-Avvent.  Kull wieħed u waħda minna nistaqsu lilna nfusna: x’għandi nagħmel?  Ħaġa ħafifa, imma: “x’għandi nagħmel?”  U l-Verġni Marija, li hi ommna, tgħinna niftħu qalbna għal Alla-li-ġej, sabiex hu jimlielna bil-ferħ ħajjitna kollha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Il-ġimgħa li għaddiet, f’Marrakexx, fil-Marokk, kien ratifikat Patt Dinji għal Migrazzjoni sigura, Ordnata u Regolari, li għandu jkun qafas ta’ riferiment għall-komunità internazzjonali kollha.  Għaldaqstant nawgura li din (il-komunità internazzjonali) bis-saħħa ta’ dan l-istrument, tkun tista’ taħdem bir-responsabbiltà, bis-solidarjetà u l-kumpassjoni ma’ min, għal raġunijiet differenti, ħalla pajjiżu u nirrikmanda li tiftakru f’din l-intenzjoni fit-talb tagħkom.

Insellem lilkom ilkoll, gruppi parrokkjali u assoċjazzjonijiet li ġejtu Ruma mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem partikolarment lill-pellegrini minn Siviglia, minn Amburgu, Monaco di Baviera u Chapelle, fil-Belġju.  Insellem lill-fidili minn Pescara, Potenza, Bucchianico, Fabriano u Blera; lill-Missjunarji Kombodjani; lill-iscouts minn Jesolo u Ca’ Savio.

U issa ndur b’mod speċjali lejkom, għeżież tfal ta’ Ruma li ġejtu biex inberkilkom “il-Bambini”, akkumpanjati mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Ruzza.  Irrodd ħajr liċ-Ċentru tal-Oratorji Rumani u lill-volontieri.  Għeżeiż tfal, meta fi djarkom, tinġabru fit-talb quddiem il-presepju, b’ħarsitkom fissa fuq Ġesù Bambin, tħossu stagħġib..... Intom tistqasuni: xi jfisser “l-istagħġib?”  Hu sentiment qawwi, huwa aktar minn emozzjoni komuni.  Hu li tkun qed tara ‘l Alla: l-istagħġib għall-misteru kbir ta’ Alla magħmul bniedem; u l-Ispirtu s-Santu jqiegħed fi qlubkom l-umiltà, it-tenerezza u t-tjubija ta’ Ġesù.  Ġesù hu tajjeb, Ġesù hu teneru, Ġesù huwa umli.  Dan hu l-veru Milied!  Tinsewhiex din.  Jalla jkun hekk għalikom, għall-familjari tagħkom.  Jiena nbierek il-”Bambini” kollha.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u t-tielet ġimgħa tal-Avvent it-tajba.  Bil-ferħ, b’tant ferħ u tant paċi meta l-ferħ ma jkunx possibbli.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber