Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-evanġelju tal-lum jippreżentalna l-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni.  Din hija t-tieni waqfa fil-mixja tar-Randan: l-ewwel waħda kienet it-tentazzjoni fid-deżert li rajniha l-Ħadd li għadda; it-tieni waħda hija t-Trasfigurazzjoni.  Ġesù «ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwannni u tellagħhom fuq muntanja għolja, weħidhom» (Mt 17, 1).  Il-muntanja fil-Bibbja tirrappreżenta l-post fejn il-bniedem ikun qrib Alla, u huwa l-post fejn issir laqgħa intima miegħU; huwa l-post tat-talb, fejn il-bniedem joqgħod fil-preżenza tal-Mulej.  Hemm fuq, fuq il-muntanja, Ġesù juri lilu nnifsu mibdul lit-tliet dixxipli, jarmi d-dija, sabiħ; u mbagħad jidhru Mosè u Elija, li jitkellmu miegħu.  Wiċċu tant kien qed jiddi, u ħwejġu tant kienu bojod, li Pietru jibqa’ milqut, tant li xtaq jibqa’ hemm fuq, kważi biex iwaqqaf il-ħin f’dak il-mument.  F’daqqa waħda jinstema’ l-leħen tal-Missier mis-sema li jħabbar lil Ġesù bħala ibnu l-magħżul, billi jgħid “Isimgħu lilu” (v. 5).  Din il-kelma hija importanti!  Dak li l-Missier tagħna qal lil dawn l-appostli qiegħed jgħidu lilna wkoll: “Isimgħu minn Ġesù, għax hu Ibni l-magħżul!”  Ejjew inżommu, matul din il-ġimgħa, din il-kelma f’moħħna u f’qalbna: “Isimgħu lil Ġesù!”  U dan mhux qed jgħidu l-Papa; qiegħed jgħidu Alla l-Missier, lil kulħadd: lili, lilkom, lil kulħadd, kulħadd! Għandna niqsu dal-kliem bħala għajnuna biex nibqgħu mixjin ‘il quddiem fit-triq tar-Randan. “Isimgħu lil Ġesù!” Tinsiex.

Din l-istedina tal-Missier hija tassew importanti.  Aħna, bħala dixxipli ta’ Ġesù, imsejjħin biex inkunu nies li nisimgħu l-leħen tiegħu u li nieħdu bis-serjetà kliemu.  Biex nisimgħu lil Ġesù hemm bżonn li nkunu qrib tiegħu, nimxu warajh, bħalma kienu jagħmlu l-folol tan-nies li jissemmew fil-Vanġelu, li kienu jimxu warajh fit-toroq tal-Palestina.   Ġesù ma kellux siġġu jew pulptu fiss, imma kien mgħallem dejjem fit-triq, li jien joffri t-tagħlim tiegħu, li kien it-tagħlim li kien tah il-Missier; dan kien jagħmlu fit-toroq, kultant fi vjaġġi mhux dejjem ippjanati u kultant li ma kienux faċli.  Nimxu wara Ġesù biex nisimgħuh.  Imma lil Ġesù nisimgħuh ukoll fil-kelma miktuba tiegħu, fl-Evanġelju.  Ħa nagħmlilhom mistoqsija: intom taqraw kuljum silta mill-Evanġelju? Iva, le... iva, le... hekk u hekk... Xi wħud iva u oħrajn le.  Imma huwa importanti! Intom taqraw il-Vanġelu? Hija ħaġa tajba; hija ħaġa tajba li jkollkom ktejjeb bil-Vanġelu li tistgħu ġġorruh magħkom fil-but jew fil-basket, u taqraw silta qasira f’xi ħin tal-ġurnata.  Ikun x’ħin ikun, jien naqbad dak il-ktejjeb li għandi fil-but u naqra xi ħaġa żgħira, silta qasira.  Hemm hu Ġesù li qiegħed ikellimna, fil-Vanġelu!  Aħsbu ftit fuq dan.  Mhux diffiċli, u anqas hemm bżonn li jkunu l-erba’ vanġeli: wieħed minnhom, ċkejken, li jkun dejjem magħna.  Il-Vanġelu li jkun dejjem magħna, għax hija l-kelma ta’ Ġesù u hekk inkunu nistgħu nisimgħuh ikellimna.

Minn din il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni nixtieq nislet żewġ punti importanti, li se niġbor fil-qosor f’żewġ kelmiet: telgħa u niżla.  Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitwarrbu, nitilgħu fuq il-muntanja f’post għall-kwiet, biex insibu lilna nfustna u biex nisimgħu u nifhmu aħjar il-leħan tal-Mulej.  Dan nagħmluh fit-talb.  Imma ma nistgħux nibqgħu hemm!  Il-laqgħa ma’ Alla fit-talb tqanqana biex mill-ġdid “ninżlu mill-muntanja” u nerġgħu lura fil-baxx, fl-art ċatta, fejn niltaqgħu ma’ ħafna aħwa li huma mtaqqla minn diffikultajiet, mard, inġustizzji, injuranza, faqar materjali u spiritwali.  Lil dawn ħutna li huma fid-diffikultajiet, aħna msejħin biex inwasslulhom il-frott tal-esperjenza li nkunu għamilna ma’ Alla, billi naqsmu magħhom il-grazzja li nkun rċevejna.  Kurjuża din.  Meta aħna nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù, nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù u nilqgħuha f’qalbna, dik il-kelma tikber.  U tafu kif tikber?  Billi nagħtuha lil ħaddieħor!  Il-kelma ta’ Kristu fina tikber meta aħna nxandruha, meta nagħtuha lill-oħrajn!  U din hi l-ħajja nisranija.  Hija missjoni għall-Knisja kollha, għall-imgħammdin kollha, għalina lkoll: nisimgħu lil Ġesù u noffruh lill-oħrajn. Tinsewhiex din: din il-ġimgħa isimgħu lil Ġesù! U aħsbu f’din il-ħaġa dwar il-Vanġelu: tagħmluha? Se tagħmluh dan?  Imbagħad il-Ħadd li ġej tgħiduli jekk għamiltuhx: li jkollna vanġelu żgħir fil- but jew fil-basket biex naqraw xi silta qasira matul il-ġurnata.

U issa ejjew induru lejn l-omm tagħna Marija, u nafdaw ruħna f’idejn it-tmexxija tagħha bil-fidi u bil-ġenerożità biex nimxu ‘l quddiem tul din it-triq tar-Randan, biex nitgħallmu ftit aktar “nitilgħu” bit-talb u nisimgħu lil Ġesù u “ninżlu” bl-imħabba fraterna, inwasslu lil Ġesù.

_____

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ.

Għeżież ħuti,

inselmilkom ilkoll, għeżież insara ta’ Ruma u pellegrini!

Insellem lill-pellegrini ġejjin minn Valencia, fi Spanja, kif ukoll il-gruppi li ġew minn Mannheim (fil-Ġermanja) u Skara (fl-Iżvezja).

Insellem u nirringrazzja l-banded u l-korijiet li ġew mill-Piemonte, mil-Liguria, mill-Emilia u mit-Toscana, flimkien ma’ xi Awtoritajiet ċivili.

Insemmi l-Comunità Papa Giovanni XXIII, imwaqqfa minn Don Oreste Benzi, li nhar il-Ġimgħa li ġej, filgħaxija, se tmexxi tul it-toroq taċ-ċentru ta’ Ruma “Via Crucis” speċjali għan-nies li huma vittmi tat-traffikar tal-persuni. Bravi!

Nistedinnkom tiftakru fit-talb tagħkom il-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ tal-ajrulan tal-Malasja u l-familji tagħhom.  Ejjew inkunu qrib tagħhom f’dan il-mument diffiċli.

Insellem il-gurppi parrokkjali, b’mod partikulari l-insara ta’ Giave, Liedolo, San Prospero, Sorrento, Codogno u tal-Madonna ta’ Czestochova f’Ruma; insellem ukoll lis-Sorijiet Franġiskani Minime del Sacro Cuore.

Insellem lill-ħafna skejjel f’ħafna partijiet tal-Italja u ta’ Pajjiżi oħra – ma nistax insemmihom kollha! – imma niftakar fl-iskola kattolika “Mar Qardakh” f’Erbil fil-Kurdistan.  Ejjew niftakruha flimkien: tinsab ‘il bogħod, imma niftakruha fil-qalb tagħna; u dik ukoll tad-djoċesi ta’ London f’Ontario – fil-Kanada.

Insellem liż-żgħażagħ tas-Società di San Vincenzo de Paoli, ir-Rotary Club ta’ Masssafra-Mottola, iż-żgħażagħ ta’ Calcio u dawk ta’ None, it-tfal ta’ Soliera u San Felice sul Panaro.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba! Insellmilkom.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.