Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

L-Evaanġelju tallum ukoll hu parti mill-hekk imsejjaħ “diskors tal-muntanja”, l-ewwel predikazzjoni kbira ta’ Ġesù.  It-tema tal-lum hum hi l-imġieba ta’ Ġesù lejn il-Liġi tal-Lhud.  Hu jisħaq: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa' l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni” (Mt 5,17). Ġesù, għalhekk ma jridx iħassar il-kmandamenti li l-Mulej tana permezz ta’ Mosè, imma jrid jipperfezzjonhom.  U kif jgħid dan iżid li biex il-liġi tilħaq il-perfezzjoni hemm bżonn ġustizzja għola, osservanz aktar sinċiera.  Jgħid fil-fatt lid-dixxipli tiegħu: “Jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 5,20)

Imma xi tfissier din il-“perfezzjoni” tal-Liġi? U din il-ġustizzja għola fhiex tikkonsisti?  Ir-risposti jtihomlna Ġesù stess permezz ta’ xi eżempji.  Ġesù kien raġel prattiku; dejjem kien jitkellem bl-eżempjji biex in-nies jifhmuh.  Jibda bil-ħames kmandament: “Smajtu xi ntqal lin-nies ta' dari, 'La toqtolx';... Imma jien ngħidilkom li  l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh” (vv. 21-22).  B’dan Ġesù jfakkarna li anke l-kliem jista’ joqtol!  Meta ngħidu li xi ħadd għandu lsien ta’ serp, xi jfisser?  Ifisser li kliemu joqtlu!  għalhekk, mhux biss ħadd minna ma għandu jipprova jfittex ħajjet ħaddieħor, imma lanqas ma għandu ħadd iferragħ fuqu l-velenu tar-rabja u jolqtu bil-kalunnji.  Lanqas ma għandna nparpaw fuq xulxin.  Ejja ngħidu kelma fuq it-tpaċpiċ żejjed:  it-tpaċpiċ żejjed ukoll jista’ joqtol, għax jista’ joqtol il-fama tan-nies!  Kemm hu ikrah it-tpaċpiċ żejjed!  Fil-bidu jista’ jidher bħala xi ħaġa ta’ gost, li tagħti pjaċir, bħal meta nkunu qed nerdgħu ħelwa.  Imma fl-aħħar, il-kliem żejjed jimlielna ‘l qalbna bil-qrusa, u jivvelena lilna wkoll.  Ngħidilkom il-verità, nemmen bis-sħiħ li jekk kull wieħed minna jagħmel sforz biex jiskarta l-kliem żejjed, fl-aħħar jispiċċa jsir qaddis!  Hija triq sabiħa din tal-qdusija!  Nixtiequ nsiru qaddisin? Iva jew le? [In-nies iwieġbu: Iva!]  Irridu ngħixu ħajjitna marbutin mad-drawwa tat-tpaċpiċ żejjed? Iva jew le? [In-nies iwieġbu: Le!] Mela ftehmna: Daqshekk paroli żejjed!  Lil min jimxi warajh Ġesù jipproponilu l-milja tal-imħabba: imħabba li l-uniku limitu tagħha hu li m’għandhiex limitu, li tmur aktar ‘il hemm milli kull wieħed jista’ jaħseb.  L-imħabba għall-proxxmu hija mġieba tant bażika li Ġesù jasal anke biex jgħidilna li r-relazzjoni tagħna ma’ Alla ma tistax tkun waħda sinċiera jekk ma rridux nagħmlu paċi mal-proxxmu.  U jgħidilna hekk:  “Mela jekk tkun qiegħed ittalla' l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma' ħuk, u mbagħad ejja talla' l-offerta tiegħek ” (vv. 23-24).  Għaldaqstant aħna msejjħin biex l-ewwel nagħmlu paċi ma’ ħutna qabel ma nuru l-qima tagħna lejn il-Mulej permezz tat-talb.

Minn dan kollu nifhmu li Ġesù ma jagħtix importanza biss lill-ubbidjenza tal-liġi u għall-imġieba kif tidher minn barra.  Hu jmur għall-għeruq tal-liġi, billi jfittex fuq kollox l-intenzjoni tal-bniedem, u għalhekk il-qalb tiegħu, il-post minn fejn jitnisslu l-azzjonijiet tajbin jew ħżiena tagħna.  Biex ikollna mġieba tajba u onesta l-liġijiet mhumiex biżżejjed, imma jeħtieġu motivazzjonijiet aktar profondi, tinħtieġ espressjoni ta’ għerf moħbi, l-Għerf ta’ Alla, li jista’ jiġi milqugħ mill-bniedem permezz tal-Ispirtu s-Santu.  U aħna, permezz tal-fidi fi Kristu, nistgħu nsiru aktar disponibbli għall-ħidma tal-Ispirtu, li jtina l-kapaċità li ngħixu l-imħabba divina.

Fid-dawl ta’ dan it-tagħlim, kull indikazzjoni tal-liġi turi t-tifsira sħiħa tagħna bħala bżonn ta’ aktar imħabba, u l-preċetti kollha jingħaqdu fl-akbar kmandament: ħobb lil Alla b’qalbek kollha u ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.

Wara l-Angelus il-Papa wassal dawn it-tislijiet:

Insellem bil-qalb lir-Rumani u lill-pellegrini li hawn preżenti, il-familji, il-parroċċi, iż-żgħażagħ ta’ ħafna Pajjiżi tad-dinja.

Insellem b’mod partikulari lill-ħafna nsara tar-Repubblika Ċeka, li ġew mal-isqifijet tagħhom għall-visita ad limina; kif ukoll lil dawk Spanjoli mid-djoċesi ta’ Orihuela-Alicante, Jerez de la Frontera, Cádiz y Ceuta.

Insellem lill-gruppi parrokkjali ta’ Calenzani, Aversa u Napli; dawk ta’ Santa Marija Regina Pacis ta’ Ostia u ta’ Sant’Andrea Avellino ta’ Ruma; kif ukoll lill-Movimento Giovanile Guanelliano, iż-żgħażagħ tal-Movimento Arcobaleno ta’ Modena u l-Corale Santo Stefano ta’ Caorle.

Insellem ukoll il-grupp tal-militari Taljani.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjjeb u l-ikla t-tajba! Insellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.