IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħamis, 15 ta' Awwissu, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum, solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta' Marija Santissma, il-Verġni Mqaddsa titlob u tgħid: "Ruħi tfaħħar lill-Mulej u l-ispirtu tioegħi jifraħ f'Alla s-Salvatur tiegħi" (Lq 1,46-47).  Nosservaw il-verbi ta' din it-talba: tfaħħar u tifraħ.  Żewġ verbi: "tfaħħar" u "tifraħ".  Tifraħ meta tiġri xi ħaġa tant sabiħa li ma jkunx biżżejjed li tħoss il-ferħ minn ġewwa, f'qalbek, imma tkun trid tesprimi l-hena b'ġismek kollu - għalhekk tifraħ.  Marija tifraħ minħabba f'Alla.  Min jaf jekk aħna qattx ġralna li nifirħu minħabba l-Mulej: nifirħu għal xi riżultat miskub, minħabba xi aħbar sabiħa, imma llum Marija tgħallimna nifirħu f'Alla.  Għaliex? Għaliex Hu, Alla, jagħmel "ħwejjeġ kbar" (cfr v. 49).

Il-verb l-ieħor ifakkarna fil-ħwejjeġ kbar: faħħar.  "Ruħi tfaħħar.  Infatti li tfaħħar ifisser li teżalta realtà minħabba l-kobor tagħha, minħabba sbuħitha....  Marija tfaħħar il-kobor tal-Mulej, tfaħħru meta tgħid li Hu verament kbir.  Importanti fil-ħajja li nfittxu ħwejjeġ kbar, inkella nintilfu niġru wara ħafna affarijiet żgħar.   Marija turina illi, jekk irridu li ħajjitna tkun hienja, għandna nqiegħdu lil Alla fl-ewwel post, għaliex Hu biss huwa l-kbir.  Iżda, kemm drabi ngħixu niġru wara ħwejjeġ fiergħa: preġudizzji, rankur, rivalità, għira, illużjonijiet, ġid materjali żejjed....  Kemm frugħat fil-ħajja!  Nafuha.  Marija llum tistedinna nerfgħu ħarsitna lejn "il-ħwejjeġ kbar" li l-Mulej għamel magħha.  Magħna wkoll, ma' kull wieħed u waħda minna, il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar.  Jeħtieġ nagħrfuhom u nifirħu, infaħħru l-Mulej, għal dawn il-ħwejjeġ kbar.

Huma l-"ħwejjeġ kbar" li qed nagħmlu l-festa tagħhom illum: Marija hi mtella' s-sema: ċkejkna u umli, l-ewwel waħda li tirċievi l-glorja l-aktar għolja.  Hi, li hi kreatura umana, waħda minna, tasal fl-eternità bir-ruħ u l-ġisem.  u hemmhekk tistenniena bħal omm li tistenna 'l uliedha ġejjin lura d-dar.  Infatti l-poplu t'Alla jinvokaha bħala "il-bieb tas-sema".  Aħna ninsabu f'mixja, pellegrini lejn id-dar t'hemm fuq.   Illum iħarsu lejn Marija u naraw l-għan veru tagħna.  Naraw li kreatura ttellgħet fil-glorja ta' Ġesù Kristu Rxoxt, u dik il-kreatura ma setgħet tkun ħadd ħlief Hi, Omm ir-Redentur.  Naraw li fil-Ġenna, flimkien ma' Kristu, Adam il-Ġdid, hemm Hi wkoll, Marija, l-Eva l-ġdida, u dan inissel fina l-faraġ u t-tama fil-pellegrinaġġ ta' hawn isfel.

Il-festa tat-Tlugħ fis-Sema ta' Marija hi sejħa għalina lkoll, speċjalment għal dawk li huma mikdudin minħabba dubji u niket u jgħixu ħajjithom iħarsu 'l isfel, ma jirnexxilhomx jerfgħu ħarsithom 'il fuq.  Inħarsu 'l fuq, is-sema miftuħ: ma jbeżżax, m'għadux imbiegħed, għax fuq l-għatba hemm omm tistenniena u hija ommna.  Tħobbna, titbissmilna u tgħinna bil-ħrara.  Bħal kull omm li trid l-aħjar għal uliedha u tgħidilna: "Intom prezzjużi f'għajnejn Alla; m'intomx magħmulin  għas-sodisfazzjoniet żgħar tad-dinja, imma għall-ħwejjeġ kbar tas-sema".

Iva, għax Alla hu ferħ, mhux dwejjaq.  Alla huwa ferħ.  Inħallu lill-Madonna tmexxina minn idejna.  Kull darba li naqbdu l-kuruna tar-Rużarju f'idejna u nitolbuha nkunu qed nagħmlu pass 'il quddiem lejn l-għan ewlieni tal-ħajja tagħna.

Inħallu s-sbuħija vera tiġbidna lejha, ma nħallux iċ-ċekċik tal-ħajja jixrobna imma nagħżlu l-kobor tas-sema.  Il-Verġni Mqaddsa, Bieb tas-Sema, tgħinna biex kuljum bil-fiduċja u l-ferħ inħarsu 'l hemm, fejn hemm id-dar vera tagħna, fejn tinsab Hi, li bħala omm qed tistenniena.

 

Wara l-Angleus

Għeżież ħuti,

nesprimi l-qrubija tiegħi ml-popolazzjonijiet ta' diversi pajjiżi tal-Asja tan-nofsinhar, li ntaqlu ħażin ħafna mix-xita monsonika.  Nitlob għall-vittmi u għal min kellu jħħalli daru u għal min tifilha.  il-Mulej jagħti l-qawwa li kull min qed jagħti l-għajnuna.

Illum f'Czestochowa, fil-Polonja, hemm miġburin għadd kbir ta' pellegrini biex jiċċelebraw il-festa tal-Verġni Mtella' s-Sema u biex ifakkru ċ-ċentinarju ta' meta reġgħu twaqqfu r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn is-Santa Sede u l-Polonja.  Nibgħat it-tislijiet tiegħi lil kull min hu miġbur f'riġlejn il-Madonna s-Sewda u nħeġġiġhom biex jitolbu għal-Knisja kollha.  U nsellem ukoll lill-Pollakki li jinsabu hawn!

Insellem minn qalbi lilkom, pellegrini Taljani u minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lill-Familja missjunarja Donum Dei, l-Union Segular de San Antonio Maria Claret, il-grupp Venezwelan "Festeros de San Vicente" li ġew minn Valencia bir-roti u liż-żgħażagħ minn Novoli miġburin "f'camping" tal-iskola.

U issa se nitlobkom takkumpanjaw dal-ġest bit-talb: se nbierek għadd kbir ta' kuruni tar-Rużarju li se jintbagħtu lil-ħutna fis-Sirja.  B'inizjattiva tal-Assoċjazzjoni "Għajnuna lill-Knisja fil-Bżonn", is-sorijiet Karmeltiani ta' Betlem dammew sitt elef waħda.  Illum f'dil-festa kbira ta' Marija, jien se nberikom u mbagħad se jitqassmu lill-komunitajiet kattoliċi fis-Sirja bħala sinjal tal-qrubija tiegħi, speċjalment mal-familji li tilfu lil xi ħadd minħabba l-gwerra.   It-talb magħmul bil-fidi hu qawwi!  Inkomplu nitolbu r-Rużarju għall-paċi fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha.

Se nberikom filwaqt li nitolbu l-Ave Maria

Kulħadd irreċita l-Ave Maria

(Tberik tal-kuruni)

U lilkom ilkoll nawguralkom il-festa tal-Assunta t-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber