IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
L-Erbgħa, 15 ta’ Awwissu, 2018

 

Għeżież ħuti,

Fis-solennità tal-lum tal-Assunzjoni tal-Beata Verġni Marija, il-poplu qaddis t’Alla bil-ferħ jesprimi l-qima tiegħu lejn il-Verġni Marija.  Jagħmel dan fil-liturġija komuni u b’elf mod ieħor ta’ devozzjoni; b’hekk isseħħ il-profezija ta’ Marija nfisha: “kull nisel jibda jsejjaħli hienja” (Lq 1, 48).  Għax il-Mulej għolla lill-qaddejja umli tiegħu.  It-tlugħ fis-sema, bir-ruħ u l-ġisem, hu privileġġ divin mogħti lill-Omm Qaddisa ta’ Alla minħabba l-għaqda partikolari tagħha ma’ Ġesù.  Hi għaqda korporali u spiritwali, mibdija fit-Tħabbira u li ssaħħet matul ħajjet Marija kollha bil-parteċipazzjoni unika tagħha fil-misteru tal-Iben.  Marija dejjem kienet tmur ma’ Binha: kienet tmur wara Ġesù u għalhekk aħna ngħidu li kienet l-ewwel dixxiplu.

L-eżistenza tal-Madonna kienet waħda ta’ mara komuni ta’ żmienha: kienet titlob, tieħu ħsieb il-familja u d-dar, kienet tmur is-sinagoga.....  Imma kull azzjoni tal-ħajja ta’ kuljum kienet tagħmilha dejjem f’għaqda sħiħa ma’ Ġesù.  U fuq il-Kalvarju din l-għaqda laħqet il-quċċata tagħha fl-imħabba, fil-kumpassjoni u fit-tbatija tal-qalb.  Għaldaqstant Alla taha sehem sħiħ fil-qawmien ta’ Ġesù wkoll.  Il-ġisem tal-Omm Qaddisa kien ħieles mill-korruzzjoni bħal dak ta’ Binha.

Illum il-Knisja tistedinna nikkuntemplaw dal-misteru: jurina li Alla jrid isalva lill-bniedem sħiħ, jiġifieri ruħ u ġisem.  Ġesù rxoxta bil-ġisem li kien tnissel bih minn Marija; u tela’ ħdejn il-Missier bl-umanità kollha tiegħu trasfigurata.  Bil-ġisem, ġisem bħal tagħna, imma trasfigurat.  L-assunzjoni ta’ Marija, ħlejqa umana, għalina hi konferma ta’ dak li għandu jkun id-destin glorjuż tagħna.  Il-filosfi Griegi kienu diġà fehemu li r-ruħ tal-bniedem hi destinata għall-hena wara l-mewt.  Madankollu huma kienu jiddisprezzaw il-ġisem – meqjus bħala ħabs tar-ruħ – u kienux jimmaġinaw illi Alla kien iddispona li anki l-ġisem tal-bniedem kellu jingħaqad mar-ruħ fil-beatitudni ċelesti.  Ġisimna trasfigurat għad ikun hemm.  Dan – il-qawmien tal-ġisem – hu element tar-rivelazzjoni nisranija, punt kardinali tal-fidi tagħna.

Ir-realtà stupenda tal-Assunzjoni ta’ Marija tikxef u tikkonferma l-għaqda li hemm fil-persuna umana u tfakkarna li aħna msejħin biex inservu u nigglorifikaw lil Alla bl-essri kollu tagħna, ruħ u ġisem.  Li sservi ‘l Alla bil-ġisem biss tkun azzjoni ta’ lsir; li sservih bir-ruħ biss ikun f’kuntrast man-natura umana tagħna.  Wieħed mill-missirijiet il-kbar tal-Knisja, lejn is-sena 220, San Irenew, afferma li “l-glorja t’Alla huwa l-bniedem ħaj, u l-ħajja tal-bniedem tikkonsisti fil-viżjoni ta’ Alla” (Kontra l-ereżiji, IV, 20, 7).  Kieku nkunu għexna hekk, fil-qadi ferrieħ lil Alla, li jkun mistqarr ukoll fil-qadi ġeneruż lill-ħutna, id-destin tagħna fil-jum tal-qawmien mill-imwiet, għandu jkun jixbaħ dak ta’ l-Omm ċelesti tagħna.  Imbagħad inkunu nistgħu nifhmu fis-sħuħija tagħha l-eżortazzjoni tal-Appostlu Pawlu: Agħtu ġieħ lil Alla b’ġisimkom!” (1 Kor, 6, 20), u nigglorifikawh għal dejjem fis-sema.

Nitolbu lil Marija biex bl-interċessjoni materna tagħha, tgħinna ngħejxu l-mixja tagħna ta’ kuljum bit-tama ħawtiela li, ġurnata waħda, inkunu nistgħu naslu ħdejha flimkien mal-qaddisin kollha u l-għeżież tagħna, ilkoll fis-sema.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

lil Marija Faraġ tal-Imnikkta, li llum qed nikkuntemplawha fil-glorja tas-sema, irrid inħallilha f’idejha t-tħassib u t-turmenti ta’ kull min, f’tant inħawi tad-dinja, qed ibati fil-ġisem u fir-ruħ.  Jalla Ommna Ċelesti tagħti lil kulħadd il-faraġ, il-kuraġġ u s-serenità.

Qed naħseb b’mod partikolari f’dawk li huma mikdudin minħabba t-traġedja li seħħet f’Genova lbieraħ, li ħalliet vittmi u konfużjoni fost il-popolazzjoni.  Filwaqt li fl-idejn ħanina ta’ Alla nqiegħed lill-persuni kollha li tilfu ħajithom, nesprimi l-qrubija spiritwali tiegħi lejn il-familjari tagħhom, lejn il-feruti, lejn dawk li kellhom jitilqu minn djarhom u lejn kulll min qed ibati minħabba dil-ġrajja drammatika.  Nistedinkom ilkoll biex tingħaqdu miegħi fit-talb għal-vittmi u għall-għeżież tagħhom: ngħidu flimkien l-Ave Maria.

Insellem lilkom  ilkoll, Rumani u pellegrini minn pajjiżi diversi!  Irroddilkom ħajr tal-preżenza tagħkom u nawguralkom il-festa tal-Assunta t-tajba.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber