ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 15 ta’ Lulju 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (ara Mk 6,7-13) jirrakkuntalna dwar meta  Ġesù bagħat lit-Tnax biex iwettqu l-missjoni tagħhom. Wara li sejħilhom wieħed wieħed b’isimhom “biex jibqgħu miegħu” (Mk 3,14), u wara li kienu semgħu kliemu u rawh ifejjaq, issa mill-ġdid reġa’ sejħilhom “u beda jibgħathom tnejn tnejn” (6,7) fl-irħula fejn kellu jmur hu. Kien speċi ta’ “taħriġ” għal dak li kienu msejħin biex iwettqu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu wara l-Qawmien mill-mewt tal-Mulej.

Is-silta tal-Evanġelju tkellimna fuq l-istil tal-missjunarju, li nistgħu niġbruh f’żewġ punti: il-missjoni għandha ċentru; il-missjoni għandha wiċċ.

Qabel kollox, id-dixxiplu missjunarju għandu ċentru ta’ riferiment, u dan hu Ġesù. Ir-rakkont jindikalna dan meta naraw li Ġesù huwa s-suġġett għal għadd ta’ verbi użati fis-silta:“ hu sejjaħ”, “beda jibgħathom”, “tahom is-setgħa”, “wissiehom”, “qalilhom” (vv. 7.8.10). Naraw li dak li wettqu t-Tnax irradja minn ċentru; fl-azzjoni missjunarja tagħhom kien hemm il-preżenza u l-ħidma ta’ Ġesù. Naraw li l-Appostli ma ħabbru xejn li  kien tagħhom;  ma kellhomx kapaċitajiet  x’juru. Huma kienu jitkellmu u jaġixxu bħala “mibgħuta”, bħala messaġġiera ta’ Ġesù.  

Dan l-episodju tal-Evanġelju mhuwiex  biss għas-saċerdoti, imma għalina wkoll; hu għall-imgħammdin kollha li huma msejħin  biex jagħtu xhieda tal-Evanġelju ta’ Kristu fl-ambjenti differenti tal-ħajja. U  din il-missjoni tkun awtentika biss jekk tibda miċ-ċentru tagħha li ma jinbidilx, li hu Ġesù; u dan hu għalina wkoll. Din mhijiex inizjattiva   ta’ xi individwi, lanqas ta’ gruppi, u lanqas ta’ aggregazzjonijiet kbar, imma hi l-missjoni tal-Knisja, f’għaqda dejjiema mal-Mulej tagħha. Ebda nisrani ma jħabbar l-Evanġelju “bħala xi ħaġa tiegħu”, imma jħabbar għax mibgħut mill-Knisja li rċeviet il-mandat mingħand Kristu stess. Hi l-Magħmudija li tagħmilna missjunarji. Imgħammed li ma jħossx il-ħtieġa li jħabbar l-Evanġelju, li jħabbar lil Ġesù, mhuwiex nisrani tajjeb.

It-tieni karatteristika tal-istil tal-missjunarju hi, biex ngħidu hekk, wiċċ, li jikkonsisti fil-faqar tal-mezzi. It-tagħmir tiegħu jwieġeb għal kriterju ta’ sobrjetà, Filfatt, it-Tnax kienu mwissija biex “ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom” (v.8). L-Imgħallem riedhom ħielsa u ħfief, bla appoġġi u favuri; ċerti biss mill-imħabba ta’ Dak li kien qed jibgħathom, imsaħħa biss minn kelmtu li kienu sejrin iħabbruha. Il-ħatar u l-qorq huma d-dota tal-pellegrini, għax hekk iridu jkunu l-messaġġiera tas-Saltna t’Alla, u mhux managers  bis-setgħa li jagħmlu kollx, lanqas impjegati tal-fis, jew  persuni magħrufa f’xi tournée. Ejjew naħsbu, per eżempju, f’din id-Djoċesi li jien Isqof tagħha. Ejjew naħsbu f’xi qaddisin ta’ din id-Djoċesi ta’ Ruma: San Filippu Neri, San Benedittu Ġużeppi Labre, Sant’ Alessio, Santa Ludovica Albertini, Santa Francesca Romana, San Gaspare Del Bufalo u tant oħrajn. Dawn la kienu impjegati u lanqas imprendituri, imma ħaddiema umli tas-Saltna. Dan kien il-wiċċ li kellhom.  U ma’ dan il-“wiċċ” hemm marbut ukoll il-mod kif ikun milqugħ il-messaġġ:fil-fatt jista’ jiġri li il-messaġġ la jkun milqugħ u lanqas mismugħ (ara v.11). L-esperjenza tal-falliment ukoll hija faqar. Il-ġrajja ta’ Ġesù, li ċaħduh u sallbuh, turina x’jista’ jkun id-destin tal-messaġġiera tiegħu Huwa biss jekk inkunu magħqudin ma’ Ġesù  li miet u rxoxta, li jirnexxilna nsibu l-kuraġġ biex nevanġelizzaw.

Jalla l-Verġni Marija, l-ewwel dixxipla u missjunarja tal-Kelma t’Alla, tgħinna nwasslu l-messaġġ tal-Evanġelju  b’ferħ umli u li jittieħed,  ‘l hemm minn kull ċaħda, nuqqas ta’ ftehim jew tribulazzjoni.

 


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lil kulħadd,  Rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi partijiet tad-dinja: familji, gruppi parrokkjali, għaqdiet.

Insellem b’mod partikulari lis-Sorijiet tad-Demm Prezzjuż li ġew minn Monza, lin-novizzi tal-Ulied Marija Awżiljatriċi li ġew minn pajjiżi differenti, liż-żgħażagħ Pollakki mid-Djoċesi ta’ Pelplin, li qed jieħdu sehem f’kors  ta’ eżerċizzi spiritwali f’Assisi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.

L-ikla t-tajba u arrivederċi!

 


Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard