IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 14  ta' Lulju, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju llum jippreżentalna l-parabbola ċelebri "tas-Sammaritan it-tajjeb" (cfr Lc 10,25-37).  Fuq mistoqsija minn wieħed mid-dutturi tal-Liġi dwar x'inhu meħtieġ biex nirtu l-ħajja ta' dejjem, Ġesù jistiednu  biex ifittex it-tweġiba fl-Iskrittura u jgħid: "Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b'qalbek kollha u b'ruħek kollha, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek" (v. 27).  Iżda kienu jeżistu diversi interpretazzjonijiet dwar min kellu jkun meqjus bħala "proxxmu".  Infatti dak ir-raġel jistaqsi mill-ġdid: "U min hu l-porxxmu tiegħi?" (v. 29).  F'dal-punt Ġesù jwieġeb b'parabbola, dil-parabbola sabiħa: nistedinkom ilkoll taqbdu  f'idejkom il-Vanġelu tal-lum,  il-Vanġelu ta' Luqa, kapitlu għaxra, vers 25.  Hi waħda mill-isbaħ parabboli tal-Evanġelju.  U dil-parabbola saret il-mudell tal-ħajja nisranija.  Saret il-mudell ta' kif għandu jġb ruħu n-nisrani.  Grazzi għall-evanġellista Luqa, għandna dan it-teżor.

Il-protagonista ta' dar-rakkont qasir huwa Sammaritan, li fit-triq jiltaqa' ma' raġel li safa misruq u msawwat mill-ħallelin, u jieħu ħsiebu.  Nafu li lis-Sammaritani l-Lhud kienu jittrattawhom b'disprezz u kienu jqisuhom għorba tal-poplu l-magħżul.  Għalhekk  mhix kumbinazzjoni li Ġesù  għażel propju Sammaritan bħala l-persunaġġ pożittiv tal-parabbola.  B'dal-mod Hu ried jegħleb il-preġudizzju, u juri li stranġier, anki jekk bniedem li ma jafx lil veru Alla u ma jmurx fit-tempju tiegħu, għandu ħila jġib ruħu skont ir-rieda tiegħu (ta' Alla), u jħoss ħniena għal ħuh fil-bżonn u jgħinu bill-meżżi kollha li kellu.

F'dik it-triq, qabel is-Sammaritan, kienu ġà għaddew saċerdot u levita, jiġifieri persuni dedikati għall-kult ta' Alla.  Imma, meta raw lil dak l-imsejken mal-art, baqgħu għaddejjin, probabbilment biex ma jitniġġsux bid-demm.  Għażlu r-regola umana - dik li ma titniġġisx bid-demm - marbuta mal-kult, minflok il-kmandament il-kbir ta' Alla li qabel kollox irid il-ħniena.

Għalhekk Ġesù jipproponi lis-Sammaritan bħala mudell, propju bniedem li ma kellux fidi!  Naħsbu aħna wkoll f'tant nies li nafuhom, forsi anjostiċi, li jagħmlu l-ġid.  Ġesù jagħżel wieħed li ma kienx bniedem ta' fidi bħala mudell.  U dal-bniedem li ħabb 'il ħuh bħalu nnifsu, juri li  jħobb lil Alla b'qalbu kollha u bil-forzi tiegħu kollha - dak Alla li hu ma kienx jafu! -, u fl-istess waqt jesprimi reliġjożità vera u umanità sħiħa.

Wara li rrakkonta dil-parabbola tant sabiħa, Ġesù jerġa' jdur lejn id-duttur tal-Liġi li kien staqsih "Min hu l-proxxmu?", u jgħidlu: "Min dawn, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta' proxxmu ma' dak li waqa' f'idejn il-ħallelin?" (v. 36).   B'dal-mod Hu qed jaqleb ta' taħt fuq il-mistoqsija ta' dak ir-raġel, u anki l-loġika tagħna lkoll.  Qed ifehemna li mhux aħna, skont il-kriterji tagħna, niddeċiedu min hu l-proxxmu u min mhux,  iżda hija l-persuna li tinsab fil-bżonn li għandha tagħraf min hu l-proxxmu tagħha, jiġifieri, "min ġietu ħniena minnu" (v. 37).  Il-ħila li jkollna kumpassjoni: dan hu l-qofol.  Dan hu l-muftiħ tagħna.  jekk quddiem persuna fil-bżonn inti ma tħossx ħniena, jekk qalbek ma titqanqalx, ifisser li hemm xi ħaġa li mhix sewwa.  Oqgħod attent, noqgħodu attenti.  Ma nħallux l-insensibbiltà egoistika tkaxkarna.  Il-ħila tal-kumpassjoni saret il-ġebla tax-xewka tan-nisrani, anzi tat-tagħlim ta' Ġesù.  Ġesù nnifsu hu l-ħniena tal-Missier magħna.  Jekk tgħaddi mit-triq u tara bniedem bla saqaf mixħut hemm u tibqa' għaddej bla ma tħares lejh jew taħseb bejnek u bejn ruħek: "Effett tal-inbid.  Dak sakranazz", tistaqsix lilek innifsek jekk dak hux fis-sakra, staqsi lilek innifsek jekk qalbek twebbsitx, jekk qalbek saritx tas-silġ.  Dil-konklużjoni turi li l-ħniena lejn ħajja umana li tinsab fil-bżonn hi l-veru wiċċ tal-imħabba.  B'hekk insiru veri dixxipli ta' Ġesù u b'hekk jintwera l-wiċċ tal-Missier: "Ħennu bħalma hu ħanin magħkom il-Missier" (Lq 6,36).  U Alla Missierna hu ħanin, għax iħoss kumpassjoni; għandu ħila jħoss dil-kumpassjoni, li joqrob lejn it-tbatija tagħna, lejn dnubna, lejn il-vizzjijiet tagħna, lejn il-miżerji tagħna.

Il-Verġni Marija tgħinna nifhmu u, fuq kollox, ngħixu dejjem aħjar ir-rabta li ma tinħallx li hemm bejn l-imħabba t'Alla Missierna u l-imħabba konkreta u ġeneruża lejn ħutna, u ttina l-grazzja li nħossu kumpassjoni u li din tikber fina.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Irrid mill-ġdid nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-maħbub poplu Venezwelan, li hu mikdud b'mod partikolari minħabba l-kriżi li m'hemmx li tieqaf.  Nitolbu lill-Mulej biex inebbaħ u jdawwal lill-partijiet sabiex bla dewmien jaslu għal ftehim li jġib fi tmiemhom it-tbatijiet tan-nies għall-ġid tal-pajjiż u tar-reġjun kollu.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet.

Irrid insellem b'mod partikolari liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta' Pamplona y Tuleda, lil dawk li jinsabu fil-kors ta' formazzjoni mniedi mir-"Regnum Christi", lis-Sorijiet tal-Familja Mqaddsa ta' Nażaret li qed jiltaqgħu għall-kapitlu ġenerali, u lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma minn Bolgare (Bergamo).

Nagħti tislima minn qalbi lill-fidilli Pollakki, lilkom (juri lill-fidili fil-pjazza) u lil dawk li qed jieħdu sehem fil-Pellegrinaġġ Annwali ta' Radju Marija fis-Santwarju ta' Czestochowa.  Insellmu lkoll lill-pellegrini Pollakki.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber