Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb !

Il-qari mill-Bibbja ta’ dan il-Ħadd, festa tas-Santissma Trinità, jgħinna nidħlu fil-misteru tal-identità ta’ Alla.  It-tieni qari jtina l-kliem ta’ merħba li San Pawl jindirizza lill-komunità ta’ Korintu: «Il-grazzja  ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba t’Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, tkun magħkom ilkoll» (2 Kor 13,13).  Dil-“barka” – biex insejħulha hekk - tal-Appostlu, hi frott tal-esperjenza personali tiegħu tal-imħabba t’Alla, dik l-imħabba rivelata lilu minn Kristu Rxoxt,  li bidlitlu ħajtu u “mbuttatu” biex iwassal l-Evanġelju lill-ġnus.  Ibda minn din l-esperjenza ta’ grazzja li kellu, Pawlu jista’ jeżorta lill-Insara b’dal-kliem, «Kunu ferħana, ilħqu l-perfezzjoni, għamlu l-qalb lil xulxin, (.....) għejxu fis-sliem».  Il-komunità Nisranija, minkejja l-limiti umani, tista’ ssir mera tal-komunjoni tat-Trinità, tat-tjubija tagħha, ta’ sbuħitha.  Imma dan – kif jixhed l-istess Pawlu – bilfors irid jgħaddi mill-esperjenza tal-ħniena t’Alla, tal-maħfra tiegħu.

Dan hu dak li jiġri lill-Lhud fil-mixja lejn l-eżodu.  Meta l-poplu kiser il-patt, Alla deher lil Mosè fis-sħaba biex iġedded dal-patt, u ħabbar ismu u t-tifsir tiegħu.  B’hekk jgħid: «Il-Mulej, Alla tal-ħniena u maħfra, tqil biex jgħadab u għani fl-imħabba u l-fedeltà» (Eż 34,6).  Dan l-isem juri li Alla ma jinsabx ‘il bogħod u magħluq fih innifsu, imma huwa Ħajja li trid titwassal, huwa ftuħ, hu mħabba li tifdi lill-bniedem mill-infedeltà.  Alla hu “ħanin”, “jaħfer” u “għani fl-imħabba” għax joffri lilu nnifsu lilna biex jimla l-vojt tal-limitazzjonijiet tagħna u tan-nuqqasijiet tagħna, biex jaħfrilna l-iżbalji tagħna, biex ireġġgħana lura lejn it-triq tal-ġustizzja u tal-verità.  Dir-rivelazzjoni ta’ Alla waslet fil-milja tagħha fit-Testment il-Ġdid bis-saħħa tal-kelma ta’ Kristu u l-missjoni tas-salvazzjoni tiegħu.  Ġesù wriena l-wiċċ ta’ Alla, Wieħed fis-sustanza u Tlieta fil-persuni; Alla huwa kollox u huwa biss imħabba, f’relazzjoni ħajja li taħlaq kollox, tifdi u tqaddes: Missier, Iben u Spirtu s-Santu.

U l-Evanġelju tal-lum “idaħħal fix-xena” lil Nikodemu, li minkejja li kien jokkupa post importanti fil-komunià reliġjuża u ċivili ta’ żmienu, qatt ma heda jfittex lil Alla.  Ma kienx ħaseb: “Wasalt”, qatt ma waqaf ifittex ‘l Alla: u issa sama’ l-eku ta’ leħnu f’Ġesù.  Fid-djalogu li seħħ billejl man-Nażżarenu, Nikodemu fl-aħħar jifhem li Alla diġà qed ifittxu u jistennih, li jħobbu personalment.  Alla dejjem ifittixna qabel ma nfittxuh aħna, jistenniena minn qabel, iħobbna minn qabel.  Hu bħall-fjura tal-lewża; hekk jgħid il-Profeta: “Iwarrad qabel” (cfr Ġer 1, 11-12).  Infatti hekk ikellmu Ġesù: «Alla tant ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem» (Ġw 3,16).  X’inhi dil-ħajja ta’ dejjem?  Hi l-imħabba bla qies u gratwita tal-Missier li Ġesù ta fuq is-salib billi offra ħajtu għas-salvazzjoni tagħna.  U din l-imħabba, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu tifrex is-sħana ta’ dan id-dawl ġdid, fuq l-art u f’kull qalb umana li tilqgħu; dawl li jikxef l-irkejjen mudlama, l-ebusija, li ma jħalluniex nagħmlu l-frott tajjeb tal-karità u tal-ħniena.

Tgħinna  l-Verġni Marija biex nidħlu dejjem aktar, bis-saħħa tagħna kollha, fil-komunjoni Trinitarja, sabiex ngħixu u nkunu xhieda tal-imħabba li tagħti sens lill-eżistenza tagħna.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ f’La Spezia ġiet dikjarata Beata, Itala Mela.  Hi kibret f’familja bogħod mill-fidi u f’żgħożitha kienet tistqarr li hi atea, iżda kkonvertiet wara li kellha esperjenza spiritwali qawwija.  Kienet tħadem qalb l-istudenti universitarji Kattoliċi; wara saret Oblata Benedittina u għaddiet ħajja mistika ċċentrata fuq il-misteru tas-Santissma Trinità, li llum qed niċċelebraw b’mod speċjali.  Ix-xhieda tal-Beata l-ġdida tkun ta’ kuraġġ għalina fil-jiem tagħna, biex spiss indawru ħsiebna lejn Alla Missier, Iben u Spirtu s-Santu li jgħixu fiċ-ċella ta’ qalbna.

Insellem lilkom ilkoll, għeżież Rumani u pellegrini: gruppi parrokkjali, familji, assoċjazzjonijiet.  B’mod partikolari rrid insellem lill-fidili li ġew minn Montpellier, minn Corsica, minn Malta; u, mill-Italja, lill-fidili minn Padova u minn Norbello u lill-adoloxxenti minn Sassuolo.

Ħsieb speċjali jmur lejn il-komunità Bolivjana li tgħix f’Ruma u li qed tiffesteġġja lill-Verġni ta’ Copacabana

U lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber