L-Erbatax-il Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna evanġelika tal-lum (cfr Mk 6,1-6). tippreżenta lil Ġesù li jmur lura lejn Nazaret u fil-jum tas-Sibt imur fis-sinagoga biex jgħallem.  Minn mindu kien telaq kien beda jipprietka fil-villaġġi tal-madwar u qatt ma kien reġa’ lura lejn pajjiżu.  Issa ġie lura.  Għalhekk probabbilment kien hemm il-villaġġ kollu biex jisma’ lil dan il-bin il-poplu, li l-fama tiegħu ta’ mgħallem għaref u bniedem li jfejjaq bil-qawwa tiegħu issa kienet xterdet sew madwar il-Galileja u lil hinn minnha.  Imma dak li kien jidher li seta’ kien suċċess, inbidel f’rifjut idamdam, sal-punt li Ġesù mank seta’ jagħmel ebda miraklu, imma biss xi ftit fejqan  (cfr v. 5).  Id-dinamika ta’ dik il-ġurnata hi mibnija bid-dettal mill-evanġelista Marku: in-nies ta’ Nazaret, l-ewwel tisma’ u tibqa’ mistgħaġba: imbagħad tibda tistaqsi mħawwda: “mi mnejn ġej dan kollu?, dan l-għerf?”; u fl-aħħar jiskandaliżżaw ruħhom xħin jagħrfu fih il-mastrudaxxa, iben Marija, li huma rawha tikber (vv. 2-3).  Għalhekk Ġesù jtemm bl-espressjoni li saret proverbjali: “Ebda profeta m’hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess” (v. 4).

Nistaqsu: kif kien li n-nies minn fejn kien ġej Ġesù jgħaddu mill-istagħġib għall-inkredulità?  Huma jagħmlu paragun bejn l-oriġini umli ta’ Ġesù u l-ħiliet ta’ issa: hu mastrudaxxa, ma studjax, madankollu jipprietka aħjar mill-iskribi u jagħmel il-mirakli.  U minflok infetħu għar-realtà, skandaliżżaw ruħhom.  Skont l-abitanti ta’ Nazaret, Alla hu wisq kbir biex jitbaxxa u jitkellem permezz ta’ bniedem daqstant sempliċi!  Huwa l-iskandlu tal-inkarnazzjoni: il-ġrajja li tħawdek ta’ Alla li sar laħam, li jaħseb bil-moħħ ta’ bniedem, jaħdem u jaġixxi bl-idejn tal-bniedem, iħobb bil-qalb ta’ bniedem, Alla li jistinka, jiekol u jorqod bħal wieħed minna.  L-Iben  t’Alla jaqleb ta’ taħt fuq kull pjan uman: mhux id-dixxipli li jaħslu riġlejn il-Mulej, iżda hu l-Mulej li jaħsel riġlejn id-dixxipli (cfr Gw 13, 1-20).  Din hi r-raġuni tal-iskandlu u l-inkredulità mhux biss ta’ dak iż-żmien , imma ta’ kull żmien, illum ukoll.

It-taqlib li wettaq Ġesù jimpenja lid-dixxipli tiegħu tal-bieraħ u tal-lum biex jagħmlu “check-up” personali u komunitarja.  Matul jiemna wkoll jista’ jiġri li jbejtu fina preġudizzji li ma jħalluniex nifhmu r-realtà.  Imma l-Mulej jistedinna biex ikollna atteġjament ta’ smigħ umli u stennija doċli, għax il-grazzja t’Alla spiss tippreżenta ruħha b’manjieri sorprendenti, li ma jaqblux mal-istennija tagħna.  Naħsbu ftit f’Madre Tereża ta’ Kalkutta, per eżempju.  Soru ċkjekna ħadd ma kien jagħti ħabba għaliha – li tterraq it-toroq biex tfittex lill-moribondi ħalli ttihom mewta dinjituża.  Din is-sorellina mkittfa bit-talb u l-azzjoni tagħha għamlet il-meravilji!  Iċ-ċokon ta’ mara għamel rivoluzzjoni fl-operat tal-karità fil-Knisja.  Hi eżempju ta’ jiemna.  Alla ma jaddattax ruħu għall-preġudizzji tagħna.  Jeħtieġ nagħmlu sforz biex niftħu qlubna u moħħna sabiex nilqgħu ir-realtà divina li tiġi tiltaqa’ magħna.  Ifisser li jkollna l-fidi: in-nuqqas tal-fidi hu ostaklu għall-grazzja t’Alla.  Ħafna mgħammdin jgħejxu qiesu Kristu ma jeżistix: itennu l-ġesti u s-sinjali tal-fidi, imma ma dawn m’hemmx marbuta dik ir-rabta speċjali mal-persuna ta’ Ġesù u l-Evanġelju tiegħu.  Kull nisrani – aħna lkoll – hu msejjaħ biex jidħol fil-fond ta’ din l-appartenenza fundamentali, u jfittex li jagħti xhieda tagħha bi stil ta’ ħajja koerenti, li ċ-ċentru tagħha dejjem se tibqa’ l-karità.

Bl-interċessjni tal-Verġni Marija nitolbu lill-Mulej li jħoll l-għebusija tal-qlub u d-djuq tal-imħuħ, ħalli nkunu miftuħin għall-grazzja tiegħu, għall-verità tiegħu u għall-missjoni ta’ tjubija u ħniena, li tkun miftuħa għal kulħadd mingħajr ħadd eskluż.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ, f’Bari, flimkien mal-Patrijarki tal-Lvant Nofsani u r-Rappreżentanti tagħhom għexna ġurnata speċjali ta’ talb u riflessjoni għall-paċi f’dak ir-reġjun.  Niżżi ħajr ‘l Alla għal dil-laqgħa, li kienet sinjal ta’ tifsir kbir ta’ għaqda bejn l-insara, u rajt ukoll il-parteċipazzjoni mimlija entużjażmu tal-poplu t’Alla.  Irrodd ħajr mill-ġdid lil Ħuti, kapijiet tal-Knejjes, u lil kull min kien jirrappreżentahom; bqajt edifikat bl-atteġġjament tagħhom u x-xhieda li taw.  Irrod ħajr lill-Arċisqof ta’ Bari, ħija u qaddej umli, lill-kollaboraturi u lill-fidili kollha li akkumpanjaw u sostnewna bit-talb u l-preżenza ferrieħa tagħhom.

Illum hu l-Ħadd tal-Baħar, iddedikat lill-baħrin u lis-sajjiedfa.  Nitlob għalihom u għall-familji tagħhom, kif ukoll għall-kappillani u għall-volontarji tal-Appostolat tal-Baħar.  Ħsieb partikolari jmur lejn dawk li jgħejxu f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol bla ġieħ fuq il-baħar; kif ukoll għal dawk kollha li jimpenjaw ruħhom biex jeħilsu lill-ibħra mit-tinġiż.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini!  Insellem lill-fidili ġejjin mill-Polonja bi ħsieb speċjali għall-parteċipanti tal-pellegrinaġġ kbir annwali tal-familja ta’ Radju Marija lejn is-Santwarju ta’ Częstochowa.  Insellem liż-żgħażagħ ministranti mill-Filippini u lill-familjari tagħhom; liż-żgħażagħ minn Padova, lill-grupp tal-istudenti u għalliema minn Brescia u lill-iscouts minn Pont-Saint-Martin, Val d’Aosta.  U qed nara bnadar Brażiljani... Insellem lill-Brażiljani ... u kuraġġ!  Terġa’ tkun darb’oħra.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber