IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 7 ta’  Ottubru,  2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mk 10,2-16) itina kliem Ġesù dwar iż-żwieġ.  Ir-rakkont jiftaħ bil-provokazzjoni tal-fariżej li jistaqsu li Ġesù jekk hux sew li raġel jibgħat lil martu, kif kienet tgħid il-liġi ta’ Mosè (cfr vv. 2-4).  Qabel xejn, bl-għerf u l-awtorità mogħtijin lilu mill-Missier, Ġesù jirrofta r-regola ta’ Mosè u jgħid: “minħabba l-għebusija ta’ raskom hu – jiġifieri l-leġiżlatur l-antik – kitbilkom din l-ordni” (v. 5).  Ifisser li hi konċessjoni li tiswa biex tirmedja d-difetti maħluqin mill-egoiżmu tagħkom, iżda ma taqbilx mal-ħsieb oriġinarju tal-Ħallieq.

U hawnhekk Ġesù jikkowta l-Ktieb tal-Ġenesi: “Sa mill-bidu tal-ħolqien (Alla) għamilhom raġel u mara; għalhekk mela, r-raġel iħalli lil missieru u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed” (vv. 6-7).  U jtemm: “Mela dak li għaqqad Alla ma jistax jifirdu l-bniedem” (v. 9).  Fil-proġett oriġinarju tal-Ħallieq m’hemmx li r-raġel jiżżewweġ mara u, jekk l-affarijiet ma jaħdmux, jibgħatha.  Le.  Minflok, hemm ir-raġel u l-mara bis-sejħa li jagħrfu lil xulxin, jikkumplimentaw lil xulxin, jgħinu lil xulxin fiż-żwieġ.

Dan it-tagħlim ta’ Ġesù hu ċar ħafna u jiddefendi d-dinjità taż-żwieġ bħala għaqda li timplika l-fedeltà.  Dak li jippermetti lill-miżżewġin li jibqgħu magħqudinvfiż-żwieġ huwa mħabba ta’ għotja reċiproka mirfuda mill-grazzja ta’ Kristu.  Jekk, minflok, bejn il-miżżewġin jiddomina l-interess individwali, is-sodisfazzjon personali, allura l-għaqda ta’ bejniethom ma tkunx tista’ tibqa’ wieqfa.

U hija l-istess paġna tal-Evanġelju li, b’realiżmu kbir, tfakkarna li r-raġel u l-mara, imsejħin biex jgħejxu l-esperjenza tar-relazzjoni u tal-imħabba, jistgħu b’niket, jagħmlu huma stess ġesti li jqegħduha fi kriżi.  Ġesù ma jaċċettax dak kollu li jista’ jwassal għan-nawfraġju tar-relazzjoni.  Jagħmel dan biex jikkonferma l-pjan t’Alla, li fih jispikkaw il-qawwa u s-sbuħija tar-relazzjoni umana.  Min-naħa, il-Knisja qatt ma tgħeja tikkonferma s-sbuħija tal-familja kif ġiet mogħtija  lilna mill-Iskrittura u mit-Tradizzjoni; fl-istess waqt, tagħmel ħilitha biex b’mod konkret, tara li  bil-maternità tagħha tkun qrib ta’ min qed jgħejx l-esperjenza tar-relazzjoni mkissra jew li għadha għaddejja bit-tbatija u l-kumplikazzjonijiet.

Il-mod kif Alla nnnifsu jġib ruħu mal-poplu infidil tiegħu – jiġifieri aħna – jgħallimna li l-imħabba miġrugħa tista’ tifejjaq minn Alla bil-ħniena u l-maħfra.  Għalhekk, f’dawn is-sitwazzjonijiet, mill-Knisja mhux mistennija minnufih u biss il-kundanna.  Bil-maqlub, quddiem tant fallimenti konjugali ta’ niket, hi tħoss is-sejħa li tgħejx il-preżenza ta’ mħabba, ta’ karità u ta’ ħniena tagħha, biex treġġa’ lura lejn Alla l-qlub miġrugħin u mitlufin.

Nitolbu lill-Verġni Marija sabiex tgħin lill-miżżewġin jgħejxu u jġeddu dejjem l-għaqda ta’ benjiethom ibda mid-don oriġinarju ta’ Alla.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Illum, festa tal-Madonna tar-Rużarju, insellem b’mod speċjali lill-fidili miġburin fis-Santwarju ta’ Pompej għas-Supplika tradizzjonali, li f’din l-okkażjoni hija presjeduta mill-Kardinal Mario Zenari, in-Nunzju Appostoliku fis-Sirja.  Inġedded l-istedina biex matul ix-xahar ta’ Ottubru ngħidu r-Rużarju kuljum u ntemmuh bl-anitfona “Taħt il-mant tiegħek nistkennu” u t-talba lil San Mikiel Arkanġlu biex iwarrab minna l-attakki tad-demonju li jrid jifred ‘il-Knisja.

Nhar is-Sibt li ġej f’Ruma se jsir l-ewwel Jum tal-Katakombi.  Ħafna minn dawn il-postijiet se jkun miftuħin għall-pubbliku, u fihom se jkun hemm laboratorji ta’ tagħlim u avvenimenti kulturali.  Irrodd ħajr lill-Kummissjoni Pontifiċja tal-Arkeoloġija Sagra għal din l-inizjattiva u nawgura li tkun suċċess.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini, l-aktar il-familji u l-gruppi parrokkjali ġejjin mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja.  Insellem lill-pellegrini Greco/Kattoliċi mis-Slovakkja, lill-fidili minn Poznan (il-Polonja) u minn Fortaleza (il-Brażil); lin-nanniet minn Malta u lill-istudenti minn Neuilly (Franza); u lis-Sorijiet ta’ San Pawl ta’ Chartres li ġejjin mill-Awstralja.

Insellem lill-pellegrinaġġ imniedi mill-Missjunarji tal-Qlub Imqaddsa ta’ Ġesù u Marija, lill-kor “Calliope” minn Gussano (Brescia), liż-żgħażagħ “Gioventù Studentesca” mir-reġjun ta Lazio u lill-fidili minn Abbiategrasso.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber