IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 6 ta' Ottubru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 17,5-10) tippreżentalna t-tema tal-fidi fuq it-talba li jagħmlu d-dixxipli: "Kabbar fina l-fidi!" (v. 6).  Talba sabiħa, li għandha ntennu bosta drabi matul il-ġurnata: "Mulej, kabbar fija l-fidi!".  Ġesù jwieġeb b'żewġ tixbihat: iż-żerriegħa tal-mustarda u l-qaddej fidil.  "Kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-mustarda kontu tgħidu lil dis-siġra tat-tut: "Inqala' u mur tħawwel fil-baħar, u kienet todbikom" (v. 6).  Is-siġra tat-tut hi siġra b'saħħitha, b'għeruq sodi taħt l-art u tiflaħ għar-riħ.  Għalhekk Ġesù jrid ifiehem li anki jekk ċkejkna, il-fidi jista' jkollha l-qawwa li taqla' minn għeruqha saħansitra s-siġra tat-tut.  U mbagħad, biex tmur titħawwel fil-baħar, ħaġa ferm aktar improbabbli: imma għal min għandu l-fidi xejn ma hu impossibbli, għax ma jistrieħx fuq il-qawwa tiegħu, imma jafda f'Alla, li jista' kollox.

Il-fidi mqabbla maż-żerriegħa tal-mustarda mhix fidi supperva u li torbot fuqha nfisha; ma tagħmilx tabirruħha li hi ta' xi ħadd bi twemmin kbir imma li xi kultant jaqta' figura miskina!  Hija fidi li fl-umiltà tagħha tħoss ħtieġa kbira ta' Alla u fiċ-ċokon tagħha tintelaq b'fiduċja sħiħa f'idejh.  Hija fidi li ttina l-ħila nħarsu lejn il-ġrajjiet li jalternaw fil-ħajja, bit-tama, li tgħinna naċċettaw anki t-telf, it-tbatijiet, bl-għarfien li l-ħażin la qatt għandu u lanqas qatt jista' jkollu l-aħħar kelma.

Kif nistgħu nifhmu jekk verament għandniex il-fidi, jew aħjar, jekk il-fidi tagħna, minkejja ċ-ċokon tagħha, hix ġenwina, safja, sinċiera?  Jispjegahulna Ġesù meta jurina liema hu l-qies tal-fidi: il-qadi.  Jagħmel dan b'parabbola li ftit jew wisq tħawwadna, għax tippreżentalna l-figura ta' sid prepotenti u indifferenti.  Imma propju din l-imġieba tas-sid titfa' dawl fuq il-veru tifsira tal-parabbola, jiġifieri l-atteġġjament tal-qaddej li jkun disponibbli.  Ġesù jrid jgħidilna li hekk għandu jkun il-bniedem ta' fidi quddiem Alla: jintelaq għal kollox għar-rieda tiegħu, mingħajr kalkoli jew pretensjonijiet.

Imġieba bħal din lejn Alla tidher ukoll bil-mod tal-imġieba fil-komunità: tidher fil-ferħ li nkunu ta' servizz għal xulxin, u li dan ikun il-ħlas tas-servizz tagħna, mhux it-tifħir u l-qligħ li nistgħu niksbu minnu.  Dan hu dak li jgħallem Ġesù fi tmiem dar-rakkont: "Meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”(v.10).

Qaddejja li ma niswew għal xejn, bla pretensjonijiet li niksbu r-radd il-ħajr, bla ma nippretendu xejn lura.  "Aħna qaddejja ma niswew għal xejn" hija espressjoni ta' umiltà, disponibbiltà li minna l-Knisja tikseb tant ġid u tfakkarna liema hu l-atteġġjament li għandu jkollna biex naħdmu fiha: is-servizz umli, li tiegħu tana l-eżempju Ġesù meta ħasel; riġlejn id-dixxipli (cfr Ġw 13, 3-17).

Il-Verġni Marija, mara ta' fidi, tgħinna nimxu f'dit-triq.  Induru lejha llum, vġili tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju, f'komunjoni mal-fidili miġburin f'Pompei għas-Supplika tradizzjonali.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Ftit ħin ilu, fil-Bażilika ta' San Pietru ntemmet iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika li biha tajna bidu għall-Assemblea Speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet għar-Reġjun Panamażżoniku.  Għal tliet ġimgħat il-Padri sinodali, miġburin madwar is-Suċċessur ta' Pietru, se jkunu jirriflettu dwar il-missjoni tal-Knisja fl-Amażżonja, dwar l-evanġeliżżazzjoni u l-promozzjoni ta' ekoloġija integrali.  Nitlobkom takkumpanjaw dan l-avveniment ekkleżjali bit-talb, sabiex ngħixuh f'komunjoni fraterna u bid-doċilità lejn l-Ispirtu s-Santu, li dejjem jurina t-toroq biex inkunu xhieda tal-Evanġelju.

Nirringrazzja lilkom ilkoll pellegrini li ġejtu f'għadd kbir mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem lill-fidili minn Heidelberg, il-Ġermanja u minn Rozlazino, il-Polonja; lill-istudenti minn Dillingen, ukoll fil-Ġermanja, u lil dawk tal-Istitut Sant'Alfonso minn Bella Vista, l-Arġentina.

Insellem lill-grupp minn Fara Vicentino u Zugliano, lill-familji minn Alta Val Tidone, lill-pellegrini mill-Castelli Romani li għamlu mixja għall-paċi u lil dawk minn Camisano Vicentino li ġew tul it-triq "Francigena" bħala inizjattiva għas-solidarjetà.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber