IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd, 4 ta’ Novembru,  2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-qalba tal-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mk 12,28b-34) hemm il-kmandament tal-imħabba: imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.  Wieħed mill-iskribi jistaqsi lil Ġesù: “Liema hu l-akbar fost il-kmandamenti?” (v.28).  Hu jwieġeb billi jikkowta dik l-istqarrija tal-fidi li biha kull Għebrew jiftaħ u jagħlaq jumu li tibda bil-kliem: “Isma’, Iżrael!  Alla tagħna l-Mulej, Alla waħdu” (Dewt 6,4).  B’dal-mod Iżrael iħares il-fidi tiegħu fir-realtà fundamentali tat-twemmin kollu tiegħu: jeżisti Mulej wieħed u dak il-Mulej hu “tagħna” fis-sens li hu marbut magħna b’patt li ma jinħallx, ħabbna, iħobbna u se jibqa’ jħobbna għal dejjem.  Huwa minn din l-għajn, minn din l-imħabba t’Alla, li jitnissel lilna dal-kmandament doppju: “Inti għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha...... Ħobb li għajrek bħalek innifsek (vv.30-31).

Bl-għażla ta’ dawn iż-żewġ Kelmiet li Alla jindirizza lill-poplu tiegħu, imqegħedin flimkien, Ġesù għallem darba għal dejjem li l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu ma jistgħux jinfirdu, anzi, aktar minn hekk, iwieżnu waħda lill-oħra.  Minkejja li jissemmew waħda wara l-oħra, huma żewġ uċuh ta’ munita waħda: mgħejxin flimkien huma l-vera qawwa ta’ min jemmen!  Li tħobb ‘l Alla jfisser li tgħejx bih u għalih, għal dak li hu, għal dak li jagħmel.  U Alla tagħna hu għotja bla riservi, hu maħfra mingħajr limiti, hu relazzjoni li tmexxi ‘l quddiem u tkabbar.  Għalhekk li tħobb ‘l Alla jfisser  li kuljum int tinvesti l-enerġiji tiegħek biex tkun kollaboratur bil-qadi mingħajr riservi tal-proxxmu tagħna, tfittex li taħfer mingħajr limiti u li tikkultiva relazzjonijiet ta’ komunjoni u fraternità.

L-evanġeista Marku ma joqgħodx ifettaq dwar min  hu l-proxxmu, għax il-proxxmu hu l-persuna li tiltaqa’ magħna fit-triq, fil-jiem tagħna.  Mhix kwistjoni li jien noqgħod nagħżel minn qabel min hu l-proxxmu: dan mhux nisrani, huwa (atteġġjament) pagan; imma jfisser li jkollok għajnejk miftuħin biex tarah u qalb li tridlu l-ġid.  Jekk aħna nitħarrġu biex naraw bl-għajnejn ta’ Ġesù, dejjem nintasbu qrib u nisimgħu lil min hu fil-bżonn.  Il-ħtiġijiet tal-proxxmu żgur jeħtieġu tweġibiet effikaċi, imma qabel kollox jtolbu li naqsmuhom magħhom.  B’tixbiha nistgħu ngħidu li l-imġewwaħ m’għandux bżonn biss ta’ platt minestra, iżda wkoll ta’ tbissima, li jkun mismugħ u anki bżonn xi talba, forsi wkoll flimkien.  L-Evanġelju tal-lum jistedinna lkoll mhux biss biex nintefgħu naqdu l-ħtiġijiet urġenti ta’ ħutna l-aktar foqra, imma fuq kollox, biex niftħu għajnejna għall-ħtieġa tagħhom li jkollom qrubija fraterna, sens fil-ħajja, tenerezza.  Din hi l-għajta, il-mistoqsija li jagħmlu lilna, komunitajiet insara: ifisser li nevitaw ir-riskju li nkunu komunità ta’ ħafna inizjattivi imma ftit realzzjonijiet; ir-riskju li nkunu komunità “service station”, li ftit toffri kumpanija fis-sens sħih u nisrani ta’ din il-kelma.

Alla, li huwa mħabba, ħalaqna għall-imħabba u biex inkunu nistgħu nħobbu lill-oħrajn aħna u nibqgħu magħqudin miegħu.  Tkun illużjoni li nippretendu li nħobbu lill-proxxmu mingħajr ma nħobbu ‘l Alla; tkun daqstant illużjoni li nippretendu li nħobbu ‘l Alla bla ma nħobbu lill-proxxmu.  Iż-żewġ dimensjonijiet tal-imħabba, lejn Alla u lejn il-proxxmu, fir-rabta ta’ bejniethom, huma l-karatteristika tad-dixxiplu ta’ Kristu.  Il-Verġni Marija tgħinna nilqgħu u nagħtu xhieda ta’ dan it-tagħlim imdawwal, fil-ħajja ta’ kuljum.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nesprimi s-sogħba tiegħi minħabba l-attentat terroristiku li jumejn ilu laqat lill-Knisja Kopto-Ortodossa tal-Eġittu.  Nitlob għall-vittmi, pellegrini maqtula għal fatt waħdieni li huma nsara, u nitlob lil Marija Santissma biex tfarraġ lill-familji u l-komunità kollha kemm hi.  Nitolbu flimkien lill-Madonna: Sliem għalik, Marija…….

Ilbieraħ, fil-Bażilika ta’ San Giovanni in Laterano kienet iddikjarata Beata, Madre Clelia Merloni, fundatriċi tas-Sorijiet Appostli tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.  Mara li ntelqet  kollha kemm hi għar-rieda t’Alla, ħabrieka fil-karità, paċenzjuża fil-kuntrarju u erojka fil-maħfra.  Niżżu ħajr ‘l Alla għax-xhieda evanġelika mdawla tal-Beata l-ġdida u nimxu fuq l-eżempju tagħha ta’ tjubija u ħniena.  Applaws lill-Beata l-ġdida.

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini, partikolarment lill-istudenti li ġew inn Vjenna, liż-żgħażagħ tal-Opera Giorgio La Pira, minn Firenze, lill-familji żgħażagħ minn Raldon (Verona), lill-fidili minn Milan, Petrosino, Civitanova Marche, mid-djoċesi ta’ Ozieri, mill-Oratorju ta’ Carugate, lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma minn Longare u minn Modena.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber