IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 3 ta’ Frar, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Nhar il-Ħadd li għadda l-liturġija tatna l-episodju tas-sinagoga ta’ Nażaret, fejn Ġesù jaqra silta mill-Profeta Iżaija u meta jtemmha jistqarr li dak il-kliem seħħ propju dakinhar, fih.  Ġesù jippreżenta ruħu bħala dak li fuqu niżel l-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu s-Santu li kkonsagrah u bagħtu jwettaq il-missjoni tas-salvazzjoni favur l-umanita.  L-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 4,21-30) hu t-tkomplija ta’ dak ir-rakkont u jfissrilna l-istagħġib ta’ niesu meta raw wieħed mir-raħal tagħhom, “bin Ġużeppi” (v. 22), li jippretendi li hu Kristu, il-mibgħut tal-Missier.

Bil-ħila tiegħu li jirfed l-imħuħ u l-qlub, Ġesù jifhem minnufih x’qed jaħsbu niesu.  Huma jidhrilhom li minħaba li Hu wieħed minnhom, għandu juri x’inhi “dil-pretensjoni” tiegħu permezz tal-mirakli, hemmhekk, f’Nażaret, kif kien għamel fl-inħawi tal-madwar (cfr v. 23).  Iżda Ġesù la jrid u lanqas jista’ jaċċetta dil-loġika għax ma taqbilx mal-pjan t’Alla: Alla jrid il-fidi, huma jridu l-mirakli, is-sinjali; Alla jrid islava lil kulħadd, u huma jridu Messija kif jaqbel lilhom.   U biex jispjega l-loġika ta’ Alla, Ġesù jġib l-eżempju ta’ żewġ Profeti kbar antiki: Elija u Eliżew, li kienu mibgħutin minn Alla biex isalvaw persuni li ma kinux Lhud, kienu minn popli oħra, imma li kienu afdaw f’kelmtu.

Quddiem din l-istedina biex jiftħu qlubhom għall-gratutudni u għall-universalità  tas-salvazzjoni, iċ-ċittadini ta’ Nażaret jirbellaw, u saħansitra jieħdu atteġġjament aggressiv, li tgħarraq sal-punt li “qamu u keċċewh ‘il barra mill-belt u ħaduh fuq xifer l-irdum ...... biex jixħtuh għal isfel” (v. 29).  L-ammirazzjoni tal-bidu nbidlet f’aggressjoni, ribelljoni kontrih.

U dan l-Evanġelju jurina li l-ministeru pubbliku ta’ Ġesù jibda b’rifjut u b’theddida tal-mewt, paradossalment propju min-naħa ta’ niesu.  Hu u jgħejx il-missjoni afdata lilu mill-Missier, Ġesù jaf tajjeb li jrid iħabbat wiċċu mal-għeja, mar-rifjut, mal-persekuzzjoni u t-telfiet.  Prezz li lbieraħ bħal-lum hi msejħa biex tħallas il-profezija awtentika.  Ir-rifjut iebes però, lil Ġesù ma jaqtgħalux qalbu, u lanqas ixekkel il-mixja u l-fekondità tal-azzjoni profetika  tiegħu.  Hu jibqa’ għaddej għal għonq triqtu (cfr v. 30) bil-fiduċja fl-imħabba tal-Missier.

Ilbieraħ bħal-lum id-dinja teħtieġ li fid-dixxipli tal-Mulej tara profeti, jiġifieri persuni kuraġġużi u perseveranti fit-tweġiba tagħhom għall-vokazzjoni nisranija.  Persuni li jimxu fuq “l-imbuttatura” tal-Ispirtu s-Santu, li jibgħathom iħabbru t-tama u s-salvazzjoni lill-foqra u lil-imwarrbin: persuni li jimxu fuq il-loġika tal-fidi u mhux tal-mirakli: persuni dedikati għas-servizz ta’ kulħadd, mingħajr privileġġi u esklużjoni.  Fi ftit kliem: persuni li huma miftuħin biex jilqgħu fihom ir-rieda tal-Missier u jimpenjaw ruħhom biex ikunu xhieda fidili tagħha għall-oħrajn.

Nitolbu lil Marija Santissma, sabiex (tgħinna) nikbru u nimxu bl-istess ħeġġa appostolika għas-Saltna t’Alla li biha kienet imħeġġa l-missjoni ta’ Ġesù.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

qed insegwi bi preokkupazzjoni kbira l-kriżi umanitarja fil-Yemen.  Il-popolazzjoni hi sfinita minħabba l-kunflitt twil u bosta tfal qed isofru l-ġuħ u huwa diffiċli jaslu għall-ħażniet tal-ikel.  Ħuti, l-għajta ta’ dawn it-tfal u tal-ġenituri tagħhom titla’ quddiem Alla.  Nagħmel appell lill-partijiet interessati u lill-Komunità internazzjonali biex b’urġenza jaraw li l-ftehim li sar ikun rispettat u jiżguraw li l-ikel jitqassam u sabiex jaħdmu għall-ġid tal-popolazzjoni.  Nistieden lil kulħadd jitlob għal dawn ħutna fil-Yemen.  “Sliem għalik, Marija...”.  Nitolbu ħafna u ħafna għax dawn huma tfal bil-ġuħ, bil-għatx, li m’għandhomx mediċi u jinsabu fil-periklu tal-mewt.  Dan il-ħsieb nieħduh magħna d-dar.

Illum fl-Italja qed tkun iċċelebrata l-Ġurnata għall-Ħajja, bit-tema “Il-Ħajja hija l-Futur”.  Ningħaqad mal-messaġġ tal-Isqfijiet u nesprimi l-inkoraġġiment tiegħi lill-komunitajiet ekkleżjali li b’tant modi qed jissapportjaw u jsostu l-ħajja.  Dejjem qed isir aktar meħtieġ li jkun hemm impenn konkret biex niffavorixxu t-twelid, ħidma li tinvolvi l-istituzzjonijiet u lir-realtajiet kulturali u soċjali, sabiex jagħrfu lill-familja bħala l-ġuf li jiġġenera lis-soċjetà.

Nhar il-5 ta’ Frar li ġej fil-Lvant Imbiegħed u f’inħawi oħra tad-dinja, miljuni ta’ bnedmin se jkunu qed jiċċelebraw il-bidu tas-sena tal-qamar.  Nixtieq insellem lil kuħadd minn qalbi u nawgura li fil-familji tagħhom isaltnu dawk il-virtuwjiet ta’ fejda għall-għejxien fil-paċi u magħhom infushom, mal-oħrajn u mal-maħluq. Nistieden it-talb għad-don tal-paċi li għandha tkun milqugħa u kkultivata bil-kontribut ta’ kulħadd.

Insellem lilkom, pellegrini.  Partikolarment lill-fidili li ġew mill-Kroazja u mill-Polonja; lil dawk minn Lecce, Potenza, Cerignola, San Benedetto del Tronto u Castelliri.  Insllem lis-sorijiet Pie Discepole del Divin Maestro, lill-kor parrokkjali minn Claut (Pordenone).

B’imħabba kbira nsellem liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika mid-djoċesi ta’ Ruma.  Għeżież żgħażagħ jien hieni nilqagħkom flimkien mal-Kardinal Vigarju, u s-saċerdoti assistenti, il-ġenituri tagħkom u l-edukaturi, hekk kif temmejtu ‘l-karovana tal-Paċi”.  B’din l-inizjattiva qed tiftħu l-festi ta’ għeluq il-150 sena tal-fundazzjoni tal-Azzjoni Kattolika ta’ Ruma u l-50 sena mit-twelid tal-ACR.  Nawguralkom li tkunu xhieda ferrieħa tal-paċi u tal-fraternità.  Issa nisimgħu flimkien il-messaġġ li se jaqrawlna ħbiebkom, li qiegħdin hawn ħdejja.

(qari tal-messaġġ)

U issa se jitilgħu ‘il fuq il-bżieżaq, simbolu tat-talb tagħna għall-paċi fid-dinja.

(tluq tal-bżieżaq)

Ftit anqas minn siegħa oħra se nitlaq għall-vjaġġ qasir imma importanti fl-Emirati Għarab magħquda.  Jekk jogħġobkom akkumpanjawni bit-talb.  Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber