IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd,
2 ta’ Diċembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum jibda l-Avvent, iż-żmien liturġiku li jħejjina għall-Milied, u jistedinna nerfgħu ħarsitna u niftħu qlubna biex nilqgħu lil Ġesù.  Fl-Avvent ma ngħejxux biss l-istennija tal-Milied; aħna mistiedna wkoll biex mill-ġdid inħeġġu fina l-istennija tal-miġja glorjuża ta’ Kristu – meta jerġa’ jiġi fl-aħħar taż-żminijiet – billi nħejju ruħna għall-aħħar laqgħa miegħu b’għażliet koerenti u kuraġġużi.  Infakkru l-Milied bl-istenniija tat-tieni miġja glorjuża ta’ Kristu, tal-laqgħa personali miegħu: il-jum li fih il-Mulej isejħilna.  Matul dawn l-erba’ ġimgħat aħna msejħin biex ninsew il-mod rassenjat u ta’ drawwa tal-mod kif ngħejxu, u noħorġu minnhom mantnuti bit-tama, mantnuti bi-ħolm ta’ futur ġdid.  L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (cfr Lq 21,25-28.34-36) jurina din id-direzzjoni u jwissina biex ma nħallux l-istil egoċentriku u ta’ ritmi bla rażan tal-ħajja ta’ kuljum jgħakkisna.  Jidwi b’mod li jinfed kliem Ġesù:  Oqgħodu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed ma jmewtulkomx qalbkom, li ma ssibux dak il-Jum fuqkom għal għarrieda... Ishru, mela, u itolbu (vv. 34-36).

Sahra u talb: hekkhu kif għandna ngħejxu daż-żmien ta’ issa sal-Milied.  Nishru u nitolbu.  L-irqad ġewwieni jibda mill-fatt li dejjem induru madwarna nfusna u nibqgħu imwaħħlin fl-għeluq ta’ ħajjitna bil-problemi tagħha, bil-ferħat u n-niket tagħha, imma dejjem induru madwarna nfusna.  Dan jgħejjik, dan idejqek, dan jgħalaqlek it-tama.    Hawn jinsab l-għerq tan-nuqqas ta’ ħeġġa u tal-għażż li jkellimna dwaru l-Evanġelju.  L-Avvent jistedinna biex nimpenjaw ruħna bis-sahra u nħarsu ‘l barra minna nfusna, inwessgħu moħħna u qlubna biex ninfetħu għall-ħtiġijiet tan-nies, ta’ ħutna, għax-xewqa ta’ dinja ġdida.  Hi x-xewqa ta’ bosta popli mifluġin mill-ġuħ, mill-inġustizzja, mill-gwerra; hija x-xewqa tal-foqra, tad-dgħajfa, tal-abbandunati.  Dan hu ż-żmien propizju biex niftħu qlubna, biex nagħmlu mistoqsijiet konkreti dwar kif u għal min qed niddedikaw ħajjitna.

It-tieni atteġġjament biex ngħejxu tajjeb iż-żmien tal-istennija tal-Mulej hu dak tat-talb.  Qawwu qalbkom u erfgħu raskom għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib (v. 28), iwissi l-Evanġelju ta’ San Luqa.  Ifisser li nqumu u nitolbu, indawru ħsibijietna u qlubna lejn Ġesù li ġej.  Ikunu fuq tagħna meta nkunu nistennew xi ħaġa jew lil xi ħadd ġej.  Aħna qed nistennew lil Ġesù, għandna nistennewh bit-talb li hu marbut sfiq mas-sahra.  Nitolbu, nistennew lil Ġesù, ninfetħu għall-oħrajn, nishru, ma nibqgħux magħluqin fina nfusna.  Iżda jekk aħna l-Milied narawh fid-dawl tal-konsumiżmu, moħħna x’se nixtru u x’se nagħmlu, nirriduċuh f’festa mondana.  Ġesù jgħaddi u ma nsibuhx.  Aħna qed nistennew lil Ġesù u rridu nistennewh bit-talb li hu marbut sfiq mas-sahra.

Imma liema hu x-xefaq tal-istennija li titlob?  Jgħiduhulna fil-Bibbja b’mod speċjali l-ilħna tal-Profeti.  Illum dak ta’ Ġeremija, li jkellem lill-poplu mikdud għall-aħħar minħabba l-eżilju u qed jirriskja li jitlef l-identità tiegħu.  Aħna l-insara wkoll, li aħna wkoll poplu t’Alla, qed nirriskjaw li nsiru mondani u nitilfu l-identità tagħna, anżi li l-istil nisrani nirriduċuh f’paganiżmu.  Għaldaqstant għandna bżonn il-Kelma t’Alla li permezz tal-Profeta ħabbar:  Għad jiġu jiem meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda l-ġid li wegħedthom..., intella’ min-nisel David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż (33,14-15).

U dik ir-rimja ġusta hi Ġesù, hija Ġesù li jiġi u li aħna qed nistennew.  Il-Verġni Marija, li ġabitilna lil Ġesù, mara ta’ stennija u ta’ talb, tgħinna li minkejja tad-dwejjaq kbar tal-ħlas tal-istorja, mifhmu li Alla dejjem jibqa’ fidil u jinqeda anki bl-iżbalji umani biex juri l-ħniena tiegħu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

L-Avvent hu żmien ta’ tama.  F’dal-waqt irrid nagħmel tiegħi t-tama tal-paċi tat-tfal tas-Sirja, tal-maħbuba Sirja, mifluġa minn gwerra li issa ilha sejra tmien snin.  Għalhekk, b’solidarjetà mal-inizjattiva tal-”Aid to the Church in Need” issa se nixgħel xama’, fllimkien ma’ bosta tfal li se jagħmlu l-istess, tfal Sirjani u tant fidili fid-dinja li llum se jixgħelu x-xemgħat tagħhom (jixgħel ix-xama’)

Dil-fjamma ta’ tama flimkien ma tant fjammi oħra ta’ tama jħollu d-dlam tal-gwerra!  Nitolbu u ngħinu lill-insara biex jibqgħu fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani bħala xhieda tal-ħniena, tal-maħfra u tar-rikonċiljazzjoni.  Il-fjamma tat-tama jalla tilħaq ukoll lil dawk kollha li f’dal-ġranet huma vittmi ta’ gwerer u tensjonijiet f’bosta nħawi tad-dinja, qrib u mbegħeda.  Jalla t-talb tal-Knisja jgħinhom iġarrbu l-qrubija ta’ Alla fidil u jmiss kull kuxjenza għal impenn sinċier favur il-paċi.  U jalla, Alla l-Mulej tagħna, jaħfer lil dawk li jagħmlu l-gwerer, lil dawk li jipproduċu l-armi tal-qerda u jikkovertilhom qlubhom.  Nitolbu għall-paċi u għall-maħbuba Sirja.  (Sliema għalik, Marija...).

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li tinsabu hawn: b’mod partikolari nsellem li dawk ġejjin minn Linden, fl-Istati Uniti tal-Amerika, minn Valencia u minn Pamplona; kif ukoll lill-istudenti u lil-professuri tal-Kulleġġ “Claret” ta’ Madrid.

Insellem lill-kor polifoniku minn Modica, lill-fidili minn Altamura, Conversano u Laterza.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber