IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħamis, ta’ Novembru,  2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

L-ewwel qari tal-lum, mill-Ktieb tal-Apokalissi, ikellimna dwar is-sema u jqiegħed quddiemna “qtajja kbar”, li ma jitqiesux, “minn kull ġens, tribù, poplu u lsien” (Ap 7,9).  Dawn huma l-qaddisin.  X’qed jagħmlu “hemm fuq”? Qed ikantaw kollha flimkien, ifaħħru lil Alla bil-ferħ.  Kemm ikun sabih kieku nisimgħu l-kant tagħhom... Imma nistgħu nimmaġinawh: tafu meta?  Waqt il-quddiesa, meta nkantaw “Qaddis, qaddis, qaddis Mulej Alla tal-eżerċti....”.  huwa innu – tgħidilna l-Bibbja – li ġej mis-sema, li jitkanta hemmhekk (cfr 6,3; Ap 4,8), innu ta’ tifħir.  Allura, meta nkantaw “il-Qaddis”, mhux biss naħsbu fil-qaddisin, iżda nagħmlu wkoll dak li jagħmlu huma: f’dak il-waqt, fil-quddiesa, inkunu magħqudin magħhom bħalma qatt ma nistgħu nkunu.

U nkunu magħqudin mal-qaddisin kollha: mhux biss ma dawk li huma magħrufin, imma wkoll ma’ dawk “tal-bieb ta’ ħdejna”, mal-familjari tagħna u ma’ min nafuh u li issa hu wieħed minn dawk il-qtajja bla għadd.  Illum għalhekk hi festa ta’ familja.  Il-qaddisin huma qrib tagħna, anzi huma ħutna verament.  Jifhmuna, iridulna l-ġid, jafu x’inhu l-veru ġid tagħna, jgħinuna u jistennewna.  Huma hienja u jridu lilna hienja magħhom fis-sema.

Għaldaqstant huma jistednuna biex nimxu fit-triq tal-hena murija lilna mill-Evanġelju tal-lum, tant sabiħ u magħruf: “Henjin il-foqra fl-ispirtu.....; Henjin dawk lil huma safja f’qalbhom... (cfr Mt 5,3-8).  Imma kif?  L-Evanġelju jgħidilna henjin il-foqra u d-dinja tgħidilna henjin l-għonja.  L-Evanġelju jgħidilna henjin dawk ta’ qalbhom ħelwa u d-dinja tgħidilna henjin il-prepotenti.  L-Evanġelju jgħidilna henjin dawk ta’ qalbhom safja u d-dinja tgħidilna henjin il-makakki u x-xalaturi.  Dit-triq tal-beatitudni, tal-qdusija, donnha twassal għat-telf.  Madankollu – ifakkarna mill-ġdid l-ewwel qari – il-qaddisin għandhom “il-friegħi tal-palm f’idejhom” (v.9), jiġifieri, s-sinjal tar-rebħa.  Huma r-rebbieħa, mhux id-dinja.  U jħeġġuna biex nagħżlu n-naħa tagħhom, dik ta’ Alla li hu Qaddis.

Nistaqsu lilna nfusna fuq liema naħa ninsabu: dik tas-sema jew dik tal-art?  Qed ngħejxu għall-Mulej jew għalina nfusna, għall-hena eterna jew għal xi sodisfazzjon immedjat?  Nistaqsu lilna nfusna: irriduha bis-serjetà l-qdusija?  Jew nikkuntentaw li nkunu nsara la kesħin u lanqas sħan, insara li nemmnu f’Alla u nistmaw lill-proxxmu imma mingħajr esaġerazzjoni?  Il-Mulej “jitlob kollox, u dak li joffri hu l-vera ħajja – joffri kollox , l-hena li  għaliha konna maħluqin” (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu 1).  Insomma, jew qdusija jew xejn!  Jagħmlilna tajjeb li nħallu lill-qaddisin jipprovokawna, huma li hawnhekk ma mxewx bl-imqieta u hemmhekk “huma s-sapporters tagħna” sabiex aħna nagħżlu ‘l Alla, l-umiltà, il-ħniena, is-safa, sabiex aħna nkunu appassjonati għas-sema pjuttost milli għall-art.

Illum, ħutna mhux qed jitolbuna nisimgħu Evanġelju sabih mill-ġdid, imma li nqegħduh fis-seħħ, li nimxu fit-triq tal-Beatitudnijiet.  Mhemmx għalfejn nagħmlu ħwejjeġ straordinarji, imma nimxu kuljum f’dit-triq li twassalna għas-sema, mal-familja, twassalna f’darna.  Illum aħna qed naraw lemħa tal-futur tagħna u qed nagħmlu festa lil dak li twelidna għalih: aħna twelidna biex ma mmutu qatt aktar, twelidna biex ingawdu l-hena ta’ Alla!  Il-Mulej jinkoraġġina u lil min jidħol fit-triq tal-Beatitudnijiet jgħidlu: “Ifraħ u thenna, għax kbir ikun ħlasek fis-sema” Mt 5,12).  L-Omm Qaddisa ta’ Alla, Sultana tal-qaddisin, tgħinna nterrqu dit-triq tal-qdusija bid-determinazzjoni; Jalla Hi, li hi l-Bieb tas-Sema, idaħħal lill-għeżież mejtin tagħna fil-familja ċelesti.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi diversi, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u tfal tal-iskejjel.

Nagħti tislima speċjali lill-parteċipanti tal-Ġirja tal-Qaddisin (Corsa del Santi), imnedija mill-Fundazzjoni “Missjonijiet ta’ Don Bosco”, sabiex din it-tifkira tal-Qaddisin Kollha tgħejxuha f’dimensjoni ta’ festa.  Grazzi tal-inizjattiva sabiha tagħkom u tal-preżenza tagħkom!

Għada waranofsinhar se mmur fiċ-Ċimiterju Lawrentin ta’ Ruma: nistedinkom takkumpanjawni bit-talb f’dil-ġurnata ta’ sufraġju għal min telaq qabilna bis-sinjal tal-fidi u issa rieqed ir-raqda tal-paċi.

Nawgura lilkom ilkoll il-festa t-tajba fil-kumpanija spiritwali tal-qaddisin.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber