Għeżież ħuti,

il-ġurnata t-tajba!

Illum, għeżież, nixtieq insir il-leħen tal-għajta li qed tqum minn kull parti tad-dinja, minn  kull ġens, mill-qalb ta’ kull wieħed, mill-famiilja waħda tal-bnedmin, b’dieqa dejjem akbar: hija l-għajta tal-paċi!  Hija l-għajta li tgħid bis-saħħa: irridu dinja fil-paċi, irridu nkunu rġiel u nisa tal-paċi, irridu li f’din is-soċjetà tagħna, mifnija bil-firdiet u bil-ġlied, tfaqqa l-paċi; qatt aktar il-gwerra!  Qatt aktar il-gwerra!  Il-paċi hija rigal prezzjuż wisq, li għandu jiġi miġjub ‘il quddiem u msaħħaħ.

Qiegħed ngħix b’ħafna tbatija u nkwiet is-sitwazzjonijiet ta’ ġlied li hawn bħalissa f’din id-dinja tagħna, imma, f’dawn il-ġranet, qalbi hi ferita b’mod qawwi għal dak li qed iseħħ fis-Sirja u msewwda għall-iżvilupp koroħ li probabilment se jseħħu.

Irrid inwassal appell qawwi għall-paċi, appell li joħroġ mill-qalba ta’ qalbi! Kemm tbatija, kemm qerda, kemm niket wassal u qed iwassal l-użu tal-armi f’dak il-pajjiż imbiċċer, speċjalment fost il-popolazzjoni ċivili u li m’għandhiex mezzi biex tiddefendi ruħha!  Naħsbu ftit: kemm tfal mhux se jkunu jistgħu jaraw id-dawl tal-futur!  Bil-qawwa kollha nikkundanna l-użu tal-armi kimiċi!  Ngħidilkom li għad għandi mwaħħlin quddiem għajnejja x-xbihat terribbbli ta’ dawn l-aħħar jiem!  Hemm il-ġudizzju ta’ Alla u anke l-ġudizzju tal-istorja ta’ żmienna fuq l-azzjonijiet tagħna, u minn dawn ħadd ma jista’ jaħrab!  L-użu tal-vjolenza ma jwassal qatt għall-paċi.  Il-gwerra ssejjaħ il-gwerra, il-vjolenza ssejjaħ il-vjolenza!

B’saħħti kollha nitlob lill-partijiet ta’ dan il-kunflitt biex jisimgħu il-leħen tal-kuxjenza tagħhom, u ma jibqgħux magħluqin fl-interessi personali tagħhom, imma li jħarsu lejn xulxin bħal aħwa u li bil-kuraġġ jiftħu t-triq għal-laqgħat u n-neguzjati,  biex jegħlbu l-kunflitt għamil.  Bl-istess saħħa nsejjaħ ukoll lill-Komunità Internazzjonali biex tagħmel kull sforz biex tmexxi ‘l quddiem, mingħajr aktar dewmien, inizjattivi ċari li jwassli għall-paċi f’dak il-Pajjiż, inizjattivi bbażati fuq id-djalogu u n-neguzjati, għall-ġid tal-popolazzjoni Sirjana kollha kemm hi.

M’għandu jinżamm lura l-ebda sforz biex tiġi garantita ll-għajnuna umanitarja lil min intlaqat minn dan il-kunflitt terribbli, b’mod partikulari lil dawk li tilfu djarhom u lill-ħafna li fittxew il-kenn f’Pajjiżi fil-qrib. Għandha tkun assigurata l-possibiltà li tingħata l-għajnuna meħtieġa lil dawk l-operaturi umanitarji li qed jitħabtu biex inaqqsu t-tbatija tal-poplu.

X’nistgħu nagħmlu aħna għall-paċi fid-dinja? Kif kien jgħid il-Papa Ġwanni (XXIII): kulħadd hu fid-dmir li jirranġa l-kuntatt fil-ġustizzja u l-imħabba ma’ dawk li jgħix magħhom (cfr. l-enċiklika Pacem in terris [11 ta’ April 1963]: AAS 55 [1963], 301-302).

Ħalli jkun hemm katina ta’ mpenn għall-paċi li tgħaqqad lill-irġiel u lin-nisa ta’ rieda tajba!  Din hija stedina qawwija li nwassal lill-Knisja Kattolika kollha, imma li nestendiha wkoll lill-Insara ta’ konfessjonijiet oħra, lill-irġiel u lin-nisa ta’ reliġjonijiet oħra u anke lil dawk l-aħwa li ma jemmnux: il-paċi hija ġid li jgħaddi kull ostaklu, għax hija ġida tal-umanità kollha.

Intenni b’leħen għoli: mhijiex il-kultura tal-ġlied, il-kultura tal-konflitt li tibni ambjent fejn poplu jgħix ma’ ieħor, imma din: il-kultura tal-laqgħa, il-kultura tad-djalogu; din hi l-unika triq li twassal għall-paċi.

Ħa titla ‘l fuq l-għajta tal-paċi sabiex tasal tal-qalb ta’ kulħadd, u kull wieħed ibaxxi l-armi u jitħalla jkun iggwidat mix-xewqa għall-paċi.

Għalhekk, ħuti, iddeċidejt li nsejjaħ il-Knisja kollha sabiex is-7 ta’ Settembru li ġej, lejliet it-tifkira tat-twelid tal-Veġni Marija, sultana tal-paċi, tkun ġurnata ta’ sawn u ta’ talb għall-paċi fis-Sirja, fil-Lvant Nofsani, u fid-dinja kollha, u nistieden ukoll biex jingħaqdu f’din l-inizjattiva, fil-mod li jidhrilhom l-aħjar, lill-aħwa nsara mhux kattoliċi, lil dawk li jsegwi Reliġjonijiet oħra u lill-bnedmin ta’ rieda tajba.

Nhar is-7 ta’ Settembru fi Pjazza San Pietru – hawn – mis-19:00 sa nofs il-lejl, se ninġabru fit-talb u fi spirtu ta’ penitenza biex insejjħu mingħand Alla dan ir-rigal kbir għall-maħbub ġens Sirjan u għal kull fejn hemm kunflitt u vjolenza fid-dinja.  Il-ġens uman għandu bżonn jara ġesti ta’ paċi u li jisma’ kliem ta’ tama u ta’ paċi! Nistieden lill-Knejjes partikulari kollha sabiex, apparti milli jgħixu dan il-jum fis-sawm, jorganizzaw ukoll xi att liturġiku skont din l-intenzjoni.

Nitolbu lil Marija biex tgħinna nwieġbu għall-vjolenza, għall-kunflitt u għall-gwerra, bil-qawwa tad-djalogu, tar-rikonċiljazzjoni u tal-imħabba.  Hi omm, ħa tgħinna hi biex insibu l-paċi; aħna koll uliedha!  Għinna, Marija, biex naqbżu dan il-mument diffiċli u biex nimpenjaw irwieħna biex nibnu kull jum u kullimkien kultura vera ta’ laqgħa u ta’ paċi.

[Saret it-talba tal-Angelus]

Marija, Sultana tal-paċi itlob għalina! Marija, sultana tal-paċi, itlob għalina!

---------------------------------------------------------

Wara l-Angelus il-Papa wassal dawn it-tislijiet:

Għeżież ħuti,

ilbierah f’Bucarest ġie ddikjarat beatu Vladimir Ghika, saċerdot djoeċesan, imwieled f’Istanbul u li miet martri f’Bucarest fl-1954.  Għada, mill-banda l-oħra, f’Messina, se jiġi bbeatifikat Antonio Franco, prelat ordinarju ta’ Santa Lucia del Mela, li għex bejn is-seklu XVI u XVII.  Inroddu ħajr lil Alla għal dawn ix-xhieda eżemplari tal-vanġelu!

Illum, fl-Italja, taħbat il-ġurnata għall-kura tal-ħolqien, miġjuba ‘l quddiem mill-Konferenza Episkopali.  It-tema magħżul għal din is-sena huwa sabiħ ħafna:  “Il-familja tgħallem biex jiġi kkurat il-ħolqien”.

Permezz ta’ Marija, il-Mulej jgħinna nħossu l-ħlewwa tiegu!  Ningħaqdu llum mad-devoti kollha ta’ Siracusa fis-60 annniversaju tad-dmugħ tal-Madonna.

Insellem minn qalbi lir-Rumani u l-pellegrini preżenti, b’mod partikulari ż-żgħażagħ ta’ tant pajjjiżi tad-dinja: tħabtu, tħabtu biex issiru tafu lil xulxin, biex tiġu wiċċ imbwiċċ, biex taħdmu flimkien!  Dan jibni futur ta’ paċi!

Insellem lill-familji tal-Azzjoni Kattolika ta’ Mellaredo u Rivale; lis-sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni; il-“Pia Società San Gaetano” ta’ Thiene.

Insellem lill-insara ta’ Vale d Sclave, ta’ Reschigliano, Abano Sant’Alessandro, Caerano di San Marco, Padova u Marradi; il-grupp ACLI ta’ Tolmezzo; l-Assoċjazjoni nazzjonali Carabinieri ta’ Pontedera; il-kor ta Taviano, iż-żgħażagħ ta’ Zelarinoo, Zevio, Gandino u Matera.

U llum nitilqu minn hawn b’din ix-xewqa li nitolbu għall-paċi. Nistenniekom nhar is-Sibt li ġej fis-19:00!

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba. Saħħa!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.