VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGASCAR U L-MAURITIUS

(4-10 TA’ SETTEMBRU 2019)

 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

 

Titjira Papali

It-Tlieta 10 ta’ Settembru 2019

 

Matteo Bruni:

L-għodwa t-tajba! L-għodwa t-tajba, Santità. F’dawn il-jiem kellna l-opportunità li niltaqgħu mal-popli ta’ dawn l-artijiet Afrikani u tal-Oċean Indjan. Huma popli b’ħafna żgħażagħ, b’tant adolexxenti, tfal, popli mimlija bil-ħeġġa u t-tama, proprju anki għax huma żgħażagħ. Stajna naraw ukoll tant ġrieħi li int missejt b’idejk u fid-diskorsi tiegħek, u mal-ġurnalisti rajna tant sinjali ta’ qawmien, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi. Il-ġurnalisti sħabek fil-vjaġġ segwew b’mod intens il-ġrajjiet ta’ dawn il-jiem u wasslu lid-dinja l-istejjer, l-uċuħ u anki t-temi li ltaqgħu magħhom, u hekk ikkontribwew biex qiegħdu lill-Mozambique, l-Afrika, il-Madagascar u l-Mauritius fiċ-ċentru tal-attenzjoni internazzjonali. Jien nirringrazzja lill-ġurnalisti għall-ħidma li għamlu b’passjoni u taħbit u issa ngħaddi lilhom il-kelma għal xi mistoqsijiet li jixtiequ jagħmlulek, qabelxejn il-ġurnalisti li ġejjin mill-pajjiżi fejn konna.

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn nixtieq nirringrazzja lilkom ilkoll tal-kumpanija, grazzi!

 

Matteo Bruni:

L-ewwel ġurnalista li se jagħmel mistoqsija hu Julio Mateus Manjate min-“Noticias”, tal-Mozambique.

 

Julio Mateus Manjate (Noticias, il-Mozambique):

Grazzi, Santità. Qabelxejn ngħid grazzi ta’ din l-opportunità li nitkellem f’isem il-kollegi tal-istampa tal-Mozambique li qed jakkumpanjaw lill-Papa. Fil-waqfa tiegħek il-Mozambique int iltqajt mal-President tar-Repubblika u mal-Presidenti taż-żewġ partiti preżenti fil-Parlament. Nixtieq naf x’inhi, wara dawn il-kollokji, l-aspettattiva tiegħek għall-proċess ta’ paċi, u liema messaġġ tixtieq tħalli lill-Mozambique. U żewġ kummenti qosra, wieħed fuq il-kwistjoni tal-ksenofobija, li qed naraw isseħħ fl-Afrika, u anki fuq il-kwistjoni taż-żgħażagħ, l-impatt tax-xbieki soċjali fuq l-edukazzjoni taż-żgħażagħ.

 

Il-Papa Franġisku:

L-ewwel punt, fuq il-proċess tal-paċi. Illum nidentifikaw il-Mozambique ma’ proċess twil ta’ paċi li kellu t-tlajja’ u l-nżul tiegħu, imma fl-aħħar waslu għal dik it-tgħanniqa storika. Jien nawgura li dan jibqa’ miexi ’l quddiem u nitlob għal dan il-għan. Nistieden lil kulħadd biex jagħmel sforz ħalli dan il-proċess jibqa’ miexi ’l quddiem. Għax bil-gwerra kollox hu mitluf, imma bil-paċi kollox mirbuħ, qal Papa qabli. Dan il-motto hu ċar, m’għandniex ninsewh. Hu proċess ta’ paċi twil għax kellu l-ewwel fażi, imbagħad waqa’, imbagħad fażi oħra… U l-isforz tal-kapijiet tal-partiti avversarji, biex ma ngħidx għedewwa, li jmorru jiltaqgħu bejniethom kien ukoll sforz perikoluż, xi wħud anki rriskjaw ħajjithom… Imma fl-aħħar wasalna. Nixtieq nirringrazzja lill-persuni kollha li għenu f’dan il-proċess ta’ paċi. Sa mill-bidu, f’kafeterija Ruma: kien hemm xi persuni li tkellmu, kien hemm saċerdot tal-Komunità ta’ Sant’Eġidju, li sa jsir kardinal fil-5 ta’ Ottubru li ġej… Hemm beda… U mbagħad, bl-għajnuna ta’ tant nies, anki tal-Komunità ta’ Sant’Eġidju, waslu għal dan ir-riżultat. Aħna ma rridux inkunu trijonfalistiċi f’dawn l-affarijiet, għax il-paċi għadha dgħajfa fil-pajjiż tiegħek, kif hi dgħajfa fid-dinja, u jeħtieġ nittrattawha kif nittrattaw lil min ikun għadu kif twieled, bħat-tfal, b’ħafna, ħafna ħlewwa, b’ħafna delikatezza, b’ħafna maħfra, b’ħafna sabar, biex tikber u tissaħħaħ. Imma hu t-trijonf tal-pajjiż: il-paċi hi r-rebħa tal-pajjiż, dan jeħtieġ nifhmuh.

 

U dan jgħodd għall-pajjiżi kollha, għall-pajjiżi kollha li qed jinqerdu bil-gwerra. Il-gwerer jeqirdu, iġagħluk titlef kollox. Qed intawwal ftit fuq din it-tema tal-paċi għax hi għal qalbi. Meta kien hemm iċ-ċelebrazzjoni, xi xhur ilu, tal-iżbark fin-Normandija, iva, veru, kien hemm il-kapijiet tal-gvernijiet ġew ifakkru dak li kien il-bidu tat-tmiem ta’ gwerra kiefra, u anki ta’ dittatura diżumana u kiefra bħalma kienu n-Nażiżmu u l-Faxxiżmu… Imma fuq dik ix-xtajta baqgħu 46,000 suldat! Il-prezz tal-gwerra. Nistqarr magħkom li meta mort Redipuglia għaċ-ċentinarju tal-Ewwel Gwerra Dinjija biex nara dak il-memorjal, bkejt. Nitlobkom, qatt iżjed il-gwerra! Meta mort Anzio niċċelebra l-jum tal-mejtin, f’qalbi hekk ħassejt… Imma jeħtieġ naħdmu biex noħolqu din il-kuxjenza, li l-gwerer ma jsolvu xejn, anzi jrebbħu lil dawk li ma jridux ġid lill-umanità. Skużawni għal dan l-appendiċi, imma ridt ngħidha, quddiem proċess ta’ paċi li għalih jien nitlob, u se nagħmel minn kollox biex jibqa’ għaddej u nawguralkom li jikber b’saħħtu.

 

Il-problema taż-żgħażagħ. L-Afrika hi kontinent żagħżugħ, għandu ħajja żagħżugħa. Jekk aħna nipparagunaw mal-Ewropa, intenni dak li għidt fi Strasbourg: l-Ewropa omm kważi saret in-“nanna Ewropa”, xjaħet, qed ngħixu xitwa demografika gravi ħafna fl-Ewropa. Qrajt li – ma nafx f’liema pajjiż, imma hi statistika uffiċjali tal-gvern ta’ dak il-pajjiż – fis-sena 2050, f’dak il-pajjiż, se jkun hemm iżjed pensjonanti milli nies taħdem. Din traġika. Mnejn ġej dan il-fatt li l-Ewropa qed tixjieħ daqshekk? Naħseb – hi opinjoni personali – li fl-għerq ta’ kollox hemm il-benessri. Norbtu qalbna mal-benessri: “Iva, imma qegħdin tajjeb, ma nġibx tfal fid-dinja għax irrid nixtri villa, irrid nagħmel it-turiżmu, din il-ħaġa, l-oħra… Qiegħed tajjeb hekk, għax tarbija hi riskju, qatt ma taf…”. Benessri u trankwillità, imma benessri li jwasslek biex tixjieħ. Imma l-Afrika hi mimlija bil-ħajja. Fl-Afrika sibt ġest li kont sibtu fil-Filippini u f’Cartagena fil-Kolombja. In-nies bit-trabi merfugħa fl-għoli, juruk it-tfal tagħhom: “Dan it-teżor tiegħi, din hi r-rebħa tiegħi”. Imkabbrin. Huma t-teżor tal-foqra, it-tfal. Imma huma t-teżor ta’ patrija, ta’ pajjiż. L-istess ġest rajtu fl-Ewropa tal-Lvant, f’Iasci, fuq kollox dik in-nanna li wrietni t-tarbija: “Dan hu t-trijonf tiegħi…”. Intom għandkom l-isfida li tedukaw lil dawn iż-żgħażagħ u li tgħaddu liġijiet għal dawn iż-żgħażagħ. L-edukazzjoni bħalissa hi prijorità f’pajjiżek. Hi prijorità li pajjiżek jikber b’liġijiet fuq l-edukazzjoni. Il-Prim Ministru tal-Mauritius kien kellimni fuq dan u qalli li hu għandu f’moħħu l-isfida li jsaħħaħ is-sistema edukattiva b’xejn għal kulħadd. Li s-sistema edukattiva tkun b’xejn: importanti, għax hemm ċentri ta’ edukazzjoni ta’ livell għoli, imma bi ħlas. Ċentri edukattivi, issibhom f’kull pajjiż, imma għandna nżiduhom, biex l-edukazzjoni tasal għand kulħadd. Il-liġijiet fuq l-edukazzjoni. Is-saħħa u l-edukazzjoni huma elementi-muftieħ bħalissa f’dawk il-pajjiżi.

 

It-tielet punt, il-ksenofobija. Qrajt fuq il-ġurnali dwar din il-problema tal-ksenofobija, imma mhijiex problema tal-Afrika biss. Hi problema, hi marda umana, bħall-ħosba… Hi marda li tiġi, tidħol f’pajjiż, tidħol f’kontinent… U nibnu l-ħitan; u l-ħitan iħallu biss lil dawk li jibnuhom. Iva, iħallu barra tant nies, imma dawk li jibqgħu ġewwa l-ħitan jibqgħu waħidhom u, fl-aħħar tal-istorja, jisfaw mirbuħa minn invażjonijiet qawwija. Il-ksenofobija hi marda, marda li tipprova tiġġustifika ruħha: il-purezza tar-razza, ngħidu aħna, biex insemmu ksenofobija tas-seklu l-ieħor. U l-ksenofobiji xi drabi jirkbu l-karrijiet tal-hekk imsejħa populiżmi politiċi. Għidt il-ġimgħa l-oħra, jew ta’ qabel, li xi drabi nisma’ diskorsi li jixbhu lil dawk ta’ Hitler fl-1934. Jidher li hemm ritornell fl-Ewropa… Imma anki intom fl-Afrika għandkom problema kulturali oħra li tridu ssolvu. Niftakar li tkellimt fuqha l-Kenja: it-tribaliżmu. Hemm bżonn ta’ ħidma ta’ edukazzjoni hemm, ta’ tqarrib bejn id-diversi trubijiet biex nibnu nazzjon. Ftit taż-żmien ilu fakkarna l-25 sena mit-traġedja tar-Rwanda: dan hu effett tat-tribaliżmu. Niftakar li l-Kenja, fl-istadju, tlabt lil kulħadd iqum bilwieqfa u jagħti idu u jgħid “le għat-tribaliżmu, le għat-tribaliżmu!”. Hemm bżonn ngħidu le. Anki dan hu għeluq, u anki ksenofobija, ksenofobija domestika, imma xorta ksenofobija. Irridu nitqabdu kontriha: kemm il-ksenofobija ta’ pajjiż mal-ieħor, kemm dik interna, li fil-każ ta’ xi postijiet fl-Afrika, bit-tribaliżmu, twassalna għal traġedji bħal dik tar-Rwanda, ngħidu aħna.

 

Matteo Bruni:

It-tieni mistoqsija ġejja minn Dr Ratovoarivelo mill-Madagascar.

 

Marie Frédeline Ratovoarivelo (Radio Don Bosco, il-Madagascar):

Santità, matul iż-żjara appostolika tiegħek int tkellimt dwar il-futur taż-żgħażagħ. Naħseb li l-pedament ta’ familja hu importanti ħafna għall-futur. Bħalissa fil-Madagascar ħafna żgħażagħ qed jgħixu f’qagħdiet familjari kumplessi ħafna, minħabba l-faqar. Kif tista’ l-Knisja ssieħeb liż-żgħażagħ, meta dawn jaħsbu li t-tagħlim tagħha hu superat fid-dawl tal-kriżijiet familjari u tar-rivoluzzjoni sesswali ta’ żmienna? Nirringrazzjak, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-familja bla dubju ta’ xejn hi element-muftieħ f’dan, fl-edukazzjoni tal-ulied. Imisslek qalbek il-mod kif jesprimu ruħhom iż-żgħażagħ, dan rajnieh fil-Madagascar, u rajnieh ukoll il-Mauritius, u anki l-Mozambique fil-laqgħa interreliġjuża taż-żgħażagħ għall-paċi. Liż-żagħażagħ agħtihom il-valuri, għinhom jikbru. Fil-Madagascar il-problema tal-familja hi marbuta mal-problema tal-faqar, man-nuqqas ta’ xogħol u anki xi drabi mal-isfruttament tax-xogħol min-naħa ta’ tant negozji. Ngħidu aħna, fil-mini tal-granit [f’Antananarivo], dawk li jaħdmu hemm jaqilgħu dollaru u nofs kuljum. U l-liġijiet fuq ix-xogħol, il-liġijiet li jipproteġu l-familja, dan hu fundamentali. U anki l-valuri familjari, hemm qegħdin, hemm qegħdin, imma xi drabi mbagħad jinqerdu mill-faqar, mhux il-valuri imma l-possibbiltà li jiġu mgħoddija u jkun hemm l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, biex tgħinhom jikbru. Fil-Madagascar rajna l-opra ta’ Akamasoa: ix-xogħol mat-tfal, biex it-tfal jistgħu jgħixu f’familja, li mhix dik naturali, veru, imma hi l-unikà possibbiltà.

 

Ilbieraħ fil-Mauritius, wara l-quddiesa, sibt lil Mons. Rueda ma’ pulizija, għoli, mibni, li kellu f’dirgħajh tarbija, kellha xi sentejn bejn wieħed u ieħor. Kienet intilfet u qed tibki għax lill-ġenituri ma setgħux isibuhom. Il-pulizija għamel l-avviż biex jiġu, u intant kienu qed iżiegħlu biha. U hemm rajt it-traġedja ta’ tant tfal u żgħażagħ li jitilfu r-rabta familjari mqar jekk jgħixu fil-familja, imma f’salt wieħed jitilfuha… F’dan il-każ kien biss inċident. U anki r-rwol tal-Istat biex jgħinhom jikbru. L-Istat għandu jieħu ħsieb tal-familja, taż-żgħażagħ: hu dmir tal-Istat, dmiru li jgħinhom jikbru. Imbagħad, intenni, għal familja, li jkollha tarbija, dan hu teżor. U intom għandkom dan l-għarfien, għandkom l-għarfien tat-teżor. Imma issa hemm bżonn li s-soċjetà kollha jkollha l-għarfien li tkabbar dan it-teżor, biex jikber il-pajjiż, biex tikber il-patrija, biex jikbru l-valuri li jagħtu sovranità lill-patrija. Ma nafx jekk weġibtx tajjeb xi ftit jew wisq. Ħaġa li laqtitni mit-tfal, fit-tliet pajjiżi, hi li kienu jsellmulek. Kien hemm anki trabi żgħar ħafna jsellmu: jieħdu sehem mill-ferħ. Fuq il-ferħ nixtieq nitkellem aktar tard. Grazzi.

 

Matteo Bruni:

It-tielet mistoqsija, Santità, ġejja mingħand is-Sur Mootoosamy, mill-Mauritus.

 

Jean-Luc Mootoosamy (Radio One, il-Mauritius):

Il-Prim Ministru tal-Mauritius irringrazzjak għat-tħassib tiegħek għat-tbatija tal-konċittadini tagħna li kellhom iħallu l-arċipelagu tar-Renju Unit wara s-separazzjoni illeċita ta’ din il-parti tat-territorju tagħna qabel l-indipendenza. Illum fuq il-gżira ta’ Diego Garcia hemm bażi militari Amerikana. Santità, in-nies tal-Chagos fl-eżilju impost fuqhom għal xi ħamsin sena jixtiequ jerġgħu lura f’arthom u l-amministrazzjonijiet rispettivi tal-Istati Uniti u r-Renju Unit dan mhux iħalluh iseħħ, minkejja li hemm riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda ta’ Mejju li għadda. Kif tista’ int tappoġġja r-rieda ta’ dawn in-nies u tgħin lill-poplu tal-Chagos jerġa’ lura f’daru?

 

Il-Papa Franġisku:

Nixtieq infakkar x’tgħid id-Duttrina tal-Knisja fuq hekk. L-organizzazzjonijiet internazzjonali, meta aħna nirrikonoxxuhom u nagħtuhom il-kapaċità li jiġġudikaw fuq livell internazzjonali – naħsbu fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja jew fil-Ġnus Magħquda –, meta jitkellmu, jekk aħna umanità waħda, għandna nobdu. Hu minnu li mhux dejjem li l-affarijiet li jidhru ġusti għall-umanità kollha sa jkunu ġusti għal bwietna, imma jeħtieġ nobdu lill-istituzzjonijiet internazzjonali. Għalhekk ġew maħluqa l-Ġnus Magħquda, ġew maħluqa l-qrati internazzjonali, biex meta jkun hemm xi kunflitt intern jew bejn il-pajjiżi, imorru hemm biex isolvuh bħal aħwa, bħal pajjiżi ċivili.

 

Imbagħad hemm fenomenu ieħor li, ma nafx, ħa ngħidha ċara, ma nafx nistax insemmi dan il-każ. Issa l-każ partikulari ħa nħallih għall-ġenb. Għidt li jidhirli li hi ħaġa tajba nagħmlu riferiment għall-organizzazzjonijiet internazzjonali. Imma hemm fenomenu. Meta jkun hemm il-liberazzjoni ta’ poplu u l-Istat li jkun ħakmu jara li wasal iż-żmien biex jitlaq – fl-Afrika kien hemm tant liberazzjonijiet minn taħt Franza, mill-Gran Brittanja, mill-Belġju, mill-Italja…, kellhom jitilqu –, xi wħud immaturaw tajjeb, imma f’kollha dejjem hemm it-tentazzjoni li jitilqu “b’xi ħaġa fil-but”. Iva, jien nagħti l-liberazzjoni lil dan il-poplu, imma xi “sold” nieħu miegħi… Ngħidu aħna, nagħti l-liberazzjoni lill-pajjiż imma “mill-art ’il fuq”; taħt il-ħamrija jibqa’ tiegħi. Dan eżempju, ma nafx hux minnu, imma biex nagħti eżempju. Dejjem hemm din it-tentazzjoni. Nemmen li l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jattwaw ukoll proċess ta’ akkumpanjament, billi jirrikonoxxu lill-potenzi dominanti dak li għamlu għal dak il-pajjiż u jirrikonoxxu r-rieda tajba li jitilqu u jgħinuhom sakemm ikunu telqu għalkollox, bil-libertà, bil-fratellanza. Hi ħidma kulturali tal-umanità li tieħu ż-żmien u f’dan l-istituzzjonijiet internazzjonali jgħinuna ħafna, dejjem, u jeħtieġ nimxu ’l quddiem billi nsaħħu l-istituzzjonijiet internazzjonali: il-Ġnus Magħquda, biex ifittxu mill-ġdid dak l-ispirtu…; l-Unjoni Ewropea, biex tkun iżjed b’saħħitha, mhux fis-sens ta’ ħakma, imma fis-sens ta’ ġustizzja, fratellanza, għaqda għal kulħadd. Naħseb din hi ħaġa mill-aktar importanti.

 

Imma hemm ħaġa oħra li nixtieq napprofitta mill-intervent tiegħek biex ngħid. Illum m’għandniex kolonizzazzjonijiet ġeografiċi – tal-inqas mhux ħafna… –, imma għandna kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi, li jridu jidħlu fil-kultura tal-popli u jibdlu dik il-kultura u jomoġenizzaw l-umanità. Hi l-immaġni tal-globalizzazzjoni bħala globu: kulħadd ugwali, kull punt imbiegħed daqs l-oħrajn miċ-ċentru. Imma l-vera globalizzazzjoni mhijiex globu, imma hi priżma fejn kull poplu, kull nazzjon iżomm l-identità tiegħu imma jingħaqad mal-umanità kollha. Imma l-kolonizzazzjoni ideoloġika tipprova tħassar l-identità tal-oħrajn biex tagħmilhom ugwali; u jiġu bi proposti ideoloġiċi li jmorru kontra n-natura ta’ dak il-poplu, kontra l-istorja ta’ dak il-poplu, kontra l-valuri ta’ dak il-poplu. Jeħtieġ nirrispettaw l-identità tal-popli. Din hi premessa li dejjem għandna niddefenduha. Nirrispettaw l-identità tal-popli, u hekk inkeċċu l-kolonizzazzjonijiet kollha. Grazzi.

 

Iva, qabel nagħti l-kelma lill-EFE – li hi pprivileġġjata f’dan il-vjaġġ: hi “xiħa”, għandha 80 sena! – nixtieq ngħid xi ħaġa iżjed fuq il-vjaġġ, xi ħaġa li laqtitni ħafna. Mill-pajjiż tiegħek [il-Mauritius] laqtitni ħafna l-ħila ta’ għaqda interreliġjuża, ta’ djalogu interreliġjuż. Ma titneħħiex id-differenza bejn ir-reliġjonijiet imma nisħqu fuq il-fatt li lkoll aħna aħwa, li lkoll għandna nitkellmu. U dan hu sinjal ta’ maturità fil-pajjiż tiegħek. Meta tkellimt ilbieraħ mal-Prim Ministru, bqajt mistagħġeb kif huma elaboraw din ir-realtà u jgħixuha bħala ħtieġa ta’ konvivenza. Hemm anki kummissjoni interkulturali li tiltaqa’… L-ewwel ħaġa li sibt ilbieraħ meta dħalt fid-dar tal-Isqof – anneddotu – kienet mazz fjuri mill-isbaħ. Min bagħathom? L-Imam il-Kbir. Iva, ħuti: il-fratellanza umana li hi fil-bażi u tirrispetta kull twemmin. Ir-rispett reliġjuż importanti, għalhekk lill-missjunarji jien ngħidilhom: “Tagħmlux proselitiżmu”. Il-proselitiżmu tajjeb għall-politika, għad-dinja tal-isport – it-tim tiegħi, tiegħek… –, jgħodd għal dan kollu imma mhux għall-fidi. “Imma għalik xi jfisser tevanġelizza, Papa?”. Hemm frażi ta’ San Franġisk li dawlitni ħafna. Franġisku ta’ Assisi lill-patrijiet tiegħu kien jgħidilhom: “Ħudu l-Vanġelu, jekk hemm bżonn anki bil-kliem”. Mela l-evanġelizzazzjoni hi dak li aħna naqraw fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli: ix-xhieda. U dik ix-xhieda tipprovoka l-mistoqsija: “Imma int għaliex qed tgħid hekk, għaliex tagħmel dan?”. U hemm imbagħad nispjega: “Għall-Vanġelu”. It-tħabbira tiġi wara x-xhieda. L-ewwel għix ta’ Nisrani u, jekk jistaqsuk, agħmel it-tħabbira. Ix-xhieda hi l-ewwel pass, u l-protagonista tal-evanġelizzazzjoni mhuwiex il-missjunarju, hu l-Ispirtu s-Santu, li jwassal lill-Insara u lill-missjunarji biex jagħtu xhieda. Imbagħad jiġu l-mistoqsijiet jew ma jiġux, imma x-xhieda tal-ħajja, dan hu l-ewwel pass. Importanti nevitaw il-proselitiżmu. Meta intom taraw proposti reliġjużi li jgħaddu mit-triq tal-proselitiżmu, dawn mhumiex Insara. Ifittxu proseliti, mhux adoraturi ta’ Alla fil-verità, ibda mix-xhieda. Nieħu l-okkażjoni biex ngħid dan għall-esperjenza interreliġjuża tagħkom li hi hekk sabiħa. U l-Prim Ministru qalli wkoll li meta wieħed jitlob l-għajnuna, jingħata l-istess lil kulħadd u ħadd ma joffendi ruħu, għax iħossuhom aħwa. U dan jagħmel pajjiż magħqud. Importanti ħafna ħafna.

 

Fil-laqgħat imbagħad ma kienx hemm biss Kattoliċi, kien hemm Insara ta’ konfessjonijiet oħra u kien hemm Musulmani, Ħindu, imma kollha aħwa. Dan rajtu wkoll mhux ħażin fil-Madagascar u anki [fil-Mozambique] fil-laqgħa interreliġjuża taż-żgħażagħ għall-paċi, fejn iż-żgħażagħ ta’ diversi reliġjonijiet riedu jesprimu kif qed jgħixu x-xewqa għall-paċi. Paċi, fraternità, konvivenza interreliġjuża, ebda proselitiżmu. Huma ħwejjeġ li hemm bżonn nitgħallmu biex nistgħu ngħixu flimkien. Din ħaġa li ridt ngħid.

 

Imbagħad hemm ħaġa oħra li laqtitni – u sa nirriferi għal dik il-laqgħa fil-pajjiż tiegħek u mbagħad fit-tliet pajjiżi, imma ħa naqbad wieħed, il-Madagascar, għax minn hemm tlaqna –: il-poplu. Fit-toroq kien hemm il-poplu, il-poplu li ġie minn jeddu. Fil-quddiesa fl-istadju taħt ix-xita kien hemm il-poplu, jiżfen taħt ix-xita, kien ferħan… Ferħan, imbagħad nerġa’ nitkellem fuq hekk. U anki fil-velja ta’ billejl [taż-żgħażagħ fil-Madagascar] u fil-quddiesa – li jgħidu li qabżet il-miljun ruħ (ma nafx, l-istatistiċi uffiċjali jgħidu hekk, jien immur għal ftit inqas, ħa ngħidu 800 elf), imma ma jinteressaniex in-numru, jinteressana l-poplu, in-nies li ġiet bil-mixi minn waranofsinhar tal-ġurnata ta’ qabel, qagħdet għall-velja, raqdet hemm. Ftakart f’Rio de Janeiro fl-2013, meta raqdu fuq xatt il-baħar. Kien il-poplu li ried joqgħod mal-Papa. Jien ħassejtni umli u ċkejken ħafna quddiem dan il-kobor tas-“sovranità” popolari. U liema hu s-sinjal li grupp ta’ nies huwa poplu? Il-ferħ. Kien hemm il-foqra, kien hemm nies li ma kienet messet xejn ma’ ħalqha dakinhar biex setgħet tkun hemm, imma kienu ferħana. Imma meta l-persuni jew il-grupp jitbiegħdu minn dak is-sens popolari tal-ferħ, jitilfu l-ferħ. Dan hu wieħed mill-ewwel sinjali, id-diqa tal-persuni waħidhom, id-diqa ta’ dawk li nsew l-għeruq kulturali tagħhom. Li tkun taf li int poplu jfisser tkun taf li għandek identità, li għandek mod kif tifhem ir-realtà, u dan jagħmel lil kulħadd komuni. Imma s-sinjal li int parti mill-poplu u mhux minn xi élite, huwa l-ferħ, il-ferħ komuni. Dan ridt nisħaq fuqu. U għalhekk it-tfal isellmulek hekk, għax jittieħdu mill-ferħ tal-ġenituri tagħhom.

 

Grazzi! Dak hu li xtaqt ngħid fuq il-vjaġġ, imbagħad jekk tiġini f’moħħi xi ħaġa oħra, ngħidha. U issa, l-“ipprivileġġjata”!

 

Cristina Cabrejas Giles (mill-aġenzija Spanjola EFE, li qed tiċċelebra tmenin sena mit-twaqqif tagħha):

Grazzi, Santità, ta’ din l-opportunità. Għandi żewġ mistoqsijiet. Waħda pprivileġġjata u waħda fuq it-tema tal-vjaġġ. Jekk trid, nagħmillek dik ipprivileġġjata, ħa neħilsu mill-iebsa l-ewwel, nitlob skuża lill-kollegi, nixtieq biss nitlob jekk tistax tweġibni bl-Ispanjol, imbagħad nittraduċi jien, mhux problema. [bl-Ispanjol] Qabelxejn, ejja neħduha bħala ħaġa ċerta li wieħed mill-pjanijiet tiegħek għall-futur hu li tiġi Spanja, naraw ikunx possibbli, nittama! U l-mistoqsija li rrid nagħmillek: għal dawn it-tmenin sena tal-EFE staqsejna lil diversi personalitajiet, mexxejja dinjija, dwar l-informazzjoni u l-ġurnaliżmu, u nixtieq nistaqsi lilek: kif taħseb li ħa tkun l-informazzjoni tal-futur?

 

Il-Papa Franġisku:

Ikolli bżonn ta’ ballun tal-kristall!… Immur Spanja, jekk il-Bambin iżommni ħaj, imma l-prijorità tal-vjaġġi fl-Ewropa hi għall-pajjiżi żgħar, imbagħad dawk ikbar.

 

Ma nafx kif ħa tkun il-komunikazzjoni fil-futur. Naħseb kif kienet, ngħidu aħna, il-komunikazzjoni meta kont għadni tfal, konna għadna bla televiżjoni, bir-radju, bil-ġurnal, anki bil-ġurnal klandestin li kien ippersegwitat mill-gvern li jkun, jinbiegħ billejl mill-voluntiera…; u anki komunikazzjoni orali. Jekk nagħmlu l-paragun ma’ din, kienet informazzjoni prekarja, u din tal-lum forsi għada tkun prekarja meta mqabbla ma’ tal-futur. Dak li jibqa’ konstanti fil-komunikazzjoni hu l-ħila li tgħaddi fatt, u li tagħżlu mir-rakkont, minn dak irrappurtat. Waħda mill-affarijiet li jagħmlu ħsara lill-komunikazzjoni, tal-passat, tal-preżent u tal-futur hi dak li jiġi rrappurtat. Hemm studju sabiħ ħafna, li ħareġ tliet snin ilu, minn Simone Paganini, studjuż tal-Università ta’ Aachen (il-Ġermanja), u jitkellem fuq il-moviment tal-komunikazzjoni bejn il-kittieb, il-miktub u l-qarrej. Il-komunikazzjoni dejjem qed tirriskja li tgħaddi mill-fatt għar-rappurtat u dan jirvina l-komunikazzjoni. Importanti li jibqa’ l-fatt u dejjem noqorbu lejn il-fatt. Anki fil-Kurja naraha din: hemm fatt u mbagħad kulħadd iżejnu billi jżid tiegħu, mingħajr intenzjonijiet ħżiena, din hi d-dinamika. Għalhekk id-distakk li jrid ikollu l-komunikatur hu dejjem dak li jerġa’ lura għall-fatt, jirrapporta l-fatt, u mbagħad jgħid: “l-interpretazzjoni tiegħi hi din, qaluli dan”, u jagħżel il-fatt minn dak li jiġi rrappurtat. Xi żmien ilu rrakkuntawli l-istorja ta’ Barnuża Ħamra, imma fuq il-bażi ta’ dak li kien jiġi rrappurtat, u kienet tispiċċa b’Barnuża Ħamra u n-nanna jpoġġu l-lupu fit-taġen u jikluh! Ir-rakkont bidel l-affarijiet. Ikun xi jkun il-mezz tal-komunikazzjoni, il-garanzija hi l-fedeltà. “Jingħad li” tista’ tintuża? Iva, tista’ tintuża fil-komunikazzjoni, imma wieħed irid joqgħod dejjem b’seba’ għajnejn biex jgħid l-oġġettività tal-“jingħad”. Hu wieħed mill-valuri li hemm bżonn infittxu fil-komunikazzjoni.

 

It-tieni, il-komunikazzjoni għandha tkun umana, u b’umana nifhem kostruttiva, jiġifieri għandha tgħin lill-ieħor jikber. Komunikazzjoni ma tistax tintuża bħala għodda tal-gwerra, għax tkun anti-umana, teqred. Xi ftit taż-żmien ilu għaddejt lil Mons. Rueda artiklu li sibt f’rivista, jismu: “Il-qtar tal-arseniku fuq l-ilsien”. Il-komunikazzjoni għandha tkun għas-servizz tal-kostruzzjoni, u mhux tal-qerda. U meta l-komunikazzjoni tkun għas-servizz tal-qerda? Meta tiddefendi proġetti mhux umani. Naħsbu fil-propoganda tad-dittaturi tas-seklu l-ieħor, kienu dittaturi li kienu jafu jikkomunikaw tajjeb, imma kienu jiffomentaw il-gwerra, il-firdiet u l-qerda. Ma nafx x’għandi ngħid teknikament għax m’iniex espert fis-suġġett. Ridt nisħaq fuq xi valuri li magħhom il-komunikazzjoni, ikun xi jkun il-mezz, għandha żżomm dejjem koerenti.

 

Cristina Cabrejas Giles (it-tieni mistoqsija):

Nerġgħu lura għall-vjaġġ. Waħda mit-temi ta’ dan il-vjaġġ kienet il-protezzjoni tal-ambjent. Tkellimt fuqha fid-diskorsi kollha, tkellimt fuq il-protezzjoni tas-siġar, fuq in-nirien, fuq id-deforestazzjoni… Bħalissa qed taqbad l-Amażonja. Int taħseb li l-gvernijiet ta’ dawn l-inħawi qed jagħmlu kulma hu possibbli biex jipproteġu dan il-pulmun tad-dinja?

 

Il-Papa Franġisku:

Nerġa’ lura fuq l-Afrika. Dan għidtu diġà fi vjaġġ ieħor. Hemm dan il-motto fl-inkonxju kollettiv: l-Afrika għandha tiġi sfruttata. Hi ħaġa inkonxja. Aħna qatt ma naħsbu: l-Ewropa għandha tiġi sfruttata, le. L-Afrika għandha tiġi sfruttata. U aħna għandna neħilsu lill-umanità minn dan l-inkonxju kollettiv. Il-punt l-aktar b’saħħtu tal-isfruttament, mhux biss fl-Afrika imma fid-dinja, hu l-ambjent, id-deforestazzjoni, il-qerda tal-bijodiversità. Xi xhur ilu, ilqajt lill-kappillani tal-baħħara u fl-udjenza kien hemm seba’ żgħażagħ sajjieda li kienu jistadu b’dgħajsa li ma kinitx itwal minn dan l-ajruplan. Kienu jistadu b’mezzi mekkaniċi kif isir illum, xi ftit avventurużi. Qaluli li minn xi xhur ’l hawn tellgħu sitt tunnellati ta’ plastik. (Fil-Vatikan għamilna projbizzjoni fuq il-plastik, qed nagħmlu hekk). Sitt tunnellati ta’ plastik! Din hi realtà, u għadna nitkellmu biss fuq il-baħar… Il-fehma tat-talb tal-Papa dan ix-xahar hi proprju fuq il-protezzjoni tal-oċeani, li jagħtuna wkoll l-ossiġnu li nieħdu n-nifs bih. Imbagħad hemm il-“pulmuni” kbar tal-umanità, wieħed l-Afrika Ċentrali, l-ieħor il-Brażil, iż-żona kollha Panamożonika; u mbagħad hemm ieħor, ma niftakarx fejn… Hemm ukoll il-pulmun żgħar tal-istess tip. Niddefendu l-ekoloġija, il-bijodiversità, li hi l-ħajja tagħna, niddefendu l-ossiġnu. Li jagħtini tama hu li l-ikbar ġlieda favur il-bijodiversità, għall-ħarsien tal-ambjent, qed jagħmluha ż-żgħażagħ. Għandhom kuxjenza kbira, għax huma jgħidu: il-futur hu tagħna; intom, b’tagħkom, agħmlu li tridu, imma mhux b’tagħna! Jibdew jirraġunaw xi ftit fuq hekk. Nemmen li l-fatt li wasalna għall-ftehim ta’ Pariġi kien pass tajjeb ’il quddiem. Imbagħad l-aħħar waħda ta’ Marrakech… Huma laqgħat li jgħinuna nsiru iktar konxji. Imma s-sena l-oħra, fis-sajf, meta rajt dak ir-ritratt tal-vapur sejjer il-North Pole bla nkwiet ta’ xejn, ħassejtni nistħi. U xi żmien ilu, xi xhur ilu rajna r-ritratti kollha tal-att funebri li għamlu, naħseb fi Greenland, fuq il-ġlaċier li ma kienx għadu hemm iżjed, għamlu att funebri simboliku biex jiġbdu l-attenzjoni. Dan qed iseħħ b’rata mgħaġġla, jeħtieġ insiru konxji, u nibdew mill-affarijiet iż-żgħar. Imma l-mistoqsija tiegħek kienet: il-mexxejja tal-gvernjiet qed jagħmlu dak kollu possibbli? Xi wħud iżjed, oħrajn inqas. Hawn kelma li rrid ngħid, li qiegħda fil-bażi tal-isfruttament ambjentali… (Bqajt imqanqal bl-artiklu fuq il-Messaggero tal-4 ta’ Settembru, dakinhar li tlaqna, fejn Franca Giansoldati ma qagħditx tomgħodha, tkellmet fuq manuvri qerrieda, ta’ regħba kbira… Imma dan mhux biss fl-Afrika, imma anki fil-bliet tagħna, fiċ-ċiviltajiet tagħna)… Il-kelma kerha, kerha hi “korruzzjoni”. Jien għandi bżonn nagħmel din l-affari, imma biex nagħmilha jeħtieġ inżarma foresta, u għandi bżonn tal-permess tal-gvern, tal-gvern provinċjali, nazzjonali, ma nafx, u mmur għand min hu responsabbli u l-mistoqsija – ħa nirrepeti litteralment dak li qalli wieħed imprenditur Spanjol – il-mistoqsija li ssir meta rridu li japprovawlna proġett hi: “Għalija kemm?”, sfaċċatament. Dan iseħħ fl-Afrika, fl-Amerika Latina u anki fl-Ewropa. Ma’ kullimkien, meta r-responsabbiltà soċjo-politika nifhmuha bħala qligħ personali, hemm jiġu sfruttati l-valuri, tiġi sfruttata n-natura, in-nies. Naħsbu ftit: “L-Afrika qiegħda hemm biex tiġi sfruttata”. Imma naħsbu ftit f’tant ħaddiema sfruttati fis-soċjetajiet tagħna: l-impjegar illegali ta’ ħaddiema mhux l-Afrikani vvintawh, imma għandna minnu fl-Ewropa. Il-fattiga tad-dar imħallsa terz ta’ dak li jmissha ma vvintawhiex l-Afrikani; in-nisa ingannati u sfruttati biex jagħmlu l-prostituzzjoni fil-bliet tagħna ma vvintawhomx l-Afrikani. Anki aħna għandna dan l-isfruttament, mhux biss ambjentali, anki uman. U dan b’korruzzjoni. Meta l-korruzzjoni tidħol fil-qalb, nippreparaw ruħna, għax minn kollox jiġri.

 

Matteo Bruni:

Il-mistoqsija li jmiss ġejja mingħand Jason Horowitz tan-New York Times.

 

Jason Drew Horowitz (The New York Times, l-Istati Uniti):

Il-ġurnata t-tajba, Santità. Fit-titjira lejn Maputo int stqarrejt li tinsab taħt attakk minn settur tal-Knisja Amerikana. Hemm kritika ħarxa min-naħa ta’ xi isqfijiet u kardinali, hemm stazzjonijiet Kattoliċi tal-televiżjoni u siti elettroniċi Amerikani kritiċi ħafna, u xi wħud mill-alleati l-iżjed stretti tiegħek tkellmu saħansitra fuq komplott kontrik, xi wħud mill-alleati tiegħek fil-Kurja Taljana. X’hemm li dawn il-kritiċi mhumiex jifhmu mill-pontifikat tiegħek? Hemm xi ħaġa li tgħallimt mill-kritiċi fl-Istati Uniti? Ħaġa oħra, tbeżżgħek xiżma fil-Knisja Amerikana? U jekk iva, hemm xi ħaġa li tista’ tagħmel inti – djalogu – biex tgħin, biex tevitaha?

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn, il-kritika dejjem tgħin, dejjem. Meta wieħed jirċievi kritika, dritt għandu jagħmel l-awtokritika u jgħid: veru jew mhux veru?, sa fejn hu veru? Mill-kritika jiena nislet dejjem xi vantaġġ, dejjem. Xi kultant jirrabjawk, imma l-vantaġġi hemm qegħdin. Fil-vjaġġ lejn Maputo ġie… – int kont li tajtni l-ktieb? – xi ħadd minnkom tani dak il-ktieb bil-Franċiż… “Il-Knisja Amerikana tattakka lill-Papa”, le, “Il-Papa taħt attakk mill-Amerikani” [xi ħadd jgħid: “Kif l-Amerikani jridu jibdlu lill-Papa”]… Hekkhu, dan hu l-ktieb. Tajtuni kopja. Kont naf bih dak il-ktieb, imma ma kontx qrajtu. Il-kritika mhix ġejja biss mill-Amerikani, imma xi ftit jew wisq minn kullimkien, anki fil-Kurja. Tal-inqas dawk li jagħmluha għandhom il-vantaġġ tal-onestà li jistqarruha. Lili dan jogħġobni. Li ma niħux gost hu meta l-kritika tkun taħt il-mejda u lilek jitbissmulek u jikxfulek snienhom u mbagħad minn wara spallejk idaħħlulek sikkina f’dahrek. Dan mhuwiex leali, mhuwiex uman. Il-kritika hi element ta’ kostruzzjoni, u jekk il-kritika tiegħek mhix ġusta, int stenna li tirċievi t-tweġiba u tagħmel djalogu, diskussjoni, u tasal għal punt ġust. Din hi d-dinamika tal-kritika vera. Imma l-kritika tal-“pilloli tal-arseniku”, li fuqha konna qed nitkellmu qabel, ta’ dak l-artiklu li tajt lil Mons. Rueda, hi xi ftit bħal dik ta’ min jixħet il-ġebla u jaħbi idu. Din ma tiswiex, xejn ma tgħin. Tgħin lill-gruppi żgħar magħluqa, li ma jridux jisimgħu t-tweġiba għall-kritika tagħhom. Kritika li ma tridx tisma’ tweġiba hi ta’ min jixħet il-ġebla u jaħbi idu. Imma kritika leali: “Jiena naħseb hekk, hekk u hekk”, u tibqa’ miftuħa għat-tweġiba, din tibni, tgħin. Quddiem il-każ tal-Papa: “Din il-ħaġa li għamel il-Papa ma togħġobnix”, sa nikkritikah, nistenna t-tweġiba, immur għandu, nitkellem, nagħmel artiklu u nitolbu jwieġeb, dan hu leali, din hi mħabba lejn il-Knisja. Tagħmel kritika mingħajr ma trid tisma’ t-tweġiba u mingħajr djalogu jfisser li mhux tassew trid il-ġid tal-Knisja, ifisser tibqa’ tiġri wara idea fissa: li tibdel lill-Papa, jew toħloq xiżma, ma nafx. Din ċara: kritika leali u dejjem milqugħa tajjeb, tal-inqas minni.

 

It-tieni, il-problema tax-xiżma: fil-Knisja kellna ħafna xiżmi. Wara l-Konċilju Vatikan I, l-aħħar votazzjoni, dik tal-infallibbiltà, kien hemm grupp imdaqqas li qabad u telaq, inqata’ mill-Knisja u waqqaf il-Vetero-Kattoliċi biex ikunu proprju “onesti” mat-tradizzjoni tal-Knisja. Imbagħad huma stess sabu żvilupp differenti u issa qed jagħmlu l-ordinazzjonijiet tan-nisa; imma f’dak iż-żmien kienu riġidi, kienu jiġru wara ċerta ortodossija u tal-fehma li l-Konċilju żbalja. Grupp ieħor telaq bla ma vvota, kuti kuti, imma ma ridux jivvotaw… Il-Konċilju Vatikan II ħoloq dawn l-affarijiet, forsi l-qtugħ l-aktar magħruf hu dak ta’ Lefebvre. Dejjem hemm l-għażla ta’ xiżma fil-Knisja, dejjem. Hi waħda mill-għażliet li l-Mulej dejjem iħalli lil-libertà umana. Jien ma nibżax mix-xiżmi, nitlob biex ma jkunx hemm, għax hemm fin-nofs is-saħħa spiritwali ta’ tant nies. Ħa jkun hemm id-djalogu, ħa jkun hemm il-korrezzjoni jekk ikun hemm xi żball, imma l-mixja tax-xiżma mhix Nisranija. Ejjew naħsbu fil-bidu tal-Knisja, kif bdiet b’ħafna xiżmi, waħda wara l-oħra, biżżejjed taqra l-istorja tal-Knisja: Arjani, Njostiċi, Monofiżiti…

 

Imbagħad, jiġini li nirrakkonta anneddotu li għidtu xi darba. Kien il-poplu ta’ Alla li salvana mix-xiżmi. Ix-xiżmatiċi dejjem għandhom ħaġa komuni: jinqatgħu mill-poplu, mill-fidi tal-poplu ta’ Alla. U meta fil-Konċilju ta’ Efesu kien hemm id-diskussjoni fuq il-maternità divina ta’ Marija, il-poplu – din storika – kien fil-bieb tal-katidral meta l-isqfijiet kienu deħlin għall-konċilju, kienu hemm bil-bsaten f’idejhom, juru l-bsaten u jgħajtu: “Omm Alla! Omm Alla!”, qishom iridu jgħidu: jekk ma tagħmlux hekk, dawn hemm jistennewkom… Il-poplu ta’ Alla dejjem jirranġa l-affarijiet u jgħin. Xiżma hi dejjem distakk elitarju pprovokat mill-ideoloġija maqtugħa mid-duttrina. Hi ideoloġija, forsi ġusta, imma li tidħol fid-duttrina u taqsamha u ssir “duttrina” għal xi żmien. Għalhekk jien nitlob li ma jkollniex xiżmi, imma ma nibżax.

 

[Il-ġurnalista jerġa’ jaqbad jistaqsi]

 

X’għandi nagħmel biex ngħin?… Dan li qed ngħid issa: ma nibżax…; jiena nwieġeb għall-kritika, dan kollu nagħmlu. Forsi jekk xi ħadd jiġih f’moħħu x’għandi nagħmel, nagħmlu, biex ngħin… Imma dan hu wieħed mir-riżultati tal-Konċilju Vatikan II, mhux ta’ dan il-Papa jew tal-Papa l-ieħor… Ngħidu aħna, il-punti soċjali li nsemmi, huma l-istess li qal Ġwanni Pawlu II, l-istess. Nikkupja lilu nkun. Imma jgħidu: “Il-Papa hu wisq Komunista…”. Jidħlu ideoloġiji fid-duttrina, u meta d-duttrina tiżloq fl-ideoloġiji, hemm il-possibbiltà ta’ xiżma. U hemm anki l-ideoloġija tal-imġiba, jiġifieri l-primat ta’ morali sterili fuq il-morali tal-poplu ta’ Alla. Ir-Ragħajja għandhom imexxu l-merħla bejn il-grazzja u d-dnub, għax il-morali evanġelika din hi. Imma morali ta’ ideoloġija Pelaġjana, biex ngħidu hekk, twasslek għar-riġidità, u llum għandna ħafna skejjel ta’ riġidità fil-Knisja, li mhumiex xiżmi imma huma toroq Insara psewdoxiżmatiċi, li se jispiċċaw ħażin. Meta intom taraw Insara, isqfijiet, saċerdoti riġidi, wara dan l-atteġġjament hemm problemi, mhemmx il-qdusija tal-Vanġelu. Għalhekk għandna nkunu twajba mal-persuni li huma ttentati li jagħmlu dawn l-attakki, għax għaddejjin minn problema, għandna nakkumpanjawhomn bil-ħlewwa. Grazzi.

 

Matteo Bruni:

L-aħħar mistoqsija hi ta’ Aura Miguel minn Radio Renascença.

 

Il-Papa Franġisku:

Kif tkellimtu l-Portugiż?

 

Aura Vistas Miguel (Radio Renascença, il-Portugall):

Tajjeb ħafna, kulħadd fehem, kont tiftiehem tajjeb ħafna. Santità, sa nerġa’ lura għall-Mozambique sempliċiment biex nistaqsik dan. Aħna nafu li int ma tiħux pjaċir iżżur pajjiżi tul il-kampanja elettorali, imma fil-Mozambique għamiltha, xahar qabel l-elezzjonijiet, ġustament fuq stedina tal-President, wieħed mill-kandidati. Kif inhi din?

 

Il-Papa Franġisku:

Iva. Ma kienx żball. Kienet għażla li ħadt liberament, għax il-kampanja elettorali bdiet f’dawn il-jiem, u marret fit-tieni post wara l-proċess tal-paċi. L-importanti kien li nżur biex ngħin ħalli nsaħħu l-proċess tal-paċi. U dan kien iżjed importanti minn kampanja li kienet għadha ma bdietx, kellha tibda fil-jiem ta’ wara t-tmiem taż-żjara tiegħi. U hemm, l-iktar l-iktar, meta tagħmel il-bilanċ bejn iż-żewġ affarijiet, [iżinna]: iva, importanti nsaħħu. U mbagħad stajt insellem lill-avversarji politiċi, dan biex nagħti idea u nisħaq li l-importanti kien dan, u mhux li “nissapportja” lil dan il-President li jien ma nafux, ma nafx kif jaħsibha, u lanqas kif jaħsbuha l-oħrajn. Għalija kien iktar importanti nisħaq fuq l-għaqda tal-pajjiż. Imma dak li qed tgħid int huwa minnu: jeħtieġ inżommu ’l barra mill-kampanji elettorali, iva, dan hu veru. Grazzi.

 

Grazzi ħafna lilkom tal-ħidma tagħkom! Inħossni rikonoxxenti lejkom għal dak kollu li tagħmlu. U itolbu għalija; jien nitlob għalikom. L-ikla t-tajba!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard