L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Kuntatt

 

Ċentinarju tal-Maximum Illud

 

 

Ara l-ittra tal-Papa Benedittu XV, Maximum Illud. 30/11/1919 ...

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊENTINARJU TAL-PROMULGAZZJONI

TAL-ITTRA “MAXIMUM ILLUD

DWAR IL-ĦIDMA MWETTQA MILL-MISSJUNARJI FID-DINJA

 

Lill-Għażiż Ħija

l-Kardinal Fernando Filoni,
Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli

 

It-30 ta’ Novembru 2019 jaħbat iċ-ċentinarju tal-promulgazzjoni tal-Ittra appostolika Maximum illud li biha Benedittu XV xtaq li jagħti ħeġġa ġdida lir-responsabbiltà missjunarja li tħabbar il-Bxara t-Tajba (l-Evanġelju). Kienu l-1919: fit-tmiem ta’ kunflitt dinji tremend li l-Papa nnifsu kien idefinixxa bħala “straġi inutli”,[1] huwa ħass il-ħtieġa li jġedded evanġelikament il-missjoni fid-dinja, biex tkun imnaddfa minn kull inkrostazzjoni kolonjali u żżomm ruħha ’l bogħod minn kull għan nazzjonalistiku u espansjonista li kien il-kawża ta’ ħafna diżastri. Huwa kiteb li “l-Knisja ta’ Alla hija universali, u ma hija barranija għall-ebda poplu”,[2] u eżorta lil kulħadd biex jiġi rrifjutat kull interess ieħor, għaliex it-tħabbira u l-karità tal-Mulej Ġesù, imxerrda bil-qdusija tal-ħajja u bl-opri tajba, huma r-raġuni tal-missjonijiet. Hekk Benedittu XV ta imbuttatura speċjali lill-missio ad gentes, billi ħadem, bl-istrument tal-ħsieb u tal-komunikazzjoni ta’ żmienu, biex iqajjem mill-ġdid, b’mod partikolari fost is-saċerdoti, il-kuxjenza tad-dmir missjunarju.

 

Huwa wieġeb għas-sejħa dejjiema ta’ Ġesù: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-tajba lil kull bniedem” (Mk 16:15). Li wieħed jisma’ dan il-kmand tal-Mulej mhix xi għażla għall-Knisja: hija “ħtieġa”, kif fakkar il-Konċilju Vatikan II,[3] għaliex il-Knisja “hija minnha nfisha missjunarja”.[4] “L-evanġelizzazzjoni hija l-grazzja u vokazzjoni preċiżi tal-Knisja, l-aqwa marka li tagħtiha l-identità tagħha. Il-Knisja teżisti biex tevanġelizza”.[5] Biex il-Knisja tikkorrispondi għal din l-identità u xxandar lil Ġesù msallab u rxoxtat lil kulħadd, is-Salvatur ħaj, il-Ħniena li teħles, “il-Knisja”, jafferma l-Konċilju, “imġiegħla mill-ispirtu ta’ Kristu, għandha tgħaddi mill-istess triq li minnha għadda Kristu nnifsu, it-triq tal-faqar, tal-ubbidjenza, tal-qadi, u tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu sal-mewt”.[6] Hekk tkun tista’ twassal realment lill-Mulej, “il-prinċipju u l-fasla ta’ din l-umanità mġedda, mogħnija bi mħabba tal-aħwa, b’sinċerità u bi spirtu ta’ paċi, li lkoll nixtiequ”.[7]

 

Dak li kien għal qalb Benedittu XV kważi mitt sena ilu u dak li d-Dokument tal-Konċilju fakkarna iktar minn ħamsin sena ilu, jibqa’ kompletament attwali. Illum bħal qabel, “il-Knisja, mibgħuta minn Kristu biex turi u tgħaddi lill-bnedmin u lill-ġnus kollha l-imħabba ta’ Alla, taf li għad fadlilha xogħol missjunarju kbir xi twettaq”.[8] Dwar dan il-għan, San Ġwanni Pawlu II osserva li “l-missjoni tal-Feddej, imħollija f’idejn il-Knisja, għad fadlilha ħafna biex isseħħ għalkollox”, u li meta nagħtu “ħarsa biss lejn il-ġens kollu tal-bnedmin, turina li din il-missjoni għadha fil-bidu tagħha, u għalhekk jeħtieġ li aħna nimpenjaw ruħna fil-qadi ta’ din il-missjoni bil-ħila kollha tagħna”.[9] Għalhekk hu, bil-kelmiet li nixtieq inressaq għall-attenzjoni ta’ kulħadd, eżorta lill-Knisja għal “tiġdid fl-impenn missjunarju”, fil-konvinzjoni li l-missjoni “ġġedded il-Knisja, issaħħaħ il-fidi u l-identità Nisranija, tnissel ħeġġa ġdida fir-ruħ u tqanqal għall-impenji ġodda. Il-fidi tissaħħaħ billi tingħata lill-oħrajn. L-evanġelizzazzjoni mill-ġdid tal-popli Nsara ssib l-ispirazzjoni tagħha u l-għajnuna mill-impenn missjunarju universali tal-Knisja”.[10]

 

Fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, li fiha ġbart il-frott tat-tmien Sinodu Ġenerali Ordinarju tal-Isqfijiet, imsejjaħ biex jirrifletti dwar l-evanġelizzazzjoni l-ġdida għat-tixrid tal-fidi Nisranija, xtaqt nippreżenta mill-ġdid lill-Knisja kollha din is-sejħa urġenti: “Ġwanni Pawlu II stedinna nagħrfu li ‘qatt m’għandha tonqos il-ħeġġa għat-tħabbir’ lil dawk li huma mbiegħdin minn Kristu, għax ‘fl-aħħar mill-aħħar dan hu l-ewwel dmir tal-Knisja’. Il-ħidma missjunarja ‘hi llum ukoll l-aqwa sfida li għandha l-Knisja’ u ‘l-ħidma missjunarja trid tiġi l-ewwel’. X’jiġri jekk nieħdu tassew bis-serjetà dawn il-kelmiet? Nagħrfu li l-azzjoni missjunarja hi l-mudell ta’ kull ħidma tal-Knisja”.[11]

 

Dak li nixtieq nesprimi jidhirli li ma jistax jitħalla għal darb’oħra: “Għandu tifsira programmatika u konsegwenzi importanti. Nittama li l-komunitajiet kollha jħabirku biex iħaddmu l-mezzi neċessarji ħalli jimxu ’l quddiem fil-mixja ta’ konverżjoni pastorali u missjunarja, li ma tistax tħalli l-affarijiet kif sabithom. Hawn m’aħniex bżonn ta’ ‘sempliċi amministrazzjoni’. Fir-reġjuni kollha tad-dinja rridu nwaqqfu preżenza fi ‘stat permanenti ta’ missjoni’”.[12] M’għandniex nibżgħu li, b’fiduċja f’Alla u b’kuraġġ, nibdew “għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni. Ir-riforma tal-istrutturi, li titlob konverżjoni pastorali, nistgħu nifhmuha biss f’dan id-dawl: nagħmlu mod li dawn kollha jsiru iżjed missjunarji, li l-pastorali ordinarja fil-livelli kollha tagħha tkun iktar wiesgħa u miftuħa, li tqiegħed lill-aġenti pastorali f’atteġġjament kontinwu ta’ ‘ħruġ’ u hekk tiffavorixxi t-tweġiba pożittiva ta’ dawk  kollha lil lilhom Ġesù joffri l-ħbiberija tiegħu. Kif qal Ġwanni Pawlu II lill-Isqfijiet tal-Oċeanja, ‘kull tiġdid fil-Knisja għandu jkollu bħala l-għan tiegħu l-missjoni, biex ma jisfax priża ta’ atteġġjament fejn il-Knisja tħares biss lejha nfisha’”.[13]

 

L-Ittra appostolika Maximum illud kienet eżortat, bi spirtu profetiku u onestà evanġelika, biex il-Knisja toħroġ mill-konfini tan-nazzjonijiet, biex tagħti xhieda tar-rieda salvifika ta’ Alla permezz tal-missjoni universali tal-Knisja. Iċ-ċentinarju ta’ din l-Ittra għandu jkun ta’ stimolu biex negħlbu t-tentazzjoni li tiġri sikwit, li hija moħbija taħt kull introverżjoni ekkleżjali, għal kull għeluq b’referenza għalina nfusna fil-konfini proprji tagħna li fihom inħossuna żguri, għal kull nostalġija sterili tal-passat, biex ninfetħu għat-tiġdid ferrieħi tal-Vanġelu. Anki fi żminijietna, milquta mit-traġedji tal-gwerra u mhedda min-niket ta’ rieda li tenfasizza d-differenzi u tqanqal il-kunflitti, il-Bxara t-Tajba li f’Ġesù l-maħfra tirbaħ id-dnub, il-ħajja tirbaħ il-mewt u l-imħabba tirbaħ il-biża’, titwassal lil kulħadd b’ħeġġa mġedda u tnissel fiduċja u tama.

 

B’dawn is-sentimenti, nilqa’ l-proposta tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli, u nindika Xahar missjunarju straordinarju f’Ottubru 2019, bl-iskop li kemm jista’ jkun inqajmu l-kuxjenza tal-missio ad gentes u naqbdu mill-ġdid b’ħeġġa ġdida l-bidla missjunarja tal-ħajja u tal-pastorali. Wieħed jista’ jitħejja għalih, anki permezz tax-xahar missjunarju ta’ Ottubru tas-sena li ġejja, sabiex l-Insara kollha jkollhom verament għal qalbhom it-tħabbira tal-Bxara t-Tajba u l-konverżjoni tal-komunitajiet tagħhom f’realtajiet missjunarji u ta’ evanġelizzazzjoni; sabiex tikber l-imħabba għall-missjoni li “hi passjoni għal Ġesù imma, fl-istess ħin, hi passjoni għall-poplu tiegħu”.[14]

 

Lilek, għażiż Ħija, lid-Dikasteru li tmexxi u lill-Opri Missjunarji Pontifiċji nafda l-ħidma li tibdew it-tħejjija ta’ din il-ġrajja, b’mod partikolari permezz ta’ sensibilizzazzjoni wiesgħa tal-Knejjes partikolari, tal-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u tas-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika, kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet, tal-movimenti, tal-komunitajiet u tar-realtajiet l-oħra ekkleżjali. Ħalli x-Xahar missjunarju straordinarju jkun grazzja intensa u li jagħti l-frott biex iġib ’il quddiem inizjattivi u jintensifika b’mod partikolari t-talb – ruħ ta’ kull missjoni – it-tħabbira tal-Vanġelu, ir-riflessjoni biblika u teoloġika fuq il-missjoni, l-opri ta’ karità Nisranija, l-azzjonijiet konkreti ta’ kollaborazzjoni u ta’ solidarjetà bejn il-Knejjes, biex iqajmu fina u ma jħallux jittieħed minna l-entużjażmu missjunarju.[15]

 

Mill-Vatikan, 22 ta’ Ottubru 2017

Id-XXIX Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Tifkira ta’ San Ġwanni Pawlu II

Jum Dinji tal-Missjoni

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Mons. Renato Borg


 

[1] Ittra lill-mexxejja tal-popli fil-gwerra, 1 ta’ Awwissu 1917: AAS IX (1917), 421-423.

[2] Benedettu XV, Ittra appostolika Maximum illud, 30 ta’ Novembru 1919: AAS 11 (1919), 445.

[3] Digriet fuq il-ħidma missjunarja tal-Knisja Ad gentes, 7 ta’ Diċembru 1965, 7: AAS 58 (1966), 955.

[4] Ibid., 2: AAS 58 (1966), 948.

[5] Pawlu  VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, 8 ta’ Diċembru 1975, 14: AAS 68 (1976), 13.

[6] Digriet Ad gentes, 5: AAS 58 (1966), 952.

[7] Ibid., 8: AAS 58 (1966), 956-957.

[8] Ibid., 10: AAS 58 (1966), 959.

[9] Enċiklika Redemptoris missio, 7 ta’ Diċembru 1990, 1: AAS 83 (1991), 249.

[10] Ibid., 2: AAS 83 (1991), 250-251.

[11] N. 15: AAS 105 (2013), 1026.

[12] Ibid., 25: AAS 105 (2013), 1030.

[13] Ibid., 27: AAS 105 (2013), 1031.

[14] Ibid., 268: AAS 105 (2013), 1128.

[15] Ara Ibid., 80: AAS 105 (2013), 1053.