IL-VJAĠĠ APPOSTOLIKU GĦAL RIO DE JANEIRO ĊERIMONJA TA’ MERĦBA DISKORS TAL-PAPA FRANGISKU Ġnien tal-Palazz Guanabara ta’ Rio de Janeiro Tnejn, 22 ta’ Lulju 2012
Sinjura President, Awtoritajiet Distinti Ħuti u ħbieb!
Fil-providenza ta’ tiegħu ta’ mħabba, Alla ried li l-ewwel vjaġġ internazzjonali tal-Pontifikat tiegħi jagħtini l-possibiltà li nirritorna fil-maħbuba Amerika Latina, l-aktar fil-Brażil, Nazzjon li tiftaħar bir-rabtiet mill-qrib tagħha mas-Sede Appostolika u bis-sentimenti profondi tagħha ta’ fidi u ħbiberija li dejjem żammewha magħquda, b’mod uniku, mas-Suċċessur ta’ Pietru. Inrodd ħajr għal din il-benevolenza divina. Tgħallimt li biex ikollok aċċess għall-Poplu Brażiljan, jeħtieġ tidħol mill-bieb tal-qalb kbira tiegħu; u għalhekk f’dan il-mument qed inħabbat ġentilment fuq dan il-bieb. Nitlob il-permess li nidħol u ngħaddi din il-ġimgħa magħkom. Jiena la għandi deheb u lanqas fidda, imma inġib dak li hu aktar prezzjuz u li kien mogħti lili: Ġesù Kristu! Ġejt f’ismu biex inqawwi l-fjamma ta’ mħabba fraterna li tħeġġeġ f’kull qalb; u u nixtieq li għand kull wieħed u kull waħda tasal it-tislima tiegħi: “Il-paċi ta’ Kristu tkun magħkom!” Insellem b’rispett lis-Sinjura President u lill-membri distinti tal-Gvern tagħha. Inroddilha ħajr għall-merħba tagħha u għall-kliem li bihom ridet turi il-ferħ tal-Brażiljani għall-preżenza tiegħi fin-Nazzjon tagħhom. Insellem ukoll lis-Sinjur Gvernatur ta’ dan l-Istat, li ġentilment laqgħna fil-palazz tal-Gvern, lis-Sindku ta’ Rio e Janeiro, kif ukoll lill-Membri tal-Korp Diplomatiku li huma akkreditati mal-Gvern Brażiljan, lill-Awtoritajiet l-oħra preżeni, u lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex din iż-żjara tiegħi sseħħ. Nixtieq ngħid kelma ta’ affett lill-ħuti Isqfijiet, li fuqhom għandhom il-piż li jmexxu l-merħla ta’ Alla f’dan il-Pajjiż immens, u lill-Knejjes partikolari tagħhom. B'din iż-żjara tiegħi nixtieq inkompli fil-missjoni pastorali propja tal-Isqof ta’ Ruma, li nsaħħaħ lill-aħwa fil-fidi fi Kristu, li nagħmlilhom kuraġġ fix-xhieda tal-għala tat-tama tagħhom li tiġi minnu, u li nħeġġiġhom biex joffru lil kulħadd l-għana li ma jispiċċax tal-imħabba tiegħu. Kif hu magħruf, il-mottiv prinċipali tal-preżenza tiegħi fil-Brażil tmur ‘il hinn mill-konfini tiegħu. Infatti jiena ġejt għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Ġejt biex niltaqgħa ma’ żgħażagħ li ġew minn kull parti tad-dinja, miġbuda mid-dirgħajn miftuħa ta’ Kristu Redentur. Huma jridu jsibu kenn fit-tgħannieqa tiegħu, propju qrib il-qalb tiegħu,li jisemgħu mill-ġdid is-sejħa ċara u qawwija tiegħu: “Morru u għamlu dixxipli lill-popli kollha”. Dawn iż-żgħażagħ ġew minn kontinenti differenti, jitħaddtu lingwi differenti, ġiebu magħhom kulturi varji, madankollu jsibu fi Kristu t-tweġibiet għall-aspirazzjonijiet l-aktar għolja u komuni tagħhom, u minnu jistgħu jaqtgħu il-ġuħ għall-verità ċara u għall-imħabba awtentika li tgħaqqadhom ‘il hinn minn kull diversità. Kristu joffrilhom spazju, nafu li ma jistgħax ikun hemm enerġija aktar qawwija minn dik li toħroġ mill-qalb taż-żgħażagħ meta jkunu mirbuħa mill-esperjenza tal-ħbiberija miegħu. Kristu għandu fiduċja fiż-żgħażagħ u jafdalhom il-futur tal-istess missjoni tiegħu. “Morru għamlu dixxipli”; morru ‘il hinn mill-konfini ta’ dak li huwa umanament possibli u nisslu dinja ta’ aħwa. Imma ankè iż-żgħażagħ għandom fiduċja fi Kristu: huma m’għandhomx biża li jirriskjaw miegħu l-unika ħajja li għandhom, għaliex jafu li ma jibqgħux delużi. Fil-bidu ta’ din iż-żjara tiegħi fil-Brażil, naf tajjeb li meta ndur fuq iż-żgħażagħ, nitkellem ukoll lill-familji tagħhom, lill-komunitajiet ekkleżjali u nazzjonali li jiġu minnhom, lis-soċjetajiet li huma parti minnhom, lill-irġiel u n-nisa li minnhom jiddipendi fil-parti l-kbira l-futur ta’ din il-ġenerazzjoni. Huwa komuni fostkom li l-ġenituri li jgħidu, “L-ulied huma l-pupilla t’għajnejna!” Kemm hi sabiħa din l-espressjoni ta’ għerf Brażiljan li tapplika għaż-żgħażagħ ix-xbieha tal-pupilla tal-għajnejn, it-tieqa li minnha jidħol id-dawl fina u jirregalalna il-miraklu tal-viżta! X’jiġri minna jekk ma nieħdux ħsieb għajnejna? Kif nistgħu nimxu ‘l quddiem? L-awgurju tiegħi hu li matul din il-ġimgħa, kull wieħed minna jistaqsi lilu nnifsu din id-domanda provokattiva. U attenti! Iż-żogħżija hija t-tieqa li minnha il-futur jidħol fid-dinja. Hija t-tieqa, u allura tpoġġi fuqna sfidi kbar. Il-ġenerazzjoni tagħna turi li hija tasal li twettaq il-wegħda li hemm f’kull żagħżugħ meta jkun jaf li qed jiġi offrut spazju. Dan ifisser: li nipproteġu l-kundizzjonijiet materjali u spiritwali għall-iżvilupp sħiħ; noffrulhom sisien solidi li fuqhom ikunu jistgħu jibnu l-ħajja; niggarantulhom is-sikurezza u l-edukazzjoni sakemm jilħqu dak li jistgħu jilħqu; nittrasmettulhom valuri dejjiema li għalihom tkun ħaġa valida li wieħed jgħix; nassikurawlhom oriżżont traxxendenti għall-għatx tagħhom ta’ kuntentizza awtentika u l-krejattività tagħhom fit-tajjeb; ngħaddulhom l-wirt ta’ dinja li tikkorrispondi mal-kejl tal-ħajja umana; inqajmu fihom l-aqwa qawwa biex ikunu protagonisti tal-għada propju tagħhom u koresponsabbli tad-destin ta’ kulħadd. Permezz ta’ dawn l-atteġġjamenti illum nantiċipaw il-futur li jidħol mit-tieqa taz-żgħażagħ. Biex nikkonkludi, nitlob lil kulħadd il-ġentilezza tal-attenzjoni u, jekk possibbli, l-empatija meħtieġa biex isir djalogu bejn il-ħbieb. F’dan il-mument, dirgħajn il-Papa jittwessgħu biex jgħannqu in-nazzjon Brażiljan kollu, fil-għana kumpless tiegħu, kulturali u reliġjuża. Mill-Amażonja sal-Pampas, mir-reġjuni niexfa sal-Pantanal, mill-pajjiżi żgħar għall-metropoli, ħadd mhu eskluż mill-affett tal-Papa. Pitgħada, jekk Alla jrid, għandi f’moħħi li nressaqkom lkoll quddiem is-Sinjura Tagħna ta’ Aparecida, nitlobha l-ħarsien matern tagħha fuq id-djar u l-familji tagħkom. Minn issa nbierek lilkom kollha. Grazzi tal-merħba tagħkom!
Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia
|