Għeżież ħuti,

Il-ġurnata t-tajba!

Illum l-appuntament tal-Angelus ta’ kull nhar ta’ Ħadd qed ngħixuh f’Castel Gandolfo.  Insellem lil dawk kollha li jgħixu f’din il-belt ħelwa! Nirringrazzjakom fuq kollox ghat-talb tagħkom, u nirringrazzja wkoll lilkom il-ħafna pellegrini li ġejtu hawn.

Il-vanġelu tal-lum – wasalna fl-għaxar kapitlu ta’ Luqa – jirrakkonta l-parabbola magħrufa tas-Samaritan it-tajjeb.  Min kien dar-raġel? Kien raġel bħall-oħrajn, wieħed minn ħafna, li kien nieżel minn Ġerusalemm għal Ġeriko mit-triq li taqsam id-dezert tal-Lhudija.  Ftit ħin qabel f’dik l-istess triq kien għadu kemm ġie attakkat raġel minn xi ħallelin, li serquh, sawwtuh u telquh hemm nofsu mejjet.  Qabel is-Samaritan għaddew minn hemm saċerdot u levita, jiġifier żewġ irġiel li xogħolhom kien marbut mal-kult tat-Tempju tal-Mulej.  Jaraw lil dak l-imsejken, imma jibqgħu sejrin bla ma jieqfu.  Imma dak is-Samaritan, meta ra lil dak ir-raġel, “tħassru” (Lq 10,33) jgħidilna l-Vanġelu.  Resaq lejh, infaxxalu l-ġrieħi wara li dilikhomlu biż-żejt u bl-inbid, imbagħad għabbieh fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħallaslu biex seta’ jibqa’ hemm…  Fi ftit kliem: ħa ħsiebu: dan hu l-eżempju tal-imħabba għall-proxxmu.  Tgħid għala Ġesù jagħżel Samaritan bħala l-protagonist ta’ din il-parabbola? Għax is-Samaritani kienu miskerrha mil-Lhud minħabba xi tradizzjonijiet reliġjużi differenti li kellhom; imma xorta waħda Ġesù juri li qalb dak is-Samaritan kienet tajba u ġeneruża u li – għad-differenza tas-saċerdot u tal-levita – hu poġġa fil-prattika r-rieda ta’ Alla, li aktar irid il-ħniena milli s-sagrifiċċji (cfr Mk 12,33).  Alla dejjem irid il-ħniena mhux il-kundanna kontra kulħadd.  Irid il-ħniena tal-qalb, għax Hu ħanin u jaf jifhem tajjeb il-miżerji tagħna, id-diffikultajiet tagħna u anke d-dnubniet tagħna.  Din il-qalb ħanina tiegħu hu jagħtiha lilna!  Dan hu dak li jagħmel is-Samaritan: jixbaħ il-ħniena ta’ Alla, il-ħniena lejn min għandu bżonnha.

Raġel li għex bis-sħiħ dan il-vanġelu tas-Samaritan it-tajjeb hu l-qaddis li nfakkru llum: San Kamillu de Lellis, fundatur tal-Ministri tal-Morda, patrun tal-morda u ta’ dawk kollha jagħdmu maghhom.  San Kamillu miet fl-14 ta’ Lulju 1614: illu qed jiġi inawgurat ir-raba’ ċentenarju minn mewtu, li se jasal fil-qofol tiegħu bħal-lum sena.  Insellem b’ħafna mħabba lill-ulied spiritwali kollha ta’ San Kamillu, li fil-kuntatt mal-morda kuljum jgħixu l-kariżma tal-karità li hu wera.  Kunu bħalu Samaritani tajbin!  U nawgura wkoll lit-tobba, lill-infermiera u lil dawk kollha li jaħdmu fl-isptarijiet u fil-djar tal-kura biex iku mmexxija mill-istess spirtu.  Nafdaw din l-intenzjoni fl-interċessjoni tal-Imqaddsa Marija.

U hemm intenzjoni oħra li, flimkien magħkom, nixtieq nafda f’idejn il-Madonna.  Qed joqrob il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janeiro.  Jidher li hawn ħafna li huma żgħażagħ fl-età, imma intom ilkoll żgħażagħ fil-qalb!  Jien nitlaq tmint ijiem oħra, imma ħafna żgħażagħ se jitilqu lejn il-Brażil qabel.  Nitolbu ghalhekk għal dan il-pellegrinaġġ li se jibda, sabiex il-Madonna ta’ Aparecida, patruna tal-Brażil, tmexxi l-passi ta’ dawk kollha li se jieħdu sehem, u tiftħilhom qalbhom biex jilqgħu il-missjoni li Kristu se jagħtihom.

 

--------------------------------------------------------------------------------

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Ningħaqad mal-Isqfijiet u mal-insara kollha tal-Knisja fl-Ukraina li huma miġburin fil-Katidral ta’ Lutsk biex jiċċelebraw quddiesa ta’ suffraġju fl-okkażjoni tas-70 anniversarju tal-istraġi f’Volinia.  Azzjonijiet bħal din, ikkawżati mill-ideoloġija nazzjonalista tal-kuntest traġiku tat-Tieni Gwerra Dinjija, ikkawżaw għexieren ta’ eluf ta’ vittmi, u ferew il-fraternità ta’ żewġ polpli, dak Pollakk u dak Ukrain.  Nafda għall-ħniena ta’ Alla l-erwieħ tal-vittmi u, nitlob il-grazzja ta’ rikonċiljazzjoni profona bejn iż-żewġ popli, għal ġejjieni hieni fit-tama u f’kollaborazzjoni sinċiera biex tkompli tinbena s-Saltna ta’ Alla li hi ghal kulħadd.

Qiegħed naħseb ukoll fl-insara li qed jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ tal-Familja organizzat minn Radju Marija f’Jasna Góra, Częstochowa. Inħallikom taħt il-protezzjoni ta’ Omm Alla, u nberikkom minn qalbi.

Insellem bil-qalb l-insara tad-djoċesi ta’ Albano!  Insejjaħ fuqkom il-protezzjoni ta’ San Bonaventura, il-patrun tagħom, li tiegħu għada l-Knisja tiċċelebra l-festa.  Nixtieqilkom u nawguralkom li tkun festa sabiħa!  Insellem il-pellegrini kollha li huma hawn preżenti: il-gruppi parrokkjali, il-familji, iż-żgħażagħ, speċjalment dawk li ġew mill-Irlanda; u liż-żgħażagħ torox li qed jieħdu sehem fil-laqgħa internazzjonali tagħhom f’Ruma.

Insellem lis-Sorijiet ta’ Sant’Eliżabetta, u nixtieqilhom tiġdid spiritwali li jħalli l-fotti; lill-Apostolo del Sacro Cuore di Gesù, minn komunitajiet minn diversi postijiet fid-dinja; il-Figlie della Divina Carità li bħalissa għandhom il-Kapitlu ġenerali; u lis-Superjuri tal-Figlie di Maria Ausiliatrice.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.