Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

 

Il-vanġelu tal-lum (Lc 12, 32-48) ikellimna fuq ix-xewqa tagħna li niltaqgħu b’mod sħiħ ma’ Kristu, xewqa li żżommna dejjem preparati, bl-ispirtu tagħna mqajjem, għax nistennew din il-laqgħa b’qalba kollha u b’dak kollu li aħna.  Dan hu aspett fundamentali tal-ħajja.  Hemm xewqa li aħna lkoll għandna f’qalbna; sew jekk hija xewqa li tidher sew jekk hija xewqa moħbija, ilkoll kemm aħna għanda din ix-xewqa f’qalbna.

 

Dan it-tagħlim ta’ Ġesù wkoll hemm bżonn narawh fil-kuntest konkret u esistenzjali li fih hu tahulna.  F’dan il-każ, l-evanġelista Luqa jurina lil Ġesù miexi mad-dixxipli tiegħu lejn Ġerusalemm, lejn il-Għid tall-mewt u l-qawmien tiegħu, u waqt din il-mixja jgħallimhom billi jurihom dak li hemm f’qalbu, dak li jħoss fil-fond ta’ ruħu.  Fost dawn l-atteġġjamenti hemm id-distakk mill-ġid tad-dinja, it-tama fil-providenza tal-Missier u, appuntu, li kulħadd jishar fl-ispirtu tiegħu, li kull wieħed jistenna b’mod attiv is-Saltna ta’ Alla.  Għal Ġesù din hija l-istennija bex imur lura fid-dar tal-Missier.  Għalina hija l-istennija ta’ Kristu stess, li għad jiġi għalina u jwassalna sal-festa li ma tintemmx, l-istess kif għamel ma’ ommu l-Imqaddsa Marija: ħadha fis-sema miegħu.

 

Dan il-vanġelu jrid jgħidilna li kull nisrani għandu fih xewqa kbira, xewqa mill-aktar profonda: dak li jiltaqa’ mal-Mulej tiegħu flimkien ma’ ħutu, dawk li jinsabu fl-istess mixja bħalu.  U dan kollu li Ġesù qiegħed jgħidilna jinġabbar f’kelma magħrufa li jgħid Ġesù stess: “Fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll” (Lq 12,34).  Il-qalb li tixtieq.  Imma lkoll kemm aħna għandna xewqa.  L-imsejknin huma dawk li m’għandhomx xewqa: ix-xewqa li tibqa’ miexi, lejn l-orizzont; u għalina l-insara dan l-orizzont huwa l-laqgħa ma’ Ġesù, il-laqgħa proprja miegħu, li huwa il-ħajja tagħna, il-ferħ tagħna, dak li jagħmilna ferħanin.  Imma kieku jien inpoġġilkom żewġ mistoqsijiet.  L-ewwel waħda: intom ilkoll għandkom qalb li tixtieq?  Aħseb ftit u agħti tweġiba f’qalbek: int għandek qalb li tixtieq, jew qalb magħluqa, qalb rieqda, qalb illuppjata bl-affarijiet tal-ħajja?  Ix-xewqa għandha tkun li li timxi ‘il quddiem biex tiltaqa’ ma’ Ġesù.  U hawn hi t-tieni mistoqsija: fejn hu t-teżor tiegħek, dak li inti tixtieq? – għax Ġesù qalilna: “Fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom” – u jien nistaqsik: fejn hu t-teżor tiegħek?  Għalik liema hi r-realtà l-aktar importanti, l-aktar prezzjuża, ir-realtà li tiġbed lil qalbek bħal kalamita?  Lejn xiex tinġibed qalbek?  Nista’ ngħid li qalbi tinġibed lejn l-imħabba ta’ Alla?  Hemm ix-xewqa li nagħme il-ġid lill-oħrajn, li ngħix għall-Mulej u għal ħuti? Nista’ ngħidu dan?  Kull wieħed minna jwieġeb fil-qalb tiegħu.  Imma xi ħadd jista’ jgħidli: Missier, jien wieħed li naħdem għall-familja, għalija r-realtà l-aktar importanti hi li mmexxi ‘l quddiem il-familja tiegħi, ix-xogħol... Bla dubju, dan huwa tassew importanti.  Imma liema hi l-qawwa li żżomm magħquda l-familja? Hija l-imħabba, u dak li jiżra’ l-imħabba fil-qalb tagħna huwa Alla; l-imħabba ta’ Alla, hija din li tagħti sens lill-qadjiet żgħar ta’ kuljum, u hija din li tgħinna naffrontaw l-impenji li huma akbar.  Dan hu l-veru teżor tal-bniedem: li nimxu ‘l quddiem fil-ħajja bl-imħaba, b’din l-imħabba li l-Mulej żera’ fil-qalb, bl-imħabba ta’ Alla.  U dan hu l-veru teżor.  Imma xinhi l-imħabba ta’ Alla? Mhux xi ħaġa astratta, xi ħaġa li nħossuha b’mod ġenerali.  L-imħabba ta’ Alla għandha isem u għandha wiċċ: Ġesù Kristu.  L-imħabba ta’ Alla tidher f’Ġesù.  Għax aħna ma nistgħux inħobbu l-arja... Inħobbu l-arja? Inħobbu il-mija tal-affarijiet?  Le, mhux possibbli; inħobbu persuni, u l-persuna li nħobbu hija Ġesù, ir-rigal ta’ Alla fostna.  Din hija mħabba li tagħti valur u ġmiel lil kollox; imħabba li tagħti qawwa lill-familja, lix-xogħol, lill-istudju, lill-ħbiberija, lill-arti, lil kull attività umana.  U din l-imħabba tati sens ukoll lill-esperjenzi koroh, għax tgħinna nmorru aktar ‘il hemm minn dawn l-esperjenzi, biex ma nibqħux ilsiera tal-ħażin; tgħinna negħlbuhom, u timlielna qalbna bit-tama.  L-imħabba ta’ Alla f’Ġesù dejjem tiftħilna qalbna għat-tama, għal dak l-orizzont tat-tama, għall-orizzont aħħari tal-mixja tagħna.  Hekk anke t-tbatijiet u l-waqgħat isibu sens.  Anke d-dnubiet tagħna jsibu sens fl-imħabba ta’ Alla, għax din l-imħabba ta’ Alla f’Ġesù Kristu taħfrilna dejjem, tant iħobbna li dejjem jaħfrilna.

 

Għeżież ħuti, illum fil-Knisja nfakkru lil Santa Kjara ta’ Assisi, li fuq il-passi ta’ San Fraġisk telqet kollox biex tikkonsagra lilha nfisha lil Kristu fil-faqar.  Santa Kjara ttina testimonjanza sabiħa ħafna ta’ dan il-vanġelu tal-lum: ħa tgħinna hi, flimkien mal-Verġni Marija, biex ngħixuh aħna wkoll, kull wieħed skont is-sejħa tiegħu.

 

-------------------------------------

 

Wara l-Angelus il-Papa ta dan il-messaġġ:

 

Għeżież ħuti,

niftakru li nhar il-Ħamis li ġej hija s-solennità ta’ Marija Assunta.  Ejjew nasbu f’Ommna, li waslet sas-sema ma’ Ġesù, u dakinhar nagħmlu festa magħha.

 

Nixtieq insellem lill-Musulmani tad-dinja kollha, ħutna, li ftit ilu ċċelebraw l-għeluq tax-xahar tar-Ramadan, żmien iddedikat b’mod partikulari għas-sawm, għat-talb u għall-karità.  Kif kont ktibt fil-messaġġ tiegħi għal din l-okkażjoni, nittama li l-insara u l-musulmani jimpenjaw irwieħhom biex iġibu ‘l quddiem ir-rispett reċiproku, speċjalment permezz tal-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

 

Insellem bil-qalb lir-Rumani kollha u lill-pellegrini miġburin hawn.  Illum ukoll għandi l-pjaċir li nsellem xi gruppi ta’ żgħażagħ: qabel xejn dawk li ġew minn Chicago f’pellegrinaġġ lejn Lourdes u Ruma; u wkoll iż-żgħażagħ ta’ Locate, ta’ Predore u Tavernola Bergamasca, u l-iScouts ta’ Vittoria.  Intenni lilkom ukoll il-kliem li kienu t-tema tal-laqgħa f’Rio: “Morru u għamlu dixxipli mill-artijiet kollha”.

 

Lilkom ilkoll, u lil kulħadd, nixtieqilkom il-Ħadd it-tajjeb, u l-ikla t-tajba! Narakom!

 

Miġjub għall-Malti min Fr Jonathan Farrugia.