Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba

Qabel kollox niextieq naqsam magħkom il-ferħ li ħassejt meta lbieraħ u llum iltqajt ma’ grupp ta’ pellegrini speċjali ghl din is-sena tal-Fidi: dak magħmul minn seminaristi u novizzi.  Nitlobkom biex titolbu għalihom sabiex l-imħabba għal Kristu tkompli dejjem tikber fil-ħajja tagħhom u jsiru verament missjunarji tas-Saltna ta’ Alla.

Il-Vanġelu tal-lum (Lq 10,1-12.17-20) jkellimna proprju fuq dan: fuq il-fatt li Ġesù mhux missjunarji li jaħdem għal rasu, ma jridx iwettaq waħdu l-mandat tiegħu, imma jinvolvi wkoll lid-dixxipli itegħu.  U llum naraw kif, barra mit-Tnax, isejjaħ 72 oħra u jibgħthom tnejn tnejn fl-ibliet u l-irħula biex iħabbru li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.  Din hija ħaġa sbiħa ħafna!  Ġesù ma jridx jaħdem waħdu, ġie biex iwassal l-imħabba ta’ Alla lid-dinja u din l-imħabba jrid ixerridha bl-istil tal-komunjoni, bl-istil tal-fraternità.  Għal dan il-għan jgħaqqad mill-ewwel komunità ta’ dixxipli, li hija komunità missjunarja.  U maljar jagħtihom l-esperjenza tal-missjoni, billi jibgħthom.

Imma noqgħodu attenti: l-iskop mhux li jsiru jafu lin-nies jew li jgħaddu l-ħin flimkien, le, l-iskop huwa li jħabbru s-Saltna ta’ Alla, u dan b’urġenza!  U anke llum din hija urġenza!  M’hemmx żmien x’jinħela fit-tpaċpiċ, m’hemmx bżonn nistennew il-kunsens ta’ kulħadd, li hemm bżonn hu li nitilqu kollox u nħabbru.  Lil kulħadd għandha titwassal il-paċi ta’ Kristu, u jekk din ma jaċċettawhiex, il-missjunarji għandu jibqa’ miexi għal band’oħra.  Lill-morda għandu jitwasslilhom il-ferqan, għax Alla jrid ifejjaq lill-bniedem minn kull deni.  Kemm missjunarji jagħmluh dan!  B’ħidmiethom jiżirgħu il-ħajja, is-saħħa, is-serħan fost l-aktar nies imwarrbin mid-dinja.  Kemm hu sabiħ dan!  Li kull wieħed u waħda minnhom ma jgħixux għalihom infushom, imma jgħixu biex imorru jagħmlu t-tajjeb!  Illum hawn ħafna żgħażagħ fil-pjazza: aħsbu fuq dan, staqsu lilkom infuskom:  lili Ġesù qiegħed isejjaħli biex nitlaq, noħroġ minni nnifsi biex nagħmel it-tajjeb?  Lilkom żgħażagħ, lilkom ġuvintur u tfajliet, nistaqsikom: intom kuraġġjużi biżżejjed għal dan, għandkom biżżejjed kuraġġ biex tisimgħu il-leħen ta’ Ġesù?  Sabiħ tkun missjunarju.. A, kemm intom bilgħaqal! Dan jimlini il-ferħ!

Dawn it-72 dixxiplu li Ġesù jibgħat qablu min huma?  Lil min jirrappreentaw?  Jekk it-Tnax huma l-Appostli, u għalhekk jirrappreżentaw l-Isqfijiet, is-suċċesuri tagħhom, dawn it-72 jistgħu jirrappreżentaw il-ministri ordinate l-oħra kollha, is-saċerdoti u d-djakni; imma f’sens aktar wiesgħa jistgħu jwassluna biex naħsbu fil-ministri l-oħra tal-Knisja, il-katekisti, il-laċi mpenjati fil-ħidma parrokkjali, dawk li jaħdmu mal-morda, inklużi dawk li huma vittmi ta’ dwejjaq jew emarġinazzjoni; dawn kollha huma missjunarji tal-Vanġelu, li jħabbru b’urġenza li s-Saltna hi fil-qrib.  Kulħadd għandu jkun missjunarju, kulħadd jista’ jisma’ dik is-sejħa ta’ Ġesù u jitlaq u jħabar is-Saltna!

Jgħidilna l-Vanġelu li dawk it-72 ġew lura mimlijin ferħ, għax kellhom esperjenza tal-qawwa tal-Isem ta’ Ġesù kontra l-ħażin.  Dan Ġesù jikkonferah: hu jagħti lil dawn d-dixxipli l-qawwa li jirbħu lill-ħażin.  Imma jżid: “Tifirħux għax ix-xjaten joqgħodu għalikom; ifirħu għax isimkom hu miktub fis-smewwiet” (Lc 10,20).  M’għandniex niftaħru daqs li kieku aħna l-protagonisti: il-protagonist huwa wieħed waħdu, il-Mulej!  Il-protagonista hija l-grazzja tal-Mulej!  Hu l-uniku protagonsita!  U l-ferħ tagħna huwa biss dan: li nkunu d-dixxipli tiegħu, ħbieb tiegħu.  Ħa tgħinna l-Madonna biex inkunu lkoll ħaddiem tajbin għas-servizz tal-Vanġelu.

Għeżież ħbieb, il-ferħ!  Tibżgħux tkunu ferħanin!  Tibżgħux mill-ferħ, minn dak il-ferħ li jtina l-Mulej meta nħalluh jidħol fil-ħajja tagħna!  Ejjew inħalluh jidħol f’ħajjitna u jistedinna noħorġu minna nfusna u mmorru fost dawk li jinsabu fil-periferiji tal-ħajja u nħabbrulhom l-Evanġelju.  Tibżgħux mill-ferħ!  Ferħ u kuraġġ!

------------------------------------------------------------------

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Bħalma tafu, jumejn ilu ġiet mitbugħha l-Enċiklika fuq it-tema tal-fidi, imsemmija Lumen fidei (Id-dawl tal-fidi).  Fl-okkażjoni tas-sena tal-Fidi, il-Papa Benedittu XVI kien beda jikteb din l-Enċiklika, li tkompli ma’ dawk li kien kiteb fuq l-Imħabba u t-Tama.  Jien ġbart dan ix-xogħol sabiħ u wassaltu fit-tmiem.  Bil-ferħ niffrih lill-Poplu kollu ta’ Alla:  fil-fatt ilkoll kemm aħna, b’mod speċjali fi żminijietna, għandna bżonn immorru għall-essenzjal tal-Fidi nisranija, sabiex ndħlu fil-fond tagħha u nqabbluha mal-problemi tal-lum.  Imma naħseb li din l-Enċiklika, almenu f’ċerti partijiet, tista’ tkun ta’ għajnuna anke għal min qed ifittex lil Alla u qed ifittex is-sens tal-ħajja tiegħu.  Inpoġġiha f’idejn Marija, ix-xbiha perfetta tal-Fidi, sabiex tagħti l-frott mixtieqa mill-Mulej.

Inwassal tislima kordjali lilkom ilkoll, għeżież Rumani u pellegrini.  Insellem b’mod partikulari ż-żgħażagħ tad-Djoċesi ta’ Ruma li qed iħejju ruhhom biex imorru Rio de Janeiro għall-Jum Dinji taż-żgħażagħ.  Għeżież żgħażagħ, jien bħalkom qed inħejji ruħi!  Ejjew nimxu flimkien lejn din il-festa tal-fidi, il-Madonna timxi magħna, u narakhom hemm!

Insellem lis-Sorijiet Rosminjani u l-Franġiskani Anġelini, li qed jagħmlu l-Kapitlu Ġenerali tal-kongregazzjonijiet tagħhom; kif ukoll lill-mexxejja tal-Comunità ta’ San Egidio li ġew minn diversi pajjiżi għall-kors ta’ formazzjoni.  Lilkom ilkoll nixtieqilkom il-Ħadd it-tajjeb! L-ikla t-tajba! Narakom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia