
L-EXULTET: IT-TĦABBIRA SOLENNI
TAL-GĦID
Jifirħu l-qtajja tal-Anġli
fis-sema!
Jifirħu l-qaddejja ta’ Alla!
Ħa ddoqq it-tromba
fis-salvazzjoni tagħna
u tħabbar ir-rebħa ta’ Sultan
hekk kbir!
Tifraħ ukoll l-art mimlija
b’dawn id-dwal tal-għaġeb,
u, fid-dija tas-Sultan ta’
dejjem,
ħa jagħraf il-ħolqien kollu
li hu ħeles mid-dlamijiet li
ħakmuh!
Tifraħ ukoll Ommna l-Knisja
mqaddsa,
kollha mżejna bid-dija ta’ dawl
hekk sabiħ; u ħa jidwu l-ħitan
ta’ dan it-tempju
bl-agħjat ta’ ferħ tal-poplu
miġbur fih!
Jekk ikun qed ikanta Djaknu.
(U intom ħuti għeżież,
li nġbartu hawn fid-dija
tal-għaġeb
ta’ din il-mixgħela qaddisa,
nitlobkom biex b’leħen wieħed
insejħu fuqna l-ħniena ta’ Alla
li jista’ kollox.
U bħalma hu, lili, bla ma
jistħoqqli,
għoġbu jilqani fl-ordni tad-Djakni,
hekk ukoll issa jimlieni bid-dawl
tiegħu,
ħa ntemm sal-aħħar it-tifħir ta’
dan il-blandun.)
Il-Mulej magħkom.
U miegħek ukoll.
Nerfgħu qlubna ’l fuq.
Nerfgħuhom lejn il-Mulej.
Niżżu ħajr lill-Mulej Alla
tagħna.
Hekk sewwa u xieraq.
Sewwa u xieraq tassew li,
b’qalbna u b’ruħna kollha,
nerfgħu leħinna
biex infaħħru ’l Alla li ma
jidhirx,
il-Missier li jista’ kollox,
u lil Sidna Ġesù Kristu, Ibnu l-waħdieni.
Hu ħallas għalina lill-Missier
Etern
id-dejn li kien għamel Adam,
u bid-demm għażiż tiegħu,
li xerred għalina ħassar
il-kitba
tal-kundanna li ħadna fil-bidu.
Araw, qegħdin nagħmlu l-festa
tal-Għid,
meta nqatel dak il-Ħaruf veru li
demmu
jikkonsagra l-bibien tal-fidili.
Dan huwa l-lejl li fih;
żmien ilu, Int ħriġt lil
missirijietna, ulied Iżrael,
mill-Eġittu u għaddejthom fl-inxief
mill-Baħar tal-Qasab.
Dan, mela, huwa l-lejl
li fih tkeċċew id-dlamijiet ta’
dnubietna
permezz tal-kolonna tan-nar.
Dan huwa l-lejl li fih, fid-dinja
kollha,
min jemmen fi Kristu jqaċċat
kull rabta ħażina,
jeħles mid-dalma ta’ dnubietu,
jikseb il-grazzja u jissieħeb
mal-qaddisin.
Dan huwa l-lejl li fih Kristu
qered il-jasar tal-mewt
u qam rebbieħ fuq is-setgħat
tal-ħażen.
Xi ħniena tal-għaġeb għoġbok
turi magħna!
Xi mħabba u għożża liema bħalha,
biex tajt lil Ibnek stess
għall-mewt
ħalli tifdi lil min kien ilsir!
Kemm tassew ma setax jinħarab
id-dnub ta’ Adam,
biex tħassar bil-mewt ta’ Kristu!
Xi ħtija hienja kienet,
ladarba stħaqqilha Feddej kbir
bħal dan!
Jalla mela, bil-misteru ta’ dan
il-lejl qaddis,
jinqered il-ħażen, titnaddaf
kull ħtija,
jissaffa kulmin waqa’ fid-dnub,
u jimtela bil-ferħ kulmin hu
mnikket.
X’lejl tabilħaqq hieni,
meta l-ħwejjeġ tas-sema
jingħaqdu ma’ tal-art,
dak li hu ta’ Alla ma’ dak li hu
tal-bniedem!
B’radd ta’ ħajr għall-grazzja ta’
dan il-lejl,
ilqa’ mela, Missier qaddis,
l-offerta solenni ta’ dan
il-blandun,
magħmul mix-xema’ tan-naħal;
din l-offerta qed tagħmilhielek
il-Knisja mqaddsa,
permezz tal-ministri tagħha,
bħala sagrifiċċju ta’ tifħir ta’
filgħaxija.
Għalhekk, Mulej, nitolbok,
biex dan il-blandun, ikkonsagrat
f’ġieħ ismek,
jibqa’ jeqred sa l-aħħar bla
heda
id-dlamijiet ta’ dan il-lejl.
Int ilqgħu, bħala fwieħa ħelwa
quddiemek,
ħa jsir ħaġa waħda mad-dawl
tas-sema.
Jalla l-kewba ta’ filgħodu x’ħin
jisbaħ,
issibu għadu jaqbad,
dik il-kewba li qatt ma’ tgħib,
jiġifieri, Kristu Ibnek
li meta qam mill-imwiet,
xerred id-dawl u s-sliem
fuq il-bnedmin kollha,
u issa jgħix u jsaltan għal
dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
|