L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Istruzzjoni “Ecclesiae Sponsae Imago” - Xbieha tal-Knisja Għarusa

 

 

 

 

 

 

Istruzzjoni “Ecclesiae Sponsae Imago” fuq l-“Ordo virginum”, 04.07.2018

XBIEHA TAL-KNISJA GĦARUSA

 

Daħla

I. Is-sejħa u x-xhieda tal-Ordo virginum (l-Ordni tal-Verġni)

II. Il-mudell tal-Ordni tal-Verġni fil-Knejjes lokali u fil-Knisja universali

III. L-għarfien tas-sejħa u tal-formazzjoni għall-Ordni tal-Verġni

Għeluq

 

 

Daħla

1. Ix-xbieha tal-Knisja Għarusa ta’ Kristu tidher fit-Testment il-Ġdid bħala ikona effikaċi li turi n-natura ġewwiena tar-rabta li l-Mulej Ġesù ried jibni mal-komunità ta’ dawk li jemmnu fih (Ef 5: 23-32; Ap 19: 7-9; 21: 2-3.9).

Sa minn żminijiet l-appostli din l-espressjoni tal-misteru tal-Knisja dehret b’mod partikulari għalkollox f’ħajjet dawk in-nisa li, huma u jwieġbu għall-kariżma li l-Ispirtu s-Santu qajjem fihom, bi mħabba ta’ għarajjes ħatru lilhom infushom għall-Mulej Ġesù fil-verġnità, biex jgħixu l-esperjenza tal-fekondità spiritwali fir-rabta intima miegħu u joffru l-frott ta’ dan lill-Knisja u lid-dinja.

2. Kif juru xi siltiet tat-Testment il-Ġdid u l-kitbiet tal-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, din l-għamla ta’ ħajja evanġelika xterdet b’mod spontanju fir-reġjuni differenti li fihom kibru l-komunitajiet ekkleżjali[1], sabet postha fost l-għamliet l-oħra tal-ħajja axxetika li, fil-kuntest tas-soċjetà pagana, kienu sinjal ċar tan-novità tal-Kristjaneżmu u tal-ħila tiegħu li jwieġeb il-mistoqsijiet l-aktar profondi dwar it-tifsira tal-eżistenza umana[2]. Bi proċess jixbah lil dak li kien jinteressa lin-nisa romol li għażlu l-kontinenza «f’ġieħ il-ġisem tal-Mulej »[3], il-verġnità kkonsagrata tan-nisa kisbet bil-mod il-mod il-karatteristiċi ta’ stat ta’ ħajja magħruf pubblikament mill-Knisja[4].

Fl-ewwel tliet sekli kotrana kienu l-verġni kkonsagrati li biex jibqgħu fidili lejn il-Mulej ħadu l-martirju. Fosthom insemmu lil Agata ta’ Catania, Luċija ta’ Siracusa, Anjeże u Ċeċilja ta’ Ruma, Tekla ta’ Ikonju, Apollonja ta’ Lixandra, Restituta ta’ Kartaġni, Ġusta u Rufina ta’ Sivilja. Imbagħad sal-lum, it-tifkira tal-verġni martri baqgħet tfakkarna b’mod ħaj fl-għotja sħiħa ta’ dawk li jidħlu għaliha kif titlobha l-konsagrazzjoni verġinali.

F’dawk in-nisa li laqgħu din is-sejħa u wieġbu għaliha b’deċiżjoni li jibqgħu fil-verġnità tul ħajjithom kollha, Missirijiet il-Knisja kienu jaraw rifless tax-xbieha tal-Knisja Għarusa mogħtija bis-sħiħ lill-Għarus tagħha: għalhekk kienu jsejħulhom sponsae ChristiChristo dicataeChristo maritataeDeo nuptae[5]. Fil-ġisem ħaj tal-Knisja, huma kienu jiffurmaw coetus istituzzjonalizzat, magħruf fl-isem ta’ Ordo virginum[6].

3. Mir-raba’ seklu ’l quddiem id-dħul fl-Ordo virginum kien iseħħ b’rit liturġiku solenni presjedut mill-Isqof djoċesan. Fi ħdan il-komunità miġbura għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, il-mara kienet turi s-sanctum propositum li tibqa’ tul ħajjitha kollha fil-verġnità għall-imħabba ta’ Kristu u l-Isqof kien ilissen it-talba konsagratorja. Kif insibu miktub fil-kitbiet ta’ Ambroġ ta’ Milan u mbagħad fl-aktar għejun liturġiċi qodma, is-simboliżmu nuzzjali tar-rit kien jidher b’mod partikulari fit-tlibbis tal-velu lill-verġni mill-Isqof, ġest li kien jikkorrispondi mal-velatio li ssir fiċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ[7].

4. L-istima u l-ħsieb pastorali li kienu jsieħbu l-mixja tal-verġni kkonsagrati huma msemmijin b’mod wiesa’ fil-letteratura patristika. Il-Missirijiet ma kienux biss jiċċensuraw l-imġiba tal-ikkonsagrati meta din ma kinitx tkun taqbel mal-impenn tagħhom li jgħixi ħajja fis-safa fil-mixja umli wara Kristu, iżda kienu jaffrontaw u jeħduha bl-aħrax kemm kontra l-argumenti ta’ dawk li kienu jiċħdu s-siwi tal-verġnità kkonsagrata, kif ukoll it-tagħlim eretikali kontra l-ideal tal-verġnità u tal-kontinenza mibni fuq kunċett negattiv taż-żwieġ u tas-sesswalità. Huma u jirriflettu fuq is-sisien teoloġiċi tal-konsagrazzjoni verġinali, kienu joħorġu għad-dawl l-oriġni kariżmatika, il-mottivazzjoni evanġelika, ir-riljev ekkleżjali u soċjali, ir- riferiment għall-Verġni Marija bħala eżempju, il-valur profetiku ta’ antiċipazzjoni u stennija mgħassa tal-għaqda sħiħa mal-Mulej li sseħħ biss fit-tieni miġja glorjuża tiegħu, fi tmiem iż-żminijiet. Huma u jduru fuq il-verġni kkonsagrati «aktar bl-imħabba milli bis-setgħa»[8] tal-ministeru tagħhom, kienu jħeġġuhom ikabbru u jfissru l-imħabba lejn Kristu Għarus bil-meditazzjoni dejjiema tal-Iskrittura u bit-talb personali u liturġiku ma jaqta’ xejn; bil-prattika tal-axxeżi, il-virtujiet u l-għemejjel tal-ħniena; billi f’ħajjithom jieħdu atteġġament ta’ smigħ bil-ħlewwa tal-maġisteru tal-Isqof u bl-impenn fil-ħarsien tal-għaqda tal-Knisja, b’mod li jagħtu xhieda safja u ċara tal-Vanġelu fi ħdan il-komunitajiet Insara u fl-ambjent soċjali li fih kienu mdaħħlin, huma u jgħixu ġeneralment fil-familji tagħhom u kultant ukoll f’ħajja komunitarja.

Fl-istess żmien, permezz tad-digrieti tal-Papiet  u l-Kostituzzjonijiet tal-Konċilji Provinċjali, ħarġet id-definizzjoni tad-dixxiplina tal-aspetti essenzjali ta’ dil-għamla ta’ ħajja.

5. Filwaqt li fl-ewwel sekli l-verġni kkonsagrati kienu jgħixu ġeneralment fi ħdan il-familji tagħhom, meta twaqqaf u beda miexi ’l quddiem il-monakeżmu ċenobita l-Knisja għaqqdet il- konsagrazzjoni verġinali mal-ħajja komunitarja, imbagħad mal-ħarsien ta’ regola komuni u mal-ubbedjenza lejn superjura.

Mal-mixja tas-sekli bil-mod il-mod għabet l-għamla oriġinali tal-ħajja tal-Ordo virginum, bl-għeruq karatteristiċi tagħha mħawla fil-kmunità ekkleżjali lokali taħt it-tmexxija tal-Isqof djoċesan.

Ir-riti tad-dħul fil-ħajja monastika tqiegħdu maġenb, u fil-biċċa l-kbira tal-monasteri, daħlu minflok il-consecratio virginum. Kienu biss xi familji monastiċi li fi ħdanhom kienu jsiru l-voti solenni li żammew ħaj dan ir-rit li, għad li żamm l-elementi essenzjali tal-istruttura oriġinali tiegħu, stagħna b’dak li żiedet miegħu s-sensibbiltà tal-popolazzjonijiet li fosthom xtered, permezz ta’ reviżjonijiet li saru wara li wasslu biex jidħlu formuli ewkoloġiċi u ġesti simboliċi ġodda.

6. L-impuls ta’ tiġdid ekkleżjali li nebbaħ lill-Konċilju Vatikan II qajjem interess ukoll fir-rit liturġiku tal-consecratio virginum u fl-Ordo virginum. Wara ħafna sekli mill-għajbien tiegħu u f’kuntest storiku mibdul mill-għeru, li fih kienu għaddejjin proċessi ta’ tibdil profond fil-qagħda tan-nisa fil-Knisja u fis-soċjetà, dik l-għamla qadima ta’ ħajja kkonsagrata kienet turi qawwa ta’ ġibda tal-għaġeb u dehret mhux biss taqbel max-xewqa ta’ ħafna nisa li jiddedikaw lilhom infushom għalkollox għall-Mulej u għall-aħwa, iżda wkoll mal-kxif mill-ġdid tal-identità tal-Knisja partikulari fil-għaqda tal-Ġisem waħdieni ta’ Kristu.

Skont id-dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni fuq il-liturġija Sacrosanctum Concilium n. 80, fiż-żmien ta’ wara l-konċilju r-rit tal-consecratio virginum li jinsab fil-Pontifikal Ruman saritlu reviżjoni mibnija fuq il-prinċipji ġenerali li l-Konċilju stabbilixxa għar-riforma liturġika. L-Ordo consecrationis virginum il-ġdid, ippromulgat fil-31 ta’ Mejju 1970 mis-Sagra Kongregazzjoni għall-Kult Divin b’mandat speċjali ta’ Papa Pawlu VI, beda jaħdem fis-6 ta’ Jannar 1971[9]. Filwaqt li nżammet l-aktar tradizzjoni ekkleżjali qadima, u ngħatat għarfien ukoll l-evoluzzjoni storika li ġiet wara, inħadmu u kienu approvati żewġ għamliet ċelebrattivi. L-ewwel waħda għal dawk in-nisa li filwaqt li jibqgħu jgħixu in saeculo, jiġifieri fil-kundizzjoniijiet ordinarji tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, l-Isqof djoċesan jilqagħhom fil-ħajja kkonsagrata. It-tieni waħda hija għas-sorijiet li jgħixu f’komunità li fiha għadu jsir ir-rit, li huma professi perpetwi jew li fl-istess ċelebrazzjoni jagħmlu l-professjoni perpetwa u jirċievu l-consecratio virginum.

7. B’dan il-mod kisbet għarfien ekkleżjali espliċitu l-konsagrazzjoni verġinali ta’ nisa li jibqgħu fl-ambjent ordinarju tal-ħajja tagħhom, marbutin mal-komunità djoċesana miġbura madwar l-Isqof, bil-modi tal-Ordo virginum il-qadim, mingħajr ma jkunu miktubin f’Istitut ta’ ħajja kkonsagrata. L-istess test liturġiku u n-normi li jinsabu fih ifasslu fl-elementi essenzjali l-fiżjonomija u d-dixxiplina ta’ din l-għamla ta’ ħajja kkonsagrata, li l-karattru istituzzjonali tagħha – magħżul minn dak tal-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata – kien imbagħad imwettaq mill-Kodiċi tad-Diritto Kanoniku (kan. 604). Bl-istess mod, anki l-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali għamilha possibbli li fil-Knejjes Orjentali d-dirittu partikulari jaħtar verġni kkonsagrati li jipprofessaw pubblikament fid-dinja s-safa «minn jeddhom», jiġifieri mingħajr irbit ta’ appartenenza ma’ xi Istitut ta’ ħajja kkonsagrata (kan. 570).

B’riżultat ta’ dan, fl-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Kurja Rumana li seħħet bil-Kostituzzjoni Appostolika Pastor bonus, l-Ordo virginum tqiegħed fl-ambitu tal-kompetenza tal-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u l-Għaqdiet ta’ ħajja appostolika[10].

Anki l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika[11], ir-riflessjoni li saret fl-okkażjoni tas-Sinodu tal-Isqfijiet moħtar lit-tema «Il-ħajja kkonsagrata u l-missjoni tagħha fil-Knisja u fid-dinja» u l-eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata[12] (l-aktar nett fin-n. 7 u fin-n. 42), taw sehemhom biex jiċċaraw il-post fil-Knisja tal-Ordo virginum fost l-għamliet l-oħra ta’ ħajja kkonsagrata, filwaqt li taw importanza lir-rabta speċjali li titwaqqaf bejn il-verġni kkonsagrati u l-Knisja lokali u universali.

L-Istruzzjoni Ripartire da Cristo: un rinnovato impegno della vita consacrata nel terzo millennio[13], saħqet fuq il-ħtieġa li l-Isqof djoċesan u l-presbiterju tiegħu jagħtu attenzjoni partikulari lill-verġni kkonsagrati.

Imbagħad id-Direttorju għall-ministeru pastorali tal-Isqfijiet Apostolorum Successores[14]bi tkomplija mat-tradizzjoni ekkleżjali qadima, reġa’ saħaq li l-Isqof djoċesan għandu jkollu kura partikulari għall-Ordo virginum, għaliex il-verġni huma kkonsagrati lil Alla permezz ta’ jdejh u huma mħollijin fil-kura pastorali tiegħu.

8. San minn meta reġgħet daħlet fil-Knisja din l-għamla ta’ ħajja kkonsagrata, erġajna qed naraw fjoritura ġdida vera u proprja tal-Ordo virginum, li l-ħajja tiegħu tidher fl-għana kbir ta’ kariżmi personali mogħtija għall-qadi tal-bini tal-Knisja u tat-tiġdid tas-soċjetà skont l-ispirtu tal-Vanġelu. Jidher li l-fenomenu hu ta’ importanza kbira, mhux biss minħabba l-għadd tan-nisa li daħlu fih, iżda wkoll minħabba t-tixrid tiegħu fil-kontinenti kollha, f’għadd kbir ta’ pajjiżi u djoċesijiet, fi nħawi ġeografiċi u f’kuntesti kulturali tant differenti minn xulxin.

F’dan bla dubju ta’ xejn tat daqqa ta’ id it-traduzzjoni tal-edizzjoni tipika Latina tal-Ordo consecrationis virginum fil-biċċa l-kbira tal-ilsna mitħaddta llum, bil-ħidma tal-Konferenzi Episkopali tal-pajjiżi.

Għadd kbir ta’ Isqfijiet bil-maġisteru u l-ħidma pastorali tagħhom tefgħu ’l quddiem u għenu l-Ordo virginum fid-djoċesijiet tagħhom, filwaqt li taw valur ukoll lill-kontribut tal-istess verġni kkonsagrati, li ħassewhom imsejħa biex jirriflettu fuq l-esperjenza tagħhom, fuq l-attwalità ta’ din is-sejħa fil-Knisja u fid-dinja tal-lum u fuq l-attenzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jgħixuhom skont l-oriġinalità tagħhom. Bl-istess fehmiet, xi Konferenzi Episkopali sawru għat-territorji tagħhom kriterji u direzzjonijiet komuni għall-kura pastorali tal-Ordo virginum.

F’għaqda mal-maġisteru u mal-ħidma tal-Isqfijiet djoċesani, is-Sede Appostolika tat attenzjoni bla waqfien lill-Ordo virginum, o offriet is-servizz tagħha lill-Knejjes lokali, biex b’hekk tgħin it-twelid mill-ġdid u l-iżvilupp ta’ din l-għamla ta’ ħajja skont il-karatteristiċi tagħha.

9. Is-servizz b’risq l-għaqda li s-Suċċessur ta’ Pietru jagħti anki fejn jidħol l-Ordo virginum deher b’mod partikulari fl-ewwel żewġ laqgħat internazzjonali li laqqgħu f’Ruma verġni kkonsagrati minn bosta pajjiżi. Minn San Ġwann Pawl II fl-1995[15], u minn Benedettu XVI fl-2008[16] il-verġni kkonsagrati ħadu tagħlim għażiż biex isibu direzzjoni fil-mixja tagħhom.

It-tielet laqgħa internazzjonali saret fl-2016, meta l-verġni kknsagrati tad-dinja kollha kienu mistednin imorru Ruma biex jieħdu sehem fil-ġranet li temmew is-Sena tal-ħajja kkonsagrata mnedija minn Papa Franġisku. Taħt it-tmexxija tas-Suċċessur ta’ Pietru, li ħeġġeġ lill-persuni kkonsagrati f’kull għamla ta’ ħajja jerġgħu jiskopru s-sisien komuni tal-ħajja kkonsagrata, deher ċar li l-għeruq karatteristiċi tal-Ordo virginum fil-Knejjes lokali jinsabu f’armonija mal-esperjenza ta’ għaqda li l-verġni kkonsagrati għandhom mal-Knisja universali, li biha jieħdu sehem fil-missjoni ekkleżjali waħdanija.

10. Fl-aħħar snin, waslu f’dan id-Dikasteru minn bosta naħat talbiet li joffru indikazzjonijiet ta’ direzzjoni lill-Isqfijiet djoċesani fl-applikazzjoni tan-normi li jinsabu fil-Pontifikal Ruman u b’mod impliċitu msemmijin fil-kan. 604 tal-Kodiċe tad-Dirittu Kanoniku, kif ukoll fid- definizzjoni ta’ dixxiplina aktar sħiħa u organika li, fuq il-bażi tal-prinċipji komuni tad-dirittu tal-ħajja kkonsagrata fl-għamliet differenti tagħha, tirreferi b’mod preċiż għall-każ partikulari tal-Ordo virginum.

Il-preżenza mġedda ta’ din l-għamla ta’ ħajja kkonsagrata fil-Knisja, li d-dehra tagħha mill-ġdid hi hekk marbuta sfiq mal-ġrajja tal-Konċilju Vatikan II, u l-mod kif kibret malajr f’ħafna Knejjes lokali, urew li wasal il-waqt li wieħed iwieġeb għal talbiet bħal dawn, biex fl-adattament meħtieġ għall-kuntesti kulturali diversi tibqa’ tinżamm l-identità speċifika tal-Ordo virginum.

L-Istruzzjoni preżenti twaqqaf il-prinċipji normattivi u l-kriterji orjentattivi li r-Rgħajja ta’ kull Djoċesi u Knisja lokali li ssir parti mid-Djoċesi għandhom japplikaw fil-kura pastorali tal-Ordo virginum.

Wara li tittratta l-fundament bibliku u l-elementi tipiċi tas-sejħa u tax-xhieda tal-verġni kkonsagrati (l-Ewwel Parti), l-Istruzzjoni tittratta l-post speċifiku tal-Ordo virginum fi ħdan il-Knisja lokali u fil-Knisja universali (it-Tieni Parti), u mbagħad tieqaf fuq id-dixxerniment vokazzjonali u fuq il-mixjiet fil-formazzjoni li ssir qabel il-konsagrazzjoni u l-formazzjoni permanenti (it-Tielet Parti).

 

I.
Is-sejħa
u x-xhieda
tal-Ordo virginum

 

Il-fundament bibliku tal-verġnità kkonsagrata

11. Nisslu u oktru huwa l-amar, li l-Ħallieq ta lill-ewwel koppja (Ġen 1: 28) u reġa’ tenna lil Noè u lil uliedu (Ġen 9: 1. 7). Dan daħal fil-fond tal-mentalità Lhudija u tan-nisġa kollha tat-Testment il-Qadim u ntrabat mal-wegħda ta’ nisel kotran u mal-miġja taż-żminijiet messjaniċi. Iż-żwieġ, jekk jista’ jkun mogħni bl-ulied, jidher għalhekk bħala l-profil ideali ta’ kull Lhudi u stil ta’ ħajja differenti huwa barrani għall-mentalità biblika.

Fil-Pentatewku u fil-Kotba Storiċi l-astensjoni sesswali hi nitluba biss bħala kundizzjoni temporanja ta’ distakk minn dak li hu profan, biex wieħed jidħol fl-isfera ta’ dak li jintmess mill-qdusija ta’ Alla: mgħidu aħna biex issir it-tħejjija għal-laqgħa mal-Mulej fuq is-Sinaj ( 19: 15) jew għall-gwerra kontra l-għedewwa tal-Mulej (1 Sam 21: 2-7), jew waqt il-qadi  kultwali min-naħa tal-Leviti (Lv 22: 1-9) jew biex wieħed jieħu sehem f’ikla mqaddsa (1 Sam 21: 5). Il-verġnità titqies bħala kwalità pożittiva biss f’rabta ma’ żwieġ futur u b’riferiment ċar u biss għall-qagħda tal-mara (Dt 22: 13-21), għaliex din tirrappreżenta l-intimità li hi mħollija għall-għarus. B’mod partikulari, il-qassis il-kbir kellu jiżżewweġ verġni minħabba s-safa ritwali (Lv 21: 10-14). Iżda l-verġnità perpetwa hija meqjusa bħala umiljazzjoni kbira (ara l-każ ta’ bint Ġeftaħ f’Imħ 11: 37), filwaqt li l-isterilità fiżika hja ssopportata b’sofferenza morali kbira (ara l-każ ta’ Rakel f’Ġen 30: 23; ta’ Anna f’1 Sam 1: 11; ta’ Eliżabetta f’Lq 1: 25).

12. L-eżaltazzjoni tal-imħabba fiż-żwieġ – li tilħaq il-quċċata poetika tagħha fl-Għanja tal-Għanjiet – fil-Kitbiet tal-għerf tinsab fl-ideal tal-ħajja familjari wirt it-tradizzjoni, imħares fi ġmielu (ngħidu aħna: Sal 127: 3-5; 128: 1-3; Sir 25: 1) u propost mill-ġdid fi prospettiva morali u pedagoġika (ngħidu aħna: Prov 5: 15-19; Sir 7: 23-28; 9: 1. 9). Il-verġnità hija apprezzata bħala virtù tal-mara li għandha titħares u tinżamm fil-għożża fl-istennija taż-żwieġ, bħala prova tal-onestà tagħha u tal-ġieħ tal-familja tagħha (Ġob 31: 1; Sir 9: 5; 42: 10), sal-punt li, huwa u jippersonifika l-Għerf ta’ Alla, il-ktieb ta’ Bin Sirak iħares lejha bħala verġni għarusa li tingħata lill-Mulej u tibża’ minnu (Sir 15: 2). U billi l-virtù togħġob lil Alla, hemm l-intwizzjoni li fl-għemejjel it-tajba hemm fekondità spiritwali li tifdi mill-mewt saħansitra lill-mara bla tfal, lil min ma jistax jibni familja jew ma għandux nisel (Għerf 3: 13-14; 4: 1).

13. Sa mill-predikazzjoni ta’ Hosegħa – marbuta sfiq mal-esperjenza personali qarsa tiegħu – il-metafora taż-żwieġ tidher fil-Kotba profetiċi biex turi l-għotja għalkollox ħielsa tal-ħatra u l-fedeltà qatt għajjiena ta’ Alla lejn il-patt (Hos 1-2; Eżek16; 23), filwaqt li l-poplu jaqa’ fit-tiġrib u jqim allat oħra.

F’dan il-kwadru simboliku, bosta drabi il-poplu kollu ta’ Alla jitqabbel jew ikun ippersonifikat mal-figura ta’ verġni: daqqa biex tinxela l-idolatrija li ddaħħlu fir-riskju li jgħib, bħal verġni li tmut mingħajr nisel (Għam 5: 2); daqqa biex jinstema’ l-ilment għall-qerda tiegħu (Lam 2: 13); u daqqa bies issirlu stedina għall-indiema (Ġer 31: 21). Iżda kultant ukoll biex tissemma’ l-wegħda tal-fidwa li biha Alla jsalva lil Israel mill-qerda u t-telqien, biex jerġa’ jsib l-hena li jagħraf li hu maħbub bi mħabba li ma tintemmx (Ġer 31: 4. 13; Is 62: 5).

Anki ċ-ċelibat ta’ Ġeremija – l-uniku wieħed li Alla amarlu b’mod ċar li ma jiżżewwiġx – huwa ħabar profetiku tal-kastig li kien sa jaqa’ fuq il-poplu (Ġer 16: 2). Huwa għodda li biha tinstema’ l-kelma ta’ Alla, simbolu ta’ mewt jew aħjar personifikazzjoni iebsa tal-messaġġ tiegħu tal-ġudizzju li jħabbar qerda fil-qrib bħala kastig għan-nuqqas ta’ fedeltà tal-poplu lejn Alla.

14. Fil-ħsieb rabbiniku l-għażeb hu meqjus bħala bniedem mingħajr għajnuna, mingħajr hena, mingħajr barka (Bereshit Rabba 17, 2), jixbah lil wieħed li jxerred id-demm jew li jċekken ix-xbieha ta’ Alla (Trattat Yevamot tat-Talmud tal-Babilonja 63b). B’danakollu fost ir-rabbini u xi gruppi reliġjużi, bħall-Esseni u t-Terapewti, u fil-komunità ta’ Qumran, jidhru xi eċċezzjonijiet.

Fuq l-għatba tat-Testment il-Ġdid insibu l-figura ta’ Ġwanni Battista li jgħid li hu l-ħabib tal-Għarus (Ġw 3: 29) u li bil-ħajja iebsa tiegħu u l-predikazzjoni jħejji l-miġja tal-Messija u l-qawmien tas-Saltna ta’ Alla.

15. Fit-Testment il-Ġdid iċ-ċelibat jidħol fix-xena u jippreżenta ruħu bħala profezija inkarnata tas-Saltna ta’ Alla li ġà tinsab fostna iżda għad mhijiex imtemma għalkollox, li taf il-bidu u r-raġuni tal-eżistenza tagħha sewwasew min-novità tal-qawmien tas-Saltna fl-istorja. Minn dak il-waqt li s-Saltna ta’ Alla fil-Vanġeli tagħraf lilha nfisha fil-predikazzjoni, l-għemejjel u l-persuna nfisha ta’ Ġesù, l-għan taċ-ċelibat kiseb karattru Kristoċentriku qawwi. Il-Vanġeli tat-tfulija ta’ Mattew (1: 18-25) imma fuq kollox ta’ Luqa (1: 26-38) jippreżentaw n-novità tal-verġnità (carnis et cordis) ta’ omm Ġesù, sinjal li jidher tal-inkarnazzjoni li ma tidhirx tal-Iben ta’ Alla u espressjoni tar-rabta taż-żwieġ ma’ Alla, li għaliha hu msejjaħ il-poplu kollu ta’ dawk li jemmnu. Il-Vanġeli mbagħad jippreżentawlna lil Ġesù bħala predikatur itineranti li, meħlus minn kull irbit (Mt 8: 19-20), juri l-urġenza tas-Saltna li issa tinsab fostna u ssejjaħ għall-fidi u għall-indiema. L-istil itineranti ta’ Ġesù jitlob tbegħid bla waqfien minn imkejjen u persuni u ma jadattax ruħu għall-ħtiġijiet tal-ħajja familjari, fejn l-interess ta’ membru hu marbut sfiq mal-interess tal-membri l-oħra kollha, tant li jagħti bidu lil solidarietà qawwija u lill-politika tal-qraba.

Għad li hemm riferimenti vari għall-qraba ta’ Ġesù, fil-Vanġeli ma nsibux allużjoni għal mara jew għal ulied (Mk 3: 31-32; 6: 3; Ġw 6: 42; At 1: 14). Ġesù infatti jsejjaħ ulied jew uliedi lid-dixxipli tiegħu (téknaMk 10: 24; tekníaĠw 13: 33; paidíaĠw 21: 5), iżda b’dan ifisser li dawn huma wlied spiritwali. Meta qrabatu marru jfittxuh (Mt 12: 47; Mk 3: 31; Lq 8: 20) jew saħansitra biex jaqbduh u jeħduh id-dar (Mk 3: 21), huwa xandar il-waqfien ta’ familja ġdida tiegħu, li ma tinbeniex fuq rabtiet ta’ demm, iżda fuq realtà spiritwali mfissra permezz tax-xewqa li ssir ir-rieda ta’ Alla (Mt 12: 50; Mk 3: 31-35) jew li tinstema’ l-kelma tal-Mulej u titqiegħed fil-prattika (Lq 8:  21). Dan it-twelid l-ieħor jew it-twelid mill-ġdid fl-Ispirtu, li jmur lil hinn mil-laħam u d-demm, narawh ukoll fil-Prologu ta’ Ġwanni (Ġw 1: 12-13) u fid-djalogu bejn Ġesù u Nikodemu (Ġw 3: 3-8).

Ġesù jħaddan b’mod ħieles ħajja mingħajr rabtiet u obbligi familjari, biex ikun jista’ jingħata kollu kemm hu għax-xandir tas-Saltna u għat-tisħiħ tal-pjan tal-imħabba tal-Missier lejn il-bnedmin. Il-ħelsien mir-rabtiet li Ġesù jgħix, jitolbu wkoll minn min jimxi warajh: huwa jitlob li dak li jkun iħalli (afíemi, fit-tliet sinottici) kollox (pantaMt 19: 27; Mk 10: 28) jew il-ġid (ta idia: il-ħwejjeġ personali, l-ispazju li hu tiegħu, Lq 18: 28) u dan iġib miegħu wkoll it-telqien mhux biss tal-ġenituri, u tal-aħwa, iżda wkoll tal-mara (gyne-´Lq 18: 29) jew tal-ulied (téknaMt 19: 29; Mk 10: 29; Lq 18: 29). Lid-dixxipli tiegħu kellimhom dwar eunuchia bħala kundizzjoni ġdida għall-aħħar, li trid tiftiehem mhux bħala tagħkis jew atteġġament ta’ stmellija lejn il-mara, iżda bħala don partikulari mogħti minn Alla lil dawk li huma msejħin.

Niftakru fil-logion magħruf: Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha (Mt 19: 11). Jekk inqisu l-grammatika, l-espressjoni dawk li lilhom jingħata (dédotai) ikkorrispondi għal passiv divin u tfisser: dawk li Alla jagħtihom. Dawk biss li jidħlu fi ħdan il-misteru tas-Saltna mibdija minn Kristu jistgħu jifhmu dan id-don li jitlob għażla volontarja, ħielsa, li għandha mottivazzjoni ta’ ordni teoloġika u eskatoloġika, billi hi għas-Saltna tas-smewwiet (Mt 19: 12).

B’dan il-mod iċ-ċelibat jippreżenta ruħu bħala għażla ħielsa, li sseħħ ukoll f’dak l-ispazju relazzjonali li hu l-ġisem, u li biha wieħed iwieġeb lil Alla tal-imħabba li jsejjaħ u juri ruħu f’wiċċ Kristu[17]. Hu ma jaħrabx mir-relazzjoni, lanqas mhu l-frott ta’ sforz diżuman, iżda don marbut mad-dinamiżmu tat-trasfigurazzjoni tar-relazzjonalità li turi l-istil mibdi minn Ġesù: il-fraternità evanġelika, sies ta’ umanità rikonċiljata u fundament tal-koino-nía li fuqha hi mibnija l-ħajja tal-Knisja[18].

L-aħbar tas-Saltna tiftaħ b’hekk għad-dixxipli qagħda eskatoloġika ġdida, li quddiemha kollox jgħaddi għat-tieni pjan (Mt 10: 37; Lq 14: 26; Mt 19: 27-29; Mk 10: 28-30; Lq 18: 29). F’Mt 22: 23-33; Mk 12: 18-27 u Lq 20: 27-40, fejn isir diskors dwar il-qagħda eskatoloġika ta’ dawk li jqumu mill-imwiet, jidher kif l-għażla taċ-ċelibat u tal-verġnità minħabba fi Kristu u l-Vanġelu diġà jqiegħdu lid-dixxipli – b’funzjoni simbolika u antiċipatriċi – fir-realtà tas-Saltna[19].

16. Huwa u jikteb lill-Korintin, Pawlu jqiegħed il-verġnità maġenb iż-żwieġ u jipreżentaha mhux bħala amar, iżda bħala parir (1Kor 7: 25), sejħa personali ta’ Alla, kariżma (1Kor 7: 7). Jgħid li hi dak l-istat ta’ ħajja li bih wieħed ikun jista’ jingħata b’mod aktar sħiħ lill-Mulej (1 Kor 7: 32-35), xhieda li turi li l-Insara mhumiex ta’ din id-dinja, sinjal tal-mixja tal-Knisja lejn l-għan aħħari u antiċipazzjoni tal-istat tal-qawmien (1 Kor 7: 29. 31). L-aċċent ma tqigħedx fuq l-istat fiżiku, iżda fuq l-għotja sħiħa tal-persuna lil Kristu u fuq il-qadi għas-Saltna. F’dan is-sens il-komunità nfisha hija, f’għajnejn Pawlu, il-verġni li hu, bħala missier, għarras lil Kristu biex, huwa u jħares fis-sħuħija tagħha l-fidi ġejja mill-predikazzjoni appostolika, jindirizza lejh l-enerġiji kollha u d-dedizzjoni tiegħu (2 Kor 11:  2-4).

F’Ġerusalemm tas-sema il-magħżulin kollha huma msejħin verġni (Ap 14: 4), biex ifissru l-fedeltà tagħhom għall-patt, il-fatt li ma tniġġsux bl-idoli. Fil-ktieb tal-Apokalissi l-verġnità tidher bħala sinjal ta’ għarfien li wieħed ikun ċittadin tal-belt tas-sema, l-għarusa tal-Ħaruf (Ap 21: 2. 9).

Jekk Ġesù, l-akbar ikkonsagrat, jgħix il-konsagrazzjoni tiegħu mhux billi jinfired minn dak li hu profan jew imniġġes skont kif tgħid il-liġi, iżda billi jilqa’ l-ġisem li l-Missier tah u jagħti lilu nnifsu fuq is-salib, ġismu huwa l-post konkret u s-sinjal li jidher tal-konsagrazzjoni tiegħu għall-pjan tal-Missier (Lhud 10: 5-10). Hekk jiġri wkoll lil kull min jaqbad it-triq taċ-ċelibat jew tal-verġnità: il-ġisem isir kelma, ħabar ta’ appartenenza sħiħa lill-Mulej u ta’ qadi hieni lill-aħwa.

17. Il-verġnità Nisranija b’hekk tidher fid-dinja bħala sinjal ċar tas-Saltna li ġejja għax il- preżenza tagħha turi li l-ħwejjeħ materjali jintemmu u d-dinja nfisha għad tgħaddi. F’dan is-sens, bħaċ-ċelibat tal-profeta Ġeremija, hija profezija tat-tmiem li ma jdumx ma jasal, iżda fl-istess ħin, bis-saħħa tar-rabta ma’ Kristu bħala għarus, tħabbar ukoll il-bidu tal-ħajja tad-dinja li ġejja, id-dinja l-ġdida skont l-Ispirtu. B’dan il-mod, kif jiġri fil-viżjoni biblika, is-sinjal mhuwiex biss riferiment konvenzjonali jew xbieha mitfija ta’ realtà mbiegħda, iżda r-realtà nfisha fid-dehra tagħha tal-bidu. Fis-sinjal tinsab ir-realtà li għad trid tiġi, anki jekk din għadha mistura.

Il-verġnità kkonsagrata titqiegħed għalhekk fix-xefaq ta’ stat ta’ għerusija, li mhijiex teogamika (jiġifieri ta’ żwieġ ma’ Alla) iżda teologali, jiġfieri battesimali, għax tmiss l-imħabba ta’ għarus ta’ Kristu għall-Knisja (ara Ef 5: 25-26). Hija realtà salvifika soprannaturali u mhux biss umana, li ma tistax titfisser bil-loġika tar-raġuni iżda bil-fidi, għaliex – kif tgħid l-Iskrittura – L-Għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek (Is 54: 5). Hija waħda mill-opri l-kbar tal-ordni l-ġdid mibdi bl-Għid ta’ Kristu u t-tixrid tal-Ispirtu, esperjenza mhux lakemm jifhimha l-bniedem tal-laħam u tiftiehem biss minn min iħalli l-Ispirtu ta’ Alla jgħallmu (ara 1 Cor 2: 12-13).

Il-kariżma u s-sejħa

18. In-nisa li fihom l-Ispirtu jqajjem il-kariżma tal-verġinità (Mt 19: 11-12) jirċievu l-grazzja ta’ sejħa partikulari, li biha Alla l-Missier jiġbidhom lejn il-qalba tal-patt taż-żwieġ (Ap 19: 7-9) li fil-pjan tiegħu ta’ mħabba li ma jintemm qatt ried iwaqqfu mal-bnedmin u li seħħ fl-Inkarnazzjoni u fl-Għid tal-Iben.

Dan hu l-misteru l-kbir (Ef 5: 32) li jseħħ fil-Knisja, l-Għarusa li għaliha Kristu ta lilu nnifsu, biex jagħmilha qaddisa u bla tebgħa (Ef 5: 25-27), sagrament tal-għaqda ta’ Alla mal-bnedmin[20].

Dan il-misteru taż-żwieġ, li fih jinsabu mdaħħlin l-imgħammdin kollha, l-għarajjes Insara jieħdu mill-grazzja tas-sagrament li tqawwihom fl-għaqda tagħhom (Ef 5: 28-29).

Minnu, minħabba s-sejħa partikulari tagħhom, jieħdu wkoll in-nisa li fil-Knisja jirċievu l-konsagrazzjoni verġinali: għall-imħabba ta’ Kristu, maħbub fuq kollox, huma jiċċaħħdu mill-esperjenza taż-żwieġ uman biex ikunu magħqudin miegħu b’rabta taż-żwieġ, jesperimentaw u jixhdu fil-qagħda ta’ verġni (1 Cor 7: 34) il-fekondità ta’ din l-għaqda, jantiċipaw ir-realtà tal-għaqda definittiva ma’ Alla li għaliha huma msejħin il-bnedmin kollha (Lq 20: 34-36).

 

Il-propositum, il-konsagrazzjoni u l-istat ta’ ħajja

19. Din ir-realtà spiritwali tieħu t-tifsira tagħha u ssir tista’ titħaddem fiċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-consecratio virginum, li biha l-Knisja titlob fuq il-verġni l-grazzja ta’ Alla u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu[21].

F’dan ir-rit il-konsagrandi jfissru s-sanctum propositum, jiġifieri r-rieda sħiħa u għal dejjem li jżommu ruħhom tul il-ħajja kollha fis-safa perfett u fil-qadi ta’ Alla u tal-Knisja, filwaqt li jimxu wara Kristu kif jgħid il-Vanġelu biex jagħtu lid-dinja xhieda ħajja ta’ mħabba u jkunu sinjal li jdher tas-Saltna li ġejja[22].

Il-propositum tal-konsagrandi l-Knisja tilqgħu u twettqu permezz tat-talba solenni tal-Isqof, li jitlob u jaqla’ għalihom id-dilka spiritwali li twaqqaf ir-rabta taż-żwieġ ma’ Kristu u b’mod ġdid jikkonsagrahom lil Alla[23].

B’dan il-mod, il-verġni jsiru persuni kkonsagrati, sinjal liema bħalu tal-imħabba tal-Knisja lejn Kristu, xbieha eskatoloġika tal-Għarusa tas-sema u tal-ħajja li ġejja[24]. L-appartenenza esklusiva lil Kristu, li sseħħ bir-rabta taż-żwieġ, filwaqt li ssostni fihom l-istennija viġilanti tal-miġja tal-Għarus imsebbaħ (Mt 25: 1-13), tgħaqqadhom b’mod speċjali mas-sagrifiċċju feddej tiegħu u taħtarhom għall-bini u l-missjoni tal-Knisja fid-dinja (Kol 1: 24).

20. Fl-eżistenza tal-verġni kkonsagrati tidher in-natura tal-Knisja, animata bl-imħabba kemm fil-kontemplazzjoni u kemm fl-azzjoni; dixxipla u missjunarja; riesqa lejn it-temma eskatoloġika u fl-istess ħin b’sehem mil-ferħat, mit-tamiet, min-niktiet u mid-dwejjaq tal-bnedmin ta’ żmienha[25], l-aktar nett tal-aktar dgħajfa u foqra; mgħaddsa fil-misteru tat-traxxendenza ta’ Alla u inkarnata fl-istorja tal-popli.

Għalhekk il-konsagrazzjoni twaqqaqf rabta speċjali ta’ għaqda mal-Knisja lokali u universali[26], definita bi rbit speċjali, li jiddetermina l-ksib ta’ stat ġdid ta’ ħajja u jdaħħalha fl-Ordo virginum[27].

Il-parti istituzzjonali u l-kura pastorali ta’ din l-għamla ta’ ħajja għandhom għalhekk bħala medjazzjoni meħtieġa l-ministeru tal-Isqof djoċesan jew, fi Knisja lokali tixbah lid- Djoċesi[28], il-ministeru tar-Ragħaj li jmexxiha, f’għaqda mas-Suċċessur ta’ Pietru.

Il-fiżjonomija spiritwali

21. Bħal kull sejħa Nisraniija oħra, is-sejħa tal-verġni kkonsagrati fl-Ordo virginum hija esperjenza tad-djalogu bejn il-grazzja ta’ Alla u l-libertà tal-bniedem. L-għotja tagħha nfisha min-naħa tal-verġni infatti tiġi qabilha, tqawwiha u ttemmimha l-inizjattiva ħielsa ta’ Alla li tingħata b’xejn, fuq il-fundament tas-sejħa li tkun saret fil-magħmudija u fuq il-mixja ġenerattiva u fraterna tar-relazzjonijiet ekkleżjali[29]. Hi għalhekk tista’ tiftiehem biss jekk wieħed jitlaq mill-għaqda radikali tal-poplu ta’ Alla, li tiġi mill-Ispirtu waħdieni u mibnija fuq l-appostli, li tiddi fil-varjetà tal-kariżmi u tal-ministeri, ilkoll kumplimentari bejniethom u lkoll bil-ħila li jikkontribwixxu b’risq il-missjoni waħdanija tal-Knisja (Rm 12: 4-5).

22. Bħal fl-eqdem tradizzjoni tal-Knisja, il-fiżjonomija spiritwali tal-ikkonsagrati, membri tal-Ordo virginum għandha l-għeruq tagħha fil-Knisja lokali miġbura madwar l-Isqof ragħaj tagħha, u tidher ċara, b’mod speċjali fir-rit tal-konsagrazzjoni, filwaqt li għandha bħala riferiment ewlieni l-mudell tal-Knisja verġni għas-sħuħija tal-fidi, għarusa b’rabta li ma tinħallx ta’ Kristu, omm ta’ kotra kbira ta’ wlied imnisslin għall-ħajja tal-grazzja[30].

Verġnità, stat ta’ għerusija u maternità[31] huma tliet prospettivi li jagħtu deskrizzjoni tal-esperjenza spiritwali tal-verġni kkonsagrati: mhumiex karatteristiċi mqegħdin jew miġburin flimkien, iżda qawwiet spiritwali li jnisslu fir-realtà waħda lill-oħra, u li jinkitbu fis-sisien tal-ħajja batteżimali, li biha l-ikkonsagrati huma wlied il-Knisja u aħwa marbutin mal-bnedmin kollha bi rbit ta’ fraternità.

23. Il-verġnità tal-ikkonsagrati għandha s-sies u t-tfsira fil-fidi tal-Knisja: infatti hi tingħax fid-dawl ta’ Kristu u għal imħabbtu u twassal biex dawk li jgħixuha jilqgħu bis-sħtħ, mingħajr limiti u kompromessi, ir-rivelazzjoni trinitarja li seħħet fih b’mod definittiv[32]. Fiha jsib it-tifsira tiegħu t-telqien sħiħ fil-Mulej Ġesù, li jilħaq il-persuna fil-qalba tal-umanità tagħha, fis-solitudni tagħha tal-bidu, sewwasew hemm fejn huma mitbugħa għal dejjem ix-xbieha u x-xebh ma’ Alla u fejn, minkejja kull waqgħa u ġerħa tad-dnub, il-ħajja tista’ tiġġedded skont l-Ispirtu. Il-kariżma tal-verġnità, milqugħa mill-mara u mwettqa mill-Knisja permezz tal-konsagrazzjoni, hija don li jiġi mingħand il-Missier, permezz tal-Iben, fl-Ispirtu: hija tħares, issaffi, tfejjaq u tgħolli l-ħila tal-persuna li tħobb, filwaqt li tgħaqqad kull fraka tal-istorja tagħha u d-diversi dimensjonijiet tal-umanità tagħha – spirtu, ruħ u ġisem –, biex tkun tista’ twieġeb għall-grazzja bl-għotja sħiħa, ħielsa u hienja tal-eżistenza tagħha.

24. Għalhekk il-verġnità Nisranija hija esperjenza tal-għaqda intima taż-żwieġ, esklusiva, ma tinħallx, mal-Għarus divin li ta lilu nnifsu għall-umanità bla ma żamm xejn għalih u għal dejjem, u b’dan il-mod kiseb għalih poplu qaddis, il-Knisja. Hija miktuba fil-ħliqa umana bħala ħila li tgħix l-għaqda fid-differenza bejn raġel u mara, u għall-verġni kkonsagrati l-għerusija hija esperjenza tat-traxxendenza u l-kondixxendenza tal-għaġeb ta’ Alla; il- konsagrazzjoni sseħħ permezz tal-patt ta’ alleanza u fedeltà li jgħaqqad lill-vergni mal-Mulej fi żwieġ mistiku, biex tagħmel aktar profond u sħiħ is-sehem fis-sentimenti tiegħu u l-qbil għalkollox mar-rieda tiegħu li jħobb.

25. L-għaqda taż-żwieġ b’hekk turi l-ħila tagħha li tnissel, li fiha tidher il-kotra tal-grazzja ta’ Alla[33]. Biex jimitaw il-Knisja, li tagħha huma wlied, il-verġni kkonsagrati jinfetħu għad-don tal-maternità spiritwali u jsiru  nies li jikkooperaw mal-Ispirtu. Il-maternità spiritwali hija d-don ta’ ħajja ġewwiena fekonda li taf tagħti kenn, li fir-relazzjonijiet mal-oħrajn issir għassiesa premuruża u kuraġġuża tad-dinjità umana; hija għerf edukattiv li jfittex li joffri kundizzjonijiet favorevoli b’risq il-laqgħa ma’ Alla, tintroduċi u ssieħeb il-mixja tul it-toroq tal-Ispirtu.

26. L-aktar għaqda sabiħa u armonjuża ta’ verġnità, għerusija u maternità, seħħet fil-persuna tal-Verġne Marija[34], frotta bikrija tal-umanità mġedda fi Kristu, ikona perfetta tal-Knisja misteru ta’ għaqda, mara li fiha diġà seħħ id-destin tal-glorja li għalih hi msejħa l-umanità kollha, «omm il-Vanġelu ħaj»[35]. Fil-Kecharitoméne – dik li mtliet bil-grazzja (Lq 1: 28) – il-Knisja dejjem għarfet il-Virgo virginum, il-prototip insuperabbli tal-verġnità kkonsagrata[36]. Marija għalhekk hija omm, oħt u mgħallma tal-verġni kknsagrati. Fiha l-ikkonsagrati jsibu l-mudell tal-atteġġamenti tal-qalb: fis-smigħ u fl-ilqugħ tal-Kelma ta’ Alla (Lq 8: 21); fit-tiftix attiv tar-rieda tiegħu; fil-mixi ’l quddiem fil-pellegrinaġġ tal-fidi (Ġw 2: 1-5)[37] «lejn destin ta’ servizz u fekondità»[38]; fid-disponibbiltà tagħha sħiħa u mogħtija b’xejn biex twettaq il-proġett ta’ Alla, «kontemplattiva tal-misteru ta’ Alla fid-dinja, fl-istorja u fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u ta’ kulħadd»[39]; fil-maternità verġinali tagħha (Lq 1: 38); fil-ħila tagħha li tkun «mara ta’ talb u ta’ ħidma f’Nazaret […] Sidtna tal-prontezza, dik li titlaq minn raħalha biex tgħin lill-oħrajn “mingħajr tlajjar” (La 1: 39) »[40]; fil-qagħda tagħha bilwieqfa f’riġlejn is-salib hi u tittama kontra kull tama (Ġw 19: 25), fil-kura li ħadet tal-Knisja fi twelidha (At 1: 14).

L-għamla ta’ ħajja

Mixja evanġelika u kariżmi personali

27. L-ikkonsagrati jsibu fil-Vanġelu l-għajn ma tinxef qatt tal-hena li jagħti sens lill-ħajja, l-orjentament tal-mixi tagħhom u r-regola fundamentali tagħhom[41]. Huma u jimxu wara Kristu jħaddnu l-istil tiegħu ta’ ħajja safja, fqira u ubbidjenti[42], u jingħataw għat-talb, għall-penitenza, għall-opri tal-ħniena u għall-appostolat, kull waħda skont il-kariżmi tagħha[43].

Billi fl-Ordo virginum is-sejħa għall-verġnità taqbel sħiħ mal-kariżmi li jagħtu sura konkreta lix-xhieda u lill-qadi tal-Knisja ta’ kull ikkonsagrata[44], fi ħdanu jitwasslu għall-maturazzjoni, jiġifieri għal għotja sħiħa u għalkollox lill-Mulej, sensibbiltajiet differenti, intwizzjonijiet spiritwali, proġetti u stili ta’ ħajja[45].

28. Biex il-kariżmi personali jkunu jistgħu jigħarfu, jintlaqgħu u jingħaxu fl-awtentiċità tagħhom, l-ikkonsagrati jħallu l-Knisja sseħibhom u ssaħħaħhom fit-taħriġ bla waqfien ta’ dixxerniment umli, lest biex jifhem xi tkun ir-rieda ta’ Alla għal ħajjithom (Rm 12: 2). Trid tkun interpretata bid-dehen u l-għerf evanġeliku l-esperjenza spiritwali ta’ kull waħda mill-ikkonsagrati, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-ġrajja ta’ ħajjitha huwa u jqegħedha fil-kuntest ekkleżjiali u soċjali konkret li fih tgħix.

Fost l-għajnuniet li l-Knisja tirrikmanda għad-dixxerniment, l-ikkonsagrati ma għandhomx iħallu barra s-sħubija spiritwali[46]. Id-djalogu sinċier, ħelu u matur ma’ persuna prudenti u ta’ esperjenza li teżerċita dan il-ministeru joffri lil kull waħda okkażjonijiet għeżież ta’ approfondiment, ta’ verifika, ta’ konferma u jipproponi għodod tajbin biex wieħed jikber fit-tweġiba li jagħti lill-Mulej li jsejjaħ għall-qdusija u fl-armonija tal-persuna.

Bi tkomplija mal-mixja tad-dixxerniment vokazzjonali li wassal għall-konsagrazzjoni, għall-orjentamenti li jmissu l-aspetti l-aktar importanti tal-proġett tagħhom ta’ ħajja l-ikkonsagrati jġibu ruħhom mal-Isqof djoċesan b’atteġġament ta’ ubbidjenza u jivverifikaw miegħu l-għażliet li jsiru[47].

Talb u mixi fl-axxeżi

29. It-talb għall-ikkonsagrati huwa eżiġenza ta’ mħabba biex «iħarsu lejn il-ġmiel ta’ dak li jħobbhom»[48], u ta’ għaqda mal-Maħbub u mad-dinja li fiha jinsabu.

Għalhekk huma jħobbu s-skiet kontemplattiv[49], li joħloq il-kundizzjonijiet tajbin biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jitħaddtu mal-Għarus qalb ma’ qalb. Bix-xewqa li jidħlu fil-fond tal-għarfien tiegħu u tad-djalogu tat-talb, huma jsiru midħla tar-rivelazzjoni biblika, l-aktar nett bil-lectio divina u l-istudju approfondit tal-Kitbiet Imqaddsa[50].

30. Fil-liturġija huma jagħrfu l-għajn tal-ħajja teologali, tal-għaqda u tal-missjoni tal-Knisja, u jħallu l-ispiritwalità tagħhom tissawwar l-ewwel nett biċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u tal-Liturġija tas-Sigħat b’ubbidjenza lejn ir-ritmu tas-sena liturġika, b’mod li jribu l-għaqda u l-orjentament tagħhom ukoll it-talb l-ieħor, il-mixja fl-axxeżi u l-eżistenza kollha tagħhom.

31. Għall-verġni kkonsagrati s-sena liturġika hija t-triq ewlenija li minnha jridu jgħaddu flimkien mal-aħwa biex imorru jiltaqgħu ma’ Kristu l-Għarus. Għalhekk jintelqu fi ħdan il-pedagoġija tal-Knisja li tmexxihom fil-għarfien, iċ-ċelebrazzjoni u l-assimilazzjoni dejjem aktar profonda tal-misteri ta’ Kristu.

32. Fiċ-ċentru tal-eżistenza tagħhom iqiegħdu l-Ewkaristija, sagrament tal-Patt taż-żwieġ li minnu toħroġ il-grazzja tal-konsagrazzjoni tagħhom[51]. Imsejħin biex jgħixu f’intimità mal-Mulej, u jsiru bħalu u konformi miegħu, fis-sehem jekk jista’ jkun kuljum fiċ-ċelebrazzjoni ewaristika huma jieħdu l-Ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu[52].

Huma juru l-imħabba tal-Knisja Għarusa għall-Ewkaristija anki fit-talb ta’ adorazzjoni tal-Ġisem ewkaristiku tal-Mulej, u minnu jiġbru l-imħabba attiva lejn il-membri tal-Ġisem mistiku tiegħu.

33. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ sikwit tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni «iħallihom imissu b’idejhom il-kobor tal-ħniena», huwa «għajn ta’ sliem ġewwieni tabilħaqq »[53], u jwassalhom lejn l-Imħabba waħdanija ta’ ħajjithom. Huma u jirrikorru b’fiduċja lejn il-ministeru tal-Knisja, jiċċelebraw u jfaħħru l-imħabba fejjieqa li tiġi minn Alla, jagħrfu ħtijiethom, iġeddu l-istqarrija tal-fidi fil-ħniena tiegħu u jduqu l-hena li jiġi mill-maħfra, li jqawwihom mill-ġdid fil-mixja tal-indiema u l-fedeltà lejn il-Mulej[54].

34. Bil-fedeltà ta’ kuljum lejn l-Uffiċċju divin, li huma rċevewh bħala don u daħlu għalih b’impenn fir-rit tal-konsagrazzjoni, huma jtawlu fiż-żmien it-tifkira tas-salvazzjoni u jħallu jixxerred u jitwessa’ f’kull siegħa ta’ ħajjithom l-għana straordinarju tal-misteru tal-Għid. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, b’mod partikulari tat-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum u tal-Għasar[55], huma jisimgħu fihom id-diwi tas-sentimenti ta’ Kristu u jħalluhom jidħlu fihom, jgħaqqdu leħinhom ma’ dak tal-Knisja kollha u jippreżentaw lill-Missier l-għajta tal-ferħ u n-niket, sikwit bla ma jafu, li toħroġ mill-umanità u mill-ħolqien kollu.

35. Biex jidħlu fil-fond tar-relazzjoni mal-Mulej Ġesù u jerġgħu jagħtuha l-ħajja għandhom jaħtru żminijiet tajba għall-irtiri u l-eżerċizzi spiritwali. Jagħrfu wkoll is-siwi ta’ għamliet u metodi ta’ talb li jinsabu fit-tradizzjoni tal-Knisja, fosthom l-eżerċizzi ta’ tjieba u espressjonijiet oħrajn tat-tjieba popolari.

Jikkultivaw devozzjoni mimlija bl-imħabba u bil-fiduċja tal-ulied lejn il-Verġne Marija, «għalliema tal-verġnità»[56], mudell u patruna ta’ kull ħajja kkonsagrata[57], u minnha kuljum jitgħallmu jkabbru lill-Mulej.

36. Imqanqlin bix-xewqa li jwieġbu għall-imħabba tal-Għarus bi mħabba dejjem aktar safja u ġeneruża, mit-talb jitnebbħu għall-għażliet tagħhom; jgħassu bla waqfien fuq l-imġiba u l-atteġġamenti tagħhom; jaċċettaw bis-sliem is-sagrifiċċji li l-ħajja ta’ kuljum timponi fuqhom; jissieltu kontra t-tiġrib, il-ħsibijiet, il-ġibdiet u t-toroq li jwasslu għall-ħażen; jitgħallmu jirċievu bl-umiltà l-għajnuna tal-korrezzjoni fraterna.

Jilqgħu l-prattiki ta’ penitenza li tipproponi l-Knisja, u bi qbil ma’ min iseħibhom fil-mixja spiritwali, kull waħda minnhom tagħżel xi għamliet jew prattiki axxetiċi[58] li jgħinuha tikber fil-ħelsien u fil-virtujiet evanġeliċi, f’atteġġament ta’ dixxerniment u ndiema[59] li jibqa’ tul il-ħajja[60].

Kundizzjonijiet ta’ ħajja u stil ta’ qrubija u qadi

37. Karatteristiku ta’ din l-għamla ta’ ħajja huwa d-dħul radikali tal-ikkonsagrati fil-Knisja lokali u mbagħad f’kuntest kulturali u soċjali determinat: il-konsagrazzjoni tagħżilhom għal Alla mingħajr ma oħroġhom mill-ambjent fejn jgħixu u li fih huma msejħin biexjagħtu x-xhieda tagħhom[61].

Jistgħu jgħixu waħedhom, fil-familja, flimkien ma’ kkonsagrati oħrajn jew f’qagħdiet oħrajn li jaqblu mal-espressjoni tas-sejħa tagħhom u mat-twettiq tal-proġett konkret tagħhom għal ħajjithom. Dan jagħmluh huma u jipprovdu s-sustentament tagħhom bil-frott ta’ ħidmithom u bir-riżorsi personali.

38. Xewqanin li juru d-dinjità u l-ġmiel tas-sejħa tagħhom bi stil ta’ qrubija lejn in-nies ta’ żmienhom, bil-mod kif jilbsu jħarsu d-drawwiet tal-ambjent li fih jgħixu, filwaqt li jżidu skont il-ħtiġijiet tal-kundizzjoni soċjali tagħhom id-dekor u l-espressjoni tal-personalità tagħhom flimkien mal-valur tar-rażan[62].

Ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali, għandhom jilbsu ċ-ċurkett li jingħatalhom fir-rit tal-konsagrazzjoni bħala sinjal tal-patt taż-żwieġ ma’ Kristu l-Mulej.

Fil-postijiet fejn in-nisa Nsara miżżewġin ma għandhomx id-drawwa li jgħattu rashom b’velu, bħala regola ma jilbsux b’mod ordinarju bħala parti minn ilbieshom il-velu li seta’ ngħatalhom waqt ir-rit tal-konsagrazzjoni u joqogħdu għal dak li jgħid l-Isqof djoċesan jew il-Konferenzi Episkopali, li, huma u jżommu f’moħħhom il-kuntesti differenti u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet soċjo-kulturali, jistgħu jitolbu l-użu tiegħu fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi jew f’sitwazzjonijiet oħrajn li fihom jaħsbu li jkun f’waqtu l-użu ta’ dan is-sinjal li jidher tal-għotja sħiħa tagħhom għall-qadi ta’ Kristu u tal-Knisja.

39. L-għotja sħiħa tagħhom għall-Knisja tidher fil-«missjoni li jdawlu, ibierku, jagħtu l-ħajja, jgħollu, ifejqu, jeħilsu »[63], fil-ħeġġa għax-xandir tal-Vanġelu, għall-bini tal-komunità Nisanija u għax-xhieda profetika ta’ għaqda bejn l-aħwa, ta’ ħbiberija mogħtija lil kulħadd, ta’ qrubija premuruża lejn il-ħtiġijiet spiritwali u materjali tal-bnedmin ta’ żmienhom, ta’ impenn fl-issoktar tal-ġid komuni tas-soċjetà[64].

Dan iwassalhom biex jagħrfu l-għamliet konkreti tal-qadi tagħhom lill-Knisja, li jista’ jidher ukoll fid-disponibbiltà li jittieħdu ministeri u inkarigi pastorali.

F’din il-linja, billi l-għarfien tal-misteru ta’ Kristu jgħin lill-għarfien tal-ministeri tal-Knisja, hu importanti li fihom jimmatura fit-talb u l-meditazzjoni, kif ukoll f’tiġrib konkret, għarfien profond u korrett tal-ministeri, li jqis b’qima l-għerf misterjuż tal-Vanġelu u tal-Knisja, li jidher ukoll fid-dispożizzjonijiet tal-Isqfijiet djoċesani u tal-Konferenzi Episkopali. Huma u jiffurmaw ruħhom fl-iskola ta’ dan l-għerf, jitgħallmu jilqgħu, anki mill-esperjenza, kemm is- suġġerimenti li joħorġu mill-ħajja tal-Knisja, li hi misteru u komunjoni, u kemm «il-possibbiltajiet evanġeliċi moħbija kollha, iżda preżenti u jaħdmu fir-realtajiet tad-dinja»[65], biex b’hekk jagħrfu l-opportunitajiet il-ġodda li jsawru għarfien ministerjali ġdid, li jkun jaqbel mal-ħila effettiva tal-għotja ġeneruża tagħhom.

Filwaqt li huma attenti biex jilqgħu l-appelli li jiġu mill-kuntest li fih jgħixu u mħeġġin biex iqiegħdu fi ħdan il-Mulej id-doni li hu tahom, huma msejħin jagħtu l-kontribut tagħhom biex iġeddu s-soċjetà skont l-ispirtu tal-Vanġelu, huma u jaċċettaw mingħajr ħjiena jew tnaqqis l-impenn tal-proċess kulturali tal-fidi u jagħmlu tagħhom il-preferenza tal-Knisja għall-foqra, il-batui, l-imwarrbin[66].

40. Filwaqt li jagħrfu dawn ir-responsabbiltajiet, huma jagħżlu l-ħidma skont l-attitudnijiet, l-inklinazzjonijiet u l-possibbiltajiet tagħhom, huma u jagħrfu hemm il-mod konkret li bih jixhdu li Alla jsejjaħ lill-bnedmin biex jaħdmu miegħu fl-opra ħallieqa u feddejja tiegħu, biex jagħmluha parteċipi b’mod intimu fl-imħabba li biha jiġbed lejh id-dinja u l-ġrajja kollha tagħha.

Fis-sabiħ u fit-tbatijiet li l-ħidma toffri, l-ikkonsagrati jqiegħdu l-ħila li jikkuntemplaw u jmexxu ’l quddiem is-sens l-aktar ewlieni u profond tal-attività umana: jagħtu sehemhom biex id-dinja ssir dar li tilqa’ lil kulħadd, miftuħa biex tilqa’ d-dehra tas-Saltna ta’ Alla. Għalhekk huma jimpenjaw ruħhom fil-qasam tal-ħidma niex iseħħ dak «l-iżvilupp personali ta’ bosta għamliet» li jmiss «il-kreattività, u l-proġettazjoni lejn il-ġennieni, l-iżvilupp tal-ħiliet, l-eżerċizzju tal-valuri, il-komunikazzjoni mal-oħrajn, atteġġament ta’ qima »[67], filwaqt li jieħdu ħsieb jiksbu professjonalità kompetenti, aġġornata u responsabbli, u jeħduha kontra dak kollu li jżeblaħ u jdallam id-dinjità ta’ ħidmet il-bniedem.

41. Iħallu lil min jiffurmahom f’sens ta’ ħajr għall-opra ta’ Alla[68], f’kontemplazzjoni mimlija bis-sebħ, f’gost għall-ġmiel, f’sens ta’ festa u ta’ mistrieħ[69], f’kura tad-dimensjonijiet kollha tal-persuna.

Jitgħallmu mingħand l-Għarus, ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11: 29), kif jgħixu bit-tama u fit-telqien f’Alla anki fil-mixja tas-snin fil-fażijiet li jiġu wara xulxin fil-ħajja, il-mard, it-tbatija morali, u l-qagħdiet l-oħrajn li fihom jgħaddu minn waqtiet drammatiċi, ta’ dgħufija u ta’ eżistenza tintefa[70].

Huma u jilqgħu sal-aħħar l-imħabba tal-Imsallab Imqajjem, f’idejh jintelqu biex jgħixu wkoll fil-mewt is-sens tal-għid tal-eżistenza.

Iwissu lil kulħadd, bil-konsagrazzjoni tagħhom, li l-bidu, is-sens tad-destin tal-ġrajja tal-bniedem jinsabu fil-misteru qaddis ta’ Alla, fit-tjieba ħanina bla tarf tiegħu, fl-imħabba li hu jrid jaqsamha mal-ħlejjaq kollha.

 

 

 

 

 

 

 

II.
Il-qagħda
tal-Ordo virginum
fil-Knejjes lokali
u fil-Knisja universali

 

L-irbit mad-Djoċesi

42. Filwaqt li huma msejħin biex juru f’dawl jiddi fl-eżistenza tagħhom l-imħabba li hi l-bidu tal-għaqda u l-qdusija tal-ġisem kollu tal-Knisja, in-nisa li jirċievu din il-konsagrazzjoni jibqgħu marbutin mill-għeruq ma’ dik il-parti tal-poplu ta’ Alla li fiha jkunu diġà jgħixu u li fi ħdanha ikun sar id-dixxerniment vokazzjonali u t-tħejjija għall-konsagrazzjoni. Ma’ din il-Knisja lokali huma għalhekk marbutin b’rabta speċjali ta’ mħabba u ta’ appartenenza reċiproka.

Il-Knisja lokali, fil-partijiet differenti tagħha, hija msejħa tilqa’ s-sejħa tal-ikkonsagrati, issieħeb u ssaħħaħ mixjithom, filwaqt li tagħraf li l-konsagrazzjoni verġinali u l-kariżmi personali ta’ kull ikkonsagrata huma doni għall-bini tal-komunità u l-missjoni tal-Knisja.

43. L-ikkonsagrati jikkultivaw sens ta’ ħajr għad-doni kollha li, fix-xirka tal-qaddisin, irċevew u jibqgħu jirċievu permezz tal-ħajja tal-Knisja lokali li fiha jgħixu: il-fidi fil-Mulej Ġesù, il- konsagrazzjoni verġinali, il-qsim ta’ storja ta’ qdusija fi tradizzjoni spiritwali, li tikber f’rabta mal-kultura u l-istituzzjonijiet ta’ komunità konkreta ta’ nedmin, li tgħammar f’territorju determinat.

Jagħtu attenzjoni bla waqfien lill-maġisteru tal-Isqof djoċesan u jħossuhom imsejħin mill-għażliet pastorali tiegħu, biex jilqgħhom b’responsabbiltà, bid-dehen u bil-kreattività.

Jaħsbu fit-talb tagħhom fil-ħtiġijiet tad-Djoċesi, u l-aktar nett fil-fehmiet tal-Isqof.

Jagħrfu bħala don tal-Ispirtu x-xhieda tas-sejħiet l-oħrajn li jagħnu l-ħajja tal-komunità Nisraniija u jgħożżu l-waqtiet li fihom jibnu ’l xulxin u jaħdmu flimkien fil-pastorali missjunarja u karitattiva[71].

Bis-sensibbiltà tagħhom ta’ nisa li huma[72] jagħtu kontribut siewi ta’ esperjenza u riflessjoni b’risq id-dixxerniment evanġeliku li f’kull żmien il-komunità Nisranija hija msejħa biex tagħmel dwar il-mod kif ikunu preżenti u jaħdmu fil-konkret fil-kuntest soċjali.

Għaqda u korresponsabbiltà fl-Ordo virginum djoċesan

44. Is-sħubija fl-Ordo virginum titlob rabta qawwija ta’ għaqda bejn l-ikkonsagrati kollha preżenti fid-Djoċesi. Huma jagħrfu lil xulxin bħala aħwa mill-aktar qrib tagħhom, li magħhom jaqsmu l-istess konsagrazzjoni u ħeġġa qawwija għall-mixi ’l quddiem tal-Knisja. Għalhekk huma jilqgħu bħala don l-ispirtu ta’ għaqda u jintrabtu li jkabbruh huma u jgħożżu l-qima lejn xulxin, u jagħrfu s-siwi tad-doni ta’ kull waħda, filwaqt li jmexxu ’l quddiem il-ħbiberija u jagħtu attenzjoni lill-qagħdiet li jinqalgħu skont il-ħtieġa (Rm 12: 10. 13. 15-16). Iżommu ħajja r-rabta mal-aħwa mejtin bit-talb u jibqgħu jiftakru fix-xhieda li jkunu taw ta’ mħabba u fedeltà lejn il-Mulej.

45. L-ikkonsagrati jieħdu sehem attiv fl-inizjattivi formattivi maqbulin mal-Isqof u jaħdmu flimkien, kemm jistgħu, b’risq il-formazzjoni tal-aspiranti u l-kandidati għall-konsagrazzjoni.

Huma u jagħtu kas tal-għadd tal-ikkonsagrati u taċ-ċirkustanzi konkreti, flimkien mal-Isqof djoċesan jaraw kif ikunu jistgħu jagħtu servizz ta’ għaqda, b’risq l-għarfien reċiproku u r-rabta stabbli bejniethom, imexxu ’l quddiem taħriġ ta’ korresponsabbiltà bi stil sinodali[73] u jagħtu kontinwità u organiċità lill-inizjattivi komuni, bla ma joħolqu rabtiet ta’  subordinazzjoni ġerarkika fost l-ikkonsagrati.

Bħala servizz ta’ għaqda, jistgħu jwaqqfu wkoll servizz jew équipe għad-dixxerniment vokazzjonali u l-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni u servizz jew équipe għall-formazzjoni permanenti.

Responsabbltà tal-Isqof djoċesan

46. Huwa dmir tal-Isqof djoċesan li jilqa’ bħala don tal-Ispirtu s-sejħat għall-konsagrazzjoni fl-Ordo virginum, filwaqt li jmexxi ’l quddiem il-kundizzjonijiet biex l-irbit sfiq tal-ikkonsagrati fil-Knisja mħollija f’idejh jaħdem b’risq il-mixja lejn il-qdusija tal-poplu ta’ Alla u lejn il-missjoni tiegħu.

Bi tkomplija mat-tradizzjoni qadima tal-Knisja, l-Ordo consecrationis virginum jippreżenta l- figura tal-Isqof djoċesan mhux biss fid-dmir tiegħu bħala qassis li jqassam il-grazzja ta’ Alla[74], iżda wkoll bħala mgħallem li juri u jwettaq il-mixja tal-fidi[75], u bħala ragħaj li jieu ħsieb bl-imħabba tan-nies merħija f’idejh[76].

Il-kura pastorali fejn jidħol l-Ordo virginum hija infatti parti mill-ministeru ordinarju ta’ qdusija, ta’ tagħlim u ta’ tmexxija tal-Isqof djoċesan, u lilu torbtu kemm fejn jidħlu l-ikkonsagrati waħdiet u n-nisa li jixtiequ jirċievu l-konsagrazzjoni, u kemm fejn jidħol l-Ordo virginum fid-Djoċesi tiegħu, bħala grupp ta’ persuni.

47. Billi huwa responsabbli tal-ammissjoni għall-konsagrazzjoni, l-Isqof djoċesan jippresjedi fil-ġabra tal-elementi tal-għarfien dwar kull kandidata, jistabilixxi l-mod li bih issir mixja tajba ta’ formazzjoni u jwassal fit-tmiem id-dixxerniment vokazzjonali.

Biċ-ċelebrazzjoni tal-konsagrazzjoni l-Isqof jippreżenta l-ikkonsagrati lill-komunità tal-Knisja bħala sinjal tal-Knisja Għarusa ta’ Kristu. Billi l-ministru ordinarju tal-konsagrazzjoni huwa l-Isqof djoċesan[77], ma tistax issir iċ-ċelebrazzjoni meta jkun hemm sede vakanti u biss f’każ ta’ ħtieġa kbira l-Isqof djoċesan jiddelega ’l xi ħadd bis-setgħa li jiċċelebraha. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tar-rit, anki jekk isir għal persuna waħda biss, l-Ordo virginum isir preżenti fil-Knisja lokali, mingħajr il-ħtieġa ta’ att tieħu ta’ twaqqif min-naħa tal-Isqof.

48. Fejn jidħlu l-ikkonsagrati l-Isqof djoċesan jeżerċita l-kura pastorali blli jħeġġiġhom jgħixu l-fedeltà lejn is-seja tagħhom bil-ferħ, u joqgħod attent għall-ħtiġijiet tal-mixja ta’ kull waħda filwaqt li jkun żgur li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom għodod tajbin għall-formazzjoni permanenti.

Huwa jsaħħaħ l-għaqda bejn l-ikkonsagrati u s-sens tal-korresponsabbiltà b’risq ix-xhieda tagħhom fil-Knisja, filwaqt li jippromwovi okkażjonijiet ta’ laqgħat, inizjattivi u mixjiet ta’ formazzjoni komuni u jiftiehem mal-ikkonsagrati l-modi li bihom, skont iċ-ċirkustanzi konkreti, fuq il-livell djoċesan ikun jista’ jseħħ is-servizz tal-għaqda. Barra minn dan, jinkoraġġixxi l-kuntatti u l-kollaborazzjoni mal-ikkonsagrati ta’ Djoċesijiet oħrajn.

49. Huwa jaqsam mal-ikkonsagrati l-attenzjoni li għandha tingħata lill-ikkonsagrati ta’ età kbira, li minħabba s-saħħa u qagħdiet ibsin oħrajn, jgħaddu waqtiet ta’ tbatija kbira jew ta’ diqa.

Filwaqt li jitħarsu d-drawwiet u l-qagħdiet konkreti tal-post, huwa juri lill-ikkonsagrati l-mod kif jiżguraw li jsir talb ta’ suffraġju għall-mejtin, iħarsu t-tifkira tax-xhieda tagħhom tal-fidi u ta’ mħabba lejn il-Mulej, u jekk jista’ jkun, ikunu disponibbli biex jieħdu sehem fil-funerali tal-aħwa u jaqsmu t-tħejjija ta’ dawn mal-qraba u ma’ nies oħra aktar qrib tagħhom.

50. Anki jekk ikun ħatar Delegat jew Delegata għall-kura pastorali tal-Ordo virginum, tibqa’ dmir l-Isqof djoċesan id-deċiżjoni aħħarija dwar l-atti tal-akbar importanza, bħal: l-ammissjoni għall-konsagrazzjoni; is-sħubija fl-Ordo virginum djoċesan ta’ kkonsagrata li tkun ġejja minn xi Djoċesi oħra; id-dispensa mill-obbligi tal-konsagrazzjoni; il-ħruġ mill-Ordo virginum; il-ħruġ ta’ direttivi għall-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni u għall-formazzjoni permanenti; l-approvazzjoni tal-modi tat-tħaddim tas-servizz tal-għaqda għall-Ordo virginum djoċesan; it-twaqqif ta’ fundazzjonijiet kanoniċi bil-għan li tissaħħaħ it-tmexxija ekonomika tal-attivitajiet tal-Ordo virginum u l-awtorizzazzjoni biex jintalab l-għarfien ċivili; l-għarfien u l-approvazzjoni tal-istatuti tal-għaqdiet djoċesani tal-verġni kkonsagrati, kif ukoll l-awtorizzazzjoni biex jintalab l-għarfien ċivili.

51. L-Isqof jagħti d-disposiżjonijiet meħtieġa biex il-konsagrazzjonijiet li jkunu saru jkunu reġistrati fi ktieb apposta li jinżamm fil-kurja djoċesana u tinġabar bir-reqqa d-dokumentazzjoni dwar l-Ordo virginum. B’mod partikulari, għandhom ikunu reġistrati l-imwiet tal-ikkonsagrati, il-kitba jew l-akkoljenza temporanja fl-Ordo virginum djoċesan ta’ kkonsagrati li jiġu minn Djoċesijiet oħrajn, it-trasferimenti temporanji jew definittivi ta’ kkonsagrati fi Djoċesijiet oħrajn, il-passaġġi għal Istituti ta’ ħajja kkonsagrata, id-dispensi li jingħataw mill-obbligi tal-konsagrazzjoni, il-ħruġ mill-Ordo virginum. Tinżamm ukoll dokumentazzjoni dwar il-mixjiet formattivi ta’ kull waħda mill-aspiranti u l-kandidati għall-konsagrazzjoni.

Kollaborazzjonijiet fil-kura pastorali tal-Ordo virginum

52. Filwaqt li jagħti kas taċ-ċirkostanzi konkreti, l-Isqof djoċesan għandu jara b’liema kollaborazzjonijiet jinqeda biex l-Ordo virginum ikollu kura pastorali tajba[78], li tkun taqbel mal-kwalitajiet ta’ din l-għamla ta’ ħajja.

Jista’ jaħtar Delegat tiegħu, li l-aħjar jintgħażel minn fost il-qassisin tad-Djoċesi, jew Delegata tiegħu, li l-aħjar tintgħażel minn fost il-verġni kkonsagrati tad-Djoċesi, għall-kura pastorali tal-Ordo virginum, filwaqt li jiddefinixxi l-ambiti ta’ dan l-inkarigu u d-dmirijiet speċifiċi tiegħu, u jgħid b’liema mod eżatt dan għandu jintrabat mal-Vigarju episkopali għall-ħajja kkonsagrata, fejn dan jeżisti.

Jekk jitwaqqaf xi servizz ta’ għaqda, l-Isqof jistabbilixxi b’liema mod l-attività tad-Delegat jew Delegata għandha tingħaqad miegħu u ma’ gruppi oħra li jistgħu jinħolqu, b’mod partikulari mal-équipes għall-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni u għall-formazzjoni permanenti.

53. Skont l-indikazzjonijiet li jagħti l-Isqof, il-kollaborazzjoni pastorali tista’ tkun fil-qasam tal-għarfien ta’ kull waħda mill-aspiranti u l-kandidati fil-ġabra tal-elementi meħtieġa għad- dixxerniment biex dik li tkun tgħaddi għall-konsagrazzjoni, kif ukoll għall-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni u għall-formazzjoni permanenti; fl-għajnuna biex jitfasslu l-mixjiet formattivi personali, u fil-proposta ta’ waqtiet formattivi li jinqasmu bejn kulħadd.

Billi din hi kollaborazajoni pastorali in foro esterno, dawk li f’idejhom jitħallew dawn id-dmirijiet ma jkollhomx mal-aspiranti, il-kandidati u l-ikkonsagrati rabta ta’ sħubija spiritwali. Jagħrfu iżda s-siwi tad-djalogu personali ma’ kull waħda bħala qasam speċifiku ta’ smigħ, ta’ konfront u verifika tal-mixja tagħha, kif ukoll jistiednu lill-persuna tirreferi lill-Isqof djoċesan kemm ikun jidher ta’ siwi xi orjentament jew verifika ta’ aspetti aktar importanti tal-proġett ta’ ħajja.

54. Fil-kura pastorali tal-Ordo virginum wieħed jipprova jgħin lil kull aspiranta, kandidata u kkonsagrata tiżviluppa d-doni mogħtija mill-Mulej; tmexxi ’l quddiem l-għaqda bejn kulħadd u s-sens ta’ korresponsabbiltà fl-akkoljenza tad-differenzi leġittmi; taħdem b’risq l-akkoljenza intelliġenti u responsabbli tal-maġisteru u tal-għażliet pastorali tal-Isqof djoċesan; tmexxi  ’l quddiem l-għarfien tal-Ordo virginum fost il-poplu ta’ Alla.

Għaqda u korresponsabbiltà bejn l-ikkonsagrati ta’ Djoċesijiet diversi

55. L-ikkonsagrati jilqgħu u jgħożżu d-don tal-għaqda u l-impenn tal-missjoni li tiġi mill-fatt li huma rċevew l-istess konsagrazzjoni, anki f’rabta mal-ikkonsagrati ta’ Djoċesijiet oħrajn.

L-irbit ma’ Djoċesi, infatti, jaqbel sħiħ mas-sens ta’ appartenenza lil ordo fidelium li għandu l-istess karatteristiċi kostituttivi fil-Knisja Kattolika kollha.

Permezz tat-talb għal xulxin, l-għarfien ta’ xulxin, il-qsim ta’ esperjenzi u inizjattivi formattivi, l-ikkonsagrati jfissru b’modi varji l-korresponsabbiltà dwar ix-xhieda li huma msejħin li jagħtu fil-Knisja u fid-dinja.

Inizjattivi li jinqasmu, servizz ta’ għaqda u Isqof li miegħu jinżamm kuntatt

56. Fil-gruppi tal-Knejjes lokali, bi qbil mal-Isqfijiet tal-Konferenzi Episkopali rispettivi, l-ikkonsagrati jistgħu jagħtu ħajja lil inizjattivi li jinqasmu, u jekk jippermettu ċ-ċirkustanzi, lil servizz ta’ għaqda stabbli, li jiffaċilita l-bdil ta’ esperjenzi megħjuxa fid-Djoċesijiet li tagħhom huma membri, l-approfondiment ta’ temi ta’ interess komuni, il-proposta ta’ kontenuti u metodi dejjem itjeb fil-qasam tal-mixjiet formattivi fil-fażijiet kollha tagħhom, il- preżentazzjoni lill-Isqfijiet ta’ suġġerimenti u indikazzjonijiet ta’ siwi biex jikkwalifikaw il- preżenza tal-Ordo virginum fil-kuntest ekkleżjali u soċjo-kulturali rispettivi, il-promozzjoni tal-għarfien tal-Ordo virginum fost il-poplu ta’ Alla.

L-inizjattivi li jinqasmu u s-servizz ta’ għaqda għandhom dejjem jirrispettaw u jagħrfu s-siwi tal-irbit mill-għeruq mad-Djoċesi ta’ din l-għamla ta’ ħajja u jsieħbu magħhom lill-ikkonsagrati tad-Djoċesijiet interessati bi stil ta’ parteċipazzjoni sinodali.

57. L-isqfijiet miġburin f’Konferenza Episkopali jistgħu jfasslu għad-Djoċesijiet tagħhom orjentamenti komuni għall-kura pastorali tal-Ordo virginum. Jistgħu wkoll iħallu f’idejn xi Isqof id-dmir li jkun dak li miegħu jinżamm kunntatt dwar l-Ordo virginum.

B’rispett lejn ir-rwol insostitwibbli tal-Isqfijiet djoċesani fil-kura pastorali tal-verġni kkonsagrati tad-Djoċesijiet tagħhom, l-Isqof li miegħu jinżamm kuntatt isir interpretu tal-interess, tal-attenzjoni u tal-qrubija ta’ ħutu l-Isqfijiet lejn din l-għamla ta’ ħajja kkonsagrata.

Filwaq li jkollu għal qalbu li l-identità speċifika tal-Ordo virginum titfisser tajjeb fil-kuntest ekkleżjali u soċjo-kulturali tad-Djoċesijiet interessati, l-Isqof li miegħu jinżamm kuntatt iħares lejn l-inkarigu tiegħu bħala qadi għall-eżerċizzju effettiv tal-korresponsabbiltà min-naħa tal-ikkonsagrati tad-Djoċesijiet diversi. Isegwi bl-attenzjoni l-inizjattivi li jaqsmu l-ikkonsagrati tad-Djoċesijiet interessati, u fejn ikun imwaqqaf, jassisti bil-ministeru tiegħu s-servizz ta’ għaqda stabbli fost l-ikkonsagrati.

Riferiment lis-Sede Appostolika u s-Segretarjat għall-Ordo virginum

58. L-ikkonsagrati jagħrfu fil-ministeru tas-Suċċessur ta’ Pietru r-riferiment li lejh għandhom imorru biex jgħixu anki fl-ixfqa tal-Knisja universali d-don tal-għaqda u l-korresponsabbiltà li jappartjenu lill-istess ordo fidelium.

F’għaqda mal-maġisteru u l-azzjoni tal-Isqfijiet djoċesani u skont is-setgħat tagħhom, il- Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u l-Għaqdiet ta’ ħajja appostolika tgħin biex l-Ordo virginum jikber, biex din l-għamla ta’ ħajja kkonsagrata tingħaraf, tikseb valur u timxi ’l quddiem fl-identità u l-għamla tagħha bi qbil mal-Knisja.

59. Fi ħdan id-Dikasteru hemm imwaqqaf Segretarjat għall-Ordo virginum. Skont l- indikazzjonijiet mogħtija mill-Prefett, is-Segretarjat jieħu ħsieb il-ġabra ta’ dati għall-għarfien tal-qagħda tal-Ordo virginum fid-diversi pajjiżi, anki filwaqt li jinżamm preżenti dak li jgħidu l-Isqfijiet fir-rapporti li jingħataw fil-visitae ad limina.

Huwa wkoll punt ta’ riferiment għall-inizjattivi dwar l-Ordo virginum promossi jew sostnuti mill-istess Dikasteru.

Għall-attività tiegħu s-Segretarjat jista’ jinqeda bl-kollaborazzjoni ta’ kkonsagrati minn postijiet differenti, bil-Konferenzi Episkopali, u fejn jeżistu, bl-Isqfijiet li magħhom jinżamm kuntatt għall-Ordo virginum.

Permanenza fi Djoċesi oħra u trasferiment

60. Għalkemm issir ir-rabta mill-għeruq mal-Knisja lokali li fiha ssir iċ-ċelebrazzjoni, il- konsagrazzjoni ma żżommx lill-ikkonsagrata milli tmur toqgħod għal xi żmien jew għal dejjem f’xi Knisja lokali oħra, jekk dan ikun meħtieġ, ngħidu aħna minħabba x-xogħol, il-familja, il-pastorali, jew għal xi raġunijiet oħra.

61. Meta kkonsagrata jkollha l-ħsieb li tmur toqgħod għal żmien twil fi Djoċesi diversa minn dik li tagħha hi membru, bi ftehim mal-Isqof tagħha tista’ titlob lill-Isqof tad-Djoċesi ad quem li tieħu sehem fl-inizjattivi ta’ karattru formattiv tal-Ordo virginum lokali. L-Isqof tad- Djoċesi ad quem, kif jirċievi preżentazzjoni tal-interessata mingħand l-Isqof djoċesan, jiftiehem magħha l-mod kif għandu jittieħed dan is-sehem.

62. Jekk xi kkonsagrata tkun trid tmur toqgħod għal dejjem fi Djoċesi oħra, hija tagħti r-raġunijiet lill-Isqof tagħha, li mbagħad juriha l-parir tiegħu. Tista’ mbagħad titlob lill-Isqof tad-Djoċesi ad quem li jiltaqgħha fl-Ordo virginum lokali. Dan tal-aħħar, wara li jiċievi mingħad l-Isqof tad-Djoċesi a quo preżentazzjoni tal-ikkonsagrata li fiha jingħataw ukoll ir- raġunijiet tat-trasferiment u l-parir tiegħu, jiddeċiedi skont il-każ u jagħti tweġiba lill-interessata, ue bħala għarfien, anki lill-Isqof tad-Djoċesi a quo. F’każ ta’ tweġiba pożittiva, l-Isqof tad-Djoċesi ad quem jilqa’ lill-ikkonsagrata, idaħħalha fil-Knisja lokali, u jekk ikun hemm, fost l-ikkonsagrati tad-Djoċesi tiegħu, filwaqt li jiftiehem magħha dwar dak li hu meħtieġ u siewi fil-qagħda personali tagħha. Skont il-valutazzjoni li ssir, l-Isqof tad-Djoċesi ad quem jista’ wkoll jiċħad id-dħul jew, bi ftehim mal-Isqof a quo, jistabillixxi żmien ta’ prova: f’dak il-każ, għalkemm tibqa’ żżomm ir-rabta mad-Djoċesi a quo, l-ikkonsagrata tkun tista’ tittrasferixxi d-domiċilju kanoniku tagħha fid-Djoċesi ad quem, hija u tistenna l-indikazzjonijiet miftiehma mal-Isqfijiet interessati f’dak li jmiss il-qagħda personali tagħha.

63. Personalment jew permezz tad-Delegat jew tad-Delegata, l-Isqof jieħu ħsieb jgħarraf b’mod xueraq lill-ikkonsagrati dwar it-trasferiment temporanju jew definittiv ta’ xi kkonsagrata fi Djoċesi oħra, kif ukoll dwar l-akkoljenza ta’ xi kkonsagrata minn Djoċesi oħra.

Fundazzjonijiet, għaqdiet u għażliet ta’ ħajja komuni

64. Anki huwa u jagħti kas tal-liġijiet ċivili, għas-sostenn u t-tmexxija ekonomika tal-inizjattivi tal-Ordo virginum l-Isqof djoċesan jista’ jwaqqaf fundazzjoni kanonika, mhux awtonoma jew awtonoma[79], u mbagħad jawtorizza t-talba għall-għarfien ċivili ta’ din.

65. Biex titħares fehmithom b’aktar reqqa u biex jgħinu lil xulxin fl-għoti ta’ servizz li jaqbel mal-istat tagħhom lill-Knisja, l-ikkonsagrati jistgħu jingħaqdu f’għaqdiet u jitolbu lill-awtorità tal-Knisja kompetenti l-għarfien kanoniku tal-istatut u l-approvazzjoni tagħha[80].

It-twaqqif ta’ għaqda, jew ukoll id-dħul f’għaqda li tkun ġa teżisti, isiru biss b’għażla ħielsa u volontarja ta’ kull waħda mill-ikkonsagrati li tiddeċiedi li taqbel mal-għanijiet tal-għaqda u mal-istatut tagħha. Il-ħruġ ta’ xi kkonsagrata mill-għaqda ma jġibx miegħu t-tmiem tagħha bħala membru tal-Ordo virginum.

66. Il-verġni kkonsagrati li jkunu jixtiequ jistgħu liberament jiddeċiedu li jgħammru fl-istess dar waħda. Din il-possibbiltà – li tingħażel b’responsabbiltà għall-għajnuna ta’ xulxin, biex jaqsmu l-ħajja fil-livell spiritwali, pastorali jew ukoll ekonomiku – isseħħ b’deċiżjoni ħielsa ta’ kull verġni kkonsagrata u ma tiġix direttament mill-konsagrazzjoni, lanqas mis-sħubija f’xi għaqda, jekk għall-anqas din tal-aħħar ma titlobx fl-istatut tagħha l-ħajja komuni bħala element kostituttiv tal-għaqda nfisha.

L-appartenenza lill-Ordo virginum u r-riferiment għal għaqdiet oħra tal-Knisja

67. L-għamla ta’ ħajja tal-Ordo virginum innifsu tifforma triq speċjali ta’ qdusija li magħha ikkorrispondi identità spiritwali karatteristika, li tgħaqqad u torjenta l-eżistenza sħiħa tal-persuna. Dmir ta’ kull ikkonsagrata hu li tagħti xhieda serena u hienja tal-konsagrazzjoni tagħha, b’mod li ssir xprun u għana għall-membru kollha tal-komunità Nisranija.

Dan ma jżommx lil xi verġni kkonsagrata li tieħu sehem mill-kariżmi varji u mill-ispiritwalità li bihom l-Ispirtu jagħni lill-Knisja, u li ssib fil-kariżma u l-ispiritwalità ta’ xi għaqda ekkleżjali (Terz’Ordni, Għaqda, Muviment), għajnuna biex tgħix il-kariżma verġinali tagħha[81].

68. L-awtentiċità ta’ esperjenza spiritwali bħal din għandha tkun oġġett ta’ dixxerniment fil-qasam tas-sħubija spiritwali, kif ukoll fid-djalogu mal-Isqof djoċesan, u jekk ikun hemm, mad-Delegat jew Delegata għall-kura pastorali tal-Ordo virginum, biex l-interess u s-sehem li jittieħed fl-inizjattivi tal-għaqda ma jdgħajjifx is-siwi tal-għaqda mill-għeruq mad-Djoċesi, li hi diik li tibni l-konsagrazzjoni li tingħax fl-Ordo virginum.

L-ikkonsagrata tkun attenta biex iżżomm ħajja l-esperjenza tal-għaqda mal-Knisja lokali li hi membru tagħha, permezz ta’ medjazzjoni meħtieġa tal-Isqof djoċesan, hi u tilqa’ bħala bint it-tagħlim u l-kura pastorali tiegħu. Ikollha għal qalbha wkoll li tħares ir-rabta ta’ għaqda ma’ verġni kkonsagrati oħrajn u tagħti prijorità lill-proposti formattivi speċifiċi għall-Ordo virginum dwar inizjattivi li jistgħu jittieħdu mill-għaqda li tagħha tkun membru.

Firda mill-Ordo virginum

Id-dħul f’Istitut ta’ ħajja kkonsagrata jew Għaqda ta’ ħajja appostolika

69. Jekk xi kkonsagrata, wara li tgħarbel kollox fit-talb, fid-direzzjoni spiritwali u fid-djalogu mal-Isqof, tħoss li għandha tidħol membru f’xi Istitut ta’ ħajja kkonsagrata jew Għaqda ta’ ħajja appostolika, hija tgħarraf bil-miktub lill-Isqof djoċesan b’din il-fehma tagħha, flimkien ma’ xhieda tal-Moderatriċi Suprema tal-Istitut dwar il-kuntatti li l-ikkonsagrata tkun għamlet mal-Istitut jew l-Għaqda[82].

L-Isqof jieħu ħsieb jagħmel talba lis-Santa Sede u magħha jgħarraf l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan jekk ikun hemm. Il-passaġġ għall-Istitut iseħħ skont id-dispożizzjonijiet li jingħataw dwar il-każ partikulari mis-Santa Sede.

Il-ħruġ mill-Ordo virginum

70. Jekk xi kkonsagrata, għal raġunijiet gravi ħafna mgħarbla quddiem Alla b’dixxerniment magħmul bir-reqqa, tħoss li għandha titlob dispensa mill-impenji tal-konsagrazzjoni, din għandha tmur għand l-Isqof djoċesan tagħha u tippreżenta talba bil-miktub. L-Isqof ma jittraskurax li jagħtiha l-għajnuniet f’waqthom għad-dixxerniment u jagħti d-dispensa biss wara li jkun għarbel bir-reqqa u fil-fond ir-raġunijiet tat-talba.

Tkeċċijiet mill-Ordo virginum

71. Jekk xi kkonsagrata fil-miftuħ titlaq il-fidi Kattolika jew tiżżewweġ, anki biss ċivilment, l-Isqof jiġbor il-provi kollha u jiddikjara t-tkeċċija tagħha mill-Ordo virginum, b’mod li dan l-att ikun jiswa ġuridikament.

72. Jekk xi kkonsagrata tkun mixlija b’xi delitti gravi ħafna[83] jew nuqqasijiet gravi ħafna, li jkunu jidhru minn barra u jmorru kontra l-obbligi tal-konsagrazzjoni, b’tali mod li jqajmu skandlu fost il-poplu ta’ Alla, l-Isqof jibda l-proċedura tat-tkeċċija. Jgħarraf imbagħad lill-interessata bix-xiljiet u l-provi li jinġabru, u jagħtiha s-setgħa li tiddefendi ruħha.

Jekk l-Isqof jara li d-difiża ma tkunx biżżejjed, u ma jkunx hemm mod ieħor kif l-ikkonsagrata tista’ tkun korretta, biex issir ġustizzja u jissewwa l-skandlu, huwa jkeċċiha mill-Ordo virginum.

Id-digriet tat-tkeċċija għandu jkollu fiha għall-anqas b’mod globali ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni u dan ma jiġix fis-seħħ jekk mhux wara li jkun ikkonfermat mis-Santa Sede, li lilha għandhom jintbagħtu l-atti kollha. Barra minn dan, id-digriet ma jkunx jiswa jekk ma jurix il-jedd li tgawdi l-ikkonsagrata, li tappella lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien għaxart ijiem min-notifika tad-digriet; dan ir-rikors għandu effett sospensiv.

Annotazzjoni u komunikazzjoni tal-firda

73. Fil-każijiet kollha li fihom issir il-firda ta’ xi kkonsagrata mill-Ordo virginum, l-Isqof djoċesan jagħmel annotazzjoni fil-ktieb tal-konsagrazzjoni, u personalment jew permezz tad- Delegat jew Delegata, jieħu ħsieb jgħarraf lill-ikkonsagrati l-oħra, u lill-kappillan kompetenti biex dan iniżżilha fir-reġistru tal-magħmudijiet.

 

III.
Id-dixxerniment
Vokazzjonali
u l-formazzjoni
għall-Ordo virginum

 

L-impenn tad-dixxerniment u tal-formazzioni

Mixja ta’ fidi, dixxerniment vokazzjonali u mixjiet formattivi

74. Bis-saħħa tal-fidi, tal-grazzja tal-magħmudija, tal-kariżma verġinali u tal-kariżmi personali, il-mara msejħa għall-konsagrazzjoni fl-Ordo virginum tidħol f’mixja ta’ ħajja Nisranija wara l-Mulej Ġesù, li d-dinamiżmu tagħha jqajmu l-Ispirtu s-Santu u li titlob it-tweġiba attiva u l-kooperazzjoni ħelwa tagħha.

Il-mixja wara l-Mulej hija mixja ta’ ndiema bla waqfien, ta’ għaqda dejjem iżjed qawwija miegħu[84]: hija proċess li jolqot lid-dimensjonijiet kollha tal-eżistenza – tal-ġisem u tal-affett, tad-dehen, tar-rieda u tar-ruħ u jibqa’ għaddej tul il-ħajja kollha, għalhekk ebda kkonsagrat «ma jista’ qatt jgħid li wassal għat-tmiem l-iżvilupp ta’ dak il-bniedem il-ġdid li jħoss ġo fih, f’kull ċirkustanza tal-ħajja, l-istess sentimenti ta’ Kristu»[85].

75. Il-grazzja tal-konsagrazzjoni fl-Ordo virginum tiddefinixxi u ssawwar b’mod stabbli l-fiżjonomija spiritwali tal-persuna, tagħtiha direzzjoni fil-mixja tal-eżistenza, issostniha u tqawwiha fi tweġiba dejjem aktar ġeneruża għas-sejħa.

Il-konsagrazzjoni titlob għalhekk mhux biss maturazzjoni umana u Nisranija li titqies permezz ta’ dixxerniment vokazzjonali magħmul bir-reqqa u formazzjoni speċifika li ssir qabel, iżda wkoll kura convinta bla waqfien tal-formazzjoni permanenti li, hija u tapprofondixxi u ġġedded ir-raġunijiet tal-għażla li tkun saret, tħalli lill-ikkonsagrata tissaħħaħ fis-sejħa tagħha filwaqt li tgħix id-dinamiżmu marbut magħha[86].

76. Billi din l-għamla ta’ ħajja kkonsagrata hija marbuta sfiq mal-Knisja lokali, id- dixxerniment vokazzjonali, il-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni u l-kura tal-formazzjoni permanenti għandhom isiru permezz ta’ mixjiet fil-Knisja li, barra mir-responsabbiltà tan-nisa interessati, jitolbu l-attenzjoni u s-sħubija tal-komunità Nisranija, u b’mod partikulari jsejħu r-responsabbiltà pastorali tal-Isqof djoċesan.

Biex jiġbor l-elementi meħtieġa għad-dixxerniment vokazzjonali, kif ukoll biex iqabbad it-triq u jsieħeb il-mixjiet ta’ formazzjoni tal-aspiranti, tal-kandidati u tal-ikkonsagrati, l-Isqof jista’ jitlob l-għajnuna tad-Delegat jew Delegata għall-Ordo virginum u jqis il-kontribut li l-ikkonsagrati jistgħu jagħtu.

B’dan il-għan, filwaqt li jqis l-għadd ta’ kkonsagrati li għandu fid-Djoċesi u l-fehma tagħhom, kif ukoll ċirkustanzi konkreti oħrajn, bħlma hu s-servizz tal-għaqda għall-Ordo virginum, l-Isqof jista’ joħloq ukoll servizz jew équipe għad-dixxerniment vokazzjonali u l-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni u servizz jew équipe għall-formazzjoni permanenti. Dawn is-servizzi jew équipes ikunu komposti mid-Delegat jew Delegata, jekk l-Isqof ikun waqqafhom, u minn ikkonsagrati mogħnija bl-attitudnijiet meħtieġa, magħżulin mill-Isqof jew mid-Delegat jew Delegata, wara konsultazzjoni mal-ikkonsagrati.

77. Il-proposta formattiva timmira qabel xejn biex toħroġ u ssaħħaħ fil-persuna l-attitudni fundamentali tal-ħlewwa, jiġifieri tal-ħelsien, ix-xewqa u l-ħila li titgħallem minn kull qagħda tal-ħajja, filwaqt li tieħu sehem attivament u b’mod responsabbli fil-proċess ta’ żvilupp personali fil-mixja kollha tal-eżistenza tagħha[87].

Għalhekk fit-tfassil tal-mixjiet formattivi, għandha tingħata attenzjoni biex dawn ma jsirux f’għamla waħda jew ġeneriċi, li ma jeħdux ħsieb biżżejjed tal-ħtiġijiet speċifiċi u tal-kariżmi ta’ kull waħda. Fl-istess ħin, wieħed joqgħod għassa għar-riskju ta’ tendenzi individwalistiċi[88], li jfixklu l-kisba u l-iżvilupp tat-tifsira vera ta’ appartenenza ekkleżjali u tal-ispirtu ta’ għaqda fi ħdan l-Ordo virginum.

78. Billi jeħtieġ li jimxi ’l quddiem l-iżvilupp tat-tifsir tar-realtà skont il-kriterji tal-Vanġelu, il-mixjiet formattivi għandhom iħejju bħala elementi li ma jistgħux jonqsu: il-formazzjoni teoloġika, kulturali u pastorali, xierqa għat-tip ta’ xhieda li għaliha l-ikkonsagrati huma msejħin, imbagħad l-istudju personali u l-laqgħat formattivi anki ma’ esperti – formazzjoni dejjem tikber fil-wisa’ u fl-approfondiment; l-esperjenzi spiritwali, bħat-talb personali u liturġiku, il-mixi penitenzjali, l-irtiri u l-eżerċizzi spiritwali, li jżommu lill-bniedem fis-smigħ attent u f’tiftix bla waqfien tar-rieda ta’ Alla; id-dħul f’sensiela ta’ relazzjonijiet ekkleżjali li jkabbru bis-sħiħ lill-bniedem u b’mod partikulari jqisu s-siwi tal-bdil ta’ esperjenzi bejn l-ikkonsagrati, kif ukoll tar-rabtiet  bejn l-aspiranti u l-ikkonsagrati, l-aktar nett dawk li jikkollaboraw fis-servizz ta’ formazzjoni.

Jittieħed ħsieb li jkunu proposti mixjiet imfassla organikament, li jħejju żvilupp temporali ċar li jkun ivverifikat kull tant żmien, li fih il-kura għall-formazzjoni ta’ kull aspiranta, kandidata u kkonsagrata tissieħed u tissaħħaħ bil-proposti magħmulin f’daqqa għall-ġemgħa tal-aspiranti, kandidati u kkonsagrati.

Il-prattika tas-sħubija spiritwali

79. F’kull fażi tal-mixjiet ta’ dixxerniment u formazzjoni, hija mitluba l-prattika tas-sħubija spiritwali: ir-rapport bla waqfien u fiduċjuż ma’ xi persuna mogħnija bi spirtu profond ta’ fidi u ta’ għerf Nisrani, li kull aspiranta, kandidata u kkonsagrata tista’ tagħżel liberament. Din tirappreżenta għajnuna valida mhux biss għad-dixxerniment vokazzjonali, iżda wkoll għad-deċiżjonijiet li l-aktar jimpenjaw ħajjitha.

Biex jiggarantixxi l-libertà tal-persuna fil-qasam tal-kuxjenza, id-Delegat jew Delegata għall-kura pastorali tal-Ordo virginum u l-ikkonsagrati li jikkollaboraw fis-servizz tal-formazzjoni jħaddmu l-qadi tagħhom fil-qasam tal-foro esterno u ma jibdewx rapporti ta’ sħubija spiritwali mal-aspiranti, l-kandidati u l-ikkonsagrati. Barra minn dan, ma għandhomx jitolbu tagħrif jew pariri fuq l-aspiranti, il-kandidati u l-ikkonsagrati mingħand id-diretturi jew mingħand dawk li jseħbuhom fil-mixja spiritwali u mingħand il-konfessuri.

Dixxerniment vokazzjonali u mixja formattva qabel il-konsagrazzjoni

Id-dinamika tad-dixxerniment vokazzjonali u tal-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni

80. Id-dixxerniment vokazzjonali jikkonsisti fit-tgħarbil tas-sinjali li bihom titfisser il-kariżma tal-Ordo virginum, bid-dħul tagħha fl-għeruq tal-Knisja lokali u l-mod karatteristiku tagħha li tkun preżenti fil-kuntest soċjali u kulturali. Għall-ġid tal-persuni interessati u tal-knisja, jeħtieġ li jingħarfu l-kunndizzjonijiet li jħallu li jsir dixxerniment seren u ħieles, li fih tkun ivverifikata, fid-dawl tal-fidi u tal-kontroindikazzjonijiet li jista’ jkun hemm, il-veridiċità tas-sejħa u r-rettitdni tal-fehmiet[89].

Il-mixja formattiva ta’ qabel il-konsagrazzjoni għandha tkun okkażjoni ta’ verifika tas-sejħa vokazzjonali tal-bidu u fl-istess ħin trid tkebbes fl-aspiranti u fil-kandidati x-xewqa ta’ għaqda aktar profonda mal-Mulej Ġesù, ta’ tweġiba aktar ħielsa u ġeneruża għas-sejħa tal-Missier, ta’ korrispondenza dejjem aktar attenta, intelliġenti u ħelwa mal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Nistgħu nitkellmu dwar mixja tabilħaqq formattiva biss jekk isseħħ esperjenza ta’ konverżjoni vera u proprja, jiġifieri ta’ dawl u safa u ta’ sehem aktar profond u konvint fil-mixi wara l-Mulej.

81. B’mod ordinarju d-dixxerniment vokazzjonali jsir bi proċess li jħaddan fih verifika inizjali tal-ammissjoni għall-mixja ta’ formazzjoni għall-konsagrazzjoni, jissokta tul il-mixja, u jintemm meta l-Isqof djoċesan jiddeċiedi dwar l-ammissjoni għall-konsagrazzjoni. Għal għanijiet pedagoċiċi u ta’ tifsir, jista’ wieħed iqassam il-proċess fi tliet waqtiet jew fażijiet: żmien tal-bidu jew propedewtiku; żmien ta’ formazzjoni mqassam f’bosta taqsimiet b’għanijiet u verifiki tiegħu; id-dixxerniment jew skrutinju tal-aħħar.

82. Qatt ma għandu jibda ż-żmien propedewtiku qabel ma l-kandidata tagħlaq dsatax-il sena; għall-ammissjoni għall-konsagrazzjoni wieħed għandu jqis l-età li fiha fir-reġjun soltu jsiru ż-żwiġijiet[90] u b’mod ordinarju ma ssirx il-konsagrazzjoni qabel ma l-kandidata tagħlaq ħamsa u għoxrin sena.

83. Imiss lill-Isqof djoċesan jagħżel, anki bi djalogu man-nies interessati filwaqt li jqis il-qagħda u l-ħtiġijiet ta’ kull waħda, il-modi konkreti kif għandhom isiru l-mixjiet formattivi, biex jagħti lil kull waħda l-possibbiltà li tidħol fil-fond tal-għarfien ta’ din l-għamla ta’ ħajja fl-elementi essenzjali tagħha u jqabbel magħha b’mod sinċier u realistiku l-esperjenza spiritwali tagħha u l-mod konkret ta’ ħajja.

Jittieħed ħsieb li tinżamm rabta sfiqa bejn id-dixxerniment vokazzjonali u l-mixja formattiva ta’ qabel il-konsagrazzjoni, għaliex l-ammissjoni għall-mixja formattiva ma torbotx lill-kandidata li titlob l-ammissjoni għall-konsagrazzjoni, lanqas ma torbot lill-Isqof li jagħtiha l-ammissjoni għall-konsagrazzjoni.

Rekwiżiti u kriterji ta’ dixxerniment

84. L-ammissjoni għall-konsagrazzjoni titlob li għall-età, għall-maturità umana u spiritwali, u għall-istima li tgawdi fil-komunità Nisranija li fiha tkun, il-kandidata tagħti prova li tkun kapaċi tidħol b’mod responsabbli għal-impenji tal-konsagrazzjoni[91].

Titlob ukoll li l-persuna ma tkun qatt iżżewġet u qatt ma għexet fil-pubbliku, jiġifieri b’mod magħruf, f’qagħda kontra s-safa[92].

85. Fid-dixxerniment vokazzjonali titqiegħed l-attenzjoni fuq is-sinjali li juru biċ-ċar li fl-aspiranta u fil-kandidata hemm esperjenza spiritwali qawwija u ħajja, hemm l-awtentiċità tal-mottivi li jmexxuha lejn il-konsagrazzjoni fl-Ordo virginum, u hemm attitudnijiet li huma meħtieġa biex il-kandidata tibqa’ għaddejja fit-triq tal-ħajja kkonsagrata u tagħti xhieda tajba tas-sejħa tagħha.

B’għerf pedagoġiku u u b’pass wara l-ieħor, wieħed jara jekk ikunx hemm dawn is-sinjali sa miż-żmien propedewtiku, biex issir valutazzjoni għall-ammissjoni għall-mixja formattiva. Għall-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni u d-dixxerniment aħħari dwar l-ammissjoni għall-konsagrazzjoni dawn huma punti ta’ riferiment li jikkwalifikaw.

86. Għall-verifika tal-esperjenza spiritwali, għandhom importanza partikulari:

a) ir-rabta personali ma’ Kristu u x-xewqa li l-kandidata ssawwar l-eżistenza kollha tagħha «fuq il-Mulej Ġesù u l-għotja sħiħa tiegħu»[93] bħala tweġiba ta’ mħabba għall-imħabba tiegħu bla tarf[94];

b) is-sens ta’ appartenenza għall-Knisja, megħjux b’mod konkret bis-sehem fil-ħajja tal-komunità Nisranija, imqawwi bi mħabba profonda għall-għaqda tal-Knisja, biċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti u b’atteġġament ta’ ubbedjenza lejn l-Isqof djoċesan;

ċ) il-kura tad-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja u l-fedeltà lejn id-dixxiplina spiritwali, lejn il-ħinijiet tat-talb, lejn ir-ritmi tiegħu u l-għamliet differenti tiegħu;

d) l-assidwità fil-mixi penitenzjali, axxetiku u fis-sħubija spiritwali;

e) l-interess fl-approfondiment tal-għarfien tal-Iskrittura, tal-kontenuti tal-fidi, tal-liturġija, tal-istorja u l-maġisteru tal-Knisja;

f) il-ħeġġa għas-Saltna ta’ Alla, li tħejji lil dak li jkun biex jnterpreta r-realtà ta’ ħinu skont kriterji evanġeliċi, biex jimxi b’sens ta’ responsabbiltà u mħabba preferenzjali għall-foqra;

g) il-preżenza ta’ intwizzjoni sintetika u globali tas-sejħa proprja, li turi għarfien realistiku tal-istorja proprja, tal-karatteristiċi proprji – riżorsi, limiti, xewqat, aspirazjonijiet, mottivazzjonijiet – u li din tkun taqbel mal-għamla ta’ ħajja tal-Ordo virginum.

87. Għall-verifika tal-maturità umana, jinżammu preżenti dawn is-sinjali:

a) għarfien realistiku tal-kandidata nfisha, għarfien oġġettiv tat-talenti ul-limiti tagħha, flimkien ma’ ħila ċara ta’ tmexija tagħha nfisha u attitudni tajba biżżejjed biex terfa’ r-responsabbiltajiet;

b) il-ħila li jkollha relazzjonijiet b’saħħithom u sereni, ma’ rġiel u nisa, flimkien ma’ għarfien tajjeb tal-valur taż-żwieġ u tal-maternità;

ċ) il-ħila li tgħaqqad is-sesswalità mal-identità personali u torjenta l-enerġiji affettivi b’mod li tesprimi l-femminilità tagħha  f’ħajja safja li tinfetaħ għal fekondità spiritwali usa’[95];

d) il-ħila għall-ħidma u għall-professjoni li bihom il-kandidata tipprovdi għall-għajxien tagħha b’mod dinjituż;

e) attitudni mġarrba li biha tagħraf tgħaddi mit-tbatijiet u d-diżappunti, kif ukoll tagħti u tirċivi l-maħfra, bħala passi possibbli li jwasslu għal umanità sħiħa;

f) l-fedeltà lejn il-kelma li tingħata u l-impenji li jittieħdu;

g) użu responsabbli tal-ġid, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali u tal-ħin ħieles.

88. Fl-orjentament vokazzjonali u meta jkun hemm il-ħtieġa li jingħarfu l-karatteristiċi ta’ din is-sejħa u tal-ħtiġijiet biex kandidata tgħaddi għall-konsagrazzjoni, il-kundizzjoni verġinali għandha tkun ippreżentata mill-qawwa simbolika tas-sisien bibliċi tagħha fil-kwadru ta’ viżjoni antropoloġika msejsa tajjeb fuq ir-rivelazzjoni Nisranija, li fiha jinġabru d-dimensjonijiet differenti – dawk li jmissu lill-ġisem, lill-psikoloġija, lill-ispirtu – meqjusin ukoll fir-rabta dinamika tagħhom fl-istorja kif għexitha l-persuna u fil-ftuħ għall-azzjoni dejjiema tal-grazzja ta’ Alla li tmexxiha, tiggwidaha u twettaqha fil-mixja tal-qdusija.

X’teżor ta’ siwi bla qjies li Alla jqiegħdu f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 4: 7), il-vokazzjoni hija infatti don immeritat li jilħaq lill-persuna fl-umanità konkreta tagħha, li dejjem teħtieġ il-fidwa u tixtieq milja ta’ sens għall-eżistenza tagħha. Hija ssib il-bidu u ċ-ċentu dinamiku tagħha fil-grazzja ta’ Alla li, bil-ħlewwa u bil-qawwa ta’ mħabbtu ħanina, jaġixxi bla waqfien fil-ġrajjiet tal-bniedem, li sikwit ikunu kumplessi u kultant anki kontraddittorji, biex jgħin lill-persuna tiġbor l-uniċità u l-unità tal-eżistenza tagħha u jagħtiha l-ħila li tagħti lilha nfisha bħala don sħiħ. F’dal-kuntest irridu nifhmu li s-sejħa biex tagħti xhieda tal-imħabba ta’ verġni, ta’ għarusa u għammiela tal-Knisja lejn Kristu ma tirriduċix ruħha fis-sinjal tas-sħuħija fiżika, u li ż-żamma tal-ġisem f’kontinenza perfetta jew l-għajxien b’mod eżemplari tal-virtù tas-safa, għad li dawn għandhom importanza kbira fil-qasam tad-dixxerniment, mhumiex rekwiżiti determinanti li mingħajrhom ma tistax issir l-ammissjoni għall-konsagrazzjoni.

Id-dixxerniment jitlob għalhekk ħafna prudenza u dehen u għandu jsir individualment. Kull aspiranta u kandidata hija msejħa biex tgħarbel is-sejħa tagħha bi qbil mal-istorja personali tagħha, bis-sewwa u bl-awtentiċità quddiem Alla, u bl-għajnuna ta’ sħubija spiritwali.

Ir-rikors għand esperti b’ħiliet psikoloġiċi

89. Fid-dixxerniment vokazzjonali u fil-mixja formativa ta’ qabel il-konsagrazzjoni, f’xi każijiet jista’ jkun ta’ siwi r-rikors għand esperti fix-xjenzi psikoloġiċi[96]. Jekk, infatti, s-sejħa għall-verġnità kkonsagrata, bħala frott ta’ don partikulari ta’ Alla, u d-dixxerniment aħħari tagħha jmorru lil hinn mill-ħiliet speċifiċi tal-psikoloġija, dawn tal-aħħar jistgħu jiddaħħlu fil-kwadru globali tad-dixxerniment u tal-formazzjoni, kemm għal valutazzjoni aktar żgura tal-qagħda psikika tal-aspiranta jew tal-kandidata u tal-attitudnijiet kif twieġeb għas-sejħa, u kemm għal aktar għajnuna fl-iżvilupp uman tagħha.

Valutazzjoni tal-personalità tista’ tintalab prudentement jekk iqum xi dubju dwar il-preżenza ta’ xi disturb psikiku.

90. F’kull każ, biex wieħed ikun jista’ jirrikorri għand espert fix-xjenzi psikoloġiċi, hu meħtieġ min-naħa tal-persuna interessata kunsens minn qabel, mogħti bil-miktub, infurmat u ħieles; il-ġieħ tagħha u l-jedd li tiddefendi l-intimità tagħha għandhom ikunu dejjem imħarsa[97].

Fl-għażla tal-esperti li għandhom wieħed jirrikorri, trid tingħata assikurazzjoni mhux biss tal-ħila professjonali tagħhom, iżda wkoll tal-fatt li huma mnebbħa minn antropoloġija li taqbel b’mod ċar mal-kunċett Nisrani dwar il-persuna umana u s-sejħa għall-ħajja kkonsagrata[98]. Barra minn dan, għandu jkun dejjem irrispettat is-sigriet professjonali tal-espert.

91. Jekk il-valutazzjoni li ssir turi l-preżenza ta’ xi disturb psikiku jew xi xkiel kbir, fid-dixxerniment vokazzjonali l-Isqof jagħti kas tat-tipoloġija, tal-gravità u tal-mod li bihom dan jinfluwuxxi l-psikiżmu tal-persuna u mbagħad l-attitudnijiet tagħha għall-konsagrazzjoni.

Iż-żmien propedewtiku

92. Iż-żmien propedewtiku għandu bħala għan il-verifika tar-rekwiżiti u l-presupposti meħtieġa għal mixja ta’ formazzjoni li tagħti l-frott, li twassal għall-konsagrazzjoni.

It-tul tiegħu u l-modi konkreti kif jitmexxa għandhom ikunu b’mod li jħallu għarfien effettiv tal-aspiranta lill-Isqof, lid-Delegat jew Delegata u lill-kkonsagrati li jagħtu daqqa ta’ id fis-servizz tal-formazzjoni, u fl-istess ħin iħallu lill-aspiranta tasal għal għarfien tal-aspetti essenzjali tal-konsagrazzjoni u tal-għamla tal-ħajja tal-Ordo virginum, b’mod li tkun tista’ tqabbilhom mas-sejħa li tkun qed tħoss hi. Għalhekk, b’mod ordinarju t-tul għandu jkun xi sena jew sentejn.

93. Fid-djalogu mal-Isqof, mad-Delegat jew Delegata, jew ma’ xi waħda mill-ikkonsagrati li jagħtu daqqa ta’ id fis-servizz tal-formazzjoni, l-aspiranta tkun mistiedna tippreżenta l-istorja tagħha, il-mod tagħha kif tgħix tabilħaqq, u r-raġunijiet li jwassluha taqbad din l-għamla ta’ ħajja.

Sa mill-bidu tajjeb li wieħed jivverifika li l-aspiranta tkun irċeviet is-sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija u li qatt ma tkun iżżewġet, kif ukoll jaċċerta ruħu li qatt ma għexet pubblikament f’xi stat li hu kontra s-safa, jiġifieri f’qagħda stabbli u fid-dieher ta’ konkubinaġġ jew f’qagħdiet bħal din li kellhom għarfien pubbliku[99].

Filwaqt li titqies il-mixja fil-fidi ta’ qabel, u l-qagħda konkreta u t-tħejjija ta’ kull aspiranta, jistgħu jkunu proposti mixjiet kateketiċi, ta’ studju u riflessjoni, fuq il-ħajja kkonsagrata in ġenerali u fuq aspetti fundamentali tal-ħajjaNisranija.

94. Fil-laqgħat li jkollha minn żmien għal żmien mal-Isqof, mad-Delegat jew Delegata, jew ma’ xi waħda mill-ikkonsagrati li jagħtu daqqa ta’ id fis-servizz tal-formazzjoni, lill-aspiranta ssirilha stedina biex tivverifika l-esperjenza tagħha tal-fidi u l-fehma tas-sejħa tagħha billi tibda mit-temi proposti.

Fil-qasam tas-sħubija spiritwali ssib possibbiltajiet oħra biex turi l-għajxien tagħha, biex terġa’ taqra wkoll l-aspetti l-aktar mudlama u ta’ niket tal-ġrajja tagħha fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, biex tibda jew issaħħaħ xi proċessi ta’ fejqan ġewwieni li jħalluha tlesti ruħha biex tilqa’ b’mod aktar ħieles u sħiħ il-grazzja tas-sejħa.

Fejn hu possibbli u skont iċ-ċirkustanzi konkreti, wieħed jiffavorixxi l-għarfien bejn l-aspiranta u xi wħud mill-ikkonsagrati tal-Ordo virginum, li anki bix-xhieda tagħhom, ikunu jistgħu jgħinu l-proċess tad-dixxerniment vokazzjonali.

Jekk ikun hemm aktar aspiranti, wieħed iqis is-siwi u jkunx jaqbel li jkun hemm waqtiet li fihom isiru laqgħat ta’ għarfien reċiproku, u ta’ riflessjoni komuni, basta xorta jinżammu spazji f’waqthom ta’ djalogu personali u riservat għal kull waħda mill-spiranti mal-Isqof, mad-Delegat jew Delegata, jew ma’ xi waħda mill-ikkonsagrati li jagħtu daqqa ta’ id fis-servizz tal-formazzjoni.

95. Attenzjoni speċjali trid tingħata lill-verifika tal-modi li bihom l-aspiranta tieħu sehem fil-ħajja tal-komunità Nisranija. B’modi f’waqthom, l-elementi ta’ għarfien li tagħti l-interessata mbagħad jingħaqdu anki b’tagħrif mogħti minn saċerdoti jew nies oħra li jkunu jafuha sew.

Barra minn dan, l-interessata tista’ tintalab tippreżenta dokumentazzjoni dwar il-mixja tagħha ta’ studji u ħidma.

Jekk il-persuna tkun ġejja minn għamla oħra ta’ ħajja kkonsagrata, biex jikseb l-elementi ta’ valutazzjoni meħtieġa, l-Isqof jieħu ħsieb jiġbor  tagħrif f’waqtu anki mill-Istitut jew Għaqda li minnhom tkun ġejja, bil-għan li jsir dixxerniment bil-għaqal. Barra minn dan, huwa jitlob lill-interessata żmien xieraq għall-elaborazzjoni tad-distakk u jivverifika bl-attenzjoni b’liema mod hi daħlet fil-kuntest ekkleżjali u soċjali.

96. Jekk fi tmiem iż-żmien propedewtiku, l-aspiranta tkun trid u l-għarfien miksub dwarha jwassal għall-konklużjoni li tkun tista’ timxi ’l quddiem b’mod posittiv fil-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni, l-Isqof jilqagħha fil-mixja formattiva ta’ qabel il-konsagrazzjoni.

Il-mixja tal-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni

97. Il-mixja tal-formazzjoni ta’ qabel il-konsagrazzjoni għandha l-għan doppju li ssaħħaħ il-formazzjoni Nisranija tal-kandidata u tagħtiha l-għodod meħtieġa biex tidħol fil-fond tal-għarfien tal-elementi tipiċi u rar-responsabbiltajiet li jitnisslu mill-konsagrazzjoni fl-Ordo virginum.

It-tul u l-modi konkreti kif titmexxa għandhom ikunu b’mod li jħallu lil kull kandidata tiżviluppa b’mod effettiv u personali il-ħafna kontribuzzjonijiet formattivi, biex b’hekk tkun tista’ timmatura b’għarfien tajjeb u bil-libertà d-deċiżjoni dwar it-talba ta’ ammissjoni għall-konsagrazzjoni. B’mod ordinarju dan jista’ jtul sentejn jew tliet snin.

Il-mixja formattivo tagħti l-frott jekk il-kandidata, filwaqt li tqabbel lilha nfisha mal-fiżjonomija vokazzjonali proprja ta’ din l-għamla ta’ ħajja kkonsagrata, bil-mod il-mod tikseb il-libertà meħtieġa biex tħalli lilha nfisha tkun edukata u ffurmata kuljum mill-esperjenza, hija u tidħol fil-fond tal-għarfien tar-riżorsi u l-limiti tagħha, ta’ dak li fiha jopponi reżistenza jew jiffavorixxi l-korrispondenza mal-azzjoni tal-Ispirtu, u hija u titgħallem tiġbor f’kull qagħda eżistenzjali l-frak tal-verità, tal-ġmiel u tat-tjieba li fihom ikun hemm taħdem il-grazzja ta’ Alla. Din l-attitudni fundamentali li biha tiġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà bl-attenzjoni, bid-dehen u b’sens ta’ responsabbiltà, imqajma minn xewqa li tikber fl-imħabba ta’ Kristu, twassalha mbagħad biex timmatura d-disponibbiltà konvinta biex tissokta b’impenn formattiv u dejjiemi wara li tirċievi l-konsagrazzjoni.

98. L-impenn tal-Isqof, tad-Delegat jew Delegata u tal-ikkonsagrati li jaħti daqqa ta’ id fis-servizz tal-formazzjoni hu għalhekk li jieħdu ħsieb li l-kandidata tirċievi preżentazzjoni organika tal-kariżma u l-fiżjonomija ta’ dil-għamla ta’ ħajja, li jseħbuha hija u tidħol fil-fond b’mod qawwi tal-ħajja spiritwali, li jaraw kif ħajjitha tkun qed taqbel u tissawwar fil-konkret bil-ħlewwa tal-azzjoni tal-Ispirtu. B’mod, li jinġabru l-elementi meħtieġa għad-dixxerniment aħħari dwar l-ammissjoni għall-konsagrazzjoni.

Il-laqgħa ta’ sikwit u regolari mas-sieħeb spiritwali jkunu għall-kandidata għajnuna għażiża biex tikber fil-ħila li tagħraf il-pjan ta’ Alla, tgħaqqad f’sinteżi għarfa l-kontributi formattivi, u tinterpreta b’ħarsa ta’ fidi l-esperjenzi differenti ta’ ħajjitha: talb, ħidma, relazzjonijiet u qadi lill-Knisja, relazzjonijiet mal-qraba, relazzjonijiet ta’ ħbiberija, studju u approfondiment kulturali, impenn karitattiv u soċjali, esperjenza tal-limitu u d-dgħufija tagħha, impenn axxetiku, u l-bqija.

99. Hu importanti li l-kandidata tkun imsieħba hi u tagħti lill-mixja tat-talb bixra regolari u dejjiema, bis-sehem, jekk jista’ jkun kuljum, fl-Ewkaristija, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, għall-anqas it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum u l-Għasar, fil-meditazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa u d-devozzjoni Marjana. Fuq kollox wieħed ifittex li jgħinha ssaħħaħ l-imħabba għat-talb u tiżviluppa l-ħila li torganizza r-ritmi tal-ġurnata, tal-ġimgħa u tas-sena, b’mod li żżomm fiċ-ċentru l-esperjenza tad-djalogu mal-Mulej[100].

100. Billi din l-għamla ta’ ħajja kkonsagrata għandha għeruqha mħawlin fil-Knisja lokali, il-kandidata żżomm sfiqa r-rabta mal-komunità ekkleżjali, kemm billi tivvalorizza dik is-sensiela ta’ rabtiet fraterni li jinsġu b’mod ordinarju u ta’ kuljum l-esperjenza ekkleżjali, kif ukoll, kemm hu possibbli, bis-sehem fil-ġrajjiet djoċesani l-aktar sinifikattivi.

Biex tissaħħaħ ir-rabta mal-Knisja lokali, xieraq li l-kandidata tikseb għarfien tajjeb tal-istorja tagħha, tal-istituzzjonijiet, tat-tradizzjonijiet spiritwali, tal-għażliet pastorali u tal-esperjenzi profetiċi li jkun hemm fiha, kif ukoll tax-xkilijiet li trid tħabbat wiċċha magħhom u tal-ġrieħi li jġibu magħhom it-tbatija.

Skont l-attitudnijiet, il-possibbiltajiet u l-kariżmi ta’ kull waħda, l-impenn fil-bini tal-komunità jista’ jseħħ f’qadi pastorali jew f’xi għamla oħra ta’ xhieda li fil-kuntest soċjali u kulturali li fih tgħix ikun ifisser il-qsim tal-missjoni evanġelizzatriċi u l-promozzjoni umana tal-Knisja.

101. Għal għarfien korrett tal-Ordo virginum, ikunu proposti għall-istudju u l-meditazzjoni tal-kandidata l-istorja tal-ħajja kkonsagrata u s-siwi tagħha bħala sinjal profetiku fil-Knisja u fid-dinja, ibda mill-kitbiet fundamentali: l-Iskrittura Mqaddsa, it-tradizzjoni patristika, ir-riflessjoni teoloġika, b’referenza speċjali għall-Konċilju Vatikan II u għall-interventi aktar reċenti tal-Maġisteru tal-Knisja.

B’attenzjoni speċjali jkunu ppreżentati s-sisien teoloġiċi, storiċi, liturġiċi, ekkleżjoloġiċi, ġuridiċi tal-għamla ta’ ħajja tal-Ordo virginum, filwaqt li l-kandidati jiddaħħlu f’għarfien approfondit tar-rit ta’ konsagrazzjoni tal-verġni, fl-istruttura dinamika tat-tifsira tiegħu fil-Knisja.

102. Trid tingħata kura wkoll lil għarfien tajjeb u assimilazzjoni tas-sisien tal-antropoloġija Nisranija, b’mod li l-maturazzjoni tal-għażla tal-konsagrazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ għarfien ekwilibrat tas-sesswalità u tal-affettività umana, tar-relazzjonalità u tal-libertà, tal-għotja tagħha nfisha, tas-sagrifiċċju, tat-tbatija. F’dan il-kwadru, fil-mixja formattiva jista’ jingħata valur ukoll lill-kontribut tax-xjenzi umane, l-aktar nett tal-psikoloġija u l-pedagoġija, biex il-kandidati jitqiegħdu fil-qagħda li jifhmu aħjar uħud mid-dinamiki relazzjonali u tal-iżvilupp uman, u mbagħad ukoll tal-istorja tagħhom personali u tal-mod kif huma jirrelataw mal-oħrajn.

Meta l-qagħdiet konkreti tal-ħajja u l-attitudnijiet tal-persuna jippermettuh, il-kandidata għandha tkun imħajra tiffrekwenta korsijiet ta’ studju f’Fakultajiet Teoloġiċi, Istituti tax-Xjenzi Reliġjużi jew istituzzjonijiet bħal dawn. Qatt ma għandha titħalla barra tħejjija teoloġika tajba fil-qasam bibliku, liturġiku, spiritwali, ekkleżjoloġiku, morali.

103. Ikunu promossi okkażjonijiet ta’ għarfien, ta’ formazzjoni u ta’ bdil ta’ esperjenzi ma’ kandidati oħra u mal-ikkonsagrati tad-Djoċesi. Jekk ma jkunx hemm, wieħed jara l-possibbiltà li jitwaqqfu rabtiet ta’ għarfien u bdil fratern ma’ kkonsagrati jew kandidati ta’ Djoċesijiet fil-qrib.

L-ammissjoni għall-konsagrazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tagħha

104. Fit-tmiem tal-mixja formattiva maqbula mal-Isqof, wara dixxerniment personali attent u mas-sieħeb spiritwali, il-kandidata tippreżenta lill-Isqof it-talba tal-ammissjoni. Hu xieraq li din it-talba titfisser b’kitba ffirmata li fiha jinkiteb il-parir tas-sieħeb spiritwali.

Imbagħad l-Isqof jagħmel id-dixxerniment aħħari. Għal dan il-għan jiġbor it-tagħrif meħtieġ mingħand dawk kollha li sieħbu l-mixja tal-kandidata, barra dak tas-sieħeb spiritwali. B’mod speċjali għandu jitlob lid-Delegat jew Delegata, jekk ikun hemm din il-figura, parir mottivat dwar l-ammissjoni. Biex jingħata dan il-parir jissejħu wkoll l-ikkonsagrati mdaħħlin fis-servizz tal-formazzjoni, fejn ikun hemm.

105. L-ammissjoni għall-konsagrazzjoni titlob iċ-ċertezza morali dwar l-awtentiċità tas-sejħa tal-kandidata, l-eżistenza reali ta’ kariżma verġinali u s-sussistenza tal-kundizzjonijiet u l-presupposti biex l-interessata tilqa’ u tikkorrispondi għall-grazzja tal-konsagrazzjoni, u li tkun f’qagħda li tagħti xhieda ċara tas-sejħa tagħha billi tibqa’ fiha u tikber fid-don ġeneruż tagħha nfisha lill-Mulej u lill-aħwa.

106. Jekk il-valutazzjoni twassal għall-ammissjoni għall-konsagrazzjoni, l-Isqof jiftiehem mal-konsagranda d-data u l-post taċ-ċelebrazzjoni, filwaqt li għal dan wieħed jagħti kas ta’ dak li hemm fil-Pontifikal.

Huwa xieraq li l-komunità tħejji ruħha biex tieħu sehem tajjeb fil-liturġija tal-konsagrazzjoni, u ssir stedina biex isieħbu fit-talb lill-konsagranda u b’katekeżi f’waqtha fuq il-karatteristiċi ta’ din is-sejħa. Fit-tħejjija u fl-iżvolġiment tar-rit, tingħata attenzjoni li l-miġemgħa tiddaħħal fil-misteru taż-żwieġ ta’ Kristu u tal-Knisja u jkun iċċelebrat, permezz tal-ġesti, tal-kant, u tas-sinjali li bix-xieraq huma proposti.

107. kif isseħħ il-konsagrazzjoni din għandha tkun iddokumentata billi tinkiteb f’reġistru tal-Ordo virginum, u fuqha jqiegħdu l-firma l-ministru li jiċċelebra, l-interessata u żewġ xhieda, u dan għandu jinżamm fil-Kurja djoċesana. Tal-konsagrazzjoni jingħata ċertifikat lill-interessata. Barra minn dan, hu f’waqtu li l-Isqof jagħti dispożizzjonijiet biex il-konsagrazzjoni li tkun seħħet ikun mgħarraf biha l-kappillan kompetenti biex tittieħed nota tagħha fir-reġistru tal-magħmudijiet.

Formazzjoni permanenti

Il-kura tal-formazzjoni permanenti

108. Il-kura tal-formazzjoni permanenti hija msejsa fuq il-ħtieġa ta’ korrispondenza b’mod dejjem aktar sħiħ mas-sejħa li tkun saret[101].

Hija titlob id-disponibbiltà dejjiema ta’ tagħlim mill-esperjenza, jiġifieri d-dispożizzjoni li tħalli l-Ispirtu jmexxik fid-dinamiżmu tal-fidi, filwaqt li telabora fid-dawl tal-Vanġelu t-tifsira tal-fażijiet diversi tal-eżistenza u l-mod tiegħek li tagħti raġun lit-tama Nisranija quddiem it-tħajjir tal-kultura ta’ żmienna.

Il-mixi ’l quddiem tal-età, li jsieħeb it-tibdil tal-impenji, tal-kuntesti relazzjonali, tal-kundizzjonijiet tas-saħħa, iġiegħel lill-ikkonsagrati jerġgħu jiskopru f’kull fażi tal-ħajja l-ġmiel u l-fekondità tal-konsagrazzjoni tagħhom, filwaqt li jadegwaw f’ħin f’waqtu l-kontenuti u l-modi tal-formazzjoni.

Għandhom jiddaħħlu d-dimensjonijiet kollha tal-eżistenza tal-ikkonsagrata: il-fatt li hi mara f’kuntest kulturali u soċjali determinat, dixxipla tal-Mulej fil-Knisja pellegrina fl-istorja, imsejħa biex tkun sinjal speċjali tal-imħabba ta’ Kristu għarus u tal-Knisja bħala kkonsagrata fl-għamla ta’ ħajja tal-Ordo virginum.

109. Il-formazzjoni permanenti titlob għalhekk min-naħa ta’ kull ikkonsagrata umiltà, attenzjoni, dehen, responsabbiltà u kreattività.

F’dan il-kwadru, l-inizjattvi speċifiċi tal-formazzjoni permanenti huma għodod li jridu jsieħbu fl-għarfien personali dejjem aktar approfondit tal-kariżma verġinali, jiffavorixxu l-integrazzjoni tal-għajxien fl-għotja sħiħa lill-Mulej u jsostnu lill-ikkonsagrati fl-impenn li jgħixu r-responsabbiltajiet li jiġu mill-konsagrazzjoni.

Impenn personali u dimensjoni ta’ għaqda

110. It-tqegħid ta’ mixi ta’ formazzjoni permanenti bi frott jitlob armonija fl-impenn personali tal-formazzjoni mad-dimensjoni ta’ għaqda li tikkaratterizza l-Ordo virginum.

Jeħtieġ infatti li ssir għażla tal-prjoritajiet u tal-aħjar għodod għal formazzjoni soda, li tkun attenta għall-ħtiġijiet u l-kariżmi ta’ kull waħda. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-mixjiet ta’ formazzjoni jfissru u jsostnu l-esperjenza tal-għaqda bejn l-ikkonsagrati tal-Ordo virginum.

Dan iġib miegħu taħriġ doppju ta’ korresponsabbiltà: ta’ kull ikkonsagrata f’rapport mal-Isqof jew id-Delegato jew Delegata, biex jingħaraf u ssir verifika ta’ kif hi tkun qed tgħix l-impenn tal-formazzjoni; u tal-miġemgħa tal-ikkonsagrati tad-Djoċesi mal-Isqof jew mad-Delegato jew Delegata, biex jingħaraf, iseħħ u jkun ivverifikat il-programm ta’ formazzjoni apeċifiku li jinqasam mal-ikkonsagrati tal-Ordo virginum.

111. Għal dan it-tieni aspett, filwaqt li jagħti kas taċ-ċirkustanzi konkreti, l-Isqof jew id-Delegato jew Delegata jsejħu laqgħat u inizjattivi formattvi għall-ikkonsagrati kollha, filwaqt li jivvalorizzaw il-kontribut li kull waħda tista’ tagħti għall-programmazzjoni, l-organizzazzjoni, l-attwazzjoni konkreta u l-verifiki meħieġa. Biex tingħata lil dan it-taħriġ ta’ korresponsabbiltà espressjoni organika ta’ kontinwazzjoni, l-Isqof jista’ jiftiehem mal-ikkonsagrati l-modi biex iseħħ servizz jew équipe għall-formazzjoni permanenti, bħala servizz ta’ għaqda.

Issir attenzjoni biex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex jiddaħħlu anki l-ikkonsagrati li minħabba l-età avvanzata, jew raġunijiet ta’ saħħa jew raġunijiet oħra ma jkunux jistgħu jew ikollhom diffikultà biex jieħdu sehem fil-laqgħat formattivi.

Jekk fi Djoċesi jkun hemm ikkonsagrata waħda biss, jew l-għadd ta’ kkonsagrati jkun baxx ħafna, bi ftehim ma’ Isqfijiet oħra jistgħu jittieħdu inizjattivi ta’ formazzjoni flimkien ma’ kkonsagrati ta’ Djoċesijiet oħra.

L-ikkonsagrati jagħrfu wkoll jieħdu sehem b’risq il-formazzjoni tagħhom f’inizjattvi u attivitajiet oħrajn li jsiru fil-komunità Nisranija, kif ukoll jivvalorizzaw dak li fil-kuntest soċjali u fl-amjent tax-xogħol tagħhom, joffrulhom okkażjonijiet tajbin ta’ formazzjoni.

Indikazzjonijiet ta’ kontenut u metodu

112. Jeħtieġ li l-proposti formattivi speċifiċi għall-ikkonsagrati tal-Ordo virginum isawru b’għerf pedagoġiku kemm l-approfondiment ta’ temi fundamentali tal-ħajja Nisranija, u b’mod partikulari dawk l-aktar ċentrali għal dil-għamla ta’ ħajja kkonsagrata, u kemm ir-riflessjoni fuq kwestjonijiet ta’ attwalità li dwarhom ikun meħtieġ it-taħriġ ta’ dixxerniment evanġeliku serju.

Ma jonqosx l-approfondiment tal-għarfien tal-Iskrittura Mqaddsa, tal-għarfien teoloġiku u tad-dinamiki tal-mixja spiritwali, kif ukoll l-attenzjoni għall-maġisteru u għall-proposti pastorali tal-Isqof djoċesan u tal-Papa.

Hu importanti li d-dimensjoni intellettwali tal-formazzjoni ma tkunx merħija għaliha waħedha, iżda tkun imdaħħla sew fl-iżvilupp tal-ħajja skont l-Ispirtu u l-ħin kollu mħeġġa f’rabta mal-ħila li tistabbilixxi u żżomm rapporti fraterni.

Jittieħed ħsieb, għalhekk, li l-laqgħat u l-inizjattivi ta’ formazzjoni jkunu għall-ikkonsagrati okkażjonijiet reali ta’ komunikazzjoni fil-fidi u ta’ bini ta’ xulxin. Il-mixja formattiva tkun imsaħħa wkoll bit-talb komuni; ma għandhiex titħalla barra l-attenzjoni pedagoġika għad-dinamiki relazzjonali li jingħaxu fi ħdan l-Ordo virginum, filwaqt li tkun promossa l-akkoljenza u l-istima reċiproka, it-tjieba u t-tmexxija intelliġenti tat-tensjonijiet u n-nuqqas ta’ qbil li jistgħu jqumu, biex dawn ukoll jinbidlu f’okkażjonijiet li bihom wieħed jikber.

113. Il-laqgħat u l-inizjattivi formattivi jistgħu jkunu lezzjonijiet u konferenzi, bdil ta’ esperjenzi, smigħ ta’ xhieda, qsim ta’ siltiet li jnkunu nqraw, seminarji, irtiri jew eżerċizzi spiritwali, ġimgħat bibliċi, pellegrinaġġi, approfondimenti kulturali, u l-bqija.

Jistgħu jiżdiedu wkoll mal-mixjiet formattivi djoċesani laqgħat uinizjattivi formattivi varji interdjoċesani, l-aktar dawk organizzati – fejn ikunu mwaqqfin – mis-servizzi ta’ komunjoni stabbli li jkun hemm f’xi raggruppament ta’ Knejjes lokali, bi ftehim mal-Konferenzi episkopali interessati u l-Isqof li għalih l-Ordo virginum jirreferi, jekk ikun hemm. Fil- programmazzjoni, realizzazzjoni u verifika ta’ ġrajjiet bħal dawn għandu jkun hemm il-korresponsabbiltà tal-ikkonsagrati kollha tad-Djoċesijiet interessati.

Għeluq

114. Il-Mulej Ġesù minn kull ġens ħareġ Knisja waħda u magħha b’mod mistiku ngħaqad bi mħabba ta’ għarus. Dan il-misteru tal-għaġeb, li jseħħ tabilħaqq fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, huwa l-bidu tal-għaqda u l-qdusija tal-Knisja, tal-missjoni universali u l-ħila tagħha li tagħti l-ħajja bix-xandir tal-Vanġelu lil kull esperjenza umana u lil kull kultura. Hija u tikkuntempla dan il-mister, il-Knisja tagħraf bħala don tal-Ispirtu l-qawmien mill-ġdid tal-Ordo virginum u tilqgħu bi gratitudni.

Il-grazzja ta’ Alla tippreċedi u ssostni lin-nisa li jiriċievu din il-knsagrazzjoni, li huma msejħin biex jgħixu l-ħlewwa tal-Ispirtu s-Santu, u jħossu d-dinamiżmu bil-qawwa li jbiddel tal-Kelma ta’ Alla li jagħmel minn tant nisa differenti għaqda waħda ta’ aħwa biex ixandru bil-kelma u bil-ħajja l-Vanġelu tas-salvazzjoni biex isiru xbieha tal-Knisja Għarusa li, hija u tgħix biss għal Kristu Għarus, tagħmlu preżenti fid-dinja.

Lejn Marija, xbieha perfetta tal-Knisja, huma jdawru ħarsithom, bħal lejn kewkba li tagħti direzzjoni lill-mixja tagħhom. Il-Knisja tintelaq fi ħdan il-ħarsien tagħha ta’ omm.

115. Aħna nfaħħruk,
Verġni Omm Alla,
mara tal-Patt,
tal-istennija u tal-wetqa.
Kun omm u għalliema
tal-verġni kkonsagrati,
biex huma u jimitawk
jilqgħu bil-ferħ il-Vanġelu
u fih jerġgħu jsibu kuljum
bl-umiltà u l-istagħġib il-bidu mqaddes
tas-sejħa tagħhom ta’ għarajjes.

Verġni tal-verġni,
għajn magħluqa, bieb tas-sema,
nebbaħ u sieħeb
lil dawn ħutna,
biex ikollhom id-don
tad-dixxerniment spiritwali
u bħala pellegrini fl-istorja,
jgħixu d-dinamiżmu tal-profezija
bil-libertà u l-kuraġġ,
b’determinazzjoni u ħlewwa.

Mara mimlija bil-grazzja
u mfawra bl-imħabba,
Verġni li sirt Knisja,
bierek mixjithom,
biex it-tama
tagħti nifs lil moħħhom u twessgħalhom qlubhom
hija u tmexxi kull pass tagħhom fil-fidi
tagħmlilhom idejhom ħaddiema u ħallieqa,
hekk li ħajjithom tkun għammiela,
u huma u jgħixu minn issa r-realtajiet tas-Saltna,
inisslu u jibnu l-poplu ta’ Alla,
billi jieħdu sehem fil-missjoni tiegħu
regali, profetika u saċerdotali.

Aħna nxandruk hienja,
mara tal-Magnificat,
Omm il-Vanġelu ħaj,
u għal dawn l-aħwa nitolbuk:
għaqqadhom mal-għana tiegħek,
daħħalhom fiż-żifna tiegħek,
biex huma u jimxu wara l-Ħaruf kull fejn imur,
bl-imsiebaħ mixgħula,
ikunu jistgħu jmexxu lilna wkoll
lejn il-festa tat-tieġ ta’ dejjem,
fit-tħaddina bla tmiem mal-Imħabba
li ma jkollha qatt tmiem.

(Approvat mill-Papa fl-Udjenza tat-8 ta’ Ġunju 2018)

Belt tal-Vatikan, 8 ta’ Ġunju 2018
Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

João Braz Card. de Aviz
Prefett

+ José Rodríguez Carballo, O.F.M.
Arċisqof Segretarju

 

 

Miġjub għall-Malti minn  Patri Edmund Teuma ofmconv

 

_________________________________________

[1] Fost ix-xhidiet l-aktar qodma, dawk ta’ Klement Ruman (Clemens Romanus, Ep. Ad Corinthios 38, 2: SCh 167,162) u ta Injazju ta‘ Antjokja (Ignatius Antiochensis, Ep. Ad Smyrnenses XIII: PG 5, 717-718; Ep. Ad Polycarpum V, 2: PG 5, 723-724).
[2] Lejn is-sena 150, Ġustinu hekk fisser ruħu: «Huma ħafna l-irġiel u n-nisa, li minn ċkunithom kienu dixxipli ta’ Kristu, li baqgħu safjin sa ma għalqu s-sittin u s-sebgħin. U niftaħar li nista’ nsemmi eżempji ġejjin minn kull klassi soċjali»; Iustinus, Apol. pro christ., c. 15: PG 6, 349. Atenagora ta’ Ateni fis-sena 177 kiteb li Mark Awrelju: «Tista’ ssib ħafna minn tagħna, irġiel u nisa, li xjaħu bla ma żżewġu, bit-tama li jingħaqdu aktar bis-sħiħ ma’ Alla!»: Athenagoras Atheniense, Legatio pro christianis XXXII: OTAC VII, 172.
[3] Ignatius Antiochensis, Ep. Ad Polycarpum V, 2: PG 5, 723-724.
[4] Fil-bidu l-qrubija ta’ din l-għamla ta’ ħajja lejn dik tan-nisa romol ikkonsagrati ma kinitx tagħmel għażla sħiħa bejn dawn iż-żewġ kategoriji, kif naraw mill-kitbiet ta’ Injazju ta’ Antjokja, li fil-bidu tat-tieni seklu kien isellem «lill-verġni msejħin romol» tal-komunità ta’ Smirna: Ignatius Antiochensis, Ep. ad Smyrn. XIII: PG 5, 717-718. Fil-Kostituzzjonijiet Appostoliċi tat-tieni nofs tar-raba’ seklu jidhru, maġenb ir-romol u d-djakonessi, bħala komponent istituzzjonali tal-komunità Nisranija.
[5] Ara, ngħidu aħna, Athanasius, Apol. ad Constant. 33: PG 25, 640; Ambrosius, De virginibus, lib.
I, c. 8, n. 52: PL 16, 202.
[6] Espressjoni li nsibuha f’Basilius, Ep. 199 Ad AmphilochiumPG 32, 717.
[7] Ara Ambrosius, De virginibus, lib. III, cc. 1-3, nn. 1-14: PL 16, 219-224; De institutione virginis, c. 17, nn. 104-114: PL 16, 333-336. Cf. Sacramentarium Leonianum XXX: PL 55, 129.
[8] Cyprianus, De habitu virginum III: PL 4, 443.
[9]Pontificale Romanum ex Decreto Sacrosancti Concilii Œcumenici Vaticani II instauratum auctoritate Pauli PP. VI promulgatum, Ordo Consecrations Virginum, Editio typica, Typis Polyglottis Vaticanis, Civitas Vaticana 1970.
[10] Ġwanni Pawlu II, Cost. Ap. Pastor bonus (28 ta’ Ġunju 1988), 105.
[11]Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 922-924.
[12] Ġwanni Pawlu II, Es. Ap. post-sinodale Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996).
[13] Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u l-Għaqdiet ta’ ħajja appostolika, Istruzzjoni Ripartire da Cristo. Un rinnovato impegno della vita consacrata nel terzo millennio (19 ta’ Mejju 2002), 19.
[14] Kongregazzjoni għall-Isqfijiet, Direttorku għall-Ministeru Pastorali tal-Isqfijiet, Apostolorum Successores (22  ta’ Frar 2004), 104.
[15] Giovanni Paolo II, Discorso alle partecipanti al Convegno internazionale dell’ Ordo virginum, nel 25º anniversario della promulgazione del rito, Roma (2 giugno 1995).
[16] Benedetto XVI, Discorso alle partecipanti al Congresso dell’ Ordo virginum sul tema « Verginità consacrata nel mondo: un dono per la Chiesa e nella Chiesa », Roma (15 maggio 2008).
[17] «Kliem Kristu (Mt 19: 11-12) jitlaq mir-realiżmu kollu tal-qagħda tal-bniedem u bl-istess realiżmu joħorġu barra, lejn is-sejħa li fiha, b’mod ġdid, għad li fin-natura tiegħu jibqa’ “mtenni” (jiġifieri dirett bħala raġel lejn il-mara, u bħala mara, lejn ir-raġel), hu kapaċi jifhem f’din is-solitudni tiegħu, li ma jiqafx ikun dimensjoni personali tad-dupliċità ta’ kull wieħed, għamla ta’ għaqda intersoġġettiva mal-oħrajn ġdida u saħansitra aktar sħiħa. Dan l-orjentament tas-sejħa jfisser b’mod ċar l-espressjoni: “Għas-Saltna tas-smewwiet”; infatti, it-tisħiħ ta’ dis-Saltna jrid jaqbel mal-linja tal-iżvilupp awtentiku tax-xbieha u x-xebh ta’ Alla, fit-tifsira trinitarja tiegħu, jiġifieri sewwasew “tal-għaqda”. Huwa u jagħżel il-kontinenza għas-Saltna tas-smewwiet, il-bniedem jagħraf li jista’, b’dan il-mod, jirrealizza lilu nnifsu “b’mod differenti” u f’ċertu sens, “aktar” milli jekk jiżżewweġ, filwaqt li jsir “don sinċier għall-oħrajn”»: Ġwanni Pawlu II, Udienza (7 ta’ April 1982).
[18] «Il-kontinenza “għas-Saltna tas-smewwiet”, l-għażla tal-verġnità jew taċ-ċelibat għall-ħajja kollha, saret fl-esperjenza tad-dixxipli u tas-segwaċi ta’ Kristu tweġiba partikulari għall-imħabba tal-Għarus Divin u għalhekk kisbet it-tifsira ta’ att ta’ mħabba bejn il-miżżewġin, jiġifieri ta’ għotja tal-persuna fiż-żwieġ, biex twieġeb b’mod speċjali l-imħabba tal-Feddej; għotja tal-persuna, mifhuma bħala ċaħda, iżda fuq kollox magħmula għall-imħabba»: Ġwanni Pawlu II, Udienza (28 ta’ April 1982).
[19] «Il-bniedem ħaj, raġel u mara, […] jagħżel b’rieda ħielsa l-kontinenza “għas-saltna tas-smewwiet” […] juri […] l-“verġnità” eskatoloġika tal-bniedem imqajjem mill-imwiet, li fih sa tidher it-tifsira assoluta u eterna tal-ġisem imsebbaħ fl-għaqda ma’ Alla nnifsu, permezz tad-dehra tiegħu “wiċċ imb wiċċ”; u msebbaħ, ukoll, permezz tal-għaqda ta’ intersoġġettività perfetta, li tgħaqqad lil dawk kollha li “jieħdu sehem fid-dinja l-oħra”, irġiel u nisa, fil-misteru tax-xirka tal-qaddisin. Il-kontinenza f’din id-dinja “għas-saltna tas-smewwiet” hi bla dubju ta’ xejn sinjal li juri dil-verità u dir-realtà. Hi sinjal li l-ġisem, li t-tmiem tiegħu mhuwiex il-mewt, tinsab riesqa lejn il-glorifikazzjoni u għalhekk, ngħid jien, hi diġà, fost il-bnedmin xhieda li tantiċipa l-qawmien li għad iseħħ. B’danakollu, dan is-sinjal kariżmatiku tad-dinja l-oħra juri l-qawwa u d-dinamika l-aktar awtentika tal-misteru tal-“fidwa tal-ġisem”: mistero, li Kristu kitbu fl-istorja dinjija tal-bniedem u f’din l-istorja hu daħħlu b’mod tabilħaqq profond. Mela l-kontinenza “għas-saltna tas-smewwiet” iġġib fuq kollox is-sinjal tax-xebh ma’ Kristu, li, fl-opra tal-fidwa, hu nnifsu għamel din l-għażla “għas-saltna tas-smewwiet”»: Ġwanni Pawlu II, Udienza (24 ta’ Marzu 1982).
[20] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dogmatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 1.
[21] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 1; Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1667-1672; Kodiċi tad-Diritto Kanoniku, kann. 1166-1169.
[22] Ara Ordo consecrationis virginum, 17 e 22-23.
[23] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 1; Ordo consecrationis virginum, 16, 24.
[24] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 1.
[25] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kost. past.
Fuq il-Knisja fiż-żminijiet tal-lum Gaudium et spes, 1.
[26] Ara Ġwanni Pawlu II, Es. Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 7 e 42.
[27] Ara Kodiċi tad-Dirittu Kanoniku, kan. 604.
[28] Ara Kodici tad-Dirittu Kanoniku, kan. 368 u kan. 381 § 2.
[29] Ara Ġwanni Pawlu II, Es. Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 14.
[30] Ara Ordo consecrationis virginum, 16.
[31] Ara Ġwanni Pawlu II, Lett. Ap. Mulieris dignitatem (15 ta’ Awwissu 1988), 17-20.
[32] «Is-safa tal-għożżieb u tal-verġni, bħala wirja tal-għotja lil Alla b’qalb mhux mifruda (ara 1 Cor 7: 32-34), huwa rifless tal-imħabba bla tmiem li torbot lit-tliet Persuni divini fil-profondità misterjuża tal-ħajja trinitarja»: Ġwanni Pawlu II, Es. Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 21. «Is-sħuħija tal-fidi ntrabtet ukoll max-xbieha tal-Knisja verġni, mal-fedeltà tagħha fl-imħabba bħala għarusa ta’ Kristu: il-ħsara li ssir lill-fidi hija ħsara lill-għaqda mal-Mulej»: Franġisku, Ittra Enċ. Lumen fidei (29 ta’ Ġunju 2013), 48.
[33] «L-imħabba taż-żwieġ dejjem iġġorr magħha disponibbiltà waħdanija li tixtered duq dawk kollha li jkunu jinsabu fid-dwar ta’ għemilha. Fiż-żwieġ din id-disponibbiltà, għad li tkun miftuħa għal kulħadd, tikkonsist b’mod partikulari fl-imħabba li l-ġenituri juru lejn l-ulied. Fil-verġnità din id-disponibbiltà hija miftuħa għall-bnedmin kollha, imħaddnin bl-imħabba ta’ Kristu għarus»: Ġwanni Pawlu II, Ittra Ap. Mulieris dignitatem (15 ta’ Awwissu 1988), 21.
[34] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dogmatika fuq il-Knisja Lumen gentium, VIII.
[35] Franġisku, Eż. Ap. Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 287.
[36] Ara Ambrosius, De virginibus, lib. II, c. 3, n. 19: PL 16, 211.
[37] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċ. Redemptoris Mater (25 ta’ Marzu 1987), 6.
[38] Franġisku, Eż. Ap. Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 287.
[39]Ivi, 288.
[40]Ivi.
[41] Ara Franġisku, Eż. Ap. 
Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 1.
[42] Ara Benedittu XVI, Discorso alle partecipanti al Congresso dell’ Ordo virginum sul tema « Verginità consacrata nel mondo: un dono per la Chiesa e nella Chiesa », Ruma (15 ta’ Mejju 2008), 5; Ġwanni Pawlu II, Eż. Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 18.
[43] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 2.
[44] «Id-doni kariżmatiċi […] huma mqassmin b’mod ħieles mill-Ispirtu s-Santu biex il-grazzja sagramentali tagħmel il-frott fil-ħajja Nisranija b’mod differenti u f’kull livell. Billi dawn il-kariżmi huma “adatti fuq kollox għall-ħtiġijiet tal-Knisja u qegħdin hemm biex iwieġbu” permezz ta’ għana kotran tagħhom il-Poplu ta’ Alla jista’ jgħix fis-sħuħija l-missjoni evanġelizzatriċi, huwa u jifli s-sinjali taż-żminijiet u jfissirhom fid-dawl tal-Vanġelu. Id-doni kariżmatiċi, infatti, iħarrku lill-fidili biex iwieġbu, b’ħelsien sħiħ u b’mod jaqbel maiż-żminijiet, għad-don tas-salvazzjoni, billi jagħmlu lilhom infushom don ta’ mħabba għall-oħrajn u xhieda awtentika tal-Vanġelu quddiem il-bnedmin kollha»: Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra Iuvenescit Ecclesia (15 ta’ Mejju 2016), 15.
[45] «Fostkom hemm stili u modi diversi kif jingħax id-don tal-verġnità kkonsagrata […]. Inħeġġiġkom tmorru lil hinn mill-mod kif tidhru, filwaqt li tilqgħu l-misteru tal-ħlewwa ta’ Alla li kull waħda minnkom iġġorr fiha u tagħrfu li intom aħwa ta’ xulxin, anki fid-diversità tagħkom»: Benedittu XVI, Discorso alle partecipanti al Congresso dell’ Ordo virginum sul tema « Verginità consacrata nel mondo: un dono per la Chiesa e nella Chiesa», Ruma (15 ta’ Mejju 2008), 5.
[46] «Hu ta’ għajnuna kbira biex timxi ’l quddiem fil-mixi evanġeliku, l-aktar nett fi żmien il-formazzjoni u f’xi waqtiet tal-ħajja, li tirrikorri bil-fiduċja u l-umiltà għad-direzzjoni spiritwali, li bis-saħħa tagħha l-bniedem jgħin ruħu biex iwieġeb għat-taħrik tal-Ispirtu b’ġenerożità u biex idur b’mod deċiżiv lejn il-qdusija»: Ġwanni Pawlu II, Eż. Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 95.
[47] Ara Benedittu XVI, Discorso alle partecipanti al Congresso dell’ Ordo virginum sul tema: « Verginità consacrata nel mondo: un dono per la Chiesa e nella Chiesa », Ruma (15 ta’ Mejju 2008), 4-5.
[48] Augustinus, De sancta virginitate, c. 54: PL 40, 428.
[49] «It-tradizzjoni l-kbira ta’ Missirijiet il-Knisja tgħallimna li l-misteri ta’ Kristu huma marbutin mas-skiet u biss fih il-Kelma tista’ ssib għamara fina, bħalma ġara lil Marija»: Benedittu XVI, Eż. Ap. Post-sinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 66.
[50] «Min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu»: Hieronymus, Commentarii in IsaiamPrologusCCL 73, 1: PL 24, 17.
[51] «L-Ewkaristija hija s-sagrament tal-Għarus, tal-Għarusa. L-Ewkaristija ġġib preżenti b’mod sagramentali u terġa’ ġġib fis-seħħ l-att feddej ta’ Kristu, li “joħloq” il-Knisja li hi ġismu. B’dan il- “ġisem” Kristu jingħaqad bħala għarus mal-għarusa»: Ġwanni Pawlu II, Ittra Ap. Mulieris dignitatem (15 ta’ Awwissu 1988), 26.
[52] «Hawn tista’ sseħħ bis-sħiħ l-intimità ma’ Kristu, l-għaqda sħiħa miegħu, il-konformazzjoni sħiħa miegħu li għalihom l-ikkonsagrati huma msejħin»: Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħakka kkonsagrata u l-Għaqdiet ta’ ħajja apoostolika, Istruzzjoni Ripartire da Cristo. Un rinnovato impegno della vita consacrata nel terzo millennio (19 ta’ Mejju 2002), 26.
[53] Franġisku, Bolla Misericordiae vultus (11 ta’ April 2015), 17.
[54] «Tiċċelebra s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jfisser titħaddan fi tħaddina sħuna: hija t-tħaddina tal-ħniena bla tarf tal-Missier»: Franġisku, Udienza (19 ta’ Frar 2014).
[55] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 2.
[56] Ambrosius, De institutione virginis, c. 6, n. 46: PL 16, 320.
[57] Ara Kodiċi tad-Dirittu Kanoniku, kan. 663 § 4.
[58] «L-axxeżi, filwaqt li tgħin lil dak li jkun jaħkem u jikkorreġi t-tendenzi tan-natura umana miġruħa bid-dnub, hija tabilħaqq indispensabbli għall-persuna kknsagrata biex tibqa’ fidila lejn is-sejħa tagħha u timxi wara Ġesù fit-triq tas-Salib»: Ġwanni Pawlu II, Eż. Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 38.
[59] «Is-sejħa tal-persuni kkonsagrati biex ifittxu l-ewwel nett is-Saltna ta’ Alla hi, l-ewwel u qabel xejn, sejħa għal indiema sħiħa, fiċ-ċaħda tiegħek innifsek biex tgħix b’mod sħiħ bil-Mulej, biex Alla jkun kollox f’kulħadd. Imsejħin biex jikkuntemplaw u jixhdu l-wiċċ trasfigurat ta’ Kristu, l-ikkonsagrati huma wkoll imsejħin għal eżistenza trasfigurata»: Ġwanni Pawlu II, Eż. Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 35.
[60] «Din mela hija r-regola tal-indiema: titbiegħed mill-ħażen u titgħallem tagħmel it-tajjeb. L-indiema hija mixja. Hija mixja li titlob kuraġġ, biex tibiegħed mill-ħażen, u umiltà biex titgħallem tagħmel it-tajjeb.
U li, fuq kollox, teħtieġ ħwejjeġ konkreti»: Franġisku, Meditazzjoni ta’ filgħodu fil-Kappella tad-Domus Sanctae MarthaeImparare a fare il bene (14 ta’ Marzu 2017).
[61] Ara Benedittu XVI, Discorso alle partecipanti al Congresso dell’ Ordo virginum sul tema « Verginità consacrata nel mondo: un dono per la Chiesa e nella Chiesa », Ruma (15 ta’ Mejjuo 2008), 4-5.
[62] Ara Franġisku, Ittra. Enċ. Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 222-227.
[63] Franġisku, Eż. Ap. Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 273.
[64] «Biex inkunu evanġelizzaturi awtentiċi jeħtieġ ukoll li miżviluppaw il-gost spiritwali li nibqgħu qrib il-ħajja tan-nies, sa ma naraw li dan isir għajn ta’ hena spiritwali. Il-missjoni hija ħeġġa għal Ġesù iżda, fl-istess ħin, hija ħeġġa għall-poplu tiegħu. […] Huwa jrid jinqeda bina biex jasal dejjem aktar qrib il-poplu maħbub tiegħu. Jeħodna minn fost il-poplu u jibgħatna għand il-poplu, b’mod li l-identità tagħna ma tiftihemx mingħajr din l-appartenenza»: Franġisku, Eż. Ap. Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 268.
[65] Pawlu VI, Eż. Ap. Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 70.
[66] Ara Ordo consecrationis virginum, 16; Ġwanni Pawlu II, Discorso alle partecipanti al Convegno internazionale dell’ Ordo virginum, nel 25º anniversario della promulgazione del rito, Ruma (2 ta’ Ġunju 1995), n. 6; FranġiskuEż. Ap. Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 197-216. «Għall-Knisja l-għażla favur il-foqra hija kategorija teoloġika qabel ma hi kulturali, soċjoloġika, politika jew filosofika»: FranġiskuEż. Ap. Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 198.
[67] Franġisk, Ittra. Enċ. Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 127.
[68]Ivi, 220.
[69]Ivi, 237.
[70] Ara Ġwanni Pawlu II, Discorso alle partecipanti al Convegno internazionale dell’ Ordo virginum, nel 25º anniversario della promulgazione del rito, Ruma (2 ta’ Ġunju 1995), 4.
[71] Ara Kodiċi tad-Diritto Kanoniku, kan. 680.
[72] Ara Franġisku, Eż. Ap. Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 103-104.
[73] «Il-mixja tas-sinodalità hija l-mixja li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millennju »: Franġisku, Discorso in occasione della Commemorazione del 50º Anniversario dell’istituzione del Sinodo dei Vescovi, Ruma (17 ta’ Ottubru 2015).
[74] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 6.
[75] Ara Ordo consecrationis virginum, 14 e 16.
[76] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 5; Ordo consecrationis virginum, 2 e 16.
[77] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 6.
[78] Ara Kongregazzjoni għall-Isqfijiet, Direttorju għall-Ministeru Pastorali tal-Isqfijiet Apostolorum Successores (22 ta’ Frar 2004), 104.
[79] Ara Kodiċi tad-Dirittu Kanoniku, kan. 1303 § 1.
[80] Ara Kodiċi tad-Dirittu Kanoniku, kan. 604 § 2.
[81] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-fidi, Ittra Iuvenescit Ecclesia (15 ta’ Mejju 2016), 16.
[82] Ara Kodiċi tad-Dirittu Kanoniku, kann. 684 u 685.
[83] Ara Kodiċi tad-Dirittu Kanoniku, kan. 695.
[84] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 19.
[85]Ivi, 69.
[86]Ivi, 65 e 69-70.
[87] «Hu importanti li kull persuna kkonsagrata tkun iffurmata biex b’mod ħieles tibqa’ titgħallem tul il-ħajja, f’kull età u staġun, f’kull ambjent u kuntest uman, minn kull bniedem u minn kull kultura, biex titgħallem minn kull farka ta’ verità u ġmiel li ssib madwarha. Iżda fuq kollox għandha tirgħallem tifforma ruħha mill-ħajja ta’ kuljum, mill-komunità tagħha u minn ħutha, mill-ħwejjeġ li jiġru dejjem, ordinarji u straordinarji, mit-talb kif ukoll mit-taħbit tal-appostolat, fil-ferħ u fit-tbatija, sa ma jasal waqt il-mewt»: Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u l-Għaqdiet ta’ ħajja appostolika,Istruzzjoni Ripartire da Cristo. Un rinnovato impegno della vita consacrata nel terzo millennio (19 ta’ Mejju 2002), 15.
[88] «It-tentazzjoni tal-individwaliżmu. Hija t-tentazzjoni tal-egoisti li, huma u mexjin, jitilfu l-għan u minflok jaħsbu fl-oħrajn jaħsbu fihom infushom, bla mistħija ta’ xejn, anzi, jiġġustifikaw ruħhom. Il-Knisja hija l-komunità tal-fidili, il-ġisem ta’ Kristu, fejn is-salvazzjoni ta’ membru hija marbuta mal-qdusija ta’ kulħadd. L-individwalista hu mezz ta’ tfixkil u diżgwid»: Franġisku, Discorso in occasione dell’Incontro di preghiera con il Clero, i Religiosi, le Religiose e i Seminaristi, Il-Kajr (29 ta’ April 2017).
[89] Ara Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u l-Għaqdiet ta’ ħajja appostolikaIstruzzjoni Ripartire da Cristo. Un rinnovato impegno della vita consacrata nel terzo millennio (19 ta’ Mejju 2002), 18.
[90] Ara Kodice tad-Diritto Kanoniku, kan. 1072.
[91] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 5 b).
[92] Ara Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 5 a) e 5 b).
[93] Ġwanni Pawlu II, Ittra Ap. post-sinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 65
[94] Ara Ġwanni Pawlu II, Discorso alle partecipanti al Convegno internazionale dell’ Ordo virginum, nel 25º anniversario della promulgazione del rito, Ruma (2 ta’ Ġunju 1995), 4.
[95] «Beneditto XVI qal li hemm “ekoloġija tal-bniedem” għaliex “il-bniedem ukoll għandu natura li trid tirrispetta u mhux tbagħbas kif tixtieq hi” [Diskors fil-Deutscher Bundestag, Berlin (22 ta’ Settembru 2011)]. Hawn jeħtieġ nagħrfu li ġisimna jqegħedna f’rabta diretta mal-ambjent u mal-ħlejjaq ħajjin l-oħrajn. L-aċċettazzjoni tal-ġisem bħala don ta’ Alla hija meħtieġa biex tilqa’ u taċċetta d-dinja kollha bħala don tal-Missier u dar komuni; iżda loġika ta’ ħakma tal-ġisem tinbidel f’loġika kultant irqiqa ta’ ħakma fuq il-ħolqien. Nitgħallmu nilqgħu lil ġisimna, nieħdu ħsiebu u nirrispettaw it-tifsiriet tiegħu: dan hu essenzjali għal ekoloġija umana vra. Anki l-apprezzament tal-ġisem fin-natura tiegħu ta’ raġel jew ta’ mara huwa meħtieġ biex inkunu nistgħu nagħrfu lilna nfusna fil-laqgħa ma’ min hu differenti minna. B’dan il-mod wieħed jista’ jaċċetta bil-ferħ id-don tal-ieħor jew tal-oħra, opra ta’ Alla ħallieq, u b’hekk nagħnu lil xulxin»: Franġisku, Ittra. Enċ. Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 155.
[96] Ara Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, Orientamenti per l’utilizzo delle competenze psicologiche nell’ammissione e nella formazione dei candidati al sacerdozio (29 ta’ Ġunju 2008); Kongregazzjoni għall-Kleru, Il dono della vocazione presbiterale. Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis (8 ta’ Diċembru 2016), 146-147 e 191-196.
[97] Ara Kongregazzjoni għall-Kleru, Il dono della vocazione presbiterale. Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis (8 ta’ Diċembru 2016), 194.
[98] «Fl-għażla tal-ispeċjalisti, barra l-kwalitajiet umani tagħhom u l-ħila speċifika tagħhom, irid jittieħed ħsieb tal-profil tagħhom bħala nies li jemmnu»: Kongregazzjoni għall-Kleru, Il dono della vocazione presbiterale. 
Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis (8 ta’ Diċembru 2016), 146.
[99]Ordo consecrationis virginumPrænotanda, 5 a).
[100] Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u l-Għaqdiet ta’ ħajja apostolikaIstruzzjoni Ripartire da Cristo. Un rinnovato impegno della vita consacrata nel terzo millennio (19 ta’ Mejju 2002), 25.
[101] Ara Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u l-Għaqdiet ta’ ħajja appostolika,Istruzzjoni Ripartire da Cristo. Un rinnovato impegno della vita consacrata nel terzo millennio (19 ta’ Mejju 2002), 15.

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta