ID-DONI TAL-ISPIRTU S-SANTU

IX-XJENZA

Minn Dun Hector Scerri.

 

Permezz tad-don tax-xjenza, l-Ispirtu Qaddis inebbaħna fl-apprezzament tagħna tal-ħolqien. Jgħinna biex nagħtu ġudizzju fid-dawl tar-rieda ta’ Alla. L-Iskrittura tiddeskrivi x-xjenza bħala l-għarfien tal-ħwejjeġ qaddisa ta’ Alla: “Lill-ġust, … l-għerf mexxieh minn toroq dritti, wrieh is-saltna ta’ Alla, u għarrfu l-ħwejjeġ qaddisa tiegħu” (Għerf 10,10).

 

Mulej, Missier Qaddis, nirringrazzjawk ta’ dan id-don. Permezz tiegħu, aħna ninfatmu minn dak kollu li hu tal-art biex nagħżlu lilek. Ma’ San Pawl inkunu nistgħu ngħidu: “Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu” (Fil 3,8).

 

Missier Qaddis, l-Ispirtu tiegħek “hu l-għajn tal-qdusija u d-dawl tal-fehma tagħna”, kif jgħidilna San Bażilju l-Kbir. Bid-don tax-xjenza, l-Ispirtu – bil-qawwa tiegħu – idawwalna biex naslu li nagħrfu wkoll is-sejħa sopranaturali tagħna u l-mezzi li tipprovdilna biex naslu għaliha. Agħmel, Mulej, li aħna u nilqgħu dan id-don tiegħek, nikbru “fil-grazzja u fl-għarfien ta’ Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu” (2 Pt 3,18).

 

Waqt li nużaw dan id-don fid-dixxerniment personali u ekkleżjali, naslu biex inħeġġu lil xulxin bi kliem San Pawl: “U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen” (Fil 1,9).

 

Aqra u irrifletti:

“O Alla li tista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, Int tajt twelid ġdid lil dawn il-qaddejja tiegħek mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, u ħlisthom minn dnubiethom; ibgħat fuqhom, Mulej, l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur: agħtihom l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tax-xjenza u l-pjeta’, imliehom bl-ispirtu tal-biża’ tiegħek” (Mill-Ordni tal-Griżma, nru 25).

“U l-qawwa tal-liġi tiegħu; u s-salvazzjoni tiegħek fl-għerf u s-sapjenza” (Is 33,6).

“Don tal-Mulej li wieħed ikun għaref u l-Liġi jifhimha, u jagħrafha” (Sir 11,15).