ID-DONI TAL-ISPIRTU S-SANTU

ID-DEHEN

Minn Dun Hector Scerri.

 

Mulej, Missier Qaddis, agħtina d-dawl tiegħek biex bħal Salamun nagħrfu nitolbuk id-don tad-dehen: “Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin” (1 Sl 3,9).

 

Dan id-don nużawh aħna u nidħlu fil-fond tal-veritajiet tal-fidi fir-riflessjoni tagħna. Agħtina d-dehen, waqt li “nħabbru dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem… Alla rrivelahulna permezz tal-Ispirtu; għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla… Ħadd ma jagħraf dak li hemm f’Alla ħlief l-Ispirtu ta’ Alla” (1 Kor 2,9-11).

 

Agħtina d-dehen aħna u nimmeditaw dwar il-Kelma tiegħek fl-Iskrittura Mqaddsa. Min jaf kemm-il darba qrajna jew smajna l-istess silta! Imma llum din l-istess silta forsi rajnieha f’dawl ġdid, u permezz tad-dehen li tajtna, stajna napplikawha b’mod ġdid għall-ħajja tagħna. L-Ispirtu Qaddis tiegħek tana, għalhekk, intuwizzjoni ġdida, biex nippenetraw fil-fond tal-Kelma tiegħek.

 

Qalbna mħeġġa għalik Mulej. Agħmel li ngħixu fil-preżenza tiegħek. Iddi fuqna bid-dawl tiegħek, hekk li bis-sinċerita’ kollha nistqarrulek: “Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen biex nagħraf il-preċetti tiegħek” (Salm 119,125).

 

Dan id-don jgħinna wkoll biex nagħżlu lilek u dak kollu li hu tiegħek fil-ħajja interjuri tagħna, u fil-qadi tal-missjoni tagħna. Meta nħaddmu dan id-don, Inti ddawlilna l-għajnejn ta’ qalbna biex nagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna (ara Ef 1,18). Nagħrfu nagħmlu r-rieda tiegħek bil-ħerqa u fil-pront. Imsaħħin u mwettqin b’dan id-don, inkunu nistgħu nġorru r-responsabiltajiet li ġew afdati f’idejna. Mas-salmista nkunu nistgħu ntennu: “Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek; għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa” (Salm 119,104).

 

Aqra u irrifletti:

 “It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl, ifiehem lil min ma jafx” (Salm 119,130).

 “Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura” (Lq 24,45).

 Ġwanni Pawlu II,Tertio Millennio Adveniente (1994), par.44-48.

 Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Dominum et Vivificantem (1986), par.51.