Publikat mill-Media Centre Publication fl-1997 u riprodott f’dan is-sit bil-permess ġentili tal-Awtur, Mons Anton Gouder.

Ħajr lil Ms Josephine Bajada tal-għajnuna tagħha fit-typing tat-test għal dan is-sit.

 

DAĦLA

Meta tqum diskussjoni, speċjalment meta din id-diskussjoni ssir kontroversja, kulħadd jgħid  dak li jaħseb.  Kultant ikun hemm minn jgħid dak li jaqbillu.

Fid-diskussjoni li qamet f’pajjiżna fuq id-divorzju, qed jiġri l-istess ħaġa.  Qed jitqiegħdu argumenti favur u kontra.  Importanti ħafna li dawn l-argumenti jkunu mibnija fuq fatti.  Huma ħafna l-pajjiżi li daħħlu  d-divorzju.  Nistgħu nħarsu lejhom u naraw xi ġralhom u x’effetti kellhom

Dan il-ktejjeb jipprova jippreżenta l-fatti, l-istatistiċi u l-istudji li saru f’diversi pajjiżi.  Inkunu bla għaqal jekk naħsbu li f’pajjiżna mhux se jiġrilna dak li seħħ f’dawn il-pajjiżi

Xi wħud jaħsbu li l-argumenti kontra d-divorzju huma reliġjużi.  Huwa veru li t-tagħlim ta’ Ġesu Kristu huwa kontra d-divorzju.  Iżda dawn l-istudji ppreżentati f’dan il-ktejjeb huma studji li m’għandhomx x’jaqsmu xejn mar-reliġjon.  Ħafna drabi huma l-gvernijiet u soċjoloġi li qed juru nkwiet dwar l-effetti tad-divorzju.

Dawn il-fatti juru wkoll l-ħtieġa li mhux biss nitkellmu kontra d-divorzju, mhux biss nikkummentaw fuq it-tkissir taż-żwiġijiet, imma aktar u aktar naħdmu għat-tisħiħ tal-familja Maltija.