EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA POSTSINODALI

CHRISTUS VIVIT

[KRISTU JGĦIX]

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ U LILL-POPLU KOLLU TA’ ALLA

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti

minn Francesco Pio Attard


 

WERREJ

 

L-EWWEL KAPITLU

X’tgħid il-Kelma ta’ Alla fuq iż-żgħażagħ?

Fit-Testment il-Qadim

Fit-Testment il-Ġdid

 

IT-TIENI KAPITLU

Ġesù Kristu dejjem żagħżugħ

Iż-żgħożija ta’ Ġesù

Iż-żgħożija tiegħu ddawwalna

Iż-żgħożija tal-Knisja

Knisja li tiġġedded

Knisja attenta għas-sinjali taż-żminijiet

Marija, it-tfajla ta’ Nazaret

Qaddisin żgħażagħ

 

IT-TIELET KAPITLU

Intom l-illum ta’ Alla

Fil-pożittiv

Ħafna żgħożijiet

Xi affarijiet li għaddejjin minnhom iż-żgħażagħ

Żgħażagħ ta’ dinja fi kriżi

Xewqat, ġerħat u tiftix

L-ambjent diġitali

Il-migranti bħala paradigma ta’ żmienna

Intemmu kull xorta ta’ abbuż

Hemm triq kif noħorġu

 

IR-RABA’ KAPITLU

L-aħbar il-kbira liż-żgħażagħ kollha

Alla li huwa mħabba

Kristu jsalvak

Hu jgħix!

L-Ispirtu jagħti l-ħajja

 

IL-ĦAMES KAPITLU

Mixjiet taż-żgħażagħ

Żmien ta’ ħolm u ta’ għażliet

Ir-rieda li tgħixu u li tesperimentaw

Fi ħbiberija ma’ Kristu

Jikbru u jimmaturaw

Mixjiet ta’ fraternità

Żgħażagħ ħabrieka

Missjunarji kuraġġjużi

 

IS-SITT KAPITLU

Żgħażagħ li għandhom għeruq

Tħallihomx jaqilgħuk mill-għeruq

Ir-relazzjoni tiegħek mal-anzjani

Ħolm u viżjonijiet

Nirriskjaw flimkien

 

IS-SEBA’ KAPITLU

Il-pastorali maż-żgħażagħ

Pastorali sinodali

Linji kbar ta’ azzjoni

Ambjenti li jixirqu

Il-pastorali tal-istituzzjonijiet edukattivi

Bosta oqsma ta’ żvilupp pastorali

Pastorali popolari maż-żgħażagħ

Dejjem missjunarji

It-tisħib tal-adulti

 

IT-TMIEN KAPITLU

Il-vokazzjoni

Is-sejħa għall-ħbiberija miegħu

Int għotja għall-oħrajn

L-imħabba u l-familja

Ix-xogħol

Vokazzjonijiet għal konsagrazzjoni speċjali

 

ID-DISA’ KAPITLU

Id-dixxerniment

Kif tgħarbel il-vokazzjoni tiegħek

Is-sejħa tal-Ħabib

Is-smigħ u t-tisħib

U biex nagħlaq… xewqa

 


 

 DAĦLA

 

1. Kristu jgħix. Hu t-tama tagħna u l-isbaħ żgħożija ta’ din id-dinja. Dak kollu li jmiss isir żagħżugħ, jiġġedded, ifur bil-ħajja. Għalhekk, l-ewwel kelmiet li nixtieq illissen lil kull żagħżugħ* Nisrani huma: Hu jgħix u jridek ħaj!

 

2. Hu jinsab fik, hu jinsab miegħek u qatt mhu ħa jitilqek. Titbiegħed kemm titbiegħed, biswitek dejjem hemm l-Irxoxt, li jsejjaħlek u jistenniek biex tista’ terġa’ tibda mill-ġdid. Meta tħoss li d-diqa, ir-rabja, il-biża’, id-dubji jew il-fallimenti xejħuk, sa ssib lilu hemm biex iroddlok il-qawwa u t-tama.

 

3. Liż-żgħażagħ Insara kollha qed niktbilhom bi mħabba din l-Eżortazzjoni appostolika, jiġifieri ittra li biha nixtieq infakkar f’xi konvinzjonijiet tal-fidi tagħna u, fl-istess waqt, inħeġġiġhom jikbru fil-qdusija u fl-impenn tal-vokazzjoni tagħhom. Madankollu, billi dan hu pass deċiżiv fil-qafas ta’ mixja sinodali, fl-istess waqt indur fuq il-Poplu kollu ta’ Alla, ir-Ragħajja u l-fidili, biex ir-riflessjoni dwar iż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ tisfida u tqanqal lilna lkoll. Għaldaqstant, f’xi paragrafi se nkellem direttament liż-żgħażagħ u f’oħrajn se nipproponi modi iżjed ġenerali kif nistgħu nagħmlu dixxerniment ekkleżjali.

 

4. Ħallejt inebbaħni l-għana tar-riflessjonijiet u tad-djalogi tas-Sinodu li ltaqa’ s-sena l-oħra. Ma nistax hawn niġbor il-kontributi kollha, li tistgħu taqrawhom fil-Dokument Finali, imma, fil-kitba ta’ din l-ittra, fittixt li nagħmel tiegħi l-proposti li dehruli l-iżjed sinifikattivi. Hekk, il-kelma tiegħi tistagħna bl-eluf ta’ ilħna ta’ Nsara mid-dinja kollha li l-fehmiet tagħhom waslu fis-Sinodu. Anki ż-żgħażagħ li ma jħaddnux il-fidi, imma li riedu jieħdu sehem bir-riflessjonijiet tagħhom, ressqu argumenti li qanqlu fija mistoqsijiet ġodda.


 

L-EWWEL KAPITLU

X’tgħid il-Kelma ta’ Alla fuq iż-żgħażagħ?

 

5. Ejjew immorru nsibu xi teżori tal-Iskrittura Mqaddsa, fejn kemm-il darba nisimgħu biż-żgħażagħ u kif il-Mulej jidħol f’laqgħa magħhom.

 

Fit-Testment il-Qadim

6. Fi żmien meta ż-żgħażagħ ftit li xejn kienu jiswew, hemm siltiet li juruna kif Alla jħares lejhom b’għajnejn oħra. Ngħidu aħna, naraw kif Ġużeppi kien kważi l-iżgħar mill-familja (ara Ġen 37:2-3). Madankollu, Alla wrieh ħwejjeġ kbar fil-ħolm u hu għadda lil ħutu kollha f’karigi importanti meta kien għad kellu xi għoxrin sena (ara Ġen 37-47).

 

7. F’Gidgħon nagħrfu s-sinċerità taż-żgħażagħ, li mhumiex imdorrijin joqogħdu jpinġu realtà differenti minn kif inhi. Meta qalulu li l-Mulej kien miegħu, dan wieġeb: “Jekk il-Mulej magħna għaliex ġralna dan kollu?” (Mħ 6:13). Imma Alla ma ħax fastidju b’dik iċ-ċanfira u għabbieh b’responsabbiltà ikbar: “Mur u eħles b’din il-qawwa tiegħek lil Iżrael” (Mħ 6:14).

 

8. Samwel kien żagħżugħ inċert minnu nnifsu, imma l-Mulej ikkomunika miegħu. Grazzi għall-parir ta’ adult, fetaħ qalbu biex jisma’ s-sejħa ta’ Alla: “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (1 Sam 3:9,10). Għalhekk kien profeta kbir li f’mumenti importanti ndaħal għal art twelidu. Anki s-sultan Sawl kien għadu żagħżugħ meta l-Mulej sejjaħlu biex iwettaq il-missjoni tiegħu (ara 1 Sam 9:2).

 

9. Is-sultan David ġie magħżul meta kien għadu daqsxejn ta’ sabi. Meta l-profeta Samwel kien qed ifittex is-sultan li jmiss għal Iżrael, kien hemm raġel li ressaqlu quddiemu bħala kandidati l-ikbar u l-aktar esperti fost uliedu. Imma l-profeta qallu li l-magħżul tal-Mulej kien iż-żagħżugħ David, li kien qed jirgħa n-nagħaġ (ara 1 Sam 16:6-13), għax “il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb” (v. 7). Il-glorja taż-żgħożija tinsab fil-qalb iżjed milli fil-qawwa fiżika jew fl-impressjoni li wieħed jagħti quddiem l-oħrajn.

 

10. Salamun, meta wasal biex jitla’ fuq it-tron flok missieru, ħassu mitluf u qal lil Alla: “Jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi” (1 Slat 3:7). Madankollu, il-kuraġġ taż-żgħożija ġagħlu jitlob l-għerf lil Alla u hekk inxteħet għall-missjoni tiegħu. Xi ħaġa tixxiebah ġralu l-profeta Ġeremija, imsejjaħ biex iqajjem mir-raqda lill-poplu tiegħu meta kien għadu żagħżugħ ħafna. Fil-biża’ li qabdu qal: “Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir” (Ġer 1:6), imma l-Mulej talbu biex ma jgħidx hekk (ara Ġer 1:7) u żied jgħidlu: “La tibżax minnhom, għax jien miegħek biex neħilsek” (Ġer 1:8). Id-dedikazzjoni tal-profeta Ġeremija għall-missjoni tiegħu turina x’kapaċi tagħmel l-għaqda ta’ żgħożija friska mal-qawwa ta’ Alla.

 

11. Tfajla Lhudija, li kienet għas-servizz tal-kmandant barrani Nagħman, b’fidi ndaħlet biex tgħinu jfiq mill-marda tiegħu (ara 2 Slat 5:2-6). Iż-żagħżugħa Rut kienet xempju ta’ ġenerożità meta baqgħet ma’ omm żewġha li waqgħet fil-għajb (ara Rut 1:1-18) u wriet ukoll ruħha qalbiena biex setgħet taqdef ’il quddiem fil-ħajja (ara Rut 4:1-17).

 

Fit-Testment il-Ġdid

12. Parabbola li qal Ġesù (ara Lq 15:11-32) tirrakkonta li l-iben “iż-żgħir” ried jitlaq mid-dar ta’ missieru lejn pajjiż imbiegħed (ara vv. 12-13). Imma l-ħolm tiegħu ta’ awtonomija nbidel f’libertinaġġ u ħajja mtajra (ara v. 13) u hemm daq il-kruha tas-solitudni u tal-faqar (ara vv. 14-16). Madankollu, kien kapaċi jerġa’ jaħsibha biex jibda mill-ġdid (ara vv. 17-19) u qatagħha li jqum (ara v. 20). Hi ħaġa tipika tal-qalb żagħżugħa din id-disponibbiltà għall-bidla, il-ħila li terġa’ tqum fuq saqajha u titgħallem mill-ħajja. Kif jista’ missier ma jimxix ma’ ibnu f’din il-mixja ġdida? Imma ħuh il-kbir kellu qalb li diġà xjaħet u ħalla jirkbuh ir-regħba, l-egoiżmu u l-għira (ara vv. 28-30). Ġesù għandu kliem ta’ tifħir għall-midneb żagħżugħ li jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba iktar milli għal dak li jemmen li baqa’ fidil imma ma jgħixx l-ispirtu tal-imħabba u tal-ħniena.

 

13. Ġesù, iż-żagħżugħ ta’ dejjem, irid jagħtina qalb dejjem żagħżugħa. Il-Kelma ta’ Alla titlobna: “Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida” (1 Kor 5:7). Fl-istess ħin, tistedinna ninżgħu “l-bniedem il-qadim” biex nilbsu l-bniedem “il-ġdid” (ara Kol 3:9,10).[1] U meta turina xi jfisser nilbsu dik iż-żgħożija “li tiġġedded” (v. 10), tgħid li dan ifisser li jkollna “sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin” (Kol 3:12-13). Dan kollu jfisser li ż-żgħożija vera hi li jkollok qalb li taf tħobb. Bil-maqlub, ixejjaħ il-qalb dak kollu li jifridna mill-oħrajn. Bir-raġun jagħlaq: “U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:14).

 

14. Ninnutaw li Ġesù ma kienx jogħġbu l-fatt li l-adulti kienu jħarsu bi stmerrija lejn iż-żgħażagħ jew iżommuhom b’mod despotiku għall-qadi tagħhom. Bil-maqlub, kien jitlob li “l-akbar fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed” (Lq 22:26). Għalih, l-età ma kinitx iġġib magħha privileġġi, u li wieħed kellu inqas snin ma kienx ifisser li kien jiswa inqas jew li kellu inqas dinjità.

 

15. Il-Kelma ta’ Alla tgħidilna li ż-żgħażagħ għandna nimxu magħhom “bħal aħwa” (1 Tim 5:1) u lill-ġenituri tirrakkomandalhom: “La ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom” (Kol 3:21). Lil żagħżugħ m’għandekx taqtagħlu qalbu, għax il-karatteristika tiegħu hi li joħlom ħwejjeġ kbar, ifittex ixfqa usa’, jissogra iżjed, jixxennaq biex jikseb id-dinja kollha, jaf jilqa’ proposti impenjattivi u jixtieq jagħti l-aħjar tiegħu biex jibni xi ħaġa aqwa. Għalhekk nisħaq maż-żgħażagħ biex ma jħallux lil min jisirqilhom it-tama u lil kull wieħed u waħda ntenni: “Qis li ħadd ma jmaqdrek għax inti żagħżugħ” (1 Tim 4:12).

 

16. Madankollu, fl-istess waqt liż-żgħażagħ jingħata dan il-parir: “Oqogħdu għall-kelma tal-presbiteri” (1 Piet 5:5). Il-Bibbja dejjem tistedinna biex nuru rispett kbir lejn l-anzjani, għax dawn għandhom wirt sħiħ ta’ esperjenza, daqu s-suċċessi u l-fallimenti, il-ferħ u l-uġigħ kbir tal-ħajja, it-tamiet u d-delużjonijiet, u fis-satra tal-qalb tagħhom iħarsu tant ġrajjiet li jistgħu jgħinuna ma niżbaljawx u ma nitqarrqux minn illużjonijiet foloz. Il-kelma ta’ anzjan għaref tistedinna nirrispettaw ċerti limiti u, meta jkun hemm bżonn, naħkmu fuqna nfusna: “Hekk ukoll ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu meqjusa” (Titu 2:6). Ma rridux naqgħu fil-kult taż-żgħożija, jew f’atteġġjament żagħżugħ li jistmerr lill-oħrajn għax imdaħħlin fiż-żmien jew għax huma ta’ epoka oħra. Ġesù kien jgħid li l-għaref mit-teżor tiegħu jaf joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim (ara Mt 13:52). Żagħżugħ għaref jaf jinfetaħ għall-futur, imma dejjem hu kapaċi jagħti valur lil xi ħaġa mill-esperjenza tal-oħrajn.

 

17. Fl-Evanġelju ta’ Marku titfaċċa persuna li, meta Ġesù jfakkarha fil-Kmandamenti, tistqarr: “Dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti” (10:20). Diġà jgħidha s-Salm: “Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi; Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti. […] O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek” (71:5,17). M’għandux għax jiddispjaċina li nkunu qattajna ż-żgħożija tagħna f’ħajja tajba, b’qalb miftuħa lejn il-Mulej, ngħixu b’mod differenti. Xejn minn dan kollu ma jisirqilna ż-żgħożija tagħna, imma jsaħħaħha u jġeddidha: “Bħal tal-ajkla tiġġedded żgħożitek” (103:5). Għalhekk Santu Wistin karab: “Domt ma ħabbejtek, ġmiel hekk antik u hekk ġdid, domt ma ħabbejtek!”.[2] Madankollu, dak ir-raġel għani, li f’żgħożitu kien baqa’ fidil għall-Mulej, ħalla s-snin ikaxkrulu magħhom il-ħolm tiegħu, u għażel li jibqa’ marbut mal-ġid tiegħu (ara Mk 10:22).

 

18. Imbagħad, fl-Evanġelju ta’ Mattew insibu żagħżugħ (ara Mt 19:20,22) li jersaq lejn Ġesù biex jitolbu iżjed (ara v. 20), b’dak l-ispirtu miftuħ tipiku taż-żgħażagħ, ifittex xefaq ġdid u sfidi kbar. Fir-realtà, l-ispirtu tiegħu ma kienx daqshekk żagħżugħ, għax kien diġà rabat qalbu mal-għana u l-kumditajiet. B’fommu stqarr li ried xi ħaġa iżjed, imma meta Ġesù talbu jkun ġeneruż u jqassam ġidu, intebaħ li ma kienx kapaċi jinfatam minn dak li kellu. Fl-aħħar, “kif sama’ dan, telaq b’qalbu sewda” (v. 22). Kien ċaħad iż-żgħożija tiegħu.

 

19. L-Evanġelju jkellimna wkoll fuq xi żgħażagħ prudenti li kienu pronti u attenti, waqt li oħrajn kienu distratti u reqdin (ara Mt 25:1-13). Fil-fatt, nistgħu nqattgħu żgħożitna aljenati, moħħna mtajjar fuq il-qoxra tal-ħajja, reqdin, mingħajr il-ħila li nikkultivaw relazzjonijiet profondi u li nidħlu fil-qalba tal-ħajja. B’dan il-mod inkunu qed inħejju futur fqir, bla sustanza. Inkella nistgħu ngħaddu ż-żgħożija tagħna nikkultivaw ħwejjeġ sbieħ u kbar, u hekk inħejju futur mimli ħajja u għana ġewwieni.

 

20. Jekk tħossok tlift il-ħeġġa ta’ ġo fik, il-ħolm, l-entużjażmu, it-tama u l-ġenerożità, quddiemek għandek lil Ġesù, l-istess kif deher quddiem l-iben mejjet ta’ dik l-armla, u bil-qawwa kollha tiegħu ta’ Rxoxt il-Mulej qed isejjaħlek: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” (Lq 7:14).

 

21. Bla dubju, hemm ħafna aktar siltiet mill-Kelma ta’ Alla li jistgħu jdawluna fuq dan l-istaġun tal-ħajja. Se niflu xi wħud minnhom fil-kapitli li jmiss.


 

IT-TIENI KAPITLU

Ġesù Kristu dejjem żagħżugħ

 

22. Ġesù hu “żagħżugħ fost iż-żgħażagħ biex ikun ix-xempju taż-żgħażagħ u jikkonsagrahom għall-Mulej”.[3] Għalhekk is-Sinodu stqarr li “ż-żgħożija hi perjodu oriġinali u stimulanti tal-ħajja, li Ġesù stess għex, u qaddsu”.[4] X’jirrakkontalna l-Evanġelju fuq iż-żgħożija ta’ Ġesù?

 

Iż-żgħożija ta’ Ġesù

23. Il-Mulej “radd ruħu” (Mt 27:50) fuq salib meta kellu biss ftit aktar minn tletin sena (ara Lq 3:23). Importanti nifhmu li Ġesù kien żagħżugħ. Ta ħajtu f’fażi li llum hi meqjusa bħala dik ta’ żagħżugħ-adult. Fl-aqwa ta’ żgħożitu nieda l-missjoni pubblika tiegħu u hekk “idda dawl” (Mt 4:16), l-aktar xħin ta ħajtu sal-aħħar. Dan il-final ma kienx ħaġa ta’ dak il-ħin, anzi, żgħożitu kollha kienet tħejjija prezzjuża, f’kull wieħed mill-mumenti tagħha, għax “kollox fil-ħajja ta’ Kristu hu sinjal tal-Misteru tiegħu”[5] u “l-ħajja kollha ta’ Ġesù hi Misteru tal-Fidwa”.[6]

 

24. L-Evanġelju ma jitkellimx fuq it-tfulija ta’ Ġesù, imma jirrakkontalna xi ġrajjiet tal-adolexxenza u ż-żgħożija tiegħu. Mattew iqiegħed dan il-perjodu taż-żgħożija tal-Mulej bejn żewġ ġrajjiet: ir-ritorn tal-familja tiegħu f’Nazaret, wara żmien l-eżilju tagħha, u l-magħmudija tiegħu fil-Ġordan, fejn nieda l-missjoni pubblika tiegħu. L-aħħar xbihat ta’ Ġesù bħala tfajjel huma dik ta’ rifuġjat żgħir fl-Eġittu (ara Mt 2:14-15) u mbagħad dik ta’ meta reġa’ lura joqgħod Nazaret (ara Mt 2:19-23). L-ewwel xbihat ta’ Ġesù żagħżugħ-adult huma dawk li juruhulna qalb il-folla ħdejn ix-xmara Ġordan, fejn mar biex jitgħammed mill-kuġin tiegħu Ġwanni l-Battista bħala wieħed mill-kotra tal-poplu tiegħu (ara Mt 3:13-17).

 

25. Dik il-magħmudija ma kinitx bħal tagħna, li ddaħħalna għall-ħajja tal-grazzja, imma kienet konsagrazzjoni qabel ma nieda l-missjoni kbira ta’ ħajtu. L-Evanġelju jgħidilna li l-magħmudija tiegħu kienet ħaġa li biha l-Missier feraħ u tgħaxxaq tassew: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Lq 3:22). Minnufih Ġesù deher mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hekk, kien lest biex joħroġ jipprietka u jwettaq l-għeġubijiet, biex jeħles u jfejjaq (ara Lq 4:1-14). Kull żagħżugħ u żagħżugħa, meta jħossu msejjaħ biex iwettaq missjoni fuq din l-art, hu mistieden jisma’ fil-ġewwieni tiegħu dawk l-istess kelmiet li Alla l-Missier qed jgħidlu: “Inti ibni l-maħbub”.

 

26. Fost dawn ir-rakkonti nsibu wieħed li jurina lil Ġesù fl-aqwa tal-adolexxenza tiegħu. Dan hu meta reġa’ lura flimkien mal-ġenituri tiegħu Nazaret, wara li kienu tilfuh u reġgħu sabuh fit-Tempju (ara Lq 2:41-51). Hawn jgħid li “kien jobdihom” (ara Lq 2:51), għax ma kienx ċaħad lill-familja tiegħu. Dritt Luqa jżid li Ġesù “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2:52). Irid jgħidilna li kien qed iħejji ruħu u f’dak iż-żmien kien qed jinżel iktar fil-fond tar-relazzjoni tiegħu mal-Missier u mal-oħrajn. San Ġwanni Pawlu II fissrilna li ma kienx qed jikber biss fiżikament, imma li “f’Ġesù seħħet ukoll maturazzjoni spiritwali” għax “il-milja tal-grazzja f’Ġesù kienet timxi mal-età: dejjem kien hemm milja, imma milja li kibret mal-età”.[7]

 

27. Fid-dawl ta’ dan it-tagħrif mill-Evanġelji nistgħu naffermaw li, fil-fażi taż-żgħożija tiegħu, Ġesù kien qed “jissawwar”, kien qed iħejji ruħu biex iwettaq il-pjan tal-Missier. L-adolexxenza tiegħu u ż-żgħożija tiegħu orjentawh lejn dik l-ogħla missjoni.

 

28. Fl-adolexxenza u fiż-żgħożija r-relazzjoni tiegħu mal-Missier kienet dik tal-Iben il-maħbub; miġbud mill-Missier, kiber bil-ħsieb tal-ħwejjeġ tiegħu: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49). Madankollu, ma rridux naħsbu li Ġesù kien xi adolexxent solitarju jew żagħżugħ ħsiebu biss fih innifsu. Ir-relazzjoni tiegħu man-nies kienet dik ta’ żagħżugħ li kien jaqsam fil-ħajja kollha ta’ familja integrata tajjeb fir-raħal. Kien tgħallem is-sengħa ta’ missieru u mbagħad ħadlu postu bħala mastrudaxxa. Għalhekk, fl-Evanġelju f’okkażjoni minnhom jissejjaħ “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13:55) u darba oħra sempliċiment “il-mastrudaxxa” (Mk 6:3). Dan id-dettall jurina li kien tifel tar-raħal bħall-oħrajn u li kellu relazzjonijiet għalkollox normali. Ħadd ma kien iqisu xi ġuvni stramb jew maqtugħ mill-oħrajn. Proprju għalhekk, meta Ġesù deher jipprietka, in-nies ma setgħetx tifhem mnejn kien ġab dak l-għerf kollu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?” (Lq 4:22).

 

29. Il-fatt hu li “lanqas Ġesù ma kien jemmen f’relazzjoni magħluqa u esklussiva ma’ Marija u Ġużeppi, imma kien iħobb jitħarrek minn post għall-ieħor fil-familja mwessgħa li fiha kien hemm qrabatu u ħbiebu”.[8] Allura nifhmu għaliex, meta ġew biex jirritornaw mill-pellegrinaġġ f’Ġerusalemm, il-ġenituri tiegħu kellhom moħħhom mistrieħ għax ħasbu li dak it-tifel ta’ tnax-il sena (ara Lq 2:42) kien miexi waħdu qalb in-nies, imqar jekk għal jum sħiħ ma kienu rawh xejn: “Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom” (Lq 2:44). Bla dubju – ħasbu huma – Ġesù kien hemm, miexi mal-oħrajn, jiċċaċċra mat-tfal tamparu, jisma’ r-rakkonti tal-adulti u jaqsam fil-ferħ u n-niket tal-karwana. It-terminu Grieg li juża Luqa għall-karwana tal-pellegrini – synodía – tindika sewwasew din il-“komunità f’mixja” li anki l-Familja Mqaddsa kienet tagħmel parti minnha. Grazzi għall-fiduċja tal-ġenituri tiegħu, Ġesù jiċċaqlaq b’ċerta libertà u jitgħallem jimxi mal-oħrajn kollha.

 

Iż-żgħożija tiegħu ddawwalna

30. Dawn l-aspetti tal-ħajja ta’ Ġesù jistgħu jnebbħu lil kull żagħżugħ u żagħżugħa li qed jikber u jħejji ruħu għall-missjoni tiegħu. Dan jitlob li l-persuna timmatura fir-relazzjoni tagħha mal-Missier, fl-għarfien li hi waħda mill-membri tal-familja u tal-komunità, u b’qalb miftuħa biex timtela mill-Ispirtu u titmexxa għat-twettiq tal-missjoni li Alla jafdalha, il-vokazzjoni tagħha. Xejn minn dan ma nistgħu ninjoraw fil-pastorali maż-żgħażagħ, biex ma nispiċċawx noħolqu proġetti li jaqtgħu liż-żgħażagħ mill-familja u mid-dinja, jew li jibdluhom f’minoranza magħżula u mħarsa sew biex ma tmurx tittieħed. Pjuttost għandna bżonn ta’ proġetti li jsaħħuhom, li jseħbuhom u li jmexxuhom lejn il-laqgħa tagħhom mal-oħrajn, il-qadi ġeneruż, il-missjoni.

 

31. Lilkom iż-żgħażagħ Ġesù ma jdawwalkomx mill-bogħod jew minn barra, imma jibda mill-istess żgħożija tiegħu, li hu jaqsamha magħkom. Importanti ħafna nikkontemplaw lil Ġesù ż-żagħżugħ li juruna l-Evanġelji, għax hu kien tassew wieħed minnkom, u fih nistgħu nilmħu diversi aspetti tipiċi tal-qlub żagħżugħa. Ngħidu aħna, narawh fil-karatteristiċi li ġejjin: “Ġesù kellu fiduċja bla tarf fil-Missier, kien jgħożż il-ħbiberija mad-dixxipli tiegħu, u mqar fil-mumenti ta’ kriżi baqa’ fidil lejhom. Wera kompassjoni qawwija għall-iżjed dgħajfa, speċjalment il-foqra, il-morda, il-midinba u l-imwarrba. Kellu l-kuraġġ jaffronta l-awtoritajiet reliġjużi u politiċi ta’ żmienu; għex l-esperjenza li ħassu mhux mifhum u mwarrab; ġarrab il-biża’ tat-tbatija u għaraf id-dgħufija tal-Passjoni; xeħet ħarstu lejn il-futur b’fiduċja sħiħa fid-dirgħajn żguri tal-Missier u fil-qawwa tal-Ispirtu. F’Ġesù ż-żgħażagħ kollha jistgħu jaraw lilhom infushom”.[9]

 

32. Min-naħa l-oħra, Ġesù qam mill-mewt u jrid jagħtina sehem mill-ġdid tal-qawmien tiegħu. Hu ż-żgħożija vera ta’ dinja li xjaħet u hu wkoll iż-żgħożija ta’ univers li qed jistenna bl-“uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22) li jiġi mlibbes bid-dawl tiegħu u bil-ħajja tiegħu. Qrib tiegħu nistgħu nixorbu mill-għajn vera, li żżomm ħajja l-ħolm tagħna, il-proġetti tagħna, l-ideali għoljin tagħna, u li jixħitna fit-tħabbira tal-ħajja li hi ta’ min jgħixha tassew. F’żewġ dettalji kurjużi tal-Evanġelju ta’ Mark nistgħu naraw is-sejħa għaż-żgħożija vera tal-imqajmin mill-mewt. Minn naħa, fil-passjoni tal-Mulej jitfaċċa żagħżugħ imbeżża’ li pprova jimxi wara Ġesù imma ħarab ’l hemm għeri (ara 14:51-52), żagħżugħ li ma kellux il-kuraġġ jirriskja kollox biex jimxi wara l-Mulej. Imma mbagħad, qrib il-qabar vojt, għandna żagħżugħ “liebes libsa bajda” (16:5) li stedinhom biex jirbħu l-biża’ u ħabbrilhom il-ferħ tal-qawmien (ara 16:6-7).

 

33. Il-Mulej qed isejħilna nixegħlu kwiekeb fil-lejl ta’ żgħażagħ oħrajn; jistedinna nħarsu lejn l-istilel veri, dawk is-sinjali hekk mifruxa li hu jagħtina biex ma nibqgħux weqfin, imma nsiru nixbhu lill-bidwi li joħroġ jiżra’, imma qabel, josserva l-kwiekeb biex jista’ jaħdem l-art. Alla jixgħel kewkba għalina biex aħna nistgħu nibqgħu mexjin: “Jiddu l-kwiekeb għassiesa f’posthom, kollhom ferħana. Hu jsejħilhom, u huma jwieġbu” (Bar 3:34-35). Imma Kristu nnifsu hu għalina d-dawl il-kbir ta’ tama u ta’ gwida fil-lejl tagħna, għax huwa “l-Kewkba tiddi ta’ filgħodu” (Apok 22:16).

 

Iż-żgħożija tal-Knisja

34. Li tkun żagħżugħ, iżjed milli età, hu stat tal-qalb. Għalhekk, istituzzjoni qadima bħalma hi l-Knisja tista’ tiġġedded u terġa’ ssir żagħżugħa f’diversi fażijiet tal-istorja twila ħafna tagħha. Fir-realtà, fil-mumenti l-aktar traġiċi tagħha, hi tħoss is-sejħa biex terġa’ lura għall-essenzjal tal-ewwel imħabba. Huwa u jfakkar din il-verità, il-Konċilju Vatikan II jistqarr li “hija għandha l-għana tal-imgħoddi li għadu jgħix fiha u miexja lejn il-perfezzjoni umana fiż-żmien u lejn id-destin aħħari tal-istorja u tal-ħajja. Hija għalhekk tassew iż-żgħożija tad-dinja”. Fiha dejjem hu possibbli niltaqgħu ma’ Kristu “s-sieħeb u l-ħabib taż-żgħażagħ”.[10]

 

Knisja li tiġġedded

35. Nitolbu lill-Mulej jeħles lill-Knisja minn dawk li jridu jxejħuha, iżommuha mwaħħla fil-passat, iwaqqfuha, ma jħalluhiex tiċċaqlaq. Nitolbuh anki jeħlisha minn tentazzjoni oħra: li temmen li hi żagħżugħa għax tbaxxi rasha għal dak kollu li d-dinja toffrilha, li temmen li tiġġedded jekk taħbi l-messaġġ tagħha u tinħeba qalb il-kotra. Le. Hi żagħżugħa meta tkun dak li tassew hi, meta tirċievi l-qawwa tagħha dejjem ġdida mill-Kelma ta’ Alla, mill-Ewkaristija, mill-preżenza ta’ Kristu u tal-qawwa tal-Ispirtu tiegħu kuljum. Hi żagħżugħa meta għandha l-ħila terġa’ lura kontinwament lejn l-għajn tagħha.

 

36. Huwa minnu li aħna l-membri tal-Knisja m’għandniex inkunu strambi. Kulħadd irid isib fina aħwa u qraba, bħall-Appostli, li “l-poplu kollu kien iġibhom” (Atti 2:47; ara 4:21,33; 5:13). Imma fl-istess waqt irid ikollna l-kuraġġ li nkunu differenti, li nikxfu ħolmiet oħra li din id-dinja ma toffrix, li nagħtu xhieda tal-ġmiel tal-ġenerożità, tal-qadi, tas-safa, tal-qawwa, tal-maħfra, tal-fedeltà għall-vokazzjoni, tat-talb, tat-taqbida għall-ġustizzja u l-ġid komuni, tal-imħabba għall-foqra, tal-ħbiberija soċjali.

 

37. Il-Knisja ta’ Kristu dejjem tista’ taqa’ fit-tentazzjoni li titlef il-ħeġġa għax ma tibqax tagħti widen għas-sejħa li jagħmlilha l-Mulej biex tirriskja fil-fidi, biex tagħti kollox bla ma toqgħod tkejjel il-perikli, u tispiċċa terġa’ lura tfittex iċ-ċertezzi qarrieqa tad-dinja. Huma sewwasew iż-żgħażagħ li jistgħu jgħinuha tibqa’ żagħżugħa, biex ma taqax fil-korruzzjoni, biex ma tiqafx, biex ma tintefaħx biha nfisha, biex ma tinbidilx f’xi setta, biex tkun iżjed fqira u kapaċi tagħti xhieda, biex tkun qrib taċ-ċkejknin u l-imwarrbin, biex titqabad għall-ġustizzja, biex b’umiltà tħalli x’jisfidaha. Dawn jistgħu jagħtu lill-Knisja l-ġmiel taż-żgħożija meta jqanqlu fiha “l-kapaċità li tieħu pjaċir b’dak li jibda, li tagħti ruħha mingħajr ma terġa’ lura, li tiġġedded u terġa’ tterraq għal rebħiet ġodda”.[11]

 

38. Dawk fostna li m’għadhomx iżjed żgħażagħ għandhom bżonn ta’ okkażjonijiet biex iżommu qrib tagħhom il-leħen u t-tqanqil tagħhom, u “l-qrubija toħloq il-kundizzjonijiet it-tajba biex il-Knisja tkun spazju ta’ djalogu u xhieda ta’ fraternità affaxxinanti”.[12] Għandna bżonn noħolqu iżjed spazji fejn jista’ jidwi l-leħen taż-żgħażagħ: “Is-smigħ jagħmel possibbli qsim ta’ doni, f’kuntest ta’ empatija. […] Fl-istess waqt joħloq il-kundizzjonijiet it-tajba għal tħabbira tal-Evanġelju li tassew tasal sal-qalb, b’mod qawwi u għammiel”.[13]

 

Knisja attenta għas-sinjali taż-żminijiet

39. “Jekk għal ħafna żgħażagħ Alla, ir-reliġjon u l-Knisja jidhru bħal kliem vojt, huma sensibbli għall-figura ta’ Ġesù, meta tiġi ppreżentata lilhom b’mod attraenti u effikaċi”.[14] Għalhekk jeħtieġ li l-Knisja ma tkunx ikkonċentrata żżejjed fuqha nfisha, imma tirrifletti fuq kollox lil Ġesù Kristu. Dan jitlob li b’umiltà tagħraf li xi ħwejjeġ konkreti hemm bżonn jinbidlu, u għalhekk għandha bżonn tifhem il-viżjoni u anki l-kritika taż-żgħażagħ.

 

40. Is-Sinodu għaraf li “għadd konsistenti ta’ żgħażagħ, għal bosta raġunijiet, mhuma jitolbu xejn mill-Knisja għax ma jarawhiex għandha sens għal ħajjithom. Anzi, xi wħud jitolbu espressament li tħallihom bi kwiethom, għax il-preżenza tagħha ddejjaqhom u saħansitra tirritahom. Din it-talba tagħhom spiss mhix ġejja minn xi stmerrija bla sens kritiku jew impulsiva, imma għandha l-għeruq tagħha wkoll f’raġunijiet serji u li jixirqilhom kull rispett: l-iskandli sesswali u ekonomiċi; in-nuqqas ta’ preparazzjoni min-naħa tal-ministri ordnati li ma jafux jaqraw kif imiss is-sensibbiltà taż-żgħażagħ; il-ftit attenzjoni fit-tħejjija tal-omelija u fil-preżentazzjoni tal-Kelma ta’ Alla; ir-rwol passiv li jingħata liż-żgħażagħ fi ħdan il-komunità Nisranija; il-mod kif il-Knisja tidher qed issibha bi tqila li tagħti raġuni għall-pożizzjonijiet duttrinali u etiċi tagħha quddiem is-soċjetà ta’ żmienna”.[15]

 

41. Imqar jekk hemm żgħażagħ li huma kuntenti meta jaraw Knisja li b’umiltà tidher żgura mid-doni tagħha u anki kapaċi tħaddem kritika leali u fraterna, hemm żgħażagħ oħra li qed jitolbu Knisja li tisma’ iżjed, li ma toqgħodx il-ħin kollu tikkundanna d-dinja. Ma jridux jaraw Knisja siekta u mbeżżgħa, imma lanqas waħda li hi dejjem fi gwerra minħabba f’żewġ temi jew tlieta li hi ossessjonata bihom. Biex tkun kredibbli f’għajnejn iż-żgħażagħ, xi drabi għandha bżonn terġa’ ssir umli u sempliċiment tisma’, tagħraf f’dak li jgħidu oħrajn dawl li jista’ jgħinha tiskopri aħjar l-Evanġelju. Knisja li dejjem ħa tara kif tiddefendi ruħha, li tinsa l-umiltà, li ma tibqax tisma’, li ma tħallix lil min jisfidaha, titlef iż-żgħożija tagħha u tinbidel f’mużew. U hekk kif tista’ tilqa’ l-ħolm taż-żgħażagħ? Imqar jekk għandha f’idejha l-verità tal-Evanġelju, dan ma jfissirx li fehmitha għalkollox; pjuttost, għandha dejjem tikber fl-għarfien ta’ dan it-teżor bla qies.[16]

 

42. Ngħidu aħna, Knisja li tibża’ jew li hi strutturata żżejjed tista’ tkun kritika l-ħin kollu fil-konfront tad-diskors kollu li jsir fuq il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa u dejjem tfittex kif tikxef ir-riskji u l-iżbalji li jista’ jġib miegħu t-tiftix ta’ dawn id-drittijiet. Bil-maqlub, Knisja ħajja tista’ tirreaġixxi billi tagħti attenzjoni lit-tiftix leġittimu tad-drittijiet tan-nisa li qed jitolbu ġustizzja u ugwaljanza ikbar. Tista’ tfakkar l-istorja u tagħraf nisġa twila ta’ awtoritarjaniżmu min-naħa tal-irġiel, ta’ sottomissjoni, ta’ bosta xejriet ta’ jasar, ta’ abbużi u ta’ vjolenza maskilista. B’din il-ħarsa tkun kapaċi tagħmel tagħha dan it-tiftix ta’ drittijiet, u tagħti sehemha b’konvinzjoni għal reċiproċità ikbar bejn irġiel u nisa, imqar jekk ma taqbilx ma’ dak kollu li jipproponu ċerti gruppi femministi. F’din il-linja, is-Sinodu ried iġedded l-impenn tal-Knisja “kontra kull diskriminazzjoni u vjolenza fuq bażi sesswali”.[17] Din hi r-reazzjoni ta’ Knisja li trid tibqa’ żagħżugħa u tħalli s-sensibbiltà taż-żgħażagħ tisfidaha u tqanqalha.

 

Marija, it-tfajla ta’ Nazaret

43. Fil-qalba tal-Knisja tilma Marija. Hi x-xempju l-kbir għal Knisja żagħżugħa li trid timxi wara Kristu bi freskezza u ħlewwa. Meta kienet għadha żgħira ħafna, laqgħet l-aħbar tal-anġlu u ma baqgħetx lura milli tistaqsi (ara Lq 1:34). Imma kellha qalb miftuħa u wieġbet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38).

 

44. “Il-qawwa tal-‘iva’ ta’ Marija, żagħżugħa, dejjem timpressjona. Il-qawwa ta’ dik il-kelma ‘jkun minni dak li trid int’ li qalet lill-Anġlu. Kienet xi ħaġa differenti minn sempliċi aċċettazzjoni passiva jew rassenjata. Kienet xi ħaġa differenti minn ‘iva’ li qisek qed tgħid: ‘Tajjeb, ejja nippruvaw u mbagħad naraw x’jiġri’. Din l-espressjoni, imbagħad naraw x’jiġri, Marija ma kinitx tafha. Kienet deċiża, fehmet u qalet ‘iva’ mingħajr tidwir ta’ kliem. Kienet xi ħaġa aktar, xi ħaġa differenti. Kienet l-‘iva’ ta’ min irid jinvolvi ruħu u jirriskja, ta’ min irid iċedi kollox, mingħajr ebda garanzija oħra dwar iċ-ċertezza li tagħmilha koxjenti li qed iġġorr wegħda. U nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom: Intom qed iġġorru xi wegħda magħkom? Liema wegħda qed inġorr f’qalbi, li rrid inkompli mmexxi ’l quddiem? Bla dubju, Marija kien se jkollha missjoni diffiċli, imma d-diffikultajiet ma kinux raġuni biex hi tgħid ‘le’. Żgur li kien se jkollha l-kumplikazzjonijiet, imma ma kinux se jkunu dawk l-istess kumplikazzjonijiet li jitfaċċaw meta l-biża’ jwebbisna minħabba l-fatt li mhux kollox ikun ċar quddiemna jew aċċertat minn qabel. Marija ma xtratx assigurazzjoni fuq ħajjitha! Marija qagħdet għal dak li daħlet għalih, u għalhekk hi qawwija, għalhekk hija influencer, hija l-influencer ta’ Alla! L-‘iva’ u x-xewqa li taqdi kienu aktar qawwija mid-dubji u d-diffikultajiet”.[18]

 

45. Mingħajr ma ppruvat taħrab jew tilludi ruħha, “hi għarfet tissieħeb fit-tbatija ta’ Binha, […] twieżnu bil-ħarsa tagħha u tħarsu bil-qalb tagħha. Tbatija li batiet, imma li ma għaffġithiex. Kienet il-mara b’saħħitha tal-‘iva’, li twieżen u ssieħeb, tipproteġi u tħaddan. Hi l-ħarriesa l-kbira tat-tama. [] Minnha nitgħallmu ngħidu ‘iva’ għall-paċenzja determinata u għall-kreattività ta’ dawk li ma jaqtgħux jieshom u jerġgħu jibdew mill-ġdid”.[19]

 

46. Marija hija x-xebba b’qalb kbira li mtliet bil-ferħ (ara Lq 1:47), kienet it-tfajla b’għajnejha jżiġġu bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu li kienet tikkontempla l-ħajja bil-fidi u tgħożż dan kollu fil-qalb tagħha (ara Lq 2:19,51). Kienet dik li tħassbet, dik li kienet lesta biex titlaq miexja, li meta saret taf li qaribtha kellha bżonnha ma qagħditx taħseb fil-pjanijiet tagħha, imma “qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39) lejn ir-reġjun muntanjuż.

 

47. U meta jinħtieġ tipproteġi lil binha ċkejken, araha sejra ma’ Ġużeppi lejn pajjiż imbiegħed (ara Mt 2:13-14). Għalhekk ukoll baqgħet f’nofs id-dixxipli mxierka fit-talb jistennew lill-Ispirtu s-Santu (ara Atti 1:14). Hekk, bil-preżenza tagħha, twieldet Knisja żagħżugħa, bl-Appostli tagħha ħerġin biex iwelldu dinja ġdida (ara Atti 2:4-11).

 

48. Din it-tfajla llum hi l-Omm li tħares fuq uliedha, fuqna wliedha li f’din il-ħajja mexjin spiss għajjiena, fil-bżonn, imma bix-xewqa li d-dawl tat-tama fina ma jintefiex. Dan hu li rridu: li d-dawl tat-tama ma jintefiex. L-Omm tagħna tħares lil dan il-poplu pellegrin, poplu żagħżugħ li hi tħobb, li jfittixha billi jagħmel is-skiet fil-qalb tiegħu minkejja li tul il-mixja jsib tant storbju, konverżazzjonijiet u distrazzjonijiet. Imma taħt għajnejn l-Omm hemm post biss għas-skiet mimli tama. U hekk Marija ddawwal mill-ġdid iż-żgħożija tagħna.

 

Qaddisin żgħażagħ

49. Il-qalb tal-Knisja hi mimlija wkoll b’qaddisin żgħażagħ, li taw ħajjithom għal Kristu, ħafna minnhom sal-martirju. Kienu mera prezzjuż ta’ Kristu żagħżugħ li iddew f’nofsna biex iqanqluna u jaqilgħuna min-ngħas tagħna. Is-Sinodu saħaq li “fil-ħajja ta’ ħafna żgħażagħ qaddisin rajna jilmaw il-karatteristiċi tal-età żagħżugħa fil-ġmiel kollu tagħhom u kienu fi żmienhom veri profeti ta’ bidla; l-eżempju tagħhom juri x’inhuma kapaċi jagħmlu ż-żgħażagħ meta jiftħu qalbhom għal-laqgħa ma’ Kristu”.[20]

 

50. “Permezz tal-qdusija taż-żgħażagħ il-Knisja tista’ ġġedded il-passjoni spiritwali u l-ħeġġa appostolika tagħha. Il-balzmu tal-qdusija msawwab mill-ħajja tajba ta’ tant żgħażagħ jista’ jdewwi l-ġrieħi tal-Knisja u tad-dinja, u jerġa’ jwassalna għal dik il-milja tal-imħabba li għaliha sa minn dejjem konna msejħa: iż-żgħażagħ qaddisin qed iħeġġuna biex nerġgħu lura għal dik l-ewwel imħabba (ara Apok 2:4)”.[21] Hemm qaddisin li għexu l-ħajja adulta u ħallewlna x-xhieda ta’ mod ieħor kif ngħixu ż-żgħożija. Infakkru tal-inqas xi wħud minnhom, minn diversi perjodi storiċi, li għexu l-qdusija kull wieħed u waħda bil-mod tiegħu.

 

51. Fit-tielet seklu, San Bastjan kien żagħżugħ kaptan tal-gwardja Pretorjana. Jingħad li kien jitkellem fuq Kristu kullimkien u kien ifittex kif jikkonverti lil sħabu, sakemm ingħata l-ordni li jiċħad il-fidi tiegħu. Billi ma aċċettax, waddbulu għal fuqu xita ta’ vleġeġ, imma għex u kompla jħabbar lil Kristu bla biża’. Fl-aħħar ippersegwitawh sakemm qatluh.

 

52. San Franġisk ta’ Assisi, meta kien għadu żagħżugħ sew u mimli ħolm, sema’ s-sejħa ta’ Ġesù biex ikun fqir bħalu u biex jirrestawra l-Knisja bix-xhieda tiegħu. Ċaħad kollox bil-ferħ u hu l-qaddis tal-fraternità universali, ħu kulħadd, li faħħar lill-Mulej għall-ħlejjaq tiegħu. Miet fl-1226.

 

53. Santa Giovanna d’Arc twieldet fl-1412. Kienet żagħżugħa tal-kampanja li, minkejja l-età żgħira tagħha, issieltet biex tiddefendi lil Franza mill-invażuri. Ma fehmuhiex minħabba d-dehra tagħha u l-mod kif kienet tgħix il-fidi, u mietet maħruqa.

 

54. Il-Beatu Andrew Phû Yên kien żagħżugħ Vjetnamita tas-sbatax-il seklu. Kien katekista u kien jgħin lill-missjunarji. Xeħtuh il-ħabs minħabba l-fidi tiegħu u, meta ma riedx jiċħadha, ġie maqtul. Miet b’isem “Ġesù” fuq fommu.

 

55. Fl-istess seklu, Santa Kateri Tekakwitha, żagħżugħa lajka mill-Amerika ta’ Fuq, ġiet ippersegwitata minħabba l-fidi u, hi u taħrab, imxiet għal iżjed minn tliet mitt kilometru qalb foresti perikolużi. Ikkonsagrat ruħha lil Alla u mietet tlissen: “Ġesù, inħobbok!”.

 

56. San Duminku Savio kien joffri lil Marija t-tbatijiet kollha tiegħu. Meta San Ġwann Bosco għallmu li l-qdusija tfisser li nkunu dejjem ferħanin, fetaħ qalbu għal dak il-ferħ li jittieħed. Fittex li jkun qrib ta’ sħabu l-aktar imwarrba u morda. Miet fl-1857 fl-età ta’ erbatax-il sena, jgħid: “Xi ġmiel tal-għaġeb qed nara quddiemi!”.

 

57. Santa Tereża tal-Bambin Ġesù twieldet fl-1873. Ta’ ħmistax-il sena, wara li għelbet bosta diffikultajiet, irnexxielha tidħol f’kunvent Karmelitan. Ħaddnet it-triq iċ-ċkejkna tal-fiduċja sħiħa fl-imħabba tal-Mulej u ħabirket biex bit-talb tagħha tkebbes in-nar tal-imħabba li jċaqlaq lill-Knisja.

 

58. Il-Beatu Ceferino Namuncurá kien żagħżugħ Arġentin, iben kap importanti tal-popli indiġeni. Daħal seminarista Salesjan, b’xewqa qawwija li jerġa’ lura fit-tribù tiegħu biex iwasslilhom lil Ġesù Kristu. Miet fl-1905.

 

59. Il-Beatu Isidoru Bakanja kien lajk mill-Kongo li ta xhieda tal-fidi tiegħu. Ġie ttorturat fit-tul talli ħajjar żgħażagħ oħra għall-Kristjaneżmu. Miet fl-1909 jaħfer lill-qattiel tiegħu.

 

60. Il-Beatu Pier Giorgio Frassati, li miet fl-1925, “kien żagħżugħ ta’ ferħ li jkaxkar oħrajn warajh, ferħ li kien jegħleb ukoll tant diffikultajiet tal-ħajja tiegħu”.[22] Qal li ried ipatti għall-imħabba ta’ Ġesù li rċieva fit-Tqarbin billi jżur u jgħin lill-foqra.

 

61. Il-Beatu Marcel Callo kien żagħżugħ Franċiż li miet fl-1945. Fl-Awstrija spiċċa ħabsi f’kamp tal-konċentrament fejn kien ifarraġ bil-fidi lil sħabu ħabsin, qalb xogħol iebes ħafna.

 

62. Il-Beata żagħżugħa Chiara Badano, li mietet fl-1990, “daqet kif it-tbatija tista’ tiġi ttrasfigurata fi mħabba […]. Il-muftieħ għall-paċi u l-ferħ tagħha kien il-fiduċja sħiħa fil-Mulej u l-aċċettazzjoni anki tal-mard bħala espressjoni misterjuża tar-rieda tiegħu għall-ġid tagħha u ta’ kulħadd”.[23]

 

63. Jalla dawn kollha, flimkien ma’ tant żgħażagħ li, spiss fis-satra u fl-anonimat, għexu fil-fond l-Evanġelju, jinterċedu għall-Knisja, biex tkun mimlija b’żgħażagħ ferħana, qalbiena u ħabrieka li jagħtu lid-dinja xhieda ġdida ta’ qdusija.


 

IT-TIELET KAPITLU

Intom l-illum ta’ Alla

 

64. Wara li rajna x’tgħid il-Kelma ta’ Alla, ma nistgħux nieqfu biss mal-istqarrija li ż-żgħażagħ huma l-futur tad-dinja: huma l-preżent, diġà qed jagħnuh bil-kontribut tagħhom. Żagħżugħ m’għadux iżjed tifel żgħir, jinsab f’mument ta’ ħajtu fejn jibda jerfa’ diversi responsabbiltajiet, jieħu sehem flimkien mal-adulti fl-iżvilupp tal-familja, tas-soċjetà, tal-Knisja. Imma ż-żminijiet jinbidlu, u terġa’ lura l-mistoqsija: Kif inhuma ż-żgħażagħ illum, x’qed jiġrilhom iż-żgħażagħ tal-lum?

 

Fil-pożittiv

65. Is-Sinodu għaraf li l-fidili tal-Knisja mhux dejjem għandhom l-atteġġjament ta’ Ġesù. Flok niftħu qalbna biex liż-żgħażagħ nisimgħuhom sew, “iktar għandna t-tendenza li nipprovdu tweġibiet imħejjija minn qabel u riċetti lesti, mingħajr ma nħallu jixirfu l-mistoqsijiet taż-żgħażagħ fl-aspett ġdid tagħhom u nilqgħu l-provokazzjoni tagħhom”.[24] Mill-banda l-oħra, meta l-Knisja twarrab l-iskemi riġidi u tinfetaħ għas-smigħ disponibbli u attent taż-żgħażagħ, minn din l-empatija tkun tistagħna hi stess, għax dan “liż-żgħażagħ jgħinhom jagħtu s-sehem tagħhom lill-komunità, u hekk jgħinuha trawwam sensibbiltajiet ġodda u tagħmel mistoqsijiet li qatt m’għamlet qabel”.[25]

 

66. Illum il-ġurnata aħna l-adulti qed nirriskjaw li nagħmlu lista ta’ diżastri, ta’ difetti taż-żgħażagħ ta’ żmienna. Xi wħud forsi se jċapċpulna għax nidhru qisna esperti kif nindividwaw aspetti negattivi u perikli. Imma x’sa jkun ir-riżultat ta’ mġiba bħal din? Distanza dejjem ikbar, inqas qrubija, inqas għajnuna reċiproka.

 

67. Il-ħarsa attenta ta’ min ġie msejjaħ ikun missier, ragħaj u gwida taż-żgħażagħ tissarraf f’li wieħed ikollu l-ħila jagħraf dak il-musbieħ ċkejken li għadu jnemnem, u l-qasba mġelġla li għadha ma nkisritx (ara Iż 42:3). Hi l-ħila li wieħed jara toroq fejn oħrajn jaraw biss ħitan, li jintebaħ bil-possibbiltajiet fejn oħrajn jaraw biss perikli. Hekk tkun il-ħarsa ta’ Alla l-Missier, kapaċi tivvalorizza u tgħin biex tinbet u tikber iż-żerriegħa li hemm fil-qalb taż-żgħażagħ. Għalhekk il-qalb ta’ kull żagħżugħ għandha titqies “art imqaddsa”, li ġġorr fiha ż-żerriegħa tal-ħajja divina u li għalhekk quddiemha għandna “ninżgħu l-qorq” biex nistgħu nersqu iktar qrib u ninżlu iktar fil-fond tal-Misteru.

 

Ħafna żgħożijiet

68. Nistgħu nippruvaw infissru l-karatteristiċi taż-żgħażagħ tal-lum, imma qabelxejn nixtieq infakkar f’osservazzjoni tal-Padri sinodali: “L-istess mod kif kien iffurmat is-Sinodu wera biċ-ċar il-preżenza u s-sehem tad-diversi reġjuni tad-dinja, u kixef il-ġmiel tal-Knisja universali. Imqar f’kuntest ta’ globalizzazzjoni dejjem tikber, il-Padri sinodali talbu li jintwerew il-ħafna differenzi bejn kuntesti u kulturi, anki fl-istess pajjiż. Teżisti pluralità ta’ dinjiet taż-żgħażagħ tant li f’xi pajjiżi hemm it-tendenza li t-terminu ‘żgħożija’ jintuża fil-plural. Barra dan, il-faxxa ta’ età li ħares lejha dan is-Sinodu (16-29 sena) ma tirrappreżentax ġabra omoġenja, imma hi magħmula minn gruppi li jgħixu sitwazzjonijiet partikulari”.[26]

 

69. Diġà mil-lenti demografika, f’xi pajjiżi hemm ħafna żgħażagħ, waqt li oħrajn għandhom rata tat-twelid baxxa ħafna. Madankollu, “differenza oħra ġejja mill-istorja, li toħloq diversità bejn il-pajjiżi u l-kontinenti ta’ tradizzjoni Nisranija antika, fejn il-kultura ġġorr fiha memorja li mhux ta’ min iħalliha tintilef, u l-pajjiżi u kontinenti mmarkati minn tradizzjonijiet reliġjużi oħra u li fihom il-Kristjaneżmu hu preżenza minoritarja u xi drabi riċenti. F’territorji oħra mbagħad il-komunitajiet Insara u ż-żgħażagħ li jagħmlu parti minnhom huma oġġett ta’ persekuzzjoni”.[27] Barra minn hekk, għandna nagħżlu dawk iż-żgħażagħ “li għandhom aċċess għal għadd dejjem jikber ta’ opportunitajiet li toffri l-globalizzazzjoni, minn dawk li qed jgħixu fit-trufijiet tas-soċjetà u fid-dinja rurali u qed ibatu mill-effetti ta’ xejriet ta’ esklużjoni u skart”.[28]

 

70. Hemm ħafna differenzi oħra li jkun wisq ikkumplikat noqogħdu nfissruhom hawn f’ħafna dettall. Għalhekk, ma jidhirlix f’loku hawn li noqgħod nieqaf biex noffri analiżi sħiħa taż-żgħażagħ tad-dinja tal-lum, ta’ kif jgħixu u ta’ minn xiex għaddejjin. Madankollu, billi ma nistax nevita li nosserva r-realtà, se nsemmi fil-qosor xi kontributi li waslulna qabel is-Sinodu u oħrajn li ġbart matulu.

 

Xi affarijiet li għaddejjin minnhom iż-żgħażagħ

71. Iż-żgħożija mhijiex xi oġġett li jista’ jiġi analizzat f’termini astratti. Fir-realtà, “iż-żgħożija” ma teżistix, jeżistu ż-żgħażagħ bil-ħajjiet konkreti tagħhom. Fid-dinja tal-lum, miżgħuda bil-progress, ħafna minn dawn il-ħajjiet huma esposti għat-tbatija u għall-manipulazzjoni.

 

Żgħażagħ ta’ dinja fi kriżi

72. Il-Padri sinodali b’għafsa ta’ qalb qalulna kif “ħafna żgħażagħ jgħixu f’kuntesti ta’ gwerra u jġarrbu l-vjolenza f’xejriet bla qies: ħtif, estorsjoni, kriminalità organizzata, traffikar tal-bnedmin, jasar u abbuż sesswali, stupri tal-gwerra, u oħrajn. Żgħażagħ oħra, minħabba fil-fidi tagħhom, isibuha bi tqila biex isibu post fis-soċjetajiet tagħhom u jġarrbu bosta xejriet ta’ persekuzzjoni, sal-mewt. Bla qies hu l-għadd ta’ żgħażagħ li, għax imġiegħla jew minħabba f’nuqqas ta’ alternattivi, jgħaddu ħajjithom jikkommettu atti kriminali u vjolenzi: tfal suldati, gruppi armati u kriminali, traffikar tad-droga, terroriżmu, u l-bqija. Din il-vjolenza tkisser ħafna ħajjiet żgħażagħ. Abbużi u dipendenzi, bħall-vjolenza u l-kriminalità, huma fost ir-raġunijiet li jwasslu liż-żgħażagħ għall-ħabs, bi frekwenza partikulari fost xi gruppi etniċi u soċjali”.[29]

 

73. Ħafna żgħażagħ jiġu ideoloġizzati, strumentalizzati u użati qishom laħam għat-tbiċċir jew bħala lieva f’idejn ħaddieħor biex jeqred, ibeżża’ jew jirredikola oħrajn. U l-agħar ħaġa hi li ħafna jispiċċaw jinbidlu f’suġġetti individwalisti, għedewwa u suspettużi fuq kollox, u hekk isiru priża faċli ta’ proposti li jbaxxu l-bniedem u ta’ pjanijiet qerrieda mfassla minn gruppi politiċi jew poteri ekonomiċi.

 

74. Iżjed minn hekk, “iktar bla għadd fid-dinja huma ż-żgħażagħ li qed iġarrbu xi għamla ta’ emarġinazzjoni u esklużjoni soċjali, għal raġunijiet reliġjużi, etniċi jew ekonomiċi. Niftakru fil-qagħda diffiċli ta’ adolexxenti u żgħażagħ li joħorġu tqal u l-pjaga tal-abort, kif ukoll it-tixrid tal-HIV, il-bosta xejriet ta’ dipendenza (droga, azzard, pornografija, u oħrajn) u l-qagħda ta’ tfal u adolexxenti mitluqin fit-triq, li m’għandhomx dar, familja u riżorsi ekonomiċi”.[30] U meta mbagħad niġu għan-nisa, dawn is-sitwazzjonijiet ta’ emarġinazzjoni jsiru doppjament diffiċli u ta’ wġigħ il-qalb.

 

75. Ma nistgħux inkunu Knisja li ma tafx tibki quddiem dawn it-traġedji ta’ wliedha żgħażagħ. Qatt ma rridu nidrawhom, għax min ma jafx jibki mhuwiex omm. Aħna rridu nibku biex anki s-soċjetà tkun iżjed omm, biex flok toqtol titgħallem tiled, biex tkun wegħda ta’ ħajja. Nibku meta niftakru f’dawk iż-żgħażagħ li mietu minħabba l-faqar u l-vjolenza u nitolbu lis-soċjetà titgħallem tkun omm solidali. Dik it-tbatija qatt mhi sa titlaq, imma timxi magħna kull pass tagħna, għax ir-realtà ma tistax tinħeba. L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li napplikaw ir-riċetta tal-ispirtu ta’ din id-dinja li jikkonsisti f’li nilluppjaw liż-żgħażagħ b’aħbarijiet oħra, b’distrazzjonijiet oħra, b’banalitajiet oħra.

 

76. Forsi “dawk li jgħixu ħajja ftit jew wisq mingħajr ma jonqoshom xejn, dawk ma jafux jibku. Ċerti realtajiet tal-ħajja jidhru biss bl-għajnejn maħsula mid-dmugħ. Nistieden lil kull wieħed u waħda minnkom biex tistaqsu lilkom infuskom: Jien tgħallimt nibki? Meta nara tifel bil-ġuħ, tifel iddrogat fit-triq, tifla bla dar, tifla mitluqa, tifel abbużat, tifel użat bħala lsir tas-soċjetà? Jew il-biki tiegħi hu dak kappriċċjuż li jibki għax irid jakkwista iżjed?”.[31] Fittex tgħallem ibki għaż-żgħażagħ li qegħdin agħar minnek. Il-ħniena u l-mogħdrija jesprimu ruħhom anki fil-biki. Jekk ma jiġikx li tibki, itlob lill-Mulej jagħtik li xxerred dmugħ għat-tbatija tal-oħrajn. Meta titgħallem tibki, hemm biss issib il-ħila tagħmel xi ħaġa għall-oħrajn li tkun ħierġa minn qalbek.

 

77. Xi drabi t-tbatija ta’ xi żgħażagħ hi hekk kbir li tiftaħ tiċrit; hi tbatija li ma tistax tfissirha bil-kliem; hi tbatija li ssawwat bħal daqqa ta’ ħarta. Dawn iż-żgħażagħ lil Alla jistgħu jgħidulu biss li qed ibatu ħafna, li qed isibuha ħafna bi tqila jibqgħu mexjin, li m’għad għandhom fiduċja f’ħadd. Imma f’din il-karba ta’ wġigħ jinstemgħu l-kelmiet ta’ Ġesù: “Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa” (Mt 5:4). Hemm żgħażagħ li rnexxielhom jiftħu għalihom mogħdija fil-ħajja għax waslitilhom din il-wegħda divina. Dejjem jista’ jkun hemm komunità Nisranija qrib ta’ żgħażagħ li qed ibatu, biex dawk il-kelmiet jidwu b’ġesti, tgħanniq u għajnuna konkreta!

 

78. Huwa minnu li min għandu s-setgħa, iforni wkoll ċerta għajnuna, imma spiss għal prezz għoli. F’ħafna pajjiżi foqra, l-għajnuna ekonomika ta’ xi pajjiżi iżjed sinjuri jew ta’ xi organizzazzjonijiet internazzjonali normalment tkun marbuta mal-aċċettazzjoni ta’ proposti tal-Punent li jmissu s-sesswalità, iż-żwieġ, il-ħajja jew il-ġustizzja soċjali. Din il-kolonizzazzjoni ideoloġika tagħmel ħsara b’mod partikulari liż-żgħażagħ. Fl-istess waqt, naraw kif ċerta pubbliċità tgħallem lill-persuni kif ikunu dejjem inqas sodisfatti u qed tikkontribwixxi għal kultura tal-iskart, fejn iż-żgħażagħ infushom jispiċċaw isiru materjal “uża u armi”.

 

79. Il-kultura tal-lum tippreżenta mudell ta’ persuna strettament marbut mal-immaġni taż-żagħżugħ. Iħossu sabiħ min jidher żagħżugħ, min jirċievi trattamenti biex jaħbi għalkollox kull ħjiel tal-età. Il-ġisem taż-żgħażagħ jintuża l-ħin kollu fil-pubbliċità, għall-bejgħ. Il-mudell ta’ sbuħija hu mudell żagħżugħ, imma noqogħdu attenti, għax dan mhux eloġju għaż-żgħażagħ infushom. Ifisser biss li l-adulti jridu jisirqu ż-żgħożija għalihom infushom, u mhux li għandhom xi rispett lejn iż-żgħażagħ, iħobbuhom u jridu jieħdu ħsiebhom.

 

80. Xi żgħażagħ “iħossu li t-tradizzjonijiet tal-familja qed joħonquhom u jaħarbu minnhom, miġbuda minn kultura globalizzata li xi drabi tħallihom bla ebda punt ta’ riferiment. Min-naħa l-oħra, fi rkejjen oħra tad-dinja, bejn iż-żgħażagħ u l-adulti ma hemmx kunflitt tal-ġenerazzjonijiet, imma nuqqas reċiproku ta’ familjarità. Xi drabi l-adulti ma jfittxux jew ma jirnexxilhomx jgħaddu l-valuri fundamentali tal-ħajja, inkella jassumu stili taż-żgħażagħ, u jaqilbu rasha ’l isfel ir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet. F’din id-dinja r-relazzjoni bejn żgħażagħ u adulti tirriskja li tibqa’ fuq il-livell affettiv, mingħajr ma tmiss id-dimensjoni edukattiva u kulturali”.[32] Kemm ħsara qed jagħmel dan liż-żgħażagħ, anki jekk xi wħud mhumiex jindunaw! Iż-żgħażagħ infushom urewna li dan ixekkel qatigħ it-trasmissjoni tal-fidi “f’dawk il-pajjiżi fejn m’hemmx libertà tal-espressjoni, fejn iż-żgħażagħ […] ma jistgħux jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja”.[33]

 

Xewqat, ġerħat u tiftix

81. Iż-żgħażagħ jagħrfu li l-ġisem u s-sesswalità huma essenzjali għal ħajjithom u biex tisseddaq l-identità tagħhom. Madankollu, f’dinja li tonfoħ iżżejjed u esklussivament is-sesswalità, diffiċli żżomm relazzjoni tajba mal-ġisem tiegħek u tgħix serenament ir-relazzjonijiet affettivi. Għal din ir-raġuni u għal oħrajn, il-morali sesswali spiss hi “kawża ta’ nuqqas ta’ ftehim u ta’ tbegħid mill-Knisja, għax jarawha bħala spazju ta’ ġudizzju u ta’ kundanna”. Fl-istess waqt, iż-żgħażagħ jesprimu “xewqa espliċita ta’ konfront fuq il-kwistjonijiet dwar id-differenza bejn identità maskili u femminili, ir-reċiproċità bejn irġiel u nisa, l-omosesswalità”.[34]

 

82. Fi żmienna, “l-iżviluppi tax-xjenza u tat-teknoloġiji bijomediċi għandhom effett qawwi fuq kif inħarsu lejn il-ġisem, u jagħtuna l-idea li m’hemmx limitu għal kemm tista’ timmodifika fih. Il-ħila li nintervienu fuq id-DNA, il-possibbiltà li ninserixxu elementi artifiċjali fl-organiżmu (cyborg) u l-iżvilupp tax-xjenzi newroloġiċi huma riżorsa kbira, imma fl-istess waqt iqanqlu mistoqsijiet antropoloġiċi u etiċi”.[35] Jistgħu jnessuna li l-ħajja hija don, li aħna essri maħluqa u limitati, li nistgħu faċilment niġu strumentalizzati minn min iżomm taħt idejh il-poter teknoloġiku.[36] “Barra minn hekk, f’xi kuntesti taż-żgħażagħ hu mifrux il-faxxinu għal imġibiet riskjużi bħala strument biex jesploraw lilhom infushom, ifittxu emozzjonijiet qawwija jew jiksbu r-rikonoxximent ta’ ħaddieħor. […] Dawn il-fenomeni, li għalihom huma esposti l-ġenerazzjonijiet il-ġodda, huma xkiel għal maturazzjoni serena”.[37]

 

83. Fiż-żgħażagħ insibu wkoll, minquxa fir-ruħ, id-daqqiet li laqqtu, il-fallimenti, it-tifkiriet ta’ diqa. Ħafna drabi “huma l-ġrieħi tat-telfiet fl-istorja personali, tax-xewqat delużi, tad-diskriminazzjonijiet u inġustizzji li wieħed ikun ġarrab, tal-fatt li ma jkunx ħassu maħbub u rikonoxxut”. “Imbagħad hemm il-ġrieħi morali, il-piż tal-iżbalji personali, is-sens ta’ ħtija għall-iżball”.[38] Ġesù jagħmel lilu nnifsu preżenti f’dawn is-slaleb taż-żgħażagħ, biex joffrilhom il-ħbiberija tiegħu, is-serħan tiegħu, il-kumpanija tiegħu li tfejjaqhom, u l-Knisja trid tkun l-għodda tiegħu f’din il-mixja lejn il-fejqan ġewwieni u l-paċi tal-qalb.

 

84. F’xi żgħażagħ naraw li hemm xewqa għal Alla, imqar jekk mhux bl-aspetti kollha ta’ Alla kif irrivelat lilna. F’oħrajn nistgħu nilmħu ħolma ta’ fraternità, li mhijiex ħaġa żgħira. F’ħafna jista’ jkun hemm xewqa vera li jiżviluppaw il-ħiliet li bihom huma mogħnija biex joffru xi ħaġa lid-dinja. F’xi wħud naraw sensibbiltà artistika partikulari, jew tiftixa ta’ armonija man-natura. F’oħrajn jista’ jkun hemm forsi bżonn kbir ta’ komunikazzjoni. F’bosta minnhom sa nsibu xewqa qawwija għal ħajja differenti. Dawn huma punti veri ta’ tluq, enerġiji ġewwiena li sinċerament qed jistennew kelma li tħeġġiġhom, li ddawwalhom u li tagħmlilhom il-qalb.

 

85. Is-Sinodu mess b’mod partikulari ma’ tliet temi ta’ importanza kbira, u fuq dawn nixtieq nagħmel tiegħi l-konklużjonijiet testwali, anki jekk għad iridu jitolbu minna li nibqgħu mexjin ’il quddiem b’iktar analiżi u li niżviluppaw mod iżjed adegwat u effikaċi kif nagħtu tweġiba.

 

L-ambjent diġitali

86. “L-ambjent diġitali jikkaratterizza d-dinja tal-lum. Faxex wiesgħa tal-umanità huma mgħaddsa fih b’mod ordinarju u kontinwu. M’għadniex nitkellmu biss dwar l-“użu” ta’ strumenti ta’ komunikazzjoni, imma li qed ngħixu f’kultura diġitalizzata b’mod wiesa’ li għandha impatt qawwi ħafna fuq il-kunċett taż-żmien u tal-ispazju, fuq kif inħarsu lejna nfusna, lejn l-oħrajn u lejn id-dinja, fuq il-mod kif nikkomunikaw, kif nifhmu, kif ninfurmaw ruħna, kif nidħlu f’relazzjoni mal-oħrajn. Viżjoni tar-realtà li aktarx tipprivileġġja l-immaġni iktar mis-smigħ u l-qari, u tinfluweza l-mod kif nitgħallmu u l-iżvilupp tas-sens kritiku”.[39]

 

87. L-internet u x-xbieki soċjali ħolqu mod ġdid ta’ kif wieħed jikkomunika u jidħol f’rabtiet ġodda, u “huma pjazza fejn iż-żgħażagħ iqattgħu ħafna ħin u jiltaqgħu faċilment, anki jekk mhux kollha għandhom l-istess aċċess għalihom, b’mod partikulari f’xi reġjuni tad-dinja. Imma xorta waħda huma opportunità straordinarja ta’ djalogu, laqgħa u skambju bejn il-persuni, barra li jagħtu aċċess għall-informazzjoni u għall-għarfien. Barra minn hekk, dak diġitali hu kuntest għall-parteċipazzjoni soċjopolitika u għaċ-ċittadinanza attiva, u jista’ jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni indipendenti li kapaċi tħares il-persuni l-iżjed vulnerabbli billi tikxef għad-dawl il-vjolazzjoni tad-drittijiet tagħhom. F’ħafna pajjiżi l-internet u s-social network illum jirrappreżentaw post essenzjali biex jistgħu jintlaħqu u jiġu involuti ż-żgħażagħ, anki f’inizjattivi u attivitajiet pastorali”.[40]

 

88. Madankollu, biex nistgħu nifhmu dan il-fenomenu b’mod sħiħ, irridu nagħrfu li, bħal kull realtà umana oħra, dan fih ukoll il-limiti u n-nuqqasijiet tiegħu. Ma jagħmilx ġid li nifxlu l-komunikazzjoni mas-sempliċi kuntatt virtwali. Fil-fatt, “l-ambjent diġitali hu wkoll territorju ta’ solitudni, manipulazzjoni, sfruttament u vjolenza, sal-punt estrem tad-dark web. Il-midja diġitali tista’ tesponik għar-riskju ta’ dipendenza, ta’ iżolament u ta’ telfien naqra naqra tal-kuntatt mar-realtà konkreta, u hekk ixxekkel l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet awtentiċi bejn il-persuni. Għamliet ġodda ta’ vjolenza jixterdu permezz tal-midja soċjali, ngħidu aħna l-ibbuljar fuq is-siti tal-internet; l-internet hu wkoll kanal fejn tixtered il-pornografija u l-abbuż tal-persuni għal skop sesswali jew permezz tal-logħob tal-azzard”.[41]

 

89. Lanqas irridu ninsew li “fid-dinja diġitali hemm għaddejjin interessi ekonomiċi ġganteski, li kapaċi jwasslu għal forom ta’ kontroll sottili imma invażivi, joħolqu mekkaniżmi ta’ manipulazzjoni tal-kuxjenzi u tal-proċess demokratiku. Il-funzjonament ta’ ħafna pjattaformi spiss jispiċċa jiffavorixxi l-laqgħa bejn persuni li jaħsbuha bl-istess mod, u għalhekk ixekkel il-konfront bejn id-differenzi. Dawn iċ-ċrieki magħluqa jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni u aħbarijiet foloz, u jkebbsu l-preġudizzji u l-mibegħda. Ir-riproduzzjoni ta’ fake news hi espressjoni ta’ kultura li warrbet għall-ġenb is-sens tal-verità u tgħawweġ il-fatti kif jaqblilha. Ir-reputazzjoni tal-persuni titqiegħed f’riskju permezz ta’ proċessi mgħaġġla onlajn. Dan il-fenomenu qed jolqot ukoll lill-Knisja u r-Ragħajja tagħha”.[42]

 

90. F’dokument imħejji minn tliet mitt żagħżugħ u żagħżugħa mid-dinja kollha qabel is-Sinodu, huma qalu li “r-relazzjonijiet onlajn jistgħu jsiru diżumani. L-ispazji diġitali jagħlqulna għajnejna għad-dgħufija tal-ieħor u ma jħalluniex nimirħu u ngħarblu fina nfusna. Problemi bħall-pornografija jgħawġu l-perċezzjoni li għandhom iż-żgħażagħ tas-sesswalità umana. It-teknoloġija mħaddma b’dan il-mod toħloq realtà parallela qarrieqa li tinjora d-dinjità umana”.[43] Intlifna fid-dinja virtwali u dan wassal għal għamla ta’ “migrazzjoni diġitali”, jiġifieri begħditna mill-familja, mill-valuri kulturali u reliġjużi, u dan qed iwassal lil ħafna persuni għal dinja ta’ solitudni u fejn huma stess l-inventuri tagħhom infushom, sakemm jaslu biex jesperimentaw nuqqas ta’ għeruq, imqar jekk fiżikament jibqgħu fl-istess post fejn kienu qabel. Il-ħajja ġdida u dinamika taż-żgħażagħ, li jagħfsu u jfittxu kif jaffermaw il-personalità tagħhom, illum qed tħabbat wiċċha ma’ sfida ġdida: li trid tinteraġixxi ma’ dinja reali u virtwali fejn jiġġerrew waħidhom bħal f’kontinent mhux magħruf. Iż-żgħażagħ tal-lum huma l-ewwel li qed iħaddmu din is-sinteżi bejn dak li hu personali, dak li hu speċifiku ta’ kultura u dak li hu globali. Imma dan jitlob minnhom li jirnexxilhom jgħaddu mill-kuntatt virtwali għal komunikazzjoni tajba u b’saħħitha.

 

Il-migranti bħala paradigma ta’ żmienna

91. Kif nistgħu ma niftakrux f’tant żgħażagħ li huma involuti direttament fil-migrazzjonijiet? Dawn “jirrappreżentaw fuq livell dinji fenomenu strutturali u mhux emerġenza temporanja. Il-migrazzjonijiet jistgħu jseħħu fi ħdan l-istess pajjiż jew bejn pajjiżi differenti. It-tħassib tal-Knisja jolqot partikularment lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, mill-vjolenza, mill-persekuzzjoni politika jew reliġjuża, mid-diżastri naturali dovuti wkoll lill-bidliet fil-klima, u mill-faqar estrem: ħafna minnhom huma żgħażagħ. Normalment ikunu jfittxu opportunitajiet għalihom infushom u għall-familja tagħhom. Joħolmu futur aħjar u jixtiequ joħolqu l-kundizzjonijiet biex dan iseħħ”.[44] Il-migranti “jfakkruna fil-kundizzjoni oriġinali tal-fidi, jiġifieri dik li aħna ‘barranin u għorba fuq l-art’ (Lhud 11:13)”.[45]

 

92. Hemm migranti oħra li huma “miġbudin mill-kultura tal-Punent, b’xenqat xi drabi irrealistiċi li jesponuhom għal delużjonijiet ibsin. Traffikanti bla skruplu, spiss marbuta mas-suq tad-droga u tal-armamenti, jisfruttaw id-dgħufija tal-migranti, li fi triqthom spiss iħabbtu wiċċhom mal-vjolenza, it-traffikar, l-abbuż psikoloġiku u anki fiżiku, u tbatijiet li bilkemm toħlomhom. Irridu nsemmu l-vulnerabbiltà partikulari tal-migranti taħt l-età u mhux akkumpanjati, u s-sitwazzjonijiet ta’ dawk li huma mġiegħla jqattgħu ħafna snin fil-kampijiet tar-rifuġjati jew li jibqgħu mwaħħla fit-tul fil-pajjiżi li jgħaddu minnhom, mingħajr ma jistgħu jkomplu l-kors tal-istudji u lanqas jesprimu t-talenti tagħhom. F’xi pajjiżi fejn jaslu, il-fenomeni migratorji jqajmu sens ta’ allarm u biżgħat, spiss imrewħa u sfruttati għal fini politiċi. Hemm tinfirex mentalità ksenofobika, ta’ għeluq fina nfusna, li għandna nirreaġixxu għaliha b’mod deċiżiv”.[46]

 

93. “Iż-żgħażagħ li jemigraw iduqu s-separazzjoni mill-kuntest tal-oriġni tagħhom u spiss anki mill-għeruq kulturali u reliġjużi. Din il-qasma tolqot anki lill-komunitajiet li minnhom ikunu ġejjin, li jitilfu l-elementi l-iktar enerġiċi u dinamiċi, u lill-familji, b’mod partikulari meta jemigra wieħed jew tnejn mill-ġenituri, u jħalli lill-ulied warajh fil-pajjiż tal-oriġni. Il-Knisja għandha rwol importanti bħala punt ta’ riferiment għaż-żgħażagħ ta’ dawn il-familji mfarrka. Imma dawk tal-migranti huma wkoll stejjer ta’ laqgħa bejn persuni u bejn kulturi: għall-komunitajiet u s-soċjetajiet li fihom jaslu huma opportunità biex jistagħnu u għall-iżvilupp uman sħiħ ta’ kulħadd. L-inizjattivi ta’ akkoljenza li fihom tkun involuta l-Knisja minn dan il-lat għandhom rwol importanti, u jistgħu jagħtu ħajja ġdida lill-komunitajiet li għandhom il-ħila jwettquhom”.[47]

 

94. “Grazzi għall-pajjiżi differenti minn fejn kienu ġejjin il-Padri, fejn tidħol it-tema tal-migranti s-Sinodu ra t-tlaqqigħ ta’ bosta perspettivi, b’mod partikulari bejn pajjiżi li minnhom jitilqu l-migranti u pajjiżi li fihom jaslu. Barra minn hekk, dwiet il-karba ta’ allarm ta’ dawk il-Knejjes li l-membri tagħhom qed ikollhom jaħarbu mill-gwerra u mill-persekuzzjoni u li f’dawn il-migrazzjonijiet sfurzati qed jilmħu theddida għall-istess eżistenza tagħhom. Sewwasew dan il-fatt li tinkludi fi ħdanha dawn il-perspettivi kollha jqiegħed lill-Knisja f’kundizzjoni li tiżvolġi rwol profetiku quddiem is-soċjetà fejn tidħol it-tema tal-migrazzjonijiet”.[48] Nixtieq nitlob b’mod partikulari liż-żgħażagħ biex ma jaqgħux fin-nasbiet ta’ dawk li jridu jpoġġuhom kontra żgħażagħ oħra li jaslu f’pajjiżhom, billi jpinġuhomlhom bħala suġġetti perikulużi u bħallikieku ma kellhomx huma wkoll l-istess dinjità inaljenabbli ta’ kull essri uman.

 

Intemmu kull xorta ta’ abbuż

95. F’dawn l-aħħar żminijiet ġejna mitluba b’ċerta qawwa biex nisimgħu l-karba tal-vittmi tad-diversi xorta ta’ abbużi mwettqa minn xi isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi. Dawn id-dnubiet joħolqu għall-vittmi “tbatijiet li jistgħu jtulu ħajjithom kollha u li l-ebda ndiema ma tista’ tagħmel tajjeb għalihom. Dan il-fenomenu hu mifrux fis-soċjetà, imiss anki lill-Knisja u jirrappreżenta tfixkil serju għall-missjoni tagħha”.[49]

 

96. Huma minnu li “l-pjaga tal-abbużi sesswali fuq il-minuri b’xorti ħażina hi fenomenu storikament mifrux fil-kulturi u s-soċjetajiet kollha, fuq kollox fi ħdan l-istess familji u f’diversi istituzzjonijiet, li l-firxa tagħhom ħarġet ċar b’mod partikulari “grazzi għall-bidla fis-sensibbiltà tal-opinjoni pubblika”. Madankollu, “l-universalità ta’ din il-pjaga, waqt li tikkonferma l-gravità tagħha fis-soċjetajiet tagħna, ma tnaqqasx mill-mostrożità tagħha fi ħdan il-Knisja” u “fir-rabja, iġġustifikata, tan-nies, il-Knisja tilmaħ il-mera tar-rabja ta’ Alla, ittradut u mogħti bil-ħarta”.[50]

 

97. “Is-Sinodu jtenni b’qawwa l-impenn sħiħ għall-implimentazzjoni ta’ miżuri rigorużi ta’ prevenzjoni biex ma jħallux li jirripetu ruħhom, ibda mill-għażla u l-formazzjoni ta’ dawk li lilhom sa jiġu fdati ħidmiet ta’ responsabbiltà u edukattivi”.[51] Fl-istess waqt, ma nistgħux intawlu iktar id-deċiżjoni li napplikaw “l-azzjonijiet u s-sanzjonijiet tant meħtieġa”.[52] U dan kollu bil-grazzja ta’ Kristu. Ma nistgħux inħarsu iżjed lura.

 

98. “Jeżistu diversi xorta ta’ abbuż: ta’ poter, ekonomiċi, ta’ kuxjenza, sesswali. Hu ċar id-dmir li naqilgħu mill-qiegħ ix-xejriet ta’ tħaddim tal-awtorità li fuqhom qed jitlaqqmu u li neħduha kontra n-nuqqas ta’ responsabbiltà u trasparenza li ntwera fil-mod kif ġew trattati ħafna każi. Ix-xewqa għall-ħakma, in-nuqqas ta’ djalogu u trasparenza, ix-xejriet ta’ ħajja doppja, il-vojt spiritwali, u mhux b’inqas id-dgħufijiet psikoloġiċi huma l-art li fuqha tixxettel il-korruzzjoni”.[53] Il-klerikaliżmu hu tentazzjoni permanenti għas-saċerdoti, li ninterpretaw “il-ministeru li rċivejna bħala poter li rridu nħaddmu pjuttost milli bħala qadi b’xejn u ġeneruż li għandna noffru; u dan iwassalna naħsbu li aħna nagħmlu parti minn grupp li għandu t-tweġibiet kollha u m’għandux iżjed bżonn li jisma’ u jitgħallem xejn”.[54] Bla dubju ta’ xejn, il-klerikaliżmu jesponi l-persuni kkonsagrati għar-riskju li jitilfu r-rispett lejn il-valur qaddis u inaljenabbli ta’ kull persuna u tal-libertà tagħha.

 

99. Flimkien mal-Padri sinodali, nixtieq nesprimi b’affett u rikonoxxenza l-“gratitudni lejn dawk li għandhom il-kuraġġ li dritt jikkundannaw il-ħażin: huma jgħinu lill-Knisja ssir konxja ta’ x’ġara u tal-ħtieġa li tirreaġixxi b’mod deċiżiv”.[55] Madankollu, daqshekk ieħor jixraqlu rikonoxxenza speċjali “l-impenn sinċier ta’ għadd bla qies ta’ lajċi, saċerdoti, ikkonsagrati u isqfijiet li ta’ kuljum jingħataw b’onestà u dedikazzjoni għas-servizz taż-żgħażagħ. L-opra tagħhom hi foresta li tikber bla ħsejjes. Bosta fost iż-żgħażagħ preżenti għas-Sinodu wkoll urew gratitudni lejn dawk li akkumpanjawhom u saħqu fuq il-ħtieġa kbira ta’ figuri ta’ riferiment”.[56]

 

100. Għall-grazzja ta’ Alla, is-saċerdoti li tħammġu b’dawn l-atti kriminali orribbli mhumiex il-maġġoranza, għax din hi magħmula minn dawk li qed iwettqu ministeru fidil u ġeneruż. Liż-żgħażagħ nitlobhom iħallu tqanqalhom din il-maġġoranza. Hu x’inhu, jekk taraw saċerdot li jinsab f’riskju, għax tilef il-ferħ tal-ministeru tiegħu, għax qed ifittex kumpens affettiv jew qabad triq ħażina, kunu kuraġġjużi biżżejjed li tfakkruh fl-impenn tiegħu lejn Alla u lejn il-poplu tiegħu, ħabbrulu intom stess l-Evanġelju u ħeġġuh iżomm sod fit-triq it-tajba. Meta tagħmlu hekk, intom stess tkunu qed toffru għajnuna imprezzabbli f’aspett fundamentali: il-prevenzjoni li tgħinna nevitaw ir-ripetizzjoni ta’ dawn l-attroċitajiet. Din is-sħaba sewda ssir ukoll sfida għaż-żgħażagħ li jħobbu lil Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu, għax jistgħu jikkontribwixxu mhux ftit biex ifejqu din il-ġerħa jekk iħaddmu l-istess ħila tagħhom li jġeddu, isejħu għar-responsabbiltà, jesiġu koerenza u xhieda, jerġgħu jibdew joħolmu u joħolqu mill-ġdid.

 

101. Dan mhuwiex l-uniku dnub tal-membri tal-Knisja, li l-istorja tagħha tippreżenta iktar minn dell wieħed. Id-dnubiet tagħna qegħdin taħt għajnejn kulħadd; jirriflettu bla ħniena fit-tikmix tal-wiċċ millenarju tal-Omm u Għalliema tagħna. Għax hi ilha miexja elfejn sena, taqsam fl-“hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin”.[57] U timxi hekk kif inhi, bla ma tirrikorri għal xi kirurġija estetika. Ma tibżax tikxef id-dnubiet tal-membri tagħha, li xi kultant uħud minnhom jippruvaw jaħbu, quddiem id-dawl imkebbes tal-Kelma tal-Evanġelju li tnaddaf u ssaffi. U ma tehdiex ittenni ta’ kuljum, b’regħxa fuqha: “Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; […] id-dnub tiegħi dejjem quddiemi” (Salm 51:3,5). Imma niftakru li ma tistax lil Ommok titlaqha waħidha meta hi midruba, anzi, bil-maqlub, trid tibqa’ magħha sakemm jirnexxilha toħroġ minnha nfisha l-qawwa u l-ħila kollha tagħha biex dejjem tibda mill-ġdid.

 

102. Fl-aqwa ta’ din it-traġedja li, ġustament, tweġġgħalna qalbna, “il-Mulej Ġesù, li qatt ma jitlaq waħidha lill-Knisja tiegħu, joffrilha l-qawwa tiegħu u l-għodda għal mixja ġdida”.[58] Hekk, f’dan il-mument mudlam, “bl-għajnuna prezzjuża taż-żgħażagħ, din tista’ tkun tassew opportunità għal riforma ta’ qawwa epokali”,[59] biex il-Knisja tinfetaħ għal Pentekoste ġdid u tibda fażi ta’ tisfija u ta’ bidla li tagħtiha żgħożija mġedda. Imma ż-żgħażagħ jistgħu jkunu ta’ għajnuna ikbar jekk f’qalbhom iħossuhom parti mill-“Poplu qaddis u fidil ta’ Alla, kollu sabar, imwieżen u moħji mill-Ispirtu s-Santu”, għax “sa jkun proprju dan il-Poplu qaddis ta’ Alla li jeħlisna mill-pjaga tal-klerikaliżmu, li hu l-art għammiela għal dawn l-orruri kollha”.[60]

 

Hemm triq kif noħorġu

103. F’dan il-kapitlu waqaft inħares lejn ir-realtà taż-żgħażagħ fid-dinja tal-lum. Xi aspetti oħra se jidhru fil-kapitli li jmiss. Kif diġà għidt, m’iniex nippretendi li b’din l-analiżi se nkopri s-suġġett kollu. Nistieden lill-komunitajiet biex b’rispett u serjetà jeżaminaw ir-realtà taż-żgħażagħ l-aktar qrib tagħhom, biex jistgħu jgħarblu l-mixjiet pastorali li l-aktar jixirqu. Imma ma nixtieqx nagħlaq dan il-kapitlu mingħajr ma ngħid kelma lil kull wieħed u waħda minnkom.

 

104. Infakkarkom fil-bxara t-tajba li rċivejna fl-għodwa tal-Qawmien: li fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ dalma u tbatija li dwarhom nitkellmu, dejjem hemm triq li toħroġna minnhom. Ngħidu aħna, hu minnu li d-dinja diġitali tista’ tesponik għar-riskju li tingħalaq fik innifsek, tal-iżolament jew tal-pjaċir vojt. Imma tinsiex li hemm żgħażagħ li mqar f’dawn l-oqsma huma kreattivi u xi drabi ġenjali. Dan hu l-każ tal-Venerabbli żagħżugħ Carlo Acutis.

 

105. Hu kien jaf tajjeb li dawn il-mekkaniżmi tal-komunikazzjoni, tal-pubbliċità u tax-xbieki soċjali jistgħu jintużaw biex jagħmluna suġġetti rieqda, dipendenti fuq il-konsum u fuq l-affarijiet ġodda li nistgħu nixtru, ossessjonati bil-ħin liberu, magħluqin fin-negattività. Imma hu għaraf juża t-teknoloġija l-ġdida tal-komunikazzjoni biex jgħaddi l-Evanġelju, biex jikkomunika valuri u ġmiel.

 

106. Ma waqax fin-nasba. Kien qed jara kif ħafna żgħażagħ, imqar jekk jidhru differenti, fir-realtà jispiċċaw biex ikunu ugwali għal xulxin, jiġru wara dak li s-setgħanin jimponulhom permezz tal-mekkaniżmi tal-konsum u tal-ġenn li jistordihom. Hekk, ma jħallux iwarrdu fihom dawk id-doni li l-Mulej tahom, lil din id-dinja ma joffrulhiex dawk il-ħiliet hekk personali u uniċi li Alla żera’ f’kull wieħed u waħda. Hekk, kien jgħid Carlo, jiġri li “kulħadd jitwieled oriġinali, imma ħafna jmutu fotokopji”. Tħallix li jiġrilek hekk.

 

107. Tħallix lil min jisraqlek it-tama u l-ferħ, lil min jiddrogak biex jużak bħala lsir tal-interessi tiegħu. Issogra kun iżjed minn hekk, għax dak li int hu iżjed importanti minn kull ħaġa oħra. M’għandekx bżonn li jkollok il-ġid jew ċerta dehra. Tista’ tasal biex tkun dak li Alla, il-Ħallieq tiegħek, jaf li int, jekk tagħraf li int imsejjaħ għal ħafna. Sejjaħ lill-Ispirtu s-Santu u imxi bil-fiduċja lejn l-ogħla destinazzjoni: il-qdusija. Hekk ma tkunx fotokopja, imma tkun inti nnifsek kollok kemm int.

 

108. Huwa għalhekk li għandek bżonn tagħraf ħaġa fundamentali: li nkunu żgħażagħ ma jfissirx biss infittxu l-pjaċiri li jtiru mar-riħ u s-suċċessi tal-qoxra. Biex iż-żgħożija tilħaq l-għanijiet tagħha fil-mixja ta’ ħajtek, trid tkun żmien ta’ għotja ġeneruża, ta’ offerta sinċiera, ta’ sagrifiċċji li jiswew prezz imma jagħmluna għammiela. Dan kif kien jgħid poeta kbir:

 

“Jekk biex nerġa’ nirbaħ dak li rġajt irbaħt

kelli l-ewwel nitlef dak li tlift,

jekk biex nikseb dak li ksibt

kelli nġarrab dak li ġarrabt,

 

jekk biex issa qed inħobb

kelli nisfa miġruħ,

inħoss li mnalla batejt dak li batejt,

inħoss li mnalla bkejt dak li bkejt.

 

Għax wara kollox stajt nagħraf

li ma tistax tgawdi sew dak li tgawdi

jekk mhux wara li tkun batejt għalih.

 

Għax wara kollox fhimt

li dak li s-siġra għandha mwarrad

jgħix b’dak li għandha taħt il-ħamrija”.[61]

 

109. Jekk int żagħżugħ fl-età, imma tħossok dgħajjef, għajjien u deluż, itlob lil Ġesù jġeddek hu. Miegħu ma tonqosna qatt it-tama. L-istess tista’ tagħmel jekk tħossok mgħaddas fil-vizzji, fid-drawwiet ħżiena, fl-egoiżmu jew fil-kumdità marida. Ġesù, mimli ħajja, irid jgħinek tagħmel miż-żgħożija tiegħek żmien li tabilħaqq hu ta’ min jgħixu. Hekk ma ċċaħħadx lid-dinja minn dak is-sehem li int biss tista’ tagħti, għax int uniku u irrepetibbli.

 

110. Imma nixtieq infakkrek ukoll li “diffiċli ħafna neħduha kontra l-konkupixxenza tagħna u kontra l-periklu u t-tentazzjonijiet tax-xitan u tad-dinja egoista, jekk nibqgħu iżolati. Tant hu kbir il-bumbardament li qed jaħbat għalina li, jekk aħna wisq waħidna, faċli nitilfu s-sens tar-realtà, iċ-ċarezza interjuri, u nogħtru”.[62] Dan jgħodd fuq kollox għaż-żgħażagħ, għax flimkien intom għandkom saħħa li ta’ min jammiraha. Meta titħeġġu għal ħajja komunitarja, intom kapaċi taslu biex tagħmlu sagrifiċċji kbar għall-oħrajn u għall-komunità. Min-naħa l-oħra, l-iżolament idgħajjifkom u jesponikom għall-agħar ħażen ta’ żmienna.


 

IR-RABA’ KAPITLU

L-aħbar il-kbira liż-żgħażagħ kollha

 

111. Lil hemm minn kull ċirkustanza, liż-żgħażagħ kollha issa nixtieq inħabbrilhom l-iktar ħaġa importanti, l-ewwel ħaġa, dik li ħadd qatt ma għandu jsikket. Hi aħbar li tinkludi tliet veritajiet kbar li lkoll għandna bżonn nisimgħuhom dejjem, u iżjed minn darba.

 

Alla li huwa mħabba

112. Qabelxejn lil kull persuna nixtieq insemmgħalha din l-ewwel verità: “Alla jħobbok”. Jekk din diġà smajtha, ma jimpurtax, nixtieq infakkarhielek: Alla jħobbok. Qatt tiddubitah dan, jiġri x’jiġri fil-ħajja. F’kull ċirkustanza, int maħbub bi mħabba bla tarf.

 

113. Forsi l-esperjenza ta’ paternità li inti għext ma kinitx l-aħjar waħda, missierek ta’ din l-art forsi kien imbiegħed u assenti jew, bil-maqlub, dominanti u possessiv; jew sempliċiment ma kienx il-missier li tant kellek bżonn. Ma nafx. Imma dak li nista’ ngħidlek b’ċertezza hu li tista’ tinxteħet biċ-ċertezza kollha fid-dirgħajn tal-Missier divin tiegħek, ta’ dak Alla li tak il-ħajja u qed jagħtihielek kull ħin. Hu jwieżnek bil-qawwa kollha u, fl-istess waqt, tħoss li hu jirrispetta sal-aħħar il-libertà tiegħek.

 

114. Fil-Kelma tiegħu nsibu ħafna espressjonijiet ta’ mħabbtu. Bħallikieku hu stess qed ifittex bosta modi kif juriha ħalli jara jekk xi waħda minn dawk il-kelmiet tasalx ġo qalbek.

 

Ngħidu aħna, xi drabi jippreżenta ruħu bħal dawk il-ġenituri li bl-imħabba kollha jilagħbu ma’ wliedhom: “Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet ta’ mħabba; u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh” (Hos 11:4).

 

Xi kultant jidher mimli bl-imħabba ta’ dawk l-ommijiet li tassew iħobbu lil uliedhom, bi mħabba ġewwenija li ma tistax tinsa jew tabbanduna: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!” (Iż 49:15).

 

Saħansitra jidher bħal wieħed innamrat li jasal sal-punt li jonqox lill-persuna maħbuba fuq il-pala ta’ idu biex wiċċha jista’ jżommu dejjem qrib tiegħu: “Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja” (Iż 49:16).

 

Drabi oħra jisħaq fuq il-qawwa u s-saħħa ta’ mħabbtu, li ma tintrebaħx: “Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżżu l-għoljiet, imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx, u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx” (Iż 54:10).

 

Jew jgħidilna li sa minn dejjem konna mixtieqa, għax ma tfaċċajniex f’din id-dinja b’kumbinazzjoni. Sa minn qabel ma bdejna neżistu, konna fil-pjan ta’ mħabbtu: “Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik” (Ġer 31:3).

 

Jew ifakkarna li hu jaf jara l-ġmiel tagħna, dak li ħadd iżjed ma jasal biex jagħraf: “Għax int kont għażiż f’għajnejja, kollok ġieħ u jien ħabbejtek” (Iż 43:4).

 

Jew iwassalna biex niskopru li mħabbtu ma fiha l-ebda nikta, imma hi ferħ sħiħ li jiġġedded kull meta aħna nħalluh iħobbna: “Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajat ta’ ferħ” (Sof 3:17).

 

115. Għalih int tassew prezzjuż, m’intix bla siwi, int importanti għalih, għax int opra ta’ jdejh. Għalhekk hu attent għalik u jiftakar fik bi mħabba. Għandek tafda fil-“memorja ta’ Alla: il-memorja tiegħu mhix ‘hard disk’ riġidu li jirrekordja u jarkivja d-dettalji kollha tagħna, imma qalb tenera ta’ kompassjoni, li tifraħ tħassar darba għal dejjem kull ħjiel tal-ħażen tagħna”.[63] Ma jridx iżomm il-kont tal-iżbalji tiegħek u, jiġri x’jiġri, se jgħinek titgħallem xi ħaġa mqar mill-waqgħat tiegħek. Għax hu jħobbok. Ipprova oqgħod għal ftit tal-ħin fis-skiet u ħallih iħobbok. Ipprova sikket l-ilħna kollha u l-għajat ta’ ġo fik u ibqa’ għal waqt wieħed fit-tħaddina ta’ mħabbtu.

 

116. Hija mħabba “li la timponi ruħha u lanqas tkisser, imħabba li ma twarrabx u ma ssikkitx u lanqas tiskot, imħabba li ma tbaxxix u ma taħkimx fuq ħaddieħor. Hi l-imħabba tal-Mulej, imħabba ta’ kuljum, attenta u rispettuża, imħabba ta’ ħelsien u li teħles, imħabba li tfejjaq u tgħolli. Hi l-imħabba tal-Mulej, li iktar ħsiebha biex terġa’ terfa’ milli biex tara l-waqgħat, biex tirrikonċilja milli biex tipprojbixxi, biex tagħti opportunitajiet ġodda milli biex tikkundanna, fil-futur milli fil-passat”.[64]

 

117. Meta jitlob xi ħaġa minnek jew meta sempliċiment jippermetti dawk l-isfidi li l-ħajja tippreżentalek, jistenna li int tagħmillu wisa’ biex jimbuttak ħalli timxi ’l quddiem, biex jixprunak, biex jgħinek tikber. Ma jiħux fastidju għax int tistqarrlu d-dubji tiegħek, dak li jħassbu hu li int ma titkellimhomx miegħu, li int ma tiftaħx qalbek b’sinċerità għad-djalogu miegħu. Il-Bibbja tirrakkonta kif Ġakobb issara ma’ Alla (ara Ġen 3:25-31), imma dan ma begħdux mit-triq tal-Mulej. Fir-realtà huwa nnifsu li jistedinna: “Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien” (Iż 1:18). Imħabbtu tant hi reali, tant hi vera, tant hi konkreta, li toffrilna relazzjoni mimlija djalogu sinċier u għammiel. Fl-aħħar nett, fittex it-tgħanniqa ta’ Missierek tas-Sema fil-wiċċ kollu mħabba tax-xhieda qalbiena tiegħu fuq din l-art!

 

Kristu jsalvak

118. It-tieni verità hi li Kristu, għall-imħabba, ta ħajtu kollha biex isalvak. Dirgħajh miftuħa fuq is-salib huma l-egħżeż sinjal ta’ mħabba li kapaċi tasal sal-aktar punt estrem: “Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1).

 

San Pawl stqarr li hu jgħix b’fiduċja f’dik l-imħabba li tat kollox: “Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20).

 

119. Dak Kristu li minn fuq is-salib salvana minn dnubietna, bl-istess qawwa tal-għotja sħiħa tiegħu nnifsu jissokta jsalvana u jifdina llum ukoll. Ħares lejn is-Salib tiegħu, iggranfa miegħu, ħallih isalvak, għax “dawk li jħallu lilu jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament”.[65] U jekk tidneb u titbiegħed, hu mill-ġdid jerfgħek fuq riġlejk bil-qawwa tas-Salib tiegħu. Qatt la tinsa li “hu jaħfer għal sebgħa u sebgħin darba. Jerġa’ lura biex jerfagħna fuq spallejh darba wara l-oħra. Ħadd ma jista’ jneħħilna d-dinjità li tlibbisna din l-imħabba bla tmiem u li ma tiddgħajjifx. Hu jippermettilna li ngħollu rasna ’l fuq u nibdew mill-ġdid, bi ħlewwa li ma tqarraq qatt bina u li dejjem tista’ tagħtina mill-ġdid il-ferħ”.[66]

 

120. Aħna “salvati minn Ġesù: għax iħobbna u ma jistax jagħmel mod ieħor. Nistgħu nagħmlu minn kollox, imma hu jħobbna u jsalvana. Għax hu biss dak li hu maħbub li jista’ jsalva. Hu biss min jitħaddan li jista’ jkun ittrasformat. L-imħabba tal-Mulej hi akbar mill-kontradizzjonijiet tagħna, mid-dgħufijiet tagħna u mit-trivjalitajiet tagħna. Imma preċiżament permezz tal-kontradizzjonijiet tagħna, tad-dgħufijiet tagħna u t-trivjalitajiet tagħna li hu jrid jikteb din l-istorja ta’ mħabba. Hu ħaddan lill-iben il-ħali, ħaddan lil Pietru wara li dan ċaħdu u jħaddanna dejjem, dejjem, dejjem wara l-waqgħat tagħna u jgħinna nerġgħu nqumu fuq saqajna. Għax il-vera waqgħa – attenti għal dan – il-vera waqgħa, dik li tista’ tirvinalna ħajjitna, hi li nibqgħu mal-art u ma nħallux lil min jgħinna”.[67]

 

121. Il-maħfra tiegħu u s-salvazzjoni tiegħu mhumiex xi ħaġa li xtrajnieha jew li rridu niksbuha bl-opri u bl-isforzi tagħna. Hu jaħfrilna u jeħlisna b’xejn. L-għotja tiegħu nnifsu fuq is-salib hi ħaġa hekk kbira li aħna ma nistgħux u lanqas għandna għax inħallsu għaliha, għandna biss nilqgħuha bi gratitudni immensa u bil-ferħ għax nafu li aħna maħbuba daqshekk qabel ma biss dan stajna nistħajluh: “hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġw 4:19).

 

122. Żgħażagħ maħbuba mill-Mulej, kemm tiswew intom ladarba ġejtu mifdija bid-demm prezzjuż ta’ Kristu! Għeżież żgħażagħ, “m’hemmx prezzkom! M’intomx biċċiet biex jinbiegħu fl-irkant! Nitlobkom, tħallux lil min jixtrikom, tħallux lil min iħajjarkom bi prezz baxx, tħallux ijassrukom il-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi li jdaħħlulna ideat strambi f’rasna u fl-aħħar insiru lsiera, dipendenti, falluti fil-ħajja. Intom m’hemmx prezzkom: dan hemm bżonn dejjem tirrepetuh lilkom infuskom: m’iniex għall-bejgħ fl-irkant, m’hemmx prezzi. Jiena ħieles, jiena ħielsa! Innamraw ma’ din il-libertà, li hi dik li joffrilna Ġesù”.[68]

 

123. Ħares lejn id-dirgħajn miftuħa ta’ Kristu msallab, ħallih isalvak dejjem mill-ġdid. U meta tersaq biex tqerr dnubietek, emmen bil-qawwa kollha fil-ħniena tiegħu li teħilsek mill-ħtija. Ikkontempla d-demm tiegħu mxerred b’tant imħabba u ħallih isaffik. Hekk tista’ titwieled dejjem mill-ġdid.

 

Hu jgħix!

124. Imma hemm ukoll it-tielet verità, li ma tistax tifridha minn ta’ qabilha: Hu jgħix! Hemm bżonn niftakruh spiss dan, għax inkella nirriskjaw li lil Ġesù Kristu narawh biss bħala eżempju tajjeb tal-passat, bħala tifkira, bħala xi ħadd li salvana elfejn sena ilu. Dan ma jkun jiswielna għal xejn, iħallina kif konna qabel, ma jeħlisniex. Dak li jfawwarna bil-grazzja tiegħu, dak li jeħlisna, dak li jibdilna, dak li jfejjaqna u jfarraġna hu persuna ħajja. Hu Kristu rxoxt, mogħni bil-ħajja sopranaturali, imlibbes b’dawl bla qies. Għalhekk San Pawl stqarr: “Jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom” (1 Kor 15:17).

 

125. Jekk hu jgħix, mela tassew jista’ jkun preżenti fil-ħajja tiegħek, f’kull mument tagħha, biex jimlieh bid-dawl tiegħu. Allura ma tħossok qatt waħdek u abbandunat. Imqar jekk jitlaq kulħadd, hu jibqa’ hemm, kif wiegħed: “U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Hu jimla kollox bil-preżenza moħbija tiegħu, u kull fejn tmur sa ssibu jistenniek. Għax hu mhux biss ġie, imma jiġi u jibqa’ jiġi ta’ kuljum biex jistiednek timxi lejn xefaq dejjem ġdid.

 

126. Ikkontempla lil Ġesù hieni, irid jaqbeż bil-ferħ. Ifraħ mal-Ħabib tiegħek li ttrijonfa. Qatlu lill-qaddis, il-ġust, l-innoċenti, imma hu rebaħ. Il-ħażen m’għandux l-aħħar kelma. Lanqas f’ħajtek il-ħażen mhu ħa jkollu l-aħħar kelma, għax il-Ħabib tiegħek li jħobbok irid jittrijonfa fik. Il-Feddej tiegħek ħaj.

 

127. Jekk hu jgħix, din hi garanzija li t-tajjeb għandu postu f’ħajjitna, u li t-taħbit tagħna għal xi ħaġa ħa jiswa. Allura nistgħu nieqfu ngemgmu, u nixħtu ħarsitna ’l quddiem, għaliex flimkien miegħu dejjem tista’ tħares ’il quddiem. Din hi ċ-ċertezza li għandna. Ġesù hu dak li jgħix għal dejjem. Imqabbdin miegħu, ngħixu u ngħaddu bla mimsusa minn kull xorta ta’ mewt u ta’ vjolenza li nsibu moħbija mal-medda tat-triq.

 

128. Kull soluzzjoni oħra tisfa dgħajfa u temporanja. Forsi tiswielna għal ftit taż-żmien, imbagħad nerġgħu nsibu ruħna mill-ġdid b’xejn x’jiddefendina, mitluqa għal riħna, esposti għall-maltempati. Imma flimkien miegħu, il-qalb issib għeruqha f’ċertezza qawwija, li tibqa’ sħiħa lil hemm minn kollox. San Pawl jgħid li jrid jintrabat ma’ Kristu biex “nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet” (Fil 3:10). Hija l-qawwa li se tidher bosta drabi anki fil-ħajja tiegħek, għax hu ġie biex jagħtik il-ħajja, “u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10).

 

129. Jekk jirnexxielek tapprezza bil-qalb il-ġmiel ta’ din l-aħbar u tħalli lill-Mulej jiġi jiltaqa’ miegħek; jekk tħallih iħobbok u jsalvak; jekk tidħol fi ħbiberija miegħu u tibda tiddjaloga ma’ Kristu ħaj fuq il-ħwejjeġ konkreti ta’ ħajtek, din issir l-esperjenza l-kbira, issir l-esperjenza fundamentali li twieżen il-ħajja Nisranija tiegħek. Din hija wkoll l-esperjenza li tkun tista’ taqsam ma’ żgħażagħ oħra. Għax “bħala bidu għall-eżistenza Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva”.[69]

 

L-Ispirtu jagħti l-ħajja

130. F’dawn it-tliet veritajiet – Alla jħobbok, Kristu hu l-feddej tiegħek, huwa jgħix – jidher Alla l-Missier u jidher Ġesù. Fejn hemm il-Missier u Ġesù, hemm anki l-Ispirtu s-Santu. Hu li jħejji u jiftaħ il-qlub biex jilqgħu din l-aħbar, hu li jżomm ħajja din l-esperjenza ta’ salvazzjoni, hu li jgħinek tikber f’dan il-ferħ jekk tħallih jaħdem fik. L-Ispirtu s-Santu jimla l-qalb ta’ Kristu Rxoxt u minn hemm jissawwab bħal għajn fil-ħajja tiegħek. U meta inti tilqgħu, l-Ispirtu s-Santu jdaħħlek dejjem iżjed fil-qalb ta’ Kristu, biex int tkun dejjem mimli bi mħabbtu, bid-dawl tiegħu u bil-qawwa tiegħu.

 

131. Itlob ta’ kuljum lill-Ispirtu s-Santu biex iġedded il-ħin kollu fik l-esperjenza tal-aħbar il-kbira. Għaliex le? M’inti ħa titlef xejn u hu jista’ jibdillek ħajtek, jista’ jdawwalha u jagħtiha rotta aħjar. Mhux se jaqtagħlek jew jeħodlok xejn minn tiegħek, anzi, se jgħinek issib dak li għandek bżonn bl-aħjar mod. Għandek bżonn tal-imħabba? M’intix se ssibha fil-ħajja sfrenata, billi tiddobba bl-oħrajn, tippossedihom jew taħkem fuqhom. Issibha b’mod li tassew jagħmlek ferħan. Qed tfittex l-intensità? Mhux sa tgħixha billi tiġma’ għalik oġġetti, tonfoq il-flus, tiġri bħal wieħed iddisprat wara l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja. Tasal b’mod ħafna isbaħ u sodisfaċenti jekk tħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxik hu.

 

132. Qed tfittex il-passjoni? Kif tgħid poeżija ħelwa: innamra! (jew intelaq għan-namra), għax “xejn ma jista’ jkun iktar importanti milli tiltaqa’ ma’ Alla. Jiġifieri, tinnamra miegħu b’mod defenittiv u assolut. Dak li miegħu tinnamra jaħkem l-immaġinazzjoni tiegħek u jibda jħalli l-impatt tiegħu fuq kollox. Isir dak li jiddeċiedi xi jqajmek mis-sodda filgħodu, x’tagħmel kull filgħaxija, kif tqatta’ l-aħħar tal-ġimgħa, x’taqra, x’taf, x’jaqsamlek qalbek u x’jimliek bil-ferħ u l-gratitudni. Innamra! Ibqa’ fl-imħabba! Kollox ikun differenti”.[70] Din l-imħabba ta’ Alla, li għandha passjoni għall-ħajja kollha, hi possibbli grazzi għall-Ispirtu s-Santu, għax “l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5:5).

 

133. Hu l-għajn tal-aqwa żgħożija. Għax min jafda fil-Mulej “ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla, b’għeruqha mxenxla lejn il-wied; ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar” (Ġer 17:8). Filwaqt li “jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew” (Iż 40:30), dawk li jqiegħdu l-fiduċja tagħhom fil-Mulej “jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu” (Iż 40:31).


 

IL-ĦAMES KAPITLU

Mixjiet taż-żgħażagħ

 

134. Kif ngħixuha ż-żgħożija tagħna meta nħallu ddawwalna u tibdilna l-aħbar il-kbira tal-Evanġelju? Importanti nagħmluha din il-mistoqsija, għax iż-żgħożija, iktar milli xi ħaġa biex nitkabbru biha, hi don ta’ Alla: “Li nkunu żgħażagħ hija grazzja, hi xorti”.[71] Hi don li nistgħu naħluh fix-xejn, jew nistgħu nilqgħuh bi gratitudni u ngħixuh fil-milja tiegħu.

 

135. Alla hu l-awtur taż-żgħożija u jaħdem f’kull żagħżugħ u żagħżugħa. Iż-żgħożija hi żmien imbierek għaż-żagħżugħ u barka għall-Knisja u għad-dinja. Hi ferħ, għanja ta’ tama u hena. Li napprezzaw iż-żgħożija jfisser inħarsu lejn dan il-perjodu tal-ħajja bħala żmien prezzjuż u mhux bħala fażi ta’ passaġġ fejn iż-żgħażagħ iħossuhom imbuttati lejn l-età adulta.

 

Żmien ta’ ħolm u ta’ għażliet

136. Fi żmien Ġesù, il-ħruġ mill-età tat-tfulija kien passaġġ tal-ħajja mistenni ħafna, iċċelebrat u ffesteġġjat. Għalhekk, meta Ġesù radd il-ħajja lil “tifla” (Mk 5:39), għenha tmidd pass ieħor ’il quddiem, għenha tikber u ssir “tfajla” (Mk 5:41). Meta qalilha: “Tfajla, qum!” (talitá kum), fl-istess ħin għamilha iktar responsabbli ta’ ħajjitha, u hekk fetħilha l-bibien taż-żgħożija.

 

137. “Iż-żgħożija, fażi tal-iżvilupp tal-personalità, hi mmarkata minn ħolmiet li jfittxu li jitwettqu, minn relazzjonijiet li jiksbu dejjem iżjed konsistenza u bilanċ, minn tentattivi u sperimentazzjonijiet, minn għażliet li jibnu ftit ftit proġett ta’ ħajja. F’dan l-istaġun ta’ ħajjithom iż-żgħażagħ huma msejħa jipproġettaw għall-futur mingħajr ma jaqtgħu l-għeruq tagħhom, biex jibnu l-awtonomija, imma mhux fis-solitudni”.[72]

 

138. L-imħabba ta’ Alla u r-relazzjoni tagħna ma’ Kristu ħaj ma jżommuniex milli noħolmu, ma jitolbuna bl-ebda mod nillimitaw l-ixfqa ta’ ħajjitna. Bil-maqlub, din l-imħabba tixprunana, tqanqalna, tiftaħna għal ħajja aqwa u isbaħ. Il-kelma “tħassib” tiġbor fiha ħafna mix-xewqat tal-qlub taż-żgħażagħ. Kif kien jgħid San Pawlu VI, “sewwasew f’dak in-nuqqas ta’ sodisfazzjon li jħabbatkom […] hemm element ta’ dawl”.[73] It-tħassib ta’ min mhux sodisfatt għalkollox, flimkien mal-għoġba għall-ġdid li jidher fuq ix-xefaq, jiftħu t-triq għall-kuraġġ li jwassalhom biex jieħdu ħajjithom f’idejhom u jerfgħu r-responsabbiltà ta’ missjoni. Dan it-tħassib qaddis, li jqum fuq kollox fi żmien iż-żgħożija, jibqa’ l-karatteristika ta’ kull qalb li żżomm ruħha żagħżugħa, disponibbli, miftuħa. Il-vera paċi interjuri tgħix ma’ dan in-nuqqas profond ta’ sodisfazzjon. Santu Wistin kien jgħid: “Mulej, inti għamiltna għalik, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik”.[74]

 

139. Xi żmien ilu ħabib tiegħi staqsieni x’jiġi ġo moħħi meta naħseb f’żagħżugħ. It-tweġiba tiegħi kienet din: “Jien nara ġuvni jew tfajla li qed ifittxu triqthom, li jixtiequ jtiru b’riġlejhom, li jħarsu lejn id-dinja u jaraw ix-xefaq b’għajnejn imfawra bit-tama, mimlijin bil-futur u anki b’illużjonijiet. Iż-żagħżugħ jimxi b’żewġ saqajn bħall-adulti, imma b’differenza mill-adulti, li jżommuhom pariġġ xulxin, hu għandu dejjem sieq qabel l-oħra, lesta biex titlaq, biex timxi. Dejjem bil-pass ’il quddiem. Titkellem dwar iż-żgħażagħ ifisser titkellem fuq wegħdiet, u jfisser titkellem fuq il-ferħ. Tant għandhom qawwa fihom iż-żgħażagħ, li kapaċi jħarsu bl-għajnejn tat-tama. Żagħżugħ hu wegħda ta’ ħajja b’ċertu grad ta’ perseveranza minqux fih; hu iblah biżżejjed biex jitqarraq imma għandu biżżejjed ħila fih biex ifiq mid-delużjoni li tista’ ġġib magħha din l-illużjoni”.[75]

 

140. Xi żgħażagħ forsi jirrifjutaw din it-tappa tal-ħajja għax iridu jibqgħu tfal, jew jixtiequ “prolungament indefinit tal-adolexxenza u l-postponiment tad-deċiżjonijiet; hekk il-biża’ mid-defenittiv inissel xorta ta’ paraliżi deċiżjonali. Imma ż-żgħożija ma tistax tibqa’ mdendla: din hi l-età tal-għażliet u proprju f’dan jikkonsisti l-faxxinu tagħha u l-ikbar missjoni tagħha. Iż-żgħażagħ jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam professjonali, soċjali, politiku, u oħrajn iżjed radikali li jagħtu lil ħajjithom it-tifsila determinanti tagħha”.[76] Jieħdu deċiżjonijiet anki fejn tidħol l-imħabba, l-għażla tal-maħbub jew dik li jġibu fid-dinja l-ewwel ulied. Se mmissu iktar fil-fond ma’ dawn it-temi fl-aħħar kapitli, iddedikati għall-vokazzjoni personali u għad-dixxerniment tagħha.

 

141. Imma kontra l-ħolm li jnebbaħ id-deċiżjonijiet, dejjem “hemm it-theddida tat-tgergir, tal-ilment, tar-rassenjazzjoni. Dawn inħalluhom għal dawk li jimxu wara l-‘alla tat-tgergir’! [] huwa ingann: iġiegħlek taqbad it-triq il-ħażina. Meta kollox jidher wieqaf u staġnat, meta nkunu mtaqqlin bil-problemi personali, meta l-uġigħ soċjali ma jsibx it-tweġibiet meħtieġa, mhux sew li nċedu l-armi. It-triq hi Ġesù: inrikkbuh fuq id-dgħajsa tagħna u naqdfu ’l barra miegħu! Hu l-Mulej! Hu jibdel il-perspettiva tal-ħajja. Il-fidi f’Ġesù twassal għal tama li tmur ’l hinn, twassal għal ċertezza li ma tkunx mibnija biss fuq il-ħiliet u l-kwalitajiet tagħna, imma fuq il-Kelma ta’ Alla, fuq l-istedina li tiġi minnu. Mingħajr ħafna kalkoli u mingħajr taħbil il-moħħ biex tivverifikaw jekk ir-realtà ta’ madwarkom taqbilx maċ-ċertezzi tagħkom. Oħorġu ’l barra. Noħorġu minna nfusna”.[77]

 

142. Irridu nipperseveraw fit-triq tal-ħolm. Għalhekk, hemm bżonn noqogħdu għassa għal tentazzjoni li spiss tagħmlilna ċajt goff: l-ansjetà. Tista’ ssir għadu kbir meta twassalna biex inċedu l-armi għax niskopru li r-riżultati mhumiex immedjati. L-isbaħ ħolm inwettquh bit-tama, is-sabar u t-tħabrik, u mhux bl-għaġla. Fl-istess waqt, ma rridux ningħalqu għax m’aħniex ċerti minna nfusna, ma rridux nibżgħu nirriskjaw jew li ħa nagħmlu xi żball. Pjuttost għandna nibżgħu li ngħixu pparalizzati, qisna katavri mejta weqfin fuq riġlejhom, li nispiċċaw suġġetti bla ħajja għax ma jridux jirriskjaw, għax mhumiex iħabirku fl-impenji tagħhom, jew jibżgħu li ħa jiżbaljaw. Imqar jekk tiżbalja, dejjem tista’ terġa’ tgħolli rasek u tibda mill-ġdid, għax ħadd m’għandu l-jedd li jisraqlek it-tama.

 

143. Żgħażagħ, qatt tagħlqu l-bieb għall-aħjar biċċa taż-żgħożija tagħkom, toqogħdux tosservaw il-ħajja minn fuq il-gallarija. Tifxlux il-ferħ ma’ sufan u tgħaddux ħajjitkom kollha quddiem skrin. Tirriduċux ruħkom anqas għall-ispettaklu kiebi ta’ karozza abbandunata. Tibqgħux wieqfa fil-parkeġġ, imma ħallu l-ħolmiet tagħkom iwarrdu u ħudu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. Irriskjaw, anki jekk tiżbaljaw. Tibqgħux tgħixu b’ruħ illuppjata u tħarsux lejn id-dinja daqslikieku kontu turisti. Ħallu lil min jismagħkom! Farrku l-biżgħat li qed iżommukom imwaħħlin, biex ma ssirux żgħażagħ immumifikati. Għixu! Fittxu l-aħjar tal-ħajja! Iftħu beraħ il-bibien tal-gaġġa u tiru! Nitlobkom, tmorrux fil-pensjoni qabel iż-żmien.

 

Ir-rieda li tgħixu u li tesperimentaw

144. Din il-viżjoni miftuħa għall-futur mixtieq, ma tfissirx li ż-żgħażagħ huma mixħuta għalkollox fil-ġejjieni, għax fl-istess waqt hemm fihom xewqa qawwija li jgħixu l-preżent, li jisfruttaw kemm jistgħu l-possibbiltajiet li tagħtihom din il-ħajja. Din id-dinja tagħna mimlija ġmiel! Kif nistgħu qatt nistkerrhu d-doni ta’ Alla?

 

145. Bil-kontra ta’ kif jaħsbu ħafna, il-Mulej ma jrid bl-ebda mod idgħajjef din ix-xewqa għall-ħajja. Tajjeb niftakru dak li għallem bniedem għaref tat-Testment il-Qadim: “Ibni, ġib ruħek tajjeb miegħek innifsek, skont kemm għandek mnejn […]. Tiċċaħħadx minn ġurnata tajba” (Sir 14:11,14). Alla l-veru, dak li jħobbok, iridek ferħan. Għalhekk li fil-Bibbja nsibu anki dan il-parir liż-żgħażagħ: “Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa ta’ ħajtek, u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek. […] Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib” (Koħ 11:9-10). Għax huwa Alla li “jagħtina kollox bix-xaba’ biex ingawdu bih” (1 Tim 6:17).

 

146. Kif jista’ jkun grat lejn Alla dak li mhux kapaċi jgawdi d-doni żgħar tiegħu ta’ kuljum, dak li ma jafx jieqaf quddiem il-ħwejjeġ sempliċi u pjaċevoli li jiltaqa’ magħhom kull pass li jmidd? Għax “m’hemmx agħar mir-rgħib miegħu nnifsu” (Sir 14:6). Ma jfissirx li ma nkunu qatt kuntenti, dejjem iffissati fi pjaċiri bla tarf. Bil-maqlub, għax dan ma jħallikx tgħix il-preżent. Ifisser li nagħraf niftaħ għajnejja u nieqaf biex ngħix b’mod sħiħ u bi gratitudni kull don ċkejken tal-ħajja.

 

147. Huwa ċar li l-Kelma ta’ Alla qed tistiednek biex tgħix il-preżent, u mhux biss biex tħejji għal għada: “Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata” (Mt 6:34). Imma dan ma jfissirx li ninxteħtu f’telqa irresponsabbli li tħallina vojta u qatt sodisfatti, imma li ngħixu b’mod sħiħ il-preżent, billi nħaddmu l-enerġiji tagħna għal ħwejjeġ tajba, nieħdu ħsieb inkabbru l-fraternità, nimxu wara Ġesù u napprezzaw kull ferħ ċkejken tal-ħajja bħala don tal-imħabba ta’ Alla.

 

148. Dwar dan, nixtieq infakkar li l-Kardinal Francis-Xavier Nguyên Van Thuân, meta spiċċa ħabsi f’kamp tal-konċentrament, ma riedx li jiemu jqattagħhom biss jistenna u jittama f’futur. Għażel li “jgħix il-mument preżenti billi jimlieh bl-imħabba”; u dan kien jagħmlu hekk: “Naħtaf l-okkażjonijiet li jiġuni ta’ kuljum, biex inwettaq għemejjel ordinarji b’mod straordinarju”.[78] Waqt li titħabat biex twettaq il-ħolm tiegħek, għix b’mod sħiħ il-ġurnata tal-lum, agħtiha kollha kemm hi u imlieha bl-imħabba f’kull waqt. Għax hu minnu tassew li dan il-jum taż-żgħożija tiegħek jista’ jkun l-aħħar wieħed, u allura ta’ min jgħixu bix-xewqa kollha u bil-qawwa kollha possibbli.

 

149. Dan jgħodd ukoll għall-mumenti ibsin, li jeħtieġ ngħixuhom sa ġewwa nett biex naslu nitgħallmu l-messaġġ tagħhom. Kif jgħallmuna l-Isqfijiet Żvizzeri: “Huwa jinsab hemm fejn aħna konna naħsbu li kien telaqna waħidna u ma kien fadal ebda possibbiltà ta’ salvazzjoni. Hu paradoss dan, imma t-tbatija, id-dlamijiet, saru, għal ħafna Nsara […] imkejjen ta’ laqgħa ma’ Alla”.[79] Barra minn hekk, ix-xewqa li jgħixu u li jagħmlu esperjenzi ġodda nsibuha b’mod speċjali f’ħafna żgħażagħ f’qagħda ta’ diżabbiltà fiżika, psikika u sensorjali. Huma, anki jekk ma jistgħux jagħmlu dejjem l-istess esperjenzi bħal sħabhom tamparhom, għandhom fihom riżorsi sorprendenti, li bilkemm nimmaġinawhom, u li xi drabi jissuperaw lil dawk komuni. Il-Mulej Ġesù jfawwarhom b’doni oħra, li l-komunità hi msejħa tagħtihom valur, biex huma jistgħu jiskopru l-pjan ta’ mħabbtu għal kull wieħed u waħda minnhom.

 

Fi ħbiberija ma’ Kristu

150. Tgħix kemm tgħix fit-tul u tagħmel kemm tagħmel esperjenzi, m’int ħa tasal qatt fil-fond taż-żgħożija, m’intix ħa ssir taf il-milja sħiħa taż-żgħożija, jekk ta’ kuljum ma tfittixx li tiltaqa’ mal-Ħabib il-kbir, jekk ma tgħixx fil-ħbiberija ma’ Ġesù.

 

151. Il-ħbiberija hi rigal tal-ħajja u don ta’ Alla. Permezz tal-ħbieb, il-Mulej isaffina u jimmaturana. Fl-istess waqt, il-ħbieb fidili, li nsibuhom qrib tagħna fil-waqtiet ibsin, huma mera tal-imħabba tal-Mulej, tal-faraġ tiegħu u tal-preżenza kollha mħabba tiegħu. Il-preżenza tal-ħbieb f’ħajjitna tgħallimna ninfetħu, nifhmu, u nieħdu ħsieb tal-oħrajn, noħorġu mill-kumditajiet tagħna u mill-iżolament, biex naqsmu l-ħajja mal-oħrajn. Għalhekk “ma tibdlu ma’ xejn ħabib tafdah, u m’għandekx kejl biex tkun taf xi jsarraf” (Sir 6:15).

 

152. Il-ħbiberija mhijiex relazzjoni li ttir mar-riħ jew ta’ ftit żmien, imma stabbli, soda, fidila, li timmatura mal-medda taż-żmien. Hi relazzjoni ta’ mħabba li tagħmel li nħossuna magħquda, u fl-istess waqt hi mħabba ġeneruża li twassalna biex infittxu t-tajjeb li hemm fil-ħbieb. Imqar jekk il-ħbieb jistgħu jkunu differenti ħafna minn xulxin, dejjem hemm xi affarijiet komuni li jwassluhom biex iħossuhom qrib ta’ xulxin, hemm intimità li huma jaqsmu flimkien b’sinċerità u fiduċja.

 

153. Il-ħbiberija tant hi importanti li Ġesù nnifsu jippreżenta ruħu bħala ħabib: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15). Bil-grazzja li hu jagħtina, aħna nintrefgħu ’l fuq b’tali mod li aħna tabilħaqq ħbieb tiegħu. Bl-istess imħabba li hu jsawwab fina, nistgħu nħobbuh, u nwasslu mħabbtu lill-oħrajn, fit-tama li huma wkoll isibu posthom fil-komunità ta’ ħbiberija mwaqqfa minn Ġesù Kristu.[80] U għalkemm hu diġà qed igawdi l-hena sħiħ tal-qawmien tiegħu, nistgħu nkunu ġenerużi miegħu, ngħinuh jibni Saltnatu f’din id-dinja, inkunu strumenti tiegħu biex inwasslu l-messaġġ tiegħu, id-dawl tiegħu u fuq kollox imħabbtu lill-oħrajn (ara Ġw 15:16). Id-dixxipli taw widen għas-sejħa ta’ Ġesù għall-ħbiberija miegħu. Kienet stedina li ma ġagħlithomx, imma ġiet proposta bi ħlewwa lil-libertà tagħhom: “Ejjew u taraw”, qalilhom, u huma “marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu” (Ġw 1:39). Wara dik il-laqgħa, intima u mhux mistennija, ħallew kollox u marru warajh.

 

154. Il-ħbiberija ma’ Ġesù ma tinħallx. Hu qatt ma jitlaqna waħidna, imqar jekk xi kultant jidher li baqa’ sieket. Meta niġu bżonnu, iħallina nsibuh (ara Ġer 29:14) u jinsab biswitna kull fejn immorru (ara Ġoż 1:9). Għax hu ma jikser qatt patt li jkun għamel. Lilna jitlobna biss li ma nħalluhx: “Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom” (Ġw 15:4). Imma jekk nitbiegħdu, “hu jibqa’ jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu” (2 Tim 2:13).

 

155. Mal-ħabib tagħna nitkellmu, naqsmu l-aktar ħwejjeġ mistura. Anki ma’ Ġesù nistgħu niddjalogaw. It-talb hu sfida u avventura. U x’avventura dik! Jagħtina li nsiru nafuh dejjem iżjed, li nidħlu fl-intimità tiegħu u li nikbru f’għaqda dejjem iktar b’saħħitha. Fit-talb nistgħu nirrakkontawlu dak kollu li ngħaddu minnu u nistgħu noqogħdu kollna fiduċja f’dirgħajh, u fl-istess waqt jirregalalna mumenti ta’ intimità u mħabba prezzjuża, fejn Ġesù jsawwab fina l-istess ħajja tiegħu. Meta nitolbu, qed “noqogħdu għal dak li hu daħħalna għalih”, qed nagħmlulu l-wisa’ “biex hu jista’ jaġixxi u jista’ jidħol u jista’ jirbaħ”.[81]

 

156. B’dan il-mod nistgħu naslu biex induqu din l-għaqda kontinwa miegħu, li hi aqwa minn dak kollu li nistgħu ngħixu ma’ persuni oħra: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20). La ċċaħħadx iż-żgħożija tiegħek minn dik il-ħbiberija. Mhux biss meta titlob tista’ tħossu qrib tiegħek. Tintebaħ li hu miexi miegħek il-ħin kollu. Ipprova skoprih u tgħix l-esperjenza sabiħa li taf li int dejjem imsieħeb minnu. Dan hu li għexu d-dixxipli ta’ Għemmaws meta, huma u mexjin fit-triq jitħaddtu mifxula, Ġesù daħal f’nofshom u “baqa’ miexi magħhom” (Lq 24:15). Hemm qaddis li kien jgħid li “l-Kristjaneżmu mhuwiex ġabra ta’ veritajiet li jeħtieġ nemmnu, ta’ liġijiet li jeħtieġ nosservaw, ta’ projbizzjonijiet. Għax hekk, jimbuttana flok jiġbidna. Il-Kristjaneżmu hu Persuna li ħabbitni tant li issa qiegħda titlob imħabbti. Il-Kristjaneżmu hu Kristu”.[82]

 

157. Ġesù jista’ jxierek liż-żgħażagħ kollha tal-Knisja f’ħolma waħda, “ħolma kbira u ħolma li kapaċi tinvolvi lil kulħadd. Il-ħolma li għaliha Ġesù ta ħajtu fuq is-salib u l-Ispirtu s-Santu ssawwab u ssiġilla bin-nar tiegħu dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin fil-qalb ta’ kull raġel u ta’ kull mara, fil-qalb ta’ kulħadd, […] hu ssiġillaha fit-tama li ssib il-wisa’ fejn tikber u tiżviluppa. Ħolma, ħolma jisimha Ġesù, miżrugħa mill-Missier: Alla bħalu, bħall-Missier, mibgħut mill-Missier bil-fiduċja li għad tikber u tgħammar f’kull qalb. Ħolma konkreta, li hi Persuna, li tbaqbaq fil-vini tagħna, li biha l-qalb tħabbat u togħla”.[83]

 

Jikbru u jimmaturaw

158. Ħafna żgħażagħ jinkwetaw fuq ġisimhom, huma u jippruvaw itejbu s-saħħa fiżika jew id-dehra tagħhom. Oħrajn iħabirku biex isaħħu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom, u hekk iħossuhom iktar ċerti minnhom infushom. Oħrajn jimmiraw iktar fl-għoli, jagħmlu sforz biex iħabirku iżjed u jfittxu żvilupp spiritwali. San Ġwann qal: “Ktibt lilkom, żgħażagħ, għax intom qawwija u l-kelma ta’ Alla qiegħda tgħammar fikom” (1 Ġw 2:14). Li jfittxu lill-Mulej, iħarsu l-Kelma tiegħu, ifittxu kif iwieġbu għaliha b’ħajjithom stess, jikbru fil-virtujiet, dan isaħħaħ il-qlub taż-żgħażagħ. Għalhekk hu meħtieġ li nżommu l-“konnessjoni” tagħna ma’ Ġesù, inkunu “fuq il-linja” miegħu, għax m’intix ħa tikber fil-ferħ u fil-qdusija biss bis-saħħa tiegħek innifsek u bl-intelliġenza li għandek. L-istess kif tara x’ħa tagħmel biex ma titlifx il-konnessjoni tal-internet, żgura ruħek li l-konnessjoni tiegħek mal-Mulej tkun attiva, u dan ifisser li ma twaqqafx id-djalogu fin-nofs, imma tisimgħu, tirrakkontalu l-ħwejjeġ tiegħek, u meta l-ideat tiegħek fuq x’għandek tagħmel mhumiex ċari, tistaqsih: “Ġesù, int kieku kont floki, x’kont tagħmel?”.[84]

 

159. Nittama li int tkun kapaċi tistma lilek innifsek daqshekk, tieħu lilek innifsek daqshekk bis-serjetà, li tfittex kif ħa tikber spiritwalment. Barra l-entużjażmu tipiku taż-żgħożija, hemm anki l-ġmiel ta’ min ifittex “is-sewwa, il-fidi, l-imħabba u s-sliem” (2 Tim 2:22). Dan ma jfissirx li għandek titlef l-ispontanjetà tiegħek, il-freskezza, il-ħeġġa, il-ħlewwa. Għax li nsiru adulti ma jfissirx inwarrbu l-aħjar valuri ta’ din il-fażi tal-ħajja. Inkella, il-Mulej jum wieħed għad jista’ jċanfrek: “Ftakart fil-ħlewwa ta’ żgħożitek, fl-imħabba tal-għerusija tiegħek, meta kont tiġri warajja fid-deżert” (Ġer 2:2).

 

160. Mill-banda l-oħra, anki wieħed adult irid jimmatura mingħajr ma jitlef il-valuri taż-żgħożija. Għax fir-realtà kull fażi tal-ħajja hi grazzja permanenti, fiha valur li m’għandux jgħaddi. Żgħożija li nkunu għexnieha tajjeb tibqa’ bħala esperjenza interjuri, u fil-ħajja adulta tiġi assimilata, tiġi approfondita u tissokta tagħti l-frott tagħha. Jekk hu tipiku ta’ żagħżugħ li jħossu miġbud mill-infinit li jinfetaħ u jibda,[85] ir-riskju tal-ħajja adulta, biċ-ċertezzi u l-kumditajiet tagħha, hu li tittraskura dejjem iżjed dan ix-xefaq u titlef dak il-valur li hu proprju tas-snin taż-żgħożija. Meta fil-verità għandu jseħħ bil-maqlub: nimmaturaw, nikbru u norganizzaw ħajjitna mingħajr ma nitilfu dik il-ġibda, dak il-ftuħ wiesa’, dak il-faxxinu għal realtà li hi dejjem xi ħaġa iżjed. F’kull waqt ta’ ħajjitna nistgħu nġeddu u nkabbru fina ż-żgħożija tagħna. Meta bdejt il-ministeru tiegħi bħala Papa, il-Mulej wessa’ l-ixfqa ta’ ħajti u tani żgħożija mġedda. L-istess ħaġa tista’ sseħħ lil koppja li ilha miżżewġa s-snin, jew lil monaku fil-monasteru tiegħu. Hemm ħwejjeġ li l-ewwel għandhom bżonn jintgħaġnu fis-snin, imma din il-maturazzjoni tista’ tgħix id f’id ma’ nar li jiġġedded, ma’ qalb dejjem żagħżugħa.

 

161. Li tikber ifisser tgħożż u sseddaq fik il-ħwejjeġ l-aktar prezzjużi li tagħtik iż-żgħożija, imma fl-istess waqt ifisser inkunu miftuħa biex insaffu dak li fina mhux tajjeb u biex nilqgħu doni ġodda mingħand Alla li qed isejħilna niżviluppaw dak li jiswa. Xi drabi, il-kumplessi ta’ inferjorità jistgħu jġibuk ma tridx tħares lejn id-difetti u d-dgħufijiet tiegħek, u b’dan il-mod tista’ tingħalaq għal dan il-proċess li fih tikber u timmatura. Imma int ħalli lil Alla jħobbok, hu li jħobbok hekk kif int, japprezzak u jirrispettak, imma joffrilek ukoll dejjem iżjed: iżjed ħbiberija miegħu, iżjed ħeġġa fit-talb, iżjed għatx għall-Kelma tiegħu, iżjed xewqa li tirċievi lil Kristu fl-Ewkaristija, iżjed rieda li tgħix l-Evanġelju tiegħu, iżjed qawwa interjuri, iżjed paċi u ferħ spiritwali.

 

162. Imma nfakkrek li ma tistax issir qaddis u ma tistax tilħaq il-milja tiegħek jekk toqgħod tikkopja lill-oħrajn. U lanqas li tixbah lill-qaddisin ma jfisser tikkopja l-mod kif huma kienu u għexu l-qdusija: “Hemm xhieda li jiswew biex jistimulawna u jimmotivawna, imma mhux biex infittxu li nikkopjawhom, għax dan jista’ anki jbegħidna mit-triq waħdanija u speċifika li l-Mulej żamm għalina”.[86] Int hemm bżonn tiskopri min int u tiżviluppa l-mod personali tiegħek kif tkun qaddis, indipendentement minn dak li jgħidu u jaħsbu l-oħrajn. Issir qaddis ifisser issir dejjem iżjed b’mod sħiħ dak li inti, dak li Alla ried joħlom u joħloq, u mhux fotokopja. Ħajtek jeħtieġ issir tqanqila profetika, tkun tnebbiħa għall-oħrajn, tħalli marka f’din id-dinja, dik il-marka unika li int biss tista’ tħalli. Mill-banda l-oħra, jekk tikkopja, tkun qed iċċaħħad lil din id-dinja, u anki lis-Sema, minn dak li ħadd iżjed ma jista’ joffri flokok. Infakkrek li San Ġwann tas-Salib, fil-Kantiku spiritwali tiegħu, kiteb li kull wieħed għandu japprofitta mill-pariri spiritwali tiegħu “skont il-għamla u d-daqs ta’ ruħu”,[87] għax Alla nnifsu ried juri l-grazzja tiegħu “lil xi wħud mod, u lil oħrajn mod ieħor”.[88]

 

Mixjiet ta’ fraternità

163. Il-maturazzjoni spiritwali tiegħek tesprimi ruħha fuq kollox fl-imħabba fraterna, ġeneruża, ħanina. Dan qalu San Pawl: “Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom” (1 Tess 3:12). Jalla tgħix dejjem iżjed dik l-“estasi” li tikkonsisti f’li toħroġ minnek innifsek biex tfittex il-ġid tal-oħrajn, sal-punt li tagħti ħajtek.

 

164. Meta laqgħa ma’ Alla tissejjaħ “estasi”, dan għax taqlagħna minna nfusna u terfagħna, maqbuda mill-imħabba u mill-ġmiel ta’ Alla. Imma nistgħu anki niġu mitluba noħorġu minna nfusna biex nagħrfu l-ġmiel moħbi f’kull bniedem, id-dinjità tiegħu, il-kobor tiegħu bħala xhud ta’ Alla u iben il-Missier. L-Ispirtu s-Santu jrid jimbuttana biex noħorġu minna nfusna, biex inħaddnu lill-oħrajn bl-imħabba u nfittxu l-ġid tagħhom. Għalhekk hu dejjem aħjar li l-fidi ngħixuha flimkien u nesprimu l-imħabba tagħna f’ħajja komunitarja, billi naqsmu ma’ żgħażagħ oħra l-imħabba tagħna, il-ħin tagħna, il-fidi tagħna u t-tħassib tagħna. Il-Knisja toffri bosta spazji differenti fejn nistgħu ngħixu l-fidi f’komunità, għax flimkien kollox isir eħfef.

 

165. Il-ġrieħi li ġarrabt jistgħu jwassluk għat-tentazzjoni tal-iżolament, biex tingħalaq fik innifsek, biex tiġma’ l-korla fik, imma qatt la tehda tisma’ s-sejħa ta’ Alla għall-maħfra. Kif għallmuna tajjeb l-Isqfijiet tal-Irwanda, “ir-rikonċiljazzjoni mal-persuna l-oħra l-ewwel u qabel kollox titlob minna li niskopru fiha l-ġmiel tax-xbieha ta’ Alla. […] F’din l-ottika, hu essenzjali nagħżlu l-midneb mid-dnub tiegħu u mill-offiża tiegħu, biex naslu għar-rikonċiljazzjoni awtentika. Dan ifisser li tobgħod id-deni li l-ieħor ikun għamillek, imma tibqa’ tħobbu għax tagħraf id-dgħufija tiegħu u tilmaħ fih ix-xbieha ta’ Alla”.[89]

 

166. Xi drabi l-enerġija, il-ħolm u l-entużjażmu kollu taż-żgħożija jiġu fix-xejn minħabba t-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna, fil-problemi tagħna, fis-sentimenti midruba, fit-tgergir u fil-kumditajiet. Tħallix jiġrilek dan, għax tispiċċa tixjieħ minn ġewwa u qabel iż-żmien. Kull età għandha s-sbuħija tagħha, u liż-żgħożija ma nistgħux inħalluha nieqsa mill-utopija komunitarja, mill-ħila li noħolmu flimkien, l-ixfqa kbar li lejhom inħarsu flimkien.

 

167. Alla jħobb il-ferħ taż-żgħażagħ u jistedinhom fuq kollox għal dik l-allegrija li nistgħu ngħixuha fil-komunjoni fraterna, u dak il-pjaċir ogħla ta’ min jaf jaqsam mal-oħrajn, għax “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35) u “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7). L-imħabba tal-aħwa tkattar il-ħiliet tagħna li nifirħu, għax tagħmilna kapaċi nifirħu bil-ġid tal-oħrajn: “Ifirħu ma’ min jifraħ” (Rum 12:15). Ħalli l-ispontanjetà u t-tqanqil taż-żgħożija tiegħek jinbidlu dejjem iżjed fl-ispontanjetà tal-imħabba fraterna, fil-freskezza li ġġagħalna nwieġbu dejjem bil-maħfra, bil-ġenerożità, bix-xewqa li nibnu l-komunità. Hemm qawl Afrikan li jgħid: “Jekk trid tħaffef, imxi waħdek. Jekk trid tasal ’il bogħod, imxi mal-oħrajn”. Ma nħallux lil min jisirqilna l-fraternità.

 

Żgħażagħ ħabrieka

168. Fil-fatt, quddiem realtà hekk mimlija bil-vjolenza u l-egoiżmu, iż-żgħażagħ xi kultant jistgħu jirriskjaw li jingħaqlu fi gruppi żgħar, u hekk iċaħħdu lilhom infushom mill-isfidi tal-ħajja fis-soċjetà, ta’ dinja vasta, stimolanti u b’tant ħtiġijiet. Iħossu li għandhom jgħixu l-imħabba fraterna, imma forsi l-grupp tagħhom sar sempliċiment titwil tal-jien tagħhom. Dan iktar isir gravi jekk il-vokazzjoni tal-lajk jifhmuha biss bħala servizz fi ħdan il-Knisja (letturi, akkolti, katekisti,…), u jinsew li l-vokazzjoni lajkali hi qabelxejn l-imħabba fil-familja u l-karità soċjali jew politika: huwa impenn konkret li jibda mill-fidi biex imbagħad jibni soċjetà ġdida, ifisser li jgħixu f’nofs id-dinja u fis-soċjetà biex jevanġelizzaw id-diversi oqsma tagħha, biex iseddqu l-paċi, il-ħajja ta’ flimkien, il-ġustizzja, id-drittijiet umani, il-ħniena, u hekk tikber is-Saltna ta’ Alla fid-dinja.

 

169. Nipproponi liż-żgħażagħ biex imorru lil hemm mill-gruppi tal-ħbieb u jibnu l-“ħbiberija soċjali, ifittxu l-ġid komuni. L-ostilità soċjali teqred. U familja tinqered minħabba l-ostilità. Pajjiż jinqered bl-ostilità. Id-dinja tinqered bl-ostilità. U l-ikbar ostilità hi l-gwerra. Illum il-ġurnata nistgħu naraw kif id-dinja qed tinqered minħabba l-gwerra. Għax mhumiex kapaċi joqogħdu bilqiegħda u jitkellmu. […] Kunu kapaċi toħolqu l-ħbiberija soċjali”.[90] Din mhix ħaġa ħafifa, għax dejjem ikun hemm bżonn inħallu xi ħaġa warajna, ikun hemm bżonn ninnegozjaw, imma jekk nagħmlu dan bil-ħsieb tal-ġid komuni f’moħħna naslu għall-esperjenza mill-isbaħ li nwarrbu għall-ġenb id-differenzi biex niġġieldu flimkien għal għan wieħed. Jekk jirnexxielna nsibu punti ta’ qbil bejnietna qalb tant differenzi, f’dan it-tħabrik, li jitlob is-sengħa u xi drabi jegħjina, biex nibnu pontijiet, biex nibnu paċi li tkun ta’ ġid għal kulħadd, dan ikun il-miraklu tal-kultura tal-laqgħa li ż-żgħażagħ jista’ jkollhom il-kuraġġ li jgħixu b’passjoni.

 

170. Is-Sinodu fehem li “anki jekk f’għamla differenti mill-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija, l-impenn soċjali hu aspett speċifiku taż-żgħażagħ tal-lum. Biswit ftit indifferenti, hemm ħafna oħrajn li huma disponibbli biex jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi ta’ volontarjat, ċittadinanza attiva u solidarjetà soċjali, li għandna nakkumpanjawhom u ninkuraġġuhom biex noħorġu t-talenti, il-kompetenzi u l-kreattività taż-żgħażagħ u ninċentivawhom jieħdu fuqhom ċerti responsabbiltajiet. L-impenn soċjali u l-kuntatt dirett mal-foqra jibqgħu okkażjoni fundamentali biex jistgħu jiskopru jew jinżlu iktar fil-fond tal-fidi u jagħmlu dixxerniment tal-vokazzjoni tagħhom. […] Ġiet osservata wkoll id-disponibbiltà għall-impenn fil-qasam politiku għall-bini tal-ġid komuni”.[91]

 

171. Illum, għall-grazzja ta’ Alla, il-gruppi taż-żgħażagħ fil-paroċċi, l-iskejjel, il-movimenti jew il-gruppi universitarji għandhom id-drawwa li jmorru jagħmlu kumpanija lill-anzjani u l-morda, jew li jżuru postijiet foqra, inkella jmorru flimkien jgħinu lil nies fil-bżonn fl-hekk imsejħa “ljieli tal-karità”. Spiss jintebħu li f’dawn l-attivitajiet dak li jirċievu hu bil-wisq iktar minn dak li jagħtu, għaliex titgħallem u timmatura ħafna meta ssib il-kuraġġ li tidħol f’kuntatt mat-tbatija tal-oħrajn. Barra minn hekk, hemm għerf moħbi fil-foqra, u huma, bi kliem sempliċi, jistgħu jgħinuna niskopru l-valuri li ma narawx b’għajnejna.

 

172. Żgħażagħ oħra jieħdu sehem fi programmi soċjali bl-għan li jibnu djar għal min m’għandux saqaf fuq rasu, jew li jtejbu l-qagħda ta’ postijiet imniġġsa, jew li jiġbru l-għajnuna għal min hu l-iktar fil-bżonn. Kieku sewwa din l-enerġija komunitarja tiġi applikata mhux biss għal azzjonijiet sporadiċi imma b’mod stabbli, b’oġġettivi ċari u b’organizzazzjoni tajba li tgħin biex titwettaq ħidma li tkompli iktar fit-tul u tkun effiċjenti. L-istudenti universitarji jistgħu jingħaqdu flimkien b’mod interdixxiplinari biex japplikaw dak li jafu ħalli jissolvew problemi soċjali, u f’din il-ħidma jistgħu jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ żgħażagħ ta’ Knejjes jew ta’ reliġjonijiet oħra.

 

173. Bħal fil-miraklu ta’ Ġesù, il-ħobżiet u l-ħutiet taż-żgħażagħ jistgħu jitkattru (ara Ġw 6:4-13). Kif jiġri fil-parabbola, iż-żerriegħa ċkejkna taż-żgħażagħ tikber f’siġar u frott għall-ħsad (ara Mt 13:23,31-32). Dan kollu jrid jitlaq mill-għajn ħajja tal-Ewkaristija, fejn il-ħobż u l-inbid tagħna jinbidel biex jagħtina l-Ħajja ta’ dejjem. Iż-żgħażagħ huma fdati b’ħidma kbira u iebsa. Bil-fidi tal-Irxoxt, jistgħu jaffrontawha bi kreattività u tama, dejjem fil-qadi, bħall-qaddejja ta’ dik il-festa tat-tieġ, kollaboraturi mistagħġba tal-ewwel sinjal ta’ Ġesù, li taw biss widen għall-amar ta’ Ommu: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Il-ħniena, il-kreattività u t-tama jseddqu l-ħajja u jkattruha.

 

174. Nixtieq nagħmlilkom il-qalb biex tieħdu f’idejkom din il-ħidma ħabrieka, għax jien naf li “l-qalb tiegħek, qalb żagħżugħa, trid tibni dinja aħjar. Insegwi l-aħbarijiet tad-dinja u nara li tant żgħażagħ f’tant partijiet tad-dinja ħarġu fit-toroq biex jesprimu x-xewqa tagħhom għal ċiviltà iktar ġusta u fraterna. Iż-żgħażagħ fit-toroq. Huma żgħażagħ li jridu jkunu protagonisti tal-bidla. Nitlobkom, tħallux li oħrajn ikunu l-protagonisti tal-bidla flokkom! Intom dawk li għandhom il-futur f’idejhom! Permezz tagħkom jidħol il-futur fid-dinja. Lilkom nitlob ukoll li tkunu protagonosti ta’ din il-bidla. Komplu irbħu l-apatija, biex toffru tweġiba Nisranija għat-taqlib soċjali u politiku, li qed jixref f’tant irkejjen tad-dinja. Nitlobkom li tkunu bennejja tad-dinja, biex timpenjaw ruħkom b’risq dinja aħjar. Għeżież żgħażagħ, nitlobkom, ‘tibqgħux gallarija’ quddiem il-ħajja, imma idħlu fiha. Ġesù ma qagħadx gallarija, imma ntefa’ kollu kemm hu ġol-ħajja. Tħarsux lejn il-ħajja ‘mill-gallarija’, imma ntefgħu fiha kif għamel Ġesù”.[92] Imma fuq kollox, b’xi mod jew ieħor, issieltu b’risq il-ġid komuni, kunu qaddejja tal-foqra, kunu protagonisti tar-rivoluzzjoni tal-imħabba u tal-qadi, kapaċi tirreżistu l-mard tal-individwaliżmu konsumista u superfiċjali.

 

Missjunarji kuraġġjużi

175. Innamrati ma’ Kristu, iż-żgħażagħ huma msejħa jagħtu xhieda tal-Evanġelju kullimkien bl-istess ħajjithom. San Albertu Hurtado kien jgħid illi “li tkun appostlu ma jfissirx li ġġorr xi midalja fuq il-pavru tal-ġlekk; ma jfissirx titkellem fuq il-verità, imma tgħixha, tlaħħamha fik, tinbidel fi Kristu. Li tkun appostlu ma jfissirx iġġorr musbieħ f’idejk, ikollok xi dawl, imma tkun int id-dawl […]. L-Evanġelju, […] iktar milli lezzjoni, huwa eżempju. Il-messaġġ li jinbidel f’ħajja li tingħax”.[93]

 

176. Il-valur tax-xhieda ma jfissirx li l-kelma għandha tiġi msikkta. Għaliex m’għandniex nitkellmu fuq Ġesù, għaliex m’għandniex nirrakkontaw lill-oħrajn li hu li jagħtina l-qawwa biex ngħixu, li hi ħaġa sabiħa titħaddet miegħu, li jagħmlilna tajjeb nimmeditaw kliemu? Żgħażagħ, la tħallux li d-dinja tkaxkarkom biex taqsmu biss il-ħwejjeġ negattivi jew tal-qoxra. Kunu kapaċi timxu kontra l-kurrent u agħrfu aqsmu lil Ġesù mal-oħrajn, għaddulhom il-fidi li hu takom b’don. Nawguralkom li tħossu f’qalbkom l-istess tqanqila irreżistibbli li ċaqilqet lil San Pawl biex wasal jistqarr: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16).

 

177. “Fejn qed jibgħatna Ġesù? M’hemmx konfini, m’hemmx limiti: jibgħatna għand kulħadd. L-Evanġelju huwa għal kulħadd u mhux għal ftit. Mhux għal dawk li jidhrilna li huma qribna, li jistgħu jilqgħuh aktar, li juru sens aktar ta’ ħbiberija. Huwa għal kulħadd. La tibżgħux tmorru u twasslu ’l Kristu f’kull ambjent, sal-periferiji eżistenzjali, anki lil dawk li jidhru l-aktar imbiegħda, l-aktar indifferenti. Il-Mulej ifittex lil kulħadd, irid li kulħadd iħoss is-sħana tal-ħniena tiegħu u tal-imħabba tiegħu”.[94] U jistedinna mmorru bla biża’ b’dik it-tħabbira missjunarja, kull fejn insibu ruħna u nkunu ma’ min inkunu, fejn noqogħdu, waqt l-istudju, fl-isport, meta noħorġu ma’ sħabna, aħna u nagħmlu l-volontarjat u fuq ix-xogħol, dejjem hu tajjeb u f’loku naqsmu l-ferħ tal-Evanġelju. Dan hu l-mod li bih il-Mulej joqrob lejn kulħadd. U jrid lilkom, żgħażagħ, bħala għodda tiegħu biex tirriflettu d-dawl u t-tama, għax irid iserraħ fuq il-kuraġġ tagħkom, fuq il-freskezza tagħkom u fuq il-ħeġġa tagħkom.

 

178. Ma nistgħux nippretendu li l-missjoni ħa tkun faċli u komda. Xi żgħażagħ għażlu li jagħtu ħajjithom minflok iħallu lil min iliġġmilhom dan iż-żelu missjunarju. L-Isqfijiet tal-Korea esprimew ruħhom b’dan il-mod: “Nittamaw li jirnexxielna nkunu ħabba tal-qamħ u għodda għas-salvazzjoni tal-umanità, fuq l-eżempju tal-martri. Imqar jekk il-fidi tagħna hi ċkejkna bħal żerriegħa tal-mustarda, Alla jkabbarha u jużaha bħala għodda għall-opra tiegħu ta’ salvazzjoni”.[95] Ħbieb tiegħi, toqogħdux tistennew li jasal għada biex tikkollaboraw għat-trasformazzjoni tad-dinja bl-enerġija tagħkom, bil-kuraġġ u l-kreattività tagħkom. Ħajjitkom mhix “sadattant”. Intom l-illum ta’ Alla, li jridkom tagħmlu l-frott.[96] Għaliex “meta nagħtu, aħna naqilgħu”,[97] u l-aħjar mod kif inħejju għal futur tajjeb hu li ngħixu tajjeb il-preżent b’dedikazzjoni u ġenerożità.


 

IS-SITT KAPITLU

Żgħażagħ li għandhom għeruq

 

179. Ġieli rajt siġar żgħar, sbieħ, bil-friegħi tagħhom merfugħa lejn is-sema dejjem jogħlew ’il fuq, u kienu qishom għanja ta’ tama. Imbagħad, wara xi tempesta, sibthom fl-art, bla ħajja. Billi għeruq ftit kellhom, kienu firxu l-friegħi tagħhom mingħajr ma niżżlu għeruqhom fil-fond tal-art, u hekk ċedew għall-ħbit tan-natura. Għalhekk qalbi tingħafas meta nara li hemm min qed jipproponi liż-żgħażagħ biex jibnu futur mingħajr għeruq, bħallikieku d-dinja bdiet issa. Għax “impossibbli li wieħed jikber jekk ma jkollux għeruq sodi u jkun wieqaf dritt u marbut mal-art. Faċli li titħawwad meta ma jkollokx ma’ fejn taqbad, ma’ fejn tiggranfa”.[98]

 

Tħallihomx jaqilgħuk mill-għeruq

180. Dan l-argument mhuwiex wieħed sekondarju, u jidhirli f’loku li niddedikalu kapitlu qasir. Biex nifhmuh, jeħtieġ nagħmlu d-differenza bejn il-ferħ taż-żgħożija u l-kult falz tagħha, li xi wħud jinqdew bih biex iħajru liż-żgħażagħ u jużawhom għall-iskopijiet tagħhom.

 

181. Aħsbu f’dan: jekk persuna tagħmlilkom proposta u tgħidilkom tinjoraw l-istorja, ma tgħożżux l-esperjenza tal-anzjani, tistmerru dak kollu li għadda u tħarsu biss lejn il-futur li tkun qed toffrilkom, forsi dan mhuwiex mod faċli kif tiġbidkom bil-proposta tagħha biex iġġagħalkom tagħmlu biss dak li qed tgħidilkom hi? Dik il-persuna trid li intom tkunu battala, maqlugħa minn għeruqkom, suspettużi fuq kollox, biex tistgħu tafdaw biss fil-wegħdiet tagħha u toqogħdu għall-pjanijiet tagħha. Hekk jaħdmu l-ideoloġiji ta’ bosta lwien, li jeqirdu (jew iżarmaw) dak kollu li hu differenti u b’dan il-mod jistgħu jaħkmu bla ma jsibu xejn x’jeħodha kontrihom. Għal dan l-iskop għandhom bżonn ta’ żgħażagħ li jistmerru l-istorja, li jiċħdu l-għana spiritwali u uman li għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra, li jinjoraw dak kollu li ġie qabilhom.

 

182. Fl-istess waqt, il-manipulaturi jinqdew b’riżorsa oħra: l-adorazzjoni taż-żgħożija, bħallikieku dak kollu li mhux żagħżugħ hu ta’ min iżebilħu u jtir mar-riħ. Il-ġisem żagħżugħ isir is-simbolu ta’ dan il-kult ġdid, u għalhekk dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dak il-ġisem jiġi meqjum fi speċi ta’ idolatrija u mixtieq bla tarf, u dak li mhux żagħżugħ iħarsu lejh bi stmerrija. Imma din hi arma li tispiċċa biex tbaxxi qabelxejn liż-żgħażagħ stess, u tbattalhom mill-valuri veri, għax tużahom għall-vantaġġi personali, ekonomiċi u politiċi tagħha.

 

183. Għeżież żgħażagħ, tħallux lil min jinqeda biż-żgħożija tagħkom b’risq ħajja superfiċjali, li tfixkel il-ġmiel mad-dehra. Imma agħrfu skopru li hemm ġmiel fil-ħaddiem li jerġa’ lura d-dar maħmuġ u żmattat, imma ferħan li ġab il-ħobż għal uliedu. Hemm ġmiel tal-għaġeb fil-komunjoni tal-familja miġbura madwar il-mejda u fil-ħobż maqsum b’ġenerożità, imqar jekk il-mejda hi fqira ħafna. Hemm ġmiel fil-mara miżżewġa b’xagħarha żgarfat u xi ftit imdaħħla fiż-żmien li tkompli tieħu ħsieb ta’ żewġha marid imqar jekk hi stess hi xiplija u bla saħħa. Minkejja li r-rebbiegħa tan-namur ilha li għaddiet, hemm ġmiel fil-fedeltà tal-koppji li jinħabbu fil-ħarifa tal-ħajja u f’dawk ix-xwejħa li jimxu jżommu jdejhom f’ta’ xulxin. Hemm ġmiel li jmur lil hemm mid-dehra jew mill-estetika tal-moda f’kull raġel u f’kull mara li jgħixu bi mħabba l-vokazzjoni personali tagħhom, fil-qadi diżinteressat lill-komunità, lil pajjiżhom, fix-xogħol ġeneruż għall-kuntentizza tal-familja, impenjati fil-ħidma iebsa, anonima u b’xejn, biex iġeddu l-ħbiberija soċjali. Meta niskopru, nikxfu u nuru dan il-ġmiel lid-dinja, li jfakkarna f’dak ta’ Kristu fuq is-salib, inkunu nqiegħdu s-sisien tas-solidarjetà soċjali vera u tal-kultura tal-laqgħa.

 

184. Flimkien mal-istrateġiji tal-kult falz taż-żgħożija u tad-dehra, illum qed naraw min jippromovi spiritwalità bla Alla, affettività bla komunità u bla impenn b’risq min qed ibati, biża’ mill-foqra għax narawhom bħala suġġetti perikulużi, u serje ta’ offerti li jippretendu li jistgħu jġagħluna nemmnu f’futur ġenna tal-art li ħa jibqa’ għal dejjem. Mhux dan li rrid nipproponilkom, u bl-imħabba kollha nixtieq niftħilkom għajnejkom biex ma tinħakmux minn din l-ideoloġija li mhux se tagħmilkom iżjed żgħażagħ imma sa tibdilkom fi lsiera. Nipproponilkom triq oħra, magħmula mil-libertà, mill-ħeġġa, mill-kreattività, minn ixfqa ġodda, imma fl-istess ħin waħda li tieħu ħsieb tal-għeruq li jsaħħu u jwieżnu.

 

185. F’din il-perspettiva, nixtieq nisħaq li “bosta Padri sinodali ġejjin minn kuntesti li mhumiex tal-Punent qalu kif fil-pajjiżi tagħhom il-globalizzazzjoni qed iġġib magħha xejriet veri ta’ kolonizzazzjoni kulturali, li jaqilgħu liż-żgħażagħ mill-appartenenzi kulturali u reliġjużi li minnhom ġejjin. Hemm bżonn ta’ impenn min-naħa tal-Knisja biex isseħibhom f’dan il-passaġġ mingħajr ma jwarrbu l-aspetti l-iżjed prezzjużi tal-identità tagħhom”.[99]

 

186. Illum teżisti t-tendenza li “nomoġenizzaw” iż-żgħażagħ, li nneħħu d-differenzi kollha li ġejjin mill-postijiet mnejn huma, biex nibdluhom f’suġġetti manipulabbli maħluqa f’serje. Hekk inkunu nipproduċu qerda kulturali, li hi gravi daqs l-estinzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u pjanti.[100] Għalhekk, f’messaġġ liż-żgħażagħ Indiġeni miġbura fil-Panama, stedintkom “tagħmlu tagħkom dawn l-għeruq, għax mill-għeruq tiġi l-qawwa li biha tikbru, twarrdu u tagħmlu l-frott”.[101]

 

Ir-relazzjoni tiegħek mal-anzjani

187. Fis-Sinodu ntqal li “ż-żgħażagħ iħarsu lejn il-futur u jaffrontaw il-ħajja b’enerġija u dinamiżmu. Imma […] xi drabi ftit jagħtu attenzjoni għall-memorja tal-passat li minnu ġejjin, b’mod partikulari tal-ħafna doni mgħoddija lilhom mill-ġenituri, min-nanniet, mill-bagalja kulturali tas-soċjetà li fiha jgħixu. Meta ngħinu liż-żgħażagħ jiskopru l-għana ħaj tal-imgħoddi, jagħmlu memorja tiegħu u jinqdew bih tajjeb għall-għażliet u l-possibbiltajiet tagħhom, dan ikun veru għemil ta’ mħabba lejhom fid-dawl tal-iżvilupp tagħhom u tal-għażliet li huma msejħa jagħmlu”.[102]

 

188. Il-Kelma ta’ Alla tirrakkomandalna biex ma nitilfux il-kuntatt mal-anzjani, ħalli hekk nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza tagħhom: “Oqgħod fejn jiltaqgħu x-xjuħ; u fejn hemm xi għaref oqgħod ħdejh. […] Jekk issib xi bniedem li jifhem, bakkar biex tmur għandu; u saqajk jaħfu l-għatba ta’ biebu” (Sir 6:34,36). Hu x’inhu, is-snin twal li huma għexu u dak kollu li għadda mingħalihom fil-ħajja għandhom iwassluna biex inħarsu lejhom b’rispett: “Qum quddiem ix-xiħ, b’xagħru abjad” (Lev 19:32), għax “il-foħrija taż-żgħażagħ hi saħħithom, u l-bjuda ta’ xagħarhom il-ġieħ tax-xjuħ” (Prov 20:29).

 

189. Il-Bibbja titlobna: “Isma’ minn missierek li tak il-ħajja, u tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ” (Prov 23:22). Il-kmandament li nweġġħu lil missierna u lil ommna hu “l-ewwel kmandament b’wegħda” (Efes 6:2; ara Eż 20:12; Dewt 5:16; Lev 19:3), u l-wegħda hi: “sabiex ikollok ir-risq u jtul għomrok fuq l-art” (Efes 6:3).

 

190. Dan ma jfissirx li int għandek taqbel f’kollox ma’ dak li jgħidu, lanqas li int għandek tapprova l-għemejjel kollha tagħhom. Żagħżugħ għandu jżomm dejjem spirtu kritiku. San Bażilju l-Kbir, meta jirriferi għall-Griegi tal-qedem, jirrakkomanda liż-żgħażagħ li jistmawhom, imma li jilqgħu biss it-tajjeb li dawn jistgħu jgħallmu.[103] Għandna sempliċiment inkunu miftuħa biex nixorbu mill-għerf li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, li kapaċi jgħix biswit il-miżerji umani, u li ma għandux għalfejn iwarrab quddiem il-ġdid tal-konsum u tas-suq.

 

191. Id-dinja la qatt kellha u lanqas sa jkollha bżonn ta’ qasma bejn il-ġenerazzjonijiet. Dawn huma l-għanjiet perikolużi ta’ futur bla għeruq. Hi l-gidba li trid tbellagħhielek li l-ġdid biss hu tajjeb u sabiħ. L-eżistenza tar-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet timplika li fil-komunitajiet ikun hemm post għall-memorja kollettiva, biex kull ġenerazzjoni terġa’ taqbad it-tagħlim tal-predeċessuri tagħha, u hekk tħalli wirt lis-suċċessuri tagħha. Dan jitlob kwadri ta’ riferiment biex nistgħu nibnu fis-sod soċjetà ġdida. Kif jgħid il-qawl: “Li ż-żagħżugħ kien jaf u x-xwejjaħ kien jiflaħ, ma kienx ikun hemm ħaġa li ma tistax issir”.

 

Ħolm u viżjonijiet

192. Fil-profezija ta’ Ġoel insibu bxara li dan tgħinna nifhmuh b’mod sabiħ ħafna. Tgħid hekk: “Wara dan, jiġri li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha. Uliedkom iħabbru, subien u bniet, ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet” (Ġoel 3:1; ara Atti 2:17). Jekk iż-żgħażagħ u x-xjuħ jiftħu qalbhom għall-Ispirtu s-Santu, flimkien jistgħu joħolqu żwieġ mill-isbaħ. L-anzjani joħolmu u ż-żgħażagħ ikollhom il-viżjonijiet. B’liema mod dawn iż-żewġ affarijiet iwettqu lil xulxin?

 

193. L-anzjani għandhom ħolm minsuġ minn tifkiriet, minn immaġni ta’ ħafna ħwejjeġ li għexu, immarkati mill-esperjenza u mis-snin. Jekk iż-żgħażagħ iniżżlu għeruqhom fil-ħolm tal-anzjani, jirnexxilhom jaraw il-ġejjieni, jista’ jkollhom viżjonijiet li jiftħulhom ix-xefaq quddiemhom u juruhom toroq ġodda. Imma jekk l-anzjani ma joħolmux, iż-żgħażagħ ma jistgħux jaraw iżjed ix-xefaq b’mod ċar.

 

194. Kemm hi ħaġa sabiħa meta, qalb il-ħwejjeġ li ħażnu l-ġenituri tagħna, insibu xi tifkira li tħallina nistħajlu dak li ħolmu għalina n-nanniet tagħna. Kull bniedem, diġà sa minn qabel twelidu, irċieva min-nanniet tiegħu, bħala rigal, il-barka ta’ ħolma mimlija mħabba u tama: dik ta’ ħajja aħjar. U jekk dan ma rċeviehx minn xi wieħed jew waħda min-nanniet tiegħu, żgur li kien xi bużnannu li ħolomha u thenna biha għalih, huwa u jitgħaxxaq b’uliedu u jiggosta lin-neputijiet tiegħu fil-benniena tagħhom. L-ewwel ħolma, il-ħolma ħallieqa ta’ Alla Missierna, ġiet qabel l-istess ħajja ta’ wliedu kollha u tissokta sseħibha. Li nfakkru din il-barka, li tinfirex minn nisel għal nisel, hu wirt prezzjuż li għandna nżommuh ħaj biex aħna wkoll nistgħu ngħadduh lil ta’ warajna.

 

195. Għalhekk tajjeb inħallu lill-anzjani jirrakkontawlna fit-tul, rakkonti li xi drabi jidhru mitoloġiċi, kollha fantasija – huma l-ħolmiet tal-anzjani – imma ħafna drabi huma mimlija b’esperjenza prezzjuża, b’simboli elokwenti, b’messaġġi moħbija. Dawn ir-rakkonti jitolbu ż-żmien, u li minn jeddna noqogħdu nisimgħu u ninterpretaw bis-sabar, għax mhux ħa jesgħu f’messaġġ tax-xbieki soċjali. Irridu nifhmu li l-għerf kollu li għandna bżonn għal ħajjitna ma jistax jiġi msakkar ġewwa l-limiti li jimponu fuqna r-riżorsi tal-komunikazzjoni li aħna mgħammra bihom illum.

 

196. Fil-ktieb L-għerf taż-żmien[104] esprimejt xi xewqat f’għamla ta’ mistoqsijiet. “X’nixtieq nitlobhom lill-anzjani, li fosthom ngħodd anki lili nnifsi? Nitlob li nkunu ħarriesa tal-memorja. Aħna n-nanniet jeħtieġ nagħmlu kor. Nistħajjel lill-anzjani qishom il-kor permanenti ta’ santwarju spiritwali importanti, fejn it-talbiet ta’ supplika u l-għana ta’ ġieħ iwieżnu l-komunità sħiħa li qed taħdem u titqabad fl-għalqa tal-ħajja”.[105] Kemm hi ħaġa sabiħa li “ż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll, ix-xjuħ flimkien mat-tfal: [ħa] jfaħħru isem il-Mulej” (Salm 148:12-13).

 

197. X’nistgħu nagħtuhom liż-żgħażagħ aħna l-anzjani? “Liż-żgħażagħ tal-lum li qed jgħixu bħal f’ħallata ballata l-ambizzjonijiet erojċi u l-inċertezzi tagħhom, nistgħu nfakkruhom li ħajja bla mħabba hi ħajja vojta”.[106] X’nistgħu ngħidulhom? “Liż-żgħażagħ imbeżżgħa nistgħu ngħidulhom li l-ansjetà dwar il-futur tista’ tiġi megħluba”.[107] X’nistgħu ngħallmuhom? “Liż-żgħażagħ moħħhom iżżejjed fihom infushom nistgħu ngħallmuhom li hemm iktar ferħ f’li tagħti milli f’li tirċievi, u li l-imħabba ma nuruhiex biss bit-tpaċpiċ, imma anki bl-għemejjel tagħna”.[108]

 

Nirriskjaw flimkien

198. L-imħabba li tingħata u li taġixxi, tiżbalja kemm-il darba. Min jagħmel xi ħaġa, min jirriskja, spiss jagħmel ukoll żbalji. Dwar dan, tista’ tkun interessanti għalina x-xhieda ta’ Maria Gabriela Perin, iltima minn missierha sa mit-twelid, li tirrifletti fuq kif dan influwenza lil ħajjitha, f’relazzjoni li ma damitx imma li għamlet minnha omm u issa nanna: “Dak li naf hu li Alla kapaċi joħloq l-istejjer. Fil-ġenju tiegħu u fil-ħniena tiegħu, hu jaqbad it-trijonfi u l-fallimenti tagħna u jinseġ arazzi l-ġmiel tagħhom imma mimlija ironija. Fuq wara tat-tessut dan jista’ jidher imberfel u bil-fili kollha mgerfxa – il-ġrajjiet ta’ ħajjitna – u forsi hija dik in-naħa li ma tħalliniex fil-paċi meta jiġuna d-dubji. Madankollu, in-naħa t-tajba tal-arazz turi storja mill-isbaħ, u din hi n-naħa li jara Alla”.[109] Meta l-persuni anzjani jħarsu b’attenzjoni lejn il-ħajja, spiss jifhmu minnufih xi jkun hemm wara l-fili mgerfxa u jagħrfu dak li Alla kapaċi jwettaq b’mod kreattiv imqar bl-iżbalji tagħna.

 

199. Jekk nimxu flimkien, żgħażagħ u anzjani, kapaċi nniżżlu għeruqna sew fil-preżent u, minn din il-pożizzjoni, inżuru kemm l-imgħoddi u kemm il-ġejjieni: inżuru l-imgħoddi, biex nitgħallmu mill-istorja u biex infejqu l-ġrieħi li xi drabi jikkundizzjonawna; inżuru l-ġejjieni, biex nitħeġġu aktar, inħallu l-ħolm tagħna jinbet, inqanqlu l-profeziji, u t-tama twarrad. B’dan il-mod, magħqudin, nistgħu nitgħallmu minn xulxin, insaħħnu l-qlub, u l-ħsibijiet tagħna jitnebbħu mid-dawl tal-Evanġelju u dirgħajna jiksbu qawwa ġdida.

 

200. L-għeruq mhumiex ankri li jorbtuna ma’ epoki oħra u jżommuna milli ninkarnaw fid-dinja tal-lum biex inwelldu xi ħaġa ġdida. Bil-maqlub, fejn hemm l-għeruq nistgħu nikbru u nwieġbu għall-isfidi ġodda. Għalhekk, li jiswa mhux “li noqogħdu bilqiegħda biex niftakru b’nostalġija fiż-żminijiet l-imgħoddija; jeħtieġ ngħożżu l-kultura tagħna b’realiżmu u mħabba u nimlewha bl-Evanġelju. Aħna llum mistiedna nxandru l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù liż-żminijiet il-ġodda. Għandna nħobbu liż-żmien li qed ngħixu fih bil-possibbiltajiet u r-riskji tiegħu, bil-ferħat u t-tbatijiet tiegħu, bl-għana u l-limiti tiegħu, bis-suċċessi u l-iżbalji tiegħu”.[110]

 

201. Fis-Sinodu, wieħed mill-mistiedna, żagħżugħ mill-gżejjer ta’ Samoa, qal li l-Knisja hi bħal kenura, fejn l-anzjani jgħinu biex tinżamm ir-rotta t-tajba billi jaqraw il-kwiekeb, u ż-żgħażagħ jaqdfu b’saħħithom kollha huma u jistħajlu x’hemm jistenniehom iktar ’il quddiem. Ejjew ma nitilfux ir-rotta, la minħabba fiż-żgħażagħ li jaħsbu li l-adulti huma passat li m’għadux jgħodd, li diġà superat, u lanqas minħabba l-adulti li jaħsbu li dejjem jafu kif suppost iġibu ruħhom iż-żgħażagħ. Pjuttost, ejjew nitilgħu lkoll fuq l-istess kenura u flimkien infittxu dinja aħjar, imqanqla min-nifs dejjem ġdid tal-Ispirtu s-Santu.


 

IS-SEBA’ KAPITLU

Il-pastorali maż-żgħażagħ

 

202. Il-pastorali maż-żgħażagħ, hekk kif konna mdorrijin nagħmluha, kellha tħabbat wiċċha mal-ħbit tal-bidliet soċjali u kulturali. Iż-żgħażagħ, fl-istrutturi tradizzjonali, spiss m’għadhomx isibu t-tweġibiet għat-tħassib tagħhom, għall-bżonnijiet tagħhom, għall-problemi u l-ġrieħi tagħhom. Li dejjem qed jikbru u jixterdu iżjed l-għaqdiet u l-movimenti b’karatteristiċi prevalentement żgħażagħ jista’ jiġi interpretat bħala azzjoni tal-Ispirtu li jiftaħ toroq ġodda. Madankollu, hemm bżonn iniżżlu iktar fil-fond is-sehem tagħhom fil-pastorali ta’ flimkien fil-Knisja, kif ukoll li jfittxu komunjoni ikbar bejniethom f’kordinament aħjar ta’ azzjoni. Anki jekk mhux dejjem faċli tiġbor iż-żgħażagħ flimkien, qed nikbru f’żewġ aspetti: l-għarfien li hija l-komunità kollha li tevanġelizza u l-urġenza li ż-żgħażagħ ikunu iżjed protagonisti fil-proposti pastorali.

 

Pastorali sinodali

203. Nixtieq nisħaq li ż-żgħażagħ infushom huma atturi tal-pastorali maż-żgħażagħ, imsieħba u ggwidati, imma liberi li bi kreattività u kuraġġ isibu toroq dejjem ġodda. Għalhekk, ma jkun jiswa xejn li hawnhekk nieqaf biex nipproponi xi għamla ta’ manwal ta’ pastorali maż-żgħażagħ jew gwida prattika ta’ pastorali. Pjuttost nixtieq nirrikorri għall-għaqal, l-intelliġenza u l-għarfien li l-istess żgħażagħ għandhom tas-sensibbiltà, tal-lingwaġġ u tal-problemi taż-żgħażagħ l-oħra.

 

204. Huma juruna kemm hemm bżonn insibu stili u strateġiji ġodda. Ngħidu aħna, waqt li l-adulti jfittxu li jkollhom kollox ipprogrammat, b’laqgħat perjodiċi u ħinijiet fissi, illum il-parti l-kbira taż-żgħażagħ ftit li xejn iħossuhom miġbuda lejn dawn l-iskemi pastorali. Il-pastorali maż-żgħażagħ għandha bżonn tikseb flessibbiltà oħra u tistieden liż-żgħażagħ għal avvenimenti li kultant joffrulhom post fejn mhux biss jirċievu formazzjoni, imma fejn ikunu wkoll jistgħu jaqsmu ħajjithom, jiffesteġġjaw, ikantaw, jisimgħu xhieda konkreta u jduqu l-laqgħa komunitarja ma’ Alla l-ħaj.

 

205. Min-naħa l-oħra, żgur li jkun ta’ ġid kbir jekk infittxu iżjed prattiċi tajba: dawk il-metodoloġiji, dawk il-lingwaġġi, dawk il-motivazzjonijiet li rriżultaw effettivament attraenti biex iqarrbu liż-żgħażagħ lejn Kristu u lejn il-Knisja. Ma jimpurtax ta’ liema lewn huma, jekk hux “konservattivi jew progressivi”, jew hux “tal-lemin jew tax-xellug”. L-importanti hu li nagħmlu tagħna dak kollu li ta riżultati tajba u li jista’ jkun effikaċi biex inwasslu l-ferħ tal-Evanġelju.

 

206. Il-pastorali maż-żgħażagħ ma tistax ma tkunx sinodali, jiġifieri kapaċi tagħti bixra lil “mixja flimkien” li timplika “valorizzazzjoni tal-kariżmi li l-Ispirtu jagħti skont il-vokazzjoni u r-rwol ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tiegħu, permezz ta’ dinamiżmu ta’ korresponsabbiltà. […] Moħjija minn dan l-Ispirtu, nistgħu nimxu lejn Knisja parteċipattiva u korresponsabbli, li kapaċi tivvalorizza l-għana tal-varjetà li minnha magħmula, u tilqa’ bil-gratitudni anki s-sehem tal-fidili lajċi, fosthom żgħażagħ u nisa, dak tal-ħajja kkonsagrata femminili u maskili, u dak tal-gruppi, għaqdiet u movimenti. Ħadd ma għandu jitwarrab jew iwarrab”.[111]

 

207. Hekk, b’dak li nitgħallmu wieħed mill-ieħor, nistgħu nirriflettu aħjar dak il-wiċċ ta’ ħafna xorta li għandha tkun il-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Hi tista’ tiġbed lejha ż-żgħażagħ proprju għax mhix unità monolitika, imma xibka ta’ bosta doni li l-Ispirtu jsawwab fiha bla waqfien, biex jagħmilha dejjem ġdida minkejja l-miżerji tagħha.

 

208. Fis-Sinodu ħarġu ħafna proposti konkreti bl-għan li nġeddu l-pastorali maż-żgħażagħ u neħilsu minn skemi li m’għadhomx effikaċi għax ma jidħlux fi djalogu mal-kultura taż-żgħażagħ tal-lum. Huwa ċar li mhux possibbli niġborhom kollha hawn; xi wħud minnhom jinsabu fid-Dokument Finali tas-Sinodu.

 

Linji kbar ta’ azzjoni

209. Hawn nixtieq biss infakkar fil-qosor li l-pastorali maż-żgħażagħ titlob żewġ linji kbar ta’ azzjoni. Waħda hi ­t-tiftixa, l-istedina, is-sejħa li tiġbed żgħażagħ ġodda lejn l-esperjenza tal-Mulej. L-oħra hi t-tkabbir, l-iżvilupp ta’ mixja ta’ maturazzjoni ta’ min diġà għex dik l-esperjenza.

 

210. Dwar l-ewwel punt, it-tiftixa, għandi fiduċja fil-ħila taż-żgħażagħ infushom, li jafu jsibu t-toroq attraenti kif jistiednu. Jafu jorganizzaw festivals, kompetizzjonijiet sportivi, u jafu wkoll jevanġelizzaw fix-xbieki soċjali b’messaġġi, kanzunetti, filmati u interventi oħra. Jeħtieġ biss inħeġġu liż-żgħażagħ u nagħtuhom il-libertà li jaħdmu biex jitkebbsu bl-entużjażmu għall-missjoni fl-ambjenti taż-żgħażagħ. L-ewwel tħabbira tista’ twassal għal esperjenza qawwija ta’ fidi waqt irtir li jħalli impatt, konverżazzjoni f’bar, mument ta’ pawsa fil-fakultà tal-università, jew permezz ta’ waħda mit-toroq misterjużi ta’ Alla. Imma l-aktar ħaġa importanti hi li kull żagħżugħ isib il-kuraġġ li jiżra’ l-ewwel tħabbira f’dik l-art għammiela li hi l-qalb ta’ żagħżugħ ieħor.

 

211. F’din it-tiftixa għandu post speċjali l-lingwaġġ tal-qrubija, il-lingwaġġ tal-imħabba diżinteressata, relazzjonali u eżistenzjali li jmiss il-qalb, jilħaq il-ħajja, iqanqal it-tama u x-xewqat. Hemm bżonn nersqu qrib taż-żgħażagħ bil-grammatika tal-imħabba, u mhux bil-proselitiżmu. Il-lingwaġġ li jifhmu ż-żgħażagħ hu dak ta’ dawk li jagħtu ħajjithom, li qegħdin hemm minħabba fihom u għalihom, u ta’ dawk li, minkejja l-limiti u d-dgħufijiet tagħhom, jippruvaw jgħixu l-fidi b’mod koerenti. Fl-istess waqt, irridu nfittxu mill-ġdid u b’sensibbiltà ikbar kif ħa nlaħħmu l-kerygma fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ tal-lum.

 

212. Fejn jidħol it-tkabbir, nixtieq nagħmel twissija importanti. F’xi postijiet qed jiġri li, wara li nkunu qanqalna fiż-żgħażagħ esperjenza qawwija ta’ Alla, laqgħa ma’ Ġesù li tkun messet il-qalb tagħhom, nipproponulhom laqgħat ta’ “formazzjoni” fejn jiġu affrontati biss kwistjonijiet duttrinali u morali: fuq il-ħażen fid-dinja tal-lum, fuq il-Knisja, fuq id-duttrina soċjali, fuq il-kastità, fuq iż-żwieġ, fuq il-kontroll tat-twelid u fuq temi oħra. Ir-riżultat ikun li ħafna żgħażagħ jiddejqu, jitilfu dak in-nar imkebbes fihom mil-laqgħa ma’ Kristu u l-ferħ li jimxu warajh, ħafna jitilqu l-mixja u oħrajn isiru mdejqa u negattivi. Ejjew inrażżnu din it-tensjoni li rridu ngħaddu kwantità kbira ta’ kontenut duttrinali u, fuq kollox, infittxu li noħolqu u nsaħħu l-esperjenzi kbar li jwieżnu l-ħajja Nisranija. Kif qal Romano Guardini: “Fl-esperjenza ta’ mħabba kbira […] kulma jseħħ isir ġrajja fil-qafas tagħha”.[112]

 

213. Kull proġett ta’ formazzjoni, kull mixja biex tgħin liż-żgħażagħ jikbru, bla dubju ta’ xejn għandu jkun fiha formazzjoni duttrinali u morali. Hu daqstant ieħor importanti li tkun iddur fuq żewġ fusien ewlenin. Wieħed hu li ninżlu iktar fil-fond tal-kerygma, l-esperjenza fundamentali tal-laqgħa ma’ Alla permezz ta’ Kristu li miet u rxoxta. L-ieħor hu li nikbru fl-imħabba bejnietna, fil-ħajja komunitarja, fil-qadi.

 

214. Dwar dan sħaqt qatigħ fl-Evangelii gaudium u jidhirli li jixraq infakkru hawn. Minn naħa, ikun żball serju ħafna li naħsbu li fil-pastorali maż-żgħażagħ “il-kerygma għandha titħalla fil-ġenb biex tagħmel wisa’ għal formazzjoni li suppost hi aktar ‘solida’. M’hemm xejn iżjed solidu, profond, żgur, konsistenti u għaref minn din it-tħabbira. Il-formazzjoni Nisranija kollha hi qabelxejn l-approfondiment tal-kerygma li tkompli titlaħħam dejjem iżjed u aħjar”.[113] Għalhekk, il-pastorali maż-żgħażagħ għandha dejjem tinkludi mumenti li jgħinuhom iġeddu u jinżlu iktar fil-fond tal-esperjenza personali tal-imħabba ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu ħaj. Dan tagħmlu billi tfittex bosta riżorsi: xhieda, kant, mumenti ta’ adorazzjoni, spazji ta’ riflessjoni spiritwali bl-Iskrittura Mqaddsa, u anki b’bosta tqanqiliet permezz tax-xbieki soċjali. Imma din l-esperjenza hienja tal-laqgħa mal-Mulej m’għandha qatt teħdilha postha xi għamla ta’ “induttrinament”.

 

215. Min-naħa l-oħra, kull pjan ta’ pastorali maż-żgħażagħ bl-iktar mod ċar għandu jinkorpora fih bosta mezzi u riżorsi biex jgħin liż-żgħażagħ jikbru fil-fraternità, biex jgħixu bħala aħwa, biex jgħinu lil xulxin, biex isawru komunità, biex jaqdu lill-oħrajn, biex ikunu qrib tal-foqra. Jekk l-imħabba tal-aħwa hi l-“kmandament ġdid” (Ġw 13:34), jekk hi l-“milja tal-Liġi” (Rum 13:10), jekk hi dak li juri bl-aħjar mod l-imħabba tagħna għal Alla, allura għandu jkollha post relevanti f’kull pjan ta’ formazzjoni u ta’ żvilupp tal-ħajja taż-żgħażagħ.

 

Ambjenti li jixirqu

216. Fl-istituzzjonijiet tagħna kollha jeħtieġ niżviluppaw u nsaħħu ħafna iżjed il-ħiliet tagħna ta’ kif nilqgħu b’qalb miftuħa, għax ħafna żgħażagħ li jiġu għandna jkunu sabu ruħhom f’qagħda profonda ta’ ltiema. U m’iniex nirriferi għal kunflitti partikulari fil-familji, imma għal esperjenza li tolqot bl-istess mod tfal, żgħażagħ u adulti, ommijiet, missirijiet u wlied. Għal ħafna ltiema ta’ żmienna – forsi għalina wkoll – il-komunitajiet bħall-parroċċa u l-iskola għandhom joffru mixjiet ta’ mħabba b’xejn u promozzjoni, ta’ affermazzjoni u maturazzjoni. Ħafna żgħażagħ illum qed iħossuhom ulied il-falliment, għax il-ħolm tal-ġenituri tagħhom u tan-nanniet tagħhom safa maħruq fuq l-arblu tal-inġustizzja, tal-vjolenza soċjali, ta’ “ħa jsalva min jista’”. Kemm nies qed jispiċċaw maqlugħa minn għeruqhom! Jekk iż-żgħażagħ kibru f’dinja tal-irmied, mhux faċli għalihom iżommu mkebbes in-nar tax-xewqat u l-proġetti kbar. Jekk telgħu f’deżert battal minn kull sens, kif jista’ jkollhom ix-xewqa li jissagrifikaw ruħhom biex jiżirgħu l-ġdid? L-esperjenza li qed jgħixu, maqtugħin mill-imgħoddi, maqlugħin mill-għeruq, u mingħajr dawk iċ-ċertezzi fundamentali tal-ħajja, flimkien mal-kultura medjatika tal-lum, qed jipprovokaw dik is-sensazzjoni qawwija ta’ ltiema li għaliha jeħtieġ inwieġbu billi noħolqu spazji fraterni u attraenti fejn wieħed jista’ jgħix bis-sens.

 

217. Li nibnu “dar” bla dubju ta’ xejn ifisser “nibnu familja; nitgħallmu nħossuna magħquda ma’ xulxin lil hemm mir-rabtiet utilitaristiċi jew funzjonali, magħquda b’mod li nħossu l-ħajja ftit iżjed umana. Nibnu dar ifisser li nħallu l-profezija titlaħħam u tagħmel is-sigħat u l-jiem tagħna inqas ostili, inqas indifferenti u inqas anonimi. Ifisser noħolqu rabtiet li jinbnew b’ġesti sempliċi, ta’ kuljum u li lkoll nistgħu nagħmlu. Kull dar, kif nafu tajjeb, għandha bżonn tal-kollaborazzjoni ta’ kulħadd. Ħadd ma jista’ jibqa’ indifferenti jew barrani, għax kull wieħed u waħda hu ġebla bżonnjuża għall-binja tagħha. Dan ifisser li nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li nitgħallmu nistabru, li nitgħallmu naħfru lil xulxin; nitgħallmu ta’ kuljum nibdew mill-ġdid. U kemm-il darba għandna naħfru u nibdew mill-ġdid? Sebgħa u sebgħin darba, id-drabi kollha li hemm bżonn. Il-ħolqien ta’ relazzjonijiet b’saħħithom jitlob il-fiduċja li tikber ta’ kuljum bis-sabar u l-maħfra. U hekk jitwettaq il-miraklu li nħossu li hawn qed nitwieldu mill-ġdid; hawn ilkoll qed nitwieldu mill-ġdid għax inħossu sħiħa ż-żegħila ta’ Alla li tagħtina li noħolmu dinja iżjed umana u, għalhekk, iżjed divina”.[114]

 

218. F’dan ix-xenarju, fl-istituzzjonijiet tagħna rridu noffru liż-żgħażagħ postijiet tajbin, li huma jistgħu jmexxu kif jixtiequ huma u fejn jistgħu jidħlu u joħorġu bla xkiel, postijiet li jilqgħuhom u fejn jistgħu jinġabru minn jeddhom u b’fiduċja biex jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra kemm fil-mumenti ta’ tbatija u meta jkunu mxebbgħin, u kemm meta jixtiequ ma’ min jiċċelebraw il-ferħ tagħhom. Xi ħaġa simili rnexxielhom jagħmlu ċerti oratorji u ċentri oħra taż-żgħażagħ, li f’ħafna każi huma l-ambjent li fih iż-żgħażagħ jgħixu esperjenzi ta’ ħbiberija u ta’ namur, fejn jiltaqgħu, jistgħu jaqsmu flimkien mużika, attivitajiet ta’ rikreazzjoni, sport, u anki r-riflessjoni u t-talb, b’sussidji ċkejkna u diversi proposti. B’dan il-mod tinfetaħ it-triq għal dik it-tħabbira indispensabbli minn persuna għall-oħra, li l-ebda riżorsa jew strateġija pastorali ma tista’ teħdilha postha.

 

219. “Il-ħbiberija u l-konfront, spiss ukoll fi gruppi ftit jew wisq stutturati, joffrulhom l-opportunità li jsaħħu l-kompetenzi soċjali u relazzjonali f’kuntest li fih ma jiġux mgħarbla jew iġġudikati. L-esperjenza tal-grupp hi wkoll riżorsa kbira għall-qsim tal-ħajja tal-fidi u għall-għajnuna reċiproka fix-xhieda. Iż-żgħażagħ kapaċi jiggwidaw żgħażagħ oħrajn u jgħixu appostolat veru qalb sħabhom”.[115]

 

220. Dan ma jfissirx li għandhom jiżolaw ruħhom u jitilfu kull kuntatt mal-komunitajiet parrokkjali, il-movimenti jew l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Knisja. Imma huma jidħlu aħjar f’komunitajiet miftuħa, ħajjin fil-fidi, li jixtiequ jirriflettu d-dawl ta’ Ġesù Kristu, hienja, ħielsa, fraterni u ħabrieka. Dawn il-komunitajiet jistgħu jkunu l-kanali li fihom huma jħossu li jistgħu jrawmu relazzjonijiet prezzjużi.

 

Il-pastorali tal-istituzzjonijiet edukattivi

221. L-iskola hi bla dubju ta’ xejn pjattaforma biex inkunu qrib tat-tfal u taż-żgħażagħ. Hi post ipprivileġġjat għall-promozzjoni tal-persuna, u għalhekk il-komunità Nisranija dejjem kellha għaliha attenzjoni kbira, kemm billi ffurmat għalliema u diriġenti, u kemm billi waqqfet l-iskejjel tagħha, ta’ kull għamla u grad. F’dan il-qasam l-Ispirtu qanqal għadd bla tarf ta’ kariżmi u xhieda ta’ qdusija. Madankollu, l-iskola għandha bżonn urġenti li tagħmel kritika tagħha nfisha, jekk wieħed iqis ir-riżultati tal-pastorali ta’ ħafna istituzzjonijiet edukattivi, pastorali kkonċentrata fuq it-tagħlim reliġjuż li spiss mhux qed jasal biex iqanqal esperjenzi ta’ fidi fit-tul. Barra dan, hemm xi skejjel Kattoliċi li donnhom organizzati biss biex jikkonservaw dak li hemm s’issa. Minħabba l-biża’ mill-bidla ma jafux jissaportu l-inċertezza u jispiċċaw jingħalqu quddiem il-perikli, veri jew mistħajla, li kull bidla ġġib magħha. L-iskola li tinbidel f’“bunker” li jipproteġi mill-iżbalji “ta’ barra” hi l-karikatura ta’ din it-tendenza. Din ix-xbieha tirrifletti b’mod provokatorju dak li jħossu ħafna żgħażagħ meta jiġu biex joħorġu minn ċerti istituti edukattivi: diskrepanza kbira bejn dak li għallmuhom u d-dinja li fiha jsibu ruħhom. Lanqas il-proposti reliġjużi u morali li rċivew ma jkunu ħejjewhom biex jikkonfrontaw ruħhom ma’ dinja li twaqqagħhom għaż-żuffjett, u ma jkunux tgħallmu modi kif jitolbu u kif jgħixu l-fidi li jħaddnu qalb ir-ritmu ta’ din is-soċjetà. Fir-realtà, fost l-ikbar ferħat ta’ edukatur hemm dak li jara student tiegħu jikber f’persuna b’saħħitha, integrata, protagonista u kapaċi tagħti.

 

222. L-iskola Kattolika tibqa’ essenzjali bħala spazju ta’ evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ. Importanti nżommu quddiem għajnejna xi kriterji li jistgħu jnebbħuna u li huma indikati fil-Kostituzzjoni appostolika Veritatis gaudium fid-dawl tat-tiġdid u t-titjib tal-iskejjel u tal-universitajiet “fi ħruġ” missjunarju, jiġifieri: l-esperjenza tal-kerygma, id-djalogu fuq kull livell, l-interdixxiplinarjetà u t-transdixxiplinarjetà, il-promozzjoni tal-kultura tal-laqgħa, il-ħtieġa urġenti li noħolqu “xbieki” u l-għażla tal-foqra, favur dawk li s-soċjetà tiskarta u tarmi.[116] U anki l-ħila li nintegraw flimkien l-għerf tal-moħħ, tal-qalb u tad-dirgħajn.

 

223. Min-naħa l-oħra, ma nistgħux nifirdu l-formazzjoni spiritwali mill-formazzjoni kulturali. Il-Knisja minn dejjem riedet tiżviluppa għaż-żgħażagħ spazji għall-aqwa kultura. M’għandhiex terġa’ lura minnhom, għax iż-żgħażagħ għandhom dritt għalihom. “B’mod speċjali llum, id-dritt għall-kultura jfisser li wieħed ikollu d-dritt ikabbar ġo fih l-għerf u t-tagħlim, jiġifieri togħma umana u umanizzanti li tagħmel lil dak li jkun dejjem aktar uman. Ħafna drabi, nikkundizzjonaw ruħna b’mudelli ta’ ħajja banali, u ta’ ftit jew xejn importanza, mudelli ta’ ħajja li jmexxu lil dak li jkun lejn suċċess irħis, li ma jagħtux valur lis-sagrifiċċju, li jdaħħlu f’moħħ dak li jkun l-idea li l-istudju mhux ta’ siwi jekk ma jagħtihx xi ħaġa malajr u konkreta. Le, l-istudju jitlob li wieħed jistaqsi ċerti mistoqsijiet lilu nnifsu, li wieħed ma jintilifx wara affarijiet banali u li wieħed dejjem ifittex is-sens tal-ħajja u fil-ħajja. Għandna nagħmlu enfasi li ma nħallux lil tant ‘sireni’ jsaħħruna għal warajhom u ma jħalluniex nagħmlu dan it-tiftix. Ulisse, biex ma jċedix għall-kant tassew sabiħ tas-sireni li bih kienu jsaħħru lill-baħrin u b’hekk dawk kienu jibqgħu deħlin bl-iġfna tagħhom fil-blatiet li kienu mxerrdin ’l hawn u ’l hemm fil-baħar, intrabat ma’ arblu ta’ ġifen u sadd widnejn il-baħrin sħabu. Mill-banda l-oħra, Orfew, biex jegħleb il-kant tas-sireni kien jagħmel xi ħaġa oħra: kien joħloq melodija isbaħ minn dik tas-sireni, li fil-fatt kienet issaħħar lis-sireni stess! U dan hu d-dmir u x-xogħol tagħkom: li twieġbu għall-kant kollu seħer imma bla sens tal-konsumiżmu kulturali b’għażliet aktar dinamiċi u aktar qawwija, permezz tar-riċerka, permezz tat-tagħlim, li wieħed isir jaf affarijiet ġodda u li wieħed jaqsam mal-oħrajn dak li jaħseb u dak li jiskopri”.[117]

 

Bosta oqsma ta’ żvilupp pastorali

224. Ħafna żgħażagħ kapaċi jitgħallmu jiggostaw is-skiet u l-intimità ma’ Alla. Kotru wkoll il-gruppi li jiltaqgħu biex jaduraw lis-Santissmu Sagrament u biex jitolbu bil-Kelma ta’ Alla. Ma rridux nissottovalutaw iż-żgħażagħ bħallikieku mhumiex kapaċi jinfetħu għal proposti ta’ kontemplazzjoni. Jeħtieġ biss insibu l-istili u l-modi xierqa biex ngħinuhom jidħlu f’din l-esperjenza ta’ valur hekk għoli. F’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjenti tal-kult u tat-talb, “f’diversi kuntesti ż-żgħażagħ Kattoliċi jixtiequ proposti ta’ talb u mumenti sagramentali li kapaċi jmissu mal-ħajja tagħhom ta’ kuljum, f’liturġija friska, awtentika u ferrieħa”.[118] Importanti nagħtu valur lill-mumenti l-iżjed qawwija tas-sena liturġika, b’mod partikulari l-Ġimgħa Mqaddsa, Għid il-Ħamsin u l-Milied. Lilhom jogħġbuhom ħafna wkoll laqgħat oħra ta’ festa, li jfarrku xi ftit mir-rutina u jgħinuhom iduqu l-ferħ tal-fidi.

 

225. Opportunità pprivileġġjata biex huma jikbru u anki jiftħu qalbhom għad-don divin tal-fidi u tal-imħabba huwa l-qadi: ħafna żgħażagħ iħossuhom miġbuda lejn il-possibbiltà li jgħinu lill-oħrajn, speċjalment it-tfal u l-foqra. Spiss dan is-servizz jirrappreżenta l-ewwel pass biex jiskopru għall-ewwel darba jew mill-ġdid il-ħajja Nisranija u ekkleżjali. Ħafna żgħażagħ jixbgħu mill-programmi tagħna ta’ formazzjoni duttrinali u anki spiritwali, u xi drabi jfittxu aktar il-possibbiltà li jkunu iżjed protagonisti f’attivitajiet li fihom iħossuhom qed jagħmlu xi ħaġa għall-oħrajn.

 

226. Ma nistgħux ninsew l-espressjonijiet artistiċi, bħat-teatru, il-pittura u oħrajn. “Partikulari ħafna hi l-importanza tal-mużika, li tirrappreżenta ambjent veru u proprju li fih iż-żgħażagħ huma kontinwament mgħaddsa, kif ukoll kultura u lingwaġġ li kapaċi jqanqlu emozzjonijiet u jagħġnu l-identità. Il-lingwaġġ mużikali jirrappreżenta wkoll riżorsa pastorali, li toffri sfida b’mod partikulari għal-liturġija u t-tiġdid tagħha”.[119] Il-kant jista’ jkun stimolu kbir fil-mixja taż-żgħażagħ. Santu Wistin qal: “Kanta, imma kompli miexi; tfarraġ bl-għana matul it-taħbit tiegħek, imma tkunx tħobb l-għażż; kanta u ibqa’ miexi. […] Inti timxi jekk tgħaddi ’l quddiem; imma għaddi ’l quddiem fit-tajjeb, għaddi ’l quddiem fil-fidi sewwa, għaddi ’l quddiem fil-ħajja t-tajba; għanni u ibqa’ miexi”.[120]

 

227. “Daqstant ieħor sinifikattiva hi l-importanza li għandha fost iż-żgħażagħ il-prattika sportiva, li l-Knisja m’għandhiex tissottovaluta l-potenzjalità edukattiva u formattiva tagħha, anzi, għandha żżomm preżenza qawwija fi ħdanha. Id-dinja tal-isport għandha bżonn tiġi megħjuna tegħleb l-ambigwitajiet tagħha, bħall-mitizzazzjoni tal-kampjuni, is-sottomissjoni għal-loġika kummerċjali u l-ideoloġija tas-suċċess ikun xi jkun il-prezz mitlub”.[121] Fil-bażi tal-esperjenza sportiva hemm “il-ferħ: il-ferħ li niċċaqilqu, il-ferħ li nkunu flimkien, il-ferħ għall-ħajja u għad-doni li l-Ħallieq jagħtina kuljum”.[122] Min-naħa l-oħra, xi Missirijiet tal-Knisja nqdew bl-eżempju tal-prattika sportiva biex jistiednu liż-żgħażagħ jikbru fil-qawwa u jtajru l-ħedla u l-kumdità. San Bażilju l-Kbir idur fuq iż-żgħażagħ u jaqbad l-eżempju tal-isforz li jitlob l-isport biex iħeġġeġ fihom il-ħila li jissagrifikaw ruħhom biex jikbru fil-virtujiet: “Wara li jkunu għamlu eluf u eluf ta’ sagrifiċċji biex b’kull mod isaħħu l-qawwa fiżika tagħhom, u ħarġu l-għaraq fit-taħriġ iebes tal-ġinnasju, […] u, biex ma ntawwalx, wara li jkunu għamlu mod li ż-żmien kollu ta’ qabel il-prova l-kbira għaddewh iħejju ruħhom, […] iħaddmu r-riżorsi kollha ta’ ġisimhom u ta’ moħħhom, biex jiksbu kuruna […]. U aħna li nistennew, fil-ħajja li ġejja, premijiet hekk tal-għaġeb li l-ebda lsien ma jista’ jfisser denjament, jewwilla nistgħu naslu għalihom jekk ngħaddu ħajjitna mxaħxħa fil-ħela u fl-għażż?”.[123]

 

228. Ħafna adolexxenti u żgħażagħ jinġibdu b’mod speċjali mill-kuntatt mal-ħolqien u huma sensibbli għall-ħarsien tal-ambjent, bħal fil-każ tal-Iscouts u l-gruppi l-oħra li jorganizzaw ġranet qalb in-natura, kampijiet, passiġġati, mixjiet u kampanji favur l-ambjent. Fl-ispirtu ta’ San Franġisk ta’ Assisi, dawn huma esperjenzi li jistgħu jwasslu għal mixja li ddaħħalna fl-iskola tal-fraternità universali u fit-talb kontemplattiv.

 

229. Dawn u diversi possibbiltajiet oħra li jinfetħu għall-evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ ma jridux inessuna li, lil hemm mill-bidliet tal-istorja u tas-sensibbiltà taż-żgħażagħ, hemm doni ta’ Alla li huma dejjem attwali, li fihom qawwa li tgħaddi ż-żminijiet kollha u ċ-ċirkustanzi kollha: il-Kelma tal-Mulej dejjem ħajja u qawwija, il-preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija li titmagħna, is-Sagrament tal-maħfra li jeħlisna u jsaħħaħna. Nistgħu anki nsemmu l-għana spiritwali bla qies li l-Knisja tgħożż fix-xhieda tal-qaddisin tagħha u fit-tagħlim tal-imgħallmin spiritwali kbar. Anki jekk għandna nirrispettaw id-diversi fażijiet u xi drabi jkollna nistennew bis-sabar il-waqt it-tajjeb, ma nistgħux ma nistednux liż-żgħażagħ jersqu lejn dawn l-għejun ta’ ħajja ġdida, m’għandniex dritt inċaħħduhom minn tant ġid.

 

Pastorali popolari maż-żgħażagħ

230. Barra l-ħidma pastorali li normalment iwettqu l-parroċċi u l-movimenti, skont skemi partikulari, importanti ħafna nagħtu wisa’ lil “pastorali popolari maż-żgħażagħ”, li għandha stil ieħor, tempi oħra, ritmu ieħor, metodoloġija oħra. Tikkonsisti f’pastorali usa’ u iktar flessibbli li tqanqal, fid-diversi postijiet fejn b’mod konkret issib iż-żgħażagħ, dawk il-gwidi naturali u dawk il-kariżmi li l-Ispirtu s-Santu diġà żera’ f’nofshom. Qabelxejn dan ifisser li ma nagħmlulhomx iżżejjed xkiel, normi, kontrolli u strutturi obbligatorji lil dawk iż-żgħażagħ ta’ fidi li huma leaders naturali fil-postijiet fejn jgħixu u fid-diversi ambjenti tagħhom. Irridu nillimitaw ruħna li nseħbuhom u nħeġġuhom, u nafdaw xi ftit iżjed fil-fantasija tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem kif irid hu.

 

231. Qed nitkellmu fuq leaders tassew “popolari”, mhux ta’ mneħirhom imxammar jew magħluqa fi gruppi żgħar ta’ magħżulin. Biex ikunu kapaċi jagħtu ħajja lil pastorali popolari fid-dinja taż-żgħażagħ, hemm bżonn “jitgħallmu jaqraw is-sentimenti tan-nies, isiru l-ilħna tagħha u jħabirku għat-tisdiq tagħha”.[124] Meta nitkellmu fuq “poplu” ma rridux nifhmu l-istrutturi tas-soċjetà jew tal-Knisja, imma pjuttost ix-xirka flimkien ta’ persuni li ma jimxux bħala individwi imma bħala n-nisġa ta’ komunità li hi ta’ kulħadd u għal kulħadd, li ma tistax tħalli lil dawk l-iżjed foqra u l-iżjed dgħajfa jaqgħu lura: “Il-poplu jrid li kulħadd ikollu sehem mill-ġid komuni u għalhekk jaċċetta li jadatta ruħu għall-passi ta’ dawk li qegħdin fuq wara biex kulħadd jista’ jasal flimkien”.[125] Għalhekk, il-leaders popolari huma dawk li għandhom il-ħila li jinvolvu lil kulħadd, u jinkludu fil-mixja taż-żgħażagħ anki lill-iżjed foqra, dgħajfa, limitati u midruba. Ma jħossuhomx skomdi u lanqas jibżgħu miż-żgħażagħ miġruħa u msallba.

 

232. F’din l-istess linja, speċjalment maż-żgħażagħ li ma kibrux f’familji jew istituzzjonijiet Insara, u jinsabu f’mixja ta’ maturazzjoni li tieħu ż-żmien, jeħtieġ naraw kif noħorġu l-aħjar ġid possibbli.[126] Kristu wissiena biex ma nippretendux li kollox ikun biss qamħ (ara Mt 13:24-30). Xi drabi, għax nippretendu pastorali maż-żgħażagħ li hi impersonali, pura, ikkaratterizzata minn ideat astratti, maqtugħa mid-dinja u mħarsa minn kull tebgħa, inkunu nirriduċu l-Evanġelju għal proposta bla togħma, li ma tinftehimx, imbiegħda, maqtugħa mill-kulturi taż-żgħażagħ u addattata biss għal élite ta’ żgħażagħ Insara li jħossuhom differenti, imma li fir-realtà qed jgħumu f’iżolament bla ħajja u li lanqas jagħti frott. U hekk, flimkien mas-sikrana li nirrifjutaw, inkunu naqilgħu jew nifgaw ukoll ħafna żerriegħa li qalb il-limiti kollha qed tfittex mod kif tikber.

 

233. Flok “nifgawhom b’ġabra ta’ regoli li jagħtu dehra riduttiva u moralistika tal-Kristjaneżmu, aħna msejħin ninvestu fuq il-kuraġġ tagħhom u nedukawhom biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom, ċerti li anki l-iżball, il-falliment u l-kriżi huma esperjenzi li jistgħu jsaħħu l-umanità tagħhom”.[127]

 

234. Fis-Sinodu smajna s-sejħa biex infasslu pastorali maż-żgħażagħ li tkun kapaċi toħloq spazji inklużivi, fejn hemm post għal kull xorta ta’ żgħażagħ u fejn jidher b’mod veru li aħna Knisja b’bibienha miftuħa. U lanqas ma hemm bżonn li wieħed jaċċetta għalkollox it-tagħlim kollu tal-Knisja biex jista’ jieħu sehem f’xi wħud mill-ispazji tagħna ddedikati għaż-żgħażagħ. Biżżejjed atteġġjament miftuħ lejn dawk kollha li għandhom ix-xewqa u d-disponibbiltà biex iħallu sseħħ fihom il-laqgħa mal-verità rivelata minn Alla. Xi proposti pastorali jistgħu jitolbu li wieħed ikun diġà għamel ċerta mixja ta’ fidi, imma għandna bżonn ta’ pastorali popolari maż-żgħażagħ li tiftaħ il-bibien u tagħti spazju lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda bid-dubji, it-trawmi, il-problemi u t-tiftix ta’ identità tiegħu, bl-iżbalji, l-istejjer, l-esperjenzi tad-dnub u d-diffikultajiet kollha li wieħed jaf ikollu.

 

235. Irridu nsibu wisa’ wkoll għal “dawk kollha li għandhom viżjonijiet oħra tal-ħajja, jistqarru twemmin ieħor jew jiddikjaraw ruħhom barranin għax-xefaq reliġjuż. Iż-żgħażagħ kollha, ħadd eskluż, huma fil-qalb ta’ Alla u għalhekk anki fil-qalb tal-Knisja. Imma frankament nagħrfu li mhux dejjem din l-affermazzjoni li tidwi fuq fommna qed issib espressjoni reali fl-azzjoni pastorali tagħna: spiss nibqgħu magħluqin fl-ambjenti tagħna, fejn il-leħen tagħhom ma jasalx, jew niddedikaw ruħna għal attivitajiet inqas esiġenti u iżjed gratifikanti, u hekk nifgaw dak it-tħassib pastorali tajjeb li jaqlagħna minn dawk li nippretendu li huma ċ-ċertezzi tagħna. Imma l-Evanġelju qed jitlobna nissograw u dan irridu nagħmluh mingħajr preżunzjoni u mingħajr ma nagħmlu proselitiżmu, billi nagħtu xhieda tal-imħabba tal-Mulej u naqbdu jdejn iż-żgħażagħ kollha tad-dinja”.[128]

 

236. Il-pastorali maż-żgħażagħ, meta ma tibqax elitista u taċċetta li tkun “popolari”, tidħol fi proċess li jieħu ż-żmien, jitlob rispett, sabar, fiduċja, determinazzjoni, ħniena. Is-Sinodu tana l-eżempju tad-dixxipli ta’ Għemmaws (ara Lq 24:13-35), li jista’ jkun ukoll mudell għal dak li jiġri fil-pastorali maż-żgħażagħ.

 

237. “Ġesù jimxi maż-żewġ dixxipli li ma fehmux is-sens ta’ dak li għadda minnu u qed jitbiegħdu minn Ġerusalemm u mill-komunità. Biex ikun fil-kumpanija tagħhom, jimxi t-triq magħhom. Jistaqsihom u b’sabar joqgħod jisma’ l-verżjoni tagħhom tal-fatti biex imbagħad jgħinhom jagħrfu dak li qegħdin jgħixu. Imbagħad, bi mħabba u b’ħeġġa, iħabbrilhom il-Kelma, u jwassalhom biex jaqraw il-ġrajjiet li għaddew minnhom fid-dawl tal-Iskrittura. Jilqa’ l-istedina biex jieqaf għandhom ma’ nżul ix-xemx: huwa jidħol fil-lejl tagħhom. Fis-smigħ il-qalb tagħhom titkebbes u moħħhom jiddawwal, fil-qsim tal-ħobż għajnejhom jinfetħulhom. Huma stess jagħżlu li bla dewmien jerġgħu jaqbdu l-mixja fid-direzzjoni opposta, biex imorru lura għand il-komunità, u jaqsmu l-esperjenza tal-laqgħa tagħhom mal-Irxoxt”.[129]

 

238. Id-diversi manifestazzjonijiet tal-pjetà popolari, speċjalment il-pellegrinaġġi, jiġbdu lejhom żgħażagħ li mhux lakemm jidħlu fl-istrutturi ekkleżjali, u huma espressjoni konkreta tal-fiduċja f’Alla. Dawn ix-xejriet ta’ tiftixa ta’ Alla, partikularment preżenti fl-ifqar żgħażagħ, imma anki fl-oqsma l-oħra tas-soċjetà, m’għandhomx jiġu mistkerrha, imma inkuraġġiti u mħeġġa. Għax il-pjetà popolari “hi mod leġittimu ta’ kif ngħixu l-fidi”[130] u hi “espressjoni awtentika tal-azzjoni missjunarja spontanja tal-Poplu ta’ Alla”.[131]

 

Dejjem missjunarji

239. Nixtieq infakkar li m’hemmx bżonn ikunu għamlu xi mixja twila biex iż-żgħażagħ isiru missjunarji. Imqar l-iżjed dgħajfin, limitati u miġruħa jistgħu jkunu missjunarji bil-mod tagħhom, għax it-tajjeb dejjem għandna nħalluh jasal, anki jekk qed jgħix spalla ma’ spalla mad-dgħufija. Żagħżugħ li jmur pellegrinaġġ biex jitlob l-għajnuna lill-Madonna u jistieden ħabib jew sieħeb tiegħu biex imur miegħu, b’dan il-ġest sempliċi qed iwettaq azzjoni missjunarja prezzjuża. Flimkien mal-pastorali li ssir maż-żgħażagħ hemm ukoll, b’mod li ma jinfiridx, missjoni popolari, inkontrollabbli, li tfarrak l-iskemi ekkleżjastiċi kollha. Ejjew inseħbuha, ninkuraġġuha, imma ma nippretendux li nistgħu nirregolawha żżejjed.

 

240. Jekk nagħrfu nisimgħu x’qed jgħidilna l-Ispirtu, ma nistgħux ninjoraw li l-pastorali maż-żgħażagħ għandha dejjem tkun pastorali missjunarja. Iż-żgħażagħ jistagħnew ħafna meta jegħlbu l-mistħija u jsibu l-kuraġġ li jmorru jżuru d-djar, u b’dan il-mod jidħlu f’kuntatt mal-ħajja tal-persuni, jitgħallmu jħarsu ’l barra mill-familja tagħhom u mill-grupp tagħhom, jibdew jifhmu l-ħajja minn lenti usa’. Fl-istess waqt, jissaħħu kemm il-fidi tagħhom u kemm is-sens tagħhom ta’ appartenenza għall-Knisja. Il-missjonijiet taż-żgħażagħ, li soltu jiġu organizzati fi żmien il-btajjel wara perjodu ta’ preparazzjoni, jistgħu jwasslu għal tiġdid tal-esperjenza ta’ fidi u anki għal metodi vokazzjonali serji.

 

241. Imma ż-żgħażagħ kapaċi wkoll joħolqu għamliet ġodda ta’ missjoni, fl-iktar oqsma diversi. Ngħidu aħna, ladarba huma kapaċi jiċċaqilqu daqshekk tajjeb fix-xbieki soċjali, hemm bżonn ninvolvuhom biex jimlewhom b’Alla, bil-fraternità, bl-impenn.

 

It-tisħib tal-adulti

242. Iż-żgħażagħ iridu li jiġu rrispettati fil-libertà tagħhom, imma għandhom bżonn ukoll li jiġu msieħba. Il-familja għandha tkun l-ewwel lok ta’ tisħib. Il-pastorali maż-żgħażagħ tipproponi proġett ta’ ħajja msejjes fuq Kristu: il-bini ta’ dar, ta’ familja mwaqqfa fuq il-blat (ara Mt 7:24-25). Dik il-familja, dak il-proġett, għall-parti l-kbira minnhom tikkonkretizza ruħha fiż-żwieġ u fl-imħabba konjugali. Għalhekk jeħtieġ li l-pastorali maż-żgħażagħ u l-pastorali mal-familji jkunu f’kontinwità naturali ma’ xulxin, jaħdmu b’mod kordinat u integrat biex jistgħu jsieħbu kif xieraq il-proċess vokazzjonali.

 

243. Il-komunità għandha rwol importanti ħafna fit-tisħib taż-żgħażagħ, u hija l-komunità kollha kemm hi li għandha tħossha responsabbli li tilqagħhom, timmotivahom, tagħmlilhom il-qalb u tħeġġiġhom. Dan jimplika li liż-żgħażagħ nifhmuhom, nistmawhom u nħobbuhom, u ma niġġudikawhomx il-ħin kollu jew nesiġu minnhom perfezzjoni li ma tikkorrispondix mal-età tagħhom.

 

244. Fis-Sinodu “ħafna ħassew li hemm nuqqas ta’ persuni esperti u dedikati għall-akkumpanjament. Jekk nemmnu fil-valur teoloġiku u pastorali tas-smigħ, irridu nerġgħu naħsbu kif inġeddu l-forom li bihom normalment il-ministeru presbiterali jesprimi ruħu u nivverifikaw il-prijoritajiet tiegħu. Barra minn hekk, is-Sinodu jagħraf il-ħtieġa li jkollna persuni kkonsagrati u lajċi, irġiel u nisa, li jkunu mħejjija tajjeb u kkwalifikati għall-akkumpanjament taż-żgħażagħ. Il-kariżma tas-smigħ li l-Ispirtu s-Santu jqanqal fil-komunitajiet tista’ tirċievi wkoll xi għamla ta’ rikonoxximent istituzzjonali għas-servizz tal-Knisja nfisha”.[132]

 

245. Barra minn hekk, għandna nsieħbu speċjalment liż-żgħażagħ li potenzjalment jistgħu jkunu leaders, biex nistgħu niffurmawhom u nħejjuhom. Iż-żgħażagħ li ltaqgħu qabel is-Sinodu talbu li jiġu żviluppati “programmi ġodda ta’ leadership għall-formazzjoni u l-iżvilupp kontinwu ta’ gwidi żgħażagħ. Xi tfajliet iħossu n-nuqqas ta’ figuri ta’ riferiment femminili fi ħdan il-Knisja, li lilha huma wkoll jixtiequ joffru t-talenti intellettwali u professjonali tagħhom. Barra dan, inħossu li s-seminaristi u r-reliġjużi għandhom ikunu kapaċi iżjed isieħbu liż-żgħażagħ li qed iwettqu dawn ir-rwoli ta’ responsabblità”.[133]

 

246. Iż-żgħażagħ infushom fissrulna liema huma l-karatteristiċi li jittamaw li jsibu f’min iseħibhom, u dan esprimewh b’mod ċar daqs il-kristall: “Bniedem bħal dan li jsieħeb għandu jkollu xi kwalitajiet: ikun Nisrani fidil impenjat fil-Knisja u fid-dinja; ikun f’tiftixa kontinwa tal-qdusija; tista’ tafdah u ma jiġġudikax; jagħti widen b’attenzjoni għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u joffri tweġibiet xierqa; ikun mogħni bil-ħlewwa u jkun jaf lilu nnifsu; jagħraf il-limiti tiegħu stess u jkun espert tal-ferħ u n-niket tal-ħajja spiritwali. Kwalità ta’ importanza ewlenija f’min isieħeb fil-mixja hi li jagħraf l-umanità tiegħu, jiġifieri li hu bniedem u li jista’ jiżbalja: mhux perfetti, imma midinbin maħfura. Xi drabi dawk li jseħbuna ntellgħuhom fuq pedestall, u l-waqgħa tagħhom jista’ jkollha effetti traġiċi fuq kemm aħna ż-żgħażagħ inkunu nifilħu nkomplu nimpenjaw ruħna fil-Knisja. Dawk li jsieħbu liż-żgħażagħ m’għandhomx imexxuhom bħallikieku dawn kienu segwaċi passivi, imma għandhom jimxu maġenbhom, u jħalluhom ikunu parteċipanti attivi fil-mixja. Għandhom jirrispettaw il-libertà li tagħmel parti mill-proċess ta’ dixxerniment ta’ kull żagħżugħ, u jfornuhom bl-istrumenti biex iwettquh bl-aħjar mod. Min isieħeb liż-żgħażagħ għandu jkun tabilħaqq konvint li huma kapaċi jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja. Għandu jieħu ħsieb taż-żerriegħa tal-fidi fiż-żgħażagħ, mingħajr ma jippretendi li jara minnufih il-frott tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Ir-rwol ta’ min isieħeb mhuwiex u ma jistax ikun riservat biss għal saċerdoti jew għal persuni kkonsagrati, imma anki l-lajċi għandhom ikunu kapaċi jwettquh. Kull min isieħeb liż-żgħażagħ għandu jirċievi formazzjoni soda fil-bidu u jħabrek fil-formazzjoni permanenti”.[134]

 

247. Bla dubju ta’ xejn l-istituzzjonijiet edukattivi tal-Knisja huma ambjent komunitarju ta’ tisħib li jgħin lil ħafna żgħażagħ isibu l-orjentament tagħhom, fuq kollox meta “jfittxu li jilqgħu liż-żgħażagħ kollha, indipendentement mill-għażliet reliġjużi, il-provenjenza kulturali u s-sitwazzjonijiet personali, familjari jew soċjali tagħhom. B’dan il-mod il-Knisja qed tagħti sehem fundamentali fl-edukazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fl-iktar partijiet differenti tad-dinja”.[135] Ikun jfaqqru b’mod inġust il-funzjoni tagħhom jekk jistabbilixxu kriterji riġidi għall-ammissjoni tal-istudenti jew għall-permanenza tagħhom, għax ikunu jċaħħdu lil ħafna żgħażagħ minn tisħib li jista’ jgħinhom jagħnu lil ħajjithom.


 

IT-TMIEN KAPITLU

Il-vokazzjoni

 

248. Il-kelma “vokazzjoni” nistgħu nifhmuha f’sens wiesa’, bħala s-sejħa ta’ Alla. Tiġbor fiha s-sejħa għall-ħajja, is-sejħa għall-ħbiberija miegħu, is-sejħa għall-qdusija, u l-bqija. Dan għandu valur għoli, għax iqiegħed il-ħajja tagħna kollha quddiem dak Alla li jħobbna u jridna nifhmu li xejn ma hu frott il-kaos bla sens, imma bil-maqlub, kollox jista’ jidħol f’mixja ta’ tweġiba għall-Mulej, li għandu pjan mill-isbaħ għalina.

 

249. Fl-Eżortazzjoni Gaudete et exsultate ridt nieqaf fuq il-vokazzjoni tagħna lkoll biex nikbru għall-glorja ta’ Alla, u pproponejt li “tidwi għal darb’oħra s-sejħa għall-qdusija, billi nfittxu li nlaħħmuha fil-kuntest attwali, bir-riskji, l-isfidi u l-opportunitajiet li dan iġib miegħu”.[136] Il-Konċilju Vatikan II għenna nġeddu l-għarfien ta’ din is-sejħa li ssir lil kull wieħed u waħda minna: “Il-fidili, ikunu xi jkunu l-istat u l-kundizzjoni ta’ ħajjithom, jissejħu mill-Mulej, kull wieħed minnhom mit-triq tiegħu, għall-perfezzjoni tal-qdusija li biha l-Missier innifsu huwa perfett”.[137]

 

Is-sejħa għall-ħbiberija miegħu

250. Hu fundamentali li ngħarblu u niskopru li dak li jrid Ġesù minn kull żagħżugħ u żagħżugħa hu qabelxejn il-ħbiberija tagħhom. Dan hu d-dixxerniment fundamentali. Fid-djalogu ta’ Kristu Rxoxt ma’ ħabibu Xmun Pietru, il-mistoqsija l-kbira kienet: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” (Ġw 21:16). Fi kliem ieħor: tridni bħala ħabib tiegħek? Il-missjoni li Pietru jirċievi biex jirgħa n-nagħaġ u l-ħrief tiegħu dejjem sa tkun f’relazzjoni ma’ din l-imħabba mogħtija b’xejn, ma’ din l-imħabba tal-ħbiberija.

 

251. U, jekk għandna bżonn ta’ eżempju bil-maqlub, ħa niftakru fil-laqgħa jew skontru bejn il-Mulej u ż-żagħżugħ għani, li tgħidilna b’mod ċar kif dak li ż-żagħżugħ ma kienx fehem kienet il-ħarsa kollha mħabba tal-Mulej (ara Mk 10:21). Telaq ’l hemm qalbu sewda, wara li kien mexa fuq tnebbiħa tajba li ġietu, għax ma kienx irnexxielu jinqata’ mill-ħafna ħwejjeġ li kellu (ara Mt 19:22). Tilef l-okkażjoni ta’ dik li bla dubju ta’ xejn setgħet tiżviluppa fi ħbiberija kbira. U aħna bqajna ma nafux kif setgħet issarraf għalina, x’seta’ jagħmel għall-umanità dak iż-żagħżugħ uniku li Ġesù kien ħares lejh bi mħabba u newwillu idu.

 

252. Għax “il-ħajja li rregalalna Ġesù hi storja ta’ mħabba, storja ta’ ħajja li tixtieq titwaħħad ma’ tagħna u trabbi l-għeruq fl-art ta’ kulħadd. Dik il-ħajja mhix salvazzjoni mdendla ma’ ‘cloud’ tistenna li nniżżluha fuq il-kompjuter, lanqas xi ‘app’ li rridu niskopruha jew xi taħriġ mentali frott tat-teknika tat-tkabbir personali. U l-ħajja li joffrilna Alla lanqas mhi tutorial li minnu nitgħallmu (liema huma) l-aħħar novitajiet. Is-salvazzjoni li jirregalalna Alla hi stedina biex nissieħbu mal-istorja ta’ mħabba li tintiseġ mal-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna; li tgħix u trid titwieled fostna sabiex aħna nkunu nistgħu nagħmlu l-frott hemmhekk, fejn inkunu ninsabu, kif aħna u ma’ min inkunu. Hemmhekk jiġi l-Mulej biex iħawwel u jitħawwel”.[138]

 

Int għotja għall-oħrajn

253. U issa nixtieq nieqaf fuq il-vokazzjoni mifhuma fis-sens speċifiku ta’ sejħa għall-qadi missjunarju lill-oħrajn. Aħna msejħin mill-Mulej biex nieħdu sehem fl-opra ħallieqa tiegħu, billi noffru sehemna b’risq il-ġid komuni skont il-ħiliet li rċivejna.

 

254. Din il-vokazzjoni missjunarja tmiss il-qadi tagħna lill-oħrajn. Għax il-ħajja tagħna fuq din l-art tilħaq il-milja tagħha meta tinbidel f’offerta. Infakkar li “l-missjoni li nkun fil-qalba tal-poplu mhix parti minn ħajti, jew tiżjin li nista’ ninża’, mhix appendiċi, jew mument qalb ħafna f’ħajti. Hi xi ħaġa li ma nistax inħassar minn dak li jien jekk ma rridx neqred lili nnifsi. Jiena missjoni fuq din l-art, u għalhekk ninsab f’din id-dinja”.[139] Għalhekk, irridu nemmnu li kull pastorali hi vokazzjonali, kull formazzjoni hi vokazzjonali u kull spiritwalità hi vokazzjonali.

 

255. Il-vokazzjoni tiegħek ma tissarrafx biss fil-ħidmiet li għandek tagħmel, anki jekk tesprimi ruħha fihom. Hi xi ħaġa iżjed minn hekk, hi mixja li torjenta ħafna sforzi u ħafna azzjonijiet lejn direzzjoni ta’ qadi. Għalhekk, fid-dixxerniment ta’ vokazzjoni importanti naraw jekk wieħed hux qed jagħraf fih innifsu l-ħiliet meħtieġa għal dak il-qadi speċifiku lis-soċjetà.

 

256. Dan jagħti valur kbir ħafna lil dawn id-dmirijiet, għax ma jibqgħux ġabra ta’ għemejjel li nagħmluhom biex naqilgħu l-flus, biex ikollna xi ħaġa x’nagħmlu jew biex nogħġbu lill-oħrajn. Dan kollu jagħmel vokazzjoni għax aħna msejħin, hemm xi ħaġa iżjed minn sempliċi għażla prattika min-naħa tagħna. Bla dubju, hawn qed nagħraf l-għan li għalih ġejt maħluq, għalxiex ngħaddi minn din l-art, liema hu l-pjan tal-Mulej għal ħajti. Hu mhux se jurini l-postijiet, iż-żminijiet u d-dettalji kollha, li jien nagħżel bi prudenza, imma bla dubju sa jkun hemm orjentament tal-ħajja tiegħi li hu jrid jurini għax hu l-Ħallieq tiegħi, il-fuħħari tiegħi, u jien għandi bżonn nisma’ leħnu biex inħallih jagħġinni u jwassalni għandu. U hekk insir dak li għandi nkun u b’hekk inkun fidil ukoll għar-realtà personali tiegħi.

 

257. Biex inwettqu l-vokazzjoni tagħna hemm bżonn niżviluppaw, inħallu jikber u nieħdu ħsieb ta’ dak kollu li jagħmilna aħna. Ma jfissirx li nivvintaw lilna nfusna, li noħolqu lilna nfusna mix-xejn, imma li niskopru min aħna fid-dawl ta’ Alla, u dak li aħna nħalluh iwarrad: “Skont il-ħsieb ta’ Alla, kull bniedem jitwieled biex jiżviluppa ruħu, għax il-ħajja ta’ kull bniedem hija minn Alla ddestinata għal xi missjoni”.[140] Il-vokazzjoni tiegħek tmexxik biex toħroġ l-aħjar minnek innifsek għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-oħrajn. Dan mhux sempliċiment biex tagħmel din il-ħaġa jew l-oħra, imma biex tagħmilhom b’tifsira, b’orjentament. Dwar hekk, Sant Albertu Hurtado kien jgħid liż-żgħażagħ li għandhom jieħdu r-rotta b’serjetà kbira: “Fuq ġifen, il-baħri li ma jagħtix kas jitkeċċa minnufih, għax dak li għandu f’idejh hu wisq qaddis. U fil-ħajja, aħna qegħdin attenti għar-rotta tagħna? Liema hi r-rotta tiegħek? Li kellna nieqfu naqra iżjed fit-tul fuq din l-idea, nitlob lil kull wieħed minnkom jagħtiha l-akbar importanza, għax jekk jirnexxielna f’dan sempliċiment ifisser li ħa jkollna suċċess; infallu f’dan, u sempliċiment inkunu fallejna”.[141]

 

258. Fil-ħajja ta’ kull żagħżugħ, din l-“għotja għall-oħrajn” normalment hi marbuta ma’ żewġ kwistjonijiet fundamentali: il-bini ta’ familja ġdida u x-xogħol. Il-ħafna stħarriġ li sar fost iż-żgħażagħ jikkonferma għal darb’oħra li dawn huma ż-żewġ temi kbar li fuqhom għandhom xewqat u tħassib. It-tnejn li huma għandhom ikunu l-oġġett ta’ dixxerniment speċjali. Ħa nieqfu nitkellmu ftit fuqhom.

 

L-imħabba u l-familja

259. Iż-żgħażagħ iħossu qawwija fihom is-sejħa għall-imħabba u joħolmu li xi darba għad jiltaqgħu mal-persuna t-tajba li magħha jistgħu jsawru familja u jibnu ħajja flimkien. Bla dubju din hi vokazzjoni li Alla nnifsu jnissel permezz ta’ sentimenti, xewqat, ħolm. Fuq din it-tema tkellimt fit-tul fl-Eżortazzjoni Amoris laetitia u nixtieq nistieden liż-żgħażagħ kollha biex minnha jaqraw b’mod partikulari l-kapitli 4 u 5.

 

260. Jogħġobni naħseb li “żewġ Insara li jiżżewġu, fl-istorja ta’ mħabba ta’ bejniethom għarfu s-sejħa tal-Mulej, il-vokazzjoni biex minn tnejn, raġel u mara, jiffurmaw ġisem wieħed, ħajja waħda. U s-Sagrament taż-Żwieġ idawwar din l-imħabba bil-grazzja ta’ Alla, iniżżlilha għeruqha f’Alla nnifsu. B’dan id-don, biċ-ċertezza ta’ din is-sejħa, nistgħu naqbdu t-triq b’qalbna qawwija, m’għandna għax nibżgħu minn xejn, nistgħu naffrontaw kollox, flimkien!”.[142]

 

261. F’dan il-kuntest, infakkarkom li Alla ħalaqna sesswati. Hu nnifsu “ħalaq is-sesswalità, li hi rigal mill-isbaħ għall-ħlejjaq tiegħu”.[143] Fi ħdan il-vokazzjoni għaż-żwieġ, irridu nagħrfu u nkunu grati għall-fatt li “s-sesswalità, is-sess, hu don ta’ Alla. M’hemm l-ebda tabù. Hu don ta’ Alla, don li jagħtina l-Mulej. U għandu żewġ għanijiet: li tnejn jinħabbu u li jnisslu l-ħajja. Hi passjoni, hi l-imħabba appassjonata. L-imħabba vera hi appassjonata. L-imħabba bejn raġel u mara, meta fiha l-passjoni, twasslek biex tagħti ħajtek għal dejjem. Dejjem. U tagħtiha b’ġismek u b’ruħek”.[144]

 

262. Is-Sinodu saħaq li “l-familja tibqa’ l-punt ta’ riferiment prinċipali għaż-żgħażagħ. L-ulied japprezzaw l-imħabba u l-għożża tal-ġenituri, għandhom għal qalbhom ir-rabtiet familjari u jittamaw li għad jirnexxielhom huma wkoll isawru familja. Bla dubju, iż-żieda fis-separazzjonijiet, divorzji, it-tieni rabtiet u familji b’ġenitur wieħed tista’ tikkawża fiż-żgħażagħ tbatijiet kbar u kriżijiet ta’ identità. Mhux darba u tnejn ikollhom jitgħabbew b’responsabbiltajiet kbar wisq għall-età tagħhom u jġagħluhom isiru adulti qabel iż-żmien. In-nanniet spiss joffru kontribut deċiżiv fl-affett u fl-edukazzjoni reliġjuża: bl-għerf tagħhom huma ħolqa determinanti fir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet”.[145]

 

263. Dawn id-diffikultajiet li wieħed iħabbat wiċċu magħhom fil-familja li minnha ġej bla dubju jwasslu lil bosta żgħażagħ biex bejnhom u bejn ruħhom jistaqsu jekk wara kollox hux ta’ min ifittex li jibni familja u jekk fiha humiex ħa jsibu l-aħjar tqanqiliet biex jimmaturaw u l-isbaħ ferħ x’jaqsmu ma’ xulxin. Tħallux lil min jisirqilkom il-possibbiltà li tħobbu bis-serjetà. La titqarrqux minn dawk li jipproponulkom ħajja mtajra u individwalista li tispiċċa tixħitkom f’iżolament u fl-eħrex solitudni.

 

264. Illum il-ġurnata għandna ssaltan fostna kultura ta’ dak li jgħaddi u din hi illużjoni. Li temmen li xejn ma jista’ jkun għal dejjem hu ingann u gidba. Ħafna drabi “hemm min jgħid li llum iż-żwieġ m’għadux moda. […] Fil-kultura tal-proviżorju, tar-relattiv, ħafna jipprietkaw li l-importanti huwa li tgawdi l-mument, li ma jiswa xejn li timpenja ruħek għal ħajtek kollha, li tagħmel għażliet definittivi għal dejjem […]. Imma jiena ngħidilkom biex tkunu rivoluzzjonarji, nitlobkom li tmorru kontra l-kurrent; iva, f’dan nitlobkom li tirribellaw kontra din il-kultura tal-proviżorju, li fil-fond tagħha temmen li intom mhux ippreparati li tassumu responsabbiltà, temmen li m’intomx kapaċi li tħobbu tassew”.[146] Imma jien għandi fiduċja fikom, u għalhekk inħeġġiġkom tagħżlu ż-żwieġ.

 

265. Għaż-żwieġ hemm bżonn ta’ tħejjija tajba, u dan jitlob minna li nedukaw lilna nfusna, li niżviluppaw l-aħjar virtujiet, speċjalment l-imħabba, is-sabar, il-ħila għad-djalogu u għall-qadi. Jimplika wkoll li nedukaw is-sesswalità tagħna, b’mod li tkun dejjem inqas għodda biex ninqdew bl-oħrajn u ssir dejjem iżjed ħila li ningħataw kollna kemm aħna għal persuna oħra b’mod esklussiv u ġeneruż.

 

266. L-Isqfijiet tal-Kolombja għallmuna li “Kristu jaf li l-miżżewġin mhumiex perfetti u għandhom bżonn jegħlbu d-dgħufija u l-inkonsistenza tagħhom biex imħabbithom tista’ tikber u ttul fiż-żmien. Għalhekk, hu jagħti lill-miżżewġin il-grazzja tiegħu li hi, fl-istess waqt, dawl u qawwa li tgħinhom iwettqu l-proġett tal-ħajja miżżewġa tagħhom fi qbil mal-pjan ta’ Alla”.[147]

 

267. Dawk li mhumiex imsejħin għaż-żwieġ jew għall-ħajja kkonsagrata, tajjeb jiftakru dejjem li l-ewwel u l-aktar vokazzjoni importanti hi l-vokazzjoni tal-magħmudija. Dawk li mhumiex miżżewġa, anki mhux b’għażla tagħhom, jistgħu jsiru b’mod partikulari xhieda ta’ din il-vokazzjoni fil-mixja tal-maturazzjoni personali tagħhom.

 

Ix-xogħol

268. L-Isqfijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika josservaw b’ċarezza li ż-żgħożija, meta wieħed ikun wasal għall-età adulta, “spiss timmarka d-dħul ta’ persuna fid-dinja tax-xogħol. ‘Kif taqlagħha?’ spiss hu l-argument ta’ xi konverżazzjoni, għax ix-xogħol hu parti importanti ħafna tal-ħajja tagħhom. Għaż-żgħażagħ adulti, din l-esperjenza hi fluwida ħafna għax jgħaddu minn impjieg għall-ieħor u anki minn karriera għall-oħra. Ix-xogħol jista’ jiddefinixxi l-użu tal-ħin u jista’ jiddetermina x’jistgħu jagħmlu jew jiksbu. Jista’ wkoll jiddetermina l-kwalità u l-kwantità ta’ ħin liberu. Ix-xogħol jiddefinixxi u jinfluwenza l-identità u l-kunċett li żagħżugħ adult għandu ta’ min hu u huwa post fundamentali fejn jiġu żviluppati l-ħbiberiji u relazzjonijiet oħra, għax normalment ma naħdmux waħidna. Iż-żgħażagħ, irġiel u nisa, jitkellmu dwar ix-xogħol bħala t-twettiq ta’ funzjoni jew bħala xi ħaġa li tagħtihom sens. Liż-żgħażagħ adulti jippermettilhom li jissodisfaw il-ħtiġijiet prattiċi tagħhom, kif ukoll – ħaġa iżjed importanti – li jfittxu s-sens u l-milja tal-ħolm tagħhom u tal-viżjonijiet tagħhom. Imqar jekk ix-xogħol ma jistax jgħinhom iwettqu l-ħolm tagħhom, huwa importanti għaż-żgħażagħ-adulti li jkollhom viżjoni, jitgħallmu jaħdmu f’dinja tassew personali u sodisfaċenti għal ħajjithom, u jkomplu jgħarblu s-sejħa li qed jagħmlilhom Alla”.[148]

 

269. Nistieden liż-żgħażagħ biex ma jippretendux li jistgħu jgħixu mingħajr ma jaħdmu, billi joqogħdu jserrħu fuq l-għajnuna ta’ ħaddieħor. Dan mhuwiex sew, għax “ix-xogħol hu bżonn, hu parti mis-sens tal-ħajja fuq din l-art, triq li biha l-bniedem jikber, jiżviluppa u jilħaq il-milja tiegħu. F’dan is-sens, l-għajnuna lill-foqra bil-flus għandha tkun dejjem rimedju proviżorju biex nilqgħu għal ċerti emerġenzi”.[149] Minn hawn joħroġ li “l-ispiritwalità Nisranija, flimkien mal-għoġba kontemplattiva tal-ħlejjaq li nsibu f’San Franġisk ta’ Assisi, żviluppat ukoll għarfien għani u san tad-dinja tax-xogħol, kif naraw, ngħidu aħna, mill-ħajja tal-Beatu Charles de Foucauld u tad-dixxipli tiegħu”.[150]

 

270. Is-Sinodu saħaq li d-dinja tax-xogħol hi ambjent fejn iż-żgħażagħ “iduqu għamliet ta’ esklużjoni u emarġinazzjoni. L-ewwel u l-iżjed gravi hu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li f’xi pajjiżi jilħaq livelli għoljin ħafna. Barra li jfaqqarhom, in-nuqqas ta’ xogħol iqaċċat minn ġoż-żgħażagħ il-ħila li joħolmu u li jittamaw u jċaħħadhom mill-possibbiltà li jagħtu kontribut b’risq l-iżvilupp tas-soċjetà. F’ħafna pajjiżi din is-sitwazzjoni tiddipendi mill-fatt li xi faxxi tal-popolazzjoni żagħżugħa huma sajmin mill-ħiliet professjonali xierqa, anki minħabba fin-nuqqas tas-sistema edukattiva u formattiva. Spiss il-prekarjetà fl-impjiegi li qed tgħakkes liż-żgħażagħ twieġeb għall-interessi ekonomiċi li jisfruttaw ix-xogħol”.[151]

 

271. Hi kwistjoni delikata ħafna, li l-politika għandha tqisha bħala problema prijoritarja, b’mod partikulari llum li l-ħeffa tal-iżviluppi teknoloġiċi, flimkien mal-ossessjoni biex tonqos in-nefqa tax-xogħol, jistgħu jwasslu malajr biex ċerti postijiet tax-xogħol jeħdulhom posthom il-makkinarji. Hawn għandna quddiemna kwistjoni fundamentali tas-soċjetà, għax ix-xogħol għal żagħżugħ mhuwiex sempliċiment attività bl-għan li tipproduċi dħul. Hu espressjoni tad-dinjità umana, hu mixja ta’ maturazzjoni u ta’ inseriment soċjali, iwassal kontinwament biex wieħed jikber fir-responsabbiltà u l-kreattività, hu wkoll protezzjoni kontra t-tendenza għall-individwaliżmu u għall-kumdità, u hu wkoll mod kif nagħtu glorja lil Alla permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet tagħna.

 

272. Żagħżugħ mhux dejjem għandu l-possibbiltà li jiddeċiedi hu għalxiex jiddedika l-isforzi tiegħu, f’liema ħidmiet għandu juża l-enerġiji u l-ħila tiegħu ta’ innovazzjoni. Għax, lil hemm mix-xewqat tagħna u lil hemm sew mill-ħiliet tagħna u mid-dixxerniment li nistgħu nagħmlu, hemm il-limiti iebsa tar-realtà. Minnu li ma tistax tgħix bla ma taħdem u li xi drabi jkollok tikkuntenta b’dak li ssib, imma qatt terġa’ lura mill-ħolm tiegħek, qatt tidfen għalkollox vokazzjoni, qatt tgħodd ruħek b’mirbuħ. Ibqa’ dejjem fittex, tal-inqas, modi parzjali jew imperfetti kif tgħix dak li fid-dixxerniment tiegħek tkun għaraft bħala l-vokazzjoni awtentika tiegħek.

 

273. Meta wieħed jiskopri li Alla qed isejjaħlu għal xi ħaġa, li hu magħmul għal dan – jista’ jkun il-qasam tas-saħħa, ix-xogħol fl-injam, il-komunikazzjoni, l-inġinerija, it-tagħlim, l-arti jew xogħol ieħor kien li kien – imbagħad ikun kapaċi joħroġ għad-dawl l-aħjar ħiliet tiegħu ta’ sagrifiċċju, ġenerożità u dedikazzjoni. La taf li l-affarijiet ma tagħmilhomx biex tkun għamilthom, imma bis-sens, bħala tweġiba għal sejħa li qed tidwi fil-qiegħ nett ta’ dak li int biex tagħti xi ħaġa lill-oħrajn, agħmel mezz li dawn il-ħidmiet iroddu lil qalbek esperjenza speċjali ta’ sħuħija. Dan hu li jgħallimna l-ktieb bibliku antik ta’ Koħèlet: “Minn hawn nara li m’hemmx aħjar għall-bniedem milli jgawdi xogħol idejh” (3:22).

 

Vokazzjonijiet għal konsagrazzjoni speċjali

274. Jekk nitilqu mill-konvinzjoni li l-Ispirtu jissokta jqanqal vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża, nistgħu “nwaddbu mill-ġdid ix-xbieki” f’isem il-Mulej, b’fiduċja sħiħa. Nistgħu – u għandu – ikollna l-kuraġġ li nistiednu lil kull żagħżugħ jistaqsi lilu nnifsu fuq il-possibbiltà li jimxi f’din it-triq.

 

275. Ġieli għamilt din il-proposta lil xi żgħażagħ, li weġbuni kważi b’ton ċiniku: “Le, ngħidlek is-sew jien ma kellix ħsieb nimxi f’dik id-direzzjoni”. Madankollu, snin wara xi wħud minnhom kienu s-Seminarju. Il-Mulej ma jistax jonqos mill-wegħda tiegħu li ma jħalli qatt lill-Knisja sajma minn ragħajja, li mingħajrhom ma tistax tgħix u lanqas twettaq il-missjoni tagħha. U jekk hemm xi saċerdoti li ma tantx qed jagħtu xhieda tajba, b’daqshekk ma jfissirx li l-Mulej se jieqaf isejjaħ. Bil-maqlub, hu jirdoppja s-sejħa, għax ma jieqaf qatt jieħu ħsieb tal-Knisja maħbuba tiegħu.

 

276. Fid-dixxerniment ta’ vokazzjoni ma għandekx taqta’ barra l-possibbiltà li tikkonsagra ruħek lil Alla fis-saċerdozju, fil-ħajja reliġjuża jew f’xi għamla oħra ta’ konsagrazzjoni. Għaliex taqtagħha barra? Ibqa’ ċert li, jekk tagħraf sejħa ta’ Alla u timxi fiha, din tkun il-ħaġa li timla bis-sħiħ lil ħajtek.

 

277. Ġesù jgħaddi minn ġo nofsna kif għamel fil-Galilija. Jimxi fit-toroq tagħna, jieqaf u jħares f’għajnejna, bla għaġla ta’ xejn. Is-sejħa tiegħu tiġbidna, issaħħarna. Imma llum l-ansjetà u l-ħeffa ta’ tant tqanqil ieħor li qed jibbumbardjana mhumiex iħallu wisa’ għal dik il-ħemda interjuri li fiha nistgħu nagħrfu l-ħarsa ta’ Alla u nagħtu widen għas-sejħa tiegħu. Sadattant, taf tirċievi ħafna proposti oħra mżejnin tajjeb, ippreżentati sbieħ u b’saħħithom, imma maż-żmien iħalluk vojt, għajjien u waħdek. Tħallix li jiġrilek dan, biex ir-riefnu ta’ din id-dinja ma jispiċċax ikaxkrek f’ġirja bla sens, bla orjentament, bla għanijiet ċari, u hekk ħafna mill-isforzi tiegħek jinħlew fix-xejn. Pjuttost fittex dawk l-imkejjen ta’ kalma u ta’ skiet li jgħinuk tirrifletti, titlob, tħares aħjar lejn id-dinja ta’ madwarek, u hemm, flimkien ma’ Ġesù, tkun tista’ tagħraf liema hi l-vokazzjoni tiegħek fuq din l-art.


 

ID-DISA’ KAPITLU

Id-dixxerniment

 

278. Fuq id-dixxerniment b’mod ġenerali, diġà tkellimt fl-Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate. Ħalluni hawn naqbad mill-ġdid xi wħud minn dawk ir-riflessjonijiet u napplikahom għad-dixxerniment tal-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna fid-dinja.

 

279. Infakkar li kulħadd, imma “l-aktar iż-żgħażagħ, aħna esposti għal zapping kontinwu. Illum possibbli li wieħed jaqleb għal fuq żewġ jew tliet skrins fl-istess ħin, u hekk ukoll jinteraġixxi f’diversi xenarji virtwali. Mingħajr l-għerf tad-dixxerniment nistgħu faċilment ninbidlu f’pupazzi f’idejn it-tendenzi taż-żmien”.[152] U “dan jirriżulta partikularment importanti meta fil-ħajja tagħna sseħħ xi ħaġa ġdida, u allura rridu ngħarblu jekk hix l-inbid il-ġdid li ġej minn Alla jew xi aspett ġdid qarrieq tal-ispirtu tad-dinja jew tal-ispirtu tax-xitan”.[153]

 

280. Dan id-dixxerniment, “anki jekk jinkludi r-raġuni u l-prudenza, imur lil hemm minnhom, għax hu jgħarrex fil-misteru tal-pjan uniku u irrepetibbli li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna. […] Hawn qed nitkellmu fuq is-sens ta’ ħajti quddiem il-Missier li jafni u jħobbni, dak veru, li għalih nista’ nagħti ħajti, u li ħadd iżjed minnu ma jafha daqshekk tajjeb”.[154]

 

281. Hu f’dan il-kwadru li tidħol il-formazzjoni tal-kuxjenza, li permezz tagħha d-dixxerniment jista’ jikber f’termini ta’ profondità u ta’ fedeltà lejn Alla: “Il-formazzjoni tal-kuxjenza hi mixja li tieħu l-ħajja kollha u li fiha nitgħallmu nrawmu fina l-istess sentimenti ta’ Ġesù Kristu billi nagħmlu tagħna l-kriterji tal-għażliet tiegħu u l-intenzjonijiet ta’ kif kien jaġixxi (ara Fil 2:5)”.[155]

 

282. Din il-formazzjoni titlob minna li nħallu lil Kristu jibdilna u fl-istess waqt “ngħixu tajjeb, u dan nivverifikawh fl-eżami tal-kuxjenza: taħriġ li fih mhux sempliċiment naraw x’kienu d-dnubiet, imma nagħrfu wkoll kif Alla jaħdem fl-esperjenza tagħna ta’ kuljum, fil-ġrajjiet tal-istorja u tal-kulturi li fihom ngħixu, fix-xhieda ta’ tant irġiel u nisa oħra li ġew qabilna jew jakkumpanjawna b’għerfhom. Dan kollu jgħinna nikbru fil-virtù tal-prudenza, biex hekk inwettqu l-orjentament globali ta’ ħajjitna bl-għażliet konkreti, fl-għarfien seren tad-doni tagħna imma wkoll tal-limiti tagħna”.[156]

 

Kif tgħarbel il-vokazzjoni tiegħek

283. Espressjoni tad-dixxerniment hu t-tħabrik biex nagħrfu x’inhi l-vokazzjoni tagħna. Hi ħidma li titlob minna nsibu fejn noqogħdu waħidna u fis-skiet, għax din hi deċiżjoni personali ħafna li ħadd ma jista’ jeħodha flokna: “Anki jekk il-Mulej ikellimna b’modi differenti ħafna minn xulxin fuq ix-xogħol tagħna, permezz tal-oħrajn u f’kull mument, ma nistgħux ma nfittxux is-skiet tat-talb fit-tul biex fih nifhmu aħjar dan il-lingwaġġ, biex ninterpretaw it-tifsira vera tat-tnebbiħ li naħsbu li kellna, biex nikkalmaw l-ansjetajiet tagħna u nħarsu lejn il-ġabra sħiħa ta’ ħajjitna għad-dawl ta’ Alla”.[157]

 

284. Dan is-skiet mhux xi għamla ta’ iżolament, għax “irridu niftakru li d-dixxerniment fit-talb jitlob minna l-ewwel u qabel kollox li nkunu lesti li nisimgħu: il-Mulej, l-oħrajn, l-istess realtà li dejjem tisfidana b’modi ġodda. Hu biss dak li lest jisma’ li jsib il-libertà li jiċċaħħad mill-perspettiva parzjali u insuffiċjenti tiegħu […]. Hekk ikun tassew lest biex jilqa’ sejħa li tfarrak iċ-ċertezzi tiegħu imma li twasslu għal ħajja aħjar, għax mhux biżżejjed li kollox sejjer sewwa, li kollox trankwill. Jista’ jkun li Alla qed joffrilna xi ħaġa aktar, u fid-distrazzjoni għażżiena tagħna m’aħniex nagħrfuha”.[158]

 

285. Meta niġu biex nagħmlu dixxerniment fuq il-vokazzjoni tagħna, hemm bżonn nagħmlu bosta mistoqsijiet. Ma rridux nibdew billi nistaqsu lilna nfusna fejn nistgħu naqilgħu l-iżjed, jew fejn jista’ jkollna l-akbar fama u prestiġju soċjali, imma lanqas għandna nibdew billi nistaqsu lilna nfusna liema ħidmiet jagħtuna l-iżjed pjaċir. Biex ma niżbaljawx, hemm bżonn nibdlu l-perspettiva u nistaqsu: Jien naf lili nnifsi biżżejjed, lil hemm minn dak li jidher minn barra u minn dak li nħoss bis-sensi tiegħi? Naf x’inhu li jagħti l-ferħ lil qalbi u xi jnikkitha? Liema huma l-punti b’saħħtihom fija u liema huma l-punti dgħajfa? U minnufih ifiġġu mistoqsijiet oħra: Kif nista’ naqdi aħjar u nkun iżjed ta’ siwi għad-dinja u għall-Knisja? X’inhuwa posti fuq din l-art? X’nista’ noffrilha jien lis-soċjetà? U wara dawn jiġu iktar mistoqsijiet realistiċi: Għandi l-ħiliet meħtieġa biex nista’ nagħmel dan il-qadi? Jew, hemm kif nista’ niksibhom u niżviluppahom?

 

286. Dawn il-mistoqsijiet għandna nagħmluhom mhux daqstant f’relazzjoni magħna nfusna u mal-inklinazzjonijiet tagħna, imma pjuttost f’relazzjoni mal-oħrajn, fil-konfront tagħhom, b’mod li d-dixxerniment lil ħajjitna jagħtiha impostazzjoni f’relazzjoni mal-oħrajn. Għalhekk nixtieq infakkar liema hi l-ikbar mistoqsija: “Tant drabi, fil-ħajja, naħlu l-ħin nistaqsu lilna nfusna: ‘Imma jien min jien?’. Int tista’ toqgħod tistaqsi lilek innifsek min int u tgħaddi ħajtek kollha tfittex min int. Imma staqsi lilek innifsek: ‘Għal min jien?’”.[159] Bla dubju ta’ xejn, inti magħmul għal Alla. Imma hu ried li int tkun hemm ukoll għall-oħrajn, u qiegħed fik bosta kwalitajiet, ġibdiet, doni u kariżmi li mhumiex qegħdin hemm għalik, imma għall-oħrajn.

 

Is-sejħa tal-Ħabib

287. Biex tagħmel dixxerniment tal-vokazzjoni tiegħek, jeħtieġ tagħraf li din hi s-sejħa ta’ ħabib: Ġesù. Lill-ħbieb, meta tagħtihom rigal, tagħtihom l-aħjar. U dan ma jkunx bilfors l-aktar ħaġa li tiswa flus jew diffiċli biex insibuha, imma dik li nafu li se tferraħ lill-ieħor. F’għajnejn ħabib din il-ħaġa hi hekk ċara, li fl-istħajjil tiegħu jista’ saħansitra jara t-tbissima ta’ ħabibu huwa u jiftaħ ir-rigal. Dan id-dixxerniment ta’ ħbiberija hu dak li nixtieq nipproponi liż-żgħażagħ bħala xempju jekk iridu jifhmu liema hi r-rieda ta’ Alla għal ħajjithom.

 

288. Nixtieqkom tkunu tafu li meta l-Mulej jaħseb f’xi ħadd, f’dak li jixtieq jirregalalu, hu jaħseb fih bħala ħabib personali tiegħu. U jekk qatagħha li jirregalalek grazzja, kariżma li sa tgħinek tgħix ħajtek fil-milja tagħha u tinbidel f’persuna għall-qadi tal-oħrajn, f’xi ħadd li se jħalli marka fl-istorja, din żgur mhux forsi ħa tkun ħaġa li tferrħek fil-ġewwieni tiegħek u tħeġġek iżjed minn kull ħaġa oħra f’din id-dinja. Mhux għax dik li se jagħtik hi xi kariżma straordinarja jew rari, imma għax sa tkun skont il-qies tiegħek, għall-qies ta’ ħajtek kollha.

 

289. Id-don tal-vokazzjoni hu bla dubju ta’ xejn don li jitlob minna ħafna. Id-doni ta’ Alla huma interattivi u biex ingawduhom hemm bżonn nirriskjaw ħafna. Madankollu, din mhix l-esiġenza ta’ dmir impost fuqna minn xi ħadd ieħor minn barra, imma xi ħaġa li tqanqalna biex nikbru u biex nagħmlu għażliet biex dan ir-rigal jimmatura u jsir don għall-oħrajn. Meta l-Mulej ikebbes vokazzjoni, hu jaħseb mhux biss f’dak li int, imma f’dak kollu li, flimkien miegħu u għall-oħrajn, int tista’ ssir.

 

290. Il-qawwa tal-ħajja u dik tal-personalità ta’ żagħżugħ it-tnejn iseddqu lil xulxin ġewwa fih u jimbuttawh biex jaqbeż kull limitu. Dan jiġri minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza, imqar jekk ma jdumx ma jinbidel f’esperjenza, ħafna drabi mhux nieqsa mit-tbatija. Importanti li din ix-xewqa tal-“infinit li għadha ma ġietx imġarrba biex tibda”[160] tidħol f’kuntatt mal-imħabba ħielsa li joffrilna Ġesù. Qabel kull liġi u kull dmir, dak li Ġesù qed jipproponilna nagħżlu hu li nimxu warajh, bħall-ħbieb li jimxu wara xulxin, li jfittxu wieħed lill-ieħor u jiltaqgħu sempliċiment għax huma ħbieb. Il-bqija kollu jiġi wara, u mqar il-fallimenti tal-ħajja jistgħu jkunu esperjenza prezzjuża ta’ din il-ħbiberija li qatt ma titkisser.

 

Is-smigħ u t-tisħib

291. Hemm saċerdoti, reliġjużi, lajċi, professjonisti u anki żgħażagħ ikkwalifikati li kapaċi jsieħbu liż-żgħażagħ fid-dixxerniment vokazzjonali tagħhom. Meta tgħin lil xi ħadd jgħarbel it-triq ta’ ħajtu, l-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hi tisma’. Dan is-smigħ jitlob tliet sensibbiltajiet jew attenzjonijiet magħżula minn xulxin imma fl-istess ħin kumplimentari.

 

292. L-ewwel sensibbiltà jew attenzjoni hi għall-persuna. Irridu nisimgħu lill-ieħor li qed jagħtina lilu nnifsu fil-kliem li jgħidilna. Is-sinjal ta’ dan is-smigħ hu l-ħin li niddedika għall-persuna l-oħra. Mhijiex kwistjoni ta’ kemm, imma li l-ieħor iħoss li l-ħin tiegħi huwa tiegħu: il-ħin kollu li għandu bżonn biex jesprimi dak li jixtieq jgħidli. Għandu jħoss li qed nisimgħu bla kundizzjonijiet, bla ma noffendi ruħi, bla ma niskandalizza ruħi, bla ma nieħu fastidju, bla ma nixba’. Dan is-smigħ hu dak tal-Mulej meta jibda miexi mad-dixxipli ta’ Għemmaws u jseħibhom għal biċċa sew mit-triq li kienet qed tieħu fid-direzzjoni opposta ta’ dik tajba (ara Lq 24:13-35). Meta Ġesù jagħmel tabirruħu li kien ħa jibqa’ sejjer għax dawk it-tnejn kienu waslu d-dar, huma jifhmu li hu kien tahom minn ħinu, u hemm jagħtuh tagħhom, u joffrulu l-ospitalità tagħhom. Dan is-smigħ attent u diżinteressat jindika l-valur li għandha l-persuna l-oħra f’għajnejna, lil hemm mill-ideat tagħha u mill-għażliet ta’ ħajjitha.

 

293. It-tieni sensibbiltà jew attenzjoni hi d-dixxerniment. Tfisser li niżnu l-waqt it-tajjeb li fih nagħrfu nagħżlu l-grazzja mit-tentazzjoni. Għax xi drabi dak li jgħaddi mill-immaġinazzjoni tagħna jkunu biss tentazzjonijiet li jbegħduna mit-triq vera tagħna. Hawn irrid nistaqsi lili nnifsi x’qed tgħidli eżatt dik il-persuna, xi trid tgħidli, x’tixtieqni nifhem minn dak li għaddejja minnu. Huma mistoqsijiet li jgħinuna nifhmu kif jorbtu flimkien l-argumenti li jċaqalqu lill-persuna l-oħra u nħossu t-toqol u r-ritmu tal-ħsus u l-imħabbiet tagħha influwenzati minn din il-loġika. Dan is-smigħ nagħmluh bl-għan li ngħarblu l-kelmiet feddejja tal-Ispirtu t-tajjeb, li jurina l-verità ta’ Alla, imma anki n-nasbiet tal-ispirtu l-ħażin, il-qerq tiegħu u l-ġibdiet tiegħu. Irid ikollna l-kuraġġ, ir-rispett u l-ħlewwa li hemm bżonn biex ngħinu lill-ieħor jagħraf il-verità u l-qerq jew il-ġustifikazzjonijiet żbaljati li qed jagħmel.

 

294. It-tielet sensibbiltà jew attenzjoni hi li nagħtu widen għat-tqanqil li l-ieħor iħoss “quddiemu”. Hu s-smigħ profond ta’ “fejn irid imur tassew l-ieħor”. Lil hemm minn dak li qed iħoss u jaħseb bħalissa u minn dak li għamel fl-imgħoddi, l-attenzjoni hawn iddur fuq dak li jixtieq isir. Xi drabi dan jitlob mill-persuna li ma tħarisx tant lejn dak li jogħġobha, ix-xewqat tagħha tal-qoxra, imma dak li jogħġob l-iktar lill-Mulej, il-pjan tiegħu għal ħajjitha li jesprimi ruħu f’inklinazzjoni tal-qalb, lil hemm mill-iskorċa tal-gosti u tas-sentimenti. Dan is-smigħ hu attenzjoni għal dik li hi l-fehma aħħarija, dik li fl-aħħar mill-aħħar tiddeċiedi lejn fejn ħa tmur il-ħajja, għax jeżisti Xi Ħadd bħal Ġesù li jista’ jifhem u japprezza din il-fehma aħħarija tal-qalb. Għalhekk huwa dejjem lest biex jgħin lil kull wieħed u waħda sabiex jagħrafha, u allura biżżejjed għalih li xi ħadd jgħidlu: “Mulej, salvani! Ħenn għalija!”.

 

295. Huwa hawn li d-dixxerniment isir għodda ta’ impenn qawwi biex nimxu aħjar wara l-Mulej.[161] B’dan il-mod, ix-xewqa li nagħrfu x’inhi l-vokazzjoni tagħna tikseb intensità ogħla, kwalità differenti u livell superjuri, li jwieġeb ħafna aħjar għad-dinjità ta’ ħajjitna. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, dixxerniment tajjeb hu mixja ta’ ħelsien li tixħet dawl fuq dik ir-realtà unika ta’ kull persuna, dik ir-realtà li tant hija tagħha, tant hija personali, li Alla waħdu jafha. L-oħrajn la jistgħu jifhmu għalkollox u lanqas ibassru minn barra kif għad tiżviluppa.

 

296. Għalhekk, meta wieħed jagħti widen għall-ieħor b’dan il-mod, jasal f’punt li jgħib mix-xena biex iħallih jimxi fit-triq li jkun skopra. Jgħib kif għeb il-Mulej minn quddiem id-dixxipli tiegħu, u ħalliehom waħidhom ma’ qalbhom imkebbsa, li tinbidel fi tqanqila li ma setgħux jirreżistuha biex jibdew mexjin (ara Lq 24:31-33). Lura fil-komunità, id-dixxipli ta’ Għemmaws isibu l-konferma li l-Mulej tassew qam mill-imwiet (ara Lq 24:34).

 

297. Ladarba “ż-żmien hu aqwa mill-ispazju”,[162] jeħtieġ inqanqlu u nsieħbu l-proċessi, mhux nimponu l-mixjiet. U dawn huma proċessi ta’ persuni li huma dejjem uniċi u ħielsa. Għalhekk hu diffiċli li nsibu riċetti lesti, imqar meta s-sinjali kollha huma pożittivi, għax “il-fatturi pożittivi fihom infushom jeħtieġ li jgħaddu minn ħidma attenta ta’ dixxerniment, biex ma jinqatgħux għalihom infushom u jmorru kontra xulxin, bħallikieku kull fattur ikun xi ħaġa assoluta fih innifsu u f’oppożizzjoni ma’ xulxin. Dan jgħodd ukoll għall-fatturi negattivi, li m’għandhomx jiġu mwarrba kollha f’daqqa bla ebda għażla bejniethom, għaliex f’kull fattur negattiv jista’ jkun hemm moħbi valur li jistenna kif jiġi meħlus u jerġa’ jikseb il-verità sħiħa tiegħu”.[163]

 

298. Imma biex issieħeb lill-oħrajn tul din il-mixja, hemm bżonn qabelxejn li int tkun imħarreġ tajjeb biex timxiha int l-ewwel. Dan għamlitu Marija, staqsiet il-mistoqsijiet tagħha u ħabbtet wiċċha mad-diffikultajiet tagħha meta kienet għadha żgħira ħafna. Ħa tkun hi li ġġedded iż-żgħożija tiegħek bil-qawwa tat-talb tagħha u ssieħbek dejjem bil-preżenza tagħha ta’ Omm.

 

* * *

 

U biex nagħlaq… xewqa

299. Għeżież żgħażagħ, qalbi tifraħ tarakom tħaffu iżjed minn min jeħodha bil-mod u joqgħod jitbeżża’. Iġru, “miġbudin minn dak il-Wiċċ hekk maħbub, li aħna nqimu fl-Ewkaristija mqaddsa u nagħrfu fil-laħam ta’ ħuna li qed ibati. L-Ispirtu s-Santu jimbuttakom hu f’din il-ġirja ’l quddiem. Il-Knisja għandha bżonn tal-qabża tagħkom, tal-intuwizzjonijiet tagħkom, tal-fidi tagħkom. Għandna bżonnhom! U meta taslu hemm fejn aħna għadna ma wasalniex, ħudu paċenzja stennewna”.[164]

 

Loreto, fis-Santwarju tad-Dar Imqaddsa, 25 ta’ Marzu, Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej,

tas-sena 2019, is-seba’ waħda tal-pontifikat.

 

FRANĠISKU

 


 


 

WERREJ TEMATIKU

 

Abbuż, 42, 72, 76, 88, 92, 95, 96, 98

Adolexxenza, 24, 26, 27, 28, 74, 140, 228

Adulti, 14, 29, 64, 66, 79, 80, 139, 159, 201, 204, 216, 242, 262, 268

Akkumpanjament, 242, 243, 244, 247, 291

Alla, 3, 5, 6, 7, 8, 10, 13, 15, 17, 21, 25, 26, 30, 33, 35, 39, 40, 44, 55, 64, 67, 77, 84, 96, 100, 101, 102, 106, 107, 112, 113, 114, 115, 117, 118, 130, 132, 134, 135, 138, 141, 144, 145, 146, 147, 149, 151, 157, 158, 161, 162, 164, 165, 167, 168, 171, 178, 184, 188, 194, 198, 204, 210, 212, 213, 214, 215, 217, 224, 229, 234, 235, 238, 241, 248, 249, 252, 257, 259, 260, 261, 266, 268, 271, 273, 276, 277, 279, 280, 281, 282, 283, 284, 286, 287, 289, 293, 295

Ambjent diġitali, 86, 88

Amoris lætitia, 259

Anġlu, 43

Anzjani, 16, 171, 181, 187, 188, 192, 193, 195, 196, 197, 198, 199, 201

Appostli, 36, 47

Azzjoni, 172, 202, 209, 235, 238, 239, 255

 

Bibbja, 5, 16, 117, 145, 189, 214, 237

 

Deni, ara Ħsara

Dinja, 1, 4, 15, 30, 32, 34, 35, 36, 37, 41, 47, 50, 63, 64, 68, 69, 70, 71, 72, 74, 75, 80, 81, 84, 86, 87, 89, 90, 103, 104, 106, 109, 110, 114, 118, 131, 135, 139, 140, 143, 144, 153, 162, 168, 169, 174, 176, 178, 179, 183, 191, 200, 201, 212, 216, 217, 221,227, 231, 232, 235, 246, 247, 254, 268, 269, 270, 277, 278, 279, 285, 288

Dinjità, 14, 90, 94, 119, 164, 271, 295

Dinjità umana, 90, 271

Diskriminazzjoni, 42

Dixxerniment, 3, 140, 170, 246, 250, 255, 258, 272, 276, 278, 279, 280, 281, 283, 284, 285, 286, 287, 291, 293, 295, 297, ara wkoll Kapitlu 9

Dixxipli, 31, 47, 153, 156, 236, 237, 269, 292, 296

Dnub, 95, 101, 119, 123, 165, 234, 282

Dokument Finali, 4, 208

Drittijiet, 42, 87, 99, 168, 179, 223, 229

Droga, 72, 74, 76, 92, 107

Dubju, 21, 29, 44, 98, 213, 217, 221, 247, 251, 256, 259, 262, 263, 286, 289

 

Edukazzjoni, 247, 262

Elitista, 236

Empatija, 38, 65

Estasi, 163, 164

Età, 14, 26, 34, 49, 53, 56, 68, 79, 92, 109, 135, 136, 140, 166, 243, 262, 268

Evangelii gaudium, 214

Evanġelju, 17, 18, 19, 22, 24, 25, 28, 32, 38, 41, 63, 100, 101, 105, 134, 161, 175, 176, 177, 199, 200, 205, 232, 235

Ewkaristija, 35, 161, 173, 229, 299

Eżortazzjoni, 3, 249, 259, 278

 

Fake news, 89

Familja, 6, 24, 26, 28, 29, 30, 64, 74, 80, 90, 91, 168, 169, 183, 217, 240, 242, 258, 259, 262, 263

Ferħ, 16, 29, 32, 33, 46, 52, 56, 60, 62, 63, 100, 107, 114, 119, 121, 126, 130, 131, 132, 135, 139, 143, 145, 147, 158, 161, 167, 177, 180, 183, 197, 200, 205, 212, 218, 221, 224, 227, 246, 263, 285

Fidi, 3, 4, 11, 37, 46, 51, 53, 54, 55, 59, 61, 72, 80, 91, 118, 124, 141, 159, 164, 168, 170, 173, 176, 178, 210, 211, 219, 220, 221, 224, 225, 226, 230, 234, 238, 240, 246, 299

Fidili, 3, 65, 151, 206, 249

Fiduċja, 17, 29, 31, 57, 62, 77, 107, 118, 133, 152, 155, 157, 210, 217, 218, 236, 238, 264, 274

Foqra, 12, 31, 36, 60, 75, 78, 91, 170, 171, 174, 184, 215, 222, 225, 231, 269

Fraternità, 38, 52, 84, 147, 163, 167, 215, 228, 241

 

Ġenerazzjonijiet, 80, 82, 170, 191, 262

Ġenerożità, 11, 18, 20, 30, 36, 98, 100, 108, 152, 153, 163, 167, 178, 183, 265, 273

Ġenituri, 15, 26, 29, 93, 114, 187, 194, 216, 262

Ġerħa, 81, 100

Ġesù, 12, 13, 14, 16, 17, 18, 20, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 39, 52, 54, 55, 57, 58, 60, 65, 77, 83, 100, 102, 109, 120, 122, 124, 126, 127, 130, 136, 141, 147, 149, 150, 153, 154, 155, 156, 157, 158, 173, 174, 176, 177, 200, 207, 212, 214, 220, 237, 250, 251, 252, 277, 281, 287, 290, 292, 294, ara wkoll Kristu

Ġid komuni, 36, 169, 170, 174, 231, 253

Globalizzazzjoni, 68, 69, 185

Ġuħ, 76

Ġustizzja, 36, 37, 42, 78, 168

Ġwanni Pawlu II, 26

 

Gaudete et exsultate, 249, 278

 

erf, 10, 26, 28, 171, 190, 195, 196, 222, 223, 262, 279, 282

Għeruq, 40, 90, 93, 137, 179, 184, 186, 191, 200, 216, 252

 

Ħajja reliġjuża, 95, 245, 274, 276, 291

Ħallieq, 107, 227, 256

Ħażen, 110, 115, 126, 212

Ħażin, 99, 293

Ħlewwa, 13, 43, 114, 119, 153, 159, 246, 293

Ħniena, 12, 13, 76, 101, 123, 163, 168, 173, 177, 198, 236

Ħolm, 6, 12, 15, 17, 20, 32, 41, 52, 84, 92, 136, 141, 142, 148, 157, 162, 166, 192, 193, 194, 199, 216, 259, 268, 272

Ħolqien, 217, 228

Ħsara, 78, 80, 165

 

HIV, 74

 

Impenn, 3, 42, 97, 99, 100, 168, 170, 184, 185, 241, 295

Internet, 87, 88, 158

 

Kelma ta’ Alla fuq iż-żgħażagħ, ara Kapitlu 1

Kerygma, 211, 213, 214, 222

Knisja, 34, 35, 36, 37, 38, 39, 40, 41, 42, 43, 47, 49, 50, 52, 57, 63, 64, 65, 68, 75, 80, 81, 83, 89, 91, 93, 94, 95, 96, 99, 100, 101, 102, 135, 157, 164, 168, 185, 201, 202, 205, 206, 207, 212, 220, 223, 227, 229, 231, 234, 235, 240, 244, 245, 246, 247, 275,285, 299

Konċilju Vatikan II, 34, 249

Komunjoni, 167, 183, 202

Konsagrazzjoni, 25, 274, 276

Kontradizzjonijiet, 120

Kriminalità, 72, 108

Kristjaneżmu, 59, 69, 156, 233

Kristu, 1, 22, 23, 33, 34, 35, 37, 39, 43, 49, 51, 58, 97, 100, 118, 119, 122, 123, 124, 128, 129, 130, 138, 150, 153, 156, 161, 175, 177, 183, 205, 207, 212, 213, 214, 220, 229, 232, 242, 250, 266, 281, 282, ara wkoll Ġesù

Kultura, 69, 78, 79, 80, 86, 89, 90, 92, 169, 183, 200, 208, 216, 222, 223, 226, 264

Kuraġġ, 10, 31, 32, 36, 99, 100, 138, 169, 171, 175, 177, 178, 203, 210, 233, 240, 274, 293

Kuxjenza, 98, 281, 282

 

Lajċi, 55, 59, 95, 99, 168, 206, 244, 246, 291

Leaders, 230, 231, 245

Libertà, 29, 80, 98, 113, 122, 153, 184, 210, 242, 246, 284

Libertinaġġ, 12

 

Maħfra, 13, 36, 121, 165, 167, 217, 229

Mard, 62, 174

Marija, 29, 43, 44, 46, 48, 56, 298

Mħabba, 3, 62, 112, 114, 115, 116, 117, 118, 120, 151, 152, 155, 183, 187, 194, 197, 200, 212, 216, 237, 251, 252, 260

Midja, 88

Migrazzjoni, 90, 91, 92, 93, 94

Ministeru, 98, 100, 160, 244

Ministri, 40

Missjoni, 8, 10, 23, 24, 25, 27, 30, 44, 54, 95, 138, 140, 175, 178, 210, 222, 239, 240, 241, 250, 253, 254, 257, 275

Mixja, 3, 12, 29, 48, 83, 102, 103, 108, 134, 163, 206, 209, 212, 213, 216, 226, 228, 231, 232, 234, 237, 239, 246, 248, 255, 267, 271, 281, 295, 297, 298

Mixjiet taż-Żgħażagħ, ara Kapitlu 5

Morali, 81, 83, 212, 213, 221

Mulej, 5, 7, 8, 9, 10, 17, 20, 22, 23, 24, 32, 33, 35, 37, 43, 52, 57, 62, 76, 102, 106, 114, 116, 117, 120, 122, 129, 133, 138, 141, 145, 149, 151, 158, 159, 160, 162, 163, 177, 196, 209, 214, 217, 229, 235, 248, 249, 251, 252, 253, 256, 260, 261, 274, 275, 283, 284, 288, 289, 292, 294, 295, 296, 299

 

Nanniet, 187, 194, 196, 216, 262

Natura, 84, 179, 228

Nazaret, 24, 26, 43

Niket, 29, 101, 119, 246

Nsara, 1, 3, 4, 40, 69, 77, 129, 149, 174, 212, 214, 221, 225, 232, 246, 260, 269

 

Omm u Għalliema, 101

Omosesswalità, 81

Ostilità, 169

 

Parabbola, 12, 173

Parroċċa, 216

Pastorali, 30, 87, 103, 202, 203, 204, 206, 208, 209, 214, 215, 218, 221, 224, 226, 230, 231, 232, 234, 235, 236, 239, 240, 242, 244, 254

Pastorali maż-Żgħażagħ. 30, 202, 203, 204, 206, 208, 209, 214, 215, 232, 234, 236, 240, 242, ara wkoll Kapitlu 7

Pawlu VI, 138

Pentekoste, 102

Politika, 31, 73, 91, 92, 168, 182, 271

Poplu, 10, 24, 36, 48, 100, 231, 254

Pornografija, 74, 88, 90

Problemi, 90,141,166,172,202,203, 234, 271

 

Qaddisin, 49, 50, 52, 98, 102, 156, 162, 229, 257

Qdusija, 3, 50, 56, 63, 107, 158, 162, 221, 246, 248, 249

 

Ragħajja, 3, 89, 275

Relazzjoni, 19, 26, 28, 29, 30, 80, 81, 86, 88, 90, 117, 137, 138, 152, 187, 191, 198, 217, 220, 250, 262, 268, 286

Reliġjużi,

Rikonċiljazzjoni, 165

Rxoxt, 2, 20, 124, 130, 173, 213, 237, 250

 

Sabar, 13, 102, 142, 195, 217, 229, 236, 237, 265

Saċerdoti, 95, 98, 99, 100, 246, 275, 291

Sagramentali, 224

Sagramenti, 224, 229, 260

Salib, 23, 83, 118, 119, 121, 157, 183

Saltna ta’ Alla, 153, 168

Salvazzjoni, 121, 130, 149, 178, 252

Sejħa, 8, 32. 34, 37, 50, 52, 137, 149, 153, 165, 171, 175, 187, 209, 234, 248, 249, 250, 253, 259, 260, 268, 273, 275, 276, 277, 284, 287, ara wkoll Vokazzjoni

Sess, 261

Sesswali, 40, 42, 72, 81, 88, 96, 98

Sesswalità, 78, 81, 90, 261, 265

Sesswati, 261

Sinodali, 3, 68, 72, 99, 185, 203, 206

Sinodu, 4, 22, 40, 42, 49, 65, 68, 70, 85, 90, 94, 97, 99, 170, 187, 201, 208, 234, 236, 244, 245, 262, 270

Skola, 216, 221, 222, 228

Skrittura Mqaddsa, ara Bibbja

Soċjali, 36, 72, 74, 78, 140, 141, 168, 169, 170, 172, 174, 183, 202, 212, 216, 219, 247, 271, 285

Soċjetà, 40, 64, 69, 75, 76, 94, 95, 168, 187, 191, 221, 222, 231, 238, 255, 270, 271, 285

Spiritwalità, 26, 50, 98, 158, 159, 161, 162, 163, 181, 184, 196, 214, 223, 225, 229, 246, 254, 269

Spirtu s-Santu, 25, 46, 47, 102, 107, 130, 131, 132, 157, 164, 192, 201, 230, 244, 246, 299

Sport, 177, 210, 218, 227

Studenti, 172, 247

Suċċess, 223, 227, 257

 

Tama, 1, 2, 15, 17, 20, 33, 45, 48, 101, 107, 109, 135, 139, 141, 142, 153, 157, 173, 177, 179, 194, 199, 211

Teknoloġija, 90, 105

Tentazzjoni, 35, 37, 98, 110, 142, 165, 166, 293

Tfal, 28, 29, 64, 72, 74, 76, 136, 140, 196, 216, 221, 225

Tibżax, 10, 101, 133

Tisħib, ara Akkumpanjament

Tjieba, 13

 

Umiltà, 13, 37, 39, 41

 

Verità, 34, 41, 89, 112, 118, 124, 160, 175, 234, 293, 297

Veritatis gaudium, 222

Virtwali, 88, 90, 279

Vittmi, 95,

Vjolenza, 42, 72, 75, 88, 91, 92, 127, 168, 216

Vokazzjoni, 3, 30, 36, 140, 168, 170, 183, 206, 248, 249, 253, 254, 255, 256, 257, 259, 260, 261, 267, 272, 276, 277, 278, 283, 285, 287, 289, 295, ara wkoll Kapitlu 8, ara wkoll Sejħa

 

Xbejbiet, 196

Xbieki soċjali, 87, 105, 195, 210, 214, 241

Xewqat, 44, 48, 58, 81, 83, 84, 98, 138, 144, 145, 148, 149, 161, 167, 174, 196, 211, 216, 234, 258, 259, 272, 290, 294, 295, 299

Xhieda, 164, 175, 176, 198, 204, 214, 219, 221, 229, 235, 267, 275, 282

Xitan, 110, 279

Xjuħ, ara Anzjani

Xogħol, 61, 177, 183, 223, 258, 268, 269, 270, 271, 273, 283

 

Żgħażagħ, 1, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 13, 14, 15, 16, 18, 19, 20, 22, 23, 24, 25, 28, 30, 31, 32, 33, 34, 35, 37, 38, 39, 40, 41, 42, 43, 44, 47, 48, 49, 50, 51, 52, 53, 54, 55, 58, 59, 60, 61, 62, 63, 64, 65, 66, 67, 68, 69, 70, 71, 72, 73, 74, 75, 76, 77, 78, 79, 80, 81, 82, 83, 84, 87, 90, 91, 93, 94, 99, 100, 102, 103, 104, 106, 108, 109, 110, 111, 122, 129, 133, 134, 135, 137, 138, 139, 140, 143, 144, 145, 149, 157, 158, 160, 164, 167, 168, 169, 170, 171, 172, 173, 174, 175, 177, 178, 179, 180, 181, 182, 183, 184, 185, 186, 187, 188, 190, 191, 192, 193, 196, 197, 199, 201, 202, 203, 204, 205, 206, 207, 208, 209, 210, 211, 212, 213, 214, 215, 216, 218, 219, 221, 222, 223, 224, 225, 226, 227, 228, 229, 230, 231, 232, 234, 235, 236, 238, 239, 240, 241, 242, 243, 244, 245, 246, 247, 250, 251, 257, 258, 259, 262, 263, 268, 269, 270, 271, 272, 274, 275, 279, 287, 290, 291, 299

Żgħożija, 1, 9, 10, 13, 16, 17, 18, 19, 22, 23, 24, 27, 28, 30, 31, 32, 34, 37, 41, 48, 50, 68, 71, 79, 102, 108, 109, 133, 134, 135, 136, 137, 138, 140, 143, 148, 150, 156, 159, 160, 161, 166, 167, 180, 182, 183, 184, 268, 298


 

* Minn hawn ’il quddiem f’dan id-dokument, għal raġunijiet prattiċi, b’żagħżugħ nifhmu kemm żagħżugħ (maskil) u kemm żagħżugħa (femminil), sakemm is-sens ma jindikax mod ieħor.

[1] L-istess kelma Griega li tfisser “ġdid” tintuża biex tesprimi “żagħżugħ”.

[2] L-Istqarrijiet, X, 27: PL 32, 795.

[3] Sant’Irinew, Kontra l-ereżiji, II, 22, 4: PG 7, 784.

[4] Dokument finali tal-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 60. Minn hawn ’il quddiem dan id-dokument qed jiġi kkwotat DF. Tista’ ssibu f’http://www.laikos.org/Sinodu_isqfijiet_zghazagh_27102018.htm.

[5] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 515.

[6] Ibid., 517.

[7] Katekeżi (27 ta’ Ġunju 1990), 2-3: Insegnamenti 13, 1 (1990), 1680-1681.

[8] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia (19 ta’ Marzu 2016), 182: AAS 108 (2016), 384.

[9] DF 63.

[10] Messaġġ lill-umanità: Liż-żgħażagħ (8 ta’ Diċembru 1965): AAS 58 (1966), 18.

[11] Ibid.

[12] DF 1

[13] Ibid, 8.

[14] Ibid., 50.

[15] Ibid., 53.

[16] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 8.

[17] DF 150.

[18] Diskors fil-Velja maż-żgħażagħ fl-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (26 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 28-29 ta’ Jannar 2019, 6.

[19] Talba fi tmiem il-Via Crucis tal-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (25 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 27 ta’ Jannar 2019, 12.

[20] DF 65.

[21] Ibid., 167.

[22] San Ġwanni Pawlu II, Diskors liż-żgħażagħ f’Turin (13 ta’ April 1980), 4: Insegnamenti 3, 1 (1980), 905.

[23] Benedittu XVI, Messaġġ għas-XXVII Jum Dinji taż-Żgħażagħ (15 ta’ Marzu 2012): AAS 104 (2012), 359.

[24] DF 8.

[25] Ibid.

[26] Ibid., 10.

[27] Ibid., 11.

[28] Ibid., 12.

[29] Ibid., 41.

[30] Ibid., 42.

[31] Diskors liż-żgħażagħ f’Manila (18 ta’ Jannar 2015): L’Osservatore Romano, 19-20 ta’ Jannar 2015, 7.

[32] DF 34.

[33] Dokument fil-Laqgħa presinodali bi tħejjija għall-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (24 ta’ Marzu 2018), I, 1.

[34] DF 39.

[35] Ibid., 37.

[36] Ara Ittra enċiklika Laudato sì (24 ta’ Mejju 2015), 106: AAS 107 (2015), 889-890.

[37] DF 37.

[38] Ibid., 67.

[39] Ibid., 21.

[40] Ibid., 22.

[41] Ibid., 23.

[42] Ibid., 24.

[43] Dokument fil-Laqgħa presinodali bi tħejjija għall-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (24 ta’ Marzu 2018), I, 4.

[44] DF 25.

[45] Ibid.

[46] Ibid., 26.

[47] Ibid., 27.

[48] Ibid., 28.

[49] Ibid., 29.

[50] Diskors fit-tmiem tal-Laqgħa fuq “Il-ħarsien tal-minuri fil-Knisja” (24 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 25-26 ta’ Frar 2019, 10.

[51] DF 29.

[52] Ittra lill-Poplu ta’ Alla (20 ta’ Awwissu 2018), 2: L’Osservatore Romano, 20-21 ta’ Awwissu 2018, 7.

[53] DF 30.

[54] Diskors lill-I Kongregazzjoni ġenerali tal-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (3 ta’ Ottubru 2018): L’Osservatore Romano, 5 ta’ Ottubru 2018, 8.

[55] DF 31.

[56] Ibid.

[57] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 1.

[58] DF 31.

[59] Ibid., 31.

[60] Diskors fit-tmiem tal-Laqgħa fuq “Il-ħarsien tal-minuri fil-Knisja” (24 ta’ Frar 2019): L’Osservatore Romano, 25-26 ta’ Frar 2019, 11.

[61] Francisco Luis Bernárdez, “Soneto”, f’Cielo de tierra, Buenos Aires, 1937.

[62] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 140.

[63] Omelija fil-Quddiesa tal-XXXI Jum Dinji taż-Żgħażagħ fi Krakovja (31 ta’ Lulju 2016): AAS 108 (2016), 923.

[64] Diskors fiċ-ċerimonja ta’ ftuħ tal-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (24 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 26 ta’ Jannar 2019, 12.

[65] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 1: AAS 105 (2013), 1019.

[66] Ibid., 3: 1020.

[67] Diskors fil-Velja maż-żgħażagħ fl-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (26 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 28-29 ta’ Jannar 2019, 6.

[68] Diskors fil-laqgħa maż-żgħażagħ tul is-Sinodu (6 ta’ Ottubru 2018): L’Osservatore Romano, 8-9 ta’ Ottubru 2018, 7.

[69] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 1: AAS 98 (2006), 217.

[70] Pedro Arrupe, Enamórate.

[71] San Pawlu VI, Diskors għall-beatifikazzjoni ta’ Nunzio Sulprizio (1 ta’ Diċembru 1963): AAS 56 (1964), 28.

[72] DF 65.

[73] Omelija fil-Quddiesa maż-żgħażagħ f’Sydney (2 ta’ Diċembru 1970): AAS 63 (1971), 64.

[74] Mulej, int ħlaqtna għalik, u qalbna ma ssibx mistrieħ ħlief fik”, L-Istqarrijiet, I, 1, 1: PL 32, 661. Popolarment tintqal b’dan il-mod: “”.

[75] Dio è giovane. Una conversazione con Thomas Leoncini, Milano 2018, 16.

[76] DF 68.

[77] Diskors liż-żgħażagħ f’Cagliari (22 ta’ Settembru 2013): AAS 105 (2013), 904-905.

[78] Cinque pani e due pesci. Dalla sofferenza del carcere una gioiosa testimonianza di fede, Milano 2014, 20.

[79] Konferenza Episkopali Żvizzera, Prendre le temps: pour toi, pour moi, pour nous, 2 ta’ Frar 2018.

[80] Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ II-II, q. 23, art. 1.

[81] Diskors lill-voluntiera tal-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (27 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 28-29 ta’ Jannar 2019, 11.

[82] San Oscar A. Romero, Omelija (6 ta’ Novembru 1977): Su pensamiento, I-II, San Salvador 2000, 312.

[83] Diskors fiċ-ċerimonja ta’ ftuħ tal-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (24 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 26 ta’ Jannar 2019, 12.

[84] Ara Laqgħa maż-żgħażagħ fis-Santwarju Nazzjonali ta’ Maipú, Santiago del Cile (17 ta’ Jannar 2018): L’Osservatore Romano, 19 ta’ Jannar 2018, 7.

[85] Ara Romano Guardini, Le età della vita: Opera omnia IV/1, Brescia 2015, 209.

[86] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 11.

[87] Kantiku Spiritwali B, Prologu, 2. Ara San Ġwann tas-Salib, L-Ewwel Volum – Il-Kantiku Spiritwali, Pubblikazzjoni Karmelitana Tereżjana, Malta 1991, 38.

[88] Ibid., XIV-XV, 2. Ara San Ġwann tas-Salib, ibid., 125.

[89] Konferenza Episkopali tal-Irwanda, Ittra tal-Isqfijiet Kattoliċi lill-fidili matul is-sena speċjali tar-rikonċiljazzjoni fl-Irwanda, Kigali (18 ta’ Jannar 2018), 17.

[90] Tislima liż-żgħażagħ fiċ-Ċentru Kulturali Padre Félix Varela all’Avana (20 ta’ Settembru 2015): L’Osservatore Romano, 21-22 ta’ Settembru 2015, 6.

[91] DF 46.

[92] Diskors fil-Velja tat-XXVIII Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janeiro (27 ta’ Lulju 2013): AAS 105 (2013), 663.

[93] Ustedes son la luz del mundo, Discurso en el Cerro San Cristóbal, Chile, 1940: https://www.padrealbertohurtado.cl/escritos-2/.

[94] Omelija fil-Quddiesa tat-XXVIII Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janeiro (28 ta’ Lulju 2013): AAS 105 (2013), 665.

[95] Konferenza Episkopali Kattolika tal-Korea, Ittra pastorali fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mill-martirju tul il-persekuzzjoni Byeong-in (30 ta’ Marzu 2016).

[96] Ara Omelija fil-Quddiesa għall-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (27 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 28-29 ta’ Jannar 2019, 12.

[97] Talba “Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek”, imnebbħa minn San Franġisk ta’ Assisi.

[98] Diskors fil-Velja tal-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (26 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 28-29 ta’ Jannar 2019, 6.

[99] DF 14.

[100] Ara Ittra enċiklika Laudato sì (24 ta’ Mejju 2015), 145: AAS 107 (2015), 906.

[101] Vidjo-messaġġ għal-Laqgħa dinjija taż-żgħażagħ indiġeni fil-Panama (17-21 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 19 ta’ Jannar 2019, 8.

[102] DF 35.

[103] Ara Ittra liż-żgħażagħ, I, 2: PG 31, 565.

[104] Ara La saggezza del tempo. In dialogo con Papa Francesco sulle grandi questioni della vita. A cura di Antonio Spadaro, Venezia 2018.

[105] Ibid, 12.

[106] Ibid, 13.

[107] Ibid.

[108] Ibid.

[109] Ibid., 162-163.

[110] Eduardo Pironio, Messaġġ liż-żgħażagħ Arġentini fil-laqgħa nazzjonali taż-żgħażagħ f’Cordoba (12-15 ta’ Settembru 1985), 2.

[111] DF 123.

[112] L’essenza del cristianesimo, Brescia 1984, 12.

[113] N. 165: AAS 105 (2013), 1089.

[114] Diskors fiż-żjara lid-Dar tas-Samaritan it-Tajjeb fil-Panama (27 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 28-29 ta’ Jannar 2019, 10.

[115] DF 36.

[116] Ara Kostituzzjoni appostolika Veritatis gaudium (8 ta’ Diċembru 2017), 4: AAS 110 (2018), 7-8.

[117] Diskors fil-laqgħa mal-istudenti u d-dinja akkademika fi Pjazza San Duminku f’Bologna (1 ta’ Ottubru 2017): AAS 109 (2017), 1115.

[118] DF 51.

[119] Ibid., 47.

[120] Sermo 256, 3: PL 38, 1193.

[121] DF 47.

[122] Diskors lil delegazzjoni tal-i“Special Olympics International” (16 ta’ Frar 2017): L’Osservatore Romano, 17 ta’ Frar 2017, 8.

[123] Ittra liż-żgħażagħ, VIII, 11-12: PG 31, 580.

[124] Konferenza Episkopali Arġentina, Declaración de San Miguel, Buenos Aires, 1969, X, 1.

[125] Rafael Tello, La nueva evangelización, Tomo II (Anexos I y II), Buenos Aires, 2013, 111.

[126] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 44-45: AAS 105 (2013), 1038-1039.

[127] DF 70.

[128] Ibid., 117.

[129] Ibid., 4.

[130] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 124: AAS 105 (2013), 1072.

[131] Ibid., 122: 1071.

[132] DF 9.

[133] Dokument fil-Laqgħa presinodali bi tħejjija għall-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (24 ta’ Marzu 2018), 12.

[134] Ibid., 10.

[135] DF 15.

[136] N. 2.

[137] Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 11.

[138] Diskors fil-Velja tal-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama (26 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 28-29 ta’ Jannar 2019, 6.

[139] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 273: AAS 105 (2013), 1130.

[140] San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 15: AAS 59 (1967), 265.

[141] Meditación de Semana Santa para jóvenes, miktuba fuq bastiment tat-tagħbija, lura mill-Istati Uniti, 1946: https://www.padrealbertohurtado.cl/escritos-2/.

[142] Laqgħa maż-żgħażagħ tal-Umbrija f’Assisi (4 ta’ Ottubru 2013): AAS 105 (2013), 921.

[143] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia (19 ta’ Marzu 2016), 150: AAS 108 (2016), 369.

[144] Udjenza liż-żgħażagħ tad-Djoċesi ta’ Grenoble-Vienne, Franza (17 ta’ Settembru 2018): L’Osservatore Romano, 19 ta’ Settembru 2018, 8.

[145] DF 32.

[146] Laqgħa mal-voluntiera tat-XXVIII Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janiero (28 ta’ Lulju 2013): Insegnamenti, 1, 2 (2013), 125.

[147] Konferenza Episkopali tal-Kolombja, Mensaje Cristiano sobre el matrimonio (14 ta’ Mejju 1981).

[148] Konferenza Episkopali tal-Istati Uniti, Sons and Daughters of Light: A Pastoral Plan for Ministry with Young Adults, 12 ta’ Novembru 1996, I, 3.

[149] Ittra enċiklika Laudato sì (24 ta’ Mejju 2015), 128: AAS 107 (2015), 898.

[150] Ibid., 125: 897.

[151] DF 40.

[152] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 167.

[153] Ibid., 168.

[154] Ibid., 170.

[155] DF 108.

[156] Ibid.

[157] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 171.

[158] Ibid., 172.

[159] Diskors fil-Velja ta’ talb bi tħejjija għall-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ, Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, (8 ta’ April 2017): AAS 109 (2017), 447.

[160] Romano Guardini, Le età della vita: Opera omnia IV/ 1, Brescia 2015, 209.

[161] Ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 169.

[162] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 222: AAS 105 (2013), 1111.

[163] San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores dabo vobis (25 ta’ Marzu 1992), 10: AAS 84 (1992), 672.

[164] Laqgħa ta’ talb maż-żgħażagħ Taljani fiċ-Circo Massimo ta’ Ruma (11 ta’ Awwissu 2018): L’Osservatore Romano, 13-14 ta’ Awwissu 2018, 6.