IL-KTIEB TAL-PROFETA ŻAKKARIJA

1. Sejħa għall-konverżjoni

[Żak:1:1] Fit-tmien xahar tat-tieni sena ta' Dariju, il-kelma tal-Mulej ġiet lill-profeta Żakkarija bin Barakija, bin Għiddu, u qallu: [Żak:1:2] "Il-Mulej saħan bil-kbir għal missirijietkom. [Żak:1:3] Mela mur għidilhom: Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Erġgħu duru lejja, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, u jiena nerġa' ndur lejkom, jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Żak:1:4] Tkunux bħal missirijietkom, li l-profeti ta' l-imgħoddi kienu sejjħulhom u qalulhom: 'Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: M'hux li kontu dduru lejja mit-triqat il-ħżiena tagħkom u mill-għemejjel il-ħżiena tagħkom!' Iżda huma ma semgħux, u widen ma tawnix, oraklu tal-Mulej. [Żak:1:5] Fejn huma issa missirijietkom? U jaqaw il-profeti tagħkom għal dejjem se jgħixu? [Żak:1:6] Iżda kliemi u l-ordnijiet tiegħi, li jien kont ordnajt lill-qaddejja tiegħi l-profeti, jaqaw lil missirijietkom ma laħquhomx? Għalhekk huma sogħob bihom u qalu: Il-Mulej ta' l-eżerċti qatagħha li jġib ruħu magħna skond it-triqat u l-għemejjel tagħna; u hekk għamel!"

L-ewwel dehra: ir-rikkieba

[Żak:1:7] Fl-erbgħa u għoxrin jum tal-ħdax-il xahar, li hu x-xahar ta' Xebat, fit-tieni sena ta' Dariju, il-kelma tal-Mulej waslet lill-profeta Żakkarija bin Barakija, bin Għiddu; waslitlu hekk: [Żak:1:8] Kelli dehra billejl, u ara, kien hemm raġel riekeb fuq żiemel aħmar. Kien wieqaf qalb ix-xtieli tar-riħan li kienu fil-wied, u warajh kien hemm żwiemel ħomor, qastnin u bojod. [Żak:1:9] U jien għedt: "Dawn x'inhuma, sidi?" U qalli l-anġlu li kien kellimni: "Jiena nurik dawn x'inhuma." [Żak:1:10] Mbagħad ir-raġel li kien wieqaf qalb ix-xtieli tar-riħan wieġeb u qal: "Dawn huma dawk li l-Mulej bagħathom biex jiġġerrew 'l hawn u 'l hemm fuq l-art." [Żak:1:11] U huma qabdu u qalu lill-anġlu tal-Mulej li kien wieqaf qalb ix-xtieli tar-riħan: "Aħna morna niġġerrew ma' l-art, u ara, l-art kollha kwieta u siekta." [Żak:1:12] U l-anġlu tal-Mulej qabad u qal: "Mulej ta' l-eżerċti, kemm se ddum ma tħenn għal Ġerusalemm u għall-ibliet ta' Ġuda li għalihom ilek inkurlat sebgħin sena sħaħ?" [Żak:1:13] U l-Mulej wieġeb bil-ħlewwa u bi kliem ta' faraġ lill-anġlu li kien tkellem miegħi. [Żak:1:14] Mbagħad l-anġlu li kien tkellem miegħi qalli: "Mur xandar u għid: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Jiena għajjur fuq li għajjur għal Ġerusalemm u għal Sijon; [Żak:1:15] iżda mgħaddab għall-aħħar għall-ġnus li, bla ma ħabblu rashom minn xejn, mexxew il-ħsara 'l quddiem, mqar meta jien kont inkurlat ftit.' [Żak:1:16] Mela hekk jgħid il-Mulej: "Fil-ħniena tiegħi nerġa' ndur lejn Ġerusalemm; it-tempju tiegħi jerġa' jinbena fiha, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, u l-ħabel tal-kejl ikun mifrux fuq Ġerusalemm!" [Żak:1:17] Żid xandar u għid: "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: L-ibliet tiegħi għad jerġgħu jfuru bil-ġid. U l-Mulej jerġa' jħenn għal Sijon u mill-ġdid jaħtar lil Ġerusalemm!"

2. It-tieni dehra: il-qrun u l-ħaddieda

[Żak:2:1] Mbagħad erfajt għajnejja u ħarist, u ara, kien hemm erbat iqrun. [Żak:2:2] U jiena għedt lill-anġlu li kien kellimni: "Dawn x'inhuma?" U hu weġibni: "Dawn huma l-qrun li xerrdu lil Ġuda, lil Iżrael u 'l Ġerusalemm". [Żak:2:3] Mbagħad il-Mulej urieni erba' ħaddieda. [Żak:2:4] "Dawn x'ġejjin jagħmlu?" għedt jien. U hu wieġeb u qal: "Dawn huma l-qrun li xerrdu 'l Ġuda, hekk li ħadd ma rafa' rasu; u dawn ġew biex ibeżżgħuhom, ħalli jkeċċu l-qrun tal-ġnus li refgħu qrunhom għall-art ta' Ġuda biex ixerrduha."

It-tielet dehra: il-kejjiel

[Żak:2:5] Mbagħad erfajt għajnejja u ħarist, u ara kien hemm raġel li f'idu kellu ħabel biex iqis. [Żak:2:6] U jien għedtlu: "Fejn inti sejjer?" U hu weġibni: "Sejjer inqis 'il Ġerusalemm, biex nara kemm hu l-wisa' tagħha u kemm hu t-tul tagħha." [Żak:2:7] U ara, l-anġlu li kien kellimni waqaf u anġlu ieħor resaq jiltaqa' miegħu. [Żak:2:8] U dak qallu: "Iġri, kellem lil dak iż-żagħżugħ u għidlu: 'Ġerusalemm tkun mgħammra bħal bliet mingħajr swar, daqs kemm ikun hemm nies u bhejjem ġo fiha.' [Żak:2:9] U jien inkun għaliha, oraklu tal-Mulej, ħajt tan-nar madwarha, u nkun is-sebħ tagħha f'nofsha."

Żewġ sejħat lill-itturufnati

[Żak:2:10] Isaw! Isaw!
Aħirbu mill-art tat-tramuntana,
oraklu tal-Mulej,
għax jien ferrixtkom
ma' l-erbat irjieħ tas-sema,
oraklu tal-Mulej.
[Żak:2:11] Isa, Sijon, aħrab,
int li tgħammar f'Babilonja!
[Żak:2:12] Għax hekk qal il-Mulej ta' l-eżerċti,
wara li l-Glorja tiegħu bagħtitni
għand il-ġnus li ħatfulkom kollox;
għax min imiss lilkom
imiss il-mimmi ta' għajnejh:
[Żak:2:13] "Ara, se nerfa' idi fuqhom,
u jsiru priża ta' l-ilsiera tagħhom."
U intom tagħrfu
li l-Mulej ta' l-eżerċti bagħatni.
[Żak:2:14] Għajjat bil-ferħ u infexx fl-hena,
bint Sijon.
għaliex arani ġej
biex ngħammar f'nofsok,
oraklu tal-Mulej,
[Żak:2:15] u kotra kbira ta' ġnus
jingħaqdu dakinhar mal-Mulej;
u huma jkunu l-poplu tiegħi.
U jiena ngħammar f'nofsok;
mbagħad inti tagħraf
li l-Mulej ta' l-eżerċti bagħatni għandek.
[Żak:2:16] U l-Mulej jieħu 'l Ġuda
bħala sehmu mill-wirt fl-Art Imqaddsa,
u jerġa' jaħtar lil Ġerusalemm!
[Żak:2:17] Żommu s-skiet quddiem il-Mulej,
intom il-ħajjin ilkoll,
għax stenbaħ mill-għamara mqaddsa tiegħu!

3. Ir-raba' dehra: l-ilbies ta' Ġożwè

[Żak:3:1] Mbagħad urieni 'l Ġożwè, il-qassis il-kbir, wieqaf quddiem l-anġlu tal-Mulej, u x-Xitan bilwieqfa n-naħa tal-lemin tiegħu biex jixlih. [Żak:3:2] U l-anġlu tal-Mulej qal lix-Xitan: "Jalla l-Mulej irażżnek, Xitan! Irażżnek il-Mulej li ħatar 'il Ġerusalemm! Jaqaw dan m'hux qisu ħatba mkebbsa meħuda min-nar?" [Żak:3:3] Issa Ġożwè, waqt li kien bilwieqfa quddiem l-anġlu, kien liebes ħwejjeġ maħmuġa.

[Żak:3:4] U l-anġlu qabad u kellem lil dawk li kienu bilwieqfa quddiemu u qalilhom: "Neħħulu l-ħwejjeġ maħmuġa minn fuqu." U lilu qallu: "Ara, neħħejtlek ħżunitek minn fuqek; ħa jlibbsuk issa lbies prezzjuż." [Żak:3:5] U kompla jgħidilhom: "Qegħdulu turbant nadif fuq rasu." U huma qegħdulu turbant nadif fuq rasu u xiddewlu l-ilbies. L-anġlu tal-Mulej kien hemm bilwieqfa. [Żak:3:6] U l-anġlu tal-Mulej wissa lil Ġożwè u qallu: [Żak:3:7] "Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 'Jekk int timxi fi triqati, u jekk tħares il-preċetti tiegħi, hekk ukoll tmexxi lil dari, u jkollok il-btieħi tiegħi taħt il-ħarsien tiegħek; u jiena nagħtik li tgħaddi fost dawk li huma weqfin hawn.

Il-miġja tar-Rimja

[Żak:3:8] "Issa isma', Ġożwè, qassis il-kbir, int u sħabek li qegħdin quddiemek, għax huma awgurju għall-ġejjieni. Għax ara, se nġib il-qaddej tiegħi, ir-Rimja. [Żak:3:9] Għax ara, il-ġebla li jien qegħedt quddiem Ġożwè; fuq din il-ġebla waħda ta' seba' għajnejn, ara, se nonqox it-tinqix tagħha, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, u f'jum wieħed inneħħi l-ħażen ta' din l-art. [Żak:3:10] F'dak il-jum, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, intom tistiednu 'l xulxin taħt id-dielja u taħt it-tina tagħhom."

4. Il-ħames dehra: l-imnara u s-siġar taż-żebbuġ

[Żak:4:1] U l-anġlu li kien ikellimni raġa' qajjimni bħal meta bniedem jistenbaħ min-ngħas tiegħu. [Żak:4:2] U qalli: "X'inti tara?" "Ara," għedtlu jien, "qed nilmaħ imnara kollha kemm hi tad-deheb, u bieqja fuq il-quċċata tagħha, u seba' msiebaħ fuqha, b'seba' żennuniet għall-imsiebaħ ta' fuqha; [Żak:4:3] u wkoll żewġ siġriet taż-żebbuġ maġenbha, waħda fuq il-lemin ta' l-imnara u l-oħra fuq ix-xellug tagħha." [Żak:4:4] U qbadt ngħid lill-anġlu li kien ikellimni: "Dawn x'inhuma, sidi," għedtlu. [Żak:4:5] U l-anġlu li kien ikellimni qabad u qalli: "Ma tafx x'inhuma dawn?" "Le, sidi," għedtlu jien. [Żak:4:6] Mbagħad weġibni u qalli: "Din hi l-kelma tal-Mulej dwar Żerubbabel: La bil-ħila u lanqas bil-qawwa, imma bl-ispirtu tiegħi, qal il-Mulej ta' l-eżerċti. [Żak:4:7] Int x'int, muntanja kbira? Quddiem Żerubbabel issir wita! U huwa joħroġ il-ġebla ta' fuqnett fost l-għajat ta' 'Xi ġmiel! Xi ġmiel!' "

[Żak:4:8] U waslitli l-kelma tal-Mulej, hekk: [Żak:4:9] "Idejn Żerubbabel qiegħdu s-sisien ta' dan it-tempju, u idejh iwassluh sat-tmiem. U intom tagħrfu li l-Mulej ta' l-eżerċti bagħatni għandkom. [Żak:4:10] Għax dawk li maqdru l-jum tal-ħwejjeġ ta' xejn, għad jifirħu xħin jaraw iċ-ċomb tal-qjies f'id Żerubbabel.

"Dawn is-sebgħa huma għajnejn il-Mulej, li jiġru ma' l-art kollha." [Żak:4:11] U jien staqsejtu: "X'inhuma dawn iż-żewġ siġriet taż-żebbuġ li hawn fuq il-lemin u fuq ix-xellug ta' l-imnara?" [Żak:4:12] "U x'inhuma," tennejt nistaqsih, "iż-żewġ friegħi taż-żebbuġ li hemm maġenb iż-żewġ kanen tad-deheb li minnhom qed jitferragħ iż-żejt?" [Żak:4:13] Weġibni u qalli "Ma tafx x'inhuma dawk?" "Le, sidi," għedtlu. [Żak:4:14] "Dawn," qalli, "huma ż-żewġ Midlukin biż-żejt li hemm wieqfa quddiem Sid l-art kollha."

5. Is-sitt dehra: il-ktieb itir

[Żak:5:1] U rġajt erfajt għajnejja, u ara, nilmaħ ktieb itir! [Żak:5:2] "X'inti tara?" qalli. "Qed nara ktieb itir," weġibtu, "it-tul tiegħu hu ta' għoxrin driegħ, u l-wisa' għaxra." [Żak:5:3] Mbagħad qalli: "Din hi s-saħta ħierġa fuq wiċċ il-pajjiż kollu; għaliex skond ma hemm fiha, kull ħalliel għad jinqered minn hawn; skond ma hemm fiha, kull min jaħlef falz għad jinqered minn hawn. [Żak:5:4] Kont jien li ħriġt din is-saħta, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, u hi se tidħol f'dar il-ħalliel u f'dar min jaħlef b'ismi fil-falz, u tibqa' ġo daru, u ttemm lilha u l-injam tagħha u l-ġebel tagħha."

Is-seba' dehra: il-mara fl-efa

[Żak:5:5] Mbagħad l-anġlu li kien ikellimni resaq u qalli: "Issa erfa' ħarstek u ara x'inhi dil-ħaġa li riesqa." [Żak:5:6] "X'inhi?" staqsejtu. U hu weġibni: "Din li ħierġa hija efa," qalli, "dan hu l-ħażen tagħhom fil-pajjiż kollu." [Żak:5:7] U ara, jintrefa' l-għatu taċ-ċomb, u ġo l-efa kien hemm mara bilqiegħda. [Żak:5:8] "Din hija l-ħażen," qalli, u xeħetha lura ġo l-efa, u raġa' għattieh bl-għatu taċ-ċomb. [Żak:5:9] Mbagħad erfajt għajnejja u ħarist, u ara, kien hemm żewġ nisa resqin, bir-riħ fi ġwenħajhom, ġwenħajhom kienu bħal ġwenħajn iċ-ċikonja, u refgħu l-efa bejn l-art u s-sema. [Żak:5:10] Jiena mbagħad staqsejt lill-anġlu li kien ikellimni: "Dawn fejn se jeħduha l-efa?" [Żak:5:11] "Biex jibnulha dar fl-art ta' Singħar," qalli, "u meta jlestuha, iqegħduha hemm, fil-bini tagħha."

6. It-tmien dehra: il-karrijiet

[Żak:6:1] U għal darb'oħra rfajt għajnejja u ħarist; u ara, kien hemm erba' karrijiet ħerġin minn bejn iż-żewġ muntanji tal-bronż. [Żak:6:2] Mal-karru ta' quddiem kien hemm żwiemel ħomor, mat-tieni karru żwiemel suwed, [Żak:6:3] mat-tielet karru żwiemel bojod, u żwiemel imnaqqxa u fuq tagħhom mar-raba' karru." [Żak:6:4] U jiena qbadt u għedt lill-anġlu li kien ikellimni: "Dawn x'inhuma, sidi?" [Żak:6:5] Weġibni l-anġlu u qalli: "Dawn huma l-erbat irjieħ tas-sema ħerġin minn quddiem Sid l-art kollha. [Żak:6:6] Iż-żwiemel is-suwed sejrin lejn art it-tramuntana; il-bojod sejrin wara dawn lejn art il-punent; u l-imnaqqxin sejrin lejn art in-nofsinhar." [Żak:6:7] U dawk fuq tagħhom ħarġu ħfief biex ifittxu jmorru ħa jiġġerrew ma' l-art. U qalilhom: "Morru ġġerrew ma' l-art." U huma ġġerrew ma' l-art. [Żak:6:8] Mbagħad sejjaħli u kellimni: "Ara," qalli, "dawk li sejrin lejn art it-tramuntana se jserrħu l-ispirtu tal-Mulej fuq art it-tramuntana."

Il-kuruna tal-glorja

[Żak:6:9] U waslitli l-kelma tal-Mulej u qalli: [Żak:6:10] "Ħu l-offerti ta' l-itturufnati mingħand Ħeldaj u Tobija u Ġedajja, u mur int illum stess, mur għand Ġosija bin Sefanija, li ġie wkoll minn Babilonja. [Żak:6:11] U ħu fidda u deheb, agħmel kuruna u qegħedha fuq ras Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir. [Żak:6:12] Kellmu u għidlu: 'Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Ara l-bniedem li ismu hu r-Rimja; mill-post fejn qiegħed hu għad jinbet u jibni s-santwarju tal-Mulej. [Żak:6:13] Ikun hu li jibni s-santwarju tal-Mulej, u hu jieħu fuqu l-glorja ta' sultan, u joqgħod jaħkem fuq it-tron tiegħu. U fuq il-lemin tiegħu jkun hemm qassis, u bejniethom it-tnejn ikun hemm ftehim ta' sliem." [Żak:6:14] U l-kuruna tkun għal Ħeldaj, għal Tobija, għal Ġedajja, u għal Ġosija bin Sefanija, bħala tifkira fis-santwarju tal-Mulej. [Żak:6:15] U l-imbegħdin jiġu u jibnu s-santwarju tal-Mulej. U intom tagħrfu li kien il-Mulej ta' l-eżerċti li bagħatni għandkom. U dan jiġri jekk intom tisimgħu u tagħtu widen għal-leħen tal-Mulej, Alla tagħkom."

7. Dwar is-sawm

[Żak:7:1] U ġara li fir-raba' sena tas-sultan Dariju, fir-raba' jum tad-disa' xahar, li hu Kislew, il-kelma tal-Mulej waslet lil Żakkarija. [Żak:7:2] U Betel-sareser, uffiċjal għoli tas-sultan, bagħat in-nies tiegħu biex jitolbu bil-ħniena quddiem il-Mulej, [Żak:7:3] u jkellmu lill-qassisin tat-tempju tal-Mulej ta' l-eżerċti u lill-profeti u jgħidulhom: "Għandi jiena nibki fil-ħames xahar u nsum kif x'issa għamilt għal ħafna snin?

Tfakkira ta' l-imgħoddi

[Żak:7:4] Mbagħad waslitli l-kelma tal-Mulej ta' l-eżerċti u qalli: [Żak:7:5] "Kellem lill-poplu tal-pajjiż u lill-qassisin, u għidilhom: Meta matul dawn is-sebgħin sena somtu u tnehidtu fil-ħames u fis-seba' xahar, is-sawm minħabba fija somtuh? [Żak:7:6] Huwa meta tieklu u tixorbu, m'hux għalikom tkunu qegħdin tieklu u tixorbu? [Żak:7:7] M'hux dan il-kliem li l-Mulej kien xandar permezz tal-profeti ta' l-imgħoddi, meta Ġerusalemm kienet mgħammra bin-nies u miexja bir-riżq, u l-bliet tagħha ta' madwarha u l-art tan-Negeb u dik tal-wita kienu mgħammrin?"

[Żak:7:8] U l-kelma tal-Mulej waslet lil Żakkarija, hekk: [Żak:7:9] "Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Agħmlu l-ħaqq fis-sewwa; uru tjieba u ħniena bħal aħwa lil xulxin; [Żak:7:10] taħqrux l-armla u l-iltim, il-barrani u l-fqir; tbejjtux fi qlubkom deni għal xulxin." [Żak:7:11] Iżda huma ma ridux jagħtu widen, tawni daharhom, saddew widnejhom li ma jmorrux jisimgħu, [Żak:7:12] u webbsu qalbhom daqs id-djamant biex ma jobdux il-liġi u l-kliem tal-Mulej ta' l-eżerċti li kien bagħat bl-ispirtu tiegħu permezz tal-profeti ta' l-imgħoddi. Mbagħad tkebbset korla kbira min-naħa tal-Mulej ta' l-eżerċti. [Żak:7:13] "U ġara li, bħalma hu sejjaħ u huma ma semgħux, hekk ukoll għad isejjħu u jiena ma nismax," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti; [Żak:7:14] "u jiena xerridthom fost il-ġnus kollha li ma kinux jafu bihom. U l-art saret ħerba warajhom, bla ħadd ma jgħaddi minnha u jerġa'. Art l-hena għamluha ħerba."

8. Il-ġid ta' żmien il-Messija

[Żak:8:1] U ġiet il-kelma tal-Mulej ta' l-eżerċti u qalli: [Żak:8:2] Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:
"Jien għajjur fuq li għajjur għal Sijon,
għajjur għaliha b'korla li ma bħalha."
[Żak:8:3] Dan jgħid il-Mulej:
"Mill-ġdid indur lejn Sijon,
u niġi ngħammar f'nofs Ġerusalemm.
Mbagħad lil Ġerusalemm
jibdew ixandruha bħala 'il-Belt il-fidila',
u l-muntanja tal-Mulej ta' l-eżerċti
bħala 'il-Muntanja l-qaddisa'."
[Żak:8:4] Dan jgħid il-Mulej:
"Il-pjazez ta' Ġerusalemm
għad jerġgħu joqogħdu fihom
ix-xjuħ, rġiel u nisa,
kulħadd bil-bastun f'idu
minħabba t-tul ta' għomru.
[Żak:8:5] U l-pjazez tal-belt
jimtlew bi tfal subjien u bniet,
jilagħbu fil-wesgħat tagħha."
[Żak:8:6] Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:
"Jekk illum din hija ħaġa ta' l-għaġeb
f'għajnejn fdal dan il-poplu,
se tkun ta' l-għaġeb f'għajnejja wkoll?"
Oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.
[Żak:8:7] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:
"Ara, jiena nsalva l-poplu tiegħi
mil-lvant u mill-punent,
[Żak:8:8] u nġibhom lura
biex jgħammru f'nofs Ġerusalemm;
u huma jkunu l-poplu tiegħi,
u jiena nkun Alla tagħhom,
fidil u ġust."

[Żak:8:9] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Ħa jissaħħu idejkom, intom li f'dawn il-jiem smajtu dawn il-kelmiet li qalu l-profeti li kien hemm fi żmien it-tqegħid tas-sisien tat-tempju tal-Mulej ta' l-eżerċti għall-bini tas-santwarju. [Żak:8:10] Għax qabel dak iż-żmien ma kienx hemm salarju għall-bniedem jew ħlas għall-bhima, u lanqas min kien ħiereġ u dieħel ma kellu rasu mistrieħa mill-għadu, wara li jiena xħett in-nies kollha wieħed kontra l-ieħor. [Żak:8:11] Imma issa jiena m'għadnix bħalma kont fl-imgħoddi għall-bqija ta' dan il-poplu, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, [Żak:8:12] għax jiena niżra' s-sliem, id-dielja tagħti l-frott tagħha, u l-art tagħti l-għelejjel tagħha, u s-smewwiet in-nida tagħhom; u dan kollu nagħtih lill-bqija ta' dan il-poplu biex ikun tagħhom. [Żak:8:13] U jiġri li bħalma intom, dar ta' Ġuda u dar ta' Iżrael, kontu saħta fost il-ġnus, hekk jiena nsalvakom, u tkunu barka. Tibżgħu xejn: ħa jissaħħu idejkom!"

[Żak:8:14] Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Bħalma kont ħsibt li nagħmlilkom id-deni meta missirijietkom kebbsuli l-korla tiegħi, u l-ħsieb ma biddiltux," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, [Żak:8:15] "hekk f'dawn il-jiem erġajt għamilt il-ħsieb li nagħmel il-ġid lil Ġerusalemm u lid-dar ta' Ġuda. La tibżgħux!

[Żak:8:16] "Dawn huma l-ħwejjeġ li għandkom tagħmlu: Għidu s-sewwa lil xulxin; fil-bibien ta' beltkom għamlu l-ħaqq li jġib is-sliem; [Żak:8:17] tbejjtux deni għal xulxin fi qlubkom, u l-ħalf fil-falz la taħmluhx, għax dan hu kollu li jiena nobgħod," oraklu tal-Mulej.

Tweġiba dwar is-sawm

[Żak:8:18] U ġietni l-kelma tal-Mulej ta' l-eżerċti: u qalli: [Żak:8:19] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Is-sawm tar-raba' xahar, u s-sawm ta' l-ħames u s-sawm tas-seba' u s-sawm ta' l-għaxar xahar, ikun għad-dar ta' Ġuda jiem ta' ferħ u hena u ta' festi sbieħ. Imma ħobbu s-sewwa u s-sliem!"

Żminijiet il-Messija

[Żak:8:20] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Għad jiġu popli u nies li jgħammru fi bliet kbar, [Żak:8:21] u n-nies ta' belt imorru għand dawk ta' belt oħra u jgħidulhom: 'Imxu, ejjew immorru għand il-Mulej nitolbuh ħniena u nfittxu l-Mulej ta' l-eżerċti; ngħid għalija, sejjer jien ukoll.' [Żak:8:22] U kotra ta' popli u ġnus qawwija jiġu jfittxu l-Mulej ta' l-eżerċti f'Ġerusalemm u jitolbu l-ħniena tal-Mulej."

[Żak:8:23] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "F'dawk il-jiem għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-libsa tiegħu, u jgħidulu: 'Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!' "

9. L-art il-ġdida

[Żak:9:1] Oraklu:
Il-Mulej għadda mill-art ta' Ħadrak,
u Damasku l-post tal-mistrieħ tiegħu;
għax tal-Mulej huma bliet Aram,
u kull tribù ta' Iżrael.
[Żak:9:2] U Ħamat ukoll, li tmiss miegħu,
u Tir u Sidon, għad li għerfhom kbir.
[Żak:9:3] Għaliha nfisha Tir bniet fortizza,
u ġabret fidda bħat-trab,
u deheb bħat-tajn tat-triqat.
[Żak:9:4] Ara, is-Sid għad jagħmilha priża
u ġidha jwaddabhulha fil-baħar,
[Żak:9:5] Askalon tara dan u tibża',
titkexkex Gaża, u Għekron ukoll,
għax it-tama tagħha tisfa fix-xejn.
Is-sultan jgħib minn Gaża,
Askalon ma tkunx mgħammra bin-nies,
[Żak:9:6] u nies ta' demm imħallat jgħammru f'Asdod!
U jiena neqred il-kburija tal-Filistin,
[Żak:9:7] demmhom inneħħilhom minn fommhom,
u t-tinġis tagħhom minn bejn snienhom;
isiru huma wkoll fdal lil Alla tagħna,
u jkunu bħal familja f'Ġuda,
u Għekron bħall-Ġebusin.
[Żak:9:8] U noqgħod għassa madwar Dari,
biex ħadd ma joqgħod dieħel u ħiereġ,
u ma jidħolx aktar għalihom min jaħqarhom,
għax issa rajt l-hemm tagħhom.

Il-Messija

[Żak:9:9] Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon;
għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!
Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek;
ġust u rebbieħ,
umli u riekeb fuq ħmar,
fuq felu ta' ħmara.
[Żak:9:10] Hu jeqred il-karru minn Efrajm
u ż-żiemel minn Ġerusalemm;
jinqered il-qaws tal-gwerra.
Hu jxandar il-paċi lill-ġnus,
il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar,
u mix-xmara ta' l-Ewfrat sat-trufijiet.

It-tiġdid ta' Iżrael

[Żak:9:11] Int ukoll, minħabba d-demm tal-patt
tiegħek li għamilt miegħi,
nitlaqlek l-ilsiera tiegħek
ħielsa mill-ħofra fejn ma hemmx ilma.
[Żak:9:12] U jerġgħu lura għandek, bint Sijon,
l-ilsiera li qegħdin bit-tama.
Millum stess inħabbar
li għad inroddlok id-doppju.
[Żak:9:13] Għax il-qaws tiegħi, li hu Ġuda, hu
miġbud,
armajtu bil-vleġġa, li hi Efrajm.
Se nvenven 'l uliedek bħal lanza, Sijon,
kontra wliedek, Ġawan,
u nagħmlek bħal sejf ta' gwerrier.
[Żak:9:14] Mbagħad il-Mulej jidher fuqhom,
u toħroġ bħal berqa l-vleġġa tiegħu.
Il-Mulej Sidi jdoqq it-tromba,
u jimxi 'l quddiem fit-tempesti tan-nofsinhar.
[Żak:9:15] Il-Mulej ta' l-eżerċti jħarishom,
u jaslu li xejn ma jqisu ċ-ċagħak ta' l-iżbandoli;
ixejjnuhom u jisħquhom taħt riġlejhom.
Id-demm jixorbuh qisu nbid,
u jimtlew bih bħall-kantunieri ta' l-artal.
[Żak:9:16] Dakinhar isalvahom il-Mulej, Alla tagħhom,
jirgħa l-poplu tiegħu bħal merħla,
għax bħal ġawhar prezzjuż ta' dijadema
jkunu jleqqu fuq l-art tiegħu.
[Żak:9:17] Xi tjubija u xi ġmiel ikun fiha!
Il-qamħ jaħji ż-żgħażagħ,
u l-inbid ġdid it-tfajliet.

10. Fedeltà lejn il-Mulej

[Żak:10:1] Itolbu x-xita mingħand il-Mulej
meta tkun qorbot fl-aħħar:
il-Mulej li jagħmel il-beraq,
li jagħtihom il-ħalbiet tax-xita,
lill-bniedem il-ħaxix tar-raba'.
[Żak:10:2] Għax allat djarhom jgħidu kliem fieragħ;
dawk li jħabbru kellhom dehriet qarrieqa,
ifissru ħolm mhux minnu,
u għalxejn ifittxu jfarrġu.
Minħabba f'hekk tferrex bħal merħla l-poplu,
msieken, għax m'għandhomx ragħaj.

Iżrael meħlus jitraġġa' lura

[Żak:10:3] "Xegħlet il-korla tiegħi għar-rgħajja,
u se nikkastiga lill-kapijiet.
Iva, il-Mulej ta' l-eżerċti jieħu ħsieb il-merħla tiegħu,
li hi d-dar ta' Ġuda,
u jagħmilha bħal żiemel glorjuż tiegħu fit-taqbida.
[Żak:10:4] Minnha toħroġ il-ġebla tax-xewka,
minnha l-puntal,
minnha l-qaws tat-taqbid, minnha kull kap.
[Żak:10:5] Flimkien ikunu bħal gwerrier
li jgħaffġu fit-tajn tat-toroq fit-taqbid,
jissaraw għax il-Mulej magħhom,
u r-rikkieba taż-żwiemel jitħawwdu.
[Żak:10:6] Nsaħħaħ dar Ġuda,
nsalva dar Ġużeppi,
u nerġa' nġibhom lura,
għaliex ħennejt għalihom;
u jkunu bħalkieku qatt ma ċħadthom,
għax jiena l-Mulej, Alla tagħhom,
u nagħtihom dak li talbuni.
[Żak:10:7] Mbagħad isir Efrajm bħal gwerrier
qalbieni,
tithenna qalbhom bħalkieku bl-inbid;
uliedhom jaraw u jithennew,
u qalbhom tifraħ fil-Mulej.
[Żak:10:8] U nsaffrilhom biex niġmagħhom,
għax jiena fdejthom,
u jsiru kotrana bħalma kienu.
[Żak:10:9] Ukoll jekk xerridthom fost il-ġnus,
iżda mill-artijiet imbiegħda jibqgħu jiftakruni,
u jrabbu 'l uliedhom u jerġgħu lura.
[Żak:10:10] Nerġa' nġibhom mill-art ta' l-Eġittu,
u niġmagħhom mill-Assirja;
ndaħħalhom fl-art ta' Gilgħad u fil-Libanu
u ma jinstabx wisa' biżżejjed għalihom.
[Żak:10:11] Għad jaqsmu l-baħar ta' l-Eġittu,
u hu jraġġa' lura ħalel il-baħar,
u jitnixxfu qigħan in-Nil.
Jitwaqqa' t-tkabbir ta' l-Assirja,
lill-Eġittu jitneħħielu x-xettru.
[Żak:10:12] Nqawwihom fil-Mulej,
f'Ismu jkun il-ftaħir tagħhom,"
oraklu tal-Mulej.

11. [Żak:11:1] Iftaħ bwiebek, Libanu,
biex in-nar jibla' ċ-ċedri tiegħek.
[Żak:11:2] Okrob, ċipress, għax iċ-ċedru ntemm,
għax inqerdu l-qalbenin.
Okrob, ballut ta' Basan,
għax tqaċċat il-masġar folt!
[Żak:11:3] Isma' l-krib tar-rgħajja,
għax safa fix-xejn dak li bih kienu jiftaħru;
isma' l-għajat tal-ljuni,
għax ġmiel il-Ġordan safa fix-xejn.

Iż-żewġ rgħajja

[Żak:11:4] Dan qal il-Mulej, Alla tiegħi: "Irgħa l-merħla lesta għall-qatla, [Żak:11:5] li dawk li jixtruha joqtluha bla ma ħadd jgħidilhom xejn, u dawk li jbigħuha jgħidu: 'Mbierek il-Mulej, stagħnejt!'; u li r-rgħajja tagħha ħniena ma tiġihomx minnha. [Żak:11:6] Għax jien ma tiġinix iżjed ħniena minn dawk li jgħammru f'dan il-pajjiż, oraklu tal-Mulej. U, ara, jiena se nitlaq il-bnedmin kull wieħed f'idejn ir-ragħaj tiegħu, u f'idejn is-sultan tiegħu; huma jfarrku l-art, u jiena ma neħles 'il ħadd minn taħt idejhom."

[Żak:11:7] U qgħadt jien nirgħa l-merħla lesta għall-qatla, għas-sensala tan-nagħaġ; u ħadt żewġt ibsaten, wieħed semmejtu 'Ħlewwa' u l-ieħor semmejtu 'Rabta', u qgħadt nirgħa l-merħla. [Żak:11:8] U f'xahar wieħed ġibt fix-xejn it-tliet rgħajja. Imma n-nagħaġ dejjquni, u huma wkoll saru ma jaħmlunix. [Żak:11:9] Mbagħad għedt: "Ma nibqax iżjed ragħaj tagħkom! Ħa jmut min għandu jmut! Ħa jintemm min għandu jintemm! U dawk li jkun għad fadal jieklu laħam xulxin!" [Żak:11:10] U ħadt il-bastun li kont semmejt 'Ħlewwa', u qsamtu, biex nikser il-patt li kont għamilt mal-ġnus kollha. [Żak:11:11] U hekk il-patt dakinhar inkiser; u mbagħad ir-rgħajja tal-merħla, li kienu qegħdin iħarsu lejja, għarfu li dik kienet il-kelma tal-Mulej. [Żak:11:12] Għalhekk għedtilhom: "Jekk dan jidhrilkom li hu sewwa, agħtuni ħlasi; jekk le, tagħtuni xejn." U wiżnuli bħala ħlasi tletin xekel tal- fidda. [Żak:11:13] Mbagħad qalli l-Mulej: "Itfgħu fit-teżor, il-prezz sabiħ li bih stmawni." U jien ħadt it-tletin xekel tal-fidda u tfajthom fit-teżor fit-tempju tal-Mulej. [Żak:11:14] Mbagħad qsamt it-tieni bastun li kont semmejt 'Rabta', biex nikser ir-rabta ta' aħwa bejn Ġuda u Iżrael.

[Żak:11:15] U qalli l-Mulej: "Ħu l-għodda ta' ragħaj bla għaqal. [Żak:11:16] Għax, ara, se nqajjem fil-pajjiż ragħaj li ma jħabbilx rasu minn dawk li se jinqerdu, dawk li jkunu neqsin ma jfittixhomx, lill-miġruħa ma jdewwihomx, lil dawk li huma f'saħħithom ma jweżinhomx, imma jiekol il-laħam ta' dawk li huma msemmna u jqaċċtilhom sad-dwiefer tagħhom.

[Żak:11:17] Gwaj għalih ir-ragħaj bla għaqal,
li jitlaq il-merħla weħidha!
Ħa jolqotlu s-sejf lil driegħu
u 'l għajnu l-leminija!
Ħa jinxiflu sewwa driegħu,
u dalma kbira tilħqu f'għajnu l-leminija!"

12. Ħelsien u tiġdid ta' Ġerusalemm

[Żak:12:1] Oraklu. Il-kelma tal-Mulej dwar Iżrael. Oraklu tal-Mulej li firex is-smewwiet, li qiegħed is-sisien ta' l-art u li lill-bniedem ġo fih sawwarlu l-ispirtu tiegħu.

[Żak:12:2] "Ara, jien se nagħmel minn Ġerusalemm tazza ta' xorb li jsakkar għall-popli kollha ta' madwarha, u jkunu f'assedju kontra Ġuda u kontra Ġerusalemm. [Żak:12:3] U jiġri dakinhar li lil Ġerusalemm nagħmilha bħal ġebla tat-tagħbija għall-popli kollha; kull min jitgħabba biha jkorri sewwa. Il-ġnus kollha ta' l-art jinġemgħu kontriha. [Żak:12:4] Dakinhar, oraklu tal-Mulej, iż-żwiemel kollha nġenninhom bil-biża' u nbellah ir-rikkieb tagħhom. Fuq id-dar ta' Ġuda niftaħ għajnejja, imma nixħet għama fuq iż-żwiemel kollha tal-popli. [Żak:12:5] Mbagħad it-tribujiet ta' Ġuda jibdew jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: 'Il-qawwa tan-nies ta' Ġerusalemm tinsab fil-Mulej ta' l-eżerċti, Alla tagħhom.' [Żak:12:6] Dakinhar, it-tribujiet ta' Ġuda nagħmilhom bħal kenur imħeġġeġ qalb l-injam, bħal torċa mqabbda qalb il-qatet, u jeqirdu fuq il-lemin u fuq ix-xellug il-popli kollha ta' madwarhom, waqt li Ġerusalemm tibqa' sħiħa fejn hi.

[Żak:12:7] "U l-Mulej isalva t-tined ta' Ġuda l-ewwel, biex il-ġieħ tad-dar ta' David u l-ġieħ ta' dawk li jgħammru f'Ġerusalemm ma jkunx ikbar minn dak ta' Ġuda. [Żak:12:8] Dakinhar il-Mulej ikun tarka madwar in-nies ta' Ġerusalemm u dak li fosthom ikun se jogħtor dakinhar isir bħal David; u d-dar ta' David issir bħal Alla, bħall-anġlu tal-Mulej, quddiemhom. [Żak:12:9] U jiġri dakinhar li jiena nfittex neqred il-ġnus kollha li jiġu kontra Ġerusalemm.

[Żak:12:10] "U fuq id-dar ta' David u fuq dawk li jgħammru f'Ġerusalemm insawwab spirtu ta' ħniena u talb. U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu, u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir. [Żak:12:11] Dakinhar il-biki ta' Ġerusalemm ikum kbir daqs il-biki ta' Ħadad-rimmon fil-wita ta' Megiddo. [Żak:12:12] U l-pajjiż jitbekka, kull familja għaliha: il-familja tad-dar ta' David għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom; il-familja tad-dar ta' Natan għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom; [Żak:12:13] il-familja tad-dar ta' Levi għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom; il-familja ta' Simgħi għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom; [Żak:12:14] u l-familji kollha li jkun baqa', kull waħda għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom."

13. [Żak:13:1] "Dakinhar jiġri li tinfetaħ għajn għad-dar ta' David u għan-nies ta' Ġerusalemm, biex jindafu mill-ħtijiet u mit-tinġis.

[Żak:13:2] "U jiġri dakinhar, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, li jiena neqred mill-pajjiż l-isem ta' l-idoli, hekk li ma jibqax iżjed tifkira tagħhom; u nneħħi wkoll mill-pajjiż il-profeti u l-ispirtu mniġġes. [Żak:13:3] U jekk xi ħadd ikun irid jerġa' jagħmilha ta' profeta, missieru u ommu li nissluh jgħidulu: 'Int ma tibqax ħaj, għax qed tgħid kliem b'ieħor f'isem il-Mulej'; u missieru u ommu li nissluh jinfduh xħin ikun jagħmilha ta' profeta. [Żak:13:4] U jiġri, iva, dakinhar li kull profeta jibda jistħi mid-dehra li jkollu waqt li jkun iħabbar, u ma jxiddx fuqu l-mantell tax-xagħar biex ikun jista' jqarraq, [Żak:13:5] imma jgħid: 'Jien m'iniex profeta! Jien ħaddiem ir-raba', għax ġidi, sa minn żgħożiti, hi l-ħamrija!' [Żak:13:6] U jekk xi ħadd jistaqsih: 'X'inhuma dawn il-ġrieħi fuq idejk?" hu jwieġeb: 'Dawn għamluhomli fid-dar ta' ħbiebi.' "

L-għanja tas-sejf: il-poplu l-ġdid

[Żak:13:7] "Qum, sejf, għar-ragħaj tiegħi,
għar-raġel sieħeb tiegħi,"
oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.
Olqot ir-ragħaj ħa tixtered il-merħla.
U jien indawwar idi kontra ż-żgħar.
[Żak:13:8] U jiġri li, fil-pajjiż kollu,
oraklu tal-Mulej,
tnejn minn kull tlieta jinqerdu, imutu,
u jibqa' wieħed minn kull tlieta,
[Żak:13:9] U ndaħħal fin-nar lil dan it-tielet,
biex insaffih bħalma jsaffu l-fidda,
u nippruvah bħalma jippruvaw id-deheb.
Hu jsejjaħ ismi,
u jien inwieġbu,
u ngħid: 'Dan il-poplu tiegħi',
u hu jgħid: 'Il-Mulej hu Alla tiegħi.' "

14. It-taqbida ta' l-aħħar: sbuħija ta' Ġerusalemm

[Żak:14:1] Ara, għad jiġi Jum għall-Mulej, meta jeħdulek ġidek priża u jaqsmuh bejniethom f'nofsok. [Żak:14:2] U jien niġbor il-ġnus kollha kontra Ġerusalemm għat-taqbida, u l-belt taqa' f'idejhom, id-djar jisirquhom, in-nisa jwaqqgħuhom fl-għajb; nofs il-belt tkun itturufnata, imma l-bqija tal-poplu ma jinqatax mill-belt. [Żak:14:3] U joħroġ il-Mulej jitqabad ma' dawk il-ġnus bħal fi żmien il-gwerra f'ġurnata ta' taqtigħa. [Żak:14:4] U jieqfu riġlejh dakinhar fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, li hi biswit Ġerusalemm, in-naħa tal-lvant; u l-Muntanja taż-Żebbuġ tinqasam minn nofsha b'wied wiesa' ħafna min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent, nofs wieħed tal-muntanja jersaq lejn it-tramuntana, u n-nofs l-ieħor lejn in-nofsinhar. [Żak:14:5] U l-wied tal-muntanji tiegħu jingħalaq minn Ġowaħ sa Ġasal, u jingħalaq bħalma ngħalaq minħabba fit-terremot fi żmien Għużżija, is-sultan ta' Ġuda. Mbagħad il-Mulej, Alla tiegħi, jiġi flimkien mal-qaddisin kollha tiegħu.

[Żak:14:6] U jiġri dakinhar li ma jkunx hemm dawl, imma sirda u ksieħ. [Żak:14:7] U jkun jum waħdieni, magħruf mill-Mulej; ma jkun hemm la binhar u lanqas billejl, għax fil-għaxija jkun hemm id-dawl. [Żak:14:8] Dakinhar minn Ġerusalemm joħroġ ilma ġieri, nofsu lejn il-baħar tal-lvant u n-nofs l-ieħor lejn il-baħar tal-punent, u jibqa' jiġri sajf u xitwa. [Żak:14:9] Il-Mulej ikun imbagħad sultan fuq l-art kollha; dakinhar il-Mulej ikun wieħed u ismu wieħed. [Żak:14:10] U l-art kollha tinbidel f'wita minn Geba sa Rimmon fin-naħa tan-nofsinhar. Iżda Ġerusalemm titgħolla fil-post fejn tinsab. Mill-Bieb ta' Benjamin sal-misraħ tal-Bieb ta' qabel, jiġifieri sal-Bieb tal-Kantuniera, u mit-Torri ta' Ħananel sa fejn jagħsru l-inbid tas-sultan, [Żak:14:11] in-nies jgħammru fiha. U ħadd iżjed ma jkun merħi għall-qerda. Iva, in-nies jgħammru f'Ġerusalemm b'rashom mistrieħa.

[Żak:14:12] U din tkun id-daqqa li biha l-Mulej isawwat il-popli kollha li għamlu gwerra lil Ġerusalemm: laħamhom jitħassrilhom waqt li jkunu għadhom fuq riġlejhom, għajnejhom jinfaqgħulhom f'ħofrithom, u lsienhom idubilhom f'ħalqhom.

[Żak:14:13] U tiġi fuqhom dakinhar taħwida ta' l-għaġeb min-naħa tal-Mulej, kull wieħed jaqbad id l-ieħor u jerfgħu idejhom għal xulxin. [Żak:14:14] U Ġuda wkoll jissara f'Ġerusalemm. U b'kotra kbira jinġabar il-ġid kollu tal-ġnus ta' mad-dwar, deheb u fidda u lbies. [Żak:14:15] U kastig bħal dan ikun il-kastig li jaqa' fuq iż-żwiemel, fuq il-bgħula, fuq l-iġmla, fuq il- ħmir, u fuq il-bhejjem kollha li jkunu jinsabu f'dik l-armata.

[Żak:14:16] Jiġri mbagħad li dawk kollha li jibqgħu mill-ġnus kollha li jkunu ġew għal Ġerusalemm jitilgħu minn sena għal oħra biex jinxteħtu quddiem is-Sultan, il-Mulej ta' l-eżerċti, u biex jagħmlu l-festa ta' l-Għerejjex. [Żak:14:17] U dawk, li fost il-familji ta' l-art, ma jitilgħux Ġerusalemm biex jinxteħtu quddiem is-Sultan, il-Mulej ta' l-eżerċti, jiġrilhom li ma jkunx hemm xita għalihom. [Żak:14:18] U jekk il-familja ta' l-Eġittu ma titlax u ma tiġix, għaliha wkoll ikun hemm il-kastig li bih il-Mulej jikkastiga l-ġnus li ma jitilgħux biex jagħmlu l-festa ta' l-Għerejjex. [Żak:14:19] Dan ikun il-ħlas ta' l-Eġittu u l-ħlas tal-ġnus kollha talli ma jitilgħux biex jagħmlu l-festa ta' l-Għerejjex.

[Żak:14:20] Dakinhar fuq iċ-ċnieċel taż-żwiemel ikun hemm miktub: "Mqaddsa lill-Mulej"; u l-borom fit-tempju tal-Mulej ikunu bħall-vaski ta' quddiem l-artal. [Żak:14:21] U l-borom kollha f'Ġerusalemm u f'Ġuda jkunu mqaddsa lill-Mulej ta' l-eżerċti, u dawk kollha li joffru sagrifiċċju jiġu u jieħdu minnhom u jgħallu fihom; u ma jkunx hemm aktar neguzjanti dakinhar fit-tempju tal-Mulej ta' l-eżerċti.