IL-KTIEB TAL-PROVERBJI

1. L-isem u s-suġġett tal-ktieb

[Prov:1:1] Il-proverbji ta' Salamun bin David sultan
ta' Iżrael:
[Prov:1:2] biex jagħrfu l-bnedmin l-għerf u t-tagħlim,
biex jifhmu kliem l-għaqal,
[Prov:1:3] biex jieħdu tagħlim tajjeb,
skond il-ġustizzja, id-dritt u s-sewwa;
[Prov:1:4] biex jingħata d-dehen liċ-ċkejknin,
l-għerf u l-għaqal liż-żgħażagħ.
[Prov:1:5] Jisma' wkoll l-għaref, u jżid l-għerf tiegħu,
u min jifhem jitgħallem aktar,
[Prov:1:6] biex jifhem il-proverbji u t-tixbihat,
u xi jgħidu l-għorrief u l-kliem mistur tagħhom.
[Prov:1:7] Il-biża' tal-Mulej hu l-bidu ta' l-għerf;
l-għerf u t-tagħlim il-boloh imaqdruhom.
[Prov:1:8] Isma', ibni, kliem missierek,
u twarrabx tagħlim ommok;
[Prov:1:9] dawn huma għalik kuruna sabiħa fuq rasek,
u kullana ta' ġieħ madwar għonqok.

Aħrab il-ħżiena

[Prov:1:10] Ibni, jekk iħajjruk il-ħżiena,
toqgħodx għalihom.
[Prov:1:11] Jekk jgħidulek,"Ejja magħna;
nissajjaw ħa nxerrdu d-dmija,
nistaħbew ħa naħbtu għal min hu bla ħtija;
[Prov:1:12] nibilgħuhom bħal Art l-Imwiet,
ħajjin u sħaħ, bħal dawk li jmorru fil-ħofra;
[Prov:1:13] nsibu kull ġid u għana,
nimlew djarna bil-priża;
[Prov:1:14] itfa' xortik magħna,
ikollna lkoll but wieħed."
[Prov:1:15] Ibni, tmurx magħhom fi triqthom,
warrab riġlejk minn mogħdijiethom;
[Prov:1:16] għax riġlejhom għall-ħażen jiġbdu,
u għat-tixrid tad-demm jgħaġġlu.
[Prov:1:17] Għalxejn tifrex ix-xibka,
fejn kull għasfur jista' jaraha.
[Prov:1:18] Iżda dawn għal demmhom stess jissajjaw,
u għalihom infushom jonsbu.
[Prov:1:19] Din hi x-xorti ta' min jistagħna
bid-dnewwa,
il-qligħ li jikseb ineħħilu ħajtu.

Is-sejħa ta' l-għerf

[Prov:1:20] L-għerf jgħajjat fit-triqat,
leħnu jgħolli fl-imsieraħ,
[Prov:1:21] isejjaħ fil-bidu ta' triq kollha storbju,
ixandar fid-daħla ta' bibien il-belt:
[Prov:1:22] "Intom, boloh, kemm se ddumu tħobbu
l-bluha?
Kemm se jdumu l-insolenti jitgħaxxqu bl-insolenzi
tagħhom,
u l-boloh jobogħdu t-tagħlim?
[Prov:1:23] Agħtu widen għat-twiddib tiegħi;
jien se nsawwab ħsibijieti fuqkom,
se ngħarraf kliemi lilkom.
[Prov:1:24] Talli sejjaħtilkom, u intom ma ridtux
tisimgħu,
meddejt idejja lejkom, u ħadd ma ta kas;
[Prov:1:25] talli warrabtu fil-ġenb kull parir tiegħi,
u xejn ma ridtu t-twiddib tiegħi;
[Prov:1:26] jien ukoll nidħak għall-ħsara tagħkom,
nidħak bikom meta jaqbadkom il-biża';
[Prov:1:27] meta jaqa' fuqkom bħal tempesta l-biża',
u bħal riefnu tiġi fuqkom il-ħsara,
meta l-hemm u d-dwejjaq jaħkmukom.
[Prov:1:28] Mbagħad isejjħuli, imma jien ma
nweġibhomx;
ifittxuni, imma ma jsibunix.
[Prov:1:29] Għax huma t-tagħlim jobogħduh,
u l-biża' tal-Mulej ma jriduhx;
[Prov:1:30] għax il-pariri tiegħi ma laqgħuhomx,
u maqdru t-twiddib kollu tiegħi.
[Prov:1:31] Mela ħa jieklu frott għemilhom,
u jixbgħu bl-għemejjel tagħhom.
[Prov:1:32] L-ebusija ta' moħħhom nieqes toqtolhom,
u l-bruda tal-boloh teqridhom.
[Prov:1:33] Imma min jisma' lili jgħix moħħu mistrieħ,
bla ebda tfixkil, bla biża' tal-ħsara."

2. Il-ġid ta' l-għerf

[Prov:2:1] Ibni, jekk int tilqa' kliemi, u
taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi
[Prov:2:2] billi tagħti widen għall-għerf,
u tħalli lil moħħok jifhem sewwa;
[Prov:2:3] jekk issejjaħ l-għerf,
u tgħolli leħnek għall-fehma t-tajba;
[Prov:2:4] jekk tfittex l-għerf bħall-fidda,
u tħaffer għalih bħal teżor moħbi;
[Prov:2:5] mbagħad tifhem il-biża' tal-Mulej,
u ssib it-tagħrif ta' Alla.
[Prov:2:6] Għax il-Mulej jagħti l-għerf,
minn fommu ġej it-tagħrif u d-dehen.
[Prov:2:7] Hu jaħżen l-għajnuna għal min hu sewwa,
hu tarka għal min jimxi bla ħtija;
[Prov:2:8] hu jħares it-triqat tal-ġusti,
u jgħasses it-triq tat-twajbin tiegħu.
[Prov:2:9] Mbagħad int tifhem il-ħaqq u s-sewwa,
u timxi f'kull triq li hi tajba.
[Prov:2:10] Għax l-għerf jidħollok f'moħħok,
u t-tagħrif ikun l-għaxqa ta' qalbek.
[Prov:2:11] L-għaqal jgħasses fuqek,
il-fehma tajba tħarsek,
[Prov:2:12] teħilsek minn triq il-ħażen,
minn nies ta' kliem il-għawġ;
[Prov:2:13] li tilfu t-triq it-tajba,
biex jimxu f'toroq mudlama;
[Prov:2:14] li l-hena tagħhom jagħmlu l-ħażen,
l-għaxqa tagħhom il-ħażen mill-agħar;
[Prov:2:15] nies li triqathom mgħawwġa,
u l-mixi tagħhom barra mit-triq.
[Prov:2:16] Jeħilsek l-għerf minn mart ħaddieħor,
mill-mara barranija li tmelles bi kliemha,
[Prov:2:17] li twarrab sieħeb żgħożitha,
u tinsa l-patt li għamlet ma' Alla tagħha;
[Prov:2:18] darha lejn il-mewt nieżla,
u l-mixi tagħha lejn Art l-Imwiet;
[Prov:2:19] ħadd ma jmur għandha u jerġa' lura,
jew jerġa' jaqbad triq il-ħajja.
[Prov:2:20] Int, mela, imxi fi triq it-tajbin,
u żomm ma' mogħdijiet il-ġusti;
[Prov:2:21] għax it-tajbin jgħammru fl-art,
u n-nies sewwa joqogħdu fiha;
[Prov:2:22] imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu,
u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.

3. Il-ġmiel ta' ħajja sewwa

[Prov:3:1] Ibni, tinsiex it-tagħlim tiegħi,
iżda żomm f'qalbek il-kmandamenti tiegħi;
[Prov:3:2] għax għomor twil u ħafna snin,
u riżq tajjeb iġibulek.
[Prov:3:3] It-tjieba u l-fedeltà tħallihomx iħalluk;
ma' għonqok orbothom; iktibhom f'qalbek.
[Prov:3:4] Hekk issib xorti u isem tajjeb
quddiem Alla u l-bnedmin.
[Prov:3:5] Ittama fil-Mulej b'qalbek kollha,
u tafdax fl-għaqal tiegħek.
[Prov:3:6] Fih aħseb f'kull ma tagħmel,
u hu jwittilek triqatek.
[Prov:3:7] Toqgħodx taħseb kemm inti għaref,
imma ibża' mill-Mulej u warrab mill-ħażen.
[Prov:3:8] Ħa jkun dan is-saħħa ta' ġismek,
u d-duwa għal għadmek.
[Prov:3:9] Weġġaħ lill-Mulej b'ġidek,
u bl-ewwel dħul tal-qligħ tiegħek;
[Prov:3:10] u jimtlew bil-qamħ l-imħażen tiegħek,
u l-imgħasar bl-inbid ifuru.
[Prov:3:11] Ibni, tistmerrx it-tagħlim tal-Mulej,
u tiddejjaqx bit-twiddib tiegħu,
[Prov:3:12] għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb,
u jgħakkes 'l ibnu l-maħbub.
[Prov:3:13] Hieni min isib l-għerf,
u l-bniedem li jikseb id-dehen,
[Prov:3:14] għax qligħ l-għerf jiswa aktar mill-fidda,
u l-ġid li jġiblu hu aħjar mid-deheb.
[Prov:3:15] L-għerf hu egħżeż mill-ħaġar prezzjuż,
kull ma tixtieq qalbek ma jiswiex daqsu.
[Prov:3:16] Għomor twil f'idu l-leminija,
għana u ġieħ fix-xellugija.
[Prov:3:17] Fihom għaxqa triqatu,
kollha sliem mogħdijietu.
[Prov:3:18] Hu siġra tal-ħajja għal min iħaddnu;
hieni hu min iżomm sħiħ miegħu.
[Prov:3:19] Bl-għerf il-Mulej waqqaf l-art,
bid-dehen saħħaħ is-smewwiet;
[Prov:3:20] bl-għerf tiegħu nfetħu qigħan il-baħar,
u s-sħab iraxxax il-qtar tan-nida.
[Prov:3:21] Ibni, żomm l-għaqal u l-qjies,
twarrabhomx minn quddiem għajnejk;
[Prov:3:22] huma jkunu l-ħajja ta' ruħek,
u t-tiżjin ta' għonqok.
[Prov:3:23] Mbagħad timxi bla biża' fi triqtek,
u ma jogħtrux riġlejk.
[Prov:3:24] Jekk tmur torqod, ma jkollokx għax tibża';
xħin timtedd, jiġik ħelu l-irqad.
[Prov:3:25] Tibżax meta tara l-boloh jitwerwru,
jew tiġi fuqhom il-ħsara tal-ħżiena,
[Prov:3:26] għax il-Mulej ikun maġenbek,
u jħarislek riġlek biex ma tinqabadx.

L-imġiba mal-proxxmu

[Prov:3:27] Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux,
meta dan tista' tagħmlu.
[Prov:3:28] Tgħidx lil għajrek: "Mur, u erġa' ejja;
nagħtik għada," meta għandek mnejn tagħtih.
[Prov:3:29] Tfassalx il-ħsara kontra għajrek,
hu u jserraħ bit-tama fik.
[Prov:3:30] Titlewwimx ma' ħaddieħor għal xejn
b'xejn,
jekk ma għamillek l-ebda deni.
[Prov:3:31] Tgħirx għall-bniedem vjolenti,
u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu;
[Prov:3:32] għax min jimxi bl-imgħawweġ jistkerrhu
l-Mulej,
imma f'idejh huma dawk li jimxu bis-sewwa.
[Prov:3:33] Is-saħta tal-Mulej f'dar il-ħżiena,
imma hu jbierek djar it-tajbin.
[Prov:3:34] Min iżeblaħ lill-oħrajn jistmellu l-Mulej,
imma lit-twajbin jagħtihom il-grazzja.
[Prov:3:35] L-għorrief jirtu l-ġieħ,
imma l-boloh jiksbu l-għajb.

4. Tagħlim ta' missier

[Prov:4:1] Isimgħu, uliedi, it-tagħlim ta' missier,
qisu li titgħallmu l-għaqal;
[Prov:4:2] għax jien tagħlim tajjeb nagħtikom;
għalhekk tinsewx twissijieti.
[Prov:4:3] Kont għadni tifel ma' missieri,
żgħir u waħdieni taħt għajnejn ommi.
[Prov:4:4] Hu kien jgħallimni u jgħidli:
"Żomm kliemi b'qalbek kollha;
ħares il-kmandamenti tiegħi, u jkollok il-ħajja.
[Prov:4:5] Ikseb l-għerf, ikollok id-dehen,
tinsihomx, u titwarrabx minn kliem fommi.
[Prov:4:6] Twarrbux minnek, u hu jżommok,
ħobbu, u hu jieqaf miegħek.
[Prov:4:7] L-aqwa ħaġa, li tikseb l-għerf;
ikseb id-dehen akkost ta' kollox.
[Prov:4:8] Għożżu, u hu jżommok fl-għoli,
tgħannaq miegħu, u jkunlek ta' ġieħ.
[Prov:4:9] Iqegħedlek fuq rasek kuruna sabiħa,
jitfa' fuqek tiżjin kollu ġmiel."
[Prov:4:10] Isma' ibni, u ilqa' kliemi,
u joktru s-snin ta' ħajtek.
[Prov:4:11] Jien nurik it-triq ta' l-għerf,
immexxik fil-mogħdija tas-sewwa.
[Prov:4:12] Fil-mixi tiegħek ma ssibx xi jfixklek,
u jekk tiġri, ma taqax.
[Prov:4:13] Żomm mat-tagħlim, u tħallih qatt,
ħarsu sewwa, għax hu ħajtek.
[Prov:4:14] Taqbadx il-mogħdija tal-ħżiena,
timxix fit-triq ta' min jagħmel id-deni.
[Prov:4:15] Aħrabha, tgħaddix minnha;
mur fuq naħa oħra, u ibqa' sejjer.
[Prov:4:16] Għax il-ħżiena ma jorqdux, jekk ma
jagħmlux id-deni,
itirilhom ngħashom, jekk ma jwaqqgħux lil xi ħadd.
[Prov:4:17] Huma jieklu ħobż il-ħażen,
u jixorbu nbid il-vjolenza.
[Prov:4:18] Imma triq it-tajbin bħal dawl iż-żerniq,
li jżid jitqawwa sal-milja tal-jum.
[Prov:4:19] Triq il-ħżiena bħal dalma kbira,
lanqas biss jilmħu dak li jġegħelhom jaqgħu.
[Prov:4:20] Ibni, agħti widen għal kliemi,
iftaħ widnejk għal dak li ngħid jien.
[Prov:4:21] Tħallihomx iwarrbu minn quddiem
għajnejk,
żommhom fil-qiegħ ta' qalbek.
[Prov:4:22] Għax huma l-ħajja għal min isibhom,
u s-saħħa għal ġismu kollu.
[Prov:4:23] Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha,
għax minnha ġejja l-ħajja.
[Prov:4:24] Warrab minnek ħażen il-fomm,
biegħed minnek qerq ix-xufftejn.
[Prov:4:25] Żomm għajnejk dritti quddiemek,
u ħarstek 'il quddiem itfagħha.
[Prov:4:26] Ara fejn titfa' riġlek fi triqtek,
u li triqatek kollha jkunu tajba.
[Prov:4:27] Tgħawwiġx 'l hawn u 'l hemm,
u warrab riġlejk mill-ħażen.

5. Aħrab il-mara żienja

[Prov:5:1] Ibni, agħti kas għerfi,
agħti widen għal tagħlimi,
[Prov:5:2] biex tagħraf iżżomm il-qjies,
u kliemek ikun mogħni bl-għerf.
[Prov:5:3] Xufftejn il-mara żienja għasel iqattru,
u kliemha mieles aktar miż-żejt;
[Prov:5:4] imma fl-aħħar hi morra daqs l-assenzju,
taqta' daqs sejf b'żewġt ixfar.
[Prov:5:5] Lejn il-mewt jinżlu riġlejha,
lejn qiegħ l-art jieħu l-mixi tagħha.
[Prov:5:6] Ma tagħtix kas triq il-ħajja,
'l hawn u l'hemm timxi, m'għandhiex kwiet.
[Prov:5:7] Imma, ibni, isma' lili,
titbigħedx minn kliem fommi.
[Prov:5:8] Żomm triqtek 'il bogħod minnha,
u tersaqx qrib bieb darha,
[Prov:5:9] biex ma titlifx ġieħek quddiem ħaddieħor;
u lanqas titlaq sninek lil xi ħadd bla ħniena,
[Prov:5:10] biex ma jitpaxxewx b'ġidek il-barranin,
u frott xogħlok imur f'dar ħaddieħor.
[Prov:5:11] U int toqgħod tokrob fl-aħħar ta' ħajtek,
huma u jintemmu laħmek u ġismek.
[Prov:5:12] Mbagħad tgħid: "Kemm kont nobogħdu
t-tagħlim,
u ma kontx naħmel it-twiddib!
[Prov:5:13] Ma smajtx kliem min ried jgħallimni,
ma tajtx widen lil min kien iwissini.
[Prov:5:14] Kont wasalt biex nitlef kollox
quddiem il-laqgħa tal-ġemgħa!"
[Prov:5:15] Ixrob l-ilma mill-bir tiegħek,
u l-ilma ġieri min-nixxiegħa tiegħek.
[Prov:5:16] Trid l-ilma ta' l-għajn tiegħek jixxerred
barra,
u n-nixxigħat ta' l-ilma f'nofs it-triq?
[Prov:5:17] Żommhom għalik waħdek,
isseħibx lil ħaddieħor miegħek.
[Prov:5:18] Tkun imbierka l-għajn tiegħek,
mart żgħożitek! Ifraħ biha.
[Prov:5:19] Hi bħal ċerva għażiża, bħal għażżiela
ħelwa.
Jimliek dejjem bl-għaxqa ż-żegħil tagħha,
issaħħrek bla heda mħabbitha.
[Prov:5:20] Għaliex tiġġennen, ibni, wara mara oħra,
u tħaddan miegħek mara żienja?
[Prov:5:21] Quddiem il-Mulej l-imġiba tal-bniedem;
il-Mulej jgħasses il-mixi kollu tiegħu.
[Prov:5:22] Il-ħażin bi ħżunitu jinqabad,
u bil-ħbula ta' ħtijietu jintrabat;
[Prov:5:23] jintemm minħabba n-nuqqas ta' għaqal,
jintilef minħabba l-bluha kbira tiegħu.

6. La tintrabatx

[Prov:6:1] Ibni, jekk għamilt tajjeb għal ħaddieħor,
jekk tajt rahan għal min hu barrani,
[Prov:6:2] jekk inqbadt bi kliem fommok,
u tħabbilt b'xi wegħda li għamilt;
[Prov:6:3] agħmel dan, ibni, biex issalva,
għax int waqajt f'idejn ħaddieħor;
mur malajr, u ffittah,
[Prov:6:4] tagħtix mistrieħ lil għajnejk,
lanqas irqad lil xfar għajnejk.
[Prov:6:5] Eħles bħal għażżiela mix-xibka,
bħal għasfur minn id in-nassab.

La titgħażżinx

[Prov:6:6] Mur għand in-nemla, ja għażżien,
ara kif tgħix, u tgħallem minnha.
[Prov:6:7] M'għandhiex min hu fuqha,
la għassies u lanqas ħâkem;
[Prov:6:8] madankollu taħżen ikilha fis-sajf,
tħejji għajxienha fi żmien il-ħsad.
[Prov:6:9] Kemm se ddum rieqed, ja għażżien?
Meta se tqum minn ngħasek?
[Prov:6:10] Daqqa torqod, daqqa tongħos,
daqqa tistrieħ b'idejk marbuta,
[Prov:6:11] u jiġi fuqek bħal ħalliel il-faqar,
u bħal wieħed ġellied l-għaks.

La taqlax ġlied

[Prov:6:12] Bniedem brikkun, min hu ħażin,
jimxi bit-tagħwiġ ta' kliemu:
[Prov:6:13] jegħmeż għajnejh, iħabbat riġlejh,
jagħmel sinjali b'subgħajh,
[Prov:6:14] moħħu kif se jagħmel il-ħsara,
il-ħin kollu jaqla' l-ġlied.
[Prov:6:15] Għalhekk għal għarrieda tiġi fuqu l-ħsara,
f'daqqa waħda jinqered u ma jqumx iżjed.

X'jobgħod Alla

[Prov:6:16] Sitt ħwejjeġ jobgħod il-Mulej,
sebgħa huma li ma jaħmilhomx:
[Prov:6:17] għajnejn merfugħa, lsien giddieb,
idejn li jxerrdu demm bla ħtija,
[Prov:6:18] qalb li trawwem ħsibijiet qarrieqa,
riġlejn li jiġru ħfief għall-ħażen,
[Prov:6:19] fomm li jixhed bil-qerq il-gideb,
u bniedem li jaqla' l-ġlied bejn l-aħwa.

Aħrab il-mara żienja

[Prov:6:20] Ħares, ibni, ordnijiet missierek,
u twarrbux tagħlim ommok.
[Prov:6:21] Żommhom dejjem marbutin ma' qalbek,
dendilhom madwar għonqok.
[Prov:6:22] Huma jmexxuk fil-mixi tiegħek,
iħarsuk meta tkun rieqed,
ikellmuk meta tqum.
[Prov:6:23] Għax l-ordni musbieħ u l-liġi dawl,
u t-twiddib tat-tagħlim hu t-triq tal-ħajja.
[Prov:6:24] Huma jħarsuk minn mart ħaddieħor,
mill-kliem ħelu tal-mara mitlufa.
[Prov:6:25] Tixxennaqx f'qalbek għal sbuħitha,
tħallihiex taqbdek b'ħarset għajnejha.
[Prov:6:26] Għax mara żienja b'biċċa ħobż tixtriha,
iżda mara miżżewwġa tiswielek ħajtek.
[Prov:6:27] Jista' xi ħadd iġorr in-nar f'ħobbu,
u ħwejġu ma jinħarqulux?
[Prov:6:28] Jista' xi ħadd jimxi fuq il-ġamar,
u saqajh ma jinxtwewlux?
[Prov:6:29] Hekk jiġrilu min imur għand mart
ħaddieħor;
kull min jersaq lejha jpattiha qares.
[Prov:6:30] M'hux kulħadd jistmell il-ħalliel,
li jisraq biex jixba' għax ikun bil-ġuħ?
[Prov:6:31] Jekk jinqabad, għal seba' darbiet iħallas,
ikollu jagħti l-ġid kollu ta' daru.
[Prov:6:32] Hekk min jiżni hu bniedem bla moħħ,
jeqred lilu nnifsu min jagħmel hekk.
[Prov:6:33] Swat u mistħija jkollu,
u l-għajb tiegħu ma jitħassar qatt;
[Prov:6:34] għax l-għira tgħaddab lil żewġha,
li ma jaħfirhilux meta tiġih is-siegħa;
[Prov:6:35] ma jilqa' ebda tpattija;
ebda ħlas, kbir kemm ikun kbir, ma jberrdu.

7. Attent mill-mara żienja

[Prov:7:1] Ibni, ħares kliemi,
u żomm ġo fik il-kmandamenti tiegħi.
[Prov:7:2] Ħares il-kmandamenti tiegħi u jkollok
il-ħajja,
għożż tagħlimi bħal ħabbet għajnek.
[Prov:7:3] Orbothom ma' subgħajk,
iktibhom fuq qalbek.
[Prov:7:4] Lill-għerf għidlu: "Inti ħija",
u lid-dehen sejjaħlu ħabib tal-qalb,
[Prov:7:5] biex huma jħarsuk mill-mara żienja,
mill-mara barranija li ssaħħar bi kliemha.
[Prov:7:6] Kont qiegħed fit-tieqa ta' dari,
nħares mill-grada tat-tieqa,
[Prov:7:7] u rajt fost il-boloh,
lmaħt fost iċ-ċkejknin, żagħżugħ bla moħħ,
[Prov:7:8] għaddej mit-triq ħdejn il-kantuniera ta'
darha,
miexi lejn in-naħa tad-dar tagħha,
[Prov:7:9] fil-għaxija, fi tmiem il-jum,
xħin kien dieħel il-lejl u joktor id-dlam.
[Prov:7:10] U ħarġet mara tiltaqa' miegħu,
liebsa ta' żienja, qalbha kollha qerq.
[Prov:7:11] Kollha storbju u bla sabar;
m'għandhomx kwiet f'darha riġlejha;
[Prov:7:12] issa fit-triq, issa fil-pjazez,
f'kull rokna ssibha tistenna.
[Prov:7:13] Qabditu u bisitu,
u bil-wiċċ tost kollu qaltlu:
[Prov:7:14] "Kelli noffri sagrifiċċju tas-sliem,
u llum raddejt il-wegħdiet tiegħi;
[Prov:7:15] għalhekk ħriġt niltaqa' miegħek,
ħriġt infittxek, u issa sibtek.
[Prov:7:16] Frixt l-għata fuq is-sodda tiegħi,
lożor tal-kulur b'ħajt ta' l-Eġittu;
[Prov:7:17] fewwaħt soddti bil-mirra,
u friexi bis-sabbâra u l-kannella.
[Prov:7:18] Ejja, ħa niskru bl-għaxqa ta' l-imħabba,
nitpaxxew bl-imħabba sa filgħodu.
[Prov:7:19] Żewġi mhux qiegħed id-dar,
telaq għal vjaġġ fil-bogħod;
[Prov:7:20] ħa miegħu borża bil-flus;
ma jiġix id-dar qabel il-qamar mimli."
[Prov:7:21] Bi kliemha qarrieqi ħajjritu,
bil-kliem ħelu tagħha waqqgħetu.
[Prov:7:22] Iblah li hu, mar warajha,
bħal gendus sejjer għall-qatla,
bħal ċerv marbut rabta sewwa,
[Prov:7:23] sakemm vleġġa tinfidlu fwiedu;
bħal għasfur jittajjar lejn ix-xibka,
bla ma jaf li hemm ħajtu fin-nofs.
[Prov:7:24] Għalhekk, issa, ibni, isma' minni,
agħti widen għal kliem fommi.
[Prov:7:25] Tħallix qalbek titħajjar minn imġibitha,
tilwix lejn triqatha;
[Prov:7:26] għax ħafna huma li rebħet u waqqgħet,
bla għadd dawk li hi qatlet.
[Prov:7:27] Triq lejn qiegħ l-art hi darha,
tieħdok lejn għamajjar il-mewt.

8. Is-sejħa ta' l-għerf

[Prov:8:1] M'huwiex isejjaħ l-għerf
u d-dehen m'huwiex qiegħed jgħajjat?
[Prov:8:2] Fil-quċċata ta' l-għoljiet matul it-triq,
qagħad l-għerf f'salib it-toroq,
[Prov:8:3] ħdejn il-bieb, quddiem il-belt,
fid-daħla tal-bieb jgħajjat bil-qawwa:
[Prov:8:4] "Lilkom, nies, qiegħed insejjaħ,
għall-bnedmin hi l-għajta tiegħi.
[Prov:8:5] Tgħallmu, ċkejknin, l-għaqal;
nies bla moħħ, ifhmu daqsxejn.
[Prov:8:6] Isimgħu, għax ħwejjeġ kbar se ngħidilkom,
kliem is-sewwa se joħroġ minn fommi;
[Prov:8:7] għax fommi jitkellem is-sewwa;
u xufftejja jistmellu l-gideb.
[Prov:8:8] Kliem fommi hu kollu sewwa,
ma fih ebda tidwir jew tagħwiġ.
[Prov:8:9] Kollu dritt għal min għandu d-dehen,
kollu sewwa għal min għandu l-għerf.
[Prov:8:10] It-tagħlim tiegħi ilqa', u mhux il-fidda,
u l-għerf aktar mid-deheb safi;
[Prov:8:11] għax l-għerf aħjar mill-qroll aħmar,
m'hu xejn ħdejh il-ħaġar prezzjuż.
[Prov:8:12] Jien, l-għerf, ngħix ma' l-għaqal,
u nimxi bil-ħsieb u l-qjies.
[Prov:8:13] Il-biża' tal-Mulej jobgħod il-ħażen.
Kburija, ksuħat, għemejjel ħżiena,
kliem ta' ħsara jien nobgħodhom.
[Prov:8:14] Jiena għandi l-fehma u l-għaqal,
jiena għandi d-dehen u l-qawwa.
[Prov:8:15] Bil-ħila tiegħi jsaltnu s-slaten,
u l-mexxejja jagħmlu liġijiet tajba.
[Prov:8:16] Bil-ħila tiegħi jaħkmu l-ħakkiema,
u l-kbarat imexxu l-art.
[Prov:8:17] Jiena nħobb lil min iħobbni,
jien, min ifittixni jsibni.
[Prov:8:18] Tiegħi huma l-għana u l-ġieħ,
il-ġid bla tarf u s-saħħa.
[Prov:8:19] Il-frott tiegħi aħjar mid-deheb fin,
u d-dħul tiegħi aqwa mill-fidda magħżula.
[Prov:8:20] Jien fit-triq tal-ġustizzja nimxi,
mill-mogħdijiet tas-sewwa ngħaddi,
[Prov:8:21] nagħti l-ġid lil dawk li jħobbuni,
u nimlielhom il-ħażniet tagħhom.
[Prov:8:22] Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta' għemilu,
sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu.
[Prov:8:23] Sa minn dejjem twaqqaft,
mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.
[Prov:8:24] Kien għad m'hemmx l-ibħra l-kbar, meta
tnissilt jien,
kien għad m'hemmx għejun inixxu l-ilma;
[Prov:8:25] qabel ma tqiegħdu l-muntanji,
qabel l-għoljiet jien twelidt.
[Prov:8:26] Kien għadu ma għamilx l-art bir-raba'
tagħha,
u lanqas l-ewwel traba ta' l-art.
[Prov:8:27] Meta ħejja s-smewwiet jien kont hemm,
meta ħażżeż dawra fuq wiċċ il-baħar kbir,
[Prov:8:28] meta saħħaħ is-smewwiet hemm fuq,
u qiegħed fis-sod in-nixxigħat ta' qiegħ il-baħar;
[Prov:8:29] meta ħażżeż trufijiet il-baħar,
biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;
meta qiegħed sisien l-art,
[Prov:8:30] jien kont maġenbu bħala tfajjel,
l-għaxqa tiegħu, jum wara ieħor,
nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu;
[Prov:8:31] nitliegħeb fuq l-art imħejjija
għall-bnedmin,
nitgħaxxaq b'ulied il-bnedmin.
[Prov:8:32] U issa wliedi, isimgħu lili:
henjin dawk li jimxu fi triqati.
[Prov:8:33] Isimgħu t-tagħlim u tiksbu l-għerf,
u twarrbux it-tagħlim.
[Prov:8:34] Hieni l-bniedem li jismagħni,
li jishar kuljum wara biebi,
li jgħasses kuljum ma' l-għatba ta' biebi;
[Prov:8:35] għax min isib lili jsib il-ħajja,
u jikseb l-imħabba tal-Mulej;
[Prov:8:36] iżda min jitlef lili, hu jbati;
kull min jobgħod lili jħobb il-mewt."

9. L-għerf u l-bluha

[Prov:9:1] L-għerf bena d-dar tiegħu,
waqqaf is-seba' kolonni tagħha;
[Prov:9:2] qatel il-bhejjem imsemmna,
ħejja l-inbid u l-mejda tiegħu.
[Prov:9:3] U bagħat il-qaddejja jxandru l-istedina
minn fuq l-imkejjen għolja tal-belt:
[Prov:9:4] "Min hu ċkejken ħa jiġi għandi!"
U lil min hu bla moħħ jgħidlu:
[Prov:9:5] "Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi
u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom.
[Prov:9:6] Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu,
u timxu 'l quddiem fl-għaqal."
[Prov:9:7] Min iwissi lill-insolenti, jaħbatlu ħażin,
min iwiddeb il-ħażin, jaqla' t-tagħjir.
[Prov:9:8] Twiddibx lill-insolenti, għax jobogħdok;
widdeb l-għaref, u jħobbok.
[Prov:9:9] Għallem lill-għaref, u jsir iżjed għaref;
għarraf lill-ġust, u iżjed jitgħallem.
[Prov:9:10] Il-biża' tal-Mulej hu l-bidu ta' l-għerf,
u li tagħraf lill-Qaddis hu d-dehen;
[Prov:9:11] għax bija jitkattrulek jiem ħajtek,
u jiżdidulek snin għomrok.
[Prov:9:12] Jekk int għaref, lilek jiswa,
jekk int insolenti, int biss tbati.
[Prov:9:13] Il-bluha hi mara mferfxa,
moħħ ir-riħ u ma taħsibhiex.
[Prov:9:14] Tintefa' f'bieb darha,
bilqiegħda fl-għoli fil-belt,
[Prov:9:15] issejjaħ lil min ikun għaddej,
hu u sejjer dritt għal triqtu:
[Prov:9:16] "Min hu belhieni, jidħol hawn";
u tgħid lil min hu bla moħħ:
[Prov:9:17] "Ħelu hu l-ilma misruq,
u tajjeb il-ħobż meħud bil-moħbi."
[Prov:9:18] U dak ma jindunax li hemm il-mejtin,
li l-mistednin tagħha huma f'qiegħ l-art.

10. Il-proverbji ta' Salamun

[Prov:10:1] Il-proverbji ta' Salamun:
Iben għaref iferraħ lil missieru,
iben iblah inikket 'l ommu.
[Prov:10:2] Ma fihx qligħ l-għana bid-dnewwa,
mill-mewt jinħeles min jimxi bis-sewwa.
[Prov:10:3] Ma jħallix il-Mulej il-ġust bil-ġuħ,
iżda jġib fix-xejn xewqat il-ħżiena.
[Prov:10:4] Id l-għażżien iġġib fuqu l-faqar,
imma id il-bieżel iġġiblu l-għana.
[Prov:10:5] Bil-għaqal hu min jaħżen fis-sajf,
imma għajb għalih min jorqod fil-ħsad.
[Prov:10:6] Barkiet jinżlu fuq ras il-ġust,
imma fomm il-ħżiena jaħbi l-vjolenza.
[Prov:10:7] It-tifkira tal-ġust titbierek,
imma isem il-ħżiena jitħassar.
[Prov:10:8] Min hu tassew għaref jilqa'
l-kmandamenti,
iżda min hu iblah fi kliemu jiġi fil-għali.
[Prov:10:9] Min jimxi dritt, jimxi sod,
iżda min jgħawweġ triqatu jinqabad.
[Prov:10:10] Min jagħlaq għajnejh għall-ħażen, iġib
l-inkwiet,
iżda min iwiddeb fil-beraħ, iġib is-sliem.
[Prov:10:11] Fomm il-ġust hu għajn tal-ħajja,
imma fomm il-ħżiena jaħbi d-dnewwa.
[Prov:10:12] Il-mibegħda tqanqal il-ġlied,
imma l-imħabba tgħatti kull ħtija.
[Prov:10:13] L-għerf jinsab fuq fomm min jifhem,
imma l-bastun għal dahar min hu bla moħħ.
[Prov:10:14] In-nies bil-għaqal jaħżnu l-għerf,
imma kliem l-iblah iqarreb il-qerda.
[Prov:10:15] Ġid l-għani hu l-belt qawwija tiegħu,
faqar il-foqra hu l-qerda tagħhom.
[Prov:10:16] Xogħol il-ġust iwassal għall-ħajja,
qligħ il-ħażen jintemm fid-dnub.
[Prov:10:17] Min jilqa' t-tagħlim, hu fi triq il-ħajja,
iżda min iwarrab it-twiddib, jitlef t-triq.
[Prov:10:18] Min jgħid il-gideb jaħbi l-mibegħda,
min iqassas fuq l-oħrajn hu iblah.
[Prov:10:19] Il-kliem żejjed m'hux nieqes mill-ħtija;
meqjus fi kliemu min hu bil-għaqal.
[Prov:10:20] Lsien il-ġust fidda magħżula;
moħħ il-ħżiena ftit li xejn jiswa.
[Prov:10:21] Xufftejn il-ġust jgħallmu lil ħafna,
imma l-boloh jintemmu għax bla moħħ.
[Prov:10:22] Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana,
u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.
[Prov:10:23] Il-gost tiegħu l-iblah jagħmel il-ħażen,
imma l-hena ta' l-għaref li jimxi bil-għaqal.
[Prov:10:24] Dak li minnu l-ħażin jibża', jiġi fuqu,
imma tinqatgħalhom xewqithom lit-tajbin.
[Prov:10:25] Tgħaddi t-tempesta, u jgħib il-ħażin,
imma l-ġust jibqa' fis-sod għal dejjem.
[Prov:10:26] Bħall-ħall għas-snien u bħad-duħħan
għall-għajnejn,
hekk hu l-għażżien għal min jibagħtu jaqdih.
[Prov:10:27] Il-biża' tal-Mulej ikattar l-għomor,
imma l-ħżiena għomorhom qasir.
Prov:10:28] It-tajbin jistennew u jithennew,
imma l-ħżiena jittamaw għalxejn.
[Prov:10:29] Il-Mulej hu sur għal min jimxi sewwa,
imma hu qerda għal min jagħmel il-ħażen.
[Prov:10:30] Il-bniedem ġust qatt ma jitħarrek,
imma l-ħżiena ma jdumux fuq l-art.
[Prov:10:31] Minn fomm il-ġust joħroġ l-għerf,
imma l-ilsien qarrieq jinqata' barra.
[Prov:10:32] Fomm il-ġust jgħid dak li jingħoġob,
imma fomm il-ħżiena jitkellem bil-qerq.

11. [Prov:11:1] Miżien falz jobogħdu l-Mulej
imma jogħġbu l-użin tajjeb.
[Prov:11:2] Fejn tidħol il-kburija, jidħol l-għajb;
imma l-umli jkollhom l-għerf.
[Prov:11:3] L-onestà tmexxi n-nies sewwa,
imma l-brikkuni jinqerdu bit-tagħwiġ tagħhom.
[Prov:11:4] Għal xejn ma jiswa l-ġid f'jum l-għadab,
imma l-ġustizzja teħles mill-mewt.
[Prov:11:5] Il-ġustizzja lit-tajbin tħarsilhom triqthom,
imma l-ħażin bi ħżunitu jaqa'.
[Prov:11:6] Il-ġustizzja tan-nies sewwa teħlishom,
imma l-brikkuni f'xewqathom jinqabdu.
[Prov:11:7] Malli jmut il-ħażin, ma jibqagħlux tama,
u xewqat il-ħżiena jintemmu fix-xejn.
[Prov:11:8] Il-bniedem ġust jinħeles mill-għawġ,
u minfloku l-ħażin jintefa' fih.

Il-ġid komuni

[Prov:11:9] Bi kliemu l-ħażin jagħmel ħsara 'l għajru,
imma l-ġusti bil-għaqal jinħelsu.
[Prov:11:10] B'ġid il-ġusti tifraħ il-belt,
u tgħajjat bil-ferħ għall-qerda tal-ħżiena.
[Prov:11:11] Bil-barka tat-tajbin tinbena l-belt,
imma tiġġarraf b'fomm il-ħżiena.
[Prov:11:12] Min hu bla moħħ imaqdar 'l għajru,
min hu bil-għaqal joqgħod kwiet.
[Prov:11:13] Min ilablab jikxef ħwejjeġ moħbija,
imma min hu ta' min jafdah iżomm sigriet.
[Prov:11:14] Fejn m'hemmx min imexxi sewwa jaqa'
l-poplu;
fejn hemm ħafna mexxejja tajba, hemm il-kwiet.
[Prov:11:15] Min jagħmel tajjeb għal ħaddieħor hu
jbati;
min jobgħod jirhan ikun fiż-żgur.
[Prov:11:16] Mara ħelwa ġieħ ikollha;
mara għadu tas-sewwa t-tmaqdir.
L-għażżenin jiftaqru,
imma l-beżlin jistagħnu.
[Prov:11:17] Min hu ħanin ġid lilu nnifsu jagħmel,
imma ħsara jġib fuqu nnifsu l-kiefer.
[Prov:11:18] Il-ħażin ħlasu jkun fieragħ,
imma min jiżra' s-sewwa qligħ tajjeb ikollu.
[Prov:11:19] Min iżomm mas-sewwa jkollu l-ħajja,
imma min jimxi bil-ħażen jimxi lejn il-mewt.
[Prov:11:20] Nies ta' qlub mgħawwġa jistmellhom
il-Mulej,
imma jitgħaxxaq b'dawk li triqthom dritta.
[Prov:11:21] Oqgħod żgur: il-ħażin ma jeħlishiex;
imma wlied il-ġust meħlusa jkunu.
[Prov:11:22] Bħal ħolqa tad-deheb fi mnieħer ħanżir,
hi mara sabiħa imma bla għaqal.
[Prov:11:23] It-tama tat-tajbin fil-ġid tintemm,
imma l-ħżiena ħlief qerda m'għandhomx jistennew.
[Prov:11:24] Hawn min iqassam minn ġidu u aktar
jistagħna;
u hawn min irekken u jgħix ta' fqir.
[Prov:11:25] Min jagħti bil-qalb ikollu l-barka,
u min ixabba' l-oħrajn ikollu bix-xaba'.
[Prov:11:26] Min jaħbi l-qamħ jisħtuh in-nies,
imma 'l dak li jbigħu jberkuh.
[Prov:11:27] Min iħabrek għall-ġid ikun milqugħ
tajjeb,
imma min ifittex id-deni, deni jsib.
[Prov:11:28] Min iserraħ fuq ġidu jispiċċa biex jaqa',
imma l-ġusti bħal werqa jħaddru.
[Prov:11:29] Min iħarbat daru jiret ir-riħ,
u l-iblah isir qaddej l-għaqli.
[Prov:11:30] Il-frott tal-ġust hu siġra tal-ħajja,
imma d-dnewwa tneħħi l-ħajja.
[Prov:11:31] Jekk il-ġust jitħallas fuq din l-art,
kemm aktar il-midneb u l-ħażin!

12. [Prov:12:1] Min iħobb id-dixxiplina,iħobb
it-tagħlim,
imma min jobgħod iċ-ċanfir hu bla moħħ.
[Prov:12:2] Min hu tajjeb jaqla' ħniena mingħand
il-Mulej,
imma l-brikkun ikun ikkundannat.
[Prov:12:3] Il-ħżiena ma jkunu qatt fis-sod,
imma għerq il-ġusti ma jinqala' b'xejn.
[Prov:12:4] Mara tinqala' l-foħrija ta' żewġha,
mara bla ġieħ bħal taħsir f'għadmu.
[Prov:12:5] Ħsibijiet il-ġusti skond is-sewwa,
imma fehmiet il-ħżiena kollha qerq.
[Prov:12:6] Bi kliemhom il-ħżiena jonsbu għall-ħajja,
imma kliem it-tajbin iġib il-ħelsien.
[Prov:12:7] Il-ħżiena jintrebħu u jintemmu,
imma nisel it-tajbin jibqa' sħiħ.
[Prov:12:8] Bniedem bil-għaqal ta' min ifaħħru,
bniedem ta' qalb mgħawwġa ta' min jistmerru.
[Prov:12:9] Aħjar wieħed fqajjar li jaqla' kemm jgħix,
minn wieħed kburi li m'għandux ħobż.
[Prov:12:10] Il-ġust jieħu ħsieb sa l-bhima tiegħu,
imma l-ħażin qalbu kiefra.
[Prov:12:11] Min jaħdem l-għalqa tiegħu jiekol
bix-xaba',
min jagħtiha għall-frugħat hu bla moħħ.
[Prov:12:12] Id-dar b'saħħitha tal-ħażin tiġġarraf,
imma nisel it-tajbin iżomm sħiħ sa l-aħħar.
[Prov:12:13] Il-ħażin jinqabad mill-qerq ta' kliemu,
imma l-ġust jeħles mill-għawġ.
[Prov:12:14] Bi kliem fommu jirnexxi l-bniedem,
u bix-xogħol ta' idejh ikollu l-ħlas.
[Prov:12:15] Triqtu l-iblah jaraha tajba,
imma l-għaref jieħu parir ħaddieħor.
[Prov:12:16] L-iblah malajr juri s-saħna tiegħu,
imma l-għaqli jaħbi l-għajb li jħoss.
[Prov:12:17] Min iħobb is-sewwa jixhed is-sewwa,
imma min jixhed ħażin hu kollu qerq.
[Prov:12:18] Min iqassas b'ilsienu jinfed bħal sejf,
imma lsien l-għorrief idewwi.
[Prov:12:19] Kliem is-sewwa jżomm sħiħ għal dejjem,
imma l-ilsien giddieb għomru qasir.
[Prov:12:20] Il-qerq fil-qalb ta' min ifassal il-ħsara,
u l-hena f'dawk li jfittxu l-ġid.
[Prov:12:21] L-ebda ħsara ma tiġi fuq il-ġust,
imma l-ħżiena kollhom għawġ.
[Prov:12:22] Jistmell il-Mulej lil min hu giddieb,
imma jitgħaxxaq b'min jagħmel is-sewwa.
[Prov:12:23] Bniedem għaqli jaħbi għerfu,
imma l-iblah ixandar bluhitu.
[Prov:12:24] Min hu bieżel jimxi 'l quddiem,
imma l-għażżien jibqa' qaddej.
[Prov:12:25] L-inkwiet ikiddha qalb il-bniedem,
imma kelma tajba tferraħha.
[Prov:12:26] Il-ġust jaħrab mill-ħażen,
imma triq il-ħżiena tmexxihom ħażin.
[Prov:12:27] L-għażżien ma jaqbadx x'jiekol,
imma l-ħabrieka jiksbu ħafna ġid.
[Prov:12:28] Triq is-sewwa twassal għall-ħajja,
imma l-ħażina tieħu għall-mewt.

13. [Prov:13:1] Iben bil-għaqal jisma' tagħlim
missieru,
imma l-insolenti ma joqgħodx għaċ-ċanfir.
[Prov:13:2] Min jagħmel il-ġid bi kliemu, ġid ikollu,
imma ħsieb il-qarrieq iwassal għall-vjolenza.
[Prov:13:3] Min jgħasses kliemu jħares ħajtu,
min jgħid wisq jiġi fl-għali.
[Prov:13:4] Ix-xewqa ta' l-għażżien tibqa' bla temma,
imma l-beżlin ikollhom bix-xaba'.
[Prov:13:5] Min hu ġust jobgħod il-gideb,
il-ħażin jiżra' l-għajb u l-mistħija.
[Prov:13:6] Min jimxi bis-sewwa jitħares mis-sewwa,
imma l-ħażin bi ħżunitu jiġġarraf.
[Prov:13:7] Hawn min jagħmilha ta' għani u
m'għandu xejn;
u hawn min jagħmilha ta' fqir u għandu ħafna.
[Prov:13:8] L-għani b'ġidu jifdi lilu nnifsu,
imma l-fqir m'għandux biex jinfeda.
[Prov:13:9] Dawl il-ġust jiddi bil-qawwa,
imma jintefa musbieħ il-ħżiena.
[Prov:13:10] Min hu moħħu ħafif iġib il-ġlied bi
kburitu,
min jieħu l-parir isib l-għerf.
[Prov:13:11] Il-ġid miksub ta' malajr, malajr jinħela,
imma min jiġma' ftit ftit, ikattar ġidu.
[Prov:13:12] It-tama mtawwla tmarrad il-qalb,
imma xewqa maqtugħa hi bħal siġra tal-ħajja.
[Prov:13:13] Min iwarrab kelma tajba jgħarraq lilu
nnifsu,
min iweġġaħ il-kmand ikollu ħlas tajjeb.
[Prov:13:14] Tagħlim l-għaref hu għajn il-ħajja
għal min irid jeħles mix-xibka tal-mewt.
[Prov:13:15] Min hu bil-għaqal jirbaħ l-imħabba,
min jimxi bil-qerq jiġġarraf.
[Prov:13:16] L-għaqli jagħmel kollox bi ħsieb,
imma l-iblah juri fil-beraħ bluhitu.
Prov:13:17] Ambaxxatur ħażin jaqla' l-inkwiet,
messaġġier tajjeb iġib il-kwiet.
[Prov:13:18] Faqar u għajb fuq min iwarrab it-tagħlim,
imma ġieħ ikollu min jilqa' t-twiddib.
[Prov:13:19] Xewqa maqtugħa tferraħ il-qalb;
il-boloh ma jħobbux jitbiegħdu mill-ħażin.
[Prov:13:20] Min jagħmilha ma' l-għaref, isir għaref,
min imur mal-boloh, jaqa' fl-hemm.
[Prov:13:21] Il-midinbin riżqhom ħażin,
u l-ġusti jitħallsu bil-ġid.
[Prov:13:22] Ġid it-tajjeb jgħaddi b'wirt għal ulied
uliedu,
imma ġid il-midneb jirtuh il-ġusti.
[Prov:13:23] L-art mhix maħduma tista' tgħajjex
lill-fqir,
imma dan ma jsirx minħabba l-inġustizzja.
[Prov:13:24] Min iżomm lura l-bastun jobgħod lil ibnu,
imma min iħobbu jieħu ħsieb iwiddbu.
[Prov:13:25] Il-ġust jiekol u jixba',
imma l-ħżiena jibqgħu bil-ġuħ.

14. [Prov:14:1] Għerf il-mara jibnilha darha
u bluhitha b'idejha ġġarrafha.
[Prov:14:2] Min jimxi bis-sewwa għandu l-biża'
tal-Mulej,
min jimxi bl-imgħawweġ jistmerru.
[Prov:14:3] Kliem l-iblah hu bastun għal dahru,
imma xufftejn l-għorrief il-ħarsien tagħhom.
[Prov:14:4] Fejn m'hemmx il-baqar, m'hemmx
il-qamħ;
b'saħħet il-gendus jinkisbu l-uċuħ tajba.
[Prov:14:5] Xhud tajjeb ma jgħidx il-falz,
imma xhud qarrieq gideb jgħid.
[Prov:14:6] Għalxejn l-insolenti jfittex l-għerf,
imma ħafif it-tagħlim għal min hu bil-għaqal.
[Prov:14:7] Tagħmilhiex ma' min hu iblah,
għax ma titgħallimx l-għerf minn fommu.
[Prov:14:8] B'għerfu l-għaqli jsib it-triq it-tajba,
imma bluhiet il-boloh ħażin tmexxihom.
[Prov:14:9] Il-boloh jibqgħu fil-ħtija,
imma t-tajbin ikollhom l-għaxqa ta' Alla.
[Prov:14:10] Qalb il-bniedem tagħraf l-imrar tagħha,
u ħadd barra minnha ma jissieħeb fil-ferħ tagħha.
[Prov:14:11] Dar il-ħżiena tiġġarraf,
imma l-għamara tat-tajbin tiġi 'l quddiem.
[Prov:14:12] Xi ħadd jista' jaħseb li triqtu dritta,
iżda mbagħad tmiemha jwassal għall-mewt.
[Prov:14:13] Mqar fid-daħk titnikket il-qalb,
u l-ferħ jintemm fin-niket.
[Prov:14:14] Il-ħażin jixba' bi frott għemilu,
u t-tajjeb jiekol minn għemejjel idejh.
[Prov:14:15] Min hu nieqes minn moħħu jemmen
kollox,
min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.
[Prov:14:16] L-għaref jaħsibha sewwa u jitbiegħed
mid-deni,
imma l-iblah jibqa' għaddej moħħu mistrieħ.
[Prov:14:17] Min hu bla sabar bluhat jagħmel,
min hu tal-ħsieb jaf jistenna.
[Prov:14:18] Il-boloh bluhat jirtu,
imma l-għaqlin jiżżejjnu bl-għerf.
[Prov:14:19] Il-ħżiena jbaxxu rashom quddiem
it-tajbin,
u jitbaxxew il-midinbin wara bieb il-ġusti.
[Prov:14:20] Lill-fqir lanqas qrabatu ma jriduh,
imma l-għani għandu ħafna ħbieb.
[Prov:14:21] Ħażin jagħmel min imaqdar lil għajru,
imma hieni hu min iħenn għall-fqir.
[Prov:14:22] Min jagħmel id-deni, m'hux żbalji
jagħmel?
Min jagħmel il-ġid għandu t-tjieba u l-fedeltà.
[Prov:14:23] Kull xogħol fih il-qligħ,
imma l-kliem biss faqar iġib.
[Prov:14:24] L-għaqal hu ġieħ l-għorrief,
u l-bluha tiżjin il-boloh.
[Prov:14:25] Min jixhed is-sewwa jsalva l-ħajja,
imma l-giddieb hu traditur.
[Prov:14:26] Tama qawwija jkollu min għandu
l-biża' tal-Mulej,
u wliedu wkoll isibu l-kenn.
[Prov:14:27] Il-biża' tal-Mulej hu għajn tal-ħajja,
bih wieħed jeħles mix-xibka tal-mewt.
[Prov:14:28] Kbir hu s-sultan li għandu poplu kbir,
sultan bla poplu ma jiswa għal xejn.
[Prov:14:29] Min għandu s-sabar jimxi b'għaqal kbir,
min jisbel malajr bluhat kbar jagħmel.
[Prov:14:30] Mistrieħ il-moħħ hu ħajja għall-ġisem,
imma l-għira tħassarlu l-għadam.
[Prov:14:31] Min jgħakkes il-fqir imaqdar lil min
ħalqu,
imma min iħenn għall-imsejken iweġġħu.
[Prov:14:32] Il-ħażin jiġġarraf bi ħżunitu,
it-tajjeb jistkenn fi tjubitu.
[Prov:14:33] L-għerf jgħammar f'moħħ min hu
bil-għaqal,
imma ma ssibux f'qalb il-boloh.
[Prov:14:34] Is-sewwa jkabbar ġieħ il-poplu,
imma d-dnub iwaqqgħu fl-għajb.
[Prov:14:35] Is-sultan jinġibed lejn il-qaddej
bil-għaqal,
imma jistmerr il-qaddej bla ħila.

15. Il-proverbji ta' Salamun

[Prov:15:1] Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla,
kelma iebsa tqajjem l-għadab.
[Prov:15:2] Lsien l-għorrief ixerred it-tagħlim;
fomm il-boloh iferragħ il-bluha.
[Prov:15:3] Kullimkien iħarsu għajnejn il-Mulej,
jgħassu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin.
[Prov:15:4] Lsien ħelu bħal siġra tal-ħajja,
imma lsien ħażin imewwet il-qalb.
[Prov:15:5] L-iblah jistmell tagħlim missieru;
bil-għaqal hu min jaf jilqa' t-twiddib.
[Prov:15:6] F'dar il-ġust hemm ġid kbir,
imma qligħ l-inġust iġib l-għawġ.
[Prov:15:7] Xufftejn għorrief ixerrdu t-tagħlim;
minn qalb il-boloh joħroġ il-qerq.
[Prov:15:8] Il-Mulej jistkerrah is-sagrifiċċju tal-ħżiena,
imma jitgħaxxaq bit-talba tat-tajbin.
[Prov:15:9] Il-Mulej jistkerrah l-imġiba tal-ħżiena,
imma jħobb 'il min ifittex is-sewwa.
[Prov:15:10] Tbeżbiża ħarxa jrid min joħroġ barra
mit-triq;
min jobgħod it-twiddib il-mewt isib.
[Prov:15:11] Qiegħ l-Art u l-Imwiet quddiem
għajnejn il-Mulej;
kemm aktar qlub il-bnedmin.
[Prov:15:12] L-insolenti ma jħobbx lil min iwiddbu,
u ma jmurx għand l-għorrief.
[Prov:15:13] Il-qalb ferħana tagħmel il-wiċċ daħkan,
imma l-qalb imnikkta tmewwet ir-ruħ.
[Prov:15:14] Min hu bil-għaqal ifittex it-tagħlim,
imma l-boloh jirgħu fil-bluha.
[Prov:15:15] L-imsejken għomru kollu fid-dwejjaq,
imma qalb il-hieni dejjem festa.
[Prov:15:16] Aħjar ikollok il-ftit bil-biża' tal-Mulej,
milli jkollok teżor kbir bl-inkwiet tiegħu.
[Prov:15:17] Aħjar platt ħaxix mogħti bl-imħabba,
minn gendus smin bil-mibegħda miegħu.
[Prov:15:18] Min jagħdab ħafna jġib l-inkwiet,
min jimxi bis-sabar isikket il-ġlied.
[Prov:15:19] Triq l-għażżien hi kollha xewk,
imma l-mogħdija tal-bieżla hi triq tajba.
[Prov:15:20] Iben bil-għaqal iferraħ 'il missieru,
imma l-iblah ikasbar 'l ommu.
[Prov:15:21] Min hu bla moħħ jifraħ bil-bluha;
min hu bil-għaqal jimxi sewwa.
[Prov:15:22] Tifsil ta' xogħol bla ħsieb jisfa' fix-xejn,
imma bil-pariri ta' ħafna jmur tajjeb.
[Prov:15:23] Jifraħ min jaf jagħti tweġiba tajba;
kelma f'waqtha, kemm hi sabiħa!
[Prov:15:24] Triq l-għaref tieħdu 'l fuq lejn il-ħajja,
u tbiegħdu mill-mewt ta' taħt l-art.
[Prov:15:25] Il-Mulej iġarraf dar il-kburin,
imma jżomm sħaħ ħitan l-armla.
[Prov:15:26] Il-Mulej jistkerrah ħsibijiet il-ħżiena,
imma jitgħaxxaq bi kliem it-tajbin.
[Prov:15:27] Ir-rgħib għall-qligħ inkwiet f'daru jġib,
imma min jobgħod it-tixħim jgħix aħjar.
[Prov:15:28] Moħħ il-ġust jaħsibha qabel iwieġeb,
imma lsien il-ħżiena jinfexx fil-ħażen.
[Prov:15:29] Il-Mulej jitbiegħed mill-ħżiena,
imma jisma' talb il-ġusti.
[Prov:15:30] Wiċċ imdawwal iferraħ il-qalb,
u aħbar tajba ssaħħaħ l-għadam.
[Prov:15:31] Min jilqa' t-twiddib għall-ġid,
jagħmilha ma' l-għorrief.
[Prov:15:32] Min iwarrab it-tagħlim imur kontra
tiegħu nnifsu,
imma min jisma' t-twiddib jikseb id-dehen.
[Prov:15:33] Il-biża' tal-Mulej hu tagħlim l-għerf;
u biex tasal għall-ġieħ, trid tiċċekken.

16. [Prov:16:1] Il-bniedem jista' jfassal ħsibijietu,
imma l-Mulej iqegħedlu l-kliem fuq ilsienu.
[Prov:16:2] Kull ma jagħmel il-bniedem hu safi
f'għajnejh,
imma l-Mulej jaf x'tiswa qalbu.
[Prov:16:3] Ħalli f'idejn il-Mulej il-ħidma tiegħek,
u jseħħu ħsibijietek.
[Prov:16:4] Kull m'għamel il-Mulej, għamlu bi ħsieb,
saħansitra l-ħażin għal jum il-hemm.
[Prov:16:5] Il-Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar;
illum jew għada, ma jeħlishiex.
[Prov:16:6] Bit-tjieba u l-fedeltà tpatti għall-ħtija;
u bil-biża' tal-Mulej taħrab il-ħażen.
[Prov:16:7] Min jogħġob lill-Mulej bl-imġiba tiegħu,
ukoll ma' l-għedewwa jżomm is-sliem.
[Prov:16:8] Aħjar il-ftit bis-sewwa,
minn ħafna qligħ bl-inġustizzja.
[Prov:16:9] Il-bniedem jaħseb u jfassal triqtu,
imma l-Mulej imexxih minnha.
[Prov:16:10] Il-kelma ta' Alla fuq fomm is-sultan,
ma jiżbaljax, hu u jaqta' l-ħaqq.
[Prov:16:11] L-istasija u l-miżien huma tal-Mulej,
xogħlu, kull użin, li jinżamm fil-borża.
[Prov:16:12] Hu għajb għas-slaten li jagħmlu d-deni,
għax it-tron tagħhom fuq il-ġustizzja biss iserraħ.
[Prov:16:13] Kliem il-ġust jogħġob lis-slaten;
huma jħobbu lil min jgħid is-sewwa.
[Prov:16:14] L-għadab ta' sultan sinjal tal-mewt,
u l-bniedem għaref jaf iberrdu.
[Prov:16:15] Wiċċ hieni ta' sultan jagħtik il-ħajja,
u ħnientu bħal sħaba xita tar-rebbiegħa.
[Prov:16:16] Li tikseb l-għerf aħjar mid-deheb,
li tikseb id-dehen aħjar mill-fidda.
[Prov:16:17] Triq il-ġusti m'hijiex triq il-ħażen;
min iħares triqtu jsalva ħajtu.
[Prov:16:18] Qabel il-qerda tiġi l-kburija,
u qabel il-waqgħa t-tkabbir.
[Prov:16:19] Aħjar tiċċekken mal-fqajrin,
milli taqsam il-priża mal-kburin.
[Prov:16:20] Min jagħti widen għall-Kelma jmur tajjeb;
hieni hu min jafda fil-Mulej!
[Prov:16:21] Min għandu d-dehen hu bniedem
bil-għaqal,
min jitkellem bil-ħlewwa hu qawwi fi kliemu.
[Prov:16:22] Min għandu l-għerf għandu għajn
tal-ħajja,
imma l-boloh jissawwtu bi bluhathom.
[Prov:16:23] Moħħ l-għaref iqegħedlu l-għaqal
fuq fommu,
u jkattarlu l-qawwa ta' kliemu.
[Prov:16:24] Il-kliem ħelu bħal xehda għasel,
hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem.
[Prov:16:25] Hemm min jaħseb li triqtu dritta,
mbagħad tmiemha jwasslu għall-mewt.
[Prov:16:26] Il-ħaddiem jaħdem għax irid jiekol,
għax il-ġuħ iġiegħlu jaħdem.
[Prov:16:27] Min ma jiswa għal xejn ħsara biss
jagħmel,
kliemu hu bħal nar iħeġġeġ.
[Prov:16:28] Min iħobb l-inkwiet iġib il-ġlied,
u min ifesfes jifred il-ħbieb.
[Prov:16:29] Il-bniedem vjolenti jiġbed lil għajru
miegħu,
u jqabbdu triq ħażina.
[Prov:16:30] Min jagħmeż għajnejh jaħseb il-ħażin,
min iross xufftejh jistieden id-deni.
[Prov:16:31] Ix-xagħar abjad kuruna ta' ġieħ,
li tinkiseb b'ħajja tajba.
[Prov:16:32] Min għandu s-sabar aħjar mill-qalbieni,
min jitrażżan aħjar mir-rebbieħ ta' belt.
[Prov:16:33] Ix-xorti tintafa' f'ħoġorna,
iżda hu l-Mulej li jtellagħha.

17. [Prov:17:1] Aħjar loqma ħobż niexfa bis-sliem,
minn dar mimlija bl-ikel u l-ġlied.
[Prov:17:2] Qaddej bil-għaqal jikkmanda iben bla
ġieħ,
u jaqsam il-wirt ma' l-aħwa.
[Prov:17:3] Il-fidda tissaffa fil-griġjol u d-deheb
fin-nar,
imma qlub il-bnedmin iġarrabhom il-Mulej.
[Prov:17:4] Il-ħażin iħobb jisma' kliem il-qerq,
u l-giddieb jagħti widen għall-ilsien ħażin.
[Prov:17:5] Min jidħak bil-fqir ikasbar lil min ħalqu;
min jifraħ bid-deni jħallas għalih.
[Prov:17:6] Ulied l-ulied huma l-ġieħ tax-xjuħ,
u l-kburija ta' l-ulied missirijiethom.
[Prov:17:7] Il-kliem sabiħ ma jixraqx lil min hu iblah;
kemm aktar ma jixraqx il-gideb lil min hu kbir.
[Prov:17:8] Rigal min ixaħħam bħal seħer fl-għajnejn,
bih wieħed jirnexxi kull fejn imur.
[Prov:17:9] Min jistor il-ħtija jżomm l-imħabba,
imma min itenniha jikser il-ħbiberija.
[Prov:17:10] Ċanfira waħda tolqot aktar lill-għaqli,
minn mitt daqqa lill-iblah.
[Prov:17:11] Il-ħażin iqum kontra min għandu
s-setgħa,
imma mbagħad messaġġier aħrax jintbagħat għalih.
[Prov:17:12] Aħjar tħabbat wiċċek ma' orsa li ħadulha
l-frieħ,
milli ma' l-iblah fis-siegħa ta' bluhatu.
[Prov:17:13] Min irodd id-deni għall-ġid,
id-deni ma jwarrabx minn daru.
[Prov:17:14] Il-bidu tal-ġlied bħal żbroff ta' l-ilma,
warrab qabel tibda xi ġlieda.
[Prov:17:15] Kemm min jeħles il-ħażin u kemm min
jikkundanna l-ġust,
it-tnejn jistmellhom il-Mulej.
[Prov:17:16] X'jiswew il-flus f'id l-iblah?
Se jixtri bihom l-għerf, jekk m'għandux moħħ?
[Prov:17:17] Il-ħabib iħobbok kull ħin,
bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.
[Prov:17:18] Min hu bla moħħ jidħol garanti,
u jagħmel tajjeb għal ħaddieħor.
[Prov:17:19] Min iħobb il-ġlied iħobb id-dnub;
min jagħmel bieb għoli jistieden it-tiġrif.
[Prov:17:20] Il-qalb qarrieqa ma ssibx kwiet,
u l-ilsien ħażin jiġi fl-għali.
[Prov:17:21] Missier l-iblah għali jkollu,
m'għandux biex jifraħ b'iben bla moħħ.
[Prov:17:22] Qalb ferħana tagħti s-saħħa,
ruħ imnikkta tmewwet il-ġisem.
[Prov:17:23] Il-ħażin jieħu r-rigali bil-moħbi,
biex ma jaqtax il-ħaqq skond is-sewwa.
[Prov:17:24] L-għaqli jżomm l-għerf quddiem
għajnejh,
imma l-iblah idawwar għajnejh kullimkien.
[Prov:17:25] Iben iblah hu l-għali ta' missieru,
u l-imrar ta' ommu li wilditu.
[Prov:17:26] M'hux sewwa tikkastiga 'l min hu bla
ħtija;
ħażin li ssawwat nies ta' ġieħ.
[Prov:17:27] Min għandu l-għerf kliemu meqjus,
min għandu l-għaqal moħħu kalm.
[Prov:17:28] Lill-iblah ukoll, jekk jiskot, jaħsbuh
għaref,
u b'għaqli jgħodduh, jekk iżomm fommu sieket.

18. [Prov:18:1] Min irid jinfired mill-oħrajn jara
x'jaqla',
u għal kull xejn jiġġieled.
[Prov:18:2] L-iblah ma jħobbx jimxi bl-għaqal,
irid biss juri fehemtu.
[Prov:18:3] Il-ħażen iġib it-tmaqdir miegħu;
jiġi l-għajb fuq min jitlef ġieħu.
[Prov:18:4] Kliem l-għaref bħal ilma fond,
għajn l-għerf nixxiegħa ta' ilma ħaj.
[Prov:18:5] M'hux sewwa raġun tagħti lill-ħażin,
biex tagħti tort lill-ġust fil-ħaqq.
[Prov:18:6] Kliem l-iblah jaqla' l-inkwiet,
kliem fommu jġib il-ġlied.
[Prov:18:7] Bi kliemu l-iblah jiġġarraf,
fommu xibka għalih innifsu.
[Prov:18:8] Kliem ix-xewwiex bħal ikel bnin,
li jinżel sa qiegħ l-istonku.
[Prov:18:9] Min jitnikker fuq xogħlu,
jiġi ħu dak li jġarraf.
[Prov:18:10] Isem il-Mulej hu torri qawwi;
fih jistkenn il-ġust b'moħħu mistrieħ.
[Prov:18:11] Ġid l-għani hu belt qawwija għalih;
jistħajjlu sur għoli madwaru.
[Prov:18:12] Il-bniedem jitkabbar, sakemm ma jaqax,
biex tasal għall-ġieħ, trid tiċċekken.
[Prov:18:13] Min iwieġeb qabel ma jisma',
bluha jagħmel u mistħija jkollu.
[Prov:18:14] Min hu ta' kuraġġ jiflaħ għall-mard,
imma min qalbu maqtugħa, biex jintrefa'?
[Prov:18:15] Moħħ miftuħ jikseb l-għerf;
l-għorrief jagħtu widen għat-tagħlim.
[Prov:18:16] Min jagħti r-rigali jiftaħ it-triq quddiemu,
u jibqa' dieħel sa quddiem il-kbar.
[Prov:18:17] Min jitkellem l-ewwel taħsbu għandu
raġun,
sakemm ħaddieħor jgħarblu u jistaqsih.
[Prov:18:18] Bix-xorti twaqqaf il-ġlied,
u taqta' min għandu raġun f'tilwima kbira.
[Prov:18:19] Ħuk imweġġa' jsir għalik bħal belt
qawwija,
u l-ġlied iebes daqs bieb ta' fortizza.
[Prov:18:20] Bi frott kliemu jixba' l-bniedem,
bi kliem fommu jaqla' x'jiekol.
[Prov:18:21] Fis-setgħa ta' lsien il-mewt u l-ħajja,
min jinqeda bih tajjeb jiekol minn frottu.
[Prov:18:22] Min isib mara jsib il-ġid,
u jikseb il-barka tal-Mulej.
[Prov:18:23] Il-fqir jitlob bil-ħniena,
u l-għani jwieġeb bil-herra.
[Prov:18:24] Hemm ħbieb ta' l-isem biss;
ħabib tassew jintrabat miegħek aktar minn ħuk.

19. [Prov:19:1] Aħjar fqir li jgħix bla ħtija,
minn wieħed għani li jqarraq bi kliemu.
[Prov:19:2] M'hix tajba l-ħeġġa mingħajr il-ħsieb;
u min jimxi bl-għaġla jitlef triqtu.
[Prov:19:3] Bi bluhatu l-bniedem jgħarraq ħajtu,
u mbagħad jeħodha kontra l-Mulej.
[Prov:19:4] L-għana jiġbed ħafna ħbieb,
imma l-fqir sa ħabibu jitilqu.
[Prov:19:5] Min jixhed il-falz ma jibqax bla kastig,
u min ilissen il-gideb ma jeħlishiex.
[Prov:19:6] Ħafna jfittxu jinħabbu ma' min hu idejh
miftuħa,
kulħadd ħabib ta' min iħobb jagħti.
[Prov:19:7] Lill-fqir sa ħutu jaħarbuh;
kemm aktar ħbiebu jitbiegħdu minnu!
Ifittixhom bi kliemu, imma kollu għalxejn.
[Prov:19:8] Min jikseb id-dehen iħobb lilu nnifsu,
min jgħożż l-għaqal ikollu r-riżq.
[Prov:19:9] Min jixhed il-falz ma jibqax bla kastig,
u min ilissen il-gideb jintilef.
[Prov:19:10] Ma jixraqlux lill-iblah il-lussu;
kemm anqas lill-ilsir li jaħkem fuq il-kbarat!
[Prov:19:11] Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab,
hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-offiża.
[Prov:19:12] L-għadab ta' sultan bħal għajta ta' ljun.
imma ħnientu bħal nida fuq il-ħaxix.
[Prov:19:13] Iben iblah hu l-għali ta' missieru,
u mara ġellieda bħall-ilma jqattar dejjem.
[Prov:19:14] Id-dar u l-għana wirt il-missirijiet,
imma mara bil-għaqal hi don tal-Mulej.
[Prov:19:15] L-għażż iġib in-ngħas,
u l-għażżien ibati l-ġuħ.
[Prov:19:16] Min iħares il-liġi jħares lilu nnifsu;
min imaqdar il-kelma ta' Alla jmut.
[Prov:19:17] Min iħenn għall-fqir ikun qed jislef
lill-Mulej,
u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.
[Prov:19:18] Widdeb 'l ibnek dment li hemm tama
għalih;
imma tkunx daqshekk aħrax li twasslu għall-mewt.
[Prov:19:19] Min jagħdab iżżejjed ibati hu;
u jekk teħilsu mill-kastig, jagħmel agħar.
[Prov:19:20] Isma' l-parir u ilqa' t-tagħlim,
biex ikollok l-għerf sa l-aħħar ta' ħajtek.
[Prov:19:21] Wieħed jista' jfassal ħafna ħsibijiet,
imma dak li jseħħ hu l-ħsieb tal-Mulej.
[Prov:19:22] Il-bniedem jiġbdek bi tjubitu;
aħjar tkun fqir milli giddieb.
[Prov:19:23] Il-biża' tal-Mulej iwassal għall-ħajja;
min jimtela bih ma jilħqux id-deni.
[Prov:19:24] L-għażżien idaħħal idu fil-platt,
u mank ireġġagħha lura lejn ħalqu.
[Prov:19:25] Jekk issawwat il-vjolenti, jitgħallem
iċ-ċkejken,
widdeb l-għaqli, u hu jifhmek u jitgħallem.
[Prov:19:26] Min jgħakkes lil missieru u jkeċċi 'l barra
'l ommu,
hu iben bla ġieħ u kollu għajb.
[Prov:19:27] Tisma' xejn it-tagħlim, ibni,
la trid titwarrab minn kliem l-għerf.
[Prov:19:28] Xhud ħażin jidħak bil-ġustizzja,
u fomm il-ħżiena jibla' l-qerq.
[Prov:19:29] Għall-vjolenti hemm il-kundanna,
u s-swat għal dahar il-boloh.

20. Il-proverbji ta' Salamun

[Prov:20:1] L-inbid jagħmlek vjolenti, u x-xorb
qawwi storbjuż;
m'huwiex għaqli min jingħata għalihom.
[Prov:20:2] Għadab is-sultan bħal għajta ta' ljun;
min jiksirha miegħu, hemm ħajtu fin-nofs.
[Prov:20:3] Hu ġieħ għal bniedem li jitbiegħed
mill-ġlied;
kull min hu iblah jistieden it-tilwim.
[Prov:20:4] L-għażżien ma jaħdimx ir-raba' fil-ħarifa;
mbagħad għal xejn ifittex fi żmien il-ħsad.
[Prov:20:5] Il-ħsieb f'moħħ il-bniedem bħall-ilma
f'bir fond;
min moħħu jilħaqlu jaf joħroġhulu.
[Prov:20:6] Ħafna jiftaħru bi tjubithom;
imma min jista' jsib wieħed sinċier?
[Prov:20:7] Hu l-ġust li jimxi bir-reqqa;
henjin uliedu li jiġu warajh!
[Prov:20:8] Sultan li joqgħod fuq it-tron tal-ħaqq,
ixejjen il-ħażen bil-ħarsa t'għajnejh.
[Prov:20:9] Min jista' jgħid: 'Jien qalbi safja;
jien nadif minn ħtijieti?'
[Prov:20:10] Użin doppju u kejl doppju,
it-tnejn jobgħodhom il-Mulej.
[Prov:20:11] Mqar tifel jingħaraf minn għemilu,
jekk hux safi u tajjeb f'imġibtu.
[Prov:20:12] Il-widna li tisma' u l-għajn li tara,
it-tnejn il-Mulej għamilhom.
[Prov:20:13] Tħobbx l-irqad, għax tiftaqar;
iftaħ għajnejk, u jkollok ħobż bix-xaba'.
[Prov:20:14] Imaqdar biss jaf ix-xerrej,
u jmur jiftaħar b'dak li jkun xtara.
[Prov:20:15] Hemm id-deheb u ħaġar prezzjuż
bil-kotra,
imma kliem l-għerf hu egħżeż minnhom.
[Prov:20:16] Żommlu lbiesu 'l min jagħmel tajjeb għal
ħaddieħor,
żommhomlu b'rahan għal min hu barrani.
[Prov:20:17] Ħelu l-ħobż maqlugħ bis-serq,
iżda mbagħad jimlielek ħalqek biż-żrar.
[Prov:20:18] Il-ħsibijiet jirnexxu bil-parir tajjeb,
u agħmel il-gwerra wara ħafna ħsieb.
[Prov:20:19] Min ipaċpaċ ħafna ma jżommx sigriet;
tagħmilhiex ma' min ilablab wisq.
[Prov:20:20] Min jisħet 'il missieru u 'l ommu,
jintfielu d-dawl fl-aqwa tad-dlam.
[Prov:20:21] Il-ġid miksub bl-għaġla mill-ewwel,
ma jkollux barka fi tmiemu.
[Prov:20:22] Tgħidx: 'Ħa nrodd id-deni b'deni'
imma stenna li l-Mulej jeħilsek hu.
[Prov:20:23] Użin doppju jobogħdu l-Mulej,
miżien falz m'hux sewwa quddiemu.
[Prov:20:24] Il-ħajja tal-bniedem imexxiha l-Mulej;
u kif jista' l-bniedem jifhem triqtu?
[Prov:20:25] Jidħol f'xibka min jagħmel wegħda
bl-għaġla,
għax imbagħad jerġa' jibdielu.
[Prov:20:26] Sultan għaref itajjar il-ħżiena,
u minn fuqhom jgħaddi r-romblu.
[Prov:20:27] Ir-ruħ fil-bniedem hi dawl il-Mulej,
li jgħarrex il-moħbiet kollha tal-qalb.
[Prov:20:28] It-tjieba u l-fedeltà jħarsuh lis-sultan,
u bil-ħniena jissaħħaħ it-tron tiegħu.
[Prov:20:29] Il-foħrija taż-żgħażagħ hi saħħithom,
u l-bjuda ta' xagħarhom il-ġieħ tax-xjuħ.
[Prov:20:30] Is-swat li jfieri sewwa jfejjaq il-ħsara,
u d-daqqiet inaddfu sa qiegħ il-qalb.

21. [Prov:21:1] Qalb is-sultan nixxiegħa ilma
f'id il-Mulej;
hu jmexxiha kull fejn jogħġbu.
[Prov:21:2] Kull ma jagħmel il-bniedem hu safi
f'għajnejh,
imma l-Mulej jiżinlu qalbu.
[Prov:21:3] Li tagħmel il-ħaqq u s-sewwa
jogħġob lill-Mulej aktar mis-sagrifiċċju.
[Prov:21:4] Għajnejn merfugħa u qalb imkabbra;
dan hu s-sinjal tal-ħżiena, u hu dnub.
[Prov:21:5] Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u
jirnexxilu;
imma min jgħaġġel jiġi fil-bżonn.
[Prov:21:6] Min jaħżen il-ġid bil-qerq ta' lsienu
bħal duħħan li jgħib u bħal xibka tal-mewt.
[Prov:21:7] Il-vjolenza tal-ħżiena għad teqridhom,
għax ma jridux jagħmlu s-sewwa.
[Prov:21:8] Mgħawwġa hi mġibet il-midneb,
imma dritt għemil il-ġust.
[Prov:21:9] Aħjar tgħix f'rokna fuq bejt,
milli f'dar kbira ma' mara ġellieda.
[Prov:21:10] Qalb il-ħażin tixtieq id-deni;
m'għandux ħniena lanqas minn ħbiebu.
[Prov:21:11] Bit-twiddib tal-vjolenti jitgħallem
iċ-ċkejken;
u l-għaref bit-tagħlim ikattar għerfu.
[Prov:21:12] Alla l-ġust iħares lejn dar il-ħażin;
il-ħżiena jitfagħhom fil-ħsara.
[Prov:21:13] Min jagħlaq widnejh għall-għajta tal-fqir,
ħadd ma jwieġbu meta jgħajjat hu.
[Prov:21:14] Għotja bil-moħbi ttaffi l-korla,
rigal minn taħt iberred saħna kbira.
[Prov:21:15] Jifraħ il-ġust meta jsir ħaqq tajjeb,
imma jibżgħu dawk li jagħmlu l-ħażen.
[Prov:21:16] Min joħroġ 'il barra mit-triq ta' l-għaqal,
isib postu fil-ġemgħa tal-mejtin.
[Prov:21:17] Min iħobb ix-xalar jaqa' fil-faqar;
min iħobb l-inbid u ikel bnin qatt ma jistagħna.
[Prov:21:18] Iħallas il-ħażin għall-fidwa tal-ġust;
u t-traditur għal min hu leali.
[Prov:21:19] Aħjar tgħix waħdek f'deżert,
milli ma' mara ġellieda u inkejjuża.
[Prov:21:20] Teżori prezzjużi u fwieħa jibqgħu f'dar
l-għaref,
imma l-iblah iberbaq kollox.
[Prov:21:21] Min jimxi bil-ġustizzja u t-tjieba,
ikollu ħajja u ġieħ.
[Prov:21:22] L-għaref jaħbat għal belt ta' nies
qawwija,
u jġarraf is-swar, il-mistrieħ ta' moħħhom.
[Prov:21:23] Min irażżan fommu u lsienu,
iħares mill-għawġ lilu nnifsu.
[Prov:21:24] Arroganti jissejjaħ min hu kburi u fieragħ,
min hu mkabbar u mimli bih innifsu.
[Prov:21:25] Ix-xewqa ta' l-għażżien għall-mewt
twasslu,
għax ma jridx imidd idejh għax-xogħol.
[Prov:21:26] Il-jum kollu l-ħażin jixtieq aktar,
imma l-ġust jagħti b'idejh miftuħa.
[Prov:21:27] Is-sagrifiċċju tal-ħżiena jistmellu l-Mulej;
kemm aktar meta jsir b'fehma ħażina.
[Prov:21:28] Min jixhed il-falz jintilef;
iżda min joqgħod għas-sewwa jżomm sħiħ.
[Prov:21:29] Il-ħażin wiċċu sfiq,
u t-tajjeb ħsiebu f'għemilu.
[Prov:21:30] La l-għerf, la d-dehen u lanqas il-fehma
ma jiswew xi ħaġa quddiem il-Mulej.
[Prov:21:31] Jista' jkun lest iż-żiemel għal nhar
it-taqbida,
imma r-rebħa tiġi mingħand il-Mulej.

22. [Prov:22:1] Aħjar isem tajjeb minn ħafna ġid,
aħjar fama tajba mill-fidda u d-deheb.
[Prov:22:2] L-għani u l-fqir f'dan huma xorta waħda;
li t-tnejn il-Mulej għamilhom.
[Prov:22:3] Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab;
min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.
[Prov:22:4] Min jiċċekken u jibża' mill-Mulej,
jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.
[Prov:22:5] Triq il-ħażin hi kollha xewk u għawġ;
min jgħasses fuqu nnifsu jitbiegħed minnhom.
[Prov:22:6] Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba;
ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.
[Prov:22:7] L-għani jaħkem fuq il-fqir,
u min jissellef jaqa' f'idejn min silfu.
[Prov:22:8] Min jiżra' d-dnewwa jaħsad l-għawġ,
u ħatar għadbu jiġi fix-xejn.
[Prov:22:9] Min hu qalbu tajba jkun imbierek,
għax hu jaqsam ħobżu ma' min hu fqir.
[Prov:22:10] Warrab l-arroganti u jieqaf it-tilwim,
u jintemm il-ġlied u t-tagħjir.
[Prov:22:11] Il-Mulej iħobb lil min hu qalbu safja;
min jitkellem bil-ħlewwa jogħġob lis-sultan.
[Prov:22:12] Il-Mulej iħares it-tagħlim,
u jxejjen kliem il-qarrieq.
[Prov:22:13] L-għażżien jgħid: "Hemm iljun hemm
barra;
jekk noħroġ joqtolni f'nofs it-triq."
[Prov:22:14] Kliem il-mara żienja bħal bir bla qiegħ;
fih jaqa' min għandu l-Mulej kontrih.
[Prov:22:15] Il-bluha b'għeruqha fil-qalb ta' kull tifel;
bis-saħħa tat-twiddib taqlagħhielu 'l barra.
[Prov:22:16] It-tagħkis tal-fqir jista' jiswielu ta' ġid;
min jagħti lill-għonja jiġi fil-bżonn.

Ġabra oħra ta' għajdut

[Prov:22:17] Agħti widen u isma' kliem l-għorrief,
u iftaħ moħħok għal tagħlimi.
[Prov:22:18] Ikun jaqbillek iżżommhom ġo fik,
biex issibhom dejjem lesti f'fommok.
[Prov:22:19] Ħa ngħallmek illum triqat il-Mulej,
biex fih tkun it-tama tiegħek.
[Prov:22:20] Ktibtlek jien tletin proverbju,
kollhom pariri u tagħlim,
[Prov:22:21] biex nurik it-tajjeb u s-sewwa,
ħa tkun taf twieġeb tajjeb lil min bagħtek.
[Prov:22:22] Tisraqx il-fqir għax hu fqir,
u taħqarx l-imsejken fil-qorti;
[Prov:22:23] għax il-Mulej jiddefendi l-kawża
tagħhom,
u jeqred lil dawk li jridu jeqirduhom.
[Prov:22:24] Tkunx ħabib ta' min jinkorla,
tagħmilhiex ma' min jisħon malajr,
[Prov:22:25] biex ma tidrax tagħmel bħalu,
u ssib ruħek fil-għawġ.
[Prov:22:26] Tkunx minn dawk li jagħmlu tajjeb għal
ħaddieħor,
tidħolx garanti għad-djun tiegħu;
[Prov:22:27] għax jekk ma jkollokx biex tħallas,
sa friexek jeħdulek minn taħtek.
[Prov:22:28] Tneħħix il-ġebel qadim ta' bejn għalqa
u oħra,
li missirijietek qegħduhom b'sinjali.
[Prov:22:29] Qatt rajt wieħed imħarreġ fis-sengħa
tiegħu?
Dan mas-slaten issibu,
u mhux ma' nies bla isem ta' xejn.

23. [Prov:23:1] Meta tkun qed tiekol ma' xi ħadd kbir,
aħseb sewwa min għandek quddiemek;
[Prov:23:2] u jekk int wikkiel ħafna,
agħmel sikkina ma' gerżumtek.
[Prov:23:3] Tixxennaqx għall-ikel bnin tiegħu,
għax hu ikel li jqarraq bik.
[Prov:23:4] Titħabatx biex tikseb il-ġid,
dan il-ħsieb neħħih minn moħħok;
[Prov:23:5] kif titfa' għajnejk fuqu, ikun ġa għadda;
għax żgur irabbi l-ġwienaħ,
u jtir bħal ajkla fl-ajru.
[Prov:23:6] Tikolx il-ħobż ma' min hu xħiħ,
tixxennaqx għall-ikel bnin tiegħu;
[Prov:23:7] għax hu bħal wieħed jgħodd bil-qjies
f'qalbu.
Jgħidlek: "Kul u ixrob",
iżda mhux minn qalbu.
[Prov:23:8] Il-bukkun li tiekol taqilgħu,
u tkun ħlejt il-kliem sabiħ tiegħek.
[Prov:23:9] Toqgħodx titkellem ma' min hu iblah,
għax hu jmaqdar il-kliem għaqli tiegħek.
[Prov:23:10] Tneħħix il-ġebel qadim ta' bejn għalqa
u oħra,
u tidħolx fir-raba' ta' l-iltiema;
[Prov:23:11] għax min iħarishom qawwi ħafna,
hu jiddefendi kontrik il-kawża tagħhom.
[Prov:23:12] Żomm moħħok fit-tagħlim,
agħti widen għal kliem id-dehen.
[Prov:23:13] Tħallix lit-tifel bla twiddib;
m'hux se jmut għax issawwtu bil-bastun.
[Prov:23:14] Jekk issawwtu bil-bastun,
tkun qed teħilsu mill-mewt.
[Prov:23:15] Ibni, jekk qalbek tħobb l-għerf,
lili wkoll tferraħli qalbi;
[Prov:23:16] nifraħ b'qalbi kollha,
meta minn fommok joħroġ is-sewwa.
[Prov:23:17] Tħallix lil qalbek tgħir għall-midinbin,
iżda ibqa' kuljum fil-biża' tal-Mulej.
[Prov:23:18] Għax hemm ħajja għalik għaż-żmien
li ġej,
u t-tama tiegħek ma tkunx fiergħa.
[Prov:23:19] Isma', ibni, u kun bil-għaqal,
u agħraf imxi fit-triq it-tajba.
[Prov:23:20] Tagħmilhiex ma' dawk li jlegilgu l-inbid,
u ma' dawk li għandhom kilba għal-laħam;
[Prov:23:21] għax l-ikel u x-xorb żejjed iwasslu
għall-faqar,
u min iħobb l-irqad iċ-ċraret jilbes.
[Prov:23:22] Isma' minn missierek li tak il-ħajja,
u tmaqdarx 'l ommok meta tixjieħ.
[Prov:23:23] Ixtri s-sewwa u terġax tbigħu;
ikseb l-għerf, it-tagħlim u d-dehen.
[Prov:23:24] Missier il-ġust għandu ħafna għax jifraħ,
min għandu ibnu għaref jithenna bih.
[Prov:23:25] Jithennew bik missierek u ommok,
u tifraħ bik dik li wilditek!
[Prov:23:26] Ibni, agħtini qalbek,
u għajnejk jitgħaxxqu bi triqati.
[Prov:23:27] Mara żienja hi bir bla qiegħ,
mara ġerrejja bħal bir dejjaq.
[Prov:23:28] Bħal ħalliel toqgħod tissajja,
u tkattar l-irġiel li jibdlu 'l marthom.
[Prov:23:29] Min hu fl-għali jew fin-niket?
Min hu fil-ġlied u fl-inkwiet?
Min hu msawwat bla ma jaf għaliex?
Min għandu għajnejh ħomor nar?
[Prov:23:30] Dawk li jdumu jixorbu l-inbid,
dawk li jfittxu jduqu x-xorb imħawwar.
[Prov:23:31] Tħarisx lejn l-inbid meta jkun iħammar,
meta jkun itextex fit-tazza.
[Prov:23:32] Jinżillek ħelu, u mbagħad bħal serp
jigdmek,
u bħal lifgħa jniggżek.
[Prov:23:33] Għajnejk jaraw kollox bil-maqlub,
u minn moħħok joħroġ kliem imħawwad.
[Prov:23:34] Tkun qisek mimdud fuq wiċċ il-baħar,
bħal wieħed mitluq ma' l-art fuq ġifen.
[Prov:23:35] U thewden: 'Laqtuni, imma ma ħassejtx;
sawwtuni, imma ma weġġajtx.
Xħin niġi f'tiegħi,
nerġa' mmur infittex l-inbid.'

24. [Prov:24:1] M'għandekx għalfejn tgħir
għall-ħżiena
jew tixtieq tagħmilha magħhom;
[Prov:24:2] għax fuq id-dnewwa jaħseb moħħhom,
u kliem l-għawġ joħroġ minn fommhom.
[Prov:24:3] Id-dar bl-għerf tinbena
u bid-dehen tissaħħaħ;
[Prov:24:4] bl-għaqal jimtlew il-kmamar,
b'kull ġid għażiż u jogħġob.
[Prov:24:5] L-għaref aqwa minn wieħed b'saħħtu,
min għandu t-tagħlim aqwa minn dak li jiflaħ;
[Prov:24:6] għax bit-tmexxija għaqlija tintrebaħ
il-gwerra,
b'ħafna pariri tinkiseb ir-rebħa.
[Prov:24:7] L-għerf għoli wisq għall-iblah;
f'bieb il-belt l-iblah ma jiftaħx fommu.
[Prov:24:8] Min jaħseb biex jagħmel id-deni,
jissejjaħ bniedem ta' l-għawġ.
[Prov:24:9] Dnubiet huma ħsibijiet l-iblah,
u l-arroganti jistmelluh in-nies.
[Prov:24:10] Jekk int tintreħa fir-riżq it-tajjeb,
x'saħħa għandek fir-riżq il-ħażin?
[Prov:24:11] Lil min hu meħud għall-mewt eħilsu,
lil min hu mkaxkar għall-qatla salvah.
[Prov:24:12] Jekk int tgħid: "Ma kontx naf b'dan";
taħseb li Dak, li jiżen il-qlub, ma jindunax?
Dak li jgħasses fuqek, kollox jaf;
Hu jrodd lil kulħadd skond għemilu.
[Prov:24:13] Ibni, kul l-għasel, għax hu tajjeb,
u l-qtar tax-xehda, għax togħmtu ħelwa.
[Prov:24:14] Kun af li hekk hu l-għerf għalik;
jekk issibu, jiswielek għal li ġej,
u t-tama tiegħek ma tkunx fiergħa.
[Prov:24:15] Toqgħodx tissajja għal fejn joqgħod
il-ġust,
tagħmilx ħsara lil daru.
[Prov:24:16] Mqar jekk il-ġust jaqa' seba' darbiet,
dejjem jerġa' jqum,
imma l-ħżiena mill-ħsara jibqgħu mifxula.
[Prov:24:17] Tifraħx meta jaqa' l-għadu tiegħek,
tithenniex f'qalbek meta jogħtor;
[Prov:24:18] jekk jara dan il-Mulej ma jifraħx bik,
u lilu jneħħilu l-korla tiegħu minn fuqu.
[Prov:24:19] Tinkeddx minħabba l-ħżiena,
u tgħirx għal min jagħmel il-ħażen;
[Prov:24:20] għax il-ħżiena m'għandhomx tama għal
li ġej,
u d-dawl tal-ħżiena għad jintefa.
[Prov:24:21] Ibni, ibża' mill-Mulej u mis-sultan,
u teħodha qatt kontra tagħhom it-tnejn;
[Prov:24:22] għax għal għarrieda minnhom tiġi
l-ħsara,
u l-qerda li minnhom tiġi min jagħrafha?

Kliem l-għorrief

[Prov:24:23] Dawn ukoll kliem l-għorrief:
m'hux sewwa żżomm ma' dak u ma 'l-ieħor fil-ħaqq.
[Prov:24:24] Min lil ħati jgħidlu: "Int bla ħtija,"
jisħtuh il-popli, jistkerrhuh il-ġnus;
[Prov:24:25] imma dawk li jikkundannaw il-ħati
riżqhom tajjeb,
ikollhom fuqhom barka bil-kotra.
[Prov:24:26] Min jagħti tweġiba onesta,
daqs kemm kieku jagħti bewsa fuq ix-xufftejn.
[Prov:24:27] Qis li xogħlok ikun f'postu,
u li jkollok kollox lest għal xogħol ir-raba';
u mbagħad ibni darek.
[Prov:24:28] Tixhidx bla raġuni kontra għajrek,
u tqarraqx bih b'xufftejk.
[Prov:24:29] Tgħidx: "Kif għamilli hu, nagħmillu jien;
nroddlu skond għemilu."
[Prov:24:30] Għaddejt ħdejn l-għalqa ta' wieħed
għażżien,
ħdejn l-għalqa tad-dwieli ta' wieħed bla moħħ;
[Prov:24:31] u rajtha kollha ħaxix ħażin,
miksija kollha bil-ħurrieq,
u l-ħitan tagħha mġarrfa.
[Prov:24:32] Ħarist lejha u qgħadt naħseb;
rajtha u ħadt tagħlima:
[Prov:24:33] daqqa tongħos, daqqa torqod,
daqqa torbot idejk biex tistrieħ;
[Prov:24:34] u jiġi fuqek bħal ħalliel il-faqar,
u bħal wieħed armat l-għaks.

25. Proverbji oħra ta' Salamun

[Prov:25:1] Dawn ukoll proverbji ta' Salamun,
miġbura min-nies ta' Ħeżekija, sultan ta' Ġuda.
[Prov:25:2] Hu ġieħ għal Alla li ħaġa jaħbiha;
imma ġieħ għas-slaten li jikxfuha.
[Prov:25:3] Għolja s-smewwiet u fond qiegħ l-art,
u qalb is-slaten ma titkejjilx.
[Prov:25:4] Saffi mill-ħmieġ il-fidda,
u tkun tajba għal min jaħdimha;
[Prov:25:5] neħħi l-ħżiena minn quddiem is-sultan,
u jitwettaq bil-ġustizzja t-tron tiegħu.
[Prov:25:6] Tersaqx 'il quddiem lejn is-sultan,
toqgħodx fejn joqogħdu l-kbarat;
[Prov:25:7] għax aħjar jgħidulek: "Itla' 'l fuq",
milli jniżżluk 'l isfel quddiem il-kbarat.
Dak li tkun rajt
[Prov:25:8] ixxandrux malajr quddiem kulħadd,
għax x'tagħmel imbagħad, meta fl-aħħar
għajrek iħammarlek wiċċek?
[Prov:25:9] Il-kawża tiegħek aqtagħha ma' għajrek,
imma tikxifx dak li taf fuq ħaddieħor,
[Prov:25:10] li ma jmurx jgħajjrek min jisimgħek,
u t-tebgħa kerha ma tmurx minn fuqek.
[Prov:25:11] Bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda,
hi l-kelma li tingħad f'waqtha.
[Prov:25:12] Bħal misluta tad-deheb u bħal kullana
tad-deheb,
hi t-twissija ta' l-għaref għal min jismagħha.
[Prov:25:13] Bħall-frisk tas-silġ fi żmien il-ħsad,
hu l-qaddej fidil għal min jibagħtu;
u hu qalb sidu jserraħ.
[Prov:25:14] Bħas-sħab u r-riħ bla xita,
hu min jiftaħar li jagħti u ma jagħti qatt.
[Prov:25:15] Lil min hu kbir bis-sabar tfiehmu,
bil-kelma t-tajba tkisser l-għadam.
[Prov:25:16] Jekk issib l-għasel, kul kemm teħtieġ;
tikolx iż-żejjed għax ikollok taqilgħu.
[Prov:25:17] Toqgħodx ġej u sejjer f'dar ġarek,
għax iddejjqu u jixba' minnek.
[Prov:25:18] Bħal mazza jew sejf jew vleġġa misnuna,
min jixhed ħażin kontra sieħbu.
[Prov:25:19] Bħal sinna mħassra u sieq imfekka,
min jitma fi bniedem ħajjen fi żmien l-inkwiet.
[Prov:25:20] Bħal ħall fuq ġerħa
min joqgħod jgħanni lill-qalb muġugħa.
[Prov:25:21] Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu;
jekk inhu bil-għatx, isqih;
[Prov:25:22] hekk tiġmagħlu l-ġamar fuq rasu,
u jkun il-Mulej li jroddlok.
[Prov:25:23] Kif ir-riħ fuq iġib ix-xita,
hekk l-ilsien li jqassas iġib il-ħars bl-ikrah.
[Prov:25:24] Aħjar tgħix f'rokna fuq bejt,
milli f'dar kbira ma' mara ġellieda.
[Prov:25:25] Bħall-ilma frisk għal min hu bil-għatx,
hekk hi aħbar tajba minn art imbiegħda.
[Prov:25:26] Bħal nixxiegħa mdardra u għajn
imniġġsa,
hu l-ġust li jaqa' quddiem min hu ħażin.
[Prov:25:27] M'hux tajjeb tiekol ħafna għasel;
hekk ukoll min ifittex ġieħ fuq ieħor.
[Prov:25:28] Bħal belt miftuħa u bla ħitan,
hekk hu l-bniedem li ma jitrażżanx.

26. [Prov:26:1] Bħas-silġ fis-sajf u x-xita waqt
il-ħsad,
hekk il-ġieħ lill-iblah ma jixraqlu xejn.
[Prov:26:2] Bħal għasfur maħrub, bħal ħuttafa tittajjar,
saħta għal xejn b'xejn ma sseħħx fis-sema.
[Prov:26:3] Il-frosta għaż-żiemel, ir-riedni
għall-ħmar,
u l-ħatar għal dahar il-boloh.
[Prov:26:4] Tweġibx lill-iblah skond bluhatu,
biex ma tkunx bħalu int ukoll.
[Prov:26:5] Wieġeb lill-iblah skond bluhatu,
biex ma jaħsibx li hu xi għaref.
[Prov:26:6] Min jibgħat lill-iblah jagħmillu xi qadja,
ikun qed jaqta' riġlejh u jixrob l-inkwiet.
[Prov:26:7] Bħar-riġlejn imdendla ta' wieħed zopp,
hekk proverbju fuq fomm l-iblah.
[Prov:26:8] Bħal min jorbot iż-żrar ma' l-iżbandola,
hekk hu min jagħti ġieħ lill-iblah.
[Prov:26:9] Bħal xewka f'id wieħed fis-sakra,
hu proverbju fuq fomm l-iblah.
[Prov:26:10] Bħal min itajjar il-vleġeġ fuq kull min
jgħaddi,
min jinqeda bl-iblah u s-sakranazz.
[Prov:26:11] Bħal kelb li jerġa' jiekol dak li jaqla',
hekk l-iblah li jtenni bluhatu.
[Prov:26:12] Qatt rajt wieħed jidhirlu li hu għaref?
Hemm aktar tama għall-iblah milli għalih.
[Prov:26:13] L-għażżien jgħid: "Hemm iljun fit-triq!
Hemm iljun f'salib it-toroq!"
[Prov:26:14] Il-bieb idur fuq iċ-ċappetti,
u l-għażżien jitqalleb fuq friexu.
[Prov:26:15] L-għażżien idaħħal idu fil-platt,
u qajla jreġġagħha lura lejn ħalqu.
[Prov:26:16] L-għażżien jidhirlu li hu aktar għaref,
minn sebgħa li jafu jwieġbu sewwa.
[Prov:26:17] Min jindaħal fi ġlied ħaddieħor,
ikun qed jaqbad kelb minn widnejh.
[Prov:26:18] Bħal wieħed miġnun li jwaddab
xrar tan-nar u vleġeġ tal-mewt,
[Prov:26:19] hekk min iqarraq b'ħaddieħor,
mbagħad jgħid: "Dan biex niċċajta."
[Prov:26:20] Jekk ma jkunx hemm ħatab, jintefa n-nar,
u jekk ma jkunx hemm min isefsef, jieqaf il-ġlied.
[Prov:26:21] Bħall-faħam għall-ġamar u l-ħatab
għan-nar,
hekk il-ġellied biex ikebbes it-tilwim.
[Prov:26:22] Kliem is-sefsief bħal ikel bnin,
li jinżel sa qiegħ l-istonku.
[Prov:26:23] Kisja tal-fidda fuq biċċa tal-fuħħar,
huma x-xufftejn ħelwin ma' qalb qarrieqa.
[Prov:26:24] Min jobogħdok jinħeba fi kliemu;
f'qalbu jbejjet il-qerq;
[Prov:26:25] jekk ikellmek bil-ħlewwa, temmnux;
f'qalbu għandu seba' saħtiet.
[Prov:26:26] Bil-qerq jaħbi l-mibegħda tiegħu,
imma ħżunitu tinkixef quddiem il-ġemgħa.
[Prov:26:27] Min iħaffer ħofra jaqa' ġo fiha,
min igerbeb blata, tinqaleb fuqu.
[Prov:26:28] Lsien giddieb jobgħod is-sewwa,
u fomm imelles iwassal għat-tiġrif.

27. Proverbji oħra ta' Salamun

[Prov:27:1] Tiftaħarx bil-jum ta' għada,
għax ma tafx x'se jġib miegħu l-jum.
[Prov:27:2] Ħa jfaħħrek ħaddieħor, iżda mhux
fommok;
min hu barrani, iżda mhux xufftejk.
[Prov:27:3] Il-ġebel qawwi u r-ramel tqil,
imma qillet l-iblah itqal minnhom it-tnejn.
[Prov:27:4] Il-qilla kiefra u l-għadab ikaxkar;
imma l-għira min jista' għaliha?
[Prov:27:5] Aħjar ċanfira f'wiċċek,
minn imħabba moħbija.
[Prov:27:6] Is-swat ta' min iħobb, sinċier,
il-bews ta' min jobgħod, qarrieq.
[Prov:27:7] Min hu xebgħan sa l-għasel idejjqu,
min hu bil-ġuħ kull morr jiġih ħelu.
[Prov:27:8] Bħal għasfur li jitbiegħed mill-bejta,
hekk hu dak li jitbiegħed minn daru.
[Prov:27:9] Il-fwieħa u l-inċens iferrħu l-qalb,
u l-ħlewwa ta' ħabib hena tar-ruħ.
[Prov:27:10] Tinsiex lil ħabibek u 'l ħabib missierek,
tmurx f'dar ħuk meta tkun fl-inkwiet.
Aħjar ġar fil-qrib minn ħuk fil-bogħod.
[Prov:27:11] Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi,
biex inkun nista' nwieġeb lil min jgħajjarni.
[Prov:27:12] Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab;
min moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.
[Prov:27:13] Żommlu lbiesu 'l min jagħmel tajjeb għal
ħaddieħor;
żommhomlu b'rahan għal min hu barrani.
[Prov:27:14] Min ibierek lil ġaru b'leħen għoli,
sa minn sbiħ il-jum,
tistħajjlu aktar qiegħed jisħtu.
[Prov:27:15] L-ilma jqattar dejjem f'jum ix-xita,
u mara ġellieda, it-tnejn xorta;
[Prov:27:16] tipprova żżommilha, qisek qed iżżomm
ir-riħ,
jew taqbad b'idek iż-żejt.
[Prov:27:17] Kif il-ħadid isinn il-ħadid,
hekk bniedem jirfina lil sieħbu.
[Prov:27:18] Min jieħu ħsieb is-siġra tat-tin jiekol
minn frottha,
u min iħares lil sidu jkollu l-ġieħ.
[Prov:27:19] Kif fl-ilma tara wiċċek,
hekk f'qalb ħaddieħor tara qalbek.
[Prov:27:20] Qiegħ l-Art u l-Imwiet qatt ma jimtlew;
hekk qatt ma jixbgħu għajnejn il-bniedem.
[Prov:27:21] Il-fidda tidher bin-nar u d-deheb fil-forn;
u l-bniedem jintwera bil-fomm ta' min ifaħħru.
[Prov:27:22] Lanqas jekk tisħqu f'mehrież lill-iblah,
ma tneħħilu minn fuqu bluhatu.
[Prov:27:23] Agħraf sewwa n-nagħaġ tiegħek,
ħu ħsieb l-imrieħel tiegħek;
[Prov:27:24] għax l-għana ma jibqax għal dejjem,
u lanqas il-ġieħ minn nisel għal ieħor.
[Prov:27:25] Jintemm il-ħaxix u jidher inbiet ieħor,
u jinġabar il-ħaxix ta' l-għoljiet;
[Prov:27:26] il-ħrief jagħtuk x'tilbes,
il-gidjien jiswewlek daqs għalqa;
[Prov:27:27] il-mogħoż jagħtuk ħalib biżżejjed
għall-ikel tiegħek u tan-nies ta' darek,
u għall-għajxien tax-xbejbiet tiegħek.

28. [Prov:28:1] Il-ħażin jaħrab għalkemm ħadd ma
jiġri warajh;
imma l-ġust qalbieni bħal iljun.
[Prov:28:2] Minħabba l-ħtija ta' pajjiż
ħafna huma l-ħakkiema;
imma b'raġel dehni u għaref,
il-pajjiż iżomm sħiħ fit-tul.
[Prov:28:3] Bniedem setgħan li jgħakkes il-fqar,
bħax-xita bil-qliel li ma tagħtix ħobż.
[Prov:28:4] Dawk li jwarrbu l-Liġi jfaħħru l-ħażin,
imma dawk li jħarsuha jeħduha kontrih.
[Prov:28:5] In-nies ħżiena ma jifhmux fil-ħaqq,
imma dawk li jfittxu l-Mulej kollox jifhmu.
[Prov:28:6] Aħjar il-fqir li jgħix bla ħtija,
mill-għani li jimxi bit-tagħwiġ.
[Prov:28:7] Min iħares il-Liġi hu tifel bil-għaqal,
iżda min jagħmilha mal-wikkiela hu l-għajb
ta' missieru.
[Prov:28:8] Min ikattar ġidu bl-imgħax u l-qligħ żejjed,
ikun ifaddal għal dak li jħenn għall-foqra.
[Prov:28:9] Min isodd widnejh biex ma jismax il-Liġi,
Alla wkoll jistmell it-talb tiegħu.
[Prov:28:10] Min idaħħal it-tajbin fi triq ħażina,
jaqa' fil-ħofra li jkun ħaffer.
Imma min hu bla ħtija jkollu wirt tajjeb.
[Prov:28:11] L-għani jaħseb li hu għaref,
imma l-fqir bil-għaqal jagħrfu sewwa.
[Prov:28:12] Meta jirbħu l-ġusti, ikun hemm ferħ kbir;
imma meta jitilgħu l-ħżiena, in-nies tinħeba.
[Prov:28:13] Min jaħbi ħtijietu ma jiksibx ġid,
Imma min jistqarrhom u jaqtagħhom jaqla' l-ħniena.
[Prov:28:14] Hieni l-bniedem li dejjem jibża' minn Alla!
Imma min iwebbes imma qalbu jiġi fl-għali.
[Prov:28:15] Bħal iljun jgħajjat u ors bil-għatx,
hu mexxej ħażin ta' poplu msejken.
[Prov:28:16] Mexxej nieqes minn moħħu jgħakkes
dejjem aktar;
imma min jobgħod il-qligħ ħażin jgħix għomor twil.
[Prov:28:17] Min xerred demm ħaddieħor,
jiġri lejn il-qabar u ħadd ma jeħilsu.
[Prov:28:18] Min jimxi bis-sewwa jsalva,
imma min jimxi bl-imgħawweġ jaqa' fil-ħofra.
[Prov:28:19] Min jaħdem ir-raba' tiegħu jiekol
bix-xaba',
imma min jingħata għall-frugħat jirkbu l-għaks.
[Prov:28:20] Bniedem onest ikollu barka bil-kotra,
imma kastig ikollu min irid jistagħna malajr.
[Prov:28:21] M'hux sewwa tħares lejn l-uċuħ;
għal loqma ħobż tagħmel il-ħażin.
[Prov:28:22] Min hu rgħib irid jistagħna f'qasir żmien,
bla ma jaħseb li għad jilħqu l-għaks.
[Prov:28:23] Jekk twissi lil xi ħadd, fl-aħħar tirbaħ
imħabbtu,
aktar minn dak li jżiegħel bih bi kliemu.
[Prov:28:24] Min lil missieru u 'l ommu jisraq u jgħid
m'hux dnub,
ikun qed jissieħeb mal-ħalliel.
[Prov:28:25] Min hu rgħib iġib il-ġlied,
imma min jittama fil-Mulej jistagħna.
[Prov:28:26] Min jafda fih innifsu hu iblah,
imma min jimxi fit-triq ta' l-għerf jimxi fis-sod.
[Prov:28:27] Min jagħti lill-fqir ma jkun jonqsu xejn,
imma min jagħlaq għajnejh saħtiet ikollu.
[Prov:28:28] Meta jitilgħu l-ħżiena, in-nies tinħeba,
imma meta jaqgħu, joktru t-tajbin.

29. [Prov:29:1] Min ikun imwiddeb u jibqa' jwebbes
rasu,
malajr jiġġarraf u ma jkollux fejqan.
[Prov:29:2] Meta s-setgħa tkun f'idejn il-ġusti, jifraħ
il-poplu,
imma meta jaħkmu l-ħżiena, il-poplu jitniehed.
[Prov:29:3] Min iħobb l-għerf iferraħ lil missieru,
min imur man-nisa żienja jberbaq ġidu.
[Prov:29:4] Is-sultan bil-ġustizzja jżomm l-art sħiħa,
imma jekk jixxaħħam, iġibha fix-xejn.
[Prov:29:5] Min iżiegħel b'ħabibu,
ikun jifrixlu xibka għal riġlejh.
[Prov:29:6] Bi ħżunitu l-ħażin jinqabad f'nassa,
imma l-ġust jiġri u jifraħ.
[Prov:29:7] Il-ġust jagħraf drittijiet il-fqajrin,
imma l-ħażin dan ma jifhmux.
[Prov:29:8] L-arroganti jkebbsu n-nar fil-belt,
imma l-għorrief iberrdu l-qilla.
[Prov:29:9] Jekk l-għaref ikollu xi jgħid ma' l-iblah,
dan erħilu jgħajjat u jidħak bla waqfien.
[Prov:29:10] Il-qattiela jobogħduh lil min hu bla ħtija,
iżda l-ġusti jħarsulu ħajtu.
[Prov:29:11] L-iblah jagħdab b'saħħtu kollha,
imma l-għaref irażżan għadbu.
[Prov:29:12] Jekk mexxej jagħti kas tal-gideb,
il-kbarat tiegħu kollha jkunu ħżiena.
[Prov:29:13] Il-fqir u min jaħqru f'dan jaqblu:
lilhom it-tnejn il-Mulej jagħtihom id-dawl.
[Prov:29:14] Jekk sultan jagħmel ħaqq lill-fqajrin
bis-sewwa,
it-tron tiegħu jibqa' għal dejjem.
[Prov:29:15] Il-bastun u t-twiddib jagħmlu l-għorrief;
imma tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb lil ommu.
[Prov:29:16] Sakemm jaħkmu l-ħżiena, joktor il-ħażen,
imma l-ġusti jaraw il-waqgħa tagħhom.
[Prov:29:17] Widdeb lil ibnek, u hu jkun l-hena
tiegħek;
ikun l-għaxqa ta' qalbek.
[Prov:29:18] Jekk ma jkunx hemm min iwissi,
il-poplu jsir bla rażan;
mbierek hu min iħares il-Liġi!
[Prov:29:19] Bil-kliem biss ma twiddibx il-qaddej;
għax hu jifhmek, imma ma jobdikx.
[Prov:29:20] Tara xi wieħed dejjem mgħaġġel biex
jitkellem?
Hemm aktar tama għall-iblah milli għalih.
[Prov:29:21] Min ifissed il-qaddej minn ċkunitu,
fl-aħħar jispiċċa biex jidħol floku.
[Prov:29:22] Min jagħdab ħafna jqajjem il-ġlied,
u min jisbel jagħmel ħafna żbalji.
[Prov:29:23] Il-kburija ċċekken il-bniedem,
imma min jiċċekken jikseb il-ġieħ.
[Prov:29:24] Min jissieħeb mal-ħalliel jobgħod lilu
nnifsu;
meta jkun mitlub jaħlef, ma jikxfux.
[Prov:29:25] Min jibża' mill-bniedem jaqa' fi xkiel;
imma min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.
[Prov:29:26] Ħafna jfittxu l-favuri ta' min hu kbir;
imma l-Mulej biss jagħmel ħaqq mal-bniedem.
[Prov:29:27] Il-ġusti jistmellu 'l min hu ħażin,
u l-ħżiena jistmellu 'l min jimxi sewwa.

30. Kliem ta' Agur

[Prov:30:1] Kliem ta' Agur bin Ġaki, minn Massa.
Hekk jgħid il-bniedem: "Għejejt, O Alla,
għejejt, O Alla, u nħossni mifni.
[Prov:30:2] Tassew, iblah jien aktar minn kulħadd,
m'għandix fija l-għaqal tal-bniedem.
[Prov:30:3] L-għerf jien ma tgħallimtux,
u 'l Dak li hu Qaddis ma nagħrfux.
[Prov:30:4] Min qatt tala' s-sema u raġa' niżel?
Min ħakem ir-riħ fil-keffa ta' idu?
Min ġabar l-ilma fi ħwejġu?
Min ħażżeż it-trufijiet kollha ta' l-art?
Taf x'jismu, u x'jismu ibnu?
[Prov:30:5] Kull kelma ta' Alla għaddiet mill-prova;
hu tarka għal kull min jistkenn fih.
[Prov:30:6] Iżżid xejn ma' kliemu,
għax hu jċanfrek u jgiddbek.
[Prov:30:7] Dawn it-tnejn jien nitlob mingħandek,
tiċħadhomlix qabel ma mmut:
[Prov:30:8] Biegħed minni l-qerq u l-gideb;
tagħtinix la faqar u lanqas għana,
iżda agħtini l-ikel li neħtieġ.
[Prov:30:9] Għax jekk ikolli bix-xaba', nista' niċħdek,
u ngħid: "Min hu l-Mulej?"
Jekk niftaqar, nasal biex nisraq
u nkasbar isem Alla.
[Prov:30:10] Tgħidx kontra l-qaddej ma' sidu,
għax hu jisħtek, u tħallasha qares.
[Prov:30:11] Xi wħud jisħtu 'l missierhom,
u 'l ommhom ma jberkuhiex.
[Prov:30:12] Xi wħud jidhrilhom li huma safja,
imma ma tnaddfux minn ħmieġhom.
[Prov:30:13] Oħrajn, kemm għandhom għajnejhom
merfugħa,
u x'ħarsa għandhom ta' kburin!
[Prov:30:14] Xi wħud li għandhom snienhom sjuf
u drashom skieken;
jaħtfu l-fqir minn fuq l-art,
u l-imsejken minn fost il-bnedmin.
[Prov:30:15] Is-sangisuga għandha żewġt ibniet,
u dejjem jgħidu: "Tini, tini".
Tlieta huma li qatt ma jixbgħu,
u r-raba', li qatt ma tgħid: "Biżżejjed!":
[Prov:30:16] Art l-Imwiet, il-ġuf bla wlied,
l-art niexfa bl-għatx,
u n-nar li qatt ma jgħid: "Biżżejjed!"
[Prov:30:17] Min jiddieħak b'missieru,
u jagħmel il-ħsieb li ma jismax minn ommu,
wara mewtu jaqlagħlu għajnejh iċ-ċawl,
u jikluh il-frieħ tas-seqer.
[Prov:30:18] Tliet ħwejjeġ huma ta' l-għaġeb għalija,
anzi erbgħa li ma nifhimhomx:
[Prov:30:19] it-triq ta' l-ajkla fl-ajru,
it-triq tas-serp fuq il-blat,
it-triq tal-ġifen f'nofs ta' baħar,
it-triq ta' raġel lejn xebba.
[Prov:30:20] Din hi l-ħajja tal-mara żienja:
tiekol u timsaħ ħalqha;
mbagħad tgħid: "Ma għamilt xejn ħażin."
[Prov:30:21] Minħabba tlieta titriegħed l-art,
u r-raba' ma tiflaħx għaliha:
[Prov:30:22] lsir li jilħaq sultan,
iblah li jixba' bil-ħobż,
[Prov:30:23] mara tiżżewweġ bla maħbuba,
u qaddejja li tilħaq flok sidtha.
[Prov:30:24] Erba' ħwejjeġ huma l-iżgħar fl-art,
iżda huma wkoll l-aktar għorrief:
[Prov:30:25] in-nemel m'humiex qawwija,
iżda jħejju fis-sajf ikilhom;
[Prov:30:26] il-fniek selvaġġi huma bla saħħa,
iżda jagħmlu fil-blat il-bejta tagħhom;
[Prov:30:27] il-ġradijiet li m'għandhomx sultan,
iżda kollha jtiru mqassmin fi qtajja';
[Prov:30:28] il-gremxula b'idek taqbadha,
iżda hi tidħol f'dar is-sultan.
[Prov:30:29] Tlieta għandhom mixja sabiħa,
u r-raba' joħroġ b'bixra ta' ġieħ:
[Prov:30:30] l-iljun, l-aqwa fost il-bhejjem,
li xejn ma jreġġgħu lura;
[Prov:30:31] is-serduq wieqaf, il-bodbod,
u s-sultan f'ras il-poplu tiegħu.
[Prov:30:32] Jekk tbellaht għax tkabbart,
jew jekk fassalt il-ħażen, qiegħed idek fuq fommok;
[Prov:30:33] għax jekk tagħsar il-ħalib, toħroġ
il-baqta,
jekk tagħsar imnieħrek, joħroġ id-demm,
u jekk tagħsar l-għadab, joħroġ il-ġlied.

31. Kliem Lemuwel

[Prov:31:1] Kliem Lemuwel, sultan ta' Massa,
li tgħallem mingħand ommu.
[Prov:31:2] X'se ngħidlek, ibni? X'se ngħidlek, bin ġufi?
X”se ngħidlek, bin il-wegħdi tiegħi?
[Prov:31:3] Taħlix saħħtek man-nisa,
tagħtix ħajtek lil dawk li jgħarrqu s-slaten.
[Prov:31:4] Ma jixraqx li s-slaten jixorbu l-inbid,
u li l-mexxejja jieħdu xorb qawwi.
[Prov:31:5] Jekk ikunu xurbana, jinsew il-liġi,
u jdawwru l-ħaqq kontra kull imsejken.
[Prov:31:6] Ix-xorb qawwi hu għal min hu mdejjaq,
u l-inbid għal min hu qalbu sewda.
[Prov:31:7] Jixrob u jinsa l-faqar tiegħu,
u ma jiftakarx iżjed fl-hemm tiegħu.
[Prov:31:8] Iftaħ fommok għall-imbikkmin,
biex taqbeż għal kull min hu msejken.
[Prov:31:9] Iftaħ fommok u agħmel ħaqq bis-sewwa,
ħares id-drittijiet tal-fqir u l-imsejken.

Il-mara għaqlija

[Prov:31:10] Mara ta' ħila min isibha?
Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.
[Prov:31:11] Fuqha tistrieħ qalb żewġha,
u dan żgur ikunlu ta' ġid.
[Prov:31:12] Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin,
il-jiem kollha ta' ħajjitha.
[Prov:31:13] Tfittex suf u ħjut tal-qoton,
u taħdmu bil-qalb b'idejha.
[Prov:31:14] Bħal ġifen tal-merkanti,
hi ġġib mill-bogħod ikilha.
[Prov:31:15] Tqum ikun għadu billejl,
tħejji l-ikel għan-nies ta' darha,
u x-xogħol lix-xebbiet tagħha.
[Prov:31:16] Titfa' għajnejha fuq għalqa, u tixtriha;
bil-qligħ ta' idejha tħawwilha dwieli.
[Prov:31:17] Tħażżem ġenbejha bil-qawwa,
u ssaħħaħ għax-xogħol dirgħajha.
[Prov:31:18] Tara r-riżq tax-xogħol tagħha;
lanqas billejl ma titfi l-musbieħ tagħha.
[Prov:31:19] Tmidd idejha għall-magħżel,
jaqbdu d-dussies idejha.
[Prov:31:20] Tiftaħ mal-fqir idejha,
tmidd idejha lejn l-imsejken.
[Prov:31:21] Ma tibżax mis-silġ għan-nies ta' darha,
għax kollha għandhom żewġt ilbiesi.
[Prov:31:22] Ħwejjiġha hi tagħmilhom;
għażel fin u porpra lbiesha.
[Prov:31:23] Żewġha magħruf f'bieb il-belt,
meta joqgħod mal-kbarat tal-pajjiż.
[Prov:31:24] Tinseġ drapp ta' l-għażel u tbigħu;
u tagħti trieħi lill-merkanti.
[Prov:31:25] Tilbes bil-ġieħ u l-qawwa,
tħares daħkana lejn il-ġejjieni.
[Prov:31:26] Kliem l-għerf għandha fuq fommha,
kliem it-tjieba fuq ilsienha.
[Prov:31:27] Ħsiebha fit-tmexxija ta' darha,
minn ħobż l-għażż ma tiekol qatt.
[Prov:31:28] Uliedha jqumu u hienja jsejjħulha;
u żewġha wkoll ifaħħarha u jgħidilha:
[Prov:31:29] "Ħafna nisa wrew ħila kbira
imma inti lkoll għaddejthom."
[Prov:31:30] Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa
sbuħitha;
mara li tibża' mill-Mulej ta' min ifaħħarha.
[Prov:31:31] Agħtuha mill-frott ta' xogħol idejha.
Ħa jfaħħruha f'bibien il-belt l-għemejjel tagħha.