IL-KTIEB TAL-PROFETA MALAKIJA

1. Oraklu. Il-kelma tal-Mulej lil Iżrael permezz ta' Malakija.

L-imħabba tal-Mulej għal Iżrael

[Mal:1:2] "Ħabbejtkom," jgħid il-Mulej. "Imma intom tgħidu: 'Fiex ħabbejtna?' Jaqaw Għesaw m'hux ħu Ġakobb? Oraklu tal-Mulej. Madankollu jien lil Ġakobb ħabbejtu; [Mal:1:3] imma lil Għesaw bgħadtu, u l-muntanji tiegħu għamilthomlu xagħra, u l-art li wiret ħallejthielu għax-xakalli tad-deżert."

[Mal:1:4] Jekk Edom jgħid: "Aħna tfarrakna, imma dak li ġġarraf nerġgħu nibnuh," dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Huma jibnu, u jiena nħott! U jibdew isejjħulhom 'Art il-ħażen' u 'Il-poplu li l-Mulej hu dejjem inkurlat għalih'. [Mal:1:5] U mbagħad għajnejkom jaraw, u tgħidu: 'Kbir il-Mulej, aktar lil hemm minn trufijiet Iżrael!'

Ċanfira lill-qassisin

[Mal:1:6] "L-iben iweġġaħ lil missieru, u l-qaddej lil sidu. Jekk mela jiena missier, fejn hu t-tweġġiħ tiegħi? U jekk jiena Sid, fejn hu l-biża' minni? Jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti lilkom, qassisin li żżebilħu ismi. Imma intom tgħidu: 'Fiex żeblaħnieh Ismek?' [Mal:1:7] Billi fuq l-artal tiegħi toffru ikel imniġġes. Imma intom tgħidu: 'Biex niġġisnieh?' Billi intom mingħalikom li l-mejda tal-Mulej jista' wieħed imaqdarha. [Mal:1:8] U jekk toffru vittma għamja, dan m'hu xejn ħażin? U jekk toffru vittma magħtuba jew marida, m'hu xejn ħażin dan? Mur, isa, offriha lill-gvernatur tiegħek: se jieħu gost bik. Jilqgħek tajjeb?" Jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.

[Mal:1:9] U issa morru itolbu lil Alla biex iħenn għalina. Jekk dan iseħħ min-naħa tagħkom, taħsbu intom li se jilqagħkom tajjeb? Jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.

[Mal:1:10] "M'hux li fostkom kien hemm xi ħadd li jsakkar il-bibien ħalli ma tkebbsux nar għal xejn fuq l-artal tiegħi! M'għandix pjaċir bikom," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti," u minn idejkom ma nilqax offerti. [Mal:1:11] Għax minn tlugħ ix-xemx sa nżulha kbir hu Ismi fost il-ġnus, u kullimkien isir lil Ismi sagrifiċċju bl-inċens u offerta safja, għax kbir hu Ismi fost il-ġnus," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:1:12] "Imma intom tipprofanawh meta tgħidu li l-mejda tas-Sid hija mniġġsa u l-ikel ta' fuqha hu ta' min imaqdru. [Mal:1:13] U intom tgħidu: 'Ara, xi dwejjaq!', u taqbdu tonfħu," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. Intom iġġibu vittmi misruqa u dak li hu magħtub u dak li hu marid, u dan iġġibuh bħala offerta. U jien se nilqagħha minn idejkom?" Jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.

[Mal:1:14] Misħut il-wiċċ b'ieħor li fil-merħla tiegħu għandu bhima raġel u jwiegħdu lil Alla, u mbagħad lis-Sid joffrilu b'sagrifiċċju dak li hu difettuż. "Għax jien Sultan kbir," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti," u Ismi ta' min jibża' minnu fost il-ġnus."

2. [Mal:2:1] "U issa għalikom, qassisin, huwa dan il- kmandament: [Mal:2:2] Jekk intom ma tisimgħux, u jekk ma tfittxux minn qalbkom li ssebbħu lil ismi," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, "jiena nibgħat fuqkom is-saħta, u nisħet il-barkiet tagħkom. Anzi ġa sħetthomlkom, għax intom dan ma tfittxuhx minn qalbkom. [Mal:2:3] Ara, jien se naqlgħalkom dirgħajkom barra u nwaddab il-ħmieġ ma' wiċċkom, il-ħmieġ tal-festi tagħkom, u lilkom narmikom miegħu. [Mal:2:4] Mbagħad tagħrfu li kont jien li bgħatthulkom dan il-kmandament, biex jibqa' l-patt tiegħi ma' Levi," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:2:5] "Il-patt tiegħi miegħu kien dan: il-ħajja u s-sliem, u jien tajthomlu; il-biża' minni, u hu beża' minni, u kien kollu mistħija quddiem Ismi. [Mal:2:6] Kellu f'fommu tagħlim is-sewwa, u ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh; bis-sliem u r-reqqa mexa miegħi, u ħafna bnedmin reġġagħhom lura minn ħżunithom.

[Mal:2:7] "Għax xufftejn il-qassis għandhom iħarsu l-għerf, u n-nies minn fommu jfittxu t-tagħlim, għax hu l-messaġġier tal-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:2:8] Imma intom twarrabtu mit-triq; ġagħaltu 'l ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom; ħassartu l-patt ta' Levi," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:2:9] "Għalhekk jien ukoll tlaqtkom għaż-żebliħ u għat-tmaqdir tal-poplu kollu, bħalma intom ma żammejtux triqati, u ħaristu lejn l-uċuħ fit-tagħlim tagħkom."

[Mal:2:10] M'hux Missier wieħed għandna lkoll kemm aħna? M'hux Alla wieħed ħalaqna? Mela għaliex nimxu bil-qerq bejnietna u nonqsu mill-ġieħ lejn il-patt ta' missirijietna?

2. Żwiġijiet imħallta u d-divorzju

[Mal:2:11] Ġuda mexa bil-qerq, sar ħaġa mistkerrha f'Iżrael u f'Ġerusalemm, għax Ġuda naqas mill-ġieħ lejn is-santwarju għażiż għall-Mulej, u żżewweġ ma' bint ta' alla stranġier. [Mal:2:12] Jalla l-Mulej, bħala xhieda u tweġiba, jaħsad il-bniedem li jagħmel dan mit-tined ta' Ġakobb u minn dawk li jġibu offerti lill-Mulej ta' l-eżerċti!

[Mal:2:13] Terġa' dan ukoll tagħmlu: intom tiksu l-artal tal-Mulej bid-dmugħ u bil-biki u bit-tnehid, għax m'għadux aktar jagħti wiċċ lill-offerta tagħkom u jilqagħha bil-qalb minn idejkom. [Mal:2:14] U intom tgħidu: "Għaliex?" Għax bejnek u bejn il-mara ta' żgħożitek hemm xhud il-Mulej; u int qarraqt biha, għad li hi s-sieħba tiegħek u l-mara li magħha ntrabatt. [Mal:2:15] U ma għamilhiex l-istess Alla, li jkollha ġisem u ruħ? U xi jrid dan il-wieħed? Nisel skond Alla! Ħarsu rwieħkom, mela, u qisu li ħadd ma jqarraq bil-mara ta' żgħożitu. [Mal:2:16] "Għax jiena d-divorzju nobogħdu," jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael, "u lil min jiksi lbiesu bil-ħażen," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. "Mela ħarsu rwieħkom, u tkunux qarrieqa!"

Jum il-Mulej

[Mal:2:17] Dejjaqtuh il-Mulej bid-diskorsi tagħkom! Imma intom tgħidu: "Biex dejjaqnieh?" Billi tgħidu: "Dawk kollha li jagħmlu l-ħażen huma tajbin f'għajnejn il-Mulej, u hu fihom isib l-għaxqa", jew tgħidu: "Fejn hu Alla tal-ġustizzja?"

3. [Mal:3:1] "Araw, jiena se nibgħat il-messaġġier tiegħi biex iħejji t-triq quddiemi, u minnufih jidħol fit-tempju tiegħu s-Sid li intom qegħdin tfittxu; u l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej!" jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.

[Mal:3:2] Imma min se jissaporti l-Jum tal-miġja tiegħu? U min hu li se jieqaf meta jidher? Għax hu bħan-nar ta' wieħed li jsaffi u bħas-sapun tal-ħassiela. [Mal:3:3] U joqgħod isaffi u jnaddaf il-fidda, u jnaddaf 'l ulied Levi, u jsaffihom bħad-deheb u l-fidda, u huma jsiru għall-Mulej nies li jagħmlu l-offerta bis-sewwa. [Mal:3:4] U tibda togħġbu lill-Mulej l-offerta ta' Ġuda u ta' Ġerusalemm bħal dari, bħal fis-snin l-imgħoddija.

[Mal:3:5] "Mbagħad nersaq lejkom biex nagħmel il- ġustizzja, u nkun xhud ħafif kontra s-saħħara, u kontra ż-żienja, u kontra min jaħlef bil-qerq, u kontra min jaħqar il-ħaddiem fi ħlasu u l-armla u l-iltim, u kontra min iwarrab il-barrani u ma jibżax minni," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.

[Mal:3:6] "Għax jien, il-Mulej, ma tbiddiltx; u intom, ulied Ġuda, ma ntemmejtux. [Mal:3:7] Sa minn żmien missirijietkom twarrabtu mill-preċetti tiegħi u ma ħaristuhomx. Erġgħu lura lejja, u jien nerġa' lura lejkom," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. "Imma intom tgħidu: 'Fuqiex nerġgħu lura?' [Mal:3:8] Jista' bniedem jisraq lil Alla? Madankollu intom qegħdin tisirquni. Imma intom tgħidu: 'Xi sraqnik?' Fid-dieċmi u fl-offerti. [Mal:3:9] Misħutin intom għall-aħħar, għax intom qegħdin tisirquni, il-poplu kollu. [Mal:3:10] Ġibuhom sħaħ id-dieċmi u l-offerti fit-teżor, ħa jkun hemm l-ikel f'dari. U b'hekk ejjew ġarrbuni," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti; "taraw jekk niftaħx għalikom it-twieqi tas-sema, u jekk insawwabx fuqkom barka bl-abbundanza. [Mal:3:11] U minħabba fikom inċanfar il-ġrad wikkiel biex ma jeqridilkomx il-frott ta' l-art, u biex id-dielja ma twaqqgħalkomx l-għenieqed fl-għalqa," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:3:12] "Mbagħad il-ġnus kollha jsejjħulkom hienja, għax intom tkunu art li fiha għaxqa," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.

Ir-rebħa tal-ġust f'Jum il-Mulej

[Mal:3:13] "Iebes għalija kliemkom," jgħid il-Mulej. "Imma intom tgħidu, 'X'għedna kontrik?' [Mal:3:14] Intom tgħidu: 'Hu għal xejn li taqdi lil Alla! U x'jiswa jekk ħarisna t-twissijiet tiegħu u jekk imxejna b'qalb imnikkta quddiem il-Mulej ta' l-eżerċti? [Mal:3:15] Mela issa ħa nsejjħulhom aħna hienja n-nies kburin; dawk kollha li jagħmlu l-ħażen mhux biss imurilhom kollox bir-riżq, imma wkoll meta jġarrbu 'l Alla jeħilsuha ħafif!' "

[Mal:3:16] Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta widen u sama'; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f'dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f'Ismu. [Mal:3:17] "U fil-jum imħejji minni," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, "huma jkunu għalija teżor li ma bħalu, u nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih." [Mal:3:18] Mbagħad mill-ġdid tagħrfu tagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi 'l Alla u min ma jaqdihx.

[Mal:3:19] "Għax, ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, "hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa. [Mal:3:20] Imma għalikom li tibżgħu minn Ismi titla' x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha; u intom toħorġu taqbżu qiskom għoġiela tal-mandra. [Mal:3:21] U tisħqu l-ħżiena, għax huma jkunu qishom irmied taħt qigħan riġlejkom fil-jum imħejji minni," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.

[Mal:3:22] "Ftakru fil-Liġi ta' Mosè, il-qaddej tiegħi, fil-preċetti u l-kmandamenti li jiena fuq Ħoreb ordnajtlu għal Iżrael kollu.

[Mal:3:23] "Ara, jiena nibagħtilkom 'l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej u Jum il-biża'. [Mal:3:24] U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom, li ma niġix naħbat għall-art u nħalliha tinqered."