L-ITTRA LIL LHUD

[Lhud:1:1] Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b'ħafna manjieri permezz tal-profeti. [Lhud:1:2] Issa f'dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta' Ibnu, li hu għamlu werriet ta' kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien. [Lhud:1:3] Hu, l-Iben, li hu d-dija tal-glorja ta' Alla u x-xbieha ta' l-essenza tiegħu, u li jżomm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu, wara li naddafna minn dnubietna, qagħad fuq il-lemin tal-kobor ta' Alla fl-għoli tas-smewwiet, [Lhud:1:4] u b'hekk sar daqshekk aqwa mill-anġli daqs kemm ogħla minn tagħhom hu l-isem li kiseb.

L-Iben hu akbar mill-anġli

[Lhud:1:5] Għax lil min mill-anġli qatt qal Alla:
“Int ibni: jien illum nissiltek”?
Jew:
“Jien inkun missieru, u hu jkun ibni”?

[Lhud:1:6] Mbagħad, hu u jdaħħal 'l Ibnu l-Kbir fid-dinja,
jgħid ukoll:

“Ħa jqimuh l-anġli kollha ta’ Alla.”
[Lhud:1:7] Għall-anġli tiegħu jgħid:
“L-anġli tiegħu jagħmilhom irjieħ
lill-qaddejja tiegħu ilsna tan-nar.”
[Lhud:1:8] Imma għall-Iben jgħid:
‘It-Tron tiegħek, O Alla, għal dejjem ta’ dejjem,
ix-xettru tal-ġustizzja hu x-xettru ta’ saltnatek.
[Lhud:1:9] Ħabbejt is-sewwa u bgħadt il-ħażen;
għalhekk Alla, Alla tiegħek, dilkek
b’żejt ta’ ferħ akbar minn sħabek.”
[Lhud:1:10] U wkoll: "Int, Mulej, waqqaft l-art fil-bidu,
u għemil idejk huma s-smewwiet.
[Lhud:1:11] Huma jintemmu, iżda inti tibqa';
huma lkoll bħal libsa jiqdiemu,
[Lhud:1:12] bħal mantar int tkebbibhom, bħal libsa huma
jitbiddlu.
Imma int, li int tibqa’, u s-snin tiegħek qatt ma jintemmu.”
[Lhud:1:13] Lil min mill-anġli qatt qal:
“Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
sa ma nagħmel l-għedewwa tiegħek mirfes għal riġlejk .” ?

[Lhud:1:14] M'humiex huma wkoll spirti qaddejja, mibgħutin biex jaqdu lil dawk li għandhom jiksbu s-salvazzjoni?

2. Is-salvazzjoni l-kbira

[Lhud:2:1] Għalhekk għandna nagħtu ħafna aktar kas ta' dak li smajna, li ma mmorrux nitbiegħdu 'l barra mit-triq. [Lhud:2:2] Għax jekk il-kelma li ngħatat permezz ta' l-anġli kienet tiswa tant li min ma kienx iħarisha, jew ma kienx joqgħod għaliha, kien jieħu l-ħlas li ħaqqu, [Lhud:2:3] kif nistgħu neħilsuha aħna jekk inwarrbu salvazzjoni hekk kbira? Din hi salvazzjoni li ngħatat l-ewwel bil-fomm tal-Mulej stess, u mbagħad wassluha sħiħa lilna dawk li semgħuh. [Lhud:2:4] Ma' tagħhom Alla żied ix-xhieda tiegħu b'sinjali u għeġubijiet u ħafna għemejjel setgħana, u wkoll bid-doni ta' l-Ispirtu s-Santu mqassmin skond ir-rieda tiegħu.
Il-glorja tas-Salvatur

[Lhud:2:5] Id-dinja li għandha tiġi, li fuqha qegħdin nitkellmu, Alla ma qegħedhiex taħt is-setgħa ta' l-anġli. [Lhud:2:6] X'imkien fl-Iskrittura hemm xhieda li tgħid hekk:

“X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
jew bin il-bniedem biex tieħu ħsiebu?
[Lhud:2:7] Ftit inqas mill-anġli int għamiltu,
bil-glorja u l-ġieħ żejjintu
[Lhud:2:8] kollox taħt riġlejh qegħedtlu."

Issa meta tgħid li “qiegħed kollox taħt is-setgħa tiegħu,” dan ifisser li xejn ma ħalla li ma jkunx imqiegħed taħtu. Tassew li għalissa aħna għadna m’aħniex naraw kollox taħt is-setgħa tiegħu. [Lhud:2:9] Madankollu, lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta' Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta' kulħadd.

[Lhud:2:10] Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-Salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tas-sofferenzi. [Lhud:2:11] Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, lkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejjħilhom ħutu, [Lhud:2:12] billi jgħid:

“Nxandar ismek lil ħuti,
f’nofs il-ġemgħa nfaħħrek,”
[Lhud:2:13] u wkoll:
“Fih jien nittama,”
u iżjed:
“Hawn jien, jien u l-ulied li Alla tani.”

[Lhud:2:14] Billi l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem, Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom, biex b'mewtu jeqred is-setgħa ta' dak li kellu l-mewt f'idejh, jiġifieri x-Xitan, [Lhud:2:15] u jeħles 'il dawk kollha li, minħabba fil-biża' tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu. [Lhud:2:16] Għax tabilħaqq, mhux lill-anġli jrid jgħin, imma lil ulied Abraham. [Lhud:2:17] Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f'kollox, biex ikun il-qassis il-kbir, ħanin u fidil f'dak li għandu x'jaqsam ma' Alla, u biex ipatti għal dnubiet il-poplu. [Lhud:2:18] Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib.

3. Ġesù akbar minn Mosè

[Lhud:3:1] Ħuti qaddisin, li għandkom sehem fis-sejħa tas-sema, aħsbu f'appostlu u l-qassis il-kbir tal-fidi li aħna nistqarru, aħsbu f'Ġesù. [Lhud:3:2] Hu kien fidil ma' dak li ħatru kif kien ukoll Mosè fid-dar kollha ta' Alla. [Lhud:3:3] Issa dan Ġesù kien meqjus li jistħoqqlu glorja daqshekk aqwa minn dik ta' Mosè daqs kemm aktar ħaqqu ġieħ il-bennej mid-dar li jkun bena. [Lhud:3:4] Għax kull dar jibniha xi ħadd, imma Alla jibni kollox hu. [Lhud:3:5] Tassew li Mosè kien fidil fid-dar kollha ta' Alla bħala qaddej, u dan għamlu b'xhieda ta' dak li kien għad irid jgħid Alla. [Lhud:3:6] Imma Kristu kien fidil fuq id-dar tiegħu bħala iben. U d-dar ta' Alla hi aħna, kemm-il darba nżommu sħaħ il-fiduċja u t-tama li bihom niftaħru.

Il-mistrieħ tal-poplu ta' Alla

[Lhud:3:7] Għalhekk, kif jgħid l-Ispirtu s-Santu:

“Jekk illum tisimgħu leħnu,
[Lhud:3:8] la twebbsux qalbkom bħal f'jum l-irvell,
jum it-tiġrib fid-deżert,
[Lhud:3:9] fejn ġarrbuni missirijietkom biex jippruvawni,
u raw kull ma għamilt jien
[Lhud:3:10] tul erbgħin sena.
Għalhekk jien stmerrejtha lil din il-ġenerazzjoni
u għedt, ‘Dawn dejjem mitlufin f’qalbhom;
huma ma għarfux triqati.’
[Lhud:3:11] Hekk ħlift waqt il-korla tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi. ”

[Lhud:3:12] Ħuti, araw li f'ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas ta' twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj. [Lhud:3:13] Imma agħmlu l-qalb lil xulxin kull jum, sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu "illum", biex ħadd minnkom ma jiġġarraf mid-dnub u jwebbes qalbu. [Lhud:3:14] Għax aħna għandna sehem fi Kristu, jekk inżommu sħiħa sa l-aħħar it-tama li kellna fil-bidu. [Lhud:3:15] Jingħad fl-Iskrittura:

“Jekk illum tisimgħu leħnu,
la twebbsux qalbkom bħal f’jum l-irvell.”
[Lhud:3:16] U min huma dawk li semgħu u qamu kontrih? M'hux dawk kollha li ħarġu mill-Eġittu bis-saħħa ta' Mosè? [Lhud:3:17] U lil min stmerr għal erbgħin sena? M'hux lil dawk li dinbu, u li l-iġsma tagħhom waqgħu mejta fid-deżert? [Lhud:3:18] U għal min ħalef li ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħu, jekk mhux għal dawk li ma ridux jisimgħu? [Lhud:3:19] Hekk naraw li huma ma setgħux jidħlu minħabba fin-nuqqas ta' twemmin tagħhom.

4. [Lhud:4:1] Ħa jkollna mela l-biża' li, waqt li l-wegħda li nidħlu fil-mistrieħ tiegħu għadha hemm, ma jkunx hemm xi ħadd minnkom li jibqa' lura. [Lhud:4:2] Għax aħna wkoll, bħalhom irċevejna l-aħbar tajba. Imma lilhom ma switilhom xejn il-kelma li semgħu, għax meta semgħuha ma emmnux. [Lhud:4:3] Aħna, li nemmnu, nidħlu fil-mistrieħ, kif qal hu:

“ Hekk ħlift fil-għadab tiegħi,
‘Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi.’ ”

Madankollu l-għemil ta’ Alla kien mitmum fil-ħolqien tad-dinja, [Lhud:4:4] kif jingħad x'imkien fl-Iskrittura fuq is-seba' jum: "Strieħ Alla fis-seba' jum mix-xogħol kollu tiegħu." [Lhud:4:5] Mbagħad hawn jgħid ukoll, "Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi." [Lhud:4:6] Min-naħa l-oħra xi wħud għandhom jidħlu f'dan il-mistrieħ; u, billi dawk li kienu l-ewwel li ħadu l-bxara t-tajba ma daħlux ħtija ta' l-ebusija ta' rashom, [Lhud:4:7] Alla għażel mill-ġdid jum ieħor -"illum" - meta wara ħafna żmien qal b'fomm David il-kliem li semmejna,

“Jekk illum tisimgħu leħnu, la twebbsux qalbkom.”
[Lhud:4:8] Kieku kien Ġożwè li tahom il-mistrieħ, Alla ma kienx jitkellem minn jum wara dan. [Lhud:4:9] Mela għad baqa' mistrieħ tas-Sibt għall-poplu ta' Alla. [Lhud:4:10] Għax min jidħol fil-mistrieħ ta' Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu. [Lhud:4:11] Nfittxu mela li nidħlu f'dan il-mistrieħ, biex ma jkunx hemm min jaqa' bħalhom fuq l-eżempju ta' l-ebusija tagħhom.

[Lhud:4:12] Il-kelma ta' Alla hi ħajja u qawwija, taqta' aktar minn xabla b'żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. [Lhud:4:13] Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.

Ġesù Kristu l-qassis il-kbir

[Lhud:4:14] Mela meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. [Lhud:4:15] Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f'kollox, minbarra d-dnub. [Lhud:4:16] Ħa nersqu, mela, b'qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f'waqtha l-grazzja li neħtieġu.

5. [Lhud:5:1] Kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f'dak li għandu x'jaqsam ma' Alla, biex joffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet. [Lhud:5:2] Hu dak li jista' jagħder 'il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħufija; [Lhud:5:3] u minħabba f'hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu. [Lhud:5:4] Ħadd m'għandu jieħu b'idejh dal-ġieħ għalih innifsu, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwasew kif kien imsejjaħ Aron.

[Lhud:5:5] Għax hekk ukoll Kristu ma tax lilu nnifsu l-ġieħ li jkun il-qassis il-Kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu:

“ Ibni int; illum jien nissiltek.”

[Lhud:5:6] U kif jgħid ukoll band'oħra:

“ Int qassis għal dejjem skond l-ordni ta’ Melkisedek.”

[Lhud:5:7] Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b'leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta' jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. [Lhud:5:8] Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. [Lhud:5:9] U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta' dejjem għal kull min jisma' minnu, [Lhud:5:10] wara li Alla għamlu l-qassis il-kbir skond l-ordni ta' Melkisedek.

Nimxu 'l quddiem

[Lhud:5:11] Fuq dan Melkisedek għandna ħafna xi ngħidu, ħwejjeġ tqal biex tfissirhom, ladarba intom sirtu tqal biex tisimgħuhom. [Lhud:5:12] Tant hu hekk li għalkemm issa jmisskom sirtu mgħallmin, għadkom teħtieġu 'l min jgħallimkom mill-ġdid l-ewwel elementi tal-kelma ta' Alla; ġejtu fil-bżonn li tieħdu l-ħalib, u mhux ikel sħiħ. [Lhud:5:13] Issa kull min jieħu l-ħalib ma jifhimx il-kliem tal-ġustizzja, għax għadu tarbija. [Lhud:5:14] Imma l-ikel sħiħ hu tal-kbar, ta' dawk li biż-żmien huma mdorrija jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.

6. Nimxu 'l quddiem

[Lhud:6:1] Mela ħallina mill-ewwel elementi tat-tagħlim ta' Kristu, u nimxu 'l quddiem lejn dak li hu aktar perfett. Ma għandniex għalfejn nerġgħu nibdew mill-bidu bl-indiema ta' l-għemejjel il-mejta tagħha u bil-fidi f'Alla, [Lhud:6:2] bit-tagħlim dwar ħasil u tqegħid ta' l-idejn u dwar il-qawmien mill-imwiet u l-ġudizzju ta' dejjem. [Lhud:6:3] Ħa nimxu 'l quddiem, kif issa se nagħmlu, jekk Alla jrid.

[Lhud:6:4] Għax ma jistax ikun li traġġa' lura għall-indiema lil dawk li, wara li darba sfaw imdawwla, wara li daqu d-don tas-sema fl-Ispirtu s-Santu, [Lhud:6:5] wara li daqu t-tjubija tal- kelma ta' Alla u l-qawwa taż-żmien li għad irid jiġi, [Lhud:6:6] mbagħad reġgħu waqgħu; għaliex dawn, bl-istess imġiba tagħhom, jerġgħu jsallbu lill-Iben ta' Alla u jwaqqgħuh għat-tmaqdir. [Lhud:6:7] L-art tixrob ix-xita li sikwit taqa' fuqha; jekk hi tagħti wċuħ tajba lil dawk li għalihom tinħadem, hi jkollha l-barka ta' Alla; [Lhud:6:8] imma jekk tagħti xewk u għollieq, għal xejn ma tkun tiswa, imma tkun waslet biex tiġbed fuqha s-saħta u tispiċċa biex jaħarquha.

[Lhud:6:9] Għalkemm qiegħed inkellimkom hekk, għeżież tiegħi, jiena ċert li għalikom hemm ħwejjeġ aħjar li għandhom x'jaqsmu mas-salvazzjoni tagħkom. [Lhud:6:10] Għax Alla m'hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin. [Lhud:6:11] Imma jiena nixtieq li kull wieħed minnkom juri l-istess ħerqa, biex it-tama tagħkom tilħaq il-milja tagħha sa l-aħħar. [Lhud:6:12] Ma nixtiqukomx li taqgħu fl-għażż, imma li tgħixu fuq l-eżempju ta' dawk li bil-fidi u s-sabar jiksbu l-wegħdiet.

Il-wegħdiet ta' Alla

[Lhud:6:13] Meta Alla għamel il-wegħda lil Abraham, billi ma kienx hemm aqwa minnu biex jaħlef bih, ħalef bih innifsu [Lhud:6:14] u qal: "Nwiegħed tassew li nimliek b'kull barka u nkattarlek nislek bil-bosta." [Lhud:6:15] Hekk Abraham kiseb il-wegħda, wara li stenna bis-sabar. [Lhud:6:16] Il-bnedmin jaħilfu b'min hu aqwa minnhom, u l-ġurament li jsaħħaħ kliemhom jaqtgħalhom kull kwistjoni. [Lhud:6:17] U hekk Alla, meta lill-werrieta tal-wegħda ried jurihom b'mod aktar qawwi li r-rieda tiegħu ma titbiddilx, rabat lilu nnifsu b'ġurament, [Lhud:6:18] biex bis-saħħa ta' żewġ atti li ma jitreġġgħux lura, u li jagħtu xhieda li Alla ma jigdibx, aħna, li sibna l-kenn, ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-tama li hemm lesta għalina. [Lhud:6:19] Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija; biha aħna nidħlu 'l ġewwa mill-velu, [Lhud:6:20] fejn qabilna daħal Ġesù għalina meta sar għal dejjem il-qassis il-kbir skond l-ordni ta' Melkisedek.

7. L-ordni saċerdotali ta' Melkisedek

[Lhud:7:1] Għax dan Melkisedek, sultan ta' Salem u qassis ta' Alla l-għoli, xħin Abraham kien ġej lura mix-xebgħa li kien ta lis-slaten, ħareġ jiltaqa' miegħu u bierku; [Lhud:7:2] lilu mbagħad Abraham tah sehem minn kollox, bħala għexur. Isem Melkisedek ifisser l-ewwelnett "Sultan tal-Ġustizzja", mbagħad "Sultan ta' Salem", jiġifieri, sultan tas-sliem. [Lhud:7:3] Hu jidher bla missier, bla omm, bla nisel, qisu la għandu bidu u lanqas tmiem ta' ħajtu. Imma, biex ikun jixbah lill-Iben ta' Alla, jibqa' qassis għal dejjem.

[Lhud:7:4] Araw mela kemm hu kbir dak li lilu l-patrijarka Abraham tah l-għexur mill-aħjar tal-priża! [Lhud:7:5] Tassew li dawk fost ulied Levi li jieħdu s-saċerdozju għandhom ukoll l-ordni mil-Liġi li jieħdu l-għexur mingħand il-poplu, jiġifieri, mingħand ħuthom, għalkemm dawn ukoll imnisslin minn Abraham; [Lhud:7:6] iżda Melkisedek, għad li m'huwiex min-nisel tagħhom, ħa l-għexur mingħand Abraham u bierku, lilu, li kellu l-wegħdiet. [Lhud:7:7] Issa ma hemmx dubju li hu ż-żgħir li jitbierek mill-kbir. [Lhud:7:8] Iżjed: fl-ewwel każ l-għexur qegħdin jeħduhom nies li jmutu, imma fil-każ l-ieħor għandna 'l dak li minnu jingħad li għadu ħaj. [Lhud:7:9] Anzi, biex ngħid hekk, Levi, li jieħu l-għexur, hu stess kien intaxxat f'Abraham, [Lhud:7:10] għax kien għadu fil-ġewwieni ta' missieru meta Melkisedek iltaqa' miegħu.

[Lhud:7:11] Issa, kieku l-perfezzjoni kellha tkun bis-saħħa tas-saċerdozju ta' Levi - għax kien minħabba fih li l-poplu ħa l-Liġi - xi bżonn kien hemm li jqum qassis ieħor li jissejjaħ skond l-ordni ta' Melkisedek u mhux skond l-ordni ta' Aron? [Lhud:7:12] Għax jekk jitbiddel is-saċerdozju, jeħtieġ li titbiddel ukoll il-Liġi. [Lhud:7:13] U dak li fuqu jingħadu dawn il-ħwejjeġ hu minn tribù ieħor, li minnu qatt ma kien hemm ħadd mogħti għas-servizz ta' l-artal. [Lhud:7:14] Għax hu magħruf li l-Mulej tagħna ġej mit-tribù ta' Ġuda, li fuqu Mosè qatt ma qal xejn meta tkellem fuq is-saċerdozju.

[Lhud:7:15] Dan jidher wisq aktar ċar fil-każ li l-qassis l-ieħor, li jiġi, ikun jixbah lil Melkisedek, [Lhud:7:16] hu li sar qassis mhux b'liġi tan-nisel tal-ġisem, imma bil-qawwa ta' ħajja li ma tintemmx. [Lhud:7:17] Għax għalih tixhed l-Iskrittura:

“Int qassis għal dejjem skond l-ordni ta’ Melkisedek.”

[Lhud:7:18] Għalhekk tħassar il-kmandament ta' qabel, għax hu dgħajjef u bla siwi, [Lhud:7:19] billi l-Liġi xejn ma wasslet għall-perfezzjoni; imma daħlet tama aħjar li biha aħna noqorbu lejn Alla.

[Lhud:7:20] U dan ma sarx bla ġurament; għax waqt li dawk saru qassisin bla ġurament, [Lhud:7:21] dan, għall-kuntrarju, sar qassis bil-ġurament, skond il-kelma ta' dak li għalih qal:

“Ħalef il-Mulej,
u ma jisgħobx bih:
Int qassis għal dejjem.”

[Lhud:7:22] Daqshekk ieħor hu aqwa l-patt li tiegħu Ġesù hu l-medjatur. [Lhud:7:23] Dawk ta' l-imgħoddi kienu jsiru qassisin f'għadd kbir, għax minħabba fil-mewt ma kinux jistgħu jibqgħu għal dejjem. [Lhud:7:24] Imma Ġesù, billi jibqa' għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jintemm qatt. [Lhud:7:25] Għalhekk ukoll huwa jista' jsalva għalkollox 'il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqa' għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.

[Lhud:7:26] Dan hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien jgħodd għalina: qaddis, innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ 'il fuq mis-smewwiet; [Lhud:7:27] li ma għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum is-sagrifiċċju, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, mbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu. [Lhud:7:28] Għax il-Liġi tqiegħed bħala qassisin il-kbar bnedmin li huma dgħajfa; iżda l-kelma tal-ġurament, li ġiet wara l-Liġi, tqiegħed Iben, li ġie magħmul perfett għal dejjem.

8. Il-qassis il-kbir tal-patt il-ġdid

[Lhud:8:1] Din hi issa l-aqwa ħaġa li rridu ngħidu: li aħna għandna qassis hekk kbir li qagħad fuq il-lemin tat-tron tal-kobor ta' Alla fis-sema, [Lhud:8:2] ministru tas-santwarju u tat-tabernaklu veru li hu magħmul mill-Mulej u mhux mill-bnedmin. [Lhud:8:3] Kull qassis isir biex iressaq l-offerti u joffri s-sagrifiċċji; jeħtieġ għalhekk li dan ukoll ikollu xi ħaġa x'joffri. [Lhud:8:4] Issa, li kieku Kristu kien fuq l-art ma kien ikun qassis xejn, billi fuq l-art hawn qassisin li jressqu l-offerti skond il-Liġi. [Lhud:8:5] Dawn jaqdu santwarju li hu xbieha u dell ta' dak tas-sema, skond ma Alla qal lil Mosè meta dan kien wasal biex iwaqqaf it-tabernaklu: "Qis li tagħmel kollox fuq il-mudell li wrejtek fuq il-muntanja."

[Lhud:8:6] Issa l-ministeru li kiseb Kristu hu daqshekk aqwa minn dak ta' l-imgħoddi daqs kemm hu aqwa l-patt li tiegħu huwa l-medjatur, għaliex hu patt mibni fuq wegħdiet aqwa. [Lhud:8:7] Għax kieku dak l-ewwel patt kien perfett, ma kienx ikun hemm għalfejn jagħmel patt ieħor floku. [Lhud:8:8] Imma Alla, għax sab x'iċanfar fihom, qalilhom:

“Ara, wasal iż-żmien, jgħid il-Mulej,
li jiena nagħmel patt ġdid mad-dar ta’ Iżrael u mad-dar ta’
Ġuda.
[Lhud:8:9] Dan ma jkunx bħall-patt li jien
għamilt ma missirijietkom, meta
qbadthom minn idhom biex
noħroġhom mill-art ta’ l-Eġittu:
ladarba huma ma baqgħux iżommu
mal-patt tiegħi, jiena wkoll tlaqthom, jgħid il-Mulej.
[Lhud:8:10] Dan hu l-patt li jien għad nagħmel mad-dar ta'
Iżrael
wara dawk il-jiem, jgħid il-Mulej:
Nqiegħed il-liġijiet tiegħi f’moħħhom,
u f’qalbhom niktibhom.
U jien inkun Alla tagħhom,
u huma jkunu l-poplu tiegħi.
[Lhud:8:11] Ma jgħallmux aktar wieħed lil sieħbu
u wieħed lil ħuh billi jgħidu:
‘Agħraf lill-Mulej’,
għax ilkoll għad jagħrfuni,
miż-żgħirnett sal-kbirnett fosthom.
[Lhud:8:12] Jiena nħenn għalihom fil-ħażen tagħhom,
u fi dnubiethom ma niftakarx iżjed.”

[Lhud:8:13] Meta tkellem minn patt "ġdid", wera li dak ta' qabel kien qadim. Issa dak li jiqdiem u jixjieħ ikun wasal biex jispiċċa.

9. Is-santwarju tas-sema u dak ta' l-art

[Lhud:9:1] L-ewwel patt kellu wkoll il-liġijiet tal-kult u s-santwarju, għalkemm dan kien santwarju ta' l-art. [Lhud:9:2] Fis-santwarju kien hemm tinda, dik ta' quddiem, li fiha kien hemm il-kandelabru u l-mejda bil-ħobż tal-preżenza quddiem il-Mulej; din it-tinda kienet tissejjaħ "il-Post Qaddis." [Lhud:9:3] Mbagħad, wara t-tieni velu, kien hemm tinda oħra, li kienet tissejjaħ "il-Post il-Qaddis." [Lhud:9:4] F'din kien hemm l-artal tad-deheb għall-inċens, u l-arka tal-patt, miksija minn kull naħa bid-deheb, li fiha kien hemm bieqja tad-deheb bil-manna, il-virga ta' Aron li minnha kien ħareġ il-ward, u t-twavel tal-patt. [Lhud:9:5] Fuq l-arka kien hemm il-kerubini tal-glorja jgħattu l-għatu tat-tpattija għad-dnubiet, msejjaħ ‘il-Propizjatorju’. M'hemmx għalfejn hawnhekk nidħlu fl-irqaqat kollha.

[Lhud:9:6] Skond dan it-taqsim, fl-ewwel tinda jidħlu l-qassisin f'kull żmien biex jagħmlu s-servizz ritwali; [Lhud:9:7] imma fit-tieni waħda jidħol biss il-qassis il-kbir, darba fis-sena biss, u ma jidħolx mingħajr ma jieħu miegħu d-demm, li hu joffri għalih innifsu u għan-nuqqasijiet li jagħmel il-poplu bla ma jkun jaf. [Lhud:9:8] B'dan l-Ispirtu s-Santu jrid ifisser illi t-triq li tieħu għas-santwarju għadha m'hix miftuħa sakemm għad hemm wieqfa l-ewwel tinda. [Lhud:9:9] Din hi tixbiha għal dan iż-żmien. Skond din it-tixbiha, l-għotjiet u s-sagrifiċċji li wieħed joffri ma jistgħux jagħmlu perfetta l-kuxjenza ta' min ikun qiegħed joffri l-kult; [Lhud:9:10] huma għandhom x'jaqsmu biss ma' ikel, xorb u ħafna ċerimonji ta' ħasil, liġijiet li jolqtu l-ġisem, mogħtija sa ma jasal żmien it-tiġdid.

[Lhud:9:11] Imma Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li m'hijiex maħduma b'idejn il-bnedmin, jiġifieri m'hijiex ħolqien ta' din l-art; [Lhud:9:12] hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u ta' l-għoġiela, imma bis-saħħa ta' demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem. [Lhud:9:13] Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied ta' l-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista' jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, [Lhud:9:14] kemm aktar id-demm ta' Kristu, li bl-Ispirtu ta' dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista' jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!

[Lhud:9:15] U għalhekk hu medjatur ta' patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta' qabel, dawk li huma msejjħa minn Alla jiksbu l-wirt ta' dejjem li hu wegħedhom. [Lhud:9:16] Fejn ikun hemm testment, ikun jeħtieġ li tixxandar il-mewt ta' min għamlu. [Lhud:9:17] Għax testment jibda jgħodd wara l-mewt, u ebda saħħa ma jkollu sakemm dak li jkun għamlu jibqa' ħaj. [Lhud:9:18] Kien għalhekk li anqas l-ewwel patt ma twettaq mingħajr demm. [Lhud:9:19] Għax Mosè, wara li nieda lill-poplu l-kmandamenti kollha kif titlob il-Liġi, ħa d-demm ta' l-għoġiela u tal-mogħoż flimkien ma' l-ilma, u bis-suf aħmar u l-friegħi ta' l-issopu raxx l-istess ktieb u l-poplu kollu, [Lhud:9:20] u qal: "Dan hu d-demm tal-patt li Alla ordnalkom." [Lhud:9:21] Hekk ukoll raxx bid-demm it-tabernaklu u t-tagħmir kollu tal-kult. [Lhud:9:22] Tabilħaqq, skond il-Liġi, tista' tgħid kollox jissaffa bid-demm; u bla tixrid tad-demm ma hemmx maħfra.

Is-saċerdozju ta' Kristu naddafna mid-dnub

[Lhud:9:23] Jekk mela kien meħtieġ li xbihat tal-ħwejjeġ tas-sema jissaffew b'dawn ir-riti, dawn l-istess ħwejjeġ tas-sema kellhom jissaffew b'sagrifiċċji aqwa. [Lhud:9:24] Għax Kristu ma daħalx f'santwarju magħmul b'idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. [Lhud:9:25] U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. [Lhud:9:26] Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja. Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. [Lhud:9:27] U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, [Lhud:9:28] hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa' jidher darb'oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.
10. [Lhud:10:1] Il-Liġi ta' Mosè, billi għandha biss id-dell tal-ġid li għandu jiġi, u mhux dan l-istess ġid, lil dawk li jersqu qrib lejn Alla ma tista' qatt tagħmilhom perfetti bis-saħħa ta' dawk is-sagrifiċċji li huma joffru bla waqfien minn sena għal sena. [Lhud:10:2] Għax kieku kien hekk, dawk li jagħtu l-kult lil Alla ma kinux forsi jwaqqfuhom dawn is-sagrifiċċji kieku kienu jħossu ruħhom bla dnubiet u mnaddfin minnhom darba għal dejjem? [Lhud:10:3] Għall-kuntrarju, b'dawn l-istess sagrifiċċji ssir it-tifkira tad-dnubiet minn sena għal oħra. [Lhud:10:4] Għax ma jistax ikun li d-demm tal-gniedes u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet. [Lhud:10:5] Għalhekk Kristu meta daħal fid-dinja qal:

“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx,
imma ġisem int ħejjejt għalija;
[Lhud:10:6] vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek
ma għoġbukx.
[Lhud:10:7] Jien imbagħad għedt: 'Hawn jien, ġejt biex
nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla, kif fil-ktieb hemm miktub
fuqi.”

[Lhud:10:8] L-ewwel qal: "Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk", għalkemm dawn titlobhom il-Liġi. [Lhud:10:9] Mbagħad qal: "Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek." B'hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji ta' l-ewwel biex iqiegħed flokhom tat-tieni. [Lhud:10:10] Bis-saħħa ta' din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz ta' l-offerta tal-ġisem ta' Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.
[Lhud:10:11] Kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġa' joffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. [Lhud:10:12] Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta' Alla, [Lhud:10:13] fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. [Lhud:10:14] Għax hu b'offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes. [Lhud:10:15] Dan jixhdulna l-Ispirtu s-Santu nnifsu, għax wara li qal:

[Lhud:10:16] "Dan hu l-patt li jien għad nagħmel magħhom
wara dawk il-jiem,
jgħid il-Mulej;
Nqiegħed il-liġijiet tiegħi f’qalbhom,
u f’moħħhom niktibhom."

Qal ukoll:

[Lhud:10:17] "Dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarhomx
aktar."

[Lhud:10:18] Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.

Eżortazzjoni u twiddib

[Lhud:10:19] Ladarba, ħuti, għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta' Ġesù [Lhud:10:20] billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna 'l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess; [Lhud:10:21] u ladarba għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed fuq il-familja ta' Alla, [Lhud:10:22] ejjew nersqu b'qalb sinċiera u b'fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b'ilma safi. [Lhud:10:23] Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta' kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda. [Lhud:10:24] Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. [Lhud:10:25] Ma ninqatgħux mill-laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-Jum.

[Lhud:10:26] Għax jekk wara li ħadna t-tagħrif sħiħ tal-verità nidinbu minn rajna, ma hemmx sagrifiċċju ieħor għad-dnub xi jsir. [Lhud:10:27] Jibqgħalna biss li nistennew bil-biża' l-ġudizzju u l-ħuġġieġa nar li teqred l-għedewwa ta' Alla. [Lhud:10:28] Jekk wieħed iwarrab il-Liġi ta' Mosè jingħata għall-mewt bla ebda ħniena fuq il-kelma ta' tnejn jew tliet xhieda. [Lhud:10:29] Aħsbu ftit x'kastig aktar aħrax ħaqqu dak li jkasbar lil Bin Alla, li jniġġes id-demm tal-patt li bih tqaddes, u li jmaqdar l-Ispirtu tal-grazzja! [Lhud:10:30] Għax aħna nafu min hu dak li qal: "Tiegħi hu l-ħaqq, jien hu li nħallas," u wkoll: "Jagħmel ħaqq il-Mulej mill-poplu tiegħu." [Lhud:10:31] Ħaġa tal-biża' li taqa' f'idejn Alla l-ħaj!

[Lhud:10:32] Ftakru f'dawk l-ewwel jiem: lanqas biss ilħaqtu ddawwaltu bit-tagħlim, li ma ġarrabtux bis-sabar taqbida ħarxa. [Lhud:10:33] Lil xi wħud minnkom għamlu minnhom spettaklu bit-tagħjir u ħbit quddiem kulħadd; oħrajn minnkom kellhom jaqsmu fix-xorti ta' dawk li sabu ruħhom f'dawn il-provi. [Lhud:10:34] Għax tassew, intom ħadtu sehem fit-tbatijiet tal-priġunieri, u fraħtu meta serqulkom ġidkom, għax tafu li għandkom ġid akbar li jibqa' għal dejjem. [Lhud:10:35] Tarmux, mela, il-fiduċja tagħkom, għax din iġġib magħha ħlas kbir. [Lhud:10:36] Tassew li teħtieġu s-sabar biex tagħmlu r-rieda ta' Alla u tiksbu dak li hu wiegħed. [Lhud:10:37] Għax

"ftit ieħor, ftit ħafna,
u dak li għandu jiġi ma jdumx ma jiġi.
[Lhud:10:38] Il-bniedem ġust tiegħi jgħix bil-fidi ;
imma jekk jerġa’ lura
jien ma nitgħaxxaqx bih."

[Lhud:10:39] Iżda aħna m'aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu; aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.

11. Il-qawwa u l-glorja tal-fidi

[Lhud:11:1] Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. [Lhud:11:2] In-nies ta' l-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi.

[Lhud:11:3] Hu permezz tal-fidi li aħna nemmnu kif Alla ħoloq id-dinja bil-kelma tiegħu, hekk li minn dak li ma narawx sar dak li jidher.

Il-fidi ta' l-ewwel patrijarki

[Lhud:11:4] Kien permezz tal-fidi li Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn ta' Kajin, sagrifiċċju li bis-saħħa tiegħu kiseb xhieda li hu kien raġel ġust, u Alla tah xhieda tad-doni tiegħu; u b'dik il-fidi hu għadu jsamma' leħnu għad li miet.

[Lhud:11:5] Kien minħabba fil-fidi tiegħu li Ħenok ittieħed minn fostna hekk li hu l-mewt ma rahiex; ma nstabx iżjed, għax Alla kien ħadu. U tassew, qabel ma ttieħed kien kiseb xhieda li hu kien għoġob lil Alla. [Lhud:11:6] Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.

[Lhud:11:7] Kien minħabba fil-fidi tiegħu li Noè, mgħarraf minn Alla dwar ħwejjeġ li kienu għadhom ma jidhrux, mimli b'biża' qaddis bena arka biex isalva l-familja tiegħu; u b'dik il-fidi kkundanna d-dinja u sar werriet tal-ġustizzja li tinkiseb bis-saħħa tal-fidi.

Il-fidi ta' Abraham

[Lhud:11:8] Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta' Alla, meta dan qallu biex imur f'art li kien se jagħtih b'wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer. [Lhud:11:9] Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f'art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma' Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu ta' l-istess wegħda; [Lhud:11:10] għax hu kien iħares 'il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

[Lhud:11:11] Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta' kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. [Lhud:11:12] Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista' tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta' xatt il-baħar, li ħadd ma jista' jgħoddu.

[Lhud:11:13] Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu barranin u għorba fuq l-art. [Lhud:11:14] Tabilħaqq, dawk li jitkellmu b'dan il-mod juru ċar li huma qegħdin ifittxu pajjiż għalihom. [Lhud:11:15] Li kieku kellhom fi ħsiebhom il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex jerġgħu lura fih. [Lhud:11:16] Imma issa huma jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema. Huwa għalhekk li Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu ħejja belt għalihom.

[Lhud:11:17] Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri 'l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, [Lhud:11:18] hu li Alla kien qallu: "Minn Iżakk int għad ikollok nisel." [Lhud:11:19] Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta' tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.

[Lhud:11:20] Kien ukoll permezz tal-fidi li Iżakk bierek 'il Ġakobb u 'l Għesaw dwar dawk il-ħwejjeġ li kellhom jiġu. [Lhud:11:21] Permezz tal-fidi Ġakobb, hu u jmut, bierek lil kull wieħed minn ulied Ġużeppi u ta qima lil Alla, waqt li tbaxxa fuq tarf il-bastun li kellu. [Lhud:11:22] Permezz tal-fidi Ġużeppi, fl-aħħar ta' ħajtu, tkellem fuq il-ħruġ ta' l-Iżraelin mill-Eġittu u qalilhom x'kellhom jagħmlu b'għadmu.

Il-fidi ta' Mosè u ta' wlied Iżrael

[Lhud:11:23] Kien permezz tal-fidi li, meta twieled Mosè, missieru u ommu ħbewh għal tliet xhur, għax raw kemm kien tifel sabiħ, bla ma beżgħu mill-ordni tas-sultan. [Lhud:11:24] Permezz tal-fidi Mosè, meta kiber, ma riedx jissejjaħ bin it-tifla tal-Fargħun; [Lhud:11:25] u għażel li aħjar ikun imkasbar flimkien mal-poplu ta' Alla milli jgawdi l-hena tad-dnub, hena li jgħaddi f'qasir żmien. [Lhud:11:26] Deherlu li t-tmaqdir ta' Kristu huwa għana akbar mit-teżori ta' l-Eġittu, għax ħares 'il quddiem lejn il-ħlas. [Lhud:11:27] Permezz tal-fidi ħalla l-Eġittu bla ma baża' mill-qilla tas-sultan; żamm iebes, daqs kemm kieku kien qiegħed jara lil Alla li ma jidhirx. [Lhud:11:28] Permezz tal-fidi għamel l-ikla ta' l-Għid u raxxax id-demm, biex l-anġlu tal-mewt ma jolqotx lill-ulied il-kbar ta' l-Iżraelin. [Lhud:11:29] Kien permezz tal-fidi li l-Iżraelin qasmu l-Baħar l-Aħmar qishom fuq art niexfa, waqt li għerqu l-Eġizzjani, li marru biex jagħmlu bħalhom.

Il-fidi tagħmel l-għeġubijiet

[Lhud:11:30] Kien permezz tal-fidi li waqgħu l-ħitan ta' Ġeriko wara li l-Iżraelin daru magħhom għal sebat ijiem. [Lhud:11:31] Permezz tal-fidi Raħab iż-żienja ma ntilfitx ma' dawk ta' rashom iebsa, għax kienet laqgħet bis-sliem l-ispiji li marru jitkixxfu l-art.

[Lhud:11:32] X'se ngħid iżjed? Ma nsibx żmien biżżejjed biex insemmi fuq Gidgħon, Barak, Sansun, Ġefti, David, Samwel u l-profeti. [Lhud:11:33] Bil-qawwa tal-fidi huma rażżnu saltniet, għamlu l-ġustizzja, kisbu l-wegħdiet; saddew ħalq l-iljuni, [Lhud:11:34] tfew il-qawwa tan-nar, ħelsu minn xifer is-sejf, fiequ mill-mard, tqawwew fit-taqbid, ħarrbu l-eżerċti tal-barranin. [Lhud:11:35] Nisa ħadu lura l-mejtin tagħhom irxuxtati mill-mewt. Oħrajn ħaqruhom għall-mewt, għax irruftaw il-ħelsien biex jiksbu qawmien aħjar. [Lhud:11:36] Oħrajn sofrew żebliħ u swat u saħansitra ktajjen u ħabs. [Lhud:11:37] Kienu mħaġġra, mħanxra minn nofshom, maqtula bis-sejf; ħarġu jiġġerrew imlibbsin bi ġlud tan-nagħaġ u tal-mogħoż, neqsin minn kollox, mħabbtin u maħqurin. [Lhud:11:38] Id-dinja ma kienx jixirqilha jkollha nies bħal dawn. Huma qagħdu jiġġerrew fid-deżert u fuq l-għoljiet, fl-għerien u fl-irkejjen ta' l-art.

[Lhud:11:39] U dawn kollha, għad li qalgħu xhieda tajba bis-saħħa tal-fidi tagħhom, ma kisbux dak li kien imwiegħed, [Lhud:11:40] billi Alla rafa' xi ħaġa aħjar għalina, bil-ħsieb li huma ma jaslux għall-perfezzjoni mingħajrna.

12. Id-dixxiplina tal-Mulej

[Lhud:12:1] Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta' xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b'qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; [Lhud:12:2] nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta' Alla. [Lhud:12:3] Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom.

[Lhud:12:4] Sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom. [Lhud:12:5] Nsejtuha għalkollox il-kelma ta' twissija li qalilkom ta' wlied li intom:

“Ibni la twarrabx it-twiddib tal-Mulej,
u la taqtax qalbek meta jċanfrek;
[Lhud:12:6] għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb,
jolqot lil kull min jilqa’ b’ibnu.”

[Lhud:12:7] Hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu. Alla qiegħed jimxi magħkom ta' wlied. Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux? [Lhud:12:8] Jekk intom tibqgħu bla twiddib, bħalma kellhom l-ulied kollha, intom tkunu qiskom tfal ta' ħaddieħor, mhux ulied. [Lhud:12:9] Barra minn dan, aħna kellna wkoll missirijietna ta' l-art; kienu jwiddbuna, u aħna konna nweġġħuhom. Mela kemm aktar għandna noqogħdu taħt il-Missier tas-sema, biex ikollna l-ħajja. [Lhud:12:10] Dawn kienu jwiddbuna kif kien jidhrilhom huma, għal ftit żmien; imma Alla jwiddibna għall-ġid tagħna, biex aħna niksbu sehem fil-qdusija tiegħu.

[Lhud:12:11] Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta' ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.

[Lhud:12:12] Mela erfgħu l-idejn merħija u l-irkubbtejn mitluqa tagħkom, [Lhud:12:13] u aqbdu triq dritta għal riġlejkom, biex min hu zopp, ma joħroġx mit-triq, imma jerġa' jieħu saħħtu.

Nilqgħu l-grazzja ta' Alla

[Lhud:12:14] Fittxu li żżommu s-sliem ma' kulħadd u li jkollkom il-qdusija, li mingħajrha ħadd ma jara lill-Mulej. [Lhud:12:15] Qisu li ħadd fostkom ma jibqa' lura mill-grazzja ta' Alla, li ebda għerq ta' mrar ma jinbet fostkom li jġib it-taħwid u li bih ħafna jitħassru.

[Lhud:12:16] Li ħadd fostkom ma jkun żieni u bla Alla bħal Għesaw li għal ikla waħda biegħ il-jedd tal-kbir fost l-aħwa. [Lhud:12:17] Tafu intom kif ġie mwarrab meta mbagħad ried jiret il-barka; ma sabx mezz ta' ndiema għad li fittixha bit-tixrid tad-dmugħ.

[Lhud:12:18] Intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u r-riefnu; [Lhud:12:19] lejn dak id-daqq ta' tromba u ħoss ta' kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar; [Lhud:12:20] għax huma ma felħux għal dan il-kmand: "Mqar jekk bhima tmiss il-muntanja, tkun imħaġġra." [Lhud:12:21] Kienet hekk tal-biża' dik id-dehra, li Mosè qal: "Qiegħed nitriegħed bil-biża'." [Lhud:12:22] Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta' Sijon u lejn il-belt ta' Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; rsaqtu lejn eluf ta' anġli f'ġemgħa ferrieħa; [Lhud:12:23] lejn il-ġemgħa ta' l-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema; lejn Alla l-imħallef ta' kulħadd; lejn l-erwieħ ta' nies tajba u perfetti; [Lhud:12:24] lejn Ġesù l-medjatur ta' patt ġdid; u lejn id-demm imraxxax tiegħu li jitkellem b'mod aqwa minn dak ta' Abel.

[Lhud:12:25] Qisu li ma twarrbux lil dak li qiegħed ikellimkom! Għax jekk ma ħelsuhiex dawk talli warrbu 'l min kellimhom fuq l-art, wisq aktar ma neħilsuhiex aħna jekk inwarrbu 'l min ikellimna mis-sema. [Lhud:12:26] Dakinhar leħnu heżheż l-art; imma issa wiegħed u qal: "Darb'oħra mhux biss l-art nheżheż, imma s-sema wkoll." [Lhud:12:27] Il-kliem "darb'oħra" juri li l-ħwejjeġ li jitheżhżu għandhom jgħaddu, bħallikieku saru biex jibqgħu dawk li ma jitheżhżux. [Lhud:12:28] Mela nroddu ħajr lil Alla għax aħna ħadna saltna li ma titħarrikx; u nagħtuh il-qima li togħġbu bil-ġieħ u bil-biża'. [Lhud:12:29] Għax Alla tagħna hu nar qerriedi.

13. Is-sagrifiċċji li jogħġbu lill-Mulej

[Lhud:13:1] Ħa tibqa' magħkom l-imħabba ta' l-aħwa. [Lhud:13:2] Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f'hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu. [Lhud:13:3] Ftakru f'dawk li huma fil-ħabs, daqslikieku kontu fil-ħabs magħhom; ftakru wkoll f'dawk li qegħdin ikasbruhom, daqslikieku qegħdin ikasbru lilkom f'ġisimkom.

[Lhud:13:4] Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd u s-sodda taż-żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-żienja u mill-adulteri. [Lhud:13:5] Tkunux mogħtija għar-regħba tal-flus; kunu kuntenti b'dak li għandkom, għax Alla stess qal: "Jien m'iniex se nħallik, anqas nitilqek." [Lhud:13:6] Għalhekk nistgħu ngħidu b'qalbna qawwija:

“Il-Mulej l-għajnuna tiegħi :
jien ma nibżax;
x’jista’ jagħmilli l-bniedem?”

[Lhud:13:7] Ftakru f'dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-kelma ta' Alla; aħsbu fuq it-tmiem ta' ħajjithom, imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom. [Lhud:13:8] Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem. [Lhud:13:9] Tħallux li toħorġu 'l barra mit-triq b'xorta oħra ta' tagħlim barrani; aħjar għalina li qalbna tissaħħaħ bil-grazzja ta' Alla milli b'tagħlim dwar kull xorta ta' ikel li anqas sewa ta' ġid għal dawk li mxew miegħu. [Lhud:13:10] Aħna għandna artal li minnu ma jistgħux jieklu l-qassisin tas-Santwarju. [Lhud:13:11] Għax l-iġsma tal-bhejjem, li l-qassis il-kbir jieħu demmhom fis-santwarju b'sagrifiċċju għall-maħfra tad-dnubiet, jaħarquhom 'il barra mill-kamp. [Lhud:13:12] Għalhekk Ġesù wkoll bata 'l barra minn bieb il-belt biex bid-demm tiegħu nnifsu jqaddes lill-poplu. [Lhud:13:13] Ejjew mela noħorġu niltaqgħu miegħu 'l barra mill-kamp mgħobbijin bl-għajb li rafa' hu. [Lhud:13:14] Għax aħna hawnhekk ma għandniex belt li tibqa' għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi. [Lhud:13:15] B'Ġesù, mela, ejjew noffru f'kull ħin lil Alla sagrifiċċju ta' tifħir, jiġifieri l-kelma ta' xufftejna li tistqarr ismu. [Lhud:13:16] Tinsewx tagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax b'sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.

[Lhud:13:17] Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-ġid tagħkom, bħala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom. Hekk huma jaqdu dan id-dmir bil-ferħ, u mhux bi swied il-qalb; għax dan ma jkun jiswielkom ta' ebda ġid. [Lhud:13:18] Itolbu għalina, għax aħna nemmnu li għandna kuxjenza safja billi rridu nġibu ruħna sewwa f'kollox. [Lhud:13:19] Dan wisq aktar nitlobkom tagħmluh biex nerġa' nkun magħkom mill-aktar fis.

Il-barka u l-aħħar tislima
[Lhud:13:20] U Alla tas-sliem, li bis-saħħa tad-demm tal-patt ta' dejjem qajjem mill-imwiet lil Sidna Ġesù, li hu r-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ, [Lhud:13:21] iwettaqkom b'kull ħaġa tajba, biex tagħmlu r-rieda tiegħu; ħalli jagħmel hu fina dak li jogħġob lilu b'Ġesù Kristu, li lilu l-glorja għal dejjem ta' dejjem! Amen.

[Lhud:13:22] Nitlobkom, mbagħad, ħuti, biex tilqgħu bis-sabar dan il-kliem ta' twissija, li ktibtilkom fil-qosor. [Lhud:13:23] Ngħarrafkom li ħuna Timotju ġie meħlus. Jekk ikun hawn fil-ħin, ikun miegħi meta narakom.

[Lhud:13:24] Sellu għall-mexxejja tagħkom kollha u għall-qaddisin kollha. Isellu għalikom ħutna ta' l-Italja.

[Lhud:13:25] Il-grazzja magħkom ilkoll!