IL-KTIEB TAL-LEVITIKU

1. Is-sagrifiċċji tal-ħruq

[Lev:1:1] U l-Mulej sejjaħ lil Mosè u kellmu mit-tinda tal-laqgħa u qallu: [Lev:1:2] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: 'Meta xi ħadd minnkom ikun irid jagħmel offerta lill-Mulej, jagħmilha mill-bhejjem, mill-baqar jew min-nagħaġ tagħkom. [Lev:1:3] Jekk tkun vittma mill-baqar għas-sagrifiċċju tal-ħruq, l-offerta għandha tkun ta' raġel u bla difett; u jġibha quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u hekk jogħġob lill-Mulej. [Lev:1:4] Mbagħad iqiegħed idu fuq ras il-vittma u tkun milqugħa għall-espjazzjoni tiegħu; [Lev:1:5] joqtol l-għoġol quddiem il-Mulej, u l-qassisin ulied Aron joffru d-demm, u jxerrduh madwar l-artal, li qiegħed biswit il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:1:6] Wara jqaxxar il-vittma u jqattagħha bċejjeċ, [Lev:1:7] u wlied Aron il-qassis iqabbdu n-nar fuq l-artal u jixħtu l-ħatab fuq in-nar. [Lev:1:8] Il-qassisin ulied Aron jirranġaw il-bċejjeċ, ir-ras u x-xaħam fuq il-ħatab u n-nar ta' fuq l-artal; [Lev:1:9] il-ġewwieni u s-saqajn jaħsilhom bl-ilma; u wieħed mill-qassisin jaħraq kollox b'sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej.

[Lev:1:10] “Jekk l-offerta għas-sagrifiċċju tal-ħruq tkun mill-imrieħel - xi ħaruf jew mogħża - għandu joffri raġel u bla difett. [Lev:1:11] U joqtlu fuq in-naħa tat-tramuntana ta' l-artal, quddiem il-Mulej; u l-qassisin, ulied Aron, ixerrdu d-demm madwar l-artal. [Lev:1:12] Mbagħad iqattgħu bċejjeċ, u l-qassis jirranġahom flimkien mar-ras u x-xaħam fuq il-ħatab u n-nar ta' fuq l-artal. [Lev:1:13] Mbagħad il-ġewwieni u s-saqajn jaħsilhom bl-ilma, u l-qassis joffri u jaħraq kollox fuq l-artal. Dan hu sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej.

[Lev:1:14] “Jekk l-offerta għas-sagrifiċċju lill-Mulej tkun mit-tjur, joffri gamiem jew ħamiem. [Lev:1:15] Il-qassis imbagħad iressaqha fuq l-artal, jilwilha rasha biex jaħraqha fuq l-artal, u jagħsrilha demmha mal-ġnub ta' l-artal; [Lev:1:16] u mbagħad ineħħilha l-ħawsla b'ta' ġo fiha, u jitfa' kollox maġenb l-artal in-naħa tal-lvant fejn ikun hemm l-irmied, [Lev:1:17] jiksrilha ġwejnħajha mingħajr ma jaqlagħhomlha, u l-qassis jaħraqha fuq il-ħatab u n-nar ta' fuq l-artal. Dan hu sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej.”

2. Offerti tal-qmuħ

[Lev:2:1] “Meta xi ħadd irid jagħmel offerta tal-qmuħ lill-Mulej, għandu joffri s-smid; u jsawwab fuqha ż-żejt, u jixħet fuqha l-inċens. [Lev:2:2] Iġibha għand il-qassisin ulied Aron, u l-qassis jieħu daqs qabda ta' id smid biż-żejt u l-inċens, u jaħraqha b'tifkira fuq l-artal, ħruq b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej. [Lev:2:3] Il-bqija ta' l-offerta tmur għal Aron u wliedu. Din hi l-biċċa l-aktar qaddisa minn dak li jkun inħaraq quddiem il-Mulej.

[Lev:2:4] “Jekk tkun trid toffri offerta maħbuża fuq il-kenur, din għandha tkun ta' ftajjar ażżmi tas-smid miblula fiż-żejt, jew ftajjar irqaq ażżmi midlukin biż-żejt.

[Lev:2:5] “Jekk l-offerta tiegħek tkun imsajjra fit-taġen, għandha tkun bis-smid u miblula fiż-żejt u bla ħmira. [Lev:2:6] Agħmilha ftiet, u sawwab fuqha ż-żejt; għax hi offerta tal-qmuħ.

[Lev:2:7] “Jekk l-offerta tiegħek tkun offerta msajjra f'borma, agħmilha tas-smid biż-żejt. [Lev:2:8] U ġib l-offerta li tkun lestejt lill-Mulej, u agħtiha lill-qassis, biex iressaqha fuq l-artal. [Lev:2:9] Mbagħad il-qassis jerfa' biċċa minnha b'tifkira, u jaħraqha fuq l-artal, ħruq b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej. [Lev:2:10] Il-bqija ta' l-offerta tmur għal Aron u wliedu. Din hi l-biċċa l-aktar qaddisa minn dak li jkun inħaraq quddiem il-Mulej.

[Lev:2:11] “Kull offerta li tagħmlu lill-Mulej ma għandkomx tagħmluha bil-ħmira; għax ma għandekx taħraq ħmira jew għasel quddiem il-Mulej. [Lev:2:12] Tistgħu toffruhom lill-Mulej bħala offerta tal-bikri, imma ma jkunux maħruqa b'riħa tfuħ. [Lev:2:13] Kull offerta li toffri ixħtilha l-melħ u tħallix barra mill-offerta tiegħek il-melħ tal-patt ta' Alla tiegħek; ma' kull offerta tiegħek offri l-melħ. [Lev:2:14] U kull meta tagħmel offerta tal-bikri lill-Mulej, offri sbul inkaljat bin-nar, qamħ ġdid misħuq b'offerta tal-bikri. [Lev:2:15] Int issawwab iż-żejt fuqha, u tixħet fuqha l-inċens. Din hi offerta tal-qamħ. [Lev:2:16] Il-qassis imbagħad jaħraq b'tifkira biċċa mill-qamħ misħuq u miż-żejt bl-inċens b'kollox; din hi offerta bin-nar lill-Mulej.

3. Sagrifiċċji tas-sliem

[Lev:3:1] “Jekk xi ħadd joffri sagrifiċċju tas-sliem, jekk l-offerta tkun mill-baqar, għandu joffriha bla difett, raġel jew mara, quddiem il-Mulej. [Lev:3:2] Iqiegħed idu fuq ras il-vittma, u joqtolha fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u l-qassisin, ulied Aron, ixerrdu d-demm madwar l-artal. [Lev:3:3] Hu joffri mill-vittma tas-sliem biex jinħaraq quddiem il-Mulej ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam kollu ta' fuq il-ġewwieni, [Lev:3:4] iż-żewġ kilwiet, u x-xaħam ta' fuqhom ta' mal-ġenbejn, u t-tebqa tal-fwied, li tinqala' minn ħdejn il-kliewi. [Lev:3:5] U wlied Aron imbagħad jaħarquh fuq il-vittma ta' fuq il-ħatab, li jkun hemm fuq in-nar; ħruq ta' riħa tfuħ lill-Mulej.

[Lev:3:6] “Jekk xi ħadd joffri sagrifiċċju tas-sliem mill-imrieħel lill-Mulej, l-offerta, raġel jew mara, għandha tkun bla difett. [Lev:3:7] Jekk l-offerta tkun ta' ħaruf, iġibu quddiem il-Mulej, [Lev:3:8] iqiegħed idu fuq ras il-vittma u joqtlu fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u wlied Aron ixerrdu d-demm madwar l-artal. [Lev:3:9] Mill-vittma tas-sliem jagħti għall-ħruq lill-Mulej: xaħamha, id-denb sħiħ, li jaqtgħu minn ħdejn is-sinsla, u x-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam kollu ta' fuq il-ġewwieni, [Lev:3:10] u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta' fuqhom ta' mal-ġenbejn, it-tebqa tal-fwied, li tinqala' minn ħdejn il-kliewi. [Lev:3:11] Mbagħad il-qassis jaħraq kollox fuq l-artal bħala ikel maħruq lill-Mulej.

[Lev:3:12] “Jekk xi ħadd joffri mogħża, iġibha quddiem il-Mulej; [Lev:3:13] iqiegħed idu fuq rasha, u joqtolha fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u wlied Aron ixerrdu d-demm tagħha madwar l-artal. [Lev:3:14] U joffri minnha bħala offerta tiegħu għall-ħruq quddiem il-Mulej ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni, u x-xaħam kollu ta' fuq il-ġewwieni [Lev:3:15] u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta' mal-ġenbejn, u t-tebqa tal-fwied li tinqata' minn ħdejn il-kliewi. [Lev:3:16] Mbagħad il-qassis jaħraqhom fuq l-artal, ikel maħruq ta' riħa tfuħ. Ix-xaħam kollu jmiss lill-Mulej.

[Lev:3:17] “Din hi liġi għal dejjem minn ġenerazzjoni għal oħra, tkun fejn tkun tgħammar. La tiekol ebda xaħam u ebda demm.”

4. Sagrifiċċji tal-purifikazzjoni

[Lev:4:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:4:2] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta xi ħadd bla ma jrid jikser xi waħda mil-liġijiet kollha tal-Mulej u jagħmel xi ħaġa li ma għandux jagħmel, [Lev:4:3] jekk il-midneb ikun il-qassis il-midluk u jkun ġieb il-ħtija fuq il-poplu, joffri lill-Mulej għall-ħtija li jkun għamel għoġol bla difett.

[Lev:4:4] “Iġib l-għoġol fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa quddiem il-Mulej, u jmidd idu fuq ras l-għoġol u joqtol l-għoġol quddiem il-Mulej. [Lev:4:5] U l-qassis il-midluk jieħu mid-demm ta' l-għoġol u jieħdu fit-tinda tal-laqgħa. [Lev:4:6] Mbagħad il-qassis ibill sebgħu fid-demm u jroxx id- demm seba' darbiet quddiem il-Mulej lejn il-velu tas- santwarju. [Lev:4:7] U l-qassis iqiegħed ftit demm fuq qrun l-artal ta' l-inċens ifuħ, li qiegħed quddiem il-Mulej, fit-tinda tal-laqgħa, u l-bqija tad-demm ta' l-għoġol ixerrdu taħt l-artal tas-sagrifiċċju li hemm quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:4:8] U x-xaħam kollu ta' l-għoġol tal-ħtija ineħħih minnu; ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam kollu ta' fuq il-ġewwieni, [Lev:4:9] u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta' fuqhom ta' mal-ġenbejn u t-tebqa tal-fwied, li jaqlagħha minn mal-kliewi, [Lev:4:10] bħalma jneħħuhom mill-għoġol tas-sagrifiċċju tas-sliem; u l-qassis imbagħad jaħraqhom fuq l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Lev:4:11] U l- ġild ta' l-għoġol, u laħmu kollu, b'rasu u saqajh, bil-ġewwieni u l-ħmieġ, [Lev:4:12] l-għoġol kollu jeħduh barra l-kamp, f'post nadif fejn jarmu l-irmied, u jaħarquhom fuq il-ħatab bin-nar. Jaħarqu kollox fejn jintrema l-irmied.

[Lev:4:13] “Jekk il-ġemgħa kollha ta' Iżrael tidneb bla ma tintebaħ billi tkun għamlet xi ħaġa minn dak li l-Mulej ordna li ma għandux isir, u dan jibqa' moħbi għal għajnejn il-ġemgħa, xorta ssir ħatja; [Lev:4:14] u malli jsiru jafu bil-ħtija li jkunu waqgħu fiha, il-ġemgħa kollha għandha toffri għoġol għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u jġibuh quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa.

[Lev:4:15] “Ix-xjuħ tal-ġemgħa jmiddu idejhom fuq ras l-għoġol quddiem il-Mulej, u wieħed minnhom joqtol l-għoġol quddiem il-Mulej. [Lev:4:16] U l-qassis il-midluk jieħu mid-demm ta' l-għoġol fit-tinda tal-laqgħa. [Lev:4:17] Mbagħad il-qassis ibill sebgħu fid-demm, u jroxxu seba' darbiet quddiem il-Mulej lejn il-velu. [Lev:4:18] Iqiegħed ukoll ftit demm fuq qrun l-artal li hemm quddiem il-Mulej fit-tinda tal-laqgħa, u l-bqija tad-demm ixerrdu f'riglejn l-artal tas-sagrifiċċju li jinsab quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:4:19] Mbagħad jieħu x-xaħam tiegħu kollu u jaħarqu fuq l-artal; [Lev:4:20] u jagħmel mill-għoġol, bħalma jagħmel mill-għoġol tal-purifikazzjoni; hekk jagħmel minnu; hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għalihom u jaqilgħu l-maħfra. [Lev:4:21] U jieħu l-għoġol 'il barra mill-kamp u jaħarquh bħalma jaħarqu l-għoġol l-ieħor. Dan hu s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni tal-ġemgħa.

[Lev:4:22] “Jekk xi wieħed mill-kapijiet jidneb u jagħmel bla ma jrid xi ħaġa li l-Mulej, Alla tiegħu, ordna li ma għandhiex issir, u hekk jaqa' fid-dnub, [Lev:4:23] malli jintebaħ bid-dnub li jkun għamel, jagħmel offerta ta' bodbod bla difett. [Lev:4:24] Imidd idu fuq ras il-bodbod u joqtlu fejn joqtlu l-vittmi quddiem il-Mulej. Dan hu sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. [Lev:4:25] Il-qassis imbagħad jieħu ftit mid-demm tal-vittma b'sebgħu u jqiegħdu fuq il-qrun ta' l-artal tas-sagrifiċċju, u l-bqija tad-demm ixerrdu f'riglejn l-artal tas-sagrifiċċju. [Lev:4:26] U x-xaħam kollu tiegħu jaħarqu fuq l-artal bħax-xaħam tal-vittma tas-sliem. U l-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun, u jaqlagħlu l-maħfra.

[Lev:4:27] “Jekk xi ħadd mill-poplu jidneb bla ma jintebaħ u jagħmel xi ħaġa minn dak li l-Mulej ordna li ma għandhiex issir, u jaqa' fid-dnub, [Lev:4:28] malli jintebaħ bid-dnub li jkun għamel iġib offerta ta' mogħża, bla nuqqas, bi tpattija għad-dnub li jkun għamel. [Lev:4:29] Mbagħad imidd idu fuq ras il-vittma għall-espjazzjoni u joqtolha fil-post tas-sagrifiċċju. [Lev:4:30] Il-qassis jieħu ftit mid-demm b'sebgħu, u jqiegħdu fuq il-qrun ta' l-artal tas-sagrifiċċju, u jxerred id-demm f'riglejn l-artal. [Lev:4:31] U x-xaħam kollu jaqilgħu bħalma jaqla' x-xaħam mill-vittma tas-sliem, u l-qassis jaħarqu fuq l-artal b'riħa tfuħ lill-Mulej, u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun, u jaqlagħlu l-maħfra.

[Lev:4:32] “Jekk iġib ħaruf b'offerta biex ipatti għall-ħtija, iġibu mara bla difett; [Lev:4:33] u jmidd idu fuq ras il-vittma għall-espjazzjoni, u joqtolha b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni fejn joqtlu l-vittmi għas-sagrifiċċju. [Lev:4:34] U l-qassis jieħu ftit mid-demm b'sebgħu, u jqiegħdu fuq il-qrun ta' l-artal tas-sagrifiċċju, u l-bqija tad-demm ixerrdu f'riġlejn l-artal. [Lev:4:35] U x-xaħam kollu jaqilgħu bħalma jaqla' x-xaħam mill-vittma tas-sliem, u l-qassis jaħarqu fuq il-vittmi maħruqa lill-Mulej fuq l-artal; u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun għamlu, u jaqlagħlu l-maħfra.

5. Sagrifiċċji oħra

[Lev:5:1] “Wieħed li jkun imġegħel jaħlef bħala xhud, u ma jgħidx dak li ra jew li jkun jaf, jidneb u jpatti għal dnubu. [Lev:5:2] Wieħed li jmiss xi ħaġa mniġġsa, bħalma hu ġisem mejjet ta' annimal tad-dar jew selvaġġ imniġġes, jew ta' xi ħanex imniġġes, bla ma jintebaħ, [Lev:5:3] jew jekk imiss xi nġiesa tal-bniedem, li jista' jitniġġes biha, bla ma jintebaħ, malli jsir jaf jaqa' fil-ħtija. [Lev:5:4] Wieħed li jaħlef bla ma jaħsibha, għall-ġid jew għad-deni, f'kull ħaġa li wieħed jista' jaħlef bla ma jintebaħ, malli jintebaħ jaqa' fil-ħtija ta' kull waħda minn dawn il-ħwejjeġ.

[Lev:5:5] “Kull meta xi ħadd ikun ħati ta' waħda minn dawn il-ħwejjeġ, jistqarr fiex dineb; [Lev:5:6] u jġib vittma għar-riparazzjoni quddiem il-Mulej għad-dnub li jkun għamel; mara mill-merħla tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, bħala sagrifiċċju għall-purifikazzjoni, u l-qassis jaqlagħlu l-maħfra tal-ħtija tiegħu.

[Lev:5:7] “Imma jekk ma jkunx jista' jagħti mill-merħla, iġib bħala vittma għar-riparazzjoni żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet lill-Mulej, waħda għall-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Lev:5:8] Iġibhom lill-qassis biex l-ewwel joffri l-vittma tal-purifikazzjoni; jilwilha rasha minn ħdejn għonqha, bla ma jaqtagħha [Lev:5:9] u jroxx id-demm tal-vittma tal-purifikazzjoni mal-ġnub ta' l-artal u jagħsru f'riġlejn l-artal; dan hu s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. [Lev:5:10] Il-vittma l-oħra joffriħa b'sagrifiċċju tal-ħruq, skond ir-rit. Hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun għamlu u jaqlagħlu l-maħfra.

[Lev:5:11] “Jekk imbagħad anqas ma jkun jiflaħ jagħti żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet, iġib offerta bi tpattija għad-dnub mill-għaxra waħda ta' efa smid għall-purifikazzjoni, bla ma jitfa' fuqu żejt jew inċens, għax din hi offerta tal-purifikazzjoni. [Lev:5:12] Jagħtiha lill-qassis, u l-qassis jieħu minnha b'mimli idu b'tifkira, u jaħraqha fuq l-artal fuq l-offerti bin-nar lill-Mulej; din hi offerta tal-purifikazzjoni. [Lev:5:13] Hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun naqas f'xi waħda minn dawn il-ħwejjeġ, u jaqlagħlu l-maħfra. Dak li jibqa' mill-vittma jmiss lill-qassis bħal fl-offerta tal-qmuħ.”

Is-sagrifiċċji tar-riparazzjoni

[Lev:5:14] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:5:15] “Wieħed li jidneb bla ma jintebaħ u jonqos fl-obbligi tiegħu mqaddsa lejn il-Mulej, joffri b'riparazzjoni muntun bla difett mill-merħla, li jkun jiswa b'kemm-il xekel tal-fidda tistmah int, skond ix-xekel tas-santwarju. Din hi offerta tal-purifikazzjoni. [Lev:5:16] U hekk ipatti għall-ħsara li jkun għamel lis-santwarju, u miegħu jżid waħda mill-ħamsa ta' kemm tkun stmajtu. Jagħtih lill-qassis u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni bl-offerta tal-muntun tar-riparazzjoni, u jaqlagħlu l-maħfra.

[Lev:5:17] “Jekk xi ħadd jaqa' fid-dnub, u jagħmel xi ħaġa minn dak li l-Mulej ordna li ma għandkomx tagħmlu, bla ma jintebaħ, għandu jpatti u jħallas għal dnubu. [Lev:5:18] Iġib lill-qassis muntun bla difett mill-merħla, li jkun jiswa skond ma tistmah int, bħala offerta għar-riparazzjoni, u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni għal dak li jkun għamel id-dnub bla ma jrid u ma ntebaħx, u hekk jaqlagħlu l-maħfra. [Lev:5:19] Din hi offerta ta' riparazzjoni; għax kien ħati tassew ta' dnub quddiem il-Mulej.”

[Lev:5:20] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:5:21] “Jekk xi ħadd jidneb u jonqos lill-Mulej billi jiċħad lil għajru xi oġġett merfugħ, mirhun jew misruq, jew iqarraq bih b'mod jew ieħor, [Lev:5:22] jew inkella jsib xi oġġett mitluf, u jiċħdu minnu, jew jaħlef fil-falz f'xi ħaġa minn kull ma jista' jidneb biha, [Lev:5:23] jekk jagħmel dan, jidneb u jkun ħati. U għandu jrodd l-oġġett li jkun seraq jew kiseb bil-qerq, jew li kien merfugħ għandu, jew mitluf u sabu hu, [Lev:5:24] u kull ħaġa li jkun ħalef fil-falz għaliha; għandu jroddu kollu kemm hu, u jżid miegħu waħda mill-ħamsa ta' kemm tkun stmajtu, u jagħtih lil sidu dak in-nhar li joffri l-offerta tar-riparazzjoni. [Lev:5:25] U jġib għand il-qassis, bħala offerta tar-riparazzjoni lill-Mulej, muntun bla difett mill-merħla, skond ma tistmah int għar-riparazzjoni, [Lev:5:26] u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni għalih quddiem il-Mulej, u jinħafirlu kull ma jkun għamel u sar ħati minħabba fih.”

6. Is-sagrifiċċju ta' kuljum

[Lev:6:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:6:2] “Ordna lil Aron u lil uliedu, u għidilhom: Din hi l-liġi tas-sagrifiċċju tal-ħruq; il-vittma tinħaraq il-lejl kollu fuq maġmar fuq l-artal sas-sebħ u n-nar ta' l-artal jibqa' mqabbad fih. [Lev:6:3] U l-qassis jilbes il-libsa tiegħu ta' l-għażel u l-qalziet ta' l-għażel fuq il-laħam, ineħħi l-irmied tal-vittma maħruqa bin-nar fuq l-artal, u jqiegħdu ħdejn l-artal. [Lev:6:4] Mbagħad jinża' l-ħwejjeġ li jkollu fuqu, u jilbes oħrajn u joħroġ l-irmied minn nofs il-kamp f'post nadif. [Lev:6:5] In-nar ta' fuq l-artal għandu jibqa' mqabbad fuqu mingħajr qatt ma jintefa; u l-qassis kull filgħodu jaħraq il-ħatab fuqu, u jqiegħed fuqu l-vittma u jaħraq fuqu x-xaħam tas-sagrifiċċju tas-sliem. [Lev:6:6] In-nar fuq l-artal għandu jibqa' jħeġġeġ għal dejjem u ma għandu jintefa qatt.

L-offerta tal-qmuħ

[Lev:6:7] “Din hi l-liġi ta' l-offerta tal-qmuħ; ulied Aron iressqu l-offerta quddiem il-Mulej; quddiem l-artal. [Lev:6:8] Il-qassis jerfa' minnha qabda smid biż-żejt u l-inċens ta' fuq l-offerta, u jaħraq kollox fuq l-artal, ħruq b'riħa tfuħ b'tifkira quddiem il-Mulej.

[Lev:6:9] “Il-fdal ta' l-offerta tal-qmuħ jikluh Aron u wliedu; jikluh bla ħmira f'post qaddis, u jikluh fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:6:10] Ma jsajjruhx bil-ħmira. Nagħtihulhom b'sehemhom mill-offerti maħruqin lili; hi ħaġa mill-aktar qaddisa, bħall-vittma tal-purifikazzjoni u tar-riparazzjoni.

[Lev:6:11] “Jista' jiekol minnha kull raġel fost ulied Aron. Dan hu dritt tagħhom għal dejjem, minn nisel għal nisel, fuq kull offerta li tinħaraq quddiem il-Mulej; kull ma jmiss magħhom jitqaddes.”

L-offerta tal-konsagrazzjoni

[Lev:6:12] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:6:13] “Din hi l-offerta li Aron u wliedu għandhom iressqu quddiem il-Mulej f'jum il-konsagrazzjoni tagħhom: waħda minn għaxra ta' efa smid, bħala offerta ta' kuljum, nofsha fil-għodu u nofsha fil-għaxija. [Lev:6:14] Tħejjiha fit-taġen biż-żejt; igġibha mħallta sewwa, u toffriha misjura ftiet ftiet, b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej. [Lev:6:15] U joffriha l-qassis, li jkun ikkonsagrat flok Aron minn fost uliedu. Din hi liġi għal dejjem: tinħaraq għall-Mulej; tinħaraq għalkollox. [Lev:6:16] Kull offerta ta' qassis tinħaraq kollha kemm tkun; ma jittiekel xejn minnha.”

Is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni

[Lev:6:17] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:6:18] “Kellem lil Aron u lil uliedu: Din hi l-liġi dwar il-vittma tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni: joqtluha fejn joqtlu l-vittma tas-sagrifiċċju tal-ħruq, quddiem il-Mulej; ħaġa mill-aktar qaddisa. [Lev:6:19] Jikolha l-qassis li jkun qatilha; jikolha f'post qaddis fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:6:20] Kull ma jmiss ma' laħamha jkun qaddis, u jekk joqtor id-demm fuq il-ħwejjeġ, fejn joqtor fuqu jinħasel f'post sagru. [Lev:6:21] Il-borma tal-fuħħar li tkun mgħollija fiha, titkisser; jekk tkun mgħollija f'borma tal-bronż, din għandha tingħorok u titlaħlaħ bl-ilma. [Lev:6:22] Kull raġel fil-familja tal-qassisin jista' jiekol minnha; hi ħaġa mill-aktar qaddisa. [Lev:6:23] Imma kull vittma tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, li jieħdu minn demmha fit-tinda tal-laqgħa għall-espjazzjoni fil-maqdes, ma jittiekel xejn minnha, imma għandha tinħaraq fin-nar.

7. Is-sagrifiċċju tar-riparazzjoni

[Lev:7:1] “Din hi l-liġi għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni: ħaġa mill-aktar qaddisa. [Lev:7:2] Il-vittma tas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni joqtluha fejn joqtlu dik tas-sagrifiċċju tal-ħruq u demmha jxerrduh madwar l-artal. [Lev:7:3] U joffru minnha x-xaħam kollu tagħha, jiġifieri, id-denb, ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni, [Lev:7:4] iż-żewġ kilwiet bix-xaħam ta' madwarhom in-naħa tal-ġenbejn, u t-tebqa tal-fwied li jaqlagħha minn ħdejn il-kliewi. [Lev:7:5] Il-qassis jaħraqhom fuq l-artal, ħruq lill-Mulej, sagrifiċċju ta' riparazzjoni. [Lev:7:6] Kull raġel mill-qassisin jista' jiekol minnu u jiekol fil-post qaddis, ħaġa mill-aktar qaddisa. [Lev:7:7] Liġi waħda hemm kemm għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni kemm għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni: tkun tal-qassis li biha jkun għamel l-espjazzjoni; [Lev:7:8] u l-qassis li jkun offra s-sagrifiċċju tal-ħruq ta' xi ħadd jieħu l-ġild tal-vittma; din tkun tiegħu. [Lev:7:9] Kull offerta tal-qmuħ imsajjra fil-kenur jew fil-borma jew fit-taġen tkun tal-qassis li joffriha. [Lev:7:10] U kull offerta tal-qmuħ miblula fiż-żejt jew xotta, tkun ta' wlied Aron kollha, kull wieħed daqs l-ieħor.

Is-sagrifiċċju tas-sliem

[Lev:7:11] “Din hi l-liġi dwar is-sagrifiċċju tas-sliem li wieħed joffri lill-Mulej. [Lev:7:12] Jekk joffriha b'radd il-ħajr, mal-vittma ta' radd il-ħajr joffri wkoll ftajjar ażżmi miblula fiż-żejt, u ftajjar ażżmi rqaq midluka biż-żejt. [Lev:7:13] Flimkien ma' l-offerta tas-sagrifiċċju tas-sliem ta' radd il-ħajr wieħed għandu joffri ftajjar bil-ħmira. [Lev:7:14] Minn kull xorta ta' offerta għandu jagħti sehem bħala offerta lill-Mulej; din tmiss lill-qassis li jkun xerred id-demm tal-vittma tas-sliem. [Lev:7:15] Il-laħam imbagħad tas-sagrifiċċju ta' radd il-ħajr jittiekel dak in-nhar stess li ssir l-offerta; ma jitħalla xejn sa filgħodu. [Lev:7:16] Jekk wieħed jagħmel l-offerta b'wegħda jew minn rajh, il-vittma tista' tittiekel dak in-nhar stess li joffriha, u l-għada jista' jittiekel li jkun fadal; [Lev:7:17] u dak li jkun baqa' mil-laħam tas-sagrifiċċju sat-tielet jum, jaħarqu fin-nar. [Lev:7:18] Jekk fit-tielet jum jiekol il-laħam li jkun fadal mill-vittma tas-sliem, min joffriha ma jkunx jogħġobni; ma jkun jgħoddlu xejn, għax tkun ħaġa moqżieża, u min jiekol minnha jitgħabba bil-piż ta' dnubu. [Lev:7:19] Il-laħam li jmiss ma' xi ħaġa mniġġsa ma għandux jittiekel, imma jinħaraq fin-nar; u mil-laħam jista' jiekol kull min ikun safi. [Lev:7:20] Min jiekol mil-laħam tal-vittma tas-sagrifiċċju tas-sliem offert lill-Mulej u jkun imniġġes, ikun maqtugħ minn niesu. [Lev:7:21] Min, mbagħad, imiss ma' xi ħaġa mniġġsa - bniedem, bhima, ħanex moqżież - u jiekol mil-laħam tas-sagrifiċċju tas-sliem offert lill-Mulej, ikun maqtugħ minn niesu.”

[Lev:7:22] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:7:23] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: [Lev:7:24] La tiklux mix-xaħam ta' ebda gendus, nagħġa, jew mogħża. Tistgħu tagħmlu li jkollkom bżonn bix-xaħam ta' bhima mejta jew żbranata, imma ma għandkomx tikluh. [Lev:7:25] Kull min jiekol mix-xaħam ta' bhima, li minnha jkun offra xi biċċa biex tinħaraq quddiem il-Mulej, ikun maqtugħ minn niesu. [Lev:7:26] Ebda demm ma tieklu kull fejn tgħammru, ikun xi jkun, tat-tajr jew tal-bhejjem. [Lev:7:27] Kull min jiekol minn xi demm ikun maqtugħ minn niesu.”

[Lev:7:28] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:7:29] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Min joffri sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, iġib l-offerta tiegħu lill-Mulej mill-vittma tiegħu tas-sliem. [Lev:7:30] B'idu stess iġib x'għandu jaħraq lill-Mulej; iġib ix-xaħam mas-sidra, u s-sidra jxejjirha quddiem il-Mulej. [Lev:7:31] Mbagħad il-qassis jaħraq ix-xaħam fuq l-artal, u s-sidra tibqa' għal Aron u wliedu; [Lev:7:32] tagħtu wkoll is-sieq il-leminija bħala offerta lill-qassis mill-vittmi tagħkom tas-sliem; [Lev:7:33] din is-sieq il-leminija tmiss b'sehmu lil bin Aron li jkun offra d-demm u x-xaħam tal-vittma tas-sliem. [Lev:7:34] Għax is-sidra li jxejjer u s-sieq li jxejjer, jien ħadthom mingħand ulied Iżrael fuq is-sagrifiċċji tagħhom tas-sliem u tajthom lil Aron il-qassis u lil uliedu, bi dritt għal dejjem mingħand ulied Iżrael.

[Lev:7:35] “Dan hu s-sehem mill-vittmi l-maħruqa lill-Mulej, u ddedikati għal Aron u wliedu dak in-nhar li kienu ppreżentati biex iservu ta' qassisin quddiem il-Mulej. [Lev:7:36] Dan hu li ordna l-Mulej dak in-nhar li kkonsagrahom, li jagħtuhom ulied Iżrael bi dritt għal dejjem minn nisel għal nisel.”

[Lev:7:37] Din hi l-liġi dwar is-sagrifiċċju tal-ħruq, l-offerta tal-qmuħ, is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tar-riparazzjoni, is-sagrifiċċju tal-konsagrazzjoni u s-sagrifiċċju tas-sliem, [Lev:7:38] skond ma ordna l-Mulej minn fuq il-muntanja tas-Sinaj, dak in-nhar li ordna lil ulied Iżrael li jagħmlu l-offerti tagħhom lill-Mulej fid-deżert tas-Sinaj.

8. Il-konsagrazzjoni tal-qassisin

[Lev:8:1] U l-Mulej kellem lil Mosè: [Lev:8:2] “Ħu lil Aron u 'l uliedu, l-ilbies, iż-żejt tal-konsagrazzjoni, il-gendus għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u ż-żewġ imtaten, u l-qoffa tal-ħobż ażżmu. [Lev:8:3] Laqqa' l-ġemgħa kollha ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa.”

[Lev:8:4] U Mosè għamel bħalma ordnalu l-Mulej, u nġabret il-ġemgħa kollha fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:8:5] U Mosè qal lill-ġemgħa: “Dan hu li ordna l-Mulej li jsir.” [Lev:8:6] U ressaq Mosè lil Aron, u 'l uliedu u ħasilhom bl-ilma. [Lev:8:7] U qegħedlu fuqu t-tonka, ħażżmu bit-terħa, u libbsu l-mantar fuqha, u qegħedlu fuqu l-efod u rabtu bil-faxxa tiegħu minsuġa bis-sengħa u xiddhulu. [Lev:8:8] U qegħedlu wkoll fuqu l-pettoral, u fil-pettoral qegħedlu l-Urim u t-Tummim. [Lev:8:9] Qegħedlu fuq rasu t-turbant, u fuq it-turbant, fuq quddiem, l-istrixxa tad-deheb u l-kuruna mqaddsa skond l-ordni li ta Alla lil Mosè.

[Lev:8:10] U Mosè ħa ż-żejt tal-konsagrazzjoni u dilek it-tabernaklu u kull ma kien fih u kkonsagrahom. [Lev:8:11] Mbagħad raxx minnu seba' darbiet fuq l-artal u t-tagħmir kollu tiegħu, il-ħawt u l-maqgħad tiegħu. [Lev:8:12] U sawwab iż-żejt tal-konsagrazzjoni fuq ras Aron, u dilku u kkonsagrah. [Lev:8:13] Mbagħad Mosè ressaq lil ulied Aron u libbishom it-tonka, ħażżimhom bit-terħa, u xiddilhom it-turbant, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

[Lev:8:14] Mbagħad ressaq il-gendus tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u Aron u wliedu qiegħdu idejhom fuq ras il-gendus. [Lev:8:15] U Mosè qatlu, u ħa d-demm, u qiegħed minnu b'sebgħu fuq qrun l-artal, dawramejt, u hekk saffa l-artal; u xerred id-demm f'riġlejn l-artal, u kkonsagrah billi għamel l-espjazzjoni għalih. [Lev:8:16] Ħa mbagħad ix-xaħam kollu ta' madwar il-ġewwieni, u t-tebqa tal-fwied, u ż-żewġ kilwiet b'xaħamhom, u ħaraq kollox fuq l-artal. [Lev:8:17] U l-gendus u l-ġild tiegħu, laħmu u ħmieġu, ħaraqhom kollha barra mill-kamp, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

[Lev:8:18] Ġieb imbagħad il-muntun tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u Aron u wliedu qiegħdu idejhom fuq rasu; [Lev:8:19] u Mosè qatlu u xerred demmu fuq l-artal dawramejt. [Lev:8:20] Mbagħad qattgħu fi bċejjeċ u Mosè ħaraq rasu, il-bċejjeċ u x-xaħam. [Lev:8:21] U ħasel il-ġewwieni u s-saqajn bl-ilma; u Mosè ħaraq il-muntun kollu fuq l-artal b'sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ, vittma maħruqa lill-Mulej, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

[Lev:8:22] Mbagħad ġieb it-tieni muntun, il-muntun tal-konsagrazzjoni, u Aron u wliedu qiegħdu idejhom fuq ras il-muntun. [Lev:8:23] U Mosè qatlu u ħa minn demmu u qiegħed minnu fuq tarf il-widna l-leminija ta' Aron u fuq is-saba' l-kbir ta' idu l-leminija u fuq is-saba' l-kbir ta' siequ l-leminija. [Lev:8:24] Mbagħad ressaq ukoll lil ulied Aron; u Mosè qiegħed mid-demm fuq tarf widinthom il-leminija, fuq is-saba' l-kbir ta' idhom il-leminija, fuq is-saba' l-kbir ta' sieqhom il-leminija; u mbagħad xerred id-demm fuq l-artal dawramejt.

[Lev:8:25] Mbagħad ħa x-xaħam, id-denb u x-xaħam kollu ta' fuq il-ġewwieni, u t-tebqa tal-fwied, u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam tagħhom, u s-sieq il-leminija; [Lev:8:26] Mbagħad mill-qoffa tal-ħobż ażżmu ta' quddiem il-Mulej ħa ftira ażżma, ftira oħra tal-ħobż biż-żejt, u oħra rqiqa, u qegħedhom fuq ix-xaħam u fuq is-sieq il-leminija. [Lev:8:27] U qiegħed kollox f'idejn Aron u f'idejn uliedu, u xejjruhom quddiem il-Mulej. [Lev:8:28] U mbagħad Mosè ħadhom minn idejhom, u ħaraqhom fuq l-artal fuq il-vittma tal-ħruq. Dan hu sagrifiċċju tal-konsagrazzjoni, b'riħa tfuħ, sagrifiċċju maħruq lill- Mulej.

[Lev:8:29] U ħa Mosè s-sidra tal-muntun u xejjirha quddiem il-Mulej. Dan hu sehem Mosè mill-muntun tal-konsagrazzjoni kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. [Lev:8:30] Mosè ħa wkoll miż-żejt tal-konsagrazzjoni, u mid-demm li kien hemm fuq l-artal, u raxxu fuq Aron u lbiesu, u fuq uliedu u lbieshom, u hekk ikkonsagrahom, lilhom u lil ilbieshom.

[Lev:8:31] U Mosè qal lil Aron u lil uliedu: “Sajjru l-laħam ħdejn bieb it-tinda tal-laqgħa, u hekk kuluh bil-ħobż li hemm fil-qoffa tal-konsagrazzjoni bħalma ordnali l-Mulej u qalli: 'Jikluh Aron u wliedu.' [Lev:8:32] U l-laħam u l-ħobż li jifdal aħraqhom bin-nar. [Lev:8:33] U għal sebat ijiem toħorġux mill-bieb tat-tinda tal-laqgħa, sakemm jgħaddu l-jiem tal-konsagrazzjoni tagħkom; għaliex sebat ijiem iddum il-konsagrazzjoni tagħkom. [Lev:8:34] Il-Mulej ordna li jsir bħalma sar illum għall-espjazzjoni tagħkom. [Lev:8:35] Għal sebat ijiem intom toqogħdu billejl u binhar fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa tħarsu l-ordnijiet tal-Mulej, biex ma tmutux; għax hekk ordnali.” [Lev:8:36] U Aron u wliedu għamlu kull ma ordnalhom il-Mulej permezz ta' Mosè.

9. L-ewwel sagrifiċċju ta' Aron

[Lev:9:1] Fit-tmien jum Mosè sejjaħ lil Aron u 'l uliedu u x-xjuħ ta' Iżrael. [Lev:9:2] U qal lil Aron: “Ħu għoġol mill-merħla għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u muntun għas-sagrifiċċju tal-ħruq, it-tnejn bla difett, u offrihom quddiem il-Mulej. [Lev:9:3] U int kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Ħudu bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, għoġol u ħaruf, it-tnejn tas-sena u bla difett, għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Lev:9:4] u gendus u muntun għas-sagrifiċċju tas-sliem biex toqtluhom quddiem il-Mulej; u offerta tal-qmuħ miblula fiż-żejt; għax illum sa jidhrilkom il-Mulej.”

[Lev:9:5] U ħadu kull ma ordnalhom Mosè quddiem it-tinda tal-laqgħa; u resqet il-ġemgħa kollha u qagħdu bilwieqfa quddiem il-Mulej. [Lev:9:6] U Mosè qal: “Dan hu li ordnalkom tagħmlu l-Mulej, biex tidhrilkom il-glorja tal-Mulej.” [Lev:9:7] U Mosè mbagħad qal lil Aron: “Ersaq lejn l-artal u offri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni tiegħek, u s-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħek, u agħmel espjazzjoni għalik u l-familja tiegħek; mbagħad offri s-sagrifiċċju tal-poplu, u agħmel espjazzjoni għalihom, bħalma wissa l-Mulej.” [Lev:9:8] U Aron resaq lejn l-artal, u qatel l-għoġol tal-purifikazzjoni tiegħu. [Lev:9:9] U wlied Aron newwlulu d-demm, u bill sebgħu fid-demm u qiegħed minnu fuq qrun l-artal, u d-demm xerrdu ma' riġlejn l-artal; [Lev:9:10] ix-xaħam u l-kliewi, u t-tebqa tal-fwied tal-vittma tal-purifikazzjoni, ħaraqhom fuq l-artal, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. [Lev:9:11] U l-laħam u l-ġild ħaraqhom bin-nar barra l-kamp. [Lev:9:12] Mbagħad qatel il-vittma tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u wlied Aron newwlulu d-demm, u xerrdu fuq l-artal dawramejt. [Lev:9:13] Newwlulu wkoll il-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq imqattgħa bċejjeċ, u r-ras, u ħaraqhom fuq l-artal. [Lev:9:14] Mbagħad ħasel il-ġewwieni u s-saqajn, u ħaraqhom mal-vittma fuq l-artal.

[Lev:9:15] U offra l-offerta tal-poplu, u ħa l-bodbod tal-purifikazzjoni tal-poplu, u qatlu u offrieh sagrifiċċju għall-purifikazzjoni bħal qabel. [Lev:9:16] U mbagħad offra s-sagrifiċċju tal-ħruq, kollox skond ir-rit. [Lev:9:17] Offra wkoll l-offerta tal-qmuħ, u ħa qabda ta' id minnha u ħaraqha fuq l-artal, minn barra s-sagrifiċċju ta' filgħodu. [Lev:9:18] Qatel imbagħad il-gendus u l-muntun b'sagrifiċċju tas-sliem tal-poplu, u wlied Aron newwlulu d-demm u xerrdu fuq l-artal dawramejt; [Lev:9:19] u x-xaħam tal-gendus u tal-muntun, id-denb, ix-xaħam ta' madwar il-ġewwieni, u l-kliewi u t-tebqa tal-fwied; [Lev:9:20] u qiegħdu x-xaħam fuq is-sidriet, u ħaraq ix-xaħam fuq l-artal. [Lev:9:21] Imma s-sidriet u s-sieq tal-lemin Aron xejjirhom quddiem il-Mulej skond ma kien ordnalu l-Mulej.

[Lev:9:22] Mbagħad Aron għolla idejh fuq il-poplu u berikhom; u wara li temm joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-ħruq u s-sagrifiċċju tas-sliem, niżel. [Lev:9:23] U Mosè u Aron daħlu fit-tinda tal-laqgħa; u ħarġu u bierku l-poplu; u dehret il-glorja tal-Mulej lill-poplu kollu. [Lev:9:24] U ħareġ nar minn quddiem il-Mulej u kkonsma li kien hemm fuq l-artal; il-vittma tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u x-xaħam; u l-poplu rah, u nfexx jgħajjat bil-ferħ, u nxteħet wiċċu fl-art.

10. Nadab u Abiħu kkastigati

[Lev:10:1] Ulied Aron, Nadab u Abiħu, ħadu ċensier kull wieħed, kebbsu n-nar u xeħtu fih l-inċens, u offrewh quddiem il-Mulej, nar profan li l-Mulej ma kienx ordnalhom. [Lev:10:2] U minnufih ħareġ nar minn quddiem il-Mulej, u kkunsmahom, u mietu quddiem il-Mulej.

[Lev:10:3] U Mosè qal lil Aron: “Dan hu kliem il-Mulej meta tkellem u qal: Jien nuri qdusiti f'min joqrob lejja; u rrid nitweġġaħ quddiem il-poplu kollu.” U Aron baqa' mbikkem.

[Lev:10:4] Mosè sejjaħ lil Misael u lil Elsafan, ulied Għużżijel, iz-ziju ta' Aron, u qalilhom: “Ersqu 'l hawn u ħudu lill-kuġini tagħkom minn quddiem il-post qaddis 'il barra mill-kamp.” [Lev:10:5] U resqu u ħaduhom bit-tonok b'kollox 'il barra mill-kamp kif qalilhom Mosè. [Lev:10:6] Mbagħad Mosè qal lil Aron u lil Elgħażar u lil Itamar, uliedu: “La tħabblux xagħar raskom, la ċċarrtux ħwejjiġkom, li ma tmutux u tiġbdu l-korla fuq il-ġemgħa kollha. Imma nieskom u l-poplu kollu ta' Iżrael jistgħu jagħmlu l-vistu għall-qerda bin-nar li għamel l-Mulej. [Lev:10:7] La twarrbux minn ħdejn it-tinda tal-laqgħa, li ma tmutux; għax intom għandkom fuqkom iż-żejt tal-konsagrazzjoni tal-Mulej.” U għamlu kif qalilhom Mosè.

Id-dmirijiet tal-qassisin

[Lev:10:8] U l-Mulej kellem lil Aron u qallu: [Lev:10:9] “Nbid u xorb li jsakkar la tixrobx, int u wliedek miegħek, meta tidħlu fit-tinda tal-laqgħa, li ma tmutux. Din hi liġi għall-ġenerazzjonijiet kollha, [Lev:10:10] biex b'hekk tagħżlu bejn is-sagru u l-profan, u bejn l-imniġġes u s-safi; [Lev:10:11] u biex tgħallmu lil ulied Iżrael il-liġijiet kollha li tahom il-Mulej permezz ta' Mosè.”

[Lev:10:12] U Mosè kellem lil Aron, u lil uliedu li kienu baqgħu, Elgħażar u Itamar: “Ħudu l-offerta tal-qmuħ li baqa' mis-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej u kuluha bla ħmira ħdejn l-artal, għax ħaġa mill-aktar qaddisa hi. [Lev:10:13] Kuluha f'post imqaddes, għax bi dritt tmiss lilek, u lil uliedek, minn kull offerta maħruqa lill-Mulej, għax jien hekk kont ikkmandat. [Lev:10:14] Għandkom tieklu wkoll f'post qaddis is-sidra mxejjra u s-sieq merfugħa b'offerta, int u wliedek subjien u bniet, għax imissu lilek u lil uliedek bi dritt fuq kull sagrifiċċju tas-sliem ta' wlied Iżrael. [Lev:10:15] Is-sieq merfugħa u s-sidra mxejjra b'offerta u x-xaħam għall-ħruq, iġibuhom biex ixejjruhom quddiem il-Mulej, u mbagħad jibqgħu għalik u għal uliedek bi dritt għal dejjem skond ma ordna l-Mulej.”

[Lev:10:16] U Mosè fittex sewwa, u sab li l-bodbod tal-purifikazzjoni kien maħruq. Nkorla għal Elgħażar u għal Itamar, ulied Aron li kienu baqgħu, u qalilhom: [Lev:10:17] “Għaliex ma kiltux il-vittma tal-purifikazzjoni fil-post imqaddes? Din hi ħaġa mill-aktar qaddisa, mogħtija lilkom biex titgħabba bil-ħtijiet tal-ġemgħa b'espjazzjoni għalihom quddiem il-Mulej. [Lev:10:18] Ara, demmha ma nġibuhx 'il ġewwanett fis-santwarju; kellkom tikluha fil-post qaddis, bħalma ordnajtilkom jien.” [Lev:10:19] Aron imbagħad qal lil Mosè: “Ara, illum offrew is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-ħruq quddiem il-Mulej, u ġrali dan kollu; wara dan li ġrali, kieku llum kilt mill-vittma tal-purifikazzjoni, jaqaw kien dan sa jogħġob lill-Mulej?”

[Lev:10:20] U meta Mosè sama' dan kollu, deherlu li kien kollox sewwa.

11. Is-safa u t-tinġis ta' l-ikel

[Lev:11:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Lev:11:2] “Kellmu lil ulied Iżrael u għidulhom: Dawn huma l-annimali li tistgħu tieklu mill-bhejjem kollha ta' fuq l-art; [Lev:11:3] kull bhima bid-dwiefer, bid-difer maqsum u tixtarr, tistgħu tieklu minnha. [Lev:11:4] Imma minn dawk li jixtarru, jew difrejhom maqsumin, ma tistgħux tieklu: il-ġemel, għax dan jixtarr, imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; [Lev:11:5] il-fenek tax-xagħri, għax dan jixtarr, iżda m'għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; [Lev:11:6] il-liebru, għax jixtarr imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; [Lev:11:7] il-ħanżir, għax għandu difrejh maqsumin, imma ma jixtarrx, għalikom hu mniġġes. [Lev:11:8] Tiklux minn laħamhom, anqas tmissu ġisimhom mejjet, għax għalikom huma mniġġsin.

[Lev:11:9] “Minn kull ma jgħix fl-ilma, dan li tistgħu tieklu: tistgħu tieklu minn kull ma għandu l-ġwienaħ u l-qxur, fl-ilma tal-baħar jew tax-xmajjar. [Lev:11:10] Kull ma hu bla ġwienaħ u bla qxur, fil-baħar jew fix-xmajjar, kull ma jitħarrek fl-ilma u kull annimal li jgħix fl-ilma, hu qżież għalikom. [Lev:11:11] Moqżieża jkunu għalikom, tiklux minn laħamhom u għandkom tistkerrħu ġisimhom mejjet. [Lev:11:12] Kull ma hu bla ġwienaħ u bla qxur fl-ilma, hu qżież għalikom.

[Lev:11:13] “Mit-tjur dawn għandkom tistkerrħu, u ma għandkomx tieklu minnhom, għax moqżieża: l-ajkla, il-bugħadam, il-kuċċarda, [Lev:11:14] l-astur, kull xorta ta' bies, [Lev:11:15] kull xorta ta' ċawlun, [Lev:11:16] in-nagħma, il-kokka, il-barbaġann, is-seqer skond ġenshom, [Lev:11:17] il-barbaġann, il-margun, iż-żinna, [Lev:11:18] il-kwakk, il-pellikan, it-tiġieġa tal-baħar, [Lev:11:19] il-laqlâq, kull xorta ta' russett, id-daqquqa tal-pinnaċċ u l-farfett il-lejl. [Lev:11:20] Kull insett li jtir u jimxi, id-dud kollu li jtir u jimxi fuq erba' saqajn, ikun għalikom ħaġa moqżieża.

[Lev:11:21] “Minn dawn tistgħu tieklu, mid-dud kollu li jtir u jimxi fuq erba' saqajn u għandhom 'il fuq minn riġlejhom żewġ saqajn biex jaqbżu bihom fuq l-art. [Lev:11:22] Minnhom tistgħu tieklu l-gradi ta' kull xorta: il-grad b'rasu kbira, il-grad aħdar, il-grad tad-deżert, u s-sarsur. [Lev:11:23] Kull dud ieħor li jtir u għandu erba' saqajn ikun moqżież għalikom. [Lev:11:24] Minn dawn titniġġsu; min imiss ġisimhom mejjet ikun imniġġes sa filgħaxija; [Lev:11:25] kull min jerfa' xi wieħed minnhom mejjet għandu jaħsel ħwejġu u jibqa' mniġġes sa filgħaxija.

[Lev:11:26] “Kull bhima li għandha d-dwiefer mhux maqsuma u ma tixtarrx, tkun għalikom imniġġsa; kull min imissha jitniġġes. [Lev:11:27] Kull ma jimxi fuq qiegħ saqajh minn fost il-bhejjem li jimxu fuq erba' saqajn, ikun għalikom imniġġes u kull min imiss ġismu mejjet ikun imniġġes sa filgħaxija. [Lev:11:28] Min jerfa' ġisimhom mejjet għandu jaħsel ħwejġu u jkun imniġġes sa filgħaxija; [Lev:11:29] għax dawn il-bhejjem kollha mniġġsin.

“U minn fost l-annimali li jitkaxkru fl-art dawn huma kollha mniġġsin: il-ballottra, il-far u kull ġens ta’ gremxul; [Lev:11:30] il-wiżgħa, il-kamaleonti, il-gremxul, ix-xaħmet l-art u t-talpa. [Lev:11:31] Minn fost l-annimali kollha li jitkaxkru fl-art, dawn huma kollha mniġġsa għalikom; min jersaq lejhom meta jmutu jkun imniġġes sa filgħaxija. [Lev:11:32] U jekk xi wieħed minnhom jaqa' mejjet fuq xi ħaġa ta' l-injam, jew drapp, jew ġild, jew saqqu, jew xi għodda li biha wieħed jaħdem, jitfgħuha fl-ilma u tkun imniġġsa sa filgħaxija; mbagħad tindaf. [Lev:11:33] Jekk imbagħad jaqa' f'xi ġarra tal-fuħħar, jitniġġes kull ma jkun hemm fiha, u l-ġarra tkissruha. [Lev:11:34] Jekk ikun fiha l-ilma u jaqa' fuq xi ikel, dan ukoll jitniġġes; kull ma jista' jinxtorob li jkun fih, jitniġġes. [Lev:11:35] Kull ħaġa li jaqa' fuqha xi mejjet minnhom titniġġes; il-forn u l-kenur tfarrkuhom, għax huma jkunu mniġġsin; u mniġġsin ikunu għalikom. [Lev:11:36] L-għejun u l-bjar bl-ilma jibqgħu safja, iżda min imiss il-mejjet jitniġġes. [Lev:11:37] Jekk jaqa' xi wieħed minnhom fuq iż-żerriegħa taż-żrigħ, din tibqa' safja. [Lev:11:38] Imma jekk iż-żerriegħa tixxarrab bl-ilma, u jaqa' fuqha xi mejjet minnhom, din tkun imniġġsa għalikom. [Lev:11:39] Jekk tmut xi bhima li tistgħu tieklu minnha, min imiss ġisimha mejjet jitniġġes sa filgħaxija. [Lev:11:40] Min jiekol minn ġisimha mejjet, għandu jaħsel ħwejġu u jibqa' mniġġes sa filgħaxija.

[Lev:11:41] 'Kull annimal li jitkaxkar fl-art ikun qżież għalikom; la tiklux minnu. [Lev:11:42] Kull ma jimxi fuq żaqqu, u kull ma jimxi fuq erba' saqajn u aktar, imma jitkaxkar fl-art, la tiklux minnu, għax qżież għalikom. [Lev:11:43] La tiċċappsu b'ebda ħanex u titniggsux bihom, għax titniġġsu intom ukoll.

[Lev:11:44] “Jiena l-Mulej Alla tagħkom, għalhekk għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis, u ma għandkom titniġġsu b'ebda ħanex li jitkaxkar fl-art. [Lev:11:45] Għax jien il-Mulej, li tellajtkom mill-art ta' l-Eġittu biex inkun Alla tagħkom u intom tkunu qaddisin, għax jien qaddis.”

[Lev:11:46] Din hi l-liġi fuq il-bhejjem u t-tjur, u kull ħaġa ħajja li żżiġġ fl-ilma, u kull ma jitkaxkar fl-art, [Lev:11:47] biex tagħżlu bejn l-imniġġes u s-safi, u bejn il-bhejjem tajba għall-ikel u dawk li ma għandhomx jittieklu.

12. L-inġiesa tal-ħlas

[Lev:12:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:12:2] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: 'Meta mara titqal u tiled tifel tibqa' mniġġsa għal sebat ijiem, bħal meta tkun imniġġsa fi żmienha. [Lev:12:3] U fit-tmien jum tinħaten it-tarbija; [Lev:12:4] u l-omm iddum tlieta u tletin jum oħra biex tissaffa minn demmha; ma tmiss xejn li hu mqaddes, u ma tidħolx fis-santwarju, sakemm ma jgħaddix żmien it-tisfija tagħha. [Lev:12:5] U jekk tiled tifla, iddum imniġġsa għal ġimagħtejn, bħal meta tkun fi żmienha, u sitta u sittin jum ieħor biex tissaffa minn demmha. [Lev:12:6] U meta jgħaddi żmien it-tisfija tagħha, għal tifel jew għal tifla, igġib ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u beċċun ta' ħamiema jew gamiema għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u tagħtihom lill-qassis quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:12:7] U joffrihom quddiem il-Mulej, u jagħmel l-espjazzjoni għaliha u tissaffa mit-tnixxija ta' demmha.

“Din hi l-liġi għall-mara li tiled tifel jew tifla. [Lev:12:8] U jekk hi ma tlaħħaqx biex tagħti ħaruf, tieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen tal-ħamiem, wieħed għall-ħruq u l-ieħor għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għaliha u tissaffa.”

13. Il-mard tal-ġilda

[Lev:13:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Lev:13:2] “Meta xi ħadd ikollu fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa, jew xi tebgħa bajda, qisha ġerħa tal-ġdiem, jeħduh għand Aron il-qassis, jew għand xi ħadd minn uliedu l-qassisin. [Lev:13:3] Il-qassis imbagħad jara l-ġerħa tal-ġilda tal-ġisem, u, jekk ix-xagħar ta' ħdejn il-ġerħa jkun bjad u l-ġerħa tkun 'l isfel mill-ġilda, din tkun ġerħa tal-ġdiem, u l-qassis jarah sewwa, u jiddikjarah imniġġes. [Lev:13:4] Imma jekk it-tebgħa fil-ġilda tkun bajda, iżda mhux 'l isfel mill-ġilda, u x-xagħar ma jkunx bjad, il-qassis jagħlaq il-miġruħ għal sebat ijiem. [Lev:13:5] U jerġa' l-qassis jarah fis-seba' jum, u jekk isib li l-ġerħa baqgħet kif kienet, u ma nfexxetx fil-ġilda, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem oħra. [Lev:13:6] Mbagħad jerġa' jarah fis-seba' jum, u jekk isib li l-ġerħa ntfiet u ma nfexxetx fil-ġilda, jiddikjarah nadif għax tkun bużżieqa. U jaħsel ħwejġu u jindaf. [Lev:13:7] Imma jekk il-bużżieqa tinfexx fil-ġilda, wara li jkun rah il-qassis u għaddieh b'nadif, jerġa' jidher quddiem il-qassis. [Lev:13:8] Jarah il-qassis, u jekk jara li l-ġerħa nfexxet fil-ġilda, jiddikjarah b'imniġġes, għax ikun ġdiem.

[Lev:13:9] “Meta wieħed ikollu l-ġerħa tal-ġdiem, iġibuh quddiem il-qassis. [Lev:13:10] Mbagħad jarah il-qassis, u jekk ikun hemm qoxra bajda fil-ġilda, u bix-xagħar ġo fiha abjad, u l-fdal ta' laħam ħaj, [Lev:13:11] dan ikun ġdiem li jkun ilu fil-ġilda ta' ġismu, u l-qassis jiddikjarah b'imniġġes; imma ma jagħlqux, għax ikun imniġġes. [Lev:13:12] Jekk imbagħad il-ġdiem jixtered mal-ġilda, u jiksi l-ġilda kollha tal-marid, minn rasu sa saqajh, kull fejn jista' jara l-qassis, [Lev:13:13] il-qassis jarah, u jekk il-ġdiem ikun jiksi l-ġilda kollha ta' ġismu, jiddikjara l-marid nadif; għax ikun bjad għalkollox, u hu nadif. [Lev:13:14] Imma jekk jitfaċċa l-laħam il-ħaj, ikun imniġġes. [Lev:13:15] Malli l-qassis jara l-laħam il-ħaj, jiddikjarah imniġġes; għaliex il-laħam il-ħaj, sinjal tal-ġdiem, hu mniġġes. [Lev:13:16] Jekk imma l-laħam il-ħaj jgħib, u l-marid jerġa' jibjad, għandu jmur għand il-qassis; [Lev:13:17] jekk il-qassis, meta jarah, isib li bjad, jiddikjarah nadif, u jkun imnaddaf.

[Lev:13:18] “Wieħed li jkollu fil-ġilda ta' ġismu nuffata, u jfiq minnha, [Lev:13:19] imma mbagħad flok in-nuffata titfaċċa qoxra bajda, jew tebgħa bajda tagħti fl-aħmar, għandu jidher quddiem il-qassis. [Lev:13:20] U malli jarah il-qassis u jsib li tkun 'l isfel mill-ġilda, u x-xagħar ikun bjad, jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem, li faqqset fin-nuffata. [Lev:13:21] Imma jekk il-qassis jaraha, u ma jsibx xagħar abjad, u ma tkunx 'l isfel mill-ġilda, imma tkun bjadet, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem, [Lev:13:22] u mbagħad, jekk it-tebgħa tinfirex mal-ġilda, il-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem. [Lev:13:23] Imma jekk it-tebgħa tibqa' fejn kienet bla ma tinfirex, tkun l-għeluq tan-nuffata u għalhekk il-qassis jiddikjarah nadif.

[Lev:13:24] “Jekk xi ħadd ikollu ħarqa bin-nar fil-ġilda, u l-għeluq tal-ħarqa jsir tebgħa bajda tagħti fl-aħmar jew bajda, [Lev:13:25] jaraha l-qassis, u jekk ix-xagħar fit-tebgħa jkun bjad u t-tebgħa tidher 'l isfel mill-ġilda, tkun ġdiem imfaqqas fil-ħarqa, u l-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem.

[Lev:13:26] “Imma jekk jaraha l-qassis, u ma jkunx hemm fit-tebgħa xagħar abjad, u ma tkunx 'l isfel mill-ġilda, u lewnha jkun tefa, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem. [Lev:13:27] Mbagħad il-qassis jarah fis-seba' jum, u jekk tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem. [Lev:13:28] Imma jekk it-tebgħa tibqa' kif kienet u ma tkunx infirxet mal-ġilda, u tilfet lewnha, tkun il-fdal tal-ħarqa, u l-qassis jiddikjarah nadif, għax tkun l-għeluq tal-ħarqa.

[Lev:13:29] “Jekk mara jew raġel ikollu f'rasu, jew fi lħitu, ġerħa, [Lev:13:30] għandu jaraha l-qassis, u jekk jara li tkun 'l isfel mill-ġilda, u bix-xagħar safrani u skars, il-qassis jiddikjarah imniġġes; għax ikollu l-falza, il-ġdiem tar-ras jew tal-leħja. [Lev:13:31] Imma jekk il-qassis jara l-ġerħa tal-falza, u ma tkunx tidher li tkun 'l isfel mill-ġilda, u ma jkunx hemm xagħar iswed fiha, il-qassis jagħlaq il-marid bil-falza għal sebat ijiem. [Lev:13:32] U mbagħad jara l-ġerħa fis-seba' jum, u, jekk il-falza ma tkunx ġriet, u ma jkunx fiha xagħar iswed u ma tidhirx 'l isfel mill-ġilda, [Lev:13:33] il-marid jitqarweż - imma mhux fejn tkun il-falza - u l-qassis jagħlaq il-marid bil-falza għal sebat ijiem oħra. [Lev:13:34] Mbagħad il-qassis jerġa' jara l-falza fis-seba' jum, u jekk il-falza ma tkunx ġriet mal-ġilda, u ma tidhirx 'l isfel mill-ġilda, il-qassis jiddikjarah nadif; u dak jaħsel ħwejġu u jkun nadif. [Lev:13:35] Imma jekk il-falza, wara li jkun iddikjaraha nadifa, tiġri mal- ġilda, [Lev:13:36] jerġa’ jarah il-qassis, u jekk il-falza tkun ġriet mal-ġilda, ma għandux għalfejn il-qassis jara jekk ix-xagħar ikunx safrani; għax ikun imniġġes. [Lev:13:37] Jekk imbagħad jara li l-falza waqfet u tela' x-xagħar iswed, il-marid ikun imfejjaq u nadif, u l-qassis jiddikjarah nadif.

[Lev:13:38] “Raġel jew mara li jkollhom il-ġilda ta' ġisimhom bi tbajja' bojod, [Lev:13:39] jarahom il-qassis u jekk jarahom bojod u mitfija, ikun ħżież imfaqqas fil-ġilda; il-marid ikun nadif.

[Lev:13:40] “Min jitlef ix-xagħar ta' rasu, ikun qargħi, imma jkun nadif. [Lev:13:41] Jekk jaqagħlu minn fuq ġbinu, ikun fartas minn quddiem, imma nadif. [Lev:13:42] Iżda jekk ikollu fil-qurriegħa bla xagħar jew ġbinu bla xagħar, ġerħa bajda tagħti fl-aħmar, dan ikun ġdiem imfaqqas fil-qurriegħa jew ġbinu. [Lev:13:43] Għandu jarah il-qassis, u jekk jara li l-qoxra tal-ġerħa fil-qurriegħa jew fil-ġbin tkun bajda tagħti fl-aħmar, bħalma jidher fil-ġdiem tal-ġilda ta' ġismu, [Lev:13:44] dan ikun bniedem imgiddem għalkollox u mniġġes, u l-qassis għandu jiddikjarah imġiddem; għax il-ġerħa tkun fir-ras.

[Lev:13:45] “Il-marid bil-ġdiem għandu jilbes ħwejjeġ imqattgħa u jħalli rasu mikxufa, u jitgħatta sa geddumu, u jgħajjat: 'Mniġġes! Mniġġes!' [Lev:13:46] Kemm idum marid ikun miżmum b'imniġġes li hu, u jgħix waħdu f'postu barra mill-kamp.

It-tinġis ta' l-ilbies

[Lev:13:47] “Meta biċċa lbies tibda tnawwar, sew jekk tkun tas-suf sew ta' l-għażel, [Lev:13:48] fil-medd jew fit-togħma, jew biċċa ġild jew xi ħaġa oħra tal-ġild, [Lev:13:49] jekk il-biċċa l-marida tkun ħadranija jew ħamranija, sew ilbies sew ġild, fil-medd jew fit-togħma, jew f'kull ħaġa oħra tal-ġild, din tkun tebgħa tat-tinwir u għandu jaraha l-qassis. [Lev:13:50] Meta jkun raha l-qassis, dan għandu jagħlaq il-biċċa mċappsa għal sebat ijiem; [Lev:13:51] mbagħad jerġa’ jaraha fis-seba' jum, u jekk jara li t-tebgħa fl-ilbies xterdet, sew fil-medd sew fit-togħma, sew fil-ġild jew f'kull ħaġa oħra tal-ġild, din tkun tinwir li jġib il-ħsara; din hi mniġġsa. [Lev:13:52] U jaħraq il-biċċa mniġġsa, sew fil-medd sew fit-togħma, kemm tas-suf kemm ta' l-għażel, u kull ħaġa oħra tal-ġild li tkun imċappsa; għax dan ikun tinwir li jġib il-ħsara u għalhekk għandha tinqered bin-nar. [Lev:13:53] Imma jekk il-qassis jaraha u jsib li t-tinwir ma xteridx fl-ilbies, fil-medd jew fit-togħma, jew f'kull ħaġa oħra tal-ġild, [Lev:13:54] jordna li jaħslu l-biċċa mċappsa, u jagħlaqha għal sebat ijiem oħra. [Lev:13:55] Mbagħad il-qassis jerġa' jara t-tinwir wara li jkunu ħasluha, u jekk jara li fl-għajn it-tinwir ma tbiddilx, għalkemm ma jkunx xtered, tkun imniġġsa, u għandek taħraqha fin-nar, sew jekk tkun imnawwra mis-sewwa sew mill-maqlub. [Lev:13:56] Jekk il-qassis jaraha u jsib li l-lewn tat-tinwir ikun tefa wara li jkunu ħasluha, jaqta' t-tebgħa mill-ilbies jew mill-ġild, mill-medd jew mit-togħma, u minn kull ħaġa oħra tal-ġild. [Lev:13:57] Imma jekk jerġa' jidher t-tinwir fl-ilbies, fil-medd jew fit-togħma, u f'kull ħaġa oħra tal-ġild, ikun faqqas mill-ġdid, u għandek taħraq bin-nar it-tinwir kollu li jkun fiha. [Lev:13:58] Imma jekk l-ilbies, jew medd jew togħma, jew kull ħaġa oħra tal-ġild, taħsilhom u t-tinwir imur, erġa' aħsilhom għat-tieni darba u jkunu ndaf.”

[Lev:13:59] Din hi l-liġi għat-tinwir ta' l-ilbies tas-suf jew ta' l-għażel, tal-medd jew tat-togħma u ta' kull ħaġa oħra tal-ġild, biex ikunu ddikjarati ndaf jew imniġġsa.

14. Il-purifikazzjoni ta' l-imġiddem

[Lev:14:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:14:2] “Din hi l-liġi għall-imġiddem meta jitnaddaf; iġibuh għand il-qassis. [Lev:14:3] U joħroġ il-qassis barra l-kamp u jarah. Jekk isib li l-ġerħa tal-ġdiem marret mill-imgiddem, [Lev:14:4] jordna li jġibu għal min se jitnaddaf żewġ għasafar ħajjin u safjin, għuda taċ-ċedru, biċċa ta' l-iskarlatt u żuf. [Lev:14:5] Mbagħad il-qassis jgħidilhom biex joqtlu wieħed mill-għasafar fuq xi ħaġa tal-fuħħar mimlija bl-ilma ġieri; [Lev:14:6] u jaqbad l-għasfur ħaj, l-għuda taċ-ċedru, u ż-żuf, u jbillhom - l-għasfur ħaj ukoll - fid-demm ta' l-għasfur maqtul fuq l-ilma ġieri. [Lev:14:7] U jroxx seba' darbiet lil min se jitnaddaf mill-ġdiem, u jiddikjarah li tnaddaf; u jitlaq l-għasfur ħaj fir-raba'. [Lev:14:8] U min ikun tnaddaf jaħsel ħwejġu, iqaxxar xagħru kollu, jinħasel bl-ilma, u jitnaddaf; u mbagħad jista' jidħol fil-kamp, imma jibqa' sebat ijiem barra mill-għarix tiegħu. [Lev:14:9] U fis-seba' jum iqaxxar ix-xagħar kollu ta' rasu, il-leħja, u ħuġbejn għajnejh; iqaxxar xagħru kollu, jaħsel ħwejġu, jaħsel ġismu bl-ilma, u hekk jitnaddaf. [Lev:14:10] Fit-tmien jum jieħu żewġ ħrief bla difett u ħarufa bla difett, u tas-sena, u offerta tal-qmuħ, tlieta minn għaxra smid miblula fiż-żejt, u log żejt. [Lev:14:11] U l-qassis li jkun inaddaf, flimkien mar-raġel li jkun jitnaddaf, iqegħedhom quddiem il-Mulej fid-dħul tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:14:12] U l-qassis jieħu wieħed mill-ħrief, u joffrih bħala sagrifiċċju ta' riparazzjoni, u l-log żejt, u jgħollihom u jxejjirhom quddiem il-Mulej. [Lev:14:13] U joqtol il-ħaruf fejn joqtlu l-vittma tar-riparazzjoni u dik tal-ħruq, jiġifieri fil-post imqaddes, għaliex il-vittma tar-riparazzjoni, bħall-vittma tal-purifikazzjoni, tmiss lill-qassis, u hi ħaġa l-aktar qaddisa. [Lev:14:14] Jieħu l-qassis mid-demm tal-vittma u jqiegħdu f'tarf il-widna l-leminija ta' min se jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta' idu l-leminija, u dak ta' siequ l-leminija. [Lev:14:15] Mbagħad il-qassis jieħu mil-log żejt, u jsawwbu fuq idu x-xellugija; [Lev:14:16] ibill sebgħu ta' idu l-leminija fiż-żejt li jkun f'idu x-xellugija u jroxx bih seba' darbiet quddiem il-Mulej. [Lev:14:17] U miż-żejt li jkun baqa' f'idu jqiegħed il-qassis fuq tarf il-widna l-leminija ta' min se jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta' idu l-leminija, u fuq sebgħu l-kbir ta' siequ l-leminija, fuq demm il-vittma tar-riparazzjoni; [Lev:14:18] il-bqija taż-żejt, li jibqa' f'idu, isawwbu fuq ras min se jitnaddaf u hekk il-qassis itemm għalih l-espjazzjoni quddiem il-Mulej. [Lev:14:19] Mbagħad l-istess qassis joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, biex ipatti għal dak li se jitnaddaf mill-inġiesa tiegħu, u mbagħad joqtol il-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Lev:14:20] Il-qassis joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq u l-offerta tal-qmuħ fuq l-artal, u hekk ipatti għall-marid u dan jindaf.

[Lev:14:21] “Jekk ikun fqir u ma jwassalx biex jagħti daqshekk, jieħu ħaruf wieħed għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni biex joffrih u jxejjru għall-espjazzjoni għalih innifsu, waħda minn għaxra ta' smid miblul fiż-żejt bħala offerta tal-qmuħ u log żejt. [Lev:14:22] U żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet skond ma jiflaħ, waħda għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Lev:14:23] U jġibhom fit-tmien jum tat-tindif tiegħu għand il-qassis fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa quddiem il-Mulej. [Lev:14:24] U l-qassis jieħu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni u l-log żejt, u jgħollihom u jxejjirhom quddiem il-Mulej; [Lev:14:25] u mbagħad joqtol il-ħaruf tar-riparazzjoni; u l-qassis jieħu mid-demm tal-vittma tar-riparazzjoni u jqiegħed minnu fuq tarf il-widna l-leminija ta' min ikun jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta' idu l-leminija, u fuq sebgħu l-kbir ta' siequ l-leminija. [Lev:14:26] Mbagħad il-qassis isawwab ftit żejt f'idu x-xellugija, [Lev:14:27] u b'sebgħu ta' idu l-leminija jroxx minnu seba' darbiet quddiem il-Mulej; [Lev:14:28] u l-qassis iqiegħed ftit miż-żejt li jkun f'idu fuq tarf il-widna l-leminija ta' min ikun jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta' idu l-leminija u fuq sebgħu l-kbir ta' siequ l-leminija f'post d-demm tal-vittma tar-riparazzjoni. [Lev:14:29] U ż-żejt li jibqa' f'id il-qassis isawwbu fuq ras min ikun jitnaddaf għall-espjazzjoni tiegħu quddiem il-Mulej. [Lev:14:30] Mbagħad miż-żewġ gamimiet jew mill-frieħ tal-ħamiem, [Lev:14:31] li jkun jista' jagħti, jagħti waħda għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq, barra mill-offerta tal-qmuħ; u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni quddiem il-Mulej għal min ikun jitnaddaf.

[Lev:14:32] “Din hi l-liġi għal min ikollu l-marda tal-ġdiem u ma jkollux biżżejjed x'jagħti meta jitnaddaf.”

Il-ġdiem tad-dar

[Lev:14:33] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Lev:14:34] “Meta tkunu dħaltu fl-art ta' Kangħan li se nagħtikom biex teħduha f'idejkom, u jien inkun bgħatt il-mard tal-ġdiem f'xi dar fl-art li tkun f'idejkom, [Lev:14:35] sid id-dar imur għand il-qassis u jgħidlu: 'Jidhirli li tfaċċa l-mard fid-dar tiegħi.' [Lev:14:36] Il-qassis imbagħad jordna li jbattlu d-dar minn kull ma jkun fiha qabel ma jmur jaraha, biex ma jitniġġisx kull ma jkun hemm fiha; mbagħad imur il-qassis jara d-dar. [Lev:14:37] Jekk jara l-mard fil-ħitan tad-dar bħal ħofor jagħtu fl-aħdar jew l-aħmar, qishom imħaffrin fil-ħajt, [Lev:14:38] il-qassis joħroġ 'il barra mill-bieb tad-dar, u jagħlaq id-dar għal sebat ijiem. [Lev:14:39] Fis-seba' jum il-qassis jerġa’ jmur, jaraha, u jekk isib li l-mard infirex mal-ħitan tad-dar, [Lev:14:40] il-qassis jordna li jaqilgħu l-ġebel li jkun fih il-mard, u jitfgħuh 'il barra mill-belt f'xi post imniġġes. [Lev:14:41] Mbagħad joborxu d-dar dawramejt u jitfgħu t-trab tal-brix barra l-belt f'post imniġġes. [Lev:14:42] Jieħdu ġebel ieħor, u jqegħduh flok l-ieħor, u jieħdu trab ieħor u jkaħħlu bih fid-dar.

[Lev:14:43] “Jekk wara li jkunu neħħew il-ġebel, barxuha u kaħħluha, jerġa' jitfaċċa l-mard u jinfirex mad-dar, [Lev:14:44] imur il-qassis jaraha, u jekk jara li ħareġ il-mard fid-dar, dan ikun ġdiem li jherri d-dar, u din tkun imniġġsa. [Lev:14:45] U jħottu d-dar u jġorru 'l barra mill-belt il-ġebel, l-injam, u t-trab kollu tad-dar f'post imniġġes. [Lev:14:46] Kull min jidħol fid-dar fiż-żmien kollu li tkun magħluqa, ikun imniġġes sa filgħaxija. [Lev:14:47] Min jorqod jew jiekol fid-dar, ikollu jaħsel ħwejġu. [Lev:14:48] Imma jekk il-qassis imur, u jara sewwa, u jsib li l-marda ma nfirxitx mad-dar wara t-tikħil tad-dar, il-qassis jiddikjara d-dar nadifa, għax tkun ħelset mill-marda. [Lev:14:49] Għall-purifikazzjoni tad-dar, jieħu żewġ għasafar, għuda taċ-ċedru, biċċa skarlatt, u żuf; [Lev:14:50] u joqtol wieħed mill-għasafar fuq xi ħaġa tal-fuħħar bl-ilma ġieri fiha; [Lev:14:51] jieħu l-għuda taċ-ċedru, u ż-żuf, u l-biċċa skarlatt u l-għasfur il-ħaj u jbillhom fid-demm ta' l-għasfur il-maqtul, u fl-ilma ġieri, u jroxx id-dar seba' darbiet. [Lev:14:52] Hekk ikun naddaf id-dar bid-demm ta' l-għasfur, bl-ilma ġieri, u bl-għasfur il-ħaj, u bl-għuda taċ-ċedru u ż-żuf, u l-biċċa skarlatt. [Lev:14:53] Mbagħad jitlaq l-għasfur il-ħaj jittajjar 'il barra mill-belt lejn ir-raba'. U meta jkun għamel din l-espjazzjoni, id-dar tkun imnaddfa.”

[Lev:14:54] Din hi l-liġi għal kull mard tal-ġdiem u l-marda tal-falza, [Lev:14:55] il-ġdiem tal-ħwejjeġ u tad-dar, [Lev:14:56] għall-qxur, nfafet, u tbajja', [Lev:14:57] biex turikom meta ħaġa tkun imniġġsa, u meta tkun nadifa. U din hi l-liġi fil-każ tal-ġdiem.

15. L-indafa tal-ġisem

[Lev:15:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron, u qalilhom: [Lev:15:2] “Kellmu lil ulied Iżrael u għidulhom: Raġel li jkollu nxija minn ġismu jkun mniġġes minħabba din l-inxija; [Lev:15:3] u l-inġiesa li jkollu minħabba din l-inxija, sew jekk tibqa' tnixxi minn ġismu sew jekk iżżomm, jibqa' mniġġes biha. [Lev:15:4] Kull friex li jimtedd fuqu l-marid bl-inxija jkun imniġġes, u kull ħaġa li joqgħod bilqiegħda fuqha tkun imniġġsa. [Lev:15:5] U kull min imiss friexu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' imniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:6] U kull min joqgħod bilqiegħda fejn ikun qagħad bilqiegħda l-marid bl-inxija, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:7] U min imiss il-ġisem tal-marid bl-inxija, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:8] U jekk il-marid bl-inxija jobżoq fuq xi ħadd safi, dan jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:9] Kull mirkeb li jirkeb fuqu l-marid bl-inxija, ikun imniġġes. [Lev:15:10] U kull min imiss xi ħaġa li tkun taħtu jitniġġes sa filgħaxija; min imbagħad iġorrha, għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:11] Kull min imissu l-marid bl-inxija, u ma jkunx ħasel idejh bl-ilma, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:12] Kull ħaġa tal-fuħħar li jmissha l-marid bl-inxija għandha titkisser, u kull ħaġa ta' l-injam titlaħlaħ bl-ilma.

[Lev:15:13] “Meta l-marid iħossu mfejjaq mill-inxija, jgħodd sebat ijiem minn meta jfiq, u jaħsel ħwejġu, u jaħsel ġismu bl-ilma ġieri, u jitnaddaf. [Lev:15:14] U fit-tmien jum jieħu żewġ gamimiet, jew par bċieċen tal-ħamiem, u jmur quddiem il-Mulej, quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa u jagħtihom lill-qassis. [Lev:15:15] U l-qassis il-wieħed joffrih sagrifiċċju għall-purifikazzjoni, u l-ieħor sagrifiċċju tal-ħruq, u hekk il-qassis jagħmel espjazzjoni għalih quddiem il-Mulej għall-inxija tiegħu.

[Lev:15:16] “Meta wieħed ikollu tixrid iż-żerriegħa, jaħsel ġismu kollu bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:17] U l-biċċa ħwejjeġ jew ġild, li ż-żerriegħa tixxerred fuqha, jaħsilha bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:18] U l-mara li jersaq lejha raġel b'tixrid iż-żerriegħa, jinħaslu t-tnejn bl-ilma u jibqgħu mniġġsa sa filgħaxija.

[Lev:15:19] “Il-mara li jkollha l-inxija tad-demm f'ġisimha, tibqa' fi żmienha għal sebat ijiem, u kull min imiss magħha jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:20] U kull ma timtedd jew toqgħod fuqu meta tkun imniġġsa, jitniġġes. [Lev:15:21] U kull min imiss friexha, għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:22] Kull min imiss xi ħaġa li fuqha tkun bilqiegħda, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:23] Jekk ikun fuq il-friex jew fuq xi ħaġa li fuqha tkun bilqiegħda hi meta jmissha, jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:24] Jekk imbagħad jimtedd magħha xi raġel, dan jitniġġes bl-inxija tagħha, u jibqa' mniġġes għal sebat jiem, u kull friex li jimtedd fuqu jitniġġes.

[Lev:15:25] “Il-mara li jkollha nxija ta' demm għal ħafna jiem barra minn żmienha, jew aktar mis-soltu, sakemm iddum din l-inxija tkun imniġġsa, bħal fi żmienha; [Lev:15:26] u kull friex li timtedd fuqu, kemm iddum l-inxija, ikun bħal fi żmienha; u kull ma toqgħod fuqu, ikun imniġġes bħall-friex fi żmienha. [Lev:15:27] U kull min imisshom jitniġġes, u għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija.

[Lev:15:28] “Meta mbagħad tissaffa mill-inxija tagħha, tgħodd sebat ijiem, u wara dan tkun imnaddfa. [Lev:15:29] Fit-tmien jum tieħu żewġ gamimiet, jew par bċieċen tal-ħamiem, u teħodhom għand il-qassis, quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:15:30] U l-qassis joffri wieħed minnhom b'sagrifiċċju għall-purifikazzjoni u l-ieħor b'sagrifiċċju tal-ħruq; u hekk il-qassis jagħmel espjazzjoni għaliha quddiem il-Mulej għall-inġiesa ta' l-inxija tagħha.

[Lev:15:31] “Hekk inti żżomm lil ulied Iżrael 'il bogħod mit-tinġis tagħhom, u ma jniġġsux bl-inġiesa tagħhom l-għamara tiegħi li hemm f'nofshom, u jmutu.” [Lev:15:32] Din hi l-liġi għal min jitniġġes bl-inxija jew tixrid iż-żerriegħa, [Lev:15:33] għall-marida fi żmienha, għal min għandu l-inxija, raġel jew mara, u għal raġel li jimtedd ma' mara mniġġsa.”

16. Jum l-espjazzjoni

[Lev:16:1] U l-Mulej kellem lil Mosè wara l-mewt taż-żewġ ulied ta' Aron, li kienu mietu huma u resqin lejn il-Mulej. [Lev:16:2] U l-Mulej qal lil Mosè: “Għid lil ħuk Aron, li mhux f'kull waqt u żmien jista' jidħol fis-santwarju 'l ġewwa mill-velu quddiem l-għatu ta' l-arka, inkella jmut; għax jien nidher fi sħaba fuq l-għatu. [Lev:16:3] U meta Aron jidħol fis-santwarju jagħmel hekk: joffri għoġol b'purifikazzjoni u muntun f'sagrifiċċju tal-ħruq; [Lev:16:4] jilbes tonka mqaddsa ta' l-għażel, u qalziet minn taħt fuq il-laħam, terħa ta' l-għażel ma' ġenbejh, u turbant ta' l-għażel fuq rasu; lbies imqaddes li jilbsu wara li jkun inħasel fl-ilma. [Lev:16:5] U jieħu mingħand il-ġemgħa ta' wlied Iżrael żewġ bdabad għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u muntun għas-sagrifiċċju tal-ħruq.

[Lev:16:6] “U Aron iressaq l-għoġol tiegħu għall-purifikazzjoni, u jagħmel l-espjazzjoni għalih stess u għal daru. [Lev:16:7] Mbagħad jieħu ż-żewġ bdabad u jġibhom quddiem il-Mulej fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, [Lev:16:8] u jitfa' x-xorti fuq iż-żewġ bdabad, waħda għall-Mulej u l-oħra għal Għażażel. [Lev:16:9] U Aron imbagħad joffri l-bodbod li fuqu titla' x-xorti għall-Mulej, u joffrih b'sagrifiċċju ta' purifikazzjoni. [Lev:16:10] U l-bodbod għas-sagrifiċċju tal-ħruq, li tkun telgħetlu x-xorti għal Għażażel, iżżommuh ħaj u jġibuh quddiem il-Mulej, biex jagħmlu l-espjazzjoni fuqu, u mbagħad jitilqu għal għand Għażażel fid-deżert.

[Lev:16:11] “U mbagħad Aron joffri l-għoġol tiegħu għall-purifikazzjoni u jagħmel l-espjazzjoni għalih u għal daru; u joqtol l-għoġol għall-purifikazzjoni tiegħu stess [Lev:16:12] u mbagħad jieħu minn fuq l-artal iċ-ċensier mimli bil-ġamar jaqbad minn quddiem il-Mulej, u żewġ qabdiet ta' id inċens ifuħ, mfarrak trab, u jidħol bih 'l hemm mill-velu. [Lev:16:13] U jixħet l-inċens ifuħ fin-nar quddiem il-Mulej biex sħaba tgħatti l-għatu ta' fuq l-arka tax-xhieda miktuba, biex ma jmutx. [Lev:16:14] U mbagħad jieħu mid-demm ta' l-għoġol, u jroxx b'sebgħu fuq l-għatu minn quddiem, u jroxx id-demm b'sebgħu seba' darbiet quddiem l-għatu.

[Lev:16:15] “Mbagħad joqtol il-bodbod tal-purifikazzjoni għall-poplu, u jidħol b'demmu 'l ġewwa mill-velu, u jagħmel b'demmu kif għamel bid-demm ta' l-għoġol, u jroxxu fuq l-għatu u quddiem l-għatu. [Lev:16:16] U hekk inaddaf is-santwarju mit-tinġis ta' wlied Iżrael u mill-ħtijiet ta' kull dnub tagħhom; u jagħmel l-istess lit-tinda tal-laqgħa, li tinsab f'nofshom, f'nofs it-tinġis tagħhom. [Lev:16:17] Ħadd ma għandu jkun fit-tinda tal-laqgħa minn xħin jidħol il-qassis biex jagħmel l-espjazzjoni sakemm joħroġ; u jagħmel l-espjazzjoni għalih stess, għal daru, u għall-ġemgħa kollha ta' Iżrael. [Lev:16:18] U joħroġ għal ħdejn l-artal li hemm quddiem il-Mulej, u jagħmel l-espjazzjoni għalih, u jieħu minn demm l-għoġol u minn demm il-bodbod, u jqiegħed minnu fuq il-qrun ta' l-artal dawramejt.

[Lev:16:19] “U jroxx fuqu b'sebgħu mid-demm għal seba' darbiet, u jqaddsu u jnaddfu mit-tinġis ta' wlied Iżrael.

[Lev:16:20] “Malli jtemm l-espjazzjoni għas-santwarju, it-tinda tal-laqgħa u l-artal, iressaq il-bodbod ħaj. [Lev:16:21] U jqiegħed Aron idejh it-tnejn fuq ras il-bodbod ħaj, u jistqarr fuqu l-ħażen kollu ta' wlied Iżrael, id-dnubiet kollha tagħhom, u l-ħtijiet kollha tagħhom, u jgħaddihom għal fuq ras il-bodbod, u jitilqu għad-deżert permezz ta' raġel magħżul apposta. [Lev:16:22] U l-bodbod iġorr fuqu l-ħażen kollu f'art imwarrba u r-raġel jitlaq il-bodbod fid-deżert.

[Lev:16:23] “Aron imbagħad jidħol fit-tinda tal-laqgħa u jneħħi minn fuqu l-ilbies ta' l-għażel li kien liebes meta daħal fis-santwarju u jħallihom hemm. [Lev:16:24] Jinħasel bl-ilma fil-post imqaddes u jilbes ħwejġu, mbagħad joħroġ u joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħu, u s-sagrifiċċju tal-ħruq tal-poplu, u jagħmel l-espjazzjoni għalih stess u għall-poplu. [Lev:16:25] U x-xaħam tal-vittma tal-purifikazzjoni jaħarqu fuq l-artal. [Lev:16:26] U dak li jkun telaq il-bodbod għal għand Għażażel jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u mbagħad jidħol fil-kamp. [Lev:16:27] L-għoġol tal-purifikazzjoni u l-bodbod tal-purifikazzjoni, li demmhom kien meħud għall-espjazzjoni fis-santwarju, jeħduhom 'il barra mill-kamp u hemm jaħarqu bin-nar il-ġlud, il-laħam u l-ħmieġ tagħhom; [Lev:16:28] u min jaħraqhom jaħsel ħwejġu, u jinħasel kollu bl-ilma, u mbagħad jidħol fil-kamp.

[Lev:16:29] “Din tkun liġi għalikom għal dejjem: fis-seba' xahar, fl-għaxra tax-xahar, tgħakksu ruħkom u ma tagħmlu ebda xogħol, la n-nies tal-pajjiż u lanqas il-barranin li jkunu jgħammru f'nofskom. [Lev:16:30] Għax f'dan il-jum issir l-espjazzjoni biex titnaddfu minn kull ħtija quddiem il-Mulej.

[Lev:16:31] “Ikun mistrieħ kbir għalikom u tgħakksu ruħkom: liġi għal dejjem.

[Lev:16:32] “L-espjazzjoni jagħmilha l-qassis, li jkun midluk u kkonsagrat biex iservi ta' qassis wara missieru; jilbes l-ilbies ta' l-għażel, l-ilbies ikkonsagrat, [Lev:16:33] u jagħmel l-espjazzjoni għas-santwarju, u t-tinda tal-laqgħa, u l-artal, u jagħmilha wkoll għall-qassisin u għall-poplu tal-ġemgħa.

[Lev:16:34] “Din tkun liġi għal dejjem għalikom, biex issir l-espjazzjoni għal ulied Iżrael u jitnaddfu minn dnubiethom darba fis-sena.”

U Mosѐ għamel skond ma kien ordnalu l-Mulej.

17. Il-liġi tal-qdusija

[Lev:17:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:17:2] “Kellem lil Aron, u 'l uliedu, u lil ulied Iżrael kollha, u għidilhom: Dan hu li jordnalkom il-Mulej: [Lev:17:3] Kull raġel minn dar Iżrael li joqtol gendus, nagħġa, jew mogħża, ġewwa jew barra l-kamp, [Lev:17:4] u ma jġibhiex f'bieb it-tinda tal-laqgħa b'offerta lill-Mulej quddiem l-għamara tal-Mulej, ikun ħati tad-demm, għax ikun xerred id-demm. Dan ir-raġel ikun maqtugħ mill-poplu tiegħu. [Lev:17:5] Għalhekk ulied Iżrael għandhom iġibu l-vittmi tagħhom, li soltu joqtlu fir-raba', u jeħduhom lill-Mulej quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa għand il-qassis, u joqtluhom u joffruhom b'sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej. [Lev:17:6] U jxerred il-qassis id-demm fuq l-artal tal-Mulej, biswit il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u jaħraq ix-xaħam b'riħa tfuħ lill- Mulej. [Lev:17:7] U ma joqtlux aktar il-vittmi u joffruhom lis-satiri, li marru u żnew magħhom. Din tkun liġi għal dejjem għalihom u għal nisilhom.

[Lev:17:8] “Għidilhom ukoll: Kull bniedem mid-dar ta' Iżrael u mill-barranin, li jkunu joqogħdu f'nofskom, li jkun se joffri sagrifiċċju tal-ħruq jew xi sagrifiċċju ieħor, [Lev:17:9] u ma jġibux quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa biex joffrih lill-Mulej, dan il-bniedem ikun maqtugħ mill-poplu tiegħu.

[Lev:17:10] “Kull bniedem mid-dar ta' Iżrael, jew mill-barranin, li jkunu joqogħdu f'nofskom, li jieklu kull xorta ta' demm, jien indawwar wiċċi kontra tiegħu għax ikun kiel id-demm, u naqtgħu minn nofs il-poplu tiegħu. [Lev:17:11] Għax ħajjet il-laħam hi fid-demm, u jien tajthulkom għal fuq l-artal biex tagħmlu bih l-espjazzjoni għalikom. Għaliex bid-demm, li hu l-ħajja, ssir l-espjazzjoni. [Lev:17:12] Għalhekk għedt lil ulied Iżrael: 'Ħadd minn fostkom ma għandu jiekol id-demm; u anqas il-barrani li jkun jgħammar f'nofskom ma għandu jieklu d-demm.'

[Lev:17:13] “Kull wieħed minn ulied Iżrael u kull barrani li jgħammar f'nofskom, li jmur għall-kaċċa u jaqbad xi bhima selvaġġa jew tajra li tista' tittiekel, għandu jxerred demmha u jgħattih bit-trab; [Lev:17:14] għaliex il-ħajja tal-laħam hi fid-demm li hemm fih; għalhekk għedt lil ulied Iżrael: 'La tiklux id-demm ta' ebda laħam; għax il-ħajja ta' kull laħam hi f'demmu u min jiekol minnu jinqata' 'l barra.'

[Lev:17:15] “Kull bniedem, sew tal-post sew barrani, li jiekol minn bhima mejta jew żbranata, għandu jaħsel ħwejġu u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija; u mbagħad ikun nadif. [Lev:17:16] U jekk ma jaħsilx ħwejġu, u ma jinħasilx, ikun ħati ta' ħżunitu.”

18. Relazzjonijiet sesswali pprojbiti

[Lev:18:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:18:2] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. [Lev:18:3] La tagħmlux bħalma jagħmlu fl-art ta' l-Eġittu fejn kontu tgħammru, u tagħmlux bħalma jagħmlu fl-art ta' Kangħan li se nġibkom fiha; timxux skond il-liġijiet tagħhom. [Lev:18:4] Agħmlu skond id-digrieti tiegħi, u ħarsu l-liġijiet tiegħi, u imxu fuqhom. Jiena l-Mulej Alla tagħkom. [Lev:18:5] Ħarsu l-liġijiet u d-digrieti tiegħi; il-bniedem li jagħmilhom ikollu l-ħajja bihom. Jiena hu l-Mulej.

[Lev:18:6] “Ħadd ma għandu jersaq lejn ebda qariba tiegħu biex jikxef l-għera tagħha. Jien hu l-Mulej.

[Lev:18:7] “La tikxifx l-għera ta' missierek, jew l-għera ta' ommok, għax dik hi ommok; la tikxfilhiex għeritha.

[Lev:18:8] “La tikxifx l-għera ta' mart missierek, għax dik hi l-għera ta' missierek.

[Lev:18:9] “La tikxifx l-għera ta' oħtok, bint missierek, jew bint ommok, mwielda d-dar jew barra.

[Lev:18:10] “ La tikxifx l-għera ta' bint ibnek, jew bint bintek, għax hi l-għera tiegħek.

[Lev:18:11] “La tikxifx l-għera ta' bint il-mara ta' missierek, mwielda minn missierek, għax hi oħtok; tikxfilhiex għeritha.

[Lev:18:12] “La tikxifx l-għera ta' oħt missierek, għax hi qariba ta' missierek.

[Lev:18:13] “La tikxifx l-għera ta' oħt ommok, għax hi qariba ta' ommok.

[Lev:18:14] “La tikxifx l-għera ta' ħu missierek, jiġifieri la tersaqx lejn martu, għax hi z-zija tiegħek.

[Lev:18:15] “Tikxifx l-għera ta' mart ibnek, għax hi mart ibnek; tikxifx għeritha.

[Lev:18:16] “La tikxifx l-għera ta' mart ħuk, għax hi l-għera ta' ħuk.

[Lev:18:17] “La tikxifx l-għera ta' mara u ta' bintha; anqas ma għandek tieħu bint binha, jew bint bintha, għax tikxef l-għera tagħha; għax huma qraba u tkun ħaġa faħxija.

[Lev:18:18] “Tiħux b'mara 'l oħt martek b'rivali tagħha, u tikxef l-għera tagħha, meta l-oħra tkun għadha ħajja.

[Lev:18:19] “La tersaqx lejn mara mniġġsa fi żmienha, biex tikxef l-għera tagħha.

[Lev:18:20] “La timteddx mal-mara ta' għajrek, u hekk titkasbar magħha.

[Lev:18:21] “La tħalli 'l ħadd minn nislek jgħadduh min-nar f'ġieħ Molek, u hekk ma żżeblaħx l-isem ta' Alla tiegħek. Jiena l-Mulej.

[Lev:18:22] “La timteddx ma' raġel, bħalma timtedd ma' mara; għax hi ħaġa moqżieża.

[Lev:18:23] “La timtedd ma' ebda bhima biex titkasbar magħha; u lanqas mara ma għandha tersaq quddiem bhima biex titħallat magħha, għax hi ħaġa faħxija.

[Lev:18:24] “La titkasbru b'ebda ħaġa minn dawn, għax b'dawn il-ħwejjeġ tkasbru l-ġnus li jien se nkeċċihom minn quddiemkom. [Lev:18:25] Tkasbret l-art, u jien ikkastigajtha minħabba ħżunitha, u beżqet 'il barra lil min kien jgħammar fiha.

[Lev:18:26] “Imma intom għandkom tħarsu l-liġijiet u d-digrieti tiegħi, u ma tagħmlu xejn minn dawn il-qżiżijiet kollha, sew min hu tal-post sew il-barranin f'nofskom. [Lev:18:27] Għaliex dawn il-qżiżijiet kollha għamluhom in-nies ta' l-art, li kien hemm qabilkom, u b'hekk tkasbret l-art. [Lev:18:28] Hekk l-art ma tobżoqkomx talli tkunu kasbartuha, bħalma beżqet il-ġens ta' qabilkom. [Lev:18:29] Kull min jagħmel minn dawn il-qżiżijiet kollha jkun maqtugħ mill-poplu tiegħu.

[Lev:18:30] “Ħarsu mela l-preskrizzjonijiet tiegħi biex ma teħdux id-drawwiet moqżieża li kellhom in-nies ta' qabilkom u titħammġu bihom.

“ Jien l-Mulej Alla tagħkom.”

19. Preskrizzjonijiet reliġjużi u morali

[Lev:19:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

[Lev:19:2] “Għid lill-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael: Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.

[Lev:19:3] “ Kull wieħed għandu jweġġaħ lil ommu u 'l missieru u jħares is-Sibtijiet tiegħi: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.

[Lev:19:4] “La ddurux lejn l-allat foloz, u tagħmlux allat tal-metall imdewweb: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.

[Lev:19:5] “Meta toffru s-sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, qisu li toffruh b'mod li tkunu milqugħin tajjeb. [Lev:19:6] Il-vittma tikluha dak in-nhar li tissagrifikawha, jew l-għada; u l-fdal minnha taħarquh bin-nar fit-tielet jum. [Lev:19:7] Jekk tikluha fit-tielet jum, tkun ħżienet u ma tingħoġobx. [Lev:19:8] Min jiekol jitgħabba bil-piż ta' dnubu, għax ikun ipprofana ħaġa mqaddsa tal-Mulej, u jkun maqtugħ mill-poplu tiegħu.

[Lev:19:9] “Meta taħsdu l-ħsad ta' artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf l-għalqa, u lanqas ma għandek tlaqqat li jaqa' mill-ħsad tiegħek.

[Lev:19:10] “Ma għandekx taqta' l-frott kollu tad-dwieli tiegħek, u la tlaqqatx li jaqa' fl-art; ħallih għall-fqir u għall-barrani: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.

[Lev:19:11] “La tisirqux, la tgħidux kliem b'ieħor, la tqarrqux b'xulxin.

[Lev:19:12] “La taħilfux b'ismi fil-gideb, lanqas ma għandek iżżeblaħ lil isem Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.

[Lev:19:13] “La taħqarx lil għajrek, u lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri ma jibqax għandek sa filgħodu.

[Lev:19:14] “La tisħetx lit-trux, u la tqegħidx tfixkil quddiem l- għama; imma tibża' minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.

[Lev:19:15] “La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu; imma tagħmel ħaqq mill-proxxmu tiegħek fis-sewwa.

[Lev:19:16] “Tmurx ixxerred qlajja' fuq niesek, u tqumx kontra demm għajrek: Jiena l-Mulej.

[Lev:19:17] “La tbejjitx lil ħuk f'qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa' wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.

[Lev:19:18] “La titħallasx b'idejk, u la żżommx f'qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej.

[Lev:19:19] “Ħares il-liġijiet tiegħi. Il-bhejjem tiegħek iżżewwiġhomx ma' bhejjem ta' ġens ieħor; l-għalqa tiegħek tiżragħhiex b'żerriegħa mħallta; u tilbisx ilbies b'ħajt imħallat.

[Lev:19:20] “Jekk raġel jimtedd ma' mara lsira, mgħarrsa ma' raġel ieħor, bla ma tkun mifdija jew meħlusa, ikkastigahom; iżda tagħtihomx il-mewt, billi l-mara ma tkunx ħielsa. [Lev:19:21] Ir-raġel joffri sagrifiċċju lill-Mulej b'riparazzjoni quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa; iġib muntun b'riparazzjoni. [Lev:19:22] U l-qassis jagħmel l-espjazzjoni bil-muntun tar-riparazzjoni quddiem il-Mulej għad-dnub li jkun għamel dak li jkun, u hekk jinħafirlu dnubu.

[Lev:19:23] “Meta tkunu dħaltu fl-art u ħawwiltu siġar ta' kull xorta ta' ikel, il-frott tagħhom ipprojbit għalikom, bħallikieku mhux maħtun, u jibqa' pprojbit għalikom għal tliet snin, u ma tistgħux tieklu minnu. [Lev:19:24] Fir-raba' sena, il-frott kollu jkun imqaddes, b'offerta f'ġieħ il-Mulej. [Lev:19:25] Fil-ħames sena tieklu l-frott, u hekk tiżdidilkom il-ġabra: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.

[Lev:19:26] “La tiklux laħam bid-demm. La tagħmlux taħbir jew sħarijiet. [Lev:19:27] La taqtgħux xagħarkom dawra tond, u anqas taqtgħu truf leħjitkom.

[Lev:19:28] “Tqattgħux ġisimkom għall-mejjet, u anqas tpinġu tpinġija fuqkom: Jiena l-Mulej.

[Lev:19:29] “La tkasbarx lil bintek billi twaqqagħha fiż-żína, u hekk ma tiżnix artek u timtela bil-faħx.

[Lev:19:30] “Ħares is-Sibtijiet tiegħi, u agħti ġieħ lis-santwarju tiegħi: Jiena l-Mulej.

[Lev:19:31] “La tmurx għand is-saħħara li jsejjħu l-erwieħ u la tfittxux lil min jeħber; la tiċċappsux bihom: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.

[Lev:19:32] “Qum quddiem ix-xiħ, b'xagħru abjad, u agħtih qima u ibża' minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.

[Lev:19:33] “Jekk jiġi jgħammar miegħek f'artek il-barrani, la taħqrux. [Lev:19:34] Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta' ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art ta' l-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.

[Lev:19:35] “La tqarraqx fil-ħaqq, fil-qjies, fl-użin u fil-kejl. [Lev:19:36] Ikollkom miżien sewwa, piż sewwa, efa sewwa u ħinn sewwa.

[Lev:19:37] “Jiena l-Mulej Alla tagħkom li ħriġtkom mill-art ta’ l-Eġittu. Ħarsu l-liġijiet kollha u d-digrieti kollha tiegħi u qisu li tagħmluhom: Jiena l-Mulej.”

20. Pieni u kastigi

[Lev:20:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:20:2] “Għid lil ulied Iżrael: Jekk xi ħadd minn ulied Iżrael, jew mill-barranin li jgħammru f'Iżrael, jagħti 'l xi ħadd minn nislu lil Molek, jagħtuh il-mewt billi jħaġġru l-poplu. [Lev:20:3] U jien indur għalih, u neqirdu minn fost il-poplu tiegħu, għax ikun ta lil nislu lil Molek, u niġġes is-santwarju tiegħi u pprofana l-isem qaddis tiegħi. [Lev:20:4] U jekk il-poplu jagħlaq għajnejh għal dan il-bniedem, li jkun ta 'l nislu lil Molek, u ma jagħtuhx il-mewt, [Lev:20:5] nixħet jien għajnejja fuqu, u fuq niesu, u neqred lilu u lil kull min fost il-poplu mar warajh biex jiżni wara Molek.

[Lev:20:6] “Min imur għand is-saħħara li jsejjħu l-erwieħ u għand min jeħber, biex jiżni warajhom, ndur għalih u neqirdu minn fost il-poplu.

[Lev:20:7] “Tqaddsu, u kunu qaddisin, għax jien il-Mulej Alla tagħkom. [Lev:20:8] Ħarsu l-liġijiet tiegħi u agħmluhom: Jiena l-Mulej, li jqaddiskom.

[Lev:20:9] “Il-bniedem li jidgħi lil missieru u 'l ommu jagħtuh il-mewt; ikun ġieb il-mewt b'idejh għax ikun dagħa lil missieru u lil ommu.

[Lev:20:10] “Il-bniedem li jiżni ma' mart għajru jagħtuhom il-mewt, liż-żieni u liż-żienja.

[Lev:20:11] “Ir-raġel li jimtedd ma' mart missieru, ikun kixef l-għera ta' missieru; joqtluhom it-tnejn; demmhom fuqhom.

[Lev:20:12] “Ir-raġel li jkun imtedd ma' mart ibnu, jagħtuhom il-mewt it-tnejn, għax ikunu għamlu ħaġa faħxija; demmhom fuqhom.

[Lev:20:13] “Meta raġel jimtedd ma' raġel bħalma jimtedd ma' mara, it-tnejn ikunu għamlu ħaġa moqżieża: jagħtuhom il-mewt; demmhom fuqhom.

[Lev:20:14] “Wieħed li jkun iżżewweġ lil mara u 'l ommha jkunu għamlu ħaġa moqżieża: jaħarqu lilu u lilhom, u hekk ma jkunx hemm f'nofskom dan il-qżież.

[Lev:20:15] “Wieħed li jimtedd ma' bhima jagħtuh il-mewt, u l-bhima toqtluha.

[Lev:20:16] ̋ “Mara li tersaq lejn xi bhima biex titħallat magħha, għandek toqtol lilha u l-bhima; għandhom imutu; demmhom fuqhom.

[Lev:20:17] “Li wieħed jiżżewweġ lil oħtu, bint missieru jew bint ommu, u hu jara l-għera tagħha u hi tara l-għera tiegħu, tkun ħaġa ta' għajb; jinqatgħu t-tnejn minn fost il-poplu, għax ikun kixef l-għera ta' oħtu, u jitgħabba bil-piż ta' dnubu.

[Lev:20:18] “Jekk wieħed jimtedd ma' mara fi żmienha, u jikxef l-għera tagħha, hu jkun kixef l-inxija tagħha, u hi kixfitlu l-inxija ta' demmha; it-tnejn għandhom jinqatgħu minn fost il-poplu.

[Lev:20:19] “La tikxifx l-għera ta' oħt ommok jew oħt missierek, għax tkun kxift l-għera ta' qrabatek; u jkollhom jitgħabbew bil-piż ta' dnubhom.

[Lev:20:20] “Raġel li jimtedd mal-mara ta' ħu missieru, ikun kixef l-għera ta' ħu missieru; it-tnejn jitgħabbew bil-piż ta' dnubhom, u jmutu bla wlied.

[Lev:20:21] “Min jiżżewweġ lill-mara ta' ħuh ikun għamel ħaġa moqżieża, għax ikun kixef l-għera ta' ħuh, u jibqa' bla wlied.”

Eżortazzjoni għall-qdusija

[Lev:20:22] “Ħarsu l-liġijiet tiegħi kollha u d-digrieti tiegħi kollha, u agħmluhom, li ma tobżoqkomx 'il barra l-art li fiha jien se neħodkom biex tgħammru fiha. [Lev:20:23] La timxux skond il-liġijiet tal-ġnus li jien se nkeċċi minn quddiemkom, għax dan kollu għamluh u jien stkerraħthom. [Lev:20:24] Imma lilkom ngħidilkom: Intom tirtu l-art tagħhom u jien nagħtihielkom biex tirtuha, art tnixxi ħalib u għasel; jiena l-Mulej Alla tagħkom, li għażiltkom minn fost il-ġnus. [Lev:20:25] U intom għandkom tagħżlu bejn il-bhejjem safja u l-bhejjem imniġġsa, u bejn it-tajr safi u t-tajr imniġġes. La titniġġsux bl-ebda bhima jew tajra jew kull ħliqa li titkaxkar fl-art, li jien għażiltilkom bħala mniġġsin. [Lev:20:26] U tkunu għalija qaddisin, għax qaddis jien il-Mulej, u għażiltkom minn fost il-popli biex tkunu tiegħi.

[Lev:20:27] “Jekk xi ħadd minn fostkom, raġel jew mara, isejjaħ l-erwieħ jew jeħber, għandhom jagħtuhom il-mewt billi jħaġġruhom; demmhom fuqhom.”

21. Il-qdusija tal-qassisin

[Lev:21:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Kellem lill-qassisin, ulied Aron, u għidilhom: Ħadd minn niesu ma għandu jitniġġes għall-mejjet, [Lev:21:2] ħlief għal min jiġi minnu mill-qrib, jiġifieri għal ommu, għal missieru, għal ibnu, għal bintu, għal ħuh. [Lev:21:3] Jista' jitniġġes ukoll għal oħtu, qariba tiegħu, li tkun għadha xebba, u mhux miżżewwġa. [Lev:21:4] Ir-raġel miżżewweġ ma għandux jitniġġes u jipprofana ruħu, minħabba nies il-mara. [Lev:21:5] Ma għandhomx iqaxxru rashom dawra tond, u ma jaqtgħux truf leħjithom, u ma jqattgħux ġisimhom. [Lev:21:6] Għandhom ikunu qaddisin lil Alla tagħhom, u ma jipprofanawx isem Alla tagħhom, għax huma joffru s-sagrifiċċji maħruqa, ikel lil Alla tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu qaddisin. [Lev:21:7] Ma jeħdux b'marthom mara żienja, jew mara li tilfet xbubitha, jew inkella waħda mkeċċija minn żewġha, għaliex hu qaddis lil Alla tiegħu; [Lev:21:8] u ta' qaddis għandek iżżommu, għax hu joffri l-ikel ta' Alla tiegħek. Qaddis ikun għalik, għax qaddis jien il-Mulej, li nqaddiskom. [Lev:21:9] U bint qassis li titkasbar biż-żína u bil-prostituzzjoni, tkun qiegħda tipprofana lil missierha, u għandhom jaħarquha bin-nar.

[Lev:21:10] “Il-qassis il-kbir fost ħutu, dak li kien imsawwab iż-żejt tal-konsagrazzjoni fuq rasu, u mogħtija lilu s-setgħa li jilbes l-ilbies sagru, ma għandux iħabbel xagħar rasu, u anqas iċarrat ilbiesu.

[Lev:21:11] “Ma għandu jersaq lejn ebda mejjet, u ma għandux jitniġġes, lanqas għal missieru jew ommu. [Lev:21:12] Ma għandux joħroġ mis-santwarju u lanqas jipprofana s-santwarju ta' Alla tiegħu, għaliex għandu fuqu ż-żejt tal-konsagrazzjoni ta' Alla tiegħu: Jiena l-Mulej.

[Lev:21:13] “Għandu jiżżewweġ xebba. [Lev:21:14] Ma għandux jieħu armla, jew mara mkeċċija minn żewġha, jew waħda mkasbra biż-żína; imma għandu jieħu xebba minn niesu. [Lev:21:15] U ma jipprofanax lil nislu fost niesu: Jiena l-Mulej li nqaddsu.”

Il-qassis għandu jkun bla tebgħa

[Lev:21:16] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:21:17] “Kellem lil Aron u għidlu: Ħadd minn nislek fil-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom, li jkollu xi difett, ma għandu jersaq biex joffri l-ikel lil Alla. [Lev:21:18] Ħadd li jkollu xi difett: agħma, zopp, wiċċu sfigurat, għaġeb, [Lev:21:19] riġlu jew idu miksura, [Lev:21:20] ħotbi, qerqni, bil-bjada f'għajnejh, b'mard tal-ġilda, bil-ħakk, b'testikoli mgħaffġa. [Lev:21:21] Ħadd minn nisel Aron il-qassis, li jkollu xi difett bħal dan, ma għandu jersaq joffri s-sagrifiċċji maħruqa lill-Mulej. Min għandu xi difett ma għandux joffri l-ikel ta' Alla tiegħu. [Lev:21:22] Iżda jista' jiekol l-ikel ta' Alla tiegħu, ħwejjeġ qaddisa u mill-aktar imqaddsa. [Lev:21:23] Imma ma jidħolx 'il ġewwa mill-velu, u lanqas ma għandu jersaq lejn l-artal, għax għandu difett u ma għandux jipprofana s-santwarju tiegħi. Jiena l-Mulej li nqaddishom.” [Lev:21:24] Dan qal Mosè lil Aron u lil uliedu, u lil ulied Iżrael kollha.

22. Min jgħix mill-artal

[Lev:22:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu [Lev:22:2] “Għid lil Aron u lil uliedu, li jżommu 'l bogħod mill-ħwejjeġ imqaddsa li wlied Iżrael jikkonsagraw lili, u ma jipprofanawx l-isem qaddis tiegħi: Jiena l-Mulej. [Lev:22:3] Għidilhom: Jekk xi ħadd minn uliedkom jersaq lejn il-ħwejjeġ qaddisa li jikkonsagraw ulied Iżrael lill-Mulej, meta jkun imniġġes, dan il-bniedem jitwarrab minn quddiemi: Jiena l-Mulej.

[Lev:22:4] “Ħadd minn nisel Aron li jkollu l-ġdiem jew xi nxija ma għandu jiekol mill-offerti mqaddsa sakemm ma jitnaddafx; lanqas min ikun mess xi ħaġa mniġġsa b'ġisem mejjet, jew li kellu tixrid iż-żerriegħa, [Lev:22:5] jew ikun mess xi ħanex li jniġġsu, jew xi bniedem li jista' jitniġġes minnu, tkun xi tkun l-inġiesa. [Lev:22:6] Min imiss xi ħaġa minn dawn jibqa' mniġġes sa filgħaxija, u ma jistax jiekol mill-offerti mqaddsa, jekk ma jinħasilx. [Lev:22:7] Meta tkun niżlet ix-xemx u jkun tnaddaf, mbagħad jiekol mill-offerti mqaddsa, għax huma iklu. [Lev:22:8] Bhejjem mejta jew żbranati ma jikolx, inkella jitniġġes bihom: Jiena l-Mulej.

[Lev:22:9] “Ħa jħarsu l-preskrizzjonijiet tiegħi, u ma jitgħabbewx bi dnubhom, u jmutu bih għax ikunu pprofanaw l-ikel: Jiena l-Mulej li nqaddishom.

[Lev:22:10] “L-ebda bniedem profan ma għandu jiekol mill-offerti mqaddsa, u lanqas ma għandu jiekol minnhom min joqgħod ma' qassis jew ħaddiem mikri. [Lev:22:11] Jekk qassis jixtri xi bniedem bi flusu, dan jista' jiekol minnu; jistgħu jieklu wkoll minn ħobżu l-imweldin f'daru. [Lev:22:12] U bint il-qassis, li tkun miżżewwġa lil wieħed profan, ma tistax tiekol mill-offerta qaddisa. [Lev:22:13] U bint il-qassis, li tkun armla jew imkeċċija, u ma jkollhiex tfal, u tkun reġgħet lura għand missierha, bħal meta kienet xebba, tista' tiekol minn ikel missierha; imma l-ebda profan ma jista' jiekol minnu.

[Lev:22:14] “Min jiekol xi ħaġa mill-ikel imqaddes bi żball, għandu jroddha lill-qassis b'kemm tiswa u jżid mill-ħamsa waħda. [Lev:22:15] Il-qassisin ma għandhomx jipprofanaw l-offerti mqaddsa li wlied Iżrael jagħmlu lill-Mulej; [Lev:22:16] u jgħabbuhom bid-dnub, li jkollhom iħallsu għalih, talli jkunu kielu l-ikel imqaddes tagħhom: Jiena l-Mulej li nqaddishom.”

Is-sagrifiċċji

[Lev:22:17] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:22:18] “Kellem lil Aron, lil uliedu u lil ulied Iżrael kollha, u għidilhom: Meta wieħed minn dar Iżrael, jew xi barrani li jkunu f'nofs Iżrael, ikun irid jagħmel sagrifiċċju b'wegħda jew b'devozzjoni, bħalma meta joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq lill-Mulej, [Lev:22:19] biex jingħoġbu, għandhom joffru vittma li tkun raġel, bla difett, mill-baqar, min-nagħaġ, jew mill-mogħoż. [Lev:22:20] Kull ma jkun b'xi nuqqas toffruhx, għax ma jkunilkomx mogħġub. [Lev:22:21] Meta wieħed joffri sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej biex itemm xi wegħda jew b'devozzjoni, għandu joffri xi vittma mill-baqar, jew min-nagħaġ, bla difett, biex tingħoġob; ma għandu jkollha ebda nuqqas. [Lev:22:22] Għomja, mifluġin, mmankati, miġruha b'mard tal-ġilda jew bil-ħakk jew bil-ħżież, la toffruhomx lill-Mulej; la taħarqux minnhom fuq artal il-Mulej. [Lev:22:23] Toffrux gendus, jew ħaruf, kbir jew żgħir iżżejjed; tista' toffrih b'devozzjoni, iżda mhux b'wegħda, għax ma jingħoġobx. [Lev:22:24] Bhima b'testikoli mgħattnin jew misħuqin, maqlugħin jew maqtugħin, la toffrihiex lill-Mulej. F'artkom ma għandkomx tagħmlu dan. [Lev:22:25] Lanqas ma għandkom teħduhom mingħand il-barranin, u toffruhom b'ikel lil Alla tagħkom. Għax huma mmankati, u fihom l-għajb, u għalhekk intom ma tingħoġbux.”

[Lev:22:26] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:22:27] “Għoġol, ħaruf jew gidi, malli jitwieled, jibqa' sebat ijiem ma' ommu. Mit-tmien jum 'il quddiem jista' jkun milqugħ b'offerta għas-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej. [Lev:22:28] La toqtolx baqra jew nagħġa, u l-ferħ tagħhom, fl-istess jum. [Lev:22:29] Meta toffru sagrifiċċju ta' radd il-ħajr lill-Mulej, qisu li toffruh b'mod li intom tingħoġbu quddiemu; [Lev:22:30] kuluh dak in-nhar stess, u tħallu xejn minnu għall-għada: Jiena l-Mulej.

[Lev:22:31] “Ħarsu l-ordnijiet tiegħi u agħmluhom: Jiena l-Mulej.

[Lev:22:32] “Tipprofanawx l-isem qaddis tiegħi, u jien nitqaddes fost ulied Iżrael: Jiena l-Mulej li nqaddiskom, [Lev:22:33] li ħriġtkom mill-art ta' l-Eġittu, biex inkun Alla tagħkom: Jiena l-Mulej.”

23. Il-festi: il-ħarsien tas-Sibt

[Lev:23:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:2] "Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Il-festi tal-Mulej, li intom tniedu, il-laqgħat imqaddsa, dawn huma festi tiegħi. [Lev:23:3] Għal sitt ijiem tagħmel ix-xogħol tiegħek, u fis-seba' jum ikun is-Sibt tal-mistrieħ u l-laqgħa mqaddsa; ebda xogħol ma tagħmlu, għax hu l-mistrieħ tal-Mulej, kull fejn tkunu tgħammru. [Lev:23:4] Dawn huma l-festi tal-Mulej, il-laqgħat imqaddsa li għandkom tniedu fi żmienhom.

Il-festa ta' l-Għid

[Lev:23:5] “Fl-ewwel xahar, fl-erbatax tax-xahar, fil-għaxija bejn ħajta dawl u oħra dlam, l-Għid tal-Mulej. [Lev:23:6] U fil-ħmistax-il jum ta' l-istess xahar issir il-festa tal-ħobż ażżmu lill-Mulej; għal sebat ijiem tieklu ħobż bla ħmira. [Lev:23:7] Fl-ewwel jum ikollkom il-laqgħa mqaddsa, u ma tagħmlu ebda xogħol. [Lev:23:8] Għal sebat ijiem toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, u fis-seba' jum issir laqgħa mqaddsa u ma tagħmlu ebda xogħol.”

[Lev:23:9] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:10] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li jien se nagħtikom u taħsdu l-ħsad, ġibu l-ewwel qatta tal-ħsad lill-qassis. [Lev:23:11] U hu jxejjirha quddiem il-Mulej, biex togħġbuh; ixejjirha l-għada tas-Sibt. [Lev:23:12] Dak in-nhar li l-qassis ixejjer il-qatta tagħkom, intom toffru ħaruf, tas-sena, bla difett, b'sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, [Lev:23:13] bl-offerta tal-qmuħ miegħu ta' żewġ għexur ta' efa dqiq miblul fiż-żejt, biex jinħaraq b'riħa tfuħ lill-Mulej u tiswiba ta' libazzjoni ta' kwart ta' ħinn inbid. [Lev:23:14] Ħobż u qamħ inkaljat jew nej ma tiklux f'dan il-jum, qabel ma ġġibu l-offerta ta' Alla tagħkom. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha kull fejn tkunu.”

Għid il-Ħamsin

[Lev:23:15] “Għoddu seba' gimgħat sħaħ mill-għada tas-Sibt, u minn meta tkunu offrejtu l-qatta u xejjirtuha quddiem il-Mulej. [Lev:23:16] Tgħoddu ħamsin jum sa l-għada tas-seba' Sibt; mbagħad iġġibu offerta ġdida tal-qamħ lill-Mulej. [Lev:23:17] Minn kull fejn tgħammru ġġibu żewġ ħobżiet għat-tixjir, ta' żewġ għexur ta' efa dqiq moħmija bil-ħmira, bħala offerta tal-bikri lill-Mulej. [Lev:23:18] U toffru wkoll mal-ħobż sebat iħrief bla difett, tas-sena, u għoġol, u żewġ bdabad għal sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; u offerta tal-qmuħ u tiswiba magħhom; ħruq b'riħa tfuħ lill-Mulej. [Lev:23:19] Toffru wkoll bodbod b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u żewġt iħrief tas-sena b'sagrifiċċju tas-sliem. [Lev:23:20] U l-qassis ixejjirhom flimkien mal-ħobż tal-bikri u maż-żewġt iħrief, tixjira quddiem il-Mulej; u jkunu mqaddsin lill-Mulej, u jibqgħu għall-qassis. [Lev:23:21] Dak in-nhar stess issejjħu u jkollkom laqgħa mqaddsa; ma tagħmlu ebda xogħol. Liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha kull fejn tkunu.

[Lev:23:22] “Meta taħsdu l-ħsad ta' artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf l-għalqa, u la tlaqqatx li jaqa' mill-ħsad tiegħek; ħallih għall-fqir u għall-barrani: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.”

L-ewwel tas-sena ċivili

[Lev:23:23] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:24] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Fis-seba' xahar, fl-ewwel tax-xahar, ikollkom mistrieħ kbir, taħbira bit-trombi u laqgħa mqaddsa. [Lev:23:25] Ma tagħmlu ebda xogħol iebes, u toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej.”

Jum l-Espjazzjoni

[Lev:23:26] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:27] “Fl-għaxra ta' dan is-seba' xahar ikun Jum l-Espjazzjoni; ikollkom laqgħa mqaddsa, u tgħakksu ruhkom, u toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej. [Lev:23:28] Ma tagħmlu ebda xogħol dak in-nhar; għaliex hu jum l-espjazzjoni, meta ssir l-espjazzjoni għalikom quddiem il-Mulej Alla tagħkom. [Lev:23:29] Kull min ma jitgħakkisx dak in-nhar jinqata' 'l barra mill-poplu tiegħu. [Lev:23:30] U kull min jagħmel xi xogħol dak in-nhar neqirdu mill-poplu tiegħu. [Lev:23:31] La tagħmlu ebda xogħol. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha kull fejn tkunu tgħammru. [Lev:23:32] Ikollkom il-mistrieħ tas-Sibt u titgħakksu; fid-disa' jum tax-xahar fil-għaxija, minn filgħaxija sa filgħaxija, tieħdu l-mistrieħ tagħkom.”

Il-festa ta' l-Għerejjex

[Lev:23:33] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:34] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Fil-ħmistax ta' dan is-seba' xahar, tagħmlu l-festa ta' l-Għerejjex għal sebat ijiem f'ġieħ il-Mulej.

[Lev:23:35] “Fl-ewwel jum ikollkom laqgħa mqaddsa; ma tagħmlu ebda xogħol. [Lev:23:36] Għal sebat ijiem toffru s-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; fit-tmien jum ikollkom laqgħa mqaddsa; dak in-nhar toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; tkun laqgħa solenni, ma tagħmlu ebda xogħol dak in-nhar.

[Lev:23:37] “Dawn huma l-festi tal-Mulej li għandkom tniedu, u fihom tagħmlu l-laqgħat imqaddsa, u toffru lill-Mulej il-vittmi bin-nar; is-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti tal-qmuħ, sagrifiċċji u tiswib, kull ħaġa fil-jum tagħha, [Lev:23:38] barra mis-Sibtijiet tal-Mulej, u barra mill-għotjiet tagħkom, u l-wegħdiet tagħkom u l-offerti ta' devozzjoni, li tkunu tridu tagħtu lill-Mulej.

[Lev:23:39] “Fil-ħmistax tas-seba' xahar, meta tkunu ġbartu l-frott ta' l-art, tagħmlu l-festa tal-Mulej għal sebat ijiem, bil-mistrieħ tas-Sibt fl-ewwel u fit-tmien jum. [Lev:23:40] Fl-ewwel jum tieħdu l-frott ta' siġar sbieħ, friegħi tal-palm ... friegħi tas-siġar ħodor, żafżâf tax-xmara, u tifirħu quddiem il-Mulej Alla tagħkom għal sebat ijiem. [Lev:23:41] U tagħmlu festa f'ġieħ il-Mulej ta' sebat ijiem fis-sena. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. Tagħmluha fis-seba' xahar tas-sena. [Lev:23:42] Tgħammru fl-għerejjex għal sebat ijiem; kull min twieled f'Iżrael jgħammar fl-għarix, [Lev:23:43] biex ikunu jafu dawk li jiġu warajkom li wlied Iżrael kienu jgħammru fl-għerejjex meta jien ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.”

[Lev:23:44] U Mosè nieda l-festi tal-Mulej lil ulied Iżrael.

24. L-imnara u l-ħobż tal-preżenza

[Lev:24:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:24:2] “Ordna lil ulied Iżrael iġibulek żejt pur taż-żebbuġ misħuq għall-imnara, biex tixgħel l-imsiebaħ kuljum. [Lev:24:3] Aron imbagħad iħejjih bl-ordni 'l barra mill-velu, quddiem ix-xhieda miktuba fit-tinda tal-laqgħa, minn filgħaxija sa filgħodu quddiem il-Mulej, kuljum; din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. [Lev:24:4] Jieħu ħsieb kuljum l-imsiebaħ fuq l-imnara nadifa quddiem il-Mulej.

[Lev:24:5] “Ħu wkoll dqiq fin u aħbeż tnax-il ftira, b'żewġ għexur ta' efa dqiq il-waħda. [Lev:24:6] Qegħedhom f'żewġ ringieli, sitta kull waħda, fuq il-mejda tad-deheb fin quddiem il-Mulej. [Lev:24:7] Roxx inċens pur fuq ir-ringieli, u jkun fuq il-ħobż bħal tifkira, li tinħaraq f'ġieħ il-Mulej. [Lev:24:8] Kull nhar ta' Sibt iqegħduhom bl-ordni dejjem quddiem il-Mulej, patt għal dejjem għal ulied Iżrael. [Lev:24:9] Mbagħad ikunu ta' Aron u ta' wliedu, u jikluhom f'post imqaddes, għax hi ħaġa mill-aktar qaddisa li tmiss lilu bi dritt mill-offerti tal-ħruq lill-Mulej għal dejjem.”

Kastigi għall-midgħi bl-Isem tal-Mulej

[Lev:24:10] Kien hemm wieħed bin mara Iżraelija u raġel Eġizzjan; u dan ħareġ f'nofs ulied Iżrael. U ġġieldu fil-kamp bin il-mara Iżraelija u raġel minn Iżrael. [Lev:24:11] U bin l-Iżraelija dagħa bl-Isem u seħtu; mbagħad ġibuh quddiem Mosè. Ommu kien jisimha Selomit bint Dibri, mit-tribù ta' Dan. [Lev:24:12] U ħallewh fl-għassa, sakemm il-Mulej jurihom x'kellhom jagħmlu. [Lev:24:13] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:24:14] “Oħroġ lil dak il-midgħi barra mill-kamp, u jqiegħdu idejhom fuq rasu dawk kollha li semgħuh jidgħi, u l-poplu kollu jħaġġru. [Lev:24:15] Mbagħad kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Kull min jisħet lil Alla tiegħu, jitgħabba bil-piż ta' dnubu, [Lev:24:16] u min jidgħi b'isem il-Mulej jagħtuh il-mewt, u tħaġġru l-ġemgħa kollha, sew jekk ikun barrani, sew jekk ikun mill-pajjiż; kull min jidgħi bl-Isem jagħtuh il-mewt.

[Lev:24:17] “Kull min jaħbat għal bniedem u joqtlu, jagħtuh il-mewt. [Lev:24:18] U kull min jaħbat għal bhima, iroddha, ħajja b'ħajja. [Lev:24:19] Min jagħmel xi ħsara lil għajru, jagħmlulu bħalma jkun għamel hu; [Lev:24:20] ksur bi ksur, għajn b'għajn, sinna b'sinna; il-ħsara li jkun għamel lil ħaddieħor, jagħmluha lilu. [Lev:24:21] Min joqtol bhima, iroddha; u min joqtol bniedem jagħtuh il-mewt. [Lev:24:22] Liġi waħda jkollkom sew għall-barrani u sew għan-nies mill-pajjiż; għax jiena l-Mulej Alla tagħkom.”

[Lev:24:23] U meta Mosè kellem lil ulied Iżrael, ħarġu lill-midgħi barra l-kamp, u ħaġġruh. Hekk għamlu wlied Iżrael, skond ma kien ordna l-Mulej lil Mosè.

25. Is-sena tal-mistrieħ

[Lev:25:1] U l-Mulej kellem lil Mosè fuq il-muntanja Sinaj u qallu: [Lev:25:2] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li jien se nagħtikom, ikollha l-art is-Sibt tagħha, il-mistrieħ tagħha f'ġieħ il-Mulej: [Lev:25:3] sitt snin tiżra' r-raba' tiegħek, u sitt snin tiżbor id-dwieli tiegħek, u tiġbor il-frott tagħhom. [Lev:25:4] Imma fis-seba' sena l-art ikollha l-mistrieħ tas-Sibt, mistrieħ f'ġieħ il-Mulej: la tiżrax ir-raba' tiegħek, la tiżborx id-dwieli tiegħek. [Lev:25:5] Dak li jinbet minn fdal il-ħsad tiegħek la tiġbrux, u l-għeneb tad-dwieli li ma tkunx żbart, la taqtgħux. Għax hi s-sena tal-mistrieħ tas-Sibt ta' l-art. [Lev:25:6] Imma dak li trodd l-art fil-mistrieħ tagħha, tistgħu tikluh; int, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-ħaddiem mikri tiegħek, il-barranin li jkunu miegħek, [Lev:25:7] il-bhejjem tad-dar u l-bhejjem selvaġġi. Kull ma trodd jista' jittiekel.

Is-sena tal-ġublew

[Lev:25:8] “Mbagħad tgħodd seba' ġimgħat ta' snin, seba' snin għal seba' darbiet, li jġibu disgħa u erbgħin sena. [Lev:25:9] U ddoqq it-tromba fl-għaxra tas-seba' xahar, f'jum l-espjazzjoni, u ssemmgħu t-trombi ma' artkom kollha. [Lev:25:10] Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom: kull wieħed jerġa' għal li kellu u għal ma' niesu. [Lev:25:11] Tkun għalikom il-ħamsin sena, is-sena tal-ġublew; la tiżirgħu u lanqas taħsdu milli tnibbet l-art, u anqas tiġbru l-għeneb mid-dwieli bla żbir. [Lev:25:12] Għax hu żmien il-ġublew, żmien li għandkom tqaddsu, u tieklu mir-raba' dak li trodd l-art.

[Lev:25:13] “F'din is-sena tal-ġublew kulħadd jerġa' lura għal li kellu. [Lev:25:14] Meta tbigħ lil għajrek, jew tixtri mingħandu, tagħfsux lil xulxin. [Lev:25:15] Skond l-għadd tas-snin mill-aħħar ġublew tixtri mingħand għajrek, skond is-snin ta' l-għadd ta' l-uċuħ tar-raba' tiegħek ibegħlek. [Lev:25:16] Aktar ma jkun fadal snin, aktar iżżid fil-ħlas; u inqas ma jkun fadal snin, inqas tħallas, għax għadd ta' wċuħ ikun qiegħed ibegħlek. [Lev:25:17] La tagħfsux wieħed lil ieħor, u ibżgħu minn Alla tagħkom, għax jien il-Mulej Alla tagħkom. [Lev:25:18] Agħmlu l-liġijiet u ħarsu d-digrieti tiegħi; agħmluhom, u tgħammru fl-art b'moħħkom mistrieħ. [Lev:25:19] U l-art trodd il-frott tagħha, u tieklu sa tixbgħu, u tgħammru fiha b'moħħkom mistrieħ. [Lev:25:20] Tistgħu tgħiduli: 'X'se nieklu fis-seba' sena? Għax, ara, la sa niżirgħu u anqas naħsdu.' [Lev:25:21] Imma jien ngħidilkom: 'Nibagħtilkom il-barka tiegħi fis-sitt sena, u troddilkom frott għal tliet snin.' [Lev:25:22] Mbagħad tiżirgħu fit-tmien sena, u tieklu mill-frott ta' qabel sad-disa' sena sakemm jilħaq il-frott tagħha.

[Lev:25:23] “L-art, mbagħad, ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri jew qegħdin miegħi. [Lev:25:24] Imma fl-art kollha li tkun tagħkom, ħallu fuq l-art li tinbiegħ id-dritt tal-fidwa. [Lev:25:25] Jekk jiftaqar ħuk, u dan ibigħ xi sehem mir-raba' tiegħu, jekk imbagħad jiġi xi qarib tiegħu bid-dritt tal-fidwa, dan jista' jifdi dak li jkun biegħ ħuk. [Lev:25:26] U min ma jkollux qarib bid-dritt tal-fidwa, imma jkun faddal kemm tiswa l-fidwa tagħha, [Lev:25:27] jgħodd is-snin minn meta jkun biegħ, u jrodd il-bqija lil min ikun biegħ, u jerġa' għall-proprjetà tiegħu. [Lev:25:28] Imma jekk ma jkollux biżżejjed biex iroddlu, l-art mibjugħa tibqa' għand ix-xerrej sas-sena tal-ġublew, u meta jibda l-ġublew, il-bejjiegħ jerġa’ jieħu l-proprjetà tiegħu.

[Lev:25:29] “Meta xi ħadd ibigħ dar abitabbli f'belt bis-swar, jibqagħlu d-dritt tal-fidwa sa tmiem is-sena, minn mindu jkun biegħ; u jkollu żmien sena biex jifdiha. [Lev:25:30] U jekk id-dar ma tinfediex qabel ma tintemm is-sena sħiħa, id-dar li tkun f'belt bis-swar tibqa' għal dejjem għand ix-xerrej u għal ta' warajh, u ma toħroġx ħielsa fil-ġublew. [Lev:25:31] Id-djar li jkunu fl-irħula miftuħa bla swar madwarhom, jitqiesu bħar-raba' ta' l-art; ikollhom fuqhom id-dritt tal-fidwa u fil-ġublew joħorġu ħielsa.

[Lev:25:32] “Imma l-ibliet tal-Leviti, u d-djar li jkollhom fihom, jibqgħalhom dejjem fuqhom id-dritt tal-fidwa. [Lev:25:33] Jekk xi ħadd ikun xtara dar mingħand il-Leviti, id-dar li tkun inbiegħet fil-belt ta' wirthom toħroġ ħielsa fil-ġublew, għax il-Leviti m'għandhomx proprjetà f'nofs Iżrael ħlief id-djar ta' bliethom. [Lev:25:34] U anqas ma għandu jinbiegħ ir-raba' ta' madwar il-bliet tagħhom, għax dan hu proprjetà tagħhom għal dejjem.

[Lev:25:35] ̋ “Jekk jiftaqar ħuk u jiġi b'xejn, int għandek tgħinu, bħalma tgħin lill-barrani jew lill-frustier; u hu jgħix miegħek. [Lev:25:36] Teħodlux imgħax, u anqas żjieda fuq is-self; imma ibża' minn Alla tiegħek u jgħix ħuk miegħek. [Lev:25:37] Tisilfux flusek bl-imgħax, u anqas tagħtih l-ikel tiegħek bi ħlas żejjed: [Lev:25:38] Jiena l-Mulej Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta' l-Eġittu, biex nagħtikom l-art ta' Kangħan, u nkun Alla tagħkom.

[Lev:25:39] “Jekk jiftaqar ħuk miegħek u jkollu jinbiegħ lilek, la tħaddmux xogħol ta' lsir. [Lev:25:40] Ikun miegħek bħal ħaddiem imħallas, jew bħal barrani li qiegħed miegħek, u jaħdimlek sas-sena tal-ġublew. [Lev:25:41] U joħroġ mingħandek, hu u wliedu miegħu, u jerġa' lura lejn niesu u l-proprjetà ta' missirijietu. [Lev:25:42] Għax huma l-ilsiera tiegħi, li ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu, u ma għandhomx jinbiegħu bħala lsiera. [Lev:25:43] La taħkmux bl-aħrax, imma ibża' minn Alla.

[Lev:25:44] “L-ilsiera, rġiel jew nisa, li jkollkom, tixtruhom mingħand il-ġnus ta' madwarkom; [Lev:25:45] u minn fost ulied il-barranin li jkunu magħkom, u minn nieshom li jgħammru magħkom u twieldu f'artkom tistgħu tixtru, u jkunu proprjetà tagħkom. [Lev:25:46] U tistgħu tħalluhom b'wirt lil uliedkom warajkom biex ikunu proprjetà tagħhom għal dejjem: taħdmu bihom. Imma fuq ħutkom, ulied Iżrael, ma għandkomx taħkmu bl-aħrax, wieħed fuq l-ieħor.

[Lev:25:47] “Jekk jistagħna l-barrani, jew il-frustier, li jkun miegħek, u jiddejjen miegħu ħuk, u dan jinbiegħ lill-barrani, jew lill-frustier, li jkun miegħek, jew lil xi ħadd minn nisel barrani, [Lev:25:48] wara li jkun inbiegħ jibqagħlu d-dritt tal-fidwa; ikun jista' jifdih xi ħadd minn ħutu, [Lev:25:49] jew zijuh, jew kuġinuh, jew xi ħaddieħor minn niesu; jew jekk jistagħna hu stess, jifdi lilu nnifsu. [Lev:25:50] Jibda jgħodd is-snin, hu u x-xerrej, mis-sena meta nbiegħ sas-sena tal-ġublew, u l-ħlas tal-bejgħ ikun skond dawn is-snin; ikun il-ħlas għalih daqs il-ħlas ta' ħaddiem imħallas għall-istess żmien. [Lev:25:51] Jekk ikun għad fadal ħafna snin, iħallas fuqhom għall-fidwa tiegħu mill-flus li jkun mixtri bihom. [Lev:25:52] Jekk ikun fadal ftit snin sal-ġublew, jgħoddhom, u fuqhom iħallas għall-fidwa tiegħu. [Lev:25:53] Ikun miegħu bħal ħaddiem imħallas, sena b'sena, u m'għandux jaħkmu bl-aħrax taħt għajnejk. [Lev:25:54] Jekk b'danakollu ma jkunx mifdi, joħroġ ħieles fis-sena tal-ġublew, hu u wliedu miegħu.

[Lev:25:55] “Għaliex ulied Iżrael huma lsiera tiegħi, lsiera li jien ħriġt mill-art ta' l-Eġittu. Jiena l-Mulej Alla tagħkom.

26. Il-barka għal min iħares il-liġi

[Lev:26:1] “Tagħmlux allat foloz, twaqqfux xbihat jew plieri; ebda ħaġra maħduma ma tagħmlu f'artkom biex tadurawha: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.

[Lev:26:2] “Ħarsu s-Sibtijiet imqaddsa tiegħi u weġġgħu s-santwarju tiegħi: Jiena l-Mulej.

[Lev:26:3] “Jekk timxu skond il-liġijiet tiegħi u tħarsu l-kmandamenti tiegħi u tagħmluhom, [Lev:26:4] nagħtikom ix-xita f'waqtha u l-art trodd l-uċuħ tagħha, u s-siġar tar-raba' l-frott tagħhom. [Lev:26:5] Għalikom id-dris jilħaq ġbir l-għeneb; u ġbir l-għeneb jilħaq żmien iż-żrigħ, ħobżkom sax-xaba' tieklu u tgħammru b'moħħkom mistrieħ f'artkom. [Lev:26:6] Nagħtikom is-sliem fl-art, u torqdu bla biża' ta' ħadd; neqred il-bhejjem feroċi mill-art, u x-xabla ma tgħaddix minn artkom. [Lev:26:7] U tagħmlu għal wara l-għedewwa tagħkom, u jaqgħu quddiemkom bix-xabla. [Lev:26:8] Ħamsa minnkom iħarrbu mija, u mija minnkom iħarrbu għaxart elef u jaqgħu quddiemkom l-għedewwa tagħkom bix-xabla. [Lev:26:9] Ndur lejkom, nkattarkom u nkabbarkom, u nżomm il-patt tiegħi magħkom. [Lev:26:10] Tieklu mill-ħażna l-qadima, u tarmu l-qadim għax jilħaq il-ġdid. [Lev:26:11] U nwaqqaf l-għamara tiegħi f'nofskom, u ma nistmellkomx. [Lev:26:12] U nitlajja f'nofskom u nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi. [Lev:26:13] Jiena Alla tagħkom li ħriġtkom mill-art ta' l-Eġittu, biex ma tkunux ilsiera tagħhom, u kissirt l-irbit tal-madmad tagħkom u mexxejtkom b'raskom merfugħa.

Kastigi għall-ħżiena

[Lev:26:14] “Jekk ma tisimgħux minn kliemi, u ma tagħmlux dawn l-ordnijiet kollha, [Lev:26:15] jekk tmaqdru l-liġijiet tiegħi, u tistmellu d-digrieti tiegħi, u ma tagħmlux il-kmandamenti tiegħi, u tiksru l-patt tiegħi, [Lev:26:16] jien nagħmel l-istess magħkom u nibagħtilkom għal għarrieda biża' kbir, mard irqiq, u deni li jkiddulkom għajnejkom u jifnulkom ħajjitkom. Għalxejn tiżirgħu, għax il-miżrugħ tagħkom jikluh l-għedewwa tagħkom. [Lev:26:17] Ndawwar wiċċi kontrikom, u jħarbtukom l-għedewwa tagħkom, u jaħkmukom dawk li jobogħdukom, u taħarbu bla ma ħadd ikun ġej warajkom.

[Lev:26:18] “Jekk b'danakollu ma tisimgħux minni, nkompli nikkastigakom għal seba' darbiet aktar minn dnubietkom. [Lev:26:19] U nkisser il-qawwa u s-suppervja tiegħek, u nagħmel smewwietek bħall-ħadid, u artek bħall-bronż. [Lev:26:20] Saħħtek tisfa' fix-xejn, u artek ma troddx l-uċuħ tagħha, u s-siġar tar-raba' ma jagħtux il-frott tagħhom. [Lev:26:21] U jekk tkomplu teħduha miegħi, u ma tkunux tridu tisimgħu minni, nżid id-daqqa għal seba' darbiet aktar minn dnubietkom. [Lev:26:22] U nitlaq f'nofskom il-bhejjem selvaġġi, u jneżżgħukom minn uliedkom, u jeqirdulkom il-bhejjem tagħkom, u lilkom iġibukom fix-xejn, u triqatkom isiru deżert. [Lev:26:23] U jekk b'danakollu ma titrażżnux quddiemi, u tibqgħu żżommuli iebes, [Lev:26:24] jiena wkoll inżommilkom iebes u nidrobkom ukoll għal seba' darbiet aktar minn dnubietkom. [Lev:26:25] U nġib kontrikom ix-xabla biex titħallas tal-ksur tal-patt; tinġabru fi blietkom u nibagħtilkom il-pesta, u tintelqu f'idejn l-għedewwa. [Lev:26:26] Naqtgħalkom il-ħobż li jgħajjixkom, u għaxar nisa jaħmu ħobżkom f'kenur wieħed, u jrodduhulkom bl-użin, u tieklu bla ma tixbgħu.

[Lev:26:27] “U jekk ma tisimgħux lanqas b'dan, u tibqgħu żżommuli iebes, [Lev:26:28] jien niqfilkom bil-qilla tiegħi u nikkastigakom seba' darbiet aktar minn dnubietkom. [Lev:26:29] U tieklu l-laħam ta' wliedkom, il-laħam tas-subjien u l-bniet tagħkom.

[Lev:26:30] “Is-santwarji ta' l-għoljiet tagħkom inġarrafhom, u nħott l-artali ta' l-inċens tagħkom, nitfa' fuqhom l-iġsma tagħkom fuq ix-xbihat imfarrka tagħkom, u tistmellhom ruħi. [Lev:26:31] U nagħmel minn blietkom ħerba, u neqred l-imqades tagħkom, u ma nxommx ir-riħa tal-bħur tagħkom. [Lev:26:32] Nagħmel ħerba mill-art, u jistagħġbu biha l-għedewwa tagħkom li jgħammru fiha. [Lev:26:33] U lilkom inxerred fost il-ġnus, u nislet ix-xabla għal warajkom, u artkom issir deżert u blietkom ħerba.

[Lev:26:34] “Mbagħad tifraħ l-art bis-sibtijiet tagħha, sakemm iddum imħarbta u intom f'art l-għedewwa tagħkom; tistrieħ l-art u titgħaxxaq bis-sibtijiet tagħha. [Lev:26:35] Tistrieħ kemm iddum il-ħerba, talli ma streħitx f'sibtijietek meta kontu tgħammru fiha intom. [Lev:26:36] Dawk li jibqa' minnkom, nimlielhom qalbhom b'biża' kbir f'art l-għedewwa tagħkom, u jaħarbu mal-ħoss taċ-ċaqliq ta' werqa, u jaħarbu bħalma jaħarbu quddiem ix-xabla, u jaqgħu fuq xulxin bla ma ħadd jiġri warajhom. [Lev:26:37] Jitfixklu wieħed f'ieħor bħal quddiem ix-xabla bla ma ħadd jiġri warajhom, u ħadd minnkom ma jieqaf lill-għedewwa. [Lev:26:38] Tintilfu fost il-ġnus u tiblagħkom art l-għedewwa tagħkom. [Lev:26:39] U dawk li jifdal minnkom jinfnew bi ħżunithom f'art l-għedewwa tagħkom u minħabba dnubiet missirijiethom bħalhom jintemmu.

[Lev:26:40] “Meta jistqarru dnubiethom u dnubiet missirijiethom li għamlu b'għemilhom kontra tiegħi, u talli baqgħu jżommuli iebes, [Lev:26:41] hekk li jiena wkoll kelli nżommilhom iebes, u nġibhom f'art l-għedewwa tagħhom; u meta titrattab il-qalb iebsa tagħhom u jħallsu minn qalbhom għal ħtijiethom; [Lev:26:42] mbagħad jien niftakar fil-patt tiegħi ma' Gakobb, u l-patt tiegħi ma' Iżakk; u niftakar fil-patt tiegħi ma' Abraham, u niftakar fl-art ukoll. [Lev:26:43] Imma qabel ikollhom iħallu l-art, u din tifraħ bis-sibtijiet tagħha fil-ħerba tagħha minħabba fihom, u huma jħallsu minn qalbhom għal ħtijiethom, talli warrbu l-liġijiet u stmerrew l-ordnijiet tiegħi.

[Lev:26:44] “Madankollu lanqas meta jkunu f'art l-għedewwa tagħhom ma nitlaqhom jew nistmerrhom; ma nasalx biex neqridhom, u nikser il-patt tiegħi magħhom: Jiena l-Mulej Alla tagħhom.

[Lev:26:45] “Niftakar minħabba fihom fil-patt ma' missirijiethom, li jien kont ħriġt l-ewwel mill-art ta' l-Eġittu taħt għajnejn il-ġnus, biex jien inkun Alla tagħhom: Jiena l-Mulej.”

[Lev:26:46] Dawn huma l-kmandamenti, il-preċetti u l-liġijiet li waqqaf il-Mulej bejnu u bejn ulied Iżrael fuq il-muntanja tas-Sinaj permezz ta' Mosè.

27. Il-wegħdi u l-għexur

[Lev:27:1] U kellem il-Mulej lil Mosè u qallu: [Lev:27:2] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta xi ħadd jagħmel wegħda lill-Mulej b'kemm tiswa ħajja ta' bniedem, [Lev:27:3] iqis ħamsin xekel tal-fidda skond ix-xekel tas-santwarju għal raġel bejn l-għoxrin u s-sittin sena; [Lev:27:4] u għal mara, tletin xekel; [Lev:27:5] u għal raġel bejn il-ħames snin u l-għoxrin, għoxrin xekel; u għal mara, għaxar xwiekel; [Lev:27:6] għal raġel minn xahar sa ħames snin, ħames xwiekel, u mara, tliet xwiekel tal-fidda; [Lev:27:7] u għal raġel ta' sittin sena u fuqhom, ħmistax-il xekel, u għal mara, għaxar xwiekel. [Lev:27:8] Jekk ikun fqir, u ma jiflaħx iħallas, jippreżenta ruħu quddiem il-qassis, u jara l-qassis kemm ikun jiswa; u l-qassis jistmah skond ma jkun jiflaħ min jagħmel il-wegħda.

[Lev:27:9] “Jekk tkun bhima li tista' tingħata lill-Mulej b'sagrifiċċju, kull ma jingħata minnha lill-Mulej ikun ikkonsagrat. [Lev:27:10] Ma tistax tingħata ħaġa b'oħra, lanqas tinbidel ħaġa tajba f'waħda ħażina, u lanqas ħażina f'waħda tajba; jekk wieħed jibdilha, bhima b'bhima, il-waħda u l-oħra jkunu kkonsagrati. [Lev:27:11] Jekk tkun bhima mniġġsa li ma tistax tingħata b'offerta lill-Mulej, jippreżentaw il-bhima quddiem il-qassis. [Lev:27:12] U hu, tajba jew ħażina, jistmaha; u kemm jistmaha l-qassis, daqshekk tkun tiswa. [Lev:27:13] U jekk wieħed ikun irid jifdiha, iżid mill-ħamsa waħda ma' kemm tkun tiswa.

[Lev:27:14] “Meta wieħed jikkonsagra daru u jqaddisha lill-Mulej, jistmaha l-qassis, tajba jew ħażina; u kemm jistmaha l-qassis, daqshekk tkun tiswa. [Lev:27:15] U jekk min jikkonsagraha jkun irid jifdiha, iżid mill-ħamsa waħda mal-flus li tkun tiswa, u tkun tiegħu.

[Lev:27:16] “Jekk wieħed jikkonsagra xi ħaġa mill-wirt tar-raba' tiegħu lill-Mulej, inti tistmaha skond kemm tieħu żerriegħa, ħamsin xekel tal-fidda għal kull ħomer żerriegħa tax-xgħir. [Lev:27:17] Jekk jikkonsagra l-għalqa tiegħu mis-sena tal-ġublew, il-ħlas jibqa' sħiħ kif ikun. [Lev:27:18] Imma jekk jikkonsagraha wara s-sena tal-ġublew, il-qassis jgħoddlu l-flus skond is-snin li jkun baqa' għas-sena tal-ġublew; u dan jitnaqqas mill-prezz li tkun tiswa. [Lev:27:19] U jekk ikun irid jifdi l-għalqa li jkun ikkonsagra, iżid mill-ħamsa waħda ma' kemm tkun stmajtha, u tkun tiegħu. [Lev:27:20] U jekk ma jifdix l-għalqa u jbigħha lil ħaddieħor, ma tkunx tista' tinfeda aktar. [Lev:27:21] U meta toħroġ l-għalqa ħielsa fis-sena tal-ġublew, din tkun ikkonsagrata lill-Mulej, bħall-art li tkun imwarrba u kkonsagrata lill-Mulej, u ssir propjetà tal-qassis.

[Lev:27:22] “Jekk xi ħadd jikkonsagra lill-Mulej art li jkun xtara, u mhux mir-raba' li jkun wiret, [Lev:27:23] il-qassis jistmaha kemm tiswa sas-sena tal-ġublew, u jagħti kemm tkun tiswa dakinhar, u tkun ikkonsagrata lill-Mulej. [Lev:27:24] Fis-sena tal-ġublew l-għalqa terġa’ lura għand min ikun xtraha mingħandu, jiġifieri għand sid l-art. [Lev:27:25] Kull stima ssir skond ix-xekel tas-santwarju, għoxrin gera x-xekel.

[Lev:27:26] “Ħadd ma jista' jikkonsagra lill-Mulej l-ewwel ferħ tal-bhejjem, għax dan hu l-bikri tal-Mulej, sew jekk ikun tal-baqar, sew tan-nagħaġ, għax dan hu digà tal-Mulej. [Lev:27:27] Jekk tkun bhima mniġġsa jifdiha b'kemm tkun tiswa u jżid mill-ħamsa waħda ma' prezzha; u jekk ma jifdihiex tinbiegħ b'kemm tistmaha. [Lev:27:28] Ebda ħaġa li wieħed ikun warrab minn kull ma jkollu - bniedem, bhima, raba' li jkun wiret - ma tista' tinbiegħ jew tinfeda; kull ħaġa mwarrba tkun mill-aktar sagra lill-Mulej. [Lev:27:29] L-ebda bniedem imwarrab ma jista' jinfeda, iżda għandhom jagħtuh il-mewt.

[Lev:27:30] “L-għexur kollha ta' l-uċuħ ta' l-art, mill-qmuħ tar-raba' u mill-frott tas-siġar, huma tal-Mulej u kkonsagrati lill-Mulej. [Lev:27:31] U jekk wieħed ikun irid jifdi xi ħaġa minnhom, iżid mill-ħamsa waħda magħhom. [Lev:27:32] L-għexur tal-baqar u ta' l-imrieħel huma dawn: l-għaxar ferħ minn kull għaxra, li jgħaddu minn taħt il-ħatar, ikun ikkonsagrat lill-Mulej. [Lev:27:33] Ma joqgħodx jara jekk ikunx tajjeb jew ħażin; u ma jibdlux; u jekk jibdlu, it-tnejn, sew il-wieħed u sew l-ieħor, ikunu kkonsagrati lill-Mulej, u ma jistgħux jinfdew.”

[Lev:27:34] Dawn huma l-ordnijiet li ordna l-Mulej lil Mosè għal ulied Iżrael fuq il-muntanja tas-Sinaj.