ITTRA LILL-KOLOSSIN

1. Tislima

[Kol:1:1] Pawlu, appostlu ta' Kristu Ġesł bir-rieda ta' Alla, u Timotju, ħuna, [Kol:1:2] lill-qaddisin u ħutna ta' Kolossi li jemmnu fi Kristu. Il-grazzja lilkom u s-sliem minn Alla, Missierna!

Pawlu jiżżi ħajr lil Alla

[Kol:1:3] Niżżu ħajr dejjem lil Alla, il-Missier ta' Sidna Ġesł Kristu, u nitolbu għalikom, [Kol:1:4] għax aħna smajna bil-fidi li għandkom fi Kristu Ġesł, u bl-imħabba tagħkom għall-qaddisin kollha, [Kol:1:5] minħabba fit-tama li hemm tistenniekom fis-smewwiet, li intom smajtu biha meta tħabbritilkom l-ewwel darba l-kelma tas-sewwa ta' l-Evanġelju. [Kol:1:6] Dan wasal għandkom bħalma qiegħed jagħti l-frott u jikber fid-dinja kollha, bħalma għamel s'issa fostkom, sa minn meta smajtu bil-grazzja ta' Alla u għaraftuha fis-sewwa. [Kol:1:7] Dan tgħallimtuh mingħand il-maħbub Epafra, seħibna fix-xogħol tagħna u ministru fidil ta' Kristu għalikom, [Kol:1:8] li għarraf lilna wkoll bl-imħabba li għandkom fl-Ispirtu.

Il-persuna u l-ħidma ta' Kristu

[Kol:1:9] Għalhekk aħna wkoll, mindu smajna bikom, ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-rieda ta' Alla bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali. [Kol:1:10] Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u togħġbuh f'kollox bil-frott ta' kull opra tajba, u tikbru fl-għarfien ta' Alla, [Kol:1:11] titwettqu bil-qawwa kollha li tiġi mill-qawwa tal-glorja tiegħu, biex tkunu tifilħu ġġarrbu kollox bis-sabar. Ifirħu [Kol:1:12] u roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. [Kol:1:13] Ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta' Ibnu l-maħbub, [Kol:1:14] li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

[Kol:1:15] Hu x-xbieha ta' Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
[Kol:1:16] għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
[Kol:1:17] Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
[Kol:1:18] Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu,
il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f'kollox.
[Kol:1:19] Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha; [Kol:1:20] bih Alla għoġbu jerġa' jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, mxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

[Kol:1:21] Intom ukoll kontu 'l bogħod minn Alla u għedewwa tiegħu minħabba l-ħażen ta' ħsibijietkom u għemilkom; [Kol:1:22] imma issa sirtu ħbieb tiegħu permezz tal-mewt ta' Ibnu mogħti għall-mewt skond il-ġisem, biex dan iressaqkom quddiemu qaddisa, safja u bla għajb, [Kol:1:23] kemm-il darba intom iżżommu sħaħ fil-fidi; sodi bla ma titħarrku mit-tama ta' l-Evanġelju li intom smajtu, u li tħabbar lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet, u li tiegħu jien, Pawlu, sirt ministru.

Il-ministeru ta' Pawlu fil-Knisja

[Kol:1:24] Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f'ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta' Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. [Kol:1:25] Tagħha jiena sirt ministru, skond ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b'mod sħiħ il-Kelma ta' Alla, [Kol:1:26] il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu, [Kol:1:27] lil dawk li Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja ta' dan il-misteru fost il-pagani, li hu Kristu fikom, it-tama tal-glorja tagħkom. [Kol:1:28] Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem għall-perfezzjoni fi Kristu. [Kol:1:29] Għalhekk jiena nitħabat u nissielet bis-saħħa tiegħu, li tinsab taħdem fija bil-qawwa kollha tiegħu.

2. [Kol:2:1] Irridkom tkunu tafu kemm kelli nissielet minħabba fikom u minħabba f'dawk li joqogħdu f'Laodiċija u oħrajn li qatt ma raw wiċċi b'għajnejhom. [Kol:2:2] Dan nagħmlu biex inqawwilhom qalbhom u jinġabru lkoll flimkien fl-imħabba, ħalli jaslu għall-għana tal-fehma sħiħa u l-għarfien tal-misteru ta' Alla li hu Kristu. [Kol:2:3] Fih hemm moħbija t-teżori kollha ta' l-għerf u l-għaqal. [Kol:2:4] Dan qiegħed ngħidhulkom biex ħadd ma jqarraq bikom b'xi kliem fieragħ. [Kol:2:5] Jekk jien m'iniex f'nofskom b'ġismi, ninsab magħkom b'ruħi. Nifraħ meta narakom iġġibu ruħkom bl-ordni u sħaħ fil-fidi tagħkom fi Kristu.

Il-milja tal-ħajja fi Kristu

[Kol:2:6] Intom ilqajtu lil Kristu Ġesł l-Mulej; għixu mela magħqudin miegħu; [Kol:2:7] niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi, kif tgħallimtu, u mtlew bil-gratitudni. [Kol:2:8] Qisu li ħadd ma ijassarkom b'filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-bnedmin, skond il-prinċipji tad-dinja u mhux ta' Kristu. [Kol:2:9] Fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinitą fil-ġisem; [Kol:2:10] u intom, magħqudin kif intom miegħu, għandkom sehem mill-milja tiegħu, hu li hu r-Ras tal-Prinċipati u tas-Setgħat kollha.

[Kol:2:11] Fih intom kontu ċirkonċiżi, mhux biċ-ċirkonċiżjoni b'idejn il-bnedmin, imma biċ-ċirkonċiżjoni ta' Kristu, li biha intom inżajtu mill-ġisem tad-dnub; [Kol:2:12] ndfintu miegħu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta' Alla li qajjmu mill-imwiet. [Kol:2:13] Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f'ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma' Kristu:

Ħafrilna dnubietna kollha.
[Kol:2:14] Ħassar il-kont tad-dejn li kellna
bl-obbligi li kien hemm kontrina;
neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.
[Kol:2:15] Neżża' l-Prinċipati u s-Setgħat,
u għamel wirja minnhom quddiem
id-dinja, u karkarhom warajh fit-trijonf tiegħu bi Kristu.

[Kol:2:16] Ħadd ma għandu jiġġudikakom fuq ikel u xorb, fuq festi u jiem ta' qamar ġdid, u fuq sibtijiet: [Kol:2:17] dawn huma dell tal-ħwejjeġ li għandhom jiġu, imma r-realtą hija Kristu. [Kol:2:18] Tħallux lil min jisirqilkom il-premju billi jagħmilha ta' l-umli u taparsi jqim lill-anġli, jimla rasu bil-viżjonijiet u moħħu bil-frugħat ta' bniedem li hu [Kol:2:19] bla ma jżomm mar-Ras li minnha l-ġisem kollu, permezz ta' l-għekiesi u l-irbit tiegħu, jieħu l-għajxien u l-għaqda biex jikber skond ma jagħtih Alla.

Il-ħajja ġdida fi Kristu

[Kol:2:20] Ladarba intom, bil-mewt tagħkom ma' Kristu, ħlistu mill-prinċipji tad-dinja, għala issa, bħallikieku għadkom tgħixu għad-dinja, tintrabtu bi preċetti bħalma huma: [Kol:2:21] "La tiħux dan, la dduqx din, la tmissx dak?" [Kol:2:22] U dan kollu għal ħwejjeġ li jiġu fix-xejn bl-użu: preċetti u tagħlim tal-bnedmin. [Kol:2:23] Fil-wiċċ jidhru li fihom xi għerf, reliġjon volontarja, umiltą u tgħakkis tal-ġisem; fir-realtą ma jiswew xejn ħlief biex ipaxxu l-frugħat tal-bniedem.

3. [Kol:3:1] Jekk intom irxuxtajtu ma' Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta' Alla. [Kol:3:2] Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f'dawk ta' l-art. [Kol:3:3] Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma' Kristu f'Alla. [Kol:3:4] Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, mbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. [Kol:3:5] Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu ta' l-art: żķna, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija. [Kol:3:6] Minħabba dan tilħaq il-korla ta' Alla lil dawk li ma jobdux. [Kol:3:7] Hekk intom kontu timxu wkoll meta kontu tgħixu fihom. [Kol:3:8] Iżda issa intom ukoll ħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, u l-kliem mhux xieraq warrbuh minn fommkom. [Kol:3:9] Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, [Kol:3:10] u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skond ix-xbieha ta' min ħalqu u jikber fl-għerf. [Kol:3:11] Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew Skita, lsir jew ħieles, iżda Kristu f'kollox u f'kulħadd.

[Kol:3:12] Intom il-magħżulin ta' Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta' ħniena, tjieba, umiltą, ħlewwa u sabar. [Kol:3:13] Stabru b'xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma' ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. [Kol:3:14] U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. [Kol:3:15] Ħalli s-sliem ta' Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed. U ta' dan roddu ħajr lil Alla. [Kol:3:16] Ħalli l-kelma ta' Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b'salmi u innijiet u b'għana spiritwali, u b'radd il-ħajr kantaw f'qalbkom innijiet lil Alla. [Kol:3:17] Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f'isem il-Mulej Ġesł, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

Il-ħajja fil-familja nisranija
[Kol:3:18] Intom, nisa miżżewwġa, obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej. [Kol:3:19] Intom imbagħad, irġiel miżżewwġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux iebsa magħhom.

[Kol:3:20] Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f'kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej. [Kol:3:21] Intom, missirijiet, la ddejjqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.

[Kol:3:22] Intom, lsiera, isimgħu f'kollox mis-sidien tagħkom bnedmin, mhux biex jarawkom huma u togħġbu lilhom, imma mill-qalb sempliċi tagħkom, għax tibżgħu mill-Mulej. [Kol:3:23] Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin; [Kol:3:24] għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja b'wirt għalikom il-Mulej. Aqdu lil Kristu Sidna. [Kol:3:25] Kull min jagħmel id-deni jitħallas tad-deni li jkun għamel, għax Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.

4. [Kol:4:1] Intom, sidien, agħtu lill-ilsiera tagħkom il-ħaqq u s-sewwa, u kunu afu li intom ukoll għandkom sid fis-sema.

Eżortazzjoni

[Kol:4:2] Żommu sħiħ fit-talb, ishru fih b'radd ta' ħajr lil Alla. [Kol:4:3] Itolbu wkoll għalina, biex Alla jiftħilna l-bieb għall-kelma u nxandru l-misteru ta' Kristu, li minħabba fih jien marbut bil-ktajjen. [Kol:4:4] Itolbu ħalli jiena nxandru u nitkellem fuqu kif għandi nitkellem. [Kol:4:5] Imxu bil-għaqal ma' dawk li huma barranin għalina; inqdew tajjeb b'kull okkażjoni. [Kol:4:6] Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-melħ ta' l-għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.

L-aħħar tislijiet

[Kol:4:7] Tikiku, ħija l-għażiż, il-qaddej fidil u ħaddiem miegħi fil-Mulej, jagħtikom aħbari. [Kol:4:8] Għalhekk jien bgħattu għandkom, biex tkunu tafu fiex ninsab u jqawwilkom qalbkom. [Kol:4:9] Bgħattu ma' Oneżimu, ħija l-għażiż u fidil, u wieħed minnkom ukoll. Huma jgħarrfukom b'kull ma qiegħed jiġri hawnhekk.

[Kol:4:10] Isellmilkom Aristarku, fil-ħabs miegħi, u Marku, il-kuġin ta' Barnaba - ġa għandkom l-ordnijiet dwaru; jekk jiġi għandkom ilqgħuh tajjeb - [Kol:4:11] u Ġożwč, li jgħidulu Ġustu. Dawn biss mil-Lhud li qegħdin jaħdmu miegħi għas-Saltna ta' Alla, u huma ta' faraġ kbir għalija. [Kol:4:12] Isellmilkom Epafra, wieħed minnkom, qaddej ta' Kristu Ġesł; dejjem iħabrek għalikom fit-talb biex intom iżżommu ruħkom sħaħ, perfetti u mwettqin fir-rieda ta' Alla. [Kol:4:13] Nixhidlu jien li hu jitħabat ħafna għalikom u għal dawk ta' Laodiċija u dawk ta' Ġerapoli. [Kol:4:14] Isellmilkom Luqa, it-tabib għażiż, u Dema. [Kol:4:15] Selluli għall-aħwa f'Laodiċija u għal Ninfa u l-knisja li tinġabar f'darha. [Kol:4:16] Meta tkunu qrajtu din l-ittra, ħudu ħsieb li jaqrawha wkoll fil-knisja ta' Laodiċija u intom taqraw l-ittra ta' Laodiċija. [Kol:4:17] Għidu lil Arkippu: Aħseb fil-ministeru li ħadt mill-Mulej, biex tagħmlu sewwa.

[Kol:4:18] It-tislija tiegħi, b'idi stess, Pawlu. Ftakru fil-ktajjen tiegħi. Il-grazzja tkun magħkom.