IL-KTIEB TA’ ISAIJA

L-Ewwel Parti : Kap 1 sa 39

1. [Is:1:1] Il-viżjoni ta' Isaija bin Amos, li kellu dwar
Ġuda u Ġerusalemm fi żmien Għużżija, Ġotam, Aħaż, Ħeżekija, slaten ta' Ġuda.

Ġens midneb

[Is:1:2] Isimgħu, smewwiet!
Agħti widen, art!
Għax tkellem il-Mulej:
"Ulied rabbejt u kabbart,
u huma qamu kontrija.
[Is:1:3] Il-gendus jagħraf lil sidu,
u l-ħmar il-maxtura ta' sidu;
imma Iżrael ma jagħrafx,
il-poplu tiegħi ma jifhimx."
[Is:1:4] Jaħasra għalik,
ġens midneb,
poplu mgħobbi bil-ħażen,
nisel il-ħżiena,
ulied imħassrin!
Telqu lill-Mulej;
maqdru l-Qaddis ta' Iżrael,
nġibdu lura minnu.
[Is:1:5] Għaliex tridu tissawwtu aktar?
Għaliex tibqgħu tirvillaw?
Ir-ras kollha marida,
il-qalb kollha mifnija.
[Is:1:6] Minn qiegħ ir-riġel sar-ras,
xejn ma hemm sħiħ fih.
Xejn ħlief drib, tbenġil u ġrieħi jnixxu.
Ma naddfuhomx, anqas rabtuhom,
lanqas dewwewhom biż-żejt.

[Is:1:7] Artkom imħarbta,
blietkom maħruqa bin-nar;
ir-raba' tagħkom quddiemkom għad jikluh
il-barranin;
kollox ħerba bħal Sodoma fit-tiġrif.

[Is:1:8] Waħedha baqgħet bint Sijon,
bħal għarix f'qasam dwieli,
bħal girna f'għalqa bħajra,
bħal belt imdawwra.
[Is:1:9] Li kieku l-Mulej ta' l-eżerċti ma ħallilniex
fdal żgħir,
bħal Sodoma konna nkunu,
lil Gomorra konna nixbhu.

Sejħa għall-konverżjoni

[Is:1:10] Isimgħu l-kelma tal-Mulej,
intom prinċpijiet ta' Sodoma;
agħtu widen għat-tagħlim ta' Alla tagħna,
intom nies ta' Gomorra.
[Is:1:11] X'tiswieli l-kotra tas-sagrifiċċji tagħkom?",
jgħid il-Mulej.
Xbajt mis-sagrifiċċji tal-ħruq tal-bdabad,
u mix-xaħam tal-bhejjem smien.
Id-demm tal-gniedes u l-ħrief,
u ta' l-imtaten ma jogħġobnix.

[Is:1:12] Meta tiġu taraw wiċċi
min ifittex dawn mingħandkom,
biex tiġu tikkalpestawli l-btieħi tiegħi?
[Is:1:13] Iġġibux iżjed offerti fiergħa;
sirt nistkerrhu l-bħur,
il-qamar ġdid, is-sibt, u l-laqgħat li ssejjħu:
ma niflaħx għall-ħażen flimkien mal-festi.
[Is:1:14] L-ewwel tax-xhur u l-festi tagħkom,
jien nobgħodhom,
piż huma għalija, għejejt nerfgħu.
[Is:1:15] Meta intom tiftħu idejkom,
jien inwarrab għajnejja minnkom;
ukoll jekk tkattru t-talb,
jien ma nismagħkomx,
għax idejkom mimlija demm.

[Is:1:16] Inħaslu u tnaddfu,
neħħu l-ħażen ta' għemilkom minn quddiem
għajnejja,
ieqfu mill-ħażen.
[Is:1:17] Tgħallmu għamlu t-tajjeb,
fittxu d-dritt,
sewwu l-inġustizzji,
iddefendu l-iltim,
aqbżu għall-armla.
[Is:1:18] Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien,
jgħid il-Mulej,
mqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt,
isiru bojod bħas-silġ;
mqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi,
isiru bojod bħas-suf.

[Is:1:19] Jekk intom tridu u tobdu,
intom tieklu l-ġid ta' l-art.
[Is:1:20] Iżda jekk tgħidu le u twebbsu raskom,
ix-xabla tikolkom,
għax fomm il-Mulej tkellem."

Il-ġudizzju u l-fidwa ta' Sijon

[Is:1:21] Kif saret żienja l-belt fidila!
Kienet mimlija bil-ġustizzja,
kien jgħammar fiha s-sewwa,
imma issa l-qattiela.
[Is:1:22] Il-fidda tiegħek inbidlet f'karfa,
l-inbid tiegħek mifqugħ bl-ilma.
[Is:1:23] Il-prinċpijiet tiegħek qamu fuq tagħhom,
u ssieħbu mal-ħallelin.
Lkoll iħobbu r-rigali,
u jagħmlu għal wara l-qligħ.
L-iltim ma jagħmlulux ġustizzja,
u l-kawża ta' l-armla għandhom ma tasalx.
[Is:1:24] Għalhekk dan hu l-oraklu ta' Sidna,
il-Mulej ta' l-eżerċti,
il-Qawwi ta' Iżrael:
"Ah! Nivvendika ruħi mill-għedewwa tiegħi;
nitħallas mill-għedewwa tiegħi.
[Is:1:25] Nmidd idejja għal fuqek,
u nsaffik fil-forġa minn ħmieġek,
u ċ-ċomb kollu nneħħilek.
[Is:1:26] U nraġġa' l-imħallfin tiegħek għal li kienu
dari,
u l-kunsillieri tiegħek għal li kienu fil-bidu.
Mbagħad isejjħulek:
'Belt is-Sewwa,
il-Belt Fidila'."

[Is:1:27] Bil-ġustizzja Sijon għad tinfeda;
u dawk li jikkonvertu jinfdew bis-sewwa.
[Is:1:28] Imma l-midinbin u l-ħatjin flimkien jitkissru;
u dawk li jitilqu l-Mulej jintemmu.

[Is:1:29] Għax intom għad tistħu mill-ballut li
ħabbejtu;
u għad titriegħxu minħabba l-ġonna li għażiltu.
[Is:1:30] Għad tkunu bħal balluta bil-weraq midbiel;
bħal ġnien bla ilma fih.
[Is:1:31] U l-bniedem b'saħħtu jsir stoppa,
u għemilu xrar,
u jieħdu n-nar flimkien,
bla ma ħadd jitfihom.

2. Is-saltna tas-sliem

[Is:2:1] Il-kelma li ġiet f'dehra lil Isaija bin Amos,
dwar Ġuda u Ġerusalemm.
[Is:2:2] Għad jiġri fl-aħħar jiem
li l-għolja tad-dar tal-Mulej
togħla 'l fuq mill-qċaċet tal-muntanji,
u tintrefa 'l fuq mill-għoljiet,
lejha għad jiġru l-ġnus kollha.
[Is:2:3] Kotra ta' popli għad jiġu u jgħidu:
"Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej,
lejn id-dar ta' Alla ta' Ġakobb,
biex jgħallimna triqatu,
u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.
Għax minn Sijon joħroġ it-tagħlim,
u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm."

[Is:2:4] Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus,
u jaqta' s-sentenza bejn ħafna popli;
u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f'sikek tal-moħriet,
u l-lanez tagħhom fi mnieġel.
Ebda ġens ma jerfa' x-xabla kontra ġens ieħor,
u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.
[Is:2:5] Ejja, dar Ġakobb,
ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!

Il-ġudizzju ta' l-imkabbrin

[Is:2:6] Iva! Int abbandunajt il-poplu tiegħek,
id-dar ta' Ġakobb,
għax imtlew bis-saħħara
u bil-bassara bħall-Filistin,
u ħadu b'idejn il-barranin.
[Is:2:7] U arthom imtliet bil-fidda u d-deheb,
u t-teżori tagħhom bla qjies;
pajjiżhom mimli biż-żwiemel,
u l-karrijiet tagħhom bla qjies.
[Is:2:8] U mtliet arthom bl-idoli;
iqimu xogħol idejhom,
u kull ma ħadmu subgħajhom.
[Is:2:9] U l-bniedem jiċċekken,
u r-raġel jaqa' fix-xejn,
għalhekk la taħfrilhomx!
[Is:2:10] Idħol fil-blat u nħeba fit-trab,
minħabba t-twerwir tal-Mulej
u d-dija tal-kobor tiegħu.
[Is:2:11] Titbaxxa l-ħarsa mkabbra tal-bniedem,
u s-suppervja tal-bniedem tiġi fix-xejn,
u dakinhar jitgħolla waħdu l-Mulej.

[Is:2:12] Għax għad ikun hemm jum għall-Mulej ta'
l-eżerċti,
għal kull min hu kburi u supperv,
għal kull min hu merfugħ u mkabbar;
[Is:2:13] għaċ-ċedri kollha tal-Libanu,
mkabbra u għolja,
għall-ballut kollu ta' Basan;
[Is:2:14] għall-muntanji kollha għolja,
għall-għoljiet kollha merfugħa;
[Is:2:15] għat-torrijiet kollha għolja;
għal kull sur imsaħħaħ;
[Is:2:16] għal kull ġifen ta' Tarsis,
għal kull xini kollu ġmiel.
[Is:2:17] Tiġġarraf il-kburija tal-bniedem,
u titniżżel is-suppervja tal-bniedem;
u dakinhar,
jitgħolla waħdu l-Mulej,
[Is:2:18] U l-idoli jdubu għalkollox,
[Is:2:19] u n-nies jidħlu fl-għerien tal-blat,
u fil-ħofor tat-trab ta' l-art,
minħabba t-twerwir tal-Mulej,
u d-dija tal-glorja tiegħu,
meta jqum biex iriegħed l-art.

[Is:2:20] Dakinhar il-bniedem jarmi xbihat allatu,
tal-fidda u d-deheb li għamel biex iqimhom;
jixħethom għall-ġrieden u għall-friefet il-lejl;
[Is:2:21] biex jidħol fl-għerien tal-blat
u fi xquq l-irdum,
minħabba t-twerwir tal-Mulej
u d-dija tal-glorja tiegħu,
meta jqum biex iriegħed l-art.
[Is:2:22] Ħallikom minnu l-bniedem,
għax nifs biss għandu fi mnifsejh,
ma jiswa xejn!

3. Il-ġudizzju ta' Ġuda u Ġerusalemm

[Is:3:1] Iva, araw, is-Sid, il-Mulej ta' l-eżerċti
ineħħi minn Ġerusalemm u minn Ġuda
kull irfid u rifda:
kull matmura ta' ħobż u kull ħażna ta' ilma;
[Is:3:2] il-qalbieni u l-gwerrier,
l-imħallef u l-profeta,
il-bassâr u l-anzjan,
[Is:3:3] il-fizzjal tal-ħamsin u n-nobbli,
il-kunsillier u l-imgħallem tas-sħarijiet,
u l-imħarreġ fil-magħmul.
[Is:3:4] U nagħtihom tfal bi prinċpijiethom;
u t-trabi għad jaħkmuhom.

[Is:3:5] Il-poplu jgħakkes wieħed lil ieħor,
ħabib lil ieħor.
Iż-żgħażagħ jiżżarġnu fuq ix-xjuħ,
il-bniedem ta' xejn fuq in-nobbli.
[Is:3:6] U jaqbad wieħed lil ħuh f'dar missieru u
jgħidlu:
"Int għandek mantar, ejja u aħkem fuqna,
ħa tkun din il-ħerba taħt idejk."
[Is:3:7] Imma dakinhar dan iwieġeb:
"Jien m'iniex tabib,
m'għandix f'dari u la ħobż u lanqas mantar.
La tagħmlunix ħâkem tal-poplu!"
[Is:3:8] Għax iġġarrfet Ġerusalemm u Ġuda waqgħet.
Għax ilsienhom u għemilhom kontra l-Mulej,
biex jeħduha kontra l-glorja tiegħu.
[Is:3:9] Il-ħarsa ta' wiċċhom tixhed kontriehom,
dnubiethom bħal Sodoma jxandru bla ma jaħbuhom.
Ħażin għalihom,
għax b'idejhom iġibu fuqhom stess il-ħsara.

[Is:3:10] Hieni l-ġust għax tiġih tajba,
għax għad jiekol frott għemilu.
[Is:3:11] Gwaj għall-ħażin, għax tiġih ħażina,
għax għemil idejh għad jilħquh.
[Is:3:12] Il-poplu tiegħi, it-tfal għad jaħkmuhom,
u n-nisa għad iżarġnu fuqhom.
Poplu tiegħi, ħżiena huma l-mexxejja tiegħek,
iħarbtu t-triq tal-mogħdija tiegħek.
[Is:3:13] Il-Mulej iqum biex jeħodha magħhom,
u jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.
[Is:3:14] Il-Mulej ġej jagħmel il-ħaqq
mill-anzjani u l-prinċpijiet tal-poplu tiegħu:
"Intom ħarbattu qasam id-dwieli,
sraqtu l-fqir u mlejtu djarkom.
[Is:3:15] Għaliex tgħakksu l-poplu tiegħi,
u titħnu wiċċ il-fqir?"
Oraklu ta' Sidi, il-Mulej ta' l-eżerċti.

Il-ġudizzju ta' bniet Sijon

[Is:3:16] U jgħid il-Mulej:
"Il-bniet ta' Sijon tkabbru,
jimxu b'għonqhom imserdak,
u b'għajnejhom jegħmżu,
jgħaddu jiżżegilgu,
u jċekċku ċ-ċnieċel ta' riġlejhom.
[Is:3:17] Għalhekk Sidi għad jiksi bil-qxur
il-qorriegħa ta' bniet Sijon,
u għerithom jikxfilhom il-Mulej.

[Is:3:18] Dakinhar Sidi jneżżagħhom
mit-tlellix tal-ħoloq ta' l-għekiesi,
mix-xmux u l-oqmra,
[Is:3:19] mill-imsielet u l-brazzuletti,
mill-filoxx [Is:3:20] u l-faxex tar-ras,
mill-ġawhar imsensel mar-riġlejn,
mit-trieħi u l-kwies tal-fwejjaħ,
mill-amuleti [Is:3:21] u ċ-ċrieket,
mill-ħoloq għall-imnieħer,
[Is:3:22] mill-ilbies rikk u mill-imnatar,
mix-xalel u mill-boroż,
[Is:3:23] mill-mirja u x-xalpi tal-filoxx,
mill-ilbies ta' l-għażel fin,
mit-trabant u mill-krâkar.

[Is:3:24] U jkun hemm dakinhar
minflok fwieħa, ntejjen;
minflok trieħi, ħbula;
minflok xagħar midfur, qriegħi;
minflok ilbies rikk, tgeżwir bix-xkejjer;
minflok ġmiel, it-timbru tal-jasar.
[Is:3:25] L-irġiel tiegħek jaqgħu taħt ix-xabla,
u l-qalbiena fit-taqtigħa.
[Is:3:26] U l-bwieb tagħha jibku u jixhru,
u hi għerja, mitluqa ma' l-art.

4. [Is:4:1] U dakinhar jaqbdu seba' nisa ma'
raġel wieħed u jgħidulu:
"Nieklu ħobżna u nxiddu lbiesna,
biżżejjed nissejjħu b'ismek;
neħħi l-għajb minn fuqna."

Il-glorja ta' Ġerusalemm

[Is:4:2] Dakinhar
ir-rimja tal-Mulej tkun ġmiel u glorja,
u l-frott ta' l-art ikun kburija u żina tal-fdal ta' Iżrael.
[Is:4:3] U jiġri li min jibqa' f'Sijon
u min jitħalla f'Ġerusalemm,
qaddis jissejjaħ,
min hu miktub għall-ħajja f'Ġerusalemm.
[Is:4:4] Meta Sidi jkun naddaf il-ħmieġ tal-bniet
ta' Sijon,
u ħasel id-dmija ta' Ġerusalemm minn ġo nofsha
b'ruħ il-ġustizzja u b'riħ il-qerda,
[Is:4:5] joħloq il-Mulej
fuq il-medda kollha tal-muntanja ta' Sijon,
u fuq in-nies miġmugħa fiha
sħaba binhar u duħħan,
u dija ta' nar iħeġġeġ billejl,
għax fuq kollox tinfirex il-glorja
[Is:4:6] bħal għarix għad-dell mis-sħana binhar
u kenn u lqugħ mill-irwiefen u x-xita.

Il-parabbola ta' l-għalqa tad-dwieli

5. [Is:5:1] Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi
l-għanja ta' mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.
Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli
fuq għolja għammiela.

[Is:5:2] Għażaqha u naddafha miż-żrar,
u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar;
bena torri f'nofsha,
u wkoll ħaffer magħsar fiha.
Stennieha tagħmel l-għeneb tajjeb,
iżda kull ma għamlet kien għeneb qares.

[Is:5:3] U issa, intom li tgħammru f'Ġerusalemm,
rġiel ta' Ġuda,
agħmlu intom ħaqq bejni u bejn l-għalqa
tad-dwieli tiegħi.
[Is:5:4] X'kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi
u ma għamiltux?
Stennejtha tagħmel għeneb tajjeb,
u kull ma għamlet kien għeneb qares.
[Is:5:5] U issa ħa nurikom
x'sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli.
Nneħħilha l-ilqugħ ta' madwarha,
u jħarbtuha;
nġarrfilha l-ħajt,
biex in-nies tgħaffiġha.
[Is:5:6] Nagħmel minnha xagħra;
ħadd ma jiżborha jew jaħdimha,
u jinbet fiha x-xewk u l-ħurrieq.
Jien ngħid lis-sħab
biex ma jagħmilx xita fuqha!
[Is:5:7] Għax l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej ta'
l-eżerċti
hija d-dar ta' Iżrael;
u l-irġiel ta' Ġuda
huma l-mixtla ta' l-għalqa tiegħu.
Huwa stenna l-ġustizzja,
u araw sab it-tixrid tad-demm,
stenna s-sewwa,
u araw sama' l-għajat tal-maħqura.

Il-kastig tal-ħżiena

[Is:5:8] Gwaj għal dawk li jżidu dar ma' dar,
u jgħaqqdu għalqa ma' għalqa,
sakemm ma jibqax aktar wisa'
u tibqgħu tgħammru weħidkom f'nofs il-pajjiż!
[Is:5:9] Jien smajt b'widnejja l-Mulej ta' l-eżerċti:
"Naħlef li dawn il-ħafna djar isiru ħerba,
djar kbar u sbieħ,
u ħadd ma jgħammar fihom.

[Is:5:10] Għax għaxar fiddien dwieli jagħtu bat
wieħed;
u ħomer żerriegħa jagħmlu efa."

[Is:5:11] Gwaj għal dawk li jbakkru fil-għodu,
u jiġru għal wara s-sokor;
jiddawwru billejl sa ma jisħnu bl-inbid.
[Is:5:12] Kitarra u arpa, tanbur u flawt,
u nbid x'jixorbu fl-ikliet tagħhom,
u xejn ma jaħsbu f'għemil il-Mulej,
u għemil idejh ma jagħtux kasu.
[Is:5:13] Għalhekk il-poplu tiegħi jitturufnawh,
għax hu poplu bla moħħ.
U l-kbarat tiegħu bil-ġuħ imutu,
tinxef bil-għatx il-kotra tiegħu.
[Is:5:14] Għalhekk iwassa' x-Xeol griżmejh
u jiftaħ ħalq daqsiex,
u fih jinżlu n-nobbli u l-kotra,
u l-għajat u t-tbahrid tal-belt.
[Is:5:15] Jiċċekken il-bniedem,
jitgħakksu l-uħud,
u jitniżżlu għajnejn l-imkabbrin.
[Is:5:16] U l-Mulej ta' l-eżerċti jitkabbar f'jum
il-ħaqq,
u Alla l-Qaddis jitqaddes bil-ġustizzja.
[Is:5:17] Mbagħad jirgħu l-ħrief bħallikieku
f'mergħathom,
u l-gidjien jixtarru qalb il-ħrieb.
[Is:5:18] Gwaj għal dawk li jiġbdu l-ħażen lejhom
bil-ħbula tal-barrin;
u d-dnub bil-ħbula tal-karrijiet.
[Is:5:19] Gwaj għal dawk li jgħidu:
"Ħa jfittex jagħmel li għandu jagħmel
ħalli narawh;
ħa joqrob u jseħħ ħsieb il-Qaddis ta' Iżrael,
ħalli nagħrfuh!"
[Is:5:20] Gwaj għal dawk li jsejjħu tajjeb il-ħażin,
u ħażin it-tajjeb;
u jibdlu d-dlam mad-dawl,
li jibdlu l-morr mal-ħelu,
u l-ħelu mal-morr.
[Is:5:21] Gwaj għad dawk li huma għorrief
f'għajnejhom,
u mingħalihom għandhom id-dehen.
[Is:5:22] Gwaj għal dawk qalbiena għal xorb l-inbid,
u rġiel jinqalgħu għat-taħlit ta' xorb is-sokor.
[Is:5:23] Gwaj għal dawk li jeħilsu l-ħati mit-tixħim;
u mid-dritt tiegħu jċaħħdu l-bniedem sewwa.
[Is:5:24] Għalhekk kif ilsien in-nar jikkonsma
l-qasab,
u bħalma l-ħaxix niexef in-nar jibilgħu,
hekk għerqhom għad jitħassar,
u n-nwar tagħhom bħat-trab jittajjar.
Għax huma warrbu l-liġi tal-Mulej ta' l-eżerċti
u stmerrew il-kelma tal-Qaddis ta' Iżrael.
[Is:5:25] Għalhekk xegħlet il-korla tal-Mulej
għall-poplu tiegħu
u medd idu fuqu u darbu;
u theżhżu l-muntanji,
il-katavri tagħhom sfaw bħaż-żibel f'nofs it-triq.
B'danakollu ma waqfitx il-korla tiegħu,
u mimduda għandha idu.

L-invażjoni ta' Iżrael

[Is:5:26] U għolla stendard lill-ġens mill-bogħod;
u saffarlu minn truf l-art;
arawh ġej ħafif ħafif.
[Is:5:27] Ħadd minnhom m'hu għajjien, ħadd ma
jogħtor;
ħadd ma jongħos, ħadd m'hu rieqed.
Ħżiem ġenbejhom m'hux merħi,
u lanqas maħlula l-qafla ta' qrieqhom.

[Is:5:28] Misnuna l-vleġeġ tagħhom,
u qwieshom kollha miġbuda;
bħaż-żnied dwiefer iż-żwiemel tagħhom,
bħal riefnu r-roti ta' karrijiethom;
[Is:5:29] it-tgargir tagħhom bħal ta' l-iljun,
bħal-frieħ l-iljun igargru
jgħajjtu u jaħtfu l-priża,
jaħarbu biha u ħadd ma jeħodhielhom;
[Is:5:30] Jgħajjtu għalih dakinhar,
bħall-għajat tal-baħar.
U jħares lejn l-art, u ara, dalma u diqa,
u d-dawl imdallam bis-sħab iswed tagħha.

6. Is-sejħa ta' Isaija

[Is:6:1] Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija,
jien rajt lil Sidi
bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ 'il fuq;
djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju.
[Is:6:2] 'Il fuq minnu kien hemm serafini,
kull wieħed b'sitt ġwienaħ:
bi tnejn kienu jgħattu wiċċhom,
bi tnejn kienu jgħattu riġlejhom,
u bi tnejn jittajjru.

[Is:6:3] U kienu jgħajjtu u jwieġbu lil xulxin:
"Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej ta' l-eżerċti.
L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu."
[Is:6:4] Bl-għajat tagħhom is-sisien ta' l-għetiebi
theżhżu,
u t-tempju mtela bid-duħħan.

[Is:6:5] Mbagħad jiena għedt:
"Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b'xufftejh imniġġsa jien!
U f'nofs poplu b'xufftejh imniġġsa ngħammar;
madankollu rajt b'għajnejja lis-Sultan,
Il-Mulej ta' l-eżerċti."

[Is:6:6] Wieħed mis-serafini ttajjar lejja,
b'ġamra nar f'idu,
li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-artal,
[Is:6:7] u messli fommi biha u qalli:
"Ara, din messitlek xufftejk:
ħżunitek għebet,
u dnubek inħafer."

[Is:6:8] Mbagħad smajt leħen Sidi jgħid:
"Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?"
U jien weġibt:
"Hawn jien: ibgħat lili!"

[Is:6:9] U hu wieġeb: "Mur u għid lil dan il-poplu:
Tisimgħu, iva, imma ma tifhmux,
taraw, iva, imma la tagħrfux.

[Is:6:10] Semmen qalb dan il-poplu,
soddlu widnejh,
agħmilu għajnejh,
li ma jmurx jara b'għajnejh,
u jisma' b'widnejh,
u f'qalbu jifhem,
u jdur u jfiq."

[Is:6:11] U jien għedt: "Sakemm Sidi?"
U hu wieġeb: "Sakemm jitħarbtu l-bliet,
u ħadd ma jgħammar fihom,
u d-djar jibqgħu bla nies,
u r-raba' jinbidel f'xagħri.

[Is:6:12] U l-Mulej ibiegħed lin-nies
u bosta jkunu l-imkejjen fil-pajjiż mitluqa.
[Is:6:13] U tibqa' l-waħda fl-għaxra,
imma wkoll din terġa' tilħaq il-ħerba.
Bħalma l-balluta u t-terebint meta jqaċċtuhom,
minnhom jibqa' biss iz-zokk."
Żerriegħa qaddisa jkun iz-zokk tagħha.

7. Il-messaġġ ta' Isaija lil Aħaż

[Is:7:1] Fi żmien Aħaż bin Ġotam, bin Għużżija, sultan ta' Ġuda, ġara li Resin, sultan ta' Aram, uPekaħ bin Remalija, sultan ta' Iżrael, telgħu Ġerusalemm biex jaħbtu għaliha, imma ma felħux għaliha.

[Is:7:2] U wasslu l-aħbar f'dar David u qalulu: "Aram waqqaf il-kamp f'Efrajm. "U qalbu u qalb il-poplu triegħdu bħalma jitriegħdu l-friegħi fil-masġar bir-riħ.

[Is:7:3] U l-Mulej qal lil Isaija: "Mur iltaqa' ma' Aħaż, int u ibnek Sijarjasub, f'tarf is-sieqja tal-ġiebja l-fuqanija, fuq triq l-għalqa tal-Ħassiel.

[Is:7:4] U għidlu, "Qis li sserraħ rasek, la tibżax, la taqtax qalbek quddiem dawk iż-żewġt ifdal ta' ħatbiet idaħħnu, mill-qilla tar-rabja ta' Resin, ta' Aram u ta' bin Remalija.

[Is:7:5] Għax Aram, Efrajm u bin Remalija
nasbu d-deni kontrik [Is:7:6] u qalu: '
'Ħa nitilgħu għal Ġuda, naħtfuha
f'idejna, u nġegħluha toqgħod għalina,
u nqiegħdu sultan
fuqha lil bin Tabal.'
[Is:7:7] "Dan jgħid Sidi l-Mulej:
'Dan ma jseħħx u ma jkun qatt.
[Is:7:8] Għax ras Aram Damasku,
u ras Damasku Resin;
ħamsa u sittin sena oħra u
Efrajm isir bċejjeċ, ma jibqax poplu.
[Is:7:9] U ras Efrajm Samarija,
u ras Samarija bin Remalija.
Jekk ma temmnux, ma tibqgħux sħaħ.' "

Il-profezija fuq Għimmanu-el

[Is:7:10] Il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu:
[Is:7:11] "Itlob sinjal għalik
mingħand il-Mulej, Alla tiegħek,
f'qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet."

[Is:7:12] U Aħaż wieġeb:
"Ma nitlobx:
ma rridx nittanta lill-Mulej."
[Is:7:13] U l-profeta wieġeb:
"Isimgħu, mela, dar David:
m'hux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin,
biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi?
[Is:7:14] Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess:
Araw, ix-xebba titqal u tiled iben,
u ssemmih Għimmanu-el.
[Is:7:15] Baqta u għasel jiekol,
meta jasal biex jagħraf iwarrab il-ħażin
u jagħżel it-tajjeb.
[Is:7:16] Għaliex qabel ma t-tifel jagħraf iwarrab
il-ħażin u jagħżel it-tajjeb,
titħarbat l-art,
li quddiem is-slaten tagħha inti mbażża'.
[Is:7:17] U l-Mulej iġib fuqek, u fuq il-poplu tiegħek,
u fuq dar missierek, jiem li qatt ma ġew mindu nfirdu
Efrajm minn Ġuda - is-sultan ta’ L-Assirja!"
[Is:7:18] U jiġri f'dak il-jum:
isaffar il-Mulej lid-dubbiena,
li hemm f'ras ix-xmajjar ta' l-Eġittu,
u lin-naħla li hemm fl-art ta' l-Assirja.
[Is:7:19] U jiġu u jistrieħu lkoll
fil-widien, fl-irdumijiet, fi xquq il-blat,
fuq l-għollieq imxewwek u fuq kemm hemm wesgħat.
[Is:7:20] Dakinhar iqaxxar Sidi
b'mus mikri min-naħa l-oħra tax-xmara,
bis-sultan ta' l-Assirja,
il-qorriegħa tar-ras u x-xagħar tar-riġlejn,
u jġiżż il-leħja wkoll.
[Is:7:21] U jiġri dakinhar,
li kull wieħed irabbi baqra u żewġ nagħġiet,
[Is:7:22] u minħabba l-kotra tal-ħalib li jagħmlu
jiekol il-baqta,
għax baqta u għasel jiekol,
kull min jifdal f'nofs l-art.
[Is:7:23] U jiġri wkoll dakinhar
li kull imkien li fih elf dielja
jiswew elf xekel tal-fidda,
hemm jitla' x-xewk u l-ħurrieq.
[Is:7:24] Bil-vleġeġ u l-qaws jgħaddu minnha
għax fl-art kollha jkun hemm xewk u ħurrieq.
[Is:7:25] U l-muntanji kollha fejn kienu jagħżqu
bl-imgħażqa,
ma tgħaddix minħabba l-biża' tax-xewk ul-ħurrieq.
Imma hemm jitilqu l-gniedes,
u jirgħu n-nagħaġ.

8. Isem bin il-profeta

[Is:8:1] U l-Mulej qalli: "Ħu tavlozz kbir u ikteb fuqu
b'ittri komuni: 'Lil Maħer-salal-ħas-baż'."
[Is:8:2] U ħadt xhieda ta' fiduċja, il-qassis Urija u
'l Żakkarija bin Ġeberkija.
[Is:8:3] Mbagħad jien ersaqt lejn il-profetissa, u
tqalet, u wildet iben.
U l-Mulej qalli: "Semmih:
'Maħer-salal-ħas-baż'.
[Is:8:4] Għaliex qabel ma t-tifel jitgħallem jgħid:
'pa u ma'
jittieħed il-ġid ta' Damasku u l-priża ta'
Samarija quddiem is-sultan ta' l-Assirja."
[Is:8:5] U l-Mulej issokta jkellimni u jgħidli:
[Is:8:6] "Ladarba dan il-poplu stmell l-ilma ta' Silwam,
li jgħaddi ħelu ħelu u nħall bil-biża' quddiem Resin
u bin Remalija,
[Is:8:7] għalhekk, araw, Sidi jtella' għal fuqhom
l-ilma tax-xmara kotran u qawwi,
is-Sultan ta' l-Assirja u l-qawwa tiegħu kollha,
u togħla 'l fuq mis-swieqi kollha tagħha,
u taqbeż xtutha kollha;
[Is:8:8] u tixtered fuq art Ġuda,
tgħarraq u tfawwar,
sa ma tilħaq sa l-għonq.
Il-medda ta' ġwenħajh,
tgħatti l-wisa' kollu ta' artek,
Għimmanu-el!
[Is:8:9] Kunu afu, ġnus, li għad titkissru;
agħtu widen, intom ilkoll mill-ibgħad artijiet,
tħażżmu, imma għad titkissru,
tħażżmu, imma għad titkissru.
[Is:8:10] Fasslu pjan u jisfrattalkom,
tkellmu bejnietkom, imma kliemkom ma jseħħx:
għax Alla magħna!

Ibżgħu mill-Mulej

[Is:8:11] Dan jgħidli l-Mulej, hu u jaqbadni b'id
qawwija biex ma jħallinix nimxi fi triq dan il-poplu:
[Is:8:12] "Issejjħulux ftehim dak li dan il-poplu
jsejjaħlu ftehim.
La tibżgħux mit-tbeżżigħ tiegħu,
u la titregħdux minnu.
[Is:8:13] Il-Mulej ta' l-eżerċti,
lilu għandkom tqaddsu,
minnu għandkom tibżgħu,
minnu għandkom titriegħdu.
[Is:8:14] U jkun għalikom maqdes,
imma ġebla għat-tfixkil,
u blata għall-waqgħa
taż-żewġt idjar ta' Iżrael;
xbiek u mansab għal min jgħammar f'Ġerusalemm.
[Is:8:15] Ħafna minnhom għad jogħtru,
jaqgħu u jitfarrku,
fix-xbiek jinqabdu u jaħtfuhom."
[Is:8:16] Jien naqfel din ix-xhieda
u nissiġilla t-tagħlim fid-dixxipli tiegħi;
[Is:8:17] nittama fil-Mulej,
li ħeba wiċċu minn dar Ġakobb;
u nafda fih.
[Is:8:18] Arawni, jien u wliedi li tani l-Mulej,
aħna sinjali u għeġubijiet f'Iżrael,
mingħand il-Mulej ta' l-eżerċti,
li jgħammar fuq l-għolja ta' Sijon.
[Is:8:19] In-nies jgħidulkom:
"Staqsu l-ispirti u l-bassara,
lis-sefsefin u l-gedwedin.
Forsi m'għandux il-poplu jistaqsi lill-allat tiegħu,
u għall-ħajjin ma jistħarrġux lill-mejtin?"
[Is:8:20] Wieġbu: 'Għandna t-tagħlim u x-xhieda.'
Min ma jgħidx kliem bħal dan,
qisu wieħed bla dawl is-sebħ.
[Is:8:21] U jgħaddi mill-art magħkus u mġewwaħ;
u meta jieħdu l-ġuħ jitmasħan
u jisħet lis-sultan u lill-allat tiegħu;
jgħolli wiċċu 'l fuq,
[Is:8:22] u jħares lejn l-art;
imma ħlief diqa u dlam ma jarax,
dlam u taħbit.
Imma l-lejl għad jgħib;
[Is:8:23a] dlam aktar ma jkunx hemm,
fejn qabel kien hemm id-dwejjaq.

Il-Prinċep tas-sliem

[Is:8:23b] Bħalma qabel fl-imgħoddi kien mela
bl-għajb
l-art ta' Żebulun u l-art ta' Naftali,
hekk issa fl-aħħar isebbaħ it-triq tal-baħar,
'l hemm mill-Ġordan,
il-Galilija tal-ġnus.

9. [Is:9:1] Il-poplu li kien miexi fid-dlam
ra dawl kbir;
in-nies li joqogħdu f'art id-dlam
dawl idda fuqhom.
[Is:9:2] Int kattart il-ġens,
kabbart l-hena;
huma ferħu quddiemek,
bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,
bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
[Is:9:3] Għax il-madmad li kien itaqqlu,
u l-ħatar ta' fuq spallejh,
u l-bastun ta' l-argużin,
int kissirthom bħal f'jum Midjan.
[Is:9:4] Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa,
kull mantell mgħargħar fid-demm
jispiċċa għall-ħruq,
biex jieklu n-nar.
[Is:9:5] Għax tweldilna tifel,
ngħatalna iben;
is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh:
"Kunsillier ta' l-għaġeb, Alla setgħan,
Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem."
[Is:9:6] Kbira tkun setegħtu,
u s-sliem bla qjies
fuq it-tron ta' David u s-saltna tiegħu.
Hu jwettaqha u jsaħħaħha
bil-ħaqq u s-sewwa,
minn issa u għal dejjem.
Il-ħeġġa tal-Mulej ta' l-eżerċti tagħmel dan.

L-għadab ta' Alla kontra Iżrael

[Is:9:7] Bagħat Sidi kelma kontra Ġakobb,
u waqgħet fuq Iżrael.
[Is:9:8] Il-poplu kollu jkun jaf,
Efrajm u dawk li jgħammru f'Samarija,
dawk li jgħidu mkabbra u suppervi f'qalbhom:
[Is:9:9] "Waqa' x-xaqquf, nibnu bil-ġebel minġur;
tqaċċat il-ġummajż, nxettlu ċ-ċedru."
[Is:9:10] U l-Mulej qajjem kontrieh l-avversarji tiegħu,
u xewwex l-għedewwa tiegħu:
[Is:9:11] Lil Aram mil-lvant, u l-Filistin mill-punent,
li belgħu lil Iżrael b'ħalq daqsiex.
B'danakollu l-kotra tiegħu ma reġgħetx lura,
u idu għadha merfugħa.
[Is:9:12] Il-poplu ma darx lejn min darbu,
u l-Mulej ta' l-eżerċti ma fittxewhx.
[Is:9:13] Għalhekk il-Mulej qata' minn Iżrael
ir-ras u d-denb,
il-palma u s-simar f'jum wieħed;
[Is:9:14] l-anzjan u n-nobbli huma r-ras,
u l-profeta, mgħallem il-gideb, id-denb!
[Is:9:15] Il-mexxejja ta' dan il-poplu mexxewh ħażin,
u ntilfu l-immexxjin.
[Is:9:16] Għalhekk Sidi ma jħennx għaż-żgħażagħ
tagħhom;
ma jitħassarx l-iltiema u r-romol tagħhom.
Għax ilkoll midgħajja u ħżiena;
kull fomm jitkellem il-bluha.
Minkejja dan għadbu ma reġax lura,
u idu għadha merfugħa.
[Is:9:17] Għax il-ħażen bħal ħuġġieġa nar,
jibla' x-xewk u l-ħurrieq,
u jqabbad il-ħatab tal-masġar,
u jinbarmu 'l fuq f'kolonna duħħan.
[Is:9:18] Bl-għadab tal-Mulej ta' l-eżerċti maħruqa
l-art,
u l-poplu bħal ikel in-nar,
u ma jaħmilx wieħed lil ieħor.
[Is:9:19] Jaħtaf min-naħa tal-lemin, u jibqa' bil-ġuħ,
jiekol min-naħa tax-xellug, u ma jixbax,
kull wieħed jiekol laħam għajru.
[Is:9:20] Manassi kontra Efrajm,
Efrajm kontra Manassi,
it-tnejn flimkien kontra Ġuda.
Minkejja dan għadbu ma reġax lura,
u idu għadha merfugħa.

10. [Is:10:1] Gwaj għal dawk li jagħmlu l-ħaqq ħażin,
u għall-kittieba ħfief biex jiktbu d-dnewwa;
[Is:10:2] li jwarrbu mill-ġustizzja l-imsejknin,
u jisirqu jedd il-fqar tal-poplu tiegħi;
jagħmlu priża mir-romol,
u jaħtfu ġid l-iltiema.
[Is:10:3] X'se tagħmlu f'jum il-kastig?
Fil-ħerba li ġejja mill-bogħod?
Lejn min sa dduru għall-għajnuna?
U ġidkom fejn se tħalluh?
[Is:10:4] Ma jibqgħalkomx ħlief titrekknu qalb
l-ilsiera,
jew taqgħu fost il-mejtin.
Madankollu għadbu ma reġax lura
u idu għadha merfugħa.

L-Assirja l-ħatar f'idejn il-Mulej

[Is:10:5] Gwaj għall-Assirja, il-ħatar ta' għadbi
u l-għasluġ fil-qilla tiegħi.
[Is:10:6] Għall-poplu midgħi jien nibagħtu,
u kontra l-ġens tad-dagħdigħa tiegħi jien nordnalu,
li jħarbtu bla ħniena, jaħtaflu l-priża,
u jgħaffeġ fuqu bħat-tajn ta' l-art.
[Is:10:7] Imma hu ma jifhimhiex hekk,
u f'qalbu ma jidhirlux hekk:
għax f'qalbu għandu li jħarbat,
u jeqred ġnus fuq ġnus.
[Is:10:8] Għax jgħid:
"Jaqaw il-prinċpijiet tiegħi m'humiex kollha slaten?
[Is:10:9] M'hijiex Kalnu bħal Karkemis?
M'hijiex Ħamat bħal Arfad?
M'hijiex Samarija bħal Damasku?
[Is:10:10] Bħalma idejja laħqu dawn is-saltniet ta'
l-allat,
fejn kellhom idoli aktar minn Ġerusalemm u Samarija;
[Is:10:11] bħalma għamilt lil Samarija u lil allatha,
ma nagħmilx lil Ġerusalemm u lil allatha?"

[Is:10:12] U meta Sidi jtemm li għandu jagħmel fuq
l-għolja ta' Sijon u Ġerusalemm, hu jikkastiga l-frott
tal-kburija ta' qalb is-sultan ta' l-Assirja u l-ħarsa
mżarġna tar-refgħa ta' għajnejh.
[Is:10:13] Għax hu qal:
"Bis-saħħa ta' idejja għamilt dan;
u bl-għaqal tiegħi, għax moħħi jilħaqli,
neħħejt il-fruntieri tal-popli,
u ħtaftilhom ġidhom,
u bħall-ġorf niżżilt lis-slaten.
[Is:10:14] U idi, bħallikieku sabet bejta,
ħatfet ġid il-popli.
Bħalma jiġbru l-bajd mitluq,
jien ġbart l-art kollha,
bla ma ħadd ħarrek ġwenħajh,
jew fetaħ munqaru u pespes."
[Is:10:15] Forsi qatt ftaħret il-mannara
kontra min iqaċċat biha?
Forsi l-munxar qatt qam għal min jaħdem bih?
Bħallikieku l-ħatar jista' jħarrek lil min jerfgħu,
jew l-għasluġ lil dak li m'hux xi biċċa għuda?
[Is:10:16] Għalhekk għad jibgħat is-Sid,
il-Mulej ta' l-eżerċti,
l-għelubija f'simnitu,
u f'ġewwenih iqabbadlu l-ħruq,
il-ħruq tan-nar.
[Is:10:17] U x-xrara ta' Iżrael issir nar,
il-Qaddis ta' Iżrael nar iħeġġeġ,
jaħraq u jikkonsma f'jum wieħed
il-ħurrieq u x-xewk.
[Is:10:18] U l-ġmiel tal-masġar u tal-ġnien tiegħu
itemmu għalkollox,
bħal bniedem mifni u mitluq.
[Is:10:19] U jingħadd il-fdal tas-siġar tal-masġar
tiegħu;
biżżejjed tfajjel biex jgħoddhom.

Il-fdal ta' Iżrael

[Is:10:20] U jiġri dakinhar li
l-fdal ta' Iżrael u l-bqija ta' dar Ġakobb
ma jibqgħux iżjed jistrieħu fuq min sawwathom,
imma jitwieżnu bis-sewwa fuq il-Mulej,
il-Qaddis ta' Iżrael.
[Is:10:21] Fdal jerġa' lura,
il-fdal ta' Ġakobb,
lejn Alla, il-Qawwi tagħhom.
[Is:10:22] Għax, mqar jekk il-poplu tiegħek Iżrael,
ikun bħar-ramel tal-baħar,
fdal biss minnu għad jerġa' lura:
għax il-qerda tagħhom hi deċiża,
deċiżjoni tfawwar bil-ġustizzja.
[Is:10:23] Iva, deċiża l-qerda li se jagħmel Sidi,
il-Mulej ta' l-eżerċti,
fl-art kollha.
[Is:10:24] Għalhekk dan jgħid Sidi, il-Mulej ta'
l-eżerċti:
"La tibżax, poplu tiegħi,
int li tgħammar f'Sijon,
mill-Assirja li sawwtitek,
refgħet fuqek il-bastun tagħha,
bħalma għamlulek fl-Eġittu.
[Is:10:25] F'qasir żmien għad tibred is-saħna tiegħi,
u l-korla tiegħi ddur għall-qerda tagħhom.
[Is:10:26] Mbagħad il-Mulej ta' l-eżerċti
ixejjer sawt għal fuqu,
bħalma darba ħabat għal Midjan
ħdejn il-blata ta' Għoreb;
u l-bastun jerfa' għal fuq il-baħar,
bħalma refgħu għall-Eġittu.
[Is:10:27] U jiġri dakinhar
li titneħħa minn fuq spalltek it-tagħbija,
u l-madmad tiegħu jitkisser minn fuq għonqok.

L-avanzata ta' l-Assirja

U l-qerried tala’ minn Rimmon,
[Is:10:28] wasal Għajjât, qasam minn Migron,
f'Mikmas ħalla t-tagħmir tiegħu;
[Is:10:29] qasmu l-mogħdija,
f'Geba waqqfu l-kamp,
Rama titriegħed,
Gibgħa ta' Sawl ħarbet.
[Is:10:30] Għolli leħnek, Bat-gallim.
Agħti widen, Lajsa;
wieġeb, Għanatot.
[Is:10:31] Madmena maħruba,
in-nies ta' Gebim ifittxu l-kenn.
[Is:10:32] Illum stess ikun f'Nob,
u jxejjer idu lejn l-għolja ta' bint Sijon,
il-muntanja ta' Ġerusalemm.
[Is:10:33] Arawh is-Sid, il-Mulej ta' l-eżerċti,
iqaċċat il-friegħi bil-mannara,
jitqaċċtu l-ogħla,
u jiġġarrfu l-għoljin.
[Is:10:34] Jaħsad il-qalba tal-masġar bil-ħadid,
u jiġġarraf il-Libanu bi ġmielu.

11. Is-saltna ta' nisel Ġesse

[Is:11:1] Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta' Ġesse,
għad tinbet rimja minn għeruqu:
[Is:11:2] fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej,
l-ispirtu ta' l-għerf u d-dehen,
l-ispirtu ta' l-għaqal u l-qawwa,
l-ispirtu ta' l-għerf u l-biża' tal-Mulej,
[Is:11:3] u l-għaxqa tiegħu fil-biża' tal-Mulej.
Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn,
u ma jagħtix sentenza skond ma jisma',
[Is:11:4] iżda jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja,
u jagħti sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin ta' l-art.
Isawwat il-kiefra bix-xettru ta' fommu,
u b'nifs xufftejh joqtol lill-ħażin.
[Is:11:5] Il-ħżiem ta' ġenbejh tkun il-ġustizzja,
u l-fedeltà l-ħżiem ta' qaddu.
[Is:11:6] Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf,
il-leopard mal-gidi,
u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun,
daqsxejn ta' tfajjel isuqhom.
[Is:11:7] Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien,
u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu.
L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben.
[Is:11:8] It-tarbija tal-ħalib
titliegħeb fil-ħofra tas-serp;
u t-tifel miftum
idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.
[Is:11:9] Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara
fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi,
għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej
bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.
[Is:11:10] Mbagħad jiġri f'dak il-jum
li l-għerq ta' Ġesse jieqaf
bħala sinjal għall-popli.
Lilu jfittxu l-ġnus,
u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.
[Is:11:11] U jiġri f'dak il-jum, il-Mulej jerġa'
jmidd idu,
biex jikseb fdal il-poplu tiegħu, li jkun fadal,
mill-Assirja u mill-Eġittu,
minn Patros u minn Kus,
minn Għelam u minn Singħar,
minn Ħamat u mill-gżejjer tal-baħar.
[Is:11:12] U jgħolli sinjal lill-ġnus,
u jiġbor il-mormijin ta' Iżrael,
u jiġbor l-imxerrdin ta' Ġuda
mill-erbat itruf ta' l-art.
[Is:11:13] Tintemm l-għira ta' Efrajm,
u jinqerdu l-għedewwa ta' Ġuda.
Efrajm ma jgħirx aktar għal Ġuda,
u Ġuda ma jobgħodx lil Efrajm.
[Is:11:14] Itiru għal fuq għoljiet il-Filistin lejn
il-punent,
u flimkien jaħtfu lin-nies tal-lvant.
Fuq Edom u Mowab imiddu idejhom,
u jaħkmu lil ulied Għammon.
[Is:11:15] U l-Mulej inixxef ilsien il-baħar ta' l-Eġittu,
u jxejjer idu fuq ix-xmara bis-sħana tar-riħ tiegħu;
u jofroqha f'seba' widien,
u jaqsmuha bil-qrieq.
[Is:11:16] U jkun hemm mogħdija għall-poplu tiegħi,
għal dawk li jifdal fl-Assirja,
bħalma kien hemm għal Iżrael,
dakinhar li telgħu mill-art ta' l-Eġittu.

12. Għanja ta' radd il-ħajr

[Is:12:1] U inti tgħid dakinhar:
"Nroddlok ħajr, Mulej, għaliex għadabt għalija;
imma l-korla tiegħek reġgħet lura, u farraġtni.
[Is:12:2] Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża'.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni."
[Is:12:3] Kollkom ferħana timlew l-ilma
mill-għejun tas-salvazzjoni.
[Is:12:4] F'dak il-jum għad tgħidu:
"Roddu ħajr lill-Mulej,
sejjħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli.
[Is:12:5] Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf ma' l-art kollha.
[Is:12:6] Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar
f'Sijon,
għax kbir hu f'nofsok il-Qaddis ta' Iżrael!"

13. L-oraklu fuq Babilonja

[Is:13:1] Oraklu fuq Babilonja. Viżjoni li kellu Isaija
bin Amos:
[Is:13:2] Fuq għolja xagħrija tellgħu stendard;
għollu leħinkom lejhom,
xejjrulhom idkom,
ħalli jidħlu minn bwieb il-kbarat.
[Is:13:3] Jien tajt l-ordni lill-qaddisin tiegħi,
sejjaħt lill-gwerriera qalbiena tiegħi,
kollhom ħeġġa għall-glorja tiegħi,
biex jagħmlu li jrid għadbi.
[Is:13:4] Isimgħu l-għagħa fuq il-muntanji,
għagħa ta' poplu sħiħ.
Isimgħu t-tgeġwiġ ta' saltniet u ġnus miġmugħa;
il-Mulej ta' l-eżerċti għaddej
minn nofs eżerċtu lest għall-gwerra.
[Is:13:5] Ġejjin minn art imbiegħda,
minn truf is-smewwiet,
il-Mulej u t-tagħmir ta' għadbu,
biex jagħmel ħerba mid-dinja kollha.
[Is:13:6] Ixhru, għax qorob Jum il-Mulej,
bħal qerda mingħand is-Setgħan.
[Is:13:7] Għalhekk idejn kulħadd jintelqu,
u qalb kull bniedem tinħall,
u lkoll jitwerwru.
[Is:13:8] Uġigħ u brim jaqbadhom,
bħal mara fil-ħlas jitkagħwġu;
miblugħin iħarsu lejn xulxin,
wiċċhom wiċċ in-nar.

Jum il-Mulej

[Is:13:9] Araw, Jum il-Mulej għad jasal,
kiefer, mgħaddab, ħuġġieġa nar bil-korla,
biex jagħmel mill-art ħerba,
u jeqred minnha l-midinbin.
[Is:13:10] Il-kwiekeb tas-smewwiet u l-ġemgħat
tagħhom
ma jarmux aktar id-dija tad-dawl tagħhom.
Hi u tielgħa, ix-xemx tiddallam,
u l-qamar ma jroxx dawlu.
[Is:13:11] Jien nitħallas mid-dinja għal ħżunitha,
u mill-ħżiena għal ħtijiethom.
Nġib fix-xejn il-kburija tas-suppervi,
u n-nies vjolenti mmidd ma' l-art.
[Is:13:12] Nagħmel in-nies aktar rari mid-deheb fin,
u l-bnedmin jonqsu aktar mid-deheb ta' Ofir.
[Is:13:13] Is-smewwiet jitqallbu ta' taħt fuq,
u minn sisienha titheżheż l-art,
bis-saħna tal-Mulej ta' l-eżerċti,
f'jum in-nar tal-korla tiegħu.
[Is:13:14] Mbagħad bħal għażżiela jiġru warajha,
bħal merħla m'hemm ħadd jiġborha,
idur kull wieħed lejn il-poplu tiegħu,
u kull bniedem lejn artu jaħrab.
[Is:13:15] Kull min jinsab, jinfduh;
kull min jinqabad, jgħadduh mix-xabla.
[Is:13:16] Itertqulhom it-trabi quddiem għajnejhom;
Jisirqulhom 'il djarhom u san-nisa jkasbrulhom.
[Is:13:17] Arawni, jien inqajjem għalihom il-Medi,
li l-fidda ma jaħsbux fiha,
u anqas għad-deheb ma jagħmlu.
[Is:13:18] Qwieshom itertqu ż-żgħażagħ,
bla ħniena għal frott il-ġuf,
bla ħasra għall-ulied.

Il-Medi jkissru 'l Babilonja

[Is:13:19] Issir Babilonja, il-ġawhra ta' l-imperi,
iż-żîna u l-foħrija tal-Kaldin,
bħal Sodoma u Gomorra,
meta ġġarrfu b'idejn Alla.
[Is:13:20] Qatt aktar ma titgħammar,
minn żmien għal żmien ħadd aktar ma
joqgħod fiha.
L-Għarbi ma jtellax l-għarix fiha,
u r-rgħajja ma jserrħux l-imrieħel tagħhom.
[Is:13:21] Imma hemm jistrieħu l-bhejjem
tax-xagħri;
fi djarhom tbejjet il-kokka,
u jgħammru n-ngħam.
Hemm jaqbżu l-mogħoż selvaġġi;
[Is:13:22] tnewwaħ il-jena fil-kastelli tagħhom,
u x-xakalli fi djarhom tal-pjaċir.
Is-siegħa tagħha waslet,
u jiemha iżjed ma jtulux.

14. Il-ħelsien ta' Iżrael

[Is:14:1] Iva, il-Mulej iħenn għal Ġakobb, u jerġa'
jagħżel lil Iżrael, u jġibhom jistrieħu f'arthom.
Magħhom jissieħbu u l-barranin jitwaħħdu ma' dar
Ġakobb. [Is:14:2] Jiġbruhom il-popli u jeħduhom
f'imkienhom. Tiksibhom dar Iżrael bħala lsiera, rġiel
u nisa, f'art il-Mulej; u jkunu lsiera dawk li kienu
jassruhom, u maħkuma l-ħakkiema tagħhom.

[Is:14:3] Dakinhar il-Mulej iserrħek mill-uġigħ, minn
inkwietek, mill-jasar iebes li ġibuk fih.

L-umiljazzjoni tas-sultan ta' Babilonja

[Is:14:4] U int tinfexx f'din l-għanja lis-sultan ta'
Babilonja u tgħidlu:
"Ah, kif intemm it-tirann,
kif intemmet kburitu!
[Is:14:5] Kisser il-Mulej ħatar il-ħżiena,
ix-xettru tal-ħakkiema;
[Is:14:6] kien isawwat il-popli fis-saħna tiegħu,
bi swat ma jaqta' qatt;
kien jiżżarġan f'qilltu fuq il-ġnus,
b'tirannija bla lġiem.
[Is:14:7] U issa li strieħet u kkwitat l-art kollha,
nfexxew f'għajat ta' ferħ.
[Is:14:8] Mqar iċ-ċipress jifraħ minħabba fik,
hekk ukoll iċ-ċedri tal-Libanu, u jgħidu:
'Mindu int tinsab mimdud,
ħadd ma jitla' jqaċċat minna.'
[Is:14:9] Art l-Imwiet minn taħt tqanqlet,
biex tilqgħek mal-wasla tiegħek;
tqajjem għalik l-erwieħ,
il-kbarat kollha ta' l-art;
tqajjem mit-tronijiet tagħhom
is-slaten kollha tal-ġnus.
[Is:14:10] Lkoll jinfexxu jitkellmu u jgħidulek:
'Int ukoll ġejt fix-xejn bħalna,
f'kollox sirt tixbahna.
[Is:14:11] Tniżżlet kburitek f'Art l-Imwiet,
bid-daqq ta' l-arpi tiegħek,
friexek taħtek it-taħsir,
u d-dud għatietek.
[Is:14:12] Mis-smewwiet kif iġġarraft,
int il-kewkba ta' filgħodu, bin iż-żerniq!
Kif stabatt ma' l-art,
int li l-ġnus kont tfarrak!
[Is:14:13] U int kont tgħid f'qalbek:
'Nitla' sas-smewwiet,
'il fuq mill-kwiekeb ta' Alla.
it-tron tiegħi ngħolli
u ngħammar fuq il-muntanja ta' laqgħat l-allat,
fi truf it-tramuntana.
[Is:14:14] Nitla' sa fuq qċaċet is-sħab,
insir nixbah lil Alla l-Għoli.
[Is:14:15] Imma issa, arak, mġarraf f'art l-imwiet,
f'qiegħ l-għammieq.

[Is:14:16] Jiskantaw, dawk li jarawk,
jitħassbu fik:
'Hu dan il-bniedem li qalleb id-dinja ta' taħt fuq,
li riegħed is-saltniet,
[Is:14:17] li għamel deżert mill-art,
u blietha għamilhom trab,
li lill-ilsiera ma ħallihomx imorru d-dar?'

[Is:14:18] Is-slaten kollha tal-ġnus,
lkoll mistrieħa bil-ġieħ,
kull wieħed f'qabru.
[Is:14:19] Imma int mormi 'l bogħod minn qabrek,
bħal fergħa mistmerra
mlibbes bħall-maqtulin minfuda bis-sejf,
li jinżlu sal-qiegħa tal-ħofra,
bħal ġisem mirfus taħt ir-riġlejn.
[Is:14:20] Ma' dawk li tniżżlu f'ħoġor il-qabar,
int qatt ma tkun midfun.
Għax int ħarbatt lil artek,
u l-poplu tiegħek qtilt.
Qatt iżjed ma jissemma nisel il-ħażin.
[Is:14:21] Ħejju għall-qatla ta' wliedu
minħabba l-ħażen ta' missierhom,
li ma jqumux u jirtu l-art
u jimlew bil-ħerba d-dinja.

[Is:14:22] "Jien inqum għalihom,
oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti,
neqred lil Babilonja,
isimha u fdalha,
nisilha u razzitha,
oraklu tal-Mulej.

[Is:14:23] Nagħmel minnha għamara għall-qanfud
u mistagħdar ta' ilma qiegħed.
Niknisha bl-ixkupa tal-qerda,"
oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.

Il-qerda ta' l-Assirja

[Is:14:24] Ħalef il-Mulej ta' l-eżerċti u qal:
"Bħalma ħsibt jien hekk jiġri;
bħalma jien iddeċidejt, hekk isir.
[Is:14:25] Lill-Assirja nkisser f'arti,
u fuq il-muntanji tiegħi nisħaqha:
u minn fuqhom jitneħħa l-madmad tagħha,
minn fuq spallejhom titneħħa tagħbijietha."
[Is:14:26] Din hija d-deċiżjoni li ttieħdet
għall-art kollha;
u din hi l-id merfugħa fuq il-ġnus kollha.
[Is:14:27] Il-Mulej ta' l-eżerċti ddeċieda,
u min se jfixklu?
U idu merfugħa min se jniżżilha?

L-oraklu fuq il-Filistja

[Is:14:28] Fis-sena li miet is-sultan Aħaż tħabbar
dan l-oraklu:
[Is:14:29] "La tiftaħarx, Filistja, kollha,
talli tkisser il-ħatar li kien isawwtek.
Minn għerq is-serp toħroġ lifgħa,
u frottu jkun serpent tan-nar itir.
[Is:14:30] Jirgħu l-foqra fil-mergħat tiegħi,
u l-imsejknin jistrieħu b'moħħhom kwiet;
imma noqtol bil-ġuħ lil għerqek,
u fdalek neqred.
[Is:14:31] Ixher, ja bieb! Għajjat, ja belt!
Triegħed, Filistja, kollok kemm int!
Għax daħna riesqa mit-tramuntana;
armata bla diżerturi."
[Is:14:32] Xi jwieġbu lill-messaġġiera tal-ġnus?
"Il-Mulej waqqaf lil Sijon fis-sod,
u fiha jistkennu l-imsejknin tal-poplu tiegħu."

15. L-oraklu fuq Mowab

[Is:15:1] L-oraklu kontra Mowab:
"F'lejl wieħed tħarbtet, Għar-mowab inqerdet;
f'lejl wieħed tħarbtet, Kir-mowab inqerdet.
[Is:15:2] Telgħet bint Dibon, tibki fuq l-għoljiet ‘
għal Nebo u Medeba, jixher Mowab.
Kull ras imqarwża, kull leħja mqaxxra!
[Is:15:3] Fi triqtu lebsin l-ixkejjer,
u fuq bjutu jnewwħu,
fil-pjazez tiegħu jixhru bid-dmugħ iġelben!
[Is:15:4] U jwerżaq Ħesbon u Elgħali,
għajathom jinstama' sa minn Ġaħas.
Għalhekk ġenbejn Mowab jitriegħdu,
u jitħawwad f'ruħu.
[Is:15:5] Qalbi tgħajjat għal Mowab;
il-maħrubin tiegħu jiġru lejn Sogħar,
lejn Għeglat-selisija.
Iva, it-telgħa ta' Luħit jitilgħuha jibku;
iva, fi triq Ħoronajm, jgħajjtu għajat ta' qsim il-qalb.
[Is:15:6] Għax l-ilmijiet ta' Nimrim saru ħerba,
nixef il-ħaxix, għab l-inbiet,
m'hemm ebda ħdura.
[Is:15:7] Għalhekk kull ma kisbu, u kull ma ħażnu,
għal Wied il-Luq ġarrewh.
[Is:15:8] Għax it-twerżiq ġera madwar truf Mowab,
sa Eglajm jidwi x-xhir tagħha,
u l-għajat sa Bir-elim.
[Is:15:9] L-ilmijiet ta' Dimon mimlija demm,
u għad nissokta nżid kontra Dimon,
l-iljuni għall-maħrubin minn Mowab,
u għal min jibqa’ fil-pajjiż.

16. L-oraklu fuq Mowab

[Is:16:1] Ibagħtu l-ħrief lil sid l-art,
minn Sela, mix-xagħra, lejn l-għolja ta' Sijon!
[Is:16:2] U jkunu bħal għasafar maħruba,
bħal bejta mtajjra,
il-bniet ta' Mowab,
huma u jaqsmu l-Arnon.
[Is:16:3] "Agħtina parir, ħu deċiżjoni!
agħmel dellek f'nofsinhar bħal-lejl.
aħbi lill-mitlufin,
tikxifx il-maħrubin!"
[Is:16:4] Ħa jgħammru miegħek il-maħrubin ta'
Mowab,
kun kenn għalihom minn quddiem il-qerried;
għax kif jintemm it-tirann,
u tgħib il-qerda,
u jintemm il-qerried mill-art,
[Is:16:5] jitwaqqaf fuq it-tjieba u s-sewwa t-tron,
u joqgħod fuqu fis-sod,
fit-tinda ta' David,
mħallef li jfittex id-dritt,
u ħafif biex jagħmel il-ġustizzja.
[Is:16:6] Smajna bis-suppervja ta' Mowab,
mkabbar għall-aħħar;
smajna bi tkabbiru, bi ftaħiru, b'qilltu
u bit-tpaċpiċ vojt tiegħu.
[Is:16:7] Għalhekk jixher Mowab għal Mowab;
jixhru lkoll għal Mowab,
jitniehdu mnikkta għall-ftajjar taż-żbib ta'
Kir-ħareset.
[Is:16:8] Għax ir-raba' ta' Ħesbon mejjet,
id-dielja ta' Xibna sidien il-ġnus għaffġuha,
u ż-żraġen tagħha kienu jilħqu sa Ġagħżer, u jaslu
sad-deżert;
u l-friegħi tagħha kienu nfirxu u xterdu 'l hinn
mill-baħar.
[Is:16:9] Għalhekk jien nibki, bħalma tibki Ġagħżer,
id-dielja ta' Xibna.
Bi dmugħi nsaqqikom, 'il Ħesbon u 'l Elgħali.
Għax fuq l-għelejjel u fuq il-ħsad tiegħek,
waqgħet l-għajta tal-gwerra.
[Is:16:10] Għabu l-ferħ u l-hena mill-ġonna,
fl-oqsma tad-dwieli m'hemmx aktar għana,
u iżjed ma jgħajjtux bil-ferħ.
Fl-imgħasar ma jagħsarx l-għassar l-inbid;
l-għajta siktet ta' l-għasir.
[Is:16:11] Għalhekk ġewwenija bħal arpa jokorbu
għal Mowab,
u qalbi għal Kir-ħeres.
[Is:16:12] U Mowab għad jidher u għad tinkedd fuq
l-għoljiet,
u jidħol jitlob fil-maqdes tagħha, ma jiswielu xejn.
[Is:16:13] Dan hu kliem il-Mulej, li darba qal
għal Mowab.
[Is:16:14] Imma issa l-Mulej qal: "Fi tliet snin,
magħdudin bħal
tliet snin tal-ħaddiem mikri, il-glorja ta' Mowab
bil-kotra kollha tiegħu jżebilħuha u ma jibqax
minnu ħlief
fdal żgħir ħafna u bla fejda."

17. L-oraklu fuq Damasku u Efrajm

[Is:17:1] Oraklu fuq Damasku:
"Araw, Damasku ma tibqax aktar belt,
imma ssir ħerba!
[Is:17:2] Blietha għad jitilquhom għal dejjem,
u jibqgħu għall-imrieħel,
hemm jimteddu u ħadd ma jgerrixhom.
[Is:17:3] Il-fortizza tispiċċa minn idejn Efrajm,
u s-saltna minn Damasku.
U jiġrilu fdal Aram kif se jiġri lil sebħ ulied Iżrael,
oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.
[Is:17:4] U jiġri f'dak il-jum li
s-sebħ ta' Ġakobb jidbiel,
u s-simna ta' laħmu togħlob.
[Is:17:5] Jiġrilu bħal meta l-ħassad jaqbad iż-żara'
u driegħu jaħsad is-sbul;
u jiġrilu bħal wieħed li jiġbor is-sbul
fil-wied ta' Refajm.
[Is:17:6] Jifdallu biss x'erba' żebbuġiet,
- bħal meta jfarfru ż-żebbuġa –
tnejn jew tliet żibġiet f'ras il-fergħa,
erbgħa jew ħamsa fi truf il-friegħi tas-siġra,
oraklu tal-Mulej Alla ta' Iżrael.
[Is:17:7] Dakinhar il-bniedem idur lejn min għamlu;
idawwar għajnejh lejn il-Qaddis ta' Iżrael.
[Is:17:8] Ma jħarisx iżjed lejn l-artali li għamlu idejh,
ma jħarisx aktar fuq li għamlu subgħajh:
ix-xbihat ta' l-Asera u l-plieri tax-Xemx.
[Is:17:9] Dakinhar blietek jiġrilhom bħalma
ġralhom l-ibliet
abbandunati mill-Ħiwwin u l-Amurrin, meta
dawn telquhom
minħabba ulied Iżrael, u saru ħerba.
[Is:17:10] Għax int insejt lil Alla, is-Salvatur tiegħek;
ma ftakartx fil-Blata, il-Qawwa tiegħek.
Int tħawwel il-ġonna ta' Adon;
tħawwel iż-żraġen għal alla barrani;
[Is:17:11] iddawwarhom b'ħajt meta tħawwilhom;
u l-għada fil-għodu tnibbet iż-żerriegħa tiegħek;
imma l-frott jgħib f'jum il-mard
u l-uġigħ bla fejqan.

Il-qerda ta' l-għedewwa

[Is:17:12] "Ah! It-tgargir ta' kotra ġnus,
bħat-tgargir tal-baħar qawwi.
It-tqanqil ta' ġnus setgħana,
[Is:17:13] bħat-tqanqil ta' ħalel kbar.
Imma l-Mulej jheddidhom
u jaħarbu 'l bogħod
misjuqa bħal tibna fuq l-għoljiet mir-riħ,
u bħal tromba trab quddiem ir-riefnu.
[Is:17:14] Fil-għaxija kien hemm il-biża' tagħhom,
sa minn qabel is-sebħ għabu lkoll.
Din hi x-xorti ta' dawk li jisirquna,
dan hu s-sehem ta' dawk li jaħtfulna ġidna."

18. L-oraklu fuq l-Etjopja

[Is:18:1] "Gwaj għall-art ta' l-insetti jżanżnu,
'l hemm mix-xmajjar ta' Kus.
[Is:18:2] Tibgħat messaġġiera bil-baħar,
f'dgħajjes tal-bordi fuq wiċċ l-ilma!
Morru, messaġġiera ħfief,
għand ġens ta' nies misluta b'ġilda mielsa,
għand poplu jbażża' fil-qrib u fil-bogħod,
ġens qawwi u rebbieħ,
artu jaqsmuha x-xmajjar.
[Is:18:3] Intom ilkoll li tgħammru d-dinja,
intom li tgħixu fl-art,
malli jitla' s-sinjal fuq l-għoljiet, ħarsu;
isimgħu malli ddoqq it-tromba.
[Is:18:4] Għax dan qalli l-Mulej:
'Jien inħares bi kwieti mill-għamara tiegħi,
bħas-sħana kalma tas-sirġa tax-xemx,
bħal sħaba nida fis-sħana tal-ħsad.'
[Is:18:5] Għax qabel il-ħsad, meta jintemm l-inwar,
il-fjura ssir għanqud misjur,
mbagħad jinżabru l-friegħi bl-imqass,
u ż-żraġen jitqaċċtu u jintremew.
[Is:18:6] Jitħallew gozz għat-tajr tal-priża;
u l-bhejjem ta' l-art.
Fuqhom jgħaddu s-sajf it-tajr tal-priża;
u l-bhejjem kollha ta' l-art jgħaddu x-xitwa.
[Is:18:7] F'dak iż-żmien iġib offerta lill-Mulej ta'
l-eżerċti
poplu ta' nies misluta b'ġilda mielsa
- poplu jbażża' fil-qrib u fil-bogħod,
ġens qawwi u rebbieħ,
artu jaqsmuha x-xmajjar –
fil-post ta' isem il-Mulej ta' l-eżerċti,
fuq l-għolja ta' Sijon."

19. L-oraklu fuq l-Eġittu

[Is:19:1] Oraklu fuq l-Eġittu:
"Arawh il-Mulej riekeb fuq sħaba ħafifa u
dieħel l-Eġittu;
jitriegħdu l-allat ta' l-Eġittu quddiemu,
u qalb l-Eġittu tinħall ġo fih.
[Is:19:2] U nkeskes l-Eġizzjani kontra l-Eġizzjani,
jitqabdu wieħed kontra ħuh,
u ieħor kontra sieħbu;
belt kontra belt, u saltna kontra saltna.
[Is:19:3] Toħroġ ruħ l-Eġittu minn ġo fih,
u jien inħawwadlu ħsiebu;
u jmorru jistħarrġu l-allat u s-saħħara,
l-erwieħ u l-bassara.
[Is:19:4] Jien nerħi l-Eġittu f'idejn sid kiefer,
u sultan bla qalb għad jaħkem fuqu,
oraklu ta' Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti.
[Is:19:5] U jinxtorob l-ilma tal-baħar,
u x-xmara tinxef u tixxotta għalkollox;
[Is:19:6] u s-swieqi jintnu u l-widien ta' l-Eġittu
joforgħu u jinxfu;
il-qasab u l-ħaxix jidbielu.
[Is:19:7] Il-ġummar fi xtut in-Nil jintelaq,
u l-miżirgħa kollha fuq xtut in-Nil
tinxef, tittajjar, tgħib.
[Is:19:8] Jokorbu s-sajjieda u jitniehdu;
kull min jixħet fin-Nil is-sunnara,
jew jifrex ix-xbiek fuq wiċċ l-ilma, isewwed qalbu.
[Is:19:9] Jitħawwdu l-ħaddiema tal-kittien,
u l-maxxata u n-nissieġa jisfaru.
[Is:19:10] L-għażżiela tal-qoton jintelqu,
u l-ħaddiema mikrija b'diqa f'qalbhom.
[Is:19:11] Tassew boloh il-prinċpijiet ta' Sogħan!
L-aqwa għorrief tal-Fargħun parir iblah tawh.
Kif tistgħu tgħidu lill-Fargħun:
'Bin l-għorrief jien, bin is-slaten tal-qedem'?
[Is:19:12] Fejnhom issa l-għorrief tiegħek?
Ħa jgħidulek u jgħarrfuk
x'għandu f'moħħu għall-Eġittu
il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Is:19:13] Bliehu l-prinċpijiet ta' Sogħan,
tqarrqu l-prinċpijiet ta' Nof.
Il-kapijiet tat-tribù tiegħu
lill-Eġittu ħarġuh 'il barra mit-triq.
[Is:19:14] Xeħet ġo nofshom il-Mulej spirtu ta'
tagħwiġ,
u ħawwdu lill-Eġittu f'kull ma għamel.
F'kull ma għamel ħarġu lill-Eġittu 'l barra mit-triq,
bħalma jitlef triqtu l-bniedem fis-sakra hu u jitqalla'.
[Is:19:15] Xejn ma jsir fl-Eġittu,
la mir-ras u lanqas mid-denb,
la mill-palma u lanqas mill-qasba.

[Is:19:16] Dakinhar l-Eġittu jkun bħan-nisa, mriegħed u mwerwer, hu u jmidd idu għal fuqhom il-Mulej ta' l-eżerċti. [Is:19:17] U art Ġuda tkun ta' biża' għall-Eġittu; kull meta xi ħadd isemmihielu jitwerwer minħabba l-ħsieb li fassal għalih il-Mulej ta' l-eżerċti.

[Is:19:18] Dakinhar jkun hemm ħamest ibliet fl-art ta' l-Eġittu jitkellmu lsien Kangħan u jaħilfu b'isem il-Mulej ta' l-eżerċti; waħda minnhom tissejjaħ Belt ix-Xemx.

[Is:19:19] Dakinhar ikun hemm artal għall-Mulej f'nofs l-art ta' l-Eġittu u plier f'ġieħ il-Mulej f'tarf l-art. [Is:19:20] U jkun ta' sinjal u xhieda għall-Mulej ta' l-eżerċti fl-art ta' l-Eġittu. Meta jsejjħu lill-Mulej minħabba dawk li jaħqruhom, hu jibagħtilhom
salvatur, li jaqbeż għalihom u jeħlishom. [Is:19:21] U jgħarraf il-Mulej lilu nnifsu lill-Eġizzjani; u l-Eġizzjani jagħrfu dakinhar lill-Mulej, iservuh bil-vittmi u l-offerti, u jagħmlu l-wegħdi lill-Mulej u jrodduhom. [Is:19:22] U l-Mulej isawwat lill-Eġittu, isawwtu u jfejjqu. Huma jerġgħu lura għal għand il-Mulej, u hu jikkalma u jfejjaqhom.

[Is:19:23] Dakinhar ikun hemm triq mill-Eġittu għall-Assirja, u l-Assirja tiġi l-Eġittu u l-Eġittu jmur l-Assirja, u l-Eġizzjani jservu lill-Mulej flimkien ma' l-Assiri.

[Is:19:24] Dakinhar Iżrael ikun it-tielet ma' l-Eġittu u l-Assirja, barka f'nofs l-art. [Is:19:25] Iberikhom il-Mulej ta' l-eżerċti u jgħid: "Mbierek l-Eġittu l-poplu tiegħi, l-Assirja xogħol idejja, u Iżrael il-wirt tiegħi."

20. Il-jasar ta' l-Eġittu u ta' Kus

[Is:20:1] Fis-sena meta Tartan kien mibgħut minn Sargon, sultan ta' l-Assirja, u ħabat għal Asdod u ħadha f'idejh, [Is:20:2] f'dak iż-żmien tkellem il-Mulej permezz ta' Isaija bin Amos u qallu: "Mur, ħoll il-libsa tax-xkejjer minn ġenbejk u neħħi l-qorq minn riġlejk." U għamel hekk, u kien jimxi għarwien u ħafi. [Is:20:3] U l-Mulej qal: 'Bħalma l-qaddej tiegħi Isaija kien jimxi għarwien u ħafi għal tliet snin b'sinjal u theddida għall-Eġittu u għal Kus, [Is:20:4] hekk issa s-sultan ta' l-Assirja jkaxkar il-priġunieri mill-Eġittu u l-itturufnati minn Kus, żgħażagħ u xjuħ għeriewen u ħafjin, b'warranihom mikxuf b'għajb għall-Eġittu. [Is:20:5] U jitħawwdu u jistħu minħabba Kus, it-tama tagħhom, u mill-Eġittu, il-ftaħir tagħhom. [Is:20:6] U dakinhar dawk li jgħammru f'din ix-xtajta
jgħidu: "Araw, din kienet it-tama tagħna, għandhom morna maħruba għall-għajnuna biex neħilsu mis-sultan ta' l-Assirja! U issa aħna kif se nsalvaw?"

21. L-oraklu fuq id-deżert tal-baħar

[Is:21:1] Oraklu fuq id-deżert tal-baħar:
Bħalma r-rwiefen jgħaddu maħruba min-Negeb,
hekk hu ġej mid-deżert, minn art tal-biża'!
[Is:21:2] Viżjoni kiefra kienet murija lili.
Il-ħalliel jisraq; il-qerried jeqred!
Itla' Għelam, assedja Medja!
Hawn jien biex insikket il-krib.
[Is:21:3] Għalhekk inħossni mkexkex f'ġenbejja;
nitkagħweġ bħal mara fil-ħlas.
Nħossni mħawwad wisq biex nisma',
mbellah wisq biex nara!
[Is:21:4] Moħħi storda, qabadni t-tkexkix,
kont nixtieq li jaqa' l-lejl,
u issa sirt nibża' minnu!
[Is:21:5] Ħejjew il-mejda, firxu l-ħasira,
jieklu u jixorbu.
Qumu, prinċpijiet, idilku t-tarki!
[Is:21:6] Dan qalli l-Mulej:
"Mur qiegħed għassies,
ħa jħabbar dak li jara.
[Is:21:7] U jekk jara rikkieb fuq karru b'żewġt iżwiemel;
rikkieb fuq ħmar, rikkieb fuq ġemel,
ħa jgħarrex sewwa,
b'reqqa l-aktar kbira.'
[Is:21:8] U mbagħad l-għassies jgħajjat:
'Fuq torri ta' l-għassa, Sidi,
jien qiegħed binhar dejjem,
u wieqaf dejjem f'posti l-iljieli kollha.
[Is:21:9] U ara, ġej wieħed riekeb,
fuq karru b'żewġt iżwiemel;
li beda jgħajjat u jgħid:
'Waqgħet waqgħet Babilonja,
u magħha xbihat allatha
mfarrka fl-art.'

[Is:21:10] Poplu midrus tiegħi,
bin l-andar tiegħi,
dak li smajt mingħand il-Mulej ta' l-eżerċti,
Alla ta' Iżrael, lilkom ħabbartu."

Oraklu fuq Edom

[Is:21:11] Oraklu fuq Edom:
Sejjaħli xi ħadd minn Xegħir:
"Għassies, fiex inhu l-lejl?
Għassies, fiex inhu l-lejl?"
[Is:21:12] U l-għassies wieġeb:
"Għad jasal is-sebħ u l-lejl ukoll.
Jekk tridu tistħarrġu, stħarrġu.
Erġgħu ejjew?"

Oraklu fuq l-Għarabja

[Is:21:13] "Oraklu fuq l-Għarabja:
Fil-masġar, fid-deżert għaddu l-lejl,
intom karwani tad-Dedanin!
[Is:21:14] Ilqgħu lill-għatxanin, ġibulhom l-ilma,
intom li tgħammru f'art Tema,
ilqgħu bil-ħobż il-maħrubin.
[Is:21:15] Għax minn quddiem ix-xabla ħarbu,
minn quddiem xabla misluta,
minn quddiem il-qaws miġbud,
minn quddiem il-qilla tal-battalja.
[Is:21:16] Għax dan qalli Sidi: "Fi żmien sena,
kif jgħoddu s-snin ta' ħaddiem mikri,
ikun għab is-sebħ kollu ta' Kedar.
[Is:21:17] U ftit li xejn jifdal
mill-arċieri qalbiena ta' Kedar.'
Għax tkellem il-Mulej, Alla ta' Iżrael."

22. Oraklu fuq Ġerusalemm

[Is:22:1] Oraklu fuq Wied il-Viżjoni:
"Xi ġralek issa biex tlajt kollok kemm int fuq il-bjut?
[Is:22:2] Int li kont mimlija għajat u għagħa, belt
ferrieħa?
Il-maqtulin tiegħek ma nqatlux bix-xabla,
lanqas mietu fil-battalja.
[Is:22:3] Il-kapijiet tiegħek ħarbu lkoll f'daqqa,
ħarbu 'l bogħod.
Il-qalbiena tiegħek inqabdu lkoll f'salt,
bla mank ġibdu l-qaws inqabdu lsiera.
[Is:22:4] Għalhekk għedt:
'Warrbu ħarstkom minni,
ħa nibki bl-imrar li għandi;
tfittxux li tfarrġuni għall-qerda
ta' bint il-poplu tiegħi.'

[Is:22:5] Għax jum ta' biża', qerda u taħwid
għandu lest Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti.
F'Wied il-Viżjoni tiġrif ta' swar,
u għajat tiela' lejn l-għolja.

[Is:22:6] u Għelam qabad il-barżakka,
u Aram rikeb iż-żiemel,
u Kir ħejja t-tarka.
[Is:22:7] L-isbaħ fost widienek mimlija karrijiet,
u rikkieba mqassma biswit il-bieb.
[Is:22:8] U hekk l-ilqugħ ta' Ġuda tneħħa.
Dakinhar mortu taraw it-tagħmir tal-gwerra f'Dar il-Foresta, [Is:22:9] u rajtu kemm kotor it-tiċrit fil-belt ta David; ġbartu l-ilma tal-ġiebja t'isfel; [Is:22:10] għaddejtu d-djar ta' Ġerusalemm, u ħattejtu d-djar biex issaħħu l-ħitan. [Is:22:11] U għamiltu ħawt bejn iż-żewġt iswar għall-ilma tal-ġiebja l-qadima. Imma ma fittixtux lil min għamilhom, u ma tajtux kas ta' min sawwarhom sa mill-qedem.

[Is:22:12] U sejjħilkom dakinhar is-Sid,
il-Mulej ta' l-eżerċti;
sejjħilkom għall-biki u għat-tinwiħ,
għat-tqarwiż tar-ras u l-ilbies tax-xkejjer.
[Is:22:13] Imma, araw, intom tajtuha għall-għors u
t-tbahrid,
qtiltu l-baqar u biċċirtu n-nagħaġ,
u kiltu l-laħam u xrobtu l-inbid:
'Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.'
[Is:22:14] Il-Mulej tal-qtajja' għarrafni f'widinti:
'Le, ma jinħafrilkomx dan il-ħażen sa ma tmutu.'
Hekk tkellem Sidi, il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Is:22:15] Dan jgħid Sidi, il-Mulej ta' l-eżerċti:
'Mur, asal wasla sa għand dan il-ministru,
sa għand Sebna, li jagħmel mill-palazz,
u għidlu:
[Is:22:16] "X'għandek hawn, u 'l min għandek hawn,
biex qiegħed tibni qabar għalik,
bħal min iħaffer għalih qabar fl-għoli u jaqta'
għamara għalih fil-blat?
[Is:22:17] Ara l-Mulej sa jwaddbek ma' l-art,
ja bniedem setgħan!
U jaqbdek qabda sewwa.
[Is:22:18] U jagħmlek kobba u jwaddbek 'il bogħod,
bħal ballun f'medda kbira ta' art.
Hemm issib mewtek bil-karrijiet tal-glorja tiegħek,
ja għajb ta' dar sidek!
[Is:22:19] Nwarrbek minn postok,
u nneħħik minn fejn qiegħed.

[Is:22:20] Dakinhar insejjaħ lill-qaddej tiegħi
Eljakim bin Ħilkija,
[Is:22:21] nlibbsu l-libsa tiegħek,
u nħażżmu bit-terħa tiegħek,
u nagħtih f'idejh il-ħakma tiegħek.
U jkun missier għal min jgħammar f'Ġerusalemm,
u għad-dar ta' Ġuda.
[Is:22:22] Nqiegħed muftieħ dar David fuq spallejh.
Jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq;
jagħlaq hu, u ħadd ma jiftaħ.
[Is:22:23] U nwaħħlu bħal musmar ma' ħajt fis-sod,
u jkun tron glorjuż għal dar missieru.
[Is:22:24] U jdendlu miegħu l-glorja kollha
ta' dar missieru, il-friegħi u r-rimi,
it-tagħmir ċkejken, mill-bwieqi sal-ġarar.

[Is:22:25] Dakinhar, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, iċedi l-musmar li kien imwaħħal fis-sod, u titkisser, taqa' u titfarrak it-tagħbija mdendla miegħu, għax il-Mulej tkellem!' "

23. L-oraklu fuq il-Feniċi

[Is:23:1] Oraklu fuq Tir:
"Ixhru, ġfien ta' Tarsis,
għax il-port tagħkom qerduh! M'hemmx dħul!
Minn art il-Kittin waslet l-aħbar!
[Is:23:2] Tbikkmu, intom li tgħammru x-xatt,
merkanti ta' Sidon!
[Is:23:3] L-aġenti tiegħek kienu jaqsmu l-ibħra kbar.
Ġidha kien il-qamħ ta' Siħor u l-ħsad tan-Nil,
u hi kienet is-suq tal-ġnus.
[Is:23:4] Għajb għalik, Sidon, il-fortizza tal-baħar,
għax il-baħar jgħid:
'Jien ma kellix uġigħ il-ħlas,
u lanqas ma wlidt.
Jien żgħażagħ ma rabbejtx,
lanqas xbejbiet ma rawwimt.'

[Is:23:5] Meta tasal l-aħbar l-Eġittu,
dawn iħossu l-uġigħ għal li ġralha Tir.

[Is:23:6] Għaddu għal Tarsis,
ixhru intom li tgħammru fix-xtut!
[Is:23:7] Hi din il-belt ferrieħa tagħkom,
mnissla minn żmien il-qedem,
li riġlejha kienu jeħduha tgħammar fil-bogħod?
[Is:23:8] Min iddeċieda dan għal Tir,
il-belt inkurunata,
li l-merkanti tagħha kienu prinċpijiet,
u n-neguzjanti tagħha stmati mad-dinja kollha?
[Is:23:9] Il-Mulej ta' l-eżerċti ddeċieda dan,
biex iwaqqa' fl-għajb kull ġmiel,
u jniżżel in-nies stmati mad-dinja kollha.
[Is:23:10] Aħdem artek, bint Tarsis,
għax il-port m'għadux hemm.
[Is:23:11] Il-Mulej medd idu fuq il-baħar,
u riegħed is-saltniet.
Il-Mulej ordna lil Kangħan,
li tħott il-fortizzi tagħha.
[Is:23:12] U qal: 'La tifraħx iżjed,
xbejba mkasbra, bint Sidon!
Qum, mur imqar għand il-Kittin,
lanqas hemm ma ssib mistrieħ.'

[Is:23:13] Ara, art il-Kaldin.
Dan il-poplu ma kienx hemm,
l-Assirja rħietu għall-bhejjem selvaġġi.
Dawwret it-torrijiet tagħha madwaru,
ġarrfet il-palazzi tiegħu,
għamlet ħerba minnu.

[Is:23:14] Ixhru ġfien ta' Tarsis,
għax il-fortizza tagħkom saret ħerba.

[Is:23:15] Għad jiġri li Tir tintesa għal sebgħin sena,
daqs żmien sultan wieħed, u fi tmiem is-sebgħin sena
Tir tkun bħall-għanja tal-prostituta:
[Is:23:16] 'Aqbad l-arpa,
dur mal-belt,
ja mara żienja, nsewk!
Doqq bis-sengħa,
kattar l-għana;
għandhom mnejn jiftakru fik.'

[Is:23:17] Malli jgħaddu s-sebgħin sena l-Mulej iżur lil Tir, u terġa' tinkera bħal qabel u tiżni mas-saltniet kollha fuq wiċċ l-art. [Is:23:18] U l-qligħ u l-ħlas tal-kiri tagħha jkunu ddedikati lill-Mulej; ma jerfgħuhomx u lanqas jaħżnuhom, għax il-ħlas
tagħha jmur għal dawk li jgħammru quddiem il-Mulej, biex jieklu bix-xaba' u jilbsu lbies mill-isbaħ."

24. Il-ġudizzju universali

[Is:24:1] Ara l-Mulej se jbattal l-art, u jagħmel
deżert minnha;
se jaqlibha ta' taħt fuq u jxerred 'il min
jgħammar fiha.
[Is:24:2] U l-qassis ikun bħall-poplu,
u s-sid bħall-qaddej;
is-sidt bħal qaddejja tagħha,
il-bejjiegħ bħax-xerrej;
min jislef bħal min jissellef,
min jiddejjen bħal min idejjen.
[Is:24:3] Titbattal l-art għalkollox,
u d-dinja titneżża' għalkollox,
għax lissen il-Mulej din il-kelma.
[Is:24:4] Mnikkta l-art u midbiela,
mifnija u mitluqa d-dinja;
is-sema u l-art it-tnejn mifnija.
[Is:24:5] U tniġġset l-art taħt min jgħammarha,
għax ħallew il-liġijiet,
ma qagħdux għall-preċetti,
kisru l-patt ta' dejjem.
[Is:24:6] Għalhekk is-saħta kielet l-art;
u dawk li jgħammru fiha ħallsu għall-ħtija.
Għalhekk inħarqu dawk li jgħammru fl-art,
ftit huma n-nies li baqgħu.

[Is:24:7] Skarsa l-inbid,
id-dielja dbielet,
jitniehdu dawk ta' qalb ferħana.
[Is:24:8] Siket il-ferħ tat-tnabar,
għab l-għajat tal-ferriħin,
waqaf il-ferħ ta' l-arpa,
[Is:24:9] Ma jixorbux aktar inbid u jgħannu;
morr ix-xorb għal min jixorbu.
[Is:24:10] Tfarrket il-belt tat-taħwid;
issakkret kull dar biex ħadd ma jidħol.
[Is:24:11] Jgħajjtu fit-toroq għax m'hemmx inbid,
il-ferħ għab kollu,
l-hena tbiegħed mill-art.

[Is:24:12] Kull ma baqa' fil-belt tħarbit,
u l-bibien tfarrku u saru laqx.
[Is:24:13] Hekk għad jiġri f'nofs l-art u fost il-popli,
bħal meta jfarfru s-siġar taż-żebbuġ,
bħall-fdal wara l-ġbir ta' l-għeneb.

[Is:24:14] Dawn jgħollu leħinhom u jgħannu ferħana;
il-kobor tal-Mulej ixandru mill-punent:
[Is:24:15] 'Sebbħu lill-Mulej fil-lvant,
fil-gżejjer tal-punent,
isem il-Mulej, Alla ta' Iżrael.'

[Is:24:16] Minn tarf l-art smajna l-għana:
'Glorja lill-Ġust.'
Imma jiena għedt:
'Msejken jien, msejken jien, jaħasra għalija
il-ħżiena bil-qerq jimxu, ma jafux ħlief iqarrqu.'

[Is:24:17] Biża', ħofra u nassa,
hemm għalik li tgħammar fl-art.
[Is:24:18] U jiġri li min jaħrab mill-għajat tal-biża'
jaqa' fil-ħofra,
u min jitla' mill-ħofra jinqabad fin-nassa.
Għax jinfetħu bwieb is-sema,
jitheżhżu sisien l-art.

[Is:24:19] Għalkollox titfarrak l-art,
tixxaqqaq minn fuq s'isfel,
titheżheż b'theżhiża kbira l-art.
[Is:24:20] Titbandal l-art bħal wieħed fis-sakra,
tixxengel bħal għarix.
Ħżunitha tagħfas fuqha,
taqa' u ma terġax tqum.

[Is:24:21] U dakinhar il-Mulej iżur
l-eżerċti tas-smewwiet fis-sema,
u s-slaten ta' l-art fl-art.
[Is:24:22] U jinġemgħu bħal ilsiera f'ħofra,
u jingħalqu f'ħabs,
u wara ħafna jiem jieħdu l-kastig.
[Is:24:23] U l-qamar jitħawwad,
u x-xemx tistħi.
Għax il-Mulej ta' l-eżerċti jsaltan
fuq l-għolja ta' Sijon u f'Ġerusalemm,
u juri l-glorja tiegħu quddiem l-anzjani tiegħu.

25. Għanja ta' tifħir

[Is:25:1] Mulej, Alla tiegħi int;
nfaħħrek u nsebbaħ lil ismek,
għaliex għamilt ħwejjeġ ta' l-għaġeb,
kif ħsibt żmien ilu, u bis-sewwa, kif imiss.
[Is:25:2] Għax il-belt għamiltha gozz ġebel,
ħerba l-belt bis-swar imdawwra.
Il-fortizza tal-kburin ma għadhiex belt iżjed,
ma tinbena qatt aktar.
[Is:25:3] Għalhekk ifaħħrek poplu b'saħħtu,
il-belt ta' ġnus qawwija tibża' minnek.
[Is:25:4] Għax inti kenn għall-imsejken,
kenn għall-fqir fid-dwejjaq tiegħu,
kenn fl-irwiefen u dell fis-sħana.
Għaliex l-infiħ tas-setgħanin bħax-xita tħabbat
ma' ħajt,
[Is:25:5] bħas-sħana tax-xemx f'art niexfa.
Id-dagħdigħa tal-kburin int trażżan.
Bħalma d-dell ta' sħaba jtaffi s-sħana,
hekk tissikket l-għanja tas-setgħanin bla qalb.

[Is:25:6] U jagħmel il-Mulej ta' l-eżerċti
għall-popli kollha fuq din il-muntanja,
mejda b'ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,
b'laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.

[Is:25:7] U jċarrat minn fuq din il-muntanja
il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,
għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.
[Is:25:8] Jeqred il-mewt għal dejjem,
jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,
u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ
l-art kollha:
għax il-Mulej tkellem.
[Is:25:9] U dakinhar jgħidu: "Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna li jsalvana;
dan hu l-Mulej li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu."
[Is:25:10] Għax id l-Mulej tinżel fuq din il-muntanja.
U Mowab jisħquh fejn ikun,
t-tiben fil-miżbla bħalma jisħquh.
[Is:25:11] U jmidd idejh ġo fiha,
bħalma l-għawwiem imiddhom biex jgħum;
imma jkollu jniżżel kburitu,
minkejja t-taħbit ta' idejh.
[Is:25:12] U jaqleb u jġarraf il-Mulej
il-fortizzi għolja tas-swar tiegħu
u jwaddabhom fit-trab ta' l-art.

26. L-Għanja tal-ħelsien

[Is:26:1] Dakinhar
jitkanta dan l-innu fl-art ta' Ġuda:
"Għandna belt qawwija;
bnielna swar u ħitan għall-ħelsien tagħna.
[Is:26:2] Iftħu l-bibien,
biex jidħol il-poplu ġust li jżomm is-sewwa.
[Is:26:3] Il-fehma tiegħu sħiħa fik;
inti ssaħħaħlu s-sliem,
għax fik ittama.
[Is:26:4] Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem,
għax il-Mulej hu l-blata ta' dejjem.
[Is:26:5] Lil min kien fl-għoli niżżlu,
il-belt imkabbra niżżilha,
waqqagħha għal isfel,
fit-trab xeħitha;
[Is:26:6] taħt is-saqajn tirtifes,
saqajn il-fqir, ir-rifs ta' l-imsejknin."
[Is:26:7] Wietja hi triq il-ġust,
mogħdija dritta tħejji għall-ġust.

[Is:26:8] Iva, fi triq il-ġudizzji tiegħek nittamaw,
Mulej;
għal ismek u tifkirtek tixxennaq ruħna.
[Is:26:9] Billejl tixtieqek ruħi;
mas-sebħ tfittxek ġo fija qalbi.
Għaliex meta jiddu l-ġudizzji tiegħek fuq l-art,
in-nies tad-dinja jitgħallmu l-ġustizzja.
[Is:26:10] Iħennu għall-ħażin, imma dan is-sewwa
ma jitgħallimx;
f'art id-dritt jimxi bl-imgħawweġ,
u l-kobor tal-Mulej ma jqisux.
[Is:26:11] Mulej, għollejt idek, u huma ma rawhiex.
Ħa jaraw il-ħeġġa tiegħek għall-poplu u jistħu;
ħa jkollhom in-nar lest għall-għedewwa tiegħek.
[Is:26:12] Mulej, int tagħtina s-sliem,
għemilna kollu għamiltu int għalina.
[Is:26:13] Mulej, Alla tagħna, ħakmuna sidien oħra,
imma aħna lilek u lil ismek biss infaħħru.
[Is:26:14] Huma mejta, ma jgħixux,
erwieħ li ma jqumux.
Hekk int ikkastigajthom u qridthom,
u ħassart kull tifkira tagħhom.
[Is:26:15] Imma int kattart il-ġens, Mulej,
kattart il-poplu u ssebbaħt,
wessajt it-truf kollha tal-pajjiż.
[Is:26:16] Mulej fid-dwejjaq fittixniek,
sejjaħnielek int u tikkastigana.

[Is:26:17] Bħal mara tqila fil-ħlas
titkagħweġ u tgħajjat bl-uġigħ,
hekk konna aħna quddiemek Mulej.
[Is:26:18] Tqâlna u tkagħwiġna u wlidna r-riħ;
is-salvazzjoni fuq l-art ma ksibnihiex,
u ma tweldux nies biex jgħammru fl-art.
[Is:26:19] Għax jgħixu mill-ġdid il-mejtin tiegħek,
il-katavri jqumu lkoll.
Jistenbħu u jgħannu dawk li jgħammru fit-trab.
In-nida tiegħek hi nida ta' dawl,
u l-art trodd il-mejtin.
[Is:26:20] Mur, poplu tiegħi, idħol fil-kmamar
tiegħek,
u sakkar il-bibien warajk!
Inħeba għal ftit sa ma tgħaddi l-korla.
[Is:26:21] Għax, araw, il-Mulej ħiereġ minn
għamartu,
biex jitħallas tal-ħażen tan-nies ta' l-art;
l-art tikxef id-demm li xorbot,
u ma tgħattix aktar il-maqtulin tagħha.

27. Il-ħelsien ta' Iżrael

[Is:27:1] F'dak il-jum jikkastiga l-Mulej bix-xabla
qalila,
kbira u qawwija tiegħu
lil Liwjatan, is-serp ħafif,
lil Liwjatan, is-serp jitkagħweġ;
joqtol id-dragun li hemm fil-baħar.
[Is:27:2] F'dak il-jum jgħidu:
"Għannulha lill-ġnejna tad-dwieli,
il-ġnejna fiha għaxqa!
[Is:27:3] Jiena l-Mulej, l-għassies tagħha.
Kull ħin u kull waqt insaqqiha.
Biex ma tiġrilha ebda ħsara,
lejl u nhar jien inħarisha.
[Is:27:4] Ma għadnix mgħaddab.
Li kien hemm ix-xewk u l-ħurrieq,
kont nagħmlilhom gwerra,
naħraqhom ilkoll f'salt wieħed,
[Is:27:5] sakemm ma jfittxux il-kenn fija
u ma jagħmlux paċi miegħi,
u ma jagħmlux paċi miegħi."

[Is:27:6] U jfiġġ jum meta jxenxel għerq Ġakobb,
meta jarmi u jiżhar Iżrael,
u wiċċ id-dinja jimlewh bil-frott.
[Is:27:7] Jaqaw darbu l-Mulej bħalma kien darab lil
min darbu?
Jaqaw qatlu bħalma kien qatel lil min qatlu?
[Is:27:8] Ikkastigahom billi keċċiehom u
bagħathom 'il barra;
kaxkarhom bir-riħ qawwi tiegħu f'jum ix-xlokk.
[Is:27:9] B'dan tinħafer il-ħtija ta' Ġakobb;
dan ikun il-ħlas għat-tneħħija ta' dnubu:
li jagħmel il-ġebel ta' l-artal, bħal ġebel
misħuq tal-ġir,
li ma jwaqqafx ix-xbihat ta' l-Asera u l-plieri
tax-Xemx.

[Is:27:10] Il-belt qawwija saret ħerba,
post battâl, mitluq bħad-deżert;
fih jirgħa l-għoġol,
hemm jimtedd, hemm ilaqqat il-friegħi.
[Is:27:11] Jinxfu u jitqarqċu l-friegħi tagħha,
in-nisa jiġu u bihom iqabbdu n-nar,
għax hu poplu bla moħħ;
għalhekk ma jħennx għalihom dak li ħalaqhom,
u min sawwarhom ma jagħdirhomx.
[Is:27:12] U dakinhar jiġri
li l-Mulej jidres il-qamħ
mix-xmara ta' l-Ewfrat sal-Wied ta' l-Eġittu,
u intom tinġabru wieħed wieħed,
ulied Iżrael.
[Is:27:13] Dakinhar tindaqq it-tromba l-kbira,
u jiġu lura l-mitlufin f'art l-Assirja,
u l-imxerrdin fl-art ta' l-Eġittu,
u jqimu lill-Mulej,
fuq il-muntanja mqaddsa f'Ġerusalemm.

28. Twiddiba lil Efrajm

[Is:28:1] Gwaj għall-kuruna mkabbra
tas-sakranazzi ta' Efrajm,
għaż-żahar midbiel, il-foħrija ta' sebħu
fuq ras il-wied għammiel,
tal-mitlufin fl-inbid.
[Is:28:2] Araw, is-Sid għażel wieħed qawwi u felħan!
Bħal ħalba silġ,
bħal riefnu qerried,
bħal għargħar ta' ilma, qawwi u qerried,
għad isabbathom ma' l-art b'kemm għandu saħħa.
[Is:28:3] Taħt saqajh jisħaq il-kuruna
tal-kburija tas-sakranazzi ta' Efrajm.
[Is:28:4] U ż-żahar midbiel, il-foħrija ta' sebħu
li hemm f'ras il-wied għammiel.
Jiġrilu bħal tina bikrija qabel is-sajf:
jaħtafha malli xi ħadd jaraha,
u jiblagħha malli tiġi f'idu.
[Is:28:5] Dakinhar ikun il-Mulej ta' l-eżerċti
kuruna sabiħa u djadema ta' ġmiel
għal fdal il-poplu tiegħu;
[Is:28:6] spirtu ta' ġustizzja għal min joqgħod
fit-tribunal,
u qawwa għal min jibqa' jitqabad fil-bieb.

Theddida u wegħda lil Ġerusalemm

[Is:28:7] Dawn ukoll jixxenglu bl-inbid,
u bix-xorb qawwi jitbandlu.
Qassis u profeta jixxenglu bix-xorb,
megħlubin mill-inbid
jitbandlu bix-xorb,
jixxenglu waqt il-viżjonijiet,
jitbandlu meta jagħmlu l-ħaqq.
[Is:28:8] L-imwejjed kollha tqalligħ, ħmieġ
kullimkien.
[Is:28:9] "Lil min se jgħallem l-għerf,
u lil min se jfiehem il-messaġġ?
Lit-trabi bilkemm maqtugħa minn sider ommhom?
[Is:28:10] Iva: Saw lasaw; saw lasaw;
kaw lakaw; kaw lakaw;
żegħer sam; żegħer sam.
[Is:28:11] Għax b'xufftejn itemtmu, u b'ilsien barrani
jkellem il-Mulej lil dan il-poplu.
[Is:28:12] Diġà qalilhom:
"Dan hu l-mistrieħ! Serrħu lill-għajjien!
Dan hu l-faraġ!"
Imma huma ma ridux jisimgħu.
[Is:28:13] Din tkun il-kelma tal-Mulej għalihom:
“Saw lasaw; saw lasaw;
kaw lakaw; kaw lakaw;
żegħer sam; żegħer sam.
Biex jimxu u jaqgħu warranijiet
u jitfarrku, jixxebbku, u jinqabdu.
[Is:28:14] Għalhekk isimgħu l-kelma tal-Mulej,
nies insolenti,
ħakkiema ta' dan il-poplu,
hawn f'Ġerusalemm.
[Is:28:15] Intom tgħidu: "Aħna għamilna patt
mal-mewt,
u ftehim ma' Art l-Imwiet,
biex meta l-frosta tgħaddi bħall-għargħar
ma tilħaqniex.
Għax għamilna l-gidba l-kenn tagħna,
u l-qerq is-satra tagħna."

[Is:28:16] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
"Jien inqiegħed fis-sod ġebla f'Sijon,
ġebla magħżula u prezzjuża,
ġebla tax-xewka, msejjsa sewwa,
u min jemmen fiha ma jitħarrikx.
[Is:28:17] U nagħmel is-sewwa bħala riegla,
u l-ġustizzja bħala nvell.
Is-silġ iġarraf kenn il-gideb,
u għargħar ta' ilma jġorr il-moħba.
[Is:28:18] Il-patt tagħkom mal-mewt jitħassar;
il-ftehim tagħkom ma' Art l-Imwiet ma jseħħx;
meta tgħaddi l-frosta ssawwat,
tbattikom mgħaffġin fl-art.
[Is:28:19] Kull darba li tgħaddi taħtafkom;
għax għodwa wara għodwa tgħaddi,
binhar u billejl,
u ħaġa tal-biża' tifhem biss il-messaġġ.
[Is:28:20] Għax qasir ikun il-friex biex bniedem
jimtedd,
u dejjaq l-għata biex jitkebbeb fih.
[Is:28:21] Għax bħalma qam fuq il-muntanja ta'
Perasim,
iqum issa l-Mulej.
Bħalma saħan f'wied Gibgħon,
jisħon issa biex itemm għemilu,
għemil waħdani;
biex jagħmel l-opra tiegħu,
l-opra tiegħu misterjuża.
[Is:28:22] U issa tkunux aktar insolenti,
li ma jissikkawx aktar il-ktajjen tagħkom.
Għax jien smajt digriet ta' qerda,
mingħand Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti,
qerda għal fuq kollha kemm hi l-art.
[Is:28:23] Agħtu widen u isimgħu leħni;
oqogħdu attenti u isimgħu kliemi.
[Is:28:24] Jaqaw il-bidwi jaħrat il-jum kollu,
jikser u jxattab dejjem l-art?
[Is:28:25] Jaqaw ma jwittix wiċċ l-art,
u mbagħad jiżra' l-ħlewwa u jxerred il-kemmun?
U ma jiżrax il-qamħ fir-raddi,
u x-xgħir għalih u l-qamħ selvaġġ fit-truf?
[Is:28:26] Alla tiegħu għallmu sewwa u wrieh kif.

[Is:28:27] Mhux bix-xatba jidirsu l-ħlewwa,
anqas rota ta' karettun ma jdawwru fuq il-kemmun;
iżda bil-ħatar iħabbtu l-ħlewwa,
u b'qasba l-kemmun.
[Is:28:28] Jaqaw il-qamħ tal-ħobż jinsaħaq?
Le, għax il-bidwi ma jidirsux bla heda,
lanqas ma jibqa' għaddej bir-romblu tas-slitta
tiegħu,
u ż-żiemel tiegħu ma jisħqux.
[Is:28:29] Dan ukoll ġej mingħand il-Mulej ta'
l-eżerċti;
u hekk juri l-għaġeb ta' għaqlu,
u l-kobor ta' għerfu.

29. Arjel u l-għedewwa tagħha

[Is:29:1] Ħażin għalik, Arjel, Arjel,
il-belt fejn David waqqaf il-kamp!
Żidu sena fuq sena,
ħa jgħaddu l-festi fid-dawra tagħhom.
[Is:29:2] Jien ngħakkes lil Arjel,
u jkun hemm ilmenti u krib.
Int tkun għalija bħal Arjel.
[Is:29:3] U nwaqqaf il-kamp kontrik madwarek,
indawwrek bit-torrijiet,
u nħaffer madwarek trunċiera,
u ntella' għodod tal-gwerra kontrik.
[Is:29:4] Nixħtek ma' l-art, u mill-art titkellem,
u kliemek joħroġ minn ġot-trab;
u leħnek jitla' mill-art bħal ta' xi ruħ,
u kliemek tpespes minn ġewwa t-trab.
[Is:29:5] Il-kotra ta' l-għedewwa tiegħek ikunu bħal
għabra fina,
u bħal karfa mtajjra l-kotra tal-qawwijin.
Jiġri ħin bla waqt,
[Is:29:6] li l-Mulej ta' l-eżerċti jżurek
bir-ragħad, theżhiż u ħsejjes kbar,
b'riefnu u tempesta, u ilsna ta' nar qerried.
[Is:29:7] Tkun bħal ħolma, dehra billejl,
il-kotra kollha tal-ġnus jaħbtu għal Arjel,
dawk li jaħbtu għaliha,
u għal torrijietha u jrossu fuqha.
[Is:29:8] U bħal meta wieħed imġewwaħ joħlom li
qiegħed jiekol,
u jistenbaħ u jsib ħalqu b'xejn;
u bħal meta wieħed għatxan joħlom li qiegħed jixrob,
jistenbaħ mifni u bi griżmejh niexfa;
hekk jiġrilha l-kotra kollha tal-ġnus li jaħbtu
għall-muntanja ta' Sijon.

L-għama u l-wiċċ b'ieħor ta' Iżrael

[Is:29:9] Stagħġbu u bliehu!
Agħlqu għajnejkom, u ibqgħu għomja;
iskru, mhux bl-inbid,
tbandlu, mhux bix-xorb qawwi!
[Is:29:10] Għax il-Mulej xeħet fikom spirtu ta'
ngħas qawwi,
għalqilkom għajnejkom - il-profeti;
u għattielkom raskom - il-viżjunarji.
[Is:29:11] Għalikom kull viżjoni ta' dan kollu tkun bħal kliem ta' ktieb issiġillat, li jagħtuh lil xi ħadd li jaf jaqra u jgħidulu: "Aqra dan", u hu jwieġeb: "Ma nistax għax issiġillat." [Is:29:12] Mbagħad jagħtuh lil min ma jafx jaqra u jgħidulu: "Aqra dan",
u jwieġeb: "Ma nafx naqra."
[Is:29:13] Dan jgħid Sidi:
"Dal-poplu resaq ħdejja b'fommu,
u b'xufftejh biex iqimni,
imma qalbhom 'il bogħod minni,
u l-biża' li għandhom minni
m'hux ħlief preċett mgħallem lilhom mill-bnedmin.
[Is:29:14] Għalhekk, arani, se nerġa' nagħmel
l-għeġubijiet ma' dan il-poplu,
għeġubijiet mill-aktar kbar,
u jintemm l-għerf ta' l-għorrief tiegħu,
u jgħib id-dehen tad-dehnin tiegħu."

[Is:29:15] Ħażin għal dawk li jaħbu fil-fond
fehmithom lill-Mulej,
li għemilhom jinsab fid-dlam,
u jgħidu: "Min se jarana? Min se jagħrafna?"
[Is:29:16] X'ħażen magħkom!
Jaqaw il-fuħħari jitqies bħat-tafal,
biex ix-xogħol jgħid fuq min għamlu:
"M'hux hu għamilni!"
u l-fuħħar jgħid fuq il-fuħħari: "Ma jifhimx!"?

Il-fidwa ta' Iżrael

[Is:29:17] M'hux tassew li minn hawn u ftit ieħor,
jerġa' jsir bħal ġnien il-Libanu,
u l-ġnien jitqies bħall-masġar?
[Is:29:18] U dakinhar it-torox jisimgħu kliem il-ktieb;
u, meħlusin mis-swied u d-dlam, għajnejn
l-għomja jaraw;
[Is:29:19] u l-imsejknin jifirħu fil-Mulej,
u l-fqajrin fost il-bnedmin jaqbżu bil-ferħ
bil-Qaddis ta' Iżrael.
[Is:29:20] Għax it-tirann għab, u l-insolenti ntemm,
u tqaċċtu dawk kollha li jfittxu d-dnewwa;
[Is:29:21] li jwaqqgħu l-ħtija fuq ħaddieħor,
u jonsbu n-nassa lill-imħallef fil-bieb,
u jwarrbu l-ġust għal kull xejn.

[Is:29:22] Għalhekk dan jgħid il-Mulej;
hu li feda lil Abraham,
lid-dar ta' Ġakobb:
"Ma jistħix aktar Ġakobb,
u wiċċu aktar ma jisfarx.
[Is:29:23] Għax meta jara lil uliedu,
l-opra ta' idejja f'nofsu, iqaddsu ismi;
iqaddsu l-qaddis ta' Ġakobb,
u jibżgħu minn Alla ta' Iżrael.
[Is:29:24] U dawk li jiżbaljaw f'ruħhom, jiksbu
d-dehen,
u dawk li jgemgmu, jiksbu t-tagħlim."

30. Il-ftehim fieragħ ma' l-Eġittu

[Is:30:1] "Ħażin għalikom, ulied xewwiexa,
oraklu tal-Mulej.
Jippruvaw, iżda mingħajri,
jintrabtu u jiftiehmu, iżda mhux skond l-ispirtu
tiegħi,
biex iżidu dnub fuq dnub.
[Is:30:2] Telqu u niżlu l-Eġittu,
bla ma stħarrġu x'ngħid jien.
Marru jistagħnew bil-qawwa tal-Fargħun,
ifittxu l-kenn taħt dell l-Eġittu.
[Is:30:3] Imma l-qawwa tal-Fargħun tkun għajb
għalikom,
u l-kenn taħt dell l-Eġittu l-mistħija tagħkom.
[Is:30:4] Meta jaslu l-prinċpijiet tiegħu f'Sogħan,
u l-messaġġiera tiegħu jilħqu Ħanes,
[Is:30:5] kulħadd jistħi minn poplu bla fejda,
għax m'hux ta' għajnuna, anqas ta' siwi,
imma ta' għajb u diżunur.

[Is:30:6] Oraklu għall-bhejjem tan-Negeb:
F'art ta' hemm u dwejjaq,
fejn hemm l-iljun u l-iljuna jgħajjtu,
il-lifgħa u s-serp itir,
iġorru ġidhom fuq dahar il-ħmir,
u t-teżori tagħhom fuq ħotbiet l-iġmla
għal għand poplu li ma jiswiex.
[Is:30:7] L-għajnuna ta' l-Eġittu hi fiergħa u vojta;
għalhekk jien sejjaħtlu:
"Raħab l-għażżiena".

[Is:30:8] Issa, ejja iktibhielhom fuq tavlozz,
u naqqaxha quddiemhom fuq il-bronż,
biex tkun għaż-żmien li ġej
xhieda għal dejjem.
[Is:30:9] Għax dan il-poplu xewwiex,
ulied giddieba;
ulied li ma jridux jisimgħu
il-liġi tal-Mulej.
[Is:30:10] Jgħidu lill-veġġenti: 'La tarawx,'
u lill-profeti: 'La tħabbrulniex is-sewwa.
Għidulna li jogħġobna;
ħabbrulna l-ħolm.
[Is:30:11] Oħorġu mit-triq, warrbu mill-mogħdija,
neħħulna minn quddiemna l-Qaddis ta' Iżrael.'
[Is:30:12] Għalhekk dan jgħid il-Qaddis ta' Iżrael:
"Talli intom tistmerru dan il-kliem,
u tittamaw fil-qerq u l-għawġ,
u fuqhom tistrieħu,
[Is:30:13] għalhekk dan id-dnub ikun għalikom,
bħal biċċa ħajt imżakkra se taqa' mill-għoli,
waslet fi tmiemha sakemm tiġġarraf ħabta u sabta;
[Is:30:14] titfarrak bħalma titfarrak ġarra tal-fuħħar,
titkisser bla ħniena,
u ma tibqax xaqqufa mill-frak tagħha
biex tiġbor biha ġamra mill-kenur,
jew timla qatra ilma minn ġol-ġiebja.
[Is:30:15] Għax dan jgħid Sidi l-Mulej,
il-Qaddis ta' Iżrael:
"Fil-konverżjoni u l-kalma
ssibu s-salvazzjoni tagħkom;
fil-kwiet u l-fiduċja
qiegħda l-qawwa tagħkom."
Imma intom ma ridtux, iżda għedtu:
[Is:30:16] "Fuq żwiemel naħarbu,"
għalhekk tassew għad taħarbu.
"Fuq żwiemel ħfief nirkbu."
u ħfief ikunu dawk li għad jiġru warajkom.
[Is:30:17] Mit-theddida ta' wieħed jitbeżżgħu elf,
quddiem it-theddida ta' ħamsa taħarbu,
sakemm tibqgħu bħal arblu fuq quċċata ta' muntanja,
bħal lasta fuq għolja.
[Is:30:18] Madankollu mxennaq il-Mulej biex
jagħdirkom,
u għalhekk iqum biex iħenn għalikom.
Għax Alla ġust hu l-Mulej; henjin dawk li jafdaw fih.

Il-ħniena ta' Alla għal Iżrael

[Is:30:19] Iva, poplu ta' Sijon,
int li tgħammar f'Ġerusalemm,
ma tibkix aktar.
Il-Mulej iħenn għalik mal-ħoss ta' l-għajta tiegħek,
malli jisimgħek jagħtik widen.
[Is:30:20] Tassew li l-Mulej jagħtik ħobż l-imrar,
u l-ilma tan-niket,
iżda ma jinħebiex iżjed minnek l-Imgħallem tiegħek;
għajnejk jaraw l-Imgħallem tiegħek.
[Is:30:21] Minn warajk jisimgħu widnejk kliem
li jwissik u jgħidlek: "Din hi t-triq; għaddi minnha,
sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug."
[Is:30:22] Mbagħad int tniġġes ix-xbihat imnaqqxa
bil-fidda miksija,
ix-xbihat imdewwba u mdiehba tiegħek;
int tarmihom bħal ħwejjeġ maħmuġa,
u tgħidilhom: "Morru 'l barra!"
[Is:30:23] U hu jibgħat ix-xita fuq il-miżrugħ
tiegħek,
u l-qamħ, frott l-art, ikun bnin u mimli.
Dakinhar
l-imrieħel tiegħek jirgħu f'wesgħat kbar;
[Is:30:24] fir-raba' l-gniedes u l-ħmir tax-xogħol
jieklu għalf immellaħ,
mderri bil-midra u mgħoddi mill-għarbiel.
[Is:30:25] U fuq kull muntanja kbira,
fuq kull għolja wieqfa,
ikun hemm xmajjar ta' ilma f'jum il-ħerba l-kbira,
f'jum it-tiġrif tal-fortizzi.
[Is:30:26] Id-dawl tal-qamar
ikun jiddi bħad-dawl tax-xemx,
u d-dawl tax-xemx jitqawwa seba' darbiet,
daqs id-dawl ta' sebat ijiem;
dakinhar il-Mulej idewwi l-ġrieħi tal-poplu tiegħu
u jfejjaq it-tbenġil tas-swat tiegħu.

Il-kastig ta' l-Assirja

[Is:30:27] Araw, isem il-Mulej ġej mill-bogħod,
mixgħul bil-korla u b'duħħan tiela' madwaru,
xufftejh mimlija qilla,
u lsienu jibla' bħan-nar.
[Is:30:28] U nifsu bħal xmara mfawwra tilħaq sa
l-għonq,
ġej biex jgħarbel il-ġnus b'għarbiel il-qerda,
u jxedd f'xedaq il-popli lġiem,
li joħroġhom barra t-triq.

[Is:30:29] U jkunilkom l-għana bħal meta billejl
tiċċelebraw xi festa,
u ferħ ta' qalb bħal min jimxi bid-daqq tal-flawt,
u jmur fuq l-għolja tal-Mulej
lejn il-Blata ta' Iżrael.
[Is:30:30] U l-Mulej isamma' l-leħen solenni tiegħu,
u juri d-daqqa ta' driegħu,
bil-qilla ta' għadbu u lsien ta' nar wikkiel,
b'xita qawwija, tempesta u silġ kbir.

[Is:30:31] Għax għal leħen il-Mulej titwerwer
l-Assirja,
meta jidrobha bil-virga tiegħu.
[Is:30:32] Ma' kull daqqa ta' ħatar il-kastig li
jniżżel il-Mulej
idoqqu t-tnabar u l-arpi flimkien maż-żfin;
ixejjer l-armi u jissielet bihom.
[Is:30:33] Ilu mħejji t-Tofet għall-ħruq,
lest għas-sultan, fond u wiesa',
b'gozz kbir ħatab għan-nar;
nifs il-Mulej, bħal wied kubrit, jagħtih in-nar.

31. Ix-xejn ta' l-Eġittu

[Is:31:1] Ħażin għalihom dawk li jinżlu l-Eġittu
għall-għajnuna,
għal dawk li jittamaw fiż-żwiemel;
il-fiduċja tagħhom fil-kotra tal-karrijiet,
u l-qawwa u s-saħħa tar-rikkieba,
imma ma jittamawx fil-Qaddis ta' Iżrael,
u l-Mulej ma jfittxuhx.
[Is:31:2] Imma hu wkoll għaref u jaf iġib id-deni,
u kliemu ma jreġġgħux lura.
Hu jqum kontra dar il-ħżiena,
u kontra min jgħin għemil il-ħażen.
[Is:31:3] L-Eġizzjani bnedmin huma, m'humiex Alla,
u ż-żwiemel tagħhom laħam, u mhux ruħ.
Meta l-Mulej imidd idu,
jogħtor min jgħin,
u jaqa' l-megħjun,
u lkoll flimkien jintemmu.

[Is:31:4] Għax dan qalli l-Mulej:
"Bħalma jgħajjat fuq il-priża l-iljun u ferħ l-iljun,
u tinġama' kontrieh il-qatgħa tar-rgħajja,
imma hu ma jibżax mill-għajat tagħhom,
u anqas jintreħa quddiem il-kotra tagħhom,
hekk jinżel il-Mulej ta' l-eżerċti,
biex jitqabad fuq il-muntanja ta' Sijon
u l-għolja tagħha.
[Is:31:5] Bħall-għasafar jittajjru,
hekk il-Mulej ta' l-eżerċti
iħares 'il Ġerusalemm,
ikenninha u jħarisha, jaħfrilha u jeħlisha.
[Is:31:6] Erġgħu lura għal għand dak li minnu
tbegħedtu sewwa,
o wlied Iżrael!
[Is:31:7] F'dak il-jum kulħadd jarmi l-allat tiegħu,
l-allat tal-fidda u l-allat tad-deheb,
l-allat li għamlu idejkom għad-dnub.
[Is:31:8] "U taqa' l-Assirja b'xabla mhux ta' bniedem;
u xabla mhux ta' bniedem tikolha.
Jekk taħrab minn quddiem ix-xabla,
iż-żgħażagħ tagħha jispiċċaw ilsiera.
[Is:31:9] Il-fortizza tagħha ddub bil-biża'
u l-fizzjali tagħha mbeżżgħa jħallu l-istendardi."
Dan hu l-oraklu tal-Mulej,
li għandu n-nar fuq Sijon,
u l-forġa f'Ġerusalemm.

32. Is-sultan ġust

[Is:32:1] Araw, sultan għad isaltan bil-ġustizzja,
u prinċpijiet jaħkmu bis-sewwa.
[Is:32:2] U kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-riħ,
u kenn fit-tempesta,
bħal swieqi ta' l-ilma f'art niexfa,
bħal dell ta' blata kbira fuq art imħeddla.
[Is:32:3] Ma jitgħammxux għajnejn dawk li jaraw,
u jinfetħu widnejn dawk li jisimgħu.
[Is:32:4] L-imħuħ imħawwda jfittxu l-għerf
u lsien it-temtiema jinħall u jeħfief.
[Is:32:5] Lill-bniedem iblah ma jsejjħulux aktar
nobbli,
u l-imbruljun anqas ma jgħidulu galantom.
[Is:32:6] Għax l-iblah il-bluha jitkellem,
u moħħu jfassal il-ħsara,
biex jagħmel il-ħażen;
u jitkellem mgħawweġ kontra l-Mulej,
biex imbagħad iħalli għar-riq griżmejn l-imġewwaħ,
u lill-għatxan jiċħadlu x-xorb.
[Is:32:7] Għodod l-imbruljun kollha ħżiena;
jinseġ il-qerq,
biex jeqred iż-żgħar bi kliem giddieb
imqar meta l-kawża tal-fqir tkun ġusta.
[Is:32:8] Imma min hu nobbli jaħseb ħwejjeġ nobbli;
u jindaħal dejjem għal ħwejjeġ kbar.

Twiddiba għan-nisa ta' Ġerusalemm

[Is:32:9] O nisa bla ħsieb, qumu u isimgħu leħni!
O xbejbiet moħħkom mistrieħ, agħtu widen
għal kliemi!
[Is:32:10] Fi ftit jiem aktar minn sena għad titkexkxu,
intom li moħħkom mistrieħ iżżejjed,
għax jonqos l-għasir,
il-ġabra tal-ħsad ma tasal qatt.
[Is:32:11] Triegħdu, intom nisa bla ħsieb,
tkexkxu intom b'moħħkom mistrieħ.
Inżgħu u nkixfu, ħażżmu xkora
ma' qaddkom,
[Is:32:12] ħabbtu fuq sidirkom,
għar-raba' sabiħ,
għad-dielja għammiela,
[Is:32:13] għal art il-poplu tiegħi
mimlija xewk u għollieq,
għad-djar kollha tal-pjaċir,
għall-belt ferrieħa.
[Is:32:14] Iva, il-palazz għad jitilquh,
l-għagħa tal-belt jintemm,
l-għolja ta' Ofel u t-torri ta' Baħan
jisfgħu għerien għal dejjem,
l-għaxqa tal-ħmir selvaġġi,
mergħa għall-imrieħel.
[Is:32:15] Mbagħad jissawwab fuqna spirtu
mill-għoli,
u d-deżert jinbidel f'art għammiela,
u l-art għammiela ssir foresta.
[Is:32:16] U tistrieħ il-ġustizzja fid-deżert,
u s-sewwa jgħammar f'art għammiela.
[Is:32:17] Is-sliem ikun frott il-ġustizzja,
u l-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan u tama
għal dejjem.
[Is:32:18] U l-poplu tiegħi f'post tas-sliem,
jgħammar bla biża', mistrieħ fil-kwiet.
[Is:32:19] U l-foresta taqa' u tiġġarraf,
u l-belt titniżżel sa isfelnett.
[Is:32:20] Henjin intom, li tiżirgħu ħdejn kull ilma,
u tħollu riġlejn il-gendus u l-ħmar.

33. Il-Mulej isalva l-poplu

[Is:33:1] Ħażin għalik, int li tħarbat u għadhom
ma ħarbtukx;
int li tqarraq, u għadhom ma qarrqux bik.
Meta ma tħarbatx aktar, iħarbtuk;
meta ma tqarraqx aktar, iqarrqu bik.

[Is:33:2] Mulej ħenn għalina, fik nittamaw.
Kun driegħ għalina kull filgħodu,
u s-salvazzjoni tagħna fi żmien it-taħbit.
[Is:33:3] Għall-ħsejjes ta' l-għagħa ħarbu l-ġnus;
mal-qawmien tiegħek xterdu l-popli.
[Is:33:4] Nġabret il-priża, bħalma jinġabru
l-ġradijiet
jinxteħtu fuqha bħalma jinxteħet il-ġrad.

[Is:33:5] Tgħolla l-Mulej, għax jgħammar fl-għoli;
lil Sijon imlieha bil-ġustizzja u s-sewwa.
[Is:33:6] U l-qawwa tiegħek fil-liġi tiegħu;
u s-salvazzjoni tiegħek fl-għerf u s-sapjenza;
il-biża' ta' Alla t-teżor tiegħu.
[Is:33:7] Ara, in-nies ta' Arjel jgħajjtu minn barra,
il-messaġġiera ta' Salem jibku bl-imrar.
[Is:33:8] It-toroq baħħ,
ħadd ma hemm li jgħaddi l-mogħdijiet.
Kiser il-patt, ix-xhieda stmerrhom,
ma ta kas ta' ħadd.

[Is:33:9] Bil-vistu mifni l-pajjiż,
il-Libanu mħawwad u midbiel,
Saron sar bħad-deżert
u bla weraq Basan u Karmel.
[Is:33:10] "Issa nqum!" jgħid il-Mulej,
"Issa nqum fuq qaddi;
issa nogħla 'l fuq."
[Is:33:11] Intom ħbiltu l-ħuxlief,
u issa tildu t-tiben;
nifsi bħan-nar jikolkom.
[Is:33:12] U l-ġnus jinħarqu bħal kalkara tal-ġir,
bħal xwiek maqtugħa u mogħtija n-nar.
[Is:33:13] Intom li fil-bogħod tinsabu,
isimgħu jien x'għamilt!
Intom li qegħdin fil-qrib,
kunu afu bis-setgħa tiegħi!
[Is:33:14] Il-ħatja f'Sijon twerwru,
fuq il-ħżiena waqa' l-biża'.
Min minna se joqgħod ma' nar qerriedi?
Min minna se joqgħod ma' nirien dejjem iħeġġu?
[Is:33:15] Min jimxi fis-sewwa u jgħid id-dritt,
min jistmerr il-qligħ miksub bil-qerq,
min iwarrab idejh biex ma jixxaħħamx,
min isodd widnejh biex b'tixrid id-dmija ma jismax,
min jagħlaq għajnejh biex ħażen ma jarax:
[Is:33:16] dan jgħammar fl-għoli:
fortizza taż-żonqor il-kenn tiegħu,
il-ħobż tiegħu jsibu,
u l-ilma qatt ma jonqsu.

[Is:33:17] Jaraw għajnejk sultan fi ġmielu,
jaraw art mifruxa 'l bogħod.
[Is:33:18] Ħsiebek imur fuq it-twerwir li għadda:
"Fejn hu dak li jgħodd?
Fejn hu dak li jiżen?
Fejn hu min jgħodd il-fortizzi?"
[Is:33:19] Ma tarax iżjed poplu qalil,
poplu bi lsien tqil li ma tifhmux,
b'ilsien itemtem li ma tfissrux.
[Is:33:20] Ħares lejn Sijon, il-belt tal-festi tagħna!
Jaraw għajnejk 'il Ġerusalemm,
dar is-sliem, għarix ma jħarrku ħadd;
il-kunjardi tagħha ma jaqlagħhom ħadd;
il-ħbula tagħha ma jinqatgħu b'xejn.
[Is:33:21] Għax hemm għalina jkun il-kobor
tal-Mulej,
hemmhekk ix-xmajjar u l-widien wesgħin,
mnejn ebda ġifen bl-imqadef ma jgħaddi,
u lanqas ma jaqsmu xwieni kbar.
[Is:33:22] Għax il-Mulej hu l-imħallef tagħna;
il-Mulej il-leġislatur tagħna.
Il-Mulej is-sultan tagħna,
hu li jsalvana.
[Is:33:23] Rħew il-ħbula tiegħek,
ma jżommux aktar l-arblu f'postu,
ma jifirxux aktar il-qlugħ.
Mbagħad l-għomja jaqsmu priża kbira,
u z-zopop ikollhom sehem fil-ħatfa.
[Is:33:24] U ħadd minn min jgħammar hemm
ma jgħid:
"Jien marid."
Il-poplu li hemm fiha tinħafirlu ħżunitu.

34. L-għadab ta' Alla kontra l-ġnus

[Is:34:1] Ersqu, ġnus, ħa tisimgħu,
u intom, popli, agħtu widen!
Ħa tisma' l-art u kull ma fiha,
id-dinja u kull ma trodd.
[Is:34:2] Għax il-Mulej mgħaddab għall-ġnus kollha,
u s-saħna tiegħu fuq l-eżerċti kollha tagħhom.
Qatagħha li lkoll jeqridhom,
u jerħihom għall-qatla.
[Is:34:3] Il-maqtula tagħhom jintremew,
u titla' l-intiena minn ġisimhom.
Iċarċru b'demmhom il-muntanji.

[Is:34:4] Il-qtajjiet tas-smewwiet jinħallu,
u s-smewwiet bħal ktieb jitkebbu.
Il-qtajjiet tagħhom jaqgħu,
bħalma jaqa' l-weraq midbiel mid-dielja
u l-frott misjur mit-tina.

[Is:34:5] Għax fis-smewwiet sikret ix-xabla tiegħi,
u għad tinżel fuq Edom,
fuq poplu mitluq għall-qerda,
biex minnu tagħmel ħaqq.
[Is:34:6] Ix-xabla tal-Mulej tħammar bid-demm,
tqattar bix-xaħam,
bid-demm tal-ħrief u l-bdabad,
bix-xaħam tal-kliewi ta' l-imtaten.
Għax ikollu l-Mulej sagrifiċċju f'Bosra,
qatla kbira f'Edom.
[Is:34:7] Jaqgħu l-bufli ma' l-għoġiela smien,
il-gniedes mal-barrin.
Arthom tisker bid-demm,
u trabhom bix-xaħam isir tajn.

[Is:34:8] Għax hu jum il-vendetta tal-Mulej,
is-sena tal-ħlas għall-għadu ta' Sijon.
[Is:34:9] Il-widien tiegħu jinbidlu f'qatran.
U trabu f'kubrit.
U artu ssir qatran
[Is:34:10] iħeġġeġ lejl u nhar.
Qatt ma tintefa,
id-dħaħen minnha dejjem telgħin.
Tkun ħerba għal dejjem minn żmien għal żmien;
qatt iżjed ma jgħaddu minnha.
[Is:34:11] Jirtuha l-pellikan u l-qanfud,
fiha jgħammru l-kokka u ċ-ċawlun.
Il-Mulej jifrex fuqha l-ħabel tal-vojt,
u ċ-ċomb tal-baħħ.
[Is:34:12] In-nobbli tagħha ma jkunux aktar,
u slaten aktar ma jipproklamawx,
u prinċpijiet jiġu fix-xejn.
[Is:34:13] Fil-palazzi tagħha jinbet ix-xewk;
għollieq u ħurrieq fil-fortizzi tagħha.
Issir kenn għax-xakalli,
u bitħa għan-ngħam.
[Is:34:14] Jiltaqgħu hemm il-jena u l-klieb
tax-xagħri;
u l-mogħoż selvaġġi jsejjħu lil xulxin;
hemm ukoll toqgħod il-kokka tad-deżert,
u ssib il-mistrieħ tagħha.
[Is:34:15] Hemm ibejjet is-serp u jbid,
isaħħan u jfaqqas il-bajd.
Hemm ukoll jiltaqgħu l-isqra,
is-sieħeb mas-sieħba tiegħu.

[Is:34:16] Fittxu fil-ktieb tal-Mulej u aqraw:
"Ma tonqos ebda waħda minnhom
l-ebda waħda ma titlef lil seħibha.
Għax fommi kkmanda dan."
L-ispirtu tiegħu li ġabarhom;
[Is:34:17] hu li xeħet xortihom,
u idu qassmitilhom l-art bil-ħabel.
Tkun wirthom għal dejjem,
minn ġenerazzjoni għal oħra jgħammru fiha.

35. Is-salvazzjoni tal-poplu ta' Alla

[Is:35:1] Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa;
ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad,
ħa jwarrad bħar-ranġis.
[Is:35:2] Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.
Sebħ il-Libanu jingħata lilha,
il-ġmiel tal-Karmel u ta' Saron.
Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej,
il-ġmiel ta' Alla tagħna.
[Is:35:3] Qawwu l-idejn mitruħa;
saħħu l-irkubbtejn imriegħda.
[Is:35:4] Għidu lil dawk b'qalbhom imbeżżgħa:
"Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta' Alla wasal;
Hu stess ġej biex isalvakom.

[Is:35:5] Mbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
[Is:35:6] Mbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert,
u l-widien fix-xagħri.
[Is:35:7] L-art maħruqa tinbidel f'għadira,
u l-art niexfa f'għejun ta' ilma ġieri.

Fejn qabel kienu jimteddu x-xakalli,
issa hemm il-ħmiemel tal-qasab u l-ġummar.
[Is:35:8] Hemm ikun hemm triq, isejjħulha:
'It-Triq il-Qaddisa'.
Ħadd imniġġes ma jgħaddi minnha,
u l-boloh ma jiġġerrewx fiha.
[Is:35:9] Ma jkunx hemm l-iljun,
u ebda bhima feroċi ma titla' minnha:
minnha jgħaddu l-mifdijin.

[Is:35:10] Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej,
u jidħlu f'Sijon jgħajjtu bil-ferħ,
b'ferħ ta' dejjem fuq rashom.
Il-ferħ u l-hena jiksbu,
u jgħibu swied il-qalb u l-krib.

36. Sanħerib jaħbat għal Ġuda

[Is:36:1] Fis-sena erbatax tas-sultan Ħeżekija, Sanħerib, sultan ta' l-Assirja, tala' jaħbat għall-ibliet kollha ffortifikati ta' Ġuda, u ħadhom f'idejh. [Is:36:2] U s-sultan ta' l-Assirja bagħat minn Lakis il-gran kuppier kontra Ħeżekija b'eżerċtu kbir f'Ġerusalemm. U waqaf ħdejn l-akwedott ta' l-għadira l-fuqanija li taħbat fuq it-triq ta' l-Għalqa tal-Ħassiel. [Is:36:3] U ħareġ Eljakim bin Ħilkija, li kien jagħmel mill-palazz, u Sebna s-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf, il-kronista. [Is:36:4] U l-gran kuppier qalilhom: "Għidu lil Ħeżekija: 'Dan jgħid is-sultan il-kbir, is-sultan ta' l-Assirja: X'inhi din it-tama li int qiegħed tittama? [Is:36:5] Taħseb int jaqaw li l-kliem waħdu jfisser għaqal u qawwa għall-gwerra? Issa int f'min qiegħed tittama, biex irvellajt kontrija? [Is:36:6] Bħalissa int qiegħed isserraħ rasek bl-Eġittu, dik il-qasba mxaqqa li tidħol f'id min jistrieħ fuqha u ttaqqabhielu. Dan hu l-Fargħun, is-sultan ta' l-Eġittu, għal min jittama fih. [Is:36:7] Tgħiduli intom: 'Fil-Mulej Alla tagħna nittamaw aħna.' M'hux hu kien li Ħeżekija neħħielu s-santwarji u l-artal tiegħu, u ordna lil Ġuda u 'l Ġerusalemm: 'Quddiem dan l-artal taduraw f'Ġerusalemm'? [Is:36:8] U issa agħmel imħatra ma' sidi s-sultan ta' l-Assirja u jien nagħtik elfejn żiemel, jekk inti għandek il-ħila ssib rikkieba għalihom.
[Is:36:9] Kif tista', mela, traġġa' lura lil wieħed mill-iċken qaddejja ta' sidi? U mbagħad int tistenna ż-żwiemel u r-rikkieba mill-Eġittu! [Is:36:10] U issa, jaqaw, jien tlajt biex inħarbat dan il-pajjiż mingħajr ir-rieda tal-Mulej? Il-Mulej qalli: 'Itla' għal din l-art u ħarbatha.' "

[Is:36:11] U Eljakim, Sebna u Ġowaħ wieġbu lill-gran kuppier: "Kellem lill-qaddejja tiegħek bl-Arami, għax aħna nifhmuh. Tkellimniex bil-Lhudi, għax jisma' l-poplu li qiegħed fuq is-sur."

[Is:36:12] U l-gran kuppier wieġeb: "Jaqaw sidna bagħatna ngħidu dan il-kliem lilek jew lil sidek? M'hux lill-irġiel li hemm fuq is-sur, jieklu ħmieġhom u jixorbu ilmiethom magħkom?" [Is:36:13] U l-gran kuppier baqa' hemm u beda jgħajjat b'leħen għoli u jgħid bil-Lhudi: "Isimgħu l-kelma tas-sultan il-kbir, is-sultan ta' l-Assirja. [Is:36:14] Dan jgħid is-sultan: Ma jqarraqx bikom is-sultan Ħeżekija, għax ma jistax jeħliskom minn idejja. [Is:36:15] Ma jittamakomx Ħeżekija fil-Mulej u jgħidilkom: "Il-Mulej jeħlisna żgur u din il-belt ma tingħatax f'idejn is-sultan ta' l-Assirja." [Is:36:16] La tisimgħux lil Ħeżekija għax dan jgħid is-sultan ta' l-Assirja: Agħmlu paċi miegħi u ersqu lejja, u tieklu, kull wieħed mid-dielja tiegħu u kull wieħed mit-tina tiegħu u jixrob l-ilma kull wieħed mill-bir
tiegħu. [Is:36:17] Sakemm niġi u neħodkom f'art bħal artkom, art tal-qmuħ u ta' l-inbid, art tal-ħobż u tad-dwieli.' [Is:36:18] La tisimgħux lil Ħeżekija għax ikun qiegħed iqarraq bikom meta jgħidilkom: "Il-Mulej jeħlisna!" Jaqaw allat il-ġnus ħelsu lil pajjiżhom minn id is-sultan ta' l-Assirja? [Is:36:19] Fejn huma l-allat ta' Ħamat u Arfad, fejn huma l-allat ta' Sefarwajjim? Ħelsu huma lil Samarija minn idejja? [Is:36:20] Min huma fost l-allat kollha ta' dawn l-artijiet li ħelsu lil arthom minn idejja, biex issa jeħles il-Mulej lil Ġerusalemm minn idejja?' "

[Is:36:21] U l-poplu baqa' sieket u ma weġbuhx, għax is-sultan kien ordnalhom: "La twiġbuhx."

[Is:36:22] U Eljakim bin Ħilkija, li kien jagħmel mill-palazz, u Sebna s-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf, il-kronista, marru għand Ħeżekija bi ħwejjiġhom imċarrta, u għarrfuh b'kull ma qalilhom il-gran kuppier.

37. It-telfa ta' Sanħerib

[Is:37:1] Malli s-sultan Ħeżekija sama' b'dan, ċarrat ilbiesu u nkesa bi xkora, u mar fit-tempju tal-Mulej. [Is:37:2] U bagħat lil Eljakim, li kien jagħmel mill-palazz, u 'l Sebna s-segretarju, u x-xjuħ tal-qassisin liebsa x-xkejjer għand il-profeta Isaija bin Amos.

[Is:37:3] U qalulu: "Dan jgħid Ħeżekija: 'Jum ta' diqa u kastig u għajb illum; l-ulied waslu għat-twelid, imma n-nisa bla saħħa. [Is:37:4] Għandu mnejn jisma' l-Mulej Alla tiegħek il-kliem tal-gran kuppier, mibgħut minn sidu s-sultan ta' l-Assirja, biex iżeblaħ lil Alla l-ħaj, u jrażżnu għall-kliem li sama' l-Mulej Alla tiegħek. Itlob bil-qawwa għall-bqija li għad fadal."

[Is:37:5] U l-qaddejja ta' Ħeżekija marru għand Isaija. [Is:37:6] U Isaija qalilhom: "Dan għidu lil sidkom: 'Dan jgħid il-Mulej: La tibżax mill-kliem li smajt, li bih il-qaddejja tas-sultan ta' l-Assirja żebilħuni. [Is:37:7] Arawni, se nqajjem spirtu fih, u malli jisma' aħbar jerġa' lura lejn artu, u hemm f'pajjiżu neqirdu bix-xabla."

[Is:37:8] Il-gran kuppier raġa' lura u sab lis-sultan ta' l-Assirja jitqabad kontra Libna; għax kien sama' li dan kien tbiegħed minn Lakis.

[Is:37:9] U s-sultan sama' b'Tirħaka, sultan ta' Kus: "Ara, ħareġ jeħodha kontrik." Għalhekk raġa' bagħat xi messaġġiera għand Ħeżekija u qalilhom: [Is:37:10] "Dan għidulu lil Ħeżekija, sultan ta' Ġuda; 'Lil Alla tiegħek, li fih inti tqiegħed it-tama tiegħek, tħallihx iqarraq bik billi jgħidlek li Ġerusalemm ma tistax tingħata f'idejn is-sultan ta' l-Assirja! [Is:37:11] Inti smajt x'għamlu s-slaten ta' l-Assirja lill-pajjiżi l-oħra kollha, kif qerduhom għalkollox. Int waħdek se teħles? [Is:37:12] Jaqaw il-ġnus li missirijieti qerdu - Gożan, Ħaran, Resef, u l-poplu ta' Għeden, li kienu jgħammru f'Telaxxar - ħelsuhom l-allat tagħhom? [Is:37:13] Fejn hu s-sultan ta' Ħamat, u s-sultan ta' Arfad, u s-sultan tal-belt ta' Sefarwajjin, ta' Ħena u Għiwwa?"

[Is:37:14] Ħeżekija ħa l-ittra minn id il-messaġġiera u qraha. Mbagħad tala' fit-tempju tal-Mulej, u firixha quddiem il-Mulej. [Is:37:15] U Ħeżekija talab lill-Mulej b'dan il-kliem: [Is:37:16] "Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, li qiegħed fuq il-kerubini, int waħdek Alla fuq is-saltniet kollha ta' l-art; int għamilt is-smewwiet u l-art. [Is:37:17] Agħti widen, Mulej, u isma'; iftaħ għajnejk, Mulej, u ara! Isma' l-kliem ta' Sanħerib, li bih bagħat iżeblaħ lil Alla l-ħaj. [Is:37:18] Kollu minnu, Mulej, li s-slaten ta' l-Assirja ħarbtu l-ġnus u artijiethom; [Is:37:19] u xeħtu l-allat, għax m'humiex ħlief ħatab u ġebel, xogħol ta' id il-bniedem, u għalhekk setgħu jġibuhom fix-xejn. [Is:37:20] Issa, Mulej Alla tagħna, salvana minn idu, u jkunu jafu s-saltniet kollha ta' l-art li inti waħdek Alla, Mulej."

[Is:37:21] Mbagħad Isaija bin Amos bagħat jgħid lil Ħeżekija: "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: 'Kull ma tlabtni dwar is-sultan Sanħerib, sultan ta' l-Assirja, jiena smajtu.'

[Is:37:22] Dan jgħid il-Mulej kontrieh:

'Tistmerrek, tiddieħak bik,
ix-xebba bint Sijon.
Minn warajk tħarrek rasha,
bint Ġerusalemm.

[Is:37:23] Lil min għajjart u lil min żeblaħt?
Kontra min għollejt leħnek,
u rfajt għajnejk fl-għoli?
Kontra l-Qaddis ta' Iżrael!
[Is:37:24] Bil-messaġġiera tiegħek għajjart lis-Sid,
u għedt: 'Bil-kotra tal-karrijiet tiegħi
jien tlajt fl-għoli fuq il-muntanji,
fuq il-qċaċet tal-Libanu.
Qaċċatt l-ogħla ċedri tiegħu,
l-isbaħ fost iċ-ċipress tiegħu.
Dħalt fl-ibgħad irkejjen tiegħu,
fil-foresti tiegħu qishom ġonna.
[Is:37:25] Jiena ħaffirt u xrobt l-ilma tal-barrani,
jien nixxift b'qiegħ saqajja
l-widien kollha ta' l-Eġittu.

[Is:37:26] Ma smajtx jaqaw li sa minn żmien ilu
dan ħejjejtu jien?
Minn żmien il-qedem jien kont sawwartu,
u issa temmejtu.
Int kellek tagħmel gozz ħerba bliet bis-swar.
[Is:37:27] U nieshom bla ħila,
tħawwdu u twerwru,
saru bħal ħaxix tar-raba',
bħal inbiet tari,
bħal ħażiż tal-bjut,
u sbul maħruq mir-riħ tal-lvant.

[Is:37:28] Kull meta inti toqgħod,
jew toħroġ, jonkella tidħol,
u meta tagħdab għalija,
jiena nkun naf.

[Is:37:29] Ladarba żżarġant kontrija,
u l-kburija tiegħek waslet f'widnejja,
jiena ngħaddi ħolqti minn imnifsejk,
u lġiemi minn xufftejk,
u nreġġgħek lura fi triqtek
li minnha ġejt.'

[Is:37:30] U dan ikun is-sinjal: Din is-sena tiekol milli jinbet waħdu, sena oħra dak li jinbet minn dan, u fit-tielet sena tiżirgħu u taħsdu, u tħawwlu d-dwieli u tieklu mill-għelejjel tagħhom. [Is:37:31] U l-fdal li jkun ħeles mid-dar ta' Ġuda jibqgħu u jxenxlu għeruqhom fil-fond u jagħmlu l-frott fil-wiċċ. [Is:37:32] Għax minn Ġerusalemm joħroġ il-fdal u mill-muntanja ta' Sijon il-meħlusin. Il-ħeġġa tal-Mulej tagħmel dan.

[Is:37:33] Għalhekk dan jgħid il-Mulej
għas-sultan ta' l-Assirja:
'F'din il-belt ma jidħolx;
ebda vleġġa ma jwaddab fiha;
ebda tarka ma jressaq quddiemha;
ebda ħajt ma jtella' madwarha.
[Is:37:34] Mit-triq li minnha ġie,
minnha jerġa' lura,
u f'din il-belt ma jidħolx,
oraklu tal-Mulej.
[Is:37:35] Jiena nħares din il-belt u nsalvaha
minħabba fija nnifsi,
u minħabba David, il-qaddej tiegħi.' "

[Is:37:36] U ħareġ l-anġlu tal-Mulej fil-kamp ta' l-Assiri u qered mija u ħamsa u tmenin elf ruħ. Xħin qamu l-oħrajn fil-għodu, hemm isibuhom ilkoll iġsma mejta.

[Is:37:37] Mbagħad Sanħerib, sultan ta' l-Assirja, rafa' l-kamp u telaq u raġa' lura u baqa' f'Ninwè. [Is:37:38] U kif kien mixħut fl-art fit-tempju ta' Nisrok, alla tiegħu, Adrammelek u Sareser, uliedu, darbuh bix-xabla u ħarbu lejn l-art ta' Ararat. U saltan minfloku Asarħaddun, ibnu.

38. Il-marda u l-fejqan ta' Ħeżekija

[Is:38:1] F'dak iż-żmien Ħeżekija marad għall-mewt. U ġie għandu l-profeta Isaija bin Amos, u qallu: "Dan jgħid il-Mulej: 'Aħseb għal darek għax se tmut u ma tgħixx.' " [Is:38:2] U Ħeżekija dawwar wiċċu lejn il-ħajt, u beda jitlob lill-Mulej u jgħid: [Is:38:3] "Ftakar, Mulej, nitolbok kif jien imxejt quddiemek b'fedeltà, u qalb sħiħa u għamilt it-tajjeb f'għajnejk." U beka Ħeżekija biki kbir.

[Is:38:4] Mbagħad il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Isaija u qallu: [Is:38:5] "Mur u għid lil Ħeżekija: 'Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' David missierek: Jien smajt it-talba tiegħek, rajt id-dmugħ tiegħek. Arani, issa se ntawwal għomrok bi ħmistax-il sena oħra, [Is:38:6] u neħilsek minn id is-sultan ta' l-Assirja, lilek u 'l din il-belt, u nħares 'il din il-belt." [Is:38:21] U Isaija qal: "Ħa jieħdu ċappa tin u jogħrku l-ġerħa biha u jfiq." [Is:38:22] U Ħeżekija qal lil Isaija: "Liema hu s-sinjal li se nitla' f'dar il-Mulej?"

[Is:38:7] "U dan ikun is-sinjal mill-Mulej, li l-Mulej jagħmel dan. [Is:38:8] Arani, jiena nraġġa' lura d-dell għaxar tarġiet, li x-xemx diġà niżlet mat-taraġ ta' Aħaż." U x-xemx reġgħet lura għaxar tarġiet mit-taraġ li kienet telgħet.

[Is:38:9] Kantiku ta' Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, meta marad u fieq mill-marda tiegħu:

[Is:38:10] "Jien għedt: F'nofs ħajti jkolli nitlaq;
għall-bqija ta' snini
jżommuni fi bwieb Art l-Imwiet."
[Is:38:11] Jien għedt: "M'iniex se nara l-Mulej
f'art il-ħajjin;
ma nara b'għajnejja lil ħadd iżjed
minn fost dawk li jgħammru fid-dinja.
[Is:38:12] Tneħħietli l-għamara tiegħi u ġiet
imwarrba minni,
bħal għarix ta' ragħaj.
Int kebbibt 'il ħajti bħan-nissieġ,
min-newl int qtajtni.
Mis-sebħ sad-dlam int tkun temmejtni.
[Is:38:13] Bqajt ngħajjat sa sbiħ il-jum
bħal iljun il-Mulej kissirli għadmi.
Mis-sebħ sad-dlam int tkun temmejtni.

[Is:38:14] Bħal ħuttafa npespes,
bħal ħamiema nokrob,
għajnejja għejew iħarsu 'l fuq.
Mulej, jien magħkus, aqbeż għalija!
[Is:38:15] X'naqbad nitkellem, u x'għandi ngħidlu?
Għax hu kellimni, u hu għamlu dan.
Rqadi kollu għab minħabba l-imrar f'ruħi.

[Is:38:16] Mulej, qalbi tgħix għalik,
aħjili 'l ruħi, fejjaqni u agħtini saħħti.
[Is:38:17] Ara, mrari tbiddel fi sliem,
int salvajtli 'l ħajti mill-ħofra tal-qerda,
int xħett wara spallejk ħtijieti kollha.
[Is:38:18] Għax mhux Art l-Imwiet li troddlok ħajr,
anqas il-mewt ma tfaħħrek.
Ma jittamawx fil-fedeltà tiegħek
dawk li jinżlu fil-ħofra.
[Is:38:19] Il-ħaj, min jgħix, jiżżik ħajr,
bħalma qed nagħmel jien illum;
il-missier jgħarraf lil uliedu l-fedeltà tiegħek.
[Is:38:20] Salvana, Mulej,
u aħna ngħannu fuq iċ-ċetri
il-jiem kollha ta' ħajjitna f'dar il-Mulej.

39. Ħeżekija jilqa' l-ambaxxaturi

[Is:39:1] Dak iż-żmien Merodak-baladan bin Baladan, sultan ta' Babilonja, bagħat ittra u rigal lil Ħeżekija, għax kien sama' li Ħeżekija kien marad u fieq. [Is:39:2] Ħeżekija feraħ bihom u wriehom id-dar tat-teżor, il-fidda u d-deheb, il-fwejjaħ u ż-żejt fin, l-armerija u kull ma kien jinsab fl-imħażen tiegħu; ma kien hemm xejn f'daru u f'saltnatu, li Ħeżekija ma wrihomlhomx. [Is:39:3] U l-profeta Isaija ġie għand Ħeżekija u qallu: "X'qalulek dawk in-nies? Mnejn ġew għandek?" U Ħeżekija wieġbu: "Minn art imbiegħda, ġew għandi minn Babilonja." [Is:39:4] U qallu: "X'raw fil-palazz tiegħek?" U Ħeżekija wieġbu: "Raw kull ma jinsab fil-palazz tiegħi; ma kien hemm xejn fl-imħażen tiegħi li ma wrejthulhomx."

[Is:39:5] U Isaija wieġeb lil Ħeżekija: "Isma' l-kelma tal-Mulej ta' l-eżerċti: [Is:39:6] 'Ara, għad jiġi żmien li jinġarr f'Babilonja kull ma jinsab f'darek u kull ma ħażnu s'issa missirijietek! Ma jifdal xejn. Il-kelma tal-Mulej. [Is:39:7] U minn fost uliedek li għad joħorġu minnek, li int għad tnissel, jittieħdu u jkunu ewnuki fil-palazz tas-sultan ta' Babilonja." [Is:39:8] U Ħeżekija qal lil Isaija: "Sewwa l-kelma tal-Mulej, li għedt." Għax ħaseb: "Għallinqas fi żmieni jkun hemm is-sliem u s-sigurtà."

It-Tieni Parti : Kap 40 sa 55
( Fi tmiem l-Eżilju, 539-538 QK )

40. Ktieb il-Faraġ

[Is:40:1] "Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi,"
jgħid Alla tagħkom.
[Is:40:2] Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha
li ntemm il-jasar tagħha,
tħallset ħżunitha,
ħadet mingħand il-Mulej
darbtejn għal dnubietha kollha.
[Is:40:3] Leħen jgħajjat:

"Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,
wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
[Is:40:4] Jintradam kull wied,
u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;
kull art imħabbta titwitta
kull art imħarbta ssir maqgħad.
[Is:40:5] U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
u l-bnedmin jarawha lkoll f'daqqa,
għax fomm il-Mulej tkellem."
[Is:40:6] U leħen qal: "Għajjat." U jien weġibt:
'X'ngħajjat?"
Għid: "Kull bniedem ħaxix,
u sbuħitu bħal ward ir-raba';
[Is:40:7] jinxef il-ħaxix,
jidbiel il-ward,
meta minn fuqhom jgħaddi nifs il-Mulej.
- Bħal ħaxix il-poplu –
[Is:40:8] Il-ħaxix jinxef,
u l-ward jidbiel,
iżda l-kelma tal-Mulej tibqa' għal dejjem."
[Is:40:9] Itla' fuq il-muntanja għolja,
int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;
għolli leħnek bil-qawwa kollha,
int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;
għajjat, la tibżax.
Għid lill-ibliet ta' Ġuda:
"Hawn hu Alla tagħkom!"
[Is:40:10] Hawn hu Sidi l-Mulej,
li ġej bil-qawwa,
u jaħkem bil-qawwa ta' driegħu.
Hawn hu bi ħlasu miegħu,
u r-rebħa tiegħu quddiemu.
[Is:40:11] Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
bi driegħu jiġmagħha,
u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.

Il-kobor ta' Alla ta' Iżrael

[Is:40:12] Min kejjel il-baħar f'qiegħ idu,
jew qies bix-xiber il-wisa' tas-sema?
Min ġabar it-trab ta' l-art ġo kejla,
jew wiżen bi stasija l-muntanji,
u b'miżien l-għoljiet?
[Is:40:13] Min mexxa l-ispirtu tal-Mulej,
x'kunsillier kellu biex jgħallmu?
[Is:40:14] Lil min talab parir biex jiftaħlu għajnejh;
jew min għallmu jġib ruħu bil-ġustizzja,
biex jagħtih id-dawl u l-għerf,
u jqabbdu t-triq ta' l-għaqal?

[Is:40:15] Ara, il-ġnus bħal qatra waħda minn
barmil ilma,
bħal għabra trab f'miżien, hekk qishom!
Ara, ix-xtut ma jiżnux aktar minn traba.
[Is:40:16] Is-siġar tal-Libanu m'humiex biżżejjed
biex bihom tqabbad in-nar;
anqas il-bhejjem tiegħu m'huma biżżejjed
biex toffri lil Alla sagrifiċċju tal-ħruq.

[Is:40:17] Il-ġnus kollha qishom xejn quddiemu:
huma għalih ħwejjeġ fiergħa u battala.
[Is:40:18] Ma' min se jxebbhu lil Alla,
u liema xbieha se tqabblu miegħu?
[Is:40:19] L-idolu jdewwbu bin is-sengħa,
u jindurah ħaddiem id-deheb,
u jsensillu ħjut tal-fidda.
[Is:40:20] Xi ħadd fqajjar li ma għandux x'joffri,
jagħżel xi għuda li ma ssewwisx,
ifittex xi ħaddiem jinqala',
biex jagħmillu xbieha ma titħarrikx.

[Is:40:21] Ma tafux? Ma smajtux jaqaw?
Ma tħabbrilkomx sa mill-bidu?
Ma fhimtux? Min waqqaf l-art?
[Is:40:22] Hu jgħammar 'il fuq minn ħnejjet l-art,
u min jgħammar fiha qishom ġradijiet.
Hu jħoll is-smewwiet bħal xoqqa,
u jifrixhom bħal għarix biex tgħammar fih.
[Is:40:23] Hu jġib fix-xejn is-setgħanin,
u l-mexxejja tad-dinja jagħmilhom xejn.
[Is:40:24] Bilkemm jitħawwlu,
bilkemm jinżergħu,
bilkemm jinbtu u jxenxlu l-għeruq,
li ma jonfoħx fuqhom u jinxfu,
li r-riefnu ma jġorrhomx bħall-karfa.

[Is:40:25] "Ma' min ixxebbhuni jew tqabbluni?"
jistaqsi l-Qaddis.
[Is:40:26] Erfgħu għajnejkom 'il fuq u araw:
min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha?
Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu,
u jsejjħilhom b'isimhom wieħed wieħed.
Bis-saħħa ta' qawwietu,
bil-qawwa ta' setegħtu,
ħadd minnhom ma jonqos.

[Is:40:27] Għaliex titkellem Ġakobb,
u int, Iżrael, tgħid:
"Triqti moħbija mill-Mulej,
u mwarrab il-jedd tiegħi minn Alla?"
[Is:40:28] Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt,
"Il-Mulej hu Alla ta' dejjem,
il-ħallieq ta' truf l-art?"
Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx,
l-għerf tiegħu ma ssibx tarfu.
[Is:40:29] Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien,
u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.
[Is:40:30] Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew,
fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel.
[Is:40:31] Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu
saħħithom,
itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli,
jiġru bla ma jegħjew,
jimxu bla ma jintelqu.

41. Alla s-Salvatur ta' Iżrael

[Is:41:1] Isktu quddiemi, intom xtut;
u ħalli l-popli jitqawwew mill-ġdid!
Ħa jersqu l-ewwel, mbagħad jitkellmu:
u nersqu għall-ħaqq flimkien!
[Is:41:2] Min qajjem mil-lvant lil dak,
li r-rebħ jiġri wara riġlejh?
Rħielu l-ġnus f'idejh,
biex irażżan is-slaten?
Li b'sejf jagħmilhom trab,
u b'qawsu karfa ttir mar-riħ?
[Is:41:3] Jiġri warajhom, u jibqa' għaddej fis-sliem,
lanqas biss b'riġlejh ma jmiss it-triq.
[Is:41:4] Min għamlu u temmu dan?
Min sejjaħ il-ġenerazzjonijiet mill-bidu?
Jiena, il-Mulej,
Jiena l-ewwel, u ma' ta' l-aħħar,
jiena hu!
[Is:41:5] Jaraw ix-xtut u jibżgħu,
truf l-art jitriegħdu.
Huma resqu u ġew.
[Is:41:6] Jgħinu 'l xulxin sieħeb lil ieħor,
u l-aħwa jgħidu lil xulxin:
"Agħmel il-ħila!"
[Is:41:7] Il-ħaddied jagħmel il-ħila lil tad-deheb;
min jaħfi bil-martell
lil min iħabbat fuq l-inkwina,
u jgħidu: "Tajba s-saldatura."
U mbagħad jissudah bl-imsiemer,
biex ma jitħarrikx.
[Is:41:8] Imma int Iżrael, il-qaddej tiegħi,
Ġakobb, jien ħtartek,
nisel Abraham, ħabibi.
[Is:41:9] Lilek jien qbadtek minn truf l-art,
u sejjaħtlek minn l-ibgħad inħawi tagħha,
u għedtlek: "Int il-qaddej tiegħi,
jiena ħtartek, u ma rmejtikx."
[Is:41:10] La tibżax, għax miegħek jien!
La titħassibx, għax Alla tiegħek jien!
Jiena nwettqek, jiena ngħinek;
nwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!

[Is:41:11] Ara, għad jistħu u jitriegħxu,
dawk kollha li nkurlaw għalik;
jiġu fix-xejn u jintemmu
n-nies li jħaqquha miegħek.
[Is:41:12] Tfittixhom u ma ssibhomx,
in-nies li jeħduha miegħek;
jiġu fix-xejn u jintemmu
n-nies li jitqabdu miegħek.
[Is:41:13] Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,
nwieżnek minn idek il-leminija,
u ngħidlek: "La tibżax,
jiena l-għajnuna tiegħek."

[Is:41:14] Tibżax, Ġakobb, daqsxejn ta' dudu fl-art,
intom, bnedmin ta' Iżrael!
Jiena l-għajnuna tiegħek,
oraklu tal-Mulej,
il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta' Iżrael!
[Is:41:15] Arani! Jien nagħmel minnek romblu
tad-dris ġdid,
jaqta' u kollu snien.
Int tidres il-muntanji u tfarrakhom,
u l-għoljiet tagħmilhom tlief;
[Is:41:16] int idderrihom u r-riħ iġorrhom,
u r-riefnu jxerridhom.
Mbagħad int tifraħ fil-Mulej,
u tiftaħar bil-Qaddis ta' Iżrael.
[Is:41:17] Il-foqra u l-imsejknin
ifittxu l-ilma u ma jsibux!
Lsienhom niexef bil-għatx.
Jiena, il-Mulej, nismagħhom,
Jiena, Alla ta' Iżrael, ma ninsihomx.
[Is:41:18] Xmajjar ta' ilma nfawwar fuq l-għoljiet
għerja,
u għejun f'nofs il-widien.
Nibdel id-deżert f'għadira ilma,
u l-art niexfa f'għejun ta' ilma.
[Is:41:19] Nxettel iċ-ċedri fid-deżert,
il-gazzi, u r-riħan, u s-siġar taż-żebbuġ;
ntella' ċ-ċipress fix-xagħri,
u magħhom id-dolf u l-bux;
[Is:41:20] biex hekk jaraw u jagħrfu,
jaħsbu u jifhmu wkoll,
li id il-Mulej għamlet dan,
u l-Qaddis ta' Iżrael ħalqu.

[Is:41:21] "Ressqu l-kawża tagħkom," jgħid il-Mulej,
"Ġibu l-provi tagħkom," jgħid is-sultan ta' Ġakobb.
[Is:41:22] Ħa jersqu u jgħarrfuna x'se jiġri;
jgħidulna l-imgħoddi x'kien,
biex aħna naħsbu fuqu.
Jew semmgħuna l-ġejjieni
sabiex nagħrfu t-tmiem.
[Is:41:23] Għidulna x'se jiġri fl-aħħar,
u nkunu nafu jekk intomx allat.
Agħmlu xi ħaġa, tajba jew ħażina,
u aħna nistagħġbu u nibżgħu fl-istess waqt.
[Is:41:24] M'intom xejn u xogħolkom ħrafa;
mistmerr hu min jaħtarkom.

[Is:41:25] Jien qajjimt bniedem mit-tramuntana u
hu ġej;
sejjaħtlu b'ismu minn tlugħ ix-xemx:
u jgħaffeġ il-ħakkiema bħalma jgħaffġu t-tajn,
bħalma l-fuħħari jgħaffeġ it-tafal taħt saqajh.
[Is:41:26] Min qatt ħabbar sa mill-bidu,
biex aħna nkunu nafu?
Sa minn qabel, biex ngħidu: 'Veru'?
Qatt ħadd ma qalu;
qatt ħadd ma semmgħu;
qatt ħadd ma sama' kliemkom.
[Is:41:27] Dan l-ewwel għarraftu lil Sijon;
u 'l Ġerusalemm tajtha ħabbâr.
[Is:41:28] Jien ħarist, ma kien hemm ħadd;
ħadd minnhom biex jagħti parir,
biex nistaqsihom u jwieġbu kelma.
[Is:41:29] Lkoll kemm huma m'huma xejn,
xogħolhom frugħa,
riħ u baħħ xbihat allathom.

42. Il-Qaddej tal-Mulej

[Is:42:1] Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,
il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!
Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu,
biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.
[Is:42:2] Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu;
ma jsemmax leħnu fil-pjazez,
[Is:42:3] qasba mġelġla ma jiksirhiex,
musbieħ inemnem ma jitfihx.
Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.

[Is:42:4] Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,
sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;
u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.
[Is:42:5] Dan jgħid Alla, il-Mulej,
li ħalaq u firex is-smewwiet,
u l-medda ta' l-art bil-frott u l-ħdura tagħha,
li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha,
u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha:
[Is:42:6] "Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,
qbadtek minn idek u ħaristek,
u għamilt minnek patt tal-poplu,
dawl għall-ġnus,
[Is:42:7] biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,
toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,
u 'l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq.

[Is:42:8] Jiena l-Mulej, dan hu ismi;
ma nċedi lil ħadd il-glorja tiegħi;
lanqas lill-idoli t-tifħir tiegħi.
[Is:42:9] Il-ġrajjiet li tħabbru qabel, ara, veru seħħew.
U jiena nħabbar ħwejjeġ ġodda,
u nsemmagħhomlkom qabel ma jinbtu."

Għanja ta' tifħir lill-Mulej

[Is:42:10] Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
ħa jitla' minn truf l-art it-tifħir tiegħu!
Ħa jsebbħuh il-baħar u kull ma fih,
il-gżejjer u min jgħammar fihom.
[Is:42:11] Jerfa' leħnu d-deżert u l-ibliet tiegħu,
l-irħula fejn jgħammru wlied Kedar;
jgħannulu ferħana dawk li jgħammru f'Sela,
jgħajjtu bil-ferħ fuq qċaċet il-muntanji.
Is:42:12] Ħa jagħtu glorja lill-Mulej
u jxandru t-tifħir tiegħu fil-gżejjer.
[Is:42:13] Joħroġ il-Mulej bħal wieħed qawwi,
u jqanqal bħal gwerrier il-ħeġġa tiegħu;
jgħajjat l-għajta tal-gwerra,
ħa juri kontra l-għedewwa l-qawwa tiegħu.

[Is:42:14] Ili ħafna żmien inżomm is-skiet,
qgħadt bi kwieti u trażżant.
Bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas se ngħajjat,
nonfoħ u nilheġ f'nifs wieħed.
[Is:42:15]Il-muntanji u l-għoljiet nagħmilhom ħerba,
nnixxfilhom ħdurithom kollha.
Nbiddel ix-xmajjar f'xagħri,
u nnixxef l-ilma qiegħed.

[Is:42:16] Nmexxi lill-għomja fi triq li ma jafuhiex;
mogħdijiet li ma jafuhomx inqabbadhom.
Id-dlam inbiddlu f'dawl quddiemhom,
it-triqat mgħawwġa niddrittahom.
Dan kollu nagħmlu għalihom,
u qatt iżjed ma nabbandunahom.
[Is:42:17] Iduru lura kollhom mistħija,
dawk kollha li jittamaw fl-idoli,
dawk li jgħidu lix-xbihat:
"Intom allatna."

Qatt ma jitgħallmu

[Is:42:18] Intom torox, isimgħu!
Intom għomja, ħarsu u araw!
[Is:42:19] Min hu agħma ħlief il-qaddej tiegħi?
Min hu trux bħall-messaġġier li bgħatt?
Min hu agħma bħall-maħbub tiegħi?
U trux bħall-qaddej tal-Mulej?
[Is:42:20] Jara ħafna ħwejjeġ, u ma jagħtix kas;
widnejh miftuħa, iżda ma jismax.
[Is:42:21] Għad li għoġob lill-Mulej bil-ġustizzja
tiegħu
li jkabbar u jsebbaħ il-liġi tiegħu,
[Is:42:22] hu poplu misruq u mneżża';
maqbudin ilkoll fil-ħofor,
magħluqin fil-ħabsijiet.
Ħatfuhom u ħadd ma ħelishom;
neżżgħuhom u ħadd ma jgħajjat: Rodd!
[Is:42:23] Min minnkom jagħti widen għal dan,
u jaħseb fih u jisma' għal li ġej?
[Is:42:24] Min kien li telaq lil Ġakobb biex jisirquh?
Min telaq lil Iżrael għall-priża?
M'hux il-Mulej, għax kontrieh dinbu?
Ma ridux jimxu fi triqatu,
u l-liġi tiegħu ma obdewhiex.
[Is:42:25] Għalhekk sawwab fuqu n-nar tal-korla
tiegħu,
u l-qilla tal-gwerra,
qabdet ħuġġieġa madwaru u ma ndunax;
ikkunsmatu, u ma daħħalx f'rasu.

43. Il-Mulej waħdu s-Salvatur ta' Iżrael

[Is:43:1] Imma issa dan jgħid il-Mulej,
dak li ħalqek, Ġakobb,
dak li sawwrek, Iżrael:
"La tibżax, għax jien fdejtek:
jien sejjaħtlek b'ismek;
inti tiegħi.
[Is:43:2] Anki jekk tgħaddi mill-ilma, jiena miegħek;
jekk taqsam ix-xmajjar, ma jgħerrqukx.
Anki jekk tgħaddi min-nar, ma tinħaraqx,
u l-fjamma ma tibelgħekx.
[Is:43:3] Għax jiena l-Mulej, Alla tiegħek,
il-Qaddis ta' Iżrael,
is-Salvatur tiegħek.
Rħejt l-Eġittu b'riskatt għalik,
'il Kus u 'l Saba minn flokok.
[Is:43:4] Għax int kont għażiż f'għajnejja,
kollok ġieħ u jien ħabbejtek.
Jien irħejt bnedmin minn flokok,
u popli sħaħ partatt ma' ħajtek.

[Is:43:5] La tibżax għax jien miegħek;
mil-lvant inġib lil uliedek,
mill-punent jien niġemgħek.
[Is:43:6] Ngħid lit-tramuntana: Agħtihomli,
u lin-nofsinhar: La żżommhomlix!
Ġibli s-subjien mill-bogħod, 'il bnieti minn tarf l-art,
[Is:43:7] lil kull min jissejjaħ b'ismi,
lil min ħlaqt għall-glorja tiegħi,
lil min sawwart u għamilt."
[Is:43:8] Oħroġ il-poplu agħma, għalkemm għandu
għajnejh,
u trux, għalkemm għandu widnejh.
[Is:43:9] Ħa jinġemgħu l-ġnus ilkoll flimkien,
ħa jiltaqgħu l-popli.
Min minnhom jista' jħabbar dan,
u jsemmgħalna l-ġrajja ta' l-imgħoddi?
Ħa jġibu x-xhieda u jippruvaw
u n-nies jisimgħuhom u jgħidu: Hekk hu!
[Is:43:10] "Intom ix-xhieda tiegħi,
oraklu tal-Mulej,
u l-qaddej tiegħi li jiena ħtart,
biex tagħrfuni u temmnuni
u tifhmu li jiena hu.
Qabli qatt ma ssawwar xi alla,
u lanqas warajja qatt ma jkun hemm.
[Is:43:11] Jiena, jiena l-Mulej,
u ħliefi m'hemmx salvatur.
[Is:43:12] Jiena ħabbart u jien salvajt.
Jien semmajt, u fostkom alla barrani ma kienx
hemm.
Intom ix-xhieda tiegħi,"
oraklu tal-Mulej.
"Jiena Alla,
[Is:43:13] sa minn dejjem jien hu.
M'hemm ħadd li jeħles minn taħt idejja;
min jista' jraġġa' lura li nagħmel jien?"

[Is:43:14] Dan jgħid il-Mulej,
il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta' Iżrael:
"Minħabba fikom nibgħat f'Babilonja
u nniżżel l-iżbarri kollha,
u l-Kaldin jixhru fuq l-iġfien.
[Is:43:15] Jiena, il-Mulej, il-Qaddis tagħkom,
il-ħallieq ta' Iżrael, is-sultan tagħkom."

[Is:43:16] Dan jgħid il-Mulej,
li fetaħ triq fil-baħar,
mogħdija fl-ilmijiet qawwija;
[Is:43:17] dak li ħareġ karrijiet u żwiemel,
eżerċti u rġiel qalbiena f'daqqa;
nxteħtu fl-art, biex aktar ma qamux;
nħlew bħal ftila, u ntfew:
[Is:43:18] "La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi;
la taħsbux fuq dak li ġara qabel.

[Is:43:19] Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida:
feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?
Se niftaħ triq fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert.
[Is:43:20] Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi,
ix-xakalli u wlied in-ngħam,
għax noħroġ l-ilma fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert,
biex nisqi l-poplu tiegħi,
il-maħtur tiegħi,
[Is:43:21] il-poplu li sawwart għalija,
biex ixandar it-tifħir tiegħi.

[Is:43:22] B'danakollu, int, Ġakobb, ma sejjaħtlix,
għax int xbajt minni, o Iżrael!
[Is:43:23] Ma ġibtlix in-nagħaġ tiegħek
għas-sagrifiċċju tal-ħruq,
u ma weġġaħtnix bis-sagrifiċċji tiegħek.

Jien ma għabbejtekx bl-offerti,
lanqas fnejtek bl-inċens.
[Is:43:24] Ma xtrajtlix bi flusek qasab bil-fwieħa,
lanqas xebbajtni bix-xaħam tal-vittmi.
Imma għabbejtni bi dnubietek,
fnejtni bi ħżunitek.
[Is:43:25] Jien, jien hu, li nħassar dnubietek
minħabba fija.
u li ħtijietek iżjed ma niftakarhomx.
[Is:43:26] Fakkarni, ħa nitħaddtuha;
tkellem int u uri s-sewwa tiegħek.
[Is:43:27] L-ewwel ma dineb missierek;
u l-medjaturi tiegħek ixxewwxu għalija.
[Is:43:28] Għalhekk jien kasbart il-prinċpijiet
tas-santwarju,
u rħejt għall-qerda lil Ġakobb,
lil Iżrael għat-tagħjir."

44. Il-Mulej waħdu Alla

[Is:44:1] U issa, isma', Ġakobb il-qaddej tiegħi,
Iżrael, il-maħtur tiegħi.
[Is:44:2] Dan jgħid il-Mulej, li għamlek,
dak li sawwrek sa mill-ġuf,
l-għajnuna tiegħek.
La tibżax, Ġakobb, il-qaddej tiegħi;
Ġesurun, li jien għażilt.
[Is:44:3] Għax jiena nsawwab l-ilma fuq l-art
għatxana,
u xmajjar fuq in-niexef;
hekk fuq nislek insawwab l-ispirtu tiegħi,
u l-barka tiegħi fuq uliedek.
[Is:44:4] Jinbtu bħal ħaxix f'nofs l-ilma,
bħaż-żafżâf ħdejn l-ilma ġieri.
[Is:44:5] Min jgħid: 'jiena tal-Mulej,'
u l-ieħor jissejjaħ b'isem Ġakobb,
u ieħor jikteb fuq idu: 'Tal-Mulej,'
u jitlaqqam b'isem Iżrael."

[Is:44:6] Dan jgħid il-Mulej, is-Sultan ta' Iżrael;
u l-feddej tiegħek, il-Mulej ta' l-eżerċti:
"Jien l-ewwel u Jiena l-aħħar,
u ħliefi m'hemmx alla ieħor.
[Is:44:7] Min hu bħali? Ħa jqum jitkellem,
ħa jxandru u jippruvahuli!
Min qatt mill-qedem ħabbar il-ġejjieni?
Ħa jbassrilna kull ma għad isir.
[Is:44:8] La tibżgħux, la tinkwetawx:
Ma ħabbartlekx u ma għarraftekx minn qabel?
Intom ix-xhieda tiegħi!
Hemm xi alla ieħor għajri,
jew xi blata oħra ħliefi?
Jekk hemm, ma nafx.

Il-bluha ta' l-allat foloz

[Is:44:9] Dawk li jaħdmu l-idoli kollha bla moħħ,
u x-xogħol għażiż għalihom ma jiswa xejn.
Huma stess ix-xhieda: ma jarawx, ma jifhmux,
imisshom jistħu.
[Is:44:10] Min hu li jsawwar alla u jfassal xbieha
tal-fondut
li ma tiswa għal xejn?

[Is:44:11] Araw, sħabu kollha jkollhom jistħu,
in-nies tas-sengħa huma bnedmin.
Ħa jinġabru lkoll u jersqu 'l quddiem,
jitriegħdu u jistħu lkoll flimkien.

[Is:44:12] Il-ħaddied jixħet il-ħadid fil-forġa,
jagħtih sura bil-martell,
u jirfinah b'qawwiet driegħu.
Jieħdu l-ġuħ, tonqsu s-saħħa;
u jekk ma jixrobx ilma jħossu mifni.
[Is:44:13] Il-mastrudaxxa jiġbed il-ħajt,
u jħożżu bil-ġibs aħmar;
jonqxu bl-iskalpell,
u jkejjlu bil-kumpass;
jagħmel xbieha ta' bniedem,
bħal raġel sabiħ biex jgħammar f'dar.

[Is:44:14] Imur jaqta' l-injam taċ-ċedru,
jieħu xi biċċa tal-ballut jew ruvlu,
li jikber b'saħħtu fil-foresta,
jew iħawwel l-arżnu li x-xita tkabbar.
[Is:44:15] Dan kollu jservi l-bniedem għat-tkebbis
tan-nar:
biċċa minnu jieħdu għas-sħana,
b'oħra jqabbad il-forn ħa jaħmi l-ħobż,
u l-bqija biex jagħmel xi alla ħa jqimu;
jagħmel xi xbieha u jmil quddiemha.

[Is:44:16] Nofsu jaħarqu fin-nar,
u fuq il-ġamar jixwi l-laħam,
u jiekol ix-xiwi u jixba',
mbagħad jissaħħan u jgħid:
"Issa sħant, qiegħed inħoss in-nar!"
[Is:44:17] Mill-fdal imbagħad jagħmel xi alla,
ix-xbieha mnaqqxa tiegħu.
Imil quddiemu u jadurah,
jitolbu u jgħidlu:
"Eħlisni, int alla tiegħi."

[Is:44:18] Dawn in-nies ma jafux u ma jifhmux,
għajnejhom għammdilhom li ma jarawx;
qalbhom għalqilhom li ma tifhimx.
[Is:44:19] Ħadd ma jdaħħal f'qalbu;
u la jagħraf u lanqas jifhem,
u jgħid: "B'nofs il-ħatab kebbist in-nar,
fuq il-ġamar ħmejt il-ħobż;
xwejt il-laħam u kilt minnu.
Se nagħmel issa minn fdalu ħaġa mistkerrha,
u ninżel jien inqim iz-zokk ta' siġra?"
[Is:44:20] Bl-irmied jitpaxxa,
qalbu mogħwija tellfitu t-triq;
ma jistax jeħles u jgħid:
"Jaqaw m'hix gidba li għandi f'leminti?"

Il-Mulej il-Feddej ta' Iżrael

[Is:44:21] Ftakar f'dan Ġakobb,
int Iżrael, għax int il-qaddej tiegħi!
Jien sawwartek, int il-qaddej tiegħi.
Iżrael, jien ma ninsiek qatt.
[Is:44:22] Bħal sħaba neħħejtlek dnubietek,
u bħal ċpar ħtijietek.
Erġa' lura għal għandi, għax jien fdejtek.
[Is:44:23] Għannu, smewwiet,
għax il-Mulej għamel dan;
għajjtu bil-ferħ, qigħan l-art.
Infexxu għannu, muntanji,
u l-foresta b'kull siġra fiha.
Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,
u jitfaħħar b'Iżrael.

[Is:44:24] Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek,
li sawwartek sa mill-ġuf:
"Jiena hu l-Mulej li għamilt kollox,
waħdi frixt is-smewwiet u meddejt l-art.
U min kien miegħi?

[Is:44:25] Jiena hu li nxejjen is-sinjali tas-saħħara;
u noħroġ ta' boloh il-ħabbarin,
li nraġġa' lura lill-għorrief,
u għerfhom nagħmlu bluha.

[Is:44:26] Jiena hu li nwettaq kliem il-qaddej tiegħi,
u ntemm il-ħsieb li jxandru l-messaġġiera tiegħi.
Jiena hu li ngħid lil Ġerusalemm:
'Għad jerġgħu jgħammru fik'.
U lill-ibliet ta' Ġuda:
'Terġgħu tinbnew',
u ntella' mill-ġdid il-ħerbiet tagħha.

[Is:44:27] Jiena hu li ngħid lil qiegħ il-baħar:
'Inxef! U nnixxef ix-xmajjar tiegħek.'
[Is:44:28] Jiena hu li ngħid lil Ċiru:
'Int tkun ir-ragħaj tiegħi,
li jtemm ix-xewqat tiegħi.'
U jgħid għal Ġerusalemm: 'Ħa tinbena,'
u għat-tempju: 'Ħa jqiegħdu l-pedament.' "

45. Il-missjoni ta' Ċiru, sultan tal-Persja

[Is:45:1] Dan jgħid il-Mulej lill-midluk tiegħu,
lil Ċiru li qbadt minn idu l-leminija
biex inrażżan il-ġnus quddiemu
u nħoll il-ħżiem ta' ġenbejn is-slaten;
niftaħ il-bibien quddiemu
u ebda bieb ma jibqa' magħluq:
[Is:45:2] "Quddiemek nimxi jien,
u l-mogħdijiet imħattba tiegħek inwittilek;
nċarrat il-bibien tal-bronż,
u l-istaneg tal-ħadid inqatta'.
[Is:45:3] Nagħtik it-teżori fid-dlam moħbija,
il-ħażniet fil-moħbiet mistura,
biex tkun taf li jien il-Mulej,
Alla ta' Iżrael, li sejjaħtlek b'ismek.

[Is:45:4] Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,
u Iżrael, il-maħtur tiegħi,
jien sejjaħtlek b'ismek.
Tajtek isem ta' ġieħ għad li lanqas tafni.
[Is:45:5] Jien il-Mulej, m'hemmx ieħor ħliefi,
m'hemmx Alla ieħor għajri.
Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,
[Is:45:6] biex mnejn titla' x-xemx safejn tinżel,
il-bnedmin jagħrfu li m'hemm ħadd ħliefi.
Jiena l-Mulej, m'hemmx ieħor ħliefi.
[Is:45:7] Jien sawwart id-dawl u ħlaqt id-dlam;
jien nagħmel ir-riżq u noħloq id-deni;
jiena l-Mulej, li nagħmel dan kollu."

Alla l-ħallieq ta' kollox

[Is:45:8] "Qattru, smewwiet, mill-għoli,
u jraxxax is-sħab il-ġustizzja;
tinfetaħ l-art u tinbet is-salvazzjoni,
u tinbet magħha l-ġustizzja.
Jiena l-Mulej, jien ħlaqtha.
[Is:45:9] Ħażin għal min jitlewwem ma' Min għamlu;
bħal xaqqufa ma' min jaħdem it-tajn!
Jaqaw jgħid it-tafal lill-fuħħari:
"X'inti tagħmel?"
jew inkella "xogħlok bla fejda?"
[Is:45:10] Ħażin għalih min jgħid lill-missier:
"X'inti tnissel?"
jew lil xi mara: "X'inti tiled?"
[Is:45:11] Dan jgħid il-Mulej,
il-Qaddis ta' Iżrael u Dak li sawwru:
"Jaqaw tridu tistaqsuni x'ġej fuq uliedi;
jew tordnawli fuq xogħol idejja?
[Is:45:12] Jiena għamilt l-art,
u ħlaqt il-bniedem fuqha.
Jiena, idejja firxu s-smewwiet,
u l-qtajja' kollha tagħhom nikkmanda.
[Is:45:13] Jiena qajjimt 'il Ċiru biex jagħmel
il-ġustizzja,
u wittejtlu triqtu kollha.
Hu jibni belti, u jeħles lill-ilsiera tiegħi,
bla ħlas u bla għotjiet,"
jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Is:45:14] Dan jgħid il-Mulej:
"Il-ġid ta' l-Eġittu u l-qligħ ta' Kus,
u tas-Sabajin, nies twal,
jgħaddu għal għandek u jsiru tiegħek.
Jimxu warajk u jgħaddu mxekkla,
u quddiemek jinxteħtu fl-art,
u jitolbuk u jgħidulek:
'Għandek biss hemm Alla,
u m'hemmx ieħor għajru,
m'hemmx Alla ħliefu.' "
[Is:45:15] Tassew int Alla moħbi,
Alla ta' Iżrael, salvatur.

[Is:45:16] Lkoll imtlew bil-mistħija u l-għajb,
telqu lkoll flimkien imriegħxa
dawk li jsawwru l-idoli.
[Is:45:17] Iżrael salva bis-saħħa tal-Mulej,
b'salvazzjoni għal dejjem;
qatt ma jkollkom m'niex tistħu u tiregħxu,
għal dejjem ta' dejjem.
[Is:45:18] Għax dan jgħid il-Mulej li ħalaq
is-smewwiet;
Hu li hu tassew Alla, li sawwar l-art,
għamilha u wettaqha,
ma ħalaqhiex għall-baħħ,
sawwarha biex jgħammru fiha:
"Jien hu l-Mulej,
u m'hemm ħadd ħliefi!
[Is:45:19] Ma tkellimtx bil-moħbi
f'xi mkien mudlam ta' l-art.
Ma għedtx lil nisel Ġakobb:
'Fittixni fil-baħħ.'
Jiena hu l-Mulej li ngħid is-sewwa,
u d-dritt inxandar."

L-allat foloz ta' Babilonja

[Is:45:20] "Inġemgħu, ejjew, ersqu flimkien,
intom il-maħrubin mill-ġnus!
M'għandhomx għaqal dawk li jġorru
l-idoli tagħhom ta' l-għuda,
dawk li jitolbu lil Alla li ma jsalvax.
[Is:45:21] Xandru u ressqu l-kawża tagħkom;
ħa jieħdu l-parir ta' xulxin.
Min qalu dan żmien ilu?
Min xandru fi żmien il-qedem?
M'hux jien il-Mulej?
U ma hemm ebda Alla ħliefi;
Alla ġust u salvatur, ma hemm ħadd għajri.

[Is:45:22] Duru lejja mill-ġdid, truf kollha ta' l-art,
u intom tkunu salvi!
għax jien hu Alla, u ma hemm ħadd ħliefi!
[Is:45:23] Bija nnifsi ħlift,
minn fommi ħarġet il-ġustizzja,
u l-kelma ma terġax lura:
għax quddiemi tiltewa kull irkobba,
bija jaħlef kull ilsien;
[Is:45:24] għalija għad jgħidu;
'Fil-Mulej waħdu hemm il-ħaqq u l-qawwa;
għandu għad jiġu, kollhom mistħija,
dawk kollha li nkurlaw għalih.
[Is:45:25] Fil-Mulej isib il-ġustizzja u jitfaħħar
in-nisel kollu ta' Iżrael.'

46. L-allat foloz ta' Babilonja

[Is:46:1] Iltewa Bel, tgħawweġ Nebu!
Saru xbihathom tagħbija għall-bhejjem,
tagħbija għad-dbejjeb;
tagħbijietkom tagħbija għall-bhejjem mifnija.
[Is:46:2] Tgħawwġu u ltwew flimkien,
ma jifilħux isalvaw lil min iġorrhom;
u huma nfushom imorru fil-jasar.

[Is:46:3] Isimgħuni, dar Ġakobb,
u l-fdal kollu ta' dar Iżrael;
ġarrejtkom sa mit-twelid,
rfajtkom sa mill-ġuf.
[Is:46:4] Sa xjuħitkom jien dejjem hu,
sa meta jibjad xagħarkom nibqa' nġorrkom.
Jiena għamiltkom u jien nitgħabba bikom;
u jien inġorrkom u nsalvakom.

[Is:46:5] Ma' min se xxebbhuni u ddaqqsuni,
tqabbluni bħallikieku ndaqs?
[Is:46:6] Dawk li joħorġu d-deheb mill-ħorġa
u jiżnu l-fidda bil-miżien,
jikru l-arġentier biex jagħmilhielhom alla,
li mbagħad quddiemu jmilu u jqimuh wiċċhom
ma' l-art!
[Is:46:7] Jerfgħuh fuq l-ispallejn u jġorruh,
u jqegħduh f'postu u jibqa' hemm,
u minn postu ma jiċċaqlaqx.
Jekk xi ħadd isejjaħlu, ma jweġibx,
u minn hemmu ma jeħilsux.

Is:46:8] Ftakru f'dan u kunu rġiel;
aħsbu fih, ja midinbin.
[Is:46:9] Ftakru fl-ibgħad żminijiet,
għax jien hu Alla, u ħadd ħliefi m'hemm.
Jien Alla u m'hemm ħadd bħali.
[Is:46:10] Sa mill-bidu ngħarraf it-tmiem,
u sa minn qabel dak li ma seħħx,
u ngħid: 'Il-ħsieb tiegħi għad iseħħ,
u nagħmel kull ma rrid:
[Is:46:11] nsejjaħ tajra tal-priża mil-lvant,
mill-art imbiegħda l-bniedem li jtemm ħsiebi.

Hekk tkellimt u hekk nagħmel;
hekk iddeċidejt, u nagħmel hekk.
[Is:46:12] Isimgħuni intom ta' qalb iebsa,
intom l-imbegħdin mis-sewwa
[Is:46:13] Nqarreb il-ġustizzja tiegħi:
m'hijiex fil-bogħod,
u s-salvazzjoni tiegħi ma tiddawwarx.
U nqiegħed is-salvazzjoni f'Sijon
għal Iżrael, il-foħrija tiegħi."

47. Il-qerda ta' Babilonja

[Is:47:1] Inżel minn hemm, oqgħod fit-trab,
xbejba, bint Babilonja.
Oqgħod bilqiegħda fl-art, bla tron!
Bint il-Kaldin!
Ħadd ma jsejjaħlek iżjed
'Il-Ħelwa' u 'l-Għaxqana',
[Is:47:2] Aqbad il-mitħna u itħan id-dqiq;
neħħi l-istar minn fuqek;
erfa' l-kurkar;
ikxef riġlejk, aqsam ix-xmajjar.
[Is:47:3] Jikxfulek għertek u jarawlek għajbek!
"Jien għad nitħallas u ma neħlisha lil ħadd."

[Is:47:4] Jgħid il-feddej tagħna,
Jaħweh ta' l-eżerċti ismu,
il-Qaddis ta' Iżrael.
[Is:47:5] Oqgħod fi kwietek u idħol fid-dlam,
bint il-Kaldin.
Ma jsejjħulekx aktar: "Sidt is-saltniet."
[Is:47:6] Kont mgħaddab għall-poplu tiegħi;
niġġist 'il wirti u rħejthom f'idejk,
imma int ma wrejthomx ħniena;
taqqalt il-madmad fuq ix-xjuħ kemm flaħt.
[Is:47:7] U int għedt: "Jien inkun sultan għal dejjem."
Ma daħħaltx f'rasek dawn il-ħwejjeġ;
ma ftakartx fit-tmiem.

[Is:47:8] U issa isma' dan, ja mxaħxħa fil-pjaċir,
int li tgħix b'moħħok mistrieħ;
int li tgħid f'qalbek: "Jiena, u ħadd ħliefi,
ma normol qatt;
ma nkunx bla wlied."
[Is:47:9] Imma dawn it-tnejn f'jum wieħed
f'daqqa għad jilħquk:
telfa ta' wlied u rmulija.
Għad jilħquk fil-milja tagħhom,
minkejja l-kotra ta' sħarijietek,
minkejja s-saħħa ta' magħmulek.
[Is:47:10] Int ittamajt fi ħżunijietek;
int għedt: "Ħadd ma jarani!"
Qarrquk għerfek u għaqlek,
u int għedt f'qalbek:
"Jiena, u ħadd ħliefi."

[Is:47:11] Imma għad tilħqek ħsara kbira,
li ma tagħrafx tegħlibha bi sħarijietek,
taqa' fuqek qerda li ma jkollokx ħila tbiegħed,
tilħqek ħesrem ħerba li qatt ma tkun bsart.
[Is:47:12] Żomm sħiħ, mela, fil-magħmul tiegħek,
fil-kotra ta' sħarijietek,
li fihom stinkajt sa minn żgħożitek.
Għandhom mnejn jiswewlek;
għandek mnejn tbażża' n-nies bihom.

[Is:47:13] Fnietek il-kotra tal-kunsillieri tiegħek!
Ħa jqumu issa u jgħinuk,
l-għarriexa tas-smewwiet,
li jħarsu lejn il-kwiekeb,
u ta' kull xahar jgħidulek
x'se jkun li ġej għalik.
[Is:47:14] Ara, bħat-tiben jaħraqhom in-nar;
ma jeħilsuhiex mis-setgħa tan-nirien.

Ma jkunx ġamar għas-sħana,
ma jkunx nar li toqgħod ħdejh.
[Is:47:15] Hekk ikunu għalik dawk li fnewk,
is-saħħara li kellek sa minn żgħożitek;
kulħadd jitlaq għal rasu,
ħadd ma jibqa' hemm biex jgħinek.

48. L-ingratitudni ta' Iżrael

[Is:48:1] Isimgħu dan, dar Ġakobb,
intom li ġġibu isem Iżrael,
intom li ħriġtu mill-ġewwieni ta' Ġuda,
intom li taħilfu b'isem il-Mulej,
u tfaħħru l-isem ta' Alla ta' Iżrael,
imma mhux bis-sinċerità u lanqas bis-sewwa.
[Is:48:2] Mill-belt qaddisa jissemmew,
u fuq Alla ta' Iżrael iserrħu,
Jaħweh ta' l-eżerċti jismu.

[Is:48:3] "Minn żmien il-qedem ħabbart il-ġrajjiet,
ħarġu minn fommi, u jien semmajthom,
u jien għamilthom minnufih, u seħħew lkoll.
[Is:48:4] Għax kont naf li int rasek iebsa,
għonqok għerq tal-ħadid, u ġbinek bronż.
[Is:48:5] Sa mill-qedem ħabbarthomlok,
qabel ma seħħew semmajthomlok
li ma tmurx tgħid:
'L-idolu tiegħi għamilhom,
ix-xbieha minquxa u mdewwba ordnathom.'

[Is:48:6] Int smajt u rajt dan kollu,
u issa ma tridx ixxandru?
Minn issa 'l quddiem insemmgħek ħwejjeġ ġodda,
ħwejjeġ mistura li int ma tafhomx.
[Is:48:7] Nħolqu issa, u mhux żmien ilu;
u qabel żmienhom int ma smajtx bihom,
li ma tmurx tgħid: 'Arani, jien kont naf bihom.'
[Is:48:8] Int qatt ma smajt, int qatt m'għaraft;
lanqas qatt ma ftaħt widnejk.
Kont naf li int qarrieq,
u sa mill-ġuf sejjħulek: 'Xewwiex.'

[Is:48:9] Minħabba f'ismi ma nżommx għadbi,
u minħabba ġieħi nitrażżan għalik,
biex ma neqirdekx.
[Is:48:10] Arani, jien saffejtek mhux bħall-fidda;
ippruvajtek fil-forn tan-niket.
[Is:48:11] Minħabba fija, minħabba fija nagħmel dan.
Għax għandu jitkasbar ismi?
Is-sebħ tiegħi lil ħaddieħor ma nagħtihx."

Il-Mulej jifdi lil Iżrael

[Is:48:12] "Ġakobb, ismagħni,
u int Iżrael, li jien sejjaħt.
Jiena hu, Jiena l-ewwel, u Jiena l-aħħar.
[Is:48:13] Idejja sejjsu l-art,
u leminti firxet is-smewwiet.
Jiena nsejjħilhom,
u huma jfeġġu lkoll flimkien.
[Is:48:14] Inġabru lkoll u isimgħu!
Min minnhom ħabbar dan?
Il-Mulej iħobbu u hu jagħmel ir-rieda tiegħu
fuq Babilonja u nisel il-Kaldin.
[Is:48:15] Jiena, jiena tkellimt u sejjaħtlu wkoll,
jiena ġibtu u nġiblu r-riżq fi triqtu.
[Is:48:16] Ersqu lejja u isimgħu dan:
Sa mill-bidu ma tkellimtx bil-moħbi,
u meta seħħew il-ġrajja jien kont hemm."
U issa Sidi l-Mulej bagħat lili u l-ispirtu tiegħu.
[Is:48:17] Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek,
il-Qaddis ta' Iżrael;
"Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek;
jien ngħallmek għall-ġid tiegħek,
u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.
[Is:48:18] Li kieku tajt widen għall-kmandamenti
tiegħi,
kien ikun bħal xmara sliemek,
u sedqek bħal mewġ tal-baħar;
[Is:48:19] In-nisel tiegħek bħar-ramel,
l-għelejjel ta' ġewwenik bħat-trab,
u ismek la jitħassar u la jinqered minn quddiemi."

[Is:48:20] Oħorġu minn Babilonja,
aħarbu mill-Kaldin.
B'leħen l-għana ħabbruha, u xandruha;
xandruha sa truf l-art u għidu:
"Feda l-Mulej lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu."
[Is:48:21] Għaddiehom mid-deżert u ma ħadhomx
l-għatx;
ilma mill-blat nixxielhom,
xaqqilhom il-blat u gelglilhom l-ilma.
[Is:48:22] Għall-ħżiena, m'hemmx sliem,
jgħid il-Mulej.

49. Il-Qaddej tal-Mulej: dawl għall-ġnus

[Is:49:1] Isimgħuni, gżejjer,
agħtuni widen, popli mbiegħda!
Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli,
mill-ġewwieni ta' ommi ftakar f'ismi.
[Is:49:2] Għamilli fommi xabla misnuna,
taħt id-dell ta' idu ħbieni.
Għamel minni vleġġa maħtura,
fil-barżakka tiegħu ħbieni.
[Is:49:3] U qalli:
"Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,
bik jiena nkun imfaħħar."
[Is:49:4] U jien għedt: "Għalxejn inkeddejt,
u fix-xejn ħlejt saħħti."
Imma f'idejn il-Mulej il-kawża tiegħi,
u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.
[Is:49:5] Issa tkellem il-Mulej,
li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,
biex għandu nraġġa' lura 'l Ġakobb,
u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid,
għax jien kont imfaħħar f'għajnejn il-Mulej,
u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.
[Is:49:6] Hu qalli:

"Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,
li inti tkun il-qaddej tiegħi,
biex tqajjem it-tribù ta' Ġakobb,
u traġġa' lura l-fdal ta' Iżrael.
Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,
biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex."
[Is:49:7] Dan jgħid il-Mulej, il-feddej ta' Iżrael,
il-Qaddis tiegħu,
lil wieħed imkasbar min-nies,
mistmerr mill-poplu,
lill-qaddej tal-ħakkiema:
"Is-slaten għad jaraw u jqimu,
u l-prinċpijiet iqimu wiċċhom fl-art,
minħabba l-Mulej li hu fidil,
il-Qaddis ta' Iżrael,
Dak li ħatrek."

Sijon tqum mill-ġdid

[Is:49:8] Dan jgħid il-Mulej:
"Fiż-żmien it-tajjeb smajtek,
u f'jum is-salvazzjoni għentek.
Ħaristek u għamilt minnek patt mal-poplu,
biex nerġa' nqajjem l-art,
u nqassam il-wirt imħarbat;
[Is:49:9] biex ngħid lill-imjassrin: 'Oħorġu!'
u lil dawk li huma fid-dlam: 'Ejjew għad-dawl!"
Huma jirgħu matul it-triq,
u fuq kull għolja għerja jsibu l-merħla tagħhom.
[Is:49:10] Ma jeħodhomx il-ġuħ u anqas l-għatx,
u ma tolqothomx is-sħana u lanqas ix-xemx.
Għax min ħenn għalihom imexxihom,
u jgħaddihom minn ħdejn għejun ta' ilma.

[Is:49:11] Minn kull muntanja nagħmel triq,
u ngħolli l-mogħdijiet tiegħi.
[Is:49:12] Ara, dawn jiġu mill-bogħod;
ara, dawn mit-tramuntana u l-punent,
u dawn mill-art ta' Sinim.
[Is:49:13] Għannu, o smewwiet,
aqbeż bil-ferħ, o art,
infexxu fl-għana, o muntanji!
Għax farraġ il-Mulej lill-poplu tiegħu;
u ħenn għall-imsejknin tiegħu!
[Is:49:14] U Sijon kienet tgħid:
'Ħallieni l-Mulej ,'
u: 'Sidi nsieni.'
[Is:49:15] Tista' mara tinsa t-tarbija tagħha,
u ma tħennx għal bin ġufha?
Mqar jekk din tinsa,
jien ma ninsiek qatt!
[Is:49:16] Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta' idejja;
ħitanek dejjem quddiemi.
[Is:49:17] Il-bennejja tiegħek ġejjin mgħaġġla;
jitbiegħed minnek min ġarrfek u ħarbtek.
[Is:49:18] Erfa' għajnejk u ħares madwarek.
Lkoll inġabru, ġejjin lejk.
Daqs kemm jien ħaj, jgħid il-Mulej,
tilbishom kollha biex tiżżejjen,
titħażżem bihom bħal għarusa.

[Is:49:19] Għax il-ħrieb tiegħek,
it-tħarbit tiegħek,
u l-art imħarbta tiegħek,
nerġa' ntellagħhom.
Issa int djieqt għal niesek,
u tbiegħdu dawk li ħarbtuk.
[Is:49:20] L-ulied li inti wlidt fl-hemm
għad jgħidulek f'widnejk:
'Żgħir il-post għalija;
agħmilli l-wisa' fejn ngħammar.'
[Is:49:21] Mbagħad int tgħid f'qalbek
'Min welidli 'l dawn,
meta jien bla tfal, ħawlija,
kont ilsira u mitluqa?
Min rabbihomli?
Ara! Jien kont bqajt waħdi
minn fejn ġew dawn?'

Is:49:22] Dan jgħid Sidi l-Mulej:
Arawni! Se nagħti sinjal lill-ġnus,
u ngħolli l-istendard tiegħi għall-popli,
u jġibu s-subjien tiegħek fuq dirgħajhom,
u l-bniet tiegħek iġorruhom fuq spallejhom.
[Is:49:23] U jkunu s-slaten li jrabbuk,
u l-irġejjen tagħhom li jreddgħuk.
Imilu b'wiċċhom fl-art quddiemek,
u t-trab ta' riġlejk jilagħqu.
U int tkun taf li jien il-Mulej,
li min jittama fija, ma jitħawwadx.
[Is:49:24] Tista' tittieħed il-priża minn id il-qawwi?
jew jinħelsu l-ilsiera minn id it-tirann?

[Is:49:25] Għax dan jgħid il-Mulej:
"Iva! Jittieħdu l-ilsiera minn id il-qawwi;
il-priża tat-tirann tinħeles.
U jiena stess neħodha ma' dawk li ħaduha miegħek,
u jiena stess insalva lil uliedek.
[Is:49:26] U 'l dawk li ħaqruk inġagħalhom jieklu
laħamhom stess,
u jiskru b'demmhom bħal bl-inbid ġdid.
U kull bniedem ikun jaf
li jien il-Mulej, il-Ħellies tiegħek,
il-Feddej tiegħek, il-Qawwi ta' Ġakobb.

50. "[Is:50:1] Dan jgħid il-Mulej:
"Fejn hi l-kitba tad-divorzju,
li biha keċċejt lil ommkom?
Jew min hu dak li jien imdejjen miegħu
u li begħtkom lilu?
Arawni, minħabba ħżunitkom begħtkom,
u minħabba dnubietkom keċċejt lil ommkom.
[Is:50:2] Għaliex meta ġejt ma kien hemm ħadd?
Meta sejjaħt ma kien hemm ħadd li jwieġeb?
Jaqaw idi qsaret li ma tistax tifdi?
M'għandix forsi qawwa biex neħles?
Arawni, b'tehdida jien innixxef il-baħar,
nagħmel deżert mix-xmajjar;
il-ħut irejjaħ bin-nuqqas ta' ilma,
u jmut bil-għatx.
[Is:50:3] Nlibbes is-smewwiet bis-swied,
u bl-ixkejjer niksihom."

L-ubbidjenza tal-Qaddej tal-Mulej

[Is:50:4] Sidi l-Mulej tani lsien ta' wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b'xi kelma.
Ta' kull filgħodu jqajjimli 'l widinti,
biex nisma' bħal wieħed jitgħallem.
[Is:50:5] Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
[Is:50:6] Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq,

[Is:50:7] Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
[Is:50:8] Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab
fil-qrib.
Min se jeħodha miegħi?
Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!
Min hu kontrija?
Ħa jersaq lejja!
[Is:50:9] Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini t-tort?
Arahom ilkoll kemm huma jitmermru bħal libsa,
u tikolhom il-kamla.

[Is:50:10] Min minnkom jibża' mill-Mulej,
ħa jisma' l-kelma tal-qaddej tiegħu.
Min jimxi fid-dlam b'ebda dawl fih,
ħa jittama fil-Mulej, u jistrieħ fuq Alla tiegħu.
[Is:50:11] Araw, intom ilkoll tkebbsu n-nar,
u tqabbdu l-vleġeġ mixgħula.
Imxu mela, fid-dawl ta' narkom,
qalb il-vleġeġ li qabbadtu.
Dan jiġrilkom minn idejja:
fl-uġigħ għad timteddu.

51. Għall-faraġ ta' Sijon

[Is:51:1] Isimgħuni, intom li tiġru wara l-ġustizzja;
intom li tfittxu lill-Mulej.
Ħarsu lejn il-blata mnejn inqtajtu,
lejn il-barriera mnejn itteħidtu.
[Is:51:2] Ħarsu lejn Abraham missierkom,
u lejn Sarah li wilditkom.
Meta kien waħdu jien sejjaħtlu,
u beriktu u kattartu bis-sħiħ.
Is:51:3] Għax il-Mulej iħenn għal Sijon;
iħenn għall-ħrieb kollha tagħha.
Jagħmel Għeden mid-deżert
u ġnien tal-Mulej mix-xagħri tagħha.
Fiha jinsabu ferħ u hena,
tifħir u għana bid-daqq.
[Is:51:4] "Isma' minni, poplu tiegħi,
u int, ġensi, agħtini widen.
Għax tagħlim joħroġ mingħandi;
u s-sewwa tiegħi jkun dawl għall-popli.
[Is:51:5] Qorbot il-ġustizzja tiegħi;
ħarġet is-salvazzjoni tiegħi.
Driegħi jagħmel ħaqq mill-popli;
fija jittamaw il-gżejjer,
u 'l driegħi jistennew.
[Is:51:6] Erfgħu għajnejkom lejn is-smewwiet,
u ħarsu lejn l-art hawn taħt.
Is-smewwiet jgħibu bħad-duħħan,
l-art bħal-libsa titherra;
u jmut bħan-nemus min jgħammar fiha.
Imma s-salvazzjoni tiegħi tibqa' għal dejjem,
u l-ġustizzja tiegħi ma tonqos qatt.

[Is:51:7] Isimgħuni, intom li tagħrfu l-ġustizzja;
poplu li għandek il-liġi tiegħi f'qalbek.
La tibżgħux mit-tagħjir tan-nies;
u minn tkasbirhom la tiregħxux.
[Is:51:8] Għax bħal biċċa drapp tikolhom il-kamla,
u bħas-suf jikolhom il-wirdien.
Il-ġustizzja tiegħi tibqa' għal dejjem;
u s-salvazzjoni tiegħi minn nisel għal nisel.

[Is:51:9] Stenbaħ, stenbaħ, xidd il-qawwa, driegħ
il-Mulej!
Stenbaħ bħal fi żmien il-qedem,
fiż-żminijiet li ilhom li għaddew.
M'hux int kont li għamilt bċejjeċ lil Raħab,
li niffidt lid-Dragun?
[Is:51:10] M'hux int li nixxift il-baħar,
l-ilma ta' l-abbissi l-kbar?
M'hux int li għamilt triq fl-ibħra,
biex jgħaddu l-mifdija?
[Is:51:11] Lura jerġgħu l-mifdija tal-Mulej,
u jidħlu f'Sijon b'għajat ta' ferħ.
Iroxx fuqhom hena għal dejjem;
hena u ferħ jiksbu,
u jgħibu n-niket u t-tnehid!

[Is:51:12] Jiena, jien hu li nfarraġkom!
Min int biex tibża' minn bniedem li jmut?
Minn bin Adam li bħal ħaxix jitqies?
[Is:51:13] Int insejt il-Mulej il-ħallieq tiegħek,
li firex is-smewwiet,
u sejjes l-art.
Il-jum kollu kont imbeżża'
mill-qilla ta' l-oppressur.
Kien ifittex li jeqirdek,
imma issa fejn hi l-qilla tiegħu?
[Is:51:14] Il-milwi taħtha dalwaqt jinħeles,
ma jmutx u ma jwaddbuhx fil-ħofra,
u lanqas ma jonqsu l-ħobż.
[Is:51:15] Jiena hu l-Mulej Alla tiegħek,
dak li jqanqal il-baħar,
u jgargru l-imwieġ tiegħu,
Jaħweh ta' l-eżerċti jismu.
[Is:51:16] Jien qegħedt kliemi fuq fommok,
u b'dell idi għattejtek,
biex frixt is-smewwiet,
u sejjist l-art,
u għedt lil Sijon:
"Inti l-poplu tiegħi."

[Is:51:17] Stenbaħ! Stenbaħ! Qum Ġerusalemm!
Int li xrobt il-kus ta' għadbu minn id il-Mulej,
xrobt it-tazza tal-mejt sal-qiegħ.
[Is:51:18] Ma kellha l-ħadd li jmexxiha,
minn fost l-ulied li wildet.
Ma kien hemm ħadd li joħdilha idha,
minn fost uliedha li rabbiet.
[Is:51:19] Żewġ ħsarat laħquk,
- min se jħenn għalik? -
ħerba u qerda;
ġuħ u xabla.
Min sa jfarrġek?
[Is:51:20] Uliedek mitruħa mitluqa ma' kull
kantuniera,
bħal għażżiela maqbuda f'xibka.
Mimlija bil-qilla tal-Mulej,
bit-tehdid ta' Alla tiegħek.
[Is:51:21] Għalhekk isma' din, msejkna,
sakrana, imma mhux bl-inbid.

[Is:51:22] Dan jgħid sidek il-Mulej,
Alla tiegħek li jaqbeż għall-poplu tiegħu:
"Arani, jien neħodlok minn idek il-kus tal-mejt;
it-tazza ta' għadbi ma tixrobhiex aktar.
[Is:51:23] U nqegħedha f'idejn dawk li ħaqruk,
dawk li qalulek:
'Tgħawweġ ħa ngħaddu minn fuqek.'
U int dahrek għamiltu bħal qiegħa ta' l-art,
u bħal triq biex jgħaddu minnha n-nies.

52. Il-ħelsien ta' Sijon mill-jasar

[Is:52:1] Stenbaħ! Stenbaħ!
Xidd il-qawwa tiegħek, Sijon!
Ilbes mill-isbaħ, Ġerusalemm, belt qaddisa!
Fik il-pagan jew l-imniġġes ma jidħolx aktar.
[Is:52:2] Tfarfar mit-trab, qum, lsira Ġerusalemm,
ħoll l-irbit minn għonqok, lsira bint Sijon!

[Is:52:3] Għax dan jgħid il-Mulej:
"Kontu mibjugħa b'xejn,
u mingħajr flus tinfdew."
[Is:52:4] Għax dan jgħid sidi l-Mulej:
"Niżel il-poplu tiegħi żmien ilu fl-Eġittu,
biex jgħammar hemm barrani;
u l-Assirja għakksitu għal xejn b'xejn.
[Is:52:5] U issa x'se nagħmel jien hawnhekk?
Oraklu tal-Mulej.
Il-poplu tiegħi kien meħud bla flus,
u l-ħakkiema tiegħu jiftaħru b'dan.
Oraklu tal-Mulej.
Ismi mkasbar kull jum.
[Is:52:6] Għalhekk il-poplu tiegħi jagħraf ismi;
jagħraf dakinhar li hu jien li kont ngħid:
'Hawn jien!"
[Is:52:7] Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji
r-riġlejn ta' min iħabbar il-bxara,
ta' min ixandar is-sliem,
ta' min iħabbar ir-riżq,
ta' min ixandar is-salvazzjoni,
[Is:52:8] u jgħid lil Sijon:
"Alla tiegħek isaltan!"
Ismagħha l-għajta!
L-għassiesa tiegħek għollew leħenhom,
lkoll flimkien jgħajjtu bil-ferħ,
għax raw b'għajnejhom lill-Mulej
rieġa' lura f'Sijon.
[Is:52:9] Intom, ħerbiet ta' Ġerusalemm,
għajjtu lkoll bil-ferħ,
għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu,
feda lil Ġerusalemm.
[Is:52:10] Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis,
quddiem il-ġnus kollha,
u raw it-truf kollha ta' l-art
is-salvazzjoni ta' Alla tagħna.

[Is:52:11] Itilqu, itilqu, oħorġu minn hemm,
tmissu xejn imniġġes.
Oħorġu minn ġo nofsha! Tnaddfu,
intom li ġġorru tagħmir il-Mulej.
[Is:52:12] Għax intom ma toħorġux mgħaġġla,
u ma titilqux qiskom maħruba,
għax jimxi quddiemkom il-Mulej
u warajkom Alla ta' Iżrael.

Is-sofferenzi tal-Qaddej tal-Mulej

[Is:52:13] Araw! il-qaddej tiegħi jsib ir-riżq,
jintrefa', jogħla u jkun 'il fuq minn kulħadd.
[Is:52:14] Bħalma ħafna ndiehxu minnu,
- għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem,
u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta' bniedem –
[Is:52:15] hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus
minħabba fih.
Quddiemu s-slaten jagħlqu ħalqhom,
għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet,
u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.

53. [Is:53:1] Min kien jemmen dak li smajna,
u f'min intwera driegħ il-Mulej?
[Is:53:2] Bħal xitla kiber quddiemna,
u bħal għerq minn art niexfa.
Ebda sura ma kellu,
u ebda ġmiel biex inħarsu lejh,
jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.

[Is:53:3] Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin,
bniedem li bata u kien jaf x'inhu l-mard,
bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu,
bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.
[Is:53:4] Iżda hu rafa' fuqu l-mard tagħna,
tgħabba bin-niket tagħna.
Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat,
mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn.

[Is:53:5] Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna,
misħuq minħabba fi ħżunitna.
Għas-saħħa tagħna waqa' l-kastig fuqu,
u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.
[Is:53:6] Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa,
kull wieħed minna qabad triq għal rasu.

U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.
[Is:53:7] Ħaqruh, u hu qagħad għalihom
bla biss ma fetaħ fommu;
bħal ħaruf meħud għall-qatla,
u bħal nagħġa mbikkma f'id min iġiżżha,
ma fetaħx fommu.
[Is:53:8] Bil-forza u l-ħaqq neħħewh;
u min qagħad jaħseb fuq xortieh?
Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin,
minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub.
[Is:53:9] U tawh qabar mal-ħżiena,
u ma' l-għonja difnuh,
għalkemm ma għamel ebda deni,
u minn fommu ma ħareġ ebda qerq.

[Is:53:10] Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.
Talli joffri ruħu b'sagrifiċċju ta' riparazzjoni,
huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
[Is:53:11] Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba' bit-tagħrif tiegħu.
Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem
il-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.

[Is:53:12] Għalhekk nagħtih il-kotra b'sehmu,
u jkollu sehem fil-priża mal-qalbenin,
għaliex hu offra ruħu għall-mewt,
u kien magħdud mal-midinbin.
Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra,
u ndaħal għall-midinbin.

54. L-imħabba tal-Mulej għal Iżrael

[Is:54:1] Ifraħ int,
mara bla tfal li ma wlidtx;
infexx għanni u għajjat bil-ferħ,
int li qatt ma ħassejt uġigħ il-ħlas!
Għax ħafna aktar huma wlied il-mitluqa
minn ulied il-miżżewwġa,
jgħid il-Mulej.
[Is:54:2] Kabbar il-post ta' l-għarix tiegħek,
wessa' t-tined ta' l-għamajjar tiegħek,
tibżax għalihom;
tawwal il-ħbula tiegħek,
waħħal tajjeb il-kunjardi.
[Is:54:3] Għax lejn il-lemin għad tinfirex u lejn
ix-xellug,
u nislek jiret il-ġnus,
u fl-ibliet mitluqa jgħammar.
[Is:54:4] Tibżax, int ma jkollokx mniex tistħi!
Tħammarx aktar wiċċek,
għax għajb ma jkollokx aktar.
Int għad tinsa l-għajb ta' rmulitek,
ma tiftakarx iżjed fil-mistħija tar-romol tiegħek.
[Is:54:5] L-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek,
Jaħweh ta' l-eżerċti jismu;
il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta' Iżrael,
'Alla ta' l-art kollha' jissejjaħ.
[Is:54:6] Iva, bħal mara mitluqa u mdejjqa f'qalbha
sejjaħlek il-Mulej,
'bħal mara mitluqa f'żgħożitha,'
jgħid il-Mulej Alla tiegħek.
[Is:54:7] Għal ftit jien tlaqtek;
imma bi mħabba bla qjies jien nerġa' niġbrok.
[Is:54:8] Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit
minnek;
bi mħabba ta' dejjem inħenn għalik,
jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.

[Is:54:9] Dan għalija bħal fi żmien Noè,
meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.
Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik,
u lanqas ma nċanfrek.
[Is:54:10] Jistgħu jitħarrku l-muntanji,
jitheżhżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,
u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżhiżx,
jgħid il-Mulej li jħenn għalik.

Ġerusalemm il-ġdida

[Is:54:11] "Magħkusa, mħabbta mill-irwiefen,
mara bla faraġ!
Jien inqiegħed il-ġebel tiegħek bl-ifjen tajn;
u l-pedamenti tiegħek biż-żaffir.
[Is:54:12] Nagħmel l-amberżuni ta' swarek
tar-rubini,
u bwiebek tal-karbunkli,
u d-dawra tas-swar tal-ħaġar prezzjuż.
[Is:54:13] Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej,
kbir għad ikun ġid uliedek.
[Is:54:14] Fuq sies il-ġustizzja titwaqqaf,
'il bogħod mit-tagħkis,
għax ma għandekx mniex tibża';
u 'l bogħod mit-twerwir, għax ma jersaqx lejk.
[Is:54:15] Jekk jaħbtu għalik, ma jkunx minni;
min jaħbat għalik, jaqa' quddiemek.
[Is:54:16] Ara, jiena ħlaqt il-ħaddied
li jonfoħ fuq in-nar tal-ġamar,
u joħroġ l-għodda skond l-għan tagħha,
u jiena ħlaqt il-qerried biex iħarbat.
[Is:54:17] Ebda arma magħmula kontriek ma tiswa,
u kull ilsien li jħaqqaq kontrik
toħorġu b'ħati.
Din hi x-xorti tal-qaddejja tal-Mulej;
mingħandi jieħdu r-raġun,"
oraklu tal-Mulej.

55. Maħfra għal kulħadd

[Is:55:1] "Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li m'għandkomx flus.
Ejjew, ixtru u kulu b'xejn,
nbid u ħalib bla ħlas.
[Is:55:2] Għaliex taħlu fluskom f'dak li m'huwiex
ħobż,
u ġidkom f'dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b'ikel bnin.
[Is:55:3] Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.
[Is:55:4] Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.
[Is:55:5] Int ġens li ma tafx bih issejjaħ;
ġnus li ma jafukx jiġru lejk,
minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
il-Qaddis ta' Iżrael,
għax lilek żejjen bil-ġieħ.
[Is:55:6] Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejjħulu sakemm hu fil-qrib!
[Is:55:7] Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa' lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
[Is:55:8] "Il-fehmiet tiegħi m'humiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi m'humiex triqatkom,
oraklu tal-Mulej.
[Is:55:9] Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet
mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati 'l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

[Is:55:10] Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu
mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet,
u tagħti ż-żerriegħa 'l min jiżra' u l-ħobż 'il min
jiekol,
[Is:55:11] hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob lili,
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.
[Is:55:12] Iva, bil-ferħ għad toħorġu,
u bis-sliem titwasslu.
Quddiemkom f'għajat ta' ferħ jinfexxu
l-muntanji u l-għoljiet,
u ċċapċap idejha kull siġra tar-raba'.
[Is:55:13] Minflok ix-xewk jitla' ċ-ċipress,
minflok l-għollieq ir-riħan.
Dan ikun għall-glorja tal-Mulej,
sinjal għal dejjem li ma jitħassar qatt."

It-Tielet Parti: Kap 56 sa 66

56. Qtigħ il-qalb u s-salvazzjoni

[Is:56:1] Dan jgħid il-Mulej:
"Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja,
għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet,
u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ."
[Is:56:2] Hieni r-raġel li jagħmel dan,
u l-bniedem li jżomm sħiħ fih,
iħares is-Sibt u ma jiksrux,
u jżomm idu 'l bogħod mill-għemil ħażin."
[Is:56:3] U ma jgħidx il-frustier li jintrabat
mal-Mulej:
"Se jifridni l-Mulej mill-poplu tiegħu."
Ma jgħidx l-ewnuku: "Arawni, jiena siġra niexfa!"
[Is:56:4] Għax dan jgħid il-Mulej:
"Għall-ewnuki li jħarsu Sibtijieti,
u jagħżlu dak li jogħġob lili,
u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,
[Is:56:5] jiena nagħtihom f'dari u swari,
nagħtihom monument u isem,
xi ħaġa aħjar minn subjien u bniet;
nagħtihom isem għal dejjem,
li ma jitħassar qatt.
[Is:56:6] Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex
jaqduh,
u biex iħobbu isem il-Mulej,
u jkunu qaddejja tiegħu,
kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux
u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,
[Is:56:7] lil dawn inwassalhom sal-muntanja
mqaddsa tiegħi,
u nferraħhom f'dar it-talb tiegħi;
l-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom
ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-artal tiegħi,
għax dari 'dar it-talb' tissejjaħ għall-popli kollha.
[Is:56:8] Oraklu ta' Sidi l-Mulej,
li jiġbor l-imxerrdin ta' Iżrael;
"Nissokta niġbor l-itturufnati tiegħu
flimkien ma' dawk li diġà ġbart."

Il-kundanna ta' l-idolatrija ta' Iżrael

[Is:56:9] Intom bhejjem tar-raba',
ejjew kulu,
intom bhejjem tal-foresta.
[Is:56:10] L-għassiesa tal-poplu tiegħi,
lkoll għomja, ma jintebħu b'xejn;
lkoll klieb muti,
ma jistgħux jinbħu.
Jimteddu u joħolmu,
ħsiebhom biex jorqdu.
[Is:56:11] Huma klieb rgħiba,
ma jixbgħu qatt.
Dawn huma r-rgħajja,
li ma jafux jaħsbu.
Qabdu triqthom ilkoll,
kulħadd jaħseb għal rasu.
[Is:56:12] Ejjew ħa nġibu l-inbid,
u niskru bix-xorb qawwi.
Għada jkun bħal-lum,
anzi aħjar, u ħafna aħjar."

57. [Is:57:1] Il-ġust jinqered,
imma ħadd ma jħoss għalih.
In-nies twajba jinġabru,
iżda ħadd ma jagħti kas.
Iva, il-ġust jinġabar minħabba l-ħażen;
[Is:57:2] jidħol fis-sliem,
jistrieħu fuq friexu kull min jimxi dritt.

Il-kulti moqżieża tal-fertilità

[Is:57:3] "Imma intom, ulied is-saħħara, ersqu
'l hawn,
nisel l-adultera u l-prostituta.
[Is:57:4] B'min qegħdin tiddieħku?
Kontra min qegħdin tfettħu ħalqkom,
u toħorġu lsienkom?
Jaqaw m'intomx ulied id-dnub,
ulied il-qerq?
[Is:57:5] Intom tmorru b'demmkom ibaqbaq taħt
il-ballut;
taħt kull siġra tħaddar;
toqtlu t-trabi fil-widien,
fi xquq l-irdumijiet.
[Is:57:6] Fil-ġebel lixx tal-wied sehmek;
dan, dan xortik.
Lilhom sawwabt il-libazzjonijiet,
ġibt l-offerta tas-sagrifiċċju.
Nista' jien noqgħod bi kwieti b'dan?

[Is:57:7] Fuq muntanja għolja u wieqfa,
int poġġejt friexek,
u hemm fuq tlajt toffri s-sagrifiċċju.

[Is:57:8] U wara l-bieb u l-koxox tiegħu,
l-arma tiegħek dendilt.
U mbiegħda minni xaqlibt il-friex u tlajt;
wassajt soddtok u ftehemt magħhom,
ma' dawk li ħabbejt friexhom,
u lejn għerithom ħarist ċassa.

[Is:57:9] Rsaqt lejn alla Molek biż-żejt midluka,
u żidt il-fwejjaħ tiegħek.
Bgħatt 'il bogħod il-messaġġiera tiegħek,
sa tbaxxejt sa l-Art l-Imwiet.
[Is:57:10] Minkejja li nkeddejt bl-imġiba tiegħek,
qatt ma għedt: "Qtajt qalbi!"
Sibt il-qawwa għal ħajtek,
għalhekk qatt ma nfnejt.

[Is:57:11] Minn min twerwirt u bżajt,
biex tħassart daqshekk,
biex anqas fija biss ma ftakart,
u anqas biss ma ħsibt?
M'hux għax jiena bqajt sieket u għalaqt
għajnejja
li inti bżajt minni?"
[Is:57:12] Jien għad inxandar is-sewwa tiegħek
u għemilek,
imma dawn xejn ma jiswewlek.
[Is:57:13] Ħa jsalvawk l-idoli miġmugħa tiegħek,
meta ssejjħilhom.
Ir-riħ għad itajjarhom
u ż-żiffa ġġorrhom.
Imma min jitma fija jiret l-art,
u jiret il-muntanja mqaddsa tiegħi.
Is:57:14] U għad jgħid:
"Iftħu, iftħu t-triq, wittuha!
Neħħu t-tfixkil minn triq il-poplu tiegħi!"
[Is:57:15] Għax dan jgħid min qiegħed merfugħ
fl-għoli,
li jgħix għal dejjem u qaddis ismu:
"Jien ngħammar fl-għoli u f'post qaddis,
imma l-istess jien qiegħed mal-bniedem
b'qalb maqsuma u umiljat f'ruħu;
biex naħji r-ruħ umiljata,
nqawwi l-qalb miksura.
[Is:57:16] Għax ma nitlewwimx għal dejjem,
u lanqas ma ninkorla għalkollox;
għax kieku tinfena r-ruħ quddiemi,
u nifs il-ħajja li jiena ħlaqt.
[Is:57:17] Minħabba ħżunitu għal ftit għadabt,
u sawwattu u nħbejt inkurlat,
imma xorta waħda baqa' miexi għal rajh
fit-triq ta' qalbu.
[Is:57:18] Jiena rajt triqatu, u rrid infejjqu,
mmexxih u nroddlu l-faraġ,
u lil dawk li jibkuh,
noħolqilhom kelma frott ix-xufftejn:
[Is:57:19] Sliem, sliem, lil kulħadd, fil-bogħod u
fil-qrib,
jgħid il-Mulej, nfejjaqhom ilkoll.
[Is:57:20] Imma l-ħżiena bħal baħar imqanqal,
li ma jista' jsib kwiet b'xejn,
u ilmijietu jqanqlu ħama u tajn.
[Is:57:21] M'hemmx sliem għall-ħżiena,"
jgħid Alla tiegħi.

58. Is-sawm tassew

[Is:58:1] Iftaħ garġik, għajjat u la tiskotx!
Għolli leħnek bħal tromba!
Dnubhom uri lill-poplu tiegħi,
u ħtijiethom lil dar Ġakobb!
[Is:58:2] Imma lili kuljum ifittxu,
jixtiequ jagħrfu triqati,
bħallikieku ġens li jagħmel is-sewwa,
u li ma ħalliex l-ordnijiet ġusti ta' Alla tiegħu.
Jitolbuni ġudizzji fis-sewwa,
jixtiequ jersqu lejn Alla:
[Is:58:3] 'Għaliex somna u int ma ħaristx,
għakkisna ruħna u int ma ntbaħtx?'
Araw, f'jum is-sawm tagħkom tagħmlu li tridu,
u tgħakksu lill-ħaddiem tagħkom.
[Is:58:4] Araw, issumu bil-kustjonijiet u l-ġlied
u tidorbu bil-ponn bla ħaqq.
Jekk issumu kif qegħdin issumu issa,
leħinkom ma jinstamax fl-għoli.
[Is:58:5] Jaqaw jien jogħġobni sawm bħal dan,
jum biex bniedem jgħakkes lilu nnifsu?
Biex ibaxxi rasu bħas-simar,
u jimtedd fuq ix-xkora u r-rmied?
Tgħidlu int dan sawm,
jum jogħġob lill-Mulej?

[Is:58:6] Jaqaw m'hux dan is-sawm li jiena rrid,
jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen,
u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad,
li tibgħat ħielsa l-maħqurin,
u tkisser kull madmad?
[Is:58:7] M'hux li taqsam ħobżok ma' min hu bil-ġuħ,
u ddaħħal f'darek lill-imsejken bla saqaf?
M'hux li tlibbes lil min tara għarwien,
u n-nies ta' darek ma tinsihomx?
[Is:58:8] Mbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,
u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.
Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek,
u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.
[Is:58:9] Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;
jekk tgħajjatlu, jgħidlek 'Hawn jien'.

Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,
ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni b'ilsienek,
[Is:58:10] jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,
u xxabba' qalb l-imnikket,
mbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,
u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar.

[Is:58:11] U l-Mulej jibqa' jmexxik għal dejjem,
u jxebbagħlek qalbek fl-imkejjen niexfa,
u jsaħħaħlek għadmek.
Int tkun bħal ġnien bis-saqwi,
bħal għajn ta' ilma ma jonqos qatt.

[Is:58:12] U jerġgħu jibnuk mill-ħerbiet tal-qedem,
mill-ġdid int tibni s-sisien ta' ġenerazzjonijiet sħaħ.
U jsejjħulek: 'Bennej tas-swar imġarrfa,
li jġedded it-toroq fejn wieħed joqgħod'.

[Is:58:13] Jekk int ma tixħetx is-Sibt taħt riġlejk,
billi tagħmel li jogħġbok fil-jum imqaddes tiegħi;
jekk issejjaħ is-Sibt l-għaxqa tiegħek,
u l-jum qaddis u mweġġaħ mill-Mulej;
jekk tagħtih ġieħ
billi fih ma tagħmilx ix-xogħol ta' kuljum,
u ma tfittixx in-negozju u t-tlablib fieragħ,
[Is:58:14] mbagħad issib l-għaxqa tiegħek fil-Mulej,
u jiena ntellgħek fuq għoljiet l-art.
U nxebbgħek b'wirt Ġakobb, missierek.
Għax fomm il-Mulej tkellem."

59. Il-ħażen nazzjonali

[Is:59:1] Araw, id il-Mulej ma qsaritx li ma ssalvax,
lanqas widnejh ma tqalu biex jisimgħu.
[Is:59:2] Imma ħżunijietkom firdukom minn Alla
tagħkom,
u dnubietkom ħbewlu wiċċu minnkom,
biex ma jismagħkomx.
[Is:59:3] Għax wiċċ idejkom imċappas bid-demm,
u subgħajkom bil-ħażen.
Xufftejkom jgħidu l-gideb,
u lsienkom itaqtaq il-qerq.

[Is:59:4] Ħadd ma jagħmel kawża għall-ġustizzja;
ħadd ma jiddefendi s-sewwa.
Jittamaw fix-xejn u jlissnu l-gideb;
inisslu l-ħażen u jildu d-deni.
[Is:59:5] Ifaqqsu bajd is-sriep,
u jinsġu għanqbut il-brimb.
Min jiekol mill-bajd tagħhom imut;
u jekk tkisser waħda minnhom
tfaqqas lifgħa.

[Is:59:6] L-għanqbut tagħhom ma jlibbisx,
u b'xogħolhom in-nies ma jilbsux
għax xogħolhom xogħol il-ħażen,
u għemil il-vjolenza għemil idejhom.
[Is:59:7] Riġlejhom mgħaġġla għad-deni,
u ħfief biex ixerrdu d-demm bla ħtija.
Ħsibijiethom ħsibijiet il-ħażen,
qerda u ħerba hemm fi triqathom.
[Is:59:8] Triq is-sliem ma jafuhiex,
u ma hemmx id-dritt f'mixjiethom.
Għawwġu mogħdijiethom,
u min jgħaddi minnhom ma jafx bi sliem.

[Is:59:9] Għalhekk tbiegħed is-sewwa minna,
u l-ġustizzja ma taslilniex.
Stennejna d-dawl, u sibna d-dlam;
stennejna d-dija, u dħalna fis-swied.
[Is:59:10] Bħal għomja mal-ħajt inteftfu,
nteftfu bħan-nies mingħajr għajnejn.
Nitfixklu f'nofsinhar bħal fil-għaxija
u fl-aqwa tagħna qisna mejtin.
[Is:59:11] Ilkoll ingargru bħall-orsijiet,
u ngorru dejjem bħall-ħamiem.
Nistennew il-ġustizzja, u ma ssibhiex;
nistennew is-salvazzjoni, u din titbiegħed minna.

[Is:59:12] Għax dnubietna kotru quddiemek;
u ħtijietna jixhdu kontrina.
Għax dnubietna magħna,
u ħżunijietna nafuhom:
[Is:59:13] nidinbu u niċħdu lill-Mulej,
u nerġgħu lura minn wara Alla tagħna;
naħqru u nxewwxu,
kliem il-gideb minn qalbna nlissnu.
[Is:59:14] Twarrab is-sewwa,
u l-ġustizzja baqgħet 'il bogħod.
Is-sinċerità tfixklet fil-pjazza,
u l-onestà ma tistax tidħol.
[Is:59:15] Għabet is-sinċerità,
u min jitbiegħed mill-ħażen jisirquh.

Il-Mulej ra dan u ddispjaċih,
għax is-sewwa ma kienx hemm.
[Is:59:16] U ra li ma kien hemm ħadd,
u stagħġeb li ħadd ma ndaħal.
Il-qawwa ta' driegħu għenitu,
u s-sewwa tiegħu wieżnu.
[Is:59:17] Libes il-ġustizzja bħal kurazza,
u l-elmu tas-salvazzjoni f'rasu.
Libes il-ħwejjeġ tal-vendetta,
u tgħatta bil-mantar tal-ħeġġa.

[Is:59:18] Skond għemilhom iħallashom;
saħna kontra l-avversarji tiegħu,
u ħlas għall-għedewwa tiegħu,
u jagħtihom ħaqqhom lill-artijiet tax-xtut.
[Is:59:19] U jaraw mill-punent isem il-Mulej,
u minn tlugħ ix-xemx il-glorja tiegħu.
Għax tiġi bħal xmara mfawwra,
misjuqa b'nifs il-Mulej.

[Is:59:20] U feddej jiġi għal Sijon,
u għal nies Ġakobb li jħallu dnubhom,
oraklu tal-Mulej.

[Is:59:21] "Dan hu l-patt tiegħi magħhom, jgħid
il-Mulej:
L-ispirtu tiegħi li hemm fik u kliemi li qegħedt fommok, ma jitbegħdux minn fommok jew minn fomm uliedek, u wlied uliedek, minn issa u għal dejjem," jgħid il-Mulej.

60. Il-glorja ta' Sijon

[Is:60:1] Qum! Ħa jiddi wiċċek!
Id-dawl tiegħek wasal!
Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
[Is:60:2] Ara d-dlamijiet jiksu l-art,
u sħab iswed il-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej,
u sebħu jfiġġ fuqek.
[Is:60:3] Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u s-slaten fid-dija ta' sbiħek.
[Is:60:4] Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:
lkoll miġbura ġejjin għandek.
Uliedek ġejjin mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

[Is:60:5] Mbagħad tħares u wiċċek jiddi,
u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa' l-kotra tal-ġid ta' l-ibħra,
u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
[Is:60:6] Mrieħel ta' iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla żgħar ta' Midjan u Għefa;
lkoll minn Seba jiġu,
mgħobbija bid-deheb u l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.
[Is:60:7] L-imrieħel kollha ta' Kedar jinġabru fik,
u l-kbiex ta' Nebajot jaqduk:
jilqgħuhom u joffruhom fuq l-artal tiegħi,
u jiena nsebbaħ dar il-kobor tiegħi.
[Is:60:8] Min huma dawn li bħal sħab jittajjru,
bħal ħamiem lejn il-bejtiet tagħhom?
[Is:60:9] Iva, għalija jinġabru l-bastimenti tal-gżejjer,
bl-iġfna ta' Tarsis quddiemnett,
biex iġibu 'l uliedek mill-bogħod,
u magħhom il-fidda u dehebhom,
f'ġieħ isem Jaħweh Alla tiegħek,
il-Qaddis ta' Iżrael,
għax hu li sebbħek.

[Is:60:10] U l-barranin jibnulek swarek,
u jaqduk is-slaten tagħhom,
għax jekk sawwattek fil-qilla tiegħi,
fil-ħniena tiegħi jien ħennejt għalik.
[Is:60:11] U l-bibien tiegħek ikunu miftuħin dejjem,
lejl u nhar ma jingħalqux,
biex jiġi għandek il-ġid tal-ġnus,
u s-slaten tagħhom miexja quddiem;
[Is:60:12] għax il-ġens u s-saltna li ma taqdikx
tinqered:
ġnus bħal dawn jinqerdu għalkollox.
[Is:60:13] Ġmiel il-Libanu jiġi għandek,
iċ-ċipress u ċ-ċedru u l-bux magħhom,
għat-tiżjin tat-tempju mqaddes tiegħi,
u għas-sebħ ta' mirfes riġlejja.
[Is:60:14] U jiġu għandek rashom baxxa wlied
dawk li ħaqruk,
u jinżlu wiċċhom fl-art quddiemek dawk li żebilħuk,
u jsejjħulek: 'Belt tal-Mulej',
'Sijon tal-Qaddis ta' Iżrael'.
[Is:60:15] Għax kont mitluqa, u kienu jobogħduk,
u ħadd ma kien jgħaddi minnek,
nagħmlek kbira għal dejjem u l-għaxqa ta'
kull żmien.
[Is:60:16] Bħal tarbija terda' ħalib il-ġnus,
u titmantna minn sider is-slaten,
biex tagħraf li jien il-Mulej, is-Salvatur tiegħek,
il-Feddej tiegħek, il-Qawwi ta' Ġakobb.
[Is:60:17] Minflok il-bronż, nġiblek id-deheb;
flok il-ħadid, il-fidda;
flok l-injam, il-bronż;
flok il-ġebel, il-ħadid.
U nagħmel is-Sliem it-tmexxija tiegħek,
u l-Ġustizzja l-ħakma tiegħek.

[Is:60:18] Ma tinstemax aktar dnewwa f'artek,
u ħerba u qerda fi trufijietek;
swarek jissejjħu: 'Ħelsien', u bwiebek: 'Foħrija'.
[Is:60:19] Ma ddawwlekx aktar ix-xemx binhar,
u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl,
għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem
u Alla tiegħek ikun sebħek.

[Is:60:20] Ma tinżilx aktar ix-xemx għalik u lanqas
jgħib il-qamar,
għax il-Mulej ikun id-dawl tiegħek għal dejjem
u jintemmu l-jiem tal-vistu tiegħek.

[Is:60:21] Kulħadd ikun ġust fil-poplu tiegħek
u jirtu l-art għal dejjem;
huma xitla li jien ħawwilt,
xogħol idejja għal foħriti.
[Is:60:22] L-iżgħar fostkom isir tribù
u l-iċken isir ġens qawwi.
Jien il-Mulej,
li nfittex nagħmel dan kollu f'waqtu.

61. Il-bxara t-tajba għal Sijon

[Is:61:1] L-ispirtu ta' Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;
[Is:61:2] biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej,
u jum il-vendetta ta' Alla tagħna;
biex infarraġ lill-imnikktin;
[Is:61:3] biex inferraħ lil dawk li jibku f'Sijon,
nagħtihom kuruna flok irmied,
żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu,
l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.
Isejjħulhom ballut tas-sewwa,
mħawwla mill-Mulej għal foħritu."
[Is:61:4] Mill-ġdid għad jibnu l-ħerbiet tal-qedem,
itellgħu t-tiġrif ta' l-imgħoddi,
iġeddu l-bliet imġarrfa, meqruda minn żmien twil.
[Is:61:5] Ikun hemm il-barranin li jirgħu l-imrieħel
tagħkom,
wlied il-frustiera jaħdmulkom ir-raba',
u jeħdulkom ħsieb id-dwieli.
[Is:61:6] Lilkom isejjħulkom: 'Il-Qassisin tal-Mulej',
'Qaddejja ta' Alla tagħna' isemmukom.
Tieklu l-ġid tal-ġnus,
tissebbħu bil-glorja tagħhom.
[Is:61:7] Għaliex id-doppju kien l-għajb tagħhom;
mistħija u żebliħ kien sehemhom.
Għalhekk id-doppju jirtu f'arthom,
u jkollhom hena bla tmiem.

[Is:61:8] Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt,
u nobgħod il-ħella u l-qerq.
U jien bis-sewwa nħallashom,
u nagħmel magħhom patt għal dejjem.
[Is:61:9] Nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus,
u wliedhom qalb il-popli.
Kull min jarahom jagħrafhom
li huma nisel imbierek mill-Mulej.

[Is:61:10] Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej,
taqbeż bil-ferħ ruħi b'Alla tiegħi.
Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni,
bil-mantar tal-ġustizzja għattieni,
bħal għarus imżejjen b'kuruna,
bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
[Is:61:11] Bħalma l-art tnibbet,
bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih,
hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija,
quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

62. Sijon l-għarusa tal-Mulej

[Is:62:1] Minħabba f'Sijon ma nehdiex,
minħabba f'Ġerusalemm ma niskotx,
sa ma tfeġġ bħal dija l-ġustizzja tagħha,
tħeġġeġ bħal torċa s-salvazzjoni tagħha.
[Is:62:2] Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
B'isem ġdid għad isejjħulek,
isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.

[Is:62:3] Għad tkun kuruna ta' ġmiel f'id il-Mulej,
u dijadema ta' sultan f'id Alla tiegħek.
[Is:62:4] Ma jgħidulekx aktar: 'L-Abbandunata',
lanqas lil artek: 'L-Imħarbta'.
Lilek għad isejjħulek: 'Għaxqti fiha',
u lil artek għad jgħidulha: 'Għarusa';
għax l-għaxqa tal-Mulej fik,
u artek għad titgħarras.
[Is:62:5] Bħalma għarus jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b'għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

[Is:62:6] Fuq swarek, Ġerusalemm, qegħedt
l-għassiesa:
lejl u nhar qatt ma jisktu.
Intom li tfakkru l-Mulej,
ma hemmx mistrieħ għalikom;
[Is:62:7] u lilu sserrħuhx sa ma jerġa' jwaqqaf lil
Ġerusalemm,
u jagħmilha l-foħrija ta' l-art.
[Is:62:8] Ħalef il-Mulej b'lemintu u bid-driegħ
qawwi tiegħu:
"Il-qamħ tiegħek ma nagħtihx aktar b'ikel
lill-għedewwa tiegħek,
u l-barranin ma jixorbux l-inbid tiegħek,
li int tħabatt għalih;
[Is:62:9] imma l-qamħ jikluh dawk li jaħsduh u
jfaħħru l-Mulej,
u dawk li jiġbru l-għeneb jixorbu l-inbid fil-btieħi
tat-tempju tiegħi."
[Is:62:10] Għaddu, għaddu mill-bibien,
wittu t-triq għall-poplu!
Rawwmu, rawwmu t-triq, naddfuha miż-żrar!
Għollu sinjal għall-popli!
[Is:62:11] Araw, il-Mulej isamma' leħnu sa truf l-art:
"Għidu lil bint Sijon: Arah, ġej is-salvatur tiegħek!
Arah bil-prezz f'idu u l-ħlas quddiemu."
[Is:62:12] U jibdew isejjħulhom: 'Poplu qaddis,
il-Mifdijin tal-Mulej',
U lilek isejjħulek: 'L-Imfittxija', 'Il-Belt qatt
abbandunata'.

63. Żmien il-fidwa

[Is:63:1] Min hu dan li ġej minn Edom,
bi ħwejġu ħomor minn Bosra?
Hu mżejjen bi lbiesu,
miexi fil-milja tal-qawwa tiegħi.
"Jiena hu li nxandar il-ħelsien,
jiena l-qawwi biex ngħin."
[Is:63:2] Għaliex hemm l-aħmar fi lbiesek,
u ħwejġek bħal min jgħaffeġ fil-magħsar?
[Is:63:3] "Fil-magħsar għaffiġt jien waħdi,
mill-poplu ma kien hemm ħadd miegħi:
għaffiġthom fl-għadab tiegħi,
sħaqthom fil-qilla tiegħi.
U traxxax demmhom fuq ħwejġi,
u ħammiġt ilbiesi kollu.
[Is:63:4] Għax kien jum ta' vendetta f'qalbi,
u s-sena tal-fidwa tiegħi waslet.
[Is:63:5] Ħarist, u ma kien hemm ħadd min jgħinni:
skantajt li ma kien hemm ħadd li jieqaf miegħi;
imma għenni driegħi biex irbaħt,
u waqaf miegħi l-għadab tiegħi.
[Is:63:6] Għaffiġt il-popli f'għadbi,
tħanthom fis-saħna tiegħi,
u demmhom xerridt ma' l-art."

L-imħabba tal-Mulej għal Iżrael

[Is:63:7] Irrid infakkar il-grazzji tal-Mulej,
nsamma' għanja ta' tifħir lill-Mulej,
għal dak kollu li għamel magħna,
għax kbira kienet il-ħnientu ma' dar Iżrael;
mexa magħna skond l-imħabba tiegħu,
skond it-tjieba kbira tiegħu.
[Is:63:8] Hu qal: "Iva, huma l-poplu tiegħi,
wliedi li ma jimxux wiċċ b'ieħor."
U hu sar għalihom is-Salvatur fid-dwejjaq
kollha tagħhom,
[Is:63:9] Ma kienx xi messaġġier jew xi anġlu,
imma hu stess salvahom għall-imħabba u l-ħniena
tiegħu.
Hu ħelishom, refagħhom, u ġarrhom dejjem
fl-imgħoddi.
[Is:63:10] Iżda huma ħaduha kontrieh,
u nikktu l-ispirtu qaddis tiegħu,
u sar għadu għalihom u tqabad kontriehom.

[Is:63:11] U ftakru f'jiem l-imgħoddi:
Mosè, il-qaddej tiegħu.
Fejn hu dak li ħeles mill-baħar, ir-ragħaj tal-poplu
tiegħu?
Fejn hu dak li qiegħed f'nofshom, l-ispirtu qaddis
tiegħu?
[Is:63:12] Hu li kien jimxi fuq il-leminija ta' Mosè
bid-driegħ imsebbaħ tiegħu?
Li feraq il-baħar quddiemhom biex
jagħmel għalih isem li jibqa' għal dejjem?
[Is:63:13] Li mexxiehom qalb il-mewġ u ma għotrux
bħal żiemel fid-deżert?
[Is:63:14] Bħal annimal li nieżel fil-wied,
mmexxi mill-ispirtu tal-Mulej,
hekk int mexxejt il-poplu tiegħek
biex tagħmel għalik isem glorjuż.

Talba għall-ħniena u l-maħfra

[Is:63:15] Ħares mis-sema u ara,
ħares mill-għamara mqaddsa u glorjuża tiegħek.
Fejn hi l-ħeġġa u l-qawwa tiegħek?
Fejn hi l-ħerqa u l-ħniena ta' qalbek?
Tonqosx mill-ħniena tiegħek għalina.
[Is:63:16] Għax int, Mulej, missierna;
Abraham ma jafniex,
Iżrael ma jagħrafniex.
Int, Mulej, missierna,
ismek il-Feddej tagħna sa minn dejjem.

[Is:63:17] Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu
minn triqatek,
u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek?
Erġa' lura, minħabba l-qaddejja tiegħek,
it-tribujiet li huma wirtek.
[Is:63:18] Għaliex rifsu l-ħżiena fis-santwarju
tiegħek,
u l-għedewwa tagħna middew riġlejhom
fit-tempju tiegħek?
[Is:63:19] Sirna bħall-ġnus li int qatt ma ħkimt
fuqhom,
u lanqas ismek ma jissejjaħ fuqhom.

M'hux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel
minn hemm,
64. [Is:64:1] u jitheżhżu l-muntanji quddiemek!
Bħalma n-nar iqabbad il-ħatab,
bħalma n-nar jgħalli l-ilma;
hekk tgħarraf ismek lill-għedewwa tiegħek,
u l-ġnus jitriegħdu quddiemek,
[Is:64:2] meta int tagħmel għeġubijiet li ma
konniex nistennew,
u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom!
[Is:64:3] Widna qatt ma semgħet,
għajn qatt ma rat Alla bħalek,
Alla li jħabrek għal min jittama fih.
[Is:64:4] Int tilqa' lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ,
lil dawk li jiftakru fi triqatek.
Ara! Int kont mgħaddab għalina,
u aħna dnibna.
Domna fi dnubna,
u kontrik qomna għal ħafna żmien.

[Is:64:5] Tniġġisna lkoll kemm aħna,
bħal ċarruta maħmuġa
l-aħjar għemejjel tagħna;
bħal werqa lkoll dbilna
u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.
[Is:64:6] Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek,
li jitħarrek biex iżomm miegħek.
Għax int ħbejt wiċċek minna,
u rħejtna f'idejn ħżunijietna.
[Is:64:7] Madankollu, Mulej, int missierna;
aħna t-tafal, u inti l-fuħħari;
aħna lkoll għemil idejk.
[Is:64:8] La tinkurlax iżżejjed, Mulej;
la tiftakarx fil-ħażen tagħna għal dejjem.
Ara, ħares, aħna lkoll il-poplu tiegħek.
[Is:64:9] Il-bliet imqaddsa tiegħek mitluqa,
Sijon saret xagħra u Ġerusalemm ħerba.
[Is:64:10] It-tempju qaddis u glorjuż tagħna,
fejn missirijietna kienu jfaħħruk, maħruq bin-nar,
u kull ma kellna għażiż sar ħerba.
[Is:64:11] Quddiem dan kollu ma tiċċaqlaqx,
Mulej, se tibqa' sieket u tgħakkisna sa l-aħħar?

65. Il-kastig tal-midinbin idolatri

[Is:65:1] Kont lest li jsibuni
dawk li ma staqsewx għalija.
Kont lest li jsibuni
dawk li ma fittxewnix.
Jiena għedt: "Hawn jien! Hawn jien!"
lil poplu li b'ismi ma sejjaħlix.
[Is:65:2] Il-jum kollu ftaħt idejja
lil poplu mxewwex u rasu iebsa;
mxew fi triq mhux tajba,
skond kapriċċihom.
[Is:65:3] Poplu dejjem lest biex jinbixni f'wiċċi:
joffru s-sagrifiċċji fil-ġonna,
u jaħarqu l-inċens fuq ix-xaqquf.
[Is:65:4] Imorru joqogħdu fl-oqbra,
u jgħaddu l-lejl fil-moħbi.
Jieklu laħam il-ħanżir,
u brodu mniġġes fil-borom tagħhom.

[Is:65:5] Mbagħad jgħidulek:
"Oqgħod għalik! La tersaqx lejja,
għax jien għalik qaddis."
Dawn il-ħwejjeġ duħħan fi mnifsejja,
nar imkebbes il-jum kollu.
[Is:65:6] Araw, dan kollu miktub quddiemi:
"Ma niskotx, jien inħallas,
u nħallashom f'ħoġorhom,
[Is:65:7] għal ħżunithom u ħżunit missirijiethom,
jgħid il-Mulej.
Ħarqu l-inċens fuq il-muntanji
u żebilħuni fuq l-għoljiet.
Għalhekk jien inkejjel ħlashom,
u f'ħoġorhom inroddulhom."

[Is:65:8] Dan jgħid il-Mulej:
"Bħalma wieħed isib l-inbid f'għanqud,
u jgħid: 'La teqirdux, hemm il-barka fih',
hekk nagħmel jiena minħabba l-qaddejja tiegħi,
biex ma neqridhomx ilkoll."
[Is:65:9] Jien noħroġ nisel minn Ġakobb,
u minn Ġuda werriet tal-muntanji tiegħi.
Jirtuhom il-maħturin tiegħi,
u l-qaddejja tiegħi jgħammru hemm.

[Is:65:10] U jkun Saron mergħa għall-imrieħel,
u l-wied ta' Għakor mistrieħ għall-baqar,
għall-poplu tiegħi li jfittixni.
[Is:65:11] Imma intom li tlaqtu lill-Mulej,
li nsejtu l-għolja mqaddsa tiegħi,
li lestejtu mejda għal Gad,
u mlejtu l-inbid għal Meni,
[Is:65:12] jien għax-xabla kkundannajtkom,
u lkoll kemm intom tmilu għall-qatla.
Għax jien sejjaħtilkom,
u intom ma weġibtux;
tkellimt, u ma smajtux.
Għamiltu l-ħażin f'għajnejja,
u għażiltu dak li ma jogħġobnix."
[Is:65:13] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
"Araw, il-qaddejja tiegħi jieklu,
imma intom tkunu bil-ġuħ;
[Is:65:14] araw, il-qaddejja tiegħi jixorbu,
imma intom tkunu bl-għatx;
araw, il-qaddejja tiegħi jifirħu,
imma intom tistħu;
araw, il-qaddejja tiegħi jgħannu bl-hena ta' qalbhom,
imma intom tgħajjtu bin-niket ta' qalbkom,
u tixhru bid-diqa ta' ruħkom.
[Is:65:15] "L-isem li tħallu jisħtu bih il-magħżulin
tiegħi
'Ħa joqtlok Sidi l-Mulej.'
Imma l-qaddejja tiegħi b'isem ieħor jissejjħu.
[Is:65:16] Min jitbierek fuq l-art, jitbierek b'Alla
tal-verità,
u b'Alla tas-sewwa jaħlef min jaħlef fuq l-art,
għax it-taħbit ta' qabel għadda,
u għab minn quddiemi.

Ħolqien ġdid

[Is:65:17] Għax, arani, se noħloq smewwiet ġodda u
art ġdida.
Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi,
f'moħħ ħadd aktar ma jiġi.
[Is:65:18] Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ
għal dejjem,
minħabba f'dak li għad noħloq jien.
Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-hena,
il-poplu tagħna għall-ferħ.
[Is:65:19] Jien nifraħ b'Ġerusalemm u nitgħaxxaq
bil-poplu tiegħi,
ma jinstemax aktar fiha leħen il-biki,
lanqas leħen in-niket.
[Is:65:20] Ma jkunx hemm iżjed fiha tarbija li tgħix
ftit jiem,
lanqas xiħ li ma jimteliex bl-għomor.
Għax iż-żagħżugħ imut ta' mitt sena,
u ta' mitt sena jkun il-midneb meta jieħu l-kastig.
[Is:65:21] Huma għad jibnu djarhom u
jgħammru fihom,
iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom.
[Is:65:22] Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor,
u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor;
għax il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu
s-siġar,
u l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom.

[Is:65:23] Ma jitħabtux għal xejn
u ma jildux tfal biex jinqerdu ħesrem,
għax ikunu nisel imbierek mill-Mulej,
u hekk ukoll uliedhom.
[Is:65:24] Qabel ma jsejjħuli, nwieġeb;
nismagħhom, meta għadhom ikellmuni.
[Is:65:25] Il-lupu u l-ħaruf jirgħu flimkien,
l-iljun, bħall-barri, jiekol it-tiben,
u t-trab ikun ikel is-serp.
Ma jagħmlux deni u lanqas ħsara
fuq l-għolja mqaddsa tiegħi kollha,
jgħid il-Mulej."

66. Il-ġudizzju ta' Alla

[Is:66:1] Dan jgħid il-Mulej:
"Is-smewwiet it-tron tiegħi,
l-art mirfes riġlejja!
X'dar tistgħu tibnuli?
Fejn hu l-post tal-mistrieħ tiegħi?
[Is:66:2] Dawn kollha idejja għamluhom,
dawn kollha tiegħi!
Oraklu tal-Mulej.
Imma fuq dan jien nixħet ħarsti:
fuq l-imsejken u n-niedem f'qalbu,
u fuq min jitriegħed għal kelmti.
[Is:66:3] Hawn min joqtol gendus,
mbagħad jidrob bniedem;
hawn min joffri n-nagħaġ,
mbagħad jifga kelb.
Jagħmel l-offerti tal-qmuħ, u joffri demm il-ħanżir;
jaħraq l-inċens, u jbierek l-idoli.
Dawn in-nies għażlu triqathom,
u qalbhom għoġbuha qżiżijiethom.
[Is:66:4] Jien ukoll nagħżel l-hemm għalihom,
u dak li jibżgħu minnu nixħtu fuqhom.
Għax jien sejjaħt, u ħadd ma wieġeb,
tkellimt u ma semgħux.
Għamlu l-ħażin f'għajnejja
u għażlu dak li ma jogħġobnix."

It-twelid tan-Nazzjon

[Is:66:5] Isimgħu l-kelma tal-Mulej,
intom li titriegħdu għal kelmtu:
"Qalu ħutkom, li jobogħdukom,
li keċċewkom minħabba ismi:
'Ħa jissebbaħ il-Mulej,
ħalli naraw il-ferħ tagħkom.'
Iżda huma għad jiregħxu.
[Is:66:6] Isimgħu! Ħoss ta' għagħa mill-belt,
ħoss mit-tempju,
ħoss il-Mulej,
li jrodd il-ħlas lill-għedewwa tiegħu!
[Is:66:7] Qabel stess ma tkagħwġet, ħelset;
qabel ma ġieha wġigħ il-ħlas,
wildet iben.
[Is:66:8] Min qatt sama' b'dan?
Minn qatt ra ħaġa bħal din?
Jista' pajjiż isir f'jum wieħed?
Jista' poplu jitwieled f'waqt wieħed?
Iva, Sijon, malli ħasset uġigħ il-ħlas,
wildet lil uliedha!
[Is:66:9] Jien li niftaħ il-ġuf, ma nwellidx?
Jgħid il-Mulej.
Jien li nwelled, nagħlaq il-ġuf?
Jgħid Alla tiegħek.
[Is:66:10] Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha,
intom ilkoll ħbieb tagħha!
Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied
il-qalb magħha,
[Is:66:11] Hekk intom terdgħu u tixbgħu minn sider
il-faraġ tagħha;
terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha."

[Is:66:12] Għaliex dan jgħid il-Mulej: "Arani!
Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,
u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.
U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,
u jżiegħlu bikom fuq l-irkubbtejn.
[Is:66:13] Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena
nfarraġ lilkom
u f'Ġerusalemm titfarrġu.
[Is:66:14] Taraw u tifraħ qalbkom,
u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;
u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej,
u l-korla tiegħu fuq l-għedewwa tiegħu.

[Is:66:15] Arawh! Ġej il-Mulej imdawwar bin-nar,
bħal riefnu l-imriekeb tiegħu,
u jferragħ għadbu fis-saħna tiegħu,
u jheddu bl-ilsna tan-nar.
[Is:66:16] Għax bin-nar il-Mulej mill-art kollha
jagħmel il-ħaqq,
bix-xabla tiegħu minn kull bniedem;
kotra kbira joqtol il-Mulej.
[Is:66:17] Dawk li jitqaddsu u jitnaddfu,
u jmorru fil-ġonna wara xulxin
fid-dawra tas-sħarijiet,
dawk li jieklu l-laħam tal-ħanżir,
il-qżiżijiet u l-ġrieden,
ilkoll jintemmu f'daqqa,
oraklu tal-Mulej.
[Is:66:18] Jiena naf b'għemilhom u fehmithom;
għad niġi niġbor il-ġnus kollha,
u l-popli ta' kull ilsien;
dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi.
[Is:66:19] Jiena ngħolli għalihom sinjal,
u nibgħat lil xi wħud mill-fdal ta' Iżrael
għand il-ġnus,
f'Tarsis, Put, Lud, u Mesek, Ros, Tubal u Ġawan,
u lejn ix-xtut imbiegħda li qatt ma semgħu bija,
u qatt ma raw is-sebħ tiegħi,
u huma jxandru s-sebħ tiegħi qalb il-ġnus.
[Is:66:20] U jġibu lil ħutkom kollha minn kull ġens,
bħala offerta lill-Mulej;
iġibuhom fuq żwiemel u karrijiet,
fuq suġġetti u bgħula u iġmla,
għal fuq il-muntanja qaddisa tiegħi,
f'Ġerusalemm, jgħid il-Mulej,
bħalma wlied Iżrael iġibu l-offerti tal-qmuħ tagħhom
f'ġarar indaf fit-tempju tal-Mulej.
[Is:66:21] U lil xi wħud minnhom neħodhom
b'qassisin u Leviti, jgħid il-Mulej.
[Is:66:22] Għax bħalma jibqgħu quddiemi
s-smewwiet ġodda,
u l-art ġdida li jiena nagħmel, jgħid il-Mulej,
hekk jibqa' nisilkom u isimkom.
[Is:66:23] U jiġri li minn xahar għal xahar,
u minn Sibt għal Sibt,
kulħadd jiġi jinxteħet quddiemi, jgħid il-Mulej.
[Is:66:24] U meta joħorġu, jaraw l-iġsma
tan-nies li xxewwxu kontrija.
Id-dud tagħhom ma jmutx,
lanqas jintefa n-nar tagħhom,
u kulħadd jistmellhom."