IL-KTIEB TA’ ĠUDITTA

1. Gwerra bejn l-Assirja u l-Medja

[Ġdt:1:1] Kienet is-sena tnax tas-saltna ta' Nabukodonosor sultan ta' l-Assiri, fil-belt kbira ta' Ninwč, fi żmien Arfaksad, sultan tal-Medi, fil-belt ta' Ekbatana. [Ġdt:1:2] Dan dawwar il-belt ta' Ekbatana b'ħajt ta' ġebel minġur, kull waħda għolja tlitt idriegħ u twila sitta, għoli sebgħin driegħ, fuq sisien ta' ħamsin driegħ wisa'. [Ġdt:1:3] Maġenb il-bibien tal-belt tella' torrijiet għoljin mitt driegħ, fuq sisien wiesgħa sittin. [Ġdt:1:4] Bena l-bibien tal-belt għoljin sebgħin driegħ fuq wisa' ta' erbgħin, biex minnhom jgħaddi l-eżerċtu bl-aħjar gwerriera, u l-qtajja' mqassma tal-fanterija.

[Ġdt:1:5] F'dak iż-żmien Nabukodonosor għamel gwerra kontra s-sultan Arfaksad fil-wita l-kbira li tinsab fl-inħawi ta' Ragaw. [Ġdt:1:6] Ma' dan ingħaqdu n-nies kollha tal-muntanji u dawk kollha li kienu jgħammru max-xtut ta' l-Ewfrat, it-Tigri, il-Ħidaspi, u l-witât ta' Arjok, sultan ta' l-Għelamin. Hekk ingħaqdu flimkien ħafna ġnus biex jgħinnu lil ulied Kelewd.

[Ġdt:1:7] Nabukodonosor, sultan ta' l-Assiri, bagħat messaġġiera lill-popli li jgħammru fil-Persja u lil dawk li jgħammru fil-punent: iċ-Ċiliċja, Damasku, il-Libanu, u l-Antilibanu, u matul ix-xtut tal-baħar; [Ġdt:1:8] u lill-popli tal-Karmel u ta' Gilgħad, u tal-Galilija ta' fuq, u l-medda l-kbira ta' Esdrelon; [Ġdt:1:9] u n-nies kollha tas-Samarija, u l-ibliet tagħha, u l-inħawi tan-naħa l-oħra tal-Ġordan sa Ġerusalemm, u Betani, u Kelus u Kades sax-xmara ta' l-Eġittu, u Tafnes u Ragħmses, u l-art kollha ta' Gosen, [Ġdt:1:10] sa lil hinn minn Tani u Memfi, u n-nies kollha li jgħammru fl-Eġittu, sal-fruntieri ta' l-Etjopja.

[Ġdt:1:11] Iżda n-nies ta' dawn l-artijiet, kollha kemm huma, ma tawx widen għall-kliem ta' Nabukodonosor, sultan ta' l-Assiri, u anqas ma marru jgħinuh fil-gwerra, għax ma kinux jibżgħu minnu. Għalihom kien bniedem bħal ħaddieħor u bagħtu lura l-messaġġiera tiegħu quddiemu bla ġieħ u b'idejhom vojta.

[Ġdt:1:12] Nabukodonosor saħan bis-sħiħ kontra dawn l-artijiet kollha, u ħalef fuq it-tron u s-saltna tiegħu li jivvendika ruħu mill-inħawi kollha taċ-Ċiliċja, Damasku u s-Sirja, u jeqred bix-xabla tiegħu n-nies ta' Mowab, u wlied Għammon, u n-nies li jgħammru fil-Lhudija, u 'l dawk kollha ta' l-Eġittu, sa trufijiet iż-żewġt ibħra.

[Ġdt:1:13] Fis-sena sbatax tas-saltna tiegħu Nabukodonosor ħareġ bl-eżerċtu tiegħu kontra s-sultan Arfaksad, u għelbu fil-battalja; u ħarbat l-eżerċtu kollu ta' Arfaksad bil-kavallerija u l-karrijiet kollha tiegħu. [Ġdt:1:14] Ħataf f'idejh l-ibliet kollha tiegħu, u wasal sa Ekbatana, ħatt it-torrijiet tagħha, ħarbat il-pjazez tagħha, u biddel ġmielha f'għajb. [Ġdt:1:15] Mbagħad qabad lil Arfaksad fuq il-muntanji ta' Ragaw, u hemm nifdu bil-vleġeġ, u qerdu darba għal dejjem.

[Ġdt:1:16] Mbagħad Nabukodonosor raġa' lura f'Ninwč, hu u l-eżerċtu mħallat tiegħu, kotra kbira ta' gwerriera, u baqa' hemm għal mija u għoxrin jum, jistrieħ u jixxala.

2. L-invażjoni tas-Sirja u l-inħawi tagħha

[Ġdt:2:1] Fis-sena tmintax, fit-tnejn u għoxrin jum ta' l-ewwel xahar, fil-palazz ta' Nabukodonosor, sultan ta' l-Assiri, ħarġet il-kelma li s-sultan kien se jivvendika ruħu mill-artijiet kollha, kif kien qal. [Ġdt:2:2] Hu sejjaħ il-ministri u l-kbarat kollha tiegħu, u wriehom il-pjan sigriet tiegħu u għarrafhom bi kliemu stess bil-ħażen ta' dawk l-artijiet. [Ġdt:2:3] U ddeċidew li jeqirdu kull bniedem li ma joqgħodx għall-kelma li ħarġet minn fommu. [Ġdt:2:4] U ġara li malli wriehom il-ħsieb tiegħu, Nabukodonosor, sultan ta' l-Assiri, sejjaħ lil Oloferne, il-ġeneral kmandant ta' l-eżerċtu tiegħu, u li kien jiġi warajh, u qallu: [Ġdt:2:5] "Dan jgħid is-Sultan il-Kbir, sid l-art kollha: 'Ara, oħroġ minn quddiemi u ħu miegħek nies, żguri mill-ħila tagħhom stess, sa mija u għoxrin elf suldat u tnax-il elf kavallerija, biż-żwiemel u r-rikkieba, [Ġdt:2:6] u mur u aħbat għall-artijiet kollha tal-punent, għax ma obdewx l-ordnijiet tiegħi. [Ġdt:2:7] Għidilhom biex ilestu trab u ilma, għax jien ħiereġ għalihom bil-qilla kollha tiegħi, niksi l-wiċċ kollu ta' arthom b'riġlejn is-suldati tiegħi, u nerħihom priża f'idejhom. [Ġdt:2:8] U l-midrubin tagħhom jimlew il-widien, u kull nixxiegħa u xmara timtela u tfur bil-mejtin tagħhom; [Ġdt:2:9] il-bqija nġorrhom ilsiera sa l-ibgħad trufijiet ta' l-art. [Ġdt:2:10] Mur qabli u aqbad f'idejk il-medda ta' l-artijiet kollha qabel ma niġi jien. U 'l dawk li jintelqu f'idejk, żommhomli għal meta jasal il-jum li nagħmel il-kontijiet magħhom. [Ġdt:2:11] Imma lil dawk li ma jobdux, tqishom xejn, taħfirha lil ħadd minnhom, agħtihom il-mewt, u eqridhom mill-art kollha tiegħek. [Ġdt:2:12] Daqs kemm jien ħaj, u bil-jedd kollu ta' saltnati, hekk għedt u hekk nagħmel b'idi. [Ġdt:2:13] Qis li int ma tiksirx anqas wieħed mill-ordnijiet ta' sidek; imma qis li tagħmel kull ma ordnajtlek, u la ddumx ma tagħmel dan."

[Ġdt:2:14] Oloferne ħareġ minn quddiem sidu, sejjaħ il-kmandanti kollha, il-ġenerali u l-kaptani ta' l-eżerċtu ta' l-Assirja, [Ġdt:2:15] u għażel l-aħjar nies għall-battalja kif ordnalu sidu, mija u għoxrin elf suldat u tnax-il elf arċier fuq iż-żwiemel; [Ġdt:2:16] u qassamhom kif jitqassam eżerċtu għall-gwerra. [Ġdt:2:17] Ħa mbagħad kotra kbira ta' iġmla, ħmir u bgħula għat-tagħbija, u għadd bla tarf ta' nagħaġ, baqar u mogħoż għall-għajxien tagħhom; [Ġdt:2:18] ħa wkoll ikel għal kull raġel, u kotra kbira ta' deheb u fidda mit-teżor tas-sultan.

[Ġdt:2:19] Mbagħad ħareġ bl-eżerċtu kollu tiegħu biex imur qabel is-sultan Nabukodonosor, bl-imriekeb u l-kavallerija u l-fanterija magħżula tiegħu, biex bihom jiksi wiċċ l-art kollha tal-punent. [Ġdt:2:20] Magħhom telqet ukoll kotra kbira daqs it-trab ta' l-art ta' kull xorta ta' nies, qishom sħaba ta' ġradijiet - kotra bla qjies.

[Ġdt:2:21] Telqu minn Ninwč, u wara tlitt ijiem mixi waslu fil-wita ta' Bektilet, u waqqfu l-kamp 'l hemm minn Bektilet, ħdejn il-muntanja li taħbat fuq ix-xellug taċ-Ċiliċja ta' fuq. [Ġdt:2:22] Minn hemm imbagħad ħa l-forzi tiegħu kollha - fanterija, kavallerija u karrijiet - u rħielha lejn il-muntanji; [Ġdt:2:23] ħarbat l-art ta' Put u Lud, u ħataf il-ġid tal-poplu ta' Rassis u ta' l-Ismagħelin li jgħammru f'tarf id-deżert in-naħa tan-nofsinhar ta' art il-Kellijin. [Ġdt:2:24] U mbagħad għadda l-Ewfrat, u qassam il-Mesopotamja u qered l-ibliet kollha ffortifikati li kienu jinsabu matul il-wied Abron, u wasal sa ħdejn il-baħar. [Ġdt:2:25] Ħa taħt idejh il-muntanji taċ-Ċiliċja, u qered lil dawk kollha li waqfulu, u wasal sa truf Ġafet lejn in-nofsinhar biswit l-Għarabja. [Ġdt:2:26] Dawwar il-Midjanin kollha, ħarqilhom l-għerejjex u ħatfilhom l-imrieħel. [Ġdt:2:27] U niżel fil-wita ta' Damasku fi żmien il-ħsad tal-qamħ, ħarqilhom l-għelieqi, u ħarbtilhom l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar, u ħatfilhom kull ma kien hemm fl-ibliet, ħarbtilhom ir-raba', u qatlilhom iż-żgħażagħ b'xifer ix-xabla.

[Ġdt:2:28] U qabadhom il-biża' u t-tregħid dawk kollha li kienu jgħammru fi xtut il-baħar, dawk ta' Sidon u Tir, ta' Sur u Okina; u dawk ta' Ġamnija, u ta' Ażotu u Askalon baqgħu mwerwra bil-biża'.

3. Il-ġnus tal-punent iċedu

[Ġdt:3:1] Għalhekk dawn bagħtu messaġġiera biex jitolbu l-paċi u jgħidulu: [Ġdt:3:2] "Arana, aħna l-ilsiera tas-Sultan il-Kbir Nabukodonosor, hawn mixħutin quddiemek, agħmel minnha kif jogħġob lilek. [Ġdt:3:3] Ara, l-għamajjar tagħna, l-art tagħna, ir-raba' bil-qamħ u l-imrieħel, il-baqar, l-imqawel kollha bl-għerejjex kollha tagħhom f'idejk, agħmel bihom li trid. [Ġdt:3:4] Ara, u l-ibliet ukoll u n-nies tagħhom li joqogħdu fihom, kollha lsiera tiegħek, ejja u agħmel minnhom li jogħġbok."

[Ġdt:3:5] Kif waslu dawn il-messaġġiera għand Oloferne, ħabbrulu dan kollu. [Ġdt:3:6] Mbagħad niżel lejn ix-xatt, hu u l-eżerċtu tiegħu, u qiegħed gwarniġjun ta' suldati fl-ibliet iffortifikati tagħhom, u minnhom ħa miegħu għall-ġlied irġiel magħżula. [Ġdt:3:7] U huma u l-ġirien tagħhom laqgħuh bil-kuruni, żfin u timpani. [Ġdt:3:8] U hu ħatt it-tempji u ħasad l-imsaġar imqaddsa kollha tagħhom, għax hu kellu l-ordni li jeqred l-allat kollha ta' dawn l-artijiet tagħhom biex il-ġnus kollha jaduraw lil Nabukodonosor waħdu, u l-ilsna u r-razez kollha jsejjħulu alla.

L-invażjoni ta' art Iżrael

[Ġdt:3:9] Minn hemm mar sa Esdrelon, qrib Dotajn, li tinsab biswit is-sinsla ta' l-għoljiet tal-Lhudija; [Ġdt:3:10] hawn waqqaf il-kamp bejn Geba u Xitopoli, u għadda xahar sħiħ biex jiġbor il-provvisti.

4. L-Iżraelin iħejju ruħhom

[Ġdt:4:1] Il-poplu kollu ta' Iżrael, li kien jgħammar fil-Lhudija, sama' b'kull ma kien għamel bil-ġnus Oloferne, il-ġeneral ta' Nabukodonosor, sultan ta' l-Assiri, u kif seraq is-santwarji kollha tagħhom u ġarrafhom; [Ġdt:4:2] u qabadhom biża' kbir minħabba fih, u bdew jinkwetaw ħafna minħabba Ġerusalemm u t-tempju tal-Mulej, Alla tagħhom; [Ġdt:4:3] għax kienu għadhom kemm reġgħu lura mill-eżilju, u ma kienx ilu ħafna li l-poplu nġabar mil-Lhudija kollha u qaddsu mill-ġdid it-tagħmir, l-artal u t-tempju, li qabel kienu mniġġsa. [Ġdt:4:4] U bagħtu nies fl-inħawi kollha tas-Samarija, f'Kona, Bet-ħoron, Belmajn, Ġeriko, Ħoba, Esora, u Wied Salem, [Ġdt:4:5] u qabdu malajr il-qċaċet ta' l-għoljiet u dawwru bis-swar l-irħula, u ħażnu l-ikel bi tħejjija għall-gwerra, għax kienu għadhom kif ħasdu l-uċuħ tar-raba' tagħhom.

[Ġdt:4:6] Ġojakim, il-qassis il-kbir, li dak iż-żmien kien Ġerusalemm, kiteb lil dawk kollha li kienu joqogħdu f'Betulja u Betamajm, li hi biswit Esdrelon, quddiem il-pjanura qrib Dotajn, [Ġdt:4:7] u ordnalhom li jżommu l-mogħdijiet bejn il-muntanji, għax minnhom wieħed kien jista' jidħol fil-Lhudija, u kienet ħaġa ħafifa ħafna li jżommu lil min kien irid jidħol minnha, għax il-mogħdija kienet dejqa, u tnejn min-nies biss setgħu jgħaddu spalla ma' spalla.

[Ġdt:4:8] Ulied Iżrael għamlu kif ordnalhom Ġojakim, il-qassis il-kbir, u l-kunsill tal-poplu kollu ta' Iżrael li kienu f'Ġerusalemm. [Ġdt:4:9] Kull bniedem f'Iżrael għolla leħnu lejn Alla b'ħeġġa kbira u għakksu ruħhom b'ħafna sawm. [Ġdt:4:10] Lkoll kemm kienu, rġiel u nisa, it-tfal u l-bhejjem tagħhom, il-barranin kollha, il-ħaddiema u l-ilsiera tagħhom, lkoll kemm kienu, xeħtu fuqhom ix-xkejjer. [Ġdt:4:11] U kull raġel u mara f'Iżrael, it-tfal u kull min kien joqgħod Ġerusalemm, nxteħtu quddiem is-santwarju, u xeħtu l-irmied fuq rashom u firxu l-ilbies tax-xkejjer quddiem il-Mulej. [Ġdt:4:12] Ksew ukoll l-artal bix-xkejjer u kollhom ħeġġa għajjtu għalenija quddiem Alla ta' Iżrael biex ma jħallix li jaħtfulhom it-tfal, jeħdulhom in-nisa lsiera, u jħarbtulhom l-ibliet li kienu kisbu, u jżebilħulhom is-santwarju, u jwaqqgħuh għaċ-ċajt u t-tagħjir tal-pagani.

[Ġdt:4:13] Il-Mulej sama' t-talb tagħhom u ħares lejn l-hemm tagħhom. Il-poplu kien ilu jsum għal ħafna ġranet fil-Lhudija kollha, u f'Ġerusalemm quddiem is-santwarju tal-Mulej li jista' kollox. [Ġdt:4:14] Ġojakim, il-qassis il-kbir, u l-qassisin kollha li kienu fit-tempju quddiem il-Mulej, u dawk li kienu jservu lill-Mulej, libsu u tħażżmu bix-xkejjer, u kienu joffru s-sagrifiċċju ta' kuljum, u jressqu l-wegħdi u l-offerti minn raj il-poplu. [Ġdt:4:15] Xeħtu l-irmied fuq it-turbanti tagħhom u kienu jgħajjtu b'kemm kellhom saħħa quddiem il-Mulej, biex jieħu ħsieb id-dar ta' Iżrael u jġibilhom ir-riżq.

5. Laqgħa tal-kunsill tal-gwerra

[Ġdt:5:1] Oloferne, il-ġeneral kmandant ta' l-eżerċtu ta' l-Assiri, ħabbrulu li wlied Iżrael kienu qegħdin jitħejjew għall-gwerra, u għalhekk ħatfu f'idejhom il-mogħdijiet lejn il-muntanji, u dawwru bil-ħitan il-qċaċet ta' l-ogħla muntanji, u mlew il-pjanuri bit-tfixkil. [Ġdt:5:2] U għadab bis-sħiħ, u sejjaħ il-kapijiet kollha ta' Mowab, u l-kmandanti ta' Għammon, u l-gvernaturi tax-xtut, [Ġdt:5:3] u qalilhom: "Għiduli intom, nies ta' Kangħan, x'inhu dan il-poplu li jgħammar fil-muntanji? Liema huma l-ibliet li joqogħdu fihom? X'inhu l-għadd ta' l-eżerċtu? Mnejn hi ġejja l-forza u l-ħila tagħhom? Min hu s-sultan ta' fuqhom li jmexxi l-eżerċtu tagħhom? [Ġdt:5:4] Għala ma ridux jiġu jilqgħuni bħal ma għamlu n-nies kollha tal-punent?"

Id-diskors ta' Aħjor

[Ġdt:5:5] U wieġeb Aħjor, il-kap ta' l-Għammonin kollha: "Ħa jisma' sidi kelma waħda minn fomm il-qaddej tiegħu, u jien ngħidlek is-sewwa kollu dwar dan il-poplu, li jgħammar fuq dawn il-muntanji, li tinsab qribhom; ebda gidba ma toħroġ minn fomm il-qaddej tiegħek.

[Ġdt:5:6] "Dan il-poplu hu nisel il-Kaldin; [Ġdt:5:7] għall-ewwel kien jgħammar fil-Mesopotamja, għaliex ma ridux jimxu wara l-allat ta' missirijiethom, li kien hemm fl-art tal-Kaldin; [Ġdt:5:8] telqu d-drawwiet ta' missirijiethom u bdew jaduraw lil Alla tas-smewwiet, lil Alla li huma għarfu. Mbagħad keċċewhom minn quddiem l-allat tagħhom, ħarbu lejn il-Mesopotamja u qagħdu hemm għal ħafna żmien. [Ġdt:5:9] U Alla tagħhom qalilhom biex joħorġu minn fejn kienu joqogħdu u jmorru Kangħan, fejn bdew jgħammru u stagħnew bid-deheb u l-fidda u b'kotra kbira ta' mrieħel.

[Ġdt:5:10] Meta mbagħad waqa' l-ġuħ fuq wiċċ l-art ta' Kangħan, huma niżlu l-Eġittu u qagħdu hemm sakemm setgħu jsibu x'jieklu. Hemm saru kotra kbira u n-nisel tagħhom kien bla qjies. [Ġdt:5:11] Iżda qam kontrihom is-sultan ta' l-Eġittu, u qarraq bihom u għabbiehom bix-xogħol tal-madum, għakkishom u ġiebhom ilsiera. [Ġdt:5:12] Mbagħad għajjtu quddiem Alla tagħhom, u dan darab l-art ta' l-Eġittu b'kastigi li għalihom ma kienx hemm fejqan. U l-Eġizzjani keċċewhom minn quddiemhom. [Ġdt:5:13] Mbagħad Alla nixxef il-Baħar l-Aħmar quddiemhom, [Ġdt:5:14] u qabbadhom it-triq lejn is-Sinaj u Kades-barnigħa, u gerrex lil dawk kollha li kienu jgħammru fid-deżert. [Ġdt:5:15] Mbagħad għammru fl-art ta' l-Amurrin u farrku bil-forzi tagħhom in-nies ta' Ħesbon. Qasmu l-Ġordan, u ħadu f'idejhom il-muntanji; [Ġdt:5:16] u keċċew minn quddiemhom il-Kangħanin, il-Periżżin, il-Ġebusin, lil dawk li kienu f'Sikem, u lill-Girgasin kollha, u baqgħu jgħammru fiha għal ħafna żmien. [Ġdt:5:17] U sakemm ma dinbux kontra Alla tagħhom kellhom ir-riżq, għax għandhom magħhom Alla li jobgħod il-ħażen. [Ġdt:5:18] Imma meta tbiegħdu mit-triq li kienet mogħtija lilhom, nqerdu bil-ħafna gwerer u karkruhom ilsiera f'art li ma kinitx tagħhom, u ġarrfulhom it-tempju ta' Alla tagħhom, u l-għedewwa tagħhom ħatfulhom l-ibliet. [Ġdt:5:19] Iżda issa li kkonvertew lejn Alla tagħhom, reġgħu lura mill-artijiet fejn kienu mxerrda, reġgħu ħadu Ġerusalemm, fejn għandhom is-santwarju, u bdew jgħammru fil-muntanji li kienu mitluqa.

[Ġdt:5:20] "Issa, sidi, ara jekk hemmx xi ħtija f'dan il-poplu, u jekk dinbux kontra Alla tagħhom; u jekk insibu dan it-tfixkil fihom, nitilgħu u naħbtu għalihom. [Ġdt:5:21] Jekk iżda ma hemm ebda ħtija f'dan il-ġens, sidi, ibqa' għaddej; għax il-Mulej, Alla tagħhom, ikun tarka għalihom, u d-dinja kollha tidħak bina."

[Ġdt:5:22] Meta Aħjor qal dan u temm kliemu, qamet għagħa kbira fost in-nies li kienu madwar it-tinda, u bdew igergru. Il-kbarat ta' madwar Oloferne, u n-nies kollha li jgħammru fix-xtut, u fl-art ta' Mowab bdew jitolbuh li jqattgħu bċejjeċ. [Ġdt:5:23] "Ma nħallux," qalulu,"il-biża' jegħlibna quddiem dan il-poplu ta' Iżrael, poplu bla saħħa u bla ħila biex iżomm iebes quddiemna.

[Ġdt:5:24] "Għalhekk nitilgħu għalihom, sidna Oloferne, u nagħmlu minnhom ikel għall-eżerċtu tiegħek."


6. Il-kundanna ta' Aħjor

[Ġdt:6:1] Kif spiċċat l-għagħa tan-nies miġbura madwaru, Oloferne, il-ġeneral kmandant ta' l-eżerċtu ta' l-Assiri, dar fuq Aħjor, quddiem dawk in-nies kollha barranin, u quddiem in-nies ta' Mowab, u qallu: [Ġdt:6:2] "Min int, o Aħjor, u intom il-mixtrija ta' Efrajm, biex tħabbrilna, kif għamilt illum, u tgħidilna biex ma naħbtux għall-poplu ta' Iżrael, għax Alla tagħhom ikun tarka għalihom? Min hu Alla, ħlief Nabukodonosor? Hu jibgħat il-forzi tiegħu u jeqridhom minn wiċċ l-art, u anqas Alla tagħhom ma jeħlishom. [Ġdt:6:3] Aħna, il-qaddejja tiegħu, naħbtu għalihom, bħal bniedem wieħed, u huma ma jkunux jifilħu għall-qawwa taż-żwiemel tagħna; [Ġdt:6:4] negħlbuhom bihom. Il-muntanji tagħhom jiskru f'demmhom, u l-pjanuri tagħhom jiżegħdu bil-mejtin tagħhom. Quddiemna ma jibqax sinjal ta' riġlejhom, għax jinqerdu għalkollox. Dan jgħid Nabukodonosor, sid l-art kollha. Hu tkellem, u ebda kelma milli qal ma tiġi nieqsa.

[Ġdt:6:5] "Int, Aħjor, bniedem mixtri ta' Għammon, li għedt dan il-kliem f'jum ħażin għalik, mil-lum 'il quddiem ma tarax wiċċi, qabel ma nkun tħallast minn dan il-poplu ġej mill-Eġittu. [Ġdt:6:6] Meta nerġa' lura, is-sejf ta' l-eżerċtu tiegħi u l-lanez tal-qaddejja tiegħi jinfdulek ġenbejk, u tiżdied mal-vittmi tagħhom.

[Ġdt:6:7] "Il-qaddejja tiegħi se jeħduk fuq il-muntanji u jqegħduk f'waħda mill-ibliet fil-mogħdijiet, [Ġdt:6:8] u ma tmutx qabel ma tkun meqrud magħhom. [Ġdt:6:9] Jekk inti għandek qalbek qawwija li ma jinqabdux, ma għandekx għax taqta' qalbek. Tkellimt, u ebda kelma ma tmur mar-riħ."

[Ġdt:6:10] Oloferne, mbagħad, ordna lill-qaddejja tiegħu, li kienu jaqduh fit-tinda, jaqbdu lil Aħjor u jeħduh ħdejn Betulja, u jitilquh f'idejn ulied Iżrael. [Ġdt:6:11] Il-qaddejja tiegħu qabduh, ħarġuh mill-kamp għal ġol-wita u mill-wita ħaduh fil-muntanji u ħallewh ħdejn l-għejun taħt Betulja. [Ġdt:6:12] Meta mbagħad rawhom in-nies tal-belt resqin lejn ras l-għolja, qabdu l-armi u ħarġu mill-belt għal fuq il-quċċata ta' l-għolja. L-irġiel kollha armati bl-iżbandoli bdew iwaddbulhom il-ġebel, u ma ħallewhomx jitilgħu. [Ġdt:6:13] L-Assiri daru għal taħt l-għolja u rabtu lil Aħjor u ħallewh hemm taħt l-għolja, u reġgħu lura għal għand sidhom.

[Ġdt:6:14] Mbagħad l-Iżraelin niżlu mill-belt u resqu lejh, ħallewh, daħħluh f'Betulja, u ħaduh quddiem il-kapijiet tal-belt, [Ġdt:6:15] li f'dawk il-jiem kienu Għużżija bin Mika, mit-tribů ta' Simgħon, Kabrin bin Għotonjel, u Karmi bin Melkijel. [Ġdt:6:16] Sejjħu x-xjuħ kollha tal-belt; u ż-żgħażagħ kollha u n-nisa ġrew ilkoll għal-laqgħa. Ġiebu lil Aħjor f'nofs il-poplu kollu tagħhom, u Għużżija staqsieh x'kien ġara.

[Ġdt:6:17] Aħjor wieġeb u għarrafhom b'kull ma ġara fil-kunsill ta' Oloferne u b'kull ma kien qal hu lill-kapijiet ta' l-Assiri, u b'kemm tkabbar Oloferne kontra d-dar ta' Iżrael.

[Ġdt:6:18] Mbagħad il-poplu nxteħet wiċċu fl-art quddiem Alla, u beda jgħajjat u jgħid: [Ġdt:6:19] "Mulej Alla tas-smewwiet, ħares lejn is-suppervja tagħhom; u ħenn għall-miżerja tal-poplu tagħna; ixħet ħarsa ta' ħniena llum fuq dawk li huma kkonsagrati lilek."

[Ġdt:6:20] Mbagħad għamlu l-qalb lil Aħjor u faħħruh ħafna. [Ġdt:6:21] Għużżija ħadu mil-laqgħa għal ġo daru, u għamel festa lix-xjuħ tal-belt, u għaddew dak il-lejl sħiħ isejjħu lil Alla u jitolbuh jgħinhom.

7. L-assedju ta' Betulja

[Ġdt:7:1] L-għada Oloferne ordna lill-eżerċtu tiegħu kollu u n-nies li kienu ngħaqdu miegħu għall-gwerra biex jitilqu lejn Betulja, jaqbdu taħt idejhom il-mogħdijiet lejn il-muntanji, u jaħbtu għall-Iżraelin. [Ġdt:7:2] Dak in-nhar stess telqu l-irġiel qalbiena tagħhom. L-eżerċtu tal-gwerriera kien ilaħħaq mal-mija u sebgħin elf fanterija u tnax-il elf kavallerija, barra dawk li kienu jieħdu ħsieb il-provvisti u oħrajn li kienu miexja magħhom - kotra tassew kbira.

[Ġdt:7:3] Waqqfu l-kamp fil-wied qrib Betulja, ħdejn l-għajn; il-kamp fil-wisa' tiegħu kien jieħu lejn Dotajn sa Belmajn, u fit-tul minn Betulja sa Kijamun biswit Esdrelon.

[Ġdt:7:4] Kif raw dik il-kotra kollha, l-Iżraelin tħawwdu sewwa u bdew jgħidu lil xulxin: "Dawn in-nies se jibilgħu l-art kollha, u la l-ogħla muntanji u la l-widien, u lanqas l-għoljiet, ma jifilħu l-piż tagħhom."

[Ġdt:7:5] Mbagħad kull wieħed qabad l-armi, qabbdu n-nar fuq it-torrijiet, u qagħdu għassa l-lejl kollu.

[Ġdt:7:6] L-għada Oloferne ħareġ il-kavallerija kontra l-Iżraelin li kienu f'Betulja. [Ġdt:7:7] Tkixxef il-mogħdijiet li kienu jieħdu għall-belt tagħhom, fittex l-għejun ta' l-ilma u ħadhom f'idejh, u qiegħed ġemgħat ta' għases armati magħhom, u mbagħad raġa' lura lejn niesu.

[Ġdt:7:8] Mbagħad resqu lejh il-kapijiet kollha ta' wlied Għesaw, il-kapijiet kollha tal-poplu ta' Mowab u l-kmandanti tax-xtajta, u qalulu: [Ġdt:7:9] "Ħa jisma' kelma, is-sid tagħna, biex ma tmurx tiġri xi ħsara fl-eżerċtu tiegħek. [Ġdt:7:10] Għax dan il-poplu ta' Iżrael ma jemminx fil-lanez, imma fil-qċaċet tal-muntanji fejn jgħammar; u m'hijiex ħaġa ħafifa tilħaq il-qċaċet ta' l-għoljiet tagħhom. [Ġdt:7:11] Issa, mela, sidna, titqabadx magħhom bħalma titqabad f'battalja bit-taqsim tas-soltu, biex ma jintilef lanqas raġel wieħed biss min-nies tiegħek. [Ġdt:7:12] Int ibqa' għasses fil-kamp man-nies ta' l-eżerċtu tiegħek. Ħa jaqbdu f'idejhom il-qaddejja tiegħek l-għajn ta' l-ilma li tnixxi minn taħt il-muntanja, [Ġdt:7:13] għax minn hemm imorru jimlew l-ilma n-nies kollha ta' Betulja; u meta jeħodhom u jtemmhom l-għatx ikollhom jerħu l-belt f'idejk. Min-naħa tagħna, aħna u n-nies tagħna nitilgħu u nwaqqfu l-kamp fuq il-muntanji ta' madwarhom, u ngħassu biex lanqas wieħed minnhom biss ma joħroġ mill-belt. [Ġdt:7:14] Meta mbagħad jintemmu bil-ġuħ, huma, in-nisa u t-tfal tagħhom, qabel ma tilħaqhom ix-xabla, isibu ruħhom minxura fl-imsieraħ fejn jgħammru. [Ġdt:7:15] Mbagħad int tkun tista' tħallashom bid-deni talli qamu kontrik, u ma ġewx jilqgħuk bis-sliem."
[Ġdt:7:16] Dan il-kliem għoġob lil Oloferne u l-ministri kollha tiegħu, u ordna li jsir kif qalu. [Ġdt:7:17] Il-kamp ta' l-Għammonin iċċaqlaq, u ħamest elef Assir ħadu posthom fil-wied, u ħadu f'idejhom il-ħażniet ta' l-ilma u l-għejun ta' l-Iżraelin. [Ġdt:7:18] Mbagħad in-nies ta' Għesaw u l-Għammonin telgħu, u waqqfu l-kamp fuq l-għoljiet biswit Dotajn, biċċa marru lejn in-nofsinhar u oħrajn lejn il-lvant, biswit Ekrebel, li taħbat qrib Kus, fuq il-wied Mokmur. Il-bqija ta' l-eżerċtu ta' l-Assiri waqqaf il-kamp fil-wita, u ksew wiċċ l-art kollu; it-tined u l-provvisti tagħhom kienu bla qjies, u kienu kotra tassew kbira.

[Ġdt:7:19] Ulied Iżrael sejjħu lill-Mulej, Alla tagħhom, għaliex bdew jaqtgħu qalbhom billi l-għedewwa tagħhom kienu dawwruhom minn kullimkien, u ħadd ma sata' jaħrab minn ġo nofshom. [Ġdt:7:20] L-eżerċtu ta' l-Assiri, il-fanterija, il-kavallerija u l-karrijiet, żammewhom magħluqa għal erbgħa u tletin jum sħaħ. In-nies ta' Betulja naqsitilhom il-ħażna kollha ta' l-ilma; [Ġdt:7:21] il-ġwiebi xxuttaw u ma kienx fadlilhom għal jum wieħed biss, għalkemm l-ilma kien jingħatalhom bil-qjies. [Ġdt:7:22] It-tfal tagħhom qatgħu qalbhom, u n-nisa u ż-żgħażagħ tagħhom infnew bil-għatx, u kienu jaqgħu fl-art fit-toroq tal-belt u d-daħliet tal-bibien, u ma kien baqgħalhom ebda saħħa.

[Ġdt:7:23] Il-poplu kollu - żgħażagħ, nisa u tfal - inġabru madwar Għużżija u l-kapijiet tal-belt, u bdew jgħajjtu b'leħen għoli u jgħidu lix-xjuħ; [Ġdt:7:24] "Ħa jiġġudika Alla bejnna u bejnkom, intom għamiltulna ħsara kbira meta ma fittixtux il-paċi ta' l-Assiri. [Ġdt:7:25] Issa ma għandna ebda għajnuna; Alla biegħna f'idejhom biex nintemmu quddiemhom bil-għatx u b'telf kbir. [Ġdt:7:26] Mela sejjħulhom u itilqu l-belt bi priża f'idejhom, f'idejn in-nies ta' Oloferne u l-eżerċtu tiegħu kollu; [Ġdt:7:27] aħjar għalina li jeħduna f'idejhom, naqgħu lsiera u nibqgħu ħajjin; u ma narawx it-trabi tagħna mejtin quddiemna, u lanqas in-nisa u wliedna ma jieħdu l-aħħar nifs. [Ġdt:7:28] Ħa jkunu xhieda kontra tagħkom is-sema u l-art, u Alla tagħna u Sid missirijietna, Alla li qiegħed jikkastigana minħabba dnubietna u d-dnubiet ta' missirijietna. Jalla ma jseħħx illum dan kollu." [Ġdt:7:29] U lkoll flimkien fil-ġemgħa nfexxew f'biki kbir, u bdew jitolbu u jgħajjtu b'leħen qawwi quddiem il-Mulej Alla.

[Ġdt:7:30] Għużżija qalilhom: "Agħmlu l-qalb, ħuti, nżommu għal ħamest ijiem oħra; sakemm il-Mulej iħenn għalina, għax Hu ma jitlaqna qatt għalkollox. [Ġdt:7:31] Jekk imbagħad jgħaddi dan iż-żmien, u ma taslilna ebda għajnuna, nagħmel kif qegħdin tgħidu."

[Ġdt:7:32] U bagħat lil kulħadd f'postu; u marru fuq is-swar u t-torrijiet tal-belt. Lin-nisa u t-tfal bagħathom fi djarhom. U fil-belt kien hemm qtigħ il-qalb kbir.

8. Ġuditta l-armla

[Ġdt:8:1] F'dak iż-żmien Ġuditta semgħet b'kull ma ġara. Ġuditta kienet bint Merari bin Għoks, bin Ġużeppi, bin Għużżijel, bin Ħilkija, bin Ħananija, bin Gidgħon, bin Rafajn, bin Aħitob, bin Elija, bin Ħelkija, bin Elijab, bin Natanjel, bin Salamjel, bin Sarasadaj, bin Iżrael. [Ġdt:8:2] Żewġha kien Manassi mit-tribů u r-razza tagħha, u miet fi żmien il-ħsad tax-xgħir. [Ġdt:8:3] Kien qiegħed fuq il-ħaddiema jorbtu l-qatet fl-għalqa; ħa xemxata, nxteħet fis-sodda, u miet f'Betulja, il-belt tiegħu; difnuh ma' missirijietu f'għalqa bejn Dotajn u Bagħlamon.

[Ġdt:8:4] Ġuditta kienet ilha tgħix ta' armla f'darha għal tliet snin u erba' xhur; [Ġdt:8:5] kienet tellgħet tinda fuq is-setaħ ta' darha, u kienet tilbes drapp tax-xkejjer, bl-ilbies ta' armla dejjem fuqha. [Ġdt:8:6] Kienet issum il-jiem kollha minbarra lejlet is-Sibt, is-Sibtijiet, il-vġili ta' l-ewwel xahar, l-ewwel tax-xahar, u l-festi u l-jiem ta' ferħ f'Iżrael.

[Ġdt:8:7] Kienet mara sabiħa ħafna fis-sura tagħha u l-ħlewwa ta' wiċċha. Żewġha Manassi ħallielha deheb u fidda, lsiera rġiel u nisa, mrieħel u raba', u baqgħet tieħu ħsieb kollox hi. [Ġdt:8:8] Ħadd ma seta' jgħid xejn ħażin fiha, għax kienet tibża' tassew minn Alla.

[Ġdt:8:9] Ġuditta saret taf bil-kliem iebes tal-poplu kontra l-kap tal-belt, għax kien naqashom l-ilma u kienu qatgħu qalbhom; u semgħet ukoll b'kull ma kien qalilhom Għużżija, li ħalfilhom li jċedi l-belt lill-Assiri malli jgħaddu l-ħamest ijiem. [Ġdt:8:10] Għalhekk bagħtet lill-qaddejja tagħha li kienet teħdilha ħsieb ħwejjiġha, u sejjħet lil Kabri u lil Karmi, l-anzjani tal-belt.

Id-diskors ta' Ġuditta

[Ġdt:8:11] Malli waslu għandha qaltilhom: "Isimgħuni, intom il-kapijiet tan-nies ta' Betulja! Intom ma tkellimtux sewwa llum mal-poplu u lanqas ma hu sewwa l-ġurament li ħadtu bejnkom u bejn Alla, u wegħedtu li ċċedu l-belt lill-għedewwa tagħkom, jekk il-Mulej ma jibagħtilkomx l-għajnuna fi żmien iffissat. [Ġdt:8:12] Min intom intom biex iġġarrbu lil Alla llum u togħlew 'il fuq minn Alla fost il-bnedmin? [Ġdt:8:13] Tridu b'daqshekk tistħarrġu l-Mulej li jista' kollox? Imma intom qatt m'intom se tkunu tafu xejn fuqu. [Ġdt:8:14] Intom li ma tistgħux tilħqu l-qiegħ ta' qalb il-bniedem, u tifhmu l-ħsibijiet ta' moħħu, kif tridu tistħarrġu lil Alla li għamel dan kollu? Kif tistgħu tifhmu lil moħħu u lil ħsiebu? Ma jkun qatt, ħuti, li tgħaddbu lil Alla tagħna. [Ġdt:8:15] Għaliex ukoll jekk ma jridx jgħinna f'dawn il-ħamest ijiem, hu għandu s-setgħa li jaqbeż għalina meta jrid jew li jeqridna quddiem l-għedewwa tagħna. [Ġdt:8:16] Tfittxux tagħmlu kondizzjonijiet fuq ir-rieda ta' Alla tagħna, għax Alla m'hux xi bniedem biex iħalli 'l min jheddu jew jagħmillu kondizzjonijiet. [Ġdt:8:17] Għalhekk aħna għandna nistennew is-salvazzjoni tagħna mingħandu, u sadattant nitolbuh jgħinna; u jekk dan jogħġbu, żgur li jisma' leħinna.

[Ġdt:8:18] "Għax ma kienx hawn fi żmienna, u lanqas hawn fostna llum, tribů jew familja, poplu jew belt, li tadura l-allat magħmula bl-idejn tal-bniedem, bħalma kien hemm fiż-żmien li għadda. [Ġdt:8:19] Minħabba f'hekk lil missirijietna Alla rħiehom f'idejn l-għedewwa tagħhom biex joqtluhom bis-sejf u jisirquhom, u kbira kienet il-qerda tagħhom f'idejn l-għedewwa tagħna. [Ġdt:8:20] Aħna ma nagħrfu ebda alla ieħor ħliefu. Għalhekk għandna tama sħiħa li m'hux se jitlaqna għal riħna, la lilna u lanqas ħadd min-nazzjon tagħna. [Ġdt:8:21] Jekk jaqbdu lilna, jaqbdu l-Lhudija kollha, iġarrfu t-tempju tagħna, u Alla jfittex li nħallsu aħna b'demmna għall-profanazzjoni tiegħu. [Ġdt:8:22] Iżommna ħatja tal-qtil ta' ħutna, tal-jasar ta' artna, tal-ħerba ta' wirtna u jxerridna fost il-ġnus, fejn nisfaw ilsiera, u naqgħu għaż-żebliħ u t-tmaqdir tas-sidien tagħna. [Ġdt:8:23] Il-jasar ma jiswielna qatt xejn, imma l-Mulej, Alla tagħna, jagħmilhulna għajb għal dejjem.

[Ġdt:8:24] "Mela issa, ħuti, nuru lil ħutna li ħajjithom qiegħda f'idejna, u li s-santwarju, it-tempju u l-artal jistrieħu fuqna. [Ġdt:8:25] Għal dan kollu niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna, li qiegħed iġarrabna, bħalma għamel ma' missirijietna. [Ġdt:8:26] Ftakru x'għamel ma' Abraham, u kemm ġarrab lil Iżakk, xi ġralu Ġakobb fil-Mesopotamja tas-Sirja, meta kien jirgħa l-imrieħel ta' Laban, ħu ommu. [Ġdt:8:27] Għax bħalma m'hux b'vendetta lilhom għaddiehom min-nar, imma biex jiflilhom qalbhom, hekk jagħmel magħna, għax il-Mulej isawwat lil min hu qrib lejh biex iwiddbu."

It-tweġiba ta' Għużżija

[Ġdt:8:28] Għużżija, mbagħad, weġibha: "Kull ma għedt, għedtu minn qalb sinċiera, u ħadd ma jista' jmieri kliemek. [Ġdt:8:29] L-għerf tiegħek ma deherx illum, imma sa minn żgħożitek il-poplu għaraf l-għaqal tiegħek u fejn hi qalbek. [Ġdt:8:30] Imma l-poplu mejjet bil-għatx u ġagħalna nagħtuh kelma li nagħmlu li għednielhom u nintrabtu b'ġurament li ma nistgħux niksruh. [Ġdt:8:31] Int mara sewwa, itlob għalina, biex Alla jibagħtilna x-xita ħa jimtlew il-bjar tagħna, u ma ninfnewx aktar."

[Ġdt:8:32] U Ġuditta wieġbet: "Isimgħuni, jien se nagħmel ħaġa li jibqgħu jiftakruha minn ġenerazzjoni għal oħra sa l-aħħar waħda tal-poplu tagħna. [Ġdt:8:33] Intom il-lejla oqogħdu ħdejn il-bieb u jien noħroġ mal-qaddejja tiegħi, u qabel iż-żmien li intom għedtu li terħu l-belt f'idejn l-għedewwa tagħna, il-Mulej ikun ħeles lil Iżrael permezz ta' idejja. [Ġdt:8:34] Intom tfittxux li tkunu tafu x'se nagħmel, għax ma ngħidilkomx qabel ma jseħħ dak li se nagħmel."

[Ġdt:8:35] U Għużżija u l-kapijiet qalulha: "Mur bis-sliem u Alla jimxi quddiemek biex jitħallas mill-għedewwa tagħna." [Ġdt:8:36] U telqu mit-tinda u marru lkoll f'posthom.

9. It-talba ta' Ġuditta

[Ġdt:9:1] Mbagħad, fl-istess ħin li fih kienu qegħdin joffru l-inċens ta' fil-għaxija fit-tempju ta' Alla f'Ġerusalemm, Ġuditta nxteħtet wiċċha fl-art, xeħtet l-irmied fuq rasha, kixfet il-libsa tax-xkejjer li kellha fuqha, u għolliet leħinha, u għajjtet quddiem il-Mulej u qalet:

[Ġdt:9:2] "Mulej Alla ta' missieri Simgħon, li tajtu xabla f'idu biex jitħallas mill-barranin li ħallew il-ħżiem ta' xebba biex ikasbruha; kixfulha ġenbejha għaż-żebliħ, u kasbrulha ġufha għall-għajb. Int għedt: 'Ma jkunx hekk,' u huma hekk għamlu!

[Ġdt:9:3] "Għalhekk int irħejt għall-qatla l-kapijiet tagħhom u l-friex tagħhom, li jaf bil-qerq li ġara, għad-dmija; lqatt l-ilsiera u s-sidien, u l-ħakkiema fuq it-tron tagħhom; [Ġdt:9:4] rħejt in-nisa tagħhom għall-priża, il-bniet tagħhom għall-jasar, u l-ġid tagħhom għat-tqassim fost l-ulied il-maħbubin tiegħek, għax dawn, kollha ħeġġa għalik, stkerrhu t-tkasbir ta' demmhom, u sejjħu l-għajnuna tiegħek.

“O Alla, Alla tiegħi, isma’ lili, li jien armla! [Ġdt:9:5] Int għamilt dak li sar, dak li sar qablu u dak li sar warajh. Int taf il-ħwejjeġ ta' issa, u dawk li għad iridu jiġu, u dak li int taħseb iseħħ.

[Ġdt:9:6] "Il-ħwejjeġ li int fassalt minn qabel seħħew u qalu: 'Hawn aħna', it-toroq tiegħek kollha int tħejji minn qabel, u l-ġudizzju tiegħek ġej mill-għerf minn qabel.

[Ġdt:9:7] "Ara issa l-Assiri kotrana fl-eżerċtu tagħhom, mkabbra biż-żwiemel u r-rikkieba, jiftaħru bil-qawwa tal-fanterija, jittamaw fit-tarkiet u l-lanez tagħhom, fil-qaws u l-iżbandoli, ma jagħrfux li int is-Sid, il-qerried tal-gwerer.

[Ġdt:9:8] "Is-Sid hu ismek! Farrak il-qawwa tagħhom bis-saħħa tiegħek, xejjen il-qawwa tagħhom bis-saħna tiegħek. Huma jridu jżebilħu t-tempju tiegħek, itebbgħu fejn tgħammar int bl-isem glorjuż tiegħek, ikissru bil-ħadid il-qrun ta' l-artal tiegħek.

[Ġdt:9:9] "Ħares lejn is-suppervja tagħhom, ibgħat il-korla tiegħek fuq rashom, agħti lil din l-id ta' armla l-forza li tagħmel li għandi f'rasi.

[Ġdt:9:10] "Olqot bil-qerq ta' xufftejja l-ilsir mas-sid, u s-sid mal-qaddej, farrak il-kburija tagħhom bl-id ta' mara.

[Ġdt:9:11] "Il-qawwa tiegħek m'hijiex fil-kotra ta' l-eżerċti, lanqas is-setgħa tiegħek fil-qawwijin. Iżda int Alla ta' l-imsejknin, l-għajnuna taż-żgħar, ħajt tal-kenn għad-dgħajfin, protettur tal-mitluqin, salvatur tan-nies bla tama.

[Ġdt:9:12] "Iva. Iva, Alla ta' missieri! Alla tal-wirt ta' Iżrael! Sid is-smewwiet u l-art! Ħallieq ta' l-ibħra! Sultan tal-ħolqien tiegħek! Isma' inti t-talba tiegħi.

[Ġdt:9:13] "Agħmel li bil-kelma u l-qerq tiegħi nidrobhom u nferihom, lil dawk li jridu jagħmlu l-ħsara lill-patt tiegħek, lit-tempju tiegħek u 'l-quċċata tal-muntanja ta' Sijon, u d-dar ta' l-għamara ta' wliedek.

[Ġdt:9:14] "Agħmel li l-poplu tiegħek kollu, u t-tribujiet kollha, jagħrfu u jaraw, li int Alla, Alla fuq kull qawwa u fuq kull setgħa, u ħadd u ħadd ħliefek m'hu tarka għall-poplu ta' Iżrael."

10.Ġuditta fil-kamp ta' l-għadu

[Ġdt:10:1] Meta Ġuditta temmet tgħajjat quddiem Alla ta' Iżrael u qalet dan kollu, [Ġdt:10:2] qamet mill-art, u sejjħet lill-qaddejja tagħha, u niżlet fid-dar fejn kienet toqgħod fis-Sibtijiet u fil-festi; [Ġdt:10:3] neħħiet il-libsa tax-xkejjer li kellha fuqha, neżgħet l-ilbies tar-romol, nħaslet bl-ilma, ndilket bi fwieħa qawwija, għamlet xagħarha, dawwret faxxa ma' rasha, u libset ilbies tal-ferħ, li kienet tiżżejjen bih meta kien għadu ħaj żewġha Manassi. [Ġdt:10:4] Xiddet is-sandli f'riġlejha u libset il-ħoloq ma' l-għekiesi, il-brazzuletti, iċ-ċrieket, l-imsielet u t-tiżjin tagħha kollu. Iżżejjnet ħafna, b'mod li tolqot għajnejn l-irġiel li setgħu jarawha.

[Ġdt:10:5] Tat imbagħad lill-qaddejja tagħha żaqq bl-inbid u kus biż-żejt; mlitilha ħorġa bil-qamħ inkaljat, tin imqadded u ħobż mill-aħjar. Għabbithulha, u dik ġarret kollox.

[Ġdt:10:6] U ħarġu, rħewlha lejn il-bieb tal-belt ta' Betulja. Hemm sabu lil Għużżija jistennieha ma' l-anzjani tal-belt, Kabri u Karmi. [Ġdt:10:7] Malli raw kif tbiddlet f'wiċċha u lbiesha, baqgħu mistagħġba għall-aħħar bi ġmielha u qalulha: [Ġdt:10:8] "Jalla jagħtik ir-riżq Alla ta' missirijietna, u jwettaq ħsibijietek għall-glorja tal-poplu ta' Iżrael, u l-foħrija ta' Ġerusalemm."

[Ġdt:10:9] Ġuditta niżżlet wiċċha ma' l-art u qiemet lil Alla u qaltilhom: "Ordnaw li jiftħuli l-bibien u jien noħroġ biex intemm dak li qegħdin tgħidu!" U huma ordnaw lill-qaddejja biex jiftħulha kif qaltilhom. [Ġdt:10:10] Hekk għamlu, u Ġuditta ħarġet, hi u l-qaddejja magħha. U l-irġiel tal-belt baqgħu jħarsu lejha sa ma niżlet l-għolja u sakemm qasmet il-wied, u ma rawhiex aktar.

[Ġdt:10:11] It-tnejn baqgħu sejrin dritt lejn il-wied. Ltaqgħu magħha l-għases ta' quddiem ta' l-Assiri; [Ġdt:10:12] qabduha u staqsewha: "Minn liema nies int? Mnejn ġejja? Fejn sejra?" U hi wieġbet: "Jien bint l-Għebrej, u ħrabt minn magħhom għax waslu biex jintelqu f'idejkom biex tibilgħuhom. [Ġdt:10:13] Jien sejra quddiem Oloferne, il-kap kmandant ta' l-eżerċtu tagħkom, biex inħabbarlu s-sewwa u nurih it-triq li minnha għandu jgħaddi, u jaħtaf l-għoljiet kollha, bla ma jindarab u lanqas jitlef ħajtu wieħed min-nies tiegħu." [Ġdt:10:14] Huma u jisimgħu kliemha kiluha bil-ħars lejn wiċċha, u ħassew quddiemhom ġmiel ta' l-għaġeb, u qalulha: [Ġdt:10:15] "Int salvajt ħajtek meta fittixt u ħaffift tinżel għal quddiem sidna. Issa ibqa' sejra lejn it-tinda tiegħu u xi wħud minna jwassluk, sakemm jerħuk f'idejh. [Ġdt:10:16] Meta tkun quddiemu, tibżax u taqtax qalbek, imma għidlu li għedt lilna, u huwa jġib ruħu tajjeb miegħek."

[Ġdt:10:17] Mbagħad għażlu mitt ruħ minn tagħhom, qiegħdu lilha u lill-qaddejja tagħha f'nofshom, u ħaduhom sat-tinda ta' Oloferne. [Ġdt:10:18] Kien hemm ċaqliqa kbira mal-kamp kollu, għaliex l-aħbar tal-wasla tagħha xterdet mat-tined. Lkoll ġew u qagħdu madwarha, hi u kienet tistenna ħdejn it-tinda ta' Oloferne, sakemm marru jgħidulu biha. [Ġdt:10:19] Baqgħu mistagħġba bi ġmielha, u b'ulied Iżrael minħabba fiha, u bdew jgħidu lil xulxin: "Min jista' jistmerr poplu bħal dan, li għandu ġo nofsu nisa bħal din? M'hux ta' min iħalli ħajja rġiel bħal dawn, għax jekk inħalluhom jistgħu idawwru ras id-dinja kollha."

Ġuditta fit-tinda ta' Oloferne

[Ġdt:10:20] Mbagħad l-għases ta' Oloferne u l-qaddejja ta' madwaru ġew u daħħluha fit-tinda. [Ġdt:10:21] Oloferne kien mistrieħ fuq divan b'kanopew fuqu maħdum mill-porpra u d-deheb, bl-iżmerald u l-ħaġar prezzjuż minsuġ fih. [Ġdt:10:22] Meta qalulu biha ħareġ fin-naħa ta' quddiem fit-tinda, b'lampi tal-fidda quddiemu. [Ġdt:10:23] Malli Ġuditta resqet quddiem Oloferne u l-qaddejja tiegħu, stagħġbu lkoll bil-ġmiel ta' wiċċha. Hi nxteħtet wiċċha fl-art tqimu, u qajjmuha l-qaddejja tiegħu.

11. [Ġdt:11:1] Mbagħad Oloferne qalilha: "Agħmel il-qalb, la tibżax mara u la taqtax qalbek, għax jien qatt ma għamilt deni lil min għażel li jservi lil Nabukodonosor, sultan ta' l-art kollha. [Ġdt:11:2] Ma kontx nerfa' l-lanza tiegħi kontrih, kieku ma stmerrnix il-poplu tiegħek fuq dawn il-muntanji. Iżda huma stess ġibdu dan kollu fuqhom. [Ġdt:11:3] Issa għidli għala ħrabt minnhom u ġejt għandna. Int ġejt biex issalva. Agħmel il-qalb! Int tgħix illejla u għal li ġej. [Ġdt:11:4] Ħadd ma jagħmillek ħsara, imma jġibu ruħhom tajjeb miegħek, bħalma jagħmlu mal-qaddejja kollha ta' sidi, is-sultan Nabukodonosor."

[Ġdt:11:5] Ġuditta weġbitu: "Agħti widen għall-kliem ta' l-ilsira tiegħek, u ħalli l-qaddejja tiegħek titkellem quddiemek. Jien ma ngħidx gidba lil sidi llejla. [Ġdt:11:6] Jekk inti timxi fuq il-kelma ta' l-ilsira tiegħek, Alla jtemm xi ħaġa kbira bik, u sidi ma jfallilu xejn milli għandu f'rasu. [Ġdt:11:7] Daqs kemm hu ħaj Nabukodonosor, sultan tad-dinja kollha, u daqs kemm hi ħajja l-qawwa tiegħu, li bagħtek biex tqiegħed lil kulħadd f'postu, mhux biss iservuh il-bnedmin minħabba fik, imma l-bhejjem tax-xagħri, l-imrieħel u l-għasafar ta' l-ajru jgħixu bis-saħħa tiegħek għal Nabukodonosor u d-dar tiegħu kollha.

[Ġdt:11:8] "Aħna smajna bl-għerf, u bl-għaqal ta' moħħok, u d-dinja kollha ħabbrulha wkoll li int waħdek il-bniedem tajjeb fis-saltna kollha, ta' dehen kbir, u ta' l-għaġeb fis-sengħa tal-gwerra. [Ġdt:11:9] Aħna smajna bid-diskors u l-kliem li qal Aħjor fil-kunsill tiegħek, għax in-nies ta' Betulja ħelsuh u qalilhom kull ma qal lilek. [Ġdt:11:10] Għalhekk, sidi u kap tiegħi, twarrabx il-kliem tiegħu, żommu sewwa f'moħħok, għax kollu minnu. Il-poplu tagħna ma jkun qatt ikkastigat, ix-xabla ma tegħlibhomx, jekk ma jidinbux kontra Alla tagħhom.

[Ġdt:11:11] "U biex sidi ma jfallilu xejn u xogħlu ma jisfax fix-xejn, il-mewt feġġet quddiemhom, għax ħakimhom id-dnub li bih huma jinkurlaw lil Alla tagħhom kull meta jagħmlu l-ħażen. [Ġdt:11:12] Naqashom l-ikel, l-ilma għoddu spiċċa; għalhekk qatgħuha li jmiddu idejhom fuq il-bhejjem tagħhom u jieklu dak kollu, li Alla bil-liġijiet tiegħu ordnalhom li ma jiklux. [Ġdt:11:13] Mhux biss, imma ddeċidew wkoll li jieklu l-bikri tal-qamħ, u l-għexur ta' l-inbid u taż-żejt li huma kienu refgħu bħala ħaġa qaddisa għall-qassisin li joqogħdu f'Ġerusalemm, u jservu quddiem Alla tagħna - u dawn il-ħwejjeġ ħadd mill-poplu ma jista' biss imisshom b'idejh.

[Ġdt:11:14] "Bagħtu nies Ġerusalemm - għax hekk għamlu wkoll in-nies li joqogħdu hemm - biex iġibu l-permess tal-kunsill. [Ġdt:11:15] Malli taslilhom it-tweġiba u jagħmlu hekk, dak in-nhar stess isibu ruħhom f'idejk biex teqridhom.

[Ġdt:11:16] "Meta jien, il-qaddejja tiegħek, sirt naf b'dan, ħrabt minn quddiemhom. Alla bagħatni biex nagħmel ħwejjeġ kbar miegħek - ħwejjeġ li għad jgħaġġbu d-dinja kollha, u lil kull min jisma' bihom. [Ġdt:11:17] Il-qaddejja tiegħek hi mara sewwa, u taqdi lil Alla tas-smewwiet lejl u nhar, għalhekk, sidi, jien nibqa' miegħek, u billejl il-qaddejja tiegħek toħroġ fil-wied, u hemm nitlob lil Alla tiegħi u hu jgħidli meta huma jkunu waqgħu fid-dnub. [Ġdt:11:18] U jien niġi ngħidlek, u int imbagħad toħroġ bl-eżerċtu tiegħek kollu, u ma ssib lil ħadd minnhom li jiqaflek. [Ġdt:11:19] U jien ngħaddik minn nofs il-Lhudija sakemm tasal biswit Ġerusalemm u f'nofsha nqiegħed it-tron tiegħek; u int tkun tista' ssuqhom bħal merħla nagħaġ bla ragħaj, u ma jkunx hemm kelb wieħed li jissogra jiftaħ ħalqu. Dan kollu sirt nafu minn qabel; kien mgħarraf lili u kont mibgħuta biex inħabbru lilek."

[Ġdt:11:20] Kliem Ġuditta għoġob lil Oloferne u l-qaddejja kollha ta' madwaru, u stagħġbu bl-għerf tagħha u qalu: [Ġdt:11:21] "Ma hawnx mara oħra bħal din minn tarf sa tarf id-dinja, għall-ġmiel ta' wiċċha u għas-sengħa ta' kliemha." [Ġdt:11:22] U Oloferne qalilha: "Għamel sewwa Alla bagħtek minn qabel il-poplu biex isaħħilna idejna, u ġġib il-qerda lil dawk li stmerrew lil sidi. [Ġdt:11:23] Issa mhux biss int sabiħa fil-bixra tiegħek, imma wkoll għaqlija fi kliemek. Jekk tagħmel kif għedtli, Alla tiegħek ikun Alla tiegħi, u int tgħix f'dar is-sultan Nabukodonosor, u tkun magħrufa mad-dinja kollha."

12. L-imġiba ta' Ġuditta

[Ġdt:12:1] Mbagħad Oloferne ordnalhom idaħħluha fejn kellu l-fided u jlestulha mill-ikel u nbid tiegħu. [Ġdt:12:2] Ġuditta qaltlu: "Ma nikolx minn dan, li ma jkunlix ta' ħsara, imma niekol milli ġibt miegħi." [Ġdt:12:3] Oloferne weġibha: "Jekk jispiċċalek dak li għandek, mnejn se nġibulek bħalu? Ħadd minn niesek ma hawn magħna." [Ġdt:12:4] Ġuditta wieġbet: "Daqs kemm int ħaj int, sidi, il-qaddejja tiegħek ma tkunx kielet dan li għandi qabel ma l-Mulej jagħmel permezz ta' idejja dak li għandu f'rasu."

[Ġdt:12:5] Mbagħad il-qaddejja ta' Oloferne daħħluha fit-tinda u baqgħet rieqda sa nofs il-lejl. Qamet għall-ħabta ta' l-għassa ta' filgħodu, [Ġdt:12:6] u bagħtet tgħid lil Oloferne: "Ħalli sidi jordna li l-qaddejja tiegħu tkun tista' toħroġ titlob." [Ġdt:12:7] Oloferne għalhekk ordna lill-għases li ma jżommuhiex. Hi baqgħet fil-kamp għal tlitt ijiem; billejl kienet tmur fil-wied ta' Betulja u kienet tinħasel fl-għajn ta' l-ilma, ħdejn il-kamp. [Ġdt:12:8] Hi u tielgħa mill-għajn kienet titlob lill-Mulej, Alla ta' Iżrael, imexxiha fit-triq li qabdet għall-qawmien ta' wlied il-poplu tiegħu. [Ġdt:12:9] U terġa' lura nadifa u tibqa' fil-kamp sa l-ikel tagħha fil-għaxija.

Il-bankett fit-tinda ta' Oloferne

[Ġdt:12:10] Fir-raba' jum Oloferne stieden għall-ikel il-qaddejja tiegħu weħidhom, u ma stieden lil ħadd mill-fizzjali. [Ġdt:12:11] U qal lil Baguwa, l-uffiċjal li kien jeħodlu ħsieb ħwejġu: "Mur u ara tħajjarx lil dik il-mara Għebrija, li qiegħda għandek, biex tiġi tiekol u tixrob magħna. [Ġdt:12:12] Ikun għajb għalina, jekk mara bħal din inħalluha għaddejja mingħajr ma ngawdu l-kumpanija tagħha; anzi jekk ma niġbduhiex 'l hawn hi stess tiddieħak bina."

[Ġdt:12:13] Baguwa ħareġ minn quddiem Oloferne u mar ħdejha u qalilha: "O tfajla ħelwa, tistħix tiġi għand sidi u jkollok l-unur tal-kumpanija tiegħu; tixrob u tifraħ magħna, u llum tkun qisek waħda mit-tfajliet ta' l-Assiri li qegħdin fil-palazz ta' Nabukodonosor."

[Ġdt:12:14] U Ġuditta wieġbet: "Min jien biex ngħid: 'Le' lil sidi? Kull ma jogħġob lilu nfittex nagħmlu; u nkun ferħana sa dak in-nhar li mmut."

[Ġdt:12:15] Qamet u żżejnet b'ilbiesha u bit-tiżjin kollu tan-nisa. Il-qaddejja tagħha ħarġet qabilha, u marret tifirxilha fl-art quddiem Oloferne tapit tal-ġild tal-muntun, li Baguwa kien taha għal kuljum, biex tiekol mimduda fuqu.

[Ġdt:12:16] Ġuditta daħlet u mteddet. Qalb Oloferne qabżet minn postha, u ruħu xegħlet għaliha; kien miklub bis-sħiħ biex jaħtafha f'idejh; u minn mindu raha, kien ifittex il-waqt biex jorqod magħha.

[Ġdt:12:17] Oloferne qalilha: "Ixrob u ifraħ magħna." [Ġdt:12:18] Ġuditta wieġbet: "Nixrob bil-qalb, sidi, għax illum hu l-isbaħ jum ta' ħajti minn mindu twelidt." [Ġdt:12:19] U ħadet milli kienet lestitilha l-qaddejja tagħha, u kielet u xorbot quddiemu.

[Ġdt:12:20] Oloferne kien ferħan biha, xorob ħafna nbid, bħalma qatt qabel ma kien xorob f'jum wieħed f'għomru kollu.

13. [Ġdt:13:1] Xħin daħal il-ħin sewwa, il-qaddejja telqu bl-għaġla 'l barra. Baguwa għalaq it-tinda minn barra, u warrab minn quddiem sidu lil min kien hemm, u marru fis-sodda; għax kollha kienu għajjenin bix-xorb żejjed li kienu xorbu. [Ġdt:13:2] Fit-tinda baqgħet Ġuditta weħidha ma' Oloferne mixħut fuq friexu, mitluf f'sakra mill-inbid li kien xorob. [Ġdt:13:3] Mbagħad Ġuditta qalet lill-qaddejja tagħha toqgħod barra mill-kamra tar-rqad, u tistennieha toħroġ bħalma kienet tagħmel kuljum, għax, qaltilha, kellha toħroġ titlob. Hekk ukoll qalet lil Baguwa.

Ġuditta toqtol lil Oloferne

[Ġdt:13:4] Meta kulħadd kien warrab minn hemm u ħadd, la kbir u la żgħir, ma kien baqa' fil-kamra tar-rqad, Ġuditta, wieqfa ħdejn is-sodda tiegħu, qalet f'qalbha:

“Mulej Alla ta’ l-eżerċti kollha, ħares f’din is-siegħa fuq dak li ser jagħmlu jdejja għall-glorja ta’ Ġerusalemm. [Ġdt:13:5] Issa huwa l-waqt li tgħin il-wirt tiegħek u ttemm il-ħsieb tiegħi għall-qerda ta' l-għedewwa li qamu kontrina."

[Ġdt:13:6] Mbagħad resqet lejn it-traversa tas-sodda, 'il fejn kien imidd rasu Oloferne, qalgħet ix-xabla, [Ġdt:13:7] resqet lejn is-sodda, ħatfitlu xagħru f'idha u qalet: "Agħtini l-forza, Mulej, Alla ta' Iżrael, f'din is-siegħa." [Ġdt:13:8] U mbagħad tatu b'kemm kellha saħħa daqqtejn sewwa f'għonqu, u qatgħatlu rasu barra, [Ġdt:13:9] gerbet ġismu mejjet minn fuq is-sodda, u qalgħet il-kurtinaġġ minn postu. Wara ftit ħarġet u tat ras Oloferne lill-qaddejja tagħha, [Ġdt:13:10] u din xeħtitha fil-ħorġa ta' l-ikel. U ħarġu t-tnejn flimkien bħas-soltu għat-talb; qasmu l-kamp, daru mal-wied, telgħu l-għolja ta' Betulja, u waslu sal-bibien.

Ġuditta f'Betulja

[Ġdt:13:11] Kienu għadhom 'il bogħod meta Ġuditta sejjħet lill-għases u qaltilhom: "Iftħu, iftħu l-bibien! Alla magħna Alla tagħna, biex juri l-qawwa tiegħu f'Iżrael, il-qawwa tiegħu kontra l-għedewwa, kif għamel tabilħaqq illum."

[Ġdt:13:12] Ġara li malli n-nies tal-belt semgħu leħinha, niżlu mgħaġġla ħdejn il-bieb tal-belt, u sejjħu wkoll ix-xjuħ tal-belt. [Ġdt:13:13] Kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, mar jiġri, għax qatt ma kienu jemmnu li kellha terġa' lura; fetħulhom il-bieb u tawhom il-merħba, u kebbsu n-nar biex jaraw, u daru magħhom ilkoll. [Ġdt:13:14] Ġuditta qaltilhom b'leħen għoli: "Faħħru lil Alla, faħħruh! Għax ma warrabx il-ħniena tiegħu minn dar Iżrael; dal-lejl farrak l-għedewwa tagħna bis-saħħa ta' idejja."

[Ġdt:13:15] Mbagħad ħarġet ras Oloferne mill-ħorġa, u writhielhom u qaltilhom:

“Hawn hi ras Oloferne, il-ġeneral ta’ l-eżerċtu ta’ l-Assirja, u hawn hu l-kurtinaġġ li bih kien mgħotti fis-sakra tiegħu! Il-Mulej darbu b’id ta’ mara! [Ġdt:13:16] Iva, ħaj il-Mulej li ħarisni fi triqti, li minnha kelli ngħaddi. Wiċċi qarraq bih u wasslu għall-qerda, bla ma għamel xejn ħażin miegħi, li sata' jwaqqagħni fl-għajb jew iħammarli wiċċi."

[Ġdt:13:17] Il-poplu kollu għal dan il-kliem baqa' miblugħ, u baxxew rashom u bdew jaduraw lil Alla, u għollew leħinhom għalenija u qalu: "Mbierek int, o Alla tagħna, li llum ġibt fix-xejn l-għedewwa tal-poplu tiegħek."

[Ġdt:13:18] U Għużżija qalilha: "Mbierka int, binti, minn Alla l-Għoli, mbierka fost in-nisa kollha tad-dinja; u mbierek il-Mulej Alla, li għamel is-smewwiet u l-art, li wasslek biex qtajt ras il-kap ta' l-għedewwa tagħna. [Ġdt:13:19] It-tama li kellek ma tgħib qatt minn qalb il-bnedmin, huma u jiftakru fil-qawwa ta' Alla. [Ġdt:13:20] Jalla l-Mulej jagħmel li dan ikun ta' tifħir għalik għal dejjem u jżurek b' kull ġid, għax int ma bżajtx għal ħajtek meta rajt lil pajjiżna batut, imma ħriġt tilqa' kontra r-rovina li kienet theddidna, u bqajt miexja dritta fit-triq ta' Alla tagħna."

U l-poplu kollu wiegeb: “ Amen ! Amen !”

14. Il-parir ta' Ġuditta

[Ġdt:14:1] Ġuditta mbagħad weġbithom: "Isimgħuni, ħuti, ħudu din ir-ras u dendluha maċ-ċinta tas-swar tagħkom. [Ġdt:14:2] U għada malli jfeġġ is-sebħ u toħroġ ix-xemx fuq id-dinja, kull wieħed minkom jaqbad l-armi tal-gwerra u joħorġu mill-belt l-irġiel kollha b'saħħithom; għażlu kmandant għalihom u agħmlu ta' birruħkom se tinżlu fil-wita għal fuq l-għases ta' quddiem ta' l-Assiri, iżda tinżlux. [Ġdt:14:3] Huma mbagħad jaqbdu l-armi tagħhom u jmorru lejn il-kamp tagħhom u jqajjmu l-kmandanti ta' l-eżerċtu ta' l-Assirja; u jmorru jiġru lejn it-tinda ta' Oloferne u ma jsibuhx. U hekk jaqbadhom il-biża', u jaħarbu minn quddiemkom. [Ġdt:14:4] Malli dan, intom u l-poplu kollu ta' l-art kollha ta' Iżrael morru għal warajhom, u ħarbtuhom fit-toroq li jkunu qabdu.

[Ġdt:14:5] "Iżda qabel tagħmlu dan, sejjħuli lil Aħjor ta' Għammon, biex jara u jagħraf lil dak li żeblaħ lid-dar ta' Iżrael, u bagħtu fostna bħallikieku għall-mewt."

Aħjor jiżżi ħajr

[Ġdt:14:6] U sejjħu lil Aħjor mid-dar ta' Għużżija. Malli ġie u ra r-ras ta' Oloferne f'id wieħed mill-ġemgħa tal-poplu, waqa' wiċċu fl-art bla nifs. [Ġdt:14:7] Malli refgħuh, nxteħet wiċċu fl-art f'riġlejn Ġuditta u qiemha u qalilha: "Mbierka inti fit-tined kollha ta' Ġuda! Jitwerwer kull min għad jisma' b'ismek minn fost kemm huma l-ġnus! [Ġdt:14:8] Issa għidli: X'għamilt f'dawn il-jiem?"

Ġuditta, bil-poplu kollu madwarha, għarfitlu kull ma kienet għamlet, minn dak in-nhar li ħarġet sa dak il-ħin li kienet qegħda tkellimhom. [Ġdt:14:9] Kif temmet kliemha l-poplu għolla leħnu u nfexx f'għajat ta' ferħ mal-belt kollha. [Ġdt:14:10] Kif ra Aħjor kull ma għamel Alla ta' Iżrael, emmen bis-sħiħ u bil-qawwa kollha f'Alla, u ħa ċ-ċirkonċiżjoni, u ngħaqad mal-poplu ta' Iżrael u baqa' hekk sa llum.

Konfużjoni fil-kamp ta' l-Assiri

[Ġdt:14:11] Malli sebaħ, dendlu ras Oloferne mas-sur; u mbagħad l-Iżraelin, kull wieħed bl-armi f'idejh, ħarġu qatgħa qatgħa u marru fil-mogħdijiet mnejn titla' għall-belt.

[Ġdt:14:12] Malli l-Assiri rawhom, bagħtu għall-kmandanti tagħhom, u dawn ġabru l-kapijiet, il-kaptani, u l-fizzjali l-oħra kollha. [Ġdt:14:13] Ġrew ukoll lejn it-tinda ta' Oloferne u qalu lil dak li kien jeħodlu ħsieb ħwejġu: "Qajjem lil sidna, għax dawk l-ilsiera kellhom il-wiċċ jinżlu jitqabdu magħna, ħa neqirduhom darba għal dejjem."

[Ġdt:14:14] Baguwa daħal u ħabbat mal-purtiera tat-tinda ta' ġewwa għax ħaseb li Oloferne kien għadu rieqed ma' Ġuditta. [Ġdt:14:15] Billi ħadd ma wieġeb, ġerra l-purtiera, daħal fejn kien rieqed sidu u sabu mixħut fuq banketta, mejjet u bla ras! [Ġdt:14:16] Għajjat għajta kbira, jibki u jolfoq, jixher u jċarrat ħwejġu. [Ġdt:14:17] Mbagħad mar fit-tinda fejn kienet toqgħod Ġuditta, u ma sabhiex hemm. Minn hemm ħareġ jiġri jgħajjat lejn in-nies tiegħu: [Ġdt:14:18] "Dawk l-ilsiera daħku bina! Dik il-mara Lhudija weħidha ġiebet l-għajb fuq dar Nabukodonosor! Araw, Oloferne minxur ma' l-art bla ras!" [Ġdt:14:19] Kif il-kapijiet ta' l-eżerċtu ta' l-Assiri semgħu dal-kliem, ċarrtu ħwejjiġhom u ma baqgħetx ruħ fihom; u f'nofs il-kamp ma kienx hemm ħlief għajat u twerżiq.

15. [Ġdt:15:1] Malli n-nies fit-tined semgħu dan kollu, baqgħu miblugħa b'li ġara. [Ġdt:15:2] Qabdithom rogħda, u waqa' fuqhom il-biża'; u ħadd ma baqa' ħdejn sieħbu, nfixlu, u b'ġirja waħda ħarbu lkoll minn kull triq tal-wita u l-għoljiet. [Ġdt:15:3] U ħarbu wkoll dawk li kienu fil-kampijiet fuq l-għoljiet madwar Betulja.

In-nies ta’ Iżrael, mbagħad, kull min fosthom kien kapaċi jġorr l-armi, ntefgħu għal fuqhom. [Ġdt:15:4] Għużżija bagħat f'Betomestajm f'Bebaj, Ħoba u Kola u fl-art kollha ta' Iżrael messaġġiera jgħidulhom b'kull ma ġara biex ilkoll joħorġu għal wara l-għedewwa u jeqirduhom. [Ġdt:15:5] Malli semgħu n-nies ta' Iżrael, dawn inxteħtu fuqhom ilkoll flimkien, u għamlu ħerba minnhom sa Ħoba.

Bl-istess ħsieb għamlu hekk ukoll in-nies ta’ Ġerusalemm u dawk ta’ l-għoljiet għax huma wkoll għarrfuhom b’kull ma ġara fil-kamp ta’ l-għedewwa tagħhom. In-nies ta’ Gilgħad u dawk tal-Galilija ħabtu għalihom mill-ġnub u tawhom xebgħa kbirs sakemm qabżu ’l Damasku u trufijietha. [Ġdt:15:6] Il-bqija tan-nies ta' Betulja nxteħtu għal fuq il-kamp ta' l-Assiri, neżżgħuh minn kollox u ħadu priża kbira. [Ġdt:15:7] Xħin reġgħu lura mit-taqtigħa, in-nies ta' Iżrael ħatfu f'idejhom dak li kien baqa', u l-irħula u l-irziezet fl-għoljiet u fil-wita kisbu priża kbira għax kien hemm ħafna x'jieħdu.

[Ġdt:15:8] U Ġojakim, il-qassis il-kbir, u l-kunsill ta' l-anzjani tal-poplu ta' Iżrael, li kien f'Ġerusalemm, marru biex jaraw il-ġid li għamel il-Mulej ma' Iżrael; jaraw lil Ġuditta u jsellmulha. [Ġdt:15:9] Malli resqu lejha, bdew ifaħħruha lkoll b'leħen wieħed u jgħidulha:

"Bik titkabbar Ġerusalemm!
Bik jiftaħar Iżrael!
Int il-foħrija tal-poplu tagħna!
[Ġdt:15:10] Għamilt dan kollu b'ħiltek!
Għamilt il-ġid lil Iżrael,
u dan għoġbu lil Alla!
Tkun imbierka mill-Mulej,
li jista' kollox,
għal dejjem ta' dejjem!"

U l-poplu kollu wieġeb: “Amen!”

[Ġdt:15:11] Għal tletin jum sħiħ dam il-poplu jġorr mill-kamp. U taw lil Ġuditta t-tinda ta' Oloferne, il-fided u d-divani, il-buqari u l-għamara kollha li kellu. Ħadithom u għabbiethom fuq il-bagħla tagħha, armat il-karrettuni u għabbiet kollox fuqhom.

[Ġdt:15:12] Mbagħad ħarġu jiġru n-nisa kollha ta' Iżrael biex jarawha u jfaħħruha, u xi wħud minnhom bdew jiżfnulha quddiemha. Ġuditta ħadet il-friegħi tas-siġar f'idejha u qassmithom lin-nisa ta' madwarha. [Ġdt:15:13] U dawwru ma' rashom il-friegħi taż-żebbuġ, hi u n-nisa li kienu magħha; u hi ħarġet tiżfen quddiem il-poplu kollu, bin-nisa kollha warajha; ngħaqdu wkoll magħhom l-irġiel ta' Iżrael bl-armi fuqhom, bil-girlandi f'rashom, u bl-għana fuq fommhom.

16. Innu ta' tifħir

Ġuditta intunat innu ta’ tifħir f’nofs Iżrael, u l-poplu kollu ngħaqad magħha b’leħen għoli f’din l-għanja:

[Ġdt:16:1] "Għannu bit-tnabar lil Alla;
għannu biċ-ċimbali lill-Mulej;
insġulu salmi u innijiet;
faħħruh u sejjħu ismu.
[Ġdt:16:2] "Il-Mulej hu Alla li jeqred il-gwerer; waqqaf il-
kamp f'nofs il-poplu tiegħu, ħelisni minn idejn dawk li
kienu jiġru warajja.

[Ġdt:16:3] "Niżel l-Assir mill-għoljiet tat-tramuntana;
Niżel bl-eluf ta' l-eżerċti tiegħu;
il-kotra tiegħu mliet il-widien,
u ż-żwiemel ksew l-għoljiet.

[Ġdt:16:4] "Qal li jrid jaħraq l-art tiegħi,
jinfed iż-żgħażagħ bis-sejf,
isabbat it-trabi ma' l-art,
jitlaq it-tfal għall-priża,
u xbejbiet tiegħi għaż-żebħliħ.
[Ġdt:16:5] Iżda l-Mulej li jista' kollox,
bi driegħ mara ġiebhom fix-xejn.

[Ġdt:16:6] Mhux bis-saħħa taż-żgħażagħ
waqa' l-qalbieni tagħhom;
ma għelbuhx il-ġganti l-kbar,
ma ħakmuhx ulied il-ġorfijiet;
imma b'seħer ġmiel wiċċha qerditu
Ġuditta bint Merari.
[Ġdt:16:7] "Neħħiet minn fuqha lbies ir-romol,
biex terfa' l-magħkusa ta' Iżrael.
Dilket wiċċha bil-fwieħa qawwija;
[Ġdt:16:8] dawwret xagħrha b'faxxa ma' rasha;
libset l-għażel biex tqarraq bih.
[Ġdt:16:9] "Is-sandli tagħha seraqlu għajnejh;
il-ġmiel tagħha jassarlu qalbu;
ix-xabla ħanxritlu għonqu.
[Ġdt:16:10] "Il-Persjani triegħdu bis-sogru tagħha,
u bi qlubitha tkexkxu l-Medi.

[Ġdt:16:11] "Għajjtu l-magħkusin u l-għadu beża';
għajjtu d-dgħajfin, u l-għadu twerwer;
għollew leħinhom, u l-għadu ħarab!
[Ġdt:16:12] "Ulied l-ilsiera bniet nifduhom;
u ferewhom qishom ilsiera maħrubin;
ntemmu fix-xejn quddiem l-eżerċtu tal-Mulej.

[Ġdt:16:13] Għanja ġdida jien ngħanni lil Alla tiegħi;
Mulej, int kbir u glorjuż;
ta' l-għaġeb il-qawwa tiegħek ma jegħlbek ħadd!
[Ġdt:16:14] "Ħa jaqduk il-ħlejjaq kollha,
għax int għedt kelma, u kollox sar.
Int bgħatt l-ispirtu tiegħek u ħalaqhom;
m'hemm xejn li jieqaf lill-kelma tiegħek.

[Ġdt:16:15] "Il-muntanji u l-ibħra jitheżhżu mis-sisien;
u l-blat quddiemek jinħall bħax-xama';
iżda għal dawk li jibżgħu minnek;
m'għandekx ħlief ħniena.
[Ġdt:16:16] "Ftit jiswa s-sagrifiċċju jfuħ quddiemek;
u ftit li xejn hu x-xaħam tal-vittmi maħruqa;
imma kbir hu għal dejjem min jibża' mill-Mulej.

[Ġdt:16:17] Ħażin għall-ġnus li jqumu ġħall-poplu tiegħek.
Iħallashom il-Mulej setgħani f'jum il-ħaqq.
Nar u dud jibgħat f'laħamhom,
u bl-uġigħ għal dejjem jibqgħu jibku."

Radd il-ħajr

[Ġdt:16:18] Meta mbagħad waslu Ġerusalemm, marru jaduraw lil Alla; u malli l-poplu tnaddaf, offrew is-sagrifiċċji, l-offerti u d-doni tagħhom. [Ġdt:16:19] Ġuditta qabdet it-tinda sħiħa ta' Oloferne li kien taha l-poplu, u l-kurtinaġġ, li kienet ħadet mill-kamra tar-rqad tiegħu, u offriet kollox lil Alla bħala ħaġa qaddisa.

[Ġdt:16:20] Il-poplu għadda tliet xhur jifraħ quddiem is-santwarju f'Ġerusalemm; u Ġuditta baqgħet magħhom.

L-aħħar jiem ta' Ġuditta

[Ġdt:16:21] Wara dan iż-żmien kulħadd raġa' lura għal daru; Ġuditta marret Betulja, u hemm baqgħet tieħu ħsieb ħwejjiġha; u kienet magħrufa mal-pajjiż kollu tul għomorha. [Ġdt:16:22] Ħafna kieku xtaqu jiżżewwġuha; iżda ħadd ma kellu x'jaqsam magħha tul ħajjitha minn mindu miet żewġha Manassi u ngħaqad mal-poplu tiegħu.

[Ġdt:16:23] Ġuditta kibret ħafna fil-ġieħ u xjieħet f'dar żewġha u laħqet il-mija u ħames snin; u tat il-ħelsien lill-qaddejja tagħha. Mietet f'Betulja u difnuha fl-għar ta' żewġha Manassi. [Ġdt:16:24] Bkieha l-poplu kollu ta' Iżrael għal sebat ijiem. Qabel ma mietet qassmet ġidha lil qrabat ta' żewġha Manassi u lin-nies tal-familja tagħha.

[Ġdt:16:25] Fi żmien Ġuditta, u għal ħafna żmien wara mewtha, ma kien hemm ħadd li seta' jbażża' lill-poplu ta' Iżrael.