IL-KTIEB TA' ĠOŻWÈ

1. L-ordnijiet tal-Mulej

[Ġoż:1:1] Wara l-mewt ta' Mosè, il-qaddej tal-Mulej, il-Mulej qal lil Ġożwè bin Nun, il-qaddej ta' Mosè: [Ġoż:1:2] “Mosè, il-qaddej tiegħi, miet. Issa qum u aqsam dan il-Ġordan, int u dan il-poplu kollu ta' Iżrael, lejn l-art li jien se nagħtikom. [Ġoż:1:3] Kull fejn jirfes qiegħ riġlek, lilkom nagħtih bħalma għedt lil Mosè. [Ġoż:1:4] Mid-deżert u l-Libanu sax-xmara l-kbira, ix-xmara ta' l-Ewfrat, l-art kollha tal-Ħittin, sal-Baħar il-Kbir lejn inżul ix-xemx, tkun artkom.

[Ġoż:1:5] “Ħadd ma jiqaflek kemm iddum ħaj. Bħalma kont ma' Mosè hekk inkun miegħek; ma nħallikx, ma nitilqekx. [Ġoż:1:6] Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; għax int tqassam din l-art, l-art li jien ħlift lil missirijiethom li nagħtihielhom. [Ġoż:1:7] Biss agħmel il-ħila u qawwi qalbek, u qis li tagħmel il-liġi kollha li ordnalek Mosè, il-qaddej tiegħi; la tilwix minnha, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug, biex ikollok ir-riżq f'kull ma tagħmel. [Ġoż:1:8] Ma jitbiegħed qatt il-ktieb ta' din il-liġi minn fommok, u aħseb fuqu lejl u nhar, biex tagħraf tagħmel kull ma hu miktub fih, u hekk tirnexxi f'għemilek u jkollok ir-riżq. [Ġoż:1:9] M'hux dan il-kmand tiegħi? Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur.”

L-ordnijiet ta' Ġożwè lill-poplu

[Ġoż:1:10] U Ġożwè ordna lill-kapijiet tal-poplu: [Ġoż:1:11] “Duru l-kamp u ordnaw lill-poplu u għidulhom: Ħejju l-ikel għalikom, għax tlitt ijiem oħra intom taqsmu dan il-Ġordan biex tidħlu tieħdu l-art li l-Mulej, Alla tagħkom, sejjer jagħtikom biex teħduha f'idejkom.”

[Ġoż:1:12] Ġożwè mbagħad kellem lir-Rubenin, lill-Gadin, u lil nofs it-tribù ta' Manassi u qalilhom: [Ġoż:1:13] “Ftakru f'dak li ordnalkom Mosè, il-qaddej tal-Mulej, meta qalilkom: 'Il-Mulej, Alla tagħkom, serraħkom u takom din l-art'. [Ġoż:1:14] In-nisa tagħkom, it-tfal tagħkom, l-imrieħel tagħkom jibqgħu fl-art li takom Mosè 'l hemm mill-Ġordan u intom ilkoll, rġiel qalbiena, tħażżmu bl-armi u għaddu qabel ħutkom u agħtuhom l-għajnuna, [Ġoż:1:15] sakemm il-Mulej iserraħ lil ħutkom bħalkom u jieħdu f'idejhom l-art li tahom il-Mulej, Alla tagħkom. Mbagħad intom tkunu tistgħu terġgħu lura lejn l-art li hi tagħkom u teħduha f'idejkom, l-art li takom Mosè, il-qaddej tal-Mulej, lil hemm mill-Ġordan, in-naħa tal-lvant.”

[Ġoż:1:16] U huma wieġbu lil Ġożwè u qalulu: “Nagħmlu kull ma tordnalna, u mmorru kull fejn tibgħatna. [Ġoż:1:17] Bħalma smajna f'kollox minn Mosè, hekk nisimgħu minnek. Biss ha jkun miegħek il-Mulej, Alla tiegħek, bħalma kien ma' Mosè. [Ġoż:1:18] Kull min jeħodha kontra kliemek u ma jismax minn kull ma tgħidilna u tordnalna, jingħata l-mewt. Biss agħmel il-ħila u qawwi qalbek.”

2. L-ispjuni f'Ġeriko

[Ġoż:2:1] Ġożwè bin Nun bagħat bil-moħbi minn Sittim żewġt irġiel jitkixxfu l-art u qalilhom: “Morru u araw l-art u 'l Ġeriko.” U telqu u daħlu f'dar ta' mara żienja, jisimha Raħab, u raqdu hemm. [Ġoż:2:2] U għarrfu lis-sultan ta' Ġeriko u qalulu: “Ara, dal-lejl daħlu hawn xi rġiel minn ulied Iżrael biex jitkixxfu l-art.” [Ġoż:2:3] U s-sultan ta' Ġeriko bagħat jgħid lil Raħab: “Oħroġ 'il barra l-irġiel li ġew għandek f'darek, għax dawk ġew biex jitkixxfu l-art kollha.” [Ġoż:2:4] U l-mara, li kienet ħadet iż-żewġt irġiel u ħbiethom, wieġbet: “Iva, ġew għandi rġiel u ma kontx naf mnejn ġew; [Ġoż:2:5] imma meta wasal biex jidlam u jingħalaq il-bieb l-irġiel ħarġu, bla ma jien naf fejn marru. Itilqu malajr għal warajhom u tilħquhom.” [Ġoż:2:6] Hi kienet tellgħethom fuq il-bejt, u ħbiethom qalb il-ħatab tal-kittien, li kellha maħżun fuq il-bejt. [Ġoż:2:7] U l-oħrajn marru għal warajhom matul it-triq tal-Ġordan sal-mogħdija fuq ix-xmara; u l-bieb sakkruh warajhom.

Il-ftehim ma' Raħab

[Ġoż:2:8] Qabel ma raqdu, Raħab telgħet ħdejhom fuq il-bejt [Ġoż:2:9] u qaltilhom: “Jien naf li l-Mulej takom f'idejkom din l-art, għax aħna lkoll imbeżżgħin minnkom; in-nies li jgħammru f'din l-art kollha mwerwrin minħabba fikom. [Ġoż:2:10] Għax smajna kif il-Mulej nixxef l-ilma tal-Baħar tal-Qasab minn quddiemkom meta ħriġtu mill-Eġittu, u x'għamlu liż-żewġ slaten ta' l-Amurrin, li hemm lil hemm mill-Ġordan, Siħon u Għog, kif qridtuhom. [Ġoż:2:11] Malli smajna qalbna nħallet u ma baqgħet ebda ruħ f'ħadd minna minħabba fikom. Tassew li l-Mulej, Alla tagħkom, hu Alla fis-sema minn fuq u fuq l-art minn taħt. [Ġoż:2:12] Issa, mela, aħilfuli bil-Mulej li kif jiena ġibt ruħi sewwa magħkom, hekk intom iġġibu ruħkom sewwa ma' dar missieri, u tagħtuni sinjal żgur [Ġoż:2:13] li tħallu ħajjin lil missieri u lil ommi u 'l ħuti, subjien u bniet, u kull ma għandhom, u teħilsuna mill-mewt.”

[Ġoż:2:14] L-irġiel weġbuha:"Nagħmlulkom tajjeb b'ħajjitna, jekk ma tikxfux din il-biċċa tagħna. Meta l-Mulej jagħtina l-art aħna nżommu l-kelma li tajniek, u nuruk ħniena.”

[Ġoż:2:15] U niżżlithom b'ħabel mit-tieqa, għax darha, fejn kienet tgħammar, kienet mal-ħajt tas-sur, [Ġoż:2:16] u qaltilhom: "Morru lejn l-għoljiet, biex ma jiltaqgħux magħkom dawk li ħarġu għalikom. Inħbew hemm għal tlitt ijiem sakemm jerġgħu lura; mbagħad morru għal triqtkom.”

[Ġoż:2:17] U l-irġiel qalulha: “Aħna nkunu maħlulin minn din il-ħalfa tiegħek li ġegħeltna naħilfu, [Ġoż:2:18] kemm-il darba meta aħna nidħlu fl-art ma ddendilx dan ir-rumnel aħmar mat-tieqa, li minnha niżżiltna, u ma tiġborx għandek f'darek lil missierek u 'l ommok u 'l ħutek u 'l dar missierek kollha. [Ġoż:2:19] U kull min joħroġ 'il barra minn bieb darek, iħallas b'demmu u aħna ma nkunux ħatja. Kull min ikun għandek f'darek, nħallsu għalih aħna b'demmna, jekk xi ħadd imidd idu fuqu. [Ġoż:2:20] Jekk inti mbagħad tikxef din il-biċċa tagħna, aħna nkunu maħlula minn din il-ħalfa li ġegħeltna naħilfu.” [Ġoż:2:21] U hi wieġbet: “Hekk ikun, bħalma għedtuli.” U ħalliethom imorru, u telqu; u hi dendlet ir-rumnell aħmar mit-tieqa għal mal-ħajt.

[Ġoż:2:22] Telqu u marru lejn l-għoljiet, u baqgħu hemm moħbija għal tlitt ijiem sakemm reġgħet lura dawk li ħarġu jfittxuhom, u dawn fittxew it-triq kollha, u ma sabuhomx. [Ġoż:2:23] Mbagħad iż-żewġt irġiel reġgħet lura, niżlu mill-għoljiet, qasmu l-Ġordan, u marru għand Ġożwè bin Nun, u qalulu kull ma ġralhom. [Ġoż:2:24] U lil Ġożwè qalulu: “Tassew li l-Mulej tana f'idejna l-art kollha, għax in-nies kollha tal-pajjiż qalbhom inħallet minħabba fina.”

3. Il-qsim tal-Ġordan

[Ġoż:3:1] L-għada Ġożwè bakkar fil-għodu, u telqu minn Sittim, u waslu ħdejn il-Ġordan, hu u wlied Iżrael kollha, u hemm għaddew il-lejl qabel ma qasmu x-xmara. [Ġoż:3:2] U wara tlitt ijiem il-kapijiet daru dawra mal-kamp u ordnaw lill-poplu u qalulhom: [Ġoż:3:3] “Meta taraw l-arka tal-patt tal-Mulej, Alla tagħkom, u l-qassisin Leviti jerfgħuha, qumu minn postkom u imxu warajha. [Ġoż:3:4] Biss żommu bejnkom u bejna l-bogħod ta' elfejn driegħ. La tersqux lejha. Hekk tkunu tafu t-triq li għandkom tgħaddu minnha; għax qatt qabel ma għaddejtu minn din it-triq.” [Ġoż:3:5] U Ġożwè qal lill-poplu: “Tqaddsu għax għada l-Mulej se jagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb f'nofskom.” [Ġoż:3:6] U Ġożwè kellem lill-qassisin u qalilhom: "Erfgħu l-arka tal-patt u għaddu quddiem il-poplu.” U refgħu l-arka tal-patt u għaddew quddiem il-poplu.

[Ġoż:3:7] U l-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum nibda nkabbrek f'għajnejn Iżrael kollu biex ikunu jafu li kif jien kont ma' Mosè, hekk inkun miegħek. [Ġoż:3:8] Issa ordna lill-qassisin li jġorru l-arka tal-patt u għidilhom: "Kif taslu sa xfar l-ilma tal-Ġordan, ieqfu fil-Ġordan.” [Ġoż:3:9] U Ġożwè qal lil ulied Iżrael: “Ersqu 'l hawn u isimgħu l-kliem tal-Mulej, Alla tagħkom.”

[Ġoż:3:10] U żied jgħidilhom Ġożwè: “B'dan tagħrfu li Alla l-ħaj qiegħed f'nofskom, u sejjer ikeċċi minn quddiemkom il-Kangħanin, il-Ħittin, il-Ħiwwin, il-Periżżin, il-Girgasin, l-Amurrin u l-Ġebusin. [Ġoż:3:11] Araw, l-arka tal-patt tal-Mulej, Sid l-art kollha, sejra tgħaddi quddiemkom fil-Ġordan. [Ġoż:3:12] Issa agħżlu tnax-il raġel mit-tribujiet ta' Iżrael, wieħed għal kull tribù. [Ġoż:3:13] Malli l-qassisin li jkunu jerfgħu l-arka tal-Mulej, Sid l-art kollha, iniżżlu riġlejhom fl-ilma tal-Ġordan, l-ilma tiegħu jofrogħ, waqt li l-ilma jkun nieżel.”

Il-Ġordan jixxotta

[Ġoż:3:14] Xħin in-nies telqu mill-għerejjex tagħhom biex jaqsmu l-Ġordan, il-qassisin, li kienu jġorru l-arka tal-patt, marru quddiemhom. [Ġoż:3:15] U meta r-reffiegħa ta' l-arka waslu sal-Ġordan u riġlejn il-qassisin li kienu jġorru l-arka messew ma' xifer l-ilma - fi żmien il-ħsad kollu l-Ġordan ikun mimli sa fuq ix-xtut tiegħu - [Ġoż:3:16] l-ilma nieżel min-naħa ta' fuq waqaf, u qam gozz wieħed, 'il bogħod ħafna ħdejn Adam, il-belt li qiegħda ħdejn Saretan; l-ilma nieżel lejn il-Baħar ta' l-Għaraba, il-Baħar il-Mielaħ, ġie fix-xejn għalkollox; u l-poplu qasam biswit Ġeriko. [Ġoż:3:17] Il-qassisin, li kienu jġorru l-arka tal-patt tal-Mulej, waqfu fin-niexef f'nofs il-Ġordan, u l-Iżraelin kollha baqgħu jaqsmu fin-niexef sa ma l-poplu kollu għadda l-Ġordan.

4. It-tnax-il ġebla

[Ġoż:4:1] Malli l-poplu kollu temm jaqsam il-Ġordan, il-Mulej kellem lil Ġożwè u qallu: [Ġoż:4:2] “Ħu minn fost il-poplu tnax-il raġel, wieħed minn kull tribù, [Ġoż:4:3] u ordnalhom u għidilhom: 'Ħudu minn hawn, minn nofs il-Ġordan, minfejn waqfu fis-sod riġlejn il-qassisin, tnax-il ġebla, u ħuduhom magħkom, u qegħduhom fil-post fejn sejrin tgħaddu l-lejl illejla.’ ” [Ġoż:4:4] U Ġożwè sejjaħ it-tnax-il raġel li kien għażel minn fost ulied Iżrael, wieħed għal kull tribù. [Ġoż:4:5] U qalilhom: “Aqsmu quddiem l-arka tal-Mulej, Alla tagħkom, għal nofs il-Ġordan, u kull wieħed minnkom jgħabbi ġebla fuq spalltu, skond l-għadd tat-tribujiet ta' wlied Iżrael [Ġoż:4:6] biex dan jibqa' sinjal f'nofskom. U meta għada jistaqsukom uliedkom: 'Xi jfisser għalikom dan il-ġebel?' [Ġoż:4:7] tweġbuhom u tgħidulhom: 'Hawn l-ilma tal-Ġordan forogħ quddiem l-arka tal-patt tal-Mulej, hi u għaddejja mill-Ġordan.' U dan il-ġebel għandu jkun ta' tifkira dejjiema għal ulied Iżrael.” [Ġoż:4:8] U wlied Iżrael għamlu kull ma ordnalhom Ġożwè: ħadu tnax-il ġebla minn nofs il-Ġordan, kif kien ordna l-Mulej lil Ġożwè, skond l-għadd tat-tribujiet ta' wlied Iżrael, u ħaduhom magħhom fejn kellhom jgħaddu l-lejl, u qegħduhom hemm.

[Ġoż:4:9] Ġożwè waqqaf tnax-il ġebla f'nofs il-Ġordan, fejn waqfu riġlejn il-qassisin li kienu jerfgħu l-arka tal-patt, u għadhom hemm sa llum. [Ġoż:4:10] Il-qassisin li kienu qegħdin jerfgħu l-arka baqgħu weqfin f'nofs il-Ġordan sakemm sar dak kollu li l-Mulej kien ordna lil Ġożwè jgħid lill-poplu, u skond kull ma kien ordna Mosè lil Ġożwè. U l-poplu għaġġel jaqsam ix-xmara. [Ġoż:4:11] Malli għadda l-poplu kollu, għaddiet l-arka tal-Mulej, u mbagħad il-qassisin għal quddiem il-poplu. [Ġoż:4:12] U għaddew ukoll in-nies armati, ulied Ruben, u wlied Gad u nofs it-tribù ta' Manassi, għal quddiem ulied Iżrael, bħal ma kien ordnalhom Mosè. [Ġoż:4:13] Għaddew minn quddiem il-Mulej, madwar erbgħin elf ruħ armati u lesti għat-taqbid fil-witat ta' Ġeriko. [Ġoż:4:14] Dak in-nhar il-Mulej kabbar lil Ġożwè f'għajnejn Iżrael kollu, u bdew jibżgħu minnu, bħalma kienu jibżgħu minn Mosè ħajtu kollha.

[Ġoż:4:15] U l-Mulej kellem lil Ġożwè u qallu: [Ġoż:4:16] “Ordna lill-qassisin, lir-reffiegħa ta' l-arka tax-xhieda, jitilgħu mill-Ġordan.” [Ġoż:4:17] U Ġożwè ordna lill-qassisin u qalilhom: “Itilgħu mill-Ġordan.” [Ġoż:4:18] U ġara li malli l-qassisin, li kienu jġorru l-arka tal-patt tal-Mulej, telgħu mill-Ġordan u riġlejhom missew l-art niexfa, l-ilma tal-Ġordan raġa’ għal fejn kien, u beda jigri bħal qabel matul ix-xtut kollha tiegħu.

[Ġoż:4:19] U l-poplu tala' mill-Ġordan fl-għaxra ta' l-ewwel xahar, u waqqaf il-kamp f'Gilgal fuq in-naħa tal-lvant ta' Ġeriko.

Il-monument

[Ġoż:4:20] It-tnax-il ġebla li kienu ħadu mill-Ġordan, Ġożwè waqqafhom f'Gilgal. [Ġoż:4:21] U kellem lil ulied Iżrael u qalilhom: “Meta wliedkom 'il quddiem għad jistaqsu lil missirijiethom: 'X'inhu dan il-ġebel?' [Ġoż:4:22] intom tgħarrfu lil uliedkom u tgħidulhom: 'Fin-niexef qasam Iżrael dan il-Ġordan', [Ġoż:4:23] għax nixxef il-Mulej, Alla tagħkom, l-ilmijiet tal-Ġordan minn quddiemkom sa ma għaddejtu bħalma kien għamel il-Mulej, Alla tagħkom, lill-Baħar tal-Qasab, li nixxfu minn quddiemna sakemm qsamnieh. [Ġoż:4:24] Sabiex ikun jaf kull ġens ta' l-art li qawwija hi id il-Mulej, u sabiex intom tibżgħu mill-Mulej, Alla tagħkom, għal dejjem.”

5. Il-monument

[Ġoż:5:1] Malli semgħu s-slaten kollha ta' l-Amurrin tan-naħa l-oħra tal-Ġordan, in-naħa tal-punent, u s-slaten kollha tal-Kangħanin, ta' ħdejn il-Baħar, jiġifieri li l-Mulej nixxef l-ilma tal-Ġordan minn quddiem ulied Iżrael sakemm qasmu, qalbhom inħallet u tmewwtu għalkollox minħabba wlied Iżrael.

Ir-rit taċ-ċirkonċiżjoni

[Ġoż:5:2] Dakinhar il-Mulej qal lil Ġożwè: “Agħmel skieken taż-żnied u erġa’ aħtan lil ulied Iżrael għal darba oħra.” [Ġoż:5:3] U Ġożwè għamel skieken taż-żnied, u ħaten lil ulied Iżrael f'Gibgħat-għarlot. [Ġoż:5:4] U Ġożwè ħatinhom għaliex l-irġiel li kienu ħarġu mill-Eġittu, in-nies kollha tal-ġlied, kienu mietu fid-deżert, fit-triq, wara li kienu ħarġu mill-Eġittu. [Ġoż:5:5] Għax il-poplu kollu li ħareġ mill-Eġittu kien maħtun, imma n-nies li twieldu fid-deżert, fit-triq wara li kienu ħarġu mill-Eġittu, ma kinux maħtuna. [Ġoż:5:6] Għaliex ulied Iżrael baqgħu jiġġerrew fid-deżert erbgħin sena, sakemm mietu lkoll l-irġiel tal-ġlied li kienu ħarġu mill-Eġittu, għax ma semgħux minn leħen il-Mulej, li kien ħalfilhom li ma jarawx l-art li l-Mulej kien ħalef lil missirijiethom li jagħti lilna, art tnixxi ħalib u għasel. [Ġoż:5:7] Flokhom qajjem lil uliedhom; lil dawn ħaten Ġożwè, għax kienu bla ħtin billi ma ħatnuhomx fit-triq. [Ġoż:5:8] U malli nħaten il-poplu kollu, baqgħu fil-kamp fejn kienu sakemm fiequ. [Ġoż:5:9] U l-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom l-għajb ta' l-Eġittu.” U sejjħu lil dak il-post Gilgal sa llum.

Iċ-ċelebrazzjoni ta' l-Għid

[Ġoż:5:10] Ulied Iżrael waqqfu l-kamp tagħhom f'Gilgal. Hemm, fil-witat ta' Ġeriko, għamlu l-Għid fil-għaxija ta' l-erbatax tax-xahar. [Ġoż:5:11] U sewwasew l-għada ta' l-Għid, huma kielu mill-frott ta' l-art: ħobż ażżmu u qamħ inkaljat. [Ġoż:5:12] Minn dak in-nhar, wara li kielu mill-frott ta' l-art, il-manna waqfet. Ulied Iżrael ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta' Kangħan.

Jirbħu l-belt ta' Ġeriko

[Ġoż:5:13] Ġara li xħin Ġożwè kien ħdejn Ġeriko rafa' għajnejh u ra raġel quddiemu wieqaf bix-xabla misluta, u Ġożwè resaq lejh u staqsieh: “Inti magħna jew ma' l-għedewwa tagħna ?” [Ġoż:5:14] U hu wieġbu: “Le! Jien kaptan fl-eżerċtu tal-Mulej, issa ġejt.” U Ġożwè nxteħet wiċċu fl-art u beda jqimu u qallu: “X'għandu x'jgħid Sidi lill-qaddej tiegħu ?” [Ġoż:5:15] U l-kaptan ta' l-eżerċtu tal-Mulej qal lil Ġożwè: “Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax l-art, li inti fuqha, hi post qaddis.” U Ġożwè għamel hekk.

6. Jirbħu l-belt ta' Ġeriko

[Ġoż:6:1] Ġeriko kienet magħluqa u msakkra minħabba wlied Iżrael; ħadd ma kien joħroġ jew jidħol. [Ġoż:6:2] U l-Mulej qal lil Ġożwè: “Ara, rħejt f'idejk lil Ġeriko u s-sultan tagħha, nies ta' ħila kbira. [Ġoż:6:3] Duru dawra waħda mal-belt, l-irġiel kollha tal-ġlied, u tagħmlu hekk għal sitt ijiem. [Ġoż:6:4] U seba' qassisin jieħdu seba' trombi tal-ġublew quddiem l-arka, u fis-seba' jum idduru mal-belt seba' darbiet, u l-qassisin idoqqu t-trombi. [Ġoż:6:5] Mbagħad malli jdoqq il-kornu, u malli tisimgħu t-tromba ddoqq, il-poplu kollu jgħajjat għajta kbira, u jiġġarrfu l-ħitan tal-belt, u l-poplu jidħol fil-belt, kulħadd minn fejn ikun.”

[Ġoż:6:6] Ġożwè bin Nun sejjaħ il-qassisin u qalilhom: “Erfgħu l-arka tal-patt u seba' qassisin jieħdu seba' trombi tal-ġublew, quddiem l-arka tal-Mulej.” [Ġoż:6:7] U lill-poplu qallu: “Għaddu u duru mal-belt, u n-nies armati jgħaddu quddiem l-arka tal-Mulej.” [Ġoż:6:8] Malli Ġożwè temm ikellem il-poplu, seba' qassisin, li kellhom is-seba' trombi tal-ġublew quddiem il-Mulej, għaddew 'il quddiem u bdew idoqqu t-trombi, u l-arka tal-patt tal-Mulej kienet miexja warajhom. [Ġoż:6:9] In-nies armati mxew quddiem il-qassisin, li kienu jdoqqu t-trombi; u l-bqija mxew wara l-arka, għad-daqq tat-trombi. [Ġoż:6:10] Ġożwè ordna lill-poplu: “Tgħajjtux u ssemmgħux leħinkom, u tħallu toħroġ ebda kelma minn fommkom, sa dak in-nhar li ngħidilkom: 'Għajjtu!' Mbagħad għajjtu.”

[Ġoż:6:11] U daret l-arka tal-Mulej madwar il-belt għal darba waħda, u reġgħet lura lejn il-kamp, u għaddew il-lejl hemmhekk. [Ġoż:6:12] L-għada Ġożwè bakkar, u l-qassisin refgħu l-arka tal-Mulej. [Ġoż:6:13] U s-seba' qassisin li kellhom is-seba' trombi tal-ġublew quddiem l-arka tal-Mulej, telqu, jimxu u jdoqqu t-trombi; u n-nies armati mxew quddiemhom u l-bqija mxew wara l-arka tal-Mulej, għad-daqq tat-trombi. [Ġoż:6:14] U daru darba waħda mal-belt fit-tieni jum u reġgħet lura lejn il-kamp. Hekk għamlu għal sitt ijiem.

[Ġoż:6:15] Fis-seba' jum imbagħad bakkru mat-tbexbix, u daru seba' darbiet bl-istess mod madwar il-belt; biss dakinnhar daru mal-belt seba' darbiet. [Ġoż:6:16] Mas-seba' darba l-qassisin daqqew it-trombi u Ġożwè qal lill-poplu: “Għajjtu, għax takom il-Mulej il-belt. [Ġoż:6:17] U l-belt tingħata għall-qerda, hi u kull ma fiha, f'ġieħ il-Mulej; Raħab iż-żienja biss tibqa' ħajja, hi u kull ma għandha f'darha, għax hi ħbiet il-messaġġiera li bgħatna. [Ġoż:6:18] Imma intom ħarsu rwieħkom minn dak kollu li għandu jinqered, li ma tieħdu xejn minnu, u b'hekk twaqqgħu l-kamp ta' Iżrael fl-interdett u tħarbtuh. [Ġoż:6:19] Kull fidda u deheb, u l-oġġetti kollha tal-bronż u l-ħadid huma kkonsagrati lill-Mulej, u jmorru fil-ħażna tal-Mulej.”

[Ġoż:6:20] U għajjat il-poplu, u daqqew it-trombi, u malli l-poplu sama' d-daqq tat-trombi għajjtu għajta kbira, u l-ħitan iġġarrfu u l-poplu tala' għall-belt, kulħadd minn fejn kien, u qabdu l-belt f'idejhom. [Ġoż:6:21] U qerdu kull ma kien hemm fil-belt, rġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, gniedes, nagħaġ u ħmir, b'xifer ix-xabla. [Ġoż:6:22] U liż-żewġt irġiel li kienu marru jitkixxfu l-art Ġożwè qalilhom: “Morru f'dar il-mara żienja u oħorġu minn hemm il-mara u kull ma hemm għandha, skond ma ħliftulha.” [Ġoż:6:23] U ż-żgħażagħ, li kienu marru jitkixxfu, marru u ħarġu lil Raħab u lil missierha u lil ommha u lil ħutha u kull ma kellha; u ħarġu lin-nies kollha ta' darha u qegħduhom barra mill-kamp ta' Iżrael.

[Ġoż:6:24] Mbagħad taw in-nar, u ħarqu l-belt, u kull ma kien fiha, imma l-fidda u d-deheb u l-oġġetti kollha tal-bronż u tal-ħadid qegħduhom fil-ħażna ta' dar il-Mulej. [Ġoż:6:25] Ġożwè, imma, ħalla ħajja lil Raħab iż-żienja, il-familja ta' missierha u kull ma kellha, u baqgħet tgħix f'Iżrael sa llum, għax kienet ħbiet il-messaġġiera li Ġożwè kien bagħat jitkixxfu 'l Ġeriko.

[Ġoż:6:26] Ġożwè ħalef dakinhar u qal:
Misħut il-bniedem quddiem il-Mulej
li jfettillu jibni din il-belt,
u b'ibnu l-kbir isejjisha,
u jwaqqfilha bwiebha b'ibnu ż-żgħir.

[Ġoż:6:27] U l-Mulej kien ma' Ġożwè; il-fama tiegħu xterdet ma' l-art kollha. Jirbħu l-belt ta' Ġeriko.

7. It-telfa quddiem il-belt ta' Għaj

[Ġoż:7:1] Imma wlied Iżrael ma qagħdux għall-ordni ta' l-interdett u dinbu:Għakan bin Karmi, bin Żabdi, bin Żeraħ, mit-tribù ta' Ġuda, ħa xi ħaġa’ milli kien interdett, u l-korla tal-Mulej xegħlet kontra wlied Iżrael.

[Ġoż:7:2] U Ġożwè bagħat xi rġiel minn Ġeriko lejn Għaj ħdejn Bet-awen, fuq il-lvant ta' Betel, u qalilhom: “Itilgħu u tkixxfu l-art.” U l-irġiel telgħu u tkixxfu 'l Għaj. [Ġoż:7:3] Meta reġgħu lura għand Ġożwè qalulu: “Ma hemmx għalfejn jitla' l-poplu kollu; biżżejjed jitilgħu xi elfejn ruħ jew tlieta, u jeqirdu 'l Għaj. Tgħajjix il-poplu kollu sa hemmhekk, għax ftit huma n-nies.”

[Ġoż:7:4] Mbagħad telgħu hemmhekk tlitt elef raġel mill-poplu, imma kellhom jaħarbu minn quddiem in-nies ta' Għaj; [Ġoż:7:5] u n-nies ta' Għaj qatlu minnhom xi sitta u tletin ruħ, u ħarġu għal warajhom minn quddiem il-bieb sa Sebarim, u tawhom xebgħa fin-niżla. U qalb il-poplu nħallet u saret ilma.

[Ġoż:7:6] “U Ġożwè ċarrat ħwejġu u nxteħet wiċċu fl-art quddiem l-arka tal-Mulej sa filgħaxija, hu u x-xjuħ ta' Iżrael, u xeħtu l-irmied fuq rashom. [Ġoż:7:7] U Ġożwè qal: “Ah! Sidi Mulej, għaliex ġagħalt lil dan il-poplu jaqsam il-Ġordan, biex titlaqna f'idejn l-Amurrin, biex jeqirduna? M'hux li bqajna n-naħa l-oħra tal-Ġordan! [Ġoż:7:8] Iddew, Sidi, x'nista' ngħid wara li Iżrael dawwar dahru quddiem l-għedewwa tiegħu? [Ġoż:7:9] Jisimgħu b'dan il-Kangħanin u kull min jgħammar fl-art, u jdawwruna u jeqirdu isimna minn fuq wiċċ l-art; mbagħad x'tagħmel int għall-kobor ta' ismek?”

[Ġoż:7:10] U l-Mulej wieġeb lil Ġożwè: “Qum, għaliex int mixħut wiċċek fl-art? [Ġoż:7:11] Iżrael dineb u kiser il-patt li jien għamilt magħhom: ħadu mill-ħwejjeġ interdetti, serquhom, ħbewhom u ħalltuhom ma' ħwejjiġhom. [Ġoż:7:12] U wlied Iżrael ma setgħux jieqfu quddiem l-għedewwa tagħhom, imma kellhom idawwru daharhom quddiemhom, għax waqa' l-interdett fuqhom. Ma nibqax aktar magħkom, jekk ma teqirdux minn ġo nofskom kull ma hu interdett. [Ġoż:7:13] Qum u qaddes il-poplu u għidlu: 'Tqaddsu għal għada, għax hekk jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Għandkom ħwejjeġ interdetti f'nofskom, Iżrael. Ma tistgħux tieqfu lill-għedewwa tagħkom qabel ma twarrbuhom minn ġo nofskom. [Ġoż:7:14] Ersqu għada tribù tribù; u t-tribù li jagħżel il-Mulej jersaq familja familja; u l-familja li jagħżel il-Mulej tersaq dar dar; u d-dar li jagħżel il-Mulej tersaq raġel raġel. [Ġoż:7:15] U min jinqabad bi ħwejjeġ interdetti, jaħarquh bin-nar, lilu u 'l kull ma għandu, talli kiser il-patt tal-Mulej, u għamel din il-bluha f'Iżrael.’ ”

[Ġoż:7:16] Ġożwè bakkar fil-għodu u ressaq lil Iżrael tribù tribù, u ntgħażel it-tribù ta' Ġuda. [Ġoż:7:17] U ressaq il-familja ta' Ġuda, familja familja, u ntgħażlet il-familja taż-Żeraħin; u ressaq il-familja taż-Żeraħin dar dar, u għażel id-dar ta' Żabdi. [Ġoż:7:18] U ressaq id-dar tiegħu raġel raġel, u ntgħażel Għakan bin Karmi, bin Żabdi, bin Żeraħ, mit-tribù ta' Ġuda.

[Ġoż:7:19] Ġożwè qal lil Għakan: “Ibni, sebbaħ u faħħar lill-Mulej, Alla ta' Iżrael, u għidli x'għamilt; taħbili xejn.” [Ġoż:7:20] U wieġeb Għakan lil Ġożwè u qallu: “Tassew jiena dnibt kontra l-Mulej, Alla ta' Iżrael, u għamilt dan u dan. [Ġoż:7:21] Rajt fost il-priża mantar ta' Singħar sabiħ, u mitejn xekel tal-fidda taħtu, u virga tad-deheb tiżen ħamsin xekel. Nġbidt lejhom u ħadthom. U hemm arahom moħbija fl-art f'nofs l-għarix tiegħi.” [Ġoż:7:22] U Ġożwè bagħat xi nies fl-għarix tiegħu u hemm huma sabuhom moħbijin fl-għarix tiegħu u l-fidda taħtnett. [Ġoż:7:23] U ħaduhom minn nofs l-għarix, u ġibuhom għand Ġożwè quddiem ulied Iżrael kollha, u qegħduhom quddiem il-Mulej. [Ġoż:7:24] U qabad Ġożwè, u Iżrael kollu miegħu, lil Għakan bin Żeraħ, u l-fidda, u l-mantar, u l-virga tad-deheb, u lil uliedu subjien u bniet, u l-gendus u l-ħmar tiegħu, u n-nagħaġ u l-għarix tiegħu u kull ma kellu, u ħaduhom fil-wied ta' Għakor. [Ġoż:7:25] U Ġożwè qallu: “Talli ħabbattna, iħabbtek illum il-Mulej.” U ħaġġruh l-Iżraelin kollha, u ħarquhom fin-nar u radmuhom ilkoll bil-ġebel. [Ġoż:7:26] Mbagħad waqqfu fuqu borg ġebel kbir li għadu hemm sa llum. U l-Mulej bired mis-saħna tal-korla tiegħu, u għalhekk semmew dak il-post il-wied ta' Għakor sa llum.

8. Ir-rebħa tal-belt ta' Għaj

[Ġoż:8:1] U l-Mulej qal lil Ġożwè: “La tibżax u la taqtax qalbek. Ħu miegħek in-nies kollha tal-ġlied, u qum u itla' għal Għaj. Ara, jien nerħi f'idejk is-sultan ta' Għaj bin-nies u l-belt, u l-art tiegħu b'kollox. [Ġoż:8:2] U agħmel lil Għaj u s-sultan tagħha bħalma għamilt lil Ġeriko u s-sultan tagħha. Tistgħu żżommu biss għalikom il-priża u l-bhejjem tagħha. Qiegħed għassa moħbija min-naħa ta' warajha.”

[Ġoż:8:3] U qam Ġożwè u n-nies kollha tal-ġlied biex jitilgħu għal Għaj; u Ġożwè għażel tletin elf raġel ta' ħila kbira, u bagħathom billejl. [Ġoż:8:4] Ordnalhom u qalilhom: “Araw, intom għandkom tinħbew u tgħassu l-belt min-naħa ta' warajha, titbegħdux ħafna mill-belt, u oqogħdu lkoll dejjem għal-lest. [Ġoż:8:5] U jiena bin-nies kollha li għandi miegħi nersaq lejn il-belt, u malli joħorġu biex jaħbtu għalina bħall-aħħar darba, aħna naħarbu minn quddiemhom. [Ġoż:8:6] U joħorġu warajna, sakemm niġbduhom 'il bogħod mill-belt, għax huma jgħidu: 'Ħarbu minn quddiemna bħal qabel.' Aħna u naħarbu, [Ġoż:8:7] intom qumu mill-moħba tagħkom u taqbdu l-belt f'idejkom, u l-Mulej, Alla tagħkom, jerħiha f'idejkom. [Ġoż:8:8] U malli taqbdu l-belt agħtuha n-nar u tagħmlu skond ma qalilkom il-Mulej. Dawn huma l-ordnijiet tiegħi.” [Ġoż:8:9] U Ġożwè bagħathom, u dawk telqu għall-moħba tagħhom, u qagħdu bejn Betel u Għaj, fuq il-punent ta' Għaj. Ġożwè għadda l-lejl f'nofs il-poplu.

[Ġoż:8:10] L-għada Ġożwè bakkar, u għadd il-poplu, u tala' hu u x-xjuħ ta' Iżrael quddiem il-poplu lejn Għaj. [Ġoż:8:11] U n-nies tal-ġlied li kienu miegħu telgħu, u resqu sa ma waslu quddiem il-belt; u waqfu fuq it-tramuntana ta' Għaj, bil-wied bejnhom u bejn Għaj. [Ġoż:8:12] U ħa xi ħamest elef raġel, u qegħedhom moħbija bejn Betel u Għaj fuq il-punent tal-belt. [Ġoż:8:13] U qassam il-poplu - il-qtajja' kollha li kellu fuq it-tramuntana tal-belt u l-għases fuq il-punent tal-belt - Ġożwè dak il-lejl għaddieh f'nofs il-wied.

[Ġoż:8:14] Ġara li malli s-sultan ta' Għaj ra dan kollu, hu u n-nies ta' Għaj qamu kmieni u ħarġu jgħaġġlu jilqgħu lill-Iżraelin, u jitqabdu magħhom, hu u n-nies kollha tiegħu, fil-ħin miftiehem fin-niżla biswit l-Għaraba, bla ma kien jaf li kien hemm l-għases moħbija wara l-belt.

[Ġoż:8:15] U Ġożwè u Iżrael kollu għamlu ta' bir-ruħhom mirbuħa u ħarbu lejn id-deżert. [Ġoż:8:16] Mbagħad il-poplu kollu li kien fil-belt ingħaqad b'għajta waħda u marru għal warajhom, u għamlu għal wara Ġożwè, u tbiegħdu biċċa sewwa mill-belt. [Ġoż:8:17] U ma kienx baqa' raġel f'Għaj u f'Betel, li ma ħariġx għal wara Iżrael; ħallew il-belt miftuħa, u għamlu għal wara Iżrael.

[Ġoż:8:18] Mbagħad il-Mulej qal lil Ġożwè: “Erfa' l-lanza li għandek f'idek lejn Għaj, għax f'idek sejjer nerħiha.” Ġożwè rafa' l-lanza li kellu f'idu lejn il-belt. [Ġoż:8:19] Malli rafa' idu n-nies li kienu moħbija ħarġu mill-moħba tagħhom u telqu jigru, daħlu l-belt, qabduha u tawha n-nar. [Ġoż:8:20] U n-nies ta' Għaj daru, u ħarsu warajhom, u raw tiela' d-duħħan mill-belt lejn is-sema u ma baqgħetilhom ebda saħħa biex jaħarbu 'l hawn u 'l hinn; u l-poplu li kien qiegħed jaħrab lejn id-deżert dar għal dawk li kienu jiġru warajh. [Ġoż:8:21] Meta Ġożwè u l-Iżraelin kollha raw li l-għases li kienu moħbija kienu qabdu l-belt, u d-duħħan kien tiela' minn ġol-belt, daru u ħabtu għan-nies ta' Għaj. [Ġoż:8:22] U dawk ħarġu mill-belt jiltaqgħu magħhom u sabu ruħhom f'nofs l-Iżraelin, biċċa minn naħa u biċċa minn oħra; u l-Iżraelin kissruhom sa ma ħallewlhom lil ħadd jeħles jew jaħrab. [Ġoż:8:23] U s-sultan ta' Għaj qabduh ħaj, u ħaduh għand Ġożwè.

[Ġoż:8:24] Malli l-Iżraelin temmew joqtlu n-nies kollha ta' Għaj fir-raba', fid-deżert, fejn għamlu għal warajhom, u waqgħu lkoll mejtin b'xifer ix-xabla sa l-aħħar wieħed, l-Iżraelin reġgħet lura f'Għaj u qerduha b'xifer ix-xabla. [Ġoż:8:25] U l-mejtin, rġiel u nisa, dak in-nhar laħqu tnax-il elf, in-nies kollha ta' Għaj. [Ġoż:8:26] U Ġożwè ma reġġax idu, li kien rafa' bil-lanza, qabel ma qered in-nies kollha ta' Għaj. [Ġoż:8:27] L-Iżraelin żammew għalihom il-bhejjem u l-priża biss, skond ma kien ordna l-Mulej lil Ġożwè. [Ġoż:8:28] Ġożwè mbagħad ħaraq il-belt ta' Għaj u għamel minnha borġ ħerba darba għal dejjem u dan għadu hemm sa llum. [Ġoż:8:29] U s-sultan ta' Għaj dendluh ma' siġra sa filgħaxija, u ma' nżul ix-xemx Ġożwè ordna li jniżżlu ġismu mejjet mis-siġra, u xeħtuh ħdejn il-bieb tal-belt, u fuqu għamlu borġ ġebel kbir li għadu hemm sa llum.

It-tiġdid tal-patt

[Ġoż:8:30] Mbagħad Ġożwè bena artal lill-Mulej, Alla ta' Iżrael, fuq il-muntanja Għebal, [Ġoż:8:31] skond l-ordni li Mosè, il-qaddej tal-Mulej, kien ta lil ulied Iżrael, kif inhu miktub fil-ktieb tal-liġi ta' Mosè; artal b'ġebel sħiħ, mhux mimsus bil-ħadid, u offrew fuqu sagrifiċċji tal-ħruq lill-Mulej, u ssagrifikaw ukoll vittmi tas-sliem.

[Ġoż:8:32] U Ġożwè kiteb fuq il-ġebel kopja tal-liġi li Mosè kien kiteb quddiem ulied Iżrael. [Ġoż:8:33] U l-Iżraelin kollha, ix-xjuħ u l-kapijiet, u l-imħallfin, kienu weqfin ħdejn l-arka minn naħa u minn oħra, quddiem il-qassisin Leviti li jerfgħu l-arka tal-patt tal-Mulej; u l-barranin u n-nies tal-pajjiż kienu nofshom ħdejn il-muntanja Gariżim u nofshom ħdejn il-muntanja Għebal skond ma kien ordna Mosè, il-qaddej tal-Mulej, biex Ġożwè jbierek il-poplu ta' Iżrael għall-ewwel darba. [Ġoż:8:34] Mbagħad Ġożwè qara l-kliem kollu tal-liġi, il-barka u s-saħta, kollox kif inhu miktub fil-ktieb tal-liġi. [Ġoż:8:35] Ma kienx hemm kelma minn kull ma kien ordna Mosè li ma qrahiex Ġożwè quddiem il-ġemgħa kollha ta' Iżrael, nisa, tfal u l-barranin li kienu jgħammru f'nofshom.


9. Ir-rebħa ta' Kangħan tan-nofsinhar; l-ingann tal-Gibgħonin

[Ġoż:9:1] Malli semgħu b'dan is-slaten tan-naħa l-oħra tal-Ġordan, dawk li kienu jgħammru fil-muntanji u fis-Sefela, u fix-xtut tal-Baħar il-Kbir sa biswit il-Libanu, il-Ħittin, l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, [Ġoż:9:2] ngħaqdu u ftiehmu biex jitqabdu ma' Ġożwè u ma' Iżrael ilkoll flimkien.

[Ġoż:9:3] Imma n-nies ta' Gibgħon malli semgħu x'kien għamel Ġożwè lil Ġeriko u lil Għaj, [Ġoż:9:4] nqdew bil-ħażen ta' moħħhom. Telqu u ħadu provvisti għat-triq fi ġwielaq qodma, u għabbewhom fuq il-ħmir tagħhom, u nbid fi żquq qodma, mqattgħin u mraqqgħin. [Ġoż:9:5] F'riġlejhom kellhom qrieq qodma u mraqqgħin, u fuqhom ilbies qadim, u l-ħobż għat-triq niexef u mqarqaċ. [Ġoż:9:6] U marru għand Ġożwè fil-kamp f'Gilgal, u qalu lilu u lill-Iżraelin: “Aħna ġejjin minn art imbiegħda, u issa ħa nagħmlu patt bejnietna.” [Ġoż:9:7] U l-Iżraelin wieġbu lill-Ħiwwin: “Għandu mnejn intom tgħammru f'nofsna, u kif nistgħu nagħmlu patt magħkom?” [Ġoż:9:8] U huma wieġbu lil Ġożwè: “Aħna qaddejja tiegħek.” U Ġożwè staqsiehom: “Min intom, u mnejn ġejjin?” [Ġoż:9:9] U qalulu: “Aħna qaddejja tiegħek ġejjin minn art imbiegħda ħafna, u ġejna minħabba l-fama tal-Mulej, Alla tiegħek, għax smajna b'kulma għamel fl-Eġittu; [Ġoż:9:10] u b'kull ma għamel liż-żewġ slaten Amurrin in-naħa l-oħra tal-Ġordan, lil Siħon, is-sultan ta' Ħesbon, u lil Għog, sultan ta' Basan, f'Għastarot. [Ġoż:9:11] U qalulna x-xjuħ tagħna u n-nies li jgħammru f'artna: 'Ħudu l-ikel għat-triq u morru ltaqgħu magħhom u għidulhom: Qaddejja tagħkom aħna, u issa agħmlu patt magħna. [Ġoż:9:12] Dan il-ħobż li għandna ħadnieh sħun minn djarna meta ħriġna biex niġu għandkom, u issa bbies u tqarqaċ. [Ġoż:9:13] U dawn iż-żquq ta' l-inbid kienu ġodda meta mlejniehom, u issa tqattgħu; u lbiesna u qrieqna qdiemu minħabba t-tul tat-triq.' ”

[Ġoż:9:14] Il-kapijiet ħadu mill-ikel tagħhom bla ma fittxew x'kellu xi jgħid il-Mulej. [Ġoż:9:15] U Ġożwè għamel il-paċi magħhom u għamel patt magħhom li jħallihom ħajjin; u ħalfulhom il-kbarat tal-ġemgħa.

[Ġoż:9:16] Tlitt ijiem wara li għamlu l-patt magħhom, semgħu li dawn kienu ġirien tagħhom u kienu joqogħdu f'nofshom. [Ġoż:9:17] Għalhekk ulied Iżrael telqu u fi tlitt ijiem waslu fi bliethom, li kienu: Gibgħon, Kefira, Birot, Kirjat-ġegħarim. [Ġoż:9:18] U wlied Iżrael ma qerduhomx, għaliex il-kapijiet tal-poplu kienu ħalfulhom bil-Mulej, Alla ta' Iżrael. [Ġoż:9:19] u l-kapijiet kollha wieġbu lill-ġemgħa: “Aħna ħlifnielhom bil-Mulej, Alla ta' Iżrael, u issa ma nistgħux immissuhom. [Ġoż:9:20] Ara x'nagħmlu: nħalluhom jgħixu biex ma taqax fuqna l-korla ta' Alla, minħabba l-ħalfa li ħlifnielhom. [Ġoż:9:21] Ħa jibqgħu ħajjin, imma nġagħluhom jaqtgħu l-ħatab u jġorru l-ilma għall-poplu kollu.” Il-poplu qabel li jagħmlu kif qalulhom il-kapijiet.

[Ġoż:9:22] Mbagħad Ġożwè sejjħilhom, kellimhom u qalilhom: “Għaliex dħaktu bina u għedtulna: 'Aħna ġejjin mill-bogħod ħafna minnkom, meta intom tgħammru fostna?' [Ġoż:9:23] Issa misħutin intom, ma jonqos qatt minn fostkom l-ilsir, u min jaqta' l-ħatab u jġorr l-ilma għad-dar ta' Alla tiegħi.” [Ġoż:9:24] U huma wieġbu lil Ġożwè: “Lill-qaddejja tiegħek qalulhom x'kien ordna l-Mulej lil Mosè, il-qaddej tiegħu, li kellu jagħtikom l-art kollha, u li jeqred minn quddiemkom in-nies kollha li jgħammru fiha; u aħna bżajna ħafna għal ħajjitna u għamilna li għamilna. [Ġoż:9:25] U issa hawn aħna f'idek. Agħmel minna dak li jidhirlek li hu sewwa u xieraq.” [Ġoż:9:26] Hekk għamel magħhom Ġożwè; u ħelishom minn idejn ulied Iżrael u ma qatluhomx. [Ġoż:9:27] Qabbadhom Ġożwè dak in-nhar jaqtgħu l-injam u jtellgħu l-ilma għall-ġemgħa u għall-artal tal-Mulej fil-post li jkun għażel, u għadhom hekk sa llum.

10. Battalja f'Gibgħon

[Ġoż:10:1] Ġara li malli Adonisedek, is-sultan ta' Ġerusalemm, sama' li Ġożwè kien qabad Għaj, u qeridha, u bħalma għamel lil Ġeriko u s-sultan tagħha, hekk għamel lil Għaj u lis-sultan tagħha; u li n-nies ta' Gibgħon għamlu paċi ma' l-Iżraelin u baqgħu jgħammru fosthom, [Ġoż:10:2] qabdu biża' kbir, għax Gibgħon kienet belt kbira, bħal waħda mill-ibliet tas-slaten, u kienet akbar minn Għaj, u niesha nies qalbiena. [Ġoż:10:3] Għalhekk Adonisedek, sultan ta' Ġerusalemm, bagħat jgħid lil Ħoham, is-sultan ta' Ħebron, lil Piram, is-sultan ta' Ġarmut, u lil Ġafigħa, is-sultan ta' Lakis, u lil Debir, is-sultan ta' Għeglon: [Ġoż:10:4] “Itilgħu ħdejja u għinuni ħa naħbtu għal Gibgħon, għax ftiehmu u għamlu paċi ma' Ġożwè u ma' wlied Iżrael.” [Ġoż:10:5] U ftiehmu u telgħu l-ħames slaten ta' l-Amurrin - is-sultan ta' Ġerusalemm, is-sultan ta' Ħebron, is-sultan ta' Ġarmut, is-sultan ta' Lakis, is-sultan ta' Għeglon, huma u l-eżerċti kollha tagħhom, u waqqfu l-kamp madwar Gibgħon u ħabtu għaliha.

[Ġoż:10:6] In-nies ta' Gibgħon bagħtu jgħidu lil Ġożwè fil-kamp f'Gilgal: “La twarrabx idek minn fuq il-qaddejja tiegħek: itla' għandna malajr, eħlisna u għinna għax is-slaten kollha ta' l-Amurrin, li jgħammru fl-għoljiet, ngħaqdu kontrina lkoll.” [Ġoż:10:7] U Ġożwè tala' minn Gilgal bin-nies kollha tal-ġlied miegħu, u l-irġiel qalbiena kollha.

[Ġoż:10:8] U l-Mulej qal lil Ġożwè: “La tibżax minnhom għax nerħihom f'idejk; ebda bniedem minnhom ma jiqaflek.” [Ġoż:10:9] U Ġożwè mar għalihom minnufih; dam il-lejl kollu tiela' minn Gilgal. [Ġoż:10:10] U l-Mulej ħawwadhom quddiem Iżrael, u dawn tawhom xebgħa kbira f'Gibgħon u għamlu għal warajhom tul it-triq li titla' għal Bethoron u baqgħu jagħtuhom sa Għażeka u Makkeda. [Ġoż:10:11] Ġara li huma u jaħirbu minn quddiem Iżrael, kif kienu fin-niżla ta' Bethoron, il-Mulej waddab fuqhom ġebel kbir mis-smewwiet sa Għażeka. Mietu aktar bil-ġebel tas-silġ milli wlied Iżrael qatlu bix-xabla.

[Ġoż:10:12] Mbagħad Ġożwè kellem lill-Mulej, dak in-nhar li l-Mulej telaq l-Amurrin quddiem ulied Iżrael, u qal quddiem Iżrael:
“Ieqaf, xemx, fuq Gibgħon;
Ieqaf, qamar, fuq wied Ajjalon.”
[Ġoż:10:13] U waqfet ix-xemx,
u waqaf il-qamar,
sakemm tħallas il-poplu
mill-għedewwa tiegħu.
M’hux hekk hemm miktub fi Ktieb il-Ġust? U x-xemx waqfet f'nofs is-smewwiet, u ma għaġġlitx tinżel għal jum sħiħ. [Ġoż:10:14] U qatt ma kien hemm jum bħalu, la qabel u lanqas wara, li fih il-Mulej sama' mill-kelma ta' bniedem; għax il-Mulej kien jitqabad għal Iżrael. [Ġoż:10:15] Mbagħad Ġożwè u l-Iżraelin kollha reġgħet lura lejn il-kamp f'Gilgal.

[Ġoż:10:16] Dawk il-ħames slaten ħarbu u nħbew f'għar f'Makkeda. [Ġoż:10:17] U għarrfu lil Ġożwè u qalulu: “Sibna lill-ħames slaten moħbija f'għar f'Makkeda.” [Ġoż:10:18] U Ġożwè qalilhom: “Gerbu ġebel kbir f'daħlet l-għar u qiegħdu xi rġiel għassa tagħhom. [Ġoż:10:19] Imma intom tiqfux, iżda ibqgħu sejrin wara l-għedewwa tagħkom, ħuduhom minn wara, u tħalluhomx jidħlu fi bliethom, għax il-Mulej, Alla tagħkom, telaqhom f'idejkom.”

[Ġoż:10:20] U ġara li meta Ġożwè u wlied Iżrael temmew ix-xebgħa kbira li tawhom sa ma qerduhom għalkollox, barra minn xi ftit li ħarbu u sabu l-kenn fi bliet magħluqa bis-swar, [Ġoż:10:21] il-poplu kollu raġa’ lura fil-kamp għand Ġożwè f'Makkeda, qawwi u sħiħ. Ħadd ma ssogra jlissen kelma kontra wlied Iżrael.

[Ġoż:10:22] U Ġożwè ordna: “Iftħu bieb il-għar, u oħorġuli dawk il-ħames slaten mill-għar.” [Ġoż:10:23] U hekk għamlu, u ġibulu dawk il-ħames slaten mill-għar: is-sultan ta' Ġerusalemm, is-sultan ta' Ħebron, is-sultan ta' Ġarmut, is-sultan ta' Lakis u s-sultan ta' Għeglon. [Ġoż:10:24] Meta ġiebu lil dawk is-slaten quddiem Ġożwè, sejjaħ Ġożwè lill-Iżraelin kollha, u qal lill-kapijiet tan-nies tal-gwerra li kienu marru miegħu: “Ersqu 'l hawn, u qiegħdu riġlejkom fuq għonq dawn is-slaten.” U resqu u qiegħdu riġlejhom fuq għonqhom. [Ġoż:10:25] U Ġożwè qalilhom: “La tibżgħux u la taqtgħux qalbkom. Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom, għax hekk jagħmel il-Mulej lill-għedewwa kollha tagħkom, li magħhom intom għandkom titqabdu.” [Ġoż:10:26] Mbagħad Ġożwè darabhom, u qatilhom, u dendilhom ma' ħames sigriet, u baqgħu mdendla mas-siġar sa filgħaxija. [Ġoż:10:27] Ma' nżul ix-xemx Ġożwè ordna li jniżżluhom mis-siġar, u xeħtuhom fl-għar fejn kienu nħbew u għalqu d-daħla b'ġebel kbir, u għadhom hemm sa llum.

Jaqgħu sitt ibliet

[Ġoż:10:28] Dak in-nhar stess Ġożwè rebaħ il-belt ta' Makkeda u għaddieha minn xifer ix-xabla, lilha u lis-sultan tagħha, u qeridha b'kull min kien hemm fiha bla ma ħadd ħelisha; u lis-sultan ta' Makkeda għamillu bħalma kien għamel lis-sultan ta' Ġeriko.

[Ġoż:10:29] Mbagħad Ġożwè u l-Iżraelin kollha miegħu għaddew minn Makkeda għal Libna u ħabtu għaliha. [Ġoż:10:30] U l-Mulej erħieha wkoll f'id Iżrael bis-sultan tagħha; u darab b'xifer ix-xabla lilha u lil kull min kien hemm fiha bla ma ħalla 'l ħadd minnhom ħaj. U lis-sultan tagħha għamillu bħalma kien għamel lis-sultan ta' Ġeriko.

[Ġoż:10:31] U għadda Ġożwè u l-Iżraelin kollha miegħu minn Libna għal Lakis, waqqaf il-kamp madwarha, u ħabat għaliha. [Ġoż:10:32] U l-Mulej reħa lil Lakis f'idejn Iżrael, u dan rebaħha fit-tieni jum u għadda minn xifer ix-xabla lilha u 'l kull min kien fiha; għamlilha kollox bħalma kien għamel lil Libna.

[Ġoż:10:33] Frattant Ħoram, sultan ta' Geżer, tala' jgħin lil Lakis, u Ġożwè ħabat għalih u n-nies tiegħu sakemm ma ħalla 'l ħadd minnhom ħaj. [Ġoż:10:34] Mbagħad Ġożwè u n-nies tiegħu għaddew minn Lakis għal Għeglon; u waqqfu l-kamp madwarha u ħabtu għaliha. [Ġoż:10:35] Qabduha dak in-nhar stess, u għaddewha minn xifer ix-xabla, u qerdu 'l kull min kien hemm fiha dak in-nhar, kollox bħal ma kienu għamlu lil Lakis.

[Ġoż:10:36] U tala' Ġożwè b'Iżrael kollu miegħu minn Għeglon għal Ħebron u ħabtu għaliha. [Ġoż:10:37] Qabduha u għaddewha minn xifer ix-xabla, lilha u lis-sultan tagħha, u l-ibliet kollha u n-nies kollha li kien hemm fiha u ma ħalla lil ħadd jeħles; kollox bħalma kien għamel lil Għeglon, qered lilha u 'l kull min kien hemm fiha. [Ġoż:10:38] Mbagħad Ġożwè u Iżrael kollu miegħu dar għal Debir, u ħabat għaliha. [Ġoż:10:39] U rebaħha, lilha u s-sultan tagħha, u l-ibliet kollha tagħha għaddiehom minn xifer ix-xabla, u qered lil kull min kien hemm fiha, u ma ħalla 'l ħadd li kien hemm fiha jeħles ħaj; bħalma għamel lil Ħebron, hekk għamel lil Debir u s-sultan tagħha.

[Ġoż:10:40] Ġożwè rebaħ l-art kollha - il-muntanji, in-Negeb, is-Sefela, bix-xaqliba tagħhom - u s-slaten kollha tagħhom. Ma ħalla 'l ħadd jeħles, u qered kull ma kien jieħu n-nifs, bħalma kien ordna l-Mulej, Alla ta' Iżrael. [Ġoż:10:41] Ġożwè rebaħhom minn Kades-barnigħa sa Gaża, u l-art kollha ta' Gosen sa Gibgħon. [Ġoż:10:42] Rebaħ Ġożwè lil dawn is-slaten kollha, u artijiethom f'salt wieħed, għax il-Mulej, Alla ta' Iżrael, tqabad għal Iżrael.

[Ġoż:10:43] U Ġożwè b'Iżrael kollu miegħu raġa’ lura fil-kamp f'Gilgal.

11. Ir-rebħa fuq in-naħa tat-tramuntana

[Ġoż:11:1] Malli Ġabin, is-sultan ta' Ħasor, sama' b'dan kollu, bagħat messaġġiera għand Ġobab, sultan ta' Madon, [Ġoż:11:2] u għand is-sultan ta' Simron u s-sultan ta' Aksaf, u għand is-slaten li kienu jgħammru fit-tramuntana fil-muntanji, fl-Għaraba 'l isfel minn Kinneret u fis-Sefela u Nafat-dor fuq il-punent; [Ġoż:11:3] u għand il-Kangħanin tal-lvant u tal-punent, l-Amurrin, il-Ħittin, il-Periżżin, il-Ġebusin ta' fuq il-muntanji, u l-Ħiwwin ta' taħt il-Ħermon f'art Mispa. [Ġoż:11:4] Dawn kollha ħarġu flimkien bil-qtajja' kollha tagħhom, poplu kotran bħar-ramel f'xatt il-Baħar, u żwiemel u mriekeb bla għadd. [Ġoż:11:5] U ftiehmu u ltaqgħu dawn is-slaten kollha, u ġew u waqqfu l-kamp ħdejn l-ilma ta' Merom biex jitqabdu ma' Iżrael.

[Ġoż:11:6] U l-Mulej qal lil Ġożwè: “La tibżax minnhom, għax sa għada bħal dan il-ħin jien nerħihom mejta lkoll f'idejn Iżrael, iż-żwiemel tagħhom taqtgħalhom l-għeruq ta' riġlejhom u l-imriekeb tagħhom tagħtihom in-nar.”

[Ġoż:11:7] U Ġożwè u n-nies kollha tal-ġlied tiegħu marru għalihom ħdejn l-ilma ta' Merom, u nxteħtu għal fuqhom għal għarrieda. [Ġoż:11:8] U l-Mulej telaqhom f'idejn Iżrael, u tawhom xebgħa, u għamlu għal warajhom sa Sidon il-Kbira u sa Mixrefotmajm u l-wied ta' Mispa fil-lvant. U baqgħu jagħtuhom sakemm ma ħallew lil ħadd jeħles. [Ġoż:11:9] U Ġożwè għamlilhom bħalma kien ordnalu l-Mulej: iż-żwiemel tagħhom qatgħalhom l-għeruq ta' riġlejhom u l-imriekeb tahom in-nar.

[Ġoż:11:10] Mbagħad Ġożwè dar lura għal Ħasor, u rebaħ il-belt ta' Ħasor u s-sultan tagħha, u darabhom bix-xabla, għax Ħasor qabel kienet il-belt ewlenija fuq dawn is-saltniet kollha. [Ġoż:11:11] U qatlu b'xifer ix-xabla n-nies kollha li kien hemm fiha u qerduhom; u xejn ma ħalla jgħix, u 'l Ħasor taha n-nar. [Ġoż:11:12] U l-ibliet kollha ta' dawk is-slaten u s-slaten kollha tagħhom qabadhom Ġożwè, u għaddiehom minn xifer ix-xabla, u qeridhom bħalma kien ordna Mosè, il-qaddej tal-Mulej. [Ġoż:11:13] Biss l-ibliet kollha li kienu fuq l-għoljiet tagħhom Iżrael ma ħaraqhomx; Ġożwè ħaraq biss lil Ħasor weħidha.

[Ġoż:11:14] Ulied Iżrael żammu għalihom il-priża kollha, u l-bhejjem ta' dawn l-ibliet; iżda n-nies qatluhom kollha b'xifer ix-xabla sakemm qerduhom: u xejn ma ħallew jgħix. [Ġoż:11:15] Kif kien ordna l-Mulej lil Mosè, il-qaddej tiegħu, hekk ordna Mosè lil Ġożwè u hekk għamel Ġożwè; ma ħalla xejn minn dak li kien ordna l-Mulej lil Mosè.

[Ġoż:11:16] U Ġożwè ħa f'idejh din l-art kollha; il-muntanji u n-Negeb kollu, l-art kollha ta' Gosen, is-Sefela u l-Għaraba, il-muntanja ta' Iżrael u l-witât tiegħu, [Ġoż:11:17] mill-muntanja ta' Ħalak li tieħu lejn Xegħir sa Bagħal-gad, u sal-wied tal-Libanu taħt il-muntanja tal-Ħermon. Qabad is-slaten kollha tagħhom, darabhom u qatilhom.

[Ġoż:11:18] Għal żmien twil dam Ġożwè jitqabad ma' dawn is-slaten. [Ġoż:11:19] Ebda waħda minn dawk l-ibliet ma ftiehmet ma' Iżrael; barra mill-Ħiwwin, li jgħammru f'Gibgħon, kollha ħaduhom bil-ġlied. [Ġoż:11:20] Kienet ġejja mill-Mulej li jwebbsu qalbhom u jagħmlu gwerra lil Iżrael, sabiex jinqerdu u ma jkunx hemm ħniena għalihom; u b'hekk jinqerdu bħalma kien ordna l-Mulej lil Mosè.

Il-qerda ta' l-Għanakin

[Ġoż:11:21] Dak iż-żmien Ġożwè mar u qered l-Għanakin mill-muntanji, minn Ħebron, minn Debir, minn Għanab, mill-muntanji kollha ta' Ġuda u mill-muntanji kollha ta' Iżrael, għamel qerda minnhom u minn bliethom. [Ġoż:11:22] L-Għanakin ma baqgħux iżjed fl-art ta' wlied Iżrael, imma baqgħu biss f'Gaża, f'Gatt u f'Asdod.

[Ġoż:11:23] Ġożwè ħa f'idejh l-art kollha skond ma kien qal il-Mulej lil Mosè; u qassamha b'wirt lill-Iżraelin, skond it-taqsima u t-tribujiet tagħhom. U strieħet l-art mill-gwerra.

12. Is-slaten mirbuħa minn Mosè

[Ġoż:12:1] Dawn huma s-slaten ta' l-art li rebħuhom ulied Iżrael u wirtu arthom in-naħa l-oħra tal-Ġordan, lejn tlugħ ix-xemx, mix-xmara Arnon sal-muntanja tal-Ħermon, [Ġoż:12:2] u l-Għaraba kollha n-naħa tal-lvant: Siħon, sultan ta' l-Amurrin, li kien jgħammar f'Ħesbon, kien jaħkem minn Għarogħer, li taħbat f'tarf il-wied ta' l-Arnon, u l-belt li hemm f'nofs il-wied u fuq nofs Gilgħad sa wied Ġabbok, truf l-art ta' wlied Għammon, [Ġoż:12:3] u l-Għaraba sal-Baħar ta' Kinneret lejn il-lvant, sal-Baħar ta' l-Għaraba, il-Baħar il-Mielaħ, lejn il-lvant fit-triq ta' Betgesimot, lejn in-nofsinhar taħt ix-xaqliba ta' Pisga. [Ġoż:12:4] U t-territorju ta' Għog, is-sultan ta' Basan, li kien fadal mir-Refajin, li kien joqgħod f'Għastarot u f'Edrej, [Ġoż:12:5] u kien jaħkem fuq il-muntanja tal-Ħermon, u fuq Salka, u fuq Basan kollu sal-fruntiera tal-Gesurin u tal-Magħkatin, u fuq nofs Gilgħad f'tarf l-art ta' Siħon sultan ta' Ħesbon.

[Ġoż:12:6] Lil dawn qatluhom Mosè, il-qaddej tal-Mulej, u wlied Iżrael; u Mosè, il-qaddej tal-Mulej, ta 'l arthom b'wirt lir-Rubenin, lill-Gadin u lil nofs it-tribù ta' Manassi.

Is-slaten mirbuħa minn Ġożwè

[Ġoż:12:7] Din hi l-lista tas-slaten ta' l-art li rebaħ Ġożwè u wlied Iżrael in-naħa l-oħra tal-Ġordan fuq il-punent, minn Bagħal-gad fil-wied tal-Libanu sal-muntanja Ħalak li tieħu għal Xegħir. U ta din l-art Ġożwè lit-tribujiet ta' Iżrael skond it-taqsim tagħhom [Ġoż:12:8] fil-muntanji, fis-Sefela, fl-Għaraba, fix-xaqlibiet tagħhom, u fid-deżert u fin-Negeb, l-artijiet tal-Ħittin, ta' l-Amurrin, tal-Kangħanin, tal-Periżżin, tal-Ħiwwin u tal-Ġebusin.

[Ġoż:12:9] Is-slaten kienu dawn: is-sultan ta' Ġeriko, is-sultan ta' Għaj ħdejn Betel; [Ġoż:12:10] is-sultan ta' Ġerusalemm, is-sultan ta' Ħebron, [Ġoż:12:11] is-sultan ta' Ġarmut, is-sultan ta' Lakis, [Ġoż:12:12] is-sultan ta' Għeglon, is-sultan ta' Geżer, [Ġoż:12:13] is-sultan ta' Debir, is-sultan ta' Geder, [Ġoż:12:14] is-sultan ta' Ħorma, is-sultan ta' Għarad, [Ġoż:12:15] is-sultan ta' Libna, is-sultan ta' Għadullam, [Ġoż:12:16] is-sultan ta' Makkeda, is-sultan ta' Betel, [Ġoż:12:17] is-sultan ta' Taffuħa, is-sultan ta' Ħafer, [Ġoż:12:18] is-sultan ta' Afek, is-sultan ta' Lassaron, [Ġoż:12:19] is-sultan ta' Madon, is-sultan ta' Ħasor, [Ġoż:12:20] is-sultan ta' Simron-merun, is-sultan ta' Aksaf, [Ġoż:12:21] is-sultan ta' Tagħnak, is-sultan Megiddu, [Ġoż:12:22] u s-sultan ta' Kedes, is-sultan ta' Ġoknegħam fil-Karmel, [Ġoż:12:23] is-sultan ta' Dor f'Nafat-dor, is-sultan ta' Gojim f'Gilgal, [Ġoż:12:24] is-sultan ta' Tirsa - wieħed u tletin sultan b'kollox.

13. Il-qsim ta' art Kangħan: Sehem Ruben, Gad u nofs it-tribù ta' Manassi

[Ġoż:13:1] Meta Ġożwè kien xjieħ u daħal fiż-żmien, il-Mulej qallu: “Inti xjeħt u dħalt fiż-żmien, u għad fadal biċċa kbira mill-art x'tittieħed. [Ġoż:13:2] Din hi l-art li għad baqa': l-inħawi kollha tal-Filistin u l-Gesurin kollha, [Ġoż:13:3] minn Siħor fuq il-lvant ta' l-Eġittu sat-trufijiet ta' Għekron fit-tramuntana; l-art tal-Kangħanin f'idejn il-ħames prinċpijiet tal-Filistin ta' Gaża, Asdod, Askelon, Gatt u Għekron; l-inħawi ta' l-Għawwin [Ġoż:13:4] fin-nofsinhar, l-art kollha tal-Kangħanin mill-Għerien ta' Sidon sa Afeka sal-fruntiera ta' l-Amurrin; [Ġoż:13:5] l-art tal-Giblin u l-Libanu kollu, lejn tlugħ ix-xemx minn Bagħal-gad taħt il-muntanja tal-Ħermon sad-daħla ta' Ħamat. [Ġoż:13:6] Dawk kollha li jgħammru fil-muntanji tal-Libanu sa Mixrefot-majm, is-Sidonin kollha, jien inkeċċihom minn quddiem ulied Iżrael; iżda qassamha lil Iżrael b'wirt bħalma ordnajtlek.

[Ġoż:13:7] Mela issa qassam l-art b'wirt lid-disa' tribujiet, u nofs it-tribù ta' Manassi. [Ġoż:13:8] Miegħu kienu ħadu sehemhom ir-Rubenin u l-Gadin, li kien tahom Mosè, qaddej tal-Mulej, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, in-naħa tal-lvant bħalma kien tahom Mosè il-qaddej tal-Mulej: [Ġoż:13:9] minn Għarogħer li qiegħda max-xatt tax-xmara Arnon u l-belt li qiegħda f'nofs il-wied u l-wita kollha ta' Medeba sa Dibon; [Ġoż:13:10] u l-ibliet kollha ta' Siħon, sultan ta' l-Amurrin, li kien isaltan f'Ħesbon sat-trufijiet ta' wlied Għammon. [Ġoż:13:11] U Gilgħad, u l-inħawi tal-Gesurin u l-Magħkatin u l-muntanji kollha tal-Ħermon u Basan kollu sa Salka; [Ġoż:13:12] is-saltna kollha ta' Għog f'Basan, li kien isaltan f'Astarot u f'Edregħi, il-fdal tar-Refajin, u rebaħhom Mosè u keċċiehom. [Ġoż:13:13] Imma wlied Iżrael ma rnexxilhomx ikeċċu l-Gesurin u l-Magħkatin, u baqgħu jgħammru f'Gesur u f'Magħkat f'nofs Iżrael sa llum. [Ġoż:13:14] Iżda lit-tribù ta' Levi ma tahomx sehem; sehmu hu mis-sagrifiċċji tal-Mulej Alla, Alla ta' Iżrael, bħalma kien qallu.

[Ġoż:13:15] Mosè ta sehem lil ulied Ruben skond il-familji tagħhom. [Ġoż:13:16] U l-limiti tagħhom kienu minn Għarogħer li tinsab fuq f'tarf il-wied ta' l-Arnon u l-belt f'nofs il-wied u l-wita kollha sa Medeba, [Ġoż:13:17] Ħesbon u l-bliet kollha tagħha fil-wita ta' Dibon, Bamot-bagħal, Bet-bagħal-megħon, [Ġoż:13:18] Ġaħsa, Kedemot, Mefagħat, [Ġoż:13:19] Kirjatajm, Sibma, Żaret-saħar, fl-għolja tal-wied. [Ġoż:13:20] U Bet-pegħor għal taħt ix-xaqliba ta' Pisga u Bet-ġesimot. [Ġoż:13:21] U l-ibliet kollha tal-wita u s-saltna kollha ta' Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin li kien isaltan f'Ħesbon li għelbu Mosè, lilu u l-prinċpijiet ta' Midjan, Ewi u Rekem u Sur u Ħur Reba, prinċpijiet ta' Siħon, li kienu jgħammru f'din l-art. [Ġoż:13:22] U 'l Balgħam bin Begħor, is-saħħâr, ulied Iżrael qatluh bix-xabla mal-bqija li qatlu. [Ġoż:13:23] L-art tar-Rubenin kienet twassal sal-Ġordan; dan hu sehem ir-Rubenin bil-familji tagħhom, l-ibliet bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:13:24] Mosè ta wkoll sehem lit-tribù ta' wlied Gad bil-familji tagħhom. [Ġoż:13:25] Din kienet l-art li messithom: Ġagħżer u l-ibliet kollha ta' Gilgħad u nofs l-art ta' wlied Għammon sa Għarogħer fil-lvant ta' Rabba, [Ġoż:13:26] u minn Ħesbon sa Ramat-misfe u Betunim u minn Maħanajm sal-limiti ta' Lo-debar; [Ġoż:13:27] kien fiha l-wied ta' Bet-ħaram u Bet-nimra u Sukkot u Safon, u l-bqija tas-saltna ta' Siħon, is-sultan ta' Ħesbon; il-Ġordan kien il-limiti sa tarf il-Baħar ta' Kinneret fil-lvant tal-Ġordan. [Ġoż:13:28] Dan kien sehem ulied Gad bil-familji tagħhom, l-ibliet u l-irħula tagħhom.

[Ġoż:13:29] Mosè ta sehem ukoll lil ulied nofs it-tribù ta' Manassi skond il-familji tagħhom. [Ġoż:13:30] U l-medda ta' l-art tagħhom kienet minn Maħanajm, il-Basan kollu, is-saltna kollha ta' Għog, sultan ta' Basan, u l-irħula kollha ta' Ġajir f'Basan, sittin belt. [Ġoż:13:31] Nofs Gilgħad u Għastarot u Edregħi, l-ibliet ewlenin ta' Għog f'Basan, ngħataw lil ulied Makir bin Manassi, jiġifieri lil nofs ulied Makir skond il-familji tagħhom.

[Ġoż:13:32] Dawn huma l-ishma li qassam Mosè fil-wita ta' Mowab, in-naħa l-oħra tal-Ġordan fil-lvant biswit Ġeriko. [Ġoż:13:33] Lit-tribù ta' Levi ma tah ebda sehem; il-Mulej, Alla ta' Iżrael, hu sehemhom, bħalma kien qalilhom.

14. Sehem it-tribujiet l-oħra

[Ġoż:14:1] Dan hu li ħadu wlied Iżrael f'art Kangħan, u li qassmulhom Elgħażar il-qassis, u Ġożwè bin Nun, u l-kapijiet tad-djar tat-tribujiet lil ulied Iżrael. [Ġoż:14:2] Qassmuhielhom bix-xorti bħalma kien ordna l-Mulej permezz ta' Mosè lid-disa' tribujiet u nofs, [Ġoż:14:3] għax Mosè kien ġa ta sehem liż-żewġ tribujiet u nofs in-naħa l-oħra tal-Ġordan; u l-Leviti ma tahomx sehem f'nofshom. [Ġoż:14:4] Iż-żewġ ulied ta' Ġużeppi, Manassi u Efrajm, kienu jagħmlu żewġ tribujiet. U ma tawx sehem lil-Leviti fl-art ħlief bliet fejn jgħammru u mergħat madwarhom għall-imrieħel u l-ġid li jkollhom. [Ġoż:14:5] Ulied Iżrael għamlu bħalma kien ordna l-Mulej lil Mosè, u qassmu l-art.

Sehem Kaleb

[Ġoż:14:6] Ulied Ġuda resqu lejn Ġożwè f'Gilgal, u Kaleb bin Ġefunni il-Kenażi qallu: “Int taf x'kien qal il-Mulej lil Mosè, il-bniedem ta' Alla, għalija u għalik f'Kades-barnigħa. [Ġoż:14:7] Jien kelli erbgħin sena meta Mosè, il-qaddej tal-Mulej, bagħatni minn Kades-barnigħa biex nitkixxef l-art, u jien wassaltlu l-aħbar li kelli f'qalbi. [Ġoż:14:8] Ħuti li telgħu miegħi qatgħu qalb il-poplu, imma jien bqajt fidil lejn il-Mulej, Alla tiegħi. [Ġoż:14:9] U Mosè dak in-nhar ħalef u qalli: 'L-art li rifes riġlek fuqha tkun wirtek, u sehem uliedek għal dejjem, għax int bqajt fidil lejn il-Mulej, Alla tiegħi.' [Ġoż:14:10] U issa, ara, il-Mulej żammni ħaj, bħalma kien qal, għal dawn il-ħamsa u erbgħin sena, minn mindu l-Mulej qal dan il-kliem lil Mosè, meta Iżrael kien jiġġerra fid-deżert. Illum jien għandi ħamsa u tmenin sena. [Ġoż:14:11] Għadni llum qawwi bħal meta bagħatni Mosè. Bħalma kienet saħħti dakinhar, hekk għadha llum, sew biex noħroġ għall-ġlied sew biex nerġa’ lura. [Ġoż:14:12] Mela agħtini issa din il-muntanja li minnha tkellem il-Mulej dakinhar; inti stess smajt dakinhar u taf li hemm jgħammru l-Għanakin fi bliet kbar u mdawwra bis-swar. Għandu mnejn il-Mulej ikun miegħi u nkeċċihom bħalma wegħedni l-Mulej.”

[Ġoż:14:13] U Ġożwè bierku u ta Ħebron lil Kaleb bin Ġefunni biex tkun sehmu. [Ġoż:14:14] Għalhekk Ħebron saret sehem Kaleb bin Ġefunni il-Kenażi sa llum, għaliex baqa' fidil lejn il-Mulej, Alla ta' Iżrael. [Ġoż:14:15] Ħebron qabel kien jisimha Kirjat-arba. Dan Arba kien il-kbir fost l-Għanakin. U l-art strieħet mill-gwerra.

15. Sehem it-tribù ta' Ġuda

[Ġoż:15:1] U x-xorti waqgħet fuq it-tribù ta' wlied Ġuda, skond il-familji tagħhom, u messithom l-art in-naħa ta' Edom fid-deżert ta' Sin, fit-tarf tan-Negeb. [Ġoż:15:2] Il-limiti tan-naħa tan-nofsinhar kienu jibdew minn tarf il-Baħar il-Mielaħ, mill-ilsien li jdur lejn in-nofsinhar, [Ġoż:15:3] u joħorġu lejn in-nofsinhar għat-telgħa ta' Għakrabbim u jgħaddu minn Sin, u jitilgħu min-Negeb għal Kades-barnigħa, mbagħad jgħaddu minn Ħesron, jitilgħu lejn Addar u jilwu lejn Karka, [Ġoż:15:4] jgħaddu minn Għasmon u jibqgħu sejrin sal-wied ta' l-Eġittu u jispiċċaw f'xifer il-Baħar. Dawn huma l-limiti tagħkom tan-nofsinhar.

[Ġoż:15:5] Fuq il-lvant imbagħad kien hemm il-Baħar il-Mielaħ sa fomm il-Ġordan. Il-limiti tat-tramuntana jibdew minn ilsien il-Baħar f'fomm il-Ġordan, [Ġoż:15:6] u jitilgħu sa Bet-ħogla, għaddu min-naħa tat-tramuntana ta' Bet-għaraba, u jibqgħu telgħin sal-ħaġra ta' Boħan bin Ruben. [Ġoż:15:7] U mbagħad jitilgħu f'Debir mill-wied ta' Għakor, jilwu lejn it-tramuntana ta' Gilgal, biswit it-telgħa ta' Adummim, in-naħa tan-nofsinhar tal-wied; jgħaddu minn ħdejn l-ilma ta' Għajn-xemex, u jieħdu sa Għajn-rogel. [Ġoż:15:8] Mbagħad dawn il-limiti jitilgħu sal-wied ta' Bet-Ħinnom lejn in-naħa tal-Ġebusin, min-naħa tan-nofsinhar, jiġifieri Ġerusalemm, mnejn jibqgħu sejrin fuq ras l-għolja li taħbat biswit il-wied ta' Ħinnom fuq il-punent, fit-tarf tat-tramuntana tal-wita ta' Refajin. [Ġoż:15:9] Mill-quċċata ta' l-għolja l-limiti kienu jilwu lejn l-għajn ta' l-ilma ta' Neftuħa u jibqgħu sejrin lejn l-ibliet tal-muntanja Għefron, jilwu lejn Bagħala, li hi Kirjat-ġegħarim, [Ġoż:15:10] u minn Bagħala ddur lejn il-punent, lejn il-muntanja ta' Xegħir, jgħaddu ma' ġenb il-muntanja ta' Ġegħarim, fuq it-tramuntana ta' Kesalon, jinżlu għal Betxemex, u jgħaddu għal Timna; [Ġoż:15:11] mbagħad joħorġu lejn in-naħa tat-tramuntana tax-xagħra ta' Għekron, jilwu lejn Sikkeron, jgħaddu mill-muntanja ta' Bagħala u jieħdu sa Ġabnel, u jispiċċaw f'tarf il-Baħar; [Ġoż:15:12] u l-limiti tal-punent ikun il-Baħar il-Kbir bix-xtut tiegħu. Dawn huma l-limiti dawramejt ta' wlied Ġuda skond il-familji tagħhom.

[Ġoż:15:13] Lil Kaleb bin Ġefunni tawh sehem f'nofs ulied Ġuda, skond ma kien ordna l-Mulej lil Ġożwè, jiġifieri, Kirjat-arba, li hi Ħebron; Arba kien missier Għanak. [Ġoż:15:14] Kaleb keċċa minn hemm it-tliet ulied ta' Għanak; Sesaj, Aħiman u Talmaj, ulied Għanak. [Ġoż:15:15] U tala' minn hemm għal dawk li jgħammru f'Debir; u Debir kien jisimha qabel Kirjat-sefer.

[Ġoż:15:16] U Kaleb qal: “Min jaħbat għal Kirjat-sefer u jeħodha, nagħtih lil binti Għaksa b'martu.” [Ġoż:15:17] U ħadha Għotnijel bin Kenaż, ħu Kaleb, u dan tah 'il bintu Għaksa b'martu.” [Ġoż:15:18] Hi u sejra ġagħlitu jitlob għalqa lil missierha; qabżet minn fuq il-ħmar u Kaleb staqsieha: “Xi ġralek?” [Ġoż:15:19] U hi wieġbet: “Agħtini xi rigal għax art niexfa kull ma tajtni, agħtini għallinqas għajn ta' ilma.” U taha l-għejun ta' fuq u l-għejun ta' isfel.

[Ġoż:15:20] Dan kien sehem it-tribù ta' wlied Ġuda skond il-familji tagħhom. [Ġoż:15:21] L-ibliet tat-tribù ta' wlied Ġuda, in-naħa tal-fruntiera ta' Edom fin-Negeb, kienu dawn: Kabsel, Għeder, Ġagur, [Ġoż:15:22] Kina, Dimona, Għadgħada, [Ġoż:15:23] Kedes, Ħasor, Ġitnan, [Ġoż:15:24] Żif, Telem, Begħalot, [Ġoż:15:25] Ħasor-ħadatta, Kirjot-ħesron, li hi Ħasor, [Ġoż:15:26] Amam, Sema, Molada, [Ġoż:15:27] Ħasar-gadda, Ħesmon, Bet-pelet, [Ġoż:15:28] Ħasar-sugħal, Birsaba, Biżjotija, [Ġoż:15:29] Bagħala, Għajjim, Għesam, [Ġoż:15:30] Eltolad, Kesil, Ħorma, [Ġoż:15:31] Siklag, Madmanna, Sansanna, [Ġoż:15:32] Lebawot, Silħim, Għajn u Rimmon; b'kollox disgħa u għoxrin belt bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:33] Fis-Sefela mbagħad kien hemm dawn: Estawol, Sorgħa, Asna, [Ġoż:15:34] Żanuħa, Għajn-gannim, Taffuħa, Għenam, [Ġoż:15:35] Ġarmut, Għadullam, Xoku, Għażeka, [Ġoż:15:36] Sagħarajm, Għaditajm, Gedera, u Gederotajm; erbatax-il belt fl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:37] Senan, Ħadasa, Migdal-gad, [Ġoż:15:38] Dilgħan, Misfe, Ġoktel, [Ġoż:15:39] Lakis, Boskat, Għeglon, [Ġoż:15:40] Kabbon, Laħmam, Kitlis, [Ġoż:15:41] Gederot, Betdagon, Nagħma, Makkeda; sittax-il belt bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:42] Libna, Għeter, Għasan, [Ġoż:15:43] Ġiftaħ, Asna, Nesib, [Ġoż:15:44] Kegħila, Akżib u Maresa; disat ibliet bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:45] Għekron u l-ibliet ta' madwarha bl-irħula tagħha. [Ġoż:15:46] Minn Għekron sal-Baħar, kull ma kien hemm maġenb Asdod, bl-irħula tagħhom. [Ġoż:15:47] Asdod u l-ibliet ta' madwarha bl-irħula tagħha; Gaża u l-ibliet ta' madwarha u l-irħula tagħha sal-wied ta' l-Eġittu u l-Baħar il-Kbir.

[Ġoż:15:48] Fuq l-għoljiet: Samir, Ġattir, Xoku, [Ġoż:15:49] Danna, Kirjat-sanna li hi Debir, [Ġoż:15:50] Għanab, Estemu, Għanim, [Ġoż:15:51] Gosen, Ħolon u Gilu; ħdax-il belt bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:52] Arab, Duma, Esgħan, [Ġoż:15:53] Ġanim, Bettaffuħa, Afeka, [Ġoż:15:54] Ħumta, Kirjat-arba, li hi Ħebron, u Sigħor, disat ibliet bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:55] Magħon, Karmel, Żif, Ġutta, [Ġoż:15:56] Ġeżragħel, Ġokdigħam, Żanuħa, [Ġoż:15:57] Kajjin, Gibgħa, Timna; għaxart ibliet bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:58] Ħalħul, Bet-sur, Gedor, [Ġoż:15:59] Magħrat, Betgħanot u Eltekon; sitt ibliet bl-irħula tagħhom. [Ġoż:15:60] Kirjat-bagħal, li hi Kirjat-ġegħarim, u Rabba; żewġt ibliet bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:61] Fid-deżert: Bet-għarab, Middin, Sekaka, [Ġoż:15:62] Nibsan, Belt il-Melħ u Għajn-geddi; sitt ibliet bl-irħula tagħhom.

[Ġoż:15:63] Imma l-Ġebusin, li kienu jgħammru f'Ġerusalemm, ulied Ġuda ma setgħux ikeċċuhom; u l-Ġebusin u wlied Ġuda baqgħu jgħammru flimkien f'Ġerusalemm sa llum.

16. Sehem ulied Ġużeppi

[Ġoż:16:1] Din hi x-xorti li messet lil Ġużeppi; il-limiti tiegħu jibdew mill-Ġordan, ħdejn Ġeriko, in-naħa tal-lvant ta' l-ilma ta' Ġeriko, jitilgħu minn Ġeriko għal fuq l-għoljiet fid-deżert lejn Betel, [Ġoż:16:2] mbagħad jitilqu minn Betel lejn Luż, jgħaddu għat-truf ta' l-art ta' l-Arkin lejn Għatarot; [Ġoż:16:3] minn hawn jinżlu lejn il-punent lejn l-art tal-Ġafletin, sa truf Bethoron t'isfel sa Geżer u jaslu sal-Baħar. [Ġoż:16:4] Dan kien il-wirt li ħadu wlied Ġużeppi, Manassi u Efrajm.

[Ġoż:16:5] U l-limiti ta' l-art ta' wlied Efrajm skond il-familji tagħhom kienu dawn: il-limiti ta' sehemhom in-naħa tal-lvant kienu minn Għatarot-addar sa Bethoron ta' fuq, [Ġoż:16:6] mbagħad joħorġu lejn il-Baħar, b'Mikmetat fit-tramuntana, u jibqgħu sejrin lejn il-lvant lejn Tanat-silo, u jgħaddu madwarha lejn il-lvant lejn Ganuħa; [Ġoż:16:7] jinżlu minn Ganuħa lejn Għatarot u Nagħra, u jilħqu lil Ġeriko u jaslu sal-Ġordan. [Ġoż:16:8] U minn Taffuħa jieħdu lejn il-punent sa Wied Kana, u jispiċċaw f'xifer il-Baħar. Dan hu sehem ulied Efrajm skond il-familji tagħhom. [Ġoż:16:9] Kien hemm ukoll bliet magħżula għal ulied Efrajm f'nofs l-art ta' wlied Manassi: l-ibliet kollha bl-irħula tagħhom. [Ġoż:16:10] Ma rnexxilhomx ikeċċu l-Kangħanin li kienu jgħammru f'Geżer. Il-Kangħanin baqgħu jgħammru f'nofs Efrajm sa llum, u jaħdmu bilfors għalihom.

17. Sehem ulied it-tribù ta' Manassi

[Ġoż:17:1] Din hi x-xorti li messet lit-tribù ta' Manassi, għax hu kien il-kbir ta' Ġużeppi. Makir, il-kbir ta' Manassi, missier Gilgħad, billi kien raġel gwerrier messu Gilgħad u Basan, [Ġoż:17:2] u l-ulied l-oħra, ukoll ta' Manassi, messhom skond il-familji tagħhom: ulied Abigħeżer, ulied Ħelek, ulied Asrijel, ulied Sikem, ulied Ħefer, ulied Semida. Dawn kienu l-ulied subjien ta' Manassi bin Ġużeppi skond il-familji tagħhom. [Ġoż:17:3] Imma Selofħad bin Ħefer, bin Gilgħad, bin Makir, bin Manassi, ma kellux subjien, imma bniet biss; u dawn il-bniet tiegħu kien jisimhom Maħla, Nogħa, Ħegla, Milka u Tirsa.

[Ġoż:17:4] Dawn ġew quddiem Elgħażar il-qassis, u quddiem Ġożwè, u quddiem il-kbarat, u qalulhom: “Il-Mulej ordna lil Mosè li jagħtina sehem f'nofs ħutna.” U tahom sehem f'nofs ħut missierhom skond ma kien ordna l-Mulej.

[Ġoż:17:5] U Manassi messu wkoll għaxar ishma barra mill-art ta' Gilgħad u Basan, in-naħa l-oħra tal-Ġordan. [Ġoż:17:6] Għax il-bniet ta' Manassi messhom sehem f'nofs uliedu subjien; art Gilgħad messet lill-ulied l-oħra ta' Manassi.

[Ġoż:17:7] Il-limiti ta' l-art ta' Manassi kienu jieħdu minn Aser sa Mikmetat fuq il-lvant ta' Sikem, mbagħad lejn il-lemin kienu jibqgħu sejrin lejn dawk li jgħammru Għajn-taffuħa. [Ġoż:17:8] L-art ta' Taffuħa kienet ta' Manassi, imma Taffuħa stess, li kienet f'tarf l-art ta' Manassi, kienet ta' wlied Efrajm.

[Ġoż:17:9] Mbagħad il-limiti kienu jinżlu lejn wied Kana, 'l isfel mill-wied. Dawn l-ibliet kienu ta' Efrajm f'nofs l-ibliet ta' Manassi. Mbagħad il-limiti ta' Manassi kienu jgħaddu mit-tramuntana tal-wied u jispiċċaw f'xifer il-Baħar. [Ġoż:17:10] In-naħa t'isfel kienet ta' Efrajm, u n-naħa ta' fuq kienet ta' Manassi, bil-Baħar il-limitu tagħhom it-tnejn; min-naħa tat-tramuntana kienu jilħqu sa Aser u mil-lvant sa Issakar.

[Ġoż:17:11] F'Issakar u f'Aser Manassi kellu dawn l-ibliet: Betsan u l-inħawi tagħha, Iblegħam u l-inħawi tagħha, in-nies li jgħammru f'Dor, l-inħawi tagħha, u n-nies li jgħammru f'Għajn-dor u l-inħawi tagħha; in-nies li jgħammru f'Tagħnak u l-inħawi tagħha, in-nies li jgħammru f'Megiddu u l-inħawi tagħha, tliet distretti. [Ġoż:17:12] Ulied Manassi ma setgħux jirbħu dawn l-ibliet u l-Kangħanin riedu bilfors jibqgħu jgħammru f'din l-art. [Ġoż:17:13] Meta mbagħad l-Iżraelin issaħħu ġagħluhom jaħdmulhom bil-forza; imma ma keċċewhomx.

[Ġoż:17:14] Ulied Ġużeppi kellmu lil Ġożwè, u qalulu: “Għaliex messitna x-xorti għal sehem wieħed biss u tajtna qasam wieħed? Jiena poplu kotran, għax s'issa berikni l-Mulej.” [Ġoż:17:15] U Ġożwè wieġeb: “Jekk inti poplu kotran, itla' lejn il-foresta u agħmel il-wisa' għalik fl-art tal-Periżżin u r-Refajin jekk jidher li l-muntanji ta' Efrajm huma dojoq għalik.” [Ġoż:17:16] U wlied Ġużeppi qalulu: “M'hux biżżejjed għalina l-muntanji; il-Kangħanin li jgħammru fil-wita lkoll għandhom karrijiet tal-ħadid, dawk li jgħammru sew f'Betsan bl-irħula tagħha u sew fil-wied ta' Ġeżragħel.” [Ġoż:17:17] Ġożwè wieġeb lil dar Ġużeppi, lil Efrajm u lil Manassi: “Int poplu kotran u għandek saħħa kbira, m'għandhiex tmissek xorti waħda; [Ġoż:17:18] il-muntanji jkunu tiegħek; hemm il-foresta, qaċċatha u l-wisa' jkun għalik, għax inti tkeċċi l-Kangħanin, minkejja li għandhom il-karrijiet tal-ħadid u b'saħħithom.”

18. Sehem il-bqija tat-tribujiet

[Ġoż:18:1] Il-ġemgħa kollha ta' Iżrael iltaqgħet u waqqfu t-tinda tal-laqgħa f'Silo. L-art kienet taħt il-ħakma tagħhom; [Ġoż:18:2] iżda kien għad baqa' seba' tribujiet fost ulied Iżrael li ma kinux għadhom ħadu l-wirt tagħhom. [Ġoż:18:3] Ġożwè qal lil ulied Iżrael: “Kemm se ddumu titnikkru biex tmorru tieħdu l-art li takom il-Mulej, Alla ta' missirijietkom? [Ġoż:18:4] Ġibu tlitt irġiel minn kull tribù u jien nibgħathom, u jmorru jduru l-art u jħożżuha fi ktieb, u jqassmuha skond l-ishma tagħhom, u jiġu għandi. [Ġoż:18:5] Mbagħad iqassmuha f'seba' oqsma. Ġuda jibqa' f'artu n-naħa tan-nofsinhar u dar Ġużeppi tibqa' f'artha fit-tramuntana. [Ġoż:18:6] U intom tħożżu l-art f'seba' oqsma, u ġibuhomli hawn u jien intellgħalkom ix-xorti hawn, quddiem il-Mulej, Alla tagħna. [Ġoż:18:7] Il-Leviti ma għandhomx sehem f'nofskom għaliex is-saċerdozju tal-Mulej hu sehemhom. Gad u Ruben u nofs it-tribù ta' Manassi diġà ħadu sehemhom in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fil-lvant, li tahom Mosè, il-qaddej tal-Mulej.”

[Ġoż:18:8] U dawk l-irġiel qabdu u marru, u Ġożwè ordna lil dawk li marru jħożżu l-art fi ktieb u qalilhom: “Morru u duru l-art, u ħożżuha fuq ktieb, u erġgħu ejjew għandi, mbagħad jien intellgħalkom ix-xorti hawn f'Silo quddiem il-Mulej.”

[Ġoż:18:9] U l-irġiel marru u daru ma' l-art u niżżlu kollox fi ktieb, belt belt, f'seba' oqsma. U marru għand Ġożwè fil-
kamp f'Silo. [Ġoż:18:10] U Ġożwè tellgħalhom ix-xorti f'Silo quddiem il-Mulej, u hemm qassam l-art lil ulied Iżrael skond l-oqsma tagħhom.

Sehem ulied Benjamin

[Ġoż:18:11] U telgħet ix-xorti tat-tribù ta' Benjamin skond il-familji tagħhom, u messhom sehem bejn ulied Ġuda u wlied Ġużeppi. [Ġoż:18:12] Il-limiti tagħhom kienu jibdew fit-tramuntana mill-Ġordan, u jibqgħu sejrin lejn il-ġnub ta' Ġeriko, in-naħa tat-tramuntana, u jitilgħu fuq il-muntanji fil-punent u jispiċċaw fid-deżert ta' Bet-awen. [Ġoż:18:13] U minn hemm kienu jaqsmu għan-naħa tan-nofsinhar għal ħdejn Luż, taħt ir-riħ ta' Luż, jiġifieri Betel, u minn hemm kienu jinżlu għal Għatarot-addar għal fuq il-muntanja min-naħa t'isfel li tigi biswit Bet-ħoron t'isfel. [Ġoż:18:14] Mbagħad il-limiti kienu jinżlu u jduru 'l isfel għal ġenb il-Baħar mill-muntanja quddiem Bet-ħoron 'l isfel u jispiċċaw f'Kirjat-bagħal - li hi Kirjat-ġegħarim - belt ta' wlied Ġuda. Din kienet in-naħa tal-punent. [Ġoż:18:15] Il-limiti tan-nofsinhar kienu jibdew minn tarf Kirjat-ġegħarim u jieħdu lejn Efron, lejn l-għajn ta' l-ilma ta' Neftuħa. [Ġoż:18:16] U mbagħad jinżlu lejn tarf il-muntanji biswit il-wied ta' Ben-ħinnom, fil-wita ta' Refajin fit-tramuntana; jinżlu minn wied Ħinnom 'l isfel lejn in-naħa tal-Ġebusin, u jieħdu lejn Għajn-rogel. [Ġoż:18:17] Mbagħad jilwu lejn it-tramuntana, jgħaddu minn Għajn-xemex u jiġbdu lejn l-inħawi ta' Gelilot, biswit it-telgħa ta' Adummim, u jinżlu lejn il-blata ta' Boħan bin Ruben. [Ġoż:18:18] Mbagħad jgħaddu mill-ġenb biswit l-Għaraba; [Ġoż:18:19] jgħaddu mill-ġenb ta' Bet-ħogla lejn it-tramuntana u jispiċċaw fl-ilsien tat-tramuntana tal-Baħar il-Mielaħ, fit-tarf tan-nofsinhar tal-Ġordan. Dawn huma l-limiti tan-nofsinhar. [Ġoż:18:20] Fuq in-naħa tal-lvant il-limiti kienu l-Ġordan. Dan hu sehem Benjamin bil-limiti tiegħu dawramejt, skond il-familji tagħhom.

[Ġoż:18:21] L-ibliet tat-tribù ta' Benjamin skond il-familji tagħhom kienu: Ġeriko, Bet-ħogla, Għemek-kesis, [Ġoż:18:22] Bet-għaraba, Semarajm, Betel, [Ġoż:18:23] Għawwim, Para, Għofra, [Ġoż:18:24] Kefar-għammoni, Għofni, Geba; tnax-il belt bl-irħula tagħhom. [Ġoż:18:25] Gibgħon, Rama, Birot, [Ġoż:18:26] Misfe, Kefira, Mosa, [Ġoż:18:27] Rekem, Irfel, Tarala, [Ġoż:18:28] Sela, Elef, Ġebus, li hi Ġerusalemm, Gibgħat, Kirjat; erbatax-il belt bl-irħula tagħhom.

Dan hu sehem Benjamin skond il-familji tagħhom.

19. Sehem ulied Simgħon

[Ġoż:19:1] Mbagħad telgħet ix-xorti għal Simgħon, għat-tribù ta' wlied Simgħon skond il-familji tagħhom. Sehemhom kien f'nofs sehem ulied Ġuda. [Ġoż:19:2] Fil-qasam tagħhom kellhom: Birsaba, Seba, Molada, [Ġoż:19:3] Ħasar-sugħal, Bala, Għesem, [Ġoż:19:4] Eltolad, Betul, Ħorma, [Ġoż:19:5] Siklag, Bet-markabot, Ħasar-susa, [Ġoż:19:6] Bet-lebawt, Saruħen, tlittax-il belt bl-irħula tagħhom .[Ġoż:19:7] Għajn-Rimmon, Għeter u Għasan; erbat ibliet u l-irħula tagħhom, [Ġoż:19:8] u l-irħula kollha ta' madwar dawn l-ibliet sa Bagħlat-bir, li hi Rama fin-nofsinhar. Dan hu sehem it-tribù ta' wlied Simgħon skond il-familji tagħhom. [Ġoż:19:9] Sehem ulied Simgħon ittiehed minn sehem ulied Ġuda; għax kien sehem ulied Ġuda kbir wisq għalihom, u għalhekk ulied Simgħon ħadu sehem f'nofs il-qasam tagħhom.

Sehem ulied Żebulun

[Ġoż:19:10] Telgħet it-tielet xorti għal ulied Żebulun skond il-familji tagħhom, u l-medda ta' sehemhom kienet tieħu sa Xarid. [Ġoż:19:11] Il-limiti kienu jitilgħu lejn il-punent lejn Margħala, jaslu sa Dabbeset u jaslu sal-wied in-naħa tal-lvant ta' Ġoknegħam. [Ġoż:19:12] Minn Xarid kienu jduru lejn il-lvant, lejn tlugħ ix-xemx, sal-limiti ta' Kislot-tabor, u jieħdu lejn Dabrat, u jitilgħu lejn Ġafigħa. [Ġoż:19:13] Minn hemm jgħaddu lejn il-lvant, lejn tlugħ ix-xemx sa Gat-ħefer, Għitta-kasin, jiġbdu lejn Rimmon u jilwu lejn Negħa; [Ġoż:19:14] iduru mat-tramuntana ta' Ħannaton, u jibqgħu sejrin sal-wied ta' Iftaħel. [Ġoż:19:15] Kattat, Naħalal, Simron, Idla, Betlehem; tnax-il belt bl-irħula tagħhom. [Ġoż:19:16] Dan kien sehem ulied Żebulun skond il-familji tagħhom: dawn l-ibliet bl-irħula tagħhom.

Sehem ulied Issakar

[Ġoż:19:17] Għal Issakar telgħet ir-raba' xorti, għal ulied Issakar skond il-familji tagħhom. [Ġoż:19:18] Fil-limiti tagħhom kien hemm Ġiżragħel, Kesulot, Sunem, [Ġoż:19:19] Ħafarajm, Siħon, Anaħarat, [Ġoż:19:20] Rabbit, Kisjan, Għabes, [Ġoż:19:21] Ramet, Għajn-gannim, Għajn-ħadda, Bet-passes; [Ġoż:19:22] il-limiti tagħhom kienu jwasslu sat-Tabor, Saħasima, Bet-xemex u jispiċċaw fil-Ġordan; sittax-il belt bl-irħula tagħhom. [Ġoż:19:23] Dan hu sehem it-tribù ta' wlied Issakar skond il-familji tagħhom; dawn l-ibliet bl-irħula tagħhom.

Sehem ulied Aser

[Ġoż:19:24] Telgħet il-ħames xorti għat-tribù ta' wlied Aser skond il-familji tagħhom. [Ġoż:19:25] Il-limiti tagħhom kien fihom: Ħelkat, Ħali, Beten, Aksaf, [Ġoż:19:26] Alammelek, Għamgħad, Misal u kienu jilħqu l-Karmel in-naħa tal-punent u Sihor-libnat; [Ġoż:19:27] mbagħad iduru għan-naħa ta' tlugħ ix-xemx lejn Bet-dagon, u jmissu ma' Żebulun u l-wied ta' Iftaħel, fit-tramuntana Bet-għemek u Negħijel, u jaslu sa Kabul fit-tramuntana, [Ġoż:19:28] Għebron, Reħob, Ħammon, Kana, sa Sidon il-Kbira. [Ġoż:19:29] Iduru lejn Rama sal-belt ta' Tir imdawwra bis-swar; iduru lejn Ħosa u jispiċċaw f'xifer il-Baħar; Maħleb, Akżib, [Ġoż:19:30] Għumma, Afek, Reħob - tnejn u għoxrin belt bl-irħula tagħhom. [Ġoż:19:31] Dan kien sehem ulied Aser skond il-familji tagħhom; dawn l-ibliet bl-irħula tagħhom.

Sehem ulied Naftali

[Ġoż:19:32] Għal Naftali mbagħad telgħet is-sitt xorti, għal ulied Naftali skond il-familji tagħhom. [Ġoż:19:33] Il-limiti ta' sehemhom kienu minn Ħelef, mill-Balluta f'Sagħnannim u Adam-nekeb u Ġabnel sa Lakkum u jaslu sal-Ġordan. [Ġoż:19:34] Mbagħad iduru lejn il-punent lejn Ażnot-tabor u jieħdu minn hemm lejn Ħukkok; u jilħqu Żebulun fin-nofsinhar, u jmissu lil Aser min-naħa tal-punent u lil Ġuda min-naħa tal-Ġordan minn tlugħ ix-xemx. [Ġoż:19:35] Kellhom dawn l-ibliet bis-swar: Siddim, Ser, Ħammat, Rakkat, Kinneret, [Ġoż:19:36] Adama, Rama, Ħasor, [Ġoż:19:37] Kedes, Edregħi, Għajn-Ħasor, [Ġoż:19:38] Ġeron, Migdal-el, Ħorem, Bet-għanat, Bet-xemex - dsatax-il belt bl-irħula tagħhom. [Ġoż:19:39] Dan hu sehem it-tribù ta' wlied Naftali skond il-familji tagħhom: l-ibliet bl-irħula tagħhom.

Sehem ulied Dan

[Ġoż:19:40] Telgħet is-seba' xorti għal ulied Dan skond il-familji tagħhom. [Ġoż:19:41] Il-limiti ta' sehemhom kienu dawn: Sorgħa, Estawl, Għir-xemex, [Ġoż:19:42] Sagħlabbin, Ajjalon, Ġetla, [Ġoż:19:43] Elon, Timna, Għekron, [Ġoż:19:44] Elteki, Gibbeton, Bagħalat, [Ġoż:19:45] Ġehud, Bene-berak, Gat-rimmon; [Ġoż:19:46] u fuq il-punent il-limiti kienu f'Mirjakon biswit Ġaffa. [Ġoż:19:47] Imma l-art ta' wlied Dan ma baqgħetx għandhom, għalhekk ulied Dan telgħu u ħabtu għal Lesem, u rebħuha, u għaddewha minn xifer ix-xabla, ħaduha f'idejhom, u bdew jgħammru fiha, u semmewha Dan għal isem missierhom. [Ġoż:19:48] Dan huwa sehem ulied Dan skond il-familji tagħhom: dawn l-ibliet bl-irħula tagħhom.

Sehem Ġożwè

[Ġoż:19:49] Meta spiċċaw iqassmu l-art, kull sehem bil-limiti tiegħu, ulied Iżrael taw sehem lil Ġożwè bin Nun f'nofshom. [Ġoż:19:50] Skond ma kien qalilhom il-Mulej tawh il-belt li talabhom, jiġifieri Timnat-seraħ fuq il-muntanji ta' Efrajm, u bena l-belt, u beda jgħammar fiha.

[Ġoż:19:51] Dawn huma l-ishma li qassmu bix-xorti Elgħażar il-qassis, u Ġożwè bin Nun, u l-kapijiet tal-familji ta' wlied Iżrael f'Silo quddiem il-Mulej, f'bieb it-tinda tal-laqgħa. Hekk temmew t-tqassim ta' l-art.

20. L-ibliet tal-kenn

[Ġoż:20:1] Il-Mulej kellem lil Ġożwè u qallu: [Ġoż:20:2] “Għid lil ulied Iżrael: Agħżlu għalikom l-ibliet tal-kenn skond ma għedtilkom permezz ta' Mosè, [Ġoż:20:3] biex jistkenn fihom il-qattiel li jkun darab lil xi ħadd bi żball u bla ma ried, u jkunu għalikom ta' kenn mill-vendetta ta' qarib il-mejjet. [Ġoż:20:4] Hu jaħrab lejn waħda minn dawn l-ibliet, u jieqaf fid-daħla ta' bieb il-belt, u jgħid li jisimgħuh ix-xjuħ tal-belt kull ma jkun ġralu. Mbagħad iżommuh għandhom fil-belt u jagħtuh xi mkien fejn joqgħod magħhom. [Ġoż:20:5] U jekk min għandu d-dritt tal-vendetta jagħmel għal warajh, ma għandhomx jitilqulu l-qattiel f'idejh, għax ikun darab lil għajru bla ma ried, bla ma kien jobogħdu minn qabel. [Ġoż:20:6] U jibqa' f'dik il-belt sakemm jidher quddiem il-ġemgħa għall-ġudizzju, sal-mewt tal-qassis il-kbir li jkun f'dak iż-żmien, mbagħad il-qattiel jerġa’ lura lejn daru fil-belt tiegħu, il-belt li jkun ħarab minnha.”

[Ġoż:20:7] U għażlu lil Kedes fil-Galilija, fil-muntanji ta' Naftali; u Sikem fil-muntanji ta' Efrajm; u Kirjat-arba, jiġifieri Ħebron, fil-muntanji ta' Ġuda. [Ġoż:20:8] In-naħa l-oħra tal-Ġordan, mbagħad, fuq il-lvant ta' Ġeriko, għażlu lil Beser fid-deżert, fil-wita tat-tribù ta' Ruben; u Ramot f'Gilgħad tat-tribù ta' Gad; u 'l Golan f'Basan tat-tribù ta' Manassi.

[Ġoż:20:9] Dawn kienu l-ibliet li ngħataw lil ulied Iżrael kollha u lill-barrani li jkun jgħammar f'nofshom biex fihom jistkenn kull min ikun darab lil xi ħadd bi żball, u hekk ma jmutx b'id min ikollu d-dritt tal-vendetta, sakemm jidher quddiem il-ġemgħa.

21. L-ibliet tal-Leviti

[Ġoż:21:1] Mbagħad resqu l-kapijiet tal-familji tal-Leviti quddiem Elgħażar il-qassis, u quddiem Ġożwè bin Nun, u quddiem il-kapijiet tal-familji tat-tribujiet ta' wlied Iżrael, [Ġoż:21:2] u kellmuhom f'Silo, f'art Kangħan, u qalulhom: “Il-Mulej ordna permezz ta' Mosè li tagħtuna bliet biex aħna ngħammru fihom, u l-inħawi ta' madwarhom għall-bhejjem tagħna.” [Ġoż:21:3] U wlied Iżrael tawhom minn sehemhom, skond ma kien qal il-Mulej, dawn l-ibliet u l-inħawi ta' madwarhom.

[Ġoż:21:4] Telgħet ix-xorti għall-familji tal-Keħatin, u messu bix-xorti lil ulied Aron il-qassis, minn fost il-Leviti, tlittax-il belt mit-tribù ta' Benjamin; [Ġoż:21:5] u għaxart ibliet messu bix-xorti lill-bqija ta' wlied Keħat, skond il-familji tagħhom, mit-tribù ta' Efrajm, mit-tribù ta' Dan u minn nofs it-tribù ta' Manassi.

[Ġoż:21:6] Tlittax-il belt oħra mit-tribù ta' Issakar u mit-tribù ta' Aser u mit-tribù ta' Naftali u minn nofs it-tribù ta' Manassi f'Basan messu lil ulied Gersun skond il-familji tagħhom.

[Ġoż:21:7] Lil ulied Merari skond il-familji tagħhom messhom tnax-il belt mit-tribù ta' Ruben, mit-tribù ta' Gad, u mit-tribù ta' Żebulun.

[Ġoż:21:8] U wlied Iżrael taw bix-xorti dawn l-ibliet u l-inħawi tagħhom lil-Leviti, skond ma kien ordna l-Mulej permezz ta' Mosè.

[Ġoż:21:9] Mit-tribù ta' wlied Ġuda u mit-tribù ta' wlied Simgħon tawhom dawn l-ibliet f'isimhom. [Ġoż:21:10] Mess sehem lil ulied Aron mill-familji tal-Keħatin fost ulied Levi; tagħhom telgħet l-ewwel xorti. [Ġoż:21:11] Tawhom Kirjat-arba [Arba kien missier Għanak), jiġifieri Ħebron, fil-muntanji ta' Ġuda u l-wesgħat ta' madwarha. [Ġoż:21:12] Lil Kaleb bin Ġefunni tawh ir-raba' ta' din il-belt bl-irħula tagħha biex ikunu tiegħu. [Ġoż:21:13] U lil ulied Aron il-qassis, tawhom il-belt għall-kenn għal min joqtol, Ħebron bl-inħawi tagħha, u Libna bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:14] u Ġattir u l-inħawi tagħha, u Estemugħa bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:15] Ħolon bl-inħawi tagħha, Debir bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:16] Għajn bl-inħawi tagħha, Ġutta bl-inħawi tagħha, Bet-xemex bl-inħawi tagħha, disat ibliet mingħand dawn iż-żewġ tribujiet. [Ġoż:21:17] Mit-tribù ta' Benjamin tawhom: Gibgħon bl-inħawi tagħha, Geba bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:18] Għanatot bl-inħawi tagħha, Għalmon bl-inħawi tagħha, erbat ibliet. [Ġoż:21:19] L-ibliet kollha ta' wlied Aron il-qassis kienu tlittax-il belt bl-inħawi tagħhom.

[Ġoż:21:20] Lill-familji ta' wlied Keħat, il-Leviti li kien baqa' minn ulied Keħat, messewhom bix-xorti dawn l-ibliet mit-tribù ta' Efrajm. [Ġoż:21:21] Tawhom Sikem bħala l-belt tal-kenn għal min joqtol, bl-inħawi tagħha fil-muntanja ta' Efrajm; Geżer bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:22] Kibsajim bl-inħawi tagħha, Bethoron bl-inħawi tagħha, erbat ibliet. [Ġoż:21:23] Mit-tribù ta' Dan tawhom: Elteki bl-inħawi tagħha, Gibbeton bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:24] Ajjalon bl-inħawi tagħha, Gat-rimmon bl-inħawi tagħha, erbat ibliet. [Ġoż:21:25] Minn nofs it-tribù ta' Manassi tawhom: Tagħanak bl-inħawi tagħha, Gat-rimmon bl-inħawi tagħha, żewġt ibliet. [Ġoż:21:26] B'kollox għaxart ibliet bl-inħawi tagħhom għall-familji ta' wlied Keħat li kien baqa'.

[Ġoż:21:27] Mbagħad lil ulied Gersun, mit-tribù tal-Leviti, tawhom dawn l-ibliet; minn nofs it-tribù ta' Manassi tawhom bħala belt tal-kenn għal min joqtol, Golan f'Basan bl-inħawi tagħha u Begħestera bl-inħawi tagħha; żewġt ibliet. [Ġoż:21:28] Mit-tribù ta' Issakar tawhom: Kisjon bl-inħawi tagħha, Dabrat bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:29] Garmut bl-inħawi tagħha, Għajn-gannim bl-inħawi tagħna; erbat ibliet. [Ġoż:21:30] Mit-tribù ta' Aser, tawhom Misal bl-inħawi tagħha, Għabdon bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:31] Ħelkat bl-inħawi tagħha, Reħob bl-inħawi tagħha; erbat ibliet. [Ġoż:21:32] Mit-tribù ta' Naftali tawhom bħala bliet tal-kenn għal min joqtol: Kedes fil-Galilija bl-inħawi tagħha, Ħammot-dor bl-inħawi tagħha, Kartan bl-inħawi tagħha; tlitt ibliet. [Ġoż:21:33] B'kollox l-ibliet tal-Gersunin, skond il-familji tagħhom, kienu tlittax-il belt bl-inħawi tagħhom.

[Ġoż:21:34] U lill-familji ta' wlied Merari, il-Leviti li kien baqa' minnhom, tawhom dawn l-ibliet mit-tribù ta' Żebulun: Ġoknegħan bl-inħawi tagħha, Karta bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:35] Dimna bl-inħawi tagħha, Naħalal bl-inħawi tagħha; erbat ibliet. [Ġoż:21:36] U tawhom mit-tribù ta' Ruben, in-naħa l-oħra tal-Ġordan fuq il-lvant ta' Ġeriko, dawn l-ibliet tal-kenn għal min joqtol: Beser bl-inħawi tagħha, Ġaħsa bl-inħawi tagħha, [Ġoż:21:37] Kedemot bl-inħawi tagħha, Mefagħat bl-inħawi tagħha, erbat ibliet. [Ġoż:21:38] Mit-tribù ta' Gad tawhom bħala bliet tal-kenn għal min joqtol: Ramot f'Gilgħad bl-inħawi tagħha, Maħanajm bl-inħawi tagħha; [Ġoż:21:39] Ħesbon bl-inħawi tagħha, Ġagħżer bl-inħawi tagħha; b'kollox erbat ibliet. [Ġoż:21:40] L-ibliet kollha ta' wlied Merari skond il-familji tagħhom, li kien baqa' mill-familji tal-Leviti, skond ix-xorti li messithom, kienu tnax-il belt.

[Ġoż:21:41] L-ibliet kollha tal-Leviti f'nofs l-ishma ta' wlied Iżrael kienu tmienja u erbgħin belt bl-inħawi tagħhom. [Ġoż:21:42] Kull waħda minn dawn l-ibliet kienet belt bl-inħawi tagħha ta' madwarha: hekk kienu dawn l-ibliet kollha.

Tmiem it-tqassim ta' l-art

[Ġoż:21:43] Meta l-Mulej ta lil Iżrael l-art kollha li kien ħalef li jagħti lil missirijiethom, ħaduha f'idejhom u għammru fiha. [Ġoż:21:44] Il-Mulej serraħhom minn kullimkien, skond ma kien ħalef lil missirijiethom, u ħadd mill-għedewwa kollha tagħhom ma kien waqfilhom; il-Mulej telaq lill-għedewwa kollha tagħhom f'idejhom. [Ġoż:21:45] Ebda kelma ta' ġid ma kien baqa' li ma seħħitx skond ma kien wiegħed il-Mulej lid-dar ta' Iżrael. Kollox seħħ!

22. It-tribù tal-lvant lura f'arthom

[Ġoż:22:1] Mbagħad Ġożwè sejjaħ lir-Rubenin u lill-Gadin u lin-nofs it-tribù ta' Manassi. [Ġoż:22:2] U qalilhom: “Intom ħaristu kull ma ordnalkom Mosè, il-qaddej tal-Mulej, u smajtu kliemi f'kull ma ordnajtilkom. [Ġoż:22:3] Ma ħallejtux lil ħutkom f'dan iż-żmien kollu sa llum, u ħaristu bir-reqqa kull ma ordnalkom Alla tagħkom, l-Mulej. [Ġoż:22:4] Issa li l-Mulej, Alla tagħkom, ta l-mistrieħ lil ħutkom bħalma kien wegħedhom, dawwru wiċċkom u morru lejn it-tined tagħkom fl-art tal-wirt tagħkom li takom Mosè, il-qaddej tal-Mulej, in-naħa l-oħra tal-Ġordan. [Ġoż:22:5] Biss qisu sewwa li tagħmlu l-ordnijiet u l-liġijiet li ordnalkom Mosè, il-qaddej tal-Mulej; li tħobbu l-Mulej, Alla tagħkom, u li timxu fit-toroq kollha tiegħu, u li tħarsu l-ordnijiet tiegħu, u li tintrabtu miegħu, u taqduh b'qalbkom kollha u b'ruħkom kollha.” [Ġoż:22:6] U Ġożwè berikhom u bagħathom; u huma telqu lejn it-tined tagħhom.

[Ġoż:22:7] Lil nofs it-tribù ta' Manassi Mosè tahom sehem f'Basan, lin-nofs l-iehor Ġożwè tahom sehem ma' ħuthom in-naħa l-oħra tal-Ġordan lejn il-punent. Hu u jibgħathom lejn it-tined tagħhom Ġożwè ssokta jberikhom u jgħidilhom: [Ġoż:22:8] “Erġgħu lura lejn it-tined tagħkom mimlijin bil-ġid u b'imrieħel kbar, b'fidda, b'deheb, bi bronż, u b'ħadid, b'ilbiesi bil-kotra; aqsmu l-priża ta' l-għedewwa tagħkom ma' ħutkom.” [Ġoż:22:9] U reġgħet lura u telqu wlied Ruben, u wlied Gad u nofs it-tribù ta' Manassi mingħand ulied Iżrael, minn Silo, li hi f'art Kangħan, biex imorru fl-art ta' Gilgħad, li hi sehemhom u ħaduhom skond ma kien qal il-Mulej permezz ta' Mosè.

[Ġoż:22:10] Kif waslu fl-inħawi tal-Ġordan fl-art ta' Kangħan, bnew hemm ulied Ruben, u wlied Gad u nofs it-tribù ta' Manassi, artal ħdejn il-Ġordan, artal kbir li jidher. [Ġoż:22:11] U semgħu wlied Iżrael min jgħid: “Araw, ulied Ruben, ulied Gad u nofs it-tribù ta' Manassi, bnew artal biswit art Kangħan fl-inħawi tal-Ġordan, in-naħa ta' wlied Iżrael.” [Ġoż:22:12] U semgħu wlied Iżrael u nġemgħet il-kotra kollha ta' wlied Iżrael f'Silo, biex jitilgħu jaħbtu għalihom.

[Ġoż:22:13] U wlied Iżrael bagħtu għandu ulied Ruben u wlied Gad u nofs it-tribù ta' Manassi fl-art ta' Gilgħad, lil Fineħas bin Elgħażar il-qassis; [Ġoż:22:14] u miegħu għaxar prinċpijiet, prinċep għal kull tribù ta' Iżrael, kull wieħed kap tal-familja tiegħu fil-qtajja' ta' Iżrael. [Ġoż:22:15] U ġew għand ulied Ruben u wlied Gad u nofs it-tribù ta' Manassi fl-art ta' Gilgħad, u kellmuhom u qalulhom: [Ġoż:22:16] “Dan hu li tgħidilkom il-ġemgħa kollha tal-Mulej: 'X'ħażen hu dan li għamiltu lil Alla ta' Iżrael, li warrabtu llum minn wara l-Mulej, bnejtu għalikom artal, u xxewwixtu llum kontra l-Mulej? [Ġoż:22:17] Forsi kienet ħaġa’ żgħira għalina d-dnub ta' Pegħor li minnu għadna ma ssaffejniex sa llum, minkejja l-qerda li waqgħet fuq il-poplu tal-Mulej, biex issa intom terġgħu twarrbu minn wara l-Mulej? [Ġoż:22:18] Jekk intom illum terġgħu lura minn wara l-Mulej u tqumu llum kontra l-Mulej, għada jinkorla għall-ġemgħa kollha ta' Iżrael. [Ġoż:22:19] Jekk sehemkom hi art imniġġsa, aqsmu għall-art li hi tal-Mulej fejn hemm it-tabernaklu tal-Mulej, u għammru fostna; imma tqumux kontra l-Mulej, u tqumux kontra tagħna u tibnu għalikom artal barra mill-artal tal-Mulej, Alla tagħna. [Ġoż:22:20] Ma naqasx forsi Għakan bin Żeraħ fil-ħwejjeġ ta' l-interdett? Ma xegħlitx il-qilla tal-Mulej għal Iżrael kollu? U ma kienx waħdu li miet għal ħtijietu.' ”

[Ġoż:22:21] U wlied Ruben u wlied Gad u nofs it-tribù ta' Manassi wieġbu lill-prinċpijiet ta' l-eluf ta' Iżrael: [Ġoż:22:22] “Alla fuq l-allat il-Mulej! Alla fuq l-allat il-Mulej! Hu jaf, u Iżrael jaf ukoll: jekk dan għamilnieh illum b'tixwix jew b'nuqqas lejn il-Mulej, la taħfirhilniex illum, [Ġoż:22:23] li aħna morna nibnu artal għalina biex inwarrbu minn wara l-Mulej! Ħa jħallasna l-Mulej innifsu jekk aħna għamilnieh biex noffru s-sagrifiċċju tal-ħruq, u offerti tal-qmuħ u nagħmlu fuqu s-sagrifiċċji tas-sliem. [Ġoż:22:24] Aħna għamilnieh għax bżajna u għedna: Għada għad jistaqsu wliedkom lil uliedna u jgħidulhom: 'X'għandkom x'taqsmu mal-Mulej ta' Iżrael intom? [Ġoż:22:25] Il-Mulej għamel il-Ġordan fruntiera bejnna u bejnkom, ulied Ruben u wlied Gad: intom ma għandkomx sehem fil-Mulej' u hekk ibiegħdu wliedkom lil uliedna mill-biża' tal-Mulej'. [Ġoż:22:26] Għalhekk għedna: 'Ħa nagħmlu għalina u nibnu artal, mhux għas-sagrifiċċji tal-ħruq u l-vittmi [Ġoż:22:27] imma bħala xhieda bejnna u bejnkom, u bejn in-nisel tagħna u n-nisel tagħkom, li jiġi warajna, li aħna nqimu sewwa lill-Mulej fil-preżenza tiegħu bis-sagrifiċċji tal-ħruq tagħna, bil-vittmi tas-sliem, u ma jgħidux għada wliedkom lil uliedna: 'Ma għandkomx sehem fil-Mulej'. [Ġoż:22:28] Għalhekk għedna: 'Jekk għada jistaqsu lilna jew lil nisilna ngħidulhom: Araw il-mudell ta' l-artal tal-Mulej li għamlu missirijietna, mhux għas-sagrifiċċji tal-ħruq jew għall-vittmi, imma b'xhieda bejnna u bejnkom.' [Ġoż:22:29] Ma jkun qatt minna li nqumu kontra l-Mulej, u nwarrbu minn wara l-Mulej u nibnu artal għas-sagrifiċċji tal-ħruq, għall-offerti tal-qmuħ u għall-vittmi, barra mill-artal tal-Mulej, Alla tagħna, li hemm quddiem it-tabernaklu tiegħu.”

[Ġoż:22:30] Fineħas il-qassis, u l-prinċpijiet tal-ġemgħa, u l-kapijiet ta' l-eluf ta' Iżrael li kienu miegħu, semgħu l-kliem li qalu wlied Ruben u wlied Gad u wlied Manassi, u għoġobhom. [Ġoż:22:31] U Fineħas bin Elgħażar wieġeb lil ulied Ruben u wlied Gad u wlied Manassi: “Illum għarafna li l-Mulej huwa fostna għaliex intom ma qomtux kontra l-Mulej b'dan li għamiltu. Issa intom ħlistu lil ulied Iżrael minn id il-Mulej.”

[Ġoż:22:32] U Fineħas bin Elgħażar il-qassis, u l-prinċpijiet, reġgħet lura mingħand ulied Ruben u wlied Gad mill-art ta' Gilgħad għall-art ta' Kangħan għand ulied Iżrael u tawhom l-aħbar. [Ġoż:22:33] U wlied Iżrael għoġbithom din il-ħaġa u bierku lil Alla wlied Iżrael; u ma baqgħux jgħidu li jridu jitilgħu jaħbtu għalihom, u jħarbtu l-art li fiha jgħammru wlied Ruben u wlied Gad. [Ġoż:22:34] U wlied Ruben u wlied Gad semmew l-artal Għed, xhieda, għaliex qalu:
“Xhieda hu bejnietna li l-Mulej hu Alla.”

23. L-aħħar ordnijiet ta' Ġożwè

[Ġoż:23:1] U ġara li kien għadda ħafna żmien minn mindu l-Mulej kien ta l-mistrieħ lil Iżrael mill-għedewwa kollha tagħhom ta' madwarhom, u Ġożwè kien xiħ u mdaħħal fiż-żmien [Ġoż:23:2] meta sejjaħ lil Iżrael kollu, lix-xjuħ tiegħu, u 'l-kapijiet u lill-imħallfin u 'l-uffiċjali tiegħu u qalilhom: “Arawni, jien xiħ imdaħħal fiż-żmien. [Ġoż:23:3] Intom rajtu kull ma għamel quddiemkom lil dawn il-ġnus kollha l-Mulej, Alla tagħkom; għax il-Mulej, Alla tagħkom, hu li kien jitqabad għalikom. [Ġoż:23:4] Araw, jien qassamtilkom b'wirt lit-tribujiet tagħkom dawn il-ġnus li għad fadal minn dawk li jien qridt, mill-Ġordan sal-Baħar il-Kbir, in-naħa ta' nżul ix-xemx. [Ġoż:23:5] U l-Mulej, Alla tagħkom, għad jaqlagħhom u jkeċċihom minn quddiemkom, u intom tirtu arthom bħalma l-Mulej, Alla tagħkom, wegħedkom. [Ġoż:23:6] Għalhekk agħmlu ħilitkom kollha biex tħarsu kulma hu miktub fil-ktieb tal-liġi ta' Mosè, mingħajr ma tilwu lejn ix-xellug jew lejn il-lemin, [Ġoż:23:7] bla ma titħalltu ma' dawn il-ġnus li għad baqa' magħkom. La ssemmux isem allathom, u la taħilfux bihom, la taqduhomx, u la tadurawhomx. [Ġoż:23:8] Iżda ngħaqdu mal-Mulej, Alla tagħkom, bħalma għamiltu sa issa. [Ġoż:23:9] U l-Mulej keċċa minn quddiemkom ġnus kbar u qawwija, u intom ma waqfilkom ħadd sa llum. [Ġoż:23:10] Għalhekk wieħed minnkom jagħmel għal wara elf, għaliex il-Mulej, Alla tagħkom, hu li jitqabad għalikom, bħalma wegħedkom. [Ġoż:23:11] Ħarsu sewwa lilkom infuskom li tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom. [Ġoż:23:12] Jekk intom terġgħu lura, u tingħaqdu mal-fdal ta' dawn il-ġnus li għad fadal magħkom, tiżżewwġu u titħalltu magħhom u huma magħkom, [Ġoż:23:13] kunu afu li l-Mulej, Alla tagħkom, ma jibqax aktar ikeċċi dawn il-ġnus minn quddiemkom, u jkunu għalikom xibka u tfixkil, frosta għal ġenbejkom u xewk f'għajnejkom, sakemm jeqirdukom minn din l-art tajba li takom il-Mulej, Alla tagħkom.

[Ġoż:23:14] Arawni issa, jien illum se naqbad it-triq tal-bnedmin kollha ta' l-art. Kunu afu b'qalbkom kollha u b'ruħkom kollha li ebda waħda mill-wegħdiet ta' ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħewlkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-xejn! [Ġoż:23:15] Imma bħalma seħħewlkom il-wegħdiet kollha ta' ġid li l-Mulej, Alla tagħkom, kien għamlilkom, hekk il-Mulej, Alla tagħkom, iġib fuqkom id-deni kollu li wegħedkom sakemm jeqridkom minn din l-art tajba li takom il-Mulej, Alla tagħkom. [Ġoż:23:16] Jekk intom tiksru l-patt tal-Mulej, Alla tagħkom, li ordnalkom, u tmorru taqdu allat oħra u tqimuhom, tixgħel il-qilla tal-Mulej għalikom u jeqridkom minnufih minn wiċċ l-art tajba li takom.”


24. It-tiġdid tal-patt f'Sikem

[Ġoż:24:1] Ġożwè ġema' t-tribujiet kollha ta' Iżrael f'Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem Alla. [Ġoż:24:2] U Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Dan qal il-Mulej Alla ta' Iżrael: 'Missirijietkom, Teraħ missier Abraham u missier Naħor, sa minn żmien il-qedem kienu jgħammru n-naħa l-oħra tax-xmara u jaqdu allat oħra. [Ġoż:24:3] Jien ħadt lil missierkom Abraham min-naħa l-oħra tax-xmara u għaddejtu mill-art kollha ta' Kangħan u kattartlu nislu, u tajtu lil Iżakk. [Ġoż:24:4] Lil Iżakk tajtu 'l Ġakobb u 'l Għesaw; u lil Għesaw tajtu l-muntanja ta' Xegħir biex tkun tiegħu; u Ġakobb u wliedu niżlu l-Eġittu. [Ġoż:24:5] U bgħatt lil Mosè u lil Aron u drabt lill-Eġittu b'kull ma għamiltlu f'nofsu, u mbagħad ħriġtkom minn hemm, [Ġoż:24:6] u ħriġt lil missirijietkom mill-Eġittu, u wassaltkom sa ħdejn il-Baħar, u l-Eġizzjani għamlu għal wara missirijietkom bil-karrijiet u ż-żwiemel sal-Baħar tal-Qasab. [Ġoż:24:7] U għajjtu lill-Mulej, u l-Mulej tafa' dlam bejnkom u bejn l-Eġizzjani, u ġibt fuqhom il-Baħar li għattiehom. Rajtu b'għajnejkom x'għamilt fl-Eġittu. Mbagħad intom domtu żmien twil fid-deżert. [Ġoż:24:8] Wassaltkom fl-art ta' l-Amurrin, li kienu jgħixu n-naħa l-oħra tal-Ġordan, u dawn ħabtu għalikom, u jien erħejthom f'idejkom u writtu arthom, u jiena qridthom minn quddiemkom. [Ġoż:24:9] Qam Balak bin Siffur, sultan ta' Mowab, u ħabat għal Iżrael, u bagħat isejjaħ lil Bagħlam bin Begħor biex jisħetkom. [Ġoż:24:10] Imma jien ma ridtx nisma' lil Bagħlam u kellu jberikkom u ħlistkom minn idejh. [Ġoż:24:11] U intom qsamtu l-Ġordan u ġejtu sa Ġeriko, u ħabtu għalikom in-nies ta' Ġeriko, l-Amurrin, il-Periżżin, il- Kangħanin, il-Ħittin, il-Girgasin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, u rħejthom f'idejkom. [Ġoż:24:12] U bgħatt quddiemkom iż-żnażan, u dawn, u mhux ix-xabla jew il-qaws tiegħek, keċċewhom minn quddiemkom, lilhom u ż-żewġ slaten ta' l-Amurrin. [Ġoż:24:13] U tajtkom art li qatt ma ħdimtu, u bliet li qatt ma bnejtu, u għammartu fihom; kiltu mill-oqsma tad-dwieli u taż-żebbuġ li intom ma ħawwiltux.'

[Ġoż:24:14] Għalhekk issa ibżgħu mill-Mulej, u aqduh bir-reqqa u l-fedeltà; warrbu l-allat li missirijietkom qdew lil hemm mix-xmara u fl-Eġittu, u aqdu l-Mulej. [Ġoż:24:15] U jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat ta' l-Amurrin li f'arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej. [Ġoż:24:16] U l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra. [Ġoż:24:17] Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla' lilna u 'l missirijietna mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom qsamna. [Ġoż:24:18] U l-Mulej keċċa minn quddiemna l-popli kollha u l-Amurrin li kienu jgħammru fl-art. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna.”

[Ġoż:24:19] U Ġożwè wieġeb lill-poplu: “Intom ma tifilħux taqdu l-Mulej, għaliex hu Alla qaddis, Alla għajjur; huwa ma jaħfrilkomx dnubietkom u ħtijietkom, [Ġoż:24:20] għax jekk intom titilqu l-Mulej biex taqdu allat barranin, hu jdur kontra tagħkom, jaħqarkom u jeqridkom, wara li jkun għamlilkom il-ġid.” [Ġoż:24:21] U l-poplu wieġeb lil Ġożwè: “Le! Għax aħna l-Mulej se naqdu.” [Ġoż:24:22] Ġożwè wieġeb lill-poplu: “Kunu xhieda intom għalikom infuskom, li intom għażiltu l-Mulej biex taqdu lilu.” U huma wieġbu: “Nixhdu aħna.” [Ġoż:24:23] “Mela issa neħħu l-allat barranin li hemm f'nofskom, u dawwru qalbkom lejn il-Mulej, Alla ta' Iżrael.” [Ġoż:24:24] U l-poplu wieġeb lil Ġożwè: “Lill-Mulej, Alla tagħna, naqdu, u lehnu nisimgħu.” [Ġoż:24:25] Hekk Ġożwè dak in-nhar għamel patt mal-poplu, u tah il-liġijiet u l-ordnijiet f'Sikem. [Ġoż:24:26] Ġożwè kiteb dan il-kliem kollu fil-ktieb tal-liġi ta' Alla, u ħa ġebla kbira, u waqqafha hemm taħt il-balluta li hemm fis-santwarju tal-Mulej. [Ġoż:24:27] U Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Araw! Din il-ġebla tkun għalina xhieda, għax hi semgħet il-kliem kollu tal-Mulej li qalilna u tkun għalikom xhieda li ma tiċħdux lil Alla tagħkom.” [Ġoż:24:28] U Ġożwè bagħat lill-poplu, lil kulħadd fl-art tiegħu.

Il-mewt ta' Ġożwè

[Ġoż:24:29] Wara dawn il-ġrajja miet Ġożwè bin Nun, qaddej tal-Mulej, fl-għomor ta' mija u għaxar snin. [Ġoż:24:30] U difnuh fl-art li kienet messitu f'Timnat-seraħ, fl-għoljiet ta' Efrajm, fuq it-tramuntana tal-muntanja Gagħas.

[Ġoż:24:31] Iżrael qeda lill-Mulej il-jiem kollha ta' Ġożwè, u l-jiem kollha tax-xjuħ li baqgħu ħajjin wara Ġożwè, u li kienu jafu bl-opri kollha tal-Mulej, li kien għamel ma' Iżrael.

[Ġoż:24:32] U l-għadam ta' Ġużeppi li wlied Iżrael kienu tellgħu mill-Eġittu difnuh f'Sikem fil-biċċa art li kien xtara Ġakobb mingħand ulied Ħamor, missier Sikem, b'mitt biċċa flus, u din baqgħet proprjetà ta' Ġużeppi.

[Ġoż:24:33] U Elgħażar bin Aron miet, u difnuh f'Gibgħa ta' Fineħas ibnu, li kienet ingħatat lilu fil-muntanji ta' Efrajm.