IL-KTIEB TAL-PROFETA ĠONA

It-tempesta

[Ġona:1:4] Iżda l-Mulej bagħat riefnu fuq il-baħar, u qamet taqliba kbira, hekk li l-ġifen kien għoddu nqasam. [Ġona:1:5] Il-baħrin twerwru, u kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu; u waddbu l-baħar il-merkanzija li kien hemm fuq il-ġifen, biex iħaffu minn fuqhom. Iżda Ġona niżel isfelnett tal-ġifen, mtedd u raqad fil-fond. [Ġona:1:6] Mbagħad resaq fuqu l-kaptan u qallu: "Int kif int rieqed? Qum, u sejjaħ lil Alla tiegħek! Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux!" [Ġona:1:7] Mbagħad bdew jgħidu wieħed lil ieħor: "Ejjew nitfgħu x-xorti, ħa nkunu nafu ta' min hi l-ħtija li waqa' fuqna dan l-għawġ kollu." Tefgħu x-xorti, u x-xorti waqgħet fuq Ġona. [Ġona:1:8] Mbagħad qalulu: "Issa għidilna: ħtija ta' min ġie fuqna dan il-għawġ? X'inhu xogħlok, minn fejn int ġej, liema hu pajjiżek, u minn liema poplu int?" [Ġona:1:9] "Jien Għebrew?" qalilhom," u nqim lill-Mulej, Alla tas-sema, li għamel il-baħar u l-art." [Ġona:1:10] Dawk l-irġiel beżgħu biża' kbir, u qalulu: "Dan għax għamiltu?" Għax billi hu qalilhom kollox, saru jafu li kien ħarab minn quddiem il-Mulej. [Ġona:1:11] Mbagħad qalulu: "X'se nagħmlu bik, biex il-baħar jikkwitalna?" Għax il-baħar baqa' jżid. [Ġona:1:12] "Aqbduni u ixħtuni l-baħar," qalilhom, "u l-baħar jikkwitalkom. Għax naf li din it-tempesta kollha waqgħet fuqkom ħtija tiegħi." [Ġona:1:13] In-nies armaw jaqdfu biex jerġgħu jaqbdu l-art, iżda ma seħħilhomx, għax it-taqlib tal-baħar baqa' jżid kontriehom. [Ġona:1:14] Għalhekk sejjħu l-Mulej u qalu: "Jaħasra, Mulej, nitolbuk li ma tħalliniex nintilfu ħtija tal-ħajja ta' dan il-bniedem, u twaħħalniex ħatja ta' demm bla ħtija, għax kont int, Mulej, li għamilt kif għoġbok." [Ġona:1:15] U qabdu 'l Ġona u xeħtuh il-baħar, u l-baħar raqqad il-qilla tiegħu. [Ġona:1:16] U l-irġiel qabadhom biża' kbira mill-Mulej, u offrew sagrifiċċji lill-Mulej u għamlu wegħdiet.

2. Ġona salvat

[Ġona:2:1] U l-Mulej qabbad ħuta kbira tibla' 'l Ġona, u Ġona baqa' tlitt ijiem u tliet iljieli f'żaqq il-ħuta. [Ġona:2:2] U talab Ġona lill-Mulej, Alla tiegħu, minn żaqq il-ħuta, [Ġona:2:3] u qal:

"Fid-dwejjaq tiegħi lill-Mulej sejjaħt,
u hu weġibni;
mill-ġuf ta' Art l-Imwiet krabt għall-għajnuna,
u leħni smajtu.
[Ġona:2:4] Inti tfajtni fil-qiegħ, ġo nofs il-baħar,
u l-wied dar miegħi;
l-imwieġ il-kbar u l-ħalel kollha tiegħek
għaddew minn fuqi.
[Ġona:2:5] U jiena għedt: "Tgerrixt minn quddiem wiċċek:
kif nerġa' nara t-tempju mqaddes tiegħek?"
[Ġona:2:6] Dawwruni l-ilmijiet sa għoddhom fgawni,
l-abbiss dar miegħi,
tkebbet ma' rasi l-alka,
f'tarf il-muntanji.
[Ġona:2:7] Nżilt ġo l-art,
madwari l-qofol tagħha dar għal dejjem.
Imm'int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra,
Mulej, Alla tiegħi.
[Ġona:2:8] Meta ġo fija kelli ruħi mħeddla,
jien fil-Mulej ftakart;
u t-talba tiegħi telgħet sa quddiemek,
fit-tempju mqaddes tiegħek.
[Ġona:2:9] Dawk li jirrispettaw l-idoli fiergħa
ikunu qed jarmu t-tjieba tagħhom.
[Ġona:2:10] Jien, iżda, lilek noffri s-sagrifiċċji,
b'leħen ta' radd il-ħajr,
u dak li wegħedt inroddu.
Is-salvazzjoni tiġi mill-Mulej."

[Ġona:2:11] U l-Mulej kellem lill-ħuta, u din xeħtet lil Ġona fuq l-art.

3. In-nies ta' Ninwè jindmu u Alla jaħfrilhom

[Ġona:3:1] U l-kelma tal-Mulej għat-tieni darba waslet lil Ġona u qallu: [Ġona:3:2] "Qum, mur f'Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien." [Ġona:3:3] U Ġona qam u mar f'Ninwè kif qallu l-Mulej. Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha. [Ġona:3:4] Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: "Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!"

[Ġona:3:5] In-nies ta' Ninwè emmnu f'Alla, nedew sawma u libsu x-xkejjer, mill-kbir saż-żgħir. [Ġona:3:6] L-aħbar waslet għand is-sultan ta' Ninwè, u qam minn fuq it-tron tiegħu, neħħa minn fuqu l-mantell tiegħu, nkesa bi xkora, u ntasab fuq l-irmied.

[Ġona:3:7] U ħarġu jxandru u jgħidu f'Ninwè: "B'digriet tas-sultan u tal-kbarat tiegħu: La nies, la annimali, la bhejjem u lanqas merħliet, ħadd m'għandu jduq xejn, u la jirgħu u lanqas jixorbu ilma. [Ġona:3:8] U jinksew bi xkejjer, kemm il-bnedmin u kemm l-annimali jgħajjtu b'qawwa lejn Alla, u kull wieħed jerġa' lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħsara li għamel b'idejh. [Ġona:3:9] Min jaf jekk Alla jibdilux u jisgħobx bih, u jdur mill-korla mixgħula tiegħu, u aħna ma nintilfux!" [Ġona:3:10] U Alla ra x'għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa' bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.

4. Il-profeta jinkedd u Alla jwieġbu

[Ġona:4:1] Iżda dan xejn li xejn m'għoġbu lil Ġona, u nkorla. [Ġona:4:2] U talab lill-Mulej u qal: "Jaħasra, Mulej, m'hux dan kien kliemi meta kont għadni f'pajjiżi? Kien għalhekk li jien għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla ħanin u tagħder, tqil biex tinkorla, kollok tjieba u jisgħob bik għad-deni. [Ġona:4:3] U issa, Mulej, ħudli ħajti, nitolbok, għax għalija aħjar immut milli nibqa' ħaj!" [Ġona:4:4] U qal il-Mulej: "Dan sewwa għalik li tinkorla?"

[Ġona:4:5] Mbagħad Ġona ħareġ mill-belt u qagħad in-naħa tal-lvant tal-belt; tella' għalih għarix hemmhekk, u qagħad taħtu, għad-dell, biex jara x'kien se jiġri mill-belt.

[Ġona:4:6] U l-Mulej Alla ordna li titla' siġra tar-riġnu għal Ġona, biex ikollu d-dell fuq rasu u teħilsu mill-ħsara. Ġona feraħ wisq bis-siġra; [Ġona:4:7] imma kif sebaħ l-għada, Alla bagħat dudu li mess is-siġra u din nixfet. [Ġona:4:8] Ġara mbagħad li, kif telgħet ix-xemx, il-Mulej bagħat riħ jaħraq mil-lvant, ix-xemx qabdet tisreġ fuq ras Ġona, hekk li dan ħassu ħażin u xtaq li jmut, u qal: "Għalija aħjar immut milli nibqa' ħaj!" [Ġona:4:9] U qal Alla lil Ġona: "Dan sewwa għalik li tinkorla għas-siġra?" Iżda hu wieġeb: "Iva, sewwa li nkurlajt sal-mewt."

[Ġona:4:10] Mbagħad qallu l-Mulej: "Inti ġietek ħasra mis-siġra tar-riġnu, li la tħabatt għaliha u lanqas kabbartha int, u li f'lejl wieħed ġiet u f'lejl wieħed marret. [Ġona:4:11] Mela jiena ma kellix tiġini ħasra minn Ninwè, il-belt il-kbira fejn hemm aktar minn mija u għoxrin elf ruħ li ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom, u fejn hemm ukoll ħafna bhejjem?"