IL-KTIEB TA’ ĠOB

1. It-tjieba u l-hena ta' Ġob

[Ġob:1:1] Kien hemm raġel fl-art ta' Għus jismu Ġob, raġel perfett u tajjeb, jibża' minn Alla u mbiegħed mill-ħażen. [Ġob:1:2] Tweldulu seba' subjien u tlitt ibniet. [Ġob:1:3] L-imrieħel tiegħu kienu jgħoddu sebat elef nagħġa, tlitt elef ġemel, ħames mitt żewġ barrin, ħames mitt ħmara u kotra kbira ta' qaddejja. Dar-raġel kien l-aqwa wieħed fost il-popli kollha tal-lvant. [Ġob:1:4] Uliedu s-subjien kienu jmorru għal ikla li kull wieħed, fil-jum li jmissu, kien jagħmel f'daru. Kienu jistiednu wkoll lit-tliet ħuthom bniet biex jieklu u jixorbu magħhom. [Ġob:1:5] U kull meta kienet tgħaddi dawra sħiħa ta' festi, Ġob kien jibgħat għalihom biex jagħmlilhom ir-rit tal-purifikazzjoni tagħhom. L-għada kien iqum kmieni u joffri sagrifiċċju ta' vittmi maħruqa għal kull wieħed minnhom, għax Ġob kien jgħid: "Għandu mnejn dinbu wliedi u seħtu lil Alla f'qalbhom." Hekk kien soltu jagħmel Ġob.

Tiġrib u sabar ta' Ġob

[Ġob:1:6] Ġara darba li wlied Alla resqu quddiem il-Mulej, u fosthom ġie wkoll ix-Xitan. [Ġob:1:7] U l-Mulej staqsa lix-Xitan: "Mnejn inti ġej?" Ix-Xitan wieġeb lill-Mulej u qallu: "Minn dawra mad-dinja, kont nitlajja 'l hawn u 'l hemm." [Ġob:1:8] Il-Mulej raġa' staqsa lix-Xitan: "Il-qaddej tiegħi Ġob ħsibt fih? Ma hawnx ieħor bħalu fid-dinja, raġel perfett u tajjeb, jibża' minn Alla u mbiegħed mill-ħażen." [Ġob:1:9] Ix-Xitan wieġeb u qal: "Tgħid għal xejn Ġob jibża' minn Alla? [Ġob:1:10] Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru u madwar daru, u madwar kull ma għandu kif iddur? Berikt kull ma għamlu idejh, u ġidu kotor ma' l-art kollha kemm hi. [Ġob:1:11] Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f'wiċċek." [Ġob:1:12] U l-Mulej wieġeb lix-Xitan: "Ara, kull ma għandu f'idejk. Biss terfax idek fuqu." U x-Xitan telaq minn quddiem il-Mulej.

[Ġob:1:13] Mela darba wlied Ġob, subjien u bniet, kienu qegħdin jieklu u jixorbu l-inbid għand ħuhom il-kbir. [Ġob:1:14] U ġie għand Ġob messaġġier jgħidlu: "Il-gniedes kienu jaħartu, bil-ħmir jirgħu ħdejhom: [Ġob:1:15] qabżu fuqhom is-Sabijin u ħatfuhom, u lill-qaddejja darbuhom b'xifer is-sejf. Bqajt jien waħdi biex ngħarrfek b'dan."

[Ġob:1:16] Kien għadu ma waqafx jitkellem dan, meta ġie ieħor jgħidlu: "Niżel nar ta' Alla mis-sema, ħaraq l-imrieħel u l-qaddejja, u belagħhom. Bqajt jien waħdi biex ngħarrfek b'dan."

[Ġob:1:17] Kif kien għadu jitkellem, ġie ieħor jgħidlu: "Il-Kaldin niżlu fi tliet ġemgħat, u nxteħtu fuq l-iġmla u ħatfuhom, u lill-qaddejja darbuhom b'xifer is-sejf. Bqajt jien waħdi biex ngħarrfek b'dan."

[Ġob:1:18] Kif kien għadu jitkellem, ġie ieħor jgħidlu: "Uliedek, subjien u bniet, kienu qegħdin jieklu u jixorbu l-inbid għand ħuhom il-kbir, [Ġob:1:19] u dlonk qam riħ qawwi min-naħa tad-deżert, u ħabat għad-dar min-naħa ta' l-erba' kantunieri tagħha u waqgħet fuq iż-żgħażagħ u mietu. Bqajt jien waħdi biex ngħarrfek b'dan."

[Ġob:1:20] Mbagħad Ġob qam, ċarrat ħwejġu, qaxxar rasu, niżel wiċċu fl-art u beda jsalli u jgħid: [Ġob:1:21] "Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa' mmur hemm. Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej." [Ġob:1:22] F'dan kollu Ġob ma dinibx u ma qalx dagħwa waħda kontra Alla.

2. Tiġrib eħrex

[Ġob:2:1] Darb'oħra wlied Alla resqu quddiem il-Mulej; fosthom kien hemm ix-Xitan ukoll. [Ġob:2:2] Il-Mulej staqsa lix-Xitan: "Mnejn ġej?" U x-Xitan wieġbu: "Minn dawra mad-dinja, kont nitlajja 'l hemm u 'l hawn." [Ġob:2:3] Il-Mulej raġa' staqsa lix-Xitan: "Il-qaddej tiegħi Ġob ħsibt fih? M'hawnx ieħor bħalu fid-dinja, raġel perfett u tajjeb, jibża' minn Alla u mbiegħed mill-ħażen. U għadu jżomm sħiħ fil-perfezzjoni tiegħu, għad li int xewwixtni biex neqirdu għal xejn b'xejn." [Ġob:2:4] U x-Xitan wieġeb lill-Mulej u qallu: "Ġild b'ġild, u l-bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu! [Ġob:2:5] Issa midd idek u olqtu f'għadmu u laħmu, u ara jisħtekx f'wiċċek." [Ġob:2:6] U l-Mulej wieġeb lix-Xitan: "Ara, nħalli f'idejk. Biss, ibża' għal ħajtu."

[Ġob:2:7] U x-Xitan telaq minn quddiem il-Mulej, u mela lil Ġob bi nfafet qalila minn qiegħ riġlejh sal-qorriegħa ta' rasu. [Ġob:2:8] U dan ħa xaqqufa biex jinħakk biha u mar intasab fl-irmied. [Ġob:2:9] U qaltlu martu: "Għadek iżżomm sħiħ fil-perfezzjoni tiegħek? Isħet 'l Alla u mut?" [Ġob:2:10] U hu wieġeb: "Qiegħda titkellem ta' waħda belha. Nilqgħu t-tajjeb mingħand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?" F'dan kollu Ġob ma dinibx b'xufftejh.

Tlitt iħbieb iżuru 'l Ġob

[Ġob:2:11] Mela tlitt iħbieb ta' Ġob semgħu b'dan l-hemm kollu li waqa' fuqu u ġew kull wieħed minnhom minn pajjiżu, Elifaż minn Teman, Bildad minn Suħa u Sofar minn Nagħma. U ftiehmu li jmorru flimkien biex juruh is-sogħba tagħhom u jfarrġuh. [Ġob:2:12] Iżda kif lemħuh minn ftit 'il bogħod ma għarfuhx u nfexxu f'għajat ta' biki, ċarrtu kull wieħed il-mantar tiegħu u tefgħu t-trab fl-għoli għal fuq rashom. [Ġob:2:13] U qagħdu fl-art maġenbu għal sebat ijiem u sebat iljieli, iżda ħadd minnhom ma qallu kelma, għax raw li kien kbir wisq in-niket tiegħu.

3. Ġob jisħet xortih

[Ġob:3:1] Wara dan Ġob fetaħ fommu,
seħet jum twelidu,
[Ġob:3:2] u qabad jgħid:
[Ġob:3:3] "Qerda għal jum twelidi,
għal-lejl li qal 'Tnissel raġel.'
[Ġob:3:4] Ħa jinbidel fi dlam dak il-jum,
ma jfittxux Alla mill-għoli,
u ma jfiġġ qatt id-dawl fuqu!
[Ġob:3:5] Jagħmluh tagħhom id-dlam u s-swied,
ħa jiksih is-sħab oħxon,
u twaħħxu l-eklissi.
[Ġob:3:6] Dak il-lejl ħa tkeffnu dalma,
ma jidhirx mal-jiem tas-sena,
u ma jidħolx fl-għadd tax-xhur.
[Ġob:3:7] Ħa jkun, iva, dak il-lejl bla ħajja,
u ma jidwix fih għajat ta' ferħ.
[Ġob:3:8] Ħa jisħtuh dawk li jisħtu l-jum,
l-imħarrġin biex iqajjmu l-Levjatan.
[Ġob:3:9] Jiddallmu l-kwiekeb taż-żerniq tiegħu,
jistenna għal xejn li jfiġġ id-dawl,
u ma jarax tbexbix is-sebħ.
[Ġob:3:10] talli ma żammlix magħluqa bwieb il-ġuf,
u t-taħbit minn għajnejja ma ħebiex.
[Ġob:3:11] Għaliex ma mittx fi ħdan ommi?
Għaliex ma bqajtx fil-ġuf u mitt?
[Ġob:3:12] Għaliex laqgħuni l-irkubbtejn?
Għaliex sidrejn biex nerda'?
[Ġob:3:13] Kieku issa jien mimdud u sieket,
kont inkun rieqed u mistrieħ
[Ġob:3:14] mas-slaten u l-kunsillieri ta' l-art,
jew mal-kbarat li bnew mill-ġdid il-ħerbiet;
[Ġob:3:15] u mal-prinċpijiet li kellhom id-deheb,
li mlew djarhom bil-fidda.
[Ġob:3:16] Għaliex ma kontx bħal rimi moħbi,
bħat-trabi li qatt ma raw id-dawl?
[Ġob:3:17] Hemm il-ħżiena jehdew mill-inkwiet,
u l-għajjenin isibu l-mistrieħ.
[Ġob:3:18] Hemm il-priġunieri lkoll fil-kwiet,
bla ma jisimgħu leħen l-argużin.
[Ġob:3:19] Iż-żgħir u l-kbir hemmhekk qegħdin,
u l-ilsir ħieles minn sidu.
[Ġob:3:20] Għaliex jingħata d-dawl lill-imsejken,
u l-ħajja lil min qalbu kollha mrar?
[Ġob:3:21] Lil dawk li jixxennqu għall-mewt bla ma
tiġihom,
u jħaffru għaliha aktar milli għal teżor;
[Ġob:3:22] li jifirħu u jaqbżu bil-ferħ,
jogħxew meta jsibu l-qabar?
[Ġob:3:23] Għaliex il-ħajja lil min triqtu magħluqa,
li Alla għalaq minn kull naħa?
[Ġob:3:24] Għalhekk sar il-krib l-ikel tiegħi,
u jgelgel bħall-ilma t-tnehid tiegħi.
[Ġob:3:25] Għax dak li nibża' minnu jiġi fuqi,
u dak li jwerwirni jilħaqni.
[Ġob:3:26] M'hemmx kwiet għalija, lanqas sliem,
dejjem bl-inkwiet, ma nistrieħ qatt."

4. Diskors ta' Elifaż

[Ġob:4:1] Wieġeb Elifaż it-Temani u qal:
[Ġob:4:2] Jekk ngħidulek kelma tiflaħ għaliha?
Imma min jista' jżomm fommu sieket?
[Ġob:4:3] Ara, lix-xjuħ int kont tgħallimhom,
u l-idejn merħija kont issaħħaħ.
[Ġob:4:4] Min kien jogħtor kien iqajjmu kliemek,
u l-irkubbtejn mitruħa jsaħħaħlu.
[Ġob:4:5] Issa li ġie dan fuqek, tisbel,
għax l-għawġ laqat lilek, tinstaram.
[Ġob:4:6] Ma jagħmillekx iżjed il-qalb twemminek?
Ma tnissillekx tama ħajtek bla tebgħa?
[Ġob:4:7] Ftakar: liema bniedem bla ħtija ntilef?
Fejn qatt rajt in-nies sewwa meqruda?
[Ġob:4:8] Milli rajt jien, dawk li jaħdmu l-ħażen
u l-għawġ jiżirgħu, ħażen u għawġ jaħsdu;
[Ġob:4:9] b'nifs ta' Alla jinqerdu,
b'riefnu tal-korla tiegħu jintemmu.
[Ġob:4:10] Jiskot għajat l-iljun u tgargir l-iljuna,
u l-frieħ tal-ljun jitfarrkulhom snienhom.
[Ġob:4:11] Imut l-iljun għax tonqsu l-priża,
u l-frieħ tal-ljuna jixterdu.
[Ġob:4:12] Issa lili waslet kelma bil-ħatfa,
u ħakmet widinti d-diwi tagħha;
[Ġob:4:13] fit-tħassib dwar fantażmi billejl,
meta jaqa' n-ngħas tqil fuq il-bnedmin,
[Ġob:4:14] qabadni biża' u tkexkix,
li regħedli għadmi kollu.
[Ġob:4:15] Għadda riħ minn fuq wiċċi,
riefnu qajjem xewk xewk lil ġismi.
[Ġob:4:16] Xi ħadd kien wieqaf, ma stajtx nagħraf
wiċċu,
tfaċċat xbieha quddiem għajnejja,
skiet ... u mbagħad smajt leħen:
[Ġob:4:17] "Jista' l-bniedem ikun ġust quddiem Alla,
il-maħluq ikun safi f'għajnejn Dak li ħalqu?
[Ġob:4:18] Jekk lanqas il-qaddejja tiegħu Alla ma
jafda,
u sa l-anġli tiegħu jsib xi jgħid fihom,
[Ġob:4:19] kif jistgħu dawk li jgħammru fi djar
tat-tafal,
li s-sisien tagħhom imwaqqfa fit-trab,
ikunu safja f'għajnejn min għamilhom?
[Ġob:4:20] Bejn tlugħ ix-xemx u nżulha jitfarrku,
u jgħibu għal dejjem bla isem.
[Ġob:4:21] Iva, jinqata' l-ħabel tat-tinda tagħhom,
u jmutu nieqsa mill-għerf. "

5. [Ġob:5:1] "Għajjat issa! Min se jwieġbek?
Lejn liema qaddis tista' ddur int?
[Ġob:5:2] Iva, il-korla tifni lill-iblah,
l-għira teqred lill-bniedem bla għaqal.
[Ġob:5:3] Jien rajt lill-iblah ixenxel għeruqu,
u malajr jinsteħet ix-xitel tiegħu;
[Ġob:5:4] mitluqa wliedu bla m'għandhom min
jgħinhom,
misħuqa f'bieb il-belt bla min jaqbeż għalihom.
[Ġob:5:5] Il-ħsad tiegħu jikluh l-imġewwħin,
ilaqqtuh sa minn qalb ix-xewk,
u l-għatxana jagħmlu għal ġidu.
[Ġob:5:6] Le, ma jitnissilx mill-art in-niket,
lanqas ma jinbet mill-art il-hemm.
[Ġob:5:7] Huwa l-bniedem li jiled l-għawġ,
bħalma 'l fuq ix-xrar jittajjar.
[Ġob:5:8] Li kont minnek 'l Alla kont infittex,
u l-kawża tiegħi quddiemu nqiegħed.
[Ġob:5:9] Hu jagħmel ħwejjeġ kbar ma
nifhmuhomx,
għeġubijiet li ma jingħaddux.
[Ġob:5:10] Hu jagħti x-xita lill-art,
u jibgħat l-ilma fuq wiċċ ir-raba'.
[Ġob:5:11] Hu jtalla' fil-għoli lill-umli,
u jqiegħed fis-sod lill-imsejknin.
[Ġob:5:12] Huwa jħarbat il-pjanijiet ta' dawk li
jilħqilhom,
biex ma jirnexxix għemil idejhom.
[Ġob:5:13] Hu jaqbad l-għorrief fil-ħażen ta'
moħħhom,
u l-ħsieb tal-qarrieqa jiġi fix-xejn;
[Ġob:5:14] binhar isibu d-dlam ma' wiċċhom,
u fl-aqwa tax-xemx iteftfu qisu billejl.
[Ġob:5:15] Hu jeħles il-fallut minn ħalqhom,
u l-miskin minn id il-kefrin.
[Ġob:5:16] Hekk il-miskin jerġa' jittama,
u l-ħażin ikollu jsodd ħalqu.
[Ġob:5:17] Hieni tassew il-bniedem li Alla jwiddbu;
tistmerrx, mela, il-kastig mingħand Xaddaj.
[Ġob:5:18] Għax Hu jidrob u jdewwi,
Hu jolqot, u idejh ifejjqu.
[Ġob:5:19] Sitt darbiet jeħilsek mill-ħsara,
u fis-seba' ma jmissekx id-deni.
[Ġob:5:20] Jeħilsek mill-mewt fi żmien il-ġuħ,
u fil-gwerra mid-daqqa tas-sejf.
[Ġob:5:21] Tkun imkennen minn swat l-ilsien,
ma tibżax mill-qerda meta tiġi.
[Ġob:5:22] Ħerba u għaks tiddieħak bihom,
u l-bhejjem selvaġġi ma tibżax minnhom.
[Ġob:5:23] Mal-ġebel tar-raba' jkollok ftehima,
u l-bhejjem selvaġġi jkunu fis-sliem miegħek.
[Ġob:5:24] Ikollok is-sliem fl-għarix tiegħek,
kull xħin iżżuru ssibu bla mittiefes.
[Ġob:5:25] Tara wkoll li bosta jkunu wliedek,
u n-nisel tiegħek bħal ħaxix tar-raba'.
[Ġob:5:26] Tasal għall-qabar misjur bl-għomor,
bħalma jinġabar fi żmienu l-qamħ.
[Ġob:5:27] Ara, Ġob, dan flejnieh u hu minnu;
agħtih widen u tgħallmu sewwa."

6. Ġob jilminta mill-kobor ta' tbatijietu

[Ġob:6:1] Ġob wieġeb u qal:
[Ġob:6:2] "Li kellu jintiżen l-għali tiegħi,
u f'miżien titqiegħed il-ħsara kollha tiegħi,
[Ġob:6:3] itqal tkun din minn ramel il-baħar;
għalhekk kliem addoċċ jitlaq fommi.
[Ġob:6:4] Għax weħlu fija l-vleġeġ ta' Xaddaj,
u qed tixrob ruħi l-velenu tagħhom;
it-twerwir ta' Alla tkeskes għal fuqi.
[Ġob:6:5] Jaqaw jinħaq il-ħmar bil-ħaxix
quddiemu?
Se jgħajjat il-gendus bl-għalf taħt geddumu?
[Ġob:6:6] Jittiekel forsi bla melħ it-tisjir ħelu?
Fih xi togħma l-abjad tal-bajd?
[Ġob:6:7] Ikel bħal dan ma jduqux ħalqi;
jitqażżu bħal ikel imħassar.
[Ġob:6:8] Kemm nixtieq li Alla jisma' talbi!
Kemm nixtieq jaqtagħli xewqti!
[Ġob:6:9] M'hux li kien jaqtagħha li jtemmni,
jitlaq idu u jqaċċatni mid-dinja!
[Ġob:6:10] Mqar hekk, jibqa' għalija xi faraġ,
u nifraħ ukoll fl-eqqel tbatija,
għax ma ċħadtx kliem il-Qaddis.
[Ġob:6:11] Imma x'saħħa għandi biex inżomm iebes?
X'tamiet għandi li ntawwal għomri?
[Ġob:6:12] Hija saħħti saħħa taż-żonqor,
u ġismi jewwilla bronż?
[Ġob:6:13] Mhux xejn hi l-qawwa li ngħin ruħi?
Mhux kull rifda twarrbet minni?

Ġob jaqta' jiesu minn ħbiebu

[Ġob:6:14] "Il-magħkus jistħoqqlu ħniena mingħand
ħbiebu,
mqar ikun warrab il-biża' ta' Xaddaj.
[Ġob:6:15] Iżda ħuti bħal wied qarrqu bija,
għabu bħal qiegħ il-widien
[Ġob:6:16] li jkunu mqallgħin bil-ħalla tas-silġ,
xħin togħdos fihom il-borra;
[Ġob:6:17] fl-istaġun tan-nixfa jixxuttaw,
bil-qilla tas-sħana jitqaxqxu.
[Ġob:6:18] Lejhom idawwru l-karwani r-rotta
tagħhom,
jidħlu fl-inxif u jinqerdu.
[Ġob:6:19] Jgħarrxu għalihom il-karwani ta' Tema,
il-merkanti ta' Saba jittamaw fihom.
[Ġob:6:20] Imma jiregħxu talli ttamaw,
xħin jaslu ħdejhom jinstarmu.
[Ġob:6:21] Issa tabilħaqq sirtu xejn għalija,
rajtu l-ħsara u qabadkom saram.
[Ġob:6:22] Qatt għedtilkom tagħtuni xi ħaġa,
jew għalija tħallsu minn ġidkom?
[Ġob:6:23] Teħilsuni minn dwiefer l-għadu,
jew tifduni minn idejn il-kiefra?
[Ġob:6:24] Għallmuni, mela, u jiena niskot,
fehmuni fejn stajt mort żball.
[Ġob:6:25] X'qawwa fih il-kliem sinċier!
Imma x'jiswa t-tmegħir tagħkom!
[Ġob:6:26] Jaqaw intom il-kliem tridu tlumu,
u tqisu riħ kliem min qata' qalbu?
[Ġob:6:27] Intom sa fuq iltim titfgħu x-xorti,
u mqar ħabib tagħkom tinneguzjawh.
[Ġob:6:28] Imma issa, nitlobkom, ħarsu lejja,
f'wiċċkom żgur li ma nigdibx.
[Ġob:6:29] Erġgħu aħsbuha li ma ssirx inġustizzja.
Aħsbuha, hawn fin-nofs il-kawża tiegħi.
[Ġob:6:30] Jinsab forsi xi qerq fuq ilsieni?
Tgħid ma jtigħemx ħalqi l-ħwejjeġ ħżiena?

7. Ġob jipprotesta quddiem Alla

[Ġob:7:1] "Ħajjet il-bniedem m'hix forsi xogħol bilfors
fuq l-art?
u għomru m'hux bħal jiem il-ħaddiem mikri?
[Ġob:7:2] Bħalma lsir jixxennaq għad-dell,
u bħalma l-mikri jistenna l-ħlas,
[Ġob:7:3] hekk xhur fiergħa kienu sehmi,
u ljieli dwejjaq messew lili.
[Ġob:7:4] Jekk nimtedd, ngħid: "Meta se nqum?"
u meta nqum, ngħid: "Meta se jidlam?"
u hekk nixba' nhewden sa ma jidlam.
[Ġob:7:5] Laħmi ddewwed u mtela qxur,
ġildi nqasmet u tnixxi l-marċa.
[Ġob:7:6] Eħfef minn mekkuk għaddew jiemi,
u bla tama ntemmu.
[Ġob:7:7] Ftakar li ħajti buffura riħ,
u għajnejja ma jerġgħux jaraw ir-riżq.
[Ġob:7:8] L-għajn li kienet tarani ma tilmaħnix iżjed,
int twaħħal għajnejk fuqi u jien nispiċċa.
[Ġob:7:9] Bħalma ddub sħaba u ma tidhirx aktar,
hekk min jinżel fil-qabar ma jerġax jitla';
[Ġob:7:10] qatt iżjed ma jerġa' lejn daru,
u daru ma tafux aktar.
[Ġob:7:11] Għalhekk m'iniex se nżomm fommi sieket,
irrid nisfoga mid-diqa ta' ruħi,
ninfexx fit-tgemgim fl-imrar ta' ħajti.
[Ġob:7:12] Jaqaw jien il-baħar jew il-mostru tal-qiegħ,
biex int tqiegħed għassa fuqi?
[Ġob:7:13] Jekk ngħid: 'Issa jserraħni friexi,
is-sodda tnaqqasli l-krib tiegħi,'
[Ġob:7:14] hemm int bil-ħolm tiġi taqtagħni
u twaħħaxni bil-fantażmi.
[Ġob:7:15] Għalhekk jagħżel it-tagħliq għonqi,
nippreferi l-mewt għal għadmi.
[Ġob:7:16] M'iniex se ngħix għal dejjem,
ħallini, mela, għax jiemi buffura riħ.
[Ġob:7:17] X'inhu l-bniedem biex int tagħti
daqshekk kasu,
twaqqaf ħsiebek fuqu,
[Ġob:7:18] iżżuru kull filgħodu,
u toqgħod tiflih kull waqt?
[Ġob:7:19] Se twarrab ħarstek minn fuqi,
għallinqas sakemm nibla' r-riq tiegħi?
[Ġob:7:20] Jekk jiena dnibt, x'għamiltlek lilek,
int li tgħarrex b'għajn miftuħa fuq il-bniedem?
L-għala ħadtni b'mira tad-daqqiet tiegħek,
l-għala jien ta' piż għalik?
[Ġob:7:21] Ma tistax tagħder in-nuqqas tiegħi
u tħalli għaddejja l-ħtija tiegħi?
Għax jien ma ndumx ma nkun mimdud taħt l-art;
Int tfittixni u jiena ma nkunx iżjed."

8. Diskors ta' Bildad: Alla ġust

[Ġob:8:1] Qabeż jitkellem Bildad is-Suħi u qal:
[Ġob:8:2] "Kemm se ddum titkellem hekk,
tvenven bħal riħ qawwi kliem fommok?
[Ġob:8:3] Jista' Alla jgħawweġ is-sewwa?
Jista' Xaddaj imur kontra l-ġustizzja?
[Ġob:8:4] Bilfors li dinbu kontrih uliedek,
biex hu raddilhom il-ħlas ta' ħtijiethom.
[Ġob:8:5] Issa jekk inti tfittex lil Alla
u tittallab il-ħniena ta' Xaddaj,
[Ġob:8:6] jekk safi int u sewwa għemilek
minn issa jdur favur tiegħek
u jroddlok id-dar li tistħoqq lilek.
[Ġob:8:7] Ħaġa żgħira jkun il-ġid ta' qabel
ħdejn il-kobor li għad ikollok.
[Ġob:8:8] Staqsi biex tara lin-nisel ta' qabilna,
u seddqu billi tistħarreġ għajdut ix-xjuħ.
[Ġob:8:9] Għax aħna ġejna lbieraħ u xejn ma nafu,
bħal dell li jgħaddi ħajjitna fuq l-art.
[Ġob:8:10] M'hux huma li jgħallmuk u jgħidulek
dan il-kliem ħiereġ minn qalbhom?
[Ġob:8:11] 'Ma jikbirx il-papir barra mill-għadira,
lanqas jagħmel is-simar mingħajr l-ilma,
[Ġob:8:12] ikun għadu jtalla', mhux tal-qtugħ,
u jinxef qabel il-ħxejjex kollha.
[Ġob:8:13] Hekk jiġrilu kull min jinsa 'l Alla,
it-tama ta' min iwarrbu tinqered.
[Ġob:8:14] Għax irqiqa sifja t-tama tiegħu,
għanqbuta l-fiduċja tiegħu.
[Ġob:8:15] Iserraħ fuq daru iżda ma tiflaħx,
jaqbad magħha iżda ma żżommx.
[Ġob:8:16] Iħaddar ġmielu għal għajn ix-xemx,
jifrex iż-żraġen mal-ġnien tiegħu,
[Ġob:8:17] ixeblek ma' munzell ġebel għeruqu,
u jieħu t-tira mill-blat.
[Ġob:8:18] Xħin, mbagħad, jinqala' minn postu
jiċħdu dan u jgħid: 'Ma nafikx'.
[Ġob:8:19] Dan hu, mela, it-tmiem ta' ħajtu,
u mit-trab jinbtu oħrajn.'
[Ġob:8:20] Le, Alla ma jwarrabx il-bniedem sewwa,
lanqas ma jwieżen lil min jagħmel id-dnewwa.
[Ġob:8:21] Hu jerġa' jimla bit-tbissima lil fommok,
u 'l xufftejk b'għajat ta' ferħ.
[Ġob:8:22] Mbagħad jinksew bil-mistħija l-għedewwa
tiegħek,
u l-għarix tal-ħżiena ma jkunx iżjed."

9. Ġob jammetti l-ġustizzja ta' Alla

[Ġob:9:1] Ġob wieġeb u qal:
[Ġob:9:2] "Hekk hu, tassew, u hekk inżomm jien:
Kif jista' l-bniedem jieħu raġun ma' Alla?
[Ġob:9:3] Jekk jogħġbu jidħol f'qorti miegħu,
lanqas iwieġbu waħda minn elf.
[Ġob:9:4] Hu għaref minn moħħu u ta' ħila kbira;
min qatt ħarraxha miegħu u ħareġ bis-sliem?
[Ġob:9:5] Hu jheżheż il-muntanji bla ma jintebħu,
u jaqlibhom ta' taħt fuq fil-korla tiegħu.
[Ġob:9:6] Hu jċaqlaq l-art mis-sisien tagħha,
u l-kolonni tagħha jitriegħdu.
[Ġob:9:7] Jikkmanda x-xemx u ma titlax,
jaqfel il-kwiekeb u ma jfiġġux.
[Ġob:9:8] Hu waħdu firex is-smewwiet,
u saħaq dahar il-mostru tal-baħar.
[Ġob:9:9] Hu ħalaq l-Ors u l-Ġgant,
it-Trajja u l-Kmamar ta' Nofsinhar.
[Ġob:9:10] Hu jagħmel ħwejjeġ kbar ma nifhmuhomx,
għeġubijiet bla għadd.
[Ġob:9:11] Jekk jgħaddi minn ħdejja ma narahx,
iwarrab minni bla nittendi bih.
[Ġob:9:12] Jekk jiġi jaħtaf min se jżommu?
Min se jgħidlu: 'X'int tagħmel hemm?'
[Ġob:9:13] Alla ma jreġġax lura l-korla tiegħu.
Dawk li għenu lil Raħab għotru taħtu.
[Ġob:9:14] Kif nista' mela nwieġeb jiena?
Xi kliem nagħżel għal quddiemu?
[Ġob:9:15] Għad li jien ġust ma nistax inwieġeb,
u flok id-dritt ikolli nitlob il-ħniena.
[Ġob:9:16] Jekk inħarrku ma jweġibni xejn,
għad li nemmen li leħni jisimgħu.
[Ġob:9:17] Hu jgħaffiġni mqar għal xagħra,
u jkattarli l-ġrieħi għal xejn b'xejn.
[Ġob:9:18] Lanqas nifs ma jħallini nieħu,
għax sax-xaba' bl-imrar jimlieni.
[Ġob:9:19] Jekk niġu għall-qawwa, min aqwa minnu?
Jekk niġu għall-ħaqq, min se jħarrku?
[Ġob:9:20] Għalkemm innoċenti fommi,
jikkundannani,
għalkemm bla ħtija, Hu joħroġni b'ħati.
[Ġob:9:21] Bla ħtija jien;
ma rridx naf bija nnifsi,
ħajti sirt nistmellha.
[Ġob:9:22] Hu kollu wieħed, għalhekk ngħid,
'L-innoċenti u l-ħatja Hu jeqred xorta waħda.'
[Ġob:9:23] Jekk jaqa' għal għarrieda flaġell tal-mewt,
Hu jidħak bit-twegħir ta' l-innoċenti.
[Ġob:9:24] Jekk taqa' xi art f'idejn wieħed kiefer,
Hu li jgħammad għajnejn l-imħallfin tagħha.
Jekk m'hux Hu, min jista' jkun?
[Ġob:9:25] Jiemi għaddejja eħfef minn ġerrej,
igerbu malajr bla ma jaraw riżq,
[Ġob:9:26] jiżgiċċaw qishom dgħajjes bil-qasab,
bħal ajkla nieżla b'salt għall-priża.
[Ġob:9:27] Għalkemm ngħid: 'Irrid ninsa l-għali tiegħi,
ħa nibdel wiċċi u nidher ferrieħi,'
[Ġob:9:28] naqta' qalbi bit-tbatija kollha tiegħi,
għax naf li int ma żżommnix bla ħtija.
[Ġob:9:29] Ladarba tqisni ħati,
għalfejn noqgħod nitħabat għal xejn?
[Ġob:9:30] Mqar jekk ninħasel bis-soder,
u nnaddaf idejja bil-lissija,
[Ġob:9:31] fil-ħama terġa' tgħaddasni,
u ħwejġi stess jitqażżuni.
[Ġob:9:32] Alla m'hux bniedem bħali biex nisfidah,
jew immorru flimkien għall-qorti.
[Ġob:9:33] M'hawn ħadd li jaqta' l-ħaqq bejnietna,
u juża s-setgħa fuqna t-tnejn,
[Ġob:9:34] biex ibiegħed minn fuqi l-virga tiegħu,
u ma jwerwirnix id-driegħ tiegħu.
[Ġob:9:35] Kieku żgur nitkellem u ma nibżax minnu;
imma m'hux hekk il-każ tiegħi miegħu.

10. [Ġob:10:1] "Ladarba ħajti nistmellha,
irrid niftaħ il-bieb għat-tgemgim tiegħi,
inferragħ l-imrar ta' ruħi.
[Ġob:10:2] Ngħid lil Alla: "Tikkundannanix,
urini l-għala għandek għalija.
[Ġob:10:3] Hu sewwa għalik li tagħsarni,
li tmaqdar xogħol idejk,
u tgħin il-ħsibijiet tal-ħżiena?
[Ġob:10:4] Għandek int għajnejn tal-laħam,
jew tħares kif iħarsu l-bnedmin?
[Ġob:10:5] Hu għomrok qasir bħal għomor il-bniedem,
u jgħaddu bħal jiemu sninek?
[Ġob:10:6] Int, li tgħarrex għan-nuqqas tiegħi
u tfittixli d-dnub tiegħi,
[Ġob:10:7] int taf tajjeb li jien bla ħtija,
u li ħadd minn taħt idejk ma jeħlisni.
[Ġob:10:8] Kienu idejk li sawwruni u għamluni;
issa bdielek u trid teqridni?
[Ġob:10:9] Ftakar li għamiltni bħal mit-tafal,
u li lejn it-trab għad treġġagħni,
[Ġob:10:10] M'hux bħall-ħalib sawwabtni
u bħall-baqta għaqqadtni,
[Ġob:10:11] bil-ġilda u l-laħam libbistni,
u nsiġtni bl-għadam u bl-għeruq?
[Ġob:10:12] Ħajja tajtni u favuri għamilt miegħi,
u l-providenza tiegħek ħarsitli ruħi.
[Ġob:10:13] Iżda ħbejt xi ħaġa f'qalbek;
issa naf li din kellek f'moħħok.
[Ġob:10:14] Jekk nidneb, int tkun għassa tiegħi
biex ma tħallix għaddejja l-ħtija tiegħi.
[Ġob:10:15] Jekk ninstab ħati, ħażin għalija,
jekk bla ħtija, lanqas nerfa' rasi,
miksi bl-għajb u mgħargħar fin-niket.
[Ġob:10:16] Jekk nerfa' rasi, qisek bħal iljun toħroġ
għalija
u qawwietek terġa' turi fuqi.
[Ġob:10:17] Iġġedded kontrija l-ġlied tiegħek,
u l-għadab iżżid kontrija,
u qtajja' ġodda jitqabdu miegħi.
[Ġob:10:18] Għalfejn mela ħriġtni mill-ġuf?
Messni mitt bla ma għajn qatt ratni;
[Ġob:10:19] messni kont qisni qatt ma kont;
meħud dritt mill-ġuf għall-qabar.
[Ġob:10:20] M'hux ħaġa żgħira huma jiem ħajti?
Erħini, mela, ħa nduq ftit l-hena,
[Ġob:10:21] qabel ma mmur u ma niġix lura,
lejn art id-dlam u d-dellijiet,
[Ġob:10:22] art imgħargħra fis-swied u t-taħwid,
fejn id-dawl hu nnifsu dlam."

11. Diskors ta' Sofar: Alla hu għaref

[Ġob:11:1] Mbagħad wieġeb Sofar in-Nagħmi u qal:
[Ġob:11:2] "Se jitħalla bla tweġiba dan il-lablabi?
Jaqaw min jgħid ħafna jieħu raġun?
[Ġob:11:3] Taħseb int li se jsikket in-nies tpaċpiċek?
Se tibqa' żżeblaħ u ma jċanfrek ħadd?
[Ġob:11:4] Int tgħid: 'Safi t-tagħlim tiegħi,
bla ħtija jien quddiem Alla.'
[Ġob:11:5] M'hux li kien jitkellem Alla
u jiftaħ miegħek fommu!
[Ġob:11:6] Li kien jurik il-misteri ta' għerfu,
li huma tqal biex tifhimhom,
kont tagħraf kemm iħallsek inqas milli ħaqqu dnubek!
[Ġob:11:7] Taħseb inti li se tikxef il-misteru ta' Alla,
jew tilħaq it-tarf ta' Xaddaj?
[Ġob:11:8] Hu ogħla mis-smewwiet: kif se tilħqu?
Hu aktar fond mill-Qiegħ: x'taf int bħalek?
[Ġob:11:9] Jgħaddiha l-art minn tulu,
u l-baħar mill-wisa' tiegħu.
[Ġob:11:10] Jekk jiġi jaqbad u jarresta 'l xi ħadd
u għall-ħaqq isejjaħlu, min iżommu?
[Ġob:11:11] Hu jaf min huma l-bnedmin qarrieqa,
jara l-ħażen u jiżnu sewwa.
[Ġob:11:12] Iżda l-iblah idaħħal f'moħħu
meta l-ħmar selvaġġ jitwieled mans.
[Ġob:11:13] Jekk iddawwar lejn Alla qalbek,
u tiftaħ lejh idejk;
[Ġob:11:14] jekk tbiegħed minn idejk il-ħażen,
u ma tħallix jgħammar id-dnewwa f'darek,
[Ġob:11:15] tkun tista' terfa' wiċċek bla mistħija,
tkun fis-sod u ma jkollokx mniex tibża'.
[Ġob:11:16] Għax int tinsieh in-niket tiegħek,
jew tiftakru bħal ilma li għadda.
[Ġob:11:17] Aktar mid-dawl ta' nofsinhar tkun tiddi
ħajtek;
għalik id-dlam ikun bħas-sebħ.
[Ġob:11:18] Moħħok mistrieħ għall-ġejjieni tiegħek,
hemm x'jagħmillek tajjeb u torqod fil-kwiet.
[Ġob:11:19] Timtedd u ħadd ma jqajjmek,
u ħafna jżiegħlu bik.
[Ġob:11:20] Iżda l-ħżiena jinfnewlhom għajnejhom,
ma jkollhomx aktar fejn jagħtu rashom,
il-mewt biss it-tama tagħhom."

12.Ġob iwieġeb lil Sofar

[Ġob:12:1] Ġob wieġeb u qal:
[Ġob:12:2] "Tassew li intom biss il-bravi,
u l-għerf jispiċċa xħin tmutu intom!
[Ġob:12:3] Imma jien għandi moħħ bħal tagħkom,
xejn ma jiena inqas minnkom.
U min ma jafx ħwejjeġ bħal dawn?
[Ġob:12:4] Iżda sirt jien tad-daħk għal ħbiebi:
'Arawh, sejjaħ 'l Alla u wieġbu!'
Tad-daħk il-ġust, il-bniedem sewwa!
[Ġob:12:5] 'Agħar għalih il-magħkus,' jgħid il-paxxut,
'gambetta għal min riġlu mriegħed.'
[Ġob:12:6] Iżda hemm ir-riżq fl-għerejjex tal-ħallelin,
u ħadu r-riħ dawk li jinbxu 'l Alla,
donnhom għandhom 'l Alla f'idhom.
[Ġob:12:7] Issa staqsi 'l-bhejjem u jgħallmuk;
lit-tjur ta' l-ajru u jgħidulek;
[Ġob:12:8] staqsi lill-ħniex ta' l-art u jgħallmuk;
u l-ħut tal-baħar ukoll jgħidlek.
[Ġob:12:9] Min fost dawn kollha ma jafx
li id il-Mulej għamlet kollox?
[Ġob:12:10] F'idejh hi ħajjet kull ma jgħix,
f'idejh nifs il-ħajjin kollha.
[Ġob:12:11] Forsi l-widna ma ġġarrabx il-kliem
bħalma l-ħalq itiegħem l-ikel?
[Ġob:12:12] M'hux fix-xjuħija ssibu l-għerf?
M'hux il-ħajja twila li ġġib d-dehen?
[Ġob:12:13] Iżda għand Alla hemm l-għerf u l-qawwa,
tiegħu l-parir u tiegħu d-dehen.
[Ġob:12:14] Dak li jġarraf hu, ma jerġax jinbena;
lil min isakkar hu, ħadd ma jista' jiftaħlu.
[Ġob:12:15] Hu jżomm l-ilmijiet, u taqa' n-nixfa;
hu jerħilhom, u jifqgħu l-art.
[Ġob:12:16] Fih hemm il-qawwa u l-għaqal,
tiegħu hu min jitqarraq u min iqarraq.
[Ġob:12:17] Hu jibgħat ħafjin lill-kunsillieri,
u jbellah lill-imħallfin.
[Ġob:12:18] Hu jħoll il-ħżiem tas-slaten,
u jdawwrilhom ħabel ma' qaddhom.
[Ġob:12:19] Hu jibgħat ħafja lill-qassisin,
u jniżżel minn posthom lis-setgħanin.
[Ġob:12:20] Hu jbikkem lil dawk li jafu jitkellmu,
u lix-xjuħ jeħdilhom moħħhom.
[Ġob:12:21] Jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat,
u jdgħajjef ħżiem il-qawwijin.
[Ġob:12:22] Hu joħroġ mid-dlam ħwejjeġ mistura,
u fuq id-dlam jixħet id-dawl.
[Ġob:12:23] Jibni l-ġnus u jġarrafhom,
jifrex il-popli u jeqridhom.
[Ġob:12:24] Il-mexxejja tal-pajjiż jeħdilhom id-dehen,
u jitlaqhom jiġġerrew f'deżert bla triq;
[Ġob:12:25] iteftfu fid-dlam mingħajr dawl,
u jixxenglu qishom fis-sakra.

13. Ġob iwieġeb lil Sofar

[Ġob:13:1] "Iva, dan kollu rawh għajnejja;
semgħuh widnejja u fehmuh sewwa.
[Ġob:13:2] Dak li tafu intom nafu jiena wkoll,
xejn ma jiena inqas minnkom.
[Ġob:13:3] Iżda ma' Xaddaj ridt kieku nitkellem,
ma' Alla nixtieq niddiskuti.
[Ġob:13:4] Għax intom qerq tafu tinsġu,
tobba ta' ħabba lkoll intom.
[Ġob:13:5] M'hux li kontu tisktu għalkollox!
Hekk, iva, turu għerfkom.
[Ġob:13:6] Isimgħu, nitlobkom, l-argument tiegħi,
iftħu widnejkom għad-difiża ta' fommi.
[Ġob:13:7] Tridu intom titkellmu għal Alla bil-gideb,
taqbżu għalih bit-tagħwiġ?
[Ġob:13:8] U tassew li intom iżżommu miegħu,
u qed tiddefendu l-kawża tiegħu?
[Ġob:13:9] Se tgħadduha lixxa jekk jiġi jgħarbilkom?
Jew tqarrqu bih kif jitqarraq bniedem?
[Ġob:13:10] Oqogħdu żguri li bl-aħrax jeħodkom,
jekk bil-moħbi timxu bil-partit.
[Ġob:13:11] Ma jwerwirkomx forsi l-kobor tiegħu,
u jkexkixkom il-biża' li jġibilkom?
[Ġob:13:12] Iva, il-qwiel tagħkom huma qwiel tat-trab,
u t-tweġib tagħkom tweġib tat-tafal.
[Ġob:13:13] Isktu, mela, ħalluni ngħid tiegħi,
ħa jiġrili mbagħad li jrid.
[Ġob:13:14] Ħa nieħdu jiena laħmi bejn snieni,
u ħajti nqegħedha f'idejja.
[Ġob:13:15] Ħa joqtolni 'k irid, m'iniex se nitkexkex,
imma niddefendi l-kawża tiegħi quddiemu.
[Ġob:13:16] U dan ikunli r-rahan tar-rebħa,
li wieħed ħażin anqas jersaq quddiemu.
[Ġob:13:17] Isimgħu sewwa x'irrid ngħid,
agħtu widen għall-istqarrija tiegħi.
[Ġob:13:18] Araw, ħejjejt il-kawża tiegħi,
naf li noħroġ ħieles.
[Ġob:13:19] Min hu li se jiġi jmerini?
Kieku niskot u nistenna l-mewt.
[Ġob:13:20] Biss nitlob, O Alla, żewġ favuri,
biex minn quddiemek ma ninħebiex:
[Ġob:13:21] Warrab minn fuqi idek,
u bi driegħek twerwirnix.
[Ġob:13:22] Sejjaħli mbagħad u jiena nwieġeb,
jew nitkellem jien u int weġibni.
[Ġob:13:23] Kemm huma dnubieti u ħtijieti?
Urini fejn dnibt u x'għamilt ħażin?
[Ġob:13:24] Għaliex taħbi wiċċek minni,
u tqisni għadu tiegħek?
[Ġob:13:25] Trid int tbażża' werqa niexfa,
u tagħmel għal wara sifja?
[Ġob:13:26] Għax ħwejjeġ ta' mrar tikteb fuq ismi,
u twaħħalni bid-dnubiet ta' żgħożiti;
[Ġob:13:27] tqegħedli fiċ-ċipp riġlejja,
titkixxef il-passi kollha tiegħi
u tqis il-marki li jħallu saqajja!

14. Qosor ħajjet il-bniedem

[Ġob:14:1] "Il-bniedem imwieled minn mara għandu
ħajja qasira,
imma tbatija għandu biżżejjed.
[Ġob:14:2] Bħal warda, jiftaħ u mbagħad jidbiel,
u jaħrab bħal dell li ma jiqafx.
[Ġob:13:28] Jintemm bħal għuda msewwsa,
bħal ilbies mikul mill-kamla.
[Ġob:14:3] U fuq dan jixraqlek iżżomm għajnejk
miftuħa
u ssejjaħlu quddiemek għall-ħaqq?
[Ġob:14:4] Xi ħadd, mela, jista' jislet is-safi
mill-imniġġes?
Ħadd!
[Ġob:14:5] La darba jiemu magħdudin,
la darba l-għadd tax-xhur qiegħed f'idejk,
u ħażżiżtlu tarf li ma jistax jaqbżu,
[Ġob:14:6] warrab għajnejk minn fuqu,
u ħallih itemm il-jum tiegħu bħal ħaddiem mikri.
[Ġob:14:7] Siġra għallinqas għandha tama,
li jekk tinqata' terġa' ttella',
u ma jiġux nieqsa ż-żraġen tagħha.
[Ġob:14:8] Mqar jixjieħu fl-art għeruqha,
u jinxef fit-trab iz-zokk tagħha,
[Ġob:14:9] kif tħoss l-ilma terġa' tarmi,
u tagħmel il-friegħi bħal xitla ġdida.
[Ġob:14:10] Iżda l-bniedem imut u jispiċċa;
xħin toħroġ ruħu fejn ikun?
[Ġob:14:11] Bħalma jinxtorob l-ilma mill-baħar,
jew tinxef xmara u titqaxqax,
[Ġob:14:12] hekk il-bniedem li jmut, ma jqumx aktar,
sa ma jintemmu s-smewwiet ma jistenbaħx,
le, ma jqumx mir-raqda tiegħu.
[Ġob:14:13] M'hux li kont taħbini f'Art l-Imwiet
fejn nistkenn sa ma tibred il-korla tiegħek
u tiffissali żmien li tiftakar fija.
[Ġob:14:14] Li kien jista' bniedem imut u jerġa'
għall-ħajja,
iż-żmien kollu tas-servizz tiegħi kont nissaporti
sa ma jasal il-waqt tal-bidla tiegħi.
[Ġob:14:15] Kont tgħajjatli u jiena nwieġbek,
kont titgħaxxaq bl-opra ta' idejk.
[Ġob:14:16] Ma kontx tgħoddli l-passi tiegħi,
lanqas tgħassisli għal dnubieti,
[Ġob:14:17] kont tissiġilla f'sorra l-ħtija tiegħi,
u tiksi bil-ġir il-ħżunija tiegħi.
[Ġob:14:18] Bħalma tittiekel muntanja u tiġġarraf
u jitqanqal minn postu l-blat,
[Ġob:14:19] bħalma jiekol l-ilma l-ġebel,
u jiknes l-għargħar il-ħamrija,
hekk int ixxejjen it-tama tal-bniedem.
[Ġob:14:20] Int iżżarmah u hu jitlaq għalkollox,
tħassarlu surtu u tibagħtu.
[Ġob:14:21] Jekk jiksbu ġieħ uliedu, hu ma jkunx jaf,
jekk jaqgħu fl-għajb, lanqas jintebaħ.
[Ġob:14:22] Għalih biss ibati ġismu,
għalih waħdu titniehed ruħu."

15. It-tieni diskors ta' Elifaż

[Ġob:15:1] Wieġeb Elifaż it-Temani u qal:
[Ġob:15:2] "Huwa l-għaref iwieġeb b'argumenti
fiergħa,
u joqgħod jimraħ fuq ir-riħ xlokk?
[Ġob:15:3] Se jieħu raġun b'diskors bla fejda,
u bi kliem li ma jiswa għal xejn?
[Ġob:15:4] Int qed tħassar il-biża' ta' Alla,
u ġġib fix-xejn ir-reliġjon.
[Ġob:15:5] Billi dnubek inebbaħ lil fommok
u għoġbok tħaddem ilsien il-ħżunija,
[Ġob:15:6] fommok stess jgħaddik b'ħati, mhux jiena,
huma xufftejk li jixhdu kontrik.
[Ġob:15:7] Twelidt int qabel il-bnedmin?
Tnissilt inti qabel l-għoljiet?
[Ġob:15:8] Jaqaw kont tisma' fil-kunsill ta' Alla,
u żammejt għalik waħdek l-għerf?
[Ġob:15:9] X'taf int li ma nafuhx aħna?
X'tagħrif għandek li qabżilna?
[Ġob:15:10] Għandna fostna xjuħ
meqjuma ikbar fiż-żmien minn missierek.
[Ġob:15:11] M'hu xejn għalik il-faraġ t'Alla,
u l-kliem tagħna li jieħdok bil-ħlewwa?
[Ġob:15:12] Għaliex tħalli l-passjoni tegħlbek?
L-għala tberraq l-għajnejn tiegħek?
[Ġob:15:13] Għala ddawwar fuq Alla l-qilla tiegħek,
u titlaq minn fommok kliem bħal dan?
[Ġob:15:14] X'inhu l-bniedem biex ikun safi,
bin il-mara biex ikun bla ħtija?
[Ġob:15:15] Jekk anqas fl-anġli tiegħu Alla ma jafda,
u s-smewwiet m'humiex safja quddiemu,
[Ġob:15:16] kemm inqas dil-ħlejqa moqżieża u mħassra,
il-bniedem li jixrob bħall-ilma l-ħażen?
[Ġob:15:17] Ismagħni, Ġob, ħalli nurik,
u l-ħwejjeġ li rajt jien żgur nistqarrlek,
[Ġob:15:18] dak li jgħidu l-għorrief tagħna,
u ma ħbewlhomx missirijiethom;
[Ġob:15:19] dawk li lilhom weħidhom kienet l-art
mogħtija,
u ebda barrani ma tħallat magħhom.
[Ġob:15:20] Il-ħażin ħajtu kollha jieħu ġo qalbu,
magħdudin is-snin merfugħa għal bin id-dnewwa.
[Ġob:15:21] Jidwu f'widnejh ħsejjes ta' biża',
fis-sliem jistħajjel ġej għalih xi qerried.
[Ġob:15:22] M'għandux tama li mid-dlam se jeħlisha,
hu li jqis ruħu mmarkat għas-sejf;
[Ġob:15:23] mitfugħ bħala ikel għall-isqra,
jaf li maqtugħa l-qerda tiegħu.
[Ġob:15:24] Ibeżżgħu jum id-dlam,
jaħkmuh in-niket u d-dwejjaq
bħal sultan lest għat-taqbida.
[Ġob:15:25] Għax rafa' idu kontra Alla,
ried jisfida lil Xaddaj.
[Ġob:15:26] Ġera għalih kollu mżarġan,
bil-ħxuna tat-tarki bbuzzati tiegħu.
[Ġob:15:27] Għax mela bis-simna wiċċu,
u taqqal ġenbejh bis-sonża.
[Ġob:15:28] Imur jgħammar fi bliet meqruda
u fi djar mitluqa min-nies,
u għoddhom se jiġġarrfu.
[Ġob:15:29] Ma jistagħniex, lanqas idum riżqu,
ma jifrixx ġidu 'l hemm mill-qabar.
[Ġob:15:30] Mid-dlam żgur ma jeħlishiex;
inixxef in-nar iż-żraġen tiegħu,
u r-rimi tiegħu jtajjru r-riħ.
[Ġob:15:31] Qis li ħadd ma jafda fil-frugħa u jitqarraq,
għax frugħa jkun il-ħlas li jieħu.
[Ġob:15:32] Jinxfu qabel iż-żmien iż-żraġen tiegħu,
il-friegħi tiegħu ma jħaddrux aktar.
[Ġob:15:33] Iwaqqa' bħad-dielja l-għeneb nej,
jobżoq bħaż-żebbuġa n-nwar tiegħu.
[Ġob:15:34] Le, ma jkollhiex nisel ir-razza tal-ħżiena,
id-djar tal-qarrieqa jeqridhom in-nar.
[Ġob:15:35] Inisslu l-inkwiet u jildu l-ħsara,
u ġufhom bit-tqala tal-qerq."

16. Il-faraġ fieragħ ta' ħbieb Ġob

[Ġob:16:1] Ġob wieġeb u qal:
[Ġob:16:2] "Ħwejjeġ bħal dawn ili ħafna nisma',
farraġa msejkna intom ilkoll.
[Ġob:16:3] M'hemmx li jintemm dan il-kliem fieragħ?
U int x'inhu jġagħlek tibqa' tgħid tiegħek?
[Ġob:16:4] Jien kont naf nitkellem bħalkom,
kieku intom kontu minfloki;
bi kliemi kont nordomkom,
u nħarrek għalikom rasi;
[Ġob:16:5] b'li ngħidilkom kont nirfidkom,
u ma nehdiex inħarrek xufftejja.
[Ġob:16:6] Ukoll jekk nitkellem ma jittaffiex hemmi,
u jekk niskot m'hux se jgħaddili.
[Ġob:16:7] Għax issa fnieni dak li għandu għalija,
il-ġemgħa tiegħu kollha qabdet fija.
[Ġob:16:8] Sar xhud u qam kontrija,
dak li infamani jixlini f'wiċċi,
[Ġob:16:9] Iħebb għalija l-għadab t'Alla u jbiċċirni,
jgħażgħaż għalija snienu,
u jħares lejja biċ-ċiera.
[Ġob:16:10] Fetħu mbagħad ħalqhom kontrija,
bi tkasbir tawni bil-ħarta,
ngħaqdu għalenija kontra tiegħi.
[Ġob:16:11] Alla telaqni f'idejn min jagħmel il-ħażen,
iva f'idejn il-ħżiena rħieni.
[Ġob:16:12] Kont ngħix bi kwieti u għarraqni,
qabadni minn għonqi u għafasni,
ħadni b'mira tal-wadab tiegħu.
[Ġob:16:13] Dawwarni minn kull naħa bil-vleġeġ
tiegħu,
qattagħli bla ħniena l-ġewwieni tiegħi,
u ħariġli għal fuq l-art imsarni.
[Ġob:16:14] B'xaqq fuq ieħor qasamni,
bħal gwerrier intafa' fuqi.
[Ġob:16:15] Ħitt xkora madwar ġildi,
u għaddast rasi fit-trab.
[Ġob:16:16] Minfuħ wiċċi bid-dmugħ,
mgħammxin il-ħbub t'għajnejja,
[Ġob:16:17] għalkemm bl-ebda dnewwa ma ċċappsu
idejja,
u t-talba tiegħi hi sinċiera.
[Ġob:16:18] O art, la tgħattix id-demm tiegħi,
biex ma tindifinx l-għatja tiegħi.

Ġob jappella lil Alla

[Ġob:16:19] "Iva, mqar issa għandi xhud fis-sema,
hemm fil-għoli min jaqbeż għalija.
[Ġob:16:20] Ifisser hu ħsibijieti quddiem Alla
li lejh nerfa' għajnejja bil-biki
[Ġob:16:21] u jkun l-imħallef bejn bniedem u Alla
bħalma jsir bejn bniedem u għajru.

Krib ieħor ta' Ġob

[Ġob:16:22] "Jgħaddu s-snin magħduda ta' ħajti,
u naqbad it-triq li ma nerġax lura minnha.

17. [Ġob:17:1] Ruħi mifnija,
ħajti fix-xifer,
u l-qabar jistennieni.
[Ġob:17:2] M'għandix ħdejja ħlief żeblieħa,
u għajni tishar qalb it-tinbix tagħhom.
[Ġob:17:3] Żommli għandek ir-rahan tiegħi,
għax min inkella se jagħtini idu?
[Ġob:17:4] Lil ħbiebi int qtajtilhom il-fehma,
għalhekk ma tħallihomx jittrijunfaw.
[Ġob:17:5] Jistiednu l-ħbieb biex jaqsmu l-wirt
magħhom,
waqt li għajnejn uliedhom mifnija jixxennqu.
[Ġob:17:6] Iżda Hu ġiebni fi lsien in-nies,
jien hu dak li jobżqulu f'wiċċu.
[Ġob:17:7] Tgħammxuli bin-niket għajnejja,
saru bħal dell idejja u riġlejja.
[Ġob:17:8] Jistagħġbu b'dan it-tajbin,
jitmasħan il-ġust għall-ħażin.
[Ġob:17:9] Iżda l-ġust iżomm sħiħ fl-imġiba tiegħu,
jissokta jitqawwa dak ta' idejh safja.
[Ġob:17:10] Erġgħulha, mela, ejjew ilkoll,
żgur ma nsibx fostkom wieħed għaref.
[Ġob:17:11] Għosfru jiemi bil-proġetti tiegħi,
ġew fix-xejn ix-xewqat ta' qalbi.
[Ġob:17:12] Il-lejl ħbiebi jagħmluh nhar,
jgħidu 'Qrib id-dawl' ġo wiċċ id-dlam.
[Ġob:17:13] Jekk nistenna l-Imwiet b'għamara tiegħi,
u fid-dlam ta' taħt l-art nifrex soddti,
[Ġob:17:14] jekk ngħid lill-qabar 'missieri int',
u lid-dud 'ommi jew oħti',
[Ġob:17:15] fejn hi, mela, it-tama tiegħi?
U t-tama tiegħi min se jaraha?
[Ġob:17:16] Lejn bwieb l-Imwiet hi tinżel,
xħin flimkien nindifnu fit-trab."

18. It-tieni diskors ta' Bildad

[Ġob:18:1] Wieġeb imbagħad Bildad is-Suħi u qal:
[Ġob:18:2] "Kemm se ddum bħalek taqla' kawtieli?
Agħti ftit widen, ħallina nkellmuk.
[Ġob:18:3] L-għala nitqiesu minnek bħala bhejjem,
u fil-fehma tiegħek ma niswew xejn?
[Ġob:18:4] Int li tifni ruħek bil-korla tiegħek,
taħseb li għandha tintelaq minħabba fik id-dinja
jew jitqanqal minn postu l-blat?
[Ġob:18:5] Imma żgur jintefa d-dawl tal-ħażin,
u l-fjamma tan-nar tiegħu ma tiddix aktar.
[Ġob:18:6] Inin id-dawl fl-għarix tiegħu,
u l-lampa ta' fuq rasu tintefa.
[Ġob:18:7] Jiqsaru l-passi qawwija tiegħu,
u l-fehma tiegħu stess iġġarrfu.
[Ġob:18:8] B'riġlejh stess jidħol fix-xibka,
fuq il-mansab imidd passih.
[Ġob:18:9] Taqbdu ingassa minn għarqubu,
u n-nassa tingħalaq fuqu.
[Ġob:18:10] Moħbi fl-art għalih il-ħabel,
u t-trabokk fil-mogħdija.
[Ġob:18:11] Minn kull naħa jħebb għalih il-biża',
u jibqa' jsus wara riġlejh.
[Ġob:18:12] Jgħum fil-ġid imma bil-ġuħ,
u l-qerda tiegħu tistennieh maġenbu.
[Ġob:18:13] Tikollu ġildu marda kerha,
l-iben il-kbir tal-Mewt jirgħa fuq ġismu.
[Ġob:18:14] Jinħataf mill-għarix komdu tiegħu,
u jġorruh għand Sultan il-waħxijiet.
[Ġob:18:15] L-għarix tiegħu jagħtuh in-nar,
fejn kien joqgħod iferrxu l-kubrit.
[Ġob:18:16] Minn taħt jinxfulu għeruqu,
u minn fuq jinxfulu l-friegħi.
[Ġob:18:17] Tgħib mid-dinja tifkirtu,
u fit-toroq ma jkollux isem.
[Ġob:18:18] Iwaddbuh mid-dawl għal ġod-dlam,
u jqaċċtuh minn wiċċ did-dinja.
[Ġob:18:19] Ma jkollux nisel fost il-poplu tiegħu,
lanqas ħadd ma jibqagħlu f'għamartu.
[Ġob:18:20] Għal li ġralu jistagħġbu n-nies
tal-punent,
u dawk tal-lvant jitkexkxu.
[Ġob:18:21] Iva, dan hu tmiem l-għamara tal-ħażin,
dan imissu min ma jridx jaf b'Alla."

19. Ġob ifittex jistkenn fi twemminu

[Ġob:19:1] Ġob wieġeb u qal:
[Ġob:19:2] "Kemm se ddumu tkidduni,
u bi kliemkom tagħsruni?
[Ġob:19:3] Għaxar darbiet s'issa żeblaħtuni,
u xejn ma stħajtu tkagħbruni.
[Ġob:19:4] Nagħmluha li tassew għawwiġt triqti,
se jbejjet b'daqshekk l-iżball fija?
[Ġob:19:5] Intom tieħdu r-riħ fuqi,
għax twikkuli bi ħtija l-għajb li għandi.
[Ġob:19:6] Kunu afu li Alla hu li qalibhieli,
hu li xeħet madwari x-xibka tiegħu.
[Ġob:19:7] Ngħajjat: 'Moħqrija!' u ħadd ma jweġibni,
nittallab l-għajnuna u ma ssirlix ġustizzja.
[Ġob:19:8] Alla għalaqli t-triq biex ma ngħaddix,
firixli d-dlam fuq il-mogħdija.
[Ġob:19:9] Neżżagħli l-ġieħ tiegħi,
neħħieli l-kuruna minn fuq rasi.
[Ġob:19:10] Ġarrafni għalkollox u ġejt fix-xejn,
qalagħli bħal siġra t-tama tiegħi.
[Ġob:19:11] Kebbes għalija l-korla tiegħu,
u żammni b'għadu tiegħu.
[Ġob:19:12] Ngħaqdu flimkien il-qtajja' tiegħu,
qabdu għal fuqi triqthom
u waqqfu l-kamp madwari.
[Ġob:19:13] Ħadli 'l ħuti 'l bogħod minni.
Ħbiebi saruli barranin.
[Ġob:19:14] Għebu qrabati u l-ħbieb tal-qalba,
dawk li kont nilqa' f'dari nsewni.
[Ġob:19:15] San-nisa li jaqduni jżommuni bi frustier,
sirt għalihom bħal wieħed barrani.
[Ġob:19:16] Nsejjaħ lill-qaddej tiegħi u ma jweġibx,
għalkemm jiena nitolbu b'fomm il-ħniena.
[Ġob:19:17] Nifsi jqażżeż lil marti,
sirt ninten għal nies dari.
[Ġob:19:18] Iż-żgħar imqarqċin ukoll jistmerruni,
jgħadduni biż-żmien kif nidher quddiemhom.
[Ġob:19:19] Il-ħbieb tal-qalb ilkoll jistkerrhuni,
dawk li ħabbejt daru kontrija.
[Ġob:19:20] Leħni dab, sirt għadma u ġilda,
bilkemm baqagħli ġilda ma' ħnieki.
[Ġob:19:21] Ħennu għalija, ħennu għalija intom,
ħbiebi
għax id Alla laqtitni.
[Ġob:19:22] Għaliex tagħmlu għalija bħal Alla,
u minn laħmi ma tixbgħu qatt?
[Ġob:19:23] Kemm nixtieq li kliemi jinkiteb,
kemm nixtieq li jitnaqqax fil-bronż,
[Ġob:19:24] jew b'xafra tal-ħadid u b'mili taċ-ċomb
jitniżżel għal dejjem fil-blat!
[Ġob:19:25] Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj,
u fl-aħħar fuq it-trab iqum,
[Ġob:19:26] u wara li jintemm ġildi,
għoddni bla laħam, nara 'l Alla.
[Ġob:19:27] Lilu narah b'ħabib tiegħi,
Dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani!
Qed iddub qalbi ġo fija ...
[Ġob:19:28] La qed tgħidu: 'Kif se nagħmlu għalih?',
u 'Fih tinsab il-kawża ta' li ġralu',
[Ġob:19:29] ngħidilkom: 'Ibżgħu mis-sejf lest għalikom
għax b'korla għall-ħtijiet is-sejf jiġi,
u tkunu tafu li hemm Imħallef.' "

20. It-tieni diskors ta' Sofar

[Ġob:20:1] Qabeż jitkellem Sofar in-Nagħmi, u qal:
[Ġob:20:2] "Ara, qabbżuni mill-ġdid ħsibijieti,
u t-tqanqil ta' ruħi ġo fija.
[Ġob:20:3] Għax kif nisma' ċanfirek iregħexni,
l-ispirtu ġo fija jġagħalni nwieġbek.
[Ġob:20:4] Taf xejn int li minn dejjem,
mindu deher fid-dinja l-bniedem,
[Ġob:20:5] it-trijonf tal-ħżiena ħajtu qasira,
u l-ferħ ta' bin id-dnewwa jdum waqt wieħed?
[Ġob:20:6] Mqar tilħaq sas-sema kburitu,
u rasu tmiss is-sħab,
[Ġob:20:7] bħall-ħmieġ ta' ġo msarnu jintrema għal
dejjem,
u jgħid min kien jafu: 'Fejn hu?'
[Ġob:20:8] Jgħib bħal ħolma u ħadd ma jsibu,
bħall-fantażmi tal-lejl jitħarrab.
[Ġob:20:9] L-għajn li kienet tarah ma tilmħux aktar,
lanqas ma tibqa' tafu daru.
[Ġob:20:10] Uliedu jittallbu bħal foqra
għax kellu jrodd il-ġid tiegħu.
[Ġob:20:11] Għadmu mimli biż-żgħożija,
miegħu fit-trab jimtedd.
[Ġob:20:12] Għalkemm jiġih ħelu l-ħażen f'ħalqu,
u joqgħod ilebbtu bi lsienu;
[Ġob:20:13] għalkemm idewwmu u ma jħallihx jinżel,
u f'nofs ħalqu jżommu tajjeb,
[Ġob:20:14] dak l-ikel jitħassar fl-istonku tiegħu,
isir velenu ta' lifgħa f'imsarnu.
[Ġob:20:15] Il-ġid li bala' jkollu jaqilgħu,
iqallagħhulu Alla mill-istonku.
[Ġob:20:16] Velenu tas-sriep hu reda',
u lsien il-lifgħa joqtlu.
[Ġob:20:17] Ma jarax aktar il-gliegel taż-żejt,
lanqas in-nixxigħat ta' l-għasel u l-ħalib.
[Ġob:20:18] Irodd kull ma kiseb bla ma jistgħallu,
mill-ġid li ħażen ma jgawdi xejn,
[Ġob:20:19] talli għaffeġ il-fqir flok ħa ħsiebu,
u seraq djar ħaddieħor flok bena tiegħu.
[Ġob:20:20] Billi qatt ma kienet xebgħana żaqqu,
ma jeħilsux il-ġid li rekken.
[Ġob:20:21] Billi xejn ma ħarab il-kilba tiegħu,
ma jdum xejn ir-riżq tiegħu.
[Ġob:20:22] Fl-aqwa tal-ġid jaħkmuh id-dwejjaq,
kull xorta ta' ħsara tiġi fuqu.
[Ġob:20:23] Hu u jaħseb biex jimla żaqqu,
Alla jimlihielu bin-nar tal-korla tiegħu,
u jsawwabhulu sa ġo msarnu.
[Ġob:20:24] Jekk jaħrab mis-sejf tal-ħadid,
jilħqu l-qaws tal-bronż.
[Ġob:20:25] Il-vleġġa tinfidlu dahru,
il-ponta tleqq toħroġ minn fwiedu,
u t-twerwir jaħkimlu qalbu.
[Ġob:20:26] Merfugħin għalih id-dlamijiet kollha,
nar li ħadd ma qabbdu jaħarqu
u jtemm kull ma baqa' fl-għarix tiegħu.
[Ġob:20:27] Is-smewwiet jikxfulu ħżunitu
u l-art tqum kontrih.
[Ġob:20:28] Daru jkaxkarha l-għargħar,
l-ilma qawwi li jinżel f'jum il-korla.
[Ġob:20:29] Dan sehem il-ħażin mingħand Alla,
dan hu l-wirt li refagħlu Alla."

21. Tweġiba ta' Ġob

[Ġob:21:1] Ġob wieġeb u qal:
[Ġob:21:2] "Isimgħuni, isimgħuni kelma,
u jkunli dan il-faraġ tagħkom.
[Ġob:21:3] Stabru bija, ħalluni nitkellem,
u xħin nispiċċa ddieħku kemm tridu.
[Ġob:21:4] Jewwilla ma' bniedem li għandi xi ngħid
jien?
M'għandix forsi għax nitlef sabri?
[Ġob:21:5] Araw xi ġrali u għandkom titbikkmu,
u tqiegħdu idejkom fuq fommkom.
[Ġob:21:6] Għax jien imqar naħseb biss nibqa' mnixxef,
u taqbadni tkexkixa ma' ġismi kollu.
[Ġob:21:7] L-għala l-ħżiena ħajjithom twila,
u kull ma jmorru jikbru fis-setgħa?
[Ġob:21:8] Mqabbda fis-sod il-familja tagħhom:
missirijiethom għadhom magħhom,
u wliedhom taħt għajnejhom.
[Ġob:21:9] Djarhom fiż-żgur,m'għandhomx minn
xiex jibżgħu,
m'huwiex fuqhom il-bastun ta' Alla.
[Ġob:21:10] Inissel il-barri tagħhom u ma jfallix,
tferragħ il-baqra tagħhom u ma tkorrix.
[Ġob:21:11] Jerħu ż-żgħar tagħhom jimirħu bħall-ħrief,
u lit-tfal tagħhom jogħxew fiż-żfin.
[Ġob:21:12] Jgħannu biċ-ċetra u t-tanburlin,
u jixxalaw bid-daqq tal-flawt.
[Ġob:21:13] Jgħadduha tajjeb ħajjithom kollha,
u jinżlu bis-sliem fl-Imwiet.
[Ġob:21:14] U dawn qalu 'l Alla: 'Ħallina bi kwietna,
minn triqatek ma jimpurtaniex.
[Ġob:21:15] X'inhu Xaddaj biex aħna nobduh?
X'se ndaħħlu jekk nitolbuh?'
[Ġob:21:16] M'għandhomx forsi l-ħżiena xortihom
f'idejhom
għalkemm ħsiebhom imbiegħed minn Alla?
[Ġob:21:17] Kemm-il darba ntfiet il-lampa tal-ħżiena,
jew messithom il-ħsara li ħaqqhom,
jew qassmitilhom uġigħ il-korla ta' Alla?
[Ġob:21:18] Kemm minnhom saru bħat-tiben mar-riħ,
jew bħal sifja maħtufa mir-riefnu?
[Ġob:21:19] Tgħidu:'Alla jerfa' l-kastig tagħhom
għal uliedhom';
le, ngħidilkom, lill-ħati jmissu jagħtih ħalli jitgħallem,
[Ġob:21:20] ħa jaraw għajnejh stess il-kalċi tiegħu,
u jixrob huwa nnifsu mill-korla ta' Xaddaj.
[Ġob:21:21] Għax x'jimpurtah minn daru wara mewtu,
meta jkun għalaq l-għadd ta' xhuru?
[Ġob:21:22] Tgħiduli: 'Se jgħallem xi ħadd l-għerf lil
Alla,
Hu li jagħmel ħaqq mill-ogħla ħlejjaq?'
[Ġob:21:23] Araw: wieħed imut fl-aħjar ta' saħħtu
kollu hieni u kuntent,
[Ġob:21:24] ġenbejh mimlija bis-simna
u l-mudullun ta' għadmu tari.
[Ġob:21:25] Ieħor imut bl-imrar ġo qalbu,
mingħajr qatt ma daq xi hena.
[Ġob:21:26] U lkoll xorta fit-trab jimteddu,
'il wieħed u 'l ieħor jiksi d-dud.
[Ġob:21:27] Ara: jiena naf tajjeb ħsibijietkom,
x'qegħdin tfasslu biex tonsbuni.
[Ġob:21:28] Se tgħiduli: 'Fejn hi issa dar il-prinċep?
Fejnhom issa l-għamajjar tal-ħżiena?'
[Ġob:21:29] Ngħidilkom: 'Staqsu 'l dawk li siefru,
u tirruftawx it-tagħrif li ġabru.
[Ġob:21:30] Il-ħażin ma jintmessx minn jum il-ħsara,
ikun meħlus xħin tiġi l-korla.
[Ġob:21:31] Ħadd ma jċanfru f'wiċċu għal imġibtu,
ħadd ma jħallsu talli għamel.
[Ġob:21:32] U xħin imorru bih għad-difna,
tmur warajh in-nies bi ħġarha,
u timxi quddiemu folla kbira;
[Ġob:21:33] tagħmillu fuq qabru sahra,
u jkunlu ħelu t-trab tal-wied.'
[Ġob:21:34] Kif tridu, mela, tfarrġuni? Bil-frugħa?
M'hux gideb biss baqa' fi tweġibkom?"

22. It-tielet diskors ta' Elifaż

[Ġob:22:1] Wieġbu Elifaż it-Temani:
[Ġob:22:2] "Jista' l-bniedem jiswa lil Alla?
Jiswielu għallinqas l-għaref?
[Ġob:22:3] X'se żżidlu 'l Xaddaj bil-ħajja tajba
tiegħek?
X'se jdaħħal Alla minn imġibtek bla tebgħa?
[Ġob:22:4] Jewwilla għat-tjieba tiegħek li Hu jċanfrek
u jġibek għall-ħaqq tiegħu?
[Ġob:22:5] M'hux għax kbira hi ħżunitek,
u ħtijietek ma ssibx tarfhom?
[Ġob:22:6] Int ħadt ir-rahan lil ħutek għal xejn b'xejn,
u neżżajt għerja lill-imċerċrin.
[Ġob:22:7] Int ċħadt l-ilma lill-għajjenin
u ma tmajtx lill-imġewwħin.
[Ġob:22:8] Int għax tiflaħ ksibt l-art,
u tgħammar fiha b'rasek merfugħa.
[Ġob:22:9] Int bgħatt ir-romol b'idejhom vojta,
u sħaqt dirgħajn l-iltiema.
[Ġob:22:10] Għalhekk tara nases madwarek,
u biża' li jaħkmek għal għarrieda.
[Ġob:22:11] Jew kont taħseb li ma tarax id-dlam,
u li ma jgħerrqikx l-għargħar?
[Ġob:22:12] M'huwiex Alla l-Ogħla tas-sema,
u jara ras il-kwiekeb li huma fl-għoli?
[Ġob:22:13] U int tiġi tgħid: 'X'jaf Alla?
Kif jista' jiġġudika b'dak is-sħab iswed?
[Ġob:22:14] Jgħattih is-sħab u ma jħallihx jara,
fuq il-ħnejja tas-sema Hu jimxi.'
[Ġob:22:15] Trid int taqbad it-triq il-mudlama,
li għaddew minnha n-nies il-ħżiena,
[Ġob:22:16] nies li nħatfu qabel żmienhom,
meta xmara ġarrfet is-sisien tagħhom?
[Ġob:22:17] Dawn qalu 'l Alla: 'Ħallina bi kwietna;
x'jista' jagħmel Xaddaj għalina?'
[Ġob:22:18] Iżda kien Hu li mela bil-ġid lil djarhom,
għad li ħsieb il-ħżiena mbiegħed minnu.
[Ġob:22:19] Jaraw dan il-ġusti u jifirħu,
dawk ta' bla ħtija jiddieħku u jgħidu:
[Ġob:22:20] 'Ġie fix-xejn il-kobor tagħhom,
u l-ġid tagħhom belgħu n-nar.'
[Ġob:22:21] Erġa' lejn Alla, agħmel ħbieb miegħu,
u mbagħad ikollok riżq tajjeb.
[Ġob:22:22] Ilqa' t-tagħlim ħiereġ minn fommu,
u aħżen ġo qalbek kliemu.
[Ġob:22:23] Jekk iddur lejn Xaddaj terġa' tintrafa';
jekk tbiegħed minn darek id-dnewwa,
[Ġob:22:24] jekk tarmi fit-trab id-deheb tiegħek,
u qalb iċ-ċagħak tal-wied id-deheb fin tiegħek,
[Ġob:22:25] ikun Xaddaj id-deheb tiegħek,
u l-ħażniet tal-fidda tiegħek.
[Ġob:22:26] Issib f'Xaddaj l-għaxqa tiegħek
u lejn Alla int terfa' wiċċek.
[Ġob:22:27] Xħin titolbu Hu jagħtik widen,
u int troddlu l-wegħdiet tiegħek.
[Ġob:22:28] Kull ma trid tagħmel jirnexxilek,
għax jiddi d-dawl fuq mogħdijietek.
[Ġob:22:29] Jekk ibaxxuk, għid: 'Jiġi l-qawmien,'
għax jingħata l-għajnuna min ibaxxi rasu.
[Ġob:22:30] Alla jeħles lil kull min hu bla ħtija,
u int tinħeles għas-safa ta' idejk."

23. Tweġiba ta' Ġob

[Ġob:23:1] Ġob wieġeb u qal:
[Ġob:23:2] "Illum ukoll bi rvell se jkun tweġibi,
għax idu tħarrax it-tnehid tiegħi.
[Ġob:23:3] M'hux li kont naf fejn insibu,
jew xi triq nieħu lejn it-tron tiegħu!
[Ġob:23:4] Kont inressaq quddiemu l-kawża tiegħi
b'kotra ta' raġunijiet lesti fuq fommi,
[Ġob:23:5] u nkun naf xi tweġib għandu għalija,
u nifhem dak li jrid jgħidli.
[Ġob:23:6] Jaqaw b'wiri ta' saħħa jitlewwem miegħi?
Le! Imma aktar naħseb li joqgħod jismagħni.
[Ġob:23:7] Hemm jista' l-ġust jirraġuna miegħu,
u jien nirbaħ żgur il-kawża tiegħi.
[Ġob:23:8] Jekk immur lejn il-lvant Hu m'hux hemm,
jekk lejn il-punent anqas ma nilmħu.
[Ġob:23:9] Ndur lejn it-tramuntana u ma nsibux,
nilwi lejn in-nofsinhar u lanqas ma narah hemm.
[Ġob:23:10] Għax Hu jaf sewwa l-mixi ta' riġlejja,
jekk jgħarbilni niddi bħad-deheb.
[Ġob:23:11] Riġli żamm sħiħ fuq il-passi tiegħu,
ħarist triqtu u ma ġġennibtx minnha.
[Ġob:23:12] Ma warrabtx il-kmandamenti ta' xufftejh,
għożżejt f'qalbi d-digrieti ta' fommu.
[Ġob:23:13] Iżda Hu qatagħha, min se jreġġgħu lura?
Dak li jrid jagħmlu.
[Ġob:23:14] Hu jtemm is-sentenza li qatagħli,
u ħafna oħrajn li għandu f'moħħu.
[Ġob:23:15] Għalhekk nitkexkex quddiemu,
u mqar naħseb biss nibża' minnu.
[Ġob:23:16] Alla mewwitli qalbi,
Xaddaj werwirni.
[Ġob:23:17] Għax ninsab imxekkel mid-dlam,
u miksi kollni miċ-ċpar.

24. Il-moħqrija ta' l-imsejkna

[Ġob:24:1] "L-għala Xaddaj iżomm moħbija
ż-żminijiet,
u dawk li jħobbuh ma jarawx jiem il-ħaqq?
[Ġob:24:2] Il-ħżiena jneħħu s-sinjali ta' qsim
l-għelieqi,
jisirqu l-imrieħel u jirgħuhom huma.
[Ġob:24:3] Jieħdu l-ħmar ta' l-iltim,
u jżommu b'rahan il-barri ta' l-armla.
[Ġob:24:9] Jaħtfu l-iltim minn sider ommu
u jżommu b'rahan it-tifel tal-fqir.
[Ġob:24:4] Ikeċċu mit-triq tagħhom l-imsejkna,
u l-fqar tal-pajjiż ikollhom jinħbew.
[Ġob:24:5] Bħal ħmir fix-xagħri joħorġu
jitħabtu ħa jsibu l-ikel tagħhom,
ix-xagħri jitmgħalhom 'l uliedhom.
[Ġob:24:6] Jaħsdu għelieqi li m'humiex tagħhom,
ilaqqtu mid-dwieli ta' l-għonja.
[Ġob:24:7] Jgħaddu l-lejl għerja mingħajr għata,
m'għandhomx ilbies x'jilqgħalhom il-ksieħ.
[Ġob:24:8] Jixxarrbu għasra bix-xita tal-muntanji,
jitrekknu mal-blat għax m'hemmx fejn jistkennu.
[Ġob:24:10] Jiġġerrew għerja mingħajr ilbies,
imorru bil-ġuħ bil-qatet f'idejhom.
[Ġob:24:11] Jisħqu fil-magħsar iż-żebbuġ,
jagħsru l-għeneb, u mejta bil-għatx.
[Ġob:24:12] Fil-belt jokorbu dawk li qed imutu,
griżmejn il-feruti jgħajjtu għall-għajnuna,
u Alla ma jagħtix kas tat-talba tagħhom.
[Ġob:24:13] Hemm uħud li rvillaw għad-dawl,
li ma jridux jafu bi triqatu
u f'mogħdijietu ma jżommux.
[Ġob:24:14] Iqum qabel jisbaħ l-assassin,
biex joqtol il-fqir u l-imsejken.
Billejl iħuf il-ħalliel,
[Ġob:24:16a] jiżgassa d-djar fis-satra tad-dlam.
[Ġob:24:15] Iż-żieni wkoll jistenna d-dlam,
jgħid lilu nnifsu: "Ħadd ma jarani",
u jqiegħed maskra ma' wiċċu.
[Ġob:24:16b] Binhar jinqaflu ġewwa
dawn li ma jridux jafu bid-dawl.
[Ġob:24:17] Għalihom ilkoll dlam hi l-għodwa,
malli jisbaħ jaqbadhom il-biża'.
[Ġob:24:25] Jekk m'hux hekk min ġej igiddibni,
u jġib fix-xejn l-argument tiegħi?"

25. Tweġiba ta' Bildad

[Ġob:25:1] U Bildad minn Suħa wieġeb:
[Ġob:25:2] "X'kobor ta' setgħa għandu
u x'biża' jnissel Alla
li jżomm l-ordni fl-ogħla smewwiet tiegħu!
[Ġob:25:3] Min jista' jgħoddhom l-eżerċti tiegħu?
U 'l min ma tilħaqx l-għassa tiegħu?
[Ġob:25:4] Kif jista' l-bniedem joħroġ ġust quddiem
Alla?
Kif jista' jkun safi l-imwieled minn mara?
[Ġob:25:5] Anqas il-qamar ma jiddi għalih,
u f'għajnejh il-kwiekeb m'humiex safja;
[Ġob:25:6] wisq inqas il-bniedem li hu ħanex,
bin il-bniedem, li m'hux għajr dudu.

26. [Ġob:26:5] "Jirtogħdu fil-qiegħ l-erwieħ
tal-mejtin,
il-baħar u kull ma jgħammar fih.
[Ġob:26:6] Mikxuf quddiemu l-Imwiet,
xejn ma jistorlu Art it-Telfien.
[Ġob:26:7] Hu jifrex fuq il-vojt tas-smewwiet,
iżomm l-art imdendla fuq ix-xejn.
[Ġob:26:8] Jagħlaq l-ilma fis-sħab tiegħu,
u ma jinfaqax is-sħab bit-toqol tiegħu.
[Ġob:26:9] Hu jgħatti wiċċ il-qamar mimli,
jifrex fuqu s-sħaba tiegħu.
[Ġob:26:10] Ħażżeż ċirku fuq wiċċ il-baħar,
fejn jinferaq id-dawl mid-dlam.
[Ġob:26:11] Il-kolonni tas-sema jirtogħdu,
jitwerwru biċ-ċanfir tiegħu.
[Ġob:26:12] Bil-qawwa ta' driegħu sikket il-Baħar,
bil-ħila ta' moħħu saħaq lil Raħab.
[Ġob:26:13] B'nifsu jiċċaraw is-smewwiet,
idu tinfed is-serp ħafif.
[Ġob:26:14] Dawn biss intietef ta' qawwietu,
tfesfisa dgħajfa li nisimgħu fuqu!
Min jifhmu, mela, r-ragħad ta' setegħtu?"

Kliem Bildad bla sugu

[Ġob:26:1] Wieġeb Ġob u qal:
[Ġob:26:2] "M'hawnx għalik kemm tgħinu
lid-dgħajjef,
kemm taf issaħħu d-driegħ mitruħ!
[Ġob:26:3] Kemm tagħtih parir lill-injurant,
u hekk turi kemm tinqala'!
[Ġob:26:4] Iżda għal min fhimt tgħidu kliemek?
Ta' min hu l-ispirtu li webblek?"

27. Ġob isostni sa l-aħħar l-innoċenza tiegħu

[Ġob:27:1] Ġob issokta jitkellem u qal:
[Ġob:27:2] "Naħlef b'Alla l-ħaj, li ċaħħadni
mid-dritt tiegħi,
b'Xaddaj li mela bl-imrar lil ruħi,
[Ġob:27:3] li sakemm iddum il-ħajja fija,
u nifs Alla f'imnifsejja,
[Ġob:27:4] l-ebda ħażen ma jlissnu xufftejja,
anqas gidba ma jgħid ilsieni.
[Ġob:27:5] Ma jkun qatt li nagħtikom raġun,
insostni sa ma mmut is-sewwa tiegħi.
[Ġob:27:6] Nżomm sħiħ mas-sewwa tiegħi u ma
ċedix,
ma ċċanfarnix il-kuxjenza dwar ħajti.
[Ġob:27:7] Ħa jkun magħdud mal-ħżiena l-għadu
tiegħi,
u ma' wlied id-dnewwa dak li jmerini.
[Ġob:27:8] Għax, x'tama għandu l-ħażin xħin
jitqaċċat,
meta Alla jeħodlu ħajtu?
[Ġob:27:9] Jaqaw jisma' Alla l-għajat tiegħu,
meta taqa' fuqu l-ħsara?
[Ġob:27:10] Isib forsi f'Xaddaj l-għaxqa tiegħu?
Isejjaħ hu lil Alla f'kull żmien?
[Ġob:27:11] Ngħallimkom jien dwar il-qawwa ta' Alla,
il-ħsieb li għandu Xaddaj ma naħbihx.
[Ġob:27:12] Imma għalfejn? Lkoll rajtuh dan;
l-għaliex, mela, tintilfu fi kliem fieragħ?"

Tweġiba ta' Sofar

[Ġob:27:13] "Ara kif iħallas Alla lill-ħażin,
x'wirt jerfa' Xaddaj għal min jaħqar.
[Ġob:27:14] Jekk joktor nislu għas-sejf ikun dan,
uliedu ma jkollhomx x'jieklu.
[Ġob:27:15] Dawk li jħalli warajh tidfinhom il-pesta,
u r-romol tiegħu ma jibkuhx.
[Ġob:27:16] Jekk jaħżen bħat-trab il-fidda,
u jross bħat-tafal balal ta' ħwejjeġ,
[Ġob:27:17] il-ħwejjeġ li rafa' jilbishom wieħed ġust,
u l-fidda jiritha bniedem bla ħtija.
[Ġob:27:18] Ikun bena daru bħal għanqbuta,
bħala għarix li talla' għassies.
[Ġob:27:19] Jimtedd għani iżda ma jerġax,
xħin jistenbaħ ġidu jkun għosfor.
[Ġob:27:20] It-twerwir ikaxkru bħal għargħar,
il-lejl ikaxkru bħal riefnu.
[Ġob:27:21] Riħ mil-lvant jobormu u jġorru,
jikinsu mill-għamara tiegħu.
[Ġob:27:22] Bla ħniena jonfoħ fuqu,
hu u jaħrab mill-qabda tiegħu.
[Ġob:27:23] Iċapċap għalih idu,
u bi tvenvina jkaxkru minn postu."

24. [Ġob:24:18] Bil-ħeffa jinġarr il-ħażin fuq wiċċ
l-ilma,
misħut ikun wirtu fuq l-art,
ma jaqbadx aktar it-triq lejn id-dwieli.
[Ġob:24:19] Bħalma n-nixfa u s-sħana jixorbu l-ilma
tas-silġ,
hekk jagħmel l-Imwiet lill-midneb.
[Ġob:24:20] Jinsieh il-ġuf li ġiebu,
u ismu ma jiftakrux iżjed;
hekk, bħal siġra, jitkisser il-ħażin.
[Ġob:24:21] Hu ħaqar il-mara ħawlija bla nisel,
u lill-armla ma tahiex għajnuna.
[Ġob:24:22] Iżda jqum Dak li jaqbad is-setgħana
bil-ħila tiegħu,
u l-ħażin ma jkunx aktar żgur minn ħajtu.
[Ġob:24:23] Rħielu Alla jixxettel b'tama qarrieqa,
iżda għajnejh kienu fuq triqtu.
[Ġob:24:24] Għola għal ftit u m'għadux aktar,
ntelaq bħal ħaxix mielaħ kif jinqata',
nħasad bħal ras ta' sbula.

28. Innu ta' tifħir lill-Għerf ta' Alla

[Ġob:28:1] Iva, għandha l-fidda l-minjiera tagħha
u d-deheb il-post fejn jissaffa.
[Ġob:28:2] Jittieħed mit-trab il-ħadid,
u r-ram mill-ħaġar imdewweb.
[Ġob:28:3] Jagħmel il-bniedem tarf għad-dlam,
sal-qiegħnett hu jistħarreġ.
Fil-blat sewdieni u mdallam
[Ġob:28:4] jaqta' mina 'l bogħod mid-djar.
Fi mkejjen minsija mir-riġel jiddendel,
mbiegħed min-nies jitbandal.
[Ġob:28:5] Dik l-art li minnha joħroġ il-ħobż,
minn taħt imqallba bin-nar.
[Ġob:28:6] Minjiera taż-żaffir il-ħaġar tagħha,
it-trab tagħha fih id-deheb.
[Ġob:28:7] It-triq għal hemm l-ebda għasfur tal-ħtif
ma jafha,
anqas għajn il-bies ma tilmaħha.
[Ġob:28:8] Ma jirfsux fuqha l-bhejjem selvaġġi,
anqas ma jgħaddi minnha l-iljun.
[Ġob:28:9] Il-bniedem imidd idu għall-blata taż-żnied,
iqalleb mill-qiegħ il-muntanji.
[Ġob:28:10] Minn ġol-blat jaqta' mini,
u jaraw għajnejh minn kull ħaġar prezzjuż.
[Ġob:28:11] Iħammel ir-ramel tal-widien,
u joħroġ għad-dawl ħwejjeġ moħbija.
[Ġob:28:12] Imma l-għerf minn fejn jiġi,
u fejn hu postu d-dehen?
[Ġob:28:13] Fejn qiegħed l-għerf ma jafx il-bniedem,
l-għerf ma jinstabx f'art il-ħajjin.
[Ġob:28:14] Il-Qiegħ jistqarr: 'M'hux fija';
il-Baħar jgħid: 'M'hux għandi'.
[Ġob:28:15] Bl-ifjen deheb ma jinxtarax,
anqas ma jitħallas b'mitqlu fidda.
[Ġob:28:16] Ma jintiżinx mad-deheb ta' Ofir,
anqas ma' l-aħjar oniċi jew maż-żaffir.
[Ġob:28:17] Ma jiswiex daqsu d-deheb u l-ħġieġ,
ma jinbidilx ma' vażun tad-deheb fin.
[Ġob:28:18] Il-qroll u l-kristall anqas ma
nsemmuhom;
tikseb l-għerf aqwa mill-ġawhar.
[Ġob:28:19] It-topaz ta' l-Etjopja ma jiswiex daqsu,
anqas joqgħod ħdejh id-deheb l-aktar fin.
[Ġob:28:20] L-Għerf, mela, minn fejn jiġi?
U fejn hu postu d-dehen?
[Ġob:28:21] Hu moħbi minn għajnejn il-ħajjin kollha,
hu mistur imqar għat-tjur ta' l-ajru.
[Ġob:28:22] It-Telfien u l-Imwiet jgħidu:
'B'widnejna ħadna ħbaru.'
[Ġob:28:23] Triq l-Għerf Alla biss jagħrafha,
Hu biss jafu postu.
[Ġob:28:24] Għax hu jħares lejn truf l-art,
u jara taħt is-sema kollu.
[Ġob:28:25] Meta ffissa lir-riħ il-qawwa tiegħu,
u qassam bil-qjies l-ilmijiet;
[Ġob:28:26] meta għamel sieqja għax-xita,
u triq għall-beraq tar-ragħad,
[Ġob:28:27] dak il-ħin rah u qiesu,
stħarrġu għalkollox u wettqu.
[Ġob:28:28] U qal lill-bniedem:
'Ara, li tibża' mill-Mulej hu l-għerf,
li titbiegħed mill-ħażen, l-għaqal.'

29. Ġob jibki l-imgħoddi

[Ġob:29:1] Ġob raġa' qabad jitkellem u qal:
[Ġob:29:2] "M'hemmx li nerġa' għaż-żmien ta' dari,
għall-jiem meta Alla kien iħarisni,
[Ġob:29:3] meta kienet tiddi fuq rasi l-imnara tiegħu,
u fid-dawl tiegħu kont nofroq id-dlam!
[Ġob:29:4] M'hemmx li nerġa' għall-aħjar ta' żmieni,
meta Alla l-Għoli waqqaf l-għarix tiegħi,
[Ġob:29:5] u Xaddaj kien għadu jġibni
u madwari kelli ż-żgħażagħ tiegħi!
[Ġob:29:6] Meta kont naħsel saqajja fil-ħalib u
l-balzmu,
u nferragħ fuq riġlejja gliegel ta' żejt!
[Ġob:29:7] Meta kont noħroġ lejn bieb il-belt
biex nieħu posti fil-misraħ
[Ġob:29:8] iż-żgħażagħ kif jarawni kienu jinħbew,
u x-xjuħ iqumu bilwieqfa.
[Ġob:29:9] Il-kapijiet kien jaqtgħu kliemhom,
u jqiegħdu subgħajhom fuq fommhom.
[Ġob:29:10] Leħen il-kbarat kien jieqaf,
u lsienhom jeħel mas-saqaf ta' ħalqhom.
[Ġob:29:11] Min kien jismagħni kien iberikni,
min kien jarani kien ifaħħarni.
[Ġob:29:12] Għax kont neħles il-fqir li jittallab
l-għajnuna,
u l-iltim li ma kellux min jaqbeż għalih.
[Ġob:29:13] Fuqi kienet tinżel il-barka tal-magħkus,
u l-qalb ta' l-armla kont inferraħ.
[Ġob:29:14] Lbist il-ġustizzja u hi libbset lili,
bħal mantar u turbant sarli s-sewwa tiegħi.
[Ġob:29:15] Kont għajn għall-agħma,
u riġel għall-magħtub.
[Ġob:29:16] Kont missier għall-foqra,
u l-kawża ta' wieħed ma nafux kont nistħarreġ.
[Ġob:29:17] Kont inkisser ix-xedaq tal-kiefer,
u nġagħlu jerħi l-priża minn ħalqu.
[Ġob:29:18] Jien għedt: 'Fil-bejta tiegħi mmut
wara jiem kotrana daqs ir-ramel.
[Ġob:29:19] Għeruqi nfirxu sa ħdejn l-ilma,
u billejl kelli n-nida fuq il-friegħi.
[Ġob:29:20] Sebħi baqa' jiġġedded miegħi,
dejjem ġdid il-qaws f'idejja.'
[Ġob:29:21] In-nies kienet tismagħni siekta,
tistenna l-parir mingħandi.
[Ġob:29:22] Wara li nitkellem jien ma kinux jerġgħu
huma,
kliemi kien jinżel fuqhom qatra fuq qatra.
[Ġob:29:23] Bħax-xita bikrija kienu jistennew kliemi,
u jixorbuh bħax-xita tar-rebbiegħa.
[Ġob:29:24] Jekk kont nitbissmilhom, ma kinux
jemmnu lil għajnejhom,
u l-ferħ ta' wiċċi xejn ma kienu jitilfu minnu.
[Ġob:29:25] Kont nurihom it-triq qisni rajjes,
kont bħal sultan qalb is-suldati,
fejn immexxihom jien kienu jimxu huma.

30. [Ġob:30:1] "Imma issa jwaqqgħuni għaż-żufjett
dawk li huma iżgħar minni,
u li missirijiethom mank kont irridhom
joqogħduli mal-klieb tal-merħla tiegħi.
[Ġob:30:2] Għax x'kienet tiswieli l-qawwa ta' idejhom,
dawk li telqithom saħħithom kollha?
[Ġob:30:3] Mifnija bil-għaks u bil-ġuħ,
kienu jiġġerrew fix-xagħri,
f'art il-waħx u l-ħrieb;
[Ġob:30:4] ilaqqtu minn qalb l-għollieq il-ħaxix
mielaħ,
u jieħdu b'ikilhom għeruq il-ġummar.
[Ġob:30:5] Mkeċċijin minn fost in-nies,
jgħajjtu warajhom qishom għal ħalliel,
[Ġob:30:6] marru joqogħdu f'xi ħandaq,
fil-gandotti jew fi xquq il-blat;
[Ġob:30:7] jokorbu qalb l-imsaġar,
u jitgeddsu taħt l-għollieq.
[Ġob:30:8] Razza tal-boloh u nies bla isem,
mwarrbin bil-frosta mill-pajjiż.
[Ġob:30:9] U issa jien sirt iż-żufjett tagħhom,
il-bniedem li ġejt f'ilsienhom.
[Ġob:30:10] Jistmerruni u jwarrbu minni,
xejn ma jżommhom milli jobżquli f'wiċċi.
[Ġob:30:11] Jitkixxfu għal biebi b'għajnejhom fuqi,
kull rażan irmew quddiemi.
[Ġob:30:12] Qam l-irmixk fuq il-lemin tiegħi,
xeħtuli xkiel ma' saqajja,
ħejjew it-triq għat-telfien tiegħi.
[Ġob:30:13] Ħassruli l-mogħdijiet tiegħi,
ħsiebhom biss kif jeqirduni,
m'hemmx min jeħlisni minnhom.
[Ġob:30:14] Bħal minn selħa wiesgħa jidħlu għalija,
jgħaddu jitgerbu qalb it-tiġrif.
[Ġob:30:15] Twerwir fuq ieħor waqa' fuqi,
nkines bħar-riħ il-kobor tiegħi,
u l-hena tiegħi għadda bħal sħaba.
[Ġob:30:16] Issa qed iddub ġo fija ruħi,
u ħakmuni jiem ta' dwejjaq.
[Ġob:30:17] Billejl għadmi jaħraq aktar minn kaldarun,
u n-nervi ta' ġismi ma jistriħux.
[Ġob:30:18] B'saħħa kbira qabadni minn ħwejġi,
rassni mill-għonq tal-qmis;
[Ġob:30:19] Alla tefagħni fil-ħama,
u sirt bħat-trab u r-rmied.
[Ġob:30:20] Jien ngħajjatlek u ma tweġibnix
nibqa' nsejjaħ u ma tagħtix kasi!
[Ġob:30:21] M'għadekx li kont, sirt krudil miegħi,
bil-qawwa kollha ta' driegħek tagħmel għalija,
[Ġob:30:22] taqtagħni mill-art, trikkibni fuq ir-riħ,
u titlaqni nitkaxkar mat-tempesta.
[Ġob:30:23] Jien naf li lejn l-Imwiet qed treġġagħni,
lejn dar il-laqgħa għall-ħajjin kollha.
[Ġob:30:24] Se jerfa' xi ħadd idu fuq l-imgħarraq
meta fl-hemm tiegħu jitolbu l-għajnuna?
[Ġob:30:25] U ma bkejtx jien għal min kienet iebsa
għalih il-ħajja?
Ma għalejtx jien għall-bniedem fil-bżonn?
[Ġob:30:26] Stennejt ir-riżq u ġieni d-deni;
ittamajt id-dawl u ġieni d-dlam.
[Ġob:30:27] Msarni jbaqbqu bla mistrieħ,
ġew għal wiċċi jiem ta' niket.
[Ġob:30:28] B'qalbi sewda niġġerra bla faraġ,
nqum fil-ġemgħa u ngħajjat:
[Ġob:30:29] Sirt jiena ħu x-xakalli,
għandi bi sħabi n-ngħam.
[Ġob:30:30] Swiditli l-ġilda aktar minn kaldarun,
għadmi jaħraq aktar minn riħ jikwi.
[Ġob:30:31] Qalbet iċ-ċetra tiegħi għal daqq in-niket,
u għall-għanja tal-bekkejja l-flawt tiegħi.

31. [Ġob:31:1] "Għamilt patt ma' għajnejja
li fuq xebba ma nixħethomx.
[Ġob:31:2] U x'inhu s-sehem li qassam Alla mill-għoli?
X'wirt ħejja Xaddaj mis-smewwiet?
[Ġob:31:3] M'hux il-ħsara għall-midneb
u l-iżventura għall-ħżiena?
[Ġob:31:4] Iżda ma jarax Alla l-imġiba tiegħi?
Ma jgħoddlix il-passi kollha tiegħi?
[Ġob:31:5] Qatt imxejt jien bil-gideb?
Qatt ħaffift il-pass lejn il-qerq?
[Ġob:31:6] Ħa jiżinni Alla b'miżien tajjeb,
u jagħraf il-ħajja bla tebgħa tiegħi.
[Ġob:31:7] Jekk ilwejt mit-triq id-dritta,
u qalbi strieħet wara t-tħajjir t'għajnejja,
jew weħlet xi tebgħa ma' idejja,
[Ġob:31:8] ħa niżra' jien u l-frott jieħdu ħaddieħor,
u dak li jinbitli jinqala' mill-għeruq.
[Ġob:31:9] Jekk issaħħret qalbi wara mara oħra,
u ssajjajt għaliha wara bieb għajri,
[Ġob:31:10] ħa titħan marti għal ħaddieħor,
u jmilu fuqha rġiel oħrajn.
[Ġob:31:11] Għax dan hu għamil faħxi,
dnub li jiġġudikawh l-imħallfin.
[Ġob:31:12] Hu nar li jaħraq sat-Telfien,
u jeqridli ġidi kollu.
[Ġob:31:13] Qatt ċħadt il-jedd lill-qaddej tiegħi,
jew lill-qaddejja xħin tlewwmu miegħi?
[Ġob:31:14] Le, għax x'kont nagħmel li kellu jqum
Alla?
X'kont inwieġeb li kien jiġi jistħarriġni?
[Ġob:31:15] Min għamel lili fil-ġuf, ma għamilx ukoll
lilu?
M'hux l-istess wieħed sawwarna fi ħdan ommijietna?
[Ġob:31:16] Qatt ċħadt jien lill-foqra dak li xtaqu?
Ħallejt jien għajnejn armla jinfnew?
[Ġob:31:17] Qatt kiltu waħdi l-bukkun tiegħi?
Ma kielx ukoll minnu l-iltim,
[Ġob:31:18] li minn ċkunitu rabbejt bħal missier,
u mexxejtu sa minn ġuf ommu?
[Ġob:31:19] Jekk rajt xi msejken mifni bl-għera,
jew xi fqir li ma kellux għata,
[Ġob:31:20] u ma berkunix ġenbejh,
jew ma ssaħħanx bis-suf tan-nagħaġ tiegħi;
[Ġob:31:21] jekk erfajt idi kontra l-innoċenti,
għax kelli fil-qorti min jaqbeż għalija,
[Ġob:31:22] ħa tinqala' spallti minn ġo għonqi,
u driegħi jinkiser mill-minkeb.
[Ġob:31:23] Għax kont nibża' mill-kastig ta' Alla,
u ma niflaħx għall-kobor ta' sebħu.
[Ġob:31:24] Qatt għedt lid-deheb: 'Inti t-tama tiegħi,'
jew lid-deheb fin: 'Bik mistrieħa rasi'?
[Ġob:31:25] Fraħt xi darba bil-kotra ta' ġidi,
jew bil-qligħ kbir li kisbuli idejja?
[Ġob:31:26] Jekk rajt ix-xemx tiddi,
u l-qamar tiela' bi ġmielu,
[Ġob:31:27] tgħawwiet forsi qalbi bis-serqa,
u tajthom bewsa b'idi ma' fommi?
[Ġob:31:28] M'huwiex delitt li jiġġudikawh l-imħallfin,
talli nkun ċħadt 'l Alla li jsaltan fl-għoli?
[Ġob:31:29] Ħadt xi gost bid-deni ta' l-għadu tiegħi,
inkella fraħt meta laqtitu l-ħsara?
[Ġob:31:30] Le, anqas ilsieni ma ħallejt jidneb
b'xi talba ta' saħta fuq ħajtu.
[Ġob:31:31] Qatt qalu n-nies ta' dari:
'M'hux li konna nixbgħu mill-mejda tiegħu?'
[Ġob:31:32] L-ebda frustier ma ħallejt jgħaddi l-lejl
barra,
dari ftaħtha lill-vjaġġatur.
[Ġob:31:33] Qatt ħbejt bħal Adam dnubi,
jew sarrejt fi ħdani ħtijieti,
[Ġob:31:34] jew bqajt sieket magħluq ġewwa dari,
għalkemm l-għagħa tal-kotra kienet tbeżżagħni,
u jkexkixni t-tmaqdir tat-tribù?
[Ġob:31:35] M'hux li kien jisma' xi ħadd il-kawża
tiegħi!
Hawn hi l-firma tiegħi! Ħa jweġibni Xaddaj!
[Ġob:31:36] M'hux li kelli l-att ta' l-akkuża ta' min
xlieni!
Fuq spallti kont inġorru,
jew ma' rasi ndawwru bħal kuruna.
[Ġob:31:37] Kont ngħoddlu wieħed wieħed il-passi
tiegħi,
kont nersaq lejh bħal wieħed kbir.
[Ġob:31:38] Jekk għajjat kontrija r-raba' tiegħi,
u bkew flimkien ir-raddi tiegħu,
[Ġob:31:39] għax kilt bla ħlas mill-frott tiegħu,
u dawk li ħadmuh fnejtilhom ruħhom,
[Ġob:31:40] flok qamħ jinbitli x-xewk,
flok xgħir ħaxix ħażin."
Tmiem id-diskors ta' Ġob.

32. Jindaħal Eliħu bejn Ġob u ħbiebu

[Ġob:32:1] Mbagħad dawk it-tlitt irġiel ma weġbuhx iżjed għax hu baqa' jżomm ruħu b'ġust.

[Ġob:32:2] Hawn xegħlet il-korla ta' Eliħu bin Barakel, il-Bużi, mill-familja ta' Ram. Nkorla għal Ġob għax baqa' jżomm li għandu raġun fil-kawża tiegħu ma' Alla; [Ġob:32:3] nkorla wkoll għal tlitt iħbieb tiegħu għax ma sabux xi jweġbuh u hekk jiġi li taw tort lil Alla. [Ġob:32:4] Eliħu kien baqa' sieket waqt li kienu jitkellmu huma ma' Ġob għax kienu akbar minnu fiż-żmien.

[Ġob:32:5] Iżda kif ra li dawn it-tlitt irġiel ma kienx baqgħalhom tweġiba fuq fommhom, Eliħu ried jiżfoga l-korla tiegħu.

[Ġob:32:6] Mela qabad iwieġeb Eliħu bin Barakel, il-Bużi, u qal:
"Jien żgħir fiż-żmien
u intom mgħobbija bis-snin;
għalhekk qgħadt lura,
u bżajt quddiemkom inperreċ għerfi.
[Ġob:32:7] Kont inżomm li l-jiem jitkellmu,
u l-ħafna snin jgħallmu l-għerf.
[Ġob:32:8] Iżda hu l-ispirtu fil-bniedem,
nifs Xaddaj li jagħti d-dehen,
[Ġob:32:9] u mhux għax xjuħ il-bnedmin jifhmu,
lanqas għax anzjani ma jafu x'inhu s-sewwa.
[Ġob:32:10] Għalhekk ngħid: 'Isimgħu lili,
jien ukoll irrid nuri fehemti.'
[Ġob:32:11] Ara qgħadt b'sabri nismagħkom titkellmu,
u niżen ir-raġunijiet li ġġibu;
intom u tagħżlu l-argumenti tagħkom
[Ġob:32:12] ħsiebi kien wieqaf fuqkom.
Iżda ma sibtx wieħed li jmeri 'l Ġob sewwa,
ħadd minnkom ma għaraf iwaqqagħlu kliemu.
[Ġob:32:13] Tiġux tgħidu: 'Sibna l-Għerf ma' wiċċna;
li Alla biss jista' jegħlbu u mhux il-bniedem.'
[Ġob:32:14] Għalhekk m'hux b'dal-mod infassalhom
l-argumenti,
mhux bi kliemkom se nwieġbu 'l Ġob.
[Ġob:32:15] Arahom! tbikkmu, ma ssuktawx iwieġbu,
il-kliem naqashom.
[Ġob:32:16] Se nibqa' nistenna meta huma siktu,
meta waqfu u ma weġbux aktar?
[Ġob:32:17] Le! Nwieġeb jien ukoll kif imissni,
ien ukoll irrid nuri fehemti!
[Ġob:32:18] Mfawwar jien bil-kliem li għandi,
u jrossni l-ispirtu ta' ġo fija.
[Ġob:32:19] Ħdani qisu mimli b'inbid jiffermenta,
irid jinfaqa' bħal ġarar b'inbid ġdid.
[Ġob:32:20] Ikolli nitkellem ħa nsib mistrieħ,
niftaħ fommi u nwieġeb,
[Ġob:32:21] bla ma nżomm ma' xi ħadd,
bla ma mmelles 'l ebda bniedem.
[Ġob:32:22] U tabilħaqq anqas naf immelles,
u għax kieku dlonk jaħtafni l-Ħallieq tiegħi.

33. Eliħu jitkellem fuq il-misteru ta' Alla

[Ġob:33:1] "Issa, Ġob, qis li tisma' kliemi,
u tagħti widen għal kull ma ngħidlek.
[Ġob:33:2] Ara, se niftaħ fommi,
kliemi qiegħed fil-ponta ta' lsieni.
[Ġob:33:3] Se ngħid għad-dritt dak li għandi f'moħħi,
u xufftejja jitkellmu s-sewwa,
[Ġob:33:4] għax l-ispirtu ta' Alla għamilni,
u n-nifs ta' Xaddaj jagħtini l-ħajja.
[Ġob:33:5] Isa, weġibni jekk għandek ħila,
ħejji ruħek ħa teħodha miegħi.
[Ġob:33:6] Ara, jien bħalek quddiem Alla,
jiena wkoll imsawwar mit-tajn;
[Ġob:33:7] xejn ma għandek għax tibża' minni,
m'hux se tkun tqila idi fuqek.
[Ġob:33:8] Żgur li għedt int quddiemi għedtu,
u leħen kliemek smajtu.
[Ġob:33:9] Int għedt: 'Jien safi, f'xejn ma nqast;
safi jien, nadif jien.
[Ġob:33:10] Iżda Hu jfittex fiex jaqbad miegħi,
u jżommni b'għadu tiegħu.
[Ġob:33:11] Iqegħedli fiċ-ċipp riġlejja,
u jgħassisli triqati kollha.'
[Ġob:33:12] Ara, għal dan inwieġbek: 'Sejjer żball',
għax Alla hu akbar mill-bniedem.
[Ġob:33:13] Għaliex trid teħodha miegħu
jekk ma jweġibx għal kull kelma tiegħek?
[Ġob:33:14] Alla jitkellem darba,
u kelmtu ma jtennihiex.
[Ġob:33:15] Fil-ħolm, f'xi dehra billejl,
xħin jaqa' n-ngħas fuq il-bnedmin,
u jkunu reqdin fuq friexhom,
[Ġob:33:16] dak il-ħin Alla jnebbaħhom,
u bit-twiddib ibeżżagħhom,
[Ġob:33:17] biex idawwar il-bniedem minn triq
il-ħażin
u jħarsu mill-kburija;
[Ġob:33:18] biex iħarislu ruħu mill-qabar,
u 'l ħajtu milli taqsam il-ħondoq.
[Ġob:33:19] Iwiddbu wkoll bl-uġigħ fuq is-sodda
tiegħu,
u bit-torturi bla heda f'għadmu;
[Ġob:33:20] meta titmeżmeż gerżumtu mill-ħobż,
u ma jitħajjarx aptitu mill-ikel bnin;
[Ġob:33:21] meta jdub laħmu u ma jidhirx iżjed,
u l-għadam li ma kienx jidher jaqbeż 'il barra;
[Ġob:33:22] meta toqrob ruħu lejn il-qabar,
u ħajtu lejn dar il-mejtin.
[Ġob:33:23] imma jekk ikollu ħdejh anġlu,
wieħed minn elf, medjatur,
li juri bniedem kif għandu jġib ruħu,
u jreġġgħu lejn is-sewwa tiegħu,
[Ġob:33:24] u jħenn għalih u jgħid 'l Alla:
'Aħfirhielu, tibagħtux il-qabar,
sibt rahan għall-fidwa ta' ħajtu,'
[Ġob:33:25] jixxettel ġismu bħal meta kien tfajjel
u jerġa' għaż-żmien ta' żgħożitu.
[Ġob:33:26] Jitlob 'l Alla u jkun milqugħ tajjeb,
u jara bil-ferħa wiċċ Alla
li jreġġgħu għal li kien.
[Ġob:33:27] U jmur itenni lin-nies u jgħid:
'Kont dnibt u għawwiġt is-sewwa,
imma Alla ma ħallasnix kif imiss;
[Ġob:33:28] ħelisli 'l ruħi milli tmur fil-qabar,
u qed tgawdi ħajti d-dawl.'
[Ġob:33:29] Ara: dan kollu jagħmel Alla,
darbtejn tlieta, b'riżq il-bniedem,
[Ġob:33:30] biex ireġġagħlu ħajtu mill-fossa
lejn id-dawl f'art il-ħajjin.
[Ġob:33:31] Ħsiebek hawn, Ġob, ismagħni!
Stabar sa ma nitkellem.
[Ġob:33:32] Jekk għandek xi tgħid, weġibni,
tkellem, għax nixtieq li jidher is-sewwa tiegħek.
[Ġob:33:33] Jekk m'għandekx, agħtini widen,
iskot u ngħallmek l-għerf."

34. Alla ma jgħawwiġx is-sewwa

[Ġob:34:1] Eliħu ssokta jgħid:
[Ġob:34:2] "Isimgħu, għorrief, kliemi,
intom li tifhmu, iftħu widnejkom;
[Ġob:34:3] għax il-widna tiżen il-kliem
bħalma l-ħalq itiegħem l-ikel.
[Ġob:34:4] Ħa nistħarrġu għalina x'inhu s-sewwa,
u naqtgħuha bejnietna x'inhu t-tajjeb.
[Ġob:34:5] Ġob qal: 'Ġust jien,
iżda Alla ċaħħadni mid-dritt tiegħi.
[Ġob:34:6] Kontra l-ġustizzja jien ħadt it-tort,
midrub jien bil-vleġeġ tiegħu għalkemm bla ħtija.'
[Ġob:34:7] Hawnx bniedem bħal Ġob
jixrob bħall-ilma ż-żebliħ?
[Ġob:34:8] Hu ssieħeb man-nies il-ħżiena,
u jaqbel ma' dawk ta' fehmiet mgħawwġa.
[Ġob:34:9] Hu stqarr: 'Xejn ma jiswielu l-bniedem
li jfittex jimxi sewwa ma' Alla.'
[Ġob:34:10] Imma intom, nies bil-għaqal, isimgħuni:
Ma jistax jkun li Alla jagħmel id-deni,
li Xaddaj jagħmel dak li hu ħażin.
[Ġob:34:11] Għax Hu jħallas il-bniedem skond
għemilu,
lil kull wieħed skond ma jġib ruħu.
[Ġob:34:12] Le, Alla qatt ma jaħdem id-dnewwa,
Xaddaj qatt ma jmur kontra l-ġustizzja.
[Ġob:34:13] Min tahielu l-ħakma fuq l-art tiegħu?
Min irħieha fi ħsiebu t-tmexxija tad-dinja?
[Ġob:34:14] Jekk iraġġa' għal għandu l-ispirtu tiegħu,
u jieħu lura nifs il-ħajja,
[Ġob:34:15] jinqered kull ħaj f'salt wieħed,
u jerġa' l-bniedem lejn it-trab.
[Ġob:34:16] Issa, jekk għandek għaqal isma' x'se
ngħidlek,
iftaħ widnejk għas-sens ta' kliemi.
[Ġob:34:17] Jista' jiggverna min jobgħod is-sewwa?
Trid int tikkundanna l-Ġust innifsu?
[Ġob:34:18] Lil Dak li jgħid lis-sultan:
'Ja vili', u 'Ja nies ħżiena' lill-prinċpijiet?
[Ġob:34:19] Hu ma jimxix bil-favuri mal-kbarat,
lanqas jistma l-għani aktar mill-fqir,
għax kollha huma xogħol idejh.
[Ġob:34:20] F'sabta jmutu mqar f'nofs ta' lejl,
għad-daqqa t'idu jispiċċaw l-għonja,
u jgħibu t-tiranni bla taħbit.
[Ġob:34:21] Għax Alla għajnejh fuq l-imġiba
tal-bniedem,
u jiflilu passih kollha.
[Ġob:34:22] M'hemmx dlam lanqas swied,
fejn jista' jinħeba min jagħmel id-dnewwa.
[Ġob:34:23] Lil ħadd ma jagħti żmien fiss,
biex jersaq quddiemu għall-ħaqq.
[Ġob:34:24] Iġarraf, bla ma jistaqsi, lill-qawwijin,
u jqiegħed oħrajn minflokhom.
[Ġob:34:25] U billi jaf tajjeb għemilhom,
jaqlibhom billejl u jiġġarrfu.
[Ġob:34:26] Ta' ħżiena li huma jaħbathom,
f'post fejn jistgħu jarawhom,
[Ġob:34:27] talli tbiegħdu minnu,
u warrbu kull twissija tiegħu,
[Ġob:34:28] hekk li ġagħlu l-għajat tal-fqir jitla'
quddiemu,
u Hu sama' l-krib tal-maħqurin.
[Ġob:34:29] U jekk jibqa' ħiemed, min jista' jagħtih
tort?
U min sa jilmħu jekk jaħbi wiċċu?
Iżda fuq ġnus u bnedmin Hu jishar,
[Ġob:34:30] biex la jsaltan wieħed ħażin,
lanqas ma jinstaram il-poplu.
[Ġob:34:31] Issa nagħmluha li wieħed jgħid lil Alla:
'Tqarraqt, iżda ma nżidx nidneb,
[Ġob:34:32] sa ma nagħraf dan għallimni int,
jekk għamilt id-deni ma nissuktax,'
[Ġob:34:33] taħseb li għandu jħallsu kif jidher lilek,
għax inkella ma toqgħodx għalih?
Għandu jgħid lilek: 'Int tagħżel, mhux jien'?
Għidli, mela, x'jidhirlek!
[Ġob:34:34] Jgħiduli n-nies bil-għaqal,
u bħalhom jgħid l-għaref li jismagħni:
[Ġob:34:35] 'Ġob ma tkellimx ta' għaref,
dak li qal kien bla għaqal.
[Ġob:34:36] Iżda Ġob sa l-aħħar għandu jiġġarrab
għat-tweġib tiegħu ta' midgħi.
[Ġob:34:37] Hu jżid dan ma' dnubietu,
li jiċħad f'wiċċna stess it-tort tiegħu,
u ma jehdiex imaqdar lil Alla.' "

35. Alla m'huwiex indifferenti għal ġrajjiet il-bniedem

[Ġob:35:1] Eliħu ssokta jgħid:
[Ġob:35:2] "Taħseb int li dan huwa sewwa,
tgħid: 'Jien għandi raġun, mhux Alla',
[Ġob:35:3] jew xħin tgħid: 'X'jiswieli?
Fiex jien aħjar jekk ma nidnibx?'
[Ġob:35:4] Għal dan jien hekk inwieġeb,
lilek u 'l ħbiebek f'daqqa:
[Ġob:35:5] 'Erfa' għajnejk lejn is-sema, ħares,
qis is-sħab kemm hu ogħla minnek!
[Ġob:35:6] Jekk tidneb x'deni tagħmel lil Alla?
U mqar tkattar ħtijietek, x'tagħmillu?
[Ġob:35:7] Jekk tagħmel is-sewwa x'tagħtih?
X'se jieħu b'daqshekk mingħandek?
[Ġob:35:8] Lil bniedem bħalek tolqot ħżunitek,
lill-bnedmin ħutek jiswa s-sewwa tiegħek.
[Ġob:35:9] Taħt it-toqol tal-moħqrija n-nies tgħajjat,
u kontra driegħ il-qawwijin titlob l-għajnuna.
[Ġob:35:10] Iżda ħadd minnhom ma jgħid:
'Fejn hu Alla li ħalaqni,
li jagħti l-wens billejl,
[Ġob:35:11] li jgħallimna aktar mill-bhejjem ta' l-art,
u jagħmilna egħref mit-tajr ta' l-ajru.'
[Ġob:35:12] Uħud jgħajjtu iżda Hu ma jweġibx,
minħabba kburithom ta' nies ħżiena.
[Ġob:35:13] Kollu ta' xejn, Alla ma jagħtix widen
għall-kliem fieragħ,
Xaddaj ma jagħtix kasu.
[Ġob:35:14] Kemm inqas, mela, xħin int tgħid li ma
tilmħux,
li ressaqt kawża quddiemu u qed tistennieh,
[Ġob:35:15] jew xħin tgħid li xejn ma tikkastiga
l-korla tiegħu,
u li Hu ma jagħrafx sewwa l-ħtija?
[Ġob:35:16] Tassew, fil-vojt Ġob jiftaħ ħalqu,
ipaċpaċ ħafna u bla sens."

36. Ir-raġuni vera ta' tbatijiet Ġob

[Ġob:36:1] Eliħu ssokta jgħid:
[Ġob:36:2] "Stenna, Ġob, ftit ieħor ħalli nurik
raġunijiet oħra favur Alla.
[Ġob:36:3] Naqla' mill-qiegħ tal-ħażna t'għerfi
ħa nagħti raġun lill-Ħallieq tiegħi.
[Ġob:36:4] Emminni ngħidlek: 'M'hemmx tagħwiġ
fi kliemi;
għaref kif imiss għandek quddiemek.'
[Ġob:36:5] Ara, Alla hu ta' qawwa li ma bħalha,
iżda ma jistmellx lis-sinċiera.
[Ġob:36:6] Ma jħallix lill-ħżiena jgħixu,
u jagħmel ħaqq mal-maħqurin.
[Ġob:36:7] Ma jwarrabx għajnejh minn fuq il-ġusti;
fuq tron iqegħedhom mas-slaten;
għal dejjem ikunu merfugħa.
[Ġob:36:8] Iżda jekk jiġu marbuta bil-ktajjen,
u miżmuma fil-ħbula tan-niket,
[Ġob:36:9] Hu jurihom dak li għamlu,
li dinbu għax refgħu rashom.
[Ġob:36:10] Jiftħilhom widnejhom għat-twissija,
u jordnalhom iduru mill-ħażen.
[Ġob:36:11] Jekk jisimgħu u joqogħdu
jgħaddu jiemhom fil-ġid,
u sninhom fit-tgawdija.
[Ġob:36:12] Jekk ma jobdux jgħaddu għal Art
l-Imwiet,
imutu bla ma jintebħu.
[Ġob:36:13] Dawk ta' ras iebsa jsorru l-korla,
u ma jitolbuhx għajnuna xħin jgħakkishom,
[Ġob:36:14] imutu fil-fjur ta' żgħożithom,
itemmu ħajjithom bħaż-żienja.
[Ġob:36:15] Hu jifdi l-magħkus bit-tagħkis tiegħu,
jiftaħlu għajnejh bin-niket tiegħu.
[Ġob:36:16] Lilek ukoll mill-għawġ jaqilgħek
f'post komdu jqiegħdek u bla xkiel,
u jkollok mejda mimlija bl-aħjar ikel.
[Ġob:36:17] Iżda int tiddefendix il-kawża tal-ħżiena
u żomm imħarsa d-digrieti tiegħu.
[Ġob:36:18] La tħallix l-għana jħassrek,
tixxaħħamx b'xi rigal kbir.
[Ġob:36:19] Se jiswa quddiemu fil-hemm ġidek,
u s-setgħa kollha li ksibt minnu?
[Ġob:36:20] Tixxennaqx għal dak il-lejl,
meta jgħibu l-popli mnejn ikunu.
[Ġob:36:21] Qis li ma ddurx lejn il-ħażen,
għax għalhekk ġejt imġarrab mill-hemm.

Tifħir lill-Għerf u s-Setgħa bla qjies ta' Alla

[Ġob:36:22] Ara, Alla jgħaddi 'l kulħadd
fil-qawwa tiegħu;
u liema mgħallem iħabbatha miegħu?
[Ġob:36:23] Min urieh kif għandu jimxi?
Min jista' jgħidlu 'għamilt ħażin'?
[Ġob:36:24] Qis li tfaħħar il-kobor t'għemilu,
il-ħolqien li għannewh il-bnedmin.
[Ġob:36:25] Iħares lejh kull bniedem,
jarawh mill-bogħod il-bnedmin.
[Ġob:36:26] Alla hu hekk kbir li anqas nifhmuh,
u l-għadd ta' sninu ma nsibux tarfu.
[Ġob:36:27] Hu jiġbed il-qtari ta' l-ilma,
li jqattru x-xita mill-ġibjun tiegħu,
[Ġob:36:28] sa ma jimtela s-sħab bihom
u jsawwbuhom fuq l-art f'ħalbiet.
[Ġob:36:31] Bihom Hu jitma' l-popli,
jagħtihom ikel bil-kotra.
[Ġob:36:29] Min jista' jifhem kif jinfirex is-sħab
u jkarwat ir-ragħad fit-tinda tiegħu?
[Ġob:36:30] Hu jifrex madwaru d-dawl tiegħu,
iwaqqaf fuq għejun il-baħar it-tron tiegħu.
[Ġob:36:32] Fuq kefef idejh tleħħ il-berqa,
u jwaddabha fejn irid jolqot.
[Ġob:36:33] L-Għoli jitkellem bir-ragħad tiegħu,
jiżfoga fuq il-ħażen il-qilla tiegħu!

37. [Ġob:37:1] Minħabba f'hekk tħabbat qalbi,
trid taqbeż barra minn postha.
[Ġob:37:2] Isimgħu sewwa 'l leħnu jriegħed,
it-tkarwit ħiereġ minn fommu.
[Ġob:37:3] Ileħħ taħt is-sema kollu l-beraq tiegħu,
u jilħaq l-art minn tarf għal ieħor.
[Ġob:37:4] Wara dan iddamdam ir-ragħda,
il-leħen tal-kobor tiegħu,
u ħadd ma jiflaħ għall-ħsejjes tagħha.
[Ġob:37:5] Iriegħed Alla b'leħnu ta' l-għaġeb,
jagħmel ħwejjeġ kbar ma nifhmuhomx.
[Ġob:37:6] Hu jgħid lis-silġ: 'Inżel fuq l-art',
u lill-ilma tax-xita: 'Agħmel bil-qliel'.
[Ġob:37:7] Hu jaqfel ġewwa l-bnedmin kollha
biex jagħraf kulħadd li Hu għamel dan.
[Ġob:37:8] U jidħlu l-bhejjem fl-għerien tagħhom,
joqogħdu għall-kenn fil-bejta tagħhom.
[Ġob:37:9] Mill-kamra tan-nofsinhar joħroġ ir-riefnu,
u l-ksieħ mir-riħ tat-tramuntana.
[Ġob:37:10] Bin-nifs ta' Alla jingħata s-silġ,
u l-firxiet ta' l-ilma bl-infiħ ta' mnifsejh.
[Ġob:37:11] Ix-xemx tiegħu tiknes iċ-ċpar,
id-dawwâla tiegħu tferrex is-sħab.
[Ġob:37:12] U jdur is-sħab 'l hawn u 'l hemm,
ibiddel ir-rotta skond it-tmexxija tiegħu,
u jagħmel kull ma jordnalu
fuq wiċċ id-dinja kollha tiegħu.
[Ġob:37:13] Sew b'kastig, jekk ma jobdix,
sew bi ħniena, li jrid hu jsir.
[Ġob:37:14] Isa, Ġob, agħti widen għal dan,
aħseb fuq l-għeġubijiet ta' Alla!
[Ġob:37:15] Taf xejn kif Alla jrieġi l-ħlejjaq,
kif iġiegħel tberraq is-sħaba tiegħu?
[Ġob:37:16] Taf int kif iżomm fl-ajru s-sħab,
għaġeb ta' Dak li għerfu perfett?
[Ġob:37:17] Int, li ħwejġek jisħnu fuqek
xħin taqa' l-kalma bir-riħ isfel,
[Ġob:37:18] frixtha int miegħu l-ħnejja tas-sema,
iebsa daqs mera tal-bronż imdewweb?
[Ġob:37:19] Għarrafna int x'għandna ngħidulu,
għax aħna fid-dlam u ma nsibux kliem.
[Ġob:37:20] Jista' bniedem jgħid 'l Alla xħin għandu
jitkellem
jew iġagħlu jagħmel xi stqarrija?
[Ġob:37:21] Jiġi ħin li d-dawl ma narawhx,
ikun imdallam mis-sħab oħxon.
Iżda mbagħad jonfoħ riħ li jiknishom,
[Ġob:37:22] u tfiġġ dija tad-deheb mit-tramuntana,
Alla mdawwar b'sebħu tal-biża'.
[Ġob:37:23] Xaddaj li jista' kollox aħna ma nilħquhx;
Hu għoli fil-qawwa u l-ħaqq,
Hu sid il-ġustizzja, m'għandux iwieġeb.
[Ġob:37:24] Għalhekk għandu kulħadd jibża' minnu,
u jagħtih qima kull min hu għaref."

38. Alla jħawwad lil Ġob

[Ġob:38:1] Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn
ġot-tempesta u qallu:
[Ġob:38:2] "Min hu dan li jrid joskura l-pjan ta' Alla
bi kliem bla għaqal?
[Ġob:38:3] Isa, ħażżem bħal qalbieni ġenbejk,
ħa nsaqsik u inti weġibni.
[Ġob:38:4] Fejn kont int jien u nqiegħed sisien l-art?
Għidli, jekk għandek id-dehen.
[Ġob:38:5] Min ħażżiżhom il-qisien tagħha?
Min ħadulha l-qjies? Żgur taf int!
[Ġob:38:6] Fuqiex qed iżommu l-kolonni tagħha?
Min qiegħed ras il-għareb tagħha,
[Ġob:38:7] hi u tgħanni l-ġemgħa tal-kwiekeb ta'
filgħodu,
u tgħajjat bil-ferħ ix-xirka ta' wlied Alla?
[Ġob:38:8] Min kien dak li għalaq il-baħar b'bibien,
meta dan b'qawwa ħareġ mill-ġuf,
[Ġob:38:9] meta bis-sħab libbistu,
u bid-dlam fisqejtu,
[Ġob:38:10] meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal
xatbiet,
u bibien li bihom għalaqtu
[Ġob:38:11] u għedtlu: 'Sa hawn biss tasal u mhux
aktar,
ma taqbiżx minn hawn il-qawwa ta' mwieġek'?
[Ġob:38:12] Qatt kemm ilek fid-dinja kkmandajt
is-sebħ,
jew urejt liż-żerniq postu,
[Ġob:38:13] biex jaqbad l-art mit-truf tagħha,
u jfarfar minnha l-ħżiena?
[Ġob:38:14] Bih tinbidel bħal tafal taħt is-siġill,
u tiġi mżewwqa bħal libsa.
[Ġob:38:15] Jinqata' lill-ħżiena d-dawl tagħhom,
u d-driegħ merfugħ jitkisser.
[Ġob:38:16] Qatt wasalt sa għejun il-baħar,
u mxejt fuq il-qiegħ tiegħu?
[Ġob:38:17] Qatt urewk bibien l-Imwiet?
Qatt rajt b'għajnejk bibien id-Dlam?
[Ġob:38:18] Qatt ħaddant b'ħarstek il-medda sħiħa
ta' l-art?
Taf tgħidli l-wisa' kollu tagħha?
[Ġob:38:19] Minn fejn tgħaddi għal ħdejn id-dawl,
u fejn joqogħdu d-dlamijiet,
[Ġob:38:20] biex tmexxihom sas-saltna tagħhom,
jew tqabbadhom it-triq lejn darhom?
[Ġob:38:21] Int tafu dan la diġà kont imwieled,
u l-għadd ta' sninek kbir tassew!
[Ġob:38:22] Qatt wasalt sa l-imħażen tal-borra?
Rajthom xejn il-ħażniet tas-silġ,
[Ġob:38:23] li għandi merfugħa għal żmien il-ħsara,
għal jiem it-taqbid u l-gwerra?
[Ġob:38:24] Kif tinfirex is-sħana,
u jixtered fuq l-art ir-riħ isfel?
[Ġob:38:25] Min fetaħ għall-għargħar is-swieqi,
u t-triq għall-beraq tar-ragħad,
[Ġob:38:26] biex jagħmel ix-xita fuq art bla nies,
fuq deżert li ħadd ma jgħix fih,
[Ġob:38:27] biex isaqqi art żdingata u mitluqa,
u jnibbet ħxejjex minn art maħruqa?
[Ġob:38:28] Jaqaw għandha xi missier ix-xita?
U l-qtar tax-xita min nisslu?
[Ġob:38:29] Minn ħdan min ħareġ is-silġ?
Min ta t-twelid lill-ġlata tas-sema,
[Ġob:38:30] li biha jibbies daqs il-ġebel l-ilma,
u jagħqad wiċċ il-baħar bla qiegħ?
[Ġob:38:31] Għandek il-ħila tgħaqqad il-kwiekeb
tat-Trajja,
jew tħoll minn xulxin l-istilel tal-Ġgant?
[Ġob:38:32] Toħroġ inti f'waqtha l-kewkba Mażarot,
jew tmexxi l-Orsa biż-żgħar tagħha?
[Ġob:38:33] Taf hekk sewwa l-liġijiet tas-sema,
li tikteb għall-art l-ordni tagħhom?
[Ġob:38:34] Tista' tgħolli sas-sħab leħnek,
u tniżżel fuqek ħalba xita?
[Ġob:38:35] Tibgħat int il-beraq u jmorrulek?
Se jgħidulek: 'Arana, sejrin'?
[Ġob:38:36] Min nissel f'Thot l-għerf?
Min żejjen bid-dehen lil Sekwi?
[Ġob:38:37] Min jista' b'għerfu jgħodd is-sħab,
jew jaqleb il-qliel ta' l-ilma tas-sema,
[Ġob:38:38] meta tkun għaqdet ġebla l-ħamrija
u t-tub imwaħħal flimkien?
[Ġob:38:39] Taqbad int il-priża għall-iljuna,
u ttaffi l-ġuħ tal-frieħ tagħha,
[Ġob:38:40] xħin ikunu mixħuta fl-għar tagħhom
jew jissajjaw fil-moħbi għall-ħatfa?
[Ġob:38:41] Min iħejji liċ-ċawlun l-ikla tiegħu
xħin jgħajjtu 'l Alla ż-żgħar tiegħu,
u jkunu jwerżqu bil-ġuħ?

39. [Ġob:39:1] "Taf int meta jferrgħu l-mogħoż
tal-muntanji?
Qatt rajt iċ-ċriev waqt il-ħlas tagħhom?
[Ġob:39:2] Tgħodd int ix-xhur tat-tqala tagħhom,
u tkun taf xħin għandhom jeħilsu?
[Ġob:39:3] Huma jinżlu kokka u jferrgħu l-boton,
u jerħu fix-xagħri l-frieħ tagħhom.
[Ġob:39:4] Meta jissaħħu l-frieħ u jikbru,
jitilqu u ma jiġux lura lejhom.
[Ġob:39:5] Min telaq ħieles lill-ħmar selvaġġ?
Min qatagħlu l-irbit tiegħu?
[Ġob:39:6] Kont jien li tajtu d-deżert b'daru,
u l-art selvaġġa b'għamara tiegħu.
[Ġob:39:7] Hu jistmerr il-ħsejjes tal-belt,
u ma jridx jisma' ordnijiet tas-sewwieq.
[Ġob:39:8] Idur fuq l-għoljiet għall-mergħa tiegħu,
ifittex kull roqgħa ta' ħdura.
[Ġob:39:9] Irid jewwilla l-gendus selvaġġ jaħdimlek,
jew jgħaddi l-lejl ħdejn il-maxtura tiegħek?
[Ġob:39:10] Torbotlu inti ħabel m'għonqu,
u żżommu jxattab ir-raddi warajk?
[Ġob:39:11] Tafdah int għax b'saħħtu ħafna,
u terħi lilu x-xogħol iebes tiegħek?
[Ġob:39:12] Temmen int li jiġik lura
biex jidres il-qamħ fuq il-qiegħa tiegħek?
[Ġob:39:13] Ġewnaħ in-nagħma jħabbat bil-qawwa,
iżda n-nagħma bħall-għarnuq ma ttirx.
[Ġob:39:14] Meta titlaq fuq l-art il-bajd tagħha,
u tħallihom jisħnu fit-trab,
[Ġob:39:15] ma jiġix f'moħħha li xi riġel jista'
jgħaffiġhom,
jew tirfishom xi bhima selvaġġa.
[Ġob:39:16] Twebbes qalbha għal frieħha, qishom
m'humiex tagħha,
ma tinkeddx jekk jisfa fix-xejn ix-xogħol tagħha.
[Ġob:39:17] Dan għax Alla ċaħħadha mill-għerf,
u ma taha l-ebda sehem fid-dehen.
[Ġob:39:18] Iżda xħin tagħti s-salt u tirranka,
tisfida liż-żiemel u r-rikkieb.
[Ġob:39:19] Tagħti int liż-żiemel is-saħħa,
jew tlibbislu għonqu bix-xuxa?
[Ġob:39:20] Iġġagħlu inti jaqbeż bħall-ġrad,
hu li jbeżżgħek xħin jiżher u jonfor?
[Ġob:39:21] Kollu ferħan iħabbat bil-qawwa nagħlu,
u joħroġ b'saħħa għal quddiem l-armi.
[Ġob:39:22] Jisfida l-periklu, ma jitwerwirx,
lanqas jinqata' quddiem is-sejf.
[Ġob:39:23] Fuq dahru ċċekċek il-barżakka,
tleqq il-lanza u x-xabla magħha.
[Ġob:39:24] Bil-ħeġġa u l-leblieba t-triq jiblagħha,
ma jibqax sabar fih kif jisma' t-tromba.
[Ġob:39:25] Għal kull żarżira jiżher waħda,
ixomm mill-bogħod it-taqbida,
it-tħambiq tal-fizzjali u l-għajat ta' gwerra.
[Ġob:39:26] Jaqaw għallimtu int jittajjar is-seqer,
u jifrex ġwenħajh lejn in-nofsinhar?
[Ġob:39:27] U l-ajkla b'ordni tiegħek li titla' fl-għoli,
u tagħmel hemm fuqnett il-bejta tagħha?
[Ġob:39:28] Fuq l-irdum hi toqgħod u tgħaddi l-lejl,
fuq il-qċaċet il-fortizza tagħha.
[Ġob:39:29] Minn hemm fuq tgħarrex għall-priża,
jarawha mill-bogħod għajnejha.
[Ġob:39:30] Il-frieħ tagħha jsoffu d-demm,
fejn ikunu l-maqtulin hemm tkun hi."

40. Ġob ibaxxi rasu quddiem il-kobor ta' Alla

[Ġob:40:1] Il-Mulej kellem lil Ġob u qallu:
[Ġob:40:2] "Bi ħsiebu jċediha min qabad kawża ma'
Xaddaj?
Ħa jwieġeb, mela, dak li għandu xi jgħid f'Alla?"
[Ġob:40:3] Ġob wieġeb lill-Mulej u qallu:
[Ġob:40:4] "X'nista' nwieġeb jien li ma niswiex karfa?
Ikolli nqiegħed idi fuq ħalqi!
[Ġob:40:5] Darba tkellimt u ma nerġax;
darbtejn, u ma nissuktax."
[Ġob:40:6] U l-Mulej wieġeb lil Ġob minn
ġot-tempesta:
[Ġob:40:7] "Ħażżem ġenbejk bħal wieħed qawwi,
ħa nsaqsik u int għallimni.
[Ġob:40:8] Trid int twaqqa' s-sentenza tiegħi,
tagħti tort lili biex tieħu raġun int?
[Ġob:40:9] Għandek inti driegħ bħal ta' Alla?
Tista' theżheż b'leħen bħal tiegħu?
[Ġob:40:10] Iżżejjen, mela, bil-kobor u l-foħrija,
ilbes is-sebħ u l-ġmiel;
[Ġob:40:11] sawwab il-fawra tal-qilla tiegħek,
ħares lejn kull kburi u waqqgħu,
[Ġob:40:12] ħares lejn kull kburi u baxxih,
kexkex bid-dija tiegħek il-ħżiena,
[Ġob:40:13] idfinhom fit-trab flimkien,
għammdilhom wiċċhom fil-qabar,
[Ġob:40:14] mbagħad jiena stess infaħħrek,
talli rebbħitek il-leminija tiegħek.
[Ġob:40:15] Ħares issa lejn l-ippopotamu
li jien ħlaqt bħalma ħlaqt lilek;
ħaxix jiekol dak bħall-baqar.
[Ġob:40:16] Iżda x'saħħa għandu f'ġenbejh!
Fil-muskoli ta' żaqqu l-qawwa tiegħu.
[Ġob:40:17] Denbu iebes daqs iċ-ċedru,
l-għeruq ta' kuxxtejh mibruma.
[Ġob:40:18] Għadmu kanen tal-bronż,
u l-kustilji vireg tal-ħadid.
[Ġob:40:19] Hu l-aqwa fost l-opri ta' Alla,
min għamlu biss jista' għalih;
[Ġob:40:20] l-għoljiet iġibulu l-għelejjel tagħhom,
hemm jitliegħbu l-bhejjem selvaġġi.
[Ġob:40:21] Hu jimtedd taħt is-siġar tas-seder,
jinħeba qalb il-qasab u fl-għadajjar.
[Ġob:40:22] Ikollu d-dell mill-weraq tas-seder,
u ż-żafżâf tal-wied idur miegħu.
[Ġob:40:23] Jekk tfur ix-xmara ma jinstaramx,
lanqas jekk jogħla sax-xifer il-Ġordan.
[Ġob:40:24] Min sa jaqbdu minn għajnejh,
u min jigganġah minn imnieħru?
[Ġob:40:25] Xi ngħidu mbagħad għall-kukkudrill?
Se taqbdu inti b'sunnara,
jew torbotlu b'ħabel ilsienu?
[Ġob:40:26] Se tgħaddilu lenza minn imnieħru,
jew tinfidlu b'ġanċ ix-xedaq?
[Ġob:40:27] Se joqgħod jittallab ħniena mingħandek,
jew ifissdek bi kliem mieles?
[Ġob:40:28] Taħseb int li jintrabat miegħek,
biex joqgħodlok b'qaddej għal dejjem?
[Ġob:40:29] Se tilgħab bih bħal għasfur,
u torbtu għall-bniet iż-żgħar tiegħek.
[Ġob:40:30] Se jiftiehmu fuq prezzu s-sajjieda,
u jitqassam lill-bejjiegħa?
[Ġob:40:31] Timlielu int bil-vleġeġ ġildu,
jew rasu bil-foxxni?
[Ġob:40:32] Ipprova midd idek fuqu;
tibqa' tiftakar it-taqtigħa, u darb'oħra ma terġax.

41. Ġob ibaxxi rasu quddiem il-kobor ta' Alla

[Ġob:41:1] Ara, ġiet fix-xejn it-tama ta' min ipprova,
sa l-allat marru għal tulhom għad-dehra tiegħu.
[Ġob:41:2] Ma jiħraxx jewwilla xħin wieħed iqajjmu?
Min għandu l-ħila jieqaf quddiemu?
[Ġob:41:3] Min tqabad miegħu u ħareġ bis-sliema?
Anqas wieħed mis-sema 'l isfel.
[Ġob:41:4] Għalhekk ma noqgħodx sieket dwar
ġismu,
irrid nitkellem fuq saħħtu li ma bħalha.
[Ġob:41:5] Min jista' jċarrat il-libsa ta' fuqu?
Min ixoqqha l-kurazza doppja tiegħu?
[Ġob:41:6] Min jista' jiftaħ dawk ix-xatbiet ta' ħalqu,
mdawwrin bi snien li jwerwru?
[Ġob:41:7] Dahru ringieli ta' tarki,
is-sinsla siġill magħluq.
[Ġob:41:8] Marbutin it-tarki waħda ma' l-oħra
u ma tgħaddix arja bejniethom.
[Ġob:41:9] Kull waħda mqabbda ma' seħbitha,
marbuta sew u ma tinqalax.
[Ġob:41:10] L-għatis tiegħu jagħti d-dawl,
għajnejh bħat-tbexbix ta' l-għodwa.
[Ġob:41:11] Minn ħalqu joħorġu fjammi,
u jittajjar xrar tan-nar.
[Ġob:41:12] Minn imnifsejh joħroġ il-fwar
bħal minn borma tagħli kemm tiflaħ.
[Ġob:41:13] In-nifs tiegħu jqabbad il-ġamar
u jtajjar minnu x-xrar.
[Ġob:41:14] F'għonqu tbejjet is-saħħa,
id-dgħufija taħrab minn quddiemu.
[Ġob:41:15] Il-faldi ta' laħmu magħquda ħaġa waħda,
marsusa miegħu bla ma jitħarrku.
[Ġob:41:16] Sħiħa daqs blata qalbu,
iebsa daqs mola ta' mitħna.
[Ġob:41:17] Bil-biża' li jnissel jitkexkxu l-qawwijin,
jintelqu fl-art imwerwrin.
[Ġob:41:18] Is-sejf li jolqtu xejn ma jagħmillu,
lanqas il-lanza, il-vleġġa u l-ġavellott.
[Ġob:41:19] Il-ħadid jistmah tiben,
u l-bronż għuda mherrija.
[Ġob:41:20] L-ebda vleġġa ma ġġagħlu jaħrab,
il-ħaġar li jwaddbulu jsir fuqu tiben.
[Ġob:41:21] Għalih il-mazza m'hix għajr qasba,
hu jiddieħak b'min ixejjirlu l-lanza.
[Ġob:41:22] Żaqqu bil-ponot bħal xaqquf jaqta',
jifrex it-tajn qisu xatba.
[Ġob:41:23] Iqalla' l-qiegħ bħal borma tagħli,
jixkuma l-baħar bħal griġjol.
[Ġob:41:24] Iħalli mnejn jgħaddi tranja bajda,
il-qiegħ tistħajjlu talla' x-xagħar qotni.
[Ġob:41:25] M'hawnx fid-dinja ieħor bħalu
maħluq ma jibża' minn ħadd.
[Ġob:41:26] Iħares f'wiċċ kull min hu kburi;
hu sultan fuq il-bhejjem selvaġġi kollha."

42. Ġob iraġġa' lura kliemu

[Ġob:42:1] Ġob wieġeb lill-Mulej u qallu
[Ġob:42:2] "Jien naf li inti tista' kollox,
u ebda ħsieb minn tiegħek ma jfixkluh.
[Ġob:42:3] Int għedt, 'Min hu dan li jrid
joskura fehemti bla ma jifhem?'
U tassew jien tkellimt fuq ħwejjeġ ma nifhimhomx,
ħwejjeġ kbar wisq għalija, ma nafhomx.
[Ġob:42:4] Int għedt: 'Ismagħni, u jien nitkellem;
nistaqsik, u int għallimni.'
[Ġob:42:5] Fuqek jien b'widnejja smajt;
imma issa b'għajnejja rajtek.
[Ġob:42:6] Għalhekk inċedi u nindem
fit-trab u r-rmied."

Għeluq
Alla jiġġustifika lil Ġob

[Ġob:42:7] Wara li l-Mulej temm jgħid dan il-kliem lil Ġob, qal lil Elifaż it-Temani: "Jiena inkurlat għalik u għaż-żewġt iħbieb tiegħek. Għax intom ma għedtux is-sewwa fuqi bħalma għamel il-qaddej tiegħi Ġob. [Ġob:42:8] Ħudu, mela, seba' għoġiela u seba' mtaten u morru għand il-qaddej tiegħi Ġob u offruhom b'sagrifiċċji maħruqa għalikom. Ġob, il-qaddej tiegħi, jitlob għalikom u jiena minħabba fih ma nikkastigakomx għall-bluha li wrejtu meta ma tkellimtux is-sewwa fuqi bħal Ġob il-qaddej tiegħi."

[Ġob:42:9] Elifaż it-Temani, Bildad is-Suħi, u Sofar in-Nagħmi marru u għamlu kif qalilhom il-Mulej. U l-Mulej ta wiċċ lil Ġob. [Ġob:42:10] Lilu, għax talab għal ħbiebu, reġġgħu għal li kien qabel u kattarlu għal darbtejn il-ġid kollu li kellu.

[Ġob:42:11] Mbagħad ħutu kollha, subjien u bniet, u dawk li kienu jafuh qabel, ġew għandu jarawh u kielu miegħu f'daru. Huma wrewh is-sogħba tagħhom u farrġuh għad-diżgrazzji kollha li l-Mulej bagħat fuqu, u tawh kull wieħed minnhom munita u ċurkett tad-deheb.

[Ġob:42:12] U l-Mulej bierek il-ħajja l-ġdida ta' Ġob aktar minn dik ta' qabel, u kellu Ġob erbatax-il elf nagħġa u sitt elef ġemel, elf żewġ barrin u elf ħmara.

[Ġob:42:13] Kellu wkoll seba' subjien u tlitt ibniet. [Ġob:42:14] Bintu l-kbira semmieha Ġemima, lil ta' warajha Kesigħa, u liż-żgħira Kerenħappuk. [Ġob:42:15] U ma kienx hemm fil-pajjiż kollu nisa li fil-ġmiel iħabbtuha mal-bniet ta' Ġob. Missierhom tahom qasma mill-wirt ma' ħuthom is-subjien.

[Ġob:42:16] Wara dan kollu Ġob għex mija u erbgħin sena u ra 'l uliedu u wlied uliedu sar-raba' nisel, [Ġob:42:17] u miet xiħ u mimli bl-għomor.