IL-KTIEB TA’ L-GĦERF

1. Il-ġustizzja l-qofol tal-ħajja

[Għerf:1:1] Ħobbu l-ġustizzja, intom li tmexxu l-art;
aħsbu fuq il-Mulej, kif inhu sewwa,
u fittxuh b'qalb safja;
[Għerf:1:2] għax hu jinstab minn dawk li ma jġarrbuhx,
jingħaraf minn dawk li ma jaqtgħux qalbhom minnu.
[Għerf:1:3] Il-ħsibijiet ħżiena jbiegħdu l-bniedem
minn Alla;
u s-setgħa tiegħu, jekk tiġi mġarrba,
tikxef il-bluha ta' min iġarrabha.
[Għerf:1:4] F'min jagħmel il-ħażin ma jidħolx l-għerf,
lanqas jgħammar f'ġisem marbut mad-dnub.
[Għerf:1:5] Għax l-ispirtu qaddis, li jrawwem fil-virtù,
jaħrab minn quddiem il-qerq,
u jwarrab minn fejn hemm ħsibijiet bla sens;
u, meta ssir l-inġustizzja, iċanfar lil min jagħmilha.
[Għerf:1:6] L-għerf hu spirtu li jagħmel il-ġid,
imma ma jaħfirhiex lil min iżeblaħ bi kliem fommu;
għax Alla hu xhud ta' dak li hu fih innifsu;
hu jagħraf sewwa l-ħsibijiet ta' qalbu,
u jisma' l-kliem ta' fommu.
[Għerf:1:7] Għax l-ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja
kollha;
hu, li jħaddan kollox, jaf x'jgħidu l-bnedmin.
[Għerf:1:8] Għalhekk ħadd minn dawk li jlissnu
l-ħażen ma jista' jinħeba,
jew jeħlisha mill-ħaqq li jaf jitħallas.
[Għerf:1:9] Ħsibijiet il-ħażen jgħaddu mill-għarbiel,
u leħen kliemu jasal f'widnejn il-Mulej,
biex jixlih quddiemu għal ħżunitu;
[Għerf:1:10] għax din il-widna għajjura kollox tisma',
u t-tfesfis tat-tgergir ma jinħbilhiex.
[Għerf:1:11] Mela ħarsu rwieħkom mit-tgergir fieragħ,
u mill-kliem ta' tqassis żommu 'l bogħod ilsienkom;
għax lanqas kelma moħbija ma tibqa' għaddejja,
u min jgħid il-gideb jeqred lilu nnifsu.

Il-mewt u d-dnub

[Għerf:1:12] Tistednux il-mewt bil-frugħa ta'
ħajjitkom,
tiġbdux għal fuqkom il-qerda b'idejkom stess.
[Għerf:1:13] Għax il-mewt mhux Alla għamilha;
u lanqas togħġbu l-qerda tal-ħajjin.
[Għerf:1:14] Hu ħalaq kollox biex jgħix;
għall-ħajja huma l-ħlejjaq tad-dinja,
m'hemmx fihom velenu tal-mewt.
Is-saltna tal-mewt ma taħkimx fuq l-art,
[Għerf:1:15] għax il-ġustizzja ma taqax taħt il-mewt.
[Għerf:1:16] Iżda l-ħżiena b'għemilhom u bi
kliemhom stiednu l-mewt,
għamlu ħbieb magħha, ixxennqu għaliha,
u ntrabtu bi ftehim magħha;
għax tassew tixirqilhom il-kumpanija tagħha.

2. Għajdut tal-midinbin

[Għerf:2:1] Ma ħasbuhiex sewwa, u qalu bejniethom:
"Ħajjitna qasira, u kollha inkwiet;
ma jista' jsir xejn kontra l-mewt tal-bniedem,
ma nafu b'ħadd li raġa' lura mill-imwiet.
[Għerf:2:2] Ġejna fid-dinja b'kumbinazzjoni,
u wara mewtna nkunu qisna qatt ma konna;
għax ftit duħħan hu n-nifs fi mnifsejna,
u ħsiebna bħal xrara miżmuma bit-taħbit ta' qalbna.
[Għerf:2:3] Kif din tintefa, rmied isir ġisimna,
u ruħna tgħib bħall-arja fiergħa.
[Għerf:2:4] Maż-żmien jintesa isimna,
ħadd ma jiftakar f'għemilna.
Ħajjitna tgħaddi bħal ftit fdal ta' sħaba,
iddub bħal ċpar
milqut mir-raġġ tax-xemx,
u mirbuħ mis-sħana tagħha.
[Għerf:2:5] Dell li jgħaddi hu żmien ħajjitna;
meta jagħlaq, ma jitwalx aktar;
għax magħluq b'siġill, u ħadd ma jerġa' lura.
[Għerf:2:6] Ejjew, mela, ħa nitpaxxew bil-ġid li
għandna,
u b'ħerqa żagħżugħa ninqdew bil-ħlejjaq!
[Għerf:2:7] Ħa jkollna bix-xaba' nbid mill-ifjen u
fwejjaħ;
ma nħallu l-ebda nwara tar-rebbiegħa taħarbilna.
[Għerf:2:8] Nqiegħdu fuq rasna kuruni tal-blanzuni
qabel ma jidbielu.
[Għerf:2:9] Ħadd minna ma jibqa' barra mix-xalar
tagħna,
inħallu kullimkien il-marki tal-ferħ tagħna,
għax dan hu sehemna, u din hi xortina.
[Għerf:2:10] Ngħakksu l-fqir u l-ġust;
ma nħennux għall-armla,
u ma nweġġħux ix-xwejjaħ mgħobbi bis-snin.
[Għerf:2:11] Tkun għalina saħħitna l-liġi tas-sewwa;
għax xejn ma jiswa min hu dgħajjef.
[Għerf:2:12] Nonsbulu lill-ġust għaliex hu ta' xkiel
għalina fi triqitna,
hu kontra l-għemejjel tagħna,
iċanfarna għax niksru l-Liġi,
jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.
[Għerf:2:13] Jgħid li jagħraf 'l Alla,
u jsejjaħ lilu nnifsu 'Bin il-Mulej'.
[Għerf:2:14] Għalina hu ċanfira tal-fehmiet tagħna;
narawh biss taħt għajnejna, idejjaqna.
[Għerf:2:15] Għax m'hijiex bħal ta' l-oħrajn ħajtu,
u ma tixbah lil ħadd l-imġiba tiegħu.
[Għerf:2:16] Lilna jgħoddna ta' nies foloz,
jistmell drawwietna bħal ħaġa moqżieża.
Hieni jsejjaħ it-tmiem tal-ġusti,
u jiftaħar li Alla missieru.
[Għerf:2:17] Ħa naraw hux veru kliemu,
naraw fl-aħħar x'se jsir minnu.
[Għerf:2:18] Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih
Alla,
u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.
[Għerf:2:19] Nġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,
biex naraw xi tjubija għandu
u nkejjlu sa fejn jasal sabru.
[Għerf:2:20] Naqtgħuhielu għall-mewt b'mistħija,
għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu."
[Għerf:2:21] Hekk ħasbuha, imma tqarrqu;
mogħmija minn ħżunithom.
[Għerf:2:22] Ma fehmux il-ħsibijiet moħbija ta' Alla,
ma basrux li hemm il-ħlas għall-qdusija,
lanqas m'għarfu li hemm premju għal min hu bla
ħtija.
[Għerf:2:23] Għax Alla ħalaq il-bniedem biex ma
jmutx,
u għamlu xbieha tiegħu nnifsu.
[Għerf:2:24] Bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt
fid-dinja;
u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.

3. L-hena tal-ġusti

[Għerf:3:1] Imma l-erwieħ tal-ġusti huma f'idejn Alla,
u l-ebda tbatija ma tilħaqhom.
[Għerf:3:2] F'għajnejn il-boloh dehru mejta;
it-tluq tagħhom stħajjluh b'telfien,
[Għerf:3:3] u qerda t-tbegħid tagħhom minna.
Iżda huma qegħdin fis-sliem.
[Għerf:3:4] Għax, għalkemm f'għajnejn il-bnedmin
dehru maħqura,
għandhom tama sħiħa fil-ħajja bla tmiem.
[Għerf:3:5] Wara ftit ta' tbatija jiksbu ġid kbir;
għax Alla ġarrabhom
u sabhom tajbin għalih.
[Għerf:3:6] Bħad-deheb fin-nar ġarrabhom,
u laqagħhom bħal vittma maħruqa kollha għalih.
[Għerf:3:7] Meta Alla jiġi għalihom, huma jiddu,
bħal xrar tan-nar li jżiġġ f'għalqa bil-qasab.
[Għerf:3:8] Jagħmlu ħaqq mill-ġnus u jaħkmu fuq
il-popli,
u jkun il-Mulej is-sultan tagħhom għal dejjem.
[Għerf:3:9] Min jittama fih jifhem is-sewwa,
u min jemmen fih jgħix miegħu fl-imħabba;
għax tjieba u ħniena hemm għall-magħżulin tiegħu.

Il-kastig tal-ħżiena

[Għerf:3:10] Imma l-ħżiena jieħdu l-kastig li ħaqqhom
għal ħsibijiethom,
talli warrbu l-bniedem ġust u tbiegħdu mill-Mulej.
[Għerf:3:11] Tassew imsejkna huma dawk li jmaqdru
l-għerf u t-tagħlim;
fiergħa t-tama tagħhom,
bla fejda t-taħbit tagħhom, bla siwi għemilhom;
[Għerf:3:12] bla moħħ in-nisa tagħhom,
u ħżiena wliedhom;
misħut kollu n-nisel tiegħu.
[Għerf:3:13] Imma hienja l-mara bla wlied, li ma
tkunx tebbgħet ġieħha,
u li ma kellha x'taqsam ma' ħadd bid-dnub;
dik ikollha l-ħlas meta Alla jżur il-bnedmin.
[Għerf:3:14] Hekk ukoll l-ewnuku, li qatt ma għamel
ħsara b'idejh,
lanqas ma żamm ħsibijiet ħżiena kontra l-liġi
tal-Mulej;
hu jkollu premju magħżul għall-fedeltà tiegħu,
u post, li bih jitgħaxxaq, fit-tempju tal-Mulej.
[Għerf:3:15] Sabiħ hu frott l-imġiba tajba,
u l-għerq ta' l-għerf ma jinxef qatt.
[Għerf:3:16] Iżda wlied iż-żína ma jagħtu frott qatt,
u nisel id-dnub ma jasal qatt sat-tmiem.
[Għerf:3:17] Mqar jekk jgħixu ħajja twila, ħadd ma
jagħti kashom;
bla ġieħ tkun xjuħithom fl-aħħar jiem.
[Għerf:3:18] U jekk imutu żgħar, ma jkollhomx tama,
lanqas faraġ f'jum il-ħaqq;
[Għerf:3:19] għax nisel il-ħażen jintemm ħażin.

4. [Għerf:4:1] Aħjar ħajja bla wlied, imma mżejjna
bil-virtù,
ma tmut qatt it-tifkira tagħha,
għax hi stmata minn Alla, u mill-bnedmin ukoll.
[Għerf:4:2] Fejn hemm il-virtù, il-bnedmin jimxu
magħha,
u jixtiquha, jekk titbiegħed minnhom.
F'kull żmien tgħaddi msebbha bil-ġieħ,
rebbieħa fi ġlieda għall-kuruna li ma tidbielx.
[Għerf:4:3] Imma għal xejn ma jiswa n-nisel kotran
tal-ħżiena,
ulied iż-żína tagħhom ma jrabbux għeruq fil-fond,
u lanqas iserrħu fuq is-sod.
[Għerf:4:4] Jistgħu għal xi żmien iħaddru l-friegħi
tagħhom;
iżda huma bla saħħa u jixxejjru mar-riħ,
u bil-qawwa tar-rjieħ mill-għeruq jinqalgħu.
[Għerf:4:5] Jitqaċċtu l-friegħi tagħhom qabel iż-żmien,
il-frott tagħhom ma jsirx, m'hux tajjeb għall-ikel,
u għal xejn ma jiswa.
[Għerf:4:6] Hekk ulied l-imħabba ħażina,
jixhdu għall-ħażen ta' min wilidhom,
meta jidhru għall-ħaqq.

Il-mistrieħ tal-ġust

[Għerf:4:7] Imma l-ġust, mqar jekk imut żgħir, ikun
fil-mistrieħ;
[Għerf:4:8] għax ix-xjuħija ta' ġieħ m'hijiex dik ta'
l-għomor twil,
u lanqas titqies min-numru tas-snin.
[Għerf:4:9] Ix-xjuħija tal-bniedem hi l-għaqal tiegħu,
u l-għomor twil hu l-ħajja bla tebgħa.
[Għerf:4:10] Wieħed kien jgħix fost il-midinbin,
imma kien jogħġob 'l Alla;
għalhekk Alla ħabbu u ħadu miegħu.
[Għerf:4:11] Ħatfu biex il-ħażen ma jħassarlux moħħu,
jew il-qerq iqarraq b'ruħu.
[Għerf:4:12] Għax is-seħer tal-ħażen idallam it-tajjeb,
u l-irwiefen il-passjoni jdawwru l-moħħ bla qerq.
[Għerf:4:13] Fi żmien qasir laħaq il-milja
tal-perfezzjoni ta' ħajja twila.
[Għerf:4:14] Billi kien jogħġob lill-Mulej,
hu ħadu malajr minn qalb il-ħażen.
In-nies rawh dan, imma ma fehmux,
u lanqas biss ħasbu
[Għerf:4:15] li tjieba u ħniena Alla juri
mal-magħżulin tiegħu,
u li jidħol għat-twajbin tiegħu.
[Għerf:4:16] Il-bniedem ġust, mqar wara mewtu,
jikkundanna l-ħżiena li jibqgħu ħajjin;
u ż-żagħżugħ, li jilħaq il-perfezzjoni fi żmien qasir,
jikkundanna 'l min jixjieħ fid-dnub.
[Għerf:4:17] Għax in-nies jaraw tmiem min hu għaref,
imma lill-ġust ma jifhmux xi jrid minnu l-Mulej,
jew għala qiegħdu fis-sod.
[Għerf:4:18] Dan kollu rawh, imma maqdruh;
iżda bihom il-Mulej jiddieħak.
[Għerf:4:19] Wara mewthom bla ġieħ ikun ġisimhom,
u ħaġa tad-daħk fost il-mejtin għal dejjem:
għax hu jwaddabhom rashom 'l isfel, lkoll
imbikkma,
u jaqtagħhom minn riġlejhom.
Huma jkunu mitlufin għalkollox,
ikunu kollhom dwejjaq;
u titħassar it-tifkira tagħhom.

Jum il-ħaqq

[Għerf:4:20] F'jum il-kont ta' dnubiethom jersqu
mbeżżgħa,
ikkundannati f'wiċċhom minn ħtijiethom.

5. [Għerf:5:1] Mbagħad il-ġust jieqaf kollu kuraġġ,
quddiem dawk li għakksuh,
u maqdru t-taħbit tiegħu.
[Għerf:5:2] Kif jarawh, jitkexkxu u jitwerwru bil-biża';
jistagħġbu xħin jarawh salv, kif qatt ma basru.
[Għerf:5:3] Kollhom sogħbiena, jitniehdu bin-niket
ta' qalbhom,
u jgħidu bejniethom:
[Għerf:5:4] "Dan hu dak, li aħna ħadnieh bid-daħk,
u waqqajnieh għaċ-ċajt u żeblaħnieh.
Kemm konna boloh!
Ħajtu ħsibnieha ta' ġenn,
u bla ġieħ il-mewt tiegħu.
[Għerf:5:5] Kif inhu qiegħed ma' wlied Alla,
u għandu postu mal-qaddisin?
[Għerf:5:6] Mela aħna ħriġna mit-triq tas-sewwa,
id-dawl tal-ġustizzja ma iddiex għalina,
u x-xemx qatt ma telgħet għalina.
[Għerf:5:7] Għejejna fi triqat il-ħażen u t-telfien,
għaddejna mid-deżert bl-ebda mogħdija;
imma triq il-Mulej ma għarafnihiex.
[Għerf:5:8] Xi switilna l-kburija tagħna?
U x'ħadna mill-għana u l-ftaħir tiegħu?
[Għerf:5:9] Dan kollu bħal dell għadda,
u bħal aħbar li ttir mar-riħ;
[Għerf:5:10] bħal ġifen li jaqsam baħar imqalleb,
u, meta jgħaddi, ma ssib ebda sinjal tiegħu,
u lanqas radda tal-karina tiegħu fl-imwieġ;
[Għerf:5:11] jew bħal għasfur li jittajjar fl-ajru,
ma ssibx il-linja tal-mixja tiegħu;
b'rixu jolqot iż-żiffa ħafifa,
jofroqha u jaqsamha bis-saħħa tal-ġwienaħ qawwija;
mbagħad ma jħalli ebda sinjal mnejn għadda;
[Għerf:5:12] jew bħal meta vleġġa lejn il-bersall
tittajjar,
tinferaq l-arja u malajr terġa' tingħalaq,
u ma tistax tagħraf it-triq mnejn għaddiet.
[Għerf:5:13] Hekk ukoll aħna twelidna u malajr
intemmejna,
l-ebda sinjal ta' virtù ma ħallejna,
fil-ħażen tagħna nqridna."
[Għerf:5:14] Tassew, it-tama tal-ħżiena bħal trab
imtajjar mar-riħ,
bħal borra mkaxkra mir-riefnu,
bħat-tifkira li tgħaddi ta' mistieden għal jum wieħed.

Il-ħlas tal-ġusti

[Għerf:5:15] Imma l-ġusti jgħixu għal dejjem,
fil-Mulej hu l-ħlas tagħhom;
Alla l-għoli jżommhom fi ħsiebu.
[Għerf:5:16] Għalhekk jieħdu l-ġmiel tas-slaten,
u l-kuruna sabiħa minn id il-Mulej;
hu jħarishom b'idu l-leminija,
u bi driegħu jkenninhom.
[Għerf:5:17] Jilbes il-kurazza tal-ħeġġa tiegħu,
u jarma l-eżerċtu tal-ħlejjaq kontra l-għedewwa,
[Għerf:5:18] u jqiegħed fuq sidru l-kurazza
tal-ġustizzja,
u fuq rasu l-elmu tal-ħaqq bla qerq;
[Għerf:5:19] jieħu t-tarka tal-qdusija li qatt ma
tintrebaħ,
[Għerf:5:20] u jsinn is-sejf tal-qilla mgħaddba;
u d-dinja tissieħeb miegħu fil-ġlieda kontra l-boloh.
[Għerf:5:21] Vleġeġ tan-nar joħorġu u jtiru dritti,
mis-sħab bħal minn qaws miġbud sewwa,
għal fuq il-bersall jaħarbu.
[Għerf:5:22] Silġ kollu qilla bħal minn żbandola
jitwaddab.
L-imwieġ tal-baħar iqumu għalihom,
u x-xmajjar bla ħniena jkaxkruhom.
[Għerf:5:23] Riħ qawwi jqum kontrihom,
u riefnu bħal tiben itajjarhom.
Hekk iħarbat il-ħażen l-art kollha,
għemil il-ħażen iġarraf it-tronijiet setgħana.

6. Tgħallem l-Għerf

[Għerf:6:1] Isimgħu mela, slaten, u ifhmu;
tgħallmu, intom li taħkmu sa truf l-art;
[Għerf:6:2] agħtu widen, mexxejja tal-kotra,
li tiftaħru bl-għadd tal-ġnus tagħkom!
[Għerf:6:3] Hu l-Mulej li takom is-setgħa,
mingħand l-Għoli l-qawwa tagħkom;
hu jgħarbel l-għemejjel tagħkom,
u jifli bir-reqqa l-fehmiet tagħkom.
[Għerf:6:4] Għalkemm intom qaddejja ta' saltnatu,
ma qtajtux il-ħaqq sewwa, u ma żammejtux mal-Liġi;
anqas ma mxejtu skond ir-rieda ta' Alla.
[Għerf:6:5] Bil-biża' u bil-ħeffa se jiġi jżurkom,
għax bl-aħrax jiġġudika 'l min hu fl-għoli.
[Għerf:6:6] Iż-żgħir isib mogħdrija u ħniena,
imma l-kbir bil-kbir jaqlagħha.
[Għerf:6:7] Għax sid kulħadd ma jħarisx lejn l-uċuħ,
lanqas ma jibża' mill-kobor ta' xi ħadd.
Iż-żgħir u l-kbir għamilhom hu,
u xorta waħda jieħu ħsiebhom ilkoll;
[Għerf:6:8] imma s-setgħana jgħarbilhom bir-reqqa.
[Għerf:6:9] Għalikom mela, mexxejja, dan kliemi,
biex titgħallmu l-għerf u ma taqgħux.
[Għerf:6:10] Għax dawk li jħarsu l-kmandamenti
mqaddsa bil-qdusija,
jingħaddu mal-qaddisin;
u min tgħallimhom ikollu lilhom jaqbżu għalih.
[Għerf:6:11] Ħa jkollkom mela xewqa għal kliemi,
ixxennqu għalihom u titgħallmuhom.
[Għerf:6:12] L-għerf jiddi, bla qatt ma jnemnem,
malajr jagħrfuh dawk li jħobbuh,
u jsibuh dawk li jfittxuh.
[Għerf:6:13] Hu jħabrek biex jidher lil dawk li
jixtiquh.
[Għerf:6:14] Min ibakkar ifittxu, ma jitħabatx,
għax ħdejn biebu bilqiegħda jsibu.
[Għerf:6:15] L-aqwa ta' l-għaqal hu li taħseb fl-għerf,
u min jishar għalih malajr jeħles mill-inkwiet.
[Għerf:6:16] L-għerf idur u jfittex 'il dawk li jixirqulu,
kollu ħlewwa jidhrilhom fit-triq,
u jiltaqa' magħhom f'kull ħsieb tagħhom.
[Għerf:6:17] Il-bidu ta' l-għerf hi xewqa mħeġġa
għat-tagħlim;
u l-ħerqa tat-tagħlim hi l-imħabba tiegħu.
[Għerf:6:18] Din l-imħabba hi l-ħarsien tal-liġijiet
tiegħu,
u l-ħarsien tal-liġijiet tiegħu jġib l-immortalità;
[Għerf:6:19] u l-immortalità tqarreb lejn Alla.
[Għerf:6:20]Hekk x-xewqa għall-għerf twassal
għas-saltna.
[Għerf:6:21] Intom mela, mexxejja tal-poplu,
jekk jogħġbukom it-tronijiet u x-xettri,
weġġħu l-għerf, biex issaltnu għal dejjem.
[Għerf:6:22] X'inhu l-għerf u mnejn ġie, jien se
ngħidilkom;
xejn mistur m'jien se naħbilkom.
Se nibda mill-bidu tat-tnissil tiegħu,
qiegħed fid-dieher it-tagħrif tiegħu,
ma nħalli xejn barra mis-sewwa.
[Għerf:6:23] Ma rridx miegħi l-għira qerrieda
għax din ma tistax tissieħeb ma' l-għerf.
[Għerf:6:24] Għadd kbir ta' għorrief hu s-saħħa
tad-dinja,
u s-sultan għaqli jżomm fis-sod il-poplu tiegħu.
[Għerf:6:25] Mela tgħallmu kliemi għall-ġid tagħkom.

7. Salamun, sultan il-għerf

[Għerf:7:1] Jien ukoll bniedem li jmut, bħall-oħrajn
kollha,
mnissel mill-ewwel bniedem li sar mit-trab;
f'ġuf ommi ssawwart b'ġisem,
[Għerf:7:2] tul żmien ta' għaxar xhur magħqud
bid-demm,
miż-żerriegħa ta' raġel u l-pjaċir sieħeb l-irqad.
[Għerf:7:3] Jiena wkoll meta twelidt, ħadt nifs li
kulħadd jieħu,
waqajt fuq l-istess art li ġġibna lkoll,
bħall-oħrajn il-biki kien l-ewwel li semmajt.
[Għerf:7:4] Fil-ħrieqi fisqewni u b'ħafna ħsieb
rabbewni.
[Għerf:7:5] Għax l-ebda sultan ma jibda ħajtu
mod ieħor.
[Għerf:7:6] Xorta waħda lkoll jidħlu fil-ħajja
l-bnedmin,
u xorta waħda lkoll joħorġu minnha.
[Għerf:7:7] Għalhekk jien tlabt u qlajt l-għaqal;
sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu ta' l-għerf.
[Għerf:7:8] Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru
u tron,
u ntbaħt li l-għana m'hu xejn ħdejh.
[Għerf:7:9] Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar
prezzjuża,
għax id-deheb kollu ħdejh m'huwiex ħlief ftit ramel,
u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn.
[Għerf:7:10] Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu,
u għoġobni aktar mid-dawl;
għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.
[Għerf:7:11] Ma' l-għerf ġieni l-ġid kollu,
u miegħu ġiebli għana bla qjies.
[Għerf:7:12] Jien fraħt b'dan kollu, għax kollox ġie
wara l-għerf;
u ma kontx naf li hu l-bidu ta' kollox.
[Għerf:7:13] Bla qerq tgħallimtu u bla għira
lill-oħrajn ngħaddih;
l-għana tiegħu ma naħbihx.
[Għerf:7:14] Għax hu għall-bniedem teżor bla qjies;
dawk li jiksbuh isiru ħbieb Alla,
jogħġbuh bid-doni li jieħdu minn tagħlimu.
[Għerf:7:15] Jagħtini Alla li nitkellem sewwa kif
għaraft,
u naħseb kif jixraq bid-doni li tani.
Għax hu t-triq ta' l-għerf,
hu jmexxi l-għorrief fis-sewwa.
Għerf:7:16] F'idejh qegħdin aħna u kliemna,
u d-dehen u s-sengħa ta' għemilna.
[Għerf:7:17] Hu li tani tagħrif bla qerq ta' kull ma
hawn,
li nagħraf kif inhi d-dinja u l-qawwa ta' l-elementi
tagħha;
[Għerf:7:18] il-bidu, it-tmiem u n-nofs taż-żminijiet,
it-tibdil fil-mixi tax-xemx u l-qlib ta' l-istaġuni,
[Għerf:7:19] id-dawriet tas-snin u l-post tal-kwiekeb;
[Għerf:7:20] l-għamla tal-bhejjem u l-imġiba ta'
l-annimali;
il-qawwa ta' l-irjieħ, u l-ħsibijiet tal-bniedem,
it-tiżwiq tax-xtieli u s-saħħa ta' l-għeruq.
[Għerf:7:21] Ħwejjeġ moħbija jien għaraft u dawk
li jidhru;
għax għallimhomli l-għerf, li għamel kollox.
[Għerf:7:22] Fl-għerf hemm spirtu
intelliġenti, qaddis, waħdieni,
ta' ħafna għamliet, fin, u attiv;
jinfed fil-fond, u tebgħa m'hemmx fih;
ċar u ebda ħsara ma tista' għalih;
iħobb il-ġid u misnun sewwa;
[Għerf:7:23] xejn ma jżommu u l-ġid jagħmel;
iħobb il-bniedem, sod u żgur bla inkwiet;
kollox jista' u fuq kollox jgħasses,
u fl-erwieħ kollha jidħol,
mqar f'dawk intelliġenti, safja u fini sewwa.
[Għerf:7:24] Għax l-għerf jitħarrek aktar minn kull
ħaġ'oħra li titħarrek;
minħabba s-safa tiegħu jidħol f'kollox u jinfirex
ma' kullimkien.
[Għerf:7:25] Hu bħal daħna ħafifa tas-setgħa
ta' Alla,
nixxiegħa safja tal-glorja ta' Dak li jista' kollox;
għalhekk xejn imdennes ma jidħol fih.
[Għerf:7:26] Hu raġġ tad-dawl ta' dejjem,
mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta' Alla,
u xbieha tat-tjieba tiegħu.
[Għerf:7:27] Għalkemm hu waħdu, kollox jista',
jibqa' dak li hu fih innifsu, u jġedded kollox;
minn żmien għal żmien jidħol f'erwieħ qaddisa,
u jagħmilhom ħbieb ta' Alla u profeti.
[Għerf:7:28] Xejn ma jħobb Alla, jekk mhux dak li
jgħix ma' l-għerf.
[Għerf:7:29] Għax l-għerf jiddi aktar mix-xemx,
u aqwa minn kull ġemgħa ta' kwiekeb,
mxebbah mad-dawl, hu isbaħ minnu.
[Għerf:7:30] Wara dawl il-jum jiġi dlam il-lejl;
imma l-għerf l-ebda ħażen ma jista' għalih.

8. [Għerf:8:1] Jinfirex minn tarf sa tarf ta' l-art
bil-qawwa,
u jmexxi kollox bil-ħlewwa.
[Għerf:8:2] L-għerf jien ħabbejtu, u fittixtu sa minn
żgħożiti;
u fittixt nidħol f'għerusija miegħu,
u tgħaxxaqt bi ġmielu.
[Għerf:8:3] U n-nobbiltà tiegħu tidher fl-għaqda
tiegħu ma' Alla,
u għax lilu jħobb is-Sid ta' kollox.
[Għerf:8:4] Hu midħla ta' l-għerf ta' Alla,
u hu li jagħżel l-opri tiegħu.
[Għerf:8:5] Jekk il-bniedem ifittex il-ġid f'din il-ħajja,
x'hemm aktar għani minnu, li bih jinkiseb kollox?
[Għerf:8:6] U jekk wieħed irid jikseb is-sengħa,
min hu mgħallem aktar minnu fost il-ħlejjaq?
[Għerf:8:7] U jekk xi ħadd iħobb is-sewwa,
it-taħbit tiegħu hu virtù.
Għax hu mgħallem tal-qjies u ta' l-għaqal,
tal-ġustizzja u tal-qawwa.
Xejn fil-ħajja ma hemm aqwa minn dawn
għall-bniedem.
[Għerf:8:8] U jekk wieħed jixxennaq għal esperjenza
kbira,
l-għerf jaf l-imgħoddi u jintebaħ bil-ġejjieni.
Jifhem fis-sengħa tad-diskors,
u għandu l-ħila jħoll l-enimmi,
jagħraf is-sinjali u l-għeġubijiet,
u xi jġibu magħhom l-istaġuni u ż-żminijiet.
[Għerf:8:9] Għalhekk qtajtha li nieħdu jgħix miegħi
għax għaraft li hu jkun mexxej tiegħi fil-ġid
u faraġ fl-inkwiet u fl-hemm.
[Għerf:8:10] Bih inkun imsebbaħ fil-ġemgħat
tan-nies,
u mweġġaħ mix-xjuħ, għalkemm jien żagħżugħ.
[Għerf:8:11] Bir-reqqa nimxi, meta naqta' l-ħaqq,
u, xħin jarawni, il-kbarat jistagħġbu.
[Għerf:8:12] Jekk nieqaf nitkellem, jistennewni,
u, xħin niftaħ fommi, jisimgħuni bil-ħerqa;
u jekk indum nitkellem,
joqogħdu jisimgħuni b'idhom fuq fommhom.
[Għerf:8:13] Minħabba fl-għerf nikseb ħajja bla
tmiem,
u nħalli lil ta' wrajja tifkira għal dejjem.
[Għerf:8:14] Naħkem fuq popli u ġnus ikolli taħti.
[Għerf:8:15] Slaten tal-biża' jibżgħu, kif jisimgħu bija;
twajjeb inkun qalb ġemgħa nies u qalbieni fit-taqbida
[Għerf:8:16] Malli nidħol f'dari, ħdejn l-għerf nistrieħ;
ma ssibx imrar, int u qiegħed maġenbu;
ma jġiblekx dwejjaq tagħmilha miegħu,
iżda biss ferħ u hena.
[Għerf:8:17] Jien u naħseb dan ġo fija,
u ntella' u nniżżel ġewwa qalbi,
li fir-rabta ma' l-għerf hemm ħajja bla tmiem,
[Għerf:8:18] u hena safi fil-ħbiberija miegħu;
li bix-xogħol ta' idejh ma jaqta' qatt l-għana,
li titgħallem mingħandu jagħtik l-għaqal,
u tissieħeb fi kliemu isem ta' ġieħ,
mort infittex kif se nġibu jgħix miegħi.
[Għerf:8:19] Jien kont tifel xortija tajba,
u lili messet ruħ mill-isbaħ;
[Għerf:8:20] jew aħjar, billi kont tajjeb,
jien dħalt f'ġisem bla tebgħa.
[Għerf:8:21] Billi għaraft li ma stajtx nikseb l-għerf,
jekk ma jagħtihulix Alla
- u dan kien ukoll għaqal li tagħraf ta' min hu d-don –
mort quddiem il-Mulej u tlabtu bil-ħerqa,
u għedtlu mill-fond ta' qalbi:

9. It-talba ta' Salamun

[Għerf:9:1] "Alla ta' missirijietna, Mulej tal-ħniena,
int li għamilt kollox bil-kelma tiegħek,
[Għerf:9:2] u bl-għerf tiegħek sawwart il-bniedem,
biex isaltan fuq il-ħlejjaq li int għamilt,
[Għerf:9:3] u jmexxi d-dinja bil-qdusija u l-ġustizzja,
u jagħmel il-ħaqq b'qalb safja;
[Għerf:9:4] agħtini l-għerf li qiegħed ħdejn it-tron
tiegħek,
u twarrabnix minn fost uliedek;
[Għerf:9:5] għax qaddej tiegħek jien, u bin il-qaddejja
tiegħek,
bniedem dgħajjef u għomru qasir,
u tqil biex nifhem il-ġudizzju u l-liġijiet tiegħek.
[Għerf:9:6] Għax, mqar jekk wieħed ikun perfett fost
il-bnedmin,
għal xejn ma jiswa mingħajr l-għerf li ġej minnek.
[Għerf:9:7] Int għażiltni sultan tal-poplu tiegħek,
u mħallef ta' wliedek, subjien u bniet.
[Għerf:9:8] Għedtli nibnilek tempju fuq l-għolja
qaddisa tiegħek,
u artal fil-belt fejn tgħammar,
fuq il-mudell tat-tabernaklu qaddis li int ħejjejt
fil-bidu.
[Għerf:9:9] Miegħek l-għerf, li jaf għemilek,
u miegħek kien, int u toħloq id-dinja.
Hu jifhem x'inhu li jogħġob lilek,
u li jaqbel mal-kmandamenti tiegħek.
[Għerf:9:10] Ibagħtu mis-smewwiet imqaddsa,
għidlu jiġi mit-tron imsebbaħ tiegħek,
biex miegħi jkun jien u naħdem,
u jgħarrafni b'dak li jogħġob lilek.
[Għerf:9:11] Għax l-għerf jaf u jifhem kollox;
hu jmexxini bl-għaqal f'għemili,
u jħarisni bil-glorja tiegħu.
[Għerf:9:12] Hekk int tilqa' l-għemejjel tiegħi,
u jien niġġudika l-poplu tiegħek sewwa,
jkun jixraqli tron missieri.
[Għerf:9:13] Għax min jista' jagħraf ħsieb Alla,
min jista' jifhem x'irid il-Mulej?
[Għerf:9:14] Beżżiegħa huma ħsibijiet il-bnedmin,
u kull pjan tagħna m'hu xejn fiż-żgur;
[Għerf:9:15] għax ruħna mtaqqla b'ġisem li jitħassar,
u għar-ruħ li taħseb hu piż it-tafal li fih tgħammar.
[Għerf:9:16] Bilkemm nistgħu nintebħu x'hemm fuq
l-art,
u bit-tbatija nsibu dak li hu taħt għajnejna;
mela min jista' jitkixxef fuq il-ħwejjeġ tas-sema?
[Għerf:9:17] Min qatt għaraf ir-rieda tiegħek,
jekk int innifsek ma tajtux l-għerf,
u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-ispirtu qaddis
tiegħek?
[Għerf:9:18] Hekk saru dritti triqat in-nies ta' l-art,
hekk tgħallmu l-bnedmin dak li jogħġob lilek,
u salvaw bis-saħħa ta' l-għerf."

10. L-għerf u l-Patrijarki

[Għerf:10:1] L-ewwel bniedem li nħalaq missier
id-dinja,
ħarsu l-għerf, meta kien għadu waħdu;
qajjmu mill-waqgħa tiegħu,
[Għerf:10:2] u tah il-qawwa li jaħkem fuq kollox.
[Għerf:10:3] Iżda malli dak il-ħażin fl-għadab tiegħu
tbiegħed minnu,
ntilef fis-saħna tiegħu u qatel lil ħuh.
[Għerf:10:4] Meta mbagħad minħabba fih tgħerrqet
l-art,
l-għerf ħelisha mill-ġdid,
billi mexxa lill-ġust fuq daqsxejn ta' laqxa.

Abraham u Lot

[Għerf:10:5] Kien l-għerf li meta l-ġnus kienu
mgħaddsa fil-ħażen,
għażel raġel ġust u żammu bla tebgħa quddiem Alla,
żammu sod minkejja mħabbtu għal ibnu.
[Għerf:10:6] Meta l-ħżiena kienu se jinqerdu,
l-għerf ħeles wieħed ġust minn fosthom,
u ħarab hu u nieżel in-nar fuq il-ħamest ibliet.
[Għerf:10:7] Hemm, b'xhieda tal-ħażen tagħhom,
għad baqa' ħerba ddaħħan,
u siġar li qatt ma jsajjru frotthom;
hemm ukoll wieqaf plier tal-melħ, b'tifkira
għal min ma jemminx.
[Għerf:10:8] Talli huma telqu l-għerf,
mhux biss iċċaħħdu mit-tagħrif tat-tajjeb,
imma ħallew ukoll lid-dinja tifkira ta' bluhathom,
biex qatt ma jistgħu jistaħbew minn ħtijiethom.
[Għerf:10:9] Iżda 'l dawk li qdewh, l-għerf ħelishom
mit-taħbit.

Ġakobb

[Għerf:10:10] Lill-ġust, li ħarab mill-għadab ta' ħuh,
l-għerf mexxieh minn toroq dritti,
wrieh is-saltna ta' Alla,
u għarrfu l-ħwejjeġ qaddisa tiegħu;
ġiebu 'l quddiem f'xogħlu,
u kattarlu frott ħidmietu.
[Għerf:10:11] Hu waqaf miegħu kontra r-regħba ta'
min kien jgħakksu,
u mlieh bl-għana.
[Għerf:10:12] Ħarsu mill-għedewwa tiegħu,
u saħħu kontra l-insib tagħhom,
ħarġu rebbieħ fit-taqbida qalila,
biex għallmu li t-tjieba hi aqwa minn kollox.

Ġużeppi

[Għerf:10:13] Lill-ġust, li ġie mibjugħ, l-għerf ma
telqux,
imma ħelsu mid-dnub.
[Għerf:10:14] Sa fil-ħabs niżel miegħu,
ma telqux fl-irbit tal-ktajjen,
sakemm ġieblu x-xettru tas-saltna,
u tah is-setgħa fuq dawk li ħaqruh;
lil dawk li xlewh ħariġhom ta' giddieba,
u tah ġieħ għal dejjem.

Il-ħruġ mill-Eġittu

[Għerf:10:15] Lill-poplu qaddis, nisel bla ħtija,
l-għerf ħelsu minn ġens li kien jaħqru.
[Għerf:10:16] Hu daħal f'wieħed qaddej tal-Mulej;
li b'sinjali u għeġubijiet waqaf lil slaten tal-biża'.
[Għerf:10:17] Ta lill-qaddisin il-ħlas tat-taħbit
tagħhom,
mexxiehom minn triq ta' l-għaġeb,
kien għalihom kenn binhar,
u ħuġġieġa ta' kwiekeb billejl.
[Għerf:10:18] Għaddiehom mill-Baħar l-Aħmar
mexxiehom minn ġo ilma għoli,
[Għerf:10:19] imma l-għedewwa tagħhom għerriqhom,
tellagħhom mill-qiegħ u rmiehom.
[Għerf:10:20] Għalhekk it-tajbin żarmaw il-ħżiena;
mbagħad għannew, Mulej, lill-isem imqaddes tiegħek,
u faħħru għalenija 'l idek, li tathom ir-rebħa.
[Għerf:10:21] Għax l-għerf fetaħ fomm l-imbikkma,
u ħall l-ilsna tat-trabi.

11. Fid-deżert tas-Sinaj

[Għerf:11:1] L-għerf mexxiehom 'il quddiem
f'għemilhom
permezz ta' profeta qaddis.
[Għerf:11:2] Huma mxew f'deżert bla nies,
waqqfu l-għerejjex f'xagħri bla triqat.
[Għerf:11:3] Waqfu lill-għedewwa, żammew iebes lil
min ħadha kontrihom.
[Għerf:11:4] Meta kellhom l-għatx, lilek talbu.
U int tajthom l-ilma mill-blata wieqfa;
taffejtilhom l-għatx minn ħaġra samma.
[Għerf:11:5] Dak li bih tgħakksu l-għedewwa tagħhom,
lilhom swielhom ta' ġid fi ħtiġiethom.

Il-kastig ta' l-Eġizzjani

[Għerf:11:6] Flok dik in-nixxiegħa tax-xmara li ma
taqtax,
mdardra b'demm imħassar,
[Għerf:11:7] bi tpattija għall-ordni tal-qtil tat-trabi,
int tajthom kotra ta' ilma li huma qatt ma basru.
[Għerf:11:8] U hekk b'dak l-għatx tagħhom
urejthom kif kont għakkist l-għedewwa.
[Għerf:11:9] Għax meta int ġarrabthom, għalkemm
bil-ħniena widdibthom,
fehmu kemm batew il-ħżiena mgħakksa bil-qilla.
[Għerf:11:10] Lil dawk ġarrabthom biex twissihom
bħal missier;
lill-oħrajn ġibthom quddiemek u
kkundannajthom bħal sultan qalil.
[Għerf:11:11] F'arthom u barra minn arthom xorta
kienu mgħakksin:
[Għerf:11:12] għax għalja fuq oħra ġiet fuqhom,
u bkew għat-tifkira ta' l-imgħoddi.
[Għerf:11:13] Meta semgħu li bis-saħħa tat-tbatija
tagħhom,
kisbu l-ġid l-oħrajn, raw il-qawwa ta' driegħ il-Mulej.
[Għerf:11:14] Lil dak li qabel keċċewh 'il barra, rmewh
u maqdruh,
meta għadda kollox, stagħġbu bih;
l-għatx li kellhom huma ma kienx bħal tat-tajbin.
[Għerf:11:15] Għal ħsibijiethom, kollha ħażen u
bla sens,
li qarrqu bihom u ġagħluhom iqimu sriep bla raġuni
u dud bla siwi,
int bgħatt fuqhom bi tpattija qtajja' ta' ħlejjaq
bla raġuni,
[Għerf:11:16] biex jagħrfu li d-dnub tal-bniedem hu
l-kastig tiegħu.
[Għerf:11:17] Għax setgħet ukoll idek setgħana,
li sawwret id-dinja minn ħaġa bla sura,
tibgħat fuqhom qatgħa orsijiet jew iljuni feroċi,
[Għerf:11:18] jew taħlaq mill-ġdid bhejjem qliel
ħadd ma jaf bihom,
jarmu n-nar minn imnifsejhom jew joħorġu
duħħan ibaqbaq,
jew jitfgħu bħal beraq xrar tal-biża' minn għajnejhom.
[Għerf:11:19] Dawn mhux biss kienu jistgħu
jeqirduhom għalkollox,
imma d-dehra tal-biża' tagħhom biss kienet
toqtolhom.
[Għerf:11:20] U mqar mingħajr dawn, nefħa waħda
biss setgħet tmiddhom,
minħabba l-ħaqq tiegħek li jiġri wrajhom,
u n-nifs setgħan tiegħek li jtajjarhom;
imma int ordnajt kollox bil-qjies, bl-għadd u bl-użin.
[Għerf:11:21] Għax int dejjem għandek setgħa kbira,
u min jista' jeħodha kontra s-setgħa ta' driegħek?

Il-ħniena ta' Alla

[Għerf:11:22] Quddiemek id-dinja kollha qisha
traba fil-miżien,
jew qatra nida ta' l-għodwa li tinżel fuq l-art.
[Għerf:11:23] Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista'
kollox;
int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin biex
huma jindmu.
[Għerf:11:24] Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha,
u xejn ma tistmell minn kull ma għamilt;
li kien hemm xi ħaġa li stajt tobgħodha, int
ma kontx tagħmilha.
[Għerf:11:25] Kif setgħet tibqa' xi ħaġa fid-dinja
kieku int ma ridthiex?
Jew kif setgħet iżżomm, kieku int ma sejjaħtilhiex?
[Għerf:11:26] Imma int, o Sid li tħobb kull ma jgħix,
lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek.

12. [Għerf:12:1] Għax f'kulħadd hemm nifsek bla ma
qatt jintemm.
[Għerf:12:2] Għalhekk int twiddeb bil-ftit il-ftit lil
dawk li jonqsu,
twissihom u tfakkarhom fejn dinbu,
biex jerġgħu lura mill-ħażen tagħhom,
u fik, Mulej, iqiegħdu t-tama tagħhom.

12. Ħniena mal-Kangħanin

[Għerf:12:3] Hekk int 'il dawk li dari kienu jgħammru
fl-art imqaddsa tiegħek,
[Għerf:12:4] stmellejthom minħabba l-għemejjel
koroh tagħhom,
għax kienu jagħmlu sħarijiet u riti ħżiena.
[Għerf:12:5] Joqtlu lil uliedhom bla ħniena,
jieklu l-ġewwieni u l-laħam tal-bniedem,
u jiskru fir-riti tal-misteri;
[Għerf:12:6] u dawk il-ġenituri qattiela ta' wliedhom
bla saħħa,
int ridt teqridhom b'idejn missirijietna,
[Għerf:12:7] biex art l-aktar għażiża għalik
tilqa' fiha lil ulied Alla, bħala nies li jixirqulha.
[Għerf:12:8] Imma 'l dawn ukoll, għax bnedmin
huma, int ħfirtilhom;
bgħattilhom iż-żnażan qabel l-eżerċtu tiegħek,
biex jeqirduhom bil-mod il-mod.
[Għerf:12:9] M'hux għax ma stajtx ixxejjen il-ħżiena
f'taqbida mat-tajbin,
jew teqridhom f'salt wieħed b'bhejjem tal-biża'
jew b'kelma iebsa.
[Għerf:12:10] Imma meta kont tikkundannahom
bil-ftit il-ftit,
kont żmien tagħtihom għall-indiema.
Int kont taf tajjeb li nisilhom ħażin,
u li għeruqha fil-fond ħżunithom,
u li qatt ma kienu se jibdlu fehmithom;
[Għerf:12:11] għax huma nisel misħut sa mill-bidu.
M'hux għax bżajt minn xi ħadd, int
ħfirthielhom għal dnubiethom.
[Għerf:12:12] Lilek min jista' jgħidlek: "Hemm
x'għamilt?"
u min jista' jieqaf lid-digriet tiegħek?
Min jista' jlumek jekk teqred il-ġnus li inti ħlaqt?
Min se jqum kontrik biex jaqbeż għan-nies ħżiena?
[Għerf:12:13] Għax m'hemmx alla ieħor ħliefek, li
jieħu ħsieb kollox,
biex ikollok turih li ma qtajtx il-ħaqq ħażin.
[Għerf:12:14] L-ebda sultan jew mexxej ieħor ma
jista' jiqaflek
favur dawk li int ikkundannajt.

Is-sewwa tal-Providenza ta' Alla

[Għerf:12:15] Imma int, għax inti ġust, kollox tmexxi
bis-sewwa;
ma tqishiex tixraq lil setgħetek
tikkundanna 'l min hu bla ħtija.
[Għerf:12:16] Għax is-setgħa tiegħek hi l-għajn
tal-ġustizzja,
u, għax int Sid ta' kollox, lil kulħadd tagħder.
[Għerf:12:17] Int turi saħħtek ma' min ma jemminx
fil-kobor ta' setegħtek:
u trażżan 'il dawk li, għalkemm jafuha, iqumu kontriha.
[Għerf:12:18] Għax sid il-qawwa, int tagħmel il-ħaqq
bil-ħniena;
lilna tmexxina b'tjieba kbira.
Għalkemm għandek is-setgħa, ssibha wkoll meta
tridha.
[Għerf:12:19] B'dan l-għemil int għallimt lill-poplu
tiegħek,
li l-ġust għandu jkun twajjeb.
Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek,
li inti tagħti żmien għall-indiema ta' dnubiethom.
[Għerf:12:20] Jekk b'daqshekk ħsieb u tjieba,
int għakkist l-għedewwa tal-qaddejja tiegħek li kien
ħaqqhom il-mewt,
billi tajthom żmien u ħin li jħallu ħżunithom,
[Għerf:12:21] b'kemm akbar reqqa għamilt ħaqq
minn uliedek,
wara li b'ħalfa tajt lil missirijiethom il-patt, kollu
wegħdiet ta' ġid?
[Għerf:12:22] Lilna, iva, twiddibna, imma elf darba
aktar issawwat lill-għedewwa,
biex naħsbu fi tjubitek, meta aħna wkoll niġġudikaw,
u, meta niġu ġġudikati, nistennew il-ħniena.

Il-kastig ġust ta' l-Eġizzjani

[Għerf:12:23] Għalhekk dawk il-ħżiena, li għaddew
ħajjithom fil-bluha,
int għakkisthom bl-għemejjel tagħhom stess
ta' min jistmellhom.
[Għerf:12:24] Huma tbiegħdu żżejjed fi triq l-iżball,
meta laqgħu b'allat bhejjem fiergħa u moqżieża;
huma tqarrqu bħal tfal żgħar bla sens.
[Għerf:12:25] Għalhekk, qishom kienu tfal bla sens,
int tajthom kastigi li waqqgħuhom għaż-żufjett.
[Għerf:12:26] Imma dawk li ma jitgħallmux b'kastig
taż-żufjett,
ikollhom joqogħdu għall-ħaqq li jaf jagħti Alla.
[Għerf:12:27] Ħaduha bi kbira fit-tbatijiet tagħhom,
għax inħaqru b'dawk stess li huma qisuhom allat
tagħhom.
Mbagħad Dak li qabel ma ridux jafu bih,
rawh u għarfuh li hu Alla tassew.
Hekk ġiet fuqhom l-eħrex kundanna.

13. Il-bluha tal-pagani

[Għerf:13:1] Tassew boloh minn twelidhom dawk
kollha li ma għarfux 'l Alla,
u mill-ħwejjeġ tajba li jidhru
ma waslux biex jagħrfu lil Dak li hu;
lanqas għarfu min għamilhom, huma u
jarawhom b'għajnejhom.
[Għerf:13:2] Mbagħad in-nar, ir-riħ, l-arja ħafifa,
id-dawra tal-kwiekeb, il-mewġa qawwija,
id-dawl tas-sema li jmexxi d-dinja: lil dawn
ħasbuhom allat.
[Għerf:13:3] Jekk ħasbuhom allat, għax tgħaxxqu bi
ġmielhom,
imisshom jifhmu kemm hu aħjar minnhom is-Sid
tagħhom.
Għax min ħalaqhom hu l-bidu ta' kull ġmiel.
[Għerf:13:4] Jekk jistagħġbu bil-qawwa u l-ħidma
tagħhom,
imisshom jindunaw minnhom kemm hu aqwa dak li
għamilhom.
[Għerf:13:5] Għax fil-kobor u l-ġmiel tal-ħlejjaq
jingħaraf, bħal fi xbieha, Dak li jagħmilhom.
[Għerf:13:6] Imma dawn m'huwiex ta' min ilumhom
wisq;
għandhom mnejn ħarġu mit-triq it-tajba,
huma u jfittxu 'l Alla bix-xewqa li jsibuh.
[Għerf:13:7] Ifittxu bir-reqqa l-għemejjel tiegħu;
iżda tħawwdu b'dak li raw fihom, daqs kemm
huma sbieħ.
[Għerf:13:8] Imma lanqas dawn m'huma ta' min
jagħdirhom.
[Għerf:13:9] Għax jekk setgħu jagħrfu daqshekk,
u jħaddmu moħħhom fuq il-ħolqien,
kif ma sabux aktar malajr is-Sid tiegħu?

Ix-xejn ta' l-idoli

[Għerf:13:10] Msieken dawk li t-tama tagħhom hi fi
ħwejjeġ mejta,
li jsejjħu alla xogħol idejn il-bniedem,
id-deheb u l-fidda, maħduma bis-sengħa, u xbihat
ta' bhejjem,
jew xi ħaġra bla siwi maħduma minn xi ħadd
żmien ilu.
[Għerf:13:11] Ikun hemm mastrudaxxa; dan jaqta'
siġra tajba għax-xogħol,
u jneħħilha bir-reqqa l-qoxra tagħha kollha;
mbagħad jaħdimha bis-sengħa tiegħu,
u jagħmel minnha xi ħaġa tajba għall-ħajja ta' kuljum;
[Għerf:13:12] mbagħad bil-fdal li jibqagħlu minnha,
isajjar iklu, u bih jixba'.
[Għerf:13:13] Xi laqxa oħra tibqa' li għalxejn ma
tkun tiswa,
biċċa għuda mgħawwġa u kollha ingroppi,
jaqbadha u joqgħod inaqqaxha biex jgħaddi ż-żmien,
isawwarha bis-sengħa f'ħin il-mistrieħ,
u jagħtiha x-xbieha ta' bniedem;
[Għerf:13:14] jew iġibha tixbah lil xi bhima bla siwi,
u mbagħad jiżbogħha bin-nogħra,
jgħaddilha fuqha ż-żebgħa ħamra,
u jgħattilha biż-żebgħa kull tebgħa.
[Għerf:13:15] Mbagħad jagħmlilha niċċa kif tixirqilha,
iqegħedha fil-ħajt u jwaħħalha bil-ħadid.
[Għerf:13:16] Jaħsbilha tajjeb biex ma taqax,
billi jaf li ma tistax tgħin ruħha,
għax, tassew, hi biss xbieha li trid min jgħinha.
[Għerf:13:17] Imma lilha jitlob għal ħwejġu,
għaż-żwieġ tiegħu u għal uliedu;
mank jistħi jitkellem ma' ħaġa bla ruħ.
Għas-saħħa jsejjaħ ħaġa bla saħħa;
[Għerf:13:18] għall-ħajja jitlob quddiem ħaġa mejta;
għall-għajnuna jokrob quddiem ħaġa bla ebda ħila;
għall-vjaġġ tajjeb jitlob lil min ma jafx iħarrek riġlu;
[Għerf:13:19] għall-qligħ u għar-riżq ta' xogħol idejh,
jitlob l-għajnuna ta' ħaġa b'idejn ma jiswew għal xejn.

14. Il-baħħara

[Għerf:14:1] Wieħed ilesti biex isiefer,
u jaħseb biex jaqsam imwieġ qalila,
isejjaħ l-għajnuna ta' biċċa laqxa aktar dgħajfa
mill-ġifen li jġorru.
[Għerf:14:2] Għax il-ġifen sar bix-xewqa ta' qligħ
il-flus,
u r-raġel tas-sengħa ħadmu b'għerfu.
[Għerf:14:3] Imma l-providenza tiegħek, Missier,
tmexxih;
għax int ftaħt triq fil-baħar ukoll,
u mogħdija bla periklu qalb l-imwieġ.
[Għerf:14:4] Hekk turi li int tista' teħles minn kull
tiġrif,
biex ukoll min ma jifhimx jista' jbaħħar.
[Għerf:14:5] Inti ma tridx li għemil l-Għerf tiegħek
ikun għal xejn;
għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom fuq
għuda dgħajfa,
u jaqsmu, qawwijin u sħaħ, mwieġ kbar fuq ċattra.
[Għerf:14:6] Hekk ukoll, meta kienu qegħdin jinqerdu
l-ġganti l-kbar,
fuq dgħajsa skansat it-tama tad-dinja
u, mmexxija minn idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa
ta' nisel ġdid.
[Għerf:14:7] Mbierka l-għuda li biha jsir il-ġid!
[Għerf:14:8] Imma l-idolu, maħdum minn għuda
b'id il-bnedmin,
misħut hu u min għamlu;
wieħed għaliex ħadmu
u l-ieħor għaliex ħaġa tintemm semmewha alla.
[Għerf:14:9] Għax Alla jobgħod xorta waħda l-ħażen
u 'l min jagħmlu;
[Għerf:14:10] l-idolu u 'l min ħadmu jikkastigahom
it-tnejn.
[Għerf:14:11] Għalhekk jasal ukoll żmien iż-żjara
fuq allat il-ġnus,
għax saru ħwejjeġ mistkerrha fost il-ħlejjaq ta' Alla;
huma tfixkil għall-erwieħ tal-bniedem,
u nassa għal riġlejn il-boloh.

Il-kawża ta' l-idolatrija

[Għerf:14:12] Il-ħsieb li jsiru l-idoli kien il-bidu
taż-żína;
u l-ħajja tħassret għax daħlu huma.
[Għerf:14:13] Fil-bidu huma ma kinux u lanqas
jibqgħu għal dejjem.
[Għerf:14:14] Daħlu fid-dinja bil-frugħa tal-bniedem;
għalhekk tmiem ħesrem hemm lest għalihom.
[Għerf:14:15] Xi missier, mnikket għall-mewt ħesrem
ta' ibnu,
għamel xbieha tiegħu, li malajr inħataf minnu,
u beda jqim bħal alla dak li kien bniedem mejjet,
u ordna lil ta' taħtu jqimuh b'ċerimonji u riti.
[Għerf:14:16] Mbagħad maż-żmien din id-drawwa
ħażina ssaħħet u saret bħal liġi;
[Għerf:14:17] u b'ordni ta' slaten bdiet tingħata qima
lix-xbihat minquxa.
Il-bnedmin, li ma setgħux iqimu lis-sultan f'wiċċu
għax kien imbiegħed,
ħażżu xbieha tal-wiċċ li ma kinux jaraw,
u għamlu xbieha li tidher ta' dak li riedu jqimu,
bix-xewqa li jweġġħu s-sultan imbiegħed
bħallikieku magħhom.
[Għerf:14:18] U x-xewqa tal-ħaddiem tas-sengħa li
jikseb tifħir,
għenet biex xterdet dil-qima fejn ma kinitx magħrufa.
[Għerf:14:19] Għax jista' jkun li dan biex jogħġob lil
sultan,
ħadimha b'sengħa kbira biex jagħmilha xbieha
mill-isbaħ.
[Għerf:14:20] U l-poplu, msaħħar mis-sbuħija
tax-xogħol,
beda jqim bħal alla 'l dak li ftit qabel kien
imweġġaħ bħala bniedem.
[Għerf:14:21] Dan sewa ta' xibka għall-ħajja
tal-bnedmin,
li, mjassrin mill-hemm u mis-setgħa tal-mexxej,
taw lill-ħaġra u lill-għuda l-isem, li m'għandu
jingħata lil ħadd.

Il-korruzzjoni ta' l-idolatrija

[Għerf:14:22] Ma kienx biżżejjed għalihom li ħarġu
mit-triq tat-tagħrif ta' Alla,
iżda, neqsin mill-għerf, bdew jgħixu fi ġlieda
kbira ta' injoranza,
u dan il-ħażen kollu jsejjħulu sliem.
[Għerf:14:23] Għalhekk infexxew fil-qtil ta' wliedhom
b'sagrifiċċji,
jew fir-riti tal-misteri fil-moħbi,
jew f'xalar ta' mġienen waqt riti strambi.
[Għerf:14:24] La ħajjithom u lanqas iż-żwieġ ma
ħarsu bis-safa,
wieħed iqarraq bl-ieħor u joqtlu,
jew ikiddu billi jeħodlu 'l martu.
[Għerf:14:25] Taħwid kull fejn tħares: demm u qtil,
serq u qerq;
korruzzjoni, tixwix u infedeltà, u ħalf fil-falz,
[Għerf:14:26] taħwid tat-tajbin, nuqqas ta' gratitudni,
tniġġis ta' l-erwieħ, żína kontra n-natura,
taħwid fiż-żwieġ, adulterji u faħx.
[Għerf:14:27] Għax il-qima ta' allat, li m'humiex ta'
min isemmihom,
hi l-bidu, il-kawża u t-tmien ta' kull ħażen.
[Għerf:14:28] Nies bħal dawn jew jiġġennu fix-xalar
jew iħabbru l-gideb,
jew jgħixu ħajja ħażina jew jaħilfu fil-falz
bħallikieku xejn.
[Għerf:14:29] U, billi jafdaw f'allat bla ħajja,
jaħilfu ħażin bla biża' li tiġi fuqhom xi ħsara.
[Għerf:14:30] Iżda għal żewġ raġunijiet isir ħaqq
minnhom:
għax huma u jqimu l-allat, fehmuha ħażin fuq Alla,
u għax kasbru t-tjieba u ħalfu fil-falz u l-qerq.
[Għerf:14:31] M'hijiex is-setgħa ta' dawk li jaħilfu
bihom,
iżda hu l-kastig li jistħoqq lill-midinbin;
dan li dejjem jiġi fuq il-ħżiena wara ħtijiethom.

15. Il-ġid tar-reliġjon vera

[Għerf:15:1] Imma int, o Alla tagħna, twajjeb u veru;
int kollok sabar, u tmexxi kollox bil-ħniena.
[Għerf:15:2] Għax ukoll jekk nidinbu, aħna tiegħek
u nistqarru setegħtek;
imma ma nidinbux, għax nafu li aħna tiegħek.
[Għerf:15:3] Meta nagħrfu lilek, ikollna t-tjieba sħiħa,
u meta nistqarru setegħtek, naslu għall-ħajja
bla tmiem.
[Għerf:15:4] Għalhekk aħna ma tqarraqniex
la minn xogħol maħsub bis-sengħa ħażina
tal-bniedem,
u lanqas mill-ħidma fiergħa taż-żebbiegħa,
daqsxejn ta' xbieha mċappsa b'ħafna kuluri,
[Għerf:15:5] li bid-dehra tagħha l-boloh jitqanqlu
għall-ħażen,
msaħħra mix-xbihat bla ruħ u ħajja.
[Għerf:15:6] Nies li jħobbu ħwejjeġ ħżiena u li
ħaqqhom tama bħal din,
huma dawk li jagħmluhom, dawk li jixtiquhom
u dawk li jqimuhom.

Il-frugħa ta' l-idolatrija

[Għerf:15:7] Il-ħaddiem tal-fuħħar jitħabat u jagħġen
it-tafal artab,
u minnu jaħdem ħwejjeġ li neħtieġu;
mill-istess tafal isawwar xorta waħda,
kemm dawk li bihom ninqdew bil-ġieħ
u kemm dawk li bihom ninqdew xort'oħra.
Min jagħġen it-tajn jaqtagħha
xi jkun l-għan ta' kull ħaġa li jagħmel.
[Għerf:15:8] U b'taħbit vojt mill-istess tafal isawwar
alla fieragħ,
dak stess li ftit qabel sar mit-trab ta' l-art,
u ftit wara hemm jerġa' jmur mnejn ittieħed,
meta jkollu jrodd ruħu mislufa lilu.
[Għerf:15:9] Xejn ma jaħseb li dalwaqt imut
jew li ħajtu tulha qasir;
iżda ħsiebu li jilħaq 'il min jaħdem id-deheb u l-fidda,
irid jagħmel bħal min jaħdem il-bronż,
u jiftaħar għax jagħmel xbihat foloz.
[Għerf:15:10] Ftit irmied qalbu, it-tama tiegħu tiswa
anqas mit-trab,
u ħajtu anqas minn ftit tajn;
[Għerf:15:11] għax hu m'għarafx min hu dak li ħalqu,
li nefaħ fuqu nifs ħabrieki,
u qiegħed ġo fih ir-ruħ tal-ħajja.
[Għerf:15:12] Imma għalih ħajjitna hi logħba,
u l-għajxien tagħna suq tal-qligħ.
'L-aqwa li naqlagħha tajjeb,' jgħid,
'b'kull mezz li nista', mqar ħażin.'
[Għerf:15:13] Aktar mill-oħrajn dan jaf bi dnubu;
għax jaħdem mit-trab ta' l-art fuħħar u allat fiergħa.

Il-kulti Eġizzjani

[Għerf:15:14] Imma wisq aktar boloh, u agħar minn
moħħ it-tfal,
l-għedewwa kollha li għakksu l-poplu tiegħek.
[Għerf:15:15] Għax laqgħu b'allat l-idoli kollha
tal-ġnus,
li għandhom għajnejhom u bihom ma jarawx,
b'imnifsejhom ma jiħdux nifs,
bil-widnejn li għandhom ma jisimgħux,
bis-swaba' ta' idejhom ma jħossu xejn,
u riġlejhom ma jiswew għal xejn.
[Għerf:15:16] Bniedem hu li għamilhom,
wieħed b'ruħ mislufa sawwarhom.
U l-ebda bniedem ma jista' jagħmel alla,
mqar jekk ikun jixbah lilu stess.
[Għerf:15:17] Ta' bniedem li jmut, ħaġa mejta jista'
jagħmel b'idejh il-ħżiena,
għax hu nnifsu aħjar mix-xbihat li jqim;
hu għallanqas għandu l-ħajja, imma dawk ma
jkollhom qatt.
[Għerf:15:18] Iqimu wkoll bhejjem l-aktar moqżieża,
ħdejn bhejjem oħra bla moħħ, dawn agħar
minnhom ilkoll.
[Għerf:15:19] Lanqas bħala bhejjem ma fihom xi
ġmiel li jogħġob l-għajn;
meta Alla faħħar u bierek il-ħlejjaq, dawn baqgħu
barra.

16. L-Eġizzjani u l-Iżraelin

[Għerf:16:1] Għalhekk bi ħlejjaq bħal dawn int
għakkisthom kif kien ħaqqhom,
u bi qtajja' ta' dud ikkastigajthom.
[Għerf:16:2] Imma lill-poplu tiegħek, flok kastig ġid
tajtu;
biex ittaffilu l-ġuħ bgħattlu s-summien,
ikel bnin li qatt ma kien daq minnu.
[Għerf:16:3] Dan int għamiltu biex l-oħrajn, mxennqin
għall-ikel,
wara li ġew fuqhom il-bhejjem moqżieża,
jaqtgħu wkoll l-aptit ta' l-ikel meħtieġ;
imma l-poplu tiegħek, wara l-ftit żmien tal-ġuħ,
jitpaxxa b'ikel li qatt ma kien daq minnu.
[Għerf:16:4] Hekk kien jixraq li għaks mill-eqqel jaqa'
fuq dawk li ħaqruhom,
biex huma jaraw biss kemm kienu kkastigati
l-għedewwa tagħhom.
[Għerf:16:5] Meta darba bhejjem qliel u tal-biża' daru
għall-poplu tiegħek,
u bdew imutu migdumin minn sriep jitkagħwġu,
ma damx sa l-aħħar l-għadab tiegħek.
[Għerf:16:6] Bi twiddiba kienu mwerwrin għal żmien
qasir;
u kellhom sinjal ta' salvazzjoni biex ifakkarhom
fil-kmand tal-Liġi tiegħek.
[Għerf:16:7] Għax kull min kien idur lejh kien isalva,
mhux b'dak li kien jara, iżda bik li ssalva 'l kulħadd.
[Għerf:16:8] B'dan ukoll int urejt lill-għedewwa
tagħna,
li int dak li teħles minn kull deni.
[Għerf:16:9] Lilhom qatilhom il-gdim tal-ġradijiet u
tad-dubbien,
u xejn ma sabu li jsalvalhom ħajjithom,
għax kien ħaqqhom kastig bħal dan.
[Għerf:16:10] Imma wliedek lanqas bis-snien tas-
sriep kollhom velenu ma ntrebħu,
għax daħlet għalihom ħnientek u fejjqithom.
[Għerf:16:11] Kien biex jiftakru fi kliemek li ġew
migduma,
u minnufih imfejjqa,
li ma jmorrux jinsew għalkollox,
u jwarrbu ħsiebhom mill-ġid li għamiltilhom.
[Għerf:16:12] Għax la fiequ bil-ħxejjex u lanqas
bil-ġbajjar,
imma b'kelmtek, Mulej, li kollox tfejjaq.
[Għerf:16:13] Għax int għandek is-setgħa fuq
il-ħajja u l-mewt;
int twassal sa bieb il-mewt, u traġġa' lura.
[Għerf:16:14] Il-bniedem joqtol jista' bi ħżunitu,
imma ma jistax iġib lura r-ruħ li toħroġ,
lanqas jeħles ruħ magħluqa taħt is-setgħa tal-mewt.

In-nar u l-manna

[Għerf:16:15] Minn idek ħadd ma jista' jaħrab.
[Għerf:16:16] Għalhekk il-ħżiena li ma ridux jagħrfuk
bi driegħek setgħan inħaqru;
ġew fuqhom tempesti li ma bħalhom ta' xita, silġ
u ilma bla ma jaqta',
u nqerdu għalkollox bin-nar.
[Għerf:16:17] Ħaġa ta' l-għaġeb, fl-ilma li kollox jitfi,
in-nar ħeġġeġ b'qawwa akbar;
għax id-dinja qamet biex taqbeż għall-ġusti.
[Għerf:16:18] Ġie li l-ilsna tan-nar kienu jiddgħajjfu,
biex ma jinħarqux il-bhejjem mibgħuta kontra
l-ħżiena,
u hekk dawn jaraw u jintebħu li fuqhom kellhom
il-kundanna ta' Alla.
[Għerf:16:19] Drabi oħra, saħansitra fl-ilma, in-nar
qabeż qawwietu,
biex jeqred l-uċuħ ta' l-art ħażina.
[Għerf:16:20] Flok dan, lill-poplu tiegħek tmajtu b'ikel
ta' l-anġli,
bgħattlu l-ħobż mis-sema, lest għall-ikel bla taħbit,
mogħni b'kull ħlewwa u fih kull togħma.
[Għerf:16:21] Dan l-ikel tiegħek wera l-ħlewwa
tiegħek ma' wliedek;
waqt li kien jaqta' x-xewqa ta' min kien jieħdu,
kien jaqbel mal-gosti ta' kull wieħed.
[Għerf:16:22] Il-borra u s-silġ felħu għan-nar u
ma nħallux,
biex huma jagħrfu li uċuħ ir-raba' ta' l-għedewwa
nqerdu bin-nar li kien iħeġġeġ qalb is-silġ,
hu u jleħħ il-beraq qalb ix-xita.
[Għerf:16:23] Imma dan in-nar, biex jieklu u jgħixu
l-ġusti,
nesa din id-darba l-qawwa tiegħu stess.
[Għerf:16:24] Għax il-ħolqien, li jaqdi lilek li ħlaqtu,
juri qawwietu kollha biex jikkastiga l-ħżiena,
imma jintelaq għall-ġid ta' min jittama fik.
[Għerf:16:25] Għalhekk dik id-darba wkoll, kien
joqgħod għal kull tibdil,
biex jaqdi d-don ta' tjubitek, li
kienet titma' 'l kulħadd,
kif kienu jixtiequ u jitolbu.
[Għerf:16:26] Hekk, Mulej, uliedek, li int tħobb,
jitgħallmu
li mhux b'kull xorta ta' frott jgħix il-bniedem,
iżda b'kelmtek li żżomm 'il dawk li jemmnu fik.
[Għerf:16:27] Għalhekk il-manna, li ma nqerditx
bin-nar,
kienet iddub mas-sħana ta' daqsxejn ta' raġġ
tax-xemx,
[Għerf:16:28] biex inkunu nafu li għandna niżżuk ħajr
qabel titla' x-xemx,
u lejk induru ma' tbexbix id-dawl.
[Għerf:16:29] It-tama ta' min hu ingrat iddub
bħall-ġlata tax-xitwa,
u tgħaddi tiġri bħal ilma m'hu tajjeb għal xejn.

17. Id-dlam fl-Eġittu

[Għerf:17:1] Kbar huma l-ġudizzji tiegħek u tqal
biex nifhmuhom;
għalhekk żbaljaw dawk li ma qagħdux għat-tagħlim.
[Għerf:17:2] Dawk in-nies bla liġi, li ħasbu li setgħu
ijassru l-poplu qaddis,
qabadhom id-dlam u rabathom lejl twil,
maqfulin bħal ġo ħabs taħt is-soqfa ta' djarhom,
barranija għall-providenza ta' dejjem.
[Għerf:17:3] Waqt li ħasbu li dnubiethom mistura
kienu se jibqgħu moħbija
u minsija taħt faldrappa sewda,
tħawwdu u tferrxu, megħlubin minn biża' kbir,
u mwerwrin minn dehriet tal-biża'.
[Għerf:17:4] Lanqas l-irkejjen ta' djarhom fejn kienu,
ma ħelsuhom mill-biża';
għax ħsejjes koroh kienu jħabbtu madwarhom u
jwerwruhom,
u kienu jidhrulhom fantażmi b'uċuħ li jwaħħxu.
[Għerf:17:5] La l-qawwa tan-nar ma setgħet tagħti
d-dawl,
lanqas id-dija ħajja tal-kwiekeb
ma setgħet iddawwal dak il-lejl tal-biża'.
[Għerf:17:6] Kien jidhrilhom biss nar tal-biża' jaqbad
waħdu;
xħin kienu jarawh, mwerwrin kif kienu,
kienu jistħajjlu agħar minn xħin kienu ma jaraw xejn.
[Għerf:17:7] Għax xejn ma sewa l-logħob
tas-sengħa tas-sħarijiet,
u ftaħir għerfhom waqqagħhom għad-daħk.
[Għerf:17:8] Għax dawk li dehrilhom li setgħu
jneħħu l-biża'
u l-qtigħ il-qalb mill-morda,
mardu huma stess b'biża' tad-daħk.
[Għerf:17:9] Għalkemm ma kien hemm xejn tal-biża'
li jwerwirhom
meta ġew l-insetti u nstama' t-tisfir tas-sriep,
[Għerf:17:10] ndehxu u waqgħu bir-rogħda li
qabdithom;
lanqas biss riedu jaraw l-arja li minnha ma setgħux
jaħarbu.
[Għerf:17:11] Għax il-ħażen, minnu nnifsu beżżiegħi,
jixli u jikkundanna lilu nnifsu,
u, taħt it-tingiż tal-kuxjenza, ikabbar aktar il-ħsara.
[Għerf:17:12] Il-biża' jiġi meta wieħed jitlaq
l-għajnuna ġejja mir-raġuni.
[Għerf:17:13] U, aktar ma wieħed jaqta' qalbu minnu
nnifsu,
aktar jintrebaħ mill-biża' bla ma jaf mnejn ġej
id-dwejjaq tiegħu.
[Għerf:17:14] Hekk huma f'dak il-lejl bla setgħa,
għax minn qiegħ l-art bla setgħa ġie fuqhom,
waqt li kienu reqdin raqda waħda.
[Għerf:17:15] Xi wħud twerwru minn dehriet tal-biża',
oħrajn tmewwtu minn qtigħ qalbhom;
għax il-biża' ġie fuqhom għal għarrieda bla ħsieb
ta' xejn.
[Għerf:17:16] Hekk kull wieħed waqa' fejn kien,
u ngħalaq f'ħabs bla qofol.
[Għerf:17:17] Kien min kien, bidwi jew ragħaj,
jew ħaddiem jaħdem fix-xagħri,
nqabad u ma setax jaħrab mill-kundanna;
għax ilkoll intrabtu b'ħabel wieħed, dak tad-dlam.
[Għerf:17:18] It-tisfir tar-riħ,
l-għana ferrieħi ta' l-għasfur qalb friegħi mifruxa,
il-ħoss sod ta' l-ilma jgelgel,
il-ħsejjes kbar ta' blat jitgerbeb,
[Għerf:17:19] il-ġiri ta' bhejjem mexjin bla ma jidhru,
l-għajat ta' bhejjem l-aktar feroċi,
id-diwi tal-ħsejjes ħiereġ mill-għerien ta' l-għoljiet
- dan kollu qatilhom bil-biża'.
[Għerf:17:20] Id-dinja kollha kienet imdawwla
b'dawl jiddi,
u baqgħet taħdem bla tfixkil;
[Għerf:17:21] fuq dawk biss infirex lejl tqil,
xbieha tad-dlam li kien ġej fuqhom;
u itqal mid-dlam kien il-piż tagħhom stess.

18. [Għerf:18:1] Imma għall-qaddisin tiegħek idda
dawl kbir.
U dawk li semgħu leħenhom bla ma rawhom,
hienja sejjħulhom, għax ma kinux qegħdin ibatu.
[Għerf:18:2] Raddewlhom ħajr talli ma ħallsuhomx
wara li ħaqruhom,
u talbuhom maħfra talli ħaduha kontrihom.
[Għerf:18:3] Għal dan int tajt lill-qaddisin tiegħek
kolonna tan-nar,
biex tmexxihom fi triq li ma kinux jafuha,
u xemx li ma kellhiex tagħmlilhom ħsara
fil-mixja glorjuża tagħhom.
Għerf:18:4] L-oħrajn kien ħaqqhom jibqgħu bla dawl
u jingħalqu ġo ħabs mudlam,
huma li żammew imjassra lil uliedek,
li minnhom kellu jingħata lid-dinja d-dawl
tal-Liġi li ma jintemm qatt.

Il-mewt ta' l-ulied il-kbar

[Għerf:18:5] Huma riedu joqtlu t-trabi tal-qaddisin
tiegħek;
imma wieħed mit-trabi tefgħuh barra, u ħeles
mill-mewt.
Bi tpattija int ħadtilhom il-kotra ta' wliedhom,
u għarraqthomlhom ilkoll f'salt wieħed f'baħar
imqalleb.
[Għerf:18:6] Dak il-lejl tħabbar minn qabel lil
missirijietna,
biex, wara li għarfu sewwa f'liema wegħdiet emmnu,
aktar iqawwu qalbhom.
[Għerf:18:7] Il-poplu tiegħek stenna l-ħelsien
tal-ġusti,
u l-qerda ta' l-għedewwa tagħhom.
[Għerf:18:8] għax kif int ikkastigajt l-għedewwa
tagħna,
hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.
[Għerf:18:9] L-ulied twajba tal-ġusti offrew
sagrifiċċju bil-moħbi,
u lkoll fehma waħda qagħdu għal-Liġi ta' Alla,
li l-qaddisin tiegħek jaqsmu xorta bejniethom
kemm il-ġid u kemm id-deni;
għalhekk minn qabel għannew tifħir missirijiethom.
[Għerf:18:10] Min-naħa ta' l-għedewwa kien jinstama'
għajat li ma kienx jaqbel ma' tagħhom,
u kien jidwi l-ilfiq huma u jibku lil uliedhom.
[Għerf:18:11] L-istess kastig ħadu flimkien l-ilsir
u sidu,
u l-poplu u s-sultan batew l-istess.
[Għerf:18:12] Lkoll flimkien b'mewta waħda,
kellhom mejtin bla għadd.
Il-ħajjin ma kinux biżżejjed biex jidfnu l-mejtin,
għax f'daqqa waħda nqerdu l-aħjar fost uliedhom.
[Għerf:18:13] Għalkemm minħabba s-sħarijiet
bl-ebda mod ma riedu jemmnu,
mal-mewt ta' wliedhom il-kbar kellhom
jistqarru li l-poplu tiegħek kien bin Alla.
[Għerf:18:14] Waqt li ħemda ta' kwiet kienet
taħkem fuq kollox,
u l-lejl kien jaqbeż nofs il-mixja tiegħu,
[Għerf:18:15] il-kelma setgħana tiegħek mit-tron
tas-sultan tas-sema,
niżlet bħal ġellied qalil, f'nofs dik l-art misħuta,
[Għerf:18:16] bix-xabla misnuna tad-digriet tiegħek
li dejjem sod.
Kif waslet, kullimkien imliet bl-imwiet;
kienet għadha tmiss mas-sema, hi u miexja fuq l-art.
[Għerf:18:17] Mbagħad f'daqqa waħda werwruhom
dehriet f'ħolm ikrah,
u biża' li qatt ma basruh ġie fuqhom;
[Għerf:18:18] u, mitfugħin nofshom mejta, min
'il hawn u min 'il hemm,
kienu jistqarru għaliex kienu qegħdin imutu,
[Għerf:18:19] għax fil-ħolm li kien iħawwadhom dan
għarfuh minn qabel,
biex ma jmutux bla ma jkunu jafu għala kienu jbatu.

Il-kastig ta' Iżrael

[Għerf:18:20] Fuq il-ġusti wkoll ġiet il-prova
tal-mewt,
meta fid-deżert waqa' kastig fuq il-ġemgħa,
iżda ma damitx wisq din il-korla ta' Alla.
[Għerf:18:21] Raġel bla ħtija malajr deher għalihom,
bil-mezzi f'idejh tal-ħidma tiegħu,
it-talb u l-inċens tat-tpattija.
Hu żamm il-korla tiegħek u waqqaf il-ħsara,
u hekk wera li hu qaddej tiegħek.
[Għerf:18:22] Hu rebaħ il-ħruxija mhux bis-saħħa
tal-ġisem
jew bil-qawwa ta' l-armi;
imma bi kliemu waqaf lil dak li kien isawwathom,
billi fakkru fil-pattijiet li ħalef lil missirijiethom.
[Għerf:18:23] Meta l-iġsma waqgħu mejta gods
wieħed fuq l-ieħor,
waqaf fin-nofs u rażżan il-korla ta' Alla,
u għalqilha t-triq biex ma tilħaqx il-ħajjin.
[Għerf:18:24] Id-dinja kollha kienet fuq il-libsa twila
tiegħu,
ġieħ missirijietna kien minqux fuq ħaġar f'erba' fillieri,
u l-kobor tiegħek kien fuq il-kuruna ta' rasu.
[Għerf:18:25] Quddiemhom il-qerriedi ċieda, għax
beża' minnhom,
kienet biżżejjed prova waħda biss tal-korla tiegħek.

19. Il-mogħdija tal-Baħar l-Aħmar

[Għerf:19:1] Iżda fuq il-ħżiena niżel għadab bla
ħniena sa l-aħħar,
għax Alla għaraf sa minn qabel x'kienu se jagħmlu:
[Għerf:19:2] li, wara li ħallewhom jitilqu
u ħeġġewhom ifittxu jmorru,
kienu se jisgħob bihom u jmorru warajhom.
[Għerf:19:3] Kienu għadhom iġorru l-mejtin tagħhom
u jibkuhom ħdejn l-oqbra tagħhom,
meta reġgħu ħasbuha ta' boloh.
Lil dawk li talbuhom bil-ħerqa biex jitilqu,
għaddewhom b'maħrubin, u marru wrajhom.
[Għerf:19:4] Kien id-destin li kien ħaqqhom li
wassalhom sa hawn,
u ġegħelhom jinsew x'kien ġralhom,
biex iħallsu wkoll il-piena li kienet tonqos
mill-kastig tagħhom.
[Għerf:19:5] U waqt li l-poplu tiegħek temm mixja
ta' l-għaġeb,
huma ltaqgħu ma' mewt li ma kinux jobsruha.
[Għerf:19:6] Il-ħolqien kollu b'kull ma fih sar
mill-ġdid,
biex waqt li joqgħod bil-qima għall-ordnijiet tiegħek,
l-ebda ħsara ma ssir lil uliedek.
[Għerf:19:7] Sħaba tefgħet dell fuq il-kamp tagħhom,
art niexfa dehret ħierġa minn fejn qabel kien
hemm l-ilma,
triq bla tfixkil minn ġol-Baħar l-Aħmar,
u art tħaddar flok ilmijiet qawwija.
[Għerf:19:8] Minn hemm għadda l-poplu kollu taħt
kenn idek,
wara li ra għemejjel ta' l-għaġeb.
[Għerf:19:9] Kienu qishom żwiemel jirgħu u ħrief
jaqbżu
waqt li kienu jfaħħruk, Mulej, li ħlisthom.
[Għerf:19:10] Għax kienu għadhom jiftakru x'kien
ġara fl-art fejn kienu;
kif flok il-ferħ tal-bhejjem l-art tat in-nemus,
u flok il-ħut ix-xmara mtliet bi żrinġijiet bla għadd.
[Għerf:19:11] Wara dan raw ukoll għasafar ta' razza
ġdida,
meta, mxennqin għall-ikel, talbu ikel tajjeb;
[Għerf:19:12] u, biex jaqtgħu xewqithom, ġiehom
is-summien min-naħa tal-baħar.

L-Eġizzjani u s-Sodomin

[Għerf:19:13] Imma fuq dawk il-midinbin ġew
il-kastigi,
wara li kienu mwissijin bil-qawwa tal-beraq;
huma batew kif kien ħaqqhom, għal dnubiethom,
għax urew mibegħda mill-eqqel lejn il-barranin.
[Għerf:19:14] Kien hemm oħrajn li ma laqgħux
il-barranin li żaruhom;
imma dawk jassru nies li kienu magħhom u
għamlulhom il-ġid.
[Għerf:19:15] U mhux dan biss; minn dawk sar ħaqq
kbir tassew,
għax żammew bħal għedewwa l-barranin.
[Għerf:19:16] Imma dawn, wara li laqgħuhom bil-ferħ
u tawhom sehem fl-istess drittijiet tagħhom,
għakksuhom b'xogħlijiet iebsa.
[Għerf:19:17] Dawk ġie wkoll fuqhom l-għama,
bħal dawk li kienu wara bieb il-ġust,
meta dalma tal-biża' dawwrithom,
u kull wieħed beda jfittex fetħet biebu.

Tifħir lil Alla Salvatur

[Għerf:19:18] L-elementi tad-dinja b'mod ieħor
huma magħqudin bejniethom,
bħall-kordi ta' l-arpa li minnhom joħorġu
diversi melodiji,
għalkemm kull waħda żżomm ir-ritmu tagħha.
Dan jidher ċar jekk wieħed iħares lejn li ġara.
[Għerf:19:19] Bhejjem ta' l-art inbidlu f'bhejjem
tal-baħar,
u dawk li jgħixu fl-ilma qabżu fuq l-art.
[Għerf:19:20] In-nar żamm fl-ilma l-qawwa tiegħu,
u l-ilma nesa li jista' jitfi.
[Għerf:19:21] Il-fjammi mbagħad ma ħarqux il-ġisem
ta' bhejjem li jmutu u li għaddew minn ġo fihom;
lanqas dewwbu dak il-ħobż tas-sema,
qisu silġ li malajr jinħall.
[Għerf:19:22] F'kollox, Mulej, kabbart u sebbaħt
il-poplu tiegħek;
ma ċħadtlu qatt l-għajnuna f'kull żmien u kullimkien!