IL-KTIEB TA’ EŻEKJEL

1. [Eżek:1:1] Ġara li fis-sena tletin, fir-raba' xahar, fil-ħamsa tax-xahar, kif kont fost l-itturufnati ħdejn ix-xmara Kebar, nfetħu s-smewwiet u rajt viżjonijiet ta' Alla.

Il-viżjoni tal-glorja ta' Alla

[Eżek:1:2] Fil-ħamsa tax-xahar, meta s-sultan Ġeħojakin kien ilu ħames snin itturufnat, [Eżek:1:3] il-kelma tal-Mulej ġiet lil Eżekjel, bin il-qassis Bużi, fl-art tal-Kaldin ħdejn ix-xmara Kebar; kien hemm li ġiet fuqu id il-Mulej.

[Eżek:1:4] Kont qiegħed inħares, u f'daqqa waħda ħassejt riefnu ġej min-naħa tat-tramuntana, u rajt sħaba kbira, mdawwra bid-dija, u nar ileħħ il-ħin kollu minnha, u ġon-nar bħal bronż ileqq. [Eżek:1:5] F'nofsha kien hemm xbieha ta' erba' ħlejjaq ħajjin, li mid-dehra tagħhom kellhom is-sura ta' bniedem. [Eżek:1:6] Kellhom erba' wċuħ kull wieħed, u erba' ġwienaħ kull wieħed. [Eżek:1:7] Riġlejhom riġlejn wieqfa, u qiegħ riġlejhom bħal qiegħ riġel ta' għoġol, u kienu jiddu bħal bronż ileqq. [Eżek:1:8] Kellhom sura ta' id ta' bniedem taħt ġwenħajhom, u l-erba' wċuħ tagħhom kienu jħarsu lejn l-erba' naħat. [Eżek:1:9] Ġwenħajhom kienu jmissu wieħed ma' l-ieħor, u ma kinux idawwru wiċċhom huma u jimxu, imma kull wieħed minnhom kien jimxi dritt 'il quddiem. [Eżek:1:10] U x-xbieha ta' wiċċhom kienet wiċċ ta' bniedem minn quddiem, u wiċċ ta' ljun fuq il-lemin tagħhom l-erbgħa, u wiċċ ta' għoġol fuq ix-xellug tagħhom l-erbgħa, u wiċċ ta' ajkla fuq wara. [Eżek:1:11] Ġwenħajhom kienu miftuħin 'il fuq; żewġ ġwienaħ kienu jmissu wieħed ma' l-ieħor, u żewġ ġwienaħ kienu jgħattu 'l ġisimhom; [Eżek:1:12] u kollha kienu jimxu dritt 'il quddiem, u kienu jmorru fejn kien imexxihom l-ispirtu, u ma kinux iduru lura huma u miexja.

[Eżek:1:13] U f'nofs l-erba' ħlejjaq ħajjin kien hemm bħal ġamar ta' nar jaqbad, bħal torċi jiġġerrew qalb il-ħlejjaq ħajjin; in-nar kien jiddi, u minn ġon-nar kien ileħħ il-beraq, [Eżek:1:14] u l-ħlejjaq ħajjin kienu jżiġġu 'l hawn u 'l hemm bħall-beraq.

Il-viżjoni ta' l-erba' roti

[Eżek:1:15] U ħarist lejn dawk il-ħlejjaq ħajjin, u nara rota ħdejhom fl-art, waħda ħdejn kull wieħed minnhom l-erbgħa. [Eżek:1:16] U d-dehra tar-roti u l-għamla tagħhom kienu donnhom ħaġar ta' Tarsis, kellhom għamla waħda, l-erbgħa li kienu, maħduma qishom imsallbin waħda ġo oħra. [Eżek:1:17] U kienu jistgħu jimxu fuq l-erba' naħat tagħhom, bla ma jilwu huma u miexja. [Eżek:1:18] U ħarist u rajt li kellhom iċ-ċrieki, u dawn iċ-ċrieki kienu mimlija għajnejn madwarhom l-erbgħa.

[Eżek:1:19] U meta l-ħlejjaq ħajjin kienu jimxu, ir-roti kienu jimxu magħhom; meta l-ħlejjaq ħajjin kienu jintrefgħu mill-art, kienu jintrefgħu wkoll ir-roti magħhom. [Eżek:1:20] U kull fejn l-ispirtu kien jeħodhom kienu jimxu, u r-roti kienu jintrefgħu flimkien magħhom, għax fihom kien hemm ukoll l-ispirtu tal-ħlejjaq ħajjin. [Eżek:1:21] Kull meta dawn kienu jimxu, kienu jimxu r-roti wkoll; u meta kienu jieqfu, kienu jieqfu; u kull meta l-ħlejjaq kienu jintrefgħu mill-art, kienu jintrefgħu r-roti wkoll magħhom, għax l-ispirtu tal-ħlejjaq ħajjin kien fir-roti wkoll.

[Eżek:1:22] U fuq ras il-ħlejjaq ħajjin kien hemm bħal tisqifa ċara bħall-kristall mifruxa 'l fuq minn rashom. [Eżek:1:23] Taħt din it-tisqifa ġwenħajhom kienu miftuħin wieħed lejn l-ieħor, u kull wieħed minnhom kellu żewġ ġwienaħ oħra jgħattulu ġismu. [Eżek:1:24] U smajt il-ħoss ta' ġwenħajhom bħall-ħoss ta' ilma kotran, donnu l-leħen ta' Alla li jista' kollox; huma u mexjin kienu jagħmlu ħsejjes li jtarrxu, qisu l-ħoss ta' eżerċtu, u meta jieqfu kienu jniżżlu ġwenħajhom. [Eżek:1:25] Nstema' ħoss mill-għoli tas-sema mifrux fuq rashom; u meta huma waqfu niżżlu ġwenħajhom.

[Eżek:1:26] Fl-għoli tas-sema, mifrux fuq rashom, kien hemm bħal żaffir f'għamla ta' tron, u fuq din l-għamla ta' tron kien jidher bħal bniedem bilqiegħda fuqu fl-għoli. [Eżek:1:27] U rajt bħal bronż ileqq donnu nar li kien jagħlqu minn kullimkien, qisu minn ġenbejh 'il fuq; u rajt bħal nar qisu minn ġenbejh 'l isfel u dija madwaru kollu, bħal qawsalla fis-sħab meta tagħmel ix-xita; hekk kont tistħajjilha d-dija ta' madwaru.

[Eżek:1:28a] Hekk dehritli x-xbieha tal-glorja tal-Mulej, u malli rajtha nxtħett wiċċi fl-art.

Is-sejħa tal-Profeta

[Eżek:1:28b] U smajt il-leħen ta' wieħed jitkellem u jgħidli:

2. [Eżek:2:1] "O bniedem, qum fuq riġlejk, ħa nkellmek." [Eżek:2:2] U daħal fija l-ispirtu u waqqafni fuq riġlejja; u smajt x'kien qiegħed jgħidli. [Eżek:2:3] "O bniedem," qalli, "qiegħed nibagħtek għand ulied Iżrael, ġens ta' nies rashom iebsa, li rvellaw kontra tiegħi; dinbu kontra tiegħi, huma u missirijiethom sa llum stess. [Eżek:2:4] Huma nies wiċċhom sfiq u qalbhom iebsa; se nibagħtek għandhom, biex tgħidilhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej', [Eżek:2:5] jisimgħu u ma jisimgħux - nies ta' ras iebsa huma - ħa jkunu jafu li hemm profeta f'nofshom.

[Eżek:2:6] "Imma int, o bniedem, la tibżax minnhom u la tibżax minn kliemhom: se ssib ruħek qalb l-għollieq u x-xewk u timxi fuq l-iskorpjuni. Titbeżżax minn kliemhom u titwerwirx minn wiċċhom, għax ilkoll razza xewwiexa. [Eżek:2:7] Tgħidilhom kliemi, jisimgħu u ma jisimgħux. Għax huma nies ta' rashom iebsa."

Il-Profeta ordnat jiekol il-ktieb

[Eżek:2:8] Dan jgħid il-Mulej: "Imma int, o bniedem, isma' xi ngħidlek jien; tkunx rasek iebsa bħal dawn in-nies ta' rashom iebsa; iftaħ ħalqek u kul dak li se nagħtik." [Eżek:2:9] Jien ħarist u rajt id riesqa lejja, u ara, f'dik l-id kien hemm ktieb imkebbeb. [Eżek:2:10] Fetħu quddiemi, u rajt li kien miktub minn quddiem u minn wara; kien hemm miktub fih tnehid u biki u ħsara.

3. [Eżek:3:1] U qalli: "O bniedem, kul dak kollu li ssib; kul dan il-ktieb, u mbagħad mur u kellem lil dar Iżrael." [Eżek:3:2] Jien ftaħt ħalqi, u hu temmagħni dak il-ktieb. [Eżek:3:3] U qalli: "O bniedem, ħa jibilgħu l-istonku tiegħek, u jimtela l-ġewwieni tiegħek b'dan il-ktieb li qiegħed nagħtik." Jien kiltu, u f'ħalqi ħassejtu ħelu għasel.

Il-Profeta ordnat ikellem lill-poplu

[Eżek:3:4] U qalli: "O bniedem, aqbad u mur għand dar Iżrael, u wasslilhom dan il-kliem tiegħi. [Eżek:3:5] M'iniex nibagħtek għand poplu li kliemu ma jinftihemx u lsienu tqil; imma qed nibagħtek għand dar Iżrael. [Eżek:3:6] Mhux għand ġnus kbar li kliemhom ma jinftihemx u lsienhom tqil, tant li ma tifhmux; kieku bgħattek għandhom, kienu jisimgħuk. [Eżek:3:7] Imma d-dar ta' Iżrael ma tridx tisma' minnek, għax ma tridx tisma' minni. Id-dar kollha ta' Iżrael huma rashom iebsa u qalbhom xierfa. [Eżek:3:8] Imma ara, jien nagħmlek wiċċek sfiq bħalhom, rasek iebsa daqs tagħhom, [Eżek:3:9] u nagħmillek fehemtek aktar iebsa mid-djamant, aktar iebsa miż-żnied. La tibżax minnhom u la titwerwirx quddiemhom għax m'humiex ħlief qabda xewwiexa."

[Eżek:3:10] U qalli: "O bniedem, daħħal f'moħħok kull ma ngħidlek, isimgħu sewwa, [Eżek:3:11] u mur għand ulied il-poplu tiegħek itturufnati, u kellimhom. Għidilhom: 'Dan jgħid il-Mulej', iridu jew ma jridux jisimgħu."

Iż-żjara lill-itturufnati

[Eżek:3:12] Mbagħad l-ispirtu ħadni minn hemm, u warajja smajt ħoss ta' theżhiża qawwija, filwaqt li l-glorja tal-Mulej intrefgħet minn postha. [Eżek:3:13] Dan il-ħoss kien tal-ġwienaħ tal-ħlejjaq ħajjin, iħabbtu wieħed ma' l-ieħor, u ż-żaqżiq tar-roti fl-istess ħin magħhom, ħoss ta' għagħa kbira. [Eżek:3:14] L-ispirtu refagħni u ħadni minn hemm. Tlaqt minn hemm bl-imrar f'qalbi, għax kont imqanqal sewwa f'ruħi. [Eżek:3:15] Id il-Mulej ħassejtha tqila fuqi. Wasalt Tel-abib fost l-itturufnati li kienu jgħammru hemm fuq ix-xatt tax-xmara Kebar, fejn kienu joqogħdu. U qgħadt hemm miblugħ f'nofshom għal sebat ijiem.

Il-Profeta għassies fuq Iżrael

[Eżek:3:16] Fi tmiem is-sebat ijiem waslitli l-kelma tal-Mulej u qaltli: [Eżek:3:17] "O bniedem, jiena qegħedtlek għassies fuq dar Iżrael: kull meta tisma' kelma minn fommi, inti għandek twiddibhom f'ismi. [Eżek:3:18] Meta jiena ngħid lil xi bniedem ħażin: 'Int tmut żgur', jekk inti ma twiddibx il-ħażin u ma tgħidlux biex jerġa' lura minn triqtu l-ħażina ħalli huwa jgħix, il-ħażin imut minħabba l-ħażen tiegħu, imma jiena minn idejk infittex demmu. [Eżek:3:19] Imma jekk inti twiddeb lill- ħażin, u dan ma jerġax lura mid-dnub tiegħu u minn triqtu l-ħażina, huwa jmut minħabba ħżunitu, imma int tkun salvajt ħajtek.

[Eżek:3:20] "Jekk il-ġust iwarrab minn qdusitu u jagħmel il-ħażen, u jiena nfixklu, huwa jmut; billi inti ma tkunx widdibtu, huwa jmut minħabba l-ħtija tiegħu, u jien ma niftakarlux l-għemil tajjeb tiegħu; imma jien minn idejk infittex demmu. [Eżek:3:21] Imma jekk inti twiddeb lill-ġust biex ma jidnibx, u hu ma jidnibx, huwa jgħix għax inti tkun widdibtu, u int tkun salvajt ħajtek."

Il-Profeta mbikkem

[Eżek:3:22] U kienet hemm id il-Mulej fuqi u qalli: "Qum u mur lejn il-wita u nkellmek hemm."

[Eżek:3:23] U jien qomt u ħriġt lejn il-wita u, ara, kien hemm wieqfa l-glorja tal-Mulej, bħall-glorja li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar, u waqajt wiċċi fl-art. [Eżek:3:24] U daħal fija l-ispirtu u waqqafni fuq riġlejja, kellimni u qalli: "Mur ingħalaq ġo darek. [Eżek:3:25] Ara, o bniedem, se jixħtu fuqek il-ħbula tagħhom u jorbtuk bihom, u ma tkunx tista' toħroġ f'nofshom. [Eżek:3:26] U nwaħħallek ilsienek ma' saqaf ħalqek, u titbikkem, u ma tkellimhomx ta' bniedem li jċanfarhom, għax huma razza ta' nies rashom iebsa. [Eżek:3:27] Imma meta nkellmek, iftaħ fommok u kellimhom u għidilhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej', jisma' min irid, u min ma jridx ma jismax, għax huma nies ta' razza rashom iebsa."

4. L-assedju ta' Ġerusalemm

[Eżek:4:1] "U int, o bniedem, ħu maduma, qegħedha quddiemek u ħażżeż fuqha l-belt ta' Ġerusalemm. [Eżek:4:2] Mbagħad assedjaha, ibni ħajt madwarha, tella' rampa magħha, u qassam il-kamp kontrieha, u waqqaf dawramejt magħha l-magni għall-ħatt tas-swar. [Eżek:4:3] Ħu taġen tal-ħadid, u qiegħdu bħallikieku ħajt tal-ħadid bejnek u bejn il-belt, u dawwar wiċċek lejha: tkun hi l-assedjata u int li tassedjaha.

"Dan hu sinjal għal dar Iżrael.

[Eżek:4:4] "U int imtedd fuq ġenbek tax-xellug, u jien inqiegħed fuqek il-ħażen ta' Iżrael. Int titgħabba bil-ħażen tagħhom daqs l-għadd tal-jiem li ddum mimdud. [Eżek:4:5] U jiena nagħmillek l-għadd tal-jiem tliet mija u disgħin, daqs kemm jgħoddu s-snin tal-ħażen tagħhom; għal daqshekk żmien int titgħabba bil-ħażen ta' dar Iżrael. [Eżek:4:6] Meta jintemmu dawn, int timtedd għat-tieni darba fuq il-ġenb tal-lemin u titgħabba bil-ħażen ta' dar Ġuda erbgħin jum, jum għal kull sena.

[Eżek:4:7] "Mbagħad dawwar wiċċek lejn l-assedju ta' Ġerusalemm u bi driegħek mikxuf ħabbar kontrieha. [Eżek:4:8] U, arani, jien norbtok bil-ħbula, u ma tkunx tista' ddur minn ġenb għall-ieħor, sakemm ma tkunx temmejt il-jiem ta' l-assedju tiegħek.

Il-kastig tal-ġuħ

[Eżek:4:9] "Mbagħad ħu qamħ u xgħir, ful u għads, millieġ u spelta, ixħethom ġo magħġna, u agħġen minnhom il-ħobż għalik. U tiekol minnu tul il-jiem li int iddum mimdud fuq ġenbejk, jiġifieri tliet mija u disgħin jum. [Eżek:4:10] L-ikel li tiekol ikun bl-użin ta' għoxrin xekel kull jum; u tiekol minnu darba kull erbgħa u għoxrin siegħa. [Eżek:4:11] Tixrob l-ilma bil-qjies ukoll: waħda minn sitta ta' ħin, darba kull erbgħa u għoxrin siegħa. [Eżek:4:12] U int tikolha bħal ftira tax-xgħir, moħmija quddiemhom bil-ħmieġ ta' bniedem." [Eżek:4:13] "Hekk, jgħid il-Mulej, ħobżhom maħmuġ għad jieklu wlied Iżrael fost il-ġnus fejn jien se nsuqhom."


[Eżek:4:14] U jien għedt: "Ah! Sidi Mulej! Qatt ma tniġġist; sa minn żgħoriti, qatt sa llum ma kilt minn bhima mejta, jew żbranata, u qatt ma daħal f'ħalqi laħam imniġġes." [Eżek:4:15] U qalli: "Ara, se nagħtik il-ħmieġ tal-baqar flok ħmieġ il-bniedem biex taħbeż il-ħobż tiegħek bih." [Eżek:4:16] U ssokta jgħidli: "O bniedem: Arani, se naqta' l-provvista tal-ħobż minn Ġerusalemm u b'qalbhom ittaqtaq u mriegħda jiżnu l-ħobż li jieklu u jkejjlu l-ilma li jixorbu. [Eżek:4:17] Hekk, neqsin mill-ħobż u l-ilma, jibqgħu skantati l-wieħed u l-ieħor sakemm jinfnew bi ħżunithom."

5. Is-simbolu tal-waqgħa u l-ħerba ta' Ġerusalemm

[Eżek:5:1] "U Int, o bniedem, aqbad sejf misnun, ħudu u għaddih bħal mus tal-leħja fuq rasek u lħitek; mbagħad ħu miżien u qassam ix-xagħar. [Eżek:5:2] Meta jgħaddu jiem l-assedju, aħraq terz minnu f'nofs il-belt; ħu terz ieħor u qattgħu bis-sejf madwar il-belt, u l-aħħar terz tajjru mar-riħ, u jien nislet ix-xabla għal warajhom. [Eżek:5:3] Minn dan, mbagħad, ħu ftit bil-għadd u sorrhom f'tarf mantarek; [Eżek:5:4] u erġa' ħu ftit minn dan u itfgħu fin-nar u aħarqu fih; u 'l dar Iżrael għidilhom ilkoll kemm huma: [Eżek:5:5] 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Din hi Ġerusalemm, li jien qegħedt f'nofs il-ġnus b'artijiethom ta' madwarha. [Eżek:5:6] Imma hi rvellat b'ħażen kontra l-ordnijiet tiegħi aktar mill-ġnus, u kontra l-liġijiet tiegħi aktar mill-artijiet ta' madwarha. Stmerrew l-ordnijiet tiegħi u ma mxewx skond il-liġijiet tiegħi.' [Eżek:5:7] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Billi intom irvellajtu kontrija aktar mill-ġnus kollha ta' madwarkom u ma għamiltux l-ordnijiet tiegħi u lanqas ħaristu l-liġijiet tiegħi imma għamiltu skond id-drawwiet ta' dawn il-ġnus ta' madwarkom, [Eżek:5:8] għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Arani, jiena wkoll kontrik u nagħmel ħaqq minnek f'nofsok quddiem għajnejn il-ġnus. [Eżek:5:9] U minħabba l-kotra ta' qżiżijietek, se nagħmel ħwejjeġ fik li qatt għadni ma għamilt bħalhom u lanqas għad nagħmel. [Eżek:5:10] Għalhekk f'nofsok ikun hemm missirijiet li jieklu 'l uliedhom, u ulied li jieklu 'l missirijiethom. Ntemm fik il-vendetta tiegħi u nxerred ma' l-erbat irjieħ 'il min jibqa' minnek. [Eżek:5:11] Għalhekk, daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, talli int niġġist is-santwarju tiegħi bil-kruhat u l-qżiżijiet tiegħek kollha, jien ukoll inqaċċtek, u għajnejja ma jitħassrukx u lanqas jien ma nħenn għalik. [Eżek:5:12] Terz minnkom imutu bil-pesta u jinfnew bil-ġuħ f'nofsok; terz ieħor jaqgħu bix-xabla fl-inħawi ta' madwarek, u terz ieħor inxerridhom ma' kull riħ, u x-xabla nislet għal warajhom. [Eżek:5:13] U hekk niżfoga l-korla tiegħi u nserraħ il-qilla tiegħi fuqhom, ħa jkunu jafu li jien, il-Mulej, tkellimt, mqanqal bl-għira tiegħi meta nkun serraħt il-qilla tiegħi fuqhom. [Eżek:5:14] Nagħmel minnek ħerba u għajb fost il-ġnus ta' madwarek taħt il-ħars ta' kull min jgħaddi minn hemm. [Eżek:5:15] Inti ssir għajb u saħta, twiddiba u biża', għall-ġnus ta' madwarek, meta jiena nkun temmejt fik il-vendetta tiegħi fil-qilla tas-saħna tiegħi bl-eħrex kastigi. Jien, il-Mulej, tkellimt. [Eżek:5:16] Jien invenven fuqkom il-vleġeġ tal-ġuħ u l-qerda, li jien inwaddab fuqkom biex neqridkom u nżidilkom il-ġuħ u nkissrilkom l-appoġġ ta' l-ikel. [Eżek:5:17] Nkeskes kontrikom il-ġuħ u l-bhejjem selvaġġi, u jneżżgħuk minn uliedek; il-pesta u d-demm jgħaddu minn nofsok u jien ngħaddi x-xabla minn fuqek. Jiena l-Mulej tkellimt."

6. Il-qerda tas-santwarji ta' l-idoli

[Eżek:6:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:6:2] "O bniedem, dawwar wiċċek lejn il-muntanji ta' Iżrael, ħabbar kontriehom [Eżek:6:3] u għidilhom: 'Isimgħu, muntanji ta' Iżrael, il-kelma ta' Sidi l-Mulej: Dan jgħid Sidi l-Mulej lill-muntanji u l-għoljiet, lill-irdumijiet u l-widien: Arawni, sa nġib fuqkom ix-xabla u neqred is-santwarji fuq l-għoljiet tagħkom. [Eżek:6:4] Ħerba jsiru l-artali tagħkom u jitfarrku l-artali ta' l-inċens tagħkom, u nonxor fl-art il-maqtulin tagħkom quddiem l-idoli tagħkom [Eżek:6:5] u nixħet il-katavri tal-poplu ta' Iżrael quddiem l-idoli tagħhom, u għadamhom inxerrdu madwar l-artali tagħkom. [Eżek:6:6] Kull fejn tgħammru l-ibliet isiru ħerba, u s-santwarji ta' l-għoljiet jinqerdu, biex issir ħerba u qerda mill-artali tagħkom, u jitfarrku u jgħibu l-idoli tagħkom, u jitkissru l-artali ta' l-inċens tagħkom, u jinqerdu l-opri tagħkom. [Eżek:6:7] Il-mejtin jintaxru fl-art f'nofskom: Hekk tkunu tafu li jien il-Mulej!

Jifdal xi ħadd

[Eżek:6:8] "Minkejja dan kollu jien inħalli lil xi wħud minnkom ħajjin; dawn jiskansaw mix-xabla, u jaħarbu qalb il-ġnus u nxerridkom f'artijiethom. [Eżek:6:9] Mbagħad il-fdal tagħkom jiftakru fija fost il-ġnus fejn ikunu itturufnati, meta nkun kissirtilhom il-qalb żienja tagħhom, li tbiegħdet minni, u nagħmi lil għajnejhom li żnew ma' l-allat tagħhom: jiddardru bihom infushom minħabba l-ħażen li jkunu għamlu bil-qżiżijiet tagħhom kollha. [Eżek:6:10] U jkunu jafu li jien il-Mulej, u li ma heddidtx għal xejn li nagħmlilhom din il-ħsara."

Jagħrfu l-Mulej f'jum il-Ġudizzju

[Eżek:6:11] Dan jgħid Sidi l-Mulej: "Ċapċap idejk, u ħabbat riġlejk u għid: Ah! Minħabba qżiżijiethom u ħżunijiethom għad jaqgħu n-nies ta' dar Iżrael bix-xabla, bil-pesta, u bil-ġuħ! [Eżek:6:12] Bil-pesta għad jaqa' min hu fil-bogħod; u bix-xabla min hu fil-qrib, u min jibqa' u jeħles imut bil-ġuħ. Hekk intemm qillti fuqhom. [Eżek:6:13] U tkunu tafu li jien il-Mulej, meta l-maqtulin tagħhom ikunu minxura fl-art f'nofs allathom, madwar l-artali tagħhom, fuq kull ħotba għolja, fuq il-qċaċet tal-muntanji, u taħt kull siġra ħadra, taħt kull balluta folta, hemm kull fejn kienu joffru inċens ifuħ lil allathom. [Eżek:6:14] Nmidd idi fuqhom u neqred u nagħmel ħerba mill-pajjiż, mid-deżert sa Ribla, kull fejn jgħammru, ħa jkunu jafu li jien il-Mulej."

7. Wasal it-tmiem

[Eżek:7:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:7:2] "Int, o bniedem, dan jgħid Sidi l-Mulej lill-art ta' Iżrael:

'Wasal it-tmiem!
Wasal it-tmiem għall-erbat itruf tal-pajjiż!
[Eżek:7:3] Issa li wasal tmiemek,
jien nibgħat fuqek qillti,
u nagħmel ħaqq minnek skond imġibtek
u nwaddab fuqek qżiżijietek kollha.
[Eżek:7:4] Għajnejja ma jitħassrukx;
jien ma nħennx għalik!
Għax inwaddab imġibtek fuqek,
u jinkixfu f'nofsok qżiżijietek,
ħalli tkunu tafu li jien il-Mulej!
[Eżek:7:5] Dan jgħid Sidi l-Mulej:
Ħsara, ħsara fuq ħsara, waslet!
[Eżek:7:6] Wasal it-tmiem!
Wasal it-tmiem!
Wasal għalik!
Arah wasal!
[Eżek:7:7] Wasal iż-żmien għalik,
għalik li tgħammar fil-pajjiż!
Is-siegħa tiegħek waslet,
qorob il-Jum,
Jum ta' għagħa,
u mhux ta' festi fuq l-għoljiet!

[Eżek:7:8] Issa dalwaqt inferragħ qillti fuqek;
għadbi nserraħ fik;
nagħmel ħaqq minnek skond imġibtek,
u nwaddab qżiżijietek kollha fuqek.
[Eżek:7:9] Għajnejja ma jitħassrukx;
u jiena ma nħennx għalik!
Nħallsek skond imġibtek,
u jinkixfu f'nofsok qżiżijietek,
ħalli tkunu tafu li jien il-Mulej li nsawwat.
[Eżek:7:10] Hawn hu l-Jum.
Arah, wasal!
Waslet sigħetek!
Warrdet l-inġustizzja,
rmiet is-suppervja.
[Eżek:7:11] Il-vjolenza kibret u saret ħatar f'id
il-ħażin.
Ħadd minnhom ma jifdal,
la l-għana tagħhom, la ġidhom,
la ġieħhom ma jibqa' fihom!
[Eżek:7:12] Waslet is-siegħa,
qorob il-Jum!
Ix-xerrej ma jifraħx;
il-bejjiegħ ma jsewwidx qalbu,
għax l-għadab imdendel fuq il-kotra kollha!
[Eżek:7:13] Il-bejjiegħ ma jerġax għal dak li jkun
biegħ,
anki jekk stess jibqa' fost il-ħajjin.
Il-korla kontra l-kotra kollha
ma terġax lura;
u minħabba ħżunitu ħadd ma jsalva ħajtu.

Il-ħsara tal-poplu

[Eżek:7:14] "Daqqew it-tromba, tħejja kollox,
imma ħadd ma jmur għall-gwerra.
Għax l-għadab tiegħi fuq il-poplu kollu.
[Eżek:7:15] Ix-xabla barra t-triq,
u l-pesta u l-ġuħ ġewwa d-dar.
Min hu fir-raba' jmut bix-xabla,
u min hu fil-belt jikkunsmawh il-ġuħ u l-pesta.
[Eżek:7:16] U jekk jaħirbu xi wħud minnhom,
imorru fuq il-muntanji,
lkoll bħall-ħamiem jokorbu,
kulħadd wieħed għal dnubu.
[Eżek:7:17] Jintelqu d-dirgħajn kollha,
u l-irkubbtejn kollha jnixxu l-ilma.
[Eżek:7:18] U jitħażżmu bix-xkejjer,
u jiksihom il-biża';
il-mistħija fuq kull wiċċ,
u rjushom kollha qargħa.
[Eżek:7:19] Il-fidda jarmuha fit-toroq,
u dehebhom isir bħaż-żibel.
Il-fidda u d-deheb tagħhom ma jeħilsuhomx
f'Jum il-korla tal-Mulej.
Bihom ma jixbgħux griżmejhom,
lanqas timtela żaqqhom,
għax dawn fid-dnub waqqgħuhom.
[Eżek:7:20] Ġmiel il-ġawhar tagħhom serviehom
għas-suppervja;
minnhom għamlu x-xbihat moqżieża ta' allathom.
Għalhekk nagħmilhomlhom żibel,
[Eżek:7:21] u nerħih bi priża f'idejn il-barranin,
u f'idejn il-ħżiena għall-ħatfa,
u jniġġsuh.
[Eżek:7:22] U ndawwar wiċċi minnhom,
ħa jniġġsu t-teżor tiegħi,
jidħlu fih il-ħallelin u jipprofanawh,
u jagħmlu minnu l-ktajjen.

Il-profanazzjoni tas-santwarji

[Eżek:7:23] "Għax l-art miżgħuda bil-qtil u d-dmija,
l-belt mimlija bil-vjolenza.
[Eżek:7:24] Nġib fuqhom ġnus mill-agħar,
ħa jeħdulhom djarhom.
Ntemm is-suppervja tas-setgħanin,
u nipprofana s-santwarji tagħhom.
[Eżek:7:25] Jasal fuqhom l-hemm,
u jfittxu s-sliem bla ma jsibu.
[Eżek:7:26] Xnigħat waħda fuq oħra jaslu.
Ifittxu xi viżjoni mill-profeti;
il-liġi mingħand il-qassis tgħib,
il-parir jonqos mingħand ix-xjuħ.
[Eżek:7:27] Is-sultan jagħmel il-vistu,
il-prinċep jilbes in-niket,
u idejn il-poplu tal-pajjiż jitriegħdu.
Jien nagħmlilhom skond imġibthom
u skond il-ġudizzji tagħhom nagħmel ħaqq
minnhom.
Ħa jkunu jafu li jien il-Mulej."

8. Id-dnubiet ta' Ġerusalemm

[Eżek:8:1] Ġara li fis-sitt sena, fil-ħames jum tas-sitt xahar, jien kont qiegħed f'dari, u l-anzjani ta' Ġuda bilqiegħda quddiemi, meta waqgħet hemm fuqi id Sidi l-Mulej. [Eżek:8:2] U ħarist u rajt ħaġa qisha bniedem: minn fejn kien donnu ġenbejh 'l isfel kien qisu nar, u minn ġenbejh 'il fuq kien jidher jiddi bħal bronż ileqq. [Eżek:8:3] U medd għamla ta' id u qabadni minn xagħri u l-ispirtu refagħni, bejn l-art u s-sema, u ħadni f'dehra ta' Alla Ġerusalemm, ħdejn id-daħla tal-bieb ta' ġewwa, li jħares lejn it-tramuntana, fejn hemm it-tron ta' l-idolu ta' l-għira, li jġib l-għira.

[Eżek:8:4] U ara, kien hemm il-glorja ta' Alla ta' Iżrael kif kont rajtha f'dehra fil-wita. [Eżek:8:5] U qalli: "O bniedem, ħares lejn it-tramuntana." U ħarist lejn it-tramuntana, u rajt fin-naħa tat-tramuntana tal-bieb ta' l-artal, l-idolu ta' l-għira, li kien fid-daħla. [Eżek:8:6] U qalli: "O bniedem, qed tara x'qegħdin jagħmlu? Qed tara l-għemejjel mistkerrha kollha li qed jagħmlu dar Iżrael, biex ikeċċuni 'l barra mit-tempju tiegħi? Għad tara għarukażijiet akbar."

L-idoli u qżiżijiethom

[Eżek:8:7] U ħadni ħdejn id-daħla tal-bitħa u ħarist, u ara, kien hemm toqba fil-ħajt. [Eżek:8:8] U qalli: "O bniedem, ħaffer fil-ħajt," u ħaffirt, u rajt bieb. [Eżek:8:9] U qalli: "Idħol u ara l-għarukażijiet li jagħmlu hemmhekk." [Eżek:8:10] U jien dħalt u ħarist, u rajt ix-xbihat ta' kull xorta ta' sriep u bhejjem moqżieża, u kemm allat foloz naqqxet dar Iżrael fil-ħajt dawramejt. [Eżek:8:11] U sebgħin wieħed mix-xjuħ ta' Iżrael, fosthom Ġażanija bin Safan, weqfin fin-nofs quddiemhom, kull wieħed minnhom biċ-ċensier f'idu u sħaba duħħan ta' inċens ifuħ tielgħa 'l fuq. [Eżek:8:12] U qalli: "Qiegħed tara, o bniedem, x'qegħdin jagħmlu fid-dlam ix-xjuħ ta' Iżrael kull wieħed f'kamart l-idolu tiegħu, għax jgħidu: 'Hemm il-Mulej ma jaraniex, il-Mulej telaq il-pajjiż!' " [Eżek:8:13] U qalli: "Issa tara x'għarukażijiet akbar qegħdin jagħmlu." [Eżek:8:14] U ħadni fid-daħla ta' bieb dar il-Mulej li qiegħda n-naħa tat-tramuntana, u hemm rajt in-nisa bilqiegħda jibku lil Tammuż. [Eżek:8:15] U qalli: "Qiegħed tara, o bniedem? U għad tara għarukażijiet akbar minn dawn."

[Eżek:8:16] U ħadni fil-bitħa ta' ġewwa tat-tempju tal-Mulej, u hemm fid-daħla tat-tempju tal-Mulej, bejn il-portiku u l-artal, kien hemm xi ħamsa u għoxrin raġel, b'daharhom lejn it-tempju tal-Mulej, u wiċċhom lejn il-lvant, imilu lejn ix-xemx. [Eżek:8:17] U qalli: "O bniedem, m'intix tara? M'hux biżżejjed għad-dar ta' Ġuda li jagħmlu l-għarukażijiet li qegħdin jagħmlu hawn? Li jimlew l-art bil-vjolenza u hekk iqanqlu aktar l-għadab tiegħi? U arahom, bil-fergħa taż-żebbuġ f'imneħirhom. [Eżek:8:18] Għalhekk jien nimxi bl-għadab magħhom; għajnejja ma jagħdruhomx, ma nħennx għalihom, jistgħu jgħajjtu f'widnejja b'kemm jifilħu, għax jien ma nismagħhomx."

9. Il-qerda tal-ħatja

[Eżek:9:1] U għajjat f'widnejja b'leħen qawwi u qal: "Ersqu intom li se tikkastigaw il-belt, kull wieħed minnkom bl-armi qerrieda f'idu." [Eżek:9:2] U ara, jersqu sitt irġiel min-naħa tal-bieb ta' fuq, li jħares lejn it-tramuntana, kull wieħed minnhom bl-armi f'idu biex ifarrak. F'nofshom kien hemm raġel ieħor liebes l-għażel u kellu fuq ġenbu l-meħtieġ għall-kitba. Dawn l-irġiel marru u qagħdu ħdejn l-artal tal-bronż.

[Eżek:9:3] U l-glorja ta' Alla ta' Iżrael intrefgħet 'il fuq mill-kerubini, għax kienet fuqhom, u marret fid-daħla tat-tempju. [Eżek:9:4] Mbagħad il-Mulej sejjaħ lir-raġel liebes l-għażel, li kellu l-meħtieġ għall-kitba fuq ġenbu, u qallu: "Għaddi minn nofs il-belt, minn nofs Ġerusalemm, u agħmel il-marka TAW fuq ġbin dawk li ssibhom jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru fiha." [Eżek:9:5] U lill-oħrajn smajtu jgħidilhom: "Għaddu warajh minn nofs il-belt, u sawwtu; tħossu għal ħadd u taħfruha 'l ħadd; [Eżek:9:6] xjuħ, żgħażagħ, xebbiet, tfal, nisa, oqtluhom sa l-aħħar wieħed; imma tersqu lejn ħadd minn dawk li għandhom il-marka fuq ġbinhom. Ibdew mis-santwarju tiegħi."

U huma bdew mix-xjuħ li kien hemm quddiem it-tempju. [Eżek:9:7] U qalilhom: "Ipprofanaw it-tempju, imlew il-btieħi tiegħi bil-maqtulin. Oħorġu!" U huma ħarġu u bdew joqtlu fil-belt.

[Eżek:9:8] Kif kienu joqtlu fil-belt, jien bqajt waħdi, u nxtħett għal wiċċi fl-art, u għajjatt: "Ah! Sidi Mulej! Int se teqred il-fdal ta' Iżrael, inti u ssawwab l-għadab tiegħek fuq Ġerusalemm?" [Eżek:9:9] U qalli: "Il-ħażen tad-dar ta' Iżrael u ta' Ġuda hu kbir ħafna, bla qjies, il-pajjiż kollu mimli dmija, il-belt tfur bil- ħażen, għax huma jgħidu: 'Il-Mulej telaq il-belt, il-Mulej ma jarax.' [Eżek:9:10] Mela jiena wkoll ma nagħdirx, ma nurix ħniena. Nitlob minn għandhom il-ħlas ta' għemilhom." [Eżek:9:11] U r-raġel liebes l-għażel, li kellu l-meħtieġ għall-kitba fuq ġenbu, ġie b'dan il-messaġġ: "Għamilt dak li ordnajtli."

10. Il-glorja twarrab mit-tempju

[Eżek:10:1] U ħarist u rajt fuq it-tisqifa ta' fuq ras il-kerubini bħal ħaġra taż-żaffir, donnha għamla ta' tron, li kienet tidher fuqhom. [Eżek:10:2] U qal lir-raġel li kien liebes l-għażel: "Idħol bejn ir-roti li hemm taħt il-kerubini, u imla l-keffa ta' idejk b'ġamar tan-nar minn bejn il-kerubini u xerrdu fuq il-belt." U dak daħal, quddiem għajnejja.

[Eżek:10:3] Meta daħal dak ir-raġel il-kerubini kienu wieqfa n-naħa tal-lemin tat-tempju, u s-sħaba kienet timla l-bitħa ta' ġewwa. [Eżek:10:4] U l-glorja tal-Mulej intrefgħet minn fuq il-kerubini u marret fuq l-għatba tat-tempju; u mtela t-tempju bis-sħaba u l-bitħa mtliet bid-dija tal-glorja tal-Mulej. [Eżek:10:5] U l-ħoss tal-ġwienaħ tal-kerubini kien jinstama' sa mill-bitħa ta' barra bħal leħen ta' Alla li jista' kollox meta jitkellem. [Eżek:10:6] U ġara li malli ta l-ordni lir-raġel liebes l-għażel u qallu: "Ħu n-nar minn bejn ir-roti, minn bejn il-kerubini," dan daħal u waqaf ħdejn ir-roti. [Eżek:10:7] U wieħed mill-kerubini tawwal idu minn bejn il-kerubini għal fuq in-nar li kien hemm bejn il-kerubini, ħa minnu u qiegħdu fil-keffa ta' id ir-raġel liebes l-għażel, u dan ħadu, u ħareġ. [Eżek:10:8] U taħt ġwenħajn il-kerubini kienet tidher għamla ta' id ta' bniedem.

[Eżek:10:9] U ħarist u rajt erba' roti ħdejn il-kerubini: rota ħdejn kull kerubin; u r-roti kienu jiddu qishom ħaġar tat-topazju. [Eżek:10:10] Jekk tarahom l-erbgħa kienu ta' għamla waħda, bħallikieku rota mdaħħla ġo oħra. [Eżek:10:11] Meta kienu jiċċaqalqu, kienu jimxu lejn l-erba' naħat tagħhom, bla ma jilwu huma u miexja, għax kienu jmorru 'l fejn kienet tħares ir-rota ta' quddiem bla ma jilwu huma u miexja. [Eżek:10:12] Ġisimhom kollu - daharhom, idejhom, ġwenħajhom - u r-roti kienu mimlija għajnejn, minn kull naħa, l-erba' roti li kienu. [Eżek:10:13] Kif smajt, ir-roti kienu jsejjħulhom 'galgal'. [Eżek:10:14] Kull wieħed kellu erba' wċuħ: wieħed wiċċ ta' gendus, it-tieni wiċċ ta' bniedem, it-tielet wiċċ ta' ljun, u r-raba' wiċċ ta' ajkla. [Eżek:10:15] Mbagħad il-kerubini ntrefgħu. Kienu l-istess ħlejjaq ħajjin li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar. [Eżek:10:16] U huma u jimxu l-kerubini, kienu jimxu r-roti ħdejhom; u meta l-kerubini kienu jiftħu ġwenħajhom biex jogħlew 'il fuq mill-art, ir-roti ma kinux iwarrbu minn ħdejhom. [Eżek:10:17] Meta l-kerubini kienu jieqfu, kienu jieqfu wkoll ir-roti; u meta kienu jogħlew, kienu jogħlew magħhom huma wkoll, għax kien hemm fihom l-ispirtu tal-ħlejjaq ħajjin.

[Eżek:10:18] Mbagħad il-glorja tal-Mulej telqet mid-daħla tat-tempju, u qagħdet fuq l-kerubini; [Eżek:10:19] u l-kerubini fetħu ġwenħajhom, ħarġu u ntrefgħu mill-art quddiem għajnejja, bir-roti maġenbhom. Mbagħad waqfu ħdejn it-tempju tal-Mulej fid-daħla tal-bieb li jagħti għal-lvant, bil-glorja ta' Alla ta' Iżrael fuqhom, min-naħa ta' fuq.

[Eżek:10:20] Dawn kienu l-istess ħlejjaq ħajjin li kont rajt taħt Alla ta' Iżrael ħdejn ix-xmara Kebar; u għaraft li kienu kerubini. [Eżek:10:21] Kull waħda mill-ħlejjaq ħajjin kellha erba' wċuħ u erba' ġwienaħ, b'sura ta' id ta' bniedem taħt ġwenħajhom. [Eżek:10:22] U minn suret wiċċhom kienu l-istess uċuħ li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar. Kull waħda minnhom kienet miexja 'l quddiem.

11. It-twiddiba lill-prinċpijiet ħżiena

[Eżek:11:1] Mbagħad l-ispirtu refagħni u ħadni fil-bieb tal-lvant ta' dar il-Mulej li jħares in-naħa tal-lvant. U, ara, fid-daħla tal-bieb kien hemm ħamsa u għoxrin raġel; u f'nofshom ilmaħt lil Ġażanija bin Għażżur u Pelatija bin Benaja, lkoll prinċpijiet tal-poplu.

[Eżek:11:2] U qalli: "O bniedem, dawn huma n-nies li jfasslu l-ħażen u jagħtu l-pariri ħżiena f'din il-belt, u jmorru jgħidu: [Eżek:11:3] 'M'hemmx għaġla nibnu d-djar. Din hi l-borma, u aħna l-laħam.' [Eżek:11:4] Għalhekk ħabbrilhom, o bniedem, ħabbrilhom!' "

[Eżek:11:5] U niżel fuqi l-ispirtu tal-Mulej, u qalli: "Għidilhom: dan jgħid il-Mulej: Intom hekk tgħidu, dar Iżrael, u jiena naf x'jiġikom f'moħħkom. [Eżek:11:6] Intom qtiltu fuq li qtiltu f'din il-belt, u triqatha mlejtuhom bil-mejtin. [Eżek:11:7] Għalhekk, jgħid Sidi l-Mulej: 'Il-mejtin tagħkom li intom xħettuhom f'nofs il-belt huma l-laħam, u dil-belt hi l-borma; u lilkom noħroġkom minnha. [Eżek:11:8] Intom tibżgħu mix-xabla, imma jien ix-xabla nġib għalikom, oraklu ta' Sidi l-Mulej. [Eżek:11:9] Jien noħroġkom minn ġo nofsha u nerħikom f'idejn il-barranin, u nagħmel ħaqq minnkom. [Eżek:11:10] Jgħaddukom minn xifer ix-xabla; fuq il-fruntieri ta' Iżrael nagħmel ħaqq minnkom; tkunu tafu mbagħad, li jien il-Mulej. [Eżek:11:11] Il-belt ma tkunilkomx bħall-borma u intom ma tkunux il-laħam f'nofsha; fuq il-fruntieri ta' Iżrael nagħmel ħaqq minnkom. [Eżek:11:12] U tkunu tafu, mbagħad, li jiena l-Mulej; għax intom ma mxejtux skond il-liġijiet tiegħi, u lanqas ma għamiltu d-digrieti tiegħi; biex imxejtu skond il-liġijiet tal-ġnus ta' madwarkom. ' "

Il-wegħda ta' restawrazzjoni

[Eżek:11:13] Malli temmejt inħabbar, Pelatija bin Benaja miet u jien inxtħett wiċċi fl-art u għajjatt għajta kbira u għedt: "Ah! Sidi Mulej, se teqred int il-fdal ta' Iżrael?"

[Eżek:11:14] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:11:15] "O bniedem, lil ħutek, lil sħabek itturufnati miegħek, id-dar kollha ta' Iżrael, lilhom ilkoll, dan qalulhom dawk li jgħammru f'Ġerusalemm: 'Tbegħedtu mill-Mulej; lilna ngħatat l-art bħala wirt.' [Eżek:11:16] Mela għid: 'Hekk qal Sidi l-Mulej: Iva, bgħatthom 'il bogħod fost il-ġnus, xerridthom f'artijiet barranin, u għal ftit żmien kont tempju għalihom fl-art li marru fiha.' [Eżek:11:17] Mela għid: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Jiena niġborkom minn fost il-ġnus, nreġġagħkom lura mill-artijiet fejn kont xerridtkom u nagħtikom l-art ta' Iżrael. [Eżek:11:18] U jiġu fiha u huma jwarrbu minnha l-għajb kollu u l-qżiżijiet kollha tagħha. [Eżek:11:19] U nagħtihom qalb oħra, u nnissel spirtu ġdid ġewwa fihom; naqlgħalhom il-qalb tal-ġebel minn ġisimhom, u nagħtihom qalb tal-laħam, [Eżek:11:20] biex huma jimxu fuq il-preċetti tiegħi u jħarsu l-liġijiet tiegħi, u jagħmluhom. Mbagħad huma jkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħhom. [Eżek:11:21] Imma dawk li qalbhom marbuta ma' l-idoli, l-għajb u l-qżiżijiet tagħhom, jiena nitlobhom kont ta' l-imġiba tagħhom, oraklu tal-Mulej.' "

[Eżek:11:22] U l-kerubini fetħu ġwenħajhom, bir-roti maġenbhom; u l-glorja ta' Alla ta' Iżrael kienet fuqhom. [Eżek:11:23] U l-glorja tal-Mulej tqanqlet minn nofs il-belt, u marret qagħdet fuq l-għolja n-naħa tal-lvant tal-belt. [Eżek:11:24] L-ispirtu refagħni u ħadni f'art il-Kaldin fost l-itturufnati, f'dehra ta' Alla; u għabet minn quddiemi d-dehra li kont rajt. [Eżek:11:25] U jien għedt lill-itturufnati kull ma wrieni l-Mulej.

12. L-eżilju

[Eżek:12:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:12:2] "O bniedem, int qiegħed ma' nies ta' rashom iebsa; għandhom l-għajnejn biex jaraw, imma ma jarawx; għandhom il-widnejn biex jisimgħu, imma ma jisimgħux; għax huma nies ta' rashom iebsa. [Eżek:12:3] Issa int, o bniedem, ħu miegħek kull ma jeħtieġlu wieħed eżiljat, u itlaq binhar quddiemhom; tbiegħed minn fejn int, u quddiemhom stess itlaq lejn post ieħor. Għandhom mnejn jintebħu li huma nies ta' ras iebsa. [Eżek:12:4] Ħejji binhar quddiemhom il-meħtieġ tiegħek, qisu l-meħtieġ ta' min sejjer fl-eżilju, u fil-għaxija oħroġ quddiemhom bħal wieħed ħiereġ għall-eżilju. [Eżek:12:5] Ħaffer toqba fil-ħajt quddiemhom u oħroġ minnha. [Eżek:12:6] Ġorr kollox fuq spallejk quddiemhom u oħroġ fid-dlam; għatti wiċċek biex ma tarax l-art. Għax jien għamiltek sinjal għad-dar ta' Iżrael."

[Eżek:12:7] Jiena għamilt kif ordnali l-Mulej, u binhar ħejjejt il-meħtieġ tiegħi, qisu l-meħtieġ ta' min sejjer fl-eżilju; fil-għaxija ħaffirt toqba fil-ħajt b'idi stess, u mbagħad ħriġt quddiemhom fid-dlam, bis-sorra fuq spallejja.

[Eżek:12:8] L-għada fil-għodu l-Mulej kellimni u qalli: [Eżek:12:9] "O bniedem, dawn in-nies ta' rashom iebsa ta' dar Iżrael ma staqsewkx x'inti tagħmel? [Eżek:12:10] Mela għidilhom: 'Hekk jgħid il-Mulej: Kontra l-prinċep li hemm Ġerusalemm hi din is-sentenza, u kontra d-dar kollha ta' Iżrael li tinsab fiha.'

[Eżek:12:11] "Għidilhom: 'Jiena sinjal għalikom. Kif għamilt jien, hekk għad jagħmlu lilkom; fit-turufnament u l-eżilju għad tmorru. [Eżek:12:12] U l-prinċep li hemm fosthom għad jerfa' s-sorra tiegħu fuq spallejh fid-dlam, u jħaffer toqba fil-ħajt biex joħroġ minnha, u jgħatti wiċċu biex ma jkunx jista' jara l-art b'għajnejh. [Eżek:12:13] U jien nixħet ix-xibka tiegħi fuqu, u naqbdu fin-nassa tiegħi; nieħdu Babilonja f'art il-Kaldin, imma ma jarahiex; hemm imut. [Eżek:12:14] U dawk kollha ta' madwaru, l-għassiesa tiegħu u l-eżerċti tiegħu, nxerridhom ma' kull riħ, u nislet ix-xabla tiegħi għal warajhom.

[Eżek:12:15] "U huma jkunu jafu li jiena l-Mulej meta nxerridhom fost il-ġnus, u nferrixhom ma' l-artijiet kollha. [Eżek:12:16] Imma nħalli 'l xi wħud minnhom li jeħilsu mix-xabla u l-ġuħ u l-pesta biex iħabbru fost il-ġnus, li fosthom imorru, l-għarukażijiet tagħhom, u jkunu jafu li jiena l-Mulej."

Ir-restawrazzjoni

[Eżek:12:17] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:12:18] "O bniedem, ħobżok bir-rogħda tieklu, u l-ilma tiegħek tixorbu b'qalbek ittaqtaq u beżgħana. [Eżek:12:19] U tgħid lill-poplu tal-pajjiż: Dan jgħid Sidi l-Mulej lil dawk li joqogħdu Ġerusalemm f'art Iżrael: 'Ħobżhom jikluh beżgħana u l-ilma jixorbuh imdejjqa, għax il-pajjiż jitneżża' minn ġidu u jsir ħerba minħabba l-vjolenza tan-nies kollha li jgħammru fih. [Eżek:12:20] L-ibliet bin-nies jiġġarrfu u l-art issir ħerba. Ħalli tkunu tafu li jien il-Mulej.' "

[Eżek:12:21] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:12:22] "O bniedem, x'inhu dan l-għajdut tagħkom fil-pajjiż ta' Iżrael: 'Itul iż-żmien u kull viżjoni tiġi fix-xejn!'? [Eżek:12:23] Għalhekk għidilhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Nwaqqaf dan l-għajdut u ma tgħiduhx aktar fil-pajjiż ta' Iżrael.' Anzi għidilhom: 'Iż-żmien qorob, u s-seħħ ta' kull viżjoni miegħu.' [Eżek:12:24] Għax f'nofs id-dar ta' Iżrael ma jkunx hemm aktar dehriet foloz jew taħbir qarrieq. [Eżek:12:25] Għax jien il-Mulej, nitkellem u dak li ngħid iseħħ bla ma jitlajja; u sewwasew fi żmienkom, ja razza ta' nies xewwiexa, ngħid kelma u nagħmilha, oraklu tal-Mulej.' "

[Eżek:12:26] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:12:27] "O bniedem: Ara x'inhuma jgħidu d-dar ta' Iżrael: 'Il-viżjoni li dan kellu għad iddum ma sseħħ; qiegħed iħabbar għal żminijiet fil-bogħod.' [Eżek:12:28] Mela għidilhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Ebda kelma minn tiegħi ma tiddawwar biex tasal, għax jien ngħid kelma u sseħħ, oraklu ta' Sidi l-Mulej.' "

13. Il-profeti foloz

[Eżek:13:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:13:2] "O bniedem, ħabbar kontra l-profeti f'Iżrael u għid lil dawk li qegħdin iħabbru minn rashom: Isimgħu l-kelma tal-Mulej: [Eżek:13:3] Dan jgħid Sidi l-Mulej: Gwaj għall-profeti boloh li jiġru wara l-ħolm ta' moħħhom bla ma jkunu raw xejn! [Eżek:13:4] Il-profeti tiegħek saru bħall-volpi qalb it-tiġrif, o Iżrael! [Eżek:13:5] Ma tlajtux fuq is-selħiet tas-swar; ma bnejtu ebda sur għal dar Iżrael biex iżomm sħiħ fit-taqbida, f'jum il-Mulej. [Eżek:13:6] Kellhom viżjonijiet foloz u kienu jħabbru l-gideb u jgħidu: 'Oraklu tal-Mulej', meta l-Mulej ma kienx ikun bagħathom, u minn fuq kienu jistennewh iwettaq kliemhom. [Eżek:13:7] M'hux intom kellkom viżjonijiet foloz u ħabbartu l-gideb? U minn fuq kontu tgħidu: 'Oraklu tal-Mulej', meta jien ma kontx inkun tkellimt."

[Eżek:13:8] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: "Talli intom għedtu l-falz u l-viżjonijiet tagħkom huma gideb, jien niġi għalikom, oraklu ta' Sidi l-Mulej, [Eżek:13:9] u nmidd idi fuq il-profeti li jfantsu l-falz u jħabbru l-gideb. Ma jkunux fil-kunsill tal-poplu tiegħi, ma jinkitbux fil-kotba ta' dar Iżrael, u ma jidħlux fil-pajjiż ta' Iżrael, u mbagħad tkunu tafu li jien is-Sid, il-Mulej. [Eżek:13:10] Talli qarrqu bil-poplu tiegħi meta qalulu: 'Sliem', u sliem ma kienx hemm; u meta l-poplu kien jibni ħajt tas-sejjieħ, huma kienu jkaħħluh bit-tajn; [Eżek:13:11] għid lil dawk li jkaħħluh bit-tajn: 'Għad jaqa'! Tagħmel xita bil-qliel, nibgħat silġ bħaċ-ċagħak, u jvenven riħ ta' riefnu. [Eżek:13:12] U l-ħajt jiġġarraf. Mbagħad jgħidulkom: Fejn hu t-tajn tat-tikħil tagħkom?"

[Eżek:13:13] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: "Fis-saħna tiegħi nqajjem riefnu u fl-għadab tiegħi nibgħat xita bil-qliel u silġ bħaċ-ċagħak fil-qilla tiegħi. [Eżek:13:14] U naqleb il-ħajt li kaħħaltu bit-tajn, nġarrfu fl-art, u nikxiflu s-sisien, u jaqa', u intom tintemmu taħtu; mbagħad tkunu tafu li jien il-Mulej. [Eżek:13:15] Nserraħ għadbu fuq dak il-ħajt u 'l dawk li jkunu kaħħluh ngħidilhom: "Il-ħajt ma għadux hemm! Fejn huma l-kaħħala tiegħu, [Eżek:13:16] il-profeti ta' Iżrael li kienu jħabbru lil Ġerusalemm u jfantsulha viżjonijiet ta' sliem, u sliem ma kienx hemm? Oraklu ta' Sidi l-Mulej."

Il-profeti nisa

[Eżek:13:17] "U inti, o bniedem, dawwar wiċċek lejn bniet il-poplu tiegħek, li jħabbru minn rashom u, ħabbar kontriehom. Għidilhom: [Eżek:13:18] 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Gwaj għalihom dawk li jħitu l-faxex għal kull għaksa ta' l-id, u jaħdmu velijiet ta' kull daqs għar-ras biex jonsbu għall-erwieħ. Kif? Intom tonsbu għall-erwieħ tal-poplu tiegħi, u taħsbu intom li se tibqgħu ħajjin? [Eżek:13:19] Intom żeblaħtuni mal-poplu tiegħi għal ftit qabdiet tax-xgħir u ftit loqom ħobż; billi qtiltu nies li m'għandhomx imutu u żammejtu ħajja nies li ma għandhomx jgħixu, bil-gideb tagħkom lill-poplu tiegħi, dejjem lest biex jisma' l-gideb.

[Eżek:13:20] "Għalhekk jgħid Sidi l-Mulej: 'Arawni, ġej għall-faxex tagħkom, li bihom tonsbu għall-erwieħ; jien inqattagħhom minn fuq dirgħajkom, u bħal għasafar nitlaq ħielsa l-erwieħ, li intom insobtu għalihom. [Eżek:13:21] U jien inqattgħalkom il-velijiet u neħles il-poplu tiegħi minn idejkom, u ma jibqgħux aktar priża f'idejkom; u mbagħad tkunu tafu li jien il-Mulej.

[Eżek:13:22] "Għax intom qsamtu qalb il-ġust bil-gideb tagħkom, meta jien ma kiddejtux; intom qawwejtu id il-ħażin, biex ma jerġax lura minn triqtu l-ħażina u jgħix. [Eżek:13:23] Għalhekk ma tfantsux aktar viżjonijiet qarrieqa, u gideb aktar ma tħabbrux. U jiena neħles il-poplu minn idejkom, u tkunu tafu li jien il-Mulej.' "

14. Il-kundanna ta' l-idolatri

[Eżek:14:1] U ġew għandi xi wħud mix-xjuħ ta' Iżrael u qagħdu bilqiegħda quddiemi. [Eżek:14:2] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:14:3] "O bniedem, dawn in-nies laqgħu f'qalbhom lil allathom u jżommu dejjem quddiem għajnejhom il-kaġun ta' dnubiethom. Se nħallihom jistħarrġuni? [Eżek:14:4] Mela kellimhom u għidilhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Kull min minn dar Iżrael jilqa' lil allatu f'qalbu u jżomm quddiem għajnejh il-kaġun ta' dnubu u jmur għand il-profeta, jien stess, il-Mulej, nwieġbu minkejja l-kotra ta' allatu.' [Eżek:14:5] Hekk dar Iżrael tħossha f'qalbha li twarrbu minni minħabba l-kotra ta' allathom.

[Eżek:14:6] "Għalhekk għid lil dar Iżrael: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Duru u erġgħu lura minn allatkom u dawwru wiċċkom mill-qżiżijiet tagħkom. [Eżek:14:7] Għax kull min mar minn dar Iżrael, jew mill-barranin li jgħixu f'Iżrael, jitwarrab minni u jilqa' f'qalbu 'l allatu u jżomm quddiem għajnejh il-kaġun ta' dnubu, u mbagħad imur għand il-profeta jistaqsini permezz tiegħu, jiena, jiena stess, il-Mulej inwieġbu. [Eżek:14:8] U ndawwar wiċċi lejh u nagħmel minnu sinjal u proverbju, u nqaċċtu minn fost il-poplu tiegħi, u tkunu tafu li jien il-Mulej.

[Eżek:14:9] "U jekk il-profeta jitqarraq u jgħid xi kelma, nkun jien, il-Mulej, li nkun qarraqt b'dan il-profeta, u nmidd idi għal fuqu u neqirdu minn fost il-poplu tiegħi Iżrael. [Eżek:14:10] U jkollhom jerfgħu l-kastig ta' dnubhom; bħall-kastig ta' min jistħarreġ, hekk il-kastig tal-profeta. [Eżek:14:11] Biex b'hekk ma jintilfux aktar minn dar Iżrael minn warajja, u ma jitniġġsux iżjed bi dnubiethom kollha, imma jkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom.' Oraklu ta' Sidi l-Mulej."

Id-dnub u l-kastig ta' Ġerusalemm

[Eżek:14:12] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:14:13] "O bniedem, jekk xi pajjiż jidneb kontrija u jikser kelmtu miegħi, u jien inmidd idejja għalih, u neqridlu l-ħażna tal-ħobż, u nibgħatlu l-ġuħ, u nqaċċat minnu nies u bhejjem, [Eżek:14:14] mqar jekk fih ikun hemm dawn it-tlieta min-nies: Noč, Danjel, u Ġob, dawn biss isalvaw ħajjithom minħabba l-ġustizzja tagħhom, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:14:15] "Jekk qatt nitlaq il-bhejjem selvaġġi f'xi pajjiż u jneżżgħuh min-nies, u jsir ħerba u ħadd ma jgħaddi minnu minħabba l-bhejjem, [Eżek:14:16] mqar jekk fih ikun hemm dawn it-tlieta min-nies, daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, dawn ma jsalvaw lil ħadd, la subjien u la bniet; huma biss jeħilsu, u l-art issir ħerba.

[Eżek:14:17] "Jekk ngħaddi x-xabla minn fuq dak il-pajjiż u ngħid: Ħa tgħaddi x-xabla minn fuq l-art u neqred minnha nies u bhejjem, [Eżek:14:18] mqar jekk fih ikun hemm dawn it-tlieta min-nies, daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, dawn ma jsalvaw lil ħadd, u la subjien u la bniet, iżda huma biss jeħilsu.

[Eżek:14:19] "Jekk nibgħat il-pesta fuq dak il-pajjiż u nserraħ is-saħna tiegħi fuqu bid-dmija biex neqred minnu nies u bhejjem, [Eżek:14:20] mqar jekk fih ikun hemm Noč, Danjel, u Ġob, daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, dawn ma jsalvaw lil ħadd, u la subjien u la bniet; huma biss, minħabba l-ġustizzja tagħhom, jeħilsu ħajjithom.

[Eżek:14:21] "Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: U mqar jekk jien nibgħat fuq Ġerusalemm l-erba' kastigi ħorox tiegħi, xabla, ġuħ, bhejjem selvaġġi, u pesta, biex jeqirdu minnha nies u bhejjem, [Eżek:14:22] ara, għad jibqa' fiha xi fdal ta' meħlusin, li joħorġu lis-subjien u l-bniet tagħhom! Dawn għad jiġu għandkom, u meta taraw l-imġiba u l-għemejjel tagħhom, intom titfarrġu għall-ħsara li nkun ġibt fuq Ġerusalemm, għal kull ma nkun ġibt fuqha. [Eżek:14:23] Huma jfarrġukom u meta taraw l-imġiba tagħhom u l-għemejjel tagħhom, tkunu tafu li dak li nkun għamilt ma nkunx għamiltulha għal xejn, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

15. Ġerusalemm bħal dielja mejta

[Eżek:15:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
[Eżek:15:2] "O bniedem, x'inhu l-ħatab tad-dielja,
aħjar mill-bqija tal-ħatab,
iż-żarġun li hemm fost is-siġar tal-foresta?
[Eżek:15:3] Forsi jieħdu l-injam minnu,
biex jagħmlu minnu xi biċċa xogħol?
Forsi jieħdu minnu xi kavilja għad-dendil?
[Eżek:15:4] Ara, jitfgħuh fin-nar għall-ħruq,
u trufu t-tnejn jikolhom in-nar,
u n-nofs ukoll jinħaraq.
U meta n-nofs ikun maħruq ukoll,
jista' jiswa għal xi xogħol?
[Eżek:15:5] Ara, meta kien għadu sħiħ,
ma kien jiswa għal ebda xogħol.
Kemm inqas issa, li kielu n-nar u qerdu,
jista' jsir xogħol minnu?
[Eżek:15:6] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
Bħalma l-ħatab tad-dielja,
fost il-ħatab tal-foresta,
jien nitfgħu fin-nar għall-ħruq,
hekk nitlaq lin-nies ta' Ġerusalemm.
[Eżek:15:7] Ndawwar wiċċi kontriehom;
min-nar ħarġu, u n-nar għad jikkunsmahom.
U tkunu tafu li jien il-Mulej,
meta jien indawwar wiċċi kontriehom.
[Eżek:15:8] U nagħmel ħerba mill-pajjiż
talli kisru l-kelma li taw,"
oraklu tal-Mulej.

16. Ġerusalemm tarbija abbandunata

[Eżek:16:1] U ġiet fuqi l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:16:2] "O bniedem, uri 'l Ġerusalemm l-għarukażijiet tagħha, [Eżek:16:3] u għidilha: Dan jgħid Sidi l-Mulej lil Ġerusalemm: Nislek u twelidek mill-art tal-Kangħanin: missierek mill-Amurrin u ommok mill-Ħittin.

[Eżek:16:4] "Fi twelidek, nhar twelidek, ma qatgħulekx il-ħajta ta' żokortok, bl-ilma ma ħaslukx biex titnaddaf, ma għorkukx bil-melħ u anqas fisqewk fil-faxex. [Eżek:16:5] Ebda għajn ma tħassritek biex tagħmillek xi ħaġa minn dan kollu u tħenn għalik, imma stkerrhuk u rmewk fuq wiċċ ir-raba' f'jum twelidek, dak in-nhar li int twelidt!

[Eżek:16:6] "Għaddejt jien minn ħdejk, rajtek titmiegħek f'demmek u għedtlek kif kont mgħargħra f'demmek: 'Int tgħix [Eżek:16:7] u tikber bħal nebbiet tar-raba'.' U int trabbejt, u kbirt u lħaqt il-milja ta' xbubitek; sidrek imtela u xagħrek kiber, imma kont għadek għarwiena u mikxufa.

Xebba sabiħa u ħelwa

[Eżek:16:8] "U jiena għaddejt minn ħdejk u ħarist, u rajtek li kont fi żmienek, żmien l-imħabba. Jien frixt fuqek djul mantari u għattejtlek għawarek; u ħliftlek u dħalt f'patt miegħek, u int sirt tiegħi, oraklu ta' Sidi l-Mulej. [Eżek:16:9] Ħsiltek bl-ilma, naddaftlek demmek u biż-żejt dliktek. [Eżek:16:10] Libbistek il-brukkat u xeddejtlek sandli tad-delfin, dawwartek bl-għażel u ksejtek bil-ħarir. [Eżek:16:11] Żejjintek bil-ġawhar; qegħedtlek il-brazzuletti f'dirgħajk, u ġiżirana ma' għonqok; [Eżek:16:12] qegħedtlek ħolqa f'imnifsejk, u msielet f'widnejk, u dijadema sabiħa tlellex f'rasek.

[Eżek:16:13] "Kont imżejjna bid-deheb u l-fidda, u lbiesek kien għażel, ħarir, u brukkat. Smid, u għasel, u żejt kont tiekol. Kont sirt sabiħa fuq li sabiħa, u kien jixraqlek tkun sultana.

[Eżek:16:14] "Beda jissemma ġmielek fost il-ġnus: għax xejn ma kien jonqsu t-tiżjin li jien qegħedt fuqek, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

Iżrael prostituta

[Eżek:16:15] "Imma int tlift rasek bi ġmielek, u ntlaqt għaż-żína, u sawwabt iż-żína tiegħek fuq min ġie ġie. [Eżek:16:16] Ħadt minn ilbiesek, u għamilt santwarji mżejjna fuq l-għoljiet u żnejt fuqhom; [Eżek:16:17] u qbadt il-ġawhar ta' ġmielek, id-deheb u l-fidda li jien stess kont tajtek, u għamilt minnhom xbihat ta' rġiel u magħhom żnejt. [Eżek:16:18] Ħadt minn ilbiesek tal-brukkat u ksejthom bih, u offrejtilhom iż-żejt u l-inċens ifuħ, li tajtek jien. [Eżek:16:19] Ħobżi li kont tajtek - tmajtek smid, żejt u għasel - ħadtu, u offrejtulhom b'sagrifiċċju jfuħ u jgħaxxaq, oraklu tal-Mulej.

[Eżek:16:20] "Qbadt imbagħad lill-istess uliedek, subjien u bniet, li inti wlidtli, u ssagrifikajthomlhom ħa jieklu minnhom. Taħsbu li m'huma xejn dawn l-għemejjel faħxija tiegħek? [Eżek:16:21] Qtiltli lil uliedi biex offrejthomlhom ħalli jgħadduhom min-nar. [Eżek:16:22] U meta kont tagħmel dawn l-għarukażijiet u dawn l-għemejjel faħxija tiegħek, ma kontx tiftakar f'żgħożitek meta kont għarwiena u mikxufa titmiegħek f'demmek! [Eżek:16:23] Issa wara dan il-ħażen kollu tiegħek - gwaj, gwaj għalik, oraklu ta' Sidi l-Mulej - [Eżek:16:24] int bnejt kmajra u tellajt għarix f'kull misraħ. [Eżek:16:25] F'ras kull triq waqqaft għarixek u kasbart ġmielek, u berraħt riġlejk għal kull min ġie ġie u komplejt biż-żína tiegħek.

[Eżek:16:26] "Żnejt ma' wlied l-Eġittu, ġirienek imġissma sewwa, u komplejt żidt fiż-żína tiegħek biex tipprovokani.

[Eżek:16:27] "Għalhekk meddejt idejja kontrik, u naqqast sehmek, u rħejtek għar-rieda ta' l-għedewwa tiegħek, il-bniet tal-Filistin, li stħaw mill-imġiba faħxija tiegħek.

[Eżek:16:28] "Int żnejt ukoll ma' wlied l-Assirja, żnejt magħhom u qatt ma xbajt; [Eżek:16:29] komplejt għalhekk biż-żína tiegħek f'art il-Kaldin, u lanqas b'dan ma xbajt.

[Eżek:16:30] "Kemm kienet tferfer qalbek, oraklu tal-Mulej, biex għamilt dan kollu, xogħol ta' prostituta bla mistħija? [Eżek:16:31] Bnejt il-kmajriet tiegħek f'ras kull triq, u f'kull misraħ tellajt l-għerejjex tiegħek. U lanqas kont bħal prostituta għall-qligħ, għax kont tistmerr il-ħlas, [Eżek:16:32] imma bħal mara adultera; minflok 'il żewġha, tilqa' l-barranin. [Eżek:16:33] Kull prostituta jagħtuha xi ħaġa, iżda int tajt ir-rigali tiegħek lil ħbiebek kollha; kont ixxaħħamhom biex jiġu jiżnu miegħek min-naħat kollha ta' madwarek. [Eżek:16:34] Fl-għemejjel żienja tiegħek ġara l-maqlub ta' nisa oħra: lilek ħadd ma kien ifittxek biex jiżni miegħek, kont int li tħallas, u lilek ħadd ma kien iħallsek! Miegħek kien kollox bil-maqlub!

Il-kastig ta' adultera

[Eżek:16:35] "Mela, ja mara żienja, isma' l-kelma tal-Mulej: [Eżek:16:36] Dan jgħid Sidi l-Mulej: Talli int intlaqt daqstant f'għemilek, u kxift għawarek biex żnejt ma' ħbiebek, u minħabba l-idoli moqżieża tiegħek, u l-qtil ta' wliedek li int offrejtilhom, [Eżek:16:37] jien se niġbor 'il ħbiebek kollha, l-għaxqa tiegħek, 'il dawk kollha li int ħabbejt u 'l dawk kollha li kont tistmerr; niġborhom kontrik minn kull naħa. Quddiemhom jien nikxiflek għawarek kollha ħalli jarawhom kollha kemm huma.

[Eżek:16:38] "Jiena nagħmel ħaqq minnek ta' mara adultera u qattiela. Niżfoga fuqek fid-demm is-saħna u l-għira tiegħi. [Eżek:16:39] Nerħik f'idejhom ħa jġarrfulek il-kmajriet u l-għerejjex tiegħek; ineżżgħuk minn ħwejġek, jeħdulek il-ġawhar ilellex tiegħek u jħalluk hemm mikxufa u għarwiena. [Eżek:16:40] Ixewwxu l-folla kontrik, iħaġġruk u jinfduk bix-xabla; [Eżek:16:41] jagħtu n-nar lil djarek, u jagħmlu ħaqq minnek quddiem għajnejn ħafna nisa. [Eżek:16:42] Ntemm iż-żína tiegħek u ħlas aktar ma tagħtix 'il ħbiebek. Hekk intemm l-għadab tiegħi għalik, l-għira tiegħek tħallik; nserraħ il-qilla tiegħi u ma nagħdabx għalik aktar. [Eżek:16:43] Għax int ma ftakartx fil-jiem ta' żgħożitek u madankollu m'għamiltx ħlief saħħantni għalik; jien nitfa' fuq rasek ħlas l-imġiba tiegħek, oraklu ta' Sidi l-Mulej. Ma għallejtnix int bl-għemejjel moqżieża kollha tiegħek?

Iżrael bħal Sodoma u Samarija

[Eżek:16:44] "Ara! Kull qabbiel jista' jqabbillek hekk: 'Skond l-omm il-bint!' [Eżek:16:45] Bint ommok int, li kienet tistmell lil żewġha u lil uliedha; oħt ħutek il-bniet int, li kienu jistmellu lil żwieġhom u lil uliedhom. Ommkom, bint il-Ħittin, missierkom wild l-Amurrin. [Eżek:16:46] Oħtok il-kbira hi Samarija fuq ix-xellug tiegħek b'uliedha l-bniet; oħtok iż-żgħira hi Sodoma fuq il-lemin tiegħek b'uliedha l-bniet.

[Eżek:16:47] "Int għall-ewwel ma qbadtx triqathom, lanqas m'għamilt għarukażijiet, imma biss għal ftit taż-żmien. Iżda mbagħad tħassart f'imġibtek kollha aktar minnhom.

[Eżek:16:48] "Daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, oħtok Sodoma u bnietha m'għamlux dak li għamilt int u bnietek. [Eżek:16:49] Ara! Dan kien id-dnub ta' oħtok Sodoma, hi u wliedha l-bniet: kienu kburin, mxebbgħin bil-ħobż, u moħħhom mistrieħ u kwiet, imma lill-imsejken u l-fqir qatt ma weżnuhom. [Eżek:16:50] Mtlew bihom infushom u għamlu kulma jien nistmell, u jien ċħadthom malli rajt dan.

[Eżek:16:51] "U Samarija ma għamlitx in-nofs tad-dnubiet li għamilt int. Int waqajt f'għarukażijiet aktar minnhom, tant li ħutek ħdejk, ħdejn l-għarukażijiet tiegħek, bdew jidhru ġusti.

[Eżek:16:52] "Mela issa ġorr l-għajb tiegħek, ladarba għamilt tajjeb għal ħutek! Għax bi dnubietek int tqażżiżt aktar minnhom, u ħdejk saru ġusti aktar minnek. Istħi, mela, u ġorr fuqek l-għajb tiegħek, għax għamilt lil ħutek ġusti aktar minnek ħdejk.

[Eżek:16:53] "Imma jien inbiddlilhom xortihom: ix-xorti ta' Sodoma u bnietha u x-xorti ta' Samarija u bnietha; u xortik ukoll inbiddel f'nofshom, [Eżek:16:54] ħalli int tħoss ukoll it-toqol ta' l-għajb tiegħek u tistħi minn dak kollu li int għamilt u tajthom pjaċir. [Eżek:16:55] U ħutek, Sodoma u wliedha l-bniet, jerġgħu għal li kienu qabel; u wkoll Samarija u wliedha jerġgħu għal li kienu qabel; u int wkoll u wliedek terġgħu għal li kontu fl-imgħoddi.

[Eżek:16:56] "Ma kellhiex isem ħażin fuq fommok oħtok Sodoma fi żmien kburitek, qabel ma nkixfet ħżunitek? [Eżek:16:57] Bħalha issa sirt int; jgħajjruk in-nisa ta' Edom u n-nisa tal-Filistin, il-ġirien tiegħek iżebilħuk ilkoll minn kull naħa. [Eżek:16:58] Int qiegħda tħallas għal għemilek u qżiżijietek, oraklu tal-Mulej."

[Eżek:16:59] Hekk jgħid Sidi l-Mulej: "Jien nagħmillek dak li għamilt int meta kasbart il-ħalfa u ksirt il-patt. [Eżek:16:60] Imma jien niftakar fil-patt li għamilt miegħek fi żmien żgħożitek u nġedded il-patt tiegħi miegħek għal dejjem. [Eżek:16:61] Int imbagħad tiftakar fl-imġiba tiegħek u tistħi meta tilqa' għandek lil ħutek il-bniet, sew ikbar u sew iżgħar minnek, li jien għad nagħtihomlok bħala wliedek, għalkemm mhux bis-saħħa tal-patt. [Eżek:16:62] U nġedded il-patt tiegħi miegħek, ħa tagħraf li jiena l-Mulej, [Eżek:16:63] biex tiftakar u timtela bil-mistħija, u ma jkollokx aktar ħila tiftaħ ħalqek minħabba l-għajb tiegħek, meta nkun ħfirtlek dak kollu li għamilt, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

17. L-allegorija tad-dielja u l-ajkla

[Eżek:17:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:17:2] "O bniedem, qabblilhom taqbila u fassal tixbiha għal ulied Iżrael. [Eżek:17:3] Għidilhom:

Dan jgħid Sidi l-Mulej:

'Kien hemm ajkla kbira, ġwenħajha kbar,
b'pinen twal, u rix imżewwaq, li ġiet il-Libanu
u ħadet fergħa mill-quċċata taċ-ċedru;
[Eżek:17:4] ħasdet l-ogħla tarf tal-friegħi tagħha,
u ħaditu f'art il-Kangħanin
u ħallietu f'belt il-merkanti.
[Eżek:17:5] Ħadet ukoll miż-żerriegħa ta' dik l-art,
u żergħetha f'għalqa taż-żrigħ,
ħawwlitha ħdejn gelgul ilma bħas-siġra taż-żafżaf.
[Eżek:17:6] Nibtet u saret dielja mifruxa fl-art,
u frigħetha meddet lejha,
u għeruqha baqgħu hemm fejn kienet.
U saret dielja, ħarġet iż-żraġen,
u rmiet il-friegħi.

[Eżek:17:7] Imma kien hemm ajkla oħra kbira,
ġwenħajha kbar u rixha folt.
Ara! Dik id-dielja dawwret għeruqha lejha,
u mill-ħmiemel fejn kienet imħawwla
meddet frigħetha lejha,
ħalli ssaqqiha.
[Eżek:17:8] Ħadha u ħawwilha f'art għammiela,
ħdejn gliegel ta' ilma xxettlet,
ħalli toħroġ il-friegħi u l-frott tagħmel,
biex hekk issir dielja sabiħa.'

[Eżek:17:9] Għidilhom:

'Dan jgħid Sidi l-Mulej:
Taħsbu li se tmur tajjeb?
Ma taqlagħhiex l-ajkla l-oħra minn għeruqha,
taqtgħalha frottha u tħalliha tinxef?
Jinxef ir-rimi kollu tal-friegħi tagħha.
Ma tkunx meħtieġa saħħa kbira,
jew kotra nies biex jaqilgħuha minn għeruqha.
[Eżek:17:10] Araw! Jewwilla għax imxettla se tmur
'il quddiem?
Ma tinxifx għalkollox malli jmissha
r-riħ mil-lvant?
Iva, fil-ħmiemel fejn ixxettlet, tinxef."

It-tifsira ta' allegorija

[Eżek:17:11] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:17:12] "Għid lil din ir-razza rasha iebsa: Ma tafux xi jfisser dan? Għidilhom: 'Araw! Ġie s-sultan ta' Babilonja Ġerusalemm, u qabad is-sultan tagħha ul-prinċpijiet tagħha u ħadhom miegħu Babilonja. [Eżek:17:13] U ħa wieħed minn nisel is-saltna, u għamlu sultan u għamel patt miegħu, u rabtu b'ġurament. U ħa miegħu wkoll il-kbarat tal-pajjiż, [Eżek:17:14] biex tiċċekken is-saltna u ma titkabbarx u s-sultan iħares il-patt li ntrabat bih, u hekk is-saltna żżomm sħiħa.

[Eżek:17:15] "Imma hu qam kontrieh u bagħat il-messaġġiera tiegħu l-Eġittu, biex dan jagħtih żwiemel u kotra nies. Tista' tiġih tajba? Jista' jeħlisha min għamel dan? Jista' jikser il-patt u jeħles?'

[Eżek:17:16] "Daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, talli żeblaħ il-ħalfa tiegħu u kiser il-patt li għamel miegħu, f'nofs il-Belt ta' Babilonja jmut, f'art is-sultan li tellgħu fuq it-tron. [Eżek:17:17] Il-Fargħun m'hux se jgħinu b'eżerċtu kbir jew b'ħafna nies meta jkun hemm il-ġlied, meta jtellgħu r-rampa u jibnu ħajt madwar għall-qerda ta' ħafna nies. [Eżek:17:18] Hu żeblaħ il-ġurament, u kiser il-patt; newwel idu u mbagħad għamel dan kollu: żgur li ma jeħlishiex!

[Eżek:17:19] "Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: Daqs kemm jien ħaj, il-ġurament tiegħi li kasbar u l-patt tiegħi li kiser, nitħallas tagħhom minn fuq rasu. [Eżek:17:20] Nifrex fuqu x-xibka tiegħi, u jinqabad fl-ingassa tiegħi, u nkaxkru f'Babilonja, u hemmhekk nagħmel ħaqq minnu talli kiser kelmtu miegħi. [Eżek:17:21] L-aħjar fost il-qtajja' kollha ta' l-eżerċtu tiegħu, jaqgħu taħt ix-xabla, u dawk li jeħilsuha jixxerrdu ma' kull riħ. Mbagħad tkunu tafu li jiena, il-Mulej, tkellimt."

[Eżek:17:22] Dan jgħid Sidi l-Mulej:

"Jien naqta' mill-quċċata taċ-ċedru l-għoli,
minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira,
u nxettilha fuq il-muntanja għolja u kbira;
[Eżek:17:23] fuq il-muntanja l-għolja ta' Iżrael
inxettilha.
U hi toħroġ il-friegħi,
u tagħmel il-frott,
u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru.
U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ,
jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.
[Eżek:17:24] U jagħrfu s-siġar kollha tar-raba'
li jien il-Mulej,
li siġra għolja nċekkinha,
u siġra żgħira nkabbarha;
nnixxef is-siġra l-ħadra,
u n-niexfa bil-weraq inħaddarha.
Jien, il-Mulej,
tkellimt, u li għedt nagħmlu."

18. Imut min jidneb

[Eżek:18:1] Ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:18:2] "Xi tridu tfissru bih dan il-proverbju għall-art ta' Iżrael: Il-missirijiet kielu l-għeneb qares u ddarrsu snien uliedhom? [Eżek:18:3] Daqs kemm jien ħaj," oraklu ta' Sidi l-Mulej, "ma jkollkomx għalfejn ittennuh iżjed dan il-proverbju f'Iżrael. [Eżek:18:4] Araw, kulħadd huwa tiegħi; bħall-ħajja tal-missier hekk dik ta' l-iben tiegħi huma. Min jagħmel id-dnub, ikun hu li jmut.

[Eżek:18:5] "Jekk wieħed jgħix ħajja sewwa u jagħmel il-ħaqq u s-sewwa, jiġifieri [Eżek:18:6] ma jmurx jiekol fuq il-muntanji, ma jerfax għajnejh lejn l-idoli tad-dar ta' Iżrael, ma jtebbax il-mara ta' għajru, ma jersaqx lejn mara fl-inġiesa tagħha, [Eżek:18:7] ma jaħqar lil ħadd, irodd lura r-rahan tad-dejn, ma jisraqx, jagħti ħobżu lil min hu bil-ġuħ, jostor bl-ilbies lill-għeri, [Eżek:18:8] u ma jislifx bl-imgħax, ma jiħux interessi, iżomm idu mill-ħażen, jagħmel il-ħaqq skond is-sewwa bejn bniedem u ieħor, [Eżek:18:9] iġib ruħu skond il-kmandamenti tiegħi u jħares id-digrieti tiegħi biex jagħmel is-sewwa, min jagħmel dan kollu huwa ġust, u żgur jgħix," oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:18:10] "Iżda jekk huwa jiled iben li jagħtiha għas-serq u għat-tixrid tad-demm, [Eżek:18:11] u jagħmel ħwejjeġ bħal dawn - għalkemm hu qatt ma jkun għamilhom - jekk l-iben imur jiekol fuq il-muntanji, u jtabba' l-mara ta' għajru, [Eżek:18:12] u jaħqar lill-fqar u lill-imsejkna, jisraq, ma jroddx lura r-rahan tad-dejn, jerfa' għajnejh lejn l-idoli, jagħmel ħwejjeġ moqżieża, [Eżek:18:13] jislef bl-imgħax u jieħu l-interessi, jaqaw iben bħal dan se jgħix? Le, ma jgħix; hu jkun għamel dawn il-ħwejjeġ moqżieża kollha, u żgur imut, demmu jkun fuqu.

[Eżek:18:14] "Imma jekk jiled iben, u dan jara d-dnubiet li jkun għamel missieru, jibża' u ma jagħmilx bħalhom; [Eżek:18:15] ma jmurx jiekol fuq il-muntanji u għajnejh ma jerfagħhomx fuq l-idoli ta' dar Iżrael, il-mara ta' għajru ma jtebbagħhiex, [Eżek:18:16] 'il ħadd ma jaħqar, ma jżommx ir-rahan, ma jisraqx, jagħti ħobżu lil min hu bil-ġuħ, jostor bl-ilbies lill-għeri, [Eżek:18:17] iżomm idu mill-ħażen, imgħax u interessi ma jiħux, u jagħmel id-digrieti tiegħi u jimxi skond il-liġijiet tiegħi; dan ma jmutx minħabba dnubiet missieru, imma jibqa' ħaj. [Eżek:18:18] Imma missieru li jkun żamm jew seraq dak li hu ta' għajru, u jkun għamel dak li m'hux sewwa f'nofs il-poplu tiegħu, minħabba ħżunitu, dan imut. [Eżek:18:19] U madankollu intom tgħidu: 'M'għandux l-iben jitgħabba b'ħażen missieru? Jekk l-iben ikun għamel il-ħaqq u s-sewwa u ħares il-liġijiet tiegħi u għamilhom, dan jgħix!

[Eżek:18:20] "Il-bniedem li jidneb, hu għandu jmut; l-iben ma jbatix minħabba fid-dnubiet ta' missieru, u lanqas il-missier minħabba fid-dnubiet ta' ibnu. Il-ġustizzja tal-bniedem ġust titqieslu għalih ġid; u l-ħażen tal-bniedem ħażin jitqieslu għalih kastig.

Il-ħażin li jindem jgħix

[Eżek:18:21] "Imma jekk il-bniedem ħażin jerġa' lura minn ħtijietu kollha li jkun għamel, u jħares il-liġijiet kollha tiegħi u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jgħix u ma jmutx. [Eżek:18:22] Ebda dnub milli jkun għamel ma nfakkarlu; u hu jgħix minħabba fil-ġustizzja li jkun għamel. [Eżek:18:23] Forsi jien togħġobni l-mewt tal-bniedem il-ħażin?" oraklu ta' Sidi l-Mulej; "m'hux aktar jogħġobni li jerġa' lura minn triqatu u jgħix? [Eżek:18:24] Iżda mbagħad forsi se jgħix il-bniedem ġust jekk jerġa' lura mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen kollu li jagħmel il-bniedem il-ħażin?" Ebda wieħed mill-għemejjel tajba tiegħu ma nfakkarlu, u minħabba l-qerq li jkun għamel u l-ħtija li fiha jkun waqa', huwa jmut.

Il-ġustizzja ta' Alla

[Eżek:18:25] "Intom tgħidu: "M'hijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!' Issa isimgħu, dar Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi m'hijiex sewwa? M'hux l-imġiba tagħkom li m'hijiex sewwa? [Eżek:18:26] Jekk wieħed ġust jitbiegħed mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu jkun miet. [Eżek:18:27] Imma jekk il-midneb jerġa' lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu. [Eżek:18:28] Għax ikun intebaħ u reġa' lura mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa' ħaj u ma jmutx. [Eżek:18:29] Iżda dar Iżrael jgħidu: 'M'hijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!' Forsi l-imġiba tiegħi m'hijiex sewwa, dar Iżrael? M'hux l-imġiba tagħkom li m'hijiex sewwa? [Eżek:18:30] Għalhekk lil kull wieħed minnkom niġġudikah skond imġibtu, dar Iżrael?" jgħid Sidi l-Mulej."Indmu, u erġgħu lura minn dnubietkom kollha, biex ma jkollkomx xi jwaqqagħkom fil-ħażen. [Eżek:18:31] Biegħdu minnkom il-ħtijiet kollha li waqajtu fihom, u ġeddu qalbkom u ruħkom. L-għala tridu tmutu, dar Iżrael? [Eżek:18:32] Jiena ma nieħu pjaċir bil-mewt ta' ħadd," jgħid Sidi l-Mulej."Mela indmu u għixu."

19. L-allegorija tal-ljun

[Eżek:19:1] U inti għanni għanja tal-biki
għall-prinċpijiet ta' Iżrael
[Eżek:19:2] u għidilhom:
X'iljuna kien fiha ommok
fost il-ljuni!
Mteddet qalb il-ljuni ż-żgħar,
u rabbiet il-ġriewi tagħha.
[Eżek:19:3] Minn dawn il-ġriewi rawwmet wieħed,
sakemm kiber f'daqsxejn ta' ljun:
tgħallem jaħtaf il-priża,
u jiekol in-nies.
[Eżek:19:4] U l-ġnus għajjtu u nġemgħu kontrieh,
u nqabad fil-ħofra tagħhom.’
‘Mbagħad ħaduh bil-ħoloq fl-art ta' l-Eġittu.
[Eżek:19:5] U meta rat li stenniet għal xejn,
li tamitha sfat fix-xejn,
ħadet ieħor minn ġriwitha,
u minnu rawwmet iljun żgħir.
[Eżek:19:6] U beda jħuf qalb il-ljuni,
u kiber f'daqsxejn ta' ljun;
tgħallem jaħtaf il-priża,
u beda jiekol in-nies
[Eżek:19:7] Ġarr il-priża lejn għerienu,
u ħarbat bliethom.
werwer il-pajjiż b'kull ma kien fih
għall-ħoss tat-tgargir tiegħu.
[Eżek:19:8] Mbagħad il-ġnus daru għalih,
mill-ibliet kollha ta' madwar,
firxu xbiekhom fuqu,
u nqabad f'ħofrithom.
[Eżek:19:9] Għalquh ġo gaġġa marbut bil-ktajjen,
u ħaduh għand is-sultan ta' Babilonja,
u dan għalqu f'fortizza
biex għajatu aktar ma jinstamax,
fuq l-għoljiet ta' Iżrael.

L-allegorija tad-dielja

[Eżek:19:10] Ommok kienet bħal dielja f'qasam
dwieli,
mxettla ħdejn l-ilma kotran;
kienet għammiela u kollha friegħi,
minħabba l-ħafna ilma.
[Eżek:19:11] Ħareġ minnha żarġun b'saħħtu,
u sar xettru ta' sultan,
ntrefa' 'l fuq minn bejn il-friegħi,
u fl-għoli qalb il-friegħi folti kont tarah.
[Eżek:19:12] Imma d-dielja qaċċtuha f'saħna,
u ma' l-art meddewha.
Ir-riħ mil-lvant nixxfilha l-frott;
iż-żarġun b'saħħtu qaċċtuhulha,
nixef u ħarqu n-nar.
[Eżek:19:13] U issa tinsab imħawwla fid-deżert,
f'art għatxana u taħraq nar.
[Eżek:19:14] Miż-żarġun ħareġ in-nar,
u l-friegħi u l-frott kililha.
Ma baqa' ebda żarġun b'saħħtu,
ebda xettru għal sultan.
Din hi għanja ta' lamentazzjoni
u tkun għanja tal-vistu.

20. L-apostasija ta' Iżrael fl-Eġittu

[Eżek:20:1] U ġara li fis-seba' sena, fl-għaxra tal-ħames xahar, ġew xi wħud mill-anzjani ta' Iżrael jistħarrġu lill-Mulej u qagħdu bilqiegħda quddiemi: [Eżek:20:2] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:20:3] "O bniedem, kellem lix-xjuħ ta' Iżrael u għidilhom: Dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Ġejtu intom biex tistħarrġuni? Daqs kemm jien ħaj, ma nħallikomx tistħarrġuni, oraklu ta' Sidi l-Mulej.'

[Eżek:20:4] "O bniedem, trid int tagħmel ħaqq minnhom? Trid tiġġudikahom? Mela għarrafhom bil-qżiżijiet ta' missirijiethom. [Eżek:20:5] Għidilhom: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Meta jien għażilt lil Iżrael u rfajt idi u ħlift lil nisel dar Ġakobb u għarrafthom bija nnifsi fl-art ta' l-Eġittu, għollejt idi u għedtilhom: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. [Eżek:20:6] Dakinhar erfajt idi u ħliftilhom li noħroġhom mill-art ta' l-Eġittu lejn art li għażilt għalihom, art tnixxi ħalib u għasel, ġawhra fost kemm huma l-artijiet. [Eżek:20:7] U għedtilhom: Armu kull wieħed minnkom il-kruhat li paxxew 'l għajnejkom u titniġġsux bl-allat ta' l-Eġittu. Jiena l-Mulej Alla tagħkom. [Eżek:20:8] Imma huma rvellaw kontrija u ma ridux jagħtuni widen; ma rmewx il-kruhat li paxxew 'l għajnejhom, u l-allat ta' l-Eġittu ma abbandunawhomx. "Mbagħad ħsibt li nsawwab il-qilla tiegħi fuqhom, li niżfoga għadbi fuqhom f'nofs l-art ta' l-Eġittu. [Eżek:20:9] Imma kelli nagħmel mod ieħor minħabba ismi; li ma jkunx imżeblaħ f'għajnejn il-ġnus, li huma kienu f'nofshom, u taħt għajnejhom għarrafthom bija nnifsi, u ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu. [Eżek:20:10] Ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu u ġibthom fid-deżert. [Eżek:20:11] U tajthom il-liġijiet u l-preċetti tiegħi għarrafthom, li jekk bniedem jagħmilhom jista' jgħix bihom. [Eżek:20:12] U tajthom is-Sibtijiet tiegħi biex ikunu sinjal bejni u bejnhom, u jkunu jafu li jien il-Mulej, li kkonsagrajthom.

L-apostasija ta' Iżrael fid-deżert

[Eżek:20:13] "Imma dar Iżrael irvellaw kontrija fid-deżert; skond il-liġijiet tiegħi ma mxewx u l-preċetti tiegħi abbandunawhom, li jekk bniedem jagħmilhom jista' jgħix bihom. Is-Sibtijiet tiegħi pprofanawhom bis-sħiħ. Jien ħsibt, għalhekk, li nsawwab il-qilla tiegħi fuqhom fid-deżert biex neqridhom. [Eżek:20:14] Imma jien kelli nagħmel mod ieħor biex ismi ma jkunx imżeblaħ f'għajnejn il-ġnus li taħt għajnejhom ħriġthom.

[Eżek:20:15] "Imma jiena rfajt idi fid-deżert u ħliftilhom li ma ndaħħalhomx fl-art li jiena wegħedthom, art tnixxi ħalib u għasel, ġawhra fost kemm huma l-artijiet. [Eżek:20:16] Stmerrew il-preċetti tiegħi, u ma mxewx fuq il-liġijiet tiegħi, ipprofanaw Sibtijieti għax qalbhom marret wara l-allat tagħhom. [Eżek:20:17] Iżda għajnejja tħassruhom, u ma għamiltilhomx deni, u ma qridthomx fid-deżert.

[Eżek:20:18] "U għedt lil uliedhom fid-deżert: La timxux fuq drawwiet missirijietkom, u l-liġijiet tagħhom tħarsuhomx u b'allathom titniġġsux. [Eżek:20:19] Jiena l-Mulej Alla tagħkom. Imxu fuq il-liġijiet tiegħi, u ħarsu d-digrieti tiegħi, u għamluhom. [Eżek:20:20] Qaddsu Sibtijieti u jkunu dawn sinjal bejni u bejnkom ħa tkunu tafu li jiena l-Mulej Alla tagħkom. [Eżek:20:21] U lanqas uliedhom ma ħarsu d-digrieti tiegħi, li jekk bniedem jagħmilhom jista' jgħix bihom. Sibtijieti pprofanawhom. U jiena qtajtha li nsawwab qillti fuqhom, u nserraħ għadbi fuqhom fid-deżert. [Eżek:20:22] Imma ġbidt idi lura, u għamilt mod li ismi ma jkunx imżeblaħ quddiem għajnejn il-ġnus, li quddiemhom ħriġthom.

[Eżek:20:23] "Imma rfajt idi u ħliftilhom fid-deżert li nxerridhom qalb il-ġnus u nferrixhom ma' l-artijiet, [Eżek:20:24] għax id-digrieti tiegħi ma għamluhomx, u l-liġijiet tiegħi stmerrewhom, u Sibtijieti pprofanawhom, u xeħtu għajnejhom fuq allat missirijiethom. [Eżek:20:25] Għalhekk tajthom liġijiet mhux tajbin, u digrieti li bihom ma jgħixux. [Eżek:20:26] U niġġisthom bl-offerti tagħhom, u ħallejthom jgħaddu min-nar l-ulied ta' l-ewwel, biex inkexkixhom u jkunu jafu li jien il-Mulej.

L-apostasija f'Kangħan

[Eżek:20:27] "Mela, kellem, o bniedem, lil dar Iżrael u għidilhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej. B'dan ukoll komplew iżebilħuni missirijiethom, u jqarrqu bija. [Eżek:20:28] Meta jien daħħalthom fl-art li jien għollejt idi u ħliftilhom li nagħtihielhom: kull fejn raw ħotba daqsxejn għolja jew siġra bi ftit friegħi, hemm offrew is-sagrifiċċji tagħhom, hemm ġiebu l-offerti tagħhom biex jinkuni, u hemm poġġew il-fwejjaħ jgħaxxqu tagħhom, u sawwbu l-libazzjonijiet tagħhom. [Eżek:20:29] U għedtilhom: X'inhi din l-għolja biex intom titilgħu fuqha? U għadhom sa llum stess 'bama' jsejjħulha.

[Eżek:20:30] "Għalhekk għid lil dar Iżrael: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Jaqaw bħal missirijietkom tniġġistu, u għadkom tiżnu wara l-qżież ta' allathom? [Eżek:20:31] Wara li tniġġistu bl-offerti tagħkom u għaddejtu lil uliedkom min-nar lill-allat tagħkom sa llum, taħsbu li se nħallikom tistħarrġuni, dar Iżrael? Daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, ma nħallikomx tistħarrġuni. [Eżek:20:32] Dak li jiġikom f'moħħkom ma jseħħx, dak li qegħdin tgħidu: 'Nkunu bħall-ġnus, bħar-razez ta' artijiet oħra: naduraw il-ħatab u l-ħaġar.'

Alla jnaddaf lil Iżrael

[Eżek:20:33] "Daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, b'id qawwija, u bi driegħ merfugħ, b'qilla tbaqbaq, jien naħkem fuqkom. [Eżek:20:34] Mbagħad noħroġkom minn fost il-popli u niġborkom mill-artijiet fejn jien xerridtkom fihom b'id qawwija, u bi driegħ merfugħ, u b'qilla tbaqbaq.

[Eżek:20:35] "Nġibkom fid-deżert tal-ġnus u hemm nagħmel ħaqq minnkom, hemm wiċċ imbwiċċ. [Eżek:20:36] Bħalma għamilt ħaqq minn missirijietkom fid-deżert ta' l-Eġittu, hekk nagħmel ħaqq minnkom, oraklu ta' Sidi l-Mulej. [Eżek:20:37] Ngħaddikom minn taħt il-ħatar u ndaħħalkom bl-għadd. [Eżek:20:38] U nnaqqi minnkom ix-xewwiexa u l-midinbin kontrija, noħroġhom mill-art fejn huma barranin, imma f'art Iżrael ma jidħlux, u tkunu tafu li jiena l-Mulej.

Ħniena għall-poplu

[Eżek:20:39] "U intom, dar Iżrael, dan jgħid Sidi l-Mulej: Ħa jmur kull wieħed minnkom wara allatu, ħa jadurahom. Imma mbagħad ma jkun hemm ħadd minnkom li ma jismax minni; ismi l-qaddis ma tkasbrux iżjed bl-offerti tagħkom u b'allatkom.

[Eżek:20:40] "Għaliex fuq il-muntanja mqaddsa tiegħi, fuq l-għolja ta' Iżrael, oraklu ta' Sidi l-Mulej, hemm għad isservini d-dar kollha ta' Iżrael, kemm ikun hemm fil-pajjiż; hemm nilqagħhom, hemm nistenniehom bl-offerti tagħhom, l-aħjar ta' l-offerti tagħkom u kull ma tikkonsagrawli. [Eżek:20:41] Hemm nilqagħkom bħal fwieħa tgħaxxaq meta noħroġkom minn fost il-popli, u niġborkom mill-artijiet fejn xerridtkom, u nuri qdusiti fikom taħt għajnejn il-ġnus. [Eżek:20:42] Mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta jien inġibkom fl-art ta' Iżrael, l-art li jien għollejt idi u ħlift li nagħtiha lil missirijietkom. [Eżek:20:43] Hemm tiftakru fl-imġiba tagħkom u fl-għemejjel tagħkom kollha li bihom tniġġistu, u tiddardru bikom infuskom, minħabba l-ħażen kollu li għamiltu. [Eżek:20:44] U tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta jien nimxi magħkom skond ismi, u mhux skond triqatkom il-ħżiena u skond l-għemejjel imħassra tagħkom, dar Iżrael, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

21. L-oraklu kontra n-Negeb

[Eżek:21:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:21:2] "O bniedem, dawwar wiċċek lejn Teman, u ħabbar kontra l-foresta tan-Negeb, tanbar lin-naħa tan-nofsinhar, [Eżek:21:3] u għid lill-foresta tan-Negeb: 'Isma' l-kelma tal-Mulej: Arawni, se nkebbes fik in-nar, u kull siġra ħadra u kull siġra niexfa fik jikolha, u l-ilsna jħeġġu u ma jintfewx; jinħarqu l-uċuħ kollha min-nofsinhar sat-tramuntana. [Eżek:21:4] U kull bniedem jara li jien, il-Mulej, qabbadtu u ma nitfihx. ' "

[Eżek:21:5] Mbagħad għedt: "Ah! Sidi Mulej, qegħdin jgħidu: 'Dan mhux ħlief ħrejjef qiegħed iqabbel?' "

[Eżek:21:6] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:21:7] "O bniedem, dawwar wiċċek lejn Ġerusalemm u tanbar kontra s-santwarji u ħabbar kontra l-pajjiż ta' Iżrael. [Eżek:21:8] Għid lill-art ta' Iżrael: 'Dan jgħid il-Mulej: Arani ġej għalik u nislet ix-xabla tiegħi minn għantha biex neqred minn ġo nofsok il-ġust u l-ħażin. [Eżek:21:9] Irrid neqred minnek il-ġust u l-ħażin; għalhekk ix-xabla tiegħi se toħroġ mill-għant, tolqot kull bniedem min-nofsinhar sat-tramuntana; [Eżek:21:10] Kull bniedem ikollu jagħraf li jien il-Mulej li ħriġt ix-xabla tiegħi minn għantha u m'hux se terġa' lura iżjed.'

[Eżek:21:11] "Issa tniehed, o bniedem, tniehed b'qalbek maqsuma bl-imrar quddiem għajnejhom. [Eżek:21:12] U jiġri li jgħidulek: 'Għala qiegħed titniehed?' U int tweġibhom: 'Minħabba aħbar, li malli tasal tinħall kull qalb, jintelqu d-dirgħajn, u tintreħa kull ruħ, u jimxu fl-ilma l-irkubbtejn. Ara! Waslet, seħħet! Oraklu ta' Sidi l-Mulej.' "

L-għanja tax-xabla

[Eżek:21:13] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:21:14] "O bniedem, ħabbar u għid hekk:

'Hekk jgħid Sidi l-Mulej:

[Eżek:21:15] Xabla misnuna u llimata wkoll,
misnuna għall-qatla,
illimata biex tleħħ bħal beraq.
[Eżek:21:16] Ħa tinħafen fl-id, bgħattha għall-illimar,
xabla misnuna u llimata,
lesta għall-qatla.
[Eżek:21:17] Għajjat, ixher, o bniedem,
mdendla fuq il-poplu tiegħi,
mdendla fuq il-prinċpijiet kollha ta' Iżrael,
mogħtija lkoll għax-xabla mal-poplu tiegħi.
[Eżek:21:18] Agħti għalhekk, fuq ġniebek!
Tiġrib hemm lest għalikom.
Min se jeħodha kontra l-ħatar?
Jgħid Sidi l-Mulej.

[Eżek:21:19] U int, O bniedem, ħabbar,
ċapċap idejk!
Tirdoppja x-xabla u ssir daqs tlieta,
ix-xabla tal-massakru;
din hi x-xabla tal-qatla l-kbira;
tross fuqhom minn kull naħa.
[Eżek:21:20] Biex jinħallu qlubhom bil-biża'
jien qegħedt il-ponta tax-xabla f'kull bieb,
biex il-maqtulin joktru fi bwiebhom.
Iva, jien erħejt ix-xabla għall-massakru,
xabla maħduma biex tleħħ bħall-beraq,
misnuna għall-qerda.
[Eżek:21:21] Iddur lejn il-lemin,
iddur lejn ix-xellug,
kull fejn iddur ix-xabla toqtol.
[Eżek:21:22] U jien ukoll idejja nċapċap,
u għadbi nserraħ.'
Jiena, il-Mulej, tkellimt."

Nabukodonosor sultan ta' Babilonja f'salib it-toroq

[Eżek:21:23] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:21:24] "U int, o bniedem, ħażżeż żewġ toroq mnejn għad tgħaddi x-xabla tas-sultan ta' Babilonja. It-tnejn joħorġu minn pajjiż wieħed. Naqqax sinjal f'ras it-triq li tieħu għall-Belt. [Eżek:21:25] Ħażżeż waħda mnejn tgħaddi x-xabla għal Rabbât, il-belt ta' wlied Għammon, u oħra għal Ġuda u Ġerusalemm f'nofsha.

[Eżek:21:26] "Għax is-sultan ta' Babilonja waqaf f'salib it-toroq, f'ras żewġ toroq, biex jistħarreġ xortih; hu ħallat il-vleġeġ, stħarreġ it-terafim, stħarreġ il-fwied. [Eżek:21:27] F'idu l-leminija hemm ix-xorti bl-isem, 'Ġerusalemm' biex jiftaħ fommu u jordna l-qtil, jgħolli leħnu b'għajta ta' gwerra, iqiegħed fil-bwieb l-għodda tal-gwerra għall-ħatt tas-swar, italla' rampa u jagħlaqha b'ħajt. [Eżek:21:28] Għal għajnejn Iżrael, dan hu kollu teħbir giddieb, billi huma għandhom il-wegħdiet maħlufa, u dan ifakkar il-ħażen tagħhom u hekk jinqabdu.

[Eżek:21:29] "Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Talli intom fakkartuni fil-ħażen tagħkom meta nkixfu dnubietkom u dehru ħtijietkom fl-għemejjel kollha tagħkom, ladarba ftakru fihom, tinqabdu żgur fix-xibka tagħhom. '

L-umiljazzjoni tas-sultan Sedekija

[Eżek:21:30] "U int, prinċep ta' Iżrael, bniedem bla ġieħ u midgħi, waslet is-siegħa tiegħek, wasal jumek u żmien il-kastig ta' l-aħħar, u t-tmiem ta' żmien ħżunitek.

[Eżek:21:31] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Neħħi t-turbant, aqla' l-kuruna! Li kien m'għadux li kien! Min hu minn taħt jitgħolla, u min hu minn fuq jitniżżel! [Eżek:21:32] Ħerba, ħerba, ħerba nagħmel minnha! Hekk tibqa' sakemm jasal min għandu dritt fuqha, u nagħtihielu.'

L-oraklu kontra l-Għammonin

[Eżek:21:33] "U int, o bniedem, ħabbar u għid: 'Hekk jgħid Sidi l-Mulej kontra wlied Għammon u l-għajb ta' l-alla tagħhom, u għidilhom:

Ix-xabla, ix-xabla nsiltet għall-qatla,
illimawha biex tleħħ bħall-beraq.
[Eżek:21:34] Huma u juruk viżjonijiet fiergħa,
u jħabbrulek il-gideb,
ix-xabla tinżel fuq għonq il-ħżiena u l-midgħajja.
Wasal żmienhom, waslet is-siegħa tal-kastig
ta' l-aħħar.
[Eżek:21:35] Se terġa' tidħol fl-għant?
Fil-post fejn inħloqt, fl-art fejn tnissilt,
jien nagħmel ħaqq minnek.

[Eżek:21:36] Nsawwab fuqek id-dagħdigħa tiegħi,
nonfoħ kontrik in-nar tas-saħna tiegħi,
u nerħik f'idejn nies slavaġ,
nies jinqalgħu għall-qerda.
[Eżek:21:37] Tkun int ikel in-nar,
f'nofs pajjiżek jiġri demmek,
u iżjed ħadd ma jiftakrek:
għax jien, il-Mulej, tkellimt.' "

22. Id-dnubiet ta' Ġerusalemm

[Eżek:22:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:22:2] "Int, o bniedem, trid tagħmel ħaqq, trid tagħmel ħaqq minn belt id-dmija. Mela għarrafha bil-qżiżijiet kollha tagħha.

[Eżek:22:3] Għidilhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej: Ħażin għaliha l-belt li f'nofsha xxerred id-demm, għax tasal sigħetha! Taħdem allat għaliha biex tiċċappas! [Eżek:22:4] Tad-demm li int xerridt, int ħatja, u b'allatek, li int ħdimt, ittabbajt, u qarribt jiemek, u waslu fi tmiemhom sninek. Għalhekk nagħmel minnek għajb fost il-ġnus u żebliħ għall-pajjiżi kollha. [Eżek:22:5] Tal-qrib u tal-bogħod jiddieħku bik, belt it-taħwid u isem ħażin. [Eżek:22:6] Ara, il-prinċpijiet ta' Iżrael, sa l-inqas wieħed fik, jagħmel l-almu tiegħu biex ixerred id-demm. [Eżek:22:7] Fik lill-omm u l-missier iżebilħuhom; fik lill-barrani jqarrqu bih; fik lill-iltim u l-armla jgħakksuhom. [Eżek:22:8] Kasbartu l-ħwejjeġ qaddisa tiegħi, u pprofanajtu Sibtijieti. [Eżek:22:9] Hemm fik nies li jikkalunjaw biex jiġri d-demm; nies li jmorru jieklu fuq l-għoljiet, nies li jagħmlu għemil faħxi fik. [Eżek:22:10] Fik jikxfu l-għera tal-missier, u jivvjolaw il-mara mxahhra fl-inġiesa tagħha. [Eżek:22:11] Wieħed jagħmel ħwejjeġ koroh ma' mart għajru, ieħor itabba' 'l mart ibnu b'għemil faħxi, u ieħor jivvjola 'l oħtu, bint missieru. [Eżek:22:12] Fik jieħdu r-rigali biex ixerrdu d-demm. Int ħadt l-imgħax u ż-żejjed, u qlajt minn fuq għajrek bl-ingann, u lili nsejtni, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

[Eżek:22:13] "Arani! Nċapċap idejja għall-qligħ bl-ingann li għamilt u għad-demm li hemm fik. [Eżek:22:14] Se żżomm sħiħ qalbek u se jkunu jifilħu idejk meta nagħmel miegħek il-kontijiet? Jiena, il-Mulej, tkellimt, u hekk nagħmel. [Eżek:22:15] Nkeċċik għal qalb il-ġnus, u nxerrdek mal-pajjiżi, u nneħħilek il-ħmieġ kollu. [Eżek:22:16] Nerġa' nagħmlek tiegħi quddiem għajnejn il-ġnus, u tkun taf li jien il-Mulej."

Il-kastig wasal

[Eżek:22:17] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:22:18] "O bniedem, dar Iżrael saret kollha karfa: ram, stann, ħadid, u ċomb ġo forġa, karfa tal-fidda saru. [Eżek:22:19] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Talli lkoll saru karfa, arani, se niġborhom f'Ġerusalemm; [Eżek:22:20] u bħalma jiġbru l-fidda, ir-ram, il-ħadid, iċ-ċomb u l-istann fil-forġa, jonfħu fuqhom in-nar u jdewwbu kollox, hekk niġborkom fil-qilla u s-saħna tiegħi; nixħetkom hemm u ndewwibkom. [Eżek:22:21] Niġborkom u nonfoħ fuqkom in-nar tas-saħna tiegħi u ndewwibkom f'Ġerusalemm. [Eżek:22:22] Bħalma jdewwbu l-fidda fil-forġa, hekk indewwibkom f'nofsha u tkunu tafu li jien, il-Mulej, żfugajt għadbi fuqkom.' "

Il-kundanna tal-poplu u l-kapijiet

[Eżek:22:23] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:22:24] "O bniedem, għidilha: 'Int art li x-xita ma ħaslithiex u lanqas ixxarrbet f'jum it-tempesta. [Eżek:22:25] Fiha prinċpijietha, bħal iljun jgħajjat u jaħtaf il-priża, jibilgħu n-nies u jaħtfu l-priża, jibilgħu n-nies u jaħtfu l-ġid u l-għana, u ġo fiha jkattru r-romol.

[Eżek:22:26] "Il-qassisin tagħha kisru l-liġi tiegħi, u pprofanaw il-ħwejjeġ qaddisa tiegħi; bejn qaddis u profan m'għażlux, u m'għallmux in-nies jagħżlu bejn dak li hu mniġġes u dak li hu nadif; għalqu għajnejhom għal Sibtijieti, u kont imkasbar f'nofshom.

[Eżek:22:27] "Il-kapijiet f'nofsha bħal ilpup jaħtfu l-priża, ixerrdu d-demm, jeqirdu n-nies, biex jagħmlu l-qligħ diżonest.

[Eżek:22:28] "Il-profeti tagħha jkaħħluhom bil-ħamrija; jaraw ix-xejn, u jħabbrulhom il-gideb u jgħidulhom: 'Dan jgħid Sidi l-Mulej', meta l-Mulej ma jkun tkellem xejn. [Eżek:22:29] Il-poplu tal-pajjiż ħaqruh u serquh, l-imsejken u l-fqir għakksuhom, u l-barrani ħaqruh bla raġun ta' xejn.

[Eżek:22:30] "Fittixt f'nofshom bniedem, kapaċi jsewwi l-ħajt u joqgħod fis-selħa quddiemi u jiddefendi l-pajjiż, ħalli jien ma nagħmlux ħerba. Imma ma sibtx. [Eżek:22:31] Jien niżfoga fuqhom id-dagħdigħa tiegħi; bin-nar tas-saħna tiegħi nġibhom fix-xejn; nixħet fuq rashom il-piż ta' mġibthom, oraklu ta' Sidi l-Mulej!"

23. Iż-żewġt aħwa żienja: Oħola, Samarija, u Oħoliba, Ġerusalemm

[Eżek:23:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:23:2] "O bniedem, kien hemm żewġ nisa mill-istess omm. [Eżek:23:3] It-tnejn f'żgħożithom żnew fl-Eġittu. Hemm kienu jteftfulhom f'sidirhom u jagħfsulhom ħobb xbubithom. [Eżek:23:4] Kien jisimhom: Oħola, il-kbira, u Oħoliba, oħtha. Saru n-nisa tiegħi u wilduli subjien u bniet. Isimhom: Oħola hi Samarija; Oħoliba Ġerusalemm.

Id-dnub ta' Oħola: Samarija

[Eżek:23:5] "U Oħola żniet meta kienet għadha marti, u ntilfet għal wara ħbiebha, l-Assiri, [Eżek:23:6] gwerrieri lebsin il-vjola, gvernaturi, u uffiċjali, kollha żgħażagħ fihom għaxqa, rikkieba jirkbu ż-żwiemel. [Eżek:23:7] U ħliet iż-żína tagħha fuqhom, l-aħjar fost l-Assiri, u ċċappset bl-idoli kollha ta' dawk li ġġennet għal warajhom. [Eżek:23:8] Lanqas m'abbandunat iż-żína tagħha ta' l-Eġittu; hemm l-Eġizzjani kienu jorqdu magħha f'żgħożitha u hemm kienu jagħfsulha ħobb xbubitha u jsawwbu fuqha ż-żína tagħhom.

[Eżek:23:9] "Għalhekk jien erħejtha f'idejn ħbiebha, f'idejn ulied l-Assirja, li ntilfet warajhom. [Eżek:23:10] Dawn, wara li kixfulha għawarha, qabdulha 'l uliedha, il-bniet u s-subjien tagħha, u lilha għaddewha minn xifer ix-xabla. U ġiet f'ilsien in-nisa, u għamlu ħaqq minnha.

Id-dnub ta' Oħoliba: Ġerusalemm

[Eżek:23:11] "Oħtha, Oħoliba, rat dan kollu, imma tbellhet aktar minnha, u ż-żína tagħha għadda ż-żína ta' oħtha. [Eżek:23:12] Iġġennet għal wara ulied l-Assirja; gvernaturi, uffiċjali u gwerrieri lebsin il-vjola. Rikkieba jirkbu ż-żwiemel, kollha żgħażagħ fihom għaxqa. [Eżek:23:13] Jien rajt li hi wkoll tniġġset; it-tnejn qabdu l-istess triq.

[Eżek:23:14] "U kompliet tiżni. Rat imbagħad irġiel imnaqqxin fil-ħajt, xbihat tal-Kaldin maqlugħin bin-nogħra; [Eżek:23:15] ġenbejhom imħażżmin bi ħżiem, bit-turbanti bil-pendenti f'rashom, mad-daqqa t'għajn donnhom kollha uffiċjali, xbihat ta' wlied Babilonja, il-Kaldija, art twelidhom. [Eżek:23:16] U malli għajnejha marru fuqhom xegħlet għalihom; u bagħtet għandhom messaġġiera fil-Kaldija.

[Eżek:23:17] "U wlied Babilonja ġew għandha għal friex l-imħabba u ċappsuha biż-żína tagħhom. Tniġġset magħhom sakemm ma ddardritx minnhom.

[Eżek:23:18] "Meta hi wriet iż-żína tagħha u kixfet għawarha, jien stmellejtha bħalma kont stmellejt lil oħtha. [Eżek:23:19] Imma hi kompliet tkattar iż-żína tagħha, kompliet tiżni fuq li tiżni, meta ftakret fi żmien żgħożitha kemm kienet tiżni fl-art ta' l-Eġittu. [Eżek:23:20] Xegħlet għall-irġiel żienja, li laħamhom laħam il-ħmir, u tixridhom tixrid iż-żwiemel. [Eżek:23:21] Int erġajt lura għall-ħażen ta' żgħożitek meta l-Eġizzjani kienu jteftfulek f'sidrek u jagħfsulek ħobb xbubitek."

Il-kastig ta' Oħoliba: Ġerusalemm

[Eżek:23:22] "Għalhekk, Oħoliba, dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Arani, nxewwex kontrik lil ħbiebek li ġġennu għalik, u issa int stmellejthom, u nġibhom fuqek mill-inħawi ta' madwarek. [Eżek:23:23] Ulied Babilonja u l-Kaldin kollha, Pekod, Sugħa, u Kugħa, u wlied l-Assiri magħhom, żgħażagħ fihom għaxqa, gvernaturi u uffiċjali, gwerriera ta' ħila u msemmija, lkoll rikkieba jirkbu ż-żwiemel. [Eżek:23:24] U jiġu għalik mit-tramuntana bl-armi, karrijiet, vetturi, b'kotra ta' popli bit-tarki, kbar u żgħar, u elmijiet, irossu fuqek minn kull naħa, u jien inħalli l-ħaqq f'idejhom, u jagħmlu ħaqq minnek skond drawwiethom. [Eżek:23:25] U jien niżfoga l-għira tiegħi fuqek. Jittrattawk f'qillthom, iqaċċtulek imnieħrek u widnejk; u dak li jifdal minnek iqattgħuh bix-xabla. Is-subjien u l-bniet tiegħek jeħduhomlok, u dak li jifdal minnek jikkunsmah in-nar. [Eżek:23:26] Ineżżgħuk minn ħwejġek u jeħdulek il-ġawhar sabiħ tiegħek. [Eżek:23:27] Ineħħulek minn fuqek l-għemil faħxi u ż-żína tiegħek fl-art ta' l-Eġittu; ma terfax aktar għajnejk lejhom, u l-Eġittu ma tiftakarx fih aktar.'

[Eżek:23:28] "Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: Arani, se nerħik f'idejn dawk li int tobgħod, dawk li int stmellejt. [Eżek:23:29] U jagħmlu minnek skond il-mibegħda tagħhom, jeħdulek ġidek u jħalluk imneżżgħa għarwiena, u jinkixef għawar iż-żína tiegħek u l-faħx ta' għemilek, [Eżek:23:30] Jagħmlulek dan kollu għax int żnejt mal-ġnus, u ċċappast bl-allat tagħhom. [Eżek:23:31] Triq waħda ma' oħtok qbadt, u għalhekk nagħtik kusha f'idejk."

[Eżek:23:32] Dan jgħid Sidi l-Mulej:

"Kus oħtok tixrob,
kus fond u wiesa',
mimli żufjett u żebliħ
aktar milli jesa'.
[Eżek:23:33] Tintilef fis-sakra u l-għali,
kus mimli tkexkix u twerwir,
il-kus ta' oħtok Samarija.
[Eżek:23:34] U int tixorbu u tqaxqxu,
sax-xaqquf tiegħu tgerrem
u tqatta' sidrek,
għax jien tkellimt, oraklu tal-Mulej."

[Eżek:23:35] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: "Talli inti nsejtni u tfajtni wara dahrek issa jkollok iġġorr il-piż tal-faħx u ż-żína tiegħek."

Il-kastig ta' Oħola u Oħoliba

[Eżek:23:36] Mbagħad il-Mulej qalli: "O bniedem, trid int tagħmel ħaqq minn Oħola u Oħoliba? Mela għarrafhom bi qżiżijiethom. [Eżek:23:37] It-tnejn adulteri u hemm id-demm f'idejhom; waqgħu fl-adulterju ma' allathom, u waslu biex għaddewlhom min-nar lil uliedhom, li wilduli, biex jikluhom. [Eżek:23:38] U dan ukoll għamluli: fl-istess żmien tebbgħuli s-santwarju tiegħi u pprofanaw Sibtijieti. [Eżek:23:39] Dakinhar li kienu joqtlu lil uliedhom lil allathom, kienu jidħlu fit-tempju tiegħi u jżebilħuh; u dan kienu jagħmluh f'dari stess! [Eżek:23:40] U aktar, kienu jibagħtu għall-irġiel ġejjin mill-bogħod; kienu jibagħtulhom messaġġiera, u huma kienu jiġu! Għalihom int kont tinħasel, kont tiżbogħ għajnejk koħol, u tilbes il-ġawhar. [Eżek:23:41] Kont tinxteħet fuq divan lussuż, u fuq mejda rranġata quddiemek poġġejt żejti u l-fwejjaħ tiegħi. [Eżek:23:42] U kien instama' għandha għajat ta' għagħa u ferħ, u ma' l-irġiel mill-bliet kien hemm ukoll is-Sabijin ġejjin mid-deżert. Dawn qiegħdu brazzuletti f'idejn iż-żewġt aħwa, u kuruna sabiħa tlellex fuq rashom. [Eżek:23:43] U jiena għedt: Ah, mara mkissra fl-adulterji! Issa żgur li jiżnu magħha, tkompli tiżni magħhom hi fost kulħadd! [Eżek:23:44] Kienu jidħlu għandha bħalma jidħlu għand mara żienja; hekk kienu jidħlu għand Oħola u għand Oħoliba, it-tnejn nisa faħxija. [Eżek:23:45] Imma l-irġiel sewwa għad jagħmlu ħaqq minnhom, il-ħaqq ta' nisa adulteri, il-ħaqq ta' nisa li xerrdu d-demm, għax huma adulteri t-tnejn u idejhom iċarċru d-demm!"

[Eżek:23:46] Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: "Ħa titla' folla nies għalihom u jabbandunawhom għat-twerwir u s-serq; [Eżek:23:47] ħa jħaġġruhom u jbiċċruhom bix-xwabel tagħhom, joqtlulhom is-subjien u l-bniet tagħhom, u djarhom jagħtuhom in-nar. [Eżek:23:48] U hekk inneħħi l-faħx mill-pajjiż u n-nisa kollha jieħdu t-tagħlima u ma jkomplux bil-ħażen faħxi tagħhom. [Eżek:23:49] Iroddulkom l-għemil faħxi tagħkom u titgħabbew bid-dnub ta' l-idolatrija tagħkom, ħalli tkunu tafu li jien is-Sid, jien il-Mulej!"

24. L-allegorija tal-borma tagħli

[Eżek:24:1] Fid-disa' sena, fl-għaxra ta' l-għaxar xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:

Eżek:24:2] "O bniedem, niżżel l-isem ta' dan il-jum għax sewwasew bħal-lum, f'dan il-jum stess, is-sultan ta' Babilonja ħabat għal Ġerusalemm.

[Eżek:24:3] "Fasslilhom tixbiha lil din ir-razza rashom iebsa, u għidilhom: Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Qiegħed il-borma, qegħedha;
sawwab fiha wkoll l-ilma;
[Eżek:24:4] itfa' fiha bċejjeċ tal-laħam,
l-aħjar bċejjeċ:
il-koxxa u l-ispalla,
imlieha bl-aħjar għadam.
[Eżek:24:5] Ħu mill-aħjar tal-merħla,
ixħet il-ħatab taħtha.
Ħalliha tagħli,
tbaqbaq sakemm jissajjar l-għadam fiha."

[Eżek:24:6] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: "Gwaj għal belt id-dmija, borma msadda b'sadid ma jinqalax. Oħroġhom biċċa biċċa, bla ma titfa' x-xorti għalihom. [Eżek:24:7] Għax id-demm li xerrdet għadu f'nofsha; ħallietu fuq blat għeri; ma sawwbitux fl-art biex tgħattih bit-trab. [Eżek:24:8] Biex tixgħel il-qilla tiegħi, u nkun nista' nitħallas, ħallejtha xxerred demmha fuq il-blat għeri bla ma għattietu."

[Eżek:24:9] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: "Gwaj għal belt id-dmija! Jiena wkoll inżid il-ħatab! [Eżek:24:10] Żid il-ħatab, kebbes in-nar, sajjar sewwa l-laħam, nixxef il-meraq, ħa jinħaraq l-għadam. [Eżek:24:11] Qegħedha mbagħad vojta fuq il-ġamar ħa tisħon, u jinkewa r-ram tagħha, u ddub l-inġiesa fiha, u jintemm is-sadid tagħha.

[Eżek:24:12] "Taħbit li jkiddek! Is-sadid fond tagħha lanqas bin-nar ma jmur.

[Eżek:24:13] "L-inġiesa tiegħek tassew faħxija! Talli jien ridt innaddfek u int ma tnaddaftx mill-inġiesa tiegħek, għalhekk issa ma titnaddaf qatt mill-inġiesa tiegħek sakemm ma nkunx żfugajt fuqek is-saħna tiegħi.

[Eżek:24:14] "Jiena, il-Mulej, tkellimt, u li għedt għad iseħħ, nagħmlu jien. Ma nerġax lura, ma nħennx u ma nagħdirx. Nagħmel ħaqq minnek skond imġibtek u għemilek, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

Il-mewt ta' mart Eżekjel

[Eżek:24:15] Ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:24:16] "O bniedem, arani minnufih se neħodlok l-għaxqa ta' għajnejk; issa int toqgħodx tnewwaħ jew tibki, u xxerridx dmugħ. [Eżek:24:17] Rażżan it-tnehid tiegħek u tagħmilx vistu għall-mejtin. Orbot it-turbant fuq rasek, u xidd il-qorq f'riġlejk; tgħattix ilħitek u tikolx ħobż il-vistu."

[Eżek:24:18] Fil-għodu mort inkellem lill-poplu u fil-għaxija mititli marti. Mbagħad l-għada fil-għodu għamilt kif qalli l-Mulej. [Eżek:24:19] U n-nies qaluli: "Ladarba qiegħed iġġib ruħek hekk, għax ma tgħidilniex xi jfissru dawn il-ħwejjeġ?" [Eżek:24:20] U jien weġibthom: "Il-Mulej kellimni u qalli: 'Għid lil dar Iżrael: [Eżek:24:21] Dan jgħid Sidi l-Mulej: Araw, se nipprofana s-santwarju tiegħi, il-glorja tal-qawwa tagħkom, l-għaxqa ta' għajnejkom, u l-għożża ta' qalbkom; u wliedkom, subjien u bniet, li intom ħallejtu, imutu bix-xabla; [Eżek:24:22] u intom tagħmlu kif għamilt jien; la tgħattu lħitkom u lanqas tieklu ħobż il-vistu, [Eżek:24:23] ikollkom it-turbanti fuq raskom u l-qrieq f'riġlejkom, ma toqogħdux tnewwħu, imma tinfnew fi ħżunitkom u tokorbu bejnietkom. [Eżek:24:24] U Eżekjel ikun għalikom sinjal, għax kull m'għamel hu għad tagħmluh intom ukoll: meta jiġri dan, mbagħad tagħrfu li jien il-Mulej.' "

Il-qerda ta' Ġerusalemm

[Eżek:24:25] "U int, o bniedem, dakinhar li jien neħdilhom il-fortizza tagħhom, il-ferħ u l-glorja tagħhom, l-għaxqa ta' għajnejhom, l-għożża ta' qalbhom, 'l uliedhom, subjien u bniet, [Eżek:24:26] dakinhar jiġik bniedem maħrub biex jagħtik l-aħbar. [Eżek:24:27] Dakinhar jinfetaħ fommok mal-wasla tal-maħrub, u titkellem, u ma tibqax aktar imbikkem, u tkun għalihom sinjal, u jkunu jafu li jien il-Mulej."

25. L-orakli kontra l-ġnus pagani: oraklu kontra Għammon

[Eżek:25:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:25:2] "O bniedem, dawwar wiċċek lejn Għammon, u ħabbar kontriehom: [Eżek:25:3] Għid lil ulied Għammon: Isimgħu l-kelma ta' Sidi l-Mulej: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Talli int għajjatt ferħan: Ah! Ah! meta tkasbar is-santwarju tiegħi, meta tħarbat il-pajjiż ta' Iżrael, meta dar Ġuda marru fl-eżilju, arani, [Eżek:25:4] għal dan kollu, se nerħik f'idejn in-nies tal-lvant. Itellgħu fik il-kampijiet tagħhom, iwaqqfu l-għerejjex tagħhom, jieklu l-frott tiegħek, u jixorbu ħalibek. [Eżek:25:5] Nagħmel minn Rabba mergħa għall-iġmla, mill-irħula ta' l-Għammonin mandra għall-imrieħel, u tkunu tafu li jien il-Mulej.

[Eżek:25:6] "Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: Talli int ċapċapt idejk u ħabbatt saqajk u fraħt mill-ħdura ta' qalbek għax-xorti ta' art Iżrael, [Eżek:25:7] arani, se nmidd idi għal fuqek u nagħmlek priża għall-ġnus u naqilgħek minn fost il-popli; u neqirdek minn fost il-pajjiżi u nagħmel minnek ħerba, ħalli tkun taf li jien il-Mulej.

Oraklu kontra Mowab

[Eżek:25:8] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Talli Mowab u Xegħir qalu: 'Araw, id-dar ta' Ġuda bħall-bqija tal-ġnus,' arani, għalhekk, [Eżek:25:9] se niftaħ in-naħa muntanjuża ta' Mowab u nġarraf blietha minn tarf għal ieħor, il-ġmiel ta' artu: Bet-ġesimot, Bagħal-megħon, Kirjatajm. [Eżek:25:10] Nerħiha f'idejn in-nies tal-lvant, bħalma rħejt lil ulied Għammon, ħalli ma tissemmiex aktar fost il-ġnus. [Eżek:25:11] Hekk nagħmel ħaqq minn Mowab, u jkunu jafu li jien il-Mulej.

Oraklu kontra Edom

[Eżek:25:12] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Talli għamel Edom u vvendika ruħu minn dar Ġuda, u saru ħatja talli tħallsu b'idejhom minnhom, [Eżek:25:13] għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: nmidd idi fuq Edom u neqridlu n-nies u l-bhejjem u nagħmel minnu ħerba; minn Teman sa Dedan, jaqgħu taħt ix-xabla. [Eżek:25:14] Permezz tal-poplu tiegħi Iżrael nitħallas minn Edom u jagħmlu minn Edom skond għadbi u s-saħna tiegħi. Ikunu jafu li l-vendetta tiegħi, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

Oraklu kontra l-Filistin

[Eżek:25:15] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Talli għamlu l-Filistin u vvendikaw ruħhom skond il-ħdura ta' qalbhom, biex jeqirduhom minħabba l-mibegħda minn żmien il-qedem, [Eżek:25:16] għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: Arani, se nmidd idi fuq il-Filistin, u neqred il-Keretin, u nġib fix-xejn il-bqija li joqogħdu f'xatt il-baħar. [Eżek:25:17] Nivvendika ruħi minnhom bil-kbir u nikkastigahom bl-aħrax, u meta nitħallas minnhom ikunu jafu li jien il-Mulej."

26. Oraklu kontra l-Feniċi
[Eżek:26:1] Fil-ħdax-il sena, fl-ewwel tax-xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:

[Eżek:26:2] "O bniedem, talli Tir qalet għal
Ġerusalemm:
'Ah! Ah! Tfarrak il-bieb tal-fortizza,
għal għandi jdur il-ġid tal-belt imħarbta,'
[Eżek:26:3] għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
Arani, kontrik ja Tir:
ntella' għalik kotra ta' popli
bħalma l-baħar itella' l-mewġ.
[Eżek:26:4] U jġarrfu s-swar ta' Tir,
u jħottu t-torrijiet tagħha.
Niknes minnha t-terrapien tagħha,
u nagħmilha blata għerja.
[Eżek:26:5] Tkun mifrex għax-xbiek f'nofs ta' baħar,
għax jien tkellimt,
oraklu ta' Sidi l-Mulej.
Tkun priża għall-ġnus;
[Eżek:26:6] u bnietha fir-raba' jgħadduhomlha minn
xifer ix-xabla,
u jkun jafu li jien il-Mulej."
[Eżek:26:7] Għax dan jgħid Sidi l-Mulej:
"Arani, se nġib mit-tramuntana għal Tir
il Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja,
Sultan fuq is-slaten, biż-żwiemel u l-karrijiet,
bil-kavallerija u l-eżerċtu,
u b'qatgħa ta' poplu kbira.
[Eżek:26:8] Bnietek fir-raba' jgħaddihomlok minn
xifer ix-xabla.
Jibnilek ħajt madwarek,
u jtella' kontrik rampa,
u jgħolli saqaf ta' tarki għal fuqek.
[Eżek:26:9] U jdawwar id-daqqiet tal-magni tiegħu
għal fuq swarek
u jġarraflek il-fortizza bl-imnanar tiegħu.
[Eżek:26:10] Tgħattik l-għabra tal-kotra taż-żwiemel
tiegħu;
bil-ħsejjes tal-kavallerija,
tar-roti u l-karrijiet;
jitriegħdu swarek,
meta huwa jidħol minn bwiebek,
bħal wieħed dieħel f'belt b'ħitanha mċarrta.

[Eżek:26:11] Bi dwiefer iż-żwiemel jgħaddi,
jikkalpestalek triqatek;
lil niesek jgħaddihomlok minn xifer ix-xabla,
u l-kolonni qawwija tiegħek
iwittilek ma' l-art.
[Eżek:26:12] Ġidek jagħmluh priża,
u l-merkanzija jisirquhielek;
iġarrfulek ħitanek,
u jeqirdulek id-djar sbieħ tiegħek,
il-ġebel tiegħek, l-injam u t-trab tiegħek,
iwaddbuhomlok f'nofs ta' baħar.
[Eżek:26:13] Nsikket l-għagħa ta' l-għana tiegħek;
u d-daqq ta' l-arpi tiegħek ma jinstemax aktar.
[Eżek:26:14] Nagħmel minnek blata għerja;
tkun mifrex għax-xbiek.
Ma tinbena qatt iżjed,
għax jien, il-Mulej, tkellimt,"
oraklu ta' Sidi l-Mulej.

Lamentazzjoni fuq il-prinċpijiet tal-baħar

[Eżek:26:15] Dan jgħid Sidi l-Mulej lil Tir: "Kif għad jitriegħdu l-gżejjer mal-ħoss ta' waqagħtek, meta l-midruba jgħajjtu, meta ssir l-istraġi f'nofsok! [Eżek:26:16] Il-prinċpijiet tal-baħar kollha għad jinżlu mit-tron tagħhom, ineħħu l-imnatar u l-ilbies tal-brukkat tagħhom. Jilbsu l-vistu, jinżlu bilqiegħda fl-art, jitkexkxu l-ħin kollu u jibqgħu skantati bik.

[Eżek:26:17] "Mbagħad jgħannu għanja ta' biki għalik u jgħidulek:

'Kif ġejt fix-xejn int, għebt mill-baħar!
Il-belt famuża,
l-aqwa fuq l-ibħra,
hi u n-nies tagħha,
li kienu jbeżżgħu n-nies kollha,
li jgħammru mal-baħar.
[Eżek:26:18] Issa jitriegħdu l-gżejjer
f'jiem il-waqgħa tiegħek;
jitbellhu l-gżejjer fil-baħar
bl-għejbien tiegħek.' "

[Eżek:26:19] Għax dan jgħid Sidi l-Mulej:

[Eżek:26:20] mbagħad inniżżlek fil-qabar ħdejn dawk li diġŕ niżlu qablek għand poplu ta' żmien ilu. Nġagħlek tgħammar f'qiegħ l-art, fost il-ħerbiet ta' darba, ma' oħrajn li diġŕ niżlu fil-qabar, biex qatt iżjed ma jgħammru fik, u int ma terġax lura f'art il-ħajjin. [Eżek:26:21] Jien nagħmel waħx minnek, ifittxuk u ma jsibuk qatt iżjed," oraklu ta' Sidi l-Mulej.

27. L-allegorija tal-ġifen: Tir

[Eżek:27:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:27:2] "Inti, o bniedem, għanni għanja ta' biki għal Tir.
[Eżek:27:3] Għid lil Tir, sultana fuq dħul il-baħar,
neguzjanta tal-popli f'ħafna gżejjer,
dan jgħid Sidi l-Mulej;
Tir, int għedt:
'Jiena ġifen ta' ġmiel bla qjies!'
[Eżek:27:4] F'nofs l-ibħra trufijietek,
il-bennejja tiegħek fawwruk bi ġmielek;
[Eżek:27:5] biċ-ċipress minn Xenir ħadmulek
it-tavlar.
Miċ-ċedru tal-Libanu ħadu
biex jagħmlulek l-arblu.
[Eżek:27:6] Mill-ballut ta' Basan
għamlulek l-imqadef.
Il-gverta għamluhielek miċ-ċipress
mill-gżejjer tal-Kittin,
intarsjata bl-avorju.
[Eżek:27:7] Għażel irrakkmat mill-Eġittu
kien il-qlugħ tiegħek,
u kien iservi ta' bandiera;
porpra u skarlatt minn xtut Elisa
kienet it-tinda tiegħek.
[Eżek:27:8] Ta' Sidon u ta' Arwad
kienu l-qaddiefa tiegħek;
u l-bdoti tiegħek nies imħarrġa minn Semer.
[Eżek:27:9] Ix-xjuħ ta' Gebal u n-nies imħarrġa
tagħha
kienu l-qlafat ta' xquqek.

Il-kummerċ tal-Feniċi
"Iġ-ġfien kollha tal-baħar u l-baħħara kienu jiġu għandek iparttu l-merkanzija tiegħek. [Eżek:27:10] Paras, Lud u Put kienu fl-eżerċtu tiegħek, nies gwerriera; it-tarka u l-elmu dendlu miegħek, u komplew żidulek ġmielek.

[Eżek:27:11] "In-nies ta' Arwad u ta' Ħalek kienu fuq id-dawra tas-swar tiegħek, u l-Gammedin fuq it-torrijiet; u tarkiethom dendluhom ma' swarek dawramejt, u komplew żidulek ġmiel fuq ġmiel.

[Eżek:27:12] "Tarsis kienet tinnegozja miegħek, minħabba l-ġid kbir li kellek; kienu jpartu l-fidda, il-ħadid, il-landa, u ċ-ċomb mal-merkanzija tiegħek.

[Eżek:27:13] "Kienu jinneguzjaw miegħek Ġawan, Tubal u Mesek: kienu jpartu l-ilsiera u l-ħwejjeġ tal-bronż mal-merkanzija tiegħek.

[Eżek:27:14] "In-nies ta' Bet-togarma kienu jpartu żwiemel tat-tagħbija, żwiemel tal-ġiri, u bgħula mal-merkanzija tiegħek.

[Eżek:27:15] "Kienu jinneguzjaw miegħek in-nies ta' Dedan. Ħafna gżejjer il-kummerċ tagħhom kien f'idejk, u kienu jħallsuk bl-injieb ta' l-avorju u l-ebbanu.

[Eżek:27:16] "Kien jinnegozja miegħek Edom minħabba l-ħafna xogħlijiet tiegħek; kienu jpartu miegħek il-karbunklu, il-porpra, il-brukkat, l-għażel fin, il-qroll u r-rubini mal-merkanzija tiegħek.

[Eżek:27:17] "Ġuda u art Iżrael, huma wkoll kienu jinneguzjaw miegħek il-qamħ ta' Minnit, tin, għasel, żejt, u balzmu.

[Eżek:27:18] "Damasku wkoll kien jinnegozja miegħek minħabba l-ħafna xogħlijiet tiegħek u l-ġid kbir li kellek. Kienu jħallsuk bl-inbid ta' Ħelbon u s-suf ta' Saħar. [Eżek:27:19] U Ġawan kienu jpartu l-inbid minn Użal mal-merkanzija tiegħek; ħadid fondut, kassja u qasab tal-fwieħa kienu jpartu miegħek.

[Eżek:27:20] "Dedan kien ukoll jinnegozja s-sruġ għar-rkib.

[Eżek:27:21] "L-Għarab u l-prinċpijiet ta' Kedar huma wkoll kienu n-neguzjanti tiegħek; kienu jinneguzjaw miegħek il-ħrief, l-imtaten u l-bdabad.

[Eżek:27:22] "Il-merkanti ta' Saba u Ragħma, huma wkoll kienu jinneguzjaw miegħek, u kienu jpartu mal-merkanzija tiegħek kull xorta ta' ħwawar mill-aħjar u ħaġar prezzjuż u deheb.

[Eżek:27:23] "Ħaran, Kanni u Għeden, in-neguzjanti ta' Saba, Assur, u Kilmad kienu wkoll jinneguzjaw miegħek; [Eżek:27:24] kienu jpartu fis-swieq tiegħek ilbies sabiħ, mnatar tal-propra, brukkat, twapet minsuġin b'kuluri mżewwqa, u ħbula mibrumin sewwa u b'saħħithom.

[Eżek:27:25] "U ġ-ġfien ta' Tarsis kienu jġorrulek il-merkanzija. U hekk stagħnejt u ssebbaħt ħafna f'nofs ta' baħar.

Il-qerda ta' Tir

[Eżek:27:26] "Il-qaddiefa tiegħek ħarġuk f'nofs l-ibħra bejn sema u ilma, imma l-irjieħ tal-lvant kissruk f'nofs ta' baħar.

[Eżek:27:27] "Ġidek, it-tagħbija tiegħek, il-merkanzija, il-baħrin, il-bdoti, il-qlafat ta' xquqek, in-neguzjanti ta' ġidek, il-gwerriera tiegħek, li hemm għandek, u l-poplu tiegħek kollu jegħrqu f'qiegħ il-baħar f'jum il-ħerba tiegħek.

[Eżek:27:28] "Mal-ħoss ta' l-għajat tal-bdoti tiegħek,
tirtogħod ix-xtajta.
[Eżek:27:29] U jinżlu minn fuq ġfienhom,
kull min jaqbad il-moqdief,
u jinżlu l-art il-baħrin u l-bdoti kollha.
[Eżek:27:30] U jsemmgħu leħenhom minħabba fik,
u jgħajjtu bl-imrar f'qalbhom.
Jixħtu t-trab fuq rashom,
u jitmiegħku fl-irmied.
[Eżek:27:31] Iqaxxru rashom minħabba fik,
u jxiddu l-ixkejjer;
jibkuk bl-imrar f'qalbhom,
u b'sogħba ta' swied il-qalb.
[Eżek:27:32] U jgħannulek lamentazzjoni, inewwħu
għalik
u jgħidu: 'Min kien bħal Tir,
meqruda f'nofs ta' baħar?'
[Eżek:27:33] Meta l-merkanzija tiegħek
kienet toħroġ mill-ibħra,
kont ixxabba' l-ħafna popli bil-ġid kbir tiegħek;
bil-merkanzija tiegħek kont tagħni
s-slaten ta' l-art.
[Eżek:27:34] Issa kissrek il-baħar,
u tinsab f'qiegħ l-ibħra;
il-merkanzija tiegħek u l-ekwipaġġi
kollha għerqu miegħek.
[Eżek:27:35] In-nies li jgħammru fil-gżejjer bliehu
minħabba fik;
u s-slaten tagħhom tkexkxu,
u nxtorob wiċċhom.
[Eżek:27:36] In-neguzjanti fost il-popli bdew
isaffrulek.
Sirt il-waħx tad-dinja,
spiċċajt għal dejjem!"

28. Is-suppervja ta' Tir u l-qerda tagħha

[Eżek:28:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
[Eżek:28:2] "O bniedem, għid lill-prinċep ta' Tir:

Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Int tkabbart f'qalbek u għedt:
'Jien alla!
Jien qiegħed fuq tron l-allat,
f'nofs l-ibħra,'
meta m'intix ħlief bniedem, u mhux alla;
u ħsibt li għerfek hu għerf l-allat.
[Eżek:28:3] Arak! int egħref minn Danjel,
ebda moħba m'hi mistura għalik:
[Eżek:28:4] b'għerfek u b'dehnek int stagħnejt,
ħżint deheb u fidda fit-teżori tiegħek.
[Eżek:28:5] Bl-għerf kbir tiegħek u bil-kummerċ
tiegħek
kattart ġidek,
u qalbek tkabbret b'dan il-ġid.

[Eżek:28:6] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:

Talli ħsibt li għerfek hu għerf l-allat,
[Eżek:28:7] arani, se nġib fuqek il-barranin,
l-aktar nies ħorox fost il-popli,
jisiltu x-xwabel tagħhom
kontra ġmiel għerfek,
u jżebilħulek sebħek.
[Eżek:28:8] Iniżżluk fil-ħofra,
u tmut il-mewta iebsa
tal-midrubin f'nofs ta' baħar.
[Eżek:28:9] Tibqa' tgħid imbagħad: 'Jien alla,'
quddiem il-qattiela tiegħek,
meta m'intix ħlief bniedem, u mhux alla,
f'idejn dawk li jidorbuk?
[Eżek:28:10] Int tmut il-mewt ta' nies bla ħtin,
f'idejn il-barranin
Għax jien tkellimt."
Oraklu ta' Sidi l-Mulej.

Il-prinċep ta' Tir

[Eżek:28:11] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:
[Eżek:28:12] "O bniedem, għanni lamentazzjoni għas-
sultan ta' Tir u għidlu:

Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Int mibni kollok perfett,
mimli għerf u kollok ġmiel.
[Eżek:28:13] Fl-Għeden, il-ġnien ta' Alla,
kont imdawwar b'kull xorta ta' ħaġar prezzjuż,
sardju, topazju, djamant, krisoltu,
oniċi, djaspru, żaffir, rubin, żmerald.
Tad-deheb kienu l-ġlieġel tiegħek,
u l-ġawhar li kellek fuqek,
f'jum ħolqienek għamluhomlok.
[Eżek:28:14] Lilek mal-kerubin bi ġwenħajh miftuħa,
jien għamiltek għassies.
Int kont fuq il-muntanja mqaddsa ta' Alla,
u kont timxi f'nofs il-ħaġar tan-nar.
[Eżek:28:15] Bla ħtija kont f'mixjietek sa minn
ħolqienek,
sakemm ma nkixifx qerqek.

[Eżek:28:16] Bil-kobor tan-negozju tiegħek
imtlejt bl-inġustizzja u dnibt,
u jien warrabtek mill-muntanja ta' Alla,
u l-kerubin għassies ħarġek
minn qalb il-ġamar tan-nar.
[Eżek:28:17] Qalbek tkabbret bi ġmielek;
ħassart għerfek bi tlellixek.
Jien sabbattek ma' l-art,
minħabba d-delitti tiegħek,
perriċtek quddiem is-slaten
biex jitpaxxew bik.

[Eżek:28:18] Bil-kotra tal-ħażen tiegħek,
bil-qerq tan-negozju tiegħek,
int żeblaħt is-santwarji tiegħek.
Għalhekk jien ħriġt nar minn ġo nofsok,
u belgħek u għamlek irmied fuq l-art,
quddiem in-nies iħarsu lejk.
[Eżek:28:19] Kull min kien jafek minn fost il-popli
baqa' skantat bik:
int sirt waħx, u ma terġa' tqum qatt iżjed."

Oraklu kontra Sidon

[Eżek:28:20] Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
[Eżek:28:21] "O bniedem, dawwar wiċċek lejn
Sidon u ħabbrilha [Eżek:28:22] u għidilha:


Dan jgħid Sidi l-Mulej:

'Arani, jien kontrik, Sidon,
għad nissebbaħ ġo nofsok,'
u jkunu jafu li jien il-Mulej,
meta nagħmel ħaqq minnha
u nuri qdusiti fiha.
[Eżek:28:23] Nibagħtilha fiha l-pesta;
u d-demm jiġri fi triqatha;
il-midrubin jaqgħu f'nofsha,
bix-xabla li taqa' fuqha minn kull naħa
u jkunu jafu li jien il-Mulej."

Ir-restawrazzjoni ta' Iżrael

[Eżek:28:24] "Ma jkunx hemm aktar għal Iżrael, la xewk li jniggeż u anqas għollieq li jwaġġa', minn fost il-ġirien li kienu jobogħduhom, u jkunu jafu li jien is-Sid, il-Mulej."

[Eżek:28:25] Dan jgħid Sidi l-Mulej: "Meta niġbor id-dar ta' Iżrael minn qalb il-popli li fosthom xerridthom, jien nuri qdusiti fihom taħt għajnejn il-ġnus, u jgħammru fl-art li jien tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb. [Eżek:28:26] U jgħammru fiha b'moħħhom mistrieħ u jibnu d-djar, ixettlu d-dwieli, u jgħammru b'moħħhom mistrieħ meta nkun għamilt ħaqq minn għedewwiethom ta' madwarhom li kienu jistmerruhom u jkunu jaf li jien il-Mulej Alla tagħhom."

29. Oraklu kontra l-Eġittu

[Eżek:29:1] Fl-għaxar sena, fit-tnax ta' l-għaxar xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:29:2] "O bniedem, dawwar wiċċek lejn il-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, u ħabbar kontrieh u kontra l-Eġittu kollu. [Eżek:29:3] Tkellem u għid:

Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Arani kontrik, ja Fargħun,
sultan ta' l-Eġittu,
il-kukkudrill il-kbir
imxaħxaħ f'nofs in-Nil,
li qal: 'Tiegħi n-Nil.
Jien għamiltu.'
[Eżek:29:4] Ndaħħallek il-foxxni fi xdieqek,
u nqabbadlek il-ħut tan-Nil ma' qxurek;
ntellgħek min-Nil tiegħek,
u l-ħut kollu tan-Nil,
mqabbad ma' qxurek.
[Eżek:29:5] U nwaddbek fid-deżert,
lilek u l-ħut kollu tan-Nil tiegħek;
fuq wiċċ ir-raba' taqa',
ma jiġbrukx u ma jidfnukx.
Imma nħallik mitluq biex jikluk
il-bhejjem ta' l-art,
u l-għasafar tas-sema.
[Eżek:29:6] U jkun jaf kull min jgħammar fl-Eġittu
li jien il-Mulej,
għax int kont appoġġ tal-qasab
għad-dar ta' Iżrael.
[Eżek:29:7] U meta qabduk f'idhom,
int inqsamt u ċarrattilhom ilkoll idejhom;
u meta strieħu fuqek inksirt,
u fekkiktilhom ilkoll ġenbejhom.

[Eżek:29:8] "Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: 'Arani, se nġib fuqek ix-xabla u nqaċċat minnek nies u bhejjem. [Eżek:29:9] U ssir l-art ta' l-Eġittu ħerba u xagħra, u jkunu jafu li jien il-Mulej, għax int għedt: 'Tiegħi n-Nil, u jien għamiltu.' "

[Eżek:29:10] ''Għalhekk arani kontrik u n-Nil tiegħek, u nagħmel xagħra mill-art ta' l-Eġittu, minn Migdol sa Suweni u sal-fruntieri ta' Kus. [Eżek:29:11] U ebda riġel ta' bniedem ma jirfes fih u ebda riġel ta' bhima ma jgħaddi minnu; u għal erbgħin sena ma jgħammar ħadd fih.

[Eżek:29:12] "Nagħmel mill-Eġittu art xagħrija f'nofs artijiet xagħrija oħra, u blietha għal erbgħin sena jkunu ħerbiet f'nofs bliet oħra mħarbta: nxerred l-Eġizzjani f'nofs il-ġnus u nferrixhom ma' l-artijiet.

[Eżek:29:13] Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: "Fi tmiem l-erbgħin sena jien niġbor l-Eġizzjani minn fost il-ġnus li fihom kienu mxerrda. [Eżek:29:14] U nbiddlilhom xortihom, u nerġa' nġibhom fl-art ta' Patros, fl-art fejn tnisslu, u hemm ikunu saltna ċkejkna. [Eżek:29:15] Tkun l-iċken fost is-saltniet, u ma togħliex aktar fuq is-saltniet l-oħra; nċekkinhom biex ma jogħlewx aktar fuq il-ġnus. [Eżek:29:16] U ma jkunux aktar it-tama ta' dar Iżrael, imma tifkira ta' ħżunithom, ta' meta kienu jduru għal għandhom.

'U hekk ikunu jafu li jien il-Mulej. ' "

[Eżek:29:17] Fis-sena sebgħa u għoxrin, fl-ewwel ta' l-ewwel xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:29:18] "O bniedem, Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, ħaddem bis-sħiħ l-eżerċtu tiegħu u għabbiehom b'xogħol iebes kontra Tir; kull ras tfartset, kull spalla saret ġerħa waħda, u b'danakollu ma ħadu xejn minn Tir, u la hu u lanqas l-eżerċtu tiegħu, għat-taħbit li tħabtu għalih.

[Eżek:29:19] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: "Arani, se nagħti lil Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, l-art ta' l-Eġittu u jeħodlu l-ġid tiegħu, ineżżgħu u jagħmel priża minn ħwejġu, u b'hekk iħallas l-eżerċtu tiegħu. [Eżek:29:20] Għat-taħbit li tħabat kontra Tir nagħtih l-art ta' l-Eġittu, għax kull ma għamlu, għamluh lili," oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:29:21] "Dakinhar innibbet qarn, bniedem qawwi, għal dar Iżrael, u lilek niftaħlek fommok f'nofshom, u jkunu jafu li jien il-Mulej."

30. Tmiem l-Eġittu fil-qrib

[Eżek:30:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
[Eżek:30:2] "O bniedem, ħabbar u għidilhom:

Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Ibku! Jaħasra għal dakinhar!
[Eżek:30:3] Qorob il-Jum, qorob Jum il-Mulej!
Jum imsaħħab ikun waqt il-ġnus!
[Eżek:30:4] Tasal ix-xabla fuq l-Eġittu,
u jkun hemm swied il-qalb f'Kus,
meta jaqgħu l-maqtulin fl-Eġittu.
Jeħdulhom ġidhom, u jiġġarrfu sisienhom.
[Eżek:30:5] Kus, u Put, u Lud, u l-Għarabja kollha, u Kub u n-nies tal-pajjiż imsieħeb miegħu jaqgħu taħt ix-xabla.

[Eżek:30:6] Dan jgħid il-Mulej;

Jaqgħu dawk li għenu lill-Eġittu,
u l-kburija ta' qawwietu titniżżel;
minn Migdol sa Suweni
bix-xabla għad jaqgħu fih,
oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:30:7] "'Tkun art xagħrija f'nofs artijiet xagħrija, u blietu jkunu ħerba f'nofs bliet imħarbta.

[Eżek:30:8] "U jkunu jafu li jien il-Mulej, meta jien inkebbes nar fl-Eġittu u jitfarrku dawk kollha li jgħinuh.

[Eżek:30:9] "Dakinhar joħorġu u jitilqu minn għandi messaġġiera ħfief biex ibeżżgħu lil Kus bla ħsieb; u dawn jaqbadhom biża' kbir f'jum l-Eġittu, għax tassew ikun wasal."

[Eżek:30:10] Dan jgħid Sidi l-Mulej:

"Jien intemm il-ġid ta’ l-Eġittu permezz ta’ Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja. [Eżek:30:11] Hu u l-poplu tiegħu, l-iktar b'saħħtu fost il-ġnus, jinġiebu biex iħarbtu l-art, u jisiltu x-xwabel kontra l-Eġittu u l-pajjiż jimlewh bil-maqtulin. [Eżek:30:12] Mix-xmajjar nagħmel art niexfa u nbigħ il-pajjiż lin-nies qalila, nħarbat il-pajjiż b'kull ma fih permezz tal-barranin. Jiena, il-Mulej, tkellimt."

[Eżek:30:13] Dan jgħid Sidi l-Mulej: "Jien inġib fix-xejn l-allat, neqred il-kbarat minn Nof u l-prinċpijiet mill-art ta' l-Eġittu; u ma jkunx hemm aktar minnhom. Nqajjem il-biża' fl-art ta' l-Eġittu. [Eżek:30:14] Neqred il-Patros, Sogħan nagħtiha n-nar, u nagħmel ħaqq minn No. [Eżek:30:15] Nsawwab għadbi fuq Sin, fortizza ta' l-Eġittu, u neqred il-kotra ta' No. [Eżek:30:16] Nqabbad in-nar fl-Eġittu, Sin titkagħweġ bl-uġigħ, u No jinfdulha ħitanha, u Nof jegħlibha f'jum wieħed. [Eżek:30:17] Iż-żgħażagħ ta' On u ta' Pibeset jaqgħu taħt ix-xabla, u l-ibliet stess imorru fil-jasar. [Eżek:30:18] F'Teħafneħes jidlam binhar meta jien inkisser hemm il-madmad ta' l-Eġittu, u tispiċċalu l-kburija ta' qawwietu; tgħattih sħaba, u wliedu l-bniet imorru fl-eżilju. [Eżek:30:19] U nagħmel ħaqq mill-Eġittu, u jkunu jafu li jien il-Mulej."

Il-qerda tal-Fargħun

[Eżek:30:20] U ġara li fis-sena ħdax, fl-ewwel xahar, fis-sebgħa tax-xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:

[Eżek:30:21] "O bniedem, il-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, kissirtlu driegħu, u, ara, m'hux infaxxat: ma dewwewhx, ma rabtuhx bil-faxex, biex jieħu saħħtu u jaqbad ix-xabla."

[Eżek:30:22] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:

"Arani għal wara l-Fargħun, sultan ta’ l-Eġittu, u jien inkissirlu dirgħajh it-tnejn, id-driegħ is-sħiħ u d-driegħ il-miksur, u nwaqqagħlu x-xabla minn idu. [Eżek:30:23] U nxerred l-Eġizzjani fost il-ġnus, u nferrixhom fl-artijiet.

[Eżek:30:24] "Nsaħħaħ dirgħajn is-sultan ta' Babilonja u nagħtih ix-xabla tiegħu f'idu u nkisser dirgħajn il-Fargħun u dan jaqa' midrub u jokrob quddiemu. [Eżek:30:25] Jien insaħħaħ dirgħajn is-sultan ta' Babilonja, u dirgħajn il-Fargħun jintelqu. Ħa jkunu jafu li jien il-Mulej, meta nagħti x-xabla tiegħi f'id is-sultan ta' Babilonja, u jvenvinha fuq l-art ta' l-Eġittu.

[Eżek:30:26] "U jien inxerred l-Eġizzjani fost il-ġnus, u nferrixhom fl-artijiet kollha, u jkunu jafu li jien il-Mulej."

31. L-allegorija taċ-ċedru tal-Libanu

[Eżek:31:1] Ġara li fis-sena ħdax, fl-ewwel tat-tielet xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:31:2] "O bniedem, għid lill-Fargħun, is-sultan ta' l-Eġittu, u l-kotra ta' niesu: Lil min tixbah int bi kburitek?

[Eżek:31:3] 'Ara, l-Assirja, bħaċ-ċedru tal-Libanu,
bil-friegħi sbieħ, u b'dell mifrux,
wieqaf fil-għoli
u sa bejn is-sħab
tlaħħaq il-quċċata tiegħu.
[Eżek:31:4] L-ilma kabbru,
u rawwmuh l-ilmijiet tal-qiegħ,
li ġrew fl-imġieri tagħhom fejn kien miżrugħ,
u medd is-swieqi tiegħu
lejn is-siġar kollha tar-raba'.
[Eżek:31:5] Għalhekk kiber u għola
'l fuq minn kull siġra tar-raba',
u kotru r-rimjiet tiegħu,
u nfirxu l-friegħi tiegħu,
minħabba l-gliegel ta' l-ilma,
meta kien qed jikber.
[Eżek:31:6] Fi frigħetu bejjtu
t-tjur kollha ta' l-ajru,
u taħt il-friegħi tiegħu
wildu l-bhejjem tar-raba',
u taħt dellu għammret
kotra ta' nies minn kull ġens.
[Eżek:31:7] Kiber u sbieħ
fil-medda tal-friegħi tiegħu,
għax kienu għeruqu
mxenxla fl-ilma kotran.
[Eżek:31:8] Ma kien hemm ebda ċedru bħalu
fi ġnien Alla;
ebda ċipress ma kien ilaħħaq
miegħu fi frigħetu;
ebda siġra tal-platanu
ma kienet daqsu fi frigħetha;
ebda siġra fi ġnien Alla
ma kienet tlaħħaq miegħu fi ġmielha.
[Eżek:31:9] Jien sebbaħtu bil-kotra ta' frigħetu,
u għeru għalih is-siġar kollha ta' l-Għeden,
li kienu fi ġnien Alla.

Il-waqgħa ta' l-Eġittu

[Eżek:31:10] "Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
'Talli għola f'tulu, u rafa' rasu sa ġos-sħab,
u talli qalbu tkabbret bl-għoli tiegħu,
[Eżek:31:11] jiena rħejtu f'idejn l-aqwa fost il-ġnus
ħalli jagħmillu skond ħżunitu.
[Eżek:31:12] Qaċċtuh il-barranin, popli mill-eħrex
fost il-ġnus,
u waddbuh fuq l-għoljiet, u frigħetu twaqqgħu
mal-widien kollha,
u ż-żraġen tiegħu tkissru fil-ħniedaq kollha ta' l-art,
u ħarbu l-ġnus kollha minn taħt dellu u telquh.
[Eżek:31:13] Fuq il-ħerba tiegħu tistrieħ
kull tajra ta' l-ajru,
fuq frigħetu toqgħod
kull bhima tar-raba',
[Eżek:31:14] biex ma tikber ebda siġra ħdejn l-ilma,
u togħla u terfa' rasha fis-sħab,
u ebda xitla ħdejn l-ilma ma togħla daqshom,
għaliex kollha mitluqin għall-mewt għal taħt l-art,
f'nofs il-bnedmin, fost dawk li jinżlu fil-ħofra.' "

[Eżek:31:15] "Dan jgħid Sidi l-Mulej:

'Fil-jum li fih niżel ix-Xeol, ġagħalt l-Abbiss jitbekka għalih; żammejt ix-xmajjar tiegħu u ntemmu l-gliegel ta’ l-ilma; minħabba fih libbistu bil-vistu l-Libanu u dbielu s-siġar kollha tar-raba’ minħabba fih. [Eżek:31:16] Triegħxu l-ġnus mal-waqgħa tiegħu, meta niżżiltu Art l-Imwiet, ma' dawk li niżlu fil-qabar. Tfarrġu fid-dinja ta' taħt is-siġar kollha ta' l-Għeden, l-aħjar u l-isbaħ siġar tal-Libanu, msoqqija bl-ilma. [Eżek:31:17] U wkoll dawk li kellu miegħu niżlu Art l-Imwiet fost il-maqtulin bix-xabla; u dawk li kienu jgħinuh u jgħammru taħt dellu f'nofs il-ġnus jinqerdu miegħu.

[Eżek:31:18] 'Lil min tixbah fi ġmielek u l-kobor tiegħek fost is-siġar ta' l-Għeden? Imma int titniżżel f'qiegħ l-art mas-siġar ta' l-Għeden, u f'nofs in-nies bla ħtin timtedd flimkien mal-meqrudin bix-xabla.'

'Dan hu l-Fargħun u l-kotra ta’ niesu, ' "
Oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

32. Lamentazzjoni għall-waqgħa tal-Fargħun

[Eżek:32:1] U ġara li fis-sena tnax, fl-ewwel tat-tnax-il xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:

[Eżek:32:2] "O bniedem, għanni lamentazzjoni
għall-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, u għidlu:

Int tistħajjlek iljun fost il-ġnus,
imma int bħall-kukkudrill fl-ibħra,
u terfa' rasek minn ġox-xmajjar,
u tħawwad l-ilma b'riġlejk,
u ddardar ix-xmajjar tiegħek.

[Eżek:32:3] Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Jien nifrex fuqek ix-xbiek tiegħi,
b'kotra kbira ta' ġnus,
u jtellgħuk bi xbieki.
[Eżek:32:4] U mmiddek ma' l-art,
fuq wiċċ ir-raba' nonxrok.
U nserraħ fuqek it-tajr kollu tas-smewwiet,
u bik inxabba' l-bhejjem kollha ta' l-art.
[Eżek:32:5] U laħmek inperrċu fuq l-għoljiet,
u l-widien nimla b'ġismek mejjet.
[Eżek:32:6] U nsaqqi bit-tnixxija ta' demmek
l-art sa fuq il-muntanji,
u jimtlew il-ħniedaq bik.

[Eżek:32:7] Meta int tintemm jien ngħatti s-smewwiet,
u ndallam il-kwiekeb tagħhom;
ix-xemx nostorha bi sħaba,
u l-qamar ma jitfax dawl.
[Eżek:32:8] Kull ma jiddi fis-sema u jarmi d-dawl,
ndallmu minħabba fik.
U nixħet id-dlam fuq l-art,
oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:32:9] "Nkexkex il-qalb ta' ħafna popli meta nġibek imjassar fost il-ġnus, f'artijiet li ma tafhomx. [Eżek:32:10] Nbellah kotra ġnus bil-biża' minħabba fik u s-slaten tagħhom jitkexkxu minħabba fik, meta jien invenven quddiemhom ix-xabla tiegħi; u jitriegħdu bla heda, kull wieħed għal ħajtu, f'jum tiġrifek.

[Eżek:32:11] "Għax dan jgħid Sidi l-Mulej:

Ix-xabla tas-sultan ta' Babilonja għad tilħqek!
[Eżek:32:12] Nxewlaħ ma' l-art il-kotra tiegħek
bix-xwabel tal-qalbenin,
l-eħrex fost kollha kemm huma l-ġnus.
U jeqirdu l-glorja ta' l-Eġittu,
u jġibu fix-xejn il-kotra ta' niesu.
[Eżek:32:13] Ntemm fix-xejn il-bhejjem tiegħu kollha
mill-ilmijiet kotrana:
ebda riġel ta' bniedem ma jdardarhom aktar,
u lanqas difer ta' bhima ma jħawwadhom.
[Eżek:32:14] Mbagħad insaffi ilmijiethom,
u x-xmajjar tagħhom bħaż-żejt inġerrihom,
oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:32:15] "Meta jiena nagħmel ħerba mill-art ta' l-Eġittu, u l-pajjiż jitħarbat minn kull ma fih; meta nolqot 'il kull min jgħammar fih, mbagħad jagħrfu li jien il-Mulej.

[Eżek:32:16] "Din hi lamentazzjoni li għad jgħannu: jgħannuha l-bniet tal-ġnus, fuq l-Eġittu u l-kotra ta' niesu?" oraklu ta' Sidi l-Mulej.

Lamentazzjoni fuq l-Eġittu

[Eżek:32:17] Ġara li fit-tnax-il sena, fl-ewwel xahar, fil-ħmistax tax-xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:

[Eżek:32:18] "O bniedem, għanni lamentazzjoni għall-kotra ta' l-Eġittu, u niżżlu, lilu u l-bniet tal-ġnus qawwija, ma' dawk li jinżlu fil-ħofra.

[Eżek:32:19] 'Il min tisboq fi ġmielek?
Inżel u strieħ man-nies bla ħtin.
[Eżek:32:20] F'nofs il-maqtulin bix-xabla għad jaqgħu,
għax ix-xabla lesta,
u miegħu tistrieħ il-kotra tiegħu.
[Eżek:32:21] Mbagħad mill-qiegħ ta' Art l-Imwiet
jgħidulu l-aqwa fost il-qalbenin:
'Inżel, int u l-alleati tiegħek,
man-nies bla ħtin,
fost il-maqtulin bix-xabla.'

[Eżek:32:22] Hemm issib l-Assirja,
bl-eżerċtu tagħha madwar qabarha;
waqgħu bix-xabla lkoll maqtula.
[Eżek:32:23] Qabarha fil-fond tal-ħofra,
u l-kotra tagħha madwar qabarha;
waqgħu bix-xabla lkoll maqtula,
niżlu bla ħtin fid-dinja ta' taħt,
għax kienu jxerrdu l-biża' f'art il-ħajjin.
[Eżek:32:24] Hemm Għelam bil-kotra tiegħu madwar
qabru,
waqgħu bix-xabla lkoll maqtula
niżlu bla ħtin fid-dinja ta' taħt,
għax kienu jxerrdu l-biża' f'art il-ħajjin.

U hekk tgħabbew b'għajbhom
ma' dawk li niżlu fil-ħofra.
[Eżek:32:25] U f'nofs il-maqtulin qegħduh jistrieħ,
bil-kotra tiegħu madwar qabru,
lkoll bla ħtin,
lkoll maqtula bix-xabla,
għax kienu jxerrdu l-biża' tagħhom f'art il-ħajjin.
U hekk tgħabbew b'għajbhom,
ma' dawk li niżlu fil-ħofra,
u xeħtuhom f'nofs il-maqtulin.
[Eżek:32:26] Hemm Mesek u Tubal b'kotriehom,
b'qabarhom madwarhom.
Lkoll bla ħtin, maqtulin bix-xabla,
għax kienu jxerrdu l-biża' tagħhom f'art il-ħajjin.
[Eżek:32:27] M'humiex mistrieħa mal-qalbenin,
li waqgħu fi żmien il-qedem,
li niżlu f'art il-mejtin,
bl-għodod tal-gwerra magħhom;
li x-xwabel tagħhom taħt rashom qegħduhomlhom,
u t-tarki tagħhom fuq għadamhom.
għalhekk il-biża' tal-qalbenin kien f'art il-ħajjin.
[Eżek:32:28] Imma int f'nofs nies bla ħtin tistrieħ,
u fost il-maqtulin bix-xabla.

[Eżek:32:29] "Hemm Edom bis-slaten u l-prinċpijiet tiegħu kollha, li minkejja qawwiethom tqiegħdu mal-maqtulin bix-xabla. Hekk qegħdin jistrieħu man-nies bla ħtin, ma' dawk li niżlu fil-ħofra.

[Eżek:32:30] "Hemm ukoll flimkien il-prinċpijiet tat-tramuntana u s-Sidonin li niżlu mal-maqtulin, talli xerrdu l-biża'; u issa hemm mistħija jistrieħu bla ħtin mal-maqtulin bix-xabla, u mgħobbijin bl-għajb ma' dawk li niżlu fil-ħofra.

[Eżek:32:31] "Jarahom il-Fargħun u jitfarraġ bil-kotra ta' niesu, lkoll maqtula bix-xabla: il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:32:32] "Għax hu xerred il-biża' f'art il-ħajjin, għalhekk middewh f'nofs in-nies bla ħtin mal-maqtulin bix-xabla: il-Fargħun u l-kotra kollha tan-nies tiegħu, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

33. Il-Profeta għassies ta' Iżrael

[Eżek:33:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:33:2] "O bniedem, kellem lil ulied il-poplu tiegħek u għidilhom: Meta nġib ix-xabla fuq l-art, u l-poplu ta' dik l-art jaħtru lil xi ħadd minn fosthom u jagħmluh għassies tagħhom, [Eżek:33:3] u dan jara x-xabla riesqa lejn il-pajjiż u jdoqq it-tromba biex javża 'l-poplu; [Eżek:33:4] jekk xi ħadd jisma' d-daqq tat-tromba, u ma jagħtix kas ta' l-allarm, u tilħqu x-xabla, u taqbdu, demmu jkun fuq rasu; [Eżek:33:5] għax ikun sama' leħen it-tromba u ma tax kas ta' l-allarm, demmu jkun fuq rasu. Imma min ikun ta kas l-allarm, isalva ħajtu.

[Eżek:33:6] "Imma jekk l-għassies jara x-xabla riesqa, u ma jdoqqx it-tromba, u l-poplu ma jkunx avżat, u tilħqu x-xabla u tieħu 'l xi ħadd minnhom, dan jinqabad fi dnubu, imma jiena demmu nfittxu minn id l-għassies.

[Eżek:33:7] "Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta' dar Iżrael. Meta tisma' minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f'ismi. [Eżek:33:8] Jekk jien ngħid lill-midneb: 'Int tmut żgur,' u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu, imma demmu nfittxu minn idejk. [Eżek:33:9] Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa' lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek.

Il-ħlas individwali

[Eżek:33:10] "U int, o bniedem, għid lil dar Iżrael: 'Intom qegħdin tgħidu: Dnubietna u ħtijietna fuqna; aħna mifnija bihom; kif se ngħixu?' [Eżek:33:11] Għidilhom: Daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, ma nitgħaxxaqx b'mewt il-midneb, imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.

"Erġgħu, erġgħu lura minn triqatkom il-ħżiena. Għax għandkom tmutu, dar Iżrael?

[Eżek:33:12] "U int, o bniedem: għid lil ulied il-poplu tiegħek: Is-sewwa tal-ġust ma jsalvahx f'jum dnubu, u l-ħażen tal-midneb ma jġarrfux, u lanqas ma jista' l-bniedem ġust jibqa' ħaj meta jidneb.

[Eżek:33:13] "Jekk jien ngħid lill-bniedem ġust li jgħix żgur, u hu jafda fis-sewwa tiegħu u jagħmel il-ħażen, is-sewwa tiegħu ma niftakarhulux, imma jmut minħabba l-ħażen li jkun għamel.

[Eżek:33:14] "U meta ngħid lill-ħażin: 'Int tmut żgur,' u hu jerġa' lura minn ħtijietu u jagħmel il-ħaqq u s-sewwa, [Eżek:33:15] irodd ir-rahan, ipatti għas-serq, jimxi fuq il-preċetti li jagħtu l-ħajja, bla ma jagħmel il-ħażen, dan żgur jibqa' ħaj, ma jmutx. [Eżek:33:16] Ħtijietu li jkun waqa' fihom ma niftakarhomlux; għax is-sewwa u d-dritt ikun għamel, għalhekk żgur li jibqa' ħaj.

[Eżek:33:17] "U wlied il-poplu tiegħek jgħidu: 'M'hijiex, m'hijiex sewwa triq il-Mulej.' Triqthom li m'hijiex sewwa. [Eżek:33:18] Jekk il-bniedem sewwa jerġa' lura mis-sewwa tiegħu u jagħmel il-ħażin, imut fih. [Eżek:33:19] U jekk il-bniedem ħażin jerġa' lura mill-ħażen tiegħu u jagħmel il-ħaqq u s-sewwa, jgħix minħabba fihom.

[Eżek:33:20] "Mbagħad tibqgħu tgħidu: 'M'hijiex sewwa triq il-Mulej!' Imma jien għad nagħmel ħaqq minnkom ilkoll, minn kulħadd skond triqtu, dar Iżrael."

Il-waqgħa ta' Ġerusalemm

[Eżek:33:21] U ġara li fil-ħames jum ta' l-għaxar xahar, fit-tnax-il sena ta' l-eżilju tagħna, wasal għandi wieħed maħrub minn Ġerusalemm u qalli: "Il-Belt waqgħet."

[Eżek:33:22] Id il-Mulej kienet ġiet fuqi l-lejl ta' qabel il-wasla tal-maħrub u fetħitli fommi qabel ma wasal filgħodu; fommi nfetaħ u ma bqajtx aktar imbikkem.

[Eżek:33:23] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:33:24] "O bniedem, dawk li għadhom jgħammru f'dawk il-ħerbiet f'art Iżrael qegħdin jgħidu: 'Abraham kien waħdu u kiseb l-art, mela lilna tmiss l-art b'wirt, lilna li aħna ħafna.' [Eżek:33:25] Mela għidilhom: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Tmorru tieklu l-laħam bid-demm fuq l-għoljiet, terfgħu għajnejkom lejn l-idoli tagħkom, ixxerrdu d-demm, u issa tippretendu li tirtu l-art? [Eżek:33:26] Intom tistrieħu fuq ix-xwabel tagħkom; tagħmlu ħwejjeġ moqżieża, tkasbru mart xulxin, u issa tippretendu li tirtu l-art?

[Eżek:33:27] "Għidilhom dan: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Daqs kemm jien ħaj, dawk li għad hemm fuq il-ħerbiet għad jaqgħu bix-xabla u dawk li qegħdin fil-beraħ tar-raba' nerħihom b'ikel għall-bhejjem, u dawk li hemm fil-fortizzi u l-għerien għad imutu bil-pesta. [Eżek:33:28] U l-art nagħmel minnha ħerba, u tintemm il-glorja ta' qawwitha, u l-muntanji ta' Iżrael isiru ħerba u ħadd ma jgħaddi minnhom.

[Eżek:33:29] "Hekk ikunu jafu li jien il-Mulej, meta nagħmel mill-art ħerba fuq ħerba minħabba l-qżiżijiet kollha li għamlu.

[Eżek:33:30] "U int, o bniedem, ulied il-poplu tiegħek qegħdin ipaċpċu fuqek ħdejn il-ħitan u fi bwieb id-djar, u jgħidu lil xulxin: 'Ejjew ħa nisimgħu x'inhi l-kelma ħierġa mingħand il-Mulej.' [Eżek:33:31] U jiġu għandek bħal ġemgħa nies u joqogħdu bilqiegħda quddiemek, il-poplu tiegħi, u jisimgħu kliemek u ma jagħmluhx; għax jitgħaxxqu bihom b'fommhom, imma qalbhom tiġri wara l-qligħ. [Eżek:33:32] Int bħal għannej l-imħabba għalihom, b'vuċi ħelwa u daqq jagħtik pjaċir; jisimgħu kliemek, u ma jagħmluhx. [Eżek:33:33] Imma meta dan kollu jseħħ, u jseħħ żgur, ikunu jafu li kien hemm profeta f'nofshom."

34. L-oraklu kontra r-rgħajja ta' Iżrael

[Eżek:34:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:34:2] "O bniedem, ħabbar kontra r-rgħajja ta' Iżrael. Ħabbar u għidilhom lir-rgħajja:

'Hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ħażin għalikom ir-rgħajja ta’ Iżrael li jirgħu lilhom infushom! Jaqaw m’hux lin-nagħaġ jirgħu r-rgħajja?'

[Eżek:34:3] "Intom tixorbu l-ħalib u tilbsu s-suf tagħhom, toqtlu n-nagħaġ imsemmna, u l-merħla ma tirgħuhiex.

[Eżek:34:4] "Id-dgħajfa ma saħħaħtuhiex, u l-marida ma fejjaqtuhiex, u l-midruba ma dewwejtuhiex, 'l dik li tbiegħdet ma ġibtuhiex lura, lanqas ma fittixtu l-mitlufa. Imma mexxejtuhom b'saħħa u qalb iebsa.

[Eżek:34:5] "U huma xterdu għax ma kellhomx ragħaj; u saru l-ikel ta' kull bhima selvaġġa u xterdu. [Eżek:34:6] Ntilfet il-merħla tiegħi fuq kull muntanja u fuq kull għolja; ma' wiċċ l-art kollha xterdet il-merħla tiegħi, u ma hemm ħadd min jistaqsi għaliha, ma hemm ħadd min ifittixha.

[Eżek:34:7] "Għalhekk, ja rgħajja, isimgħu l-kelma tal-Mulej.

[Eżek:34:8] "Daqs kemm jien ħaj, jgħid Sidi l-Mulej, billi l-merħla tiegħi waqgħet priża, u saret il-merħla tiegħi l-ikel ta' kull bhima selvaġġa għax ma kienx hemm ragħaj, u billi r-rgħajja tiegħi ma fittxewx il-merħla tiegħi, u r-rgħajja qagħdu jirgħu lilhom infushom bla ma jirgħu l-merħla tiegħi, [Eżek:34:9] għalhekk, ja rgħajja, isimgħu l-kelma tal-Mulej.

[Eżek:34:10] "Hekk jgħid Sidi l-Mulej: Arawni ġej għar-rgħajja, neħdilhom minn taħt idejhom in-nagħaġ tiegħi, u ma nħallihomx jirgħu iżjed il-merħla. U ma jirgħux iżjed ir-rgħajja lilhom infushom.

'U jien insalva l-merħla tiegħi minn ġo ħalqhom, u ma tibqax aktar l-ikel tagħhom. '

Eżek:34:11] "Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom.
[Eżek:34:12] Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f'nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu,
hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi,
u nsalvahom minn kull fejn xterdu
fi żmien is-sħab u s-swied ta' l-ajru.
[Eżek:34:13] Noħroġhom minn qalb il-popli,
niġborhom mill-artijiet, nġibhom lejn arthom.
Nirgħahom fuq il-muntanji ta' Iżrael,
fil-widien u l-meddiet kollha ta' l-art.
[Eżek:34:14] F'mergħat bnina għad nirgħahom,
u fuq l-iġbla għolja ta' Iżrael tkun mergħathom.
Hemm jinxteħtu f'mergħa bnina,
u jimirħu f'art tajba fuq il-muntanji ta' Iżrael.
[Eżek:34:15] Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi,
u jiena nserraħhom,
oraklu ta' Sidi l-Mulej.
[Eżek:34:16] Jiena nfittex il-mitlufa
nreġġa' lura l-imxerrda,
ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa,
u nqawwi l-marida.
Nħares is-smina u l-qawwija,
u nirgħahom bil-ġustizzja."

L-għażla tan-nagħaġ

[Eżek:34:17] "Imma għalik, merħla tiegħi, hekk jgħid Sidi l-Mulej:

Ara, jien nagħmel ħaqq bejn nagħġa u nagħġa,
bejn imtaten u bdabad.
[Eżek:34:18] "Ma kienx biżżejjed għalikom li tirgħu fl-aħjar mergħat,
biex tgħaffġu b'riġlejkom il-bqija ta' mergħatkom;
li tixorbu l-ilma ċar, u ddardru l-bqija b'riġlejkom?
[Eżek:34:19] U l-merħla tiegħi jkollhom jirgħu tagħfiġ riġlejkom,
u jixorbu dardir saqajkom!

[Eżek:34:20] "Għalhekk dan jgħidilkom Sidi l-Mulej:

Arawni! Se nagħmel ħaqq bejn in-nagħġa s-smina u n-nagħġa l-magħluba.

[Eżek:34:21] "Għax intom imbuttajtu b'ġenbejkom u bi spallejkom, u bi qrunkom ħbattu għad-dgħajfa, sakemm gerrixtuhom 'il barra.

[Eżek:34:22] "Jien insalva n-nagħaġ tiegħi, u ma jkunux aktar priża, u nagħmel ħaqq bejn nagħġa u oħra.

[Eżek:34:23] "U nqiegħed fuqhom ragħaj wieħed, il-qaddej tiegħi David, u jieħu ħsiebhom u jirgħahom; hu jirgħahom u jkun ir-ragħaj tagħhom. [Eżek:34:24] U jiena l-Mulej, nkun Alla tagħhom u l-qaddej tiegħi David ikun il-mexxej tagħhom. Jiena il-Mulej, tkellimt. [Eżek:34:25] Nagħmel magħhom patt ta' sliem u neqred mill-art il-bhejjem selvaġġi. Ikunu jistgħu jgħammru fid-deżert bla biża' u jorqdu fl-imsaġar. [Eżek:34:26] Nqegħedhom madwar l-għolja tiegħi, u nibgħat ix-xita f'waqtha, xita ta' barka. [Eżek:34:27] U s-siġar tar-raba' jagħtu l-frott tagħhom, u l-art in-nebbieta tagħha, u huma joqogħdu bla biża' fl-irziezet tagħhom. U huma jagħrfu li jiena l-Mulej meta nkisser l-irbit tal-madmad tagħhom, u neħlishom minn idejn dawk li jassruhom. [Eżek:34:28] Ma jkunux aktar priża għall-ġnus, u ma jikluhomx aktar il-bhejjem selvaġġi ta' l-art, imma jgħixu bi kwiethom u ħadd ma jbeżżagħhom aktar.

[Eżek:34:29] "U nnibbtilhom ġmiel ta' ħxejjex u ma jkunux aktar mifnijin mill-ġuħ fil-pajjiż, u lanqas jitgħabbew bit-tagħjir tal-ġnus. [Eżek:34:30] U jkunu jafu li jiena l-Mulej, Alla tagħhom, jiena magħhom u huma l-poplu tiegħi, id-dar ta' Iżrael, oraklu ta' Sidi l-Mulej. [Eżek:34:31] U intom, in-nagħaġ tiegħi, intom in-nagħaġ tal-mergħa tiegħi, jiena l-Mulej, Alla tagħkom, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

35. L-oraklu kontra Edom

[Eżek:35:1] Ġara li ġiet fuqi l-kelma tal-Mulej, u qalli:

[Eżek:35:2] "O bniedem, dawwar wiċċek lejn
il-muntanja ta' Xegħir,
u ħabbar kontrieha, [Eżek:35:3] u għidilha:
'Dan jgħid Sidi l-Mulej:
Arani! Jien kontrik, muntanja ta' Xegħir,
kontrik immidd idi,
u nagħmel minnek ħerba fuq ħerba.
[Eżek:35:4] Blietek nagħmilhom ħerba,
u ħerba ssir minnek!
U mbagħad tkun taf li jien il-Mulej!

[Eżek:35:5] "Int dejjem kellek l-odju għal ulied Iżrael u rħejthom għall-qawwa tax-xabla fi żmien il-qerda tagħhom, fi żmien l-aħħar ħtija.

[Eżek:35:6] "Għalhekk, daqs kemm jien ħaj, oraklu tal-Mulej, għad-demm ħejjejtek, u d-demm jiġri warajk; int bgħadt lil demmek u d-demm għad jiġri warajk. [Eżek:35:7] Nagħmel minn Xegħir ħerba u deżert, u neqred minnha 'l min ġej u sejjer. [Eżek:35:8] U nimla bil-mejtin il-muntanji tiegħek; u għoljietek, widienek, il-ħniedaq tiegħek fihom għad jaqgħu l-maqtulin bix-xabla.

[Eżek:35:9] Nagħmel minnek ħerba għal dejjem,
u blietek aktar ma jitgħammrux;
mbagħad tkunu tafu li jien il-Mulej.

[Eżek:35:10] "Int għedt: 'Iż-żewġ popli u ż-żewġ pajjiżi huma tiegħi u rrid neħodhom', għalkemm kien hemm il-Mulej; [Eżek:35:11] għalhekk, daqs kemm jien ħaj, oraklu ta' Sidi l-Mulej, nġib ruħi miegħek skond l-għadab u l-għira tiegħek, li bihom ġibt ruħek magħhom skond il-mibegħda tiegħek, u nurik x'jien meta nagħmel ħaqq minnek. [Eżek:35:12] U tkun taf li jien il-Mulej. Smajt it-tagħjir kollu li int lissint kontra l-muntanji ta' Iżrael meta għedt: 'Saru ħerba! Hekk lesti għalina biex nibilgħuhom.'

[Eżek:35:13] "Tkabbartu kontrija b'fommkom u kattartu kliemkom kontrija, u jiena smajt.

[Eżek:35:14] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Bħalma fraħt int minħabba l-ħerba ta' arti, hekk nagħmel lilek. [Eżek:35:15] Bħalma fraħt int bit-tħarbit tal-wirt ta' dar Iżrael, hekk nagħmel minnek.

Ħerba għad tkun il-muntanja ta' Xegħir
u Edom kollu jisfa' fix-xejn.
U mbagħad ikunu jafu li jien il-Mulej."

36. It-tiġdid ta' art Iżrael

[Eżek:36:1] "U int, o bniedem, ħabbar lill-muntanji ta' Iżrael u għidilhom: Muntanji ta' Iżrael, isimgħu l-kelma tal-Mulej:

[Eżek:36:2] Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Talli l-għadu tagħkom qal għalikom:
'Ah! Il-muntanji ta’ dejjem saru l-wirt tagħna! '

[Eżek:36:3] Ħabbar għalhekk, u għid:

Sewwasew talli għamlu ħerba minnkom u stmerrewkom minn kull naħa għax sirtu l-wirt tal-bqija tal-ġnus, u ġejtu f’ilsien in-nies u t-tqassis tal-poplu, [Eżek:36:4] għalhekk: O muntanji ta' Iżrael, isimgħu l-kelma ta' Sidi l-Mulej: Dan jgħid Sidi l-Mulej lill-muntanji, lill-għoljiet, lill-ħniedaq, lill-widien, lill-ħerbiet u 'l-ibliet mitluqa, li saru l-priża u d-daħk tal-bqija tal-ġnus madwar.

[Eżek:36:5] "Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: Iva! Fil-ħeġġa ta' l-għira tiegħi tkellimt kontra l-bqija tal-ġnus u kontra Edom kollu. B'qalbhom kollha ferħ u b'ruħhom kollha tmaqdir, lil arti għamluha tagħhom b'wirt, biex qerduha u serquha.

[Eżek:36:6] "Għalhekk ħabbar lill-art ta' Iżrael, u għid lill-muntanji u 'l-għoljiet, lill-ħniedaq u l-widien: Dan jgħid Sidi l-Mulej, Arawni, jien tkellimt f'għadbi u l-għira tiegħi, għax intom kellkom toqogħdu għat-tagħjir tal-ġnus, [Eżek:36:7] għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: Jien nerfa' idi u naħlef li l-ġnus ta' madwarkom huma wkoll għad ikollhom joqogħdu għat-tagħjir. [Eżek:36:8] Intom, muntanji ta' Iżrael, għad tarmu l-friegħi u tagħmlu l-frott għal Iżrael, il-poplu tiegħi, għax waslu biex jerġgħu lura. [Eżek:36:9] Arawni, jien niġi u ndawwar wiċċi lejkom, u intom għad jaħdmukom u jiżirgħukom. [Eżek:36:10] Jien inkattrilkom in-nies, dar Iżrael kollha; l-ibliet jitgħammru u l-ħerbiet jinbnew mill-ġdid. [Eżek:36:11] Nkattrilkom in-nies u l-bhejjem fuqkom; jitkattru u jnisslu. Ngħammarkom bħalma kontu qabel, u nimliekom bil-ġid aktar minn qatt qabel, u tkunu tafu li jien il-Mulej. [Eżek:36:12] U nġib fuqkom in-nies, il-poplu tiegħi Iżrael, jeħduk f'idejhom, u tkun int il-wirt tagħhom, u ma ċċaħħadhomx aktar minn uliedhom.

[Eżek:36:13] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Talli marru jgħidulek, 'Int art tiekol in-nies, u tisraq lil ġensek minn uliedu', [Eżek:36:14] għalhekk ma tikolx aktar in-nies, u anqas iċċaħħad il-poplu tiegħek minn uliedu, oraklu ta' Sidi l-Mulej. [Eżek:36:15] Ma nħallikx tisma' aktar it-tagħjir tal-ġnus; ma ġġorrx aktar fuqek l-għajb tal-ġnus, u l-poplu tiegħek ma ċċaħħdux aktar minn uliedu, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

It-tiġdid tal-poplu ta' Iżrael

[Eżek:36:16] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:36:17] "O bniedem, meta d-dar ta' Iżrael kienu għadhom f'arthom, huma tebbgħuha bl-imġiba tagħhom u b'għemilhom. Mġibthom quddiemi kienet bħall-ħmieġ ta' mara mxahhra. [Eżek:36:18] U jiena ferrajt qillti fuqhom minħabba fid-demm li xerrdu fl-art u minħabba fl-idoli li bihom ċappsu l-art. [Eżek:36:19] Xerridthom fost il-ġnus, u huma xterdu ma' l-artijiet; għamilt ħaqq minnhom skond imġibthom u skond triqathom. [Eżek:36:20] Meta marru fost il-ġnus, kull fejn marru, kasbru ismi l-qaddis, hekk li n-nies bdew jgħidu għalihom: 'Dan hu l-poplu tal-Mulej, li kellhom joħorġu minn artu!' [Eżek:36:21] Imma jien bżajt għal ismi l-qaddis li wlied Iżrael kasbru fost il-ġnus fejn marru. [Eżek:36:22] "Għalhekk għidilhom lid-dar ta' Iżrael: Dan jgħid Sidi l-Mulej: M'hux minħabba fikom sejjer nagħmel dan, dar Iżrael, iżda minħabba f'ismi l-qaddis li intom kasbartu fost il-ġnus fejn mortu. [Eżek:36:23] Jien inqaddes ismi l-kbir, mkasbar minnkom fost il-ġnus, li f'nofshom kasbartuh, u l-ġnus ikunu jafu li jiena l-Mulej, meta nuri qdusiti fikom quddiem għajnejkom, oraklu ta' Sidi l-Mulej, [Eżek:36:24] meta neħodkom minn fost il-ġnus u niġmagħkom mill-artijiet kollha, u nerġa' ndaħħalkom f'artkom.

[Eżek:36:25] "U nroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. [Eżek:36:26] U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha. [Eżek:36:27] U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom. [Eżek:36:28] U tgħammru fl-art li tajt 'il missirijietkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom. [Eżek:36:29] U neħliskom mit-tinġis kollu tagħkom, u nsejjaħ lill-qamħ u nkattru, u ma nibagħtilkomx aktar il-ġuħ. [Eżek:36:30] Nkattar frott is-siġar u r-raba' tagħkom, biex ma jkollkomx aktar l-għajb tal-ġuħ fost il-ġnus. [Eżek:36:31] Mbagħad tiftakru fl-imġiba ħażina tagħkom u fl-għemejjel ħżiena tagħkom. U tistmerru lilkom infuskom għall-ħażen tagħkom u għall-għemejjel mistkerrha tagħkom. [Eżek:36:32] U kunu afu li mhux minħabba fikom li qed nagħmel dan, oraklu ta' Sidi l-Mulej. Istħu u ħammru wiċċkom minħabba l-imġiba tagħkom, dar Iżrael!

[Eżek:36:33] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Fil-jum li fih innaddafkom mit-tinġis kollu tagħkom, ngħammar mill-ġdid l-ibliet tagħkom u nibni mill-ġdid il-ħerbiet tagħkom. [Eżek:36:34] L-art imħarbta, li kienet saret ħerba għal għajnejn kull min kien jgħaddi, terġa' tinħadem. [Eżek:36:35] U kulħadd jgħid: 'L-art li kienet imħarbta issa qisha l-ġnien ta' l-Għeden, u l-ibliet imġarrfa, mitluqa u mħarbta issa huma bliet qawwija u mimlija nies.' [Eżek:36:36] U l-ġnus li baqa' madwarkom jagħrfu li jien, il-Mulej, bnejt mill-ġdid dak li ġġarraf u tellajt mill-ġdid is-siġar fl-art li kienet ħerba. Jien il-Mulej, dan għedt u dan nagħmel.

[Eżek:36:37] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Dan ukoll inħallihom jitolbuni d-dar ta' Iżrael li nagħmlilhom: nkattrilhom in-nies bħan-nagħaġ.

[Eżek:36:38] "Bħan-nagħaġ ikkonsagrati, bħan-nagħaġ f'Ġerusalemm fil-festi l-kbar tagħha; hekk ikunu mimlija l-ibliet imġarrfa bl-imrieħel tan-nies, u jkunu jafu li jien il-Mulej."

37. Il-qawmien tal-poplu ta' Alla

[Eżek:37:1] U ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f'nofs il-wied. Dan kien miżgħud bl-għadam. [Eżek:37:2] Huwa għaddieni dawramejt madwarhom, u kien hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u kienu kollha niexfa qoxqox.

[Eżek:37:3] U l-Mulej qalli: "O bniedem, jista' dan l-għadam jerġa' jieħu l-ħajja?" Jiena weġibt: "Sidi Mulej, dan inti tafu." [Eżek:37:4] U qalli: 'Ħabbar lil dan l-għadam u għidlu: O għadam niexef, isma' l-kelma tal-Mulej. [Eżek:37:5] Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa' tgħix. [Eżek:37:6] U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u niksik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa' tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej."

[Eżek:37:7] Mbagħad ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar instama' ħoss, u ara, l-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma. [Eżek:37:8] Jien ħarist, u ara, ġew fihom. [Eżek:37:9] U qalli: "Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o bniedem, u għid lir-ruħ: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja." [Eżek:37:10] Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom, u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir.

[Eżek:37:11] U qalli: "O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta' Iżrael. Ara, huma jgħidu: 'Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, nqridna għalkollox.' [Eżek:37:12] Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f'art Iżrael. [Eżek:37:13] Mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi. [Eżek:37:14] U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.

Nqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel, oraklu tal-Mulej."

L-għaqda bejn Iżrael u Ġuda

[Eżek:37:15] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Eżek:37:16] "O bniedem, ħu biċċa injama u ikteb fuqha, 'Għal Ġuda u għal ulied Iżrael li hemm miegħu.' Mbagħad ħu biċċa oħra u ikteb fuqha, 'Għal Ġużeppi, il-ħatar ta' Efrajm, u għad-dar kollha ta' Iżrael li hemm miegħu.'

[Eżek:37:17] "Mbagħad ressaqhom lejn xulxin biex jingħaqdu f'injama waħda f'idejk. [Eżek:37:18] U meta wlied il-poplu tiegħek ikellmuk u jgħidulek, 'Ma tfissrilniex xi trid tgħid b'dan?' [Eżek:37:19] għidilhom: Dan jgħid il-Mulej Sidi: Araw, se nieħu l-ħatar ta' Ġużeppi, li hemm f'id Efrajm, u t-tribujiet ta' Iżrael li hemm miegħu, u nqiegħed miegħu l-ħatar ta' Ġuda u nagħmilhom ħatar wieħed, biex isiru ħaġa waħda f'idi.

[Eżek:37:20] "Żomm f'idek quddiem għajnejhom iż-żewġ injamiet li fuqhom ktibt, [Eżek:37:21] u għidilhom: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Araw, se nieħu lil ulied Iżrael minn fost il-ġnus fejn marru, niġmagħhom minn kull naħa u nġibhom f'arthom. [Eżek:37:22] U nagħmilhom ġens wieħed fil-pajjiż, fuq il-muntanji ta' Iżrael; sultan wieħed ikun is-sultan tagħhom ilkoll. Ma jibqgħux iżjed żewġt iġnus, ma jibqgħux iżjed maqsuma f'żewġ saltniet. [Eżek:37:23] Ma jitniġġsux aktar bl-allat foloz u l-ħwejjeġ moqżieża tagħhom, u b'ebda dnub ieħor minn tagħhom. Jien għad insalvahom mid-dnubiet li firduhom minni, jiena nsaffihom; u huma jkunu għalija l-poplu tiegħi, u jiena nkun għalihom Alla tagħhom.

[Eżek:37:24] "Il-qaddej tiegħi David ikun is-sultan tagħhom, u huma lkoll ikollhom ragħaj wieħed fuq kulħadd. Huma jimxu fuq il-preċetti tiegħi, u jħarsu l-liġijiet tiegħi u jżommuhom. [Eżek:37:25] U jgħammru fl-art li jien kont tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb, l-art li fiha għammru missirijiethom; jgħammru fiha huma u wliedhom u wlied uliedhom għal dejjem. U l-qaddej tiegħi David ikun il-prinċep fuqhom għal dejjem. [Eżek:37:26] Nagħmel magħhom patt ta' sliem, ikun patt magħhom għal dejjem; nwettaqhom u nkattarhom, u nqiegħed fosthom għal dejjem is-santwarju tiegħi. [Eżek:37:27] Fosthom tkun l-għamara tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. [Eżek:37:28] Mbagħad jagħrfu l-ġnus li jiena l-Mulej li nqaddes lil Iżrael, meta s-santwarju tiegħi jkun fosthom għal dejjem."

38. L-ewwel oraklu kontra Gog

[Eżek:38:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Eżek:38:2] "O bniedem, dawwar wiċċek lejn l-art ta' Magog, kontra Gog, il-prinċep il-kbir ta' Mesek u Tubal, u ħabbar kontra tiegħu [Eżek:38:3] u għidlu: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Arani ġej għalik, Gog, int il-prinċep ta' Mesek u Tubal. [Eżek:38:4] Jien indawwrek u nagħmillek il-granpuni fi xdieqek u noħorġok, bl-eżerċtu kollu tiegħek, żwiemel u rikkieba, lkoll armati sewwa, eżerċtu kbir bit-tarki żgħar u kbar, lkoll bix-xwabel misluta. [Eżek:38:5] Magħhom Paras, Kus, u Put, kollha bit-tarka u l-elmu. [Eżek:38:6] Gomer u l-qtajja' tiegħu kollha, id-dar ta' Bet-togarma, mill-ibgħad tat-tramuntana, u l-qtajja' tiegħu: kotra ta' ġnus miegħek.

[Eżek:38:7] "Ħejji ruħek, int u l-ġemgħa tiegħek kollha, miġbura madwarek, u kun lest għall-ordni tiegħi. [Eżek:38:8] Wara ħafna żmien ikollok l-ordni; fl-aħħar tas-snin int tiġi lejn l-art li ħelset mix-xabla, li nġemgħet minn ħafna ġnus, fuq il-muntanji ta' Iżrael, li kienu għal ħafna żmien ħerba, pajjiż miġmugħ minn fost il-ġnus, lkoll jgħammru fiha b'moħħhom mistrieħ. [Eżek:38:9] Inti titla' għalihom, tasal bħal riefnu, bħal sħaba tgħatti l-art, int u l-qtajjiet tiegħek u miegħek ħafna popli.'

[Eżek:38:10] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Dakinhar jiġuk f'moħħok ħsibijiet u tfassal pjan ta' ħsara, [Eżek:38:11] u tgħid: 'Ħa nitla' kontra pajjiż bla swar, ħa nintefa' fuq nies kwieti, li jgħammru b'moħħhom mistrieħ: nies bla swar; u bibien u żbarri ma għandhomx,' [Eżek:38:12] biex taħtaf il-priża u tisraq, biex tmidd idek fuq ħerbiet mgħammra u fuq poplu miġbur minn fost il-ġnus, poplu li kiseb imrieħel u ġid, u issa jgħammar fil-qalba ta' l-art. [Eżek:38:13] Saba, Dedan u n-neguzjanti tagħha, Tarsis u l-merkanti tagħha, jgħidulek: 'Ġejt int biex taħtaf il-priża? Ġbart int il-poplu tiegħek biex tagħmel xi serqa kbira, biex iġġorr id-deheb u l-fidda, biex taħtaf l-imrieħel u l-ġid, biex tagħmel xi serqa kbira?'

It-tieni oraklu kontra Gog

[Eżek:38:14] "Għalhekk, o bniedem, ħabbar u għid lil Gog: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Iva, meta l-poplu tiegħi Iżrael ikun jgħammar bi kwietu int tqum għalih [Eżek:38:15] u tiġi minn pajjiżek, minn tarf it-tramuntana, int u miegħek ħafna ġnus, lkoll riekba fuq iż-żwiemel, ġemgħa kbira u eżerċtu qawwi. [Eżek:38:16] Int titla' għall-poplu tiegħi Iżrael bħalma sħaba tgħatti l-art; dan iseħħ fl-aħħar jiem. Nġibek f'arti ħalli jkunu jafu x'jien il-ġnus, meta jien nurik qdusiti quddiemhom, Gog!

[Eżek:38:17] "Dan jgħid Sidi l-Mulej: Int hu li jien tkellimt fuqu fi żmien il-qedem permezz tal-qaddejja tiegħi, il-profeti ta' Iżrael, li ħabbru f'dak iż-żmien, snin ilu, li jien għad inġibek għalihom.

[Eżek:38:18] "Mbagħad, dakinhar, meta jiġi Gog għall-art ta' Iżrael, oraklu ta' Sidi l-Mulej, għadbi jitla' fi mnifsejja. [Eżek:38:19] Fis-saħna ta' l-għira u n-nar tad-dagħdigħa tiegħi jien għedt: Dakinhar ikun hemm taqliba sħiħa f'art Iżrael. [Eżek:38:20] Jitriegħdu minn quddiemi l-ħut tal-baħar, it-tjur ta' l-ajru, il-bhejjem tar-raba', u s-sriep jitkaxkru fl-art, u l-bnedmin kollha fuq wiċċ l-art. Jitgerbbu l-muntanji, jiġġarrfu l-irdumijiet, u jaqgħu fl-art is-swar.

[Eżek:38:21] "Mbagħad insejjaħ kontrieh kull xorta ta' biża', oraklu ta' Sidi l-Mulej, u x-xabla tal-wieħed iddur kontra l-ieħor. [Eżek:38:22] U jien nivvendika ruħi minnu bil-pesta u bid-demm; nibgħatlu xita bil-qliel, silġ daqs iċ-ċagħak, nar u kubrit, fuq il-qtajja' tiegħu, fuq il-kotra ta' popli miegħu.

[Eżek:38:23] "U hekk nuri l-kobor u l-qdusija tiegħi quddiem kotra ta' ġnus, u jkunu jafu li jien il-Mulej."

39. It-tielet oraklu kontra Gog

[Eżek:39:1] U int, o bniedem, ħabbar kontra Gog u għidlu: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Arani, jien kontrik Gog, il-prinċep il-kbir ta' Mesek u Tubal. [Eżek:39:2] Jien indawwrek, nsuqek u ntellgħek mill-ibgħad trufijiet tat-tramuntana u nġibek fuq il-muntanji ta' Iżrael, [Eżek:39:3] imma jien inkissirlek il-qaws mix-xellugija u nwaqqagħlek il-vleġeġ mil-leminija. [Eżek:39:4] Fuq il-muntanji ta' Iżrael taqa' int u l-qtajja' tiegħek u l-popli li jkunu miegħek. U nitilqek b'ikel għat-tjur kollha tal-priża u l-bhejjem tax-xagħri. [Eżek:39:5] Fuq wiċċ ir-raba' għad taqa', għax jien tkellimt, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:39:6] "Jien nibgħat in-nar fuq Magog u fuq in-nies li jgħammru fuq ix-xtut bi kwiethom, u jkunu jafu li jien il-Mulej.

[Eżek:39:7] "U ismi l-qaddis ngħarraf f'nofs Iżrael, il-poplu tiegħi, u ma nħallix li ismi l-qaddis jitkasbar iżjed, u l-ġnus ikunu jafu li jien il-Mulej, il-Qaddis f'Iżrael. [Eżek:39:8] Araw: Dan għad jasal u jseħħ, oraklu ta' Sidi l-Mulej. Dan hu l-Jum li jien minnu tkellimt.

[Eżek:39:9] "U joħorġu n-nies li jgħammru fl-ibliet ta' Iżrael, ikebbsu n-nar u jaħarqu t-tagħmir tal-gwerra; tarki kbar u żgħar, qwas u vleġeġ, mazez u lanez, u jdumu jkebbsu n-nar bihom għal seba' snin sħaħ. [Eżek:39:10] Ma jkollhomx bżonn jiġbru l-ħatab mir-raba' u ma jaqtgħux mill-foresti, għax bit-tagħmir tal-gwerra jkebbsu n-nar. Ineżżgħu lil dawk stess li neżżgħu lilhom minn ġidhom, u jagħmlu l-priża minn dawk li jkunu għamlu priża minnhom, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:39:11] "U jiġri dakinhar li nagħti lil Gog b'qabar post imsemmi f'Iżrael, Wied Għabarim, fuq il-lvant tal-baħar, li jagħlaq it-triq għal dawk li jgħaddu minn hemm, għax hemm għad jidfnu lil Gog u l-kotra tiegħu kollha, u jsejjħulu Wied Ħamon-gog. [Eżek:39:12] Seba' xhur sħaħ jieħdu d-dar ta' Iżrael biex jidfnuhom u jnaddfu l-pajjiż. [Eżek:39:13] Jidfinhom il-poplu kollu tal-pajjiż u jkollhom isem dakinhar li nissebbaħ jien, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:39:14] "U jqabbdu xi nies li jduru dejjem il-pajjiż u jidfnu l-katavri li jkun għad fadal fuq wiċċ l-art biex inaddfuha. Għal seba' xhur sħaħ idumu jfittxu. [Eżek:39:15] Kull meta jkunu jduru l-art u xi ħadd minnhom jara xi għadma ta' bniedem, iwaqqfu plier ħdejha, sa ma d-deffiena jidfnuha f'Wied Ħamon-gog. [Eżek:39:16] U l-belt ukoll isemmuha Ħamona. U hekk inaddfu l-art.

[Eżek:39:17] "U int, o bniedem, dan jgħid Sidi l-Mulej: Għid lil kull xorta ta' tajra u 'l kull xorta ta' bhima tax-xagħri: Inġabru u ejjew, inġemgħu minn kull naħa għall-qatla tiegħi, li jien se nagħmlilkom, qatla kbira fuq il-muntanji ta' Iżrael, u tieklu l-laħam u tixorbu d-demm. [Eżek:39:18] Tieklu laħam il-qalbenin u tixorbu demm il-prinċpijiet ta' kull pajjiż: mtaten, ħrief, bdabad, għoġiela, kollha bhejjem smien minn Basan. [Eżek:39:19] U tieklu laħam grass sa tixbgħu, u tixorbu demm sa tiskru, mill-qatla li jien ħejjejt għalikom. [Eżek:39:20] Fuq il-mejda tiegħi tixbgħu bi żwiemel u rikkieba, bil-qalbenin u nies tal-gwerra, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

Iżrael jerġa' lura

[Eżek:39:21] "B'hekk nuri l-glorja tiegħi fost il-ġnus, u jaraw il-ġnus kollha l-ħaqq tiegħi li jien għamilt u idi li meddejt fuqhom. [Eżek:39:22] U jkunu jafu d-dar ta' Iżrael minn dakinhar 'il quddiem li jien il-Mulej Alla tagħkom. [Eżek:39:23] U jkunu jafu l-ġnus li l-poplu ta' Iżrael kien itturufnat minħabba ħżunitu, u għax imxew ħażin miegħi jien ħbejt wiċċi minnhom, u rħejthom f'idejn l-għedewwa tagħhom, u lkoll waqgħu taħt ix-xabla. [Eżek:39:24] Skond tniġġishom u skond dnubiethom imxejt magħhom, u ħbejt wiċċi minnhom.

[Eżek:39:25] "Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: Issa nbiddel ix-xorti ta' Ġakobb u nħenn għad-dar kollha ta' Iżrael, għax jien għajjur għal ismi l-qaddis. [Eżek:39:26] Huma għad jinsew l-għajb tagħhom u l-qerq li qarrqu bija meta jibdew jgħammru fil-pajjiż bi kwiethom bla biża' ta' ħadd. [Eżek:39:27] Meta nkun reġġajthom lura minn fost il-ġnus u ġbarthom mill-artijiet ta' l-għedewwa tagħhom, mbagħad nuri qdusiti bihom f'għajnejn il-kotra tal-ġnus. [Eżek:39:28] U jkunu jafu li jien il-Mulej Alla tagħhom meta, wara li nkun itturufnajthom fost il-ġnus, nkun ġbarthom f'arthom u ma nkun ħallejt 'il ħadd minnhom hemm. [Eżek:39:29] Wiċċi ma naħbihx aktar minnhom għax inkun sawwabt l-ispirtu tiegħi fuq id-dar ta' Iżrael, oraklu ta' Sidi l-Mulej."

40. It-tempju l-ġdid

[Eżek:40:1] Fis-sena ħamsa u għoxrin tat-turufnament tagħha, fil-bidu tas-sena, fl-għaxra tax-xahar, fis-sena erbatax mill-waqgħa tal-belt, dakinhar, ġiet fuqi id il-Mulej. [Eżek:40:2] F'dehra ta' Alla ħadni fl-art ta' Iżrael, u qegħedni fuq muntanja għolja ħafna, u fin-naħa tan-nofsinhar tagħha kien hemm qisha belt mibnija.

[Eżek:40:3] Ħadni lejha, u hemm rajt raġel fid-dehra tiegħu qisu tal-bronż, u kellu f'idu ħabel tal-kittien u qasba tal-qjies, u kien wieqaf fil-bieb. [Eżek:40:4] Ir-raġel qalli: "O bniedem, ara sewwa, u isma' tajjeb, u żomm f'moħħok kull ma se nurik, għax int inġibt hawn għandi biex nurihulek. Ħabbar kull ma tara lil dar Iżrael."

Id-daħla ta' barra

[Eżek:40:5] Ara! Kien hemm ħajt minn barra madwar it-tempju u f'id ir-raġel qasba tal-qjies ta' sitt idriegħ, kull driegħ kien fih driegħ u erbat iswaba'. U hu qies il-ħxuna li kienet qasba, u l-għoli li kien qasba.

Il-bieb tal-lvant

[Eżek:40:6] Mbagħad mar fil-bieb li jħares lejn il-lvant, tela' t-taraġ u qies l-għatba tal-bieb, li kienet fonda qasba. [Eżek:40:7] Kull kamra kienet qasba wiesgħa u qasba twila, u bejn il-kmamar kien hemm wisa' ta' ħamest idriegħ u l-għatba tal-bieb ta' ħdejn il-portiku min-naħa ta' ġewwa kienet fonda qasba. [Eżek:40:8] Hu qies il-portiku tal-bieb li kien tmint idriegħ, u l-pilastri żewġt idriegħ. [Eżek:40:9] Il-portiku tal-bieb kien in-naħa ta' ġewwa. [Eżek:40:10] U l-kmamar tal-bieb fuq il-lvant kienu tlieta fuq ġenb u tlieta fuq il-ġenb l-ieħor. Kienu t-tlieta ta' qjies wieħed, u l-pilastri fuq kull ġenb kienu wkoll qjies wieħed. [Eżek:40:11] U qies ukoll il-wisa' tal-ftuħ tad-daħla, għaxart idriegħ wisa', u l-wisa' ta' l-intrata li kien tlettax-il driegħ. [Eżek:40:12] Quddiem il-kamra, fuq kull ġenb, kien hemm rixtellu wiesa' driegħ, u kull kamra kienet ta' sitt idriegħ naħa u sitt idriegħ in-naħa l-oħra. [Eżek:40:13] Qies ukoll l-intrata mis-saqaf ta' kamra għas-saqaf tal-kamra ta' quddiemha: ħamsa u għoxrin driegħ wisa' minn bieb sa bieb.

[Eżek:40:14] U qies il-portiku li kien għoxrin driegħ, u mal-portiku tad-daħla kien hemm il-bitħa dawramejt. [Eżek:40:15] U mill-faċċata tal-bieb ta' barra sal-faċċata tal-portiku tal-bieb fuq in-naħa ta' ġewwa kien hemm ħamsin driegħ. [Eżek:40:16] Il-kmamar tal-pilastri 'l ġewwa mid-daħla dawramejt kellhom twieqi falza skorra, u l-portiku wkoll kellu twieqi dawramejt in-naħa ta' ġewwa. Il-pilastri kellhom il-palm minqux fuqhom.

Il-bitħa ta' barra

[Eżek:40:17] Mbagħad daħħalni fil-bitħa ta' barra, u hemm kien hemm kmamar u bordura ta' art iċċangata madwar il-bitħa. Il-kmamar madwar dan il-paviment kienu tletin. [Eżek:40:18] Il-paviment kien mal-bibien, u wiesa' daqs kemm kienu twal il-bibien: dan kien il-paviment t'isfel. [Eżek:40:19] U qies il-wisa' tal-bitħa mill-faċċata tal-bieb t'isfel sal-faċċata tal-bieb ta' ġewwa 'l barra, kien fiha mitt driegħ.

Il-bieb tat-tramuntana

[Eżek:40:20] Mbagħad resaq lejn it-tramuntana fejn kien hemm bieb iħares lejn it-tramuntana fil-bitħa ta' barra, u qies it-tul u l-wisa' tiegħu. [Eżek:40:21] Il-kmamar tiegħu, tlieta fuq naħa u tlieta fuq oħra; il-pilastri u l-portiku tiegħu kellhom qjies wieħed bħall-ewwel bieb: ħamsin driegħ tul u ħamsa u għoxrin wisa'. [Eżek:40:22] It-twieqi tiegħu, il-portiku, u l-palm minquxa kienu ta' l-istess daqs bħall-bieb li kien hemm iħares lejn il-lvant; u kont titla' għalih b'seba' tarġiet u l-portiku tiegħu kien jagħti għan-naħa ta' ġewwa. [Eżek:40:23] Il-bitħa ta' ġewwa kellha bieb biswit il-bieb tat-tramuntana, l-istess bħal fuq il-lvant, u kejjel mitt driegħ minn bieb għal bieb.

Il-bieb tan-nofsinhar

[Eżek:40:24] Mbagħad ħadni lejn in-nofsinhar, fejn kien hemm bieb iħares lejn in-nofsinhar, u qies il-kmamar, u l-pilastri u l-portiku tiegħu; kienu ta' l-istess daqs bħall-oħrajn. [Eżek:40:25] Il-portiku tiegħu kellu twieqi dawramejt bħat-twieqi l-oħra: ħamsin driegħ tul u ħamsa u għoxrin driegħ wisa'. [Eżek:40:26] U kont titla' għalih b'seba' tarġiet, u l-portiku tiegħu kien in-naħa ta' ġewwa, u kellu palm minqux fuq il-pilastri wieħed fuq kull naħa. [Eżek:40:27] U l-bitħa ta' ġewwa kellha wkoll bieb in-naħa tan-nofsinhar; u kejjel mitt driegħ minn bieb għal bieb.

[Eżek:40:28] Mbagħad ħadni fil-bitħa ta' ġewwa mill-bieb tan-nofsinhar u qies il-bieb tan-nofsinhar: kien ta' l-istess qisien. [Eżek:40:29] Il-kmamar, il-pilastri u l-portiku kienu daqs l-oħrajn. Kellu hu u l-portiku tiegħu twieqi dawramejt. [Eżek:40:30] Kien twil ħamsin driegħ u wiesa' ħamsa u għoxrin driegħ u kien hemm ma' l-idwar ħamsa u għoxrin driegħ tul u ħamsa wisa'. [Eżek:40:31] Il-portiku tiegħu kien fuq il-bitħa ta' barra, kellu palm minqux fuq il-pilastri u t-taraġ tiegħu kellu tmien tarġiet.

[Eżek:40:32] Mbagħad ħadni lejn il-bieb li jħares lejn il-lvant, kejjel il-bieb, u kien ta' l-istess qisien. [Eżek:40:33] Il-kmamar, il-pilastri u l-portiku kienu ta' l-istess daqs bħall-oħrajn; il-bieb u l-portiku tiegħu kellhom twieqi dawramejt; kien twil ħamsin driegħ u wiesa' ħamsa u għoxrin driegħ. [Eżek:40:34] Il-portiku tiegħu kien jagħti għal fuq il-bitħa ta' barra; kellu l-palm fuq il-pilastri tiegħu minn naħa u minn oħra, u t-taraġ tiegħu kellu tmien tarġiet.

[Eżek:40:35] U ħadni lejn il-bieb tat-tramuntana, u kejjel u sab l-istess qisien; [Eżek:40:36] kmamar, pilastri u portiku, bit-twieqi dawramejt; twil ħamsin driegħ u wiesa' ħamsa u għoxrin driegħ. [Eżek:40:37] Il-portiku kien fuq in-naħa ta' barra. Kellu l-palm minqux fuq il-pilastri minn naħa u minn oħra, u t-taraġ tiegħu kellu tmien tarġiet.

Il-kmamar tal-ġnub

[Eżek:40:38] U kien hemm kamra bid-daħla tagħha fil-portiku tal-bieb, fejn kienu jaħslu l-vittmi għas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Eżek:40:39] Fil-portiku tal-bieb kien hemm żewġ imwejjed fuq naħa u tnejn fuq oħra biex joqtlu fuqhom il-vittmi tal-ħruq u l-vittmi tal-purifikazzjoni u l-vittmi tar-riparazzjoni. [Eżek:40:40] Fuq in-naħa ta' barra, in-naħa tat-tramuntana għal min ikun tiela' lejn dħul il-bieb, kien hemm żewġ imwejjed u tnejn oħra fuq il-ġenb l-ieħor, ħdejn il-portiku tal-bieb. [Eżek:40:41] Erba' mwejjed fuq naħa, u erba' fuq oħra maġenb il-bieb, tmienja b'kollox, fuqhom kienu joqtlu l-vittmi. [Eżek:40:42] Kien hemm erba' mwejjed oħra għall-vittmi tas-sagrifiċċji tal-ħruq, ta' ġebel minġur, twal driegħ u nofs, u wesgħin driegħ u nofs, u driegħ għolja. Fuqhom kienu jżommu t-tagħmir, li bih kienu joqtlu l-vittmi tas-sagrifiċċju tal-ħruq, ta' ġebel minġur, twal driegħ u nofs, u wesgħin driegħ u nofs, u driegħ għolja. Fuqhom kienu jżommu t-tagħmir, li bih kienu joqtlu l-vittmi tas-sagrifiċċju tal-ħruq u l-vittmi l-oħra. [Eżek:40:43] Kien hemm imwaħħla fuq ġewwa dawramejt, ganċijiet twal xiber, u fuq l-imwejjed kienu jqiegħdu l-laħam tal-vittmi.

[Eżek:40:44] U daħħalni fil-bitħa ta' ġewwa fejn kien hemm żewġt ikmamar, waħda ħdejn il-bieb fuq it-tramuntana tħares lejn in-nofsinhar u l-oħra ħdejn il-bieb fuq in-nofsinhar tħares lejn it-tramuntana. [Eżek:40:45] U qalli: "Din il-kamra li tħares lejn it-tramuntana qiegħda għall-qassisin li jieħdu ħsieb is-servizz tat-tempju, [Eżek:40:46] u l-kamra li tħares lejn in-nofsinhar qiegħda għall-qassisin li jieħdu ħsieb l-artal; huma wlied Sadok, dawk li minn fost il-Leviti huma biss jistgħu jersqu lejn il-Mulej u jservuh." [Eżek:40:47] U kejjel il-bitħa, kwadru ta' mitt driegħ tul u mitt driegħ wisa'. U kien hemm l-artal quddiem is-santwarju.

Il-bini tat-tempju

[Eżek:40:48] Mbagħad daħħalni fil-portiku tas-santwarju, u kejjel il-pilastri tal-portiku; ħamest idriegħ minn naħa, u ħamest idriegħ mill-oħra. Il-wisa' tal-bieb kien ta' erbatax-il driegħ u l-ġnub tal-bieb kienu tlitt idriegħ minn naħa u tlitt idriegħ mill-oħra.

[Eżek:40:49] Il-portiku kien għoxrin driegħ twil u tnax-il driegħ wiesa'. Kont titla' għalih b'għaxar tarġiet, u ħdejn il-pilastri kien hemm żewġ kolonni waħda naħa u oħra n-naħa l-oħra.

41. Is-santwarju

[Eżek:41:1] U daħħalni fis-santwarju u kejjel il-pilastri, u kienu wesgħin sitt idriegħ minn ġenb u sitt idriegħ mill-ieħor. [Eżek:41:2] Il-wisa' tal-bieb kien għaxart idriegħ u l-ġnub tal-bieb kienu ħamest idriegħ minn naħa u ħamsa min-naħa l-oħra. U kejjel ukoll it-tul tiegħu, u kien erbgħin driegħ ħxuna u l-wisa' għoxrin driegħ.

[Eżek:41:3] U daħal ġewwa u kejjel il-pilastri tad-daħla, żewġt idriegħ; il-bieb kien sitt idriegħ, u l-wisa' tiegħu sebat idriegħ. [Eżek:41:4] U kejjel it-tul tiegħu li kien għoxrin driegħ, u l-wisa' għoxrin driegħ ieħor 'il ġewwa min-nava. U qalli: "Dan hu l-Post il-Qaddis."

[Eżek:41:5] Kejjel il-ħajt tas-santwarju: sitt idriegħ ħxuna u l-wisa' tal-bini tal-ġenb erbat idriegħ, dawramejt mas-santwarju. [Eżek:41:6] Kien hemm mal-ġnub tliet sulari fuq xulxin, bi tletin kamra kull wieħed. Kien hemm bħal xfar madwar is-santwarju biex fuqhom iserrħu dawn il-kmamar, u hekk ma jkunux imqabbdin ġol-ħajt tas-santwarju. [Eżek:41:7] U l-kmamar kienu jitwessgħu aktar ma kienu jogħlew 'il fuq skond il-qjies tax-xfar minn sular għal sular madwar is-santwarju, għax il-ħxuna tal-ħajt tas-santwarju kienet tonqos aktar ma kienet togħla 'l fuq. Kien hemm ukoll garigor jagħti għal fuq, u hekk kont titla' mis-sular ta' taħtnett, għas-sular tan-nofs, u mbagħad għas-sular ta' fuqnett.

[Eżek:41:8] U rajt madwar is-santwarju s-sisien tal-kmamar tal-ġnub; kienu għoljin qasba sħiħa ta' sitt idriegħ tul. [Eżek:41:9] U l-ħxuna tal-ħajt tal-kmamar tal-ġnub kienet ta' ħamest idriegħ; kienu għoljin qasba sħiħa u l-bankina kienet wiesgħa ħamest idriegħ.

[Eżek:41:10] Bejn il-kmamar tal-ġenb tas-santwarju u bejn il-kmamar ta' barra kien hemm għoxrin driegħ madwar is-santwarju dawramejt. [Eżek:41:11] U l-bibien tal-kmamar tal-ġenb kienu jagħtu għal fuq il-bankina vojta: bieb wieħed fuq in-naħa tat-tramuntana u bieb ieħor fuq in-nofsinhar, u l-wisa' vojt tal-bankina kien ta' ħamest idriegħ dawramejt. [Eżek:41:12] U l-bini li kien biswit il-wesgħa vojta, fuq in-naħa tal-punent, kien wiesa' sebgħin driegħ, u l-ħajt tal-bini kien oħxon ħamest idriegħ dawramejt u twil disgħin driegħ.

[Eżek:41:13] U kejjel is-santwarju li kien fih mitt driegħ tul u l-wesgħa vojta u l-bini u l-ħitan tiegħu kienu mitt driegħ tul. [Eżek:41:14] U l-wisa' tal-faċċata tas-santwarju u l-wesgħa vojta n-naħa tal-lvant kienu wkoll mitt driegħ. [Eżek:41:15] Kejjel ukoll it-tul tal-bini biswit il-bitħa, fuq in-naħa ta' wara, u l-ħitan tiegħu, minn tarf sa tarf, u kienu ta' mitt driegħ.

Is-santwarju minn ġewwa

[Eżek:41:16] l-għetiebi, it-twieqi falza skorra u l-ħitan dawramejt, it-tlieta, sa mill-għatba, kienu miksija bl-injam dawramejt. Mill-art sat-twieqi, li kienu mgħottija, [Eżek:41:17] sa 'l fuq mill-bieb, sal-parti ta' ġewwanett tat-tempju, fuq barra u fuq kull ħajt dawramejt, minn ġewwa u minn barra, [Eżek:41:18] kien hemm xbihat minquxa: kerubini u palm, palma bejn kerubin u ieħor. Kull kerubin kellu żewġt uċuħ: [Eżek:41:19] wiċċ ta' bniedem iħares lejn palma minn naħa u wiċċ ta' ljun iħares lejn palma min-naħa l-oħra, minquxa mas- santwarju kollu dawramejt. [Eżek:41:20] Mill-art sa 'l fuq mill-bieb kien hemm imnaqqxin fil-ħajt tas-santwarju dawramejt kerubini u palm.

[Eżek:41:21] Il-ġnub tal-bieb tas-santwarju kienu kwadri u quddiem il-Post il-Qaddis kien hemm xi ħaġa tixbah [Eżek:41:22] lil artal ta' l-injam, għoli tlitt idriegħ u twil żewġt idriegħ u żewġt idriegħ wiesa'. Kellu l-kantunieri, il-maqgħad u l-ġnub tiegħu ta' l-injam. U qalli: "Din hi l-mejda ta' quddiem il-Mulej."

[Eżek:41:23] Il-Post il-Qaddis u l-Post Qaddis kellhom żewġ bibien kull wieħed; [Eżek:41:24] kull bieb kellu żewġ battenti, u kull battent kien b'żewġ tebqiet jiltwew fuq xulxin, tnejn għal battent u tnejn għall-ieħor. [Eżek:41:25] Fuq il-bibien tal-Post Qaddis kien hemm minquxa kerubini u palm, bħalma kien hemm fuq il-ħitan. Kien hemm ukoll tisqifa ta' l-injam quddiem il-portiku minn barra; [Eżek:41:26] u t-twieqi falza skorra, u palm minqux fuq kull naħa fuq il-ġnub tal-portiku, il-bini mal-ġnub tat-tempju u t-tisqifa.

Il-bini tal-qassisin

[Eżek:42:1] Ħariġni barra fil-bitħa ta' barra min-naħa tat-tramuntana, u ħadni ħdejn il-kmamar biswit il-wesgħa vojta u biswit il-bini fuq it-tramuntana. [Eżek:42:2] It-tul fuq in-naħa tat-tramuntana kien ta' mitt driegħ, u l-wisa' ħamsin driegħ. [Eżek:42:3] Dan il-bini kien jasal sa għoxrin driegħ 'il barra min-naħa tal-bitħa ta' ġewwa u jieħu għaċ-ċangâr tal-bitħa ta' barra. Biswit il-kmamar kien hemm setaħ fuq kull wieħed mit-tliet sulari kmamar. [Eżek:42:4] Bejn dawn iż-żewġ sulari kmamar, kien hemm passaġġ jieħu għal ġewwa għaxart idriegħ wiesa' u twil mitt driegħ; il-bwieb tagħhom kienu fuq it-tramuntana. [Eżek:42:5] Il-kmamar ta' fuq kienu idjaq minn dawk tas-sular tan-nofs u ta' taħtnett, għaliex is-setaħ kien maqtugħ minnhom.

[Eżek:42:6] Kienu mqassma fi tliet sulari u ma kellhomx kolonni bħall-kolonni tal-btieħi, għalhekk il-kmamar ta' fuq kienu idjaq minn dawk tan-nofs u ta' taħtnett fl-art. [Eżek:42:7] Kien hemm ħajt fuq barra matul il-kmamar, fuq in-naħa tal-bitħa ta' barra, biswit il-kmamar, twil ħamsin driegħ, [Eżek:42:8] għax it-tul tal-kmamar fuq in-naħa tal-bitħa ta' barra kien ħamsin driegħ, u dak tal-kmamar biswit is-santwarju kien ta' mitt driegħ. [Eżek:42:9] U 'l isfel minn dawn il-kmamar kien hemm il-bieb biex tidħol għalihom min-naħa tal-lvant, mill-bitħa ta' barra [Eżek:42:10] fejn kien jibda l-ħajt tal-bitħa.

In-naħa tan-nofs, quddiem il-wesgħa vojta u quddiem il-bini tas-santwarju, kien hemm ukoll il-kmamar. [Eżek:42:11] Quddiemhom kien hemm passaġġ bħal dak tal-kmamar fuq it-tramuntana bl-istess tul u wisa' tagħhom; ħruġ, tifsila u dħul, kollox bħal tagħhom. [Eżek:42:12] U 'l isfel mill-kmamar fuq in-naħa tan-nofsinhar kien hemm id-dħul fejn jibda l-ħajt ta' barra, biswit il-passaġġ maqtugħ u l-bini, inti u dieħel min-naħa tal-lvant.

[Eżek:42:13] U qalli: "Il-kmamar li hemm fuq in-naħa tat-tramuntana u dik tan-nofsinhar tal-wesgħa vojta huma l-kmamar tas-santwarju fejn il-qassisin, li jersqu lejn il-Mulej, jieklu l-aktar ħwejjeġ qaddisa; hawn iġibu l-offerti l-aktar qaddisa; l-offerti tal-qamħ, il-vittmi tal-purifikazzjoni u tar-riparazzjoni; għax dan il-post hu post qaddis." [Eżek:42:14] Meta l-qaddisin ikunu daħlu hawn, ma jkunux jistgħu joħorġu minn dan il-post qaddis għall-bitħa ta' barra qabel ma jneħħu minn fuqhom ilbieshom li bih ikunu għamlu s-servizz, għax qaddis hu. Mbagħad jilbsu lbies ieħor, u jkunu jistgħu jersqu lejn post il-poplu.

Il-qisien tal-bitħa ta' ġewwa

[Eżek:42:15] Meta spiċċa jieħu l-qjies tat-tempju minn ġewwa ħariġni mill-bieb li jħares lejn il-lvant u qies madwaru kollu. [Eżek:42:16] Kejjel in-naħa tal-lvant bil-qasba tal-qjies: ħames mitt driegħ skond il-qasba tal-qjies. Dar [Eżek:42:17] u kejjel in-naħa tat-tramuntana: ħames mitt driegħ skond il-qasba tal-qjies. Dar [Eżek:42:18] lejn in-nofsinhar u kejjel ħames mitt driegħ skond il-qasba tal-qjies. [Eżek:42:19] Mbagħad dar lejn il-punent u kejjel ħames mitt driegħ skond il-qasba tal-qjies. [Eżek:42:20] Kejjel mill-erbat irjieħ; kien ħajt wieħed idawwar it-tempju minn kull naħa: twil ħames mitt driegħ u wiesa' ħames mitt driegħ. Kien jifred il-qaddis mill-profan.

43. Il-glorja tal-Mulej timla t-tempju

[Eżek:43:1] U ġiebni ħdejn il-bieb li jħares lejn il-lvant. [Eżek:43:2] U, ara, il-glorja ta' Alla ta' Iżrael riesqa min-naħa tal-lvant; il-ħoss tagħha bħall-ħoss ta' gliegel ta' ilma, u l-art kienet tiddi bil-glorja tiegħu. [Eżek:43:3] U d-dehra li rajt kienet bħal dik id-dehra li kelli meta ġie biex jeqred il-belt u bħal dik li kelli ħdejn ix-xmara Kebar. Jiena nxtħett wiċċi fl-art. [Eżek:43:4] U l-glorja tal-Mulej daħlet fis-santwarju mill-bieb li jagħti għan-naħa tal-lvant. [Eżek:43:5] L-ispirtu refagħni u daħħalni fil-bitħa ta' ġewwa, u, ara, il-glorja tal-Mulej imliet is-santwarju. [Eżek:43:6] U smajt min ikellimni mis-santwarju waqt li raġel kien wieqaf ħdejja. [Eżek:43:7] U qalli: "O bniedem, dan hu l-post tat-tron tiegħi, il-post fejn inqiegħed qiegħ riġlejja, u li fih jien se ngħammar fost ulied Iżrael għal dejjem ta' dejjem. Qatt iżjed dar Iżrael, huma u s-slaten tagħhom, ma jkasbru ismi l-qaddis biż-żína tagħhom, u bl-iġsma mejta tas-slaten tagħhom. [Eżek:43:8] Għax huma qiegħdu l-għatba tagħhom ħdejn l-għatba tiegħi, il-ġnieb ta' bwiebhom mal-ġnieb ta' bwiebi; daqsxejn ta' ħajt biss kien hemm bejni u bejnhom. Kasbru bi qżiżijiethom ismi l-qaddis, għalhekk blajthom fil-korla tiegħi. [Eżek:43:9] Ħa jwarrbu issa 'l bogħod minni ż-żína tagħhom u l-iġsma tas-slaten tagħhom, u jien ngħammar f'nofshom għal dejjem.

Il-liġi tat-tempju

[Eżek:43:10] "U inti, o bniedem, urihom lil dar Iżrael x'inhu t-tempju, il-qisien u t-tifsila tiegħu, ħa jistħu minn ħżunithom. [Eżek:43:11] U jekk jistħu minn kull ma għamlu, urihom is-sura tat-tempju, it-tifsila tiegħu, il-ħruġ u d-dħul tiegħu, it-tqassim tiegħu kollu, ir-riti u l-preskrizzjonijiet tiegħu kollha, u iktibhomlhom quddiem għajnejhom biex huma jħarsu r-riti u l-preskrizzjonijiet kollha, u jagħmluhom. [Eżek:43:12] Din hi l-liġi tat-tempju: il-quċċata ta' l-għolja, il-medda kollha tagħha dawramejt, tkun mill-aktar qaddisa." Din hi l-liġi tat-tempju.

L-artal

[Eżek:43:13] Dawn huma l-qisien ta' l-artal bl-idriegħ; id-driegħ hu driegħ bl-erbat iswaba' u wisa' ta' id. Il-bażi kienet għolja driegħ, u wiesgħa driegħ ieħor, u madwarha fix-xifer kellha bordura għolja xiber. U l-għoli ta' l-artal kien dan: [Eżek:43:14] mill-bażi fl-art sax-xifer tal-pjan ta' taħt żewġt idriegħ, u l-wisa' driegħ; u mill-pjan ta' taħt għall-pjan ta' fuq erbat idriegħ u l-wisa ta' driegħ; [Eżek:43:15] il-fuklar ta' l-artal kien erbat idriegħ għoli; u mill-fuklar kienu ħierġa 'l fuq erbat iqrun. [Eżek:43:16] Il-fuklar ta' l-artal kien tnax-il driegħ twil u tnax wiesa', kwadru fuq l-erbat iġnub. [Eżek:43:17] Il-pjan ta' taħt kien ta' erbatax-il driegħ tul b'erbatax-il driegħ wisa' fuq l-erbat iġnub; u l-bordura madwaru kienet għolja nofs driegħ, u l-bażi driegħ dawramejt. It-taraġ, mbagħad, kien iħares lejn il-lvant.

[Eżek:43:18] Mbagħad qalli: "O bniedem, dan jgħid Sidi l-Mulej: dawn huma l-liġijiet li jmissu l-artal għal meta jiġu biex jibnuh biex fuqu joffru s-sagrifiċċju u jroxxu d-demm fuqu. [Eżek:43:19] Int tagħti lill-qassisin Leviti, min-nisel ta' Sadok, li jersqu biex iservuni, oraklu ta' Sidi l-Mulej, għoġol għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. [Eżek:43:20] U tieħu mid-demm tiegħu, u ssawwbu fuq l-erbat iqrun u l-erba' kantunieri tal-pjan u l-bordura ta' madwaru, u hekk tippurifikah u tagħmel tpattija għalih. [Eżek:43:21] U tieħu l-għoġol tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u taħarqu fil-post tat-tempju barra s-santwarju. [Eżek:43:22] U fit-tieni jum toffri b'sagrifiċċju ta' purifikazzjoni bodbod bla difett għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u tippurifika l-artal bħalma tkun għamilt bl-għoġol. [Eżek:43:23] U meta ttemm il-purifikazzjoni toffri għoġol bla difett u muntun bla difett mill-imrieħel; [Eżek:43:24] toffrihom lill-Mulej: fuqhom il-qassisin jixħtu l-melħ u joffruhom b'sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej. [Eżek:43:25] Għal sebat ijiem int toffri bodbod kuljum b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; u joffru wkoll għoġol u muntun mill-imrieħel, it-tnejn bla difett. [Eżek:43:26] Sebat ijiem tieħu l-purifikazzjoni ta' l-artal, u jnaddfuh u jikkonsagrawh. [Eżek:43:27] Meta jkunu ntemmu dawn il-jiem, fit-tmien jum, minn dakinhar 'il quddiem, il-qassisin jibdew joffru fuq l-artal is-sagrifiċċji tal-ħruq tagħkom u s-sagrifiċċji tas-sliem. Jiena mbagħad nitgħaxxaq bikom."

44. Il-bieb il-magħluq

[Eżek:44:1] U raġa' ħadni lejn il-bieb ta' barra tat-tempju, li jħares lejn il-lvant: dan kien magħluq. [Eżek:44:2] U qalli: "Dan il-bieb jibqa' magħluq: m'għandux jinfetaħ, u ħadd m'għandu jgħaddi minnu għax il-Mulej, Alla ta' Iżrael, għadda minnu, għalhekk għandu jibqa' magħluq. [Eżek:44:3] Il-prinċep, għax hu prinċep, jista' joqgħod bilqiegħda fih, u jiekol l-ikel quddiem il-Mulej, imma jidħol u joħroġ mill-portiku." Oraklu ta' Sidi l-Mulej.

Id-dħul fit-tempju

[Eżek:44:4] U ħadni lejn il-bieb tat-tramuntana biswit is-santwarju u, araw, jien rajt il-glorja tal-Mulej timla s-santwarju tal-Mulej u nxtħett wiċċi fl-art. [Eżek:44:5] U qalli l-Mulej: "O bniedem, moħħok hawn! Ara b'għajnejk u isma' b'widnejk kulma se ngħidlek fuq il-preskrizzjonijiet kollha ta' dar il-Mulej u l-liġijiet tagħha, u żomm sewwa f'qalbek dwar min jista' jidħol fit-tempju u min għandu jibqa' barra mis-santwarju.

[Eżek:44:6] "U għid lix-xewwiexa ta' dar Iżrael: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Ma kienx biżżejjed għalikom l-għemil mistkerrah tagħkom, dar Iżrael, [Eżek:44:7] biex daħħaltu l-barrani bla ħtin f'qalbu u bla ħtin f'ġismu, fit-tempju tiegħi biex niġġistuh, waqt li kontu toffruli l-ħobż u x-xaħam u d-demm; u ġibtu fix-xejn il-patt tiegħi bl-għemejjel tagħkom? [Eżek:44:8] Flok ħadtu ħsieb il-ħwejjeġ qaddisa intom, qabbadtu oħrajn iservuni fit-tempju tiegħi. [Eżek:44:9] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: Ebda barrani, bla ħtin f'qalbu u bla ħtin f'ġismu, ma jidħol fit-tempju tiegħi; ebda barrani minn dawk li jgħammru fost ulied Iżrael.

Il-Leviti

[Eżek:44:10] "Il-Leviti, mbagħad, li tbiegħdu minni meta Iżrael twarrab minni għal wara allathom, ikollhom jitgħabbew bil-ħażen tagħhom. [Eżek:44:11] Ikollhom iservu fit-tempju tiegħi bħala għases fil-bwieb tat-tempju u qaddejja tat-tempju; joqtlu l-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq u l-vittmi l-oħra għall-poplu, u huma jibqgħu hemm biex iservuhom. [Eżek:44:12] Għax huma kienu jservuhom quddiem l-allat tagħhom u kienu huma li waqqgħu lil dar Iżrael fil-ħażen. Għalhekk jien erfajt idejja u ħlift kontriehom, oraklu ta' Sidi l-Mulej, huma jħallsu ta' dnubhom. [Eżek:44:13] Ma jersqux lejja biex iservuni ta' qassisin, lanqas jersqu lejn il-ħwejjeġ ikkonsagrati u l-aktar qaddisa tiegħi, imma jħallsu għall-għajb tagħhom u l-għarukażijiet li għamlu. [Eżek:44:14] Nagħmilhom servi tat-tempju, għax-xogħol kollu tiegħu u kull ma jsir fih.

Il-qassisin

[Eżek:44:15] "Il-qassisin Leviti, nisel Sadok, li ħadu ħsieb is-servizz tat-tempju tiegħi meta twarrbu minni wlied Iżrael, huma jersqu lejja biex iservuni u jibqgħu quddiemi biex joffruli x-xaħam u d-demm, oraklu ta' Sidi l-Mulej. [Eżek:44:16] Huma jidħlu fit-tempju tiegħi, u huma jersqu lejn il-mejda tiegħi biex iservuni, u jħarsu s-servizzi tiegħi.

[Eżek:44:17] "Meta jiġu biex jidħlu mill-bieb tal-bitħa ta' ġewwa, għandhom jilbsu lbies ta' l-għażel, u m'għandhomx ikollhom fuqhom ħwejjeġ tas-suf waqt is-servizz tagħhom fil-bieb tal-bitħa ta' ġewwa jew tas-santwarju. [Eżek:44:18] Għandu jkollhom turbanti ta' l-għażel fuq rashom u srawal ta' l-għażel ma' qaddhom; ma jitħażżmux bi ħwejjeġ li jġagħluhom jegħrqu. [Eżek:44:19] Meta joħorġu fil-bitħa ta' barra lejn il-poplu, jinżgħu lbieshom li jkunu għamlu s-servizz bih u jqegħduh fil-kmamar tas-santwarju, u mbagħad ixiddu lbies ieħor biex ma jqaddsux il-poplu bi ħwejjiġhom. [Eżek:44:20] Ma jqaxxrux il-qorriegħa ta' rashom, u lanqas m'għandhom iħallu xagħarhom jitwal, imma jżommuh maqtugħ sewwa. [Eżek:44:21] L-ebda qassis m'għandu jixrob inbid meta jidħol fil-bitħa ta' ġewwa. [Eżek:44:22] Lanqas m'għandhom jieħdu b'marthom mara armla jew miċħuda minn żewġha, imma jieħdu xebbiet minn nisel Iżrael jew xi armla minn xi qassis.

[Eżek:44:23] "Għandhom juru lill-poplu tiegħi kif jagħżel dak li hu sagru minn dak li hu profan, u jgħallmuhom jagħżlu bejn dak li hu mniġġes u dak li hu nadif.

[Eżek:44:24] "Fil-kawżi jagħmluha ta' mħallfin huma: jaqtgħu s-sentenza skond il-liġijiet tiegħi, u jħarsu l-liġijiet u l-preċetti tiegħi fil-festi kollha tiegħi, u jqaddsu Sibtijieti.

[Eżek:44:25] "Ma jersqux lejn bniedem mejjet, għax jitniġġsu. Jistgħu jitniġġsu biss jekk ikun missier, omm, iben, bint, ħu jew oħt li ma jkollhiex raġel. [Eżek:44:26] Wara li wieħed ikun tnaddaf, jgħodd sebat ijiem; [Eżek:44:27] u dakinhar li jidħol fis-santwarju, fil-bitħa ta' ġewwa, biex jagħmel is-servizz fis-santwarju, joffri sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:44:28] "Wirt ma jkollhomx, għax jiena wirthom, u ma tingħatalhom ebda propjetŕ f'Iżrael, jiena l-propjetŕ tagħhom. [Eżek:44:29] L-offerti tal-qamħ, u l-vittmi għas-sagrifiċċji tal-purifikazzjoni u tar-riparazzjoni, jikluhom huma; u kull ma jkun ikkonsagrat f'Iżrael ikun tagħhom. [Eżek:44:30] Lill-qassisin imiss l-aħjar tal-bikri ta' kull xorta u kull għotja mill-offerti tagħkom ta' kull xorta; u l-aħjar ta' l-għaġna tagħkom tagħtuh lill-qassisin, biex tniżżel il-barka fuq darek. [Eżek:44:31] L-ebda tajra jew bhima, mejta jew żbranata, m'għandhom jieklu l-qassisin."

45. It-tqassim ta' l-art

[Eżek:45:1] "Meta tiġu biex tqassmu bix-xorti l-art, il-wirt tagħkom, erfgħu sehem għall-Mulej; biċċa art qaddisa, twila ħamsa u għoxrin elf driegħ u wiesgħa għoxrin elf: tkun art sagra fil-medda tagħha kollha dawramejt. [Eżek:45:2] Minn din il-wesgħa tinqata' biċċa kwadra għat-tempju, ħames mija b'ħames mitt driegħ mill-erbat iġnieb tagħha, u wesgħa oħra ta' ħamsin driegħ madwarha. [Eżek:45:3] Minn din il-medda qis ħamsa u għoxrin elf driegħ tul u għaxart elef wisa', fiha jkun hemm it-tempju, il-post l-aktar sagru. [Eżek:45:4] Din tkun l-aktar biċċa sagra mill-art kollha; tkun tal-qassisin ministri fis-santwarju, li jersqu biex iservu lill-Mulej, u tkun għalihom il-post għad-djar u l-mergħa għall-imrieħel; [Eżek:45:5] U ħamsa u għoxrin elf driegħ tul u għaxart elef wisa' jkunu propjetŕ tal-Leviti li jservu fit-tempju, biex ikollhom bliet fejn jgħixu. [Eżek:45:6] U bħal propjetŕ għall-belt ħallu biċċa ta' ħamest elef wisa' u tul ta' ħamsa u għoxrin elf driegħ matul il-parti sagra, u din tkun tad-dar kollha ta' Iżrael. [Eżek:45:7] Lill-prinċep imbagħad tkun tmiss il-medda ta' l-art fuq il-ġnieb tal-parti sagra u tal-parti tal-belt matul il-waħda u l-oħra, min-naħa tal-punent sal-baħar, u min-naħa tal-lvant sal-fruntiera tal-lvant u t-tul ikun daqs dak ta' parti waħda minn xatt il-baħar sal-fruntiera tal-lvant. [Eżek:45:8] Din tkun l-art tiegħu, propjetŕ tiegħu f'Iżrael; hekk il-prinċpijiet tiegħi ma jaħqrux aktar il-poplu tiegħi, imma jħallu art lil dar Iżrael skond it-tribujiet tagħhom."

Kejl u wżin

[Eżek:45:9] Dan jgħid Sidi l-Mulej: "Issa biżżejjed, prinċpijiet ta' Iżrael, warrbu l-vjolenza u l-moħqrija, u agħmlu l-ħaqq u s-sewwa, tisirqux iżjed il-poplu tiegħi, oraklu ta' Sidi l-Mulej. [Eżek:45:10] Ħa jkollkom miżien sewwa, efa sewwa, u bât sewwa. [Eżek:45:11] Ħa jkunu l-efa u l-bât ta' kejl wieħed, li l-bât ikun jesa' minn għaxra waħda ta' ħomer, u l-efa minn għaxra waħda ta' ħomer; il-kejl tagħhom ikun skond il-ħomer. [Eżek:45:12] U x-xekel ikun ta' għoxrin gera; ħames xwiekel ikunu ħamsa, għoxrin xekel ikunu għoxrin, u ħamsin xekel ikunu l-mina tagħkom.

L-offerti

[Eżek:45:13] "Din hi l-offerta li għandkom terfgħu: waħda minn sitta ta' efa minn kull ħomer qamħ, u waħda minn sitta ta' efa minn kull ħomer xgħir. [Eżek:45:14] U r-regola għaż-żejt tkun waħda minn għaxra ta' bât minn kull kor, għaliex għaxar batiet jagħmlu ħomer. [Eżek:45:15] U nagħġa minn kull merħla ta' mitejn mill-mergħat għammiela ta' Iżrael għall-offerta, u l-vittmi għas-sagrifiċċji tal-ħruq, is-sagrifiċċji tas-sliem, biex taqlgħalkom il-maħfra, oraklu ta' Sidi l-Mulej.

[Eżek:45:16] "Il-poplu kollu għandu jagħti din l-offerta lill-prinċep ta' Iżrael. [Eżek:45:17] Il-prinċep, mbagħad, ikollu d-dmir li jaħseb għas-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerta tal-qmuħ u l-libazzjonijiet fil-festi, fil-qamar ġdid, fis-Sibtijiet, u fil-btajjel kollha ta' Iżrael; hu għandu jaħseb għas-sagrifiċċji tal-purifikazzjoni, l-offerta tal-qmuħ, is-sagrifiċċji tal-ħruq, is-sagrifiċċji tas-sliem għall-maħfra ta' dar Iżrael."

Il-festa ta' l-Għid

[Eżek:45:18] Dan jgħid Sidi l-Mulej: "Fl-ewwel xahar, fl-ewwel tax-xahar, tieħu għoġol bla difett u tnaddaf is-santwarju. [Eżek:45:19] U l-qassis jieħu mid-demm tal-vittma tal-purifikazzjoni u jroxx minnu mal-ġnub tal-bwieb tas-santwarju, fuq l-erba' kantunieri tal-bażi ta' l-artal u fuq l-ġnub ta' bwieb il-bitħa ta' ġewwa. [Eżek:45:20] Hekk ukoll tagħmel fis-sebgħa tax-xahar għal kull min ikun dineb b'aljenazzjoni jew għax ma kienx jaf: hekk tippurifika s-santwarju. [Eżek:45:21] Fl-erbatax ta' l-ewwel xahar ikollhom il-festa ta' l-Għid, u għal sebat ijiem jittiekel ħobż bla ħmira. [Eżek:45:22] Dakinhar il-prinċep joffri għoġol b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni għalih u għall-poplu kollu tal-pajjiż. [Eżek:45:23] U matul is-sebat ijiem tal-festa joffri sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej ta' seba' għoġiela u seba' mtaten bla difett kull jum għal sebat ijiem, u bodbod b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni kull jum. [Eżek:45:24] U ssir offerta tal-qmuħ: efa ma' l-għoġol u mal-muntun, u ħin żejt ma' kull efa.

Fil-festa tat-Tabernakli

[Eżek:45:25] "Fil-ħmistax il-jum tas-seba' xahar, fil-festa, joffri għal sebat ijiem dawn l-istess ħwejjeġ, sagrifiċċji tal-purifikazzjoni, sagrifiċċji tal-ħruq, offerta tal-qmuħ u taż-żejt."

46. Is-Sibtijiet

[Eżek:46:1] Dan jgħid Sidi l-Mulej: "Il-bieb tal-bitħa ta' ġewwa li jħares fuq il-lvant jibqa' magħluq fis-sitt ijiem tax-xogħol, u jinfetaħ nhar ta' Sibt u fl-ewwel tax-xahar, jum il-qamar ġdid. [Eżek:46:2] U l-prinċep jidħol mill-portiku tal-bieb min-naħa ta' barra u jieqaf ħdejn il-koxox tal-bieb: mbagħad il-qassisin joffru s-sagrifiċċji tiegħu tal-ħruq u tas-sliem, u hu jadura minn fuq l-għatba tal-bieb u joħroġ. U l-bieb ma jingħalaqx qabel filgħaxija. [Eżek:46:3] U l-poplu tal-pajjiż jadura fid-daħla ta' dan il-bieb fis-Sibtijiet u f'jum il-qamar ġdid quddiem il-Mulej.

[Eżek:46:4] "Is-sagrifiċċju tal-ħruq li joffri l-prinċep nhar ta' Sibt ikun ta' sitt iħrief bla difett u muntun bla difett. [Eżek:46:5] L-offerta tal-qmuħ tkun ta' efa mal-muntun; u mal-ħrief din l-offerta tkun ta' kemm ikun jogħġbu jagħti, u jżid ħin żejt ma' kull efa. [Eżek:46:6] U f'jum il-qamar ġdid ikun għoġol bla difett, sitt iħrief u bodbod bla difett. [Eżek:46:7] U l-offerta tal-qmuħ tkun ta' efa ma' l-għoġol u l-bodbod, u ta' kemm wieħed ikun jogħġbu jagħti dik ta' mal-ħrief, u jżid ħin żejt ma' kull efa.

Liġijiet ritwali

[Eżek:46:8] "Meta jidħol il-prinċep, jidħol u joħroġ mill-portiku tal-bieb. [Eżek:46:9] U meta fil-festi jidħol il-poplu tal-pajjiż għal quddiem il-Mulej, min jidħol mill-bieb tan-nofsinhar joħroġ mill-bieb tat-tramuntana: Ħadd ma jerġa' joħroġ mill-bieb li minnu jkun daħal, imma joħorġu minn dak ta' biswitu. [Eżek:46:10] Il-prinċep imbagħad li jkun f'nofshom, jidħol meta jidħlu huma u joħroġ meta joħorġu huma.

[Eżek:46:11] "Fil-festi u fis-sollennitajiet l-offerta tal-qmuħ tkun ta' efa għall-għoġol, u ta' efa għall-muntun, u għall-ħrief skond ma wieħed ikun jogħġbu jagħti u jżid ħin żejt għal kull efa. [Eżek:46:12] Meta l-prinċep jagħmel sagrifiċċju minn rajh, sagrifiċċju tal-ħruq jew tas-sliem, lill-Mulej, jiftħulu l-bieb li jħares lejn il-lvant, u jagħmel is-sagrifiċċju tiegħu tal-ħruq u s-sagrifiċċju tas-sliem, bħalma joffrih nhar ta' Sibt f'jum is-Sibt; mbagħad joħroġ, u meta jkun ħareġ jagħlqu l-bieb.

[Eżek:46:13] "Kull jum għandek toffri b'sagrifiċċju tal-ħruq ħaruf ta' sena bla difett lill-Mulej, toffrih fil-għodu. [Eżek:46:14] U tagħmel ukoll kull filgħodu l-offerta tal-qmuħ miegħu: waħda minn sitta ta' efa, u żejt waħda minn tlieta ta' ħin biex troxxu fuq is-smid, offerta lill-Mulej. Din tkun liġi għal dejjem. [Eżek:46:15] U jagħmlu l-offerta tal-ħaruf u l-offerta tal-qmuħ, u taż-żejt kull filgħodu: sagrifiċċju tal-ħruq għal dejjem."

Il-prinċep u l-art

[Eżek:46:16] Dan jgħid Sidi l-Mulej: "Jekk il-prinċep jagħti xi rigal mill-wirt tiegħu lil xi ħadd minn uliedu, dan jibqa' ta' wliedu; ikun tagħhom b'wirt. [Eżek:46:17] U jekk jagħti xi rigal mill-wirt tiegħu lil xi ħadd mill-uffiċjali tiegħu, dan jibqa' tiegħu sas-sena tal-fidwa, mbagħad jerġa' jmur għand il-prinċep; biss il-wirt ta' wliedu jibqa' tagħhom għal dejjem. [Eżek:46:18] Il-prinċep m'għandu qatt jieħu għalih mill-wirt tal-poplu billi jgħakkishom u jċaħħadhom minn ġidhom; dak li hu tiegħu jħallih b'wirt lil uliedu, biex ħadd mill-poplu tiegħi ma jkun imkeċċi mill-propjetŕ tiegħu."

Kċejjen tat-tempju

[Eżek:46:19] U ġiebni fid-daħla ta' maġenb il-bieb ħdejn il-kmamar tas-santwarju tal-qassisin li jħarsu lejn it-tramuntana, u kien hemm post 'il ġewwa n-naħa tal-punent. [Eżek:46:20] U qalli: "Hawn hu l-post fejn il-qassisin isajjru l-vittmi għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni u dawk tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u fejn jaħmu l-offerta tal-qmuħ biex ma joħorġuhomx fil-bitħa ta' barra; u hekk ma jitqaddisx il-poplu."

[Eżek:46:21] U ħariġni fil-bitħa ta' barra, għaddieni mill-erba' rkejjen tal-bitħa, u ara, kien hemm bitħa f'kull rokna tal-bitħa. [Eżek:46:22] Fl-erba' rkejjen tal-bitħa kien hemm btieħi magħluqa għalihom, twal erbgħin driegħ u wesgħin tletin; l-erba' ta' qjies wieħed. [Eżek:46:23] Kien hemm ħajt madwarhom l-erbgħa u dawramejt taħt il-ħajt kien hemm mibnija fuklarijiet. [Eżek:46:24] U qalli: "Dawn huma l-kċejjen fejn is-servi tat-tempju jsajjru l-vittmi tal-poplu."


47. L-ilma ġieri mit-tempju

[Eżek:47:1] Mbagħad ħadni lura ħdejn il-bieb tas-santwarju; u ara, kien hemm l-ilma ħiereġ minn taħt l-għatba tas-santwarju lejn il-lvant - għax is-santwarju kien iħares lejn il-lvant. U l-ilma kien ħiereġ min-naħa tal-lemin ta' l-għatba, in-naħa tan-nofsinhar ta' l-altar. [Eżek:47:2] Mbagħad ħariġni mill-bieb tat-tramuntana u mexxieni madwar, minn barra, sal-bieb ta' barra li jħares lejn il-lvant; u l-ilma kien inixxi min-naħa tal-lemin ta' l-għatba.

[Eżek:47:3] Xħin ħareġ dan ir-raġel għan-naħa tal-lvant, kellu f'idu il-ħajt tal-qjies. Mbagħad qies elf driegħ, u għaddieni mill-ilma li kien jilħaq sa l-għekiesi. [Eżek:47:4] Raġa' qies elf oħra, u għaddieni mill-ilma jilħaq sa rkubbtejja. Qies elf oħra, u għaddieni mill-ilma jilħaqli sa ġenbejja. [Eżek:47:5] Mbagħad qies elf oħra, u ma stajtx naqsam, għax l-ilma tant għola li kont tista' tgħum fih, xmara li ma tistax taqsamha. [Eżek:47:6] Mbagħad qalli: "Rajtu dan, o bniedem?" U ħadni fuq xatt ix-xmara u rġajna lura.

[Eżek:47:7] U ara, kif konna rieġgħa lura, rajt ħafna siġar ma' xatt ix-xmara, fuq naħa u fuq oħra. [Eżek:47:8] U qalli: "Dan l-ilma ħiereġ lejn in-naħa tal-lvant u nieżel lejn l-Għaraba; u meta jasal fil-Baħar il-Mejjet b'dak l-ilma mielaħ, l-ilma jsir ilma ħelu. [Eżek:47:9] U jiġri li, kull fejn tgħaddi dik ix-xmara, kull ħaġa ħajja li tiċċaqlaq tgħix; u jkun hemm kotra kbira ta' ħut, għax, minn kull fejn jgħaddi dak l-ilma, l-ilma jitjieb u jkun hemm il-ħajja minn kull fejn tgħaddi x-xmara. [Eżek:47:10] U f'xatt ix-xmara jkun hemm is-sajjieda, u x-xbiek tagħhom ikunu mifruxa minn Għajn-geddi sa Għajn Għeglajm, u l-ħut ikun ta' kull ġens u kotran daqs il-ħut tal-baħar il-kbir. [Eżek:47:11] Imma l-ilma qiegħed u l-għadajjar ma jitjibux, imma jibqgħu mielħa. [Eżek:47:12] Fuq iż-żewġt ixtut tax-xmara jikbru siġar ta' kull ġens ta' frott; il-weraq tagħhom ma jidbielx, il-frott tagħhom ma jonqosx. Kull xahar jagħmlu frott ġdid, għax l-ilma tagħhom ħiereġ mit-tempju, u l-frott tagħhom ikun ikel, u l-weraq duwa."

Iżrael il-ġdid

[Eżek:47:13] Dan jgħid Sidi l-Mulej: "Dawn huma l-oqsma li fihom għandkom tqassmu l-art bejn it-tnax-il tribů ta' Iżrael: żewġt ishma lil Ġużeppi. [Eżek:47:14] U għandkom tqassmuha 'l-wieħed u 'l-ieħor indaqs, l-art li jien erfajt idi u ħlift li nagħtiha lil missirijietkom, għax dan il-pajjiż imiss lilkom b'wirt.

[Eżek:47:15] "Dawn huma l-fruntieri ta' l-art in-naħa tat-tramuntana mill-Baħar il-Kbir, tgħaddi minn Ħetlon, sad-daħla ta' Ħamat, Sedad, [Eżek:47:16] Berot, Sibrajm, li hemm bejn il-fruntiera ta' Damasku u l-fruntiera ta' Ħamat, sa Ħasar-għenon, li jiġi fuq il-fruntiera ta' Ħawran. [Eżek:47:17] Il-fruntiera mela tibda mill-baħar u tibqa' sejra sa Ħasar-għenon, hekk li fuqnett ikollha l-fruntiera ta' Damasku u l-fruntiera ta' Ħamat, it-tnejn fuq it-tramuntana tagħha. [Eżek:47:18] In-naħa tal-lvant il-fruntiera tgħaddi minn bejn Ħawran u bejn Damasku, bejn Gilgħad u l-pajjiż ta' Iżrael, il-Ġordan iservi ta' fruntiera sal-baħar tal-lvant, sa Tamar. Din hi l-fruntiera fuq il-lvant.

[Eżek:47:19] "Il-fruntiera fuq in-naħa tan-nofsinhar: minn Tamar sa l-ilmijiet ta' Meribat-kades, sal-wied ta' l-Eġittu, sal-Baħar il-Kbir. Din tkun il-fruntiera ta' isfel, lejn in-nofsinhar. [Eżek:47:20] Għan-naħa tal-punent il-Baħar il-Kbir ikun il-fruntiera minn biswit id-daħla ta' Ħamat. Din tkun il-fruntiera fuq il-punent.

L-ishma tat-tramuntana

[Eżek:47:21] "Din l-art taqsmuha bejnietkom skond it-tribujiet ta' Iżrael. [Eżek:47:22] Ittellgħu x-xorti għaliha biex tirtuha intom u l-barranin li jgħixu f'nofskom, u li wildu 'l uliedhom f'nofskom; tqisuhom bħan-nies tal-pajjiż, bħal ulied Iżrael; magħkom itellgħu x-xorti għall-art b'wirt fost it-tribujiet ta' Iżrael. [Eżek:47:23] U tagħtuh sehem b'wirt fit-tribů li jkun jgħammar ta' frustier fiha," oraklu ta' Sidi l-Mulej.

48. [Eżek:48:1] "Dawn huma l-ismijiet tat-tribujiet: fuq il-fruntiera tat-tramuntana mill-baħar matul it-triq li tieħu lejn Ħetlon sad-daħla ta' Ħamat, sa Ħasar-għenon, bl-art ta' Damasku fuq it-tramuntana, ħdejn Ħamat, kull waħda jkollha sehem min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Dan sehem wieħed. [Eżek:48:2] "U jmiss ma' Aser min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Aser, sehem wieħed.

[Eżek:48:3] "U jmiss ma' Aser min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Naftali, sehem wieħed.

[Eżek:48:4] "U jmiss ma' Naftali min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Manassi, sehem wieħed.

[Eżek:48:5] "U jmiss ma' Manassi min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Efrajm, sehem wieħed.

[Eżek:48:6] "U jmiss ma' Efrajm min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Ruben, sehem wieħed.

[Eżek:48:7] "U jmiss ma' Ruben min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Ġuda, sehem wieħed.

L-art sagra maqtugħa għaliha

[Eżek:48:8] "U jmiss ma' Ġuda, min-naħa tal-lvant san-naħa tal-punent, ikun hemm sehem maqtugħ għalih, wiesa' ħamsa u għoxrin elf driegħ u twil daqs l-ishma l-oħra, min-naħa tal-lvant san-naħa tal-punent: f'nofsu jkun hemm it-tempju. [Eżek:48:9] Is-sehem imbagħad li taqtgħu għall-Mulej ikun twil ħamsa u għoxrin elf driegħ u għoxrin elf wisa'.

[Eżek:48:10] "Is-sehem sagru jkun merfugħ għal dawn: in-naħa tat-tramuntana għall-qassisin: ħamsa u għoxrin elf fuq it-tramuntana u n-naħa tal-punent għaxart elef driegħ wiesa', u n-naħa tal-lvant għaxart elef wiesa', u n-naħa tan-nofsinhar ħamsa u għoxrin elf twil, u f'nofsu jkun hemm it-tempju tal-Mulej. [Eżek:48:11] Ikun dan is-sehem tal-qassisin ikkonsagrati, ulied Sadok, li jieħdu ħsieb is-servizz tiegħi, għax dawn ma twarrbux minni meta twarrbu wlied Levi. [Eżek:48:12] Huma jkollhom dan is-sehem, is-sehem l-aktar qaddis, maqtugħ mill-art matul il-limitu tal-Leviti. [Eżek:48:13] Il-Leviti, mbagħad, ikollhom is-sehem li jmiss mal-limitu tal-qassisin, ħamsa u għoxrin elf driegħ tul u għaxart elf driegħ u wisa' ta' għoxrin elf. [Eżek:48:14] Ma jistgħu jbigħu ebda biċċa minnu u anqas ipartu jew iwellu l-aħjar ta' l-art, għax hi kkonsagrata lill-Mulej.

[Eżek:48:15] "Il-ħamest elef driegħ wisa' li jifdal mill-ħamsa u għoxrin wisa' tkun art profana merfugħa għall-belt, għad-djar u għar-raba'; u l-belt tkun f'nofsha. [Eżek:48:16] Dawn huma l-qisien tagħha: in-naħa tat-tramuntana erbat elef u ħames mitt driegħ, in-naħa tan-nofsinhar erbat elef u ħames mija, in-naħa tal-lvant erbat elef u ħames mija, u dik tal-punent erbat elef u ħames mija. [Eżek:48:17] Il-belt ikollha qatgħa raba' ta' mitejn u ħamsin driegħ in-naħa tat-tramuntana, mitejn u ħamsin in-naħa tan-nofsinhar, mitejn u ħamsin in-naħa tal-lvant, u mitejn u ħamsin in-naħa tal-punent.

[Eżek:48:18] "U l-art li jifdal mit-tul matul il-biċċa sagra, jiġifieri għaxart elef driegħ fuq il-lvant, u għaxart elef in-naħa tal-punent, il-frott tagħha jmur għall-ikel tal-ħaddiema tal-belt. [Eżek:48:19] Jaħdmuha l-ħaddiema tal-belt miġbura mit-tribujiet kollha ta' Iżrael. [Eżek:48:20] Il-biċċa maqtugħa għaliha tkun kwadru ta' ħamsa u għoxrin elf driegħ b'ħamsa u għoxrin elf driegħ. Taqtgħu għalihom flimkien l-art sagra u l-propjetŕ tal-belt.

[Eżek:48:21] "Il-prinċep, mbagħad, imissu l-bċejjeċ li jifdal fuq iż-żewġ naħat tal-parti sagra u tal-biċċa tal-belt matul il-ħamsa u għoxrin elf driegħ lejn il-lvant sat-truf tal-lvant, u fuq in-naħa tal-punent matul il-ħamsa u għoxrin elf sat-truf tal-punent matul il-qasmiet tat-tribujiet. Dan kollu jkun tal-prinċep. Il-biċċa art sagra u s-santwarju tat-tempu jkunu f'nofsha. [Eżek:48:22] Il-parti tal-Leviti u l-parti tal-belt ikunu bejn l-oqsma tal-prinċep, u l-art tiegħu tkun bejn il-limiti ta' Ġuda u ta' Benjamin.

L-oqsma tan-nofsinhar

[Eżek:48:23] "Il-bqija tat-tribujiet min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Benjamin, sehem wieħed.

[Eżek:48:24] "U jmiss ma' Benjamin min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Simgħon, sehem wieħed.

[Eżek:48:25] "U jmiss ma' Simgħon min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Issakar, sehem wieħed.

[Eżek:48:26] "U jmiss ma' Issakar min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Żebulun, sehem wieħed.

[Eżek:48:27] "U jmiss ma' Żebulun min-naħa tal-lvant għan-naħa tal-punent: Gad, sehem wieħed.

[Eżek:48:28] "U jmiss ma' Gad, 'l isfel in-naħa tan-nofsinhar, il-fruntiera tgħaddi minn Tamar sa l-ilmijiet ta' Meribat-kades sal-wied ta' l-Eġittu, sal-Baħar il-Kbir.

[Eżek:48:29] "Din hi l-art li għandkom tqassmu b'wirt bejn it-tribujiet ta' Iżrael, u dawn huma l-oqsma tagħhom," oraklu tal-Mulej.

Il-bibien tal-belt

[Eżek:48:30] Dawn huma l-bibien tal-belt, min-naħa tat-tramuntana, medda ta' erbat elef u ħames mitt driegħ. [Eżek:48:31] U l-bibien jissemmew għat-tribujiet ta' Iżrael, tlieta fuq it-tramuntana: bieb Ruben, bieb Ġuda, bieb Levi; [Eżek:48:32] u fuq in-naħa tal-lvant, medda ta' erbat elef u ħames mitt driegħ, ikun hemm tliet bibien: bieb Ġużeppi, bieb Benjamin, u l-ieħor bieb Dan. [Eżek:48:33] U fuq in-naħa tan-nofsinhar, medda ta' erbat elef u ħames mitt driegħ, ikun hemm tliet bibien: bieb Simgħon, bieb Issakar, u bieb Żebulun. [Eżek:48:34] Fuq in-naħa tal-punent erbat elef u ħames mitt driegħ, ikun hemm tliet bibien: bieb Gad, bieb Aser, u bieb Naftali.

[Eżek:48:35] Id-dawra tal-belt tkun ta' tmintax-il elf driegħ; u minn dak in-nhar isem il-belt ikun:
"Hemm il-Mulej!"