IL-KTIEB TAD-DEWTORONOMJU

1. Dħul il-ktieb

[Dt:1:1] Dan hu l-kliem li Mosè qal lil ulied Iżrael kollu n-naħa l-oħra tal-Ġordan, fid-deżert ta' l-Għaraba, li jiġi biswit Suf, bejn Faran minn naħa u bejn Tofel, Laban, Ħaserot u Diżaħab mill-oħra; [Dt:1:2] ħdax-il jum mixi 'l bogħod minn Ħoreb sa Kades-barnigħa mit-triq tal-muntanja Xegħir.

[Dt:1:3] Fis-sena erbgħin, fl-ewwel tal-ħdax-il xahar, Mosè kellem lil Iżrael kollu skond kull ma ordnalu l-Mulej għalihom, [Dt:1:4] wara li kien għeleb lil Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin, li kien joqgħod f'Ħesbon, u lil Għog, sultan ta' Basan, li kien joqgħod f'Għastarot u f'Edregħi. [Dt:1:5] In-naħa l-oħra tal-Ġordan, fl-art ta' Mowab, Mosè beda jfisser din il-liġi u jgħid:

L-ewwel diskors: ħarsa lejn il-ġrajja ta' qabel

[Dt:1:6] “Il-Mulej Alla tagħna kellimna f'Ħoreb u qalilna: 'Qgħadtu biżżejjed f'din il-muntanja. [Dt:1:7] Duru u itilqu; idħlu fil-muntanji ta' l-Amurrin u fl-inħawi tagħhom kollha, fl-Għaraba, fl-għoljiet, fil-witat u fin-Negeb, f'xatt il-baħar, fl-art tal-Kangħanin, u fil-Libanu, sax-xmara l-kbira ta' l-Ewfrat.

[Dt:1:8] 'Jien tlaqt l-art f'idejkom; idħlu u ħudu l-art li l-Mulej ħalef lil missirijietkom, lil Abraham, lil Iżakk, lil Ġakobb, li jagħtiha lilhom u lil nisilhom warajhom.' [Dt:1:9] Dak iż-żmien għedtilkom: 'Ma niflaħx inreġikom waħdi. [Dt:1:10] Il-Mulej, Alla tagħkom, kattarkom bil-bosta; u intom illum kotrana bħall-kwiekeb tas-sema. [Dt:1:11] Jalla l-Mulej, Alla ta' missirijietkom, ikattarkom għal elf darba, u jberikkom kif qalilkom. [Dt:1:12] Kif nista' jien waħdi nitgħabba bil-piż tagħkom, u t-tilwim tagħkom? [Dt:1:13] Ġibuli mit-tribujiet tagħkom irġiel għorrief, dehnin u magħrufin, u jien nagħtihom is-setgħa fuqkom.'

[Dt:1:14] “U intom weġibtuni u għidtuli: 'Sewwa li qiegħed tgħidilna, nagħmluh.'

[Dt:1:15] “Għalhekk ħadt il-prinċpijiet tat-tribujiet tagħkom, rġiel għorrief u magħrufin, qegħedthom kapijiet fuqkom, kapijiet ta' l-eluf u kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, u kapijiet ta' l-għaxriet u uffiċjali oħra għat-tribujiet tagħkom.

[Dt:1:16] “U dak iż-żmien wissejt lill-imħallfin u għedtilhom: 'Isimgħu lil ħutkom, u agħmlu l-ħaqq bis-sewwa bejn bniedem u ħuh, u bejnu u l-barrani. [Dt:1:17] Tħarsux lejn l-uċuħ meta tagħmlu l-ħaqq, isimgħu ż-żgħir u l-kbir l-istess. Tibżgħu minn ħadd, għax il-ħaqq f'idejn Alla. Meta jkollkom xi kwistjoni tqila, ġibuha quddiemi u nismagħha jien.'

[Dt:1:18] “Dak iż-żmien jien tajtkom l-ordnijiet u għedtilkom kull ma għandkom tagħmlu.

F'Kades-barnigħa

[Dt:1:19] “Mbagħad tlaqna minn Ħoreb u qsamna dak id-deżert kollu, deżert kbir iwaħħxek, li intom rajtu. Għaddejna mit-triq li tieħu għall-muntanji ta' l-Amurrin, bħalma kien ordnalna l-Mulej, Alla tagħna, u wasalna Kades-barnigħa.

[Dt:1:20] “U għedtilkom: 'Wasaltu fl-għoljiet ta' l-Amurrin li l-Mulej, Alla tagħna, se jagħtina: [Dt:1:21] Ara, tak il-Mulej, Alla tiegħek, l-art f'idejk; itla' u ħudha f'idejk skond ma wiegħdek il-Mulej, Alla ta' missirijietek. Tibżax u taqtax qalbek.'

[Dt:1:22] “U intom ersaqtu lkoll lejja u għedtuli: 'Ħa nibagħtu qabilna nies biex jitkixxfulna l-art, u jgħarrfuna t-triq, li għandna nitilgħu minnha, u l-ibliet li se mmorru fihom.' [Dt:1:23] Dan il-kliem għoġobni, u għażilt minn fostkom tnax-il raġel, wieħed minn kull tribù. [Dt:1:24] U marru u telgħu l-għoljiet u waslu sa wied Eskol, u tkixxfu l-art. [Dt:1:25] U ħadu f'idejhom mill-frott ta' l-art u ġibuhulna, u tawna l-aħbar u qalulna: 'Tajba l-art li se jagħtina l-Mulej, Alla tagħna.' [Dt:1:26] Imma intom ma ridtux titilgħu, u ħadtuha kontra l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom. [Dt:1:27] U bdejtu tgergru fit-tined tagħkom u tgħidu: 'Għax jobgħodna l-Mulej ħariġna mill-Eġittu biex jerħina f'idejn l-Amurrin, u jeqridna. [Dt:1:28] Fejn se nitilgħu aħna? Ħutna qatgħulna qalbna u qalulna: Hemm poplu kbir u nies itwal minna; bliet kbar u mdawwra bi swar għoljin sas-smewwiet; u saħansitra rajna hemmhekk ulied Għanak.'

[Dt:1:29] “Jien għedtilkom: 'Titwerwrux, u titbeżżgħux minnhom. Dt:1:30] Il-Mulej, Alla tagħkom, jimxi quddiemkom, u hu stess jitqabad għalikom bħalma għamel magħkom fl-Eġittu quddiem għajnejkom. [Dt:1:31] U bħalma għamel fid-deżert, fejn rajtu kif il-Mulej, Alla tagħkom, refagħkom bħalma bniedem jerfa' lil ibnu, fit-triq kollha li mxejtu sakemm wasaltu hawn.'

[Dt:1:32] “Imma intom, madankollu, ma ridtux tafdaw fil-Mulej, Alla tagħkom, [Dt:1:33] li kien jimxi quddiemkom fit-triq, ifittxilkom post fejn tistrieħu. Billejl kien jidher fin-nar biex jurikom it-triq li kellkom tgħaddu minnha, u binhar fis-sħaba.

[Dt:1:34] “Il-Mulej sama' kliemkom, u xegħel bil-korla, u ħalef u qal: [Dt:1:35] 'Ħadd minn dawn in-nies ta' dan in-nisel ħażin ma jara l-art tajba li jien ħlift li nagħti lil missirijietkom, [Dt:1:36] ħlief Kaleb bin Ġefunni. Dan biss jaraha, u lilu nagħti l-art li rifes, u lil uliedu, għax żamm sħiħ mal-Mulej.'

[Dt:1:37] “Minħabba fikom il-Mulej ħadha kontra tiegħi wkoll u qal: 'Lanqas int ma tidħol hemm. [Dt:1:38] Jidħol Ġożwè bin Nun, li qiegħed iservik. Qawwilu qalbu, għax hu għad iqassam l-art lil Iżrael. [Dt:1:39] U t-tfal iż-żgħar tagħkom li intom għedtu se jaqgħu priża, uliedkom, li llum la jafu t-tajjeb u lanqas il-ħażin, jidħlu huma, u lilhom nagħtiha, u huma jirtuha. [Dt:1:40] Intom ikollkom idduru u tiġbdu lejn id-deżert mat-triq tal-Baħar tal-Qasab.'

[Dt:1:41] “U intom weġibtu u għedtuli: 'Dnibna kontra l-Mulej. Nitilgħu u nitqabdu skond ma ordnalna l-Mulej, Alla tagħna.' U mbagħad ilkoll tħażżimtu bl-armi tal-gwerra u ħsibtuha ħaġa ħafifa li titilgħu l-muntanja.

[Dt:1:42] “Imma l-Mulej qalli: 'Għidilhom: Titilgħu xejn u titqabdux, għaliex jien m'iniex f'nofskom, li ma jegħlbukomx l-għedewwa tagħkom.'

[Dt:1:43] U jien kellimtkom, u ma smajtux, u ħadtuha kontra l-kelma tal-Mulej, u għamiltuha ta' prużuntużi, u tlajtu l-muntanja. [Dt:1:44] U ħarġu l-Amurrin li kienu jgħammru fuq il-muntanja, u ġrew warajkom bhan-naħal, u għamlukom bċejjeċ minn Xegħir sa Ħorma.

[ Dt:1:45] “Rġajtu lura u bkejtu quddiem il-Mulej, u l-Mulej ma semax leħinkom u ma takomx widen. [Dt:1:46] U hekk intom bqajtu f'Kades-barnigħa għal ħafna żmien, iż-żmien kollu li bqajtu hemm.

2. Il-mixja fid-deżert

[Dt:2:1] “U dorna lura u tlaqna għad-deżert mat-triq tal-Baħar tal-Qasab, bħalma qalli l-Mulej, u bqajna niġġerrew mal-muntanja ta' Xegħir għal ħafna żmien.

[Dt:2:2] “U l-Mulej kellimni u qalli: [Dt:2:3] 'Ilkom tiġġerrew biżżejjed ma' dawn il-muntanji, duru lejn it-tramuntana. [Dt:2:4] Agħti lill-poplu din l-ordni: Intom se taqsmu l-art ta' ħutkom, ulied Għesaw, li jgħammru f'Xegħir. Huma jibżgħu minnkom, iżda intom oqogħdu attenti ħafna. [Dt:2:5] Taħbtux għalihom, għax ma nagħtikom xejn minn arthom, anqas daqs rifsa ta' riġel, għax il-muntanja ta' Xegħir tajtha b'wirt lil Għesaw. [Dt:2:6] L-ikel li tieklu tixtruħ minn għandhom bil-flus, u hekk ukoll l-ilma li tixorbu. [Dt:2:7] Għax il-Mulej, Alla tiegħek, bierkek f'kull xogħol ta' idejk; ħa ħsiebek fi triqtek f'dan id-deżert kbir; għal dawn l-aħħar erbgħin sena l-Mulej Alla tiegħek kien miegħek, u f'xejn ma naqsek.'

[Dt:2:8] “U għaddejna għalhekk 'il bogħod minn ħdejn ħutna, ulied Għesaw, li jgħammru f'Xegħir, mit-triq ta' l-Għaraba, minn Elat, u minn Għesjon-geber, u mbagħad ilwejna u qbadna t-triq li tieħu għad-deżert ta' Mowab.

[Dt:2:9] “U l-Mulej qalli: 'La taħbatx għal Mowab; la titqabadx u tiġġelidx magħhom; għax m'iniex se nagħtik b'wirt art minn tagħhom; l-art ta' Għar tajtha b'wirt lil ulied Lot.' [Dt:2:10] Qabilhom kienu jgħammru hemm l-Emin, poplu kbir u kotran, u twal bħall-Għanakin. [Dt:2:11] Kienu jqisuhom bhar-Refajin, li kienu wkoll bħall-Għanakin, imma l-Mowabin isejjħulhom Emin. [Dt:2:12] Qabel f'Xegħir kienu għammru l-Ħorin, imma keċċewhom ulied Għesaw, u qerduhom u daħlu flokhom, bħalma għamel Iżrael, bl-art li għandu f'idejh, l-art li tahom il-Mulej. [Dt:2:13] 'Issa, qumu u aqsmu l-wied ta' Żered', u qsamna l-wied ta' Żered.

[Dt:2:14] “Iż-żmien li ħadna biex imxejna minn Kades-barnigħa sa ma qsamna l-wied ta' Żered kien ta' tmienja u tletin sena, sakemm ma ntemmx minn nofs il-kamp in-nisel ta' dawk in-nies gwerriera, bħalma kien ħalef il-Mulej. [Dt:2:15] U id il-Mulej kienet fuqhom u qerdithom minn nofs il-kamp sa ma ntemmu għalkollox.

[Dt:2:16] “Meta l-gwerriera kienu mietu u ntemmu minn fost il-poplu, [Dt:2:17] il-Mulej kellimni u qalli: [Dt:2:18] 'Illum int se taqsam minn Għar, il-fruntiera ta' Mowab, [Dt:2:19] u toqrob lejn ulied Għammon; taħbatx għalihom u titqabadx magħhom, għax ma tajtek ebda art mill-art ta' Għammon biex tkun tiegħek, għax tajtha biex jirtuha lil ulied Lot.' [Dt:2:20] Din l-art iqisuha wkoll art ir-Refajin, għax qabel kienu jgħammru fiha huma, imma l-Għammonin isejjħulhom Żamżummin, [Dt:2:21] nies kbar u kotrana, twal bħall-Għanakin; il-Mulej iżda qeridhom malli l-Għammonin tfaċċaw quddiemhom; keċċewhom u daħlu flokhom; [Dt:2:22] bħalma għamel għal ulied Għesaw, li jgħammru f'Xegħir, meta qered il-Ħorin minn quddiemhom, u huma keċċewhom, u daħlu flokhom, u għadhom hemm sa llum. [Dt:2:23] U l-Kaftorin, li ħarġu minn Kaftor, qerdu lil Għawwin, li kienu jgħammru fl-irħula sa Gaża, u daħlu flokhom.

[Dt:2:24] “ 'Isaw, itilqu, aqsmu l-wied ta' l-Arnon. Ara, jien tajtek f'idek lil Siħon, is-sultan ta' Ħesbon l-Amurri, bl-art tiegħu. Idħol fiha u agħmillu gwerra. [Dt:2:25] Minn dan il-jum jiena nġiegħel lill-ġnus kollha taħt is-sema jitriegħdu u jitwerwru quddiemek; malli jisimgħu b'aħbarek jitriegħdu, u jinħallu quddiemek.'

Rebħa fuq Siħon u Għog

[Dt:2:26] “Jien bgħatt messaġġiera mid-deżert ta' Kedemot għand Siħon, sultan ta' Ħesbon, jgħidulu bil-kwiet; [Dt:2:27] 'Ħallini ngħaddi minn artek; nibqa' dejjem miexi dritt mat-triq, bla ma nilwi lejn il-lemin jew lejn ix-xellug. [Dt:2:28] Tbegħli bil-flus l-ikel li niekol, u tagħtini l-ilma li nixrob bil-flus, basta tħallini ngħaddi bil-mixi, [Dt:2:29] bħalma għamlu miegħi wlied Għesaw li jgħammru f'Xegħir, u l-Mowabin li jgħammru f'Għar, sakemm naqsam il-Ġordan għall-art li l-Mulej, Alla tagħna, se jagħtina.' [Dt:2:30] Iżda Siħon, is-sultan ta' Ħesbon, ma riedx li ngħaddu minn għandu, għax il-Mulej, Alla tiegħek, stinalu rasu u webbislu qalbu, biex jagħtih f'idek bħalma hu llum.

[Dt:2:31] “U l-Mulej qalli: 'Arani, jien bdejt nerħi f'idejk lil Siħon u 'l artu. Idħol fiha biex tieħu artu f'idek.' [Dt:2:32] U Siħon ħareġ għalina, hu u l-poplu tiegħu kollu, sa Gaħas biex jitqabad magħna.

[Dt:2:33] “U l-Mulej, Alla tagħna, rħieh f'idejna, u qtilna lilu, 'l uliedu u l-poplu tiegħu kollu. [Dt:2:34] Ħadna dak iż-żmien l-ibliet kollha tiegħu, u qridna għalkollox in-nies bin-nisa u t-tfal kollha, u ma ħallejna lil ħadd ħaj. [Dt:2:35] Żammejna għalina l-bhejjem u l-priża ta' l-ibliet li ħadna. [Dt:2:36] Minn Għarogħer, li qiegħda ma' xifer il-wied ta' l-Arnon, u l-belt li qiegħda fil-wied sa Gilgħad, ma kienx hemm belt li ma stajniex negħlbuha; ilkoll erħiehom f'idejna l-Mulej, Alla tagħna. [Dt:2:37] Biss ma rsaqtx lejn l-art ta' l-Għammonin, il-medda kollha tal-wied ta' Ġabbok, u l-ibliet ta' l-għolja, kollox skond ma kien ordna l-Mulej, Alla tagħna.


3. Ir-rebħa fuq Għog

[Dt:3:1] “Mbagħad ilwejna u bqajna mexjin mat-triq ta' Basan; u Għog, sultan ta' Basan, ħareġ għalina, hu u l-poplu tiegħu kollu, biex jitqabad magħna f'Edregħi.

[Dt:3:2] “U l-Mulej qalli: 'La tibżax minnu. Jien erħejtu f'idek, lilu u l-poplu tiegħu kollu, u l-art kollha tiegħu, u nagħmel miegħu dak li għamilt ma' Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin, li jgħammar f'Ħesbon.'

[Dt:3:3] “U l-Mulej, Alla tagħna, tana wkoll f'idejna lil Għog, sultan ta' Basan, u l-poplu tiegħu kollu; qtilnieh u ma ħallejnielu lil ħadd ħaj. [Dt:3:4] Dakinhar għelibna l-ibliet tiegħu kollha, u ma kienx hemm belt li ma qbadnihiex minn idejhom, sittin belt, l-inħawi kollha ta' Argob, is-saltna kollha ta' Għog f'Basan. [Dt:3:5] Dawn kienu kollha bliet iffortifikati, swar għolja, bwieb u staneg, barra l-ħafna bliet miftuħa. [Dt:3:6] Qridniehom bħalma għamilna 'l Siħon, sultan ta' Ħesbon; qridna l-ibliet kollha, ħuh, nisa u tfal. [Dt:3:7] Għalina żammejna biss il-bhejjem u l-priża.

[Dt:3:8] “Dak iż-żmien ħadna l-art minn idejn iż-żewġ slaten ta' l-Amurrin in-naħa l-oħra tal-Ġordan, mill-wied ta' l-Arnon sal-muntanja Ħermon - [Dt:3:9] is-Sidonin isejjħu 'l Ħermon Sirjon, u l-Amurrin isejjħulha Xenir - [Dt:3:10] l-ibliet kollha tal-wita fl-għoljiet, Gilgħad kollu, u Basan sa Saleka u Edregħi, bliet ta' Għog f'Basan. [Dt:3:11] Mill-bqija tar-Refajin kien baqa' waħdu Għog, is-sultan ta' Basan; it-tebut tiegħu tal-ħadid, li għadu jinsab f'Rabbat ta' l-Għammonin, hu twil disat idriegħ u erbgħa wiesa' skond id-driegħ ta' raġel.

It-tqassim ta' l-art

[Dt:3:12] “Din hi l-art, mela, li ħadna dak iż-żmien: minn Għarogħer, li qiegħda fuq il-wied ta' l-Arnon, u nofs il-muntanji ta' Gilgħad bl-ibliet tagħhom, u tajthom lir-Rubenin u lill-Gadin. [Dt:3:13] Il-bqija ta' Gilgħad u Basan kollu, is-saltna ta' Għog, tajtha lil nofs it-tribù ta' Manassi, jiġifieri n-naħa kollha ta' Argob, l-art kollha ta' Basan li jsejjħulha art ir-Refajin.

[Dt:3:14] “Ġajir bin Manassi ħa n-naħa kollha ta' Argob, f'Basan, sa truf il-Ġesurin u l-Magħkatin, u semmieha b'ismu, Ħawwat-ġajir, sa llum. [Dt:3:15] Lil Makir tajtu 'l Gilgħad. [Dt:3:16] Lir-Rubenin u 'l Gadin tajthom minn Gilgħad sal-wied ta' l-Arnon bil-fruntiera f'nofs il-wied, sal-wied ta' Ġabbok, fi truf l-art ta' l-Għammonin; [Dt:3:17] u l-Għaraba u l-Ġordan u l-medda kollha minn Kinneret sal-Baħar ta' l-Għaraba, il-Baħar il-Mielaħ, taħt ix-xaqliba tal-Pisga, in-naħa tal-lvant.

[Dt:3:18] “F'dak iż-żmien tajtkom din l-ordni: 'Il-Mulej, Alla tagħkom, riedkom tieħdu f'idejkom din l-art; mela intom, in-nies armati u kemm hemm fostkom nies ta' ħila, tgħaddu lkoll qabel ħutkom ulied Iżrael; [Dt:3:19] u jibqgħu biss fl-ibliet li tajtkom in-nisa u t-tfal u l-imrieħel tagħkom - għax naf li għandkom ħafna mrieħel - [Dt:3:20] sakemm il-Mulej jagħti l-mistrieħ lil ħutkom bħalkom, u huma wkoll jieħdu taħt idejhom l-art li l-Mulej, Alla tagħkom, se jagħtihom in-naħa l-oħra tal-Ġordan; u mbagħad terġgħu lura, kull wieħed lejn l-art tiegħu, li jiena tajtkom.'

[Dt:3:21] “Lil Ġożwè f'dak iż-żmien wissejtu u għedtlu: 'Rajt b'għajnejk x'għamel il-Mulej, Alla tagħkom, lil dawk iż-żewġ slaten; hekk jagħmel il-Mulej lis-saltniet kollha, li int sejjer fihom. [Dt:3:22] Tibżax minnhom, għax il-Mulej, Alla tagħkom, jitqabad għalikom.'

Mosè ma jidħolx f'Kangħan

[Dt:3:23] “Dak iż-żmien tlabt ħniena lill-Mulej u għedtlu: [Dt:3:24] 'Sidi Mulej, int bdejt turi lill-qaddej tiegħek il-kobor tiegħek u l-qawwa ta' driegħek; għax liema alla hemm fis-sema u fl-art li jista' jagħmel opri bħal tiegħek u għandu l-ħila tiegħek? [Dt:3:25] Ħa naqsam in-naħa l-oħra u nara din l-art tajba li qiegħda n-naħa l-oħra tal-Ġordan, dawn il-muntanji sbieħ u l-Libanu.'

[Dt:3:26] “Iżda l-Mulej inkorla għalija minħabba fikom, u ma semagħnix u qalli: 'Biżżejjed, tkellimnix aktar fuq dan. [Dt:3:27] Itla' fuq il-quċċata tal-Pisga u erfa' għajnejk lejn il-punent u t-tramuntana, lejn in-nofsinhar u l-lvant, u ara b'għajnejk, għax m'intix se taqsam il-Ġordan. [Dt:3:28] Agħti l-kmand lil Ġożwè, qawwilu u saħħaħlu qalbu, għax hu se jgħaddi quddiem dan il-poplu, u jagħtihom l-art li tara.'

[Dt:3:29] “U qgħadna fil-wied, biswit Bet-Pegħor.

4. Il-ħarsien tal-liġi ta' Alla

[Dt:4:1] “U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta' missirijietkom. [Dt:4:2] La żżidu xejn ma' dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu; qisu li tħarsu l-liġijiet tal-Mulej, Alla tagħkom, bħalma qiegħed nagħtihomlkom jien. [Dt:4:3] Rajtu b'għajnejkom x'għamel il-Mulej minħabba Bagħal-Pegħor; kull min mar wara Bagħal-Pegħor qerdu l-Mulej, Alla tiegħek, minn ġo nofskom. [Dt:4:4] Imma intom li bqajtu qalbkom miġbuda lejn il-Mulej, Alla tagħkom, għadkom ilkoll ħajjin sa llum. [Dt:4:5] Araw, jien għallimtkom liġijiet u ordnijiet kif ikkmandani l-Mulej, Alla tiegħi, biex tagħmluhom sewwa fil-pajjiż li fih se tidħlu biex ikun tagħkom. [Dt:4:6] Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f'għajnejn il-ġnus li, kif jisimgħu b'dawn il-liġijiet kollha, jgħidu, 'M'hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir.' [Dt:4:7] Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejjħulu? [Dt:4:8] Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien? [Dt:4:9] Biss iftaħ għajnejk, u oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-ħwejjeġ li rajt b'għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek tul il-jiem kollha ta' ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u 'l ulied uliedek.

[Dt:4:10] “Ftakar fil-jum meta int qgħadt quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, f'Ħoreb, meta l-Mulej qalli: 'Iġmagħli l-poplu u nsemmgħalhom kliemi biex jitgħallmu jibżgħu minni kemm idumu ħajjin fuq l-art u jgħallmuhom lil uliedhom.' [Dt:4:11] U intom qrobtu u waqaftu taħt il-muntanja u l-muntanja bdiet tħeġġeġ bin-nar tiela' sa qiegħ is-smewwiet, bis-sħab iswed u ċ-ċpar.

[Dt:4:12] “Il-Mulej imbagħad kellimkom minn ġon-nar. Smajtu l-ħoss tal-kliem, imma ma rajtu ebda xbieha, leħen biss. [Dt:4:13] Ħabbrilkom il-patt tiegħu, li ordnalkom tħarsu, l-għaxar kelmiet, u kitibhom fuq żewġ twavel tal-ġebel. [Dt:4:14] U lili l-Mulej ordnali dakinhar li ngħallimkom il-liġijiet u l-ordnijiet, biex tħarsuhom fl-art li intom sejrin fiha biex teħduha f'idejkom.

Il-qima ta' Alla wieħed

[Dt:4:15] “Meta l-Mulej, Alla tagħkom, kellimkom minn ġon-nar minn fuq il-muntanja Ħoreb, intom ma rajtu ebda xbieha, [Dt:4:16] mela ħarsu rwieħkom li ma titħassrux u tagħmlu xi sura ta' idolu, fi xbieha ta' raġel jew mara; [Dt:4:17] xbieha ta' xi bhima fuq l-art; xbieha ta' xi għasfur bil-ġwienaħ li jittajjar fl-ajru; [Dt:4:18] xbieha ta' xi ħlejqa li titkaxkar fl-art; xbieha ta' xi ħuta tal-baħar taħt l-art; [Dt:4:19] u li ma terfax għajnejk lejn is-sema u tara x-xemx, u l-qamar, u l-kwiekeb u t-tagħmir kollu tas-smewwiet, u tinxteħet quddiemhom u tadurahom.

“Dawn il-Mulej, Alla tiegħek, qassamhom lill-ġnus kollha ta' taħt is-smewwiet. [Dt:4:20] Imma lilkom għażilkom il-Mulej u ħariġkom mill-forn fejn jiddewweb il-ħadid, mill-Eġittu, biex issiru l-poplu tiegħu bħalma intom illum.

[Dt:4:21] “U l-Mulej inkorla għalija minħabba fikom, u ħalef li jien ma naqsamx il-Ġordan, li ma nidħolx fl-art tajba, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik b'wirt. [Dt:4:22] Għax jien se mmut f'din l-art, u m'iniex se naqsam il-Ġordan, imma intom tieħdu f'idejkom din l-art tajba.

[Dt:4:23] “Qisu li ma tinsewx il-patt tal-Mulej, Alla tagħkom, li għamel magħkom u ma tagħmlu ebda xbieha mnaqqxa, li l-Mulej, Alla tiegħek, ordnalek li ma tagħmilx. [Dt:4:24] Għax il-Mulej, Alla tiegħek, nar qerried, Alla għajjur.

[Dt:4:25] “Meta jkollkom uliedkom, u wlied uliedkom, u tkunu xjaħtu fl-art, u titħassru, u tagħmlu xbieha mnaqqxa, u tagħmlu dak li hu ħażin f'għajnejn il-Mulej, Alla tiegħek, u tinkurlawh; [Dt:4:26] jien insejjaħ illum b'xhud kontrikom is-smewwiet u l-art. Minnufih tinqerdu minn wiċċ l-art, li intom se taqsmu l-Ġordan biex teħduha f'idejkom; ma ddumux żmien twil fiha, għax tinqerdu għalkollox.

[Dt:4:27] “Ixerridkom il-Mulej qalb il-ġnus, u tibqgħu għadd żgħir fost il-ġnus li jkun ħadkom ġo nofshom il-Mulej. [Dt:4:28] U hemm isservu lill-allat, xogħol idejn il-bniedem, injam u ġebel, li la jaraw, la jisimgħu, la jieklu u lanqas ixommu.

[Dt:4:29] “U tfittex hemmhekk il-Mulej, Alla tiegħek, u ssibu jekk inti tfittxu b'qalbek kollha u b'ruħek kollha. [Dt:4:30] Fl-hemm tiegħek kollu, meta jiġu fuqek dawn il-ħwejjeġ kollha fl-aħħar jiem, terġa’ lura għal għand il-Mulej, Alla tiegħek, u tisma' minnu. [Dt:4:31] Għaliex il-Mulej Alla tiegħek, hu Alla ħanin: ma jitilqekx u ma jeqirdekx, u anqas ma jinsa l-patt li ħalef lil missirijietek u li għamel magħhom.

[Dt:4:32] “Staqsi liż-żminijiet ta' l-imgħoddi, iż-żminijiet ta' qabel, sa minn mindu Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art, fittex minn tarf għall-ieħor tas-sema, u ara kienx hemm ġrajja hekk kbira bħal din, jew qattx instemgħet oħra bħalha. [Dt:4:33] Qatt kien hemm poplu li sama' leħen Alla jitkellem minn ġon-nar - bħalma smajt int - u baqa' ħaj? [Dt:4:34] Jew qatt xi alla fittex li jagħżel għalih poplu minn fost poplu ieħor b'tiġrib, b'sinjali, b'għeġubijiet, b'taqbid, b'id qawwija u bi driegħ merfugħ, b'għemejjel kbar tal-biża', bħalma għamel għalik quddiem għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek? [Dt:4:35] Lilek uriehom biex tagħraf li l-Mulej hu Alla, u m'hemmx ieħor ħliefu. [Dt:4:36] Mis-sema semmagħlek leħnu biex jgħallmek, u fl-art uriek in-nar tiegħu kbir, u kliemu semmgħek minn ġon-nar. [Dt:4:37] U għaliex ħabb lil missirijietek, għażel lil nisilhom warajhom; u hu stess ħarġek mill-Eġittu bil-qawwa tiegħu kbira, [Dt:4:38] biex ikeċċi minn quddiemek ġnus ikbar u aqwa minnek, u jmexxik u jagħtik arthom b'wirt, bħalma hi llum. [Dt:4:39] Mela, kun af illum, u żommha f'moħħok, li l-Mulej hu tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru. [Dt:4:40] Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem.”

L-ibliet tal-kenn

[Dt:4:41] Mbagħad Mosè għażel tlitt ibliet in-naħa l-oħra tal-Ġordan, in-naħa tal-lvant, [Dt:4:42] fejn jistkenn il-qattiel, li jkun qatel lil għajru bla ma ried, mingħajr dan ma kien l-għadu tiegħu fl-imgħoddi. Jekk jistkenn f'waħda minn dawn l-ibliet, jibqa' ħaj. [Dt:4:43] Dawn kienu: Beser fid-deżert fil-wita għar-Rubenin, Ramot f'Gilgħad għall-Gadin, u Golan f'Basan għall-Manassin.

[Dt:4:44] Din hi l-liġi li Mosè qiegħed quddiem ulied Iżrael; [Dt:4:45] dawn huma l-preċetti u l-kmandamenti u d-digrieti li Mosè ta lil ulied Iżrael fi ħruġhom mill-Eġittu, [Dt:4:46] in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fil-wied biswit Bet-Pegħor fl-art ta' Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin, li kien jgħammar f'Ħesbon, u li għelbuh Mosè u wlied Iżrael fi ħruġhom mill-Eġittu. [Dt:4:47] U ħadu f'idejhom l-art tiegħu u l-art ta' Għog, is-sultan ta' Basan, iż-żewġ slaten ta' l-Amurrin, li tinsab in-naħa l-oħra tal-Ġordan, in-naħa tal-lvant; [Dt:4:48] minn Għarogħer li qiegħda fuq xtut il-wied ta' l-Arnon sal-muntanja ta' Sirjon, jiġifieri l-Ħermon, [Dt:4:49] u l-Għaraba kollha n-naħa l-oħra tal-Ġordan mil-lvant sal-baħar ta' l-Għaraba għal taħt ix-xaqliba tal-Pisga.

5. It-tieni diskors: L-Għaxar Kmandamenti

[Dt:5:1] U Mosè sejjaħ lil Iżrael kollu u qalilhom: “Isma', Iżrael, il-liġijiet u d-digrieti li jien qiegħed ngħidilkom f'widnejkom illum, u tgħallimhom u qis li tħarishom. [Dt:5:2] Il-Mulej, Alla tagħna, għamel patt magħna f'Ħoreb. [Dt:5:3] Mhux ma' missirijietna għamlu dan il-patt, imma magħna, magħna li qegħdin hawn illum ilkoll ħajjin. [Dt:5:4] Wiċċ imbwiċċ tkellem magħkom il-Mulej minn fuq il-muntanja, minn ġon-nar. [Dt:5:5] Jien kont qiegħed bejn il-Mulej u bejnkom f'dak il-waqt, biex ngħarrafkom bil-kelma tal-Mulej, għaliex meta rajtu n-nar bżajtu, u ma tlajtux fuq il-muntanja. U hu qalilkom:

[Dt:5:6] 'Jiena l-Mulej li ħriġtek mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar.

[Dt:5:7] 'Ma jkollokx allat oħra ħliefi; [Dt:5:8] ma tagħmel ebda idolu jew xbieha ta' ebda ħlejqa li hemm fl-għoli tas-smewwiet, jew taħt l-art, jew fl-ibħra taħt l-art. [Dt:5:9] Tadurahomx u sservihomx. Għax jiena l-Mulej, Alla tiegħek, Alla għajjur, li nikkastiga l-ulied għad-dnubiet ta' missirijiethom sat-tielet u r-raba' generazzjoni ta' min jobgħodni. [Dt:5:10] U nagħmel ħniena għal elf ġenerazzjoni ma' min iħobbni u jħares il-liġijiet tiegħi. [Dt:5:11] Issejjaħx l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fil-batal, għaliex il-Mulej ma jħallix bla kastig lil min isejjaħ ismu fil-batal. [Dt:5:12] Ħares jum is-Sibt u qaddsu bħalma ordnalek il-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:5:13] Sitt ijiem tista' taħdem, u tagħmel ix-xogħol kollu tiegħek. [Dt:5:14] Imma s-seba' jum hu l-mistrieħ tal-Mulej, Alla tiegħek: ebda xogħol ma għandek tagħmel dak in-nhar, la int, la ibnek u lanqas bintek; la l-qaddej u lanqas il-qaddejja tiegħek; la l-barri, la l-ħmar u ebda waħda mill-bhejjem tiegħek; lanqas il-barrani li jgħix f'beltek; ħalli jistrieħu bħalek il-qaddejja tiegħek, rġiel u nisa.

[Dt:5:15] 'Ftakar li int kont ilsir fl-art ta' l-Eġittu, u l-Mulej, Alla tiegħek, ħarġek minn hemm b'id qawwija u bi driegħ merfugħ; għalhekk il-Mulej, Alla tiegħek, ordnalek li tħares jum is-Sibt.

[Dt:5:16] 'Weġġaħ lil missierek u 'l ommok, bħalma l-Mulej, Alla tiegħek, ordnalek, sabiex tgħix ħajja twila, u jkollok ir-riżq fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik.

[Dt:5:17] 'La toqtolx.

[Dt:5:18] 'La tagħmilx adulterju.

[Dt:5:19] 'La tisraqx.

[Dt:5:20] 'La tixhidx fil-falz kontra għajrek.

[Dt:5:21] 'La tixtieqx il-mara ta' għajrek. La tixxennaqx għal dar għajrek: għar-raba' tiegħu, għall-qaddej tiegħu, għall-qaddejja tiegħu, għall-gendus tiegħu, għall-ħmar tiegħu, għal xejn milli għandu għajrek.'

[Dt:5:22] “Dan il-kliem qalu l-Mulej b'leħen qawwi lill-ġemgħa kollha tagħkom minn fuq il-muntanja, minn ġon-nar, minn ġos-sħaba u ċ-ċpar iswed, u xejn aktar ma żied. U kitibhom fuq żewġ twavel tal-ġebel, u tahom lili.

[Dt:5:23] “U ġara li, kif smajtu l-leħen minn ġod-dalma u l-muntanja kienet tħeġġeġ bin-nar, resqu lejja l-prinċpijiet tat-tribujiet tagħkom u x-xjuħ tagħkom [Dt:5:24] u qaluli: 'Ara, il-Mulej, Alla tagħna, wriena s-sebħ u l-kobor tiegħu, u semmagħna leħnu minn ġon-nar. Illum rajna li Alla jista' jkellem lill-bniedem u l-bniedem jibqa' ħaj. [Dt:5:25] U issa għaliex għandna mmutu? Għax se jiblagħna dan in-nar il-kbir. Jekk nibqgħu nisimgħu aħna leħen il-Mulej, Alla tagħna, se mmutu. [Dt:5:26] Għax min minn fost kemm huma l-bnedmin, qatt sama' bħalna leħen Alla ħaj jitkellem u baqa' ħaj? [Dt:5:27] Mela ersaq int, u isma' kull ma jgħid il-Mulej, Alla tagħna, mbagħad int tgħidilna kull ma jgħidlek il-Mulej, Alla tagħna, u aħna nisimgħuh u nagħmluh.'

[Dt:5:28] “U l-Mulej sama' kliemkom jidwi, intom u tkellmuni, u l-Mulej qalli: 'Jien smajt jidwi l-kliem li qallek dan l-poplu; sewwa kull ma qalulek. [Dt:5:29] M'hux li kien ikollhom dan il-ħsieb, li jibżgħu minni, u jħarsu kull ma nordnalhom għal ħajjithom kollha, u jkollhom ir-riżq, huma u wliedhom, għal dejjem. [Dt:5:30] Mur għidilhom: Erġgħu lura lejn it-tined tagħkom.

[Dt:5:31] 'Imma int, ibqa' hawn quddiemi, u jien ngħidlek il-kmandamenti u l-liġijiet u d-digrieti li għandek tgħallimhom, biex jagħmluhom fl-art li jiena se nagħtihom biex jirtuha.'

[Dt:5:32] “Mela qisu li tħarsuhom, kif ordnalkom il-Mulej, Alla tagħkom. La tilwux la lejn ix-xellug u lanqas lejn il-lemin. [Dt:5:33] Imxu fit-triq kollha li ordnalkom il-Mulej, Alla tagħkom, sabiex tgħixu u jkollkom ir-riżq, u jkollkom ħajja twila fuq l-art li se tieħdu.

6. L-imħabba ta' Alla

[Dt:6:1] “U din hi l-ordni, il-liġijiet u d-digrieti li l-Mulej, Alla tagħkom, ordnali ngħallimkom biex tħarsuhom fl-art li se tidħlu fiha biex teħduha f'idejkom: [Dt:6:2] ibża' mill-Mulej, Alla tiegħek, billi int, ibnek u bin ibnek, tħarsu dejjem il-liġijiet u l-kmandamenti kollha tiegħu, li jien qiegħed nagħtik, biex ikollok għomor twil. [Dt:6:3] Isma', o Iżrael, u ħu ħsieb agħmilhom, biex ikollok il-ġid u toktor ħafna, bħalma wiegħed il-Mulej, Alla ta' missirijietek, li jagħtik art tnixxi ħalib u għasel.

[Dt:6:4] “Isma', o Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. [Dt:6:5] Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. [Dt:6:6] Żomm f'qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. [Dt:6:7] Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f'darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum; [Dt:6:8] torbothom b'sinjal ma' idek u ddendilhom bejn għajnejk. [Dt:6:9] U tiktibhom mal-ġnub tal-bibien u fuq il-bwieb tiegħek.

[Dt:6:10] “Il-Mulej, Alla tiegħek, idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, li jagħtiha lilek, bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx; [Dt:6:11] u djar mimlija b'kull ġid li ma ħżintx int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; u tiekol u tixba'. [Dt:6:12] Qis li ma tinsiex lill-Mulej, li ħarġek mill-Eġittu, minn dar il-jasar. [Dt:6:13] Tibża' mill-Mulej, Alla tiegħek, lilu sservi u taħlef b'ismu. [Dt:6:14] Tmurx wara allat oħra, l-allat tal-ġnus l-oħra ta' madwarek. [Dt:6:15] Għax il-Mulej, Alla tiegħek, hu Alla għajjur f'nofsok, li ma tixgħelx għalik il-qilla tal-Mulej, Alla tiegħek, u jeqirdek minn wiċċ l-art.

[Dt:6:16] “La ġġarrbux lill-Mulej, Alla tagħkom, bħalma ġarrabtuh f'Massa. [Dt:6:17] Ħarsu sewwa l-liġijiet tal-Mulej, Alla tagħkom, u l-preċetti u l-kmandamenti li tak. [Dt:6:18] Int tagħmel is-sewwa u t-tajjeb f'għajnejn il-Mulej, biex ikollok ir-riżq, u tidħol u tieħu f'idejk l-art tajba li l-Mulej ħalef lil missirijietek. [Dt:6:19] Mbagħad tkeċċi 'l barra l-għedewwa tiegħek minn quddiemek bħalma tkellem il-Mulej.

[Dt:6:20] “Meta ibnek għada pitgħada jistaqsik, u jgħidlek: 'X'inhuma dawn il-preċetti, il-kmandamenti u d-digrieti li takom il-Mulej, Alla tagħna?' [Dt:6:21] int twieġeb lil ibnek: 'Konna lsiera tal-Fargħun fl-Eġittu, u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu bil-qawwa ta' jdejh. [Dt:6:22] U l-Mulej għamel quddiem għajnejna sinjali u għeġubijiet kbar bi ħsara għall-Eġittu, għall-Fargħun u daru kollha. [Dt:6:23] Lilna ħariġna minn hemm biex iġibna fl-art, u jagħtihielna kif ħalef lil missirijietna. [Dt:6:24] Il-Mulej ordnalna li nħarsu dawn il-kmandamenti kollha u li nibżgħu mill-Mulej, Alla tagħna, biex ikollna r-riżq il-jiem kollha ta' ħajjitna bħalma aħna llum. [Dt:6:25] U dan ikun is-sewwa tagħna: li nqisu li nagħmlu din il-liġi kollha quddiem il-Mulej, Alla tagħna, bħalma ordnalna hu.'

7. L-imġiba tagħhom mal-Kangħanin

[Dt:7:1] “Meta l-Mulej, Alla tiegħek, ikun wasslek fl-art li se tidħol fiha biex teħodha f'idejk, u jkun keċċa 'l barra l-ħafna ġnus minn quddiemek, il-Ħittin, il-Girgasin, l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, seba' ġnus akbar u aqwa minnek; [Dt:7:2] u meta l-Mulej, Alla tiegħek, ikun irħiehom f'idejk, u int tkun għelibthom, eqridhom u tidħol f'ebda patt magħhom, u tħennx għalihom. [Dt:7:3] La titħattinx magħhom. Lil bintek tagħtihiex lil binhom, u anqas ma tieħu lil binthom għal ibnek. [Dt:7:4] Għax dan ibiegħed lil ibnek minni biex iservi allat oħra, u jixgħel imbagħad il-Mulej bl-għadab kontra tagħkom u jeqridkom minnufih.

[Dt:7:5] “Imma hekk għandkom tagħmlulhom: iġġarrfu l-artali tagħhom, tfarrku l-plieri tagħhom, tqaċċtu x-xbihat tagħhom ta' l-Asera, u l-idoli tagħhom taħarquhom bin-nar. [Dt:7:6] Għax inti poplu qaddis għall-Mulej, Alla tiegħek; minn fost il-popli kollha li jinsabu fuq wiċċ l-art, lilek għażel il-Mulej, Alla tiegħek, biex tkun il-poplu miksub tiegħu. [Dt:7:7] U l-Mulej tgħaxxaq bikom u għażilkom, mhux għax kontu kbar fil-għadd iżjed minn kull poplu ieħor, għax intom l-iċken fil-għadd fost il-popli kollha, [Dt:7:8] iżda l-Mulej għażilkom għax ħabbkom, u għax ried iżomm il-ħalfa li ħalef lil missirijietkom; kien għalhekk li l-Mulej, b'id qawwija, ħariġkom u fdiekom minn dar il-jasar, minn id il-Fargħun, is-sultan ta' l-Eġittu.

[Dt:7:9] “Agħraf, mela, li l-Mulej, Alla tiegħek, hu Alla; Alla l-fidil, li jżomm għal elf nisel il-patt u t-tjieba tiegħu ma' ħbiebu u ma' dawk li jħarsu l-kmandamenti tiegħu; [Dt:7:10] imma jitħallas f'wiċċhom stess mill-għedewwa tiegħu billi jeqridhom; ma joqgħodx jitlajja ma' l-għadu tiegħu, imma f'wiċċu jitħallas minnu. [Dt:7:11] Ħares, mela, il-kmandamenti u l-liġijiet u d-digrieti li jiena llum qiegħed nordnalek, biex tagħmel kif jgħidu huma. [Dt:7:12] U jekk inti tisma' dawn l-ordnijiet u tħarishom u tagħmilhom, il-Mulej, Alla tiegħek, iħares il-patt u t-tjieba li ħalef lil missirijietek; [Dt:7:13] u jħobbok, u jbierkek u jkattrek, ibierek frott ġufek u frott artek, il-qamħ tiegħek, l-inbid tiegħek, iż-żejt tiegħek, il-frieħ tal-bhejjem tiegħek, u l-għalel ta' l-imrieħel tiegħek, fl-art li ħalef li jagħti lil missirijietek.

[Dt:7:14] “Mbierek tkun int aktar mill-popli kollha; ħadd fik ma jkun ħawli jew ħawlija, u lanqas fost il-bhejjem tiegħek. [Dt:7:15] Il-Mulej iwarrab minnek kull mard u ma jġibx fuqek il-mardiet koroh ta' l-Eġittu, li inti taf bihom, imma jitfagħhom fuq kull min jobogħdok. [Dt:7:16] Int tibla' l-popli kollha li l-Mulej, Alla tiegħek, se jerħi f'idejk. Ma għandhiex tħenn għajnek għalihom u ma għandekx tadura l-allat tagħhom, għax inkella dan ikun nasba għalik.

Alla jeqred il-ġnus

[Dt:7:17] “Jekk qatt tgħid f'qalbek: 'Akbar minni huma dawn il-ġnus, kif qatt nista' naqlagħhom 'il barra?' [Dt:7:18] la tibżax minnhom; ftakar sewwa x'għamel il-Mulej, Alla tiegħek, lill-Fargħun u lill-Eġittu kollu, [Dt:7:19] it-tiġrib kbir li rajt b'għajnejk, u s-sinjali u l-għeġubijiet, u l-qawwa ta' l-id u d-driegħ merfugħ, li bihom ħarġek il-Mulej, Alla tiegħek. Hekk jagħmel il-Mulej, Alla tiegħek, lill-ġnus kollha, li int qiegħed tibża' minnhom. [Dt:7:20] U saħansitra ż-żnażan jibgħat il-Mulej, Alla tiegħek, fuqhom, sa ma jinqerdu dawk li jkun baqa' jew li jkunu nħbew minnek. [Dt:7:21] La titbeżżax quddiemhom għax il-Mulej, Alla tiegħek, f'nofsok, Alla kbir u tal-biża'. [Dt:7:22] U 'l dawn il-ġnus il-Mulej, Alla tiegħek, ikeċċihom bil-qajla l-qajla minn quddiemek; ma tistax teqridhom malajr, li ma joktrux aktar minnek il-bhejjem tax-xagħri. [Dt:7:23] U l-Mulej, Alla tiegħek, jitlaqhom f'idejk, u jħarbathom tħarbita kbira sakemm jeqridhom. [Dt:7:24] U jerħi s-slaten tagħhom f'idejk, u int tħassar isimhom minn taħt is-smewwiet; ebda bniedem ma jiqaflek sakemm ma tkunx qridthom. [Dt:7:25] Ix-xbihat ta' l-allat tagħhom taħraqhom bin-nar, la tiklibx għall-fidda u d-deheb ta' fuqhom u teħodhom għalik, inkella taqa' fix-xibka, għax dawk il-ħwejjeġ jistkerrahhom il-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:7:26] Iddaħħalx f'darek ebda ħaġa mistkerrha, inkella tkun meqrud bħalha; għandek titqażżiżha u tistkerahha, għax ħaġa misħuta hi.

8. Ftakar f'Alla fi żmien il-ġid

[Dt:8:1] “Qis li tħares u tagħmel kull kmandament li jien qiegħed nagħtik illum, sabiex tgħix u toktor, u tidħol u tieħu l-art f'idejk, l-art li l-Mulej ħalef lil missirijietek. [Dt:8:2] Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x'għandek f'qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le. [Dt:8:3] Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, mbagħad temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha, biex jurik li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b'dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b'dan jgħix il-bniedem. [Dt:8:4] Il-mantar tiegħek ma tkiddx minn fuqek, u riġlejk ma ntefhux f'dawn l-erbgħin sena. [Dt:8:5] Mela għandek tkun taf u ddaħħal f'qalbek li l-Mulej, Alla tiegħek, jgħakksek, bħalma l-missier jgħakkes lil ibnu, [Dt:8:6] biex int tħares il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tiegħek, u timxi fi triqatu u tibża' minnu. [Dt:8:7] Għaliex il-Mulej, Alla tiegħek, se jdaħħlek f'art tajba, art ta' widien ta' ilma, ta' għejun u gliegel, li jferrgħu fil-witat u l-muntanji; [Dt:8:8] art tal-qamħ, tax-xgħir, tad-dwieli, tat-tin, tar-rummien; art taż-żebbuġ, taż-żejt, ta' l-għasel; [Dt:8:9] art fejn ma tikolx bl-għaks, fejn xejn ma jkun jonqsok, art fejn il-blat hu ħadid, u mill-muntanji taqtgħu l-bronż. [Dt:8:10] U tiekol, u tixba' u tbierek il-Mulej, Alla tiegħek, għall-art tajba li tak.

[Dt:8:11] “Qis li ma tinsiex lill-Mulej, Alla tiegħek, li ma tinsiex tħares il-kmandamenti u d-digrieti u l-liġijiet tiegħu, li llum jien qiegħed nordnalek. [Dt:8:12] Qis li meta tiekol u tixba', u tibni djar sbieħ u toqgħod fihom, u joktru l-baqar u l-imrieħel tiegħek, [Dt:8:13] u jiżdiedu l-fidda u d-deheb, u jikber kull ma għandek; [Dt:8:14] qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-Mulej, Alla tiegħek, li ħarġek mill-art ta' l-Eġittu, mill-art tal-jasar. [Dt:8:15] Hu li mexxiek fid-deżert kbir u jwaħħax, mimli sriep velenużi u skorpjuni, art niexfa bla ilma xejn, li ħariġlek l-ilma mill-blata taż-żnied, [Dt:8:16] li temgħek il-manna fid-deżert, li missirijietek ma kienu jafu biha xejn, bil-ħsieb li jgħakksek u jġarrbek, biex imbagħad jagħtik il-ġid. [Dt:8:17] Ma għandekx tgħid f'qalbek: 'Il-ħila tiegħi u l-qawwa ta' idi kisbuli dan il-ġid kollu.' [Dt:8:18] Ftakar fil-Mulej, Alla tiegħek, għax hu tak il-qawwa biex tikseb dan il-ġid, biex iżomm il-patt tiegħu li ħalef lil missirijietek, bħalma hu llum. [Dt:8:19] Jekk inti tinsa l-Mulej, Alla tiegħek, u tmur wara allat oħra, tadurahom u tinxteħet fl-art quddiemhom, jien ngħidilkom mil-lum stess, tinqerdu għalkollox; [Dt:8:20] bħall-ġnus li qeridhom il-Mulej minn quddiemek, hekk tinqerdu, għax ma tkunux smajtu l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom.

9. Ħarsa lejn l-imgħoddi

[Dt:9:1] “Isma', o Iżrael, illum int se taqsam il-Ġordan biex tirbaħ ġnus ikbar u aqwa minnek, bliet kbar bi swar m'ogħla s-smewwiet; [Dt:9:2] ġnus kbar u nies twal; ulied Għanak; int taf x'inhuma u int smajt min jgħid minnhom: 'Min jista' jiqfilhom 'l ulied Għanak?'

[Dt:9:3] “Kun af illum, mela, li l-Mulej, Alla tiegħek, hu li se jgħaddi quddiemek bħal nar li jibla'; hu li se jeqridhom; hu li se jrażżanhom quddiemek, u int taqlagħhom 'il barra u teqridhom minnufih, bħalma qallek il-Mulej. [Dt:9:4] Meta jaqlagħhom 'il barra minn quddiemek il-Mulej, Alla tiegħek, tgħidx f'qalbek: 'Għax kien jistħoqqli ġiebni l-Mulej biex nieħu f'idejja din l-art,' għax hu minħabba ħżunithom li l-Mulej ħarbat dawn il-ġnus quddiemek. [Dt:9:5] M'hux għax jistħoqqlok, jew għas-sewwa ta' qalbek, se tidħol int biex tieħu f'idejk l-art tagħhom, għax minħabba l-ħażen ta' dawn il-ġnus il-Mulej, Alla tiegħek, se jħarbathom quddiemek, u jtemm il-wegħda li ħalef il-Mulej lil missirijietek: lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb.

L-infedeltà ta' Iżrael fl-imgħoddi

[Dt:9:6] “Kun af li m'hux għax jistħoqqlok li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik din l-art tajba biex teħodha f'idejk, għax int poplu ta' ras iebsa. [Dt:9:7] Ftakar u tinsiex kemm inkurlajt lill-Mulej, Alla tiegħek, fid-deżert; minn dakinhar li ħriġt mill-art ta' l-Eġittu sakemm wasaltu hawn, dejjem ħadtuha kontra l-Mulej. [Dt:9:8] F'Ħoreb inkurlajtu lill-Mulej, u l-Mulej għadab għalikom li kien se jeqridkom. [Dt:9:9] Meta jien tlajt fuq il-muntanja biex nieħu t-twavel tal-ġebel, it-twavel tal-patt, li l-Mulej għamel magħkom, bqajt fuq il-muntanja erbgħin jum u erbgħin lejl, bla ma niekol ħobż u bla ma nixrob ilma; [Dt:9:10] u l-Mulej tani ż-żewġ twavel tal-ġebel, miktuba b'saba' Alla; fuqhom kien hemm il-kliem kollu li l-Mulej qalilkom minn fuq il-muntanja minn ġon-nar f'jum il-ġemgħa.

[Dt:9:11] “U ġara li fi tmiem l-erbgħin jum u l-erbgħin lejl, il-Mulej tani ż-żewġ twavel tal-ġebel, it-twavel tal-patt. [Dt:9:12] U l-Mulej qalli: 'Qum u fittex inżel minn hawn fuq, għax il-poplu tiegħek, li int ħriġtu mill-Eġittu, tħassar; diġà tbiegħdu mit-triq li jien ordnajtilhom; għamlu xbieha tal-metall imdewweb.'

[Dt:9:13] “U l-Mulej kellimni u qalli: 'Jien ħarist lejn dan il-poplu u rajt li hu poplu rasu iebsa. [Dt:9:14] Ħallini ħa neqirdu u nħassar ismu minn taħt is-smewwiet u nagħmel minnek poplu b'saħħtu u akbar minnhom.'

[Dt:9:15] “Mbagħad jien dort u nżilt minn fuq il-muntanja, hi u tħeġġeġ bin-nar, u t-twavel tal-patt f'idejja t-tnejn. [Dt:9:16] Jien ħarist, u hemm intom, dnibtu kontra Alla tagħkom; għamiltu għoġol tal-metall imdewweb, u malajr tbegħedtu mit-triq li ordnalkom il-Mulej. [Dt:9:17] Mbagħad qbadt iż-żewġ twavel, u waddabthom minn idejja t-tnejn, u kissirthom quddiem għajnejkom. [Dt:9:18] U nxtħett fl-art quddiem il-Mulej, bħall-ewwel darba, għal erbgħin jum u erbgħin lejl, bla ma niekol ħobż u bla ma nixrob ilma, minħabba d-dnubiet kollha li dnibtu meta għamiltu l-ħażen f'għajnejn il-Mulej, biex tinkurlawh. [Dt:9:19] Għax jien twerwirt kif rajt il-korla u l-qilla li bihom xegħel il-Mulej kontrikom, li ried jeqridkom. Din id-darba wkoll semagħni l-Mulej. [Dt:9:20] Inkorla ħafna wkoll kontra Aron il-Mulej, li ried jeqirdu; imma jien tlabt għal Aron ukoll dakinhar. [Dt:9:21] U d-dnub li għamiltu, l-għoġol, qbadtu u ħraqtu fin-nar, u sħaqtu tajjeb, u għamiltu tħin sakemm sar trab irqiq, u t-trab tiegħu rmejtu fil-wied nieżel mill-muntanja.

[Dt:9:22] “F'Tabgħera u f'Massa u f'Kibrot-ħattawa wkoll inkurlajtu 'l-Mulej. [Dt:9:23] U meta l-Mulej riedkom titilqu minn Kades-barnigħa u qalilkom: 'Qumu u itilgħu, ħudu f'idejkom l-art li jien tajtkom,' intom merejtu l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom, u ma fdajtuhx, u ma smajtux minn kliemu. [Dt:9:24] Kontu dejjem stinati mal-Mulej, sa minn mindu għaraftkom.

[Dt:9:25] “U nxtħett fl-art quddiem il-Mulej; għal erbgħin jum u erbgħin lejl domt mitfugħ fl-art, għax il-Mulej kien qal li kien ser jeqridkom. [Dt:9:26] U tlabt lill-Mulej, u għedtlu: “Sidi, Mulej, teqridx il-poplu tiegħek u l-wirt tiegħek, li int fdejtu bil-kobor tiegħek; li int ħriġt mill-Eġittu bil-qawwa ta' driegħek. [Dt:9:27] Ftakar fil-qaddejja tiegħek, f'Abraham, f'Iżakk u f'Ġakobb; tħarisx lejn ir-ras iebsa ta' dan il-poplu, lejn ħżunitu u lejn ħtijietu; [Dt:9:28] biex ma jgħidux fl-art li ħriġtna minnha: 'Għax ma setax il-Mulej idaħħalhom fl-art li qalilhom, u għax jobgħodhom ħariġhom biex joqtolhom fid-deżert.' [Dt:9:29] Imma huma għadhom il-poplu tiegħek, il-wirt tiegħek, li int ħriġtu bil-kobor tal-qawwa tiegħek, u bi driegħek merfugħ.

10. It-twavel tal-liġi għat-tieni darba

[Dt:10:1] “Mbagħad dakinhar qalli l-Mulej: 'Aqta' żewġ twavel tal-ġebel bħal ta' qabel, u itla' ħdejja fuq il-muntanja, u agħmel ukoll arka ta' l-injam. [Dt:10:2] U jien nikteb fuq it-twavel il-kliem, li kien fuq it-twavel ta' qabel, li int kissirt, u qegħedhom fl-arka.'

[Dt:10:3] “U jien għamilt arka ta' l-injam tal-gażżi u fassalt żewġ twavel tal-ġebel bħal ta' qabel, u tlajt fuq il-muntanja biż-żewġ twavel f'idejja. [Dt:10:4] U l-Mulej kiteb fuq iż-żewġ twavel, bħalma kien kiteb qabel, l-għaxar kelmiet li l-Mulej kien qalilkom fuq il-muntanja minn ġon-nar f'jum il-ġemgħa, u l-Mulej tahom lili. [Dt:10:5] U dort u nżilt minn fuq il-muntanja, u qegħedt it-twavel fl-arka li kont għamilt fejn baqgħu hemm sa llum, skond ma ordna l-Mulej.

[Dt:10:6] “Ulied Iżrael telqu minn Berot-bene-ġagħkan għal Mosera; hemm miet Aron u difnuh; u sar qassis floku ibnu Elgħażar. [Dt:10:7] Minn hemm telqu għal Gudgoda u minn Gudgoda għal Ġotbata, art ta' l-ilma ġieri.

[Dt:10:8] “F'dan iż-żmien il-Mulej għażel lit-tribù ta' Levi biex iġorru l-arka tal-patt tal-Mulej, joqogħdu quddiem il-Mulej u jaqduh, u jbierku b'ismu, kif għadhom sa llum. [Dt:10:9] Għalhekk it-tribù ta' Levi ma kellux sehem fil-wirt ma' ħutu; il-Mulej hu l-wirt tiegħu, bħalma qallu l-Mulej Alla tiegħek. [Dt:10:10] U jien bqajt fuq il-muntanja bħal qabel, erbgħin jum u erbgħin lejl; u l-Mulej semagħni dik id-darba wkoll, u ma ġiex il-Mulej biex jeqridkom. [Dt:10:11] U l-Mulej qalli: 'Qum u mur, u imxi quddiem il-poplu ħa jidħlu u jieħdu l-art f'idejhom, li jien ħlift li nagħtiha lilhom.'

Xi jrid Alla minn Iżrael

[Dt:10:12] “U issa, Iżrael, x'inhu jitlob Alla minnek, jekk mhux li tibża' mill-Mulej, Alla tiegħek; li timxi fi triqatu kollha; li tħobbu u li sservi lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha u b'ruħek kollha; [Dt:10:13] li tħares il-kmandamenti tal-Mulej u l-liġijiet tiegħu, li jien illum qiegħed nordnalek għall-ġid tiegħek?

[Dt:10:14] “Ara! Tal-Mulej, Alla tiegħek, huma s-sema u s-sema tas-smewwiet, u l-art u kull ma fiha. [Dt:10:15] Imma lejn missirijietek inġibed il-Mulej, u ħabbhom u għażel lil nisilhom warajhom, lilkom minn fost il-popli kollha, bħalma intom illum. [Dt:10:16] Aħtnu mela qlubkom, u la twebbsux raskom aktar. [Dt:10:17] Għax il-Mulej, Alla tagħkom, hu Alla fuq l-allat, u sid fuq is-sidien, Alla kbir, qawwi u tal-biża', li ma jħarisx lejn l-uċuħ u ma jiħux rigali. [Dt:10:18] Jagħmel il-ġustizzja ma' l-iltim u ma' l-armla, u jħobb il-barrani u jagħtih ħobż u lbies. [Dt:10:19] Ħobbu l-barrani, għax intom barranin kontu fl-art ta' l-Eġittu. [Dt:10:20] Mill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tibża', lilu għandek isservi, miegħu għandek torbot qalbek, u b'ismu għandek taħlef. [Dt:10:21] Hu l-foħrija tiegħek; hu Alla tiegħek, li għamel miegħek dawk l-opri kbar u tal-biża', li rajt b'għajnejk. [Dt:10:22] Sebgħin ruħ kienu missirijietek meta niżlu l-Eġittu, u issa l-Mulej, Alla tiegħek, kattrek bħall-kwiekeb tas-sema.


11. L-imħabba ta' Alla u l-ħarsien tal-kmandamenti

[Dt:11:1] “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u ħares l-ordnijiet tiegħu, il-liġijiet tiegħu, id-digrieti tiegħu u l-preċetti tiegħu għal dejjem. [Dt:11:2] U intom tagħrfu llum - mhux uliedkom li la jafu u lanqas raw it-twiddib tal-Mulej, Alla tiegħek - il-kobor tiegħu, il-qawwa ta' idu, u driegħu merfugħ; [Dt:11:3] u s-sinjali tiegħu, l-opri tiegħu li għamel f'nofs l-Eġittu lill-Fargħun, is-sultan ta' l-Eġittu, u lil artu kollha; [Dt:11:4] u li għamel lill-eżerċtu ta' l-Eġittu, liż-żwiemel u l-karrijiet tiegħu, kif il-Mulej qaleb għal fuqhom l-ilma tal-Baħar tal-Qasab, huma u kienu jiġru warajk, u qeridhom il-Mulej sa llum. [Dt:11:5] U x'għamel magħkom fid-deżert sakemm wasaltu hawnhekk. [Dt:11:6] U tagħrfu x'għamel lil Datan u lil Abiram, ulied Elijab bin Ruben; kif infetħet l-art u belgħethom, lilhom u l-familji bit-tined tagħhom, u b'dawk kollha li żammew magħhom minn fost Iżrael kollu. [Dt:11:7] Intom rajtu b'għajnejkom l-opri kbar kollha li għamel il-Mulej.

[Dt:11:8] “Ħarsu kull ma nordnalkom jien illum, sabiex titqawwew, u tidħlu u tieħdu f'idejkom l-art li se tgħaddu għaliha biex tirbħuha. [Dt:11:9] Biex iddumu żmien twil fl-art li l-Mulej ħalef li jagħti lil missirijietkom u 'l nisilhom, art tnixxi ħalib u għasel. [Dt:11:10] L-art li dieħel fiha biex teħodha f'idejk m'hijiex bħall-art ta' l-Eġittu, mnejn ħriġtu, fejn kont tiżra' ż-żerriegħa u ssaqqiha b'riġlek, bħal ġnien tal-ħxejjex; [Dt:11:11] l-art li int se tgħaddi għaliha biex teħodha f'idejk hi art miżgħuda bil-muntanji u l-widien; art li tixrob l-ilma tax-xita mis-smewwiet; [Dt:11:12] art li jieħu ħsiebha l-Mulej, Alla tiegħek, b'għajnejh dejjem fuqha mill-ewwel sa l-aħħar tas-sena.

[Dt:11:13] “Jekk intom tisimgħu sewwa l-ordnijiet tiegħi, li qiegħed nagħtikom illum, u tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, u sservuh b'qalbkom kollha u b'ruħkom kollha, [Dt:11:14] jien nagħtikom fi żmienha x-xita għal artkom, ix-xita bikrija u x-xita mwaħħra u tiġbor il-qmuħ tiegħek, l-inbid tiegħek u ż-żejt tiegħek. [Dt:11:15] Nagħtik il-ħdura tar-raba' għall-bhejjem tiegħek, u tiekol u tixba'.

[Dt:11:16] “Qis li qalbek ma titqarraqx, u tmorru sservu allat oħra u tinxteħtu wiċċkom fl-art quddiemhom, [Dt:11:17] inkella tixgħel il-qilla tal-Mulej kontrikom, u jagħlaq is-smewwiet, u ma jkunx hemm xita, u l-art ma tagħtix il-frott tagħha, u tinqerdu f'qasir żmien minn wiċċ din l-art għammiela li l-Mulej se jagħtikom.

[Dt:11:18] “Qiegħdu dawn il-kelmiet tiegħi f'qalbkom u f'moħħkom; orbtuhom b'sinjali ma' idejkom u dendluhom bejn għajnejkom. [Dt:11:19] Għallmuhom lil uliedkom u tkellmu fuqhom meta tkun mistrieħ f'darek u miexi fit-triq; meta timtedd u meta tqum. [Dt:11:20] Iktibhom fuq il-ġnub ta' bwieb darek u fuq il-bibien. [Dt:11:21] U hekk jitkattru jiemek u jiem uliedek fuq l-art, li l-Mulej ħalef li jagħti lil missirijietek; jitkattru bħal jiem is-sema fuq l-art.

[Dt:11:22] “Jekk tħarsu sewwa dawn il-kmandamenti kollha li qiegħed nagħtikom illum u tagħmluhom, u tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, u timxu fi triqatu kollha, u torbtu qalbkom miegħu, [Dt:11:23] ikeċċi l-Mulej dawn il-ġnus kollha minn quddiemkom u tegħlbu ġnus ikbar u aqwa minnkom. [Dt:11:24] Kull fejn jirfes qiegħ riġlejkom, tagħkom ikun, mid-deżert sal-Libanu, mix-xmara l-kbira, ix-xmara ta' l-Ewfrat, sal-Baħar tal-punent tinfirex il-fruntiera tiegħek. [Dt:11:25] Ebda bniedem ma jiqaflek. Il-Mulej, Alla tagħkom, jitfa' l-biża' u t-twerwir tagħkom fuq wiċċ l-art kollha, li fuqha tirfsu, bħalma wegħedkom.

Barka jew saħta

[Dt:11:26] “Araw, jiena llum inqiegħed quddiemkom barka u saħta; [Dt:11:27] il-barka, jekk tħarsu l-kmandamenti tal-Mulej, Alla tagħkom, li jiena llum qiegħed nordnalkom; [Dt:11:28] u s-saħta, jekk ma tħarsux il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tagħkom, imma toħorġu mit-triq li jiena llum qiegħed nordnalkom, biex timxu wara allat oħra li ma kontux tafu bihom. [Dt:11:29] Malli l-Mulej, Alla tiegħek, idaħħlek fl-art li inti sejjer fiha biex teħodha f'idejk, int tagħti l-barka minn fuq il-muntanja Gariżim, u s-saħta minn fuq il-muntanja Għebal. [Dt:11:30] - Dawn jinsabu n-naħa l-oħra tal-Ġordan mat-triq ta' nżul ix-xemx, fl-art tal-Kangħanin, li jgħammru fl-Għaraba, biswit Gilgal, ħdejn il-ballut ta' Mori. –

[Dt:11:31] “U issa intom se taqsmu l-Ġordan biex tmorru tieħdu f'idejkom l-art li l-Mulej, Alla tagħkom, se jagħtikom, u tirbħuha u tgħammru fiha. [Dt:11:32] Qisu li tagħmlu l-liġijiet, u d-digrieti li jien qiegħed inqegħdilkom illum quddiemkom.

12. Santwarju wieħed

[Dt:12:1] “Dawn huma l-liġijiet u d-digrieti li għandkom tqisu li tagħmlu fl-art li tak il-Mulej, Alla ta' missirijietek, biex tirtuha, il-jiem kollha sakemm iddumu ħajjin fuq l-art. [Dt:12:2] “Eqirdu għalkollox l-imkejjen li fihom il-ġnus li se tkeċċuhom qiemu l-allat tagħhom fuq il-muntanji, u fuq l-għoljiet, u taħt kull siġra ħadra. [Dt:12:3] U ġġarrfu l-artali tagħhom u tkissru l-plieri wieqfa tagħhom, u x-xbihat ta' l-Asera taħarquhom bin-nar, u teqirdu x-xbihat ta' l-allat tagħhom, u tħassru sa isimhom minn dan il-post.

[Dt:12:4] “Ma tagħmlux hekk mal-Mulej, Alla tagħkom. [Dt:12:5] Imma tfittxu l-post li l-Mulej, Alla tagħkom, jagħżel minn fost it-tribujiet kollha tagħkom, biex hemm iqiegħed ismu; hemm għandkom tmorru. [Dt:12:6] U hemm tieħdu s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji l-oħra tagħkom, l-għexur tagħkom, u l-offerti ta' idejkom, il-wegħdiet tagħkom, l-offerti minn rajkom, l-ewwel frieħ tal-baqar tagħkom, u ta' l-imrieħel tagħkom. [Dt:12:7] U tieklu quddiem il-Mulej, Alla tagħkom, u tifirħu, intom u l-familji tagħkom, b'kull xogħol ta' idejkom, li jkun bierkek bih il-Mulej, Alla tiegħek.

[Dt:12:8] “La tagħmlux bħalma aħna qegħdin nagħmlu issa hawn, kulħadd dak li jogħġbu f'għajnejh, [Dt:12:9] għax għalissa għadkom ma dħaltux f'art il-mistrieħ, u ma ħadtux f'idejkom il-wirt li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik.

[Dt:12:10] “Meta taqsmu l-Ġordan u tgħammru fl-art li l-Mulej, Alla tagħkom, se jagħtikom b'wirt u jserraħkom mill-għedewwa tagħkom ta' madwarha, u intom tgħammru bla biża', [Dt:12:11] il-Mulej, Alla tagħkom, jagħżel post biex fih jgħammar ismu, u hemmhekk tieħdu kull ma nordnalkom; is-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji l-oħra tagħkom, l-offerti ta' idejkom, u kull ma tagħżlu b'wegħda għall-Mulej. [Dt:12:12] U tifirħu quddiem il-Mulej, Alla tagħkom, intom u s-subjien u l-bniet tagħkom, il-qaddejja tagħkom, rġiel u nisa, u l-Levita, li jkun ġewwa bwiebek, għax dan ma għandux sehem jew wirt magħkom.

[Dt:12:13] “Qis li ma toffrix is-sagrifiċċji tal-ħruq tiegħek f'kull post li tara. [Dt:12:14] Imma fil-post li jkun għażel il-Mulej f'wieħed mit-tribujiet tagħkom; hemm għandek toffri s-sagrifiċċji tal-ħruq u hemm tagħmel kull ma jiena qiegħed nordnalek.

[Dt:12:15] “Imma kull ma tkun tixtieq qalbek tista' toqtlu u tieklu; il-laħam fi blietek kollha skond il-barka li jkun tak il-Mulej, Alla tiegħek. Min hu mniġġes u min hu safi, it-tnejn jistgħu jieklu minnu, bħalma jistgħu jieklu l-għażżiela u ċ-ċerv. [Dt:12:16] Biss id-demm tikluhx, imma xxerrdu fl-art bħall-ilma. [Dt:12:17] Ma tistax tiekol fi blietek l-għexur tal-qmuħ tiegħek, ta' l-inbid u ż-żejt tiegħek, l-ewwel frieħ tal-baqar u l-imrieħel tiegħek, u kull ma tagħti b'wegħda li tkun għamilt, jew l-offerti ta' idejk minn rajk, u l-għotjiet tiegħek; [Dt:12:18] imma tikolhom quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jkun għażel il-Mulej, Alla tiegħek, int, ibnek, bintek, il-qaddej tiegħek, il-qaddejja tiegħek u l-Levita li jkun fi blietek, u tifraħ quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, b'kull ma jagħmlu idejk. [Dt:12:19] Qis li ma titlaqx waħdu l-Levita, kemm idum fuq artek.

[Dt:12:20] “Meta l-Mulej iwessa' l-fruntiera tiegħek bħalma wiegħdek, u int tgħid: 'Irrid niekol il-laħam,' għax ikollok xewqa kbira li tiekol il-laħam, tkun tista' tiekol laħam kemm tixtieq qalbek. [Dt:12:21] Jekk imbagħad il-post li jkun għażel il-Mulej, Alla tiegħek, biex iqiegħed ismu fih, ikun 'il bogħod minnek, tkun tista' toqtol kif ordnajtlek mill-baqar u l-imrieħel tiegħek, li l-Mulej ikun tak u tiekol fi blietek skond ma tixtieq qalbek. [Dt:12:22] Biss tieklu bħalma jittieklu l-għażżiela u ċ-ċerv; l-imniġġes u s-safi, it-tnejn l-istess, jistgħu jikluh.

[Dt:12:23] “Imma int għandek iżżomm sħiħ li ma tikolx id-demm, għax id-demm hu l-ħajja, u ma għandekx tiekol il-ħajja flimkien mal-laħam. [Dt:12:24] Tikolx minnu, imma għandek ixxerrdu fl-art bħall-ilma. [Dt:12:25] Ma għandekx tieklu, biex ikollok ir-riżq int u wliedek warajk, għax tkun għamilt dak li jogħġob lill-Mulej. [Dt:12:26] Imma l-offerti mqaddsa, u l-wegħdi tiegħek, taqbadhom u tmur bihom fil-post li jkun għażel il-Mulej. [Dt:12:27] U toffri s-sagrifiċċji tal-ħruq, il-laħam u d-demm fuq l-artal tal-Mulej, Alla tiegħek, u d-demm tas-sagrifiċċji tiegħek ixxerrdu fuq l-artal tal-Mulej, Alla tiegħek, u l-laħam tieklu.

[Dt:12:28] “Ħares u isma' dawn l-ordnijiet kollha li jien qiegħed nagħtik, biex ikollok ir-riżq, int u wliedek warajk għal dejjem, għax tkun għamilt dak li jogħġob lill-Mulej, Alla tiegħek.

Il-kult tal-pagani

[Dt:12:29] “Il-Mulej, Alla tiegħek, jeqred il-ġnus li int sejjer għandhom biex tkeċċihom minn quddiemek, u int teqridhom u tgħammar f'arthom. [Dt:12:30] Qis li ma tinqabadx u tmur warajhom, wara li tkun qridthom minn quddiemek, u li ma titkixxifx dwar l-allat tagħhom, u tgħid: 'Kif kienu jqimu dawn il-ġnus l-allat tagħhom? Ħa nagħmel hekk jiena wkoll.' [Dt:12:31] Tagħmilx hekk lill-Mulej, Alla tiegħek, għaliex kull ma jistkerrah u jobgħod il-Mulej huma għamluh lill-allat tagħhom, saħansitra ħarqu bin-nar lis-subjien u l-bniet tagħhom, lill-allat tagħhom.

13. Il-kult tal-pagani

[Dt:13:1] “Kull ma ordjantilkom, qisu li tagħmluh. Iżżidu xejn miegħu, tnaqqsu xejn minnu.

Tħallux lil Alla tagħkom

[Dt:13:2] “Jekk iqum f'nofsok xi profeta jew ħalliem, u jgħidlek li jagħtik sinjal jew għaġeb, [Dt:13:3] u mbagħad iseħħ is-sinjal jew l-għaġeb li jkun wiegħed u qallek: 'Ħa mmorru wara allat oħrajn, li int ma tafx bihom, u nadurawhom,' [Dt:13:4] la tismax il-kliem ta' dan il-profeta jew il-ħolm li hu jkun ħolom. Il-Mulej, Alla tiegħek, ikun qiegħed iġarrbek, biex jagħraf jekk intomx nies li tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, b'qalbkom kollha u b'ruħkom kollha.

[Dt:13:5] “Intom għandkom timxu wara l-Mulej, u minnu tibżgħu, u l-kmandamenti tiegħu tħarsu, u leħnu tisimgħu, u lilu taqdu, u miegħu tingħaqdu.

[Dt:13:6] “Profeta bħal dan, jew ħalliem bħal dan, agħtuh il-mewt, għax ikun xewwixkom bi kliemu kontra l-Mulej, Alla tagħkom, li ħariġkom mill-art ta' l-Eġittu u fdiekom minn dar il-jasar, biex ibiegħdek mit-triq li wissiek il-Mulej, Alla tiegħek, li tgħaddi minnha. Hekk teqred il-ħażen minn ġo nofsok.

[Dt:13:7] “Jekk ħuk, bin missierek jew bin ommok, jew ibnek jew bintek, jew il-mara li tistrieħ fi ħdanek jew ħabibek, li tqisu bħalek innifsek, jgħawwik bil-moħbi u jgħidlek: 'Ħa mmorru nservu lil allat oħra' - allat li ma tafx bihom, la int u lanqas missirijietek, [Dt:13:8] l-allat tal-ġnus ta' madwarek, qrib tiegħek jew 'il bogħod minnek, minn tarf għal ieħor ta' l-art - [Dt:13:9] toqgħodx għalih u lanqas tisimgħu, lanqas jitħassruh għajnejk, u la taħmlu u lanqas tostru. [Dt:13:10] Imma għandek toqtlu, u l-ewwel ma terfa' idek int biex toqtlu, u mbagħad il-poplu kollu.

[Dt:13:11] Int tħaġġru sa ma jmut, għax ikun fittex li jaqtgħek mill-Mulej, Alla tiegħek, li ħarġek mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar. [Dt:13:12] U jisma' Iżrael kollu, u jibża', u ma jibqax jagħmel ħażen bħal dan f'nofsok. [Dt:13:13] “Jekk f'xi waħda mill-ibliet, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik biex tgħammar fihom, tismagħhom jgħidu [Dt:13:14] li ħarġu xi nies ħżiena minn nofsok u xewwxu lin-nies ta' l-ibliet u qalulhom: 'Ħa mmorru nservu allat oħra, li ma nafux bihom,' [Dt:13:15] fittex għarbel u staqsi sewwa. Jekk issib li dan hu minnu, li hekk hu tassew, li saret din il-ħaġa moqżieża f'nofsok, [Dt:13:16] oqtol għalkollox b'xifer ix-xabla n-nies ta' din il-belt u ixħetha għall-qerda, lilha b'kull ma fiha u l-bhejjem tagħha b'xifer ix-xabla. [Dt:13:17] U tiġbor il-ġid kollu tagħha f'nofs il-pjazza, u taħraq bin-nar il-belt u l-ġid tagħha b'offerta sħiħa lill-Mulej, Alla tiegħek, u tibqa' ħerba għal dejjem u ma tibniha qatt. [Dt:13:18] Xejn ma għandu jeħel ma' idejk minn dak li jkun għall-qerda, biex il-Mulej jerġa’ lura mill-korla tiegħu, u jagħmel ħniena miegħek, u jħenn għalik u jkattrek, bħalma wiegħed lil missirijietek [Dt:13:19] għax tkun smajt leħen il-Mulej, Alla tiegħek, u ħarist l-ordnijiet kollha li jien qiegħed nordnalek illum, u qiegħed tagħmel dak kollu li jogħġob lill-Mulej, Alla tiegħek.

14. Riti tal-mejtin pagani

[Dt:14:1] “Intom ulied il-Mulej, Alla tagħkom: la tqattgħux ġisimkom, lanqas taqtgħu xagħarkom ta' bejn għajnejkom minħabba xi mejjet. [Dt:14:2] Għaliex int poplu qaddis għall-Mulej, Alla tiegħek; u lilek għażel il-Mulej biex tkun poplu tiegħu, il-magħżul fost il-popli kollha fuq wiċċ l-art.

Bhejjem safja u bhejjem imniġġsa

[Dt:14:3] “Ma għandek tiekol xejn mistkerrah. [Dt:14:4] Dawn huma l-bhejjem li tistgħu tieklu laħamhom: il-gendus, in-nagħga, il-mogħża, [Dt:14:5] iċ-ċerv, l-għażżiela, u ċ-ċerv u l-mogħoż selvaġġi, l-antilop, il-buflu u l-kamoxx. [Dt:14:6] Tistgħu tieklu minn kull bhima bid-dwiefer, jew bid-difer maqsum fi tnejn u tixtarr; din tistgħu tieklu laħamha. [Dt:14:7] Imma minn dawk li jixtarru, u minn dawk b'difrejhom m'humiex maqsumin, tiklux: il-ġemel, il-liebru, u l-fenek; dawn jixtarru, imma difrejhom m'humiex maqsumin; intom għandkom tqisuhom imniġġsa. [Dt:14:8] Il-ħanżir ukoll hu mniġġes għax, għalkemm difrejh maqsumin, ma jixtarrx. M'għandkomx tieklu laħamhom, u ġisimhom mejjet la tmissuhx.

[Dt:14:9] “Minn kull ma jgħix fl-ilma tistgħu tieklu dawn: tistgħu tieklu minn dawk li għandhom il-ġwienaħ u l-qxur; [Dt:14:10] imma m'għandkomx tieklu minn dawk li m'għandhomx ġwienaħ u qxur, għax dawn huma mniġġsa għalikom.

[Dt:14:11] “Tistgħu tieklu kull għasfur safi. [Dt:14:12] Ma tistgħux tieklu mill-ajkla, il-bugħadam, il-kuċċarda, [Dt:14:13] is-seqer, kull xorta ta' bies; [Dt:14:14] kull xorta ta' għareb; [Dt:14:15] in-nagħma, il-kokka, il-gawwija, u s-seqer ta' kull xorta; [Dt:14:16] il-barbaġann, omm is-sibjien, iż-żinna; [Dt:14:17] il-qwaqq, it-tiġieġa tal-baħar, [Dt:14:18] il-margun; il-laqlâq u kull xorta ta' russett; id-daqquqa tal-pinnaċċ u l-farfett il-lejl. [Dt:14:19] Kull dud li jtir qisuh imniġġes għalikom; tiklux minnu. [Dt:14:20] Tistgħu tieklu minn kull tajra safja.

[Dt:14:21] “Tiklux mill-ebda bhima mejta: tista' tagħtiha lill-frustier li jkun jgħammar fi blietek biex jiekol minnha, jew tbigħha lill-barrani. Għax int poplu kkonsagrat lill-Mulej, Alla tiegħek. La tgħallix gidi f'ħalib ommu!

L-għexur

[Dt:14:22] “Ħu mill-għaxra waħda mill-frott tal-miżirgħa tiegħek, minn kull ma trodd l-art kull sena. [Dt:14:23] U tiekol quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li hu jagħżel fejn jgħammar ismu, mill-għaxra waħda tal-qmuħ, ta' l-inbid ġdid tiegħek, taż-żejt tiegħek, l-ewwel frieħ tal-baqar u l-imrieħel tiegħek, biex titgħallem tibża' mill-Mulej, Alla tiegħek, għal dejjem.

[Dt:14:24] “Jekk imbagħad ikollok triq twila żżejjed u ma tkunx tista' ġġorru, għax il-post li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun għażel biex iqiegħed ismu fih ikun 'il bogħod minnek, meta l-Mulej, Alla tiegħek, ikun bierkek, [Dt:14:25] bigħ l-għexur tal-frott, u l-flus sorrhom u ħudhom miegħek fil-post li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun għażel. [Dt:14:26] Hemm tonfoq il-flus f'kull ma tixtieq qalbek; baqar, nagħaġ, nbid, xorb, u kull ma tgħidlek qalbek, u tikolhom hemm quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tifraħ, int u l-familja tiegħek.

[Dt:14:27] “Imma tinsiex il-Levita li jkun fi blietek, għax dan ma għandu ebda sehem u wirt miegħek. [Dt:14:28] Kull tliet snin, fl-aħħar tas-sena, tiġbor mill-għaxra waħda tal-frott ta' dik is-sena u tqegħedha ħdejn bwieb blietek, [Dt:14:29] u mbagħad jiġi l-Levita, li ma għandux sehem u wirt miegħek, il-barrani, l-iltim u l-armla, li jkunu fi blietek, u jieklu u jixbgħu, biex ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f'kull ma tagħmel idek.

15. Is-sena tal-maħfra

[Dt:15:1] “Fi tmiem kull seba' snin tagħmel il-maħfra; [Dt:15:2] u l-maħfra tkun din: kull min ikollu jieħu, jaħfer kull ma jkun silef lil għajru; ma jitlobx lura l-ħlas minnu malli titnieda l-maħfra f'ġieħ il-Mulej. [Dt:15:3] Tista' titlob lill-barrani, imma lil ħuk erħilu dak li jkollok għandu. [Dt:15:4] Ma jkunx hemm fqir f'nofsok, għax il-Mulej ibierkek żgur fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik biex tkun sehmek b'wirt; [Dt:15:5] basta tisma' l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares sewwa dawn l-ordnijiet kollha li jien qiegħed nagħtik illum. [Dt:15:6] Għax il-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek bħalma wiegħdek; u tislef lil ħafna ġnus, imma int ma tissellifx; u ssaltan fuq ħafna ġnus, u fuqek ma jsaltnux.

[Dt:15:7] “Jekk ikun hemm xi ħadd fil-bżonn minn fost ħutek f'xi waħda minn bliet artek, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, la twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-bżonn. [Dt:15:8] Imma iftaħ idek miegħu, u isilfu skond ma jkollu bżonn. [Dt:15:9] Qis li ma jidħolx xi ħsieb ħażin f'moħħok u tgħid: 'waslet is-seba' sena tal-maħfra,' u tħares b'għajn ħażina fuq ħuk fil-bżonn u ma tagħtihx, għax jgħajjat lill-Mulej kontra tiegħek u int ikollok ħtija. [Dt:15:10] Int għandek tagħtih, u la ssewwidx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f'dan ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f'kull ma tmidd idek għalih. [Dt:15:11] Għax qatt ma jonqos xi ħadd fil-bżonn fil-pajjiż; għalhekk jien nordnalek u ngħidlek: Iftaħ idek sewwa lil ħuk, lill-fqir u lill-miskin f'artek.

[Dt:15:12] “Jekk ibigħulek lil xi ħadd minn ħutek, Lhudi jew Lhudija, iservik sitt snin, u fis-seba' sena titilqu ħieles minn miegħek. [Dt:15:13] U meta titilqu ħieles minnek, tibagħtux idu f'idu. [Dt:15:14] Imma agħtih b'idejk miftuħa tagħmira mill-imrieħel tiegħek, mill-andar u mill-magħsar tiegħek; agħtih milli jkun bierkek bih il-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:15:15] Ftakar li int ukoll kont ilsir fl-art ta' l-Eġittu u fdiek il-Mulej, Alla tiegħek; għalhekk illum qiegħed nordnalek dan.

[Dt:15:16] “Jekk huwa jgħidlek: 'Ma rridx nitlaq minn miegħek,' għax iħobbok u jħobb lil darek, għax ikun qiegħed tajjeb miegħek, [Dt:15:17] ħu xifa u taqqablu widintu mal-bieb, u jkun ilsir tiegħek għal dejjem, u agħmel l-istess mal-mara lsira tiegħek.

[Dt:15:18] “La teħodhiex bi kbira li tħallih jitlaq ħieles minn miegħek; għaliex għal sitt snin ikun ħadimlek darbtejn daqskemm jiswa l-ħlas tal-ħaddiem mikri; u jbierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f'kull ma tagħmel.

L-ewwel frieħ

[Dt:15:19] “Kull ferħ raġel li jitwieled l-ewwel mill-baqar jew l-imrieħel tiegħek tikkonsagrah lill-Mulej, Alla tiegħek; ma tagħmel ebda xogħol bl-ewwel ferħ tal-baqar tiegħek u ġġiżżx l-ewwel ferħ tan-nagħaġ tiegħek. [Dt:15:20] Minn sena għal sena, dawn il-frieħ tikolhom flimkien mal-familja tiegħek quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun għażel. [Dt:15:21] Jekk il-ferħ ikun fih xi nuqqas, agħma jew zopp, jew ikollu xi difett kbir ieħor, toffrihx b'sagrifiċċju lill-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:15:22] Mniġġes jew safi, tieklu fi blietek, bħalma tieklu l-għażżiela u ċ-ċerva. [Dt:15:23] Biss m'għandekx tiekol demmu, iżda xxerrdu fl-art bħall-ilma.


16. Il-festi tas-sena

[Dt:16:1] “Ħares ix-xahar ta' Abib, u agħmel il-festa ta' l-Għid f'gieħ il-Mulej, Alla tiegħek, għax fix-xahar ta' Abib ħarġek il-Mulej, Alla tiegħek, mill-art ta' l-Eġittu billejl. [Dt:16:2] Oqtol u offri s-sagrifiċċju ta' l-Għid, nagħaġ u baqar, lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jagħżel il-Mulej li jqiegħed ismu fih. [Dt:16:3] Ma tikolx ħobż bil-ħmira miegħu; imma għal sebat ijiem tiekol ħobż ażżmu, ħobż in-niket, għax bl-għaġla ħriġt mill-art ta' l-Eġittu, biex tiftakar jum ħruġek mill-Eġittu, il-jiem kollha ta' ħajtek. [Dt:16:4] M'għandha tidher ebda ħmira fil-pajjiż kollu tiegħek għal sebat ijiem, u m'għandu jibqa' xejn għal filgħodu mil-laħam li tkun offrejt b'sagrifiċċju fil-għaxija l-jum ta' qabel. [Dt:16:5] Ma tistax toffri s-sagrifiċċju ta' l-Għid f'ebda waħda mill-ibliet li se jagħtik il-Mulej, Alla tiegħek, [Dt:16:6] jekk mhux fil-post li jagħżel il-Mulej, Alla tiegħek, biex iqiegħed ismu fih. Hemm toffri s-sagrifiċċju ta' l-Għid fil-għaxija ma' nżul ix-xemx, fil-ħin li int ħriġt mill-Eġittu. [Dt:16:7] Issajjru u tieklu, fil-post li jagħżel il-Mulej, Alla tiegħek. L-għada fil-għodu int tista' ddur lura, u tmur fit-tined tiegħek. [Dt:16:8] Għal sitt ijiem tiekol ħobż ażżmu, u fis-seba' jum ikollok laqgħa f'ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek, u ma tagħmel ebda xogħol.

[Dt:16:9] “Int tgħodd seba' ġimgħat: tibda tgħodd seba' ġimgħat minn meta tibda tmidd il-minġel għall-ħsad. [Dt:16:10] U tagħmel il-festa tal-Ġimgħat f'ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek, u toffri minn rajk kemm tista' tagħti idek, skond ma jkun bierkek il-Mulej, Alla tiegħek.

[Dt:16:11] “U tifraħ quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, int u wliedek, subjien u bniet, l-ilsir u l-ilsira tiegħek, il-Levita li jkun fi blietek, u l-barrani, l-iltim u l-armla, li jkunu f'nofsok fil-post li jkun għażel il-Mulej biex iqiegħed ismu fih. [Dt:16:12] U ftakar li lsir kont fl-Eġittu, u qis li tħares dawn il-liġijiet.

[Dt:16:13] “Tagħmel il-festa ta' l-Għerejjex meta taħżen il-ġabra ta' l-andar u l-magħsar tiegħek. [Dt:16:14] U fil-festa tiegħek tifraħ int, uliedek, subjien u bniet, l-ilsir u l-ilsira tiegħek, il-Levita u l-barrani, l-iltim u l-armla, li jkunu fi blietek. [Dt:16:15] Għal sebat ijiem tagħmel il-festa f'ġieħ l-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jkun għażel il-Mulej; għax il-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fil-ġabra tiegħek kollha, u f'kull ma jagħmlu idejk, u tkun tassew ferħan.

[Dt:16:16] “Tliet darbiet fis-sena kull raġel f'nofsok għandu jidher quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jkun għażel: fil-festa ta' l-Ażżmi, fil-festa tal-Ġimgħat, u fil-festa ta' l-Għerejjex; u m'għandux jidher quddiem il-Mulej idu f'idu. [Dt:16:17] Kulħadd jagħti kemm jista' skond il-barka li jkun tak il-Mulej, Alla tiegħek.

L-imħallfin

[Dt:16:18] “Int tqiegħed imħallfin u uffiċjali f'kull belt tiegħek li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, għal kull tribù tiegħek, biex jagħmlu l-ħaqq mill-poplu bis-sewwa. Dt:16:19] La tgħawwiġx il-ġustizzja, tħarisx lejn l-uċuħ, u taċċettax rigali, għax ir-rigali jagħmu għajnejn l-għorrief u jgħawwġu kliem in-nies sewwa. [Dt:16:20] Għandek tfittex il-ġustizzja, u l-ġustizzja biss, biex inti tgħix u żżomm l-art f'idejk, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik.

[Dt:16:21] “Ma għandek twaqqaf ebda xbieha ta' l-Asera, u ma tħawwel ebda siġra ħdejn l-artal li tibni lill-Mulej, Alla tiegħek; [Dt:16:22] u anqas twaqqaf plieri, għax jobgħodhom il-Mulej, Alla tiegħek.

17. Min jadura allat foloz

[Dt:17:1] “Toffrix b'sagrifiċċju lill-Mulej, Alla tiegħek, barri jew mogħża, li jkun fiha xi difett jew xi ħsara, għax dan jistkerrhu l-Mulej.

[Dt:17:2] “Jekk jitfaċċa xi ħadd f'nofsok, f'xi waħda minn blietek, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, raġel jew mara, li jagħmel xi ħaġa ma togħġobx lill-Mulej, Alla tiegħek, u jikser il-patt tiegħu, [Dt:17:3] u jmur iservi allat oħra - ix-xemx, il-qamar, it-tagħmir kollu tas-smewwiet - u jinxteħet quddiemhom, ħaġa li jien ma ordnajtilkomx li tagħmlu; [Dt:17:4] u jgħidulek u tisma' bihom, stħarreġ sewwa, u jekk ikun minnu, jiġifieri li tkun saret din il-ħaġa mistkerrha f'nofs Iżrael, [Dt:17:5] oħroġ lil dan ir-raġel jew mara, li jkunu għamlu din il-ħaġa ħażina, f'bieb beltek, ir-raġel u l-mara, u tħaġġarhom sa ma jmutu.

[Dt:17:6] “Min hu għall-mewt oqtlu fuq ix-xhieda ta' tnejn jew tlieta; toqtolx fuq il-kelma ta' xhud wieħed. [Dt:17:7] L-ewwel ma jmidd idu fuq rasu biex joqtlu jkun ix-xhud stess, mbagħad imidd idu l-poplu kollu, u hekk tkun qridt il-ħażen minn ġo nofsok.

[Dt:17:8] “Jekk il-kawża tkun tqila għalik biex tiddeċiedi bejn qtil u qtil, bejn dritt u dritt, bejn drib u drib, qum u itla' fil-post li jagħżel il-Mulej, Alla tiegħek, biex iqiegħed ismu fih, [Dt:17:9] u mur għand il-qassisin Leviti u quddiem l-imħallef li jkun hemm dak iż-żmien, u fittex mingħandhom, u jagħtuk is-sentenza tal-ħaqq. [Dt:17:10] U agħmel skond il-kelma li jgħidulek f'dak il-post li jagħżel il-Mulej biex iqiegħed ismu fih, u qis li tagħmel skond ma juruk hemmhekk. [Dt:17:11] Tagħmel skond it-twissijiet li jagħmlulek u skond is-sentenzi li jagħtuk; ma tilwix minn dak li jgħallmuk, la lejn ix-xellug u lanqas lejn il-lemin.

[Dt:17:12] “Min imbagħad jazzarda u ma jismax mill-qassis, li qiegħed hemm biex jaqdi lill-Mulej, Alla tiegħek, jew mill-imħallef, dan il-bniedem ikun ħaqqu l-mewt, u hekk tkun qridt il-ħażen minn Iżrael. [Dt:17:13] U l-poplu kollu jisma', u jibża', u ma jitkabbrux aktar.

Is-sultan

[Dt:17:14] “Meta int tasal fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik biex teħodha f'idejk u tgħammar fiha, u tgħid: 'Ħa nagħmel sultan fuqi bħall-ġnus ta' madwari'; int tista' tagħmel sultan fuqek, li jkun ħatru l-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:17:15] Int tista' tagħmel sultan fuqek lil wieħed minn fost ħutek; ma tistax tqiegħed fuqek wieħed barrani, li ma jkunx ħuk. [Dt:17:16] Biss m'għandux iżomm għadd kbir ta' żwiemel u anqas m'għandu jieħu l-poplu lura fl-Eġittu biex iżid iż-żwiemel, għax il-Mulej qalilkom: 'La taqbdux iżjed din it-triq.' [Dt:17:17] Anqas ma għandu jkollu ħafna nisa, li ma ddurx qalbu; u lanqas ħafna fidda u deheb. [Dt:17:18] Meta joqgħod fuq it-tron ta' saltnatu, jikteb mill-ġdid din il-liġi fi ktieb minn fuq dik li hemm għand il-qassisin Leviti. [Dt:17:19] U jżommha dejjem għandu u jaqraha l-jiem kollha ta' ħajtu, biex jitgħallem jibża' mill-Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-kliem kollu ta' din il-liġi u dawn l-istatuti, biex iħarishom; [Dt:17:20] u ma jintrefax f'qalbu 'l fuq minn ħutu, u ma jilwix mill-kmandamenti lejn il-lemin jew lejn ix-xellug; biex idum għal żmien twil fuq saltnatu, hu u wliedu, f'nofs Iżrael.

18. Il-qassisin

[Dt:18:1] “Il-qassisin Leviti, it-tribù kollha ta' Levi, ma jkollhomx sehem u wirt mal-poplu ta' Iżrael; jgħixu mis-sagrifiċċji u l-wirt tal-Mulej. [Dt:18:2] Ma jkollhomx sehem f'nofs ħuthom; il-Mulej hu l-wirt tagħhom, kif wegħedhom.

[Dt:18:3] “Dan hu li jmiss bi dritt lill-qassisin mingħand il-poplu, mingħand min joffri s-sagrifiċċju, mill-baqar jew min-nagħaġ; għandu jagħti lill-qassis l-ispallejn, ix-xdieq u l-kirxa; [Dt:18:4] tagħtih ukoll il-bikri tal-qmuħ tiegħek, ta' l-inbid ġdid, u taż-żejt tiegħek, u l-bikri tal-ġeżż tan-nagħaġ tiegħek. [Dt:18:5] Għax lilu għażel il-Mulej, Alla tiegħek, mit-tribù kollha ta' Iżrael, biex jaqdi lill-Mulej, Alla tiegħek, u jservi f'isem il-Mulej, hu u wliedu għal dejjem.

[Dt:18:6] “Jekk imbagħad jiġi xi Levita fil-post li jkun għażel il-Mulej minn xi waħda minn blietek, jew minn xi mkien f'Iżrael kollu fejn ikun joqgħod, jekk jiġi minn qalbu u minn rajh, [Dt:18:7] ħallih iservi f'isem il-Mulej, Alla tiegħu, bħal ħutu l-oħra l-Leviti, li jkunu quddiem il-Mulej. [Dt:18:8] Ikollu l-istess porzjon ta' ikel, minbarra dak li jiret mill-ġid ta' missirijietu.

Il-profeta

[Dt:18:9] “Meta inti tidħol fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, titgħallimx timxi fuq id-drawwiet koroh ta' dawn il-ġnus. [Dt:18:10] Ma għandu jkun hemm ħadd f'nofsok li jgħaddi min-nar lil ibnu jew lil bintu, lanqas min jeħber, min jitkixxef il-ġejjieni, [Dt:18:11] min jagħmel il-magħmul u s-sħarijiet, min isejjaħ l-erwieħ, min jobsor u jistħarreġ il-mejtin. [Dt:18:12] Għax mistkerrah quddiem il-Mulej kull min jagħmel dawn il-ħwejjeġ; u minħabba dawn id-drawwiet koroh li l-Mulej, Alla tiegħek, se jkeċċihom minn quddiemek. [Dt:18:13] Kun perfett quddiem il-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:18:14] Għax dawn il-ġnus li int se tkeċċi 'l barra, jisimgħu minn dawk li jobsru u jeħbru, imma lilek il-Mulej, Alla tiegħek, ma jħallikx tagħmel hekk.

[Dt:18:15] “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu. [Dt:18:16] Dan kollu skond ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f'jum il-laqgħa, meta għedt: 'Jalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx.' [Dt:18:17] U l-Mulej qalli: 'Sewwa għamlu li tkellmu. [Dt:18:18] Jiena nqajjmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; nqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kull ma nordnalu. [Dt:18:19] Min ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f'ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas. [Dt:18:20] U jekk xi profeta jfettillu jgħid f'ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella jħabbar f'isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt.'

[Dt:18:21] “Jekk inti tiġi biex tgħid f'qalbek: 'Kif nagħrfu l-kelma li ma tkunx tal-Mulej?' [Dt:18:22] Dan jiġri meta l-kelma li jgħid il-profeta f'isem il-Mulej ma sseħħx u ma jiġri xejn; din il-kelma ma jkunx qalha l-Mulej; ikun qalha l-profeta bi preżunzjoni; la tibżax minnu.

19. L-ibliet tal-kenn

[Dt:19:1] “Meta l-Mulej, Alla tiegħek, ikun qered il-ġnus, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik arthom, u int teħodha f'idejk u tgħammar fl-ibliet u d-djar tagħhom, [Dt:19:2] agħżel għalik tlitt ibliet f'nofs l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik biex tkun tiegħek. [Dt:19:3] U inti twitti t-triq għalihom, u tqassam fi tlieta l-medda ta' l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jqassamlek, u kull min joqtol ikun jista' jistkenn fihom.

[Dt:19:4] “Jistkenn hemmhekk, u jibqa' ħaj il-qattiel, li jkun darab lil għajru bla ma kien jaf u bla ma kien jobogħdu qabel. [Dt:19:5] Bħal meta wieħed imur ma' sieħbu fil-bosk biex jaqta' l-ħatab, u kif imidd idu bil-mannara biex jaqta' siġra, itirlu l-ħadid mill-manku, u jolqot lil sieħbu u jmut; dan jaħrab f'waħda minn dawn l-ibliet u jsalva ħajtu; [Dt:19:6] li ma jmurx jitlaq għal wara l-qattiel qarib il-mejjet bil-jedd tal-vendetta f'saħna ta' demm, u jilħqu minħabba t-tul tat-triq, u joqtlu, bla ma jkun ħaqqu l-mewt, għax ma kienx jobogħdu fl-imgħoddi. [Dt:19:7] Għalhekk nordnalek, u ngħidlek, biex twarrab għalik tlitt ibliet.

[Dt:19:8] “Jekk imbagħad il-Mulej, Alla tiegħek, iwessa' t-truf ta' artek, bħalma wiegħed lil missirijietek, u jagħtik l-art kollha li wiegħed li jagħti lil missirijietek - [Dt:19:9] għax tkun ħarist din l-ordni li qiegħed nagħtik illum, u għamiltha u wrejt li tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, u li timxi fi triqtu l-jiem kollha ta' ħajtek - żid tlitt ibliet oħra ma' dawn it-tlieta, [Dt:19:10] biex ma jixxerridx demm innoċenti f'artek, li se jagħtik il-Mulej, Alla tiegħek, b'wirt, u ma jkollokx fuqek il-ħtija tad-demm.

[Dt:19:11] “Jekk ikun hemm xi ħadd li jobgħod lil għajru u jgħassislu bil-moħbi, iħebb għalih u jidorbu għall-mewt u jmut, u l-qattiel jaħrab f'xi waħda minn dawn l-ibliet, [Dt:19:12] ix-xjuħ tal-belt tiegħu jibagħtu jġibuh minn hemm, u jagħtuh f'idejn il-qarib tal-mejjet bil-jedd tal-vendetta biex joqtlu. [Dt:19:13] Tħarisx b'għajn ħanina lejh; neħħi minn nofs Iżrael il-ħati tad-demm innoċenti, u jkollok ir-riżq.

[Dt:19:14] “La tħarrikx il-plieri tar-raba' ta' għajrek, minn fejn qegħduhom ta' qablek, fil-qasam li jmissek fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, u int se tieħu f'idejk.

Ix-xhud

[Dt:19:15] “Xhud wieħed kontra xi ħadd ma jgħodd għall-ebda dnub u għall-ebda ħtija, ikun xi jkun li wieħed ikun għamel; fuq il-kelma ta' żewġ xhieda jew tlieta tipprova l-fatti. [Dt:19:16] Jekk iqum xi xhud kontra xi ħadd, u jixhed b'fehma ħażina xi ħaġa ħażina kontrih, [Dt:19:17] it-tnejn min-nies li jkollhom xi jgħidu jidhru quddiem il-Mulej, quddiem il-qassisin u quddiem l-imħallfin li jkun hemm dak iż-żmien, [Dt:19:18] u l-imħallfin jistħarrġu sewwa, u jekk isibu li x-xhud kien xhud giddieb, u jkun akkuża u gideb kontra ħuh, [Dt:19:19] tagħmlulu dak li kellu ħsieb jagħmel hu lil ħuh. U hekk teqred il-ħażen minn ġo nofsok. [Dt:19:20] U malli jisimgħu l-bqija tal-poplu, jibżgħu, u ma jibqgħux jagħmlu ħażen bħal dan ġo nofsok. [Dt:19:21] Tħarisx b'għajn ħanina; iżda ħajja b'ħajja, għajn b'għajn, sinna b'sinna, id b'id, riġel b'riġel.

20. Żmien il-gwerra

[Dt:20:1] “Meta toħroġ għall-ġlied kontra l-għedewwa tiegħek, u tara żwiemel u karrijiet, kotra ta' nies ħafna aktar minnek, tibżax minnhom għax ikun miegħek il-Mulej, Alla tiegħek, li ħarġek mill-Eġittu. [Dt:20:2] U meta tkunu se titqabdu joħroġ fin-nofs il-qassis u jkellem lill-poplu [Dt:20:3] u jgħidilhom: 'Isma' Iżrael, intom illum sejrin titqabdu kontra l-għedewwa tagħkom; la taqtgħux qalbkom, la tibżgħux, la titregħdux, la titwerwrux quddiemhom. [Dt:20:4] Għax il-Mulej, Alla tagħkom, jimxi magħkom biex jitqabad għalikom kontra l-għedewwa tagħkom u jsalvakom.

[Dt:20:5] “Mbagħad jitkellmu l-fizzjali u jgħidu lill-poplu: 'Hemm xi ħadd li għadu kif bena xi dar ġdida u għadu ma żanżanhiex? Ħa jitlaq u jmur lura lejn daru li ma jmutx fit-taqbida, u jżanżanha ħaddieħor. [Dt:20:6] Hemm xi ħadd li ħawwel xi qasam dwieli u għadu ma ħa xejn minnu? Ħa jitlaq u jerġa’ lura lejn daru, li ma jmutx fit-taqbida u jieħu l-frott ħaddieħor. [Dt:20:7] Hemm xi ħadd li tgħarras xi mara u għadu ma żżewwiġhiex? Ħa jitlaq u jerġa’ lura lejn daru, li ma jmutx fit-taqbida u jiżżewwiġha ħaddieħor.' [Dt:20:8] U l-fizzjali jissuktaw ikellmu lill-poplu u jgħidulhom: 'Hemm xi ħadd li jibża' u jaqta' qalbu? Ħa jitlaq u jerġa’ lura lejn daru, li ma jaqtax qalb ħutu, bħalma qata' qalbu hu.' [Dt:20:9] Malli l-fizzjali jtemmu kliemhom lill-poplu, jintgħażlu l-kmandanti ta' l-eżerċtu biex imexxu l-poplu.

[Dt:20:10] “Meta toqrob lejn xi belt biex taħbat għaliha, l-ewwel stedinha għall-paċi. [Dt:20:11] Jekk tilqa' l-offerta tal-paċi u jiftħulek, in-nies kollha li jkunu fiha jaqgħu lsiera tiegħek u jservuk. [Dt:20:12] Jekk imbagħad ma jilqgħux l-offerta tal-paċi u jitqabdu miegħek, agħlaqha dawramejt, [Dt:20:13] u l-Mulej, Alla tiegħek, jerħiha f'idejk, u oqtol l-irġiel kollha bil-ponta tax-xabla. [Dt:20:14] Ħalli ħajja biss in-nisa, it-tfal, il-bhejjem u kull ma jkun hemm fil-belt; dawn kollha teħodhom priża għalik; tiekol il-priża ta' l-għadu tiegħek, li jkun reħa f'idejk il-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:20:15] Hekk għandek tagħmel ma' l-ibliet li huma 'l bogħod ħafna minnek, li m'humiex mill-ibliet ta' dawn il-ġnus ta' hawnhekk.

[Dt:20:16] “Imma fl-ibliet ta' dawn il-ġnus, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jerħi f'idejk biex tirithom, tħalli ebda ruħ ħajja. [Dt:20:17] Eqridhom għalkollox - il-Ħittin u l-Amurrin, il-Kangħanin u l-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin - bħalma ordnalek il-Mulej, Alla tiegħek, [Dt:20:18] li ma jgħallmukomx tagħmlu l-qżiżijiet kollha tagħhom li huma għamlu quddiem l-allat tagħhom, u tidinbu kontra l-Mulej, Alla tagħkom.

[Dt:20:19] “Jekk intom taħbtu għal xi belt, u ddawwruha għal żmien twil biex tegħlibha u teħodha, tmiddx għal fuqhom il-fies u tħarbatx is-siġar; tista' tiekol minnhom iżda tqaċċathomx. Jaqaw is-siġar tar-raba' huma bnedmin biex int iddur għalihom? [Dt:20:20] Imma s-siġar li inti taf li ma jiswewx għall-ikel tista' tħarbat u tqaċċat, u tagħmel minnhom għodod tal-gwerra għal fuq il-belt, li tkun tiġġieled miegħek, sakemm ma ċċedix.

21. Il-qattiel moħbi

[Dt:21:1] “Jekk fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik biex tiret, issibu fir-raba' lil xi ħadd maqtul u mixħut fl-art bla ma jkun jaf ħadd min qatlu, [Dt:21:2] joħorġu x-xjuħ u l-imħallfin tiegħek u jkejjlu l-bogħod ta' l-ibliet madwar il-mejjet. [Dt:21:3] Mbagħad meta jsibu l-eqreb belt, ix-xjuħ ta' din il-belt jieħdu għoġla, li qatt ma jkunu ħadmu biha u li qatt ma tkun ġarret madmad. [Dt:21:4] U x-xjuħ ta' dik il-belt jieħdu l-għoġla f'wied dejjem bl-ilma, fejn ma jinħadimx u ma jinżerax, u hemm jiksru għonq l-għoġla fil-wied. [Dt:21:5] U jersqu l-qassisin, ulied Levi - għax lilhom għażel il-Mulej, Alla tiegħek, biex jaqduh u jbierku f'isem il-Mulej - u fuq kelmthom tinqata' kull tilwima u kull ħabta. [Dt:21:6] U x-xjuħ kollha ta' dik il-belt, l-eqreb lejn il-maqtul, jaħslu idejhom fuq l-għoġla li jkunu kisrulha għonqha fil-wied, [Dt:21:7] u mbagħad jistqarru u jgħidu: 'Idejna ma xerrdux dan id-demm, u għajnejna ma raw xejn. [Dt:21:8] Aħfer Mulej lill-poplu tiegħek Iżrael, li int fdejt, u tħallix il-ħtija ta' demm innoċenti f'nofs il-poplu tiegħek Iżrael.' U hekk tinħafrilhom il-ħtija, [Dt:21:9] u int tkun neħħejt il-ħtija tad-demm innoċenti minn ġo nofsok, għax tkun għamilt dak li jogħġob il-Mulej.

Żwieġ ma' mara priġuniera tal-gwerra

[Dt:21:10] “Meta toħroġ għall-gwerra kontra l-għedewwa tiegħek, u l-Mulej, Alla tiegħek, jerħihom f'idejkom u tieħu minnhom priġunieri, [Dt:21:11] jekk fost dawn il-priġunieri tilmaħ xi mara sabiħa f'suritha u titgħaxxaq biha, int tista' teħodha b'martek.

[Dt:21:12] “Iddaħħalha ġo darek, u hi tqarweż rasha, u taqta' difrejha. [Dt:21:13] Tneħħi minn fuqha l-ilbies ta' priġuniera u toqgħod f'darek, tibki lil missierha u lil ommha għal xahar, u mbagħad int tkun tista' tersaq lejha, u int tkun żewġha u hi martek. [Dt:21:14] U jekk imbagħad ma tibqax togħġbok ħalliha tmur għal rasha, imma ma tistax tbigħha bil-flus, u lanqas taħqarha, għax int tkun telliftilha ġieħha.

Id-dritt tal-primoġenitu

[Dt:21:15] “Jekk raġel ikollu żewġ nisa, u jħobb lill-waħda u jistmell lill-oħra, u sew il-maħbuba sew il-mistmella jwildulu t-tfal, u l-iben il-kbir ikun tal-mistmella, [Dt:21:16] dakinhar li jiġi biex jaqsam il-ġid li jkollu lil uliedu, ma jistax iqis b'ibnu l-kbir bin il-maħbuba, flok ibnu l-kbir bin il-mistmella. [Dt:21:17] Għandu jagħraf bħala ibnu l-kbir bin il-mistmella, u jagħtih żewġ ishma minn kull ma jinsab għandu; għax hu l-bikri ta' saħħtu, u lilu jmiss id-dritt ta' l-iben il-kbir.

L-iben stinat

[Dt:21:18] “Jekk xi ħadd ikollu ibnu ma jobdihx u jkun stinat, u ma jismax minn kliem missieru u minn kliem ommu, iwiddbuh u jqum kontra tagħhom u ma jismax minnhom, [Dt:21:19] jaqbduh missieru u ommu, u jeħduh għand ix-xjuħ tal-belt tiegħu, f'bieb il-post fejn joqgħod. [Dt:21:20] U jgħidu lix-xjuħ tal-belt: 'Dan minna ma jobdix u stinat, ma jismax minn kliemna, ħali u sakranazz.' [Dt:21:21] Mbagħad in-nies kollha ta' beltu jħaġġruh sakemm imut, u hekk int teqred il-ħażen minn ġo nofsok; u Iżrael kollu jisimgħu u jibżgħu.

Il-katavru ta' l-imgħallaq

[Dt:21:22] “Jekk xi ħadd ikun ħati u jkun ħaqqu l-mewt, u toqtlu u ddendlu ma' zokk ta' siġra, [Dt:21:23] tħallix ġismu mdendel maz-zokk, iżda idfnu dak in-nhar stess; għaliex wieħed imdendel hu s-saħta ta' Alla, u ma għandekx ittabba' 'l artek, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik b'wirt.

22. Il-ħniena ma' għajrek

[Dt:22:1] “Meta tara l-baqra ta' ħuk jew in-nagħġa tiegħu mitlufa, la tagħmilx ta' bir-ruħek ma rajthomx, imma ħudhom lil ħuk. [Dt:22:2] Jekk ħuk ikun 'il bogħod minnek, u ma tkunx tafu, iġbor il-bhima ġewwa darek, u żommha għandek sakemm jiġi jfittixha ħuk, u mbagħad int troddhielu lura. [Dt:22:3] U hekk agħmel lill-ħmar tiegħu, hekk agħmel lil mantaru, u hekk agħmel lil kull ħaġa mitlufa li jitlef ħuk u ssibha int; ma tistax tagħmel ta' bir-ruħek ma rajthomx. [Dt:22:4] Jekk int tara l-ħmara ta' ħuk, jew il-baqra tiegħu mixħuta fl-art fit-triq, tagħmilx ta' bir-ruħek ma rajthomx; imma għandek tgħinu jqajjimhom.

[Dt:22:5] “Ebda mara ma għandha tilbes ħwejjeġ ta' raġel, anqas raġel ma jxidd libsa ta' mara; għax il-Mulej ma jaħmilx lil min jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.

[Dt:22:6] “Jekk tiltaqa' fit-triq ma' bejta għasafar, f'xi siġra jew fl-art, bil-frieħ jew bil-bajd, bl-omm fuq il-frieħ jew fuq il-bajd, ma għandekx tieħu l-omm u l-frieħ. [Dt:22:7] Imma itlaq l-omm, u ħu l-frieħ għalik, u hekk ikollok ir-riżq, u jkollok ħajja twila.

[Dt:22:8] “Meta tibni dar ġdida agħmel ilqugħ madwar l-bejt, u ma tiġbidx il-ħtija tad-demm fuq darek, jekk jaqa' xi ħadd minn hemm.

Ma jkunx hemm taħlit

[Dt:22:9] “La tiżrax il-qasam tad-dwieli tiegħek b'żewġ xorta ta' żrieragħ, li ma jitqaddisx kollox, u titlef il-wiċċ li tkun żrajt u l-frott tad-dwieli.

[Dt:22:10] “La taħratx b'baqra u ħmar flimkien.

[Dt:22:11] “Tilbisx libsa minsuġa mis-suf u l-kittien.

[Dt:22:12] “Agħmel il-ġmiemem fl-erbat itruf tal-mantar li titgħatta bih.

Drittijiet taż-żwieġ

[Dt:22:13] “Jekk wieħed jiżżewweġ mara u jersaq lejha, u mbagħad jumbraha, [Dt:22:14] u jaqla' fuqha ħwejjeġ mhux xierqa, u jxerrdilha fama ħażina, u jgħid: 'Din il-mara ħadtha, rsaqt lejha u ma sibtilhiex il-provi tax-xbubija,' [Dt:22:15] il-missier u l-omm tat-tifla jaqbdu u jieħdu l-provi tax-xbubija tat-tifla quddiem ix-xjuħ fil-bieb tal-belt. [Dt:22:16] U missier it-tifla jgħid lix-xjuħ: 'Tajt lil binti lil dan ir-raġel u issa umbraha. [Dt:22:17] U ara, qiegħed jaqla' fuqha ħwejjeġ mhux xierqa, u jgħid: 'Lil bintek ma sibtilhiex il-provi tax-xbubija.' Dawn huma l-provi tax-xbubija ta' binti.' U jifirxu l-liżar quddiem ix-xjuħ tal-belt. [Dt:22:18] U x-xjuħ ta' dik il-belt jaqbduh u jikkastigawh. [Dt:22:19] U jwaħħluh mitt xekel tal-fidda u jagħtuhom lil missier it-tifla, għax ikun xerred fama ħażina fuq xebba ta' Iżrael; u hu għandu jżommha b'martu u ma jista' jwarrabha qatt f'għomru.

[Dt:22:20] “Imma jekk dan ikun minnu u ma jinstabux il-provi tax-xbubija tax-xebba, [Dt:22:21] jieħdu t-tifla fil-bieb ta' missierha, u jħaġġruha l-irġiel tal-belt tagħha sakemm tmut, għax tkun għamlet għajb f'Iżrael li żniet f'dar missierha. Hekk int teqred il-ħażen minn ġo nofsok.

[Dt:22:22] “Jekk raġel isibuh mimdud ma' mara miżżewwġa, għandhom imutu t-tnejn; ir-raġel li mtedd magħha, u l-mara miegħu; u hekk teqred il-ħażen minn Iżrael.

[Dt:22:23] “Jekk tifla xebba tkun mgħarrsa ma' raġel, u jsibha raġel ieħor fil-belt u jimtedd magħha, [Dt:22:24] oħorġuhom it-tnejn fil-bieb tal-belt, u ħaġġruhom sakemm imutu t-tnejn; it-tifla għax ma għajjtitx fil-belt, u r-raġel għaliex tellef ġieħ il-mara ta' għajru; u hekk teqred il-ħażen minn ġo nofsok.

[Dt:22:25] “Jekk ir-raġel isib it-tifla mgħarrsa fir-raba' u jisfurzaha, u jimtedd magħha, imut biss ir-raġel li jkun imtedd magħha. [Dt:22:26] Lit-tifla ma tagħmlilha xejn, għax it-tifla ma tkunx ħatja tal-mewt; għax dan bħal meta jħebb wieħed għal għajru, u jneħħilu ħajtu. [Dt:22:27] Għax hu jkun sabha fir-raba', u t-tifla mgħarrsa għajjtet, u ma kienx hemm min jeħlisha.

[Dt:22:28] “Jekk raġel jiltaqa' ma' xebba mhix mgħarrsa, u jaqbadha u jimtedd magħha, u jinkixfu, [Dt:22:29] ir-raġel li jkun imtedd magħha jagħti ħamsin xekel tal-fidda lil missier it-tifla, u jeħodha b'martu, billi jkun tellfilha ġieħha, u ma jkun jista' jwarrabha qatt f'għomru.

23. Drittijiet taż-żwieġ

[Dt:23:1] “Ħadd ma jista' jiżżewweġ il-mara ta' missieru, l-anqas jikxef tarf friex missieru.

Ma jistgħux jidħlu fil-poplu ta' Alla

[Dt:23:2] “Ma jidħolx fil-ġemgħa tal-Mulej ir-raġel li jkollu t-testikoli misħuqin jew il-membru virili maqtugħ. [Dt:23:3] Ma jidħolx bin iż-żína fil-ġemgħa tal-Mulej, lanqas sa l-għaxar nisel, anzi ħadd minn tiegħu ma jista' qatt jidħol fil-ġemgħa tal-Mulej.

[Dt:23:4] “Ma jidħolx l-Għammoni u l-Mowabi lanqas sa l-għaxar nisel, anzi ħadd minnhom ma jista' qatt jidħol fil-ġemgħa tal-Mulej, [Dt:23:5] għax dawn ma ġewx jilqgħukom bil-ħobż u l-ilma fit-triq meta ħriġtu mill-Eġittu; anzi xtara kontra tiegħek lil Bagħlam bin Begħor minn Petor f'Aram-naħarajm biex jisħtek. [Dt:23:6] Il-Mulej, Alla tiegħek, ma riedx jisma' lil Bagħlam, imma biddel il-Mulej, Alla tiegħek, is-saħta f'barka, għax ħabbek il-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:23:7] Tfittixx is-sliem jew il-ġid tagħhom, qatt f'ħajtek għal dejjem.

[Dt:23:8] “Tumbrax lil wieħed Edomi, għax dan hu ħuk; tistmellx lil wieħed Eġizzjan, għax int kont barrani f'artu. [Dt:23:9] It-tielet nisel ta' wliedhom jistgħu jidħlu fil-ġemgħa tal-Mulej.

L-indafa fil-kamp

[Dt:23:10] “Meta toħroġ fil-kamp għall-għedewwa tiegħek qis li żżomm 'il bogħod kull ħaġa mhijiex xierqa. [Dt:23:11] Jekk ikun hemm xi ħadd li ma jkunx safi, minħabba li jkun ġralu billejl, għandu joħroġ barra mill-kamp, [Dt:23:12] u ma jidħolx f'nofs il-kamp qabel ma filgħaxija jinħasel bl-ilma, u ma nżul ix-xemx jidħol ġewwa l-kamp.

[Dt:23:13] “Għandu jkollok post barra mill-kamp fejn tista' tmur meta jkollok bżonn. [Dt:23:14] U żżomm biċċa għuda ma' l-għodda tiegħek u, meta titbaxxa, tħaffer biha; u meta tqum tgħatti l-ħmieġ tiegħek. [Dt:23:15] Għax il-Mulej, Alla tiegħek, jitlajja fil-kamp tiegħek, biex isalvak u jerħi l-għedewwa tiegħek f'idejk; għalhekk il-kamp tiegħek għandu jkun qaddis, li l-Mulej ma jara xejn fih li ma jixraqx; u jdawwar wiċċu minnek.

Ħniena ma' għajrek

[Dt:23:16] “L-ilsir li jaħrab lil sidu u jistkenn għandek, titilqux f'idejn sidu. [Dt:23:17] Jibqa' jgħammar f'nofsok fil-post li tagħżel f'waħda minn blietek, fejn ikun l-aħjar għalih. U la taħqrux.

[Dt:23:18] “Ma għandu jkun hemm ebda prostituta sagra mill-bniet ta' Iżrael, anqas prostitut sagru mis-subjien ta' Iżrael. [Dt:23:19] Iġġibx il-ħlas ta' mara żienja, u lanqas il-qligħ ta' kelb, fid-dar tal-Mulej, Alla tiegħek, għal ebda wegħda, għax it-tnejn jistkerrahhom il-Mulej, Alla tiegħek.

[Dt:23:20] “La teħux imgħax mingħand ħuk, la mgħax ta' flus, la ta' ikel, ta' ebda ħaġa li tinsilef bil-flus. [Dt:23:21] Tista' tieħu mgħax lill-barrani, imma lil ħuk teħodlux, biex ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f'kull ma tmidd idejk għalih fl-art fejn sejjer biex teħodha f'idejk.

Il-wegħdi

[Dt:23:22] “Meta tagħmel wegħda lill-Mulej, Alla tiegħek, tiddawwarx ma troddha; għax il-Mulej, Alla tiegħek, ifittex għaliha, u jkollok ħtija. [Dt:23:23] Imma jekk inti ma tagħmilx wegħdi, ma jkollokx ħtija.

[Dt:23:24] “Imma kull ma jkun ħareġ minn xufftejk qis li tagħmlu, skond ma wegħedt minn rajk lill-Mulej, Alla tiegħek, skond ma tkun għedt bi kliemek.

[Dt:23:25] “Meta tidħol f'xi qasam dwieli ta' għajrek, tista' tiekol għeneb kemm tixtieq, u sa ma tixba'; imma tixħet xejn ġol-ħorġa tiegħek. [Dt:23:26] Meta tidħol fiż-żara' ta' għajrek tista' taqta' s-sbul b'idek, imma m'għandekx tmidd il-minġel fiż-żara' ta' għajrek.

24. Id-divorzju

[Dt:24:1] “Jekk raġel jieħu mara u jiżżewwiġha, u mbagħad ma tkunx togħġbu għax ikun sab fiha xi ħaġa mhix xierqa, jiktbilha l-kitba tad-divorzju, u jagħtihielha f'idha, u jibgħatha 'l barra minn daru. [Dt:24:2] Meta mbagħad toħroġ minn daru u ssir il-mara ta' ħaddieħor [Dt:24:3] u jumbraha wkoll it-tieni raġel, u jiktbilha l-kitba tad-divorzju, u jagħtihielha f'idha, u jibgħatha 'l barra minn daru, jew inkella dan ir-raġel imut, [Dt:24:4] ma jkunx jista' l-ewwel raġel tagħha, li jkun bagħatha qabel, jerġa’ jeħodha b'martu, wara li tkun tniġġset; għax din ħaġa moqżieża quddiem il-Mulej, u m'għandekx iġġib il-ħtija fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik b'wirt.

[Dt:24:5] “Meta raġel jieħu mara ġdida, ma joħroġx għall-gwerra, u ma jitgħabba b'xejn, iżda jibqa' ġo daru għal sena sħiħa, u jferraħ lill-mara li jkun ħa.

[Dt:24:6] “M'għandek tieħu xejn b'rahan mill-mitħna, la ħaġra ta' fuq u lanqas il-ħaġra ta' taħt, għax tkun qiegħed tieħu b'rahan il-ħajja ta' dak li jkun.

[Dt:24:7] “Jekk jinqabad xi ħadd li jkun seraq lil xi wieħed minn ħutu, minn ulied Iżrael, u ijassru u jbigħu, dan il-ħalliel għandu jmut, u hekk tkun qridt il-ħażen minn ġo nofsok.

[Dt:24:8] “Fil-mard tal-ġdiem qisu sewwa li tagħmlu kull ma jgħallmukom il-qassisin Leviti, bħalma jien diġà ordnajtilkom hekk tagħmlu. [Dt:24:9] Ftakar x'għamel il-Mulej, Alla tiegħek, lil Mirjam fit-triq, meta ħriġtu mill-Eġittu.

[Dt:24:10] “Jekk tislef xi ħaġa lil għajrek, tidħolx ġewwa daru biex tieħu r-rahan tagħha, [Dt:24:11] iżda ibqa' barra, u r-raġel li tkun sliftu joħroġ u jġiblek ir-rahan barra. [Dt:24:12] Jekk ikun xi bniedem fqir, la torqodx bir-rahan tiegħu; [Dt:24:13] imma ma' nżul ix-xemx qis li r-rahan troddulu lura, u hu jorqod bil-libsa tiegħu u jbierkek; u int ikollok il-ħlas quddiem il-Mulej.

[Dt:24:14] “La żżommx il-ħlas tal-miskin u l-fqir, sew jekk ikun wieħed minn ħutek, sew jekk ikun wieħed mill-barranin, li jkun jgħammar fi bliet artek. [Dt:24:15] Agħtih il-ħlas dak in-nhar stess, u tħallix ix-xemx tgħib minn fuqu, għax hu fqir u dan ikun jistenna. U ma jgħajjatx kontra tiegħek quddiem il-Mulej, u jkollok ħtija.

[Dt:24:16] “M'għandekx tagħti l-mewt lill-missirijiet minħabba wliedhom, jew lill-ulied minħabba missirijiethom. Agħti l-mewt lil kulħadd għal dnubu.

[Dt:24:17] “La tgħawwiġx id-dritt tal-barrani jew ta' l-iltim; u lanqas tieħu b'rahan il-libsa ta' l-armla. [Dt:24:18] Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu, u minn hemmhekk fdiek il-Mulej, Alla tiegħek. Għalhekk jien nordnalek li tagħmel dan.

[Dt:24:19] “Meta tkun taħsad il-ħsad fir-raba' tiegħek, u tinsa warajk xi qatta fl-għalqa, terġax lura biex tiġborha, imma ħalliha għall-barrani u l-iltim u l-armla, biex ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f'kull ma jagħmlu idejk. [Dt:24:20] Meta tfarfar iż-żebbuġ tiegħek, la tlaqqatx li jibqa' fil-friegħi; ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. [Dt:24:21] Meta tiġbor l-għeneb mid-dwieli tiegħek, la tiġborx li jifdal warajk, imma ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. [Dt:24:22] Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu; għalhekk jien qiegħed nordnalek li tagħmel dan.

25. Il-ħaqq u s-sewwa

[Dt:25:1] “Jekk ikun hemm xi tilwima bejn tnejn min-nies dawn għandhom jersqu quddiem il-qorti u jagħmlu ħaqq minnhom, u jagħtu raġun lil min ikollu raġun, u tort lil min ikollu tort. [Dt:25:2] U jekk il-ħati jkun jistħoqqlu s-swat, l-imħallef imiddu fl-art u jsawwtuh quddiemu bl-għadd skond il-ħtija tiegħu. [Dt:25:3] Jagħtuh erbgħin daqqa, u mhux aktar, li ma jmorrux isawwtuh aktar minn hekk, u ħuk jitlef ġieħu quddiemek.

[Dt:25:4] “Ma għandekx tagħmel is-sarima lill-gendus li jkun jidres.

Iż-żwieġ ta' l-armla ma' ħatinha

[Dt:25:5] “Jekk aħwa jgħixu flimkien, u jmut wieħed minnhom, u ma jkollux tfal, il-mara tal-mejjet m'għandhiex tiżżewweġ barra l-familja lil xi ħadd barrani; ħatinha jersaq lejha, u jeħodha b'martu, u jaqdi dmiru ta' ħu żewġha li hu. [Dt:25:6] U hekk jiġri li l-ewwel iben li tiled jieħu isem ħuh il-mejjet u hekk ma jitħassarx ismu minn Iżrael.

[Dt:25:7] “Jekk imbagħad ir-raġel ma jogħġbux jieħu 'l mart ħuh, din tmur għand ix-xjuħ ħdejn il-bieb tal-belt u tgħidilhom: 'Ħatni ma jridx iqajjem isem ħuh f'Iżrael, u ma jridx jagħmel dmiru miegħi ta' ħu żewġi li hu.' [Dt:25:8] U x-xjuħ tal-belt tiegħu jsejjħulu u jkellmuh; u jekk jibqa' jgħid: 'Ma jogħġobnix neħodha,' [Dt:25:9] il-kunjata tersaq lejh quddiem ix-xjuħ, taqlagħlu l-qorq minn riġlu, tobżoqlu f'wiċċu, u tgħajjat, u tgħid: 'Hekk jagħmlulu lir-raġel li ma jridx jibni dar ħuh.' [Dt:25:10] U f'Iżrael jagħtuh il-laqam ta' 'Dar il-Moħfi'.

Id-deċenza

[Dt:25:11] “Jekk jiġri li żewġt irġiel jissieltu bejniethom, wieħed ma' l-ieħor, u tersaq il-mara ta' wieħed minnhom biex teħles lil żewġha minn idejn l-ieħor li ħabat għalih, u tmidd idha u taqbadlu għawaru, [Dt:25:12] aqtgħalha idha barra u tħarisx lejha b'għajn ħanina.

Kejl u wżin sewwa

[Dt:25:13] “M'għandux ikollok fil-ħorġa tiegħek użin u wżin, wieħed kbir u l-ieħor żgħir.

[Dt:25:14] “Ma għandux ikollok f'darek kejl u kejl, wieħed kbir u l-ieħor żgħir. [Dt:25:15] Għandu jkollok użin sħiħ u sewwa, kejl sħiħ u sewwa, u hekk itul għomrok fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik. [Dt:25:16] Għax jistkerrah il-Mulej, Alla tiegħek, lil kull min jagħmel dawn il-ħwejjeġ, lil kull min jagħmel il-qerq.

Il-qerda ta' Għamalek

[Dt:25:17] “Ftakar x'għamillek Għamalek int u ħiereġ mill-Eġittu; [Dt:25:18] kif laqgħek fit-triq, u qatagħlek minn warajk lil dawk kollha li kienu jkarkru warajk, u int kont għajjien u mifni, u hu ma beżax minn Alla. [Dt:25:19] Mela meta l-Mulej, Alla tiegħek, iserrħek mill-għedewwa tiegħek ta' madwarek fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik b'wirt biex teħodha f'idejk, ħassar it-tifkira ta' Għamalek minn taħt is-smewwiet. Qis li ma tinsiex.

26. Il-bikri u l-għexur

[Dt:26:1] “Meta tidħol fl-art, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik b'sehmek, u teħodha f'idejk, u tgħammar fiha, [Dt:26:2] hu l-bikri mill-frott kollu tar-raba' li int tiġbor mill-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, u tqiegħdu f'qoffa u tmur fil-post li l-Mulej, Alla tiegħek, jaħtar biex jgħammar ismu fih. [Dt:26:3] U tmur għand il-qassis li jkun hemm dak in-nhar, u tgħidlu: 'Jien nistqarr illum lill-Mulej, Alla tiegħek, li jien dħalt fl-art li l-Mulej wiegħed b'ħalfa lil missirijietna li jagħtiha lilna.' [Dt:26:4] Il-qassis imbagħad jilqa' minn idejk il-qoffa, u jqegħedha quddiem l-artal tal-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:26:5] Inti mbagħad tgħid hekk quddiem il-Mulej, Alla tiegħek: 'Missieri kien minn Aram, jiġġerra minn post għal ieħor; mbagħad niżel l-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien l-għadd ta' niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran. [Dt:26:6] L-Eġizzjani ħaqruna, għakksuna, għabbewna b'xogħol iebes; [Dt:26:7] imma aħna għajjatna lill-Mulej, Alla ta' missirijietna, u l-Mulej sama' l-għajta tagħna, ra t-tgħakkis u t-tbatija u d-dwejjaq tagħna, [Dt:26:8] u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu, b'id qawwija, bi driegħ merfugħ, b'biża' kbir, b'sinjali u b'għeġubijiet, [Dt:26:9] u daħħalna f'dan il-post, tana din l-art, art tnixxi ħalib u għasel. [Dt:26:10] U issa, ara, jiena ġibt l-ewwel frott ta' l-art li tajtni int, Mulej.' U int tqiegħdu quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tadura lill-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:26:11] U tifraħ bil-ġid kollu li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun ta lilek u lil darek, int u l-Levita, u l-barrani li jkun jgħammar f'nofsok.

[Dt:26:12] “Meta tkun temmejt tiġbor l-għexur ta' l-uċuħ tiegħek fit-tielet sena, is-sena ta' l-għexur, u tajthom lil-Levita, lill-barrani, lill-iltim, u lill-armla, u jkunu kiluhom u xebgħu, [Dt:26:13] int tmur tgħid quddiem il-Mulej, Alla tiegħek: 'Neħħejt il-ħwejjeġ sagri mid-dar biex tajthom lil-Levita, lill-barrani, lill-iltim u lill-armla, skond l-ordni tiegħek li tajtni; ma ksirt u ma nsejt ebda kmand milli tajtni. [Dt:26:14] Ma kilt xejn minnhom meta kont bil-vistu, ma warrabt xejn waqt li kont imniġġes, ma tajtx minnhom għall-mejjet; smajt mill-kelma tal-Mulej, Alla tiegħi, u għamilt skond kull ma ordnajtli. [Dt:26:15] Ittawwal mis-sema, l-għamara mqaddsa tiegħek, u bierek il-poplu tiegħek Iżrael u l-art li tajtna, kif int ħlift lil missirijietna, art tnixxi ħalib u għasel.'

[Dt:26:16] “Illum il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed jordnalek li tagħmel dawn il-liġijiet u dawn il-preċetti, u qis li tagħmilhom b'qalbek kollha u b'ruħek kollha. [Dt:26:17] Int ġegħelt lill-Mulej jgħid li jkun Alla tiegħek, u li timxi fit-toroq tiegħu u li tħares il-liġijiet tiegħu u l-kmandamenti u l-preċetti tiegħu, u tisma' minn kliemu. [Dt:26:18] U l-Mulej ġiegħlek tagħti l-kelma llum li tkun poplu maħtur tiegħu, kif kien qallek, u li tħares l-ordnijiet kollha tiegħu [Dt:26:19] biex hu jgħollik fuq il-ġnus kollha li għamel, fl-isem u fil-ġieħ, u tkun ġens ikkonsagrat lill-Mulej, Alla tiegħek, kif kien wiegħdek.”

27. It-tielet diskors: Il-proklamazzjoni tal-liġi

[Dt:27:1] Mosè u x-xjuħ ta' Iżrael ordnaw lill-poplu u qalulu: “Għandek tħares l-ordnijiet li jien se nordnalkom illum. [Dt:27:2] Meta taqsmu x-xmara tal-Ġordan għall-art li se jagħtik il-Mulej, Alla tiegħek, inti twaqqaf ġebel kbir, u tkaħħlu bil-ġir, [Dt:27:3] u tikteb fuqu l-kliem ta' din il-liġi malli tgħaddi u tidħol fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, art tnixxi ħalib u għasel, skond ma wiegħdek il-Mulej, Alla ta' missirijietek. [Dt:27:4] Malli taqsmu il-Ġordan dan il-ġebel twaqqfuh, kif jien qiegħed nordnalkom illum, fuq il-muntanja Għebal u tkaħħalhom bil-ġir. [Dt:27:5] U hemm tibni artal lill-Mulej, Alla tiegħek, artal tal-ġebel, li ma jkunx mess miegħu l-ħadid, [Dt:27:6] tibnih b'ġebel sħiħ, artal lill-Mulej, Alla tiegħek, u toffri fuqu sagrifiċċji tal-ħruq lill-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:27:7] U toqtol vittmi tas-sliem, u tiekol hemm, u tifraħ quddiem il-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:27:8] U tikteb u tonqox sewwa fuq il-ġebel il-kliem kollu ta' din il-liġi.”

[Dt:27:9] U Mosè u l-qassisin Leviti kellmu lil Iżrael kollu u qalulhom: “Iskot u isma', Iżrael, illum int sirt poplu tal-Mulej, Alla tiegħek, [Dt:27:10] u smajt leħen il-Mulej, Alla tiegħek, u int għamilt l-ordnijiet tiegħu u l-preċetti tiegħu, li jien ordnajtlek illum.”

Saħta lil min ma jismax

[Dt:27:11] U Mosè ordna lill-poplu llum, u qallu: [Dt:27:12] “Dawn joqogħdu fuq il-muntanja Gariżim biex ibierku l-poplu meta intom tkunu qsamtu x-xmara tal-Ġordan: Simgħon u Levi, Ġuda u Issakar, Ġużeppi u Benjamin. [Dt:27:13] U dawn joqogħdu fuq il-muntanja Għebal biex jisħtu: Ruben u Gad, Aser u Żebulun, Dan u Naftali. [Dt:27:14] U l-Leviti jwieġbu u jgħidu lin-nies kollha ta' Iżrael b'leħen għoli:

[Dt:27:15] “ 'Misħut il-bniedem li jagħmel xi xbieha minquxa jew imdewwba, li l-Mulej jistkerrah, xogħol ta' bniedem tas-sengħa, u jqegħedha fil-moħbi'; u jwieġeb il-poplu kollu u jgħid: 'Amen'.

[Dt:27:16] “ 'Misħut il-bniedem li jżeblaħ lil missieru u lil ommu'; u jwieġeb il-poplu kollu: 'Amen'.

[Dt:27:17] “ 'Misħut il-bniedem li jċaqlaq il-plieri tar-raba' ta' għajru'; u l-poplu kollu jwieġeb: 'Amen'.

[Dt:27:18] “ 'Misħut il-bniedem li joħroġ l-għama 'l barra mit-triq'; u l-poplu kollu jwieġeb: 'Amen'.

[Dt:27:19] “ 'Misħut il-bniedem li jgħawweġ il-ġustizzja tal-barrani, ta' l-iltim u ta' l-armla'; u jwieġeb il-poplu kollu: 'Amen'.

[Dt:27:20] “ 'Misħut il-bniedem li jimtedd mal-mara ta' missieru, għax ikun jikxef truf il-friex ta' missieru'; u jwieġeb il-poplu kollu: 'Amen'.

[Dt:27:21] “ 'Misħut il-bniedem li jimtedd ma' xi bhima, tkun xi tkun'; u jwieġeb il-poplu kollu: 'Amen'.

[Dt:27:22] “ 'Misħut il-bniedem li jimtedd ma' oħtu, bint missieru jew bint ommu'; u jwieġeb il-poplu kollu: 'Amen'.

[Dt:27:23] “ 'Misħut il-bniedem li jimtedd ma' omm martu'; u jwieġeb il-poplu kollu: 'Amen'.

[Dt:27:24] “ 'Misħut il-bniedem li jidrob lil għajru bil-moħbi'; u l-poplu kollu jwieġeb: 'Amen'.

[Dt:27:25] “ 'Misħut il-bniedem li jieħu l-ħlas biex jidrob għall-mewt lil min ikun bla ħtija'; u jwieġeb il-poplu kollu: 'Amen'.

[Dt:27:26] “ 'Misħut il-bniedem li ma jżommx il-kliem ta' din il-liġi u jagħmilhom'; u jwieġeb il-poplu kollu: 'Amen'.

28. Barkiet u saħtiet

[Dt:28:1] “Jekk int tassew tisma' leħen il- Mulej, Alla tiegħek, biex tħares u tagħmel l-ordnijiet kollha tiegħu, li jien illum qiegħed nordnalek, jerfgħek il-Mulej, Alla tiegħek, fl-għoli 'l fuq mill-ġnus kollha ta' l-art. [Dt:28:2] U jiġu fuqek dawn il-barkiet kollha, għax tkun smajt il-leħen tal-Mulej, Alla tiegħek.

[Dt:28:3] “Mbierek tkun fil-belt u mbierek fir-raba'.

[Dt:28:4] “Mbierek ikun il-frott ta' ġufek, il-frott ta' artek, il-frott tal-bhejjem tiegħek; il-frieħ tal-baqar tiegħek, u l-frieħ ta' l-imrieħel tiegħek.

[Dt:28:5] “Mbierka l-qoffa tal-ħobż tiegħek, u l-imgħaġna tiegħek.

[Dt:28:6] “Mbierek tkun fi dħulek, u mbierek fi ħruġek. [Dt:28:7] Iħarbat il-Mulej l-għedewwa li jqumu għalik; minn triq waħda joħorġu għalik, u minn seba' toroq jaħarbu minn quddiemek.

[Dt:28:8] “Il-Mulej jagħtik il-barka fl-imħażen tiegħek u f'kull ma tmidd idek għalih; u jbierkek fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik. [Dt:28:9] U l-Mulej jagħmel minnek poplu kkonsagrat għalih, skond ma ħaliflek, jekk int tħares l-ordnijiet tal-Mulej, Alla tiegħek, u timxi fi triqatu. [Dt:28:10] U jaraw il-ġnus kollha ta' l-art li int iġġib isem il-Mulej, u jibżgħu minnek. [Dt:28:11] Ifawwrek il-Mulej bil-ġid, bil-frott ta' ġufek, bil-frott tal-bhejjem tiegħek u bil-frott ta' l-art tiegħek li l-Mulej ħalef lil missirijietek li jagħtik.

[Dt:28:12] “Jiftaħ il-Mulej is-sema, il-maħżen ta' ġidu, u jagħtik f'waqtha x-xita għal artek u jbierkek f'kull ma tmidd idek għalih. Int tislef lil ħafna ġnus, u int ma tissellef mingħand ħadd. [Dt:28:13] Iqiegħdek il-Mulej fir-ras u mhux fid-denb; u tkun dejjem minn fuq, u qatt minn taħt, jekk tisma' mill-ordnijiet tal-Mulej, Alla tiegħek, li jien illum qiegħed nordnalek; tħarishom u tagħmilhom, [Dt:28:14] bla ma tilwi lejn il-lemin jew lejn ix-xellug minn dan kollu li qiegħed nordnalek illum, biex tmur wara allat oħra u taqdihom.

[Dt:28:15] “Jekk int ma tismax leħen il-Mulej, Alla tiegħek, u ma tharisx u ma tagħmilx l-ordnijietu l-liġijiet tiegħu li jiena llum qiegħed nordnalek, dawn is-saħtiet kollha jiġu fuqek u jilħquk:

[Dt:28:16] “Misħut tkun fil-belt, u misħut tkun fir-raba'.

[Dt:28:17] “Misħuta l-qoffa tal-ħobż tiegħek u l-imgħaġna tiegħek.

[Dt:28:18 ] “Misħut il-frott ta' ġufek u l-frott tar-raba' tiegħek, il-frieħ tal-baqar tiegħek u l-frieħ ta' l-imrieħel tiegħek.

[Dt:28:19] “Misħut tkun fi dħulek, u misħut fi ħruġek.

[Dt:28:20] “Jibgħat il-Mulej is-saħta, it-taħwid, u tehdid, f'kull ma tmidd idek għalih, sakemm tinqered u tintemm fi ftit żmien minħabba l-ħażen ta' għemilek, meta inti tlaqtni. [Dt:28:21] Il-Mulej iqabbdek il-pesta sakemm jifnik minn fuq l-art li int sejjer fiha biex tiritha. [Dt:28:22] Jolqtok il-Mulej bil-mard irqiq, bid-deni, bir-raxx tal-gilda, bil-ħruq; bin-nixfa, bir-riħ jaħraq, u s-sadid tas-siġar, li jibqgħu jiġru warajk sakemm jifnuk. [Dt:28:23] Is-sema fuq rasek ikun bronż; u ħadid l-art taħtek.

[Dt:28:24] “Ix-xita ta' artek jagħmilha l-Mulej ramel u trab; jinżlu mis-sema fuqek sa ma jeqirduk.

[Dt:28:25] “Iħarbtek il-Mulej quddiem l-għedewwa tiegħek, minn triq waħda toħroġ għalihom, u minn seba' triqat taħrab minn quddiemhom, u jitkexkxu s-saltniet kollha ta' l-art minħabba fik. [Dt:28:26] Ġismek mejjet ikun ikel għat-tjur kollha ta' l-ajru u l-bhejjem ta' l-art, mingħajr ma ħadd inaffarhom.

[Dt:28:27] “Jolqtok il-Mulej bl-infafet ta' l-Eġittu, bil-morliti, bil-ħakk, bix-xwiek f'ġismek, li ma tkunx tista' tfiq minnhom. [Dt:28:28] Jolqtok il-Mulej bil-ġenn, bl-għama u b'thewdin il-moħħ, [Dt:28:29] li tmur u timxi tteftef f'nofsinhar bħalma jteftef fid-dlam wieħed agħma; ma jkollokx riżq fix-xogħol tiegħek, imma tkun magħkus u misruq ħajtek kollha, u ħadd ma jgħinek.

[Dt:28:30] “Titgħarras ma' mara, u ħaddieħor jitgħaxxaq biha; tibni dar, u ma tgħammarx fiha; tħawwel id-dwieli, u ma teħux frott minnhom. [Dt:28:31] Il-gendus tiegħek joqtluh quddiemek, u int ma tikolx minnu; il-ħmar tiegħek jisirquh minn quddiem għajnejk, u ma jerġax lura għandek; in-nagħaġ tiegħek jerħuhom f'idejn l-għedewwa tiegħek, u ma jkollokx min isalvak.

[Dt:28:32] “Is-subjien tiegħek jagħtuhom lil poplu ieħor, u int tarahom b'għajnejk u tinfena għalihom il-jum kollu, imma ma tkun tista' tagħmel xejn għalihom. [Dt:28:33] Il-frott ta' artek u ta' l-għaraq tiegħek jieklu poplu li ma tafux u int tkun biss mgħakkes u mqarraq ħajtek kollha, [Dt:28:34] u jagħtik ġenn għal li jaraw għajnejk.

[Dt:28:35] “Jolqtok il-Mulej bl-infafet qalila f'irkubbtejk u f'saqajk, minn qiegħ riġlejk sal-quċċata ta' rasek, u ma tfiqx minnhom.

[Dt:28:36] “Jieħu l-Mulej lilek u lis-slaten li int tqiegħed fuqek, għand poplu li ma tafx bih, la int u anqas missirijietek, u hemm taqdi allat oħra tal-ġebel u tal-ħatab.

[Dt:28:37] “Jitkexkxu l-ġnus kollha li f'nofshom jieħdok il-Mulej, tiġi f'ilsienhom u jiddieħqu bik.

[Dt:28:38] “Toħroġ bl-abbundanza ż-żerriegħa għar-raba' tiegħek, imma taħsad ftit, għax jikluha l-gradijiet. [Dt:28:39] Tħawwel id-dwieli u taħdimhom, imma nbid ma tixrobx, u ma tiġbor xejn għax jikolhom id-dud.

[Dt:28:40] “Ikollok iż-żebbuġ fil-medda ta' artek, imma biż-żejt ma tindilikx, għax iż-żebbuġ tiegħek tobżqu s-siġra. [Dt:28:41] Tiled subjien u bniet, iżda ma jkunux tiegħek, għax jittieħdu lsiera.

[Dt:28:42] “Is-siġar tiegħek u l-frott ta' artek jeħodhomlok il-grad. [Dt:28:43] Il-barrani li jkun f'nofsok jitla' 'l fuq minnek, 'il fuq 'il fuq, bla ma jaqta' xejn; u int tinżel 'l isfel 'l isfel. [Dt:28:44] Jisilfek hu, u int lilu ma tisilfux; hu jkun ir-ras, u int tkun id-denb.

[Dt:28:45] “Dawn is-saħtiet kollha jiġu fuqek, u jibqgħu jiġru warajk sa ma jilħquk u jeqirduk, għax ma tkunx smajt mill-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u ma ħaristx l-ordnijiet u l-liġijiet li tak. [Dt:28:46] U jkunu fik sinjali u għeġubijiet, fik u f'nislek għal dejjem.

[Dt:28:47] “Talli int ma tkunx qdejt lill-Mulej, Alla tiegħek, bil-ferħ u l-qalb it-tajba, għall-ħafna gid li tak, [Dt:28:48] int isservi l-għedewwa tiegħek, li l-Mulej jibgħat kontrik, fil-ġuħ u fl-għatx, fl-għera u fl-għaks, f'kollox. U jgħabbuk b'madmad tal-ħadid fuq għonqok sa ma jeqirduk.

[Dt:28:49] “Iqajjem il-Mulej kontrik ġens mill-bogħod, minn truf l-art, bħalma ttir l-ajkla, ġens li lsienu ma tifhmux. [Dt:28:50] Ġens ta' wiċċ kiefer, li ma jħarisx lejn ix-xjuħ, u anqas ma jħenn għat-tfal; [Dt:28:51] jiekol il-frott tal-bhejjem tiegħek u ta' artek sakemm jeqirdek; u anqas ma jħallilek qmuħ, nbid jew żejt; anqas il-frieħ tal-bhejjem tiegħek u l-ħrief ta' l-imrieħel tiegħek, sakemm itemmek.

[Dt:28:52] “Jagħlquk dawramejt fl-ibliet kollha tiegħek sa ma jiġġarrfu l-ħitan għolja u s-swar li int tkun fihom ittamajt f'artek kollha; u jagħlquk fi bliet artek kollha, li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun tak. [Dt:28:53] U int tiekol il-frott ta' ġufek, laħam is-subjien u l-bniet tiegħek, li l-Mulej, Alla tiegħek, ikun tak, minħabba d-diqa u l-għeluq li jġibek fihom l-għadu meta jassedjak. [Dt:28:54] Ir-raġel artab u mfissed fostok iħares b'għajn ħażina lejn ħuh u lejn mart ħdanu, u lejn il-bqija ta' wliedu li jkun baqagħlu; [Dt:28:55] ma jkun irid jagħti lil ħadd minnhom minn laħam uliedu, jieklu hu għax xejn ma jibqagħlu minħabba d-diqa u l-għeluq li jġibek fihom l-għadu fl-ibliet kollha tiegħek. [Dt:28:56] Il-mara ratba u mfissda fostok, li tibża' tmidd qiegħ riġilha fl-art minħabba rtubitha u fsiedha, tħares b'għajn ħażina lejn żewġ ħdanha, lejn binha, u lejn bintha, [Dt:28:57] lejn il-bxima tagħha li toħroġ minn bejn riġlejha, lejn kull tifel jew tifla li tista' tiled, għax tikolhom bil-moħbi minħabba d-diqa u l-għeluq li jġibek fihom l-għadu tiegħek fi blietek.

[Dt:28:58] “Jekk int ma tqisx li tħares dan il-kliem ta' din il-liġi miktuba f'dan il-ktieb, li tibża' minn dan l-isem imsebbaħ u tal-biża', il-Mulej, Alla tiegħek, [Dt:28:59] ta' l-għaġeb ikun is-swat, għalik u għal nislek, li l-Mulej jagħtik, swat kbir ma jaqta' xejn, mard twil u kiefer. [Dt:28:60] U jġib fuqek il-mardiet kollha ta' l-Eġittu, li int kont titkexkex minnhom, u jaqbdu miegħek; [Dt:28:61] u l-mard u s-swat kollu li m'humiex miktuba fil-ktieb ta' din il-liġi, iġibhom il-Mulej fuqek sakemm tinqered; [Dt:28:62] u tibqgħu ftit nies, minflok il-ħafna nies li kontu bħall-kwiekeb tas-sema, għax ma tkunux smajtu l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom. [Dt:28:63] Bħalma l-Mulej jifraħ jagħmlilkom il-ġid u jkattarkom, hekk għad jifraħ iħarbatkom u jeqridkom, u jaħsadkom minn fuq l-art li int sejjer fiha biex teħodha f'idejk. [Dt:28:64] U l-Mulej ixerrdek fost il-ġnus, minn tarf ta' l-art għall-ieħor, u hemm isservi allat oħra, li la int u lanqas missirijietek ma tafu bihom, allat tal-ġebel u tal-ħatab. [Dt:28:65] Imma anqas qalb dawk il-ġnus ma jkollok mistrieħ, u ma jkollokx fejn isserraħ qiegħ riġlejk; iżda hemmhekk il-Mulej iregħedlek qalbek, imewwitlek għajnejk u jreqqlek ruħek. [Dt:28:66] Ħajtek tkun imdendla b'ħajta, mbeżżgħa lejl u nhar, bla tama f'ħajtek. [Dt:28:67] Fil-għodu tgħid: 'Li kien jidlam!' u fil-għaxija tgħid: 'Li kien jisbaħ!' minħabba l-biża' li jkollok f'qalbek, u għal li jaraw għajnejk. [Dt:28:68] Il-Mulej ireġġagħkom lura fuq l-iġfna lejn l-Eġittu, minn dik l-istess triq li jien kont għedtlek: 'Ma taraha qatt aktar', u hemm, rġiel u nisa, toffru ruħkom għall-bejgħ b'ilsiera lill-għedewwa tagħkom, bla ma ħadd jixtrikom.”

Tiġdid tal-patt

[Dt:28:69] Dan hu d-diskors dwar il-patt li l-Mulej ordna lil Mosè li jagħmel ma' wlied Iżrael fl-art ta' Mowab, barra l-patt li diġà kien għamel magħhom f'Ħoreb.

29. Tiġdid tal-patt

[Dt:29:1] U Mosè sejjaħ lil Iżrael kollu u qalilhom: “Intom rajtu kull ma għamel il-Mulej quddiem għajnejkom fl-art ta' l-Eġittu lill-Fargħun, lill-qaddejja kollha tiegħu u lil artu kollha; [Dt:29:2] it-tiġrib kbir li raw għajnejk, dawk is-sinjali kbar u għeġubijiet. [Dt:29:3] Imma sa llum il-Mulej ma takomx moħħ biex jifhem, għajnejn biex jaraw, u widnejn biex jisimgħu. [Dt:29:4] Mexxejtkom għal erbgħin sena fid-deżert, l-imnatar tagħkom ma nkeddux minn fuqkom, il-qorq tiegħek ma ttikilx f'riġlejk. [Dt:29:5] Ħobż ma kiltux, u nbid u xorb ma xrobtux, biex tagħrfu li jien il-Mulej, Alla tagħkom. [Dt:29:6] U wasaltu f'dan il-post, u ħarġu għalina għall-ġlied Siħon, is-sultan ta' Ħesbon, u Għog, is-sultan ta' Basan, imma aħna kissirniehom; [Dt:29:7] ħadnielhom arthom u tajnieha b'wirt lir-Rubenin, lill-Gadin u lil nofs it-tribù ta' Manassi. [Dt:29:8] Mela intom għandkom tħarsu l-kelma ta' dan il-patt u tagħmluha biex f'kull ma tagħmlu jkollkom ir-riżq.

[Dt:29:9] “Intom illum, lkoll kemm intom, qegħdin weqfin quddiem il-Mulej, Alla tagħkom; il-kapijiet tagħkom, l-imħallfin tagħkom, ix-xjuħ tagħkom u l-uffiċjali tagħkom, l-irġiel kollha ta' Iżrael, [Dt:29:10] it-tfal tagħkom, in-nisa tagħkom, u l-barrani li qiegħed fil-kamp tiegħek, minn dak li jaqtagħlek il-ħatab sa dak li jġorrlok l-ilma, [Dt:29:11] biex tidħol fil-patt tal-Mulej, Alla tiegħek, u l-ħalfa tiegħu, li l-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed jagħmel miegħek illum. [Dt:29:12] Biex hu llum jagħmlek il-poplu tiegħu, u hu jkun Alla tiegħek, bħalma wiegħdek u bħalma ħalef lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb.

[Dt:29:13] “U mhux magħkom weħidkom se nagħmel dan il-patt u l-ħalfa, [Dt:29:14] imma ma' min qiegħed magħna llum quddiem il-Mulej, Alla tagħna, u ma' min m'hux hawn magħna llum. [Dt:29:15] Għax intom tafu kif konna ngħammru fl-art ta' l-Eġittu u kif għaddejna minn nofs il-ġnus, li għaddejtu minnhom, [Dt:29:16] u rajtu x-xbihat moqżieża u koroh ta' allathom, u injam u ġebel, fidda u deheb, li għandhom.

[Dt:29:17] “Qisu li ma jkunx hemm raġel jew mara, tribù jew familja, li twarrab illum qalbha mill-Mulej, Alla tagħna, biex tmur isservi l-allat ta' dawk il-ġnus; li ma jkunx hemm għerq jarmi s-semm u l-absint; [Dt:29:18] li ħadd ma jisma' l-kliem ta' din il-ħalfa u jifraħ f'qalbu u jgħid: 'Ikolli r-riżq, mqar jekk nimxi skond l-ebusija ta' qalbi,' li ma jmurx jitkaxkar l-imsoqqi u l-għatxan.

[Dt:29:19] “Il-Mulej ma jkunx irid jaħfirlu, imma jixgħel bil-korla u bl-għira l-Mulej għal dak ir-raġel, u jinżlu fuqu s-saħtiet kollha li hawn miktuba f'dan il-ktieb, u l-Mulej iħassar ismu minn taħt is-smewwiet. [Dt:29:20] U jaqtgħu l-Mulej mit-tribujiet kollha ta' Iżrael bi ħsara għalih, skond is-saħtiet ta' dan il-patt miktuba fil-ktieb ta' din il-liġi.

[Dt:29:21] “Il-ġenerazzjoni ta' wara, uliedek li għad iqumu warajk, u l-barrani li għad jiġi minn art imbiegħda u għad jara l-ħsarat ta' din l-art u l-mard li jkun bih marradha l-Mulej - [Dt:29:22] kubrit, melħ u ħriq l-art kollha li ma tistax tinżera' jew tnibbet, u ebda ħaxix ma jikber fiha - meta dawn jaraw dan it-tiġrif bħal dak ta' Sodoma u Gomorra, Adma u Sebojim, mġarrfa mill-Mulej fil-qilla tal-korla tiegħu, [Dt:29:23] għad jgħidu l-ġnus kollha ta' l-art: 'Għala għamel hekk il-Mulej lil din l-art? X'inhi din is-saħna ta' din il-korla kbira?' [Dt:29:24] U jweġbuhom: 'Għaliex telqu l-patt tal-Mulej, Alla ta' missirijiethom, li għamel magħhom meta ħariġhom mill-Eġittu; [Dt:29:25] u marru u servew lil allat oħra u nxteħtu quddiemhom, allat li ma jafuhomx, u li ma għamilx għalihom il-Mulej. [Dt:29:26] Għalhekk xegħlet il-korla tal-Mulej għal din l-art u ġiebet fuqha s-saħtiet kollha miktuba f'dan il-ktieb; [Dt:29:27] għalhekk il-Mulej qalagħhom minn arthom b'korla, b'qilla u b'herra kbira, u xeħithom f'art oħra, bħalma huma llum.'

[Dt:29:28] “Il-ħwejjeġ mistura huma tal-Mulej, Alla tagħna, iżda l-ħwejjeġ mikxufa huma għalina u għal uliedna għal dejjem, biex nagħmlu kull ma tgħidilna din il-liġi.

30. Il-ħniena ta' Alla

[Dt:30:1] “Meta jkunu ġew fuqek dawn il-ħwejjeġ kollha, dawn il-barkiet u s-saħtiet, li qegħedtlek quddiemek, u int tkun dħalt fik innifsek fost il-ġnus, fejn ikun itturufnak il-Mulej, Alla tiegħek, [Dt:30:2] u terġa’ lura għal għand il-Mulej, Alla tiegħek, u tisma' minn kliemu f'kull ma qiegħed nordnalek illum, int u wliedek, b'qalbek kollha u b'ruħek kollha, [Dt:30:3] mbagħad il-Mulej, Alla tiegħek, iħenn għalik u jbiddillek xortik; u jerġa’ jiġbrok minn fost il-ġnus kollha, li jkun xerrdek f'nofshom il-Mulej, Alla tiegħek. [Dt:30:4] Mqar jekk l-itturufnati tiegħek ikunu fi truf is-smewwiet, minn hemm jiġbrok il-Mulej, Alla tiegħek, u minn hemm jieħdok. [Dt:30:5] U jġibek il-Mulej, Alla tiegħek, fl-art li wirtu missirijietek, u int teħodha, jagħmillek il-ġid u jkattrek aktar minn missirijietek. [Dt:30:6] Il-Mulej, Alla tiegħek, jaħtinlek qalbek u qalb nislek, biex tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek u b'ruħek kollha biex tgħix. [Dt:30:7] U l-Mulej, Alla tiegħek, jitfa' dawn is-saħtiet kollha fuq l-għedewwa tiegħek u dawk li jobogħduk u jkunu għamlu għalik.

[Dt:30:8 ] “U int terġa’ tisma' l-kelma tal-Mulej, u tagħmel l-ordnijiet tiegħu li jien qiegħed nordnalek illum. [Dt:30:9] U l-Mulej, Alla tiegħek, ifawwrek bil-ġid f'kull ma jagħmlu idejk, fil-frott ta' ġufek, fil-frott tal-bhejjem tiegħek, fil-frott ta' artek; għax jerġa’ l-Mulej jifraħ bik u jagħmel il-ġid miegħek, bħalma kien jifraħ b'missirijietek, [Dt:30:10] jekk int tisma' l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta' din il-liġi; jekk terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha u b'ruħek kollha.

[Dt:30:11 ] “Din il-liġi li qiegħed nagħtik illum, m'hijiex tqila għalik u anqas 'il bogħod minnek. [Dt:30:12] M'hijiex fis-sema biex int tgħid: 'Min se jitlgħalna s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?' [Dt:30:13] U anqas ma hi 'l hemm mill-baħar biex int tgħid, 'Min se jmur 'l hemm mill-ibħra u jġibhielna, u jsemmagħhielna, u nagħmluha ?’ [Dt:30:14] Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f'fommok u f'moħħok, biex tagħmilha.

[Dt:30:15] “Ara jiena llum qegħedtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni. [Dt:30:16] Issa jekk tisma' mil-liġi tal-Mulej, Alla tiegħek, li qiegħed nordnalek illum: li tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, li timxi fit-triqat tiegħu, u li tħares l-ordnijiet u l-liġijiet u d-digrieti tiegħu, int tgħix u titkattar, u l-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fl-art li int sejjer fiha biex teħodha f'idejk. [Dt:30:17] Imma jekk qalbek iddur u ma tismax, tintgħewa u tqim allat oħra u taqdihom, [Dt:30:18] jien ngħidilkom illum li tinqerdu żgur; ma ddumux żmien twil fuq l-art, li int se taqsam il-Ġordan biex tidħol fiha u teħodha f'idejk. [Dt:30:19] Nsejjaħ illum is-sema u l-art b'xhieda kontrikom: il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek, [Dt:30:20] billi tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u tisma' l-kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-tul ta' jiemek li tgħammar fl-art li Alla ħalef li jagħtiha lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb.”

31. Il-ħatra ta' Ġożwè

[Dt:31:1] U Mosè temm jgħid dan il-kliem lil Iżrael kollu, [Dt:31:2] u mbagħad qalilhom: “Illum jien għandi mija u għoxrin sena, u ma niflaħx nibqa' dieħel u ħiereġ, u l-Mulej qalli: 'Int ma taqsamx dan il-Ġordan.' [Dt:31:3] Il-Mulej, Alla tiegħek, se jaqsam il-Ġordan quddiemek, jeqred dawk il-ġnus minn quddiemek u int tirithom; Ġożwè se jgħaddi quddiemek kif qallek il-Mulej, [Dt:31:4] u l-Mulej jagħmlilhom bħalma għamel lil Siħon, u lil Għog, slaten ta' l-Amurrin, u lil arthom, u qeridhom. [Dt:31:5] U l-Mulej jerħihom f'idejkom u tagħmlulhom skond l-ordni li jien tajtkom. [Dt:31:6] Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom; tibżgħux u titregħdux quddiemhom; għax hu, il-Mulej, Alla tiegħek, se jimxi miegħek; m'hux se jħallik, u anqas jitilqek.”

[Dt:31:7] U Mosè sejjaħ lil Ġożwè u qallu quddiem Iżrael kollu: “Agħmel il-ħila u qawwi qalbek, għax int iddaħħal lil dan il-poplu fl-art li l-Mulej ħalef lil missirijiethom li jagħtihielhom, u int tqassamhielhom. [Dt:31:8] Il-Mulej jimxi quddiemek, hu jkun miegħek; ma jħallikx u anqas jitilqek; la tibżax u la taqtax qalbek.”

Il-qari tal-liġi

[Dt:31:9] U Mosè kiteb din il-liġi u taha lill-qassisin ulied Levi, li kienu jġorru l-arka tal-patt tal-Mulej, u lix-xjuħ kollha ta' Iżrael. [Dt:31:10] U Mosè ordnalhom u qalilhom: “Fi tmiem kull seba' snin, fis-sena tal-maħfra, fil-festa ta' l-Għerejjex, [Dt:31:11] meta Iżrael kollu jiġi biex jara wiċċ il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jkun għażel, taqra din il-liġi quddiem Iżrael kollu, b'mod li jisimgħuk.

[Dt:31:12] “Iġbor il-poplu, l-irġiel u n-nisa, it-tfal u l-barranin, li jkunu fl-ibliet tiegħek, biex jisimgħu u jitgħallmu, u jibżgħu mill-Mulej, Alla tagħkom, u jqisu li jagħmlu l-kliem kollu ta' din il-liġi. [Dt:31:13] U wliedhom li ma jafux, jisimgħu u jitgħallmu jibżgħu mill-Mulej, Alla tagħkom, il-jiem kollha li intom tgħixu fuq l-art li se taqsmu l-Ġordan biex teħduha f'idejkom.”

Id-dnubiet ta' Iżrael

[Dt:31:14] U l-Mulej qal lil Mosè: “Ara, qorob żmien mewtek! Sejjaħ lil Ġożwè u ppreżentaw ruħkom fit-tinda tal-laqgħa biex nagħtih il-kmand.” U Mosè u Ġożwè marru u ppreżentaw ruħhom fit-tinda tal-laqgħa. [Dt:31:15] U l-Mulej deher fit-tinda f'kolonna ta' sħab u l-kolonna tas-sħab waqfet fuq il-bieb tat-tinda. [Dt:31:16] U l-Mulej qal lil Mosè: “Ara, int se tistrieħ ma' missirijietek, u dan il-poplu għad iqum u jiżni ma' l-allat tal-barranin ta' din l-art, li hu sejjer fiha u li jkunu f'nofsu. U jitlaqni u jikser il-patt tiegħi li jien għamilt miegħu. [Dt:31:17] U dakinhar tixgħel il-korla tiegħi għalih, nitlaqhom u naħbi wiċċi minnhom, u hu jsir priża għall-ikel u jilħquh ħafna ħsarat u dwejjaq. Mbagħad dakinhar il-poplu jgħid: 'Jaqaw m'hux għax ma għadux Alla tiegħi f'nofsi laħquni dawn il-ħsarat kollha?' [Dt:31:18] Imma jien naħbi wiċċi għalkollox dakinhar minħabba l-ħażen li jkun għamel meta dawwar wiċċu lejn allat oħra. [Dt:31:19] Mela issa ikteb din l-għanja u għallimha lil ulied Iżrael; qegħedha f'fommhom biex din l-għanja tkun xhud għalija fost ulied Iżrael. [Dt:31:20] Meta nkun wassaltu fl-art li jien ħlift lil missirijietu, art tnixxi ħalib u għasel, hu jiekol, jixba' u jismen, u jdur lejn allat oħra, u jservuhom u lili jkasbruni u jiksru l-patt tiegħi. [Dt:31:21] Għalhekk meta jkunu laħquh ħafna ħsarat u dwejjaq twieġbu b'din il-għanja f'wiċċu b'xhieda; għax ma tintesiex minn fomm nislu. Għax jien sa minn qabel ma ndaħħlu fl-art li ħliftlu, diġà naf x'għandu f'qalbu u x'għad jagħmel.”

[Dt:31:22] U Mosè dakinhar kiteb din l-għanja u għallimha lil ulied Iżrael.

[Dt:31:23] Mbagħad il-Mulej ordna lil Ġożwè bin Nun u qallu: “Agħmel il-ħila u qawwi qalbek, għax int għandek iddaħħal lil ulied Iżrael fl-art li jien ħliftilhom; jien inkun miegħek.”

[Dt:31:24] U ġara li malli Mosè temm jikteb fi ktieb sa l-aħħar il-kliem ta' din il-liġi, [Dt:31:25] ordna lil-Leviti, li jġorru l-arka tal-patt tal-Mulej, u qalilhom: [Dt:31:26] “Ħudu dan il-ktieb ta' din il-liġi u qegħduh maġenb l-arka: tal-patt tal-Mulej, Alla tagħkom, u jkun hemm b'xhieda għalik. [Dt:31:27] Għax jien naf kemm int stinat u rasek iebsa. Jekk meta għadni ħaj fostkom irvillajtu llum kontra l-Mulej, kemm aktar wara mewti?

[Dt:31:28] “Iġbruli madwari x-xjuħ kollha tat-tribujiet kollha tagħkom, u l-uffiċjali tagħkom, u ngħidilhom b'mod li jisimgħu dan il-kliem, u jkunu xhud tagħhom is-smewwiet u l-art. [Dt:31:29] Għax jien naf li wara mewti titħassru għalkollox u toħorġu mit-triq li ordnajtilkom; u jilħaqkom id-deni fiż-żmien li ġej, għax tagħmlu l-ħażen f'għajnejn il-Mulej u tinkuh b'kull ma jagħmlu idejkom.” [Dt:31:30] U Mosè tenna, b'mod li tisimgħu l-ġemgħa kollha ta' Iżrael, il-kliem ta' din l-għanja sa l-aħħar:

32. L-għanja ta' Mosè

[Dt:32:1] ̋Agħtu widen, smewwiet, ħa nitkellem,
u tisma' l-art kliem fommi.
[Dt:32:2] Ħa jinżel bħax-xita tagħlimi,
ħa joqtor bħan-nida kliemi,
bħal irxiex fuq raba' jħaddar,
bħal bexxa xita fuq il-ħxejjex.
[Dt:32:3] Irrid inxandar isem il-Mulej;
faħħruh intom lil Alla tagħna.

[Dt:32:4] Għax hu l-Blata tagħna; perfett għemilu;
u lkoll ġusti t-triqat tiegħu.
Alla ta' kelmtu u ma jqarraqx;
kollu ħaqq u kollu sewwa.
[Dt:32:5] Mxew ħażin miegħu;
m'humiex uliedu, għajb għalihom;
nisel ta' inkwiet u għawġ.
[Dt:32:6] B'hekk tħallsu lill-Mulej,
poplu iblah u bla għaqal?
M'hux hu missierek, li għamlek tiegħu?
M'hux hu li sawwrek u qawwiek?
[Dt:32:7] Ftakar fil-jiem ta' dari;
qis is-snin, kull żmien li gerbeb!
Staqsi 'l missierek u jurik,
lix-xjuħ tiegħek u jgħidulek.
[Dt:32:8] Meta Alla l-Għoli 'l ġnus
qassmilhom sehemhom,
u l-bnedmin minn xulxin fired,
ħażżeż truf il-ġnus,
skond l-għadd ta' wlied Alla.
[Dt:32:9] Imma sehem il-Mulej baqa' l-poplu tiegħu,
Ġakobb sehem il-wirt tiegħu.

[Dt:32:10] F'art imwarrba mar isibu,
f'deżert waħxi u bla nies.
Dar miegħu u ħa ħsiebu:
ħarsu bħall-mimmi ta' għajnejh.
[Dt:32:11] Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar,
u tittajjar fuq uliedha,
tiftaħ ġwenħajha u ttellagħhom,
u ġġorrhom fuq ġwenħajha, [Dt:32:12]
hekk il-Mulej mexxiehom waħdu,
u ebda alla ieħor ma kien miegħu.
[Dt:32:13] Tellgħu fuq l-għoljiet ta' l-art,
u temgħu uċuħ ir-raba'.
Tah jerda' l-għasel mill-irdum,
u ż-żejt mill-blat taż-żnied.
[Dt:32:14] Tah baqta tal-baqar u ħalib tan-nagħaġ,
U l-laħam imsemmen tal-ħrief u tal-muntun
imwielda f'Basan, u tal-mogħoż;
mill-ifjen dqiq tal-qamħ;
u demm il-għeneb int xrobt iriegħi.

[Dt:32:15] U simen Ġesurun u ta biż-żewġ;
smint, u mtlejt, u ħxint;
u telaq lil Alla, il-ħallieq tiegħu,
u żeblaħ il-Blata tas-salvazzjoni tiegħu.

[Dt:32:16] B'allat oħra kebbsu lil Alla bl-għira;
regħxuh bl-għemejjel ħżiena tagħhom.
[Dt:32:17] Issagrifikaw lill-erwieħ li m'humiex allat,
lil allat li bihom ma kinux jafu,
lil allat ġodda li ġew dan l-aħħar,
li missirijiethom qatt ma kienu jqimu.
[Dt:32:18] Int insejt il-Blata li wilditek,
insejt 'l Alla li nisslek.

[Dt:32:19] Il-Mulej ra dan, u fil-korla tiegħu
stmerr 'l uliedu, subjien u bniet.
[Dt:32:20] U qal: 'Naħbi wiċċi minnhom,
u nara xi jsir minnhom.
Għax nisel ħażin huma,
ulied li kelma ma jżommuhiex.
[Dt:32:21] Kebbsuli l-għira b'dak li m'hux alla,
regħxuni b'allathom fiergħa;
u jiena nkebbsilhom l-għira b'dak li poplu m’hux,
nregħexhom b'nies bla moħħ.
[Dt:32:22] Għax nar iħeġġeġ il-qilla tiegħi,
nar li jaqbad sa qiegħ l-art;
nar jeqred l-art b'tagħmirha,
u l-muntanji jaħraq mis-sisien.

[Dt:32:23] Ħsara fuq ħsara niġma' fuqhom,
u fuqhom naħli l-vleġeġ tiegħi.
[Dt:32:24] Bil-ġuħ jinfnew,
deni jaħtafhom u l-mard jittieħed.
Snien il-bhejjem nibagħtilhom,
b'semm is-sriep li jieklu t-trab.
[Dt:32:25] Barra l-mewt bix-xabla,
u ġewwa d-dar bil-biża',
kemm għaż-żagħżugħ u x-xebba,
kemm għat-trabi u x-xjuħ xehbiena.
[Dt:32:26] Jien kont ngħid: kieku rrid neqridhom,
tifkirthom inħassar minn qalb in-nies,
[Dt:32:27] li kieku ma bżajtx miż-żeblih ta' l-għadu,
li ma jaħsbux dawk li għakksuh u jgħajjtu:
Bis-saħħa ta' idejna rbaħna,
m'hux il-Mulej li għamel dan.

[Dt:32:28] Ġens bla ħsieb,
u nies bla fehma.
[Dt:32:29] Li kienu għaqlin kienu jifhmu dan;
u kienu jitħassbu fuq it-tmiem tagħhom.
[Dt:32:30] Kif jista' jkun li wieħed jiġri wara elf,
u tnejn iħarrbu għaxart elef,
jekk mhux għax il-Blata tagħhom begħithom,
u l-Mulej telaqhom?
[Dt:32:31] Għax il-Blata tagħna m'hix bħall-blata tagħhom,
u dan l-għedewwa tagħna stess jgħiduh.
[Dt:32:32] Għax id-dielja tagħhom mid-dielja ta' Sodoma ħierġa
u mill-oqsma ta' Gomorra.
L-għeneb tagħhom għeneb is-semm,
u morri l-għenieqed tagħhom.
[Dt:32:33] L-inbid tagħhom semm is-sriep,
velenu qawwi tas-serpent.
[Dt:32:34] M'hux dan forsi maħżun għandi,
msakkar fil-moħbiet tiegħi?
[Dt:32:35] Għalija l-ħlas u l-vendetta,
għal meta jogħtru riġlejhom.
Għax qrib hu jum il-qerda tagħhom,
fis jasal li hemm lest għalihom.
[Dt:32:36] Għax il-Mulej jagħmel ħaqq lill-poplu tiegħu,
u l-qaddejja tiegħu jħenn għalihom,
meta jara li marret saħħtu,
u la baqa' lsir u lanqas ħieles.
[Dt:32:37] U jgħid: 'Fejn huma l-allat tagħhom,
il-blata li fiha ttamaw?
[Dt:32:38] LI kienu jieklu x-xaħam tal-vittmi tagħhom u jixorbu l-inbid tat-tiswib tagħhom?'
Ħalli jqumu huma u jgħinukom
u jkunu kenn għalikom!
[Dt:32:39] Araw issa li jien, jien hu,
u m'hemm ebda alla ħdejja.
Jien immewwet u jiena naħji.
Jiena nidrob, u jiena nfejjaq.
U ħadd ma hemm li jeħles minn idejja.

[Dt:32:40] Għax nerfa' idi lejn is-sema,
u naħlef: 'Daqs kemm jien ħaj għal dejjem
[Dt:32:41] malli nsinn ix-xabla tilma tiegħi,
u tlesti ruħha idi għall-ħaqq,
vendetta nagħmel mill-għedewwa tiegħi,
u nitħallas minn dawk li jobogħduni.
[Dt:32:42] Il-vleġeġ tiegħi bid-demm insakkar,
bil-laħam inxabba' x-xabla tiegħi,
bid-demm tal-maqtula u l-priġunieri,
bl-irjus b'xagħar twil ta' kbarat il-għadu.'

[Dt:32:43] Ifirħu u għajjtu bil-ferħ, ja ġnus, lill-poplu tiegħu, għax jitħallas ta' demm il-qaddejja tiegħu,
u jħallas lill-għedewwa tiegħu
u jnaddaf artu u l-poplu tiegħu.”

[Dt:32:44] Ġie Mosè, hu u Ġożwè bin Nun, u lissen il-kliem kollu ta' din l-għanja hekk li seta' jisimgħu l-poplu. [Dt:32:45] Malli Mosè temm dan il-kliem kollu quddiem Iżrael kollu, [Dt:32:46] qalilhom: “Żommu f'qalbkom dan il-kliem kollu li jien illum qegħedt quddiemkom, biex twissu lil uliedkom li jqisu li jħarsu l-kliem kollu ta' din il-liġi. [Dt:32:47] Għax m'hijiex xi ħaġa fiergħa għalikom, imma ħajjitkom, u biha intom tgħaddu żmien twil fl-art li intom se taqsmu l-Ġordan biex teħduha f'idejkom.”

L-aħħar jum ta' Mosè

[Dt:32:48] U l-Mulej kellem lil Mosè dak in-nhar stess u qallu: [Dt:32:49] “Itla' fuq din il-muntanja Għabarim - il-muntanja ta' Nebu, fl-art ta' Mowab, li tiġi biswit Ġeriko - u ħares lejn art Kangħan li jien se nagħti b'wirt lil ulied Iżrael. [Dt:32:50] U mut fuq il-muntanja fejn int tiela', u nġabar ma' niesek bħalma miet Aron, ħuk, fuq il-muntanja Ħor, u nġabar ma' niesu, [Dt:32:51] talli nqastuni f'nofs ulied Iżrael ħdejn l-ilma ta' Meriba ta' Kades, fid-deżert ta' Sin, meta intom ma ħaristulix qdusiti f'nofs ulied Iżrael. [Dt:32:52] Tara quddiemek l-art, imma hemmhekk ma tidħolx, fl-art li jien se nagħti lil ulied Iżrael.”

33. Il-barka ta' Mosè

[Dt:33:1] Din hi l-barka li biha bierek Mosè, il-bniedem ta' Alla, lil ulied Iżrael, qabel ma miet. [Dt:33:2] U qalilhom:

“Ġie mis-Sinaj il-Mulej,
u dehrilna minn Xegħir;
idda mill-għolja ta' Faran,
ġie minn Meribat-kades,
u fuq lemintu ħuġġieġa nar.
[Dt:33:3] Tassew iħobb il-poplu tiegħu,
il-qaddisin kollha tiegħu f'idejk,
u huma f'riġlejk joqogħdu,
kull wieħed jiġbor kliemek,
[Dt:33:4] il-liġi li Mosè tana.
Wirtu l-ġemgħa ta' Ġakobb,
[Dt:33:5] u hu s-sultan f'Ġesurun,
meta ltaqgħu l-prinċpijiet tal-poplu
flimkien mat-tribujiet ta' Iżrael.
[Dt:33:6] Jgħix Ruben u ma jmutx,
imma jkun żgħir fil-għadd.

[Dt:33:7] U dan qal għal Ġuda:
Isma', Mulej, leħen Ġuda,
u wasslu għal ma' niesu,
għalih innifsu b'idejh jiġġieled;
int l-għajnuna kontra l-għedewwa tiegħu.

[Dt:33:8] U għal Levi qal:
It-Tummim u l-Urim tiegħek,
agħti lill-bniedem ta' mħabbtek,
li f'Massa int ġarrabt,
u tlewwimt miegħu ħdejn l-ilma ta' Meriba.
[Dt:33:9] Li qal għal missieru u ommu;
'Ma rajthomx';
u 'l ħutu m'għarafhomx;
u 'l uliedu ma qishomx.
Għax huma ħarsu kliemek,
u żammew il-patt tiegħek.
[Dt:33:10] Jgħallmu l-preċetti tiegħek lil Ġakobb,
u l-liġi tiegħek lil Iżrael.
Joffru inċens lil imnifsejk,
u s-sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal tiegħek.
[Dt:33:11] Bierek, Mulej, lil Levi,
u ilqa' xogħol idejh.
Kisser ġenbejn l-għedewwa tiegħu,
ta' dawk li jobogħduh, biex ma jqumux.
[Dt:33:12] Għal Benjamin qal:
Il-maħbub tal-Mulej jgħammar b'moħħu mistrieħ:
Alla l-għoli dejjem jostru,
u taħt ġwenħajh hu jgħammar.

[Dt:33:13] U għal Ġużeppi qal:
Il-barka tal-Mulej fuq artu,
bil-ġid mill-għoli tas-smewwiet,
u minn qiegħ l-art mifrux minn taħt,
[Dt:33:14] bil-ġid tal-frott tax-xemx,
[Dt:33:15] u bl-aħjar ġid imnibbet bl-oqsma,
u bl-aħjar ġid mill-iġbla tal-qedem,
u bil-frott ta' l-għoljiet ta' dejjem,
[Dt:33:16] bil-ġid ta' l-art u kull ma fiha,
u bl-għaxqa ta' min jgħammar fl-għollieq.
Ħalli jinżlu l-barkiet fuq ras Ġużeppi,
fuq il-qurriegħa tal-magħżul fost ħutu.
[Dt:33:17] Il-glorja tiegħu bħal ta' gendus tal-bikri,
qrunu l-qrun ta' gendus selvaġġ;
bihom il-popli jidrob,
u jgerrixhom sa truf l-art.
Hekk huma l-eluf ta' eluf ta' Efrajm,
hekk huma l-eluf ta' Manassi.

[Dt:33:18] U għal Żebulun qal:
Ifraħ Żebulun fi ħruġek,
u int Issakar fl-għerejjex tiegħek.
[Dt:33:19] Il-popli għal fuq il-muntanja jsejjħu,
u hemm joffru sewwa s-sagrifiċċji;
u minn tifwir il-baħar jerdgħu,
u mill-għana moħbi fir-ramel.

[Dt:33:20] U għal Gad qal:
Mbierek min ikabbar lil Gad!
Bħal iljun jimtedd,
u jqarmeċ id-driegħ u r-ras.
[Dt:33:21] Xeħet għajnejh fuq l-aħjar ta' l-art;
Sehem ta' prinċep kien hemm għalih;
iżda ħareġ l-ewwel mal-kbarat tal-poplu;
u għamel il-ġustizzja tal-Mulej,
u l-ħaqq tiegħu ma' Iżrael.”

[Dt:33:22] U għal Dan qal:
Dan ferħ ta' ljun,
jaqbeż jiġri minn Basan.

[Dt:33:23] U għal Naftali qal:
Naftali mfawwar bil-favuri;
mimli bil-barka tal-Mulej;
wirtek il-baħar u n-nofsinhar.

[Dt:33:24] U għal Aser qal:
Aser, l-aktar imbierek fost l-ulied,
ikun il-maħbub fost ħutu,
u jaħsel riġlejh fiż-żejt.
[Dt:33:25] Ħadid u bronż l-istaneg tiegħek,
u saħħtek kemm iddum ħaj.
[Dt:33:26] M'hemmx Alla bħalu,
bħal Alla ta' Ġesurun,
biex jgħinek;
jaqsam riekeb is-smewwiet,
fuq is-sħab bil-glorja tiegħu.
[Dt:33:27] Kennek Alla ta' żmien il-qedem,
b'dirgħajh iwieżnek minn taħt.
Minn quddiemek l-għedewwa jkeċċi,
u lilek jordna u jgħid: 'Eqridhom'.
[Dt:33:28] U straħ Iżrael fil-kwiet bla biża';
u weħidha għaliha għajn Ġakobb,
f'art l-inbid u l-qmuħ,
u n-nida tqattar minn smewwietha
[Dt:33:29] Hieni int, ja Iżrael;
min hu bħalek,
poplu li ħelsek il-Mulej?
Hu t-tarka ta' għajnuntek,
u x-xabla ta' rebħietek.

U jżiegħlu bik l-għedewwa tiegħek,
int u tirfes fuq għoljiethom.”

34. Il-barka ta' Mosè

[Dt:34:1] Mill-wita ta' Mowab Mosè tala' fuq il-muntanja Nebu fuq il-quċċata tal-Pisga li tiġi quddiem Ġeriko. U l-Mulej urieh l-art kollha: Gilgħad sa Dan, [Dt:34:2] Naftali kollu, l-art ta' Efrajm u Manassi, l-art kollha ta' Ġuda sal-baħar tal-punent, [Dt:34:3] in-Negeb fin-nofsinhar, u l-firxa kollha mill-wita ta' Ġeriko, belt is-siġar tal-palm, sa Sogħar.

[Dt:34:4] U l-Mulej qallu: “Din hija l-art li jiena ħlift li nagħtiha lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb, meta jiena għedt: 'Lil nislek nagħtiha.' Ħallejtek taraha b'għajnejk, iżda fiha ma tidħolx.”

[Dt:34:5] U hemm miet Mosè, il-qaddej tal-Mulej, fl-art ta' Mowab, bħalma ried il-Mulej. [Dt:34:6] U difnuh fil-wied f'art Mowab, fuq ir-riħ ta' Bet-Pegħor; u sa llum qabru ħadd ma jaf fejn hu.

[Dt:34:7] Mija u għoxrin sena kellu Mosè meta miet; kien għadu ma ċċajparx dawl għajnejh, u anqas saħħtu ma rħietu. [Dt:34:8] Tletin jum damu wlied Iżrael jibku 'l Mosè fil-wita ta' Mowab.

[Dt:34:9] Meta għaddew jiem il-biki għal-luttu ta' Mosè, deher Ġożwè bin Nun, mimli bl-ispirtu ta' l-għerf, għax Mosè kien qiegħed idejh fuqu; għalhekk ulied Iżrael qagħdu għalih, u għamlu bħalma l-Mulej kien ikkmanda lil Mosè.

[Dt:34:10] Imma qatt iżjed ma deher f'Iżrael profeta bħal Mosè li l-Mulej kien jafu wiċċ imbwiċċ; [Dt:34:11] ħadd bħalu għas-sinjali u l-għeġubijiet kollha li tah jagħmel il-Mulej fl-art ta' l-Eġittu kontra l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha u artu kollha: [Dt:34:12] ħadd bħal Mosè, għall-għemejjel kollha ta' qawwa u ta' biża' kbir li għamel quddiem Iżrael kollu.