IL-KTIEB TA’ DANJEL


1. Iż-żgħażagħ Għebrej fil-palazz ta' Nabukodonosor

[Dan:1:1] Fit-tielet sena tas-saltna ta' Ġeħojakim is-Sultan ta' Ġuda, Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja, tala' Ġerusalemm biex jaħbat għaliha. [Dan:1:2] U Alla Sidi telaqlu f'idejh lil Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, u xi ħaġa mit-tagħmir tat-tempju ta' Alla; u hu ġarrhom fl-art ta' Singħar, fid-dar ta' l-alla tiegħu, u qegħedhom fit-teżor tat-tempju ta' l-alla tiegħu.

[Dan:1:3] Mbagħad is-sultan ordna lil Asfenaż, il-kbir fost l-uffiċjali tiegħu, biex iġib lil xi wħud mill-Iżraelin, kemm minn nisel is-sultan u kemm minn tal-kbarat, [Dan:1:4] żgħażagħ li ma jkun fihom ebda difett, sbieħ f'surithom, mħarrġin f'kull għerf, mogħnija bid-dehen, jafu jħaddmu l-għaqal, u li jkunu jinqalgħu biex jaqdu fil-palazz tas-sultan, biex lilhom Asfenaż jgħallimhom il-kitba u l-ilsien tal-Kaldin.

[Dan:1:5] Is-sultan ried ukoll li ta' kuljum jibda jingħatalhom sehem mill-ikel tas-sultan u mill-inbid li kien jixrob hu, u li jibqgħu jitħarrġu għal tliet snin, meta mbagħad jibdew jidhru quddiem is-sultan.

[Dan:1:6] Fosthom kien hemm Danjel, Ħananija, Misačl u Għażarija, minn ulied Ġuda. [Dan:1:7] Lilhom il-kap ta' l-uffiċjali tahom ismijiet oħra: lil Danjel semmieh Beltesassar, lil Ħananija Sidrak, lil Misačl Mesak, u lil Għażarija Għabednegu.

[Dan:1:8] Issa Danjel kien għamel il-ħsieb li ma jitniġġisx bl-ikel tas-sultan u bl-inbid li kien jixrob hu, u talab lill-kap ta' l-uffiċjali biex ma jniġġisx. [Dan:1:9] U Alla ta lil Danjel li jsib tjieba u ħniena quddiem il-kap ta' l-uffiċjali. [Dan:1:10] Dan, iżda, qal lil Danjel: "Nibża' minn sidi s-sultan, li ordna x'għandkom tieklu u tixorbu, li ma jmurx jaralkom wiċċkom mixrub aktar minn dak taż-żgħażagħ l-oħra ta' mparkom; inkella mbagħad rasi jkollha tagħmel tajjeb għalikom quddiem is-sultan!"

[Dan:1:11] Mbagħad Danjel qal lill-uffiċjal li kien tqabbad mill-kap ta' l-uffiċjal biex jieħu ħsieb Danjel, Ħananija, Misačl u Għażarija: [Dan:1:12] "Nitolbok tagħmel prova ta' għaxart ijiem fuq il-qaddejja tiegħek, biex lilna tagħtina nieklu ħxejjex u nixorbu l-ilma. [Dan:1:13] Mbagħad ejja ħares lejna u lejn iż-żgħażagħ l-oħra li jieklu mill-ikel tas-sultan, u fuq dak li tara, imxi mal-qaddejja tiegħek."

[Dan:1:14] Hu qagħad għal dak li qalulu, u għaddiehom minn prova ta' għaxart ijiem. [Dan:1:15] Meta għaddew l-għaxart ijiem, dehru li kienu sbieħu u tqawwew f'ġisimhom aktar miż-żgħażagħ l-oħra li kienu jieklu mill-ikel tas-sultan. [Dan:1:16] Għalhekk l-uffiċjal neħħielhom l-ikel speċjali tagħhom u l-inbid li tahom jixorbu, u newwlilhom il-ħxejjex. [Dan:1:17] U lil dawk l-erba' żgħażagħ Alla tahom għerf u għaqal f'kull kitba u għerf, u Danjel sar jifhem id-dehriet u l-ħolm kollu.

[Dan:1:18] Meta wasal iż-żmien li fih iż-żgħażagħ kellhom jidħlu quddiem is-sultan, kif hu stess kien ordna, il-kap ta' l-uffiċjali daħħalhom quddiem Nabukodonosor. [Dan:1:19] Is-sultan qagħad jitkellem magħhom, u fosthom ilkoll ma nstab ħadd bħal Danjel, Ħananija, Misačl u Għażarija; u dawn baqgħu quddiem is-sultan. [Dan:1:20] U f'kull ħaġa ta' għerf u għaqal li kien jistaqsihom is-sultan, kien isibhom għaxar darbiet aqwa mill-maġi u l-bassara kollha li kien hemm fis-saltna kollha tiegħu. [Dan:1:21] Danjel baqa' hemm sa l-ewwel sena tas-sultan Ċiru.

2. Il-ħolma tas-sultan Nabukodonosor:

[Dan:2:1] Fit-tieni sena tas-saltna tiegħu, Nabukodonosor ħolom xi ħolm, tħawwad fih innifsu, u n-ngħas ħarab minn fuqu. [Dan:2:2] Is-sultan ordna li jissejjħu l-maġi u l-bassara, is-saħħara u l-Kaldin, biex lis-sultan ifissrulu l-ħolm tiegħu. Dawn daħlu u waqfu quddiem is-sultan.

[Dan:2:3] U s-sultan qalilhom: "Ħlomt ħolma, u ninsab imħawwad kif naqbad nifhimha din il-ħolma." [Dan:2:4] Il-Kaldin qalu lis-sultan (bl-Aramajk): "Sultan, jalla tgħix għal dejjem! Għid il-ħolma lill-qaddejja tiegħek, u aħna nuruk it-tifsira tagħha." [Dan:2:5] Wieġeb is-sultan u qal lill-Kaldin: "Kelma waħda ngħidilkom: jekk intom ma turunix il-ħolma u t-tifsira tagħha, bċejjeċ issiru, u djarkom isiru ħerba. [Dan:2:6] Imma jekk turuni l-ħolma u t-tifsira tagħha, ħlas u rigali u ġieħ kbir ikollkom. Għalhekk uruni l-ewwel il-ħolma u mbagħad it-tifsira tagħha."

[Dan:2:7] Għat-tieni darba dawk wieġbu u qalulu: "Ħa jgħid is-sultan il-ħolma lill-qaddejja tiegħu, u aħna nuruh it-tifsira tagħha." [Dan:2:8] Qabad is-sultan u qalilhom: "Naf sewwa li intom tridu tirbħu ż-żmien, ladarba rajtu li l-kelma ħarġet minni, [Dan:2:9] jiġifieri li, jekk il-ħolma ma turuhilix, sentenza waħda hemm għalikom. U intom ftehemtu bejnietkom biex, sa ma jilħaq jgħaddi ż-żmien, toħorġuli b'xi storja ta' gideb u tagħwiġ. Mela għiduli l-ħolma, u nkun naf li t-tifsira tagħha se turuhieli wkoll."

[Dan:2:10] Il-Kaldin wieġbu lis-sultan u qalulu: "Ma hemmx bniedem fuq din l-art li għandu l-ħila juri dil-ħaġa tas-sultan, ladarba ebda sultan kbir u setgħani ma qatt staqsa ħaġa bħal din lil xi maġi, bassâr jew Kaldew. [Dan:2:11] Il-ħaġa li s-sultan qiegħed jistaqsi hi tqila, ma jinsab ħadd li jista' jurihielu lis-sultan ħlief l-allat, li l-għamara tagħhom m'hix fost il-bnedmin!"

[Dan:2:12] Fuq hekk is-sultan għadab u saħan għall-aħħar, u ordna li jinqerdu l-għorrief kollha ta' Babilonja. [Dan:2:13] Ħareġ digriet biex jinqatlu l-għorrief; u 'l Danjel u 'l sħabu wkoll marru jfittxuhom biex joqtluhom. [Dan:2:14] Mbagħad Danjel, b'għaqal u dehen, mar ikellem lil Arjok, il-kap ta' l-għassiesa tas-sultan li ħarġu biex joqtlu l-għorrief ta' Babilonja. [Dan:2:15] Danjel qabad u qal lil Arjok, il-kmandant tas-sultan: "Dan l-għala ħareġ b'daqshekk għaġla d-digriet minn quddiem is-sultan?" U Arjok imbagħad fisser kollox lil Danjel.

[Dan:2:16] Danjel daħal quddiem is-sultan u talbu jagħtih iż-żmien biex lis-sultan jurih it-tifsira. [Dan:2:17] Danjel imbagħad mar id-dar tiegħu, u qal b'kollox lil sħabu Ħananija, Misačl u Għażarija, [Dan:2:18] u qalilhom ukoll biex jitolbu ħniena quddiem Alla tas-sema dwar dan il-misteru, ħalli ma jinqerdux ukoll Danjel u sħabu mal-bqija ta' l-għorrief ta' Babilonja.

Danjel ifisser il-ħolma

[Dan:2:19] Mbagħad il-misteru kien irrivelat lil Danjel f'dehra billejl. U Danjel bierek 'l Alla tas-sema. [Dan:2:20] Danjel qabad u qal:

"Ħa jkun l-isem ta' Alla mbierek,
minn dejjem u għal dejjem,
għaliex tiegħu huma l-għerf u l-qawwa.
[Dan:2:21] U hu jbiddel f'waqthom il-jiem u l-iżmna,
ineħħi slaten u jqajjem slaten,
jagħti għerf lill-għorrief,
u dehen lil min jagħraf l-għaqal.
[Dan:2:22] Hu jikxef ħwejjeġ moħbija fil-qiegħ u
mistura,
jagħraf x'hemm fid-dlamijiet,
u d-dawl jgħammar miegħu.
[Dan:2:23] O Alla ta' missirijieti,
jiena lilek inrodd ħajr u nfaħħar,
għax tajt lili għerf u qawwa,
u għarraftni li tlabna minnek,
għax il-ħwejjeġ tas-sultan għarraftna."

[Dan:2:24] Għalhekk Danjel daħal għand Arjok, li s-sultan kien qabbdu biex jeqred l-għorrief ta' Babilonja, u qallu hekk: "L-għorrief ta' Babilonja teqridhomx; daħħalni quddiem is- sultan, u jiena nurih it-tifsira." [Dan:2:25] Mbagħad Arjok bla telf ta' żmien daħħal lil Danjel quddiem is-sultan u qallu hekk: "Fost ulied l-itturufnati ta' Ġuda sibt wieħed li se jgħarraf it-tifsira lis-sultan."

[Dan:2:26] U s-sultan qabad u qal lil Danjel, li kienu semmewh Beltesassar: "Għandek int ħila tgħarrafni l-ħolma li rajt u tfissirhieli?" [Dan:2:27] Wieġeb Danjel quddiem is-sultan u qal: "Il-misteru li s-sultan irid jitkixxef, la l-għorrief, la l-bassara, la l-maġi u lanqas l-astroloġi m'għandhom ħila juruh lis-sultan. [Dan:2:28] Iżda hemm Alla fis-sema li jikxef il-misteri, u li għarraf lis-sultan Nabukodonosor x'sejjer jiġri fl-aħħar jiem. Il-ħolma tiegħek u d-dehriet ta' moħħok li kellek fuq friexek huma dawn: [Dan:2:29] Int, sultan, il-ħsibijiet tiegħek fuq friexek ġewk dwar x'għandu jiġri 'l quddiem, u dak li jikxef il-misteri għarrfek x'se jiġri. [Dan:2:30] U dan il-misteru kien irrivelat lili, mhux għax jien għandi xi għerf aktar minn kull ħaddieħor, imma biex it-tifsira tiegħu tkun mgħarrfa lis-sultan, u inti tagħraf il-ħsibijiet ta' qalbek.

[Dan:2:31] "Sultan, int kellek din id-dehra: kien hemm statwa, statwa kbira tassew u tleqq ta' l-għaġeb; kienet wieqfa quddiemek, u d-dehra tagħha kienet tal-biża'. [Dan:2:32] Ras din l-istatwa kienet tad-deheb, sidirha u dirgħajha tal-fidda, żaqqha u kuxxtejha tal-bronż, [Dan:2:33] riġlejha tal-ħadid, u saqajha biċċa tal-ħadid u biċċa tat-tafal. [Dan:2:34] Inti u tħares inqatgħet ġebla, bla ma messha ħadd, laqtet l-istatwa f'saqajha tal-ħadid u t-tafal, u għamlithomlha frak. [Dan:2:35] Mbagħad tfarrku f'daqqa waħda l-ħadid, it-tafal, il-bronż, il-fidda u d-deheb, u saru qishom il-karfa li tittajjar minn fuq il-qiegħa fis-sajf. U r-riħ ġarrhom miegħu, u ebda ħjiel tagħhom ma baqa'. U l-ġebla li laqtet l-istatwa saret muntanja kbira li mliet l-art kollha. [Dan:2:36] Din hija l-ħolma; issa ħa ngħidu wkoll it-tifsira tagħha quddiem is-sultan.

Dan:2:37] "Int, sultan tas-slaten, li lilek Alla tas-sema tak is-saltna, is-setgħa, il-qawwa u l-glorja, [Dan:2:38] u li ħallielek f'idejk lil ulied il-bnedmin, il-bhejjem tar-raba' u l-għasafar ta' l-ajru kull fejn jinsabu, u qiegħdek taħkem fuqhom kollha, inti huwa r-ras tad-deheb. [Dan:2:39] Warajk għad tqum saltna oħra, inqas minnek; u mbagħad saltna oħra, it-tielet waħda, tal-bronż, li tkun taħkem fuq l-art kollha. [Dan:2:40] Ikun hemm ukoll ir-raba' saltna qawwija daqs il-ħadid, u ladarba l-ħadid ifarrak u jisħaq kollox, hekk din is-saltna tkisser u tfarrak lill-oħrajn kollha. [Dan:2:41] U billi s-saqajn u s-swaba' rajthom biċċa tafal tal-fuħħari u biċċa tal-ħadid, is-saltna tkun maqsuma, u jkollha fiha mill-qawwa tal-ħadid, ladarba mat-tafal kien hemm imħallat il-ħadid. [Dan:2:42] U kif is-swaba' tas-saqajn kienu biċċa tal-ħadid u biċċa tat-tafal, hekk is-saltna tkun biċċa qawwija u biċċa dgħajfa. [Dan:2:43] U bħalma int rajt il-ħadid imħallat mat-tafal, hekk huma jitħalltu bejniethom bi żwiġijiet imma ma jingħaqdux waħda ma' l-oħra, l-istess kif il-ħadid ma jingħaqadx mat-tafal. [Dan:2:44] Mbagħad, fi żmien dawn is-slaten, Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqa' wieqfa għal dejjem. [Dan:2:45] Kien għalhekk li int rajt mill-muntanja tinqata' ġebla bla ma messha ħadd, u farrket il-ħadid, il-bronż, it-tafal, il-fidda u d-deheb. Il-kbir Alla għarraf lis-sultan b'dak li għad jiġri 'l quddiem. Il-ħolma hija minnha, u t-tifsira tagħha ta' min jemminha."

Is-sultan jistqarr il-fidi

[Dan:2:46] Mbagħad is-sultan Nabukodonosor inxteħet wiċċu fl-art jagħti qima lil Danjel, u ordna li joffrulu sagrifiċċju u inċens. [Dan:2:47] U s-sultan qabad u qal lil Danjel: "Alla tiegħek hu tabilħaqq Alla ta' l-allat u Sid is-slaten; huwa dak li jikxef il-misteri, ladarba kellek il-ħila tikxef dan il-misteru." [Dan:2:48] Mbagħad is-sultan għolla lil Danjel, u tah ħafna rigali kbar, u għamlu gvernatur tal-Provinċja kollha ta' Babilonja, u l-ogħla uffiċjal fuq l-għorrief kollha ta' Babilonja. [Dan:2:49] U Danjel, wara li talab mingħand is-sultan, qiegħed lil Sidrak, lil Mesak u lil Għabednegu fuq is-servizz pubbliku tal-provinċja ta' Babilonja waqt li hu baqa' fil-palazz tas-sultan.

3. Nabukodonosor iwaqqaf statwa tad-deheb

[Dan:3:1] Is-sultan Nabukodonosor għamel statwa tad-deheb, li l-għoli tagħha kien ta' sittin driegħ u l-wisa' tagħha sitta, u waqqafha fil-wita ta' Dura fil-provinċja ta' Babilonja. [Dan:3:2] U s-sultan Nabukodonosor bagħat jiġma' s-satrapi, il-prefetti, il-gvernaturi, il-kunsillieri, it-teżorieri, l-imħallfin, l-avukati, u s-setgħat kollha tal-provinċja biex jiġu għad-dedikazzjoni ta' l-istatwa li waqqaf is-sultan Nabukodonosor, u qagħdu quddiem l-istatwa li kien waqqaf Nabukodonosor. [Dan:3:3] Mbagħad is-satrapi, il-prefetti, il-gvernaturi, il-kunsillieri, it-teżorieri, l-imħallfin, l-avukati, u s-setgħat kollha tal-provinċja nġabru għad-dedikazzjoni ta' l-istatwa li waqqaf Nabukodonosor; u qagħdu quddiem l-istatwa li kien waqqaf Nabukodonosor. [Dan:3:4] U wieħed ħabbâr beda jaqra b'leħen għoli: "Popli, ġnus u ilsna, għalikom huma dawn l-ordnijiet: [Dan:3:5] Meta tisimgħu l-leħen tal-kornu, tal-fifra, taċ-ċetra, ta' l-arpa, tas-salterju, taż-żaqq u ta' kull xorta oħra ta' mużika, inżlu fl-art u agħtu qima lill-istatwa tad-deheb li waqqaf is-sultan Nabukodonosor. [Dan:3:6] U jekk xi ħadd ma jinxteħetx fl-art u ma jagħtihiex qima, minnufih ikun mixħut f'nofs forn ta' nar iħeġġeġ." [Dan:3:7] Għalhekk, malli l-popli kollha semgħu l-leħen tal-kornu, tal-fifra, taċ-ċetra, ta' l-arpa, tas-salterju, taż-żaqq u ta' kull xorta ta' mużika, il-popli kollha, il-ġnus u l-ilsna, nxteħtu fl-art u taw qima lill-istatwa tad-deheb li waqqaf is-sultan Nabukodonosor.

Il-Lhud mixlija u kkundannati

[Dan:3:8] Għalhekk dak iż-żmien xi wħud mill-Kaldin resqu u xlew lil-Lhud; [Dan:3:9] u qabdu u qalu lis-sultan Nabukodonosor: "Sultan, jalla tgħix għal dejjem! [Dan:3:10] Int, sultan, ħriġt digriet biex kull min jisma' l-leħen tal-kornu, tal-fifra, taċ-ċetra, ta' l-arpa, tas-salterju, taż-żaqq, u ta' kull xorta oħra ta' mużika, jinxteħet fl-art u jagħti qima lill-istatwa tad-deheb, [Dan:3:11] u li kull min ma jinxteħitx fl-art u ma jagħtix qima, ikun mixħut f'nofs forn ta' nar iħeġġeġ. [Dan:3:12] Issa hemm xi Lhud, li int qegħedthom fuq is-servizz pubbliku tal-provinċja ta' Babilonja, jiġifieri Sidrak, Mesak u Għabednegu, u dawn in-nies ma semgħux minnek u mid-digrieti tiegħek, sultan; m'humiex jaqdu lil allatek u m'humiex jagħtu qima lill-istatwa tad-deheb li int waqqaft."

[Dan:3:13] Mbagħad Nabukodonosor, b'għadab u saħna fuqu, ordna li jinġiebu quddiemu Sidrak, Mesak u Għabednegu; u lil dawn in-nies ġibuhom quddiem is-sultan. [Dan:3:14] Nabukodonosor qabad u qalilhom: "Sirak, Mesak, u Għabednegu, jaqaw għamiltu l-ħsieb li ma taqdux 'l allati u li ma tqimux l-istatwa tad-deheb li jiena waqqaft? [Dan:3:15] Issa, ara, intomx lesti li tinxteħtu fl-art, u tqimu l-istatwa li jiena għamilt, malli tisimgħu d-daqq tal-kornu, tal-fifra, taċ-ċetra, ta' l-arpa, tas-salterju, taż-żaqq, u ta' kull xorta oħra ta' mużika? Għax jekk ma tqimuhiex, tkunu minnufih mixħutin f'nofs forn ta' nar iħeġġeġ. U liema hu dak alla li se jeħliskom minn idejja?"

[Dan:3:16] Sidrak, Mesak u Għabednegu wieġbu lis-sultan u qalulu: "Nabukodonosor, aħna m'għandniex għalfejn inweġbuk fuq din il-ħaġa. [Dan:3:17] Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jista' jeħlisna minn idejk, O Sultan! [Dan:3:18] U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m'aħniex se naqduhom, u l-istatwa tad-deheb li int waqqaft m'aħniex se nqimuha." [Dan:3:19] Mbagħad Nabukodonosor imtela bil-korla, u l-bixra ta' wiċċu tbiddlet kontra Sidrak, Mesak u Għabednegu; u, bħala tweġiba, ordna li jqabbdu forn seba' darbiet isħan mis-soltu, [Dan:3:20] u ried li xi rġiel b'saħħithom mill-armata tiegħu jorbtu 'l Sidrak, 'il Mesak u 'l Għabednegu, u jixħtuhom ġol-forn tan-nar iħeġġeġ.

[Dan:3:21] Mbagħad lil dawn in-nies rabtuhom bil-ħwejjeġ b'kollox: mnatar, qomos, trabant, u lbies ieħor, u xeħtuhom f'nofs il-forn bin-nar iħeġġeġ. [Dan:3:22] Minħabba f'hekk, billi l-ordni tas-sultan kien sod u l-forn imqabbad ħafna, l-ilsna tan-nar qatlu lill-irġiel li kienu qegħdin iwaddbu fih lil Sidrak, 'il Mesak u 'l Għabednegu; [Dan:3:23] dawn it-tlieta min-nies, Sidrak, Mesak u Għabednegu, waqgħu marbutin f'nofs il-forn tan-nar iħeġġeġ.

Kantiku ta’ Għażarija fil-forn

[Dan:3:24] U huma bdew miexja qalb l-ilsna tan-nar, ifaħħru ‘l Alla u jbierku ‘l-Mulej. [Dan:3:25] Mbagħad Għażarija waqaf f’nofs in-nar, fetaħ fommu u talab u qal:

[Dan:3:26] “Mbierek int, Mulej,
Alla ta’ missirijietna,
Ta’ min ifaħħrek ħafna,
U ismek hu msebbaħ għal dejjem.

[Dan:3:27] Għax int ġust f’dak kollu li għamiltilna: kull ma għamilt hu sewwa, triqatek kollha dritti, u l-ġudiżżji tiegħek huma s-sewwa.
[Dan:3:28] Int għamilt ħaqq ġust f’dak kollu li
ġibtilna fuqna,
u fuq Ġerusalemm, il-belt qaddisa ta’
missirijietna,
għax dan kollu ġibtu fuqna fis-sewwa u l-ħaqq,
minħabba fi dnubietna.
[Dan:3:29] Għax dnibna u għamilna ħażin meta
tlaqna lilek;
dnibna wisq ma smajniex mil-liġi u
l-kmandamenti tiegħek,
[Dan:3:30] ma ħarsnihomx u ma żammejnihomx kif
ordnajtilna għall-ġid tagħna.
[Dan:3:31] B’hekk int kull ma ġibt fuqna u
għamiltilna,
għamiltu b’ħaqq fis-sewwa.
[Dan:3:32] Int tlaqtna f’idejn l-għedewwa tagħna,
nies bla liġi u ħżiena mill-agħar,
u f’idejn suldat bla qalb, l-agħar wieħed fuq l-art.
[Dan:3:33] U llum ma nissugrawx niftħu fommna;
il-mistħija u l-għajb waqgħu fuq dawk li
jaqdu u jqimu lilek.

[Dan:3:34] Minħabba f’ismek, la titlaqniex
għalkollox,
la tħassarx il-patt tiegħek;
[Dan:3:35] la twarrabx ħnientek minn fuqna,
minħabba f’Abraham, il-maħbub tiegħek,
minħabba f’Iżakk, il-qaddej tiegħek
u minħabba f’Iżrael, il-qaddis tiegħek.
[Dan:3:36] Lilhom int kont wegħedt nisel bla għadd,
daqs il-kwiekeb tas-sema, u r-ramel ta’ xatt
il-baħar.
[Dan:3:37] Għax aħna, ulej, sirna l-iżgħar fost
il-ġnus,
u minħabba fi dnubietna
illum aħna ċċekkinna fid-dinja kollha.
[Dan:3:38] U bħalissa la hemm iżjed prinċep,
la profeta u lanqas mexxej;
la hemm offerta tal-ħruq u lanqas sagrifiċċju,
la offerta u lanqas inċens,
u lanqas baqa’ mkien fejn noffrulek l-ewwel
frott tagħna,
jew fejn nitolbu ħniena.
[Dan:3:39] Madankollu, b’qalbna niedma u ruħna
mċekkna,
jalla nkunu ningħoġbu quddiemek,
qisna b’sagrifiċċji tal-ħruq ta’ nagħaġ u barrin,
qisna b’eluf ta’ ħrief imsemmna;
[Dan:3:40] ħa jkun hekk illum is-sagrifiċċju tagħna
quddiemek,
u jalla nimxu għalkollox warajk,
għax xejn ma jitħawwdu dawk li jittamaw fik.
[Dan:3:41] U issa b’qalbna kollha nimxu warajk,
nibżgħu minnek u nfittxu lilek.
[Dan:3:42] Twaqgħalniex wiċċna fl-art,
iżda ġib ruħek magħna skond il-ħlewwa u
l-kobor ta’ ħnientek.
[Dan:3:43] Eħlisna skond l-għemejjel tiegħek ta’
l-għaġeb,
u sebbaħ, Mulej, lil ismek.
Ħa jitħawwdu dawk kollha li jagħmlu d-deni
lill-qaddejja tiegħek,
[Dan:3:44] ħa jaqgħu fl-għajb,
ħa titneħħielhom setgħethom kollha u rirkissrilhom
il-qawwa tagħhom,
[Dan:3:45] ħa jkunu jafu li int waħdek Alla,
msebbaħ fuq kollha kemm hi l-art.

[Dan:3:46] Il-qaddejja tas-sultan li xeħtuhom fin-nar baqgħu jkebbsuh dejjem iżjed u jitfgħu fiħ nafta, żift, stoppa u zkuk, [Dan:3:47] hekk li l-ilsna tan-nar għolew mill-forn sa disgħa u erbgħin driegħ, [Dan:3:48] u n-nar infirex u ħaraq lil dawk il-Kaldin li kienu jinsabu madwar il-forn. [Dan:3:49] Imma l-anġlu tal-Mulej niżel fil-forn maġenb Għażarija u sħabu; huwa warrab l-ilsna tan-nar mill-forn [Dan:3:50] u għamlilhom f’nofs il-forn bħal żiffa niedja tfewweġ; u xejn ma messhom in-nar, anqas weġġagħhom jew dejjaqhom.

Kantiku tat-tliet żgħażagħ

[Dan:3:51] Mbagħad it-tlieta, b’leħen wieħed, bdew ifaħħru, jsebbħu u jbierku ‘l Alla fil-forn, u jgħidu:

[Dan:3:52] Mbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna,
ta’ min ifaħħrek u jgħolik fuq kollox għal dejjem.
Mbierek ismek, qaddis u msebbaħ,
ta’ min ifaħħru sewwa u jgħollih fuq kollox għal
dejjem.
[Dan:3:53] Mbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes
tiegħek,
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:54] Mbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek,
ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:55] Mbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li
ħarstek tinfed l-abbissi,
ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:56] Mbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema,
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

[Dan:3:57] Bierku għemejjel kollha tal-Mulej,
il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:58] Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:59] Bierku, smewwiet il-Mulej.
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:60] Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema,
il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:61] Bierku, setgħat kollha il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:62] Bierku, xemx u qamar, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:63] Bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.

[Dan:3:64] Bierku, xita u nida, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:65] Bierku, rjieħ kollha, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:66] Bierku, nar u sħana, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:67] Bierku, bard u ksieħ, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:68] Bierku, nida u borra, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:69] Bierku, silġ u bard, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:70] Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:71] Bierku, ljieli u ġranet, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:72] Bierku, dawl u dlam, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:73] Bierku, beraq u sħab, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.

[Dan:3:74] Ħa tbierek l-art il-Mulej,
ħa tfaħħru u tgħollih fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:75] Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:76] Bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:77] Bierku, għejun, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:78] Bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:79] Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma,
il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:80] Bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem
[Dan:3:81] Bierku, bhejjem selvaġġi u mansi kollha,
il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:82] Bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.

[Dan:3:83] Bierek, Iżrael, il-Mulej,
faħħru u għollih fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:84] Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:85] Bierku, qaddejja tal-Mulej, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:86] Birku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
[Dan:3:87] Bierku, qaddisin u intom ta’ qalbkom
umli, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.
Dan:3:88] Bierku, Ħananija, Għażarija u Misačl,
il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.

Għax hu salvana minn Art l-Imwiet,
ħelisna minn id il-mewt,
salvana minn ġo nofs il-forn ta’ nar iħeġġeġ,
ħelisna minn qalb l-ilsna tan-nar.
[Dan:3:89] Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb,
għax it-tjieba tiegħu għal dejjem.
[Dan:3:90] Bierki ‘l Alla ta’ l-alat, intom lkoll li
tqimu l-Mulej,
faħħruh u roddulu ħajr,
għax it-tjieba tiegħu għal dejjem.

Is-sultan jagħraf l-għaġeb li sar

[Dan:3:91(24)] Mbagħad is-sultan Nabukodonosor stagħġeb u qam minnufih, u qabad u qal lill-kunsillieri tiegħu: "M'hux tlieta kienu l-irġiel li xħetna marbutin fil-forn tan-nar?" Wieġbu lis-sultan u qalulu: "U żgur, sultan!" [Dan:3:92(25)] Iżda hu raġa' u qal: "Din x'biċċa hi! Jiena qiegħed nara erbat irġiel, maħlulin u mexjin fil-forn tan-nar, u r-raba' wieħed qisu xi wild l-allat!" [Dan:3:93(26)] Mbagħad Nabukodonosor resaq lejn il-bieb tal-forn tan-nar iħeġġeġ, u qabad u qal: "Sidrak, Mesak u Għabednegu, qaddejja ta' Alla l-Għoli, oħorġu u ejjew hawn!" Mbagħad Sidrak, Mesak u Għabednegu ħarġu minn ġo nofs in-nar. [Dan:3:94(27)] Mbagħad is-satrapi, il-prefetti, il-gvernaturi, u l-kunsillieri tas-sultan inġabru biex jaraw lil dawk l-irġiel li n-nar ma kellu ebda setgħa fuq ġisimhom, u li xagħar rashom ma nħaraqx, l-imnatar tagħhom ma ntmessux, u li ebda riħa ta' ħruq ma kienet tinxtamm fuqhom. [Dan:3:95(28)] Nabukodonosor qabad u qal: "Mbierek Alla ta' Sidrak, Mesak u Għabednegu, li bagħat l-anġlu tiegħu u ħeles lill-qaddejja tiegħu li ttamaw fih u kisru l-ordni tas-sultan, u taw ħajjithom biex ma jaqdux u ma jqimux alla ieħor ħlief lil Alla tagħhom. [Dan:3:96(29)] Mela nagħti dan id-digriet: kull poplu, ġens u lsien li jonqsu bi kliemhom kontra Alla ta' Sidrak, Mesak u Għabednegu, isiru bċejjeċ, u djarhom isiru ħerba ladarba ma hemmx alla ieħor li għandu ħila jagħti ħelsien bħal dan." [Dan:3:97(30)] Mbagħad is-sultan lil Sidrak, Mesak u Għabednegu tahom uffiċċju ogħla fil-provinċja ta' Babilonja.

Nabukodonosor imwissi f'ħolma

[Dan:3:98(31)] Is-sultan Nabukodonosor lill-popli; ġnus u ilsna, kull fejn jgħammru fuq l-art: jalla s-sliem tagħkom joktor!

[Dan:3:99(32)] Għoġobni nxandar is-sinjali u
l-għeġubijiet
li Alla l-Għoli għamel miegħi.
[Dan:3:100(33)] Kemm huma kbar is-sinjali tiegħu,
u kemm huma qawwija għeġubijietu!
Saltnatu saltna ta' dejjem,
u ħakmietu minn nisel għal nisel!

(In-numri fil-parentesi huma n-numri tal-versi skond it-test bl-Aramajk.)

4. [Dan:4:1] Jien, Nabukodonosor, kont waħdi f'dari kuntent u sejjer tajjeb fil-palazz tiegħi. [Dan:4:2] U rajt ħolma li werwritni; fuq friexi, il-ħsibijiet u d-dehriet ta' moħħi beżżgħuni. [Dan:4:3] U ħriġt digriet biex jinġiebu quddiemi l-għorrief kollha ta' Babilonja ħalli jgħarrfuni bit-tifsira tal-ħolma. [Dan:4:4] Mbagħad ġew il-maġi, il-bassara, il-Kaldin u l-astroloġi u jien għedtilhom il-ħolma, imma t-tifsira tagħha m'għarfux jagħtuhieli. [Dan:4:5] Sa fl-aħħar ġie quddiemi Danjel li jismu Beltesassar, bħalma jismu l-alla tiegħi; Danjel għandu fih l-ispirtu ta' l-allat qaddisa; u jien għedtlu l-ħolma: [Dan:4:6] "Beltesassar, inti l-kbir fost il-maġi, u jiena naf li l-ispirtu ta' l-allat qaddisa jinsab fik, u li lilek ebda misteru ma jħawwdek. Ħa ngħidlek x'ħolma kelli, u int fissirhieli. [Dan:4:7] Id-dehriet ta' moħħi fuq friexi kienu dawn:

Kont qiegħed inħares, u ara, ikun hemm siġra f'nofs l-art, għolja ħafna tassew.
[Dan:4:8] U s-siġra kibret u ssaħħet,
l-għoli tagħha laħaq sas-sema,
u kienet tidher mit-trufijiet kollha ta' l-art;
[Dan:4:9] il-weraq tagħha kien sabiħ, u kellha fiha
ħafna frott,
hekk li kien fiha biex jiekol minnha kulħadd.
Il-bhejjem tar-raba' kienu jistkennu għad-dell
tagħha,
u l-għasafar tas-sema jgħammru fil-friegħi tagħha,
l-ħlejjaq kollha kienu jieħdu l-għajxien tagħhom
minnha.
[Dan:4:10] Jiena u nħares fid-dehriet ta' moħħi fuq friexi, ara mis-sema niżel wieħed għassies u qaddis, [Dan:4:11] li għajjat b'leħen qawwi u qal hekk:

'Qaċċtu s-siġra u aqtgħu l-friegħi tagħha,
farfru l-friegħi u xerrdu l-frott tagħha,
ħalli l-bhejjem jaħarbu minn taħtha
u l-għasafar mill-friegħi tagħha.
[Dan:4:12] Imma l-fdal li jibqa' miz-zokk ta'
għeruqha ħalluh fl-art,
miżmum b'ċirku tal-ħadid u l-bronż
qalb il-ħaxix tari tar-raba',
ħalli jixxarrab bin-nida tas-sema
u jaqsam mal-bhejjem mill-ħaxix ta' l-art.
[Dan:4:13] Qalbu ma tibqax bħal tal-bnedmin,
imma tingħatalu qalb ta' bhima,
u jgħaddu minn għalih seba' żminijiet!
[Dan:4:14] Din is-sentenza ngħatat b'digriet ta'
l-għassiesa,
il-kustjoni nqatgħet b'ordni tal-qaddisin,
sabiex il-ħajjin ikunu jafu
li l-Għoli jaħkem fuq is-saltna tal-bnedmin,
u li hu jagħtiha lil min jogħġbu u
jqiegħed fuqha l-iċken fost il-bnedmin.'

[Dan:4:15] Din hi l-ħolma li jien, is-sultan Nabukodonosor, rajt. U int, Beltesassar, fissirhieli, għax l-għorrief kollha tas-saltna tiegħi m'għandhomx ħila juruni t-tifsira tagħha; imma inti iva, għax int għandek fik l-ispirtu ta' l-allat qaddisa."

Danjel ifisser il-ħolma

[Dan:4:16] Mbagħad Danjel, li kien jismu Beltesassar, baqa' għal waqt wieħed mistagħġeb, u tħawwad fi ħsibijietu. Is-sultan qabad u qallu: "Beltesassar, il-ħolma u t-tifsira tagħha tħallihomx iħawwduk." Wieġeb Beltesassar u qallu: "Sidi, il-ħolma għal dawk li jobogħduk, u t-tifsira tagħha għall-għedewwa tiegħek! [Dan:4:17] Is-siġra li int rajt, li kibret u ssaħħet, u għoliet sas-sema hekk li setgħet tidher minn kullimkien fuq l-art; [Dan:4:18] li l-weraq tagħha kien sabiħ u l-frott tagħha kotran; li fiha kellha biex jiekol kulħadd, u taħtha nġabru l-bhejjem tar-raba'; u fil-friegħi tagħha sabu l-kenn l-għasafar tas-sema, [Dan:4:19] dik is-siġra hija int, sultan, li kbirt u ssaħħaħt, u l-kobor tiegħek tkattar u laħaq is-sema u saltnatek infirxet sa truf l-art.

[Dan:4:20] "Issa s-sultan ra għassies - u dan kien qaddis - nieżel mis-sema u jgħid: Qaċċtu s-siġra u eqirduha, imma l-fdal li jibqa' miz-zokk ta' għeruqha ħalluh fl-art, miżmum b'ċirku tal-ħadid u l-bronż, qalb il-ħaxix tari tar-raba', ħalli jixxarrab bin-nida tas-sema u jkollu sehmu mal-bhejjem tar-raba', sa ma jgħaddu seba' żminijiet.' [Dan:4:21] It-tifsira ta' dan kollu hija din, sultan: hu digriet ta' l-Għoli għal sidi s-sultan. [Dan:4:22] Lilek għad ikeċċuk minn fost il-bnedmin, u l-għamara tiegħek tkun mal-bhejjem tar-raba'; jitimgħuk ħxejjex bħall-barrin; u jħalluk tixxarrab bin-nida tas-sema; seba' żminijiet jgħaddu minn fuqek, sa ma tagħraf li l-Għoli jaħkem fuq is-saltna tal-bnedmin u li hu jagħtiha lil min jogħġbu. [Dan:4:23] Huma taw ordni biex iħallu l-fdal li jibqa' miz-zokk ta' għeruq is-siġra. Dan ifisser li s-saltna tiegħek tibqa' żgura għalik wara li tagħraf li s-Sema jsaltan. [Dan:4:24] Għalhekk, sultan, ilqa' l-parir tiegħi; infatam minn ħtijietek b'għemejjel tajba, u minn ħżunitek, billi tħenn għall-imsejknin; żgur jitwal għalik żmien ir-riżq."

Il-ħolma sseħħ

[Dan:4:25] Dan kollu seħħ fuq is-sultan Nabukodonosor. [Dan:4:26] Tnax-il xahar wara, kien qiegħed jippassiġġa fuq il-bejt tal-palazz tas-Saltna ta' Babilonja. [Dan:4:27] U s-sultan qabad u qal: "Hijiex din Babilonja l-kbira li jien, bil-qawwa ta' setgħeti, bnejt bħala għamara ta' sultan għal sebħ ġieħi?" [Dan:4:28] Il-kelma kienet għadha f'fomm is-sultan meta nstema' leħen mis-sema: "Seħħ dak li qalu fuqek, sultan Nabukodonosor: is-saltna ħallietek. [Dan:4:29] U lilek se jkeċċuk minn fost il-bnedmin, u mal-bhejjem tar-raba' tkun l-għamara tiegħek; jitimgħuk ħxejjex bħall-barrin; u seba' żminijiet jgħaddu minn fuqek, sa ma tagħraf li l-Għoli jaħkem fuq is-saltna tal-bnedmin, u li hu jagħtiha lil min jogħġbu."

[Dan:4:30] Minnufih il-kelma seħħet fuq Nabukodonosor; tkeċċa minn fost in-nies; kien jiekol il-ħaxix bħall-barrin, u ġismu baqa' jixxarrab bin-nida tas-sema sa ma xuxtu kibret qisha rix ta' ajkla u dufrejh sarulu qishom tat-tajr.

[Dan:4:31] "Meta għadda ż-żmien, jien, Nabukodonosor, rfajt għajnejja lejn is-sema u għaqli raġa' ġie fija; berikt lill-Għoli, u
sebbaħt u tajt ġieħ lil
Dak li hu għal dejjem,
għax setgħetu setgħa għal dejjem,
u saltnatu minn nisel għal nisel;
[Dan:4:32] dawk kollha li jgħammru fuq l-art huma
meqjusa bħax-xejn,
u li jrid hu jagħmel bl-eżerċtu tas-sema
u b'dawk li jgħammru fuq l-art,
u ħadd ma hemm li se jżommlu idu
u jgħidlu, 'X'qiegħed tagħmel?'

[Dan:4:33] "Minnufih għaqli raġa' ġie fija, u għall-glorja ta' saltnati raġa' ġieni l-ġieħ u s-sebħ tiegħi; il-kunsillieri u l-kbarat tiegħi fittxewni, tqegħidt fis-saltna tiegħi, u żdiedli kobor li ma bħalu. [Dan:4:34] Issa jien, Nabukodonosor, nfaħħar u ngħolli u nsebbaħ lis-Sultan tas-Sema, għax l-għemejjel tiegħu kollha sewwa u triqatu huma ġusti, u hu għandu s-setgħa jbaxxi 'l dawk li jimxu mkabbra."

5. Il-festa ta' Beltassar

[Dan:5:1] Is-sultan Beltassar għamel ikla kbira lil elf mill-kbarat tiegħu, u quddiem dawn l-elf qabad jixrob l-inbid. [Dan:5:2] Kif daq l-inbid, Beltassar bagħat iġib it-tazzi tad-deheb u tal-fidda, li missieru Nabukodonosor kien ġieb mit-tempju ta' Ġerusalemm, biex minnhom jixrob is-sultan u l-kbarat tiegħu, in-nisa tiegħu u l-konkubini l-oħra li kellu. [Dan:5:3] Mbagħad daħħlu t-tazzi tad-deheb li kienu nġiebu mis-santwarju ta' Alla f'Ġerusalemm, u minnhom xorob is-sultan u kbaratu, in-nisa tiegħu u l-konkubini li kellu. [Dan:5:4] Xorbu l-inbid, u faħħru l-allat tad-deheb u tal-fidda, tal-bronż u tal-ħadid, ta' l-injam u tal-ġebel.

[Dan:5:5] Minnufih ħarġu swaba' ta' id ta' bniedem, u bdew jiktbu biswit il-gandlier, fuq il-ġir tal-ħajt tal-palazz tas-sultan. Is-sultan raha dik l-id miftuħa hi u tikteb. [Dan:5:6] Mbagħad is-sultan wiċċu tbiddel u ħsibijietu ħasduh, il-ġogi ta' ġenbejh inħallu, u rkubbtejh bdew iħabbtu ma' xulxin. [Dan:5:7] Is-sultan, jgħajjat kemm jiflaħ, bagħat għall-bassara, għall-Kaldin, u għall-astroloġi. Lil dawn l-għorrief ta' Babilonja s-sultan qabad u qalilhom: "Porpra jilbes min jaqra din il-kitba u jfissirhieli, u kullana tad-deheb ma' għonqu, u jkun it-tielet wieħed fost il-ministri tas-sultan." [Dan:5:8] Daħlu mela l-għorrief kollha tas-sultan, iżda ma kellhomx ħila jaqraw il-kitba lis-sultan jew ifissruhielu. [Dan:5:9] Mbagħad is-sultan Beltassar beża' tassew, u wiċċu ħa sura oħra. Il-kbarat tiegħu tħawwdu. [Dan:5:10] Għal kliem is-sultan u kbaratu, is-sultana daħlet fil-kamra ta' l-ikel; u s-sultana qabdet u qalet: "Sultan, għix għal dejjem! M'għandhomx għalfejn jaħsduk ħsibijietek jew jitbiddel wiċċek! [Dan:5:11] Fis-saltna tiegħek hemm raġel li ġo fih għandu l-ispirtu ta' l-allat qaddisa. Fi żmien missierek kien instab li fih kellu dawl, għaqal u għerf bħal għerf l-allat; u s-sultan Nabukodonosor missierek, kien għamlu kap fuq il-maġi, il-bassara, il-Kaldin, u l-astroloġi. [Dan:5:12] Ladarba Danjel, li s-sultan kien semmieh Beltesassar, nstab li kellu ġo fih spirtu li ma bħalu, u dehen u għaqal biex ifisser il-ħolm, u juri xi jkun hemm moħbi fil-kliem, u jħoll problemi tqal, mela ħa jissejjaħ Danjel, u hu jagħti t-tifsira."

[Dan:5:13] Mbagħad daħħlu lil Danjel quddiem is-sultan. Is-sultan qabad jgħid lil Danjel: "Inti hu Danjel, minn ulied l-itturufnati ta' Ġuda, dawk li s-sultan missieri kien ġieb minn Ġuda? [Dan:5:14] Jien smajt fuqek li int għandek fik l-ispirtu ta' l-allat, u li fik instab dawl, għaqal u għerf li ma bħalu. [Dan:5:15] Għadhom kemm ġibuli quddiemi l-għorrief u l-bassara biex jaqraw din il-kitba u jgħarrfuni t-tifsira tagħha; iżda ma setgħux juru t-tifsira ta' din il- ħaġa. [Dan:5:16] Jiena smajt fuqek li inti tista' tagħti tifsir u tħoll problemi tqal. Issa, jekk tista' taqra l-kitba u tgħarrafni t-tifsira tagħha, inti tilbes il-porpra u kullana tad-deheb ma' għonqok, u tkun it-tielet fil-ħakma tas-saltna."

[Dan:5:17] Mbagħad Danjel wieġeb u qal quddiem is-sultan: "Ħa jibqgħu għalik ir-rigali tiegħek, u d-doni tiegħek agħtihom lil ħaddieħor. Madankollu l-kitba naqrahielu lis-sultan, u nagħtih it-tifsira tagħha. [Dan:5:18] Inti sultan: lil missierek Nabukodonosor, Alla l-Għoli tah saltna, kobor, ġieħ u glorja. [Dan:5:19] U, għall-kobor li tah, kull poplu u ġens u lsien kien jitriegħed bil-biża' quddiemu. Hu kien joqtol 'il min irid, iħalli ħaj 'il min irid, jgħolli 'l min irid, u jbaxxi 'l min irid. [Dan:5:20] Iżda meta ntrefa' f'qalbu, u ruħu xrafet fit-tkabbir, huwa tniżżel minn fuq it-tron ta' saltnatu, u l-ġieħ tiegħu twarrab minn fuqu. [Dan:5:21] U hu tkeċċa minn qalb il-bnedmin, u qalbu saret bħal tal-bhejjem; għammar mal-ħmir selvaġġi, kienu jitimgħuh ħaxix bħall-barrin, u ġismu kien jixxarrab bin-nida tas-sema, sa ma għaraf li Alla l-Għoli hu setgħani fuq is-saltna tal-bnedmin u jqiegħed fuqha 'l min irid. [Dan:5:22] U inti ibnu, Beltassar, int ma ċċekkintx f'qalbek, għad li dan kollu kont tafu. [Dan:5:23] Int ridt titgħolla fuq Sid is-smewwiet, ġibulek quddiemek it-tazzi tat-tempju tiegħu, u minnhom xrobt l-inbid int u l-kbarat tiegħek, in-nisa tiegħek u l-konkubini li għandek; u faħħart l-allat tal-fidda u d-deheb, tal-bronż, tal-ħadid u tal-ħatab, li la jaraw, la jisimgħu u lanqas jagħrfu; imma lil Alla, li f'idejh tinsab ħajtek u triqatek kollha, inti ma tajtux ġieħ. [Dan:5:24] Mbagħad minn quddiemu kien mibgħut tarf ta' id u kitba, din li nkitbet. [Dan:5:25] U din hi l-kitba li nkitbet: 'Mene, Teqel, Parsin.' [Dan:5:26] It-tifsira tal-kliem hija din: Mene, Alla għadd il-jiem ta' saltnatek u temmha; [Dan:5:27] Teqel, ntiżint fil-miżien u kont misjub nieqes fil-piż; [Dan:5:28] Parsin, saltnatek hija maqsuma u mogħtija lill-Medi u lill-Persjani." [Dan:5:29] Mbagħad, fuq ordni ta' Beltassar, lil Danjel libbsuh il-porpra u kullana tad-deheb ma' għonqu, u xandruh li sar it-tielet wieħed fis-saltna.

[Dan:5:30] Dak il-lejl Beltassar, is-sultan tal-Kaldin, qatluh.

6. Danjel fil-ħofra tal-ljuni

[Dan:6:1] U Dariju l-Medi ħa s-saltna meta kellu madwar tnejn u sittin sena. [Dan:6:2] Dariju għoġbu jaħtar mija u għoxrin satrapa fuq saltnatu, qassamhom fis-saltna kollha, [Dan:6:3] u qabbad fuqhom tliet prefetti, wieħed minnhom Danjel; li s-satrapi kellhom jgħarrfuhom b'kollox u hekk is-sultan ma jsofri ebda ħsara. [Dan:6:4] Dan Danjel kien jinqala' ħafna tassew, u għadda lill-prefetti u s-satrapi l-oħra, għax kellu fih spirtu mill-aqwa hekk li s-sultan għamel il-ħsieb li jqiegħdu fuq is-saltna kollha. [Dan:6:5] Għalhekk il-prefetti u s-satrapi bdew ifittxu xi skuża ħalli Danjel jinstab ħati ta' xi nuqqas kontra s-saltna; iżda ebda skuża, jew ħtija, ma setgħu jsibu fih. Danjel kien raġel sewwa, bla ebda nuqqas jew ħtija. [Dan:6:6] Mbagħad dawn l-irġiel qalu: "Ebda skuża m'aħna se nsibu kontra dan Danjel jekk ma nsibulux waħda li għandha x'taqsam mal-liġi ta' Alla tiegħu." [Dan:6:7] U b'saħna kbira fuqhom dawk il-prefetti u s-satrapi marru jgħaġġlu flimkien għal għand is-sultan u qalulu: "Sultan Dariju, jalla tgħix għal dejjem! [Dan:6:8] Il-prefetti tas-saltna, il-kapijiet u s-satrapi, il-kunsillieri u l-gvernaturi, lkoll jaqblu bejniethom li s-sultan jagħmel digriet u interdett sħiħ biex jekk xi ħadd, fi żmien tletin jum, jitlob lil xi alla jew lil xi bniedem ieħor ħliefek, sultan, jixħtuh fl-ħofra ta' l-iljuni. [Dan:6:9] Issa, sultan, oħroġ l-interdett u ffirma d-dokument, hekk li ma jkunx jista' jitbiddel, skond il-liġi tal-popli tal-Medja u l-Persja, li ma tistax titħassar." [Dan:6:10] Għalhekk is-sultan Dariju ffirma d-dokument u l-interdett.

[Dan:6:11] Danjel sar jaf bid-dokument iffirmat; b'danakollu baqa' jagħmel bħas-soltu. Kien jidħol id-dar, fejn kellu tieqa miftuħa fil-kamra ta' fuq tħares lejn Ġerusalemm, tliet darbiet kuljum, kien jinżel għarkubbtejh u joqgħod jitlob u jfaħħar lil Alla tiegħu.

[Dan:6:12] B'saħna kbira fuqhom dawk l-irġiel ġrew flimkien għal ħdejn Danjel u sabuh jitlob u jfaħħar lil Alla tiegħu. [Dan:6:13] Bla telf ta' żmien resqu quddiem is-sultan ifakkruh fl-interdett. U qalulu: "Sultan, m'hux int kont li ffirmajt l-interdett biex jekk xi ħadd, fi żmien tletin jum, jitlob lil xi alla jew lil bniedem ieħor ħliefek, sultan, jixħtuh fil-ħofra tal-ljuni?" U s-sultan wieġeb: "L-ordni għadu sħiħ, skond il-liġi tal-popli tal-Medja u l-Persja li ma tistax titħassar." [Dan:6:14] Mbagħad qalu lis-sultan: "Dan Danjel, wieħed mill-itturufnati Lhud, la ta kas tiegħek, sultan, u lanqas ta' l-interdett iffirmat minnek, għax baqa' jitlob tliet darbiet kuljum!" [Dan:6:15] Is-sultan sewwed qalbu ħafna meta sama' dan, u għamel il-ħsieb li jeħles lil Danjel; sa nżul ix-xemx kien għadu jħabbel moħħu biex jara kif jeħilsu. [Dan:6:16] Imma dawk l-irġiel marru jiġru b'saħna fuqhom flimkien għal għand is-sultan u qalulu: "Kun af, sultan, li skond il-liġi tal-popli tal-Medja u l-Persja, ebda interdett jew ordni ma jista' jitbiddel jekk ikun sar mis-sultan."

[Dan:6:17] Mbagħad is-sultan ta ordni biex iġibu lil Danjel; u tefgħuh fil-ħofra tal-ljuni. U s-sultan qabad u qal lil Danjel: "Ħa jeħilsek Alla tiegħek, li lilu dejjem taqdi." [Dan:6:18] Ressqu ġebla, qegħduha mad-daħla tal-ħofra, u s-sultan għamlilha fuqha l-marka bis-siġill tiegħu u s-siġill tal-kbarat tiegħu, ħalli ma jinbidel xejn minn dak li hu ddeċieda fuq Danjel. [Dan:6:19] Mbagħad is-sultan telaq lejn il-palazz tiegħu; il-lejl għaddieh sajjem, u n-ngħas ħarab minn xfar għajnejh, imma ma ġibulu 'l ħadd biex iderrilu. [Dan:6:20] Fil-għodu s-sultan qam kmieni mas-sebħ u ħaffef u mar lejn il-ħofra tal-ljuni. [Dan:6:21] Kif wasal ħdejn il-ħofra, is-sultan sejjaħ lil Danjel b'leħen imnikket u qallu: "Danjel, qaddej ta' Alla l-ħaj, kellu l-ħila jeħilsek mil-ljuni dak Alla li lilu dejjem taqdi?" [Dan:6:22] U Danjel wieġeb lis-sultan: "Jalla tgħix għal dejjem, sultan! [Dan:6:23] Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq il-ljuni biex ma jagħmluli xejn, għax huwa sab li jiena kont bla ħtija, mhux biss quddiemu, iżda wkoll quddiemek, sultan, għax jien m'għamilt xejn ħażin." [Dan:6:24] Is-sultan feraħ ħafna b'dan u ordna li jtellgħu lil Danjel mill-ħofra. Tellgħu lil Danjel mill-ħofra, u sabu li ma kienet ġratlu ebda ħsara, għaliex hu kien ittama f'Alla tiegħu.

[Dan:6:25] Mbagħad, bl-ordni tas-sultan, qabdu lil dawk l-irġiel li gidbu fuq Danjel u xeħtuhom fil-ħofra tal-ljuni, lilhom, lil uliedhom u lin-nisa tagħhom; u anqas biss laħqu messew qiegħ il-ħofra li l-ljuni ma farrkulhomx għadamhom. [Dan:6:26] Mbagħad is-sultan Dariju kiteb lil kull poplu u ġens u lsien, li jgħammru fuq l-art kollha, u qalilhom: "Sliem bil-kotra għalikom! [Dan:6:27] Qiegħed nagħmel dan id-digriet biex fl-art kollha li fuqha jiena nsaltan kulħadd għandu jibża' u jitriegħed quddiem Alla ta' Danjel,
għax hu Alla l-ħaj ta' dejjem,
li s-saltna tiegħu ma tinqeridx,
u l-ħakma tiegħu ddum sa l-aħħar;
[Dan:6:28] minnu l-ħelsien u s-salvazzjoni,
hu jagħmel il-mirakli u l-għeġubijiet fis-sema u fl-art; kien hu li ħeles lil Danjel mil-iljun!"

[Dan:6:29] Danjel mexa ħafna 'l quddiem, kemm taħt is-sultan Dariju, u kemm taħt Ċiru, is-sultan tal-Persja.

7. L-erba' bhejjem fil-ħolma ta' Danjel

[Dan:7:1] Fl-ewwel sena ta' Beltassar, sultan ta' Babilonja, Danjel ħolom ħolma, u kellu dehriet f'moħħu waqt li kien mimdud fuq friexu. Wara mbagħad huwa kiteb ġabra tagħha fil-qosor. [Dan:7:2] Dan hu li qal Danjel: "Kont qiegħed inħares f'dehra li kelli billejl, u ara, l-erbat irjieħ tas-sema bdew iqanqlu l-baħar il-kbir; [Dan:7:3] u mill-baħar ħarġu erba' bhejjem kbar, waħda m'hijiex bħall-oħra. [Dan:7:4] L-ewwel waħda kienet qisha ljun bil-ġwienaħ ta' ajkla. Jiena u nħares, ġwenħajha nqalgħulha; ntrefgħet mill-art, waqqfuha fuq riġlejha bħal bniedem, u tawha qalb ta' bniedem. [Dan:7:5] U ara, kien hemm bhima oħra, it-tieni waħda, qisha ors, u waqqfuha fuq ġenb wieħed; f'ħalqha, bejn snienha, kellha tliet kustilji. 'Qum,' qalulha, 'kul laħam kemm trid.' [Dan:7:6] Mbagħad ħarist, u ara, kien hemm oħra, qisha ljupard b'erba' ġwienaħ ta' tajra fuq dahru; din il-bhima kellha erbat irjus, u tawha setgħa kbira. [Dan:7:7] Wara dan ħarist fl-istess dehriet li kelli billejl, u ara, kien hemm ir-raba' waħda, bhima tal-biża' u twerwrek, ta' saħħa ta' l-għaġeb, bi snien kbar tal-ħadid; bdiet tiekol u tfarrak, u tgħaffeġ il-fdal taħt saqajha. Din kellha għaxart iqrun, u ma kinitx bħall-bhejjem l-oħra ta' qabilha. [Dan:7:8] Qgħadt inħares sewwa lejn il-qrun, u ara f'nofshom nibet qarn ieħor żgħir; tlieta mill-qrun l-oħra nqalgħu minn għeruqhom quddiem dan il-qarn li kellha għajnejn bħal ta' bniedem u fommu jlablab ħafna kliem arroganti.

[Dan:7:9] "Kont għadni qiegħed inħares,
meta tqiegħdu xi tronijiet,
u wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda; lbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf;
ilsna tan-nar it-tron tiegħu,
nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu;
[Dan:7:10] xmara ta' nar kienet għaddejja,
ħierġa minn quddiemu;
eluf ta' eluf kienu jaqduh,
u għaxart elef ta' għaxriet ta' eluf wieqfa quddiemu.
Il-Qorti qagħdet bilqiegħda,
u l-kotba nfetħu.

[Dan:7:11] "Jien bqajt inħares; mbagħad, minħabba l-għajat u l-kliem arroganti li kien qiegħed jgħid il-qarn, waqt li kont inħares, lill-bhima qatluha, u ġisimha qerduh u tawh għan-nar. [Dan:7:12] Lill-bhejjem l-oħra neħħewlhom setgħethom, iżda lilhom ħallewhom ħajjin sa ma jaslulhom il-ħin u l-waqt.

[Dan:7:13] "U billejl deherli qiegħed nara bħal
iben ta' bniedem,
ġej mis-sħab tas-sema,
li baqa' sejjer sax-Xiħ fl-għomor
u ressquh quddiemu.
[Dan:7:14] U tawh ħakma, ġieħ, u saltna,
biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.
Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,
u saltnatu li ma tinqeridx.

[Dan:7:15] "Jien, Danjel, ħassejtni mnikket fija nnifsi fl-ispirtu, u d-dehriet ta' moħħi ħawwduni. [Dan:7:16] Rsaqt lejn wieħed minn dawk li kienu hemm wieqfa, u staqsejtu fuq dan kollu biex inkun żgur. U hu kellimni u għarrafni xi tfisser din il-ħaġa. [Dan:7:17] 'Dawn l-erba' bhejjem kbar huma erba' slaten li għad jiġu fuq l-art. [Dan:7:18] Imma s-saltna jirċevuha l-qaddisin ta' Alla l-Għoli, u s-saltna tibqa' tagħhom għal dejjem, u għal dejjem ta' dejjem.' [Dan:7:19] Mbagħad ridt niżgura ruħi mir-raba' bhima li ma kinitx bħall-oħrajn, dik il-bhima tal-biża', li kellha s-snien tal-ħadid, u d-dwiefer tal-bronż, u li kienet tiekol u tfarrak, u tgħaffeġ il-fdal taħt saqajha. [Dan:7:20] Ridt inkun naf fuq l-għaxart iqrun li kellha fuq rasha, u fuq il-qarn l-ieħor li nibet, u quddiemu nqalgħu minn għeruqhom tlieta mill-oħrajn, u kellu l-għajnejn u l-fomm jgħid ħafna kliem arroganti, u deher akbar mill-oħrajn. [Dan:7:21] Jiena u nħares, ġara li dak il-qarn għamel gwerra lill-qaddisin u għelibhom, [Dan:7:22] sa ma ġie x-Xiħ fl-għomor u għamel il-ħaqq lill-qaddisin ta' Alla l-Għoli, għax iż-żmien kien wasal; u l-qaddisin irċevew is-saltna.

[Dan:7:23] "Huwa qal, 'Ir-raba' bhima
tfisser ir-raba' saltna, li jkun hawn fuq l-art,
u li ma tkunx bħas-saltniet l-oħra;
hija tiekol l-art kollha, tisħaqha u tgħaffiġha.
[Dan:7:24] L-għaxart iqrun
ifissru li minn din is-saltna jqumu għaxar slaten;
u mbagħad warajhom iqum ieħor li ma jkunx
bħalhom,
u jwaqqa' tliet slaten.
[Dan:7:25] Huwa jgħid kliem kontra Alla l-Għoli
biex jifni lill-qaddisin ta' l-Għoli,
u jkun irid ibiddel iż-żminijiet u l-liġi,
u dawn jingħatawlu f'idejh
għal żmien, żminijiet u nofs żmien.
[Dan:7:26] Mbagħad il-Qorti toqgħod bilqiegħda,
u s-setgħa tiegħu jeħduhielu,
biex ineħħuh u jeqirduh u jtemmuh.
[Dan:7:27] Is-saltna u s-setgħa u l-kobor
tas-saltniet ta' taħt is-smewwiet kollha
jingħataw lill-poplu tal-qaddisin ta' Alla l-Għoli.
Saltnatu saltna għal dejjem, u kull setgħa
taqdih u tisma' minnu.'

[Dan:7:28] Sa hawn; tmien id-diskors. Jien, Danjel, tħawwadt ħafna b'dawn il-ħsibijiet, il-bixra ta' wiċċi tbiddlet, u żammejt dan kollu f'qalbi."

8. Il-muntun u l-bodbod fid-dehra ta' Danjel

[Dan:8:1] Fit-tielet sena tas-saltna tas-sultan Beltassar, jien, Danjel, kelli dehra oħra wara dik li kelli qabel. [Dan:8:2] Ħarist lejn id-dehra, u jiena u nħares sibt ruħi f'Susa, il-fortizza li hemm fil-provinċja ta' Għelam. Bqajt inħares fid-dehra, u sibt ruħi ħdejn ix-xmara Ulaj. [Dan:8:3] Rfajt għajnejja nħares, u ara, kien hemm muntun wieqaf quddiem ix-xmara; kellu żewġt iqrun it-tnejn għoljin, imma wieħed kien ogħla mill-ieħor minkejja li ħareġ warajh. [Dan:8:4] U rajt il-muntun jagħti bi qrunu lejn il-punent, lejn it-tramuntana u lejn in-nofsinhar; ebda bhima ma kellha l-ħila tiqaflu, ħadd ma ħelisha minnu; beda jagħmel li jogħġbu u jitkabbar. [Dan:8:5] Jien qgħadt inħares sewwa, u ara, min-naħa tal-punent ġie bodbod, għaddej miexi fuq wiċċ l-art kollha bla ma jmiss l-art. Dan il-bodbod kellu qarn daqsiex bejn għajnejh. [Dan:8:6] Resaq lejn il-muntun ta' żewġt iqrun li rajt wieqaf quddiem ix-xmara, u ħebb għalih b'saħna u saħħa kbira. [Dan:8:7] Rajtu jinxteħet bil-qilla għal fuq il-muntun, u ħebb għalih, u kissirlu ż-żewġt iqrun, u l-muntun ma kellux il-ħila jiqaflu; xeħtu u għaffġu ma' l-art, u ħadd ma' sata' jeħles lill-muntun minn taħt idejh. [Dan:8:8] U l-bodbod tkabbar ħafna, u meta ssaħħaħ il-qarn il-kbir inkisirlu u minfloku telgħulu erbgħa oħra daqsiex, mdawwra lejn l-erbat irjieħ tas-sema.

[Dan:8:9] Mbagħad minn wieħed minnhom nibet qarn ieħor żgħir, li kiber b'mod ta' l-għaġeb lejn in-nofsinhar, lejn il-lvant u lejn l-art sabiħa; [Dan:8:10] tkabbar sal-qtajja' tas-smewwiet, u lil xi wħud minn dawn il-qtajja' u mill-kwiekeb waddabhom 'l isfel lejn l-art, u għattanhom b'saqajh. [Dan:8:11] U baqa' jitkabbar sal-Prinċep tal-qtajja', neħħa s-sagrifiċċju tal-ħruq li kienu joffrulu kuljum, u żeblaħ il-post imqaddes tiegħu. [Dan:8:12] Huwa waqqa' fl-għajb is-sagrifiċċju tal-ħruq u floku qiegħed id-dnub, u xeħet ma' l-art il-veritŕ u baqa' sejjer jagħmel hekk.

[Dan:8:13] Mbagħad smajt wieħed mill-qaddisin jitkellem; u qaddis ieħor qal lil dak il-wieħed li kien tkellem: "Kemm se ddum din id-dehra dwar is-sagrifiċċju tal-ħruq ta' kuljum u d-dnub tal-ħerba tal-post imqaddes mogħti għaż-żebliħ u t-tkasbir?" [Dan:8:14] U qallu dak: "Sa elfejn u tliet mitt lejla u għodwa; mbagħad isir il-ħaqq lill-post imqaddes."

[Dan:8:15] Waqt li jien, Danjel, kont inħares lejn id-dehra u nfittex li nifhimha, ara, quddiemi kien hemm wieħed wieqaf qisu bniedem. [Dan:8:16] U smajt leħen ta' bniedem isejjaħ fuq l-Ulaj u jgħid: "Gabrijel, fehemhielu d-dehra lil dan." [Dan:8:17] Hu ġie ħdejja fejn kont wieqaf, u jien, kif resaq maġenbi, twerwirt u waqajt wiċċi fl-art. Iżda hu qalli: "Bin il-bniedem, kun af li din id-dehra tgħodd għal żmien it-tmiem." [Dan:8:18] Malli kellimni ntlift minn sensija kif kont wiċċi ma' l-art, iżda hu ħarrikni, qajjimni bilwieqfa fejn kont, [Dan:8:19] u qalli: "Ara, se ngħarrfek x'se jiġri meta tintemm il-korla, jiġifieri, meta jasal il-waqt, fit-tmiem. [Dan:8:20] Iż-żewġt iqrun tal-muntun li rajt huma s-slaten tal-Medja u l-Persja; [Dan:8:21] il-bodbod hu s-sultan tal-Greċja, u l-qarn il-kbir li rajtlu bejn għajnejh hu l-ewwel sultan. [Dan:8:22] L-erbgħa l-oħra li kibru floku meta nkiser huma erba' saltniet li joħorġu minni, imma ma jkollhomx saħħa bħal tiegħu.

[Dan:8:23] "Fl-aħħar tas-saltna tagħhom, meta dnubiethom jilħqu l-quċċata, iqum sultan wiċċu tost u mħarreġ fl-intriċċi. [Dan:8:24] Bis-saħħa kbira tiegħu, għalkemm ma tkun saħħtu xejn, jagħmel ħerba li ma bħalha, u jibqa' sejjer hekk b'dan l-għemil, u jeqred il-qawwijin u l-poplu tal-qaddisin. [Dan:8:25] Bil-ħażen ta' moħħu jimxi 'l quddiem fil-qerq ta' għemilu, jitkabbar f'qalbu u jagħmel qerda sħiħa qisu m'hux hu. Mbagħad jieqaf kontra l-Prinċep tal-prinċpijiet, imma jitkisser bla ma jindaħal ebda bniedem. [Dan:8:26] Id-dehra tal-lejliet u ta' l-għodwiet li qalu hija minnha; iżda int żomm din id-dehra mistura, għax għad irid jgħaddi żmien twil."

[Dan:8:27] Jien, Danjel, ħassni ħażin u bqajt marid għal xi żmien; mbagħad qomt, mort naqdi dmiri għas-sultan. Id-dehra li kelli nixxfitni, u ma sibtx min ifehemhieli.

9. Danjel jitlob għall-poplu

[Dan:9:1] Fl-ewwel sena ta' Dariju bin Assweru, min-nisel tal-Medi, li kien is-sultan tas-saltna tal-Kaldin, [Dan:9:2] fl-ewwel sena tas-saltna tiegħu, jien, Danjel, fittixt fl-Iskrittura biex inkun naf in-numru tas-snin li, skond ma qal il-Mulej lill-profeta Ġeremija, kellhom jgħaddu fuq il-ħerba ta' Ġerusalemm, jiġifieri, sebgħin sena. [Dan:9:3] Dawwart wiċċi lejn Alla Sidi biex infittxu bit-talb umli tiegħi u bis-sawm, tfajt fuqi libsa tax-xkejjer u xerridt l-irmied fuq rasi. [Dan:9:4] Tlabt lill-Mulej Alla tiegħi, stqarrejt u għedtlu: "Nitolbok, Sidi, Alla l-kbir u tal-biża', li jżomm il-patt ma' dawk li jħobbuh u jħarsu il-kmandamenti tiegħu, [Dan:9:5] aħna dnibna, ġibna ruħna ħażin, għamilna d-deni, qomna kontra tiegħek, tbegħedna mill-kmandamenti u l-ġudizzji tiegħek, [Dan:9:6] ma smajniex mill-qaddejja tiegħek il-profeti, li f'ismek kellmu lis-slaten u lill-kapijiet tagħna, lil missirijietna u lill-poplu ta' l-art. [Dan:9:7] Il-ġustizzja, o Sid, hija min-naħa tiegħek; iżda min-naħa tagħna, kif aħna llum, aħna għandna l-mistħija ta' wiċċna, ta' wiċċ kull bniedem ta' Ġuda, ta' wiċċ kull min joqgħod Ġerusalemm, ta' wiċċ kulħadd f'Iżrael, sew dawk li huma hawn magħna u sew dawk li huma mbiegħda fl-artijiet li fihom inti tturufnajthom minħabba l-qerq tagħhom kontrik. [Dan:9:8] Għajb għal wiċċna, Mulej, għal wiċċ is-slaten u l-kapijiet tagħna, għal wiċċ missirijietna, li dnibna kontrik. [Dan:9:9] Mingħand Alla Sidna l-ħniena u l-maħfra, għax aħna qomna kontrieh, [Dan:9:10] u ma tajniex widen għall-Mulej Alla tagħna meta sejjħilna biex nimxu skond il-liġijiet li hu qegħdilna quddiemna permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti. [Dan:9:11] L-Iżraelin kollha kisru l-liġi tiegħek, daru lura biex ma jisimgħux leħnek, u għalhekk niżlet fuqna s-saħta u l-ħalfa li Mosč, il-qaddej ta' Alla, kiteb fil-Liġi, għax aħna dnibna kontra Alla. [Dan:9:12] U hu għamel li sseħħ il-kelma li qal kontra tagħna u kontra l-imħallfin mexxejja tagħna, meta qal li jġib fuqna għawġ hekk kbir li bħalu qatt ma sar mis-sema 'l isfel kif sar f'Ġerusalemm. [Dan:9:13] Dan l-għawġ waqa' fuqna kollu, kif inhu miktub fil-Liġi ta' Mosč, u b'danakollu aħna ma taffejniex il-korla tal-Mulej Alla tagħna, għax la dorna lura minn dnubietna u lanqas ġibna ruħna tajjeb skond is-sewwa tiegħek. [Dan:9:14] U l-Mulej qagħad jistenna sa ma ġieb fuqna l-għawġ, għax il-Mulej Alla tagħna huwa ġust f'kull ma għamel, u konna aħna li ma smajniex minnu. [Dan:9:15] U issa, Alla Sidna, int li b'id setgħana ħriġt lill-poplu tiegħek mill-art ta' l-Eġittu u għamilt isem li għad għandek sa llum, aħna dnibna u għamilna l-ħażin. [Dan:9:16] Nitolbok, Sidi, f'ġieħ il-ġustizzja kbira tiegħek, raġġa' lura l-korla u l-għadab minn fuq Ġerusalemm, il-belt tiegħek, il-muntanja qaddisa tiegħek, għax minħabba dnubietna u l-ħażen ta' missirijietna Ġerusalemm u l-poplu tiegħek waqgħu għaż-żufjett ta' dawk kollha ta' madwarna. [Dan:9:17] Isma' mela, Alla tagħna, it-talba tal-qaddej tiegħek u s-supplika tiegħu, u għall-ġieħ tiegħek stess, Sidi, ixħet id-dawl ta' wiċċek fuq is-santwarju tiegħek li sar ħerba waħda. [Dan:9:18] Agħtini widen, Alla tiegħi, u ismagħni; iftaħ għajnejk u ara kif sirna ħerba, aħna u l-belt li ssemmiet għalik; is-supplika tagħna qegħdin inressquha quddiemek mhux għax aħna tajbin, imma għax int kbir fil-ħniena tiegħek. [Dan:9:19] Sidi, ismagħna; Sidi, aħfrilna; Sidi, agħtina widen u ddumx ma tagħmel xi ħaġa għalina, Alla tiegħi, għall-ġieħ tiegħek stess, għax int għandek ismek fuq il-belt u l-poplu tiegħek."

Il-profezija tas-sebgħin ġimgħa

[Dan:9:20] Kont għadni nitkellem, u nitlob, u nistqarr dnubi u dnub il-poplu tiegħi Iżrael; kont għadni nressaq is-supplika tiegħi quddiem il-Mulej Alla tiegħi għall-muntanja qaddisa ta' Alla tiegħi; [Dan:9:21] kont għadni nitkellem u nitlob, meta r-raġel Gabrijel, li rajt fid-dehra ta' qabel, ittajjar bil-ħeffa u resaq lejja u messni f'ħin is-sagrifiċċju ta' filgħaxija. [Dan:9:22] U kellimni biex ifehemni, u qalli: "Danjel, jien issa ħriġt biex ngħarrfek u nfiehmek. [Dan:9:23] Sa mill-bidu tas-supplika tiegħek ħarġet kelma, u jiena ġejt biex ngħarrafhielek, għax int għażiż. Ifhem il-kelma u kun af x'inhi d-dehra.

[Dan:9:24] Hu maqtugħ li sebgħin ġimgħa oħra
għad baqagħlu l-poplu tiegħek u l-belt qaddisa
tiegħek
biex jintemm id-dnub,
tispiċċa l-ħtija,
u jitħallas il-ħażen,
biex imbagħad tiġi l-ġustizzja ta' dejjem,
u jitqiegħed is-siġill fuq id-dehra u l-profeta,
u jkun ikkonsagrat il-Post il-Qaddis.
[Dan:9:25] Kun af u ifhem,
li minn meta ħarġet il-kelma
biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm
sa ma jasal wieħed ikkonsagrat bħala prinċep,
għad iridu jgħaddu seba' ġimgħat.
U fi tnejn u sittin ġimgħa
terġa' tinbena għal darb'oħra,
bil-pjazez u l-fossijiet tagħha;
imma dan jiġri fi żmien ta' diqa.
[Dan:9:26] U wara t-tnejn u sittin ġimgħa,
wieħed ikkonsagrat jinqatel
għad li ma jkollux ħtija.
Il-poplu ta' prinċep li għandu jiġi
għad iġarraf il-belt u s-santwarju;
tmiemu jsir b'għargħar ta' ilma,
u jkun hemm gwerra sa l-aħħar u ħerba,
kif ġie maqtugħ li jsir.
[Dan:9:27] Hu jidħol f'patt sħiħ ma' ħafna
għal tul ta' ġimgħa waħda,
u għal nofs ġimgħa jneħħi s-sagrifiċċju u l-offerta;
il-profanazzjoni u l-ħerba jaslu fil-quċċata tagħhom,
sa ma jseħħ kull ma hu deċiż
u tissawwab il-korla fuq il-qerried."

10. Id-dehra ta' Danjel ħdejn it-Tigri

[Dan:10:1] Fit-tielet sena ta' Ċiru, sultan tal-Persja, ġiet irrivelata kelma lil Danjel, li jissejjaħ bl-isem ta' Beltassar; din il-kelma, li hi minnha, tgħid li t-tiġrib ikun kbir. Huwa fehem il-kelma u fehem x'kienet id-dehra.

[Dan:10:2] F'dak iż-żmien jien, Danjel, għaddejt tliet ġimgħat fin-niket. [Dan:10:3] Ebda ikel bnin ma kilt, ebda laħam u nbid ma daħal f'ħalqi, u b'xejn ma ndlikt sa ma għaddew it-tliet ġimgħat. [Dan:10:4] Mbagħad, fl-erbgħa u għoxrin ta' l-ewwel xahar, sibt ruħi f'xatt ix-xmara l-kbira, it-Tigri. [Dan:10:5] Rfajt għajnejja nħares, u ara, kien hemm raġel liebes l-għażel, bi ħżiem tad-deheb fin ta' Ufaz ma' ġenbejh. [Dan:10:6] Ġismu kien qisu tat-topazju, wiċċu jleħħ bħal berqa, għajnejh żewġ ġamriet tan-nar, dirgħajh u riġlejh qishom tal-bronż ileqq, u leħnu huwa u jitkellem kont tistħajjlu l-ħoss ta' kotra nies. [Dan:10:7] Din id-dehra rajtha jiena waħdi, Danjel; in-nies li kienu miegħi ma rawhiex id-dehra, u b'danakollu qabdithom rogħda kbira u telqu jiġru biex jinħbew. [Dan:10:8] Bqajt waħdi nħares lejn din id-dehra kbira; saħħti ħallietni, lewn wiċċi tbiddel u mar, u bqajt bla ħila ta' xejn. [Dan:10:9] Smajt il- ħoss tal-kliem ta' dak ir-raġel, u kif smajt il-ħoss ta' kliemu waqajt għal wiċċi mitluf minn sensija u bqajt hemm, wiċċi ma' l-art. [Dan:10:10] U ara, id messitni u qajjmitni mriegħed fuq irkubbtejja u wiċċ idejja. [Dan:10:11] U dak qalli: "Danjel, raġel għażiż, ifhem il-kliem li se ngħidlek; qum fuq tiegħek, għax issa bagħtuni għandek." Kif qalli dan, jien qomt bilwieqfa b'rogħda fuqi. [Dan:10:12] U qalli: "Tibża' xejn, Danjel, għax kliemek instama' sa mill-ewwel jum li int għamilt il-ħsieb li tifhem u ċċekkint quddiem Alla tiegħek; u jien għalhekk ġejt, minħabba kliemek. [Dan:10:13] Il-prinċep tas-saltna tal-Persja dam wieħed u għoxrin ġurnata jżomm kontrija iżda ara, Mikiel, wieħed mill-prinċpijiet ewlenin, ġie biex jagħtini l-għajnuna, u jien bqajt hemm ħdejn is-sultan tal-Persja. [Dan:10:14] Issa ġejt biex nurik x'se jiġrilu l-poplu tiegħek fl-aħħar taż-żmien; għax għad baqa' ż-żmien biex din id-dehra sseħħ."

[Dan:10:15] Kif qalli dan, jien niżżilt ħarsti lejn l-art u tbikkimt. [Dan:10:16] U ara, ġie wieħed, qisu iben ta' bniedem, u messli xufftejja. Jien ftaħt fommi biex inkellem lil dak li waqaf quddiemi, u għedtlu: "Sidi, minħabba d-dehra reġgħu ġew fuqi tbatijiet u ma baqagħlix saħħa. [Dan:10:17] Kif jista' mela l-qaddej ta' dan sidi jkellem lil dan sidi meta jien bħalissa ma fadallix saħħa u ebda nifs ma baqa' fija?" [Dan:10:18] Dak li deherli f'sura ta' bniedem raġa' messni, raddli saħħti, [Dan:10:19] u qalli: "Tibża' xejn, għażiż, is-sliem għalik. Rabbi l-ħila, agħmel il-qalb!" Għal dan il-kliem jien ħassejtni nistejqer, u għedtlu: "Ħa jitkellem sidi, għax issa raddejtli saħħti lura." [Dan:10:20] U hu qalli: "Taf int għalfejn ġejt għandek? Jien issa se nerġa' mmur nitqabad mal-prinċep tal-Persja, u meta mmur, ara, jiġi l-prinċep tal-Greċja. [Dan:10:21] Iva, se ngħarrfek x'hemm miktub fil-ktieb tal-veritŕ; ma jkunx hemm min jagħtini daqqa ta' id kontriehom ħlief il-prinċep tagħkom Mikiel. "

11. [Dan:11:1] U jien fl-ewwel sena tas-sultan Dariju tal-Medja kont wieqaf biex ngħinu u nagħmillu l-qalb.

Alessandru l-Kbir (356-323 QK) u l-Persja

[Dan:11:2] "Issa ħalli ngħidlek il-veritŕ. Ara, iqumu tliet slaten oħra fil-Persja; mbagħad jiġi ieħor, ir-raba' wieħed, li jkun għani aktar minnhom ilkoll. Dan, wara li jkun tqawwa bl-għana tiegħu, jibda jxewwex lil kulħadd għas-saltna tal-Greċja. [Dan:11:3] Imma jqum sultan qawwi li jħaddem ħakma kbira u jibda jagħmel li jfettillu. [Dan:11:4] Iżda meta jkun waqqaf is-saltna, is-saltna tiegħu tisfaxxa u tinqasam lejn l-erbat irjieħ tas-sema; mhux uliedu jeħduha warajh, anqas ma tkun maħkuma kif ikun ħakimha hu, għax saltnatu tittieħed minn idejn uliedu u tingħata lil oħrajn.

Gwerer bejn is-slaten tas-Sirja u s-slaten ta' l-Eġittu
(312-163 QK)

[Dan:11:5] "Is-sultan tan-nofsinhar jitqawwa, imma wieħed mill-prinċpijiet tiegħu jsir aqwa minnu u jagħmel il-ħakma tiegħu ħakma kbira. [Dan:11:6] Wara xi snin, dawn it-tnejn jagħmlu għaqda bejniethom; bint is-sultan tan-nofsinhar tmur għand is-sultan tat-tramuntana biex iseħħ il-ftehim, iżda hi ma jkollhiex ħila żżomm setgħetha. Is-sultan ma jibqax ħaj, anqas nislu, u hi tkun mogħtija għall-mewt, flimkien ma' dawk li jkunu wassluha, ma' binha u ma' dak li jkun żamm magħha. [Dan:11:7] Biż-żmien, minn għeruqha tqum rimja flok is-sultan, jiġi kontra l-eżerċtu, jidħol fil-fortizza tas-sultan tat-tramuntana, u jġib ruħu bl-iebes magħhom u jirbaħ. [Dan:11:8] L-allat u l-idoli tagħhom iġorrhom lejn l-Eġittu bħala priża, flimkien mat-tagħmir prezzjuż tagħhom tal-fidda u d-deheb, u mbagħad għal xi snin ma jeħodhiex kontra s-sultan tat-tramuntana. [Dan:11:9] Mbagħad dan imur fis-saltna tas-sultan tan-nofsinhar u jerġa' lura f'pajjiżu. [Dan:11:10] Uliedu jixxewwxu, jiġbru eżerċtu kbir u kotran, u, bħal mewġa qawwija li ġġorr kollox quddiemha u tibqa' għaddejja, huwa jerġa' jiġi biex għal darba oħra jqanqal taqbida sal-fortizza tiegħu. [Dan:11:11] Is-sultan tan-nofsinhar jimtela bil-qilla u joħroġ jitqabad mas-sultan tat-tramuntana, li jmur jiqaflu b'kotra kbira, iżda din il-kotra taqa' taħt idejh. [Dan:11:12] U, wara li jkun ġarr din il-kotra miegħu, jibda jitkabbar bih innifsu, u jixħet ma' l-art eluf ta' eluf; iżda, minkejja dan kollu, huwa ma jissaħħaħx. [Dan:11:13] Mbagħad is-sultan tat-tramuntana jerġa' jiġbor kotra akbar minn qabel, u wara li jgħaddu xi snin jiġi b'eżerċtu kbir u mgħammar tajjeb ħafna. [Dan:11:14] F'dak iż-żmien ikun hemm ħafna li jqumu kontra s-sultan tan-nofsinhar, u fost il-poplu tiegħek ukoll ikun hemm dawk li jitfixklu biex isseħħ id-dehra, u dawn jaqgħu. [Dan:11:15] Is-sultan tat-tramuntana jiġi u jtella' rampi quddiem belt iffortifikata biex jeħodha taħt idejh, u la l-forzi armati tas-sultan tan-nofsinhar u lanqas l-aħjar nies tiegħu ma jżommuh, għax ma jkollhomx il-ħila jiqfulu. [Dan:11:16] Dak li jkun ġie kontra tiegħu jagħmel bih li jrid bla ma jżommu ħadd, u jibqa' fis-sod fil-pajjiż glorjuż li jaqa' kollu kemm hu taħt idejh. [Dan:11:17] Mbagħad iwaħħal f'rasu li jġib saltnatu kollha taħt setgħetu. Għalhekk jirranġa miegħu, jagħtih b'martu lil bintu biex forsi jeqridlu s-saltna, iżda ma jasalx u ma jirnexxilux. [Dan:11:18] Wara dan huwa jdur għall-gżejjer, u ħafna minnhom jeħodhom taħt idejh; iżda jkun hemm prinċep li jrażżanlu l-wiċċ sfiq tiegħu, mhux biss, imma wkoll ipattilu għall-imġiba tiegħu. [Dan:11:19] Mbagħad ikun irid jerġa' lura lejn il-fortizzi ta' pajjiżu, imma jaqa' mifni fit-triq u ħadd iżjed ma jsibu. [Dan:11:20] Mbagħad iqum minfloku wieħed, li jibgħat uffiċjal tat-taxxi fil-post glorjuż tas-saltna, imma wara ftit ġranet joqtluh; u mhux f'xi saltna jew fi gwerra.

Il-persekuzzjoni ta' Antijoku IV Epifani (175-163 QK)

[Dan:11:21] "Minfloku jqum wieħed, raġel ta' min imaqdru, li, għalkemm ma tkunx ingħatatlu l-glorja ta' sultan, jindiehes inkiss inkiss u jaħtaf is-saltna bl-ipokrisija tiegħu. [Dan:11:22] L-eżerċti jieħdu tkaxkira kbira u jitfarrku quddiemu, u hekk ukoll jiġrilu l-prinċep tal-patt. [Dan:11:23] Huwa jqarraq b'dawk li jissieħbu miegħu, u jikber u jissaħħaħ minkejja li jkollu miegħu ftit nies biss. [Dan:11:24] Minn taħt il-taħt jiddeffes fl-inħawi l-iżjed għonja tal-pajjiż u jagħmel ħwejjeġ li la missirijietu u lanqas ta' qabilhom ma jkunu qatt għamlu: ixerred fosthom prejjeż, ħtif u ġid, u għal xi żmien iħejji ruħu għall-fortizza. [Dan:11:25] Huwa jagħmel ħiltu u jqawwi qalbu, u b'eżerċtu kbir imur jeħodha kontra s-sultan tan-nofsinhar. Dan ilesti għall-gwerra b'eżerċtu kbir u qawwi ħafna, iżda ma jagħmel xejn minħabba t-tnassis li jagħmlu kontrieh [Dan:11:26] dawk stess li jkunu jieklu mill-ikel bnin tiegħu. Dawn ikunu t-telfa tiegħu, l-eżerċtu tiegħu jieħu tkaxkira, u ħafna jaqgħu mejta. [Dan:11:27] Iż-żewġ slaten, b'moħħhom ifassal il-ħażen, jgħidu kliem b'ieħor saħansitra waqt li jkunu fuq mejda waħda, imma ma jaslu mkien, għax ikun għadu m'huwiex il-waqt. [Dan:11:28] U jerġa' lura lejn pajjiżu b'ġid kbir, kollu thewdin kontra l-patt imqaddes, iħabrek u jerġa' jmur f'pajjiżu. [Dan:11:29] Għal darb'oħra, meta jasal il-waqt imur lejn in-nofsinhar, imma din il-mawra tiegħu ta' l-aħħar ma tkunx bħal ta' qabel, [Dan:11:30] għax jiġu għalih l-iġfna ta' Kittin, u hu jaqta' qalbu u jerġa' lura. Mixgħul bil-korla jaħdem kontra l-patt imqaddes, u mill-ġdid iżomm fi ħsiebu lil dawk li jkunu nfirdu mill-patt imqaddes. [Dan:11:31] Xi forzi mibgħuta minnu joqogħdu jkasbru s-santwarju u l-fortizza, ineħħu s-sagrifiċċju tal-ħruq ta' kuljum, u jipprofanaw u jħarbtu t-tempju. [Dan:11:32] Hu jġib ruħu b'ħafna tmellis qarrieq ma' dawk li jkunu kisru l-patt, imma mill-poplu dawk li jkunu jagħrfu lil Alla tagħhom iżommu sħiħ u jibqgħu sejrin b'ħidtmiethom. [Dan:11:33] L-għorrief tal-poplu jgħallmu ħafna nies, imma s-sejf u n-nar u l-jasar u s-serq ikunu tfixkil għalihom għal xi żmien. [Dan:11:34] Waqt dan it-tfixkil isibu xi ftit ta' l-għajnuna minn ħafna wċuħ b'oħra li taparsi jingħaqdu magħhom. [Dan:11:35] Fost l-għorrief ikun hemm min jitfixkel, imma xi wħud minnhom jissaffew, jintgħażlu mill-bqija u jindafu sa l-aħħar taż-żmien, għax ikun għadu m'huwiex il-waqt. [Dan:11:36] Is-sultan jagħmel li jfettillu, jintrefa' u jitkabbar fuq kull alla, jgħid ħwejjeġ ta' l-għaġeb kontra Alla ta' l-allat, u jibqa' sejjer hekk sa ma tintemm il-korla, għax dak li hu maqtugħ jeħtieġ li jsir. [Dan:11:37] Lanqas ta' l-allat ta' missirijietu ma jagħti kas, jew ta' l-alla għażiż tan-nisa; minn ebda alla ma jħabbel rasu, għax hu jitkabbar fuqhom ilkoll. [Dan:11:38] Minflokhom jibda jagħti ġieħ lill-alla tal-fortizzi; huwa jqim lil dak l-alla li missirijietu ma kinux jafu bih, u joffrilu deheb u fidda, ħaġar prezzjuż u ħwejjeġ oħra ta' siwi kbir. [Dan:11:39] Għall-ħarsien tal-fortizzi jagħżel poplu ta' alla barrani, jimla bil-ġieħ lil dawk li jqimu lil dan alla, jagħtihom is-setgħa fuq ħafna u jqassmilhom l-art bħala ħlas.

It-tmiem ta' Antijoku IV Epifani (163 QK)

[Dan:11:40] "Fiż-żmien ta' l-aħħar is-sultan tan-nofsinhar jaħbat għalih, imma s-sultan tat-tramuntana joħroġ b'saħna għal fuqu bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu u b'kotra ta' iġfna, u jidħol f'artijiet bħal mewġa li ġġorr kollox hija u għaddejja; [Dan:11:41] jidħol f'art il-ġmiel, u n-nies jaqgħu bl-eluf ta' eluf. Minn taħt idejh jeħilsu dawn: Edom, Mowab, u l-aħjar parti ta' wlied Għammon. [Dan:11:42] Imidd idu fuq l-artijiet, u anqas l-art ta' l-Eġittu ma teħlisha. [Dan:11:43] Iġib taħt setegħtu t-teżori tad-deheb u tal-fidda u kull ħaġa prezzjuża ta' l-Eġittu; lill-popli tal-Libja u ta' l-Etjopja jkarkarhom warajh. [Dan:11:44] Iżda x-xnigħat li jaslulu mil-lvant u t-tramuntana jaħsduh, u b'saħna ta' korla jitlaq ħalli jeqred qerda lil ħafna. [Dan:11:45] Itella' t-tined irjali tiegħu fil-wita bejn il-baħar u l-muntanja glorjuża u qaddisa, imma jasal fi tmiemu u ma jsib għajnuna ta' ħadd."


12. Is-salvazzjoni tal-poplu fl-aħħar żmien

[Dan:12:1] "F'dak iż-żmien iqum Mikiel, il- prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek. Mbagħad jiġi żmien ta' għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb. [Dan:12:2] U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab ta' l-art jistenbħu, min għall-ħajja ta' dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem.

[Dan:12:3] Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu 'l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta' dejjem. [Dan:12:4] Imma int, Danjel, agħlaq dan id-diskors u ssiġilla l-ktieb saż-żmien ta' l-aħħar. Ħafna bnedmin għad jifluh sewwa u jikbru fl-għaqal."

[Dan:12:5] Mbagħad jien, Danjel, ħarist, u ara, kien hemm tnejn oħra weqfin, wieħed fuq kull naħa tax-xmara. [Dan:12:6] U wieħed minnhom qal lil dak li kien liebes l-għażel u li kien qiegħed 'il fuq mill-ilma tax-xmara: "Kemm baqa' għat-tmiem ta' l-għeġubijiet?" [Dan:12:7] Ir-raġel liebes l-għażel, li kien qiegħed 'il fuq mill-ilma tax-xmara, rafa' idu l-leminija u idu x-xellugija lejn is-smewwiet, u smajtu jaħlef b'Dak li hu Ħaj għal dejjem u qal li għad baqa' żmien, żminijiet u nofs żmien, u li dan kollu għad iseħħ meta l-qawwa tal-poplu l-qaddis ma tibqax tixxerred iżjed.

[Dan:12:8] Jiena bqajt nisma' bla ma nifhem; mbagħad għedtlu: "Sidi, x'se jiġri wara dan kollu?" [Dan:12:9] Iżda hu qalli: "Mur, Danjel, għax dan id-diskors huwa magħluq u ssiġillat saż-żmien ta' l-aħħar. [Dan:12:10] Ikunu ħafna dawk li jintgħażlu mill-bqija, jindafu u jissaffew; imma l-ħżiena jibqgħu jagħmlu l-ħażin, u ebda wieħed minnhom ma jifhem xejn, jifhmu biss dawk li jkunu bil-għaqal. [Dan:12:11] U wara li jitneħħa s-sagrifiċċju tal-ħruq ta' kuljum, wara l-profanazzjoni u l-ħerba tat-tempju, ikun għad baqa' elf u mitejn u disgħin jum ieħor. [Dan:12:12] Hieni min jistenna u jasal sa elf u tliet mija u ħamsa u tletin ġurnata oħra. [Dan:12:13] Imma int ibqa' sejjer lejn l-aħħar mistrieħ tiegħek; u mbagħad, meta jintemm iż-żmien, tqum għall-wirt li jmissek."

13. Susanna

[Dan:13:1] Kien hemm raġel joqgħod Babilonja, jismu Ġojakim. [Dan:13:2] Dan kien miżżewweġ mara jisimha Susanna, bint Ħilkija, mara sabiħa ħafna u tibża' mill-Mulej. [Dan:13:3] Il-ġenituri tagħha kienu nies sewwa, u lil binthom rabbewha skond il-Liġi ta' Mosč. [Dan:13:4] Ġojakim kien raġel għani ħafna, u kellu ġnien kbir mad-dar tiegħu. Il-Lhud kienu jiġu għandu, għax kien l-aktar wieħed miġjub fosthom.

[Dan:13:5] F'dik is-sena ntgħażlu mħallfin tnejn mill-anzjani tal-poplu. Kien għalihom li qal il-Mulej: "Il-ħażen ħareġ minn Babilonja, mill-anzjani li kienu mħallfin, li suppost kienu jmexxu l-poplu." [Dan:13:6] Dawn kienu jmorru għand Ġojakim, u kull min kien ikollu xi kwistjoni kien jiġi għandhom għall-ġustizzja. [Dan:13:7] Meta f'nofsinhar in-nies kienu jitilqu, Susanna kienet toħroġ tippassiġġa fil-ġnien ta' żewġha. [Dan:13:8] Iż-żewġ anzjani kienu kuljum jarawha ħierġa u tippassiġġa, u ġiethom kilba għaliha. [Dan:13:9] Kienu t-tnejn ta' qalbhom imħassra, li dawwru għajnejhom in-naħa l-oħra biex la jħarsu lejn is-sema u lanqas jiftakru fil-ħaqq u s-sewwa. [Dan:13:10] Il-passjoni tagħhom għamiethom it-tnejn, iżda ħbew lil xulxin x'kien qiegħed ikiddhom, [Dan:13:11] għaliex stħaw jistqarru li xtaquha toqgħod għalihom. [Dan:13:12] Aktar ma kien jgħaddi ż-żmien, aktar kienu jitbellhu biex jarawha. [Dan:13:13] Darba wieħed qal lill-ieħor: "Ejja mmorru d-dar, għax sar il-ħin għall-ikel." Imma meta ħarġu u nfirdu minn xulxin, [Dan:13:14] it-tnejn reġgħu lura, u ltaqgħu. Billi kull wieħed minnhom ried ikun jaf l-għala l-ieħor raġa' lura, kellhom juru lil xulxin il-ġibda ħażina tagħhom. Mbagħad ftiehmu bejniethom li jsibu l-ħin tagħhom biex jaqbduha weħidha. [Dan:13:15] Qagħdu mela jistennew waqt tajjeb. Ġara li darba Susanna daħlet bħas-soltu ma' żewġ xbejbiet biss; kienet is-sħana, u hi xtaqet toqgħod tinħasel fil-ġnien. [Dan:13:16] Ħadd ma kien hemmhekk ħlief iż-żewġt ixjuħ jgħassulha bil-moħbi. [Dan:13:17] Susanna qalet lix-xbejbiet: "Morru ġibuli ż-żejt u l-fwieħa u sakkru l-bieb tal-ġnien warajkom biex inkun nista' ninħasel." [Dan:13:18] Dawk marru biex jagħmlu kif qaltilhom; għalqu l-bieb tal-ġnien, u daħlu ġewwa minn bieb ieħor tal-ġenb, biex iġibu kull ma ordnatilhom Susanna, bla xejn ma ntebħu biż-żewġt ixjuħ li kienu hemm moħbija. [Dan:13:19] Kif iż-żewġ xbejbiet ħarġu, iż-żewġt ixjuħ qamu u ġrew għal ħdejn Susanna u qalulha: [Dan:13:20] "Ara, il-bibien tal-ġnien magħluqa, ma hawn ħadd jarana. Aħna mxennqa għalik; għidilna iva u oqgħod għalina. [Dan:13:21] Jekk tgħid le, nixhdu kontrik, u ngħidu li kien hawn żagħżugħ miegħek, u kien għalhekk li bgħatt ix-xbejbiet 'il barra." [Dan:13:22] Susanna tniehdet tnehida minn qiegħ qalbha u qalet: "Ninsab magħfusa minn kullimkien! Jekk nagħmel dan, hemm il-mewt għalija; jekk ma nagħmilx hekk, ma neħlisx minn taħt idejkom. [Dan:13:23] Imma jkun aħjar għalija ma nagħmilx dan u naqa' taħt idejkom milli nidneb quddiem il-Mulej." [Dan:13:24] Mbagħad Susanna għajjtet għajta kbira, u ż-żewġt ixjuħ għajjtu iżjed minnha, [Dan:13:25] u wieħed minnhom mar jiġri jiftaħ il-bieb tal-ġnien. [Dan:13:26] Meta n-nies tad-dar semgħu l-għajat fil-ġnien, daħlu b'ġirja waħda mill-bieb tal-ġenb biex jaraw Susanna xi nqalgħalha. [Dan:13:27] Imma kif ix-xjuħ qalu li riedu jgħidu, il-qaddejja nstamtu, għax qatt ma kien instama' jingħad kliem bħal dan fuq Susanna. [Dan:13:28] L-għada, meta n-nies ġew għand żewġha Ġojakim, marru ż-żewġt ixjuħ, mimlijin għal Susanna b'fehmiet ħżiena biex jikkundannawha għall-mewt, [Dan:13:29] u qalu quddiem kulħadd: "Ibagħtu għal Susanna, bint Ħilkija, mart Ġojakim." [Dan:13:30] Bagħtu għaliha, u ġiet hi u l-ġenituri tagħha, b'uliedha u qrabatha kollha magħha. [Dan:13:31] Issa Susanna kienet mara ta' ħlewwa li ma bħalha u tgħaxxqek tħares lejha. [Dan:13:32] Hija ġiet b'wiċċha mistur b'velu, imma dawk il-misħuta ordnaw li jitneħħielha l-velu, biex joqogħdu jpaxxu għajnejhom bi sbuħitha. [Dan:13:33] Niesha u dawk kollha li rawha qabdu jibku. [Dan:13:34] Iż-żewġt ixjuħ ħarġu fin-nofs u qiegħdu idejhom fuq rasha. [Dan:13:35] Susanna, tibki, bdiet tħares lejn is-sema, għax kellha tama sħiħa fil-Mulej. [Dan:13:36] Iż-żewġt ixjuħ qalu: "Waqt li konna mexjin weħidna fil-ġnien, din il-mara daħlet ma' żewġ xbejbiet, għalqet il-bieb tal-ġnien u bagħtet ix-xbejbiet 'il barra. [Dan:13:37] Mbagħad wieħed żagħżugħ, li kien moħbi, resaq lejha u qagħad magħha. [Dan:13:38] Aħna, mir-rokna tal-ġnien fejn konna, meta rajna dan id-dnub, morna b'ġirja għal ħdejhom. [Dan:13:39] Rajniehom flimkien, imma liż-żagħżugħ ma stajniex inżommuh, għax kien b'saħħtu aktar minna, u għalhekk fetaħ il-bieb u ħarab. [Dan:13:40] Qbadna lil din il-mara u staqsejnieha min kien dak iż-żagħżugħ, iżda ma riditx tgħidilna. Aħna xhieda ta' dan kollu." [Dan:13:41] Il-ġemgħa tan-nies emmnithom, għax kienu tnejn mill-anzjani tal-poplu u mħallfin, u kkundannaw lil Susanna għall-mewt. [Dan:13:42] Mbagħad Susanna b'għajta kbira qalet: "Alla ta' dejjem, int li tara kull ma hu moħbi, li tkun taf b'kull ħaġa qabel ma sseħħ, [Dan:13:43] inti taf li dawn taw xhieda falza kontra tiegħi. Ara, issa se mmut, u minn dak kollu li fil-ħażen tagħhom qalgħu fuqi jiena m'għamilt xejn." [Dan:13:44] U Alla sama' t-talba tagħha. [Dan:13:45] Huma u sejrin biha għall-mewt, Alla qajjem l-ispirtu qaddis ta' daqsxejn ta' żagħżugħ jismu Danjel, [Dan:13:46] u dan qabad jgħajjat u jgħid: "Jien m'għandix ħtija tad-demm ta' din il-mara!" [Dan:13:47] In-nies kollha daru jħarsu lejh: "Dan x'diskors hu tiegħek!" qalulu. [Dan:13:48] Hu ħareġ f'nofshom u qal: "Nies ta' Iżrael, daqshekk intom boloh? Tikkundannaw waħda minn ulied Iżrael bla ma tqisu xejn u bla ma tfittxu li tagħrfu s-sewwa? [Dan:13:49] Erġgħu lura fejn isir il-ħaqq, għax dawn taw xhieda falza kontrieha." [Dan:13:50] Minnufih kulħadd raġa' lura u l-anzjani qalu lil Danjel: "Ejja, oqgħod f'nofsna u għidilna li għandek tgħid, ladarba Alla tak il-ġieħ ta' anzjan." [Dan:13:51] Danjel qalilhom: "Ifirduhom u begħduhom minn xulxin, ħalli ngħarbilhom jien." [Dan:13:52] U firduhom minn xulxin. Danjel sejjaħ wieħed minnhom u qallu: "Int, li xjeħt fi ħżunitek, sa fl-aħħar dnubietek ta' l-imgħoddi laħquk, [Dan:13:53] dawk id-dnubiet li għamilt meta kont taqta' sentenzi inġusti, meta kont tikkundanna nies bla ħtija u teħles lill-ħatja, meta l-Mulej qal, 'Toqtolx lil min hu bla ħtija u l-bniedem sewwa.' [Dan:13:54] Issa għidli ftit, jekk tassew rajtha: x'siġra kienet dik li qbadthom taħtha flimkien?" U hu qallu: "Taħt siġra tad-deru." [Dan:13:55] Qallu Danjel: "Sewwa! B'din il-gidba tiegħek ġibt il-ħsara fuq rasek stess, għax l-anġlu ta' Alla diġŕ għandu l-ordni mingħand Alla biex jiġi jaqsmek minn nofsok!" [Dan:13:56] Mbagħad lil dan warrbu u ordna li jġibulu lill-ieħor. Qallu: "Ja nisel il-Kangħanin u mhux mil-Lhud, il-ġmiel għamiek u l-passjoni ħassritlek qalbek! [Dan:13:57] Hekk kontu ġġibu ruħkom mal-bniet ta' Iżrael, u huma kienu jibżgħu minnkom u joqogħdu għalikom. Iżda waħda minn ulied Ġuda ma qagħditx għal ħżunitkom. [Dan:13:58] Għidli, mela: x'siġra kienet dik li qbadthom taħtha flimkien?" U hu wieġeb: "Taħt siġra tal-ballut." [Dan:13:59] Qallu Danjel: "Sewwa! Inti wkoll, b'din il-gidba tiegħek ġbidt il-ħsara fuq rasek stess. Hemm l-anġlu ta' Alla diġŕ qiegħed jistenna bix-xabla f'idu biex iħanxrek minn nofsok, ħalli b'hekk jeqridkom it-tnejn." [Dan:13:60] Mbagħad il-ġemgħa kollha għajjtet b'leħen wieħed u bierku lil Alla li jsalva lil min jittama fih. [Dan:13:61] U lkoll daru għaż-żewġt ixjuħ, għax bi kliemhom stess ikkundannaw lilhom infushom bix-xhieda falza li taw, [Dan:13:62] u għamlulhom bħalma huma, bil-ħażen ta' moħħhom, riedu jagħmlu lil ħaddieħor; u hekk imxew fuq il-Liġi ta' Mosč u qatluhom. Dak in-nhar demm l-innoċenti kien salvat.

[Dan:13:63] Ħilkija u martu raddew ħajr lil Alla għal binthom Susanna, u hekk ukoll għamel żewġha Ġojakim u qrabatha kollha, għax ebda għajb ma sabu fiha. [Dan:13:64] U minn dak in-nhar 'il quddiem Danjel ħa fama kbira quddiem il-poplu.

14. L-idolu Bel

[Dan:14:1] Wara li s-sultan Astijaġi mar jingħaqad ma' missirijietu, Ċiru tal-Persja sar sultan warajh. [Dan:14:2] Danjel kien joqgħod għand is-sultan li kien iġibu ħafna, aktar minn ħbiebu l-oħra lkoll.

[Dan:14:3] Issa n-nies ta' Babilonja kellhom idolu, jismu Bel, u kuljum kienu jixtrulu tnejn u tletin tomna dqiq mill-aħjar, erbgħin nagħġa, u ħamsin gallun inbid. [Dan:14:4] Is-sultan ukoll kien jagħtih il-ġieħ u kuljum kien imur jadurah. Danjel, iżda, kien iqim lil Alla tiegħu. [Dan:14:5] U s-sultan qallu: "Dan l-għala ma tqimux lil Bel?" Danjel wieġbu: "Għax jiena ma nagħtix ġieħ lill-idoli maħduma b'idejn il-bnedmin, imma lil Alla l-ħaj, li għamel is-sema u l-art u jaħkem fuq il-bnedmin kollha." [Dan:14:6] Imma s-sultan qallu: "Mela inti taħseb li Bel m'huwiex alla ħaj? Ma tarax kemm jiekol u jixrob kuljum?" [Dan:14:7] Danjel qabad jidħak, u qallu: "Titqarraqx, sultan! Bel m'huwiex ħlief tafal minn ġewwa u bronż minn barra; dak la qatt kiel u lanqas xorob!" [Dan:14:8] Is-sultan inkorla; sejjaħ lill-qassisin ta' Bel u qalilhom: "Jekk ma tgħidulix min qiegħed jiekol dawn il-ħwejjeġ kollha, tieħdu l-mewt; [Dan:14:9] imma jekk tagħtuni prova li qiegħed jikolhom Bel, il-mewt jeħodha Danjel, għax ikun dagħa kontrieh." U Danjel qal lis-sultan: "Ħa jsir kif għedt int."

[Dan:14:10] Il-qassisin ta' Bel kienu sebgħin, barra n-nisa tagħhom u wliedhom. U s-sultan mar fit-tempju ta' Bel flimkien ma' Danjel. [Dan:14:11] Il-qassisin ta' Bel qalulu: "Ara, sultan, aħna nitilqu 'l barra minn hawn, u l-ikel ħejjih inti stess, ferragħ l-inbid u qiegħdu f'postu, mbagħad aqfel il-bieb u qiegħed fuqu l-marka tas-siġill tiegħek. [Dan:14:12] Għada fil-għodu erġa' ejja, u jekk ma ssibx li Bel kiel kollox, agħtina l-mewt; jekk issib il-kuntrarju, il-mewt jeħodha Danjel, għax ikun gideb fuqna." [Dan:14:13] Huma ma nkwetawx ruħhom, għax taħt il-mejda kienu għamlu mogħdija moħbija u kienu jidħlu minnha biex jaħtfu l-ikel. [Dan:14:14] Meta l-qassisin telqu 'l barra, is-sultan ħejja l-ikel lil Bel. Mbagħad Danjel qabbad lill-qaddejja tiegħu biex iġibu l-irmied u jxerrduh ma' l-art fit-tempju kollu quddiem is-sultan waħdu. Mbagħad ħarġu 'l barra, sakkru l-bieb, qiegħdu fuqu l-marka tas-siġill tas-sultan, u telqu. [Dan:14:15] Billejl il-qassisin ġew bħas-soltu, bin-nisa tagħhom u wliedhom, u kielu u xorbu kollox.

[Dan:14:16] Fil-għodu s-sultan qam kmieni, u Danjel ukoll. [Dan:14:17] U s-sultan staqsieh: "Danjel, il-marka tas-siġill sħiħa?" "Sħiħa, sultan," wieġbu Danjel. [Dan:14:18] Mbagħad fetħu l-bieb, u minnufih is-sultan ħares lejn il-mejda u b'għajta kbira qal: "Kbir int, Bel! M'hemm ebda qerq fik!" [Dan:14:19] Danjel infexx jidħak, żamm lis-sultan biex ma jħallihx jibqa' dieħel, u qallu: "Ħares daqsxejn lejn l-art u ara tagħrafx ta' min huma dawn il-marki tas-saqajn!" [Dan:14:20] U s-sultan qal: "Qiegħed nara marki tas-saqajn ta' rġiel u nisa u tfal!" [Dan:14:21] Is-sultan inkorla bis-sħiħ; qabad il-qassisin bin-nisa tagħhom u wliedhom, u huma wrewh il-bieb sigriet li s-soltu kienu jidħlu minnu biex jieklu dak li jkun hemm fuq il-mejda. [Dan:14:22] Is-sultan tahom il-mewt, u lil Bel telqu f'idejn Danjel; u dan qered lilu u t-tempju tiegħu.

Id-dragun

[Dan:14:23] In-nies ta' Babilonja kienu jagħtu l-ġieħ ukoll lil dragun kbir li kien hemm fil-belt. [Dan:14:24] U s-sultan qal lil Danjel: "Dan ma tistax tiċħad li hu alla ħaj! Adurah mela." [Dan:14:25] Iżda Danjel wieġeb: "Jiena nadura lil Alla Sidi, għax hu Alla l-ħaj. [Dan:14:26] U jekk inti, sultan, tagħtini s-setgħa, jiena lil dan id-dragun noqtlu bla sejf u bla bastun." "Tajjeb," qallu s-sultan,"qiegħed nagħtik is-setgħa." [Dan:14:27] Danjel ħa qabda qatran, xaħam u xagħar u għalla kollox flimkien fuq in-nar, għamilhom qishom pulpetti, u temagħhom lid-dragun. U d-dragun belagħhom u nfaqa'. "Dan hu li tqim!" qal Danjel. [Dan:14:28] In-nies ta' Babilonja, meta semgħu b'dan, ħadu għalihom ħafna u nkurlaw bis-sħiħ għas-sultan. "Is-sultan qaleb mal-Lhud!" qalu. "Qerdilna lil Bel, qatel id-dragun, u ta l-mewt lill-qassisin!" [Dan:14:29] U marru għand is-sultan u qalulu: "Agħtina lil Danjel f'idejna, għax inkella noqtlu lilek u l-familja tiegħek!" [Dan:14:30] Is-sultan ra li kienu se jagħmlu għalih bl-ikrah, u għalhekk ħass ruħu mġiegħel u tahom lil Danjel f'idejhom. [Dan:14:31] Huma tefgħu lil Danjel fil-ħofra tal-ljuni, u baqa' hemm sitt ijiem. [Dan:14:32] F'dik il-ħofra kien hemm seba' ljuni, u n-nies kienu kuljum jagħtuhom żewġ iġsma u żewġ nagħġiet; imma f'dawn is-sitt ijiem ma tawhomlhomx, ħalli jieklu lil Danjel. [Dan:14:33] Fil-Lhudija kien hemm profeta, Ħabakkuk, u dan sajjar xi ħaġa, fettet il-ħobż fi skutella, u kien sejjer bihom l-għalqa biex jagħtihom lill-ħassada. [Dan:14:34] Iżda l-anġlu tal-Mulej qallu: "Ħu l-ikel li għandek f'Babilonja lil Danjel fil-ħofra tal-ljuni." [Dan:14:35] "Sidi," qallu Ħabakkuk, 'jien lil Babilonja qatt ma rajtha, u l-ħofra ma nafx biha." [Dan:14:36] L-anġlu tal-Mulej qabdu mill-qurriegħa ta' rasu, refgħu minn xagħru u f'nefħa ta' nifs qiegħdu f'Babilonja quddiem il-ħofra.

[Dan:14:37] U Ħabakkuk għajjatlu u qal: "Danjel! Danjel! Ħu l-ikel li Alla bagħatlek." [Dan:14:38] U Danjel qal: "O Alla, ftakart fija, ma tlaqthomx lil dawk li jħobbuk!" [Dan:14:39] Mbagħad qam u kiel. U l-anġlu tal-Mulej raġa' ħa lil Ħabakkuk fejn kien qabel. [Dan:14:40] F'għeluq is-sebat ijiem is-sultan ġie jibki lil Danjel. Resaq lejn il-ħofra, ittawwal 'il ġewwa, u hemm kien Danjel, bilqiegħda qalb il-ljuni. [Dan:14:41] U s-sultan qabad jgħajjat u jgħid: "Kbir int, Mulej, Alla ta' Danjel! Ma hemmx Alla ieħor ħliefek!" [Dan:14:42] Mbagħad ħareġ lil Danjel mill-ħofra u xeħet fiha lil dawk li fittxew jeqirduh, u l-ljuni belgħuhom minnufih quddiemu.