IL-KTIEB TA’ L-GĦERF TA’ ĠOŻWÈ BIN SIRAK

Daħla

Ħafna ħwejjeġ kbar ngħataw lilna bis-saħħa tal-Liġi u tal-Profeti u ta’ l-oħrajn li ġew warajhom. Ta’ dan wieħed għandu jagħti ġieħ lil Iżrael għax huma ħwejjeġ ta’ tagħlim u għerf. Imma dawk li jafu l-Iskrittura tagħhom, m’għandhomx biss ikunu midħla tagħha, iżda dawk li għandhom għal qalbhom it-tagħlim jistgħu wkoll ikunu ta’ għajnuna għall-barranin b’dak li jgħidu u jiktbu.

Kien għalhekk li n-nannu tiegħi Ġożwè, wara li ta’ ruħu b’dedikazzjoni kbira għall-istudju tal-Liġi u tal-Profeti u tal-kotba l-oħra ta’ missirijietna u sar jafhom tajjeb, ħass il-bżonn li hu wkoll jikteb xi ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mat-tagħlim u l-għerf, biex dawk li għandhom għal qalbhom it-tagħlim isiru jafu b’dawn ukoll, u jimxu iktar ’il quddiem billi jgħixu skond il-Liġi.

Għalhekk intom mitlubin li taqraw kollox b’rieda tajba u b’attenzjoni, u li tagħdruna fejn nidhru li ma kellniex ħila naqilbu xi kliem , minkejja li għamilna l-almu kollu tagħna fit-traduzzjoni. Għax dak li fl-oriġinal jingħad bil-Lhudi ma ssiblux kliem bl-istess tifsira meta tiġi biex taqilbu fi lsien ieħor. Mhux hawn biss, imma saħansitra fil-Liġi u l-Profeti u l-bqija tal-kotba, għax id-differenzi bejn dawn u dak li jingħad fl-oriġinal m’humiex żgħar.

Fit-tmienja u tletin sena tas-sultan Ewergeti, nżilt l-Eġittu u qgħadt hemm għal xi żmien. Wara li tgħallimt mhux ftit ħassejt il-bżonn li jien stess niddedika ruħi b’ħeġġa u b’ħafna xogħol biex naqleb dan il-ktieb. F’dan iż-żmien shart kemm flaħt u sirt midħla sewwa tal-ktieb biex inwasslu fit-tmiem u nippublikah għal dawk li joqogħdu barra minn arthom u jixtiequ jitgħallmu kif għandhom ifasslu d-drawwiet tagħhom ħa jgħixu skond il-Liġi.

1. L-għajn ta' l-għerf

[Sir:1:1] L-għerf kollu ġej mill-Mulej,
u qiegħed miegħu għal dejjem.
[Sir:1:2] Ramel il-baħar, qtar ix-xita,
u jiem l-eternità, min jista' jgħoddhom?
[Sir:1:3] L-għoli tas-smewwiet, il-wisa' ta' l-art,
l-abbiss, u l-għerf, min jista' jiflihom?
[Sir:1:4] L-għerf kien maħluq qabel kollox,
u l-għarfien bil-għaqal kien minn dejjem.
[Sir:1:5] Għajn ta' għerf hi kelmet Alla fl-għoli
tas-smewwiet,
u triqatu huma l-kmandamenti ta' dejjem.
[Sir:1:6] Il-bidu ta' l-għerf lil min ġie mgħarraf,
u l-għeġubijiet tiegħu min jafhom?
[Sir:1:*7] Lil min intwera tagħlim l-għerf?
U min fehem il-kotra ta' triqatu?
[Sir:1:8] Wieħed hu għaref; u hu ta' biża' kbir
meta joqgħod fuq it-tron tiegħu, il-Mulej.
[Sir:1:9] Il-Mulej innifsu ħalaq l-għerf, rah u qiesu,
u xerrdu fuq dak kollu li għamel.
[Sir:1:10] L-għerf qiegħed ma' kull bniedem skond
id-don tiegħu,
u qassmu lil dawk li jħobbuh.

Il-biża' ta' Alla

[Sir:1:11] Il-biża' tal-Mulej hu glorja u foħrija,
hu ferħ u kuruna ta' hena.
[Sir:1:12] Il-biża' tal-Mulej iferraħ il-qalb,
u jnissel ferħ, hena u ħajja twila.
[Sir:1:13] Min jibża' mill-Mulej imur tajjeb fl-aħħar
jiem,
u jkun imbierek f'jum mewtu.
[Sir:1:14] Il-bidu ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej,
u għal dawk li jemmnu nħalaq magħhom f'ġuf
ommhom.
[Sir:1:15] Bena daru għal dejjem fost il-bnedmin,
u lejn ulied il-bniedem jibqa' fidil.
[Sir:1:16] Il-milja ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej,
u jxebba' l-bnedmin bil-frott tiegħu.
[Sir:1:17] Jimlielhom darhom kollha b'dak li tixtieq
qalbhom,
u l-imħażen tagħhom bil-frott li jnissel.
[Sir:1:18] Kuruna ta' għerf hu l-biża' tal-Mulej,
u minnu jikbru sliem u saħħa tajba.
[Sir:1:19] Il-Mulej ra l-għerf u qiesu,
u bagħat xita ta' tagħlim u għarfien,
u lil dawk li jżommuh taħt idejhom jgħollihom
fil-glorja.
[Sir:1:20] L-għerq ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej,
u l-friegħi tiegħu għomor twil.
[Sir:1:*21] Il-biża' tal-Mulej ineħħi d-dnubiet,
min iżomm sħiħ ibiegħed kull korla.

Sabar u rażan

[Sir:1:22] L-għadab inġust ħadd ma jista'
jiġġustifikah,
għax meta fl-għadab ixaqleb il-miżien,
ikun it-telfien tal-bniedem.
[Sir:1:23] Il-bniedem ta' sabar iżomm sħiħ sa ma
jasal iż-żmien,
u fl-aħħar ifeġġ għalih il-ferħ.
[Sir:1:24] Iżomm kliemu moħbija sa ma jasal
iż-żmien,
u l-għaqal tiegħu jkun fuq fomm il-kotra.

Għerf u ġustizzja

[Sir:1:25] Fit-teżori ta' l-għerf jinsabu qwiel ta'
tagħlim,
imma l-midneb jistmerr jaqdi 'l Alla.
[Sir:1:26] Jekk għandek għal qalbek l-għerf ħares
il-kmandamenti,
u l-Mulej jipprovdihulek bil-kotra.
[Sir:1:27] Għax il-biża' tal-Mulej hu għerf u tagħlim,
u jogħġbu l-bniedem fidil u umli.
[Sir:1:28] Tkunx wieħed li ma joqgħodx għall-biża'
tal-Mulej
u tidħolx għalih b'żewġt iqlub.
[Sir:1:29] Turix wiċċ b'ieħor quddiem in-nies,
u għasses fuq kliem fommok.
[Sir:1:30] Tgħollix lilek innifsek, li ma tmurx taqa'
u ġġib l-għajb fuqek.
Il-Mulej jikxef il-moħbi tiegħek,
u jbaxxik f'nofs il-ġemgħa,
talli ma tkunx wasalt għall-biża' tal-Mulej,
u kellek qalbek mimlija qerq.

2. Il-biża' tal-Mulej waqt il-prova

[Sir:2:1] Ibni, jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej
ħejji ruħek għat-tiġrib.
[Sir:2:2] Kun sinċier f'qalbek u żomm sħiħ,
biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ.
[Sir:2:3] Ingħaqad miegħu u titilqux,
u tikber fil-ġieħ fi tmiem ħajtek.
[Sir:2:4] Kull ma jiġi fuqek ilqgħu,
u żomm sħiħ fit-tibdil li jumiljak.
[Sir:2:5] Għax id-deheb jippruvawh fin-nar,
u n-nies magħżula fil-forn ta' l-umiljazzjoni.
[Sir:2:6] Afda fil-Mulej u jieqaf miegħek,
żomm triqatek dritti u ittama fih.
[Sir:2:7] Intom li tibżgħu mill-Mulej stennew ħnientu,
u toħorġux mit-triq li ma tmorrux taqgħu.
[Sir:2:8] Intom li tibżgħu mill-Mulej afdaw fih,
u ma jonqoskomx il-ħlas tagħkom.
[Sir:2:9] Intom li tibżgħu mill-Mulej, ittamaw fi
ħwejjeġ tajba,
fl-hena ta' dejjem u fil-ħniena.
[Sir:2:10] Ħarsu lejn il-ġenerazzjonijiet ta' dari u
araw:
min qatt ittama fil-Mulej u kellu għax jistħi?
Jew min żamm fil-biża' tiegħu, u l-Mulej ħallieh
waħdu?
Jew min sejjaħlu, u l-Mulej ma tax kasu?
[Sir:2:11] Għax il-Mulej tiġih ħasra u jħenn,
jaħfer id-dnubiet u jsalva fi żmien l-għawġ.
[Sir:2:12] Ħażin għalihom ta' qalbhom maqtugħa u
ta' idejhom mitluqa,
u għall-midneb li jgħix ħajja doppja.
[Sir:2:13] Ħażin għalikom li qtajtu qalbkom għax
bla fidi;
b'hekk ma jkollux fejn jistkenn.
[Sir:2:14] Ħażin għalikom li tliftu s-sabar!
X'se tagħmlu meta jistħarriġkom il-Mulej?
[Sir:2:15] Dawk li jibżgħu mill-Mulej ma jiksrux
kelmtu,
u dawk li jħobbuh iħarsu triqatu.
[Sir:2:16] Dawk li jħobbu l-Mulej ifittxu li jogħġbuh,
u dawk li jħobbuh huma mimlija bil-Liġi tiegħu.
[Sir:2:17] Dawk li jibżgħu mill-Mulej iħejju ruħhom,
u quddiemu jċekknu ruħhom.
[Sir:2:18] Nintelqu f'idejn il-Mulej
u mhux f'idejn il-bniedem,
għax bħalma hu l-kobor tiegħu,
hekk ukoll il-ħniena tiegħu.

3. Id-dmirijiet lejn il-ġenituri

[Sir:3:1] Uliedi, isimgħu minni, jien missierkom;
agħmlu kif għidilkom jien biex issalvaw.
[Sir:3:2] Għax il-Mulej għolla l-missier fuq it-tfal,
u saħħaħ dritt l-omm fuq l-ulied.
[Sir:3:3] Min jibża' minn missieru jagħmel tajjeb
għal dnubietu,
[Sir:3:4] u min iweġġaħ lil ommu qisu qed
jiġma' f'teżor.
[Sir:3:5] Min jibża' minn missieru jifraħ b’uliedu,
u meta jitlob jinstama'.
[Sir:3:6] Min iweġġaħ 'il missieru jkollu għomor twil,
u min iserraħ lil ommu jkun qed jisma' mill-Mulej.
[Sir:3:7] Hu jaqdi l-ġenituri daqskieku sidienu.
[Sir:3:8] Bil-kliem u bl-għemil weġġaħ lil missierek,
ħa tinżel fuqek il-barka tiegħu;
[Sir:3:9] għax il-barka tal-missier issaħħaħ dar
l-ulied,
imma s-saħta ta' l-omm taqlagħha mis-sisien.
[Sir:3:10] Titkabbarx b'għajb missierek,
għax għajb missierek m'huwiex ġieħ għalik;
[Sir:3:11] għax ftaħir il-bniedem hu l-ġieħ ta'
missieru,
u għajb l-ulied omm bla ġieħ.
[Sir:3:12] Ibni, ieqaf ma' missierek fi xjuħitu,
u matul ħajtu tweġġagħlux qalbu.
[Sir:3:13] Ukoll jekk moħħu jeħfief, għadru,
u tonqsux mill-ġieħ meta għadek b'saħħtek,
[Sir:3:14] għax il-ħniena ma' missierek ma tintesiex,
imma tingħaddlek bi ħlas għal dnubietek.
[Sir:3:15] F'jum l-għawġ tiegħek il-Mulej jiftakar fik,
u hekk jgħibu dnubietek bħal ġlata fix-xemx.
[Sir:3:16] Daqs midgħi min jitlaq lil missieru waħdu,
u misħut mill-Mulej min jgħaddab lil ommu.

L-umiltà

[Sir:3:17] Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel,
u tkun maħbub iktar minn wieħed milqugħ min-nies.
[Sir:3:18] Akbar m'int, iktar għandek iċċekken ruħek,
u ssib grazzja quddiem il-Mulej.
[Sir:3:19] Ħafna huma l-imkabbrin u l-imsebbħin,
imma l-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu.
[Sir:3:20] Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej,
imma hu msebbaħ min-nies umli.
[Sir:3:21] Tfittixx dak li hu tqil wisq għalik,
dak li ma tiflaħx għalih, tistħarrġux.
[Sir:3:22] Ikun moħħok f'dak li tqabbadt tagħmel,
għax il-mistur xejn ma jiswielek.
[Sir:3:23] Tidħolx għal xogħol li m'huwiex tiegħek,
għax ukoll dak li tgħallimt jisboq moħħ il-bniedem.
[Sir:3:24] Għax ħafna marru żmerċ minħabba
il-ġudizzji li għamlu,
u żelqu fi ħsibijiethom minħabba fehma żbaljata.
[Sir:3:*25] Jekk m'għandekx għajnejn jonqsok
id-dawl,
jekk m'għandekx l-għerf toqgħodx tiftaħar.

Il-kburija

[Sir:3:26] Min hu qalbu iebsa fl-aħħar jispiċċa ħażin,
u min iħobb it-tiġrib jintilef fih.
[Sir:3:27] Min hu qalbu iebsa jitgħabba bl-inkwiet,
u l-midneb iżid dnub fuq dnub.
[Sir:3:28] M'hemmx duwa għall-bniedem kollu
kburija,
għax din ħaxixa ħażina b'għeruqha mxenxla fih.
[Sir:3:29] Min għandu l-għerf jifhem il-proverbji
u l-għaref ħerqan li jkollu min jisimgħu.

Il-karità mal-foqra

[Sir:3:30] L-ilma jitfi nar iħeġġeġ,
u l-karità tagħmel tajjeb għad-dnubiet.
[Sir:3:31] Min irodd bil-karità jaħseb għal quddiem,
u meta jaqa' jsib fuqiex jistrieħ.

4. [Sir:4:1] Ibni, iċċaħħadx lill-fqir mill-għajxien
tiegħu,
u l-bniedem fil-bżonn li jħares lejk tħallihx jistenna
għal xejn.
[Sir:4:2] Lil min hu bil-ġuħ tnikkitx,
u tkiddx lill-bniedem fil-bżonn.
[Sir:4:3] Qalb mikduda tkomplix tkiddha,
u 'l min hu fil-bżonn tħallihx jistenna l-għotja
tiegħek.
[Sir:4:4] Tiċħadx lil tallab fil-għaks,
u ddawwarx wiċċek mill-fqir.
[Sir:4:5] Iddawwarx wiċċek minn wieħed fil-bżonn,
u tagħti 'l ħadd l-okkażjoni li jisħtek;
[Sir:4:6] għax jekk wieħed jisħtek bl-imrar f'qalbu,
it-talba tiegħu jismagħha l-Ħallieq tiegħu.
[Sir:4:7] Agħmel li tkun maħbub mill-ġemgħa,
u baxxi rasek quddiem min hu kbir.
[Sir:4:8] Agħti widen lill-fqir,
u roddlu bil-ħlewwa t-tislima.
[Sir:4:9] Min ma jsirx ħaqq miegħu eħilsu minn
idejn l-inġusti,
u taqtax qalbek meta tiġi biex tagħmel il-ħaqq.
[Sir:4:10] Kun missier għall-iltiema,
u għal ommhom bħar-raġel tagħha,
u ssir bħal iben l-Għoli,
u jkun iħobbok iktar minn ommok.

L-għerf għalliem

[Sir:4:11] L-għerf jgħolli lil uliedu,
u jieħu ħsieb dawk li jfittxuh.
[Sir:4:12] Min iħobbu, iħobb il-ħajja,
u dawk li jbakkru għalih jimtlew bl-hena.
[Sir:4:13] Min jieħdu taħt idejh jiret il-glorja,
u kull fejn imur, ibierku l-Mulej.
[Sir:4:14] Dawk li jaqduh, iservu l-Qaddis,
u dawk li jħobbuh, iħobbhom il-Mulej.
[Sir:4:15] Min jisma' minnu jagħmel ħaqq mill-ġnus,
u min idur lejh jgħix f'daru b'moħħ mistrieħ.
[Sir:4:16] Jekk jafda fl-għerf, jiksbu,
u l-għerf jibqa' f'idejn nislu.
[Sir:4:17] Għax għall-ewwel jimxi miegħu
f'mogħdijiet mgħawwġa,
iġib fuqu biża' u nuqqas ta' kuraġġ,
jipprova fuqu d-dixxiplina tiegħu
sa ma jnissillu l-fiduċja fih,
u jġarrbu bl-ordnijiet tiegħu.
[Sir:4:18] Mbagħad jerġa' dritt għal għandu u jferrħu,
u jurih il-ħwejjeġ moħbija tiegħu.
[Sir:4:19] Jekk joħroġ mit-triq iħallih waħdu,
u jagħtih f'idejn it-telfien tiegħu.

Il-mistħija u r-rispett uman

[Sir:4:20] Agħti kas taż-żmien u għasses
għall-ħażen,
u ġġibx għajb fuqek innifsek;
[Sir:4:21] għax hemm għajb li jġib miegħu d-dnub,
u għajb li hu glorja u grazzja.
[Sir:4:22] Tħarisx lejn l-uċuħ bi ħsara għalik innifsek,
u tistħix hekk li tintilef.
[Sir:4:23] Trażżanx kliemek meta hu meħtieġ,
[Sir:4:24] għax l-għerf jingħaraf mill-kliem,
u t-tagħlim minn dak li jgħid l-ilsien.
[Sir:4:25] Tgħid xejn bil-maqlub tas-sewwa,
u istħi għan-nuqqas ta' tagħlim li għandek.
[Sir:4:26] Tistħix tistqarr dnubietek,
u teħodhiex ma' l-ilmijiet ta' xmara.
[Sir:4:27] Toqgħodx taħt bniedem iblah;
u żżommx ma' wieħed setgħani.
[Sir:4:28] Issielet sal-mewt għas-sewwa,
u l-Mulej Alla jissielet għalik.
[Sir:4:29] Tkunx ħafif f'ilsienek,
u tqil u bla ħeġġa fl-għemejjel tiegħek.
[Sir:4:30] Tkunx qisek iljun f'darek,
jew tfittex mal-qaddejja tiegħek.
[Sir:4:31] Tmiddx idek biex taqla'
u tiġbidhiex meta tiġi biex trodd.

5. L-għana u l-preżunzjoni

[Sir:5:1] Isserraħx fuq il-ġid li għandek,
u tgħidx, 'Dan biżżejjed għalija.'
[Sir:5:2] Tħallix il-ġibdiet u saħħtek imexxuk huma,
biex timxi wara dak li tixtieq qalbek.
[Sir:5:3] U tgħidx: "Min jista' għalija?"
għax il-Mulej żgur jitħallas minnek.
[Sir:5:4] Tgħidx: "Dnibt! B'daqshekk xi ġrali?"
għax il-Mulej idum biex jagħdab.
[Sir:5:5] La sserraħx rasek mill-maħfra,
hekk li żżid dnub fuq ieħor.
[Sir:5:6] U tgħidx,"Il-ħniena tiegħu kbira;
jaħfirli l-kotra ta' dnubieti";
għax kemm il-ħniena u kemm l-għadab huma
tiegħu,
imma fuq il-midinbin iniżżel l-għadab.
[Sir:5:7] Toqgħodx tistenna biex iddur lejn il-Mulej,
u tħallix minn jum għal ieħor,
għax ħin bla waqt jasal għadab il-Mulej,
u meta jiġi biex jitħallas minnek, tintilef għalkollox.
[Sir:5:8] Isserraħx fuq ġid li qlajt bil-qerq,
għax xejn ma jkun jiswielek fi żmien l-għawġ.

Is-sinċerità u r-rażan

[Sir:5:9] Idderrix fl-irjieħ kollha,
u timxix f'kull mogħdija:
jagħmel hekk il-midneb li issa jgħid ħaġa u issa oħra.
[Sir:5:10] Kun sod fil-fehma tiegħek
u għid dejjem l-istess kliem.
[Sir:5:11] Kun ħafif biex tisma',
imma aħsibha qabel twieġeb.
[Sir:5:12] Jekk tifhem f'xi ħaġa, wieġeb lill-ġar
tiegħek,
imma jekk le, qiegħed idek fuq fommok.
[Sir:5:13] Ġieħ u għajb iġib il-kliem,
u lsien il-bniedem hu t-telfien tiegħu.
[Sir:5:14] Tħallix min isejjaħlek giddieb,
u tistad lil ħadd b'ilsienek,
[Sir:5:15] għax, jekk il-ħalliel hu bla ġieħ,
min jitkellem issa mod u issa ieħor jikkundannawh.
[Sir:5:16] La titqarraqx la fi ħwejjeġ kbar,
u lanqas fi ħwejjeġ żgħar,
u flok ta' ħabib iġġibx ruħek ta' għadu,

6. [Sir:6:1] għax isem ħażin iġib miegħu għajb u
twiddib;
hekk jiġrilu min jgħid issa ħaġa u issa oħra.
[Sir:6:2] Titkabbarx għax moħħok jgħidlek hekk,
li ma tmurx daqs barri ttertaq ruħek.
[Sir:6:3] Taħli l-weraq tiegħek u teqred il-frott
tiegħek,
u tispiċċa qisek zokk niexef.
[Sir:6:4] Karattru ħażin jeqred il-bniedem,
u jwaqqgħu għal żufjett l-għedewwa tiegħu.

Il-ħbiberija vera

[Sir:6:5] Fomm li jagħti gost ikattar il-ħbieb,
u lsien jitkellem tajjeb ikollu ħafna min jirrispettah.
[Sir:6:6] Ħa jkunu ħafna dawk li jsellmulek,
imma wieħed f'elf dawk li jagħtuk parir.
[Sir:6:7] Meta tikseb ħabib, iksbu wara li tkun
ġarrabtu,
u tkunx mgħaġġel biex tafda fih.
[Sir:6:8] Għax hemm min hu ħabib meta jaqbillu,
u ma jiqafx miegħek dakinhar ta' l-għawġ tiegħek;
[Sir:6:9] u hemm il-ħabib li jinbidel f'għadu,
u b'għajb tiegħek jikxef li għandu tilwima miegħek;
[Sir:6:10] u hemm il-ħabib li joqgħod miegħek
mal-mejda,
imma ma jiqafx miegħek dakinhar ta' l-għawġ;
[Sir:6:11] fit-tajjeb tiegħek ikun qisu int,
u b'wiċċu minn quddiem jikkmanda lill-qaddejja
tiegħek;
[Sir:6:12] imma jekk tkun magħkus, idur kontrik
jinħeba minn quddiem wiċċek.
[Sir:6:13] Inqata' mill-għedewwa tiegħek,
u oqgħod b'seba' għajnejn fuq ħbiebek.
[Sir:6:14] Kenn sod il-ħabib ta' min jafda fih,
u min isib wieħed ikun sab teżor.
[Sir:6:15] Ma tibdlu ma' xejn ħabib tafdah,
u m'għandekx kejl biex tkun taf xi jsarraf.
[Sir:6:16] Duwa tal-ħajja ħabib tafdah,
u jsibu minn jibża' mill-Mulej.
[Sir:6:17] Min jibża' mill-Mulej imexxi tajjeb
il-ħbiberija tiegħu,
u kif ikun hu, ikun ħabibu.

It-taħriġ fl-għerf

[Sir:6:18] Ibni, minn ċkunitek agħżel li titgħallem,
u sa ma jibjad xagħrek issib l-għerf.
[Sir:6:19] Idħol għalih bħal wieħed jaħrat u jiżra',
u stenna l-frott bnin tiegħu;
għax meta taħdem għalih tegħja ftit,
imma ma ddumx ma tiekol mill-frott li jagħmel.
[Sir:6:20] Hu aħrax ħafna ma' min hu bla tagħlim,
u min hu bla moħħ ma joqgħodx miegħu:
[Sir:6:21] għax l-għerf jagħfas fuqu bħal blata tqila,
u ma jitlifx żmien biex jeħles minnha.
[Sir:6:22] Għax l-għerf ismu miegħu,
lil ħafna ma jidhrilhomx.
[Sir:6:23] Agħti widen, ibni, u ilqa' fehemti,
u tiċħadx il-parir li nagħtik.
[Sir:6:24] Qiegħed riġlejk fil-ktajjen ta' l-għerf,
u għonqok fl-irbit tiegħu;
[Sir:6:25] agħti spalltek ħa ġġorr il-piż tiegħu,
u tiddejjaqx mill-ilġiem tiegħu.
[Sir:6:26] Ejja għandu b'ruħek kollha,
u b'ħiltek kollha żomm fi triqatu.
[Sir:6:27] Stħarreġ għalih u fittxu, u ssir tafu,
u meta jiġi taħt idejk, titilqux;
[Sir:6:28] għax fl-aħħar issib il-mistrieħ li jagħti,
u jinbidel f'ferħ għalik;
[Sir:6:29] u jkunu għalik il-ktajjen bħal kenn sod,
u l-irbit tiegħu bħal lbies ta' glorja.
[Sir:6:30] Il-madmad tiegħu tiżjin tad-deheb,
u lġiemu ħabel tal-porpra.
[Sir:6:31] Tilbsu daqskieku lbies ta' glorja,
u tqiegħdu fuqek daqskieku kuruna ta' ferħ.
[Sir:6:32] Jekk tixtieq, ibni, tista' titgħallem,
u jekk tagħti saħħtek għalih, tkun moħħok jilħaqlek.
[Sir:6:33] Jekk tħobb tisma', titgħallem;
u jekk tagħti widen, issir għaref.
[Sir:6:34] Oqgħod fejn jiltaqgħu x-xjuħ;
u fejn hemm xi għaref oqgħod ħdejh.
[Sir:6:35] Agħti widen għal kull kelma ta' Alla,
u qwiel ta' għaqal m'għandhomx jaħarbulek.
[Sir:6:36] Jekk issib xi bniedem li jifhem,
bakkar biex tmur għandu;
u saqajk jaħfu l-għatba ta' biebu.
[Sir:6:37] Ikun moħħok fil-kmandamenti tal-Mulej,
u aħseb dejjem fil-preċetti tiegħu;
hu jqawwilek qalbek,
u tinqatagħlek ix-xewqa li tkun għaref.

7. Pariri diversi

[Sir:7:1] Tagħmilx il-ħażin, u l-ħażen ma jiġix fuqek;
[Sir:7:2] tbiegħed mill-inġustizzja, u hi twarrab
minnek.
[Sir:7:3] Ibni, tiżrax fejn ħartet l-inġustizzja,
li ma taħsadhiex seba' darbiet aktar.

[Sir:7:4] Titlobx lill-Mulej għall-ogħla post,
lanqas lis-sultan għal post ta' ġieħ.
[Sir:7:5] Tilgħabhiex tal-ġust quddiem il-Mulej,
u quddiem is-sultan toqgħodx turi kemm taf.
[Sir:7:6] Tixtieqx li ssir imħallef,
li ma tmurx tkun bla ħila biex tneħħi l-inġustizzja,
li ma tmurx ixxaqleb lejn min jiflaħ,
u tagħmel ħsara lis-sewwa tiegħek.
[Sir:7:7] Toffendix lil kotra nies fil-belt,
u tbaxxix ruħek quddiem ġemgħa nies.

[Sir:7:8] Tagħmilx dnub għal darba tnejn,
għax lanqas fl-ewwel wieħed m'int ħieles mill-kastig.
[Sir:7:9] Tgħidx,"Hu jħares lejn il-kotra ta' l-offerti
tiegħi,
u jilqagħhom meta noffrihom lil Alla l-Għoli."
[Sir:7:10] La taqtax qalbek fit-talb tiegħek,
u tonqosx li tagħmel il-karità.
[Sir:7:11] Tidħakx bi bniedem qalbu sewda,
għax hemm min ibaxxi u jgħolli.
[Sir:7:12] Tiżrax gideb fuq ħuk,
u tagħmilx hekk lanqas ma' ħabibek.
[Sir:7:13] Titħajjar qatt li tgħid xi gidba,
għax min iħobb jigdeb ma jieħu xejn.
[Sir:7:14] Tlablabx fit-tul fil-laqgħa tax-xjuħ,
u ttennix kliemek fit-talb tiegħek.
[Sir:7:15] Tobgħodx ix-xogħol ta' tbatija,
jew xogħol ir-raba' li nħalaq mill-Għoli.
[Sir:7:16] Tkunx magħdud mal-ġemgħa tal-midinbin;
ftakar li l-Mulej ma jdumx ma jagħdab.
[Sir:7:17] Umilja ruħek ħafna,
għax ħlas il-ħżiena nar u dud.
[Sir:7:18] Tibdilx ħabib mal-flus,
jew lil ħuk l-għażiż mad-deheb ta' Ofir.
[Sir:7:19] Mara għaqlija u twajba titlifhiex,
issaħħrek għal warajha aktar mid-deheb.
[Sir:7:20] Taħqarx l-ilsir fidil fix-xogħol tiegħu,
jew lill-qaddej mikri li jaqdik tajjeb.
[Sir:7:21] Lsir għaqli ħobbu,
u tiċħadlux il-ħelsien tiegħu.

It-tfal

[Sir:7:22] Għandek imrieħel? Ħu ħsiebhom,
u jekk jiswewlek, ħa jibqgħu għandek.
[Sir:7:23] Għandek it-tfal? Rabbihom sewwa,
u ġagħalhom minn ċkunithom ibaxxu rashom.
[Sir:7:24] Għandek ulied bniet? Ħu ħsieb ġieħhom,
imma tkunx wisq ħelu magħhom.
[Sir:7:25] Żewweġ 'il bintek, u tkun għamilt biċċa
xogħol kbira,
imma agħtiha lil raġel għaqli.
[Sir:7:26] Martek hi għal qalbek? Titfagħhiex 'il barra,
imma tafdax f'waħda li ma ġġibhiex.

Il-ġenituri

[Sir:7:27] Weġġaħ lil missierek b'qalbek kollha,
u tinsiex uġigħ il-ħlas ta' ommok.
[Sir:7:28] Ftakar li kienu huma li ġibuk fid-dinja;
biex se tħallashom għal dak li tawk?

Il-qassisin

[Sir:7:29] Agħti qima lill-Mulej b'qalbek kollha,
u agħti ġieħ lill-qassisin tiegħu.
[Sir:7:30] Ħobb lil Min ħalqek b'ħiltek kollha,
u titlaqx lil dawk li jaqduh.
[Sir:7:31] Ibża' mill-Mulej u weġġaħ lill-qassis,
u agħtih sehmu bħalma ġejt ikkmandat:
il-frott tal-bikri, il-vittma tar-riparazzjoni,
l-offerta ta' l-ispalel, il-vittma tal-konsagrazzjoni
u l-ewwel fost il-ħwejjeġ ikkonsagrati.

Il-fqar u l-magħkusin

[Sir:7:32] Midd idek għall-fqir ukoll,
u sħiħa tkun il-barka tiegħek.
[Sir:7:33] L-għotja tiegħek issaħħar il-ħajjin kollha,
u l-mejtin tiċħdilhomx il-ħniena tiegħek.
[Sir:7:34] Tonqosx lejn ta' qalbhom maqsuma,
imma ibki ma' min hu mbikki.
[Sir:7:35] Tħallix li żżur bniedem marid,
għax b'hekk issir maħbub.
[Sir:7:36] F'kull ma tagħmel ftakar fi tmiemek,
u ma għandek tidneb qatt.

8. Għaqal u sens komun

[Sir:8:1] Teħodhiex ma' bniedem b'saħħtu,
li ma tmurx tiġi f'idejh.
[Sir:8:2] Ara li ma tħaqqaqhiex ma' bniedem għani,
li ma jmurx juża ġidu kontrik;
għax id-deheb wassal ħafna għat-telfien,
u xaqleb saħansitra qlub is-slaten.
[Sir:8:3] Teħodhiex ma' bniedem lablabi,
u twaddabx ħatab fin-nar tiegħu.
[Sir:8:4] Tiċċajtax ma' wieħed imrobbi ħażin,
li ma jmorrux jiġu mżebilħa missirijietek.
[Sir:8:5] Tbaxxix il-bniedem niedem minn dnubietu;
ftakar li lkoll kemm aħna ħaqqna l-kastig.
[Sir:8:6] Iżżeblaħx bniedem fi xjuħitu
għax ħafna minna għad jixjieħu.
[Sir:8:7] Tifraħx b'mewt ħaddieħor;
ftakar li lkoll kemm aħna għad nintemmu.

It-tradizzjoni

[Sir:8:8] Twarrabx minn kliem l-għorrief,
u kun midħla tal-qwiel tagħhom,
għax mingħandhom tikseb it-tagħlim,
u ssir taf taqdi lill-kbarat.
[Sir:8:9] Tonqosx tagħti kas ta' kliem ix-xjuħ,
għax huma wkoll tgħallmu mingħand
missirijiethom;
mingħandhom titgħallem tkun bil-għaqal,
u meta jenħtieġ tkun tista' tagħti tweġiba.

L-għaqal

[Sir:8:10] Tqabbadx il-faħam tal-midneb,
li ma tmurx tinħaraq bin-nar tal-ħuġġieġa tiegħu.
[Sir:8:11] Twarrabx minn quddiem bniedem kiesaħ,
li ma jmurx jonsbok u jaqbdek fi kliemek.
[Sir:8:12] Tislifx lil min hu aktar b'saħħtu minnek,
u jekk tisilfu, għodd flusek b'mitlufa.
[Sir:8:13] Twegħidx bħala rahan aktar milli tista',
u jekk twiegħed, qis ruħek imdejjen.

[Sir:8:14] Ittallax imħallef il-qorti,
għax isir ħaqq minnu skond il-ġieħ li għandu.
[Sir:8:15] Timxix fit-triq ma' bniedem prużuntuż,
li ma jmurx ikun ta' piż għalik;
għax hu jagħmel dak li tgħidlu rasu,
u minħabba l-bluha tiegħu tintilef miegħu.
[Sir:8:16] Teħodhiex ma' bniedem li jitlagħlu,
u taqsamx id-deżert miegħu,
għax għalih id-demm qisu xejn,
u fejn ma ssibx għajnuna jħebb għalik.
[Sir:8:17] Tiħux parir mingħand min hu bla moħħ,
għax m'għandux ħila jżomm sigriet.
[Sir:8:18] Quddiem barrani tagħmel xejn li għandu
jinżamm moħbi,
għax ma tafx x'jaqbad ixerred.
[Sir:8:19] Tiftaħx qalbek ma' min ġie ġie;
tistenniex li dan se jġiblek ir-riżq.

9. L-imġiba man-nisa

[Sir:9:1] Tkunx għajjur għall-mara ta' qalbek,
biex ma tgħallimhiex il-ħażen kontrik.
[Sir:9:2] Tagħtix ruħek lill-mara,
hekk li din titla' fuq rasek.
[Sir:9:3] Tmurx ma' mara żienja,
li ma tmurx taqa' fix-xbiek tagħha.
[Sir:9:4] Tagħmilhiex ma' waħda tgħanni,
li ma tmurx tinqabad mill-mossi tagħha.
[Sir:9:5] Xebba toqgħodx tifliha,
li ma taħbatx titfixkel u jkun ħaqqek il-kastig
magħha.
[Sir:9:6] Tagħtix ruħek lin-nisa tat-triq,
biex ma tberbaqx il-wirt li għandek.
[Sir:9:7] Toqgħodx tgħarrex fi triqat il-belt,
u toqgħodx tiġġerra fl-inħawi mwarrba tagħha.
[Sir:9:8] Dawwar ħarstek minn fuq mara sabiħa,
u tiċċassax lejn ġmiel mart ħaddieħor.
Minħabba sbuħit mara ħafna tilfu triqthom,
u hekk tħeġġet fihom bħan-nar il-passjoni.
[Sir:9:9] Toqgħodx fuq il-mejda ma' waħda
miżżewwġa,
u tixxalax bl-inbid magħha,
li ma tmurx qalbek tinġideb lejha,
u fis-saħna tiżloq u tintilef.

L-imġiba ma' l-irġiel

[Sir:9:10] Ħabib antik titilqux,
għax wieħed ġdid ma tħalltux miegħu;
ħabib ġdid hu bħal inbid ġdid:
tixorbu bil-qalb meta jeqdiem.
[Sir:9:11] Tgħirx għal ġieħ mogħti lill-midneb,
għax ma tafx x'hemm lest għalih.
[Sir:9:12] Tifraħx b'dak li jferraħ lill-ħżiena,
ftakar li sa ma jmutu ma jibqgħux bla ħlas.
[Sir:9:13] Tbiegħed minn bniedem li jista' joqtol,
li ma jkollokx għalfejn titħasseb għax tibża' li tmut;
imma jekk tersaq lejh, ara li ma tiżbaljax,
li ma jmurx ineħħilek ħajtek.
Kun af li qalb nases huma l-passi tiegħek,
u qed timxi fuq swar il-belt.
[Sir:9:14] Agħmel ħiltek u fittex il-ġirien tiegħek,
u ħu parir mingħand l-għorrief.
[Sir:9:15] Tħaddet ma' nies bil-għaqal,
u kull ma tgħid għandu jkun fuq il-Liġi ta' l-Għoli.
[Sir:9:16] Dawk li jieklu miegħek għandhom ikunu
ġiel sewwa,
u l-ftaħir tiegħek ħa jkun fil-biża' ta' Alla.
[Sir:9:17] Tifħir jaqla' xogħol ta' id is-sengħa,
u mexxej ta' poplu juri għerfu f'kelmtu.
[Sir:9:18] Lablâb ta' min jibża' minnu f'beltu,
u jinbagħad min jitkellem bl-addoċċ.

10. It-treġija

[Sir:10:1] Prinċep għaref jgħallem lil niesu,
u l-għaqli jmexxi bl-ordni.
[Sir:10:2] Kif inhu mexxej il-poplu,
hekk ikunu l-ministri tiegħu;
u kif inhu l-gvernatur ta' belt,
hekk dawk kollha li joqogħdu fiha.
[Sir:10:3] Sultan bla rażan iwassal 'il niesu
għat-telfien,
u belt tinbena fuq l-għaqal tal-kapijiet.
[Sir:10:4] F'idejn il-Mulej hi s-setgħa fuq l-art,
u f'waqtu jqajjem fuqha l-bniedem siewi.
[Sir:10:5] F'idejn il-Mulej hu s-suċċess tal-bniedem,
u fuq wiċċ il-kittieb iqiegħed il-glorja tiegħu.

Il-kburija

[Sir:10:6] Tagħdabx għall-ġar tiegħek għall-ebda
għemil ħażin,
u tagħmel xejn meta inti mgħaddab.
[Sir:10:7] Il-kburija jistmerruha Alla u l-bniedem,
u l-inġustizzja jistkerrhuha t-tnejn.
[Sir:10:8] Saltna jgħadduha minn ġens għal ieħor
minħabba l-inġustizzja, il-kburija u l-għana.
[Sir:10:9] Għaliex jitkabbar min hu trab u rmied
la darba f'ħajtu ntemmu msarnu?
[Sir:10:10] Marda twila, tidħak bit-tabib:
illum sultan u għada jintemm.
[Sir:10:11] Meta bniedem imut
jiret bhejjem jitkaxkru, annimali selvaġġi u dud.
[Sir:10:12] Il-bniedem jibda jitkabbar meta jwarrab
mill-Mulej
u qalbu titbiegħed mill-Ħallieq tiegħu.
[Sir:10:13] Il-bidu tal-kburija hu d-dnub,
u min jinħakem minnha jistmerruh;
għalhekk il-Mulej kabbar il-kastigi fuqhom,
u qeridhom għalkollox.
[Sir:10:14] Il-Mulej tefa' fl-art tronijiet il-kbarat,
u qiegħed iċ-ċkejknin bilqiegħda minflokhom.
[Sir:10:15] Il-Mulej qala' l-ġnus mill-għeruq,
u minflokhom ħawwel l-umli.
[Sir:10:16] Il-Mulej ħarbat artijiet il-ġnus,
u qeridhom mis-sisien ta' l-art.
[Sir:10:17] Warrab 'il xi wħud minnhom u
wassalhom għat-telfien,
u temm tifkirithom minn fuq l-art.
[Sir:10:18] Il-kburija m'hijiex magħmula għan-nies;
lanqas l-għadab mill-qalb għall-imwelldin min-nisa.

Nies li jixirqilhom ġieħ

[Sir:10:19] Liema nisel hu mweġġaħ? Nisel il-bniedem.
Liema nisel hu mweġġaħ? Ta' dawk li jibżgħu
mill-Mulej.
Liema nisel hu bla ġieħ? Nisel il-bniedem.
Liema nisel hu bla ġieħ? Ta' dawk li jiksru
l-kmandamenti.
[Sir:10:20] Qalb l-aħwa għandu ġieħ il-mexxej
tagħhom,
u f'għajnejn il-Mulej għandhom ġieħ ukoll dawk
li jibżgħu minnu.
[Sir:10:21] Il-biża' tal-Mulej hu l-bidu ta' kull kisba,
u l-bidu ta' kull ċaħda hu l-ebusija tar-ras.
[Sir:10:22] L-għani, il-bniedem ta' ġieħ, u l-fqir:
il-ftaħir tagħhom hu l-biża' tal-Mulej.
[Sir:10:23] M'huwiex sewwa li wieħed jonqos
mill-ġieħ lill-fqir għaqli,
u m'huwiex xieraq li wieħed jagħti ġieħ lill-bniedem
midneb.
[Sir:10:24] Bniedem għoli, mħallef, u setgħan
jingħatalu ġieħ,
imma ħadd minnhom m'hu aqwa minn min
jibża' mill-Mulej.
[Sir:10:25] L-ilsir għaqli jaqduh nies ħielsa,
u raġel għaref ma jgemgimx.

Is-sinċerità u l-umiltà

[Sir:10:26] Tilgħabhiex ta' l-għaref meta ttemm
xogħlok,
u tintefaħx meta tkun fil-bżonn.
[Sir:10:27] Aħjar wieħed li jaħdem u għandu
ż-żejjed f'kollox
minn wieħed li jdur mimli bih innifsu u
m'għandux x'jiekol.
[Sir:10:28] Ibni, kun ġwejjed meta tfaħħar lilek
innifsek,
u agħti ġieħ lilek innifsek skond ma tiswa.
[Sir:10:29] Lil min jagħti tort lilu nnifsu min se
jagħtih raġun?
U min se jġib rispett lil min ikasbar lilu nnifsu?
[Sir:10:30] Fqir hu mweġġaħ minħabba dak li jaf,
u għani hu mweġġaħ minħabba ġidu.
[Sir:10:31] Min hu mweġġaħ fil-faqar, kemm iktar
fl-għana!
U min hu bla ġieħ fl-għana, kemm inqas fil-faqar!

11. Tagħmilx ħaqq skond ma tara

[Sir:11:1] L-għerf ta' l-umli jgħinu jgħolli rasu,
u jqiegħdu bilqiegħda qalb il-kbarat.
[Sir:11:2] Tfaħħarx raġel minħabba ġmielu;
u taħmilx bniedem minħabba wiċċu.
[Sir:11:3] In-naħla hi żgħira fost il-ħlejjaq li jtiru,
imma dak li tagħmel hu l-aqwa fost il-ħlewwa.
[Sir:11:4] Tiftaħarx għax ilbiesek hu mill-aħjar,
u titkabbarx meta mfaħħar:
għax ta' l-għaġeb huma għemejjel il-Mulej,
u dak li jagħmel hu mistur għall-bniedem.
[Sir:11:5] Ħafna slaten sfaw bilqiegħda fl-art,
u dak li ħadd ma basru xedd il-kuruna f'rasu.
[Sir:11:6] Ħafna slaten sfaw għalkollox bla ġieħ,
u nies ta' ġieħ ġew mogħtija f'idejn oħrajn.

Riflessjoni bil-kalma

[Sir:11:7] Qabel ma tistħarreġ sewwa, tikkundannax;
l-ewwel aħsibha sewwa, u mbagħad ċanfar.
[Sir:11:8] Isma' qabel ma twieġeb,
u twaqqafx diskors f'nofsu.
[Sir:11:9] Dwar ħaġa li ma tiswiex għalik titlewwimx.
Fil-kawżi tal-midinbin la tindaħalx.
[Sir:11:10] Ibni, qis li ma titgħabbiex b'ħafna xogħol;
jekk iżżidu ma teħlisx mill-piena,
jekk tiġri warajh ma tilħqux,
u billi taħrab ma teħlisx minnu.
[Sir:11:11] Hemm min jagħmel xogħol iebes, ibati u
jistinka,
imma xorta jibqa' lura għall-aħħar.

Fiduċja f'Alla

[Sir:11:12] Hemm min hu kajman u jeħtieġ
l-għajnuna,
nieqes mill-ħila u mimli bil-faqar;
imma l-Mulej jitfa' għajnejh fuqu biex jagħmillu l-ġid,
jerfgħu mix-xejn tiegħu,
[Sir:11:13] u jgħinu jerfa' 'l fuq rasu,
hekk li ħafna jistagħġbu bih.
[Sir:11:14] It-tajjeb u l-ħażin, il-ħajja u l-mewt,
il-faqar u l-għana jiġu mill-Mulej.
[Sir:11:15] Don tal-Mulej li wieħed ikun għaref
u l-Liġi jifhimha, u jagħrafha;
l-imħabba u d-drawwa ta' għemejjel tajba
minnu ġejjin.
[Sir:11:16] L-iżball u d-dlam ġew maħluqa
għall-midinbin,
dawk li jiftaħru bil-ħażen,
il-ħażen jikber magħhom.
[Sir:11:17] Id-don tal-Mulej jibqa' ma' dawk li jqimuh,
u r-rieda tajba tiegħu timliehom bil-ġid għal dejjem.
[Sir:11:18] Hemm min jistagħna għax għaqli u jfaddal,
u dan ikun sehem xortih;
Sir:11:19] meta jgħid: 'Sibt il-mistrieħ,
issa noqgħod niekol mill-ġid li għandi,'
ma jafx kemm se jgħaddi żmien,
u jħallih warajh lill-oħrajn u jmut.
[Sir:11:20] Oqgħod għal dak li ntrabatt bih u tħabbeb
miegħu,
u idħol fi xjuħitek int u għadek taħdem.
[Sir:11:21] Tistagħġibx b'dak li jagħmel il-midneb;
ikollok fiduċja fil-Mulej,
u żomm sħiħ fit-taħbit tiegħek,
għax hi ħaġa ħafifa f'għajnejn il-Mulej,
li malajr u f'daqqa waħda jagħni lill-fqir.
[Sir:11:22] Il-barka tal-Mulej fil-ħlas tat-twajbin,
u ħin bla waqt ikabbar il-barka tiegħu.
[Sir:11:23] Tgħidx: 'X'jonqosni,
u 'l quddiem x'ġid se jkolli?'
[Sir:11:24] Tgħidx: 'Għandi kull ma neħtieġ,
u 'l quddiem liema għawġ jista' jkolli?'
[Sir:11:25] Fi żmien il-ġid jintesa l-għawġ,
u fi żmien l-għawġ jintesa l-ġid.
[Sir:11:26] Ħaġa ħafifa għall-Mulej
li meta l-bniedem itemm ħajtu jħallsu skond
imġibtu.
[Sir:11:27] Għawġ ta' siegħa jnessi l-kumditajiet;
u għemejjel il-bniedem jinkixfulu fi tmiem ħajtu.
[Sir:11:28] Issejjaħ lil ħadd imbierek qabel ma jmut;
bniedem issir tafu f'uliedu.

Tafdax f'min hu ħażin

[Sir:11:29] Iddaħħalx f'darek lil kulħadd,
għax ħafna n-nases ta' min jimxi bil-ħżunija.
[Sir:11:30] Qalb il-kburi bħal perniċi ta' l-insib
f'gaġġa,
u bħal wieħed jgħasses ħa jarak taqa';
[Sir:11:31] għax jonsob biex it-tajjeb idawwru
f'ħażen,
u jmaqdar dak li ħaqqu tifħir.
[Sir:11:32] Bi xrara nar tieħu kotra ġamar,
u l-bniedem midneb jgħasses biex ixerred id-demm.
[Sir:11:33] Għasses għall-ħażin għax ħażin ifassal,
li ma jmurx jitfa' fuqek għajb li jibqagħlek.
[Sir:11:34] Ilqa' barrani għandek, u jħawwdek
b'ħafna taqlib,
u jagħmlek barrani għal niesek.

12. L-għemil it-tajjeb

[Sir:12:1] Meta tagħmel it-tajjeb, kun af lil min qed
tagħmlu,
u jroddulek ħajr għat-tajjeb tiegħek.
[Sir:12:2] Agħmel it-tajjeb ma' bniedem sewwa u
ħlas ikollok,
jekk mhux mingħandu, mingħand l-Għoli.
[Sir:12:3] Ma jikseb xejn tajjeb min iwebbes rasu
fil-ħażen,
jew min ma jagħmilx karità.
[Sir:12:4] Agħti lill-bniedem sewwa,
u tgħinx lill-midneb.
[Sir:12:5] Agħmel it-tajjeb ma' l-umli,
u tagħtix lil bniedem ħażin;
iċħadlu ħobżu u tagħtihulux,
li ma jmurx bih jaħkem fuqek;
għax titħallas b'ħażen għal darba tnejn
għat-tajjeb kollu li tkun għamiltlu.
[Sir:12:6] Għax lanqas l-Għoli ma jaħmel il-midinbin,
u jitħallas minn dawk li ma jibżgħux minnu.
[Sir:12:7] Agħti lill-bniedem sewwa,
u tgħinx lill-midneb.

Ħbieb veri u ħbieb foloz

[Sir:12:8] Il-ħabib ma jingħarafx fil-ġid,
u l-għadu ma jinħebiex fid-deni.
[Sir:12:9] Meta bniedem hu fil-ġid jitnikktu
l-għedewwa tiegħu,
imma fl-għawġ ħabibu jitwarrab minnu.
[Sir:12:10] Qatt tafda l-għadu tiegħek,
għax bħalma r-ram isaddad,
hekk ukoll ħżunitu.
[Sir:12:11] Mqar jekk jiċċekken u jitbaxxa quddiemek,
oqgħod attent u għassa tiegħu;
kun għalih bħal wieħed inaddaf mera,
u tkun taf x'hemm taħt is-sadid.
[Sir:12:12] Tqegħdux maġenbek,
li ma jaqlibhilekx biex jeħodlok postok;
tqegħdux bilqiegħda fuq il-lemin tiegħek,
li ma jmurx ifittex li jeħodlok postok,
u fl-aħħar tiġi fi kliemi,
u tħoss in-nigża tiegħu għal li tkun għamilt.
[Sir:12:13] Min se jitħassar wieħed isaħħar is-sriep
jekk qatt jingidem,
jew lil dawk li jersqu lejn il-bhejjem ħorox?
[Sir:12:14] Hekk ukoll lil wieħed li jindiehes
ma' midneb
u jkollu x'jaqsam miegħu fi dnubietu.
[Sir:12:15] Jibqa' miegħek għal xi żmien
imma jekk taħbat tixxengel, ma jistabarx bik.
[Sir:12:16] L-għadu għandu fuq xufftejh kliem ħelu,
imma f'qalbu jfassal biex iwaqqgħek f'ħofra;
minn għajnejh l-għadu jnixxi d-dmugħ,
imma meta jiġih il-waqt, id-demm li jċarċar
ma jkunx biżżejjed.
[Sir:12:17] Jekk tiltaqa' ma' xi għawġ, issibu hemm
qablek;
u, bħallikieku se jtik daqqa t'id, joqgħod
m'għarqubek biex jaqlibhielek;
[Sir:12:18] iċaqlaq rasu u jċapċap idejh,
u jgħid ħafna minn taħt l-ilsien, u jbiddel bixret
wiċċu.

13. Tħallat ma' min hu bħalek

[Sir:13:1] Min imiss il-qatran jitħammeġ,
u min ikollu x'jaqsam ma' bniedem kburi jsir bħalu.
[Sir:13:2] Terfax toqol li ma tiflaħx għalih,
u qis li ma jkollokx x'taqsam
ma' min hu b'saħħtu, u għani aktar minnek.
X'għandha x'taqsam ġarra ma' kitla?
Jekk jaħbtu, hi ssir frak.
[Sir:13:3] Jiżbalja l-għani, u minn fuq jibda jhedded,
imma jekk xi ħadd jiżbalja kontra l-fqir,
dan ikollu saħansitra jitlob skuża.
[Sir:13:4] L-għani met'għandu bżonnok, jinqeda bik,
imma meta jkun jonqsok xi ħaġa, jitilqek.
[Sir:13:5] Meta għandek il-ġid, jiġi jgħix miegħek;
jerdagħlek ġidek bla ma jagħti kas.
[Sir:13:6] Ikollu bżonnok, u jqarraq bik,
jitbissimlek, u jimliek bit-tama;
jgħidlek ħwejjeġ sbieħ u jistaqsik:
'Għandek bżonn xi ħaġa?'
[Sir:13:7] U jġagħlek tistħi bl-ikel li jagħtik,
sakemm ikun ħadlek kollox għal darbtejn tlieta,
u fl-aħħar jiddieħek bik.
Meta mbagħad jarak, jitbiegħed minnek,
u jibda jċaqlaq rasu għalik.
[Sir:13:8] Qis li ma titqarraqx,
li ma tiġix umiljat minħabba fi bluhatek.
[Sir:13:9] Jekk setgħani jistiednek, żomm lura,
u aktar u aktar jistiednek.
[Sir:13:10] Tersaqx 'il quddiem, li ma tintefax lura,
u toqgħodx 'il bogħod wisq, li ma tintesiex.
[Sir:13:11] Titħajjarx iġġib ruħek miegħu bħalkieku
kont daqsu,
u temminx il-ħafna kliem li jgħidlek,
għax b'ħafna diskors jipprova jġarrbek;
jitbissimlek u jkun qiegħed jistħarrġek.
[Sir:13:12] Bla qalb hu dak li ma jżommx kliemu;
ma jeħilsikx mill-moħqrija u mill-irbit.
[Sir:13:13] Ħu ħsieb u għasses sewwa,
ma' min irid ifixklek.
[Sir:13:*14] Meta tisma' dan stenbaħ min-ngħas
tiegħek,
ħobb il-Mulej tul ħajtek kollha,
u sejjaħ lilu għas-salvazzjoni tiegħek.
[Sir:13:15] Kull ma jgħix iħobb 'il min hu bħalu,
u kull bniedem il-proxxmu tiegħu.
[Sir:13:16] Kull ħlejqa tinġideb għal waħda ta'
l-istess għamla,
u l-bniedem jingħaqad ma' ħlejqa tixbah lilu.
[Sir:13:17] X'għandu x'jaqsam lupu ma' ħaruf?
Daqshekk ieħor il-midneb mat-twajjeb.
[Sir:13:18] X'għandha x'taqsam il-jena mal-kelb,
u x'għandu x'jaqsam l-għani mal-fqir?
[Sir:13:19] Il-ħmir selvaġġi fid-deżert huma l-kaċċa
ta' l-iljuni;
hekk ukoll il-fqar il-mergħa ta' l-għonja.
[Sir:13:20] Il-kburi jistmell l-umiltà,
u l-għani jistmell il-fqir.
[Sir:13:21] Meta għani jixxengel, ħbiebu jżommuh
sod;
meta l-fqir jaħbat se jaqa', sa ħbiebu jimbuttawh.
[Sir:13:22] Meta għani jiżloq, ħafna jgħinuh,
jitkellem kif m'għandux, u jagħtuh raġun;
imma fqir jitfixkel, jgħidu li ħtija tiegħu,
u jekk jitkellem bil-għaqal, ma jagħtuhx widen.
[Sir:13:23] Jitkellem l-għani, u ħafna jibqgħu siekta,
u l-kelma tiegħu jgħolluha m'ogħla s-sħab,
imma meta jitkellem il-fqir jgħidu: 'Dan min hu?'
u jekk jitfixkel, ikomplu jwaqqgħuh.
[Sir:13:24] L-għana hu tajjeb fejn m'hemmx dnub;
imma għal min ma jibżax minn Alla l-faqar hu ħażin.
[Sir:13:25] Qalb il-bniedem tbiddillu l-bixra ta' wiċċu,
jew għall-aħjar, jew għall-agħar.
[Sir:13:26] Wiċċ daħkan jixhed qalb hienja,
imma li titkellem bil-proverbji jitlob ħafna ħsieb.

14. L-hena veru

[Sir:14:1] Mbierek il-bniedem li ma jiżbaljax bi
kliemu,
u li ma jħossx il-kuxjenza tniggżu ta' xi dnub.
[Sir:14:2] Mbierek min il-kuxjenza tiegħu ma
ċċanfrux,
u min ma tilifx it-tama tiegħu.

L-għira u r-regħba

[Sir:14:3] Raġel xħiħ ma jixraqlux l-għana,
u x'iservih il-ġid lil bniedem għajjur?
[Sir:14:4] Min joqgħod nieqes biex jiġma', jiġma'
għal ħaddieħor,
u l-ġid tiegħu jgawduh oħrajn.
[Sir:14:5] Min hu rgħib miegħu nnifsu,
ma' min se jġib ruħu tajjeb?
Ġidu ma jafx igawdih.
[Sir:14:6] M'hemmx agħar mir-rgħib miegħu nnifsu,
dan hu l-ħlas tal-ħażen tiegħu.
[Sir:14:7] Jekk jagħmel xi ħaġa tajba, ma jkollux
f'moħħu li jagħmilha,
u fl-aħħar jikxef il-ħażen tiegħu.
[Sir:14:8] Ħażin min iħares b'għajn għajjura,
idawwar wiċċu u ma jagħtix kas tan-nies.
[Sir:14:9] Għajn ir-rgħib ma tikkuntentax b'sehemha;
l-inġustizzja u l-ħażen inixxfu r-ruħ.
[Sir:14:10] Ix-xħiħ iħares bl-għira lejn il-ħobż,
u l-mejda tiegħu hi bin-nieqes.
[Sir:14:11] Ibni, ġib ruħek tajjeb miegħek innifsek,
skond kemm għandek mnejn,
u agħmel lill-Mulej offerti xierqa.
[Sir:14:12] Ftakar li l-mewt tiġi bla ma titlef żmien,
u l-patt mal-mewt ħadd m'għarrafhulek.
[Sir:14:13] Qabel tmut agħmel il-ġid ma' ħabib,
u oħroġ idek, u agħtih skond ma tiflaħ.
[Sir:14:14] Tiċċaħħadx minn ġurnata tajba,
u s-sehem tajjeb li tixtieq tħallihx jaħrablek.
[Sir:14:15] Jaqaw ma tħallix għal ħaddieħor dak li
qlajt b'xogħlok,
U l-frott tax-xogħol tiegħek biex jitqassam bix-xorti?
[Sir:14:16] Agħti u ħu, u derri,
għax fl-imwiet ma tistax tfittex il-pjaċir.
[Sir:14:17] Kull min għandu l-ħajja jeqdiem bħal libsa,
għax marbut minn dejjem bid-digriet: 'Żgur li tmut'.
[Sir:14:18] Bħal weraq jikbru fuq siġra kollha ħdura
li twaqqa' xi wħud u ttalla' oħrajn,
hekk nisel id-demm u l-laħam:
wieħed imut u ieħor jitwieled.
[Sir:14:19] Kull biċċa xogħol titmermer u tgħib,
u min jagħmilha jmur magħha.

L-hena ta' l-għerf

[Sir:14:20] Mbierek il-bniedem li ħsiebu fl-għerf,
u jitkellem bl-għaqal.
[Sir:14:21] B'moħħu jifli triqatu
u jikkunsidra l-ħwejjeġ mistura tiegħu.
[Sir:14:22] Joħroġ warajh bħal kaċċatur,
u joqgħodlu għassa fi triqatu.
[Sir:14:23] Jittawwal ġewwa mit-twieqi tiegħu,
u jissemmagħlu mal-bibien tiegħu.
[Sir:14:24] Imur joqgħod ħdejn id-dar tiegħu,
u jsammar il-kunjard mal-ħajt tiegħu.
[Sir:14:25] Maġenbu jtella' t-tinda tiegħu,
u jgħammar fejn isib it-tajjeb.
[Sir:14:26] Iqiegħed lil uliedu għall-kenn tiegħu,
u jgħammar taħt il-friegħi tiegħu.
[Sir:14:27] Taħtu jistkenn mis-sħana,
u jmur joqgħod fil-glorja tiegħu.

15. [Sir:15:1] Hekk jagħmel min jibża' mill-Mulej;
u min iżomm il-Liġi jikseb l-għerf.
[Sir:15:2] L-għerf joħroġ jiltaqa' miegħu bħallikieku
ommu,
u jilqgħu bħalkieku mart żgħożitu.
[Sir:15:3] Jitimgħu bil-ħobż tal-fehma,
u jisqih l-ilma ta' l-għerf.
[Sir:15:4] Iserraħ fuq l-għerf u ma jmil qatt,
iżomm miegħu u ma jkollux għax jistħi.
[Sir:15:5] U l-għerf jgħollih fuq il-ġirien tiegħu,
u f'nofs il-ġemgħa jiftaħlu fommu.
[Sir:15:6] Isib hena u kuruna ta' ferħ,
u jagħmel isem għal dejjem.
[Sir:15:7] In-nies boloh ma jiksbuhx,
u l-bnedmin midinba ma jarawhx.
[Sir:15:8] L-għerf hu 'l bogħod minn bniedem kburi,
u n-nies qarrieqa ma jiftakrux fih.
[Sir:15:9] It-tifħir fuq fomm il-midneb hu barra
minn postu,
għaliex m'huwiex imnebbaħ lilu mill-Mulej.
[Sir:15:10] It-tifħir għandu jingħad skond l-għerf,
u jirnexxi bl-għajnuna tal-Mulej.

Il-libertà tal-bniedem

[Sir:15:11] Tgħidx: "Ħtija tal-Mulej tbegħidt",
għax min jobgħod xi ħaġa ma jagħmilhiex.
[Sir:15:12] Tgħidx: "Hu ħariġni mit-triq it-tajba",
għax hu m'għandux bżonn il-bniedem midneb.
[Sir:15:13] Il-Mulej jobgħod kull ma hu ta' min
jistmerru,
u dan ma jħobbuhx dawk li jibżgħu mill-Mulej.
[Sir:15:14] Hu mill-bidu għamel il-bniedem,
u ħallieh f'idejn ir-rieda tiegħu.
[Sir:15:15] Jekk trid tista' tħares il-kmandamenti,
u b'rieda tajba tista' tkun fidil.
[Sir:15:16] Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma;
liema trid minnhom, midd idek għalih.
[Sir:15:17] Quddiem il-bniedem hemm il-ħajja u
l-mewt,
u liema tixtieq qalbu lesta għalih.
[Sir:15:18] Għax għerf il-Mulej hu bla qjies,
qawwi f'setegħtu u jara kollox.
[Sir:15:19] Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu,
u jagħraf kull ma jagħmel il-bniedem.
[Sir:15:20] Lil ħadd ma qabbad jgħix ħażin,
u lil ħadd ma rħielu jidneb.

16. Is-saħta tal-midinbin

[Sir:16:1] Tixtieqx kotra ta' wlied ma jiswew għal xejn,
tifraħx bi tfal bla biża' ta' Alla.
[Sir:16:2] Jekk joktru, tifraħx bihom,
jekk m'hux fuqhom il-biża' ta' Alla.
[Sir:16:3] Tkunx żgur mill-ħajja tagħhom,
u toqgħodx fuq il-kotra tagħhom,
għax wieħed aqwa minn elf;
aħjar tmut bla tfal
milli jkollok ulied bla biża' ta' Alla.
[Sir:16:4] Għax bniedem għaqli jimla belt bin-nies,
imma b'ġens ta' midinbin issir ħerba.
[Sir:16:5] Għajnejja raw ħafna minn dawn il-ħwejjeġ,
u widnejja semgħu aqwa minn hekk.
[Sir:16:6] Fil-laqgħa tal-midinbin jaqbad in-nar,
u fost ġens li ma jobdix tixgħel il-qilla.
[Sir:16:7] Xejn ma swielhom quddiem Alla l-ġganti
tal-qedem
li, għax b'saħħithom, qamu għalih.
[Sir:16:8] Ma ħelishiex lin-nies ta' fejn mar joqgħod
Lot,
u stkerrahhom għax kienu mimlijin bihom infushom.
[Sir:16:9] Ma kellux ħniena minn ġens mitluq
għall-qerda,
minn dawk li nqerdu fi dnubiethom,
[Sir:16:10] bħalma lanqas mis-sitt mitt elf ruħ li
kienu miexja,
minn dawk li ngħaqdu flimkien fl-ebusija ta'
qalbhom.
[Sir:16:11] U jekk hemm wieħed rasu iebsa,
hi ħaġa ta' l-għaġeb jekk jeħlisha bla kastig;
għax ħniena u għadab huma għand il-Mulej;
għandu s-setgħa li jaħfer u li jsawwab qilltu.
[Sir:16:12] Daqs kemm hi kbira ħnientu,
daqshekk ieħor hu kbir twiddibu;
jagħmel ħaqq mill-bniedem skond għemilu.
[Sir:16:13] Il-midneb ma jaħrabx b'dak li jkun ħataf,
u sabar it-twajjeb ma jisfax fix-xejn.
[Sir:16:14] Hu jagħmel il-wisa' għal kull xorta ta'
ħniena,
u kulħadd jitħallas skond għemilu.
[Sir:16:*15] Il-Mulej webbes ras il-Fargħun biex ma
jagħrfux,
biex hekk isir magħruf dak li għamel
mis-sema 'l isfel.
[Sir:16:*16] Ħnientu tidher lill-ħolqien kollu,
u fired bil-qjies id-dawl u d-dlam.

Il-ħlas ċert

[Sir:16:17] Tgħidx: "Ninħeba mill-Mulej;
mill-għoli min se jarani?
F'kotra nies ma jagħrfunix,
għax jien min jien fil-firxa bla qjies tal-ħolqien?
[Sir:16:18] Ara, is-smewwiet u l-ogħla smewwiet,
l-abbiss u l-art, jitriegħdu fiż-żjara tiegħu.
[Sir:16:19] L-għoljiet ukoll u sisien l-art
jitheżhżu bit-tregħid meta jħares lejhom.
[Sir:16:20] Imma l-bniedem m'hux moħħu f'dawn
il-ħwejjeġ,
u triqatu min joqgħod jaħseb fuqhom?
[Sir:16:21] U bħal riefnu li l-bniedem ma jarahx,
il-kotra ta' l-għemejjel tiegħu huma mistura.
[Sir:16:22] "Għax l-għemejjel tal-ġustizzja tiegħu,
min se jxandarhom?
U min se joqgħod jistenniehom? Għax il-patt
għadu 'l bogħod."
[Sir:16:23] Hekk jifhimha minn moħħu ma jagħtihx,
u ta' iblah jaħsibha min hu
bla sens u barra minn triqtu.

Post il-bniedem fil-ħolqien

[Sir:16:24] Ismagħni, ibni, ħa titgħallem,
u jkollok kliemi għal qalbek.
[Sir:16:25] It-tagħlim tiegħi nagħtih bil-qjies,
u dak li naf inxandru bir-reqqa.
[Sir:16:26] Xogħlijiet il-Mulej kienu mill-bidu għax
hu ħalaqhom,
u mindu għamilhom qassmilhom sehemhom.
[Sir:16:27] Qiegħed f'ordni li jibqa' għal dejjem kull
ma għamel,
u qatagħha fejn għandhom jaħkmu għan-nisel
ta' warajhom;
la jeħodhom il-ġuħ u lanqas jegħjew,
u ma jiqfux minn xogħolhom.
[Sir:16:28] Ma jrossux fuq xulxin biex wieħed jaqla'
'l-ieħor,
u kelmtu qatt ma jiksruha.
[Sir:16:29] Wara dan il-Mulej ħares fuq l-art,
u mlieha b'ġidu.
[Sir:16:30] Kesa wiċċ l-art b'kull xorta ta' ħlejjaq
ħajjin,
u dawn jerġgħu lura lejha.

17. [Sir:17:1] Il-Mulej ħalaq il-bniedem mill-art,
u mill-ġdid reġġgħu lura lejha.
[Sir:17:2] Tahom żmien u jiem magħduda,
u tahom setgħa fuq kull ma hawn fuq l-art.
[Sir:17:3] Libbishom b'saħħa tixbah lil tiegħu,
u għamilhom skond xbihatu.
[Sir:17:4] Nissel f'kull ħlejqa l-biża' tagħhom,
u tahom is-setgħa fuq it-tajr u l-bhejjem.
[Sir:17:*5] Rċevew l-użu ta' ħames ħidmiet tal-Mulej,
qassmilhom id-don tal-moħħ bħala s-sitt wieħed,
u bħala s-seba' r-raġuni
għat-tifsir tal-ħidmiet tiegħu.
[Sir:17:6] Tahom ir-raġuni, l-ilsien u l-għajnejn,
u wkoll il-widnejn u moħħ biex jaħsbu.
[Sir:17:7] Tahom is-setgħa li jitgħallmu u jifhmu,
u wriehom x'inhu t-tajjeb u l-ħażin.
[Sir:17:8] Żamm għajnejh fuq qlubhom,
biex jurihom l-għemejjel ta' l-għaġeb tiegħu.
[Sir:17:*9] U tahom li jiftaħru bl-għeġubijiet għal
dejjem tiegħu.
[Sir:17:10] U huma jfaħħru ismu l-qaddis,
u hekk ixandru l-għemejjel ta' l-għaġeb tiegħu.
[Sir:17:11] Qegħdilhom quddiemhom it-tagħlim,
u tahom b'sehemhom il-liġi tal-ħajja.
[Sir:17:12] Għamel magħhom patt għal dejjem,
u wriehom x'inhu l-ħaqq tiegħu.
[Sir:17:13] Raw b'għajnejhom il-kobor tal-glorja
tiegħu,
u semgħu b'widnejhom il-leħen glorjuż tiegħu.
[Sir:17:14] U wissiehom: "Ħarsu rwieħkom minn
kull ħażen."
U lil kull wieħed tah kmandament dwar il-proxxmu
tiegħu.

L-Imħallef divin

[Sir:17:15] Triqathom huma dejjem quddiemu,
m'humiex moħbija minn għajnejh.
[Sir:17:*16] Minn ċkunithom triqathom jagħtu
għall-ħażen
u m'għandhomx ħila qalbhom tal-ġebel jagħmluha
tal-laħam.
[Sir:17:*17a] Għax meta tqassmu l-ġnus ta' kollha
kemm hi l-art,
[Sir:17:17b] 'l kull ġens qegħedlu prinċep fuqu,
imma Iżrael hu sehem il-Mulej;
[Sir:17:*18] billi kien l-iben il-kbir rabbieh
fid-dixxiplina,
u tah b'sehmu dawl l-imħabba, u ma telqux.
[Sir:17:19] L-għemejjel kollha tagħhom huma
bħax-xemx quddiemu,
u għajnejh huma l-ħin kollu fuq triqathom.
[Sir:17:20] Il-ħażen tagħhom ma jinħebiex minnu,
u dnubiethom kollha quddiem il-Mulej.
[Sir:17:*21] Il-Mulej hu qalbu tajba u jaf il-ħlejjaq
tiegħu;
la telaqhom u lanqas ħalliehom, imma ħafrilhom.
[Sir:17:22] Il-karità li jagħti l-bniedem hi bħal siġill
għall-Mulej;
Hu jgħożż il-ħniena tal-bniedem bħal ħabba
ta' l-għajn.
[Sir:17:23] Wara dan iqum u jħallashom,
u jniżżel fuq rashom il-ħlas li ħaqqhom.
[Sir:17:24] Imma lil dawk li jindmu jħallihom
jerġgħu lura,
u jsaħħaħ lil dawk li ma jkunux jifilħu jżommu aktar.

Twissija għall-indiema

[Sir:17:25] Erġa' lura lejn il-Mulej, u d-dnub ħallih
warajk,
u warrab dak li jfixklek.
[Sir:17:26] Dur lura lejn l-Għoli, u warrab mill-ħażen,
u obgħod għall-aħħar dak li hu ta' min jistmerru.
[Sir:17:27] Lill-Għoli min se jfaħħru f'Art l-Imwiet
minflok il-ħajjin li jroddulu ħajr?
[Sir:17:28] Għall-mejjet bħalkieku ma kien xejn,
ntemm radd il-ħajr;
min hu ħaj u f'sikktu jfaħħar il-Mulej.
[Sir:17:29] Kemm hi kbira l-ħniena tal-Mulej,
u l-maħfra tiegħu għal dawk li jerġgħu lura lejh!
[Sir:17:30] Il-bnedmin ma jistax ikollhom kollox,
għax bin il-bniedem ma jistax ma jmutx.
[Sir:17:31] Hemm xi ħaġa tiddi aktar mix-xemx ?
Mqar din ukoll titgħajjeb.
Min hu tad-demm u l-laħam ħsiebu fil-ħażen.
[Sir:17:32] Il-Mulej jifli l-qawwiet tas-smewwiet
fl-għoli,
u trab u rmied huma l-bnedmin.

18. Il-kobor ta' Alla

[Sir:18:1] Dak li jgħix għal dejjem ħalaq kollu
kemm huwa l-univers.
[Sir:18:2a] Il-Mulej biss hu magħdud b'ġust,
[Sir:18:*2b] u m'hemm ħadd ieħor ħliefu.
[Sir:18:*3] Irieġi d-dinja fil-keffa ta' idu,
u kollox joqgħod għar-rieda tiegħu,
għax hu s-sultan ta' kollox,
u bil-qawwa tiegħu jifred fosthom,
is-sagru mill-profan.
[Sir:18:4] Ma ta lil ħadd ifisser dak li għamel;
u min se jifhem l-għemejjel kbar tiegħu?
[Sir:18:5] Il-qawwa kbira tiegħu min jista' jqisha?
U min se jirrakkonta ħnientu?
[Sir:18:6] M'hemmx x'wieħed inaqqas u lanqas xi jżid,
u m'hemmx min jifhem għeġubijiet il-Mulej.
[Sir:18:7] Xħin bniedem jasal fit-tmiem, ikun għadu
fil-bidu;
u meta jieqaf, jibqa' mifxul.

Ix-xejn tal-bniedem

[Sir:18:8] X'inhu l-bniedem u x'inhi l-ħtieġa tiegħu?
X'inhu t-tajjeb u x'inhu l-ħażin tiegħu?
[Sir:18:9] Għadd jiem il-bniedem hu kbir jekk
ikun ta' mitt sena.
[Sir:18:10] Bħal qatra ilma mill-baħar u traba
mir-ramel,
hekk huma ftit snin ħdejn il-jum ta' dejjem.
[Sir:18:11] Għalhekk jistabar bihom il-Mulej,
u jsawwab fuqhom ħnientu.
[Sir:18:12] Jara u jagħraf li se jispiċċaw ħażin,
u għalhekk ikattar il-maħfra tiegħu.
[Sir:18:13] Il-ħniena tal-bniedem hi ma' ġaru,
imma l-ħniena tal-Mulej hi ma' kull min hu ħaj;
iċanfar, iħarreġ, u jgħallem,
u jreġġagħhom lura bħal ragħaj il-merħla tiegħu.
[Sir:18:14] Tiġih ħasra minn dawk li jilqgħu twiddibu,
u minn dawk li jfittxu l-ġudizzji tiegħu.

Kif wieħed għandu jagħti

[Sir:18:15] Ibni, iċċanfarx inti u tagħmel il-ġid,
u meta tagħti tweġġax b'ilsienek.
[Sir:18:16] M'hux in-nida ttaffi l-għomma?
Hekk il-kelma hi aqwa mill-għotja.
[Sir:18:17] Il-kelma m'hijiex aħjar minn għotja tajba?
Imma t-tnejn issibhom għand bniedem qalbu tajba.
[Sir:18:18] L-iblah hu qalbu ħażina u jmaqdar,
u l-għotja ta' min jagħtik kontra qalbu tweġġagħlek
għajnejk.

Irrifletti u aħseb minn qabel

[Sir:18:19] Tgħallem qabel titkellem,
u ħu ħsieb saħħtek qabel timrad.
[Sir:18:20] Qabel il-ħaqq stħarreġ sewwa lilek
innifsek,
u fis-siegħa taż-żjara ssib il-maħfra.
[Sir:18:21] Qabel timrad ċekken lilek innifsek,
u meta tonqos uri li jisgħob bik.
[Sir:18:22] Tintrabatx hekk li ma tkunx tista' żżomm
wegħda f'waqtha,
u tistenniex il-mewt biex teħles minnha.
[Sir:18:23] Qabel tagħmel wegħda ħejji ruħek,
u tkunx bħal bniedem li jġarrab il-Mulej.
[Sir:18:24] Ftakar fil-qilla ta' l-aħħar jum;
u fi żmien il-ħlas, meta Alla jdawwar wiċċu.
[Sir:18:25] Ftakar fi żmien il-ġuħ meta għandek
biex tixba',
u fil-faqar u n-nuqqas f'jiem il-ġid.
[Sir:18:26] Iż-żmien għaddej minn filgħodu sa
filgħaxija,
u kollox jgħaddi malajr quddiem il-Mulej.
[Sir:18:27] Bniedem għaqli joqgħod b'seba' għajnejn
f'kollox,
u f'jiem id-dnub jieħu ħsieb li ma jiżbaljax.
[Sir:18:28] Min għandu s-sens jagħraf l-għerf,
u jrodd tifħir lil min isibu.
[Sir:18:29] Dawk li jifhmu l-qwiel, huma wkoll isiru
għorrief,
u jkunu għajn ta' proverbji għaqlija.

It-trażżin

[Sir:18:30] Tħallix xewqatek jiġbduk warajhom,
u rażżanhom il-ġibdiet tiegħek.
[Sir:18:31] Jekk tintelaq għal kull ma tixtieq qalbek,
jiddieħku bik l-għedewwa tiegħek.
[Sir:18:32] Tixxalax f'ħafna lussu,
li ma tiftaqarx bl-ispejjeż tiegħu.
[Sir:18:33] Tiddejjinx u tiftaqarx biex tixxala,
meta ma għandek xejn fil-ħorġa.

19. It-trażżin

[Sir:19:1] Ħaddiem xurban ma jistagħniex;
min jistmerr ħwejjeġ żgħar,
bil-mod il-mod jaqa' fil-kbar.
[Sir:19:2] Nbid u nisa jħarbtu 'l min għandu s-sens,
u min jitħallat ma' nisa żienja, hu bla kont
għall-aħħar.
[Sir:19:3] Jirtuh it-taħsir u d-dud;
u min hu bla kont jinħataf mid-dinja.

Kontra l-kliem żejjed

[Sir:19:4] Min jgħaġġel biex jemmen moħħu ħafif,
min jidneb jagħmel ħsara lilu nnifsu.
[Sir:19:5a] Min jifraħ bil-ħażen isir ħaqq minnu,
[Sir:19:*5b] u min jiċċaħħad mill-pjaċiri jagħmel
ġieħ lilu nnifsu.
[Sir:19:*6a] Min iliġġem ilsienu jgħix mingħajr
tilwim.
[Sir:19:6b] U min jobgħod it-tpaċpiċ jonqoslu
l-ħażen.
[Sir:19:7] Qatt ittenni kelma li tkun smajt,
u xejn ma jonqoslok minn dak li għandek.
[Sir:19:8] Twassalhiex la lill-ħabib u lanqas
lill-għadu,
u jekk ma jkunx dnub għalik, tikxifhiex.
[Sir:19:9] Għax min semgħek u qagħad għassa
tiegħek
maż-żmien isir jobogħdok.
[Sir:19:10] Smajt kelma? Għandha tmut miegħek.
Tibża' xejn, m'hux se tikkriepa!
[Sir:19:11] Minħabba kelma l-iblah ibati,
bħal mara se tiled minħabba t-tarbija.
[Sir:19:12] Bħal vleġġa mwaħħla f'koxxa ta' ġisem,
hekk hi kelma fil-ġewwieni ta' l-iblah.

Temminx kull ma tisma'

[Sir:19:13] Stħarreġ lil ħabib; għandu mnejn qatt
m'għamel xejn,
biex jekk għamel xi ħaġa, qatt ma jerġa'.
[Sir:19:14] Stħarreġ il-ġar tiegħek; għandu mnejn
qatt ma qal xejn,
biex jekk qal, qatt ma jerġa'.
[Sir:19:15] Stħarreġ mingħand ħabib għax ħafna
drabi jingħad il-gideb,
u temminx kull ma tisma'.
[Sir:19:16] Hemm min jiżloq, imma mhux għax irid.
Min ma jiżbaljax b'ilsienu?
[Sir:19:17a] Stħarreġ ġarek qabel theddu,
u ħalli post għal-Liġi ta' l-Għoli,
[Sir:19:*17b] u la tagħdabx.
[Sir:19:*18] Il-Mulej jilqgħek jekk għandek il-biża'
tiegħu;
u jħobbok jekk għandek għerfu.
[Sir:19:*19] L-għarfien tal-kmandamenti tal-Mulej
hu tagħlim li jagħti l-ħajja,
u dawk li jagħmlu li jogħġob lilu jiġbru l-frott
mis-siġra tal-ħajja.

L-għerf veru u l-għerf falz

[Sir:19:20a] L-għerf kollu qiegħed fil-biża' tal-Mulej;
u f'kull għerf hemm il-ħarsien tal-Liġi
[Sir:19:*20b] u l-għarfien tas-setgħa tiegħu li
jagħmel kollox.
[Sir:19:*21] L-ilsir jgħid lil sidu: "Ma nagħmilx dak
li trid."
Mqar jekk wara dan jagħmlu, jgħaddab lil dak li
qed iżommu.
[Sir:19:22] M'hemmx għerf fit-tagħlim tal-ħażen,
u m'hemmx għaqal fejn hemm il-parir tal-midinbin.
[Sir:19:23] Hemm għaqal ħażin ta' min jistmerru,
imma hemm ukoll l-iblah li jonqsu l-għerf.
[Sir:19:24] Aħjar min hu nieqes minn moħħu,
imma jibża' minn Alla,
minn min hu bil-għaqal iżżejjed, imma jikser il-Liġi.
[Sir:19:25] Hemm għaqal ħażin, imma inġust;
u hemm min jinqeda bil-ħażen ta' moħħu,
biex jikseb li jkun ħaqqu.
[Sir:19:26] Hemm min b'ħażen ibaxxi rasu u juri
wiċċ imnikket,
imma minn ġewwa hu mimli qerq.
[Sir:19:27] Jaħbi wiċċu u jilgħabha tat-trux,
imma, meta ħadd ma jarah, jaqlibhielek.
[Sir:19:28] U jekk għax tonqsu l-ħila ma jidnibx,
meta jiġih il-waqt jagħmel id-deni.
[Sir:19:29] Bniedem jingħaraf mid-dehra tiegħu,
u bniedem għaref jingħaraf minn wiċċu.
[Sir:19:30] Il-libsa ta' bniedem, id-daħk fuq fommu,
u mixjitu, juruk x'inhu.

20. Is-skiet u l-kliem

[Sir:20:1] Hemm ċanfira li m'hijiex f'waqtha,
u hemm is-skiet ta' l-għaqli.
[Sir:20:2] Kemm hu isbaħ li wieħed iċanfar milli
jagħdab!
[Sir:20:3] Min jistqarr dnubu jeħles mill-kastig.
[Sir:20:4] Bħal ewnuku mlebleb biex ikasbar xbejba,
hekk min irid jieħu raġun bis-saħħa.
[Sir:20:5] Hemm min iżomm sieket u jgħodduh
b'għaref,
u hemm min jinbagħad għax ipaċpaċ ħafna.
[Sir:20:6] Hemm min iżomm sieket għax
m'għandux xi jwieġeb,
u hemm min iżomm sieket għax jaf meta għandu
jitkellem.
[Sir:20:7] Bniedem għaref iżomm sieket f'waqtu,
imma min hu mżattat u bla moħħ ma jqis xejn.
[Sir:20:8] Min jitkellem aktar milli jmissu jsiru
jistmelluh,
u min jieħu f'idejh id-dritt li jitkellem isiru
jobogħduh.

Paradossi

[Sir:20:9] Jista' jkun hemm riżq tajjeb fl-għawġ ta'
bniedem,
u f'xi rebħa jista' jkun hemm telfien.
[Sir:20:10] Hemm għotja li ma tiswielek xejn,
u hemm għotja li ġġiblek id-doppju.
[Sir:20:11] Hemm nuqqas ta' ġieħ ġej mill-glorja,
u hemm min għolla rasu mill-umiljazzjoni.
[Sir:20:12] Hemm min bi ftit jixtri ħafna,
u hemm min iħallas għal seba' darbiet.
[Sir:20:13] L-għaref jitħabbeb bi kliemu,
imma ż-żegħil ta' l-iblah iwarrbuh.
[Sir:20:14] L-għotja ta' min hu bla moħħ ma
tiswielek xejn,
għax flok b'għajn waħda jara b'sebgħa.
[Sir:20:15] Jagħti ftit, imma jgħoddu b'ħafna,
u ħalqu jiftħu daqs min iħabbar;
illum jislef u għada jitlob lura.
Bniedem bħal dan m'hux ta' min jaħmlu.
[Sir:20:16] L-iblah jgħid: "M'għandix ħabib,
u l-ġid li nagħmel ma jafuhulix;
[Sir:20:17] dawk li jieklu ħobżi lsienhom ħażin."
Kemm-il darba u kemm nies jiddieħku bih!

Kliem mhux floku

[Sir:20:18] Aħjar tiżloq fl-art milli tiżloq b'ilsienek;
hekk il-waqgħa tal-ħżiena sseħħ bil-ħeffa.
[Sir:20:19] Bniedem bla grazzja hu bħal rakkont
barra minn ħinu,
li qiegħed il-ħin kollu fuq fomm nies
mingħajr manjieri.
[Sir:20:20] Qawl minn fomm iblah ma jintlaqax
għax qatt ma jgħidu f'waqtu.
[Sir:20:21] Hemm min ma jidnibx għax jinsab
fil-bżonn,
u fil-mistrieħ il-kuxjenza ma tniggżux.
[Sir:20:22] Hemm min jagħmel ħsara lilu nnifsu
minħabba l-mistħija,
u jitlef ħajtu minħabba l-iblah.
[Sir:20:23] Hemm min jagħmel wegħda lil ħabib
għax jistħi,
għal xejn b'xejn jagħmel għadu minnu.

Il-gideb

[Sir:20:24] Gidba hi tebgħa kerha fuq bniedem,
u qiegħda l-ħin kollu fuq fomm nies bla manjieri.
[Sir:20:25] Aħjar tagħżel ħalliel minflok giddieb,
imma t-tnejn li huma jirtu t-telfien.
[Sir:20:26] Bniedem imdorri jigdeb jisfa’ bla ġieħ,
u l-għajb tiegħu jibqa' miegħu.

Il-ġieħ u l-perikli ta' l-għaref

[Sir:20:27] Min hu għaref fi kliemu jimxi 'l quddiem,
u bniedem għaqli jogħġob lill-kbarat.
[Sir:20:28] Min jaħdem l-art ikollu ħsad kbir,
u min jogħġob lill-kbarat jaħrab l-inġustizzja.
[Sir:20:29] Għotjiet u rigali jagħmu għajnejn
l-għaref,
u bħal sarima mal-ħalq iżommuh lura miċ-ċanfir.
[Sir:20:30] Għerf moħbi, teżor ma jidhirx,
x'siwi għandhom it-tnejn li huma?
[Sir:20:31] Aqwa l-bniedem li jaħbi l-bluha tiegħu
minn wieħed li jaħbi għerfu.

Diversi dnubiet

[Sir:21:1] Ibni, dnibt? Terġax,
u itlob maħfra għal ta' qabel.
[Sir:21:2] Kif taħrab minn quddiem serp,
hekk ukoll aħrab id-dnub;
għax jekk tersaq lejh, tingidem;
snienu huma snien ta' ljun,
u jtertqu ħajja ta' bniedem.
[Sir:21:3] Kull ksur tal-Liġi bħal xabla b'żewġt ixfar;
m'hemmx fejqan għall-ġrieħi li tista' tagħmel.
[Sir:21:4] Il-prepotenza u l-vjolenza jġibu fix-xejn
il-ġid;
hekk titħarbat dar il-kburin.
[Sir:21:5] It-talba tal-fqir minn fommu għal widnejn
Alla,
u l-ħaqq tiegħu jasal bil-ħeffa.
[Sir:21:6] Min jobgħod ċanfira miexi fi triq id-dnub,
imma min jibża' mill-Mulej jindem minn qalbu.
[Sir:21:7] Min hu qawwi fi lsienu jingħaraf
mill-bogħod,
imma min jifhem jintebaħ malli jiżloq.
[Sir:21:8] Min jibni daru bi flus ħaddieħor,
qisu bħal min jiġbor gozz ġebel għal fuq qabru.
[Sir:21:9] Il-ġemgħa tal-ħżiena hi bħal gozz qanneb,
u tmiemhom ħuġġieġa nar.
[Sir:21:10] Triq il-midinba mibnija b'ċangaturi
tal-ġebel,
imma f'tarfha hemm ħofret l-imwiet.

L-għaref u l-iblah

[Sir:21:11] Min iħares il-Liġi jegħleb il-ġibdiet tiegħu,
imma l-biża' tal-Mulej iwassal għall-għerf sħiħ.
[Sir:21:12] Ma jitgħallimx min m'għandux għaqal,
imma hemm għaqal li jkattar l-imrar.
[Sir:21:13] Tagħlim l-għaref jikber bħal għargħar,
u t-twissija tiegħu bħal għajn ta' ilma ġieri.
[Sir:21:14] Qalb l-iblah bħal vażett imxaqqaq;
ebda tagħlim ma żżomm.
[Sir:21:15] Jekk jisma' kliem għaref min għandu
t-tagħlim,
ifaħħru u jżid miegħu;
jisimgħu min ħajtu jgħaddiha fix-xalar, imma
ma jogħġbux,
u jitfgħu wara dahru.
[Sir:21:16] Diskors l-iblah hu bħal tagħbija fi vjaġġ,
imma fuq fomm bniedem li jifhem tinsab il-ħlewwa.
[Sir:21:17] Dak li jgħid l-għaqli hu mfittex fil-laqgħat,
u f'qalbhom jibqgħu jaħsbu fuqu.
[Sir:21:18] Bħal dar li għebet, hekk l-għerf
għall-iblah,
u t-tagħlim ta' min hu bla moħħ hu kliem
ma jinftihemx.
[Sir:21:19] Xkiel mas-saqajn hu t-tagħlim għal ta'
bla moħħ,
u bħal irbit ma' idu l-leminija.
[Sir:21:20] L-iblah jidħak jgħajjat,
imma l-bniedem moħħu jilħaqlu jitbissem
bil-kwiet kollu.
[Sir:21:21] Bħal tiżjin tad-deheb hu t-tagħlim
għall-għaqli,
u bħal brazzuletta fi driegħu l-lemini.
[Sir:21:22] Riġel l-iblah jitlaq jiġri lejn dar,
imma bniedem imġarrab jieqaf mistħi quddiemha.
[Sir:21:23] L-iblah iħares f'dar mill-bieb 'il ġewwa
imma bniedem imrobbi sewwa joqgħod barra.
[Sir:21:24] Hi mġiba ħażina li bniedem joqgħod
jissamma' ma' bieb,
u min hu bil-għaqal ma jġerrħux għajb bħal dan.
[Sir:21:25] Xufftejn il-boloh jgħidu x'qal ħaddieħor,
imma n-nies għaqlija jiżnu kliemhom sewwa.
[Sir:21:26] Il-boloh huma ta' żaqqhom f'fommhom,
imma l-għorrief ta' fommhom f'qalbhom.
[Sir:21:27] Meta min ma jibżax minn Alla jisħet
l-għadu tiegħu, ikun jisħet lilu nnifsu.
[Sir:21:28] Iħammeġ ruħu min iseksek,
u jkunu jobogħduh in-nies kull fejn ikun.

22. L-għażżien

[Sir:22:1] L-għażżien bħal ġebla maħmuġa,
u kulħadd jieħdu bit-tisfir minħabba għajbu.
[Sir:22:2] L-għażżien bħal qabda demel;
kull min itellgħu ma' idu jfittex ifarfru.

It-tfal imqarba

[Sir:22:3] Tifel bla manjieri, għajb għal missieru,
u t-twelid ta' tifla hu telf.
[Sir:22:4] Bint għaqlija tikseb ir-raġel tagħha,
imma waħda bla mistħija tweġġa' lil missierha.
[Sir:22:5] Mara mżatta ġġib għajb fuq missierha u
żewġha,
u minnhom it-tnejn hija mmaqdra.
[Sir:22:6] Daqq waqt il-vistu hu rakkont barra minn
waqtu;
imma swat u tagħlim huma għerf f'kull ħin.
[Sir:22:7] L-ulied li jitrabbew tajjeb igawdu t-tajjeb
tal-ħajja,
jaħbu t-twelid umli tal-ġenituri tagħhom.
[Sir:22:8] L-ulied mimlijin bihom infushom,
mrobbija ħażin u mkabbra,
itebbgħu isem it-tnissil għoli tal-ġenituri tagħhom.

Għerf u bluha

[Sir:22:9] Bħal wieħed iwaħħal flimkien ix-xaqquf
min jgħallem lill-iblah,
jew bħal min irid iqajjem lil min raqad raqda fil-fond.
[Sir:22:10] Min joqgħod jirrakkonta lil bniedem iblah,
bħal min jirrakkonta lil wieħed nofsu rieqed;
meta jkun wasal fit-tmiem jgħidlu: "X'inhu?"
[Sir:22:11] Ibki għall-mejjet għax ħalla warajh
id-dawl,
u ibki għall-iblah għax ħalla warajh id-dehen;
imma l-biki tiegħek ikun inqas għall-mejjet għax
dan qiegħed fil-mistrieħ,
filwaqt li l-ħajja ta' l-iblah hi agħar minn mewtu.
[Sir:22:12] Il-mejjet jibkuh sebat ijiem,
imma l-iblah u l-midgħi jibkuh il-jiem kollha
ta' ħajtu.
[Sir:22:13] Titkellimx fit-tul ma' l-iblah,
u tersaqx lejn min hu bla dehen.
Oqgħodlu għassa biex ma jkollokx għawġ,
u ma titħammiġx meta jfarfar ħwejġu.
Warrab minnu u ssib il-mistrieħ,
u ma tinkeddx għax jitlef rasu.
[Sir:22:14] X'inhu itqal miċ-ċomb?
U x'inhu ismu jekk mhux 'iblah'?
[Sir:22:15] Ir-ramel, il-melħ, biċċa ħadid
eħfef li ġġorr minn bniedem bla moħħ.
[Sir:22:16] Travu ta' l-injam imqabbad tajjeb f'bini
ma jinqalax b'theżhiża;
hekk ukoll il-qalb soda f'fehmitha bil-ħsieb
magħmula,
waqt l-għawġ ma tibża' xejn.
[Sir:22:17] Qalb li toqgħod fuq ħsieb għaqli
hi bħal bini bir-ramel fuq ħajt invjat.
[Sir:22:18] Lqugħ biz-zkuk imqiegħed fuq għolja
ma jżommx wieqaf quddiem ir-riħ;
hekk ukoll qalb imbeżżgħa mill-fehma belha tagħha,
ma jseħħilha tieqaf lil ebda biża'.

Il-ħbiberija

[Sir:22:19] Min iweġġa' għajn joħorġilha d-dmugħ,
u min iweġġa' qalb iġagħalha turi dak li tħoss.
[Sir:22:20] Min iwaddab ġebel lill-għasafar inaffarhom,
u min ikasbar ħabib jikser il-ħbiberija.
[Sir:22:21] Jekk għal ħabib tkun slitt is-sejf,
taqtax jiesek għax għad tista' treġġgħu lura.
[Sir:22:22] Jekk ftaħt ħalqek kontra ħabib,
toqgħodx tinkedd għax għad tista' titħabbeb
mill-ġdid miegħu;
imma mhux meta tmaqdru, iżżebilħu, tikxiflu
sigrieti, jew tqarraq bih;
għal dawn kollha jaħarbek kull ħabib.
[Sir:22:23] Ikseb il-fiduċja tal-proxxmu tiegħek
meta hu fil-faqar,
biex meta jkun fil-ġid tgawdi miegħu;
fi żmien l-għawġ ieqaf miegħu,
biex meta jiret sehmu taqsam miegħu.
[Sir:22:24] Qabel in-nar joħroġ minn forn fwar u
duħħan,
hekk ukoll qabel tixrid id-demm jiġi t-tagħjir.
[Sir:22:25] Ma nistħix nagħti kenn lil ħabib,
u minn wiċċu ma ninħebiex;
[Sir:22:26] imma jekk niltaqa' ma' xi għawġ
minħabba fih,
kull min jisma' joqgħod għassa għalih.
[Sir:22:27] Min se jqegħedli sarima ma' ħalqi,
jew fuq xufftejja s-siġill ta' l-għaqal,
biex bihom ma naqax
u lsieni ma jwassalnix għat-telfien?

23. Talba

[Sir:23:1] Mulej, missier ħajti u sidha,
titlaqnix għar-rieda tagħhom,
u tħallinix naqa' minħabba fihom.
[Sir:23:2] Min se joqgħod b'sawt ma' ħsibijieti,
u bid-dixxiplina ta' l-għerf ma' qalbi,
biex ma jeħlishilix fin-nuqqas tiegħi,
u ma jagħlaqx għajnejh għad-dnubiet tiegħi?
[Sir:23:3] Li ma jiżdidux l-iżbalji tiegħi
u jitkattru d-dnubiet tiegħi,
u naqa' quddiem dawk li jeħduha miegħi,
u jifraħ l-għadu tiegħi minħabba fija!
[Sir:23:4] Mulej, missier u Alla ta' ħajti,
tagħtinix ħarsa merfugħa 'l fuq,
[Sir:23:5] u warrab minni kull ġibda ħażina;
[Sir:23:6] tħallix li jaħtfuni kilba għall-ikel u xewqat
tal-ġisem,
u titlaqnix fil-ħakma ta' xewqat faħxija.

Il-ħalf

[Sir:23:7] Uliedi, isimgħu tagħlim dwar kliem
fommkom,
u min iħarsu ma jinqabadx.
[Sir:23:8] Il-midneb jaħkmuh xufftejh,
min jgħajjar u jitkabbar
jitfixkel bihom.
[Sir:23:9] Iddarrix fommok fil-ħalf,
u tidrax issemmi isem il-Qaddis;
[Sir:23:10] bħalma lsir mistħarreġ taħt is-swat il-ħin
kollu
jibqagħlu fuqu t-tbenġil,
ma jissaffiex minn dnubietu.
[Sir:23:11] Bniedem li l-ħin kollu jaħlef jimtela
bil-ħażen,
u s-swat ma jwarrabx minn daru.
Jekk jonqos, jibqa' fuqu dnubu,
jekk imbagħad ma jagħtix kas, darb'oħra
jidneb aktar;
jekk jaħlef fil-vojt ma jitqiesx bla ħtija,
u timtela daru bil-hemm.

Il-kliem ħażin

[Sir:23:12] Hawn kliem li hu mqabbel mal-mewt;
jalla ma jinstabx f'wirt Ġakobb!
Għax in-nies twajba jżommu dan kollu 'l bogħod
minnhom,
u ma jitmegħkux fid-dnubiet.
[Sir:23:13] Iddarrix fommok fil-ħmieġ ta' kliem baxx,
għax f'dan hemm kliem ta' dnub.
[Sir:23:14] Ftakar f'missierek u ommok
meta toqgħod bilqiegħda mal-kbarat,
li ma tmurx tintilef meta tkun quddiemhom,
u tiblieh fl-imġiba tiegħek;
mbagħad tixtieq li ma twelidtx,
u tisħet jum twelidek.
[Sir:23:15] Bniedem imdorri jgħid kliem insolenti
ma jitgħallem qatt tul il-jiem kollha ta' ħajtu.

L-inċest u l-adulterju

[Sir:23:16] Tnejn min-nies ikattru d-dnubiet,
u t-tielet iġib fuqu l-għadab ta' Alla.
[Sir:23:17] Bniedem b'passjoni taħraq daqs nar
imqabbad,
li ma tintefiex qabel ma jkun qata' xewqtu;
bniedem żieni miegħu nnifsu
ma jiqafx qabel ma n-nar jaħarqu għalkollox.
Il-bniedem żieni kull ħobż jiġih tajjeb,
u ma jegħjiex qabel ma jmut.
[Sir:23:18] Min jonqos kontra l-wegħdiet taż-żwieġ
jgħid bejnu u bejn ruħu: "Min se jarani?
Id-dlam jinfirex dawramejt madwari u l-ħitan jostruni,
u ħadd ma jarani. Għaliex għandi nibża'?
Id-dnubiet tiegħi l-Għoli ma jiftakarhomx."
[Sir:23:19] Il-biża' tiegħu huma għajnejn il-bnedmin,
imma ma jafx li għajnejn il-Mulej
jiddu għaxart elef darba iktar mix-xemx;
iħarsu fuq it-triqat kollha tal-bnedmin,
u jiflu saħansitra l-inħawi moħbija.
[Sir:23:20] Qabel ma nħalaq kollox kien magħruf
minnu;
hekk ukoll wara li tlesta.
[Sir:23:21] Bniedem bħal dan jitħallas fil-pjazez ta'
l-ibliet,
u jinqabad fejn lanqas biss jobsor.

L-adultera

[Sir:23:22] Hekk ukoll il-mara li tħalli 'l żewġha
u ġġiblu werriet minn ħaddieħor,
[Sir:23:23] għax l-ewwelnett tkun kisret il-Liġi ta'
l-Għoli;
it-tieni tkun naqset lil żewġha;
it-tielet tkun għamlet adulterju bħal mara żienja,
u ġiebet ulied minn raġel ieħor.
[Sir:23:24] Din tinġieb quddiem il-ġemgħa
u jsir stħarriġ dwar uliedha.
[Sir:23:25] Uliedha ma jxenxlux għeruq,
u l-friegħi tagħha ma jagħmlux frott.
[Sir:23:26] Tħalli warajha tifkira misħuta,
u l-għajb tagħha ma jitħassrilhiex.
[Sir:23:27] U dawk li jibqgħu warajha jsiru jafu
li xejn m'hu aqwa mill-biża' tal-Mulej,
u xejn m'hu itjeb milli toqgħod għal-Liġi tal-Mulej.

24. Id-diskors ta' l-għerf

[Sir:24:1] L-għerf ifaħħar lilu nnifsu,
u jiftaħar f'nofs il-poplu tiegħu.
[Sir:24:2] Jiftaħ fommu fil-ġemgħa ta' l-Għoli,
u jiftaħar quddiem qawwietu.
[Sir:24:3] "Jien ħriġt minn fomm l-Għoli
u għattejt l-art bħan-nida.
[Sir:24:4] Tellajt fl-għoli l-għarix tiegħi,
u t-tron tiegħi kien kolonna sħab.
[Sir:24:5] Waħdi dort id-dawra ta' fuq is-smewwiet,
u mxejt f'qiegħ l-abbiss.
[Sir:24:6] Ħadt f'idejja mewġ il-baħar u l-art kollha,
u kull poplu u ġens.
[Sir:24:7] Fost dawn kollha fittixt fejn nistrieħ
u f'art min immur noqgħod.
[Sir:24:8] Mbagħad il-Ħallieq ta' kollox tani ordni,
u dak li ħalaqni għażel post għall-għarix tiegħi,
u qalli: "Tella' l-għarix tiegħek f'Ġakobb,
u iret sehmek f'Iżrael."
[Sir:24:9] Qabel kull żmien, fil-bidu, ħalaqni,
u sa l-aħħar taż-żmien ma niġix nieqes.
[Sir:24:10] Għamiltha ta' qaddej quddiemu fl-Għarix
Imqaddes,
u hekk tqigħedt fis-sod f'Sijon.
[Sir:24:11] Hekk ukoll qegħedni nistrieħ fil-belt
maħbuba,
u s-setgħa tiegħi kienet fuq Ġerusalemm.
[Sir:24:12] U xenxilt għeruqi f'poplu ta' ġieħ,
f'sehem il-Mulej, fil-wirt tiegħu.
[Sir:24:13] Għolejt bħal ċedru tal-Libanu,
u bħal ċipressa fuq l-għoljiet tal-Ħermon.
[Sir:24:14] Għolejt bħal palma f'Għajn-geddi,
u bħal xtieli tal-ward f'Ġeriko;
bħal żebbuġa l-ġmiel tagħha f'wita,
u bħal dolf għolejt.
[Sir:24:15] Bħall-kannella u l-akaċja rmejt il-fwejjaħ,
bħall-mirra mill-aħjar sawwabt il-fwieħa,
bħall-galbanu, l-oniċi u l-istoraċ,
u bħad-duħħan ta' l-inċens fl-għarix.
[Sir:24:16] Jien bħal terebint frixt il-friegħi tiegħi,
u l-friegħi tiegħi huma friegħi ta' min
jagħtihom ġieħ u jitgħaxxaq bihom.
[Sir:24:17] Jien bħal dielja tarmi żahar li jiġbdek,
u n-nwar tiegħu jagħmel frott ta' glorja u ġid.
[Sir:24:*18] Jien omm l-imħabba safja,
il-biża' u l-għerf u t-tama qaddisa.
[Sir:24:19] Ersqu lejja intom li tixtiquni,
u mtlew bil-frott tiegħi.
[Sir:24:20] Għax tifkirti oħla mill-għasel,
u sehmi minn xehda għasel.
[Sir:24:21] Min jiekol minni jieħdu l-ġuħ għal aktar,
u min jixrob minni jieħdu l-għatx għal aktar.
[Sir:24:22] Min jisma' minni ma jkollux għax jistħi,
u dawk li jaħdmu bija ma jidinbux.

L-għerf u l-Liġi

[Sir:24:23] Dan kollu hu ktieb il-patt ta' Alla l-Għoli,
il-Liġi li ordnalna nħarsu Mosè,
il-wirt tal-ġemgħat ta' Ġakobb.
[Sir:24:*24] Tiqafx tissaħħaħ fil-Mulej;
ngħaqad miegħu biex jagħtik is-saħħa;
il-Mulej li jista' kollox, hu waħdu Alla,
u m'hemmx salvatur ħliefu.
[Sir:24:25] Tfawwar il-bniedem bl-għerf bħall-Pison,
jew bħat-Tigri f'jiem il-frott tal-bikri.
[Sir:24:26] Timlieh bid-dehen bħall-Ewfrat,
u bħall-Ġordan f'jiem il-ħsad.
[Sir:24:27] It-tagħlim jagħmlu jiddi bħad-dawl,
u bħall-Giħon f'jiem ġbir il-frott.
[Sir:24:28] Kif l-ewwel bniedem ma kienx jafha
sewwa,
hekk ukoll l-aħħar wieħed ma fehemhiex
għalkollox,
[Sir:24:29] għax ħsibijietha kotrana iktar mill-baħar,
u fehmietha iktar fondi mill-abbiss.

L-awtur

[Sir:24:30] U jien bħal kanal ħiereġ minn xmara,
u bħal mogħdija ilma dieħla fi ġnien.
[Sir:24:31] Għedt: "Nsaqqi l-masġar tiegħi,
u nisqi kull roqgħa fil-ġnien tiegħi?"
u ara, il-kanal tiegħi sar xmara,
u x-xmara tiegħi saret baħar.
[Sir:24:32] It-tagħlim għad nagħmlu jiddi daqs
it-tbexbix,
u nwassallu 'l bogħod id-dawl tiegħu.
[Sir:24:33] It-tagħlim għad insawwbu bħal profezija,
u nħallih għal kull nisel tul iż-żminijiet.
[Sir:24:34] Araw li ma tħabatx għalija biss,
imma għal kull min ifittex it-tagħlim.

25. Il-proverbji

[Sir:25:1] Bi tliet ħwejjeġ titgħaxxaq ruħi
u dawn fihom għaxqa quddiem il-Mulej u
l-bnedmin:
ftehim bejn l-aħwa, ħbiberija bejn il-ġirien,
u mara u żewġha li jgħixu f'għaqda bejniethom.
[Sir:25:2] Tliet xorta ta' nies tobgħod ruħi,
u nagħdab għall-aħħar bil-ħajja tagħhom:
fqir mimli bih innifsu, għani giddieb,
u xiħ żieni nieqes mid-dehen.

Ix-xjuħ

[Sir:25:3] Fiż-żgħożija ma ġbartx;
kif se ssib fi xjuħitek?
[Sir:25:4] Kemm hi ħaġa sabiħa li min xagħru bjadlu
jkun jaf jagħmel ġudizzju,
u li min hu xiħ ikun jaf jagħti parir.
[Sir:25:5] Kemm hi ħaġa sabiħa li min hu xiħ ikollu
l-għerf,
u li min hu ta' ġieħ ikollu l-fehma u l-parir.
[Sir:25:6] L-esperjenza kbira hi l-kuruna tax-xjuħ,
u l-biża' tal-Mulej il-ftaħir tagħhom.

Qwiel numeriċi

[Sir:25:7] B'disa' ħsibijiet nithenna f'qalbi,
imma l-għaxar wieħed inxandru b'ilsieni:
bniedem jifraħ b'uliedu,
min jibqa' ħaj biex jara l-waqgħa ta' l-għedewwa
tiegħu;
[Sir:25:8] mbierek min jaqsam daru ma' mara
għaqlija;
min ma żelaqx b'ilsienu,
min ma sarx qaddej ta' wieħed inqas minnu;
[Sir:25:9] mbierek min sab l-għaqal,
min ikellem lil dawk li jagħtuh widen.
[Sir:25:10] Kemm hi ħaġa kbira li wieħed isib l-għerf,
imma m'hemmx aqwa minn min jibża' mill-Mulej.
[Sir:25:11] Il-biża' tal-Mulej jisboq fuq kollox,
u min tgħallmu sewwa ma' xiex se xxebbhu?
[Sir:25:*12] Il-biża' tal-Mulej hu l-bidu ta' mħabbtu
il-fidi hi l-bidu ta' l-għaqda miegħu.

In-nisa

[Sir:25:13] Kull ġerħa ġerħa, imma mhux ġerħa
fil-qalb!
Kull ħażen ħażen, imma mhux il-ħażen ta' mara!
[Sir:25:14] Kull deni deni, imma mhux id-deni ta'
min jobgħodni.
Kull vendetta vendetta, imma mhux
il-vendetta ta' l-għadu.
[Sir:25:15] M'hemmx semm agħar minn semm serp,
u m'hemmx għadab agħar minn għadab l-għadu.
[Sir:25:16] Iktar ngħix ma' ljun jew inkun għal qalbi
ma' dragun
milli ngħix ma' mara ħażina.
[Sir:25:17] Il-ħażen ta' mara jbiddlilha bixritha,
u jdallmilha wiċċha daqs ta' ors.
[Sir:25:18] Ir-raġel tagħha jiekol mal-ġirien tiegħu,
u bla ma jrid jitniehed bl-imrar f'qalbu.
[Sir:25:19] Kull ħażen m'hu xejn ħdejn il-ħażen ta'
mara;
jalla tmissha x-xorti tal-midinbin!
[Sir:25:20] Telgħa tar-ramel għal riġlejn xiħ;
hekk hi mara lsienha twil għal raġel kwiet.
[Sir:25:21] Taqax għas-sbuħija ta' mara, u
tixxennaqx għal ġidha.
[Sir:25:22] Hu għadab, wiċċ sfiq u għajb kbir
li mara tmantni lil żewġha.
[Sir:25:23] Telqa fir-ruħ, wiċċ imnikket, u qalb
muġugħa,
dawn iġġiblek mara ħażina.
Idejn mitruħa u rkubbtejn imriegħda
jfissru mara li 'l żewġha ma thennihx.
[Sir:25:24] Il-bidu tad-dnub permezz ta' mara,
u minħabba fiha lkoll immutu.
[Sir:25:25] L-ilma tagħtihx mnejn joħroġ,
mara ħażina tħallihiex titkellem.
[Sir:25:26] Warrabha minnek jekk ma timxix kif
tgħidilha.

26. [Sir:26:1] Hieni r-raġel ta' mara tajba,
l-għadd ta' jiemu jkun għal darb'oħra aktar.
[Sir:26:2] Mara qalbiena tferraħ lil żewġha,
u hu jtemm żmienu fis-sliem.
[Sir:26:3] Mara tajba hi xorti tajba,
tingħata b'sehem lil min jibża' mill-Mulej.
[Sir:26:4] Għani jew fqir, għandu hena f'qalbu,
u dejjem wiċċu mbissem.
[Sir:26:5] Tlieta huma l-ħwejjeġ li qalbi tibża'
minnhom,
u r-raba' tkexkixni:
qlajja' f'belt, ġemgħa ta' kotra nies,
u xili qarrieq - dawn kollha agħar mill-mewt.
[Sir:26:6] Niket u għali mara għajjura għal oħra,
u swat bl-ilsien daqs dawn kollha.
[Sir:26:7] Mara ħażina bħal madmad jiċċaqlaq fuq
għonq gendus,
min ifittex li jaħkimha
qisu bħal wieħed qabad b'idejh skorpjun.
[Sir:26:8] Għadab kbir mara fis-sakra,
u l-għajb tagħha lanqas biss tgħattih.
[Sir:26:9] Iż-żína ta' mara jidher f'ħarsitha xewqana,
u tingħaraf minn għajnejha.
[Sir:26:10] Għasses tajjeb fuq bint rasha iebsa,
li ma tmurx issib il-ħelsien u tinqeda bih.
[Sir:26:11] Għasses għal għajnejha bla mistħija,
u tistagħġibx jekk tonqsok.
[Sir:26:12] Bħalma wieħed bil-għatx fi triqtu, jiftaħ
ħalqu
u jixrob minn kull ilma qrib tiegħu,
hekk hi toqgħod bilqiegħda quddiem kull arblu,
u l-barżakka tagħha tiftaħ għal kull vleġġa.
[Sir:26:13] Mara ta' ħlewwa tferraħ lil żewġha,
u s-sengħa tagħha ssaħħaħlu għadmu.
[Sir:26:14] Għotja tal-Mulej mara siekta,
u ruħ imrobbija tajjeb m'hawnx bħalha.
[Sir:26:15] Mara mistħija ġġib barka fuq oħra,
u m'hawnx prezzha ruħ irżina.
[Sir:26:16] Bħal xemx tielgħa fl-għoli tas-smewwiet,
hekk hu l-ġmiel ta' mara sewwa,
f'darha miżmuma bl-ordni.
[Sir:26:17] Bħal musbieħ jiddi fuq il-kandelabru
sagru,
hekk hu wiċċ sabiħ fuq figura nobbli.
[Sir:26:18] Bħal pilastri mdiehba fuq bażi tal-fidda,
hekk huma riġlejn sbieħ fuq għerieqeb sodi.
[Sir:26:19] Ibni, żomm b'saħħtu fjur żgħożitek,
u tagħtix lill-barranin saħħtek.
[Sir:26:20] Fittex art għammiela fil-wita kollha,
u iżra' ż-żerriegħa tiegħek bil-fiduċja fi tnissilek
nobbli.
[Sir:26:21] U hekk in-nisel tiegħek jibqa',
u jkun kbir minħabba l-fiduċja li jkollu f'nobbiltu.
[Sir:26:22] Mara tinkera jistmawha daqs beżqa,
imma mara miżżewwġa torri għall-mewt għal dawk
li jfittxuha.
[Sir:26:23] Mara ħażina tingħata b'sehem lill-midneb,
imma waħda twajba tingħata lil min jibża'
mill-Mulej.
[Sir:26:24] Mara bla mistħija tkasbar ġieħha l-ħin
kollu,
imma bint miġbura tistħi saħansitra minn żewġha.
[Sir:26:25] Mara sfaċċata sa titqies daqs kelb,
imma mara mistħija tibża' mill-Mulej.
[Sir:26:26] Mara li tweġġaħ lil żewġha,
kulħadd iqisha mara ta' għerf,
imma waħda li ma tagħtihx ġieħ,
fi kburitha jqisuha b'mara ħażina.
Hieni r-raġel ta' mara sewwa,
għax l-għadd ta' sninu joktru għal darb'oħra aktar.
[Sir:26:27] Mara tgħajjat u ttaqtaq ħafna
bħal trumbetta tal-gwerra li tfakkar il-ħarba;
u kull raġel f'qagħdiet bħal dawn
jgħaddi ħajtu f'taqlib ta' gwerra.

Ħwejjeġ li jnikktu

[Sir:26:28] Minħabba tnejn titnikket qalbi,
u minħabba t-tielet nimtela bl-għadab:
li raġel qalbieni jinfena mill-għaks;
li rġiel għaqlin jitwarrbu b'diżunur;
li bniedem iħalli s-sewwa għad-dnub;
jalla bniedem bħal dan jitilqu għax-xabla l-Mulej!

In-negozju

[Sir:26:29] Iebsa għan-neguzjant li jaħrab il-ħażen,
u għall-bejjiegħ li ma jaqax fid-dnub.

27. [Sir:27:1] Minħabba l-qligħ ħafna jidinbu,
u min ifittex li jistagħna jagħlaq għajnejh.
[Sir:27:2] Fil-fil bejn ġebla u oħra jitwaħħal bħal
grampun,
u bejn il-bejgħ u x-xiri jitħaxken id-dnub.
[Sir:27:3] Jekk wieħed ma jżommx sħiħ bil-ħerqa
fil-biża' tal-Mulej
bla telf ta' żmien titħarbat daru.

Id-diskors

[Sir:27:4] Meta jheżhżu għarbiel jibqa' fih l-iskart,
hekk ukoll min jgħarbel lilu nnifsu jagħraf ħżunitu.
[Sir:27:5] Il-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari,
hekk ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.
[Sir:27:6] Il-frott jikxef kemm bidwi jkun ħa ħsieb
is-siġra,
hekk ukoll kelma tikxef ħsieb qalb il-bniedem.
[Sir:27:7] Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem,
għax hekk jiġu ppruvati n-nies.

Il-virtù

[Sir:27:8] Jekk issus wara l-ġustizzja, tiksibha,
u xxiddha bħalkieku kienet libsa ta' ġieħ.
[Sir:27:9] L-għasafar jissieħbu ma' dawk tax-xorta
tagħhom,
u s-sewwa jgawduh dawk li jagħmluh.
[Sir:27:10] L-iljun jissajja għall-priża,
u d-dnub għall-ħżiena.
[Sir:27:11] Kliem it-twajjeb hu dejjem għaref,
imma l-iblah ibiddel bħall-qamar.
[Sir:27:12] Qalb il-boloh ħu ħsieb tal-ħin,
imma qalb min jifhem ibqa' sa l-aħħar.
[Sir:27:13] Iweġġa' l-qalb kliem min hu bla moħħ,
u ċ-ċajt tagħhom waqt ix-xalar tad-dnub.
[Sir:27:14] Diskors min imdorri jaħlef iqajjimlek
xagħrek,
u l-ġlied tagħhom iġagħlek issodd widnejk.
[Sir:27:15] Tixrid id-demm ġlied l-imkabbrin,
u kliemhom iweġġgħek tisimgħu.

Is-sigrieti

[Sir:27:16] Min jikxef sigriet jitlef il-fiduċja,
u ma jsibx ħabib li jaqbel għal miegħu.
[Sir:27:17] Inġibed lejn ħabib u miegħu kun fidil,
imma jekk tittradih, toqgħodx tiġri warajh.
[Sir:27:18] Għax bħalma bniedem jeqred l-għadu
tiegħu,
hekk teqred il-ħbiberija mal-ġar tiegħek.
[Sir:27:19] U bħalma terħi għasfur minn idek,
jekk tħalli 'l ħabibek jaħrablek, u ma terġax taqbdu.
[Sir:27:20] Tiġrix warajh għax jinsab 'il bogħod,
u ħarab bħal għażżiela minn ġon-nassa.
[Sir:27:21] Għax ġerħa tintrabat,
u wara ż-żebliħ terġa' ssir il-ħbiberija,
imma min jikxef sigriet m'għandux tama.

Il-wiċċ b'ieħor

[Sir:27:22] Min jegħmeż b'għajnejh ifassal ħwejjeġ
ħżiena,
u min jintebaħ bih jitbiegħed minnu.
[Sir:27:23] F'wiċċek kliem fommu jkun ħelu
u jissaħħar bi kliemek,
imma wara dahrek jitkellem mod ieħor,
u bi kliemek stess joffendik.
[Sir:27:24] Għandi mibegħda għal ħafna ħwejjeġ,
imma xejn daqs il-wiċċ b'ieħor;
jistmellu sa l-Mulej.
[Sir:27:25] Min jitfa' l-ġebel 'il fuq jiġih fuq rasu,
u daqqa mogħtija bil-qerq tiftaħ il-ġrieħi.
[Sir:27:26] Min iħaffer ħofra jaqa' fiha,
u min iqiegħed nassa jinqabad fiha.
[Sir:27:27] Il-ħażen li wieħed jagħmel jerġa' lura
fuqu,
u ma jagħrafx mnejn ikun ġieh.
[Sir:27:28] Il-kburi mimli żufjett u żebliħ;
imma ħlasu jgħassislu daqs iljun.
[Sir:27:29] F'nassa jinqabdu dawk li jifirħu
bil-waqgħa tat-twajbin,
u l-uġigħ jifnihom qabel mewthom.

L-għadab

[Sir:27:30] Għadab u qilla, dawn ukoll ta' min
jistmerrhom,
u l-bniedem midneb mimli bihom.

28. [Sir:28:1] Min ifittex jitħallas b'idejh, isib
ħlasu mingħand il-Mulej,
li jifli sewwa dnubietu.
[Sir:28:2] Aħfer il-proxxmu dnubietu,
u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek.
[Sir:28:3] Bniedem irawwem għadab għal ieħor,
u mbagħad se jfittex fejqan mingħand il-Mulej?
[Sir:28:4] Minn bniedem bħalu m'għandux ħniena,
u mbagħad se jitlob għal dnubietu?
[Sir:28:5] Jekk bniedem jibqa' mgħaddab,
min se jpattilu għal dnubietu?
[Sir:28:6] Ftakar fl-aħħar ta' ħajtek, u ieqaf
mill-mibegħda;
ftakar fit-taħsir u l-mewt, u oqgħod
għall-kmandamenti.
[Sir:28:7] Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx
il-proxxmu;
ftakar fil-patt ta' l-Għoli u agħlaq għajnejk
għall-offiża.

It-tilwim

[Sir:28:8] Warrab mit-tilwim u jonqsu dnubietek;
għax bniedem qalil ikebbes in-nar ta' ġlieda,
[Sir:28:9] u bniedem midneb jaqla' l-inkwiet qalb
il-ħbieb,
u jiżra' l-mibegħda fost dawk li jgħixu fis-sliem.
[Sir:28:10] Nar iħeġġeġ skond il-ħatab tiegħu,
u l-ġlieda tħeġġeġ skond il-qilla tagħha;
il-korla ta' bniedem tixgħel skond is-saħħa li jkollu,
u l-għadab tiegħu jitla' skond ma jkollu ġid.
[Sir:28:11] Tilwima bl-għaġla tkebbes in-nar
u ġlieda bla ħsieb ixxerred id-demm.
[Sir:28:12] Jekk tonfoħ fuq xrara, tħeġġeġ,
u jekk tobżoq fuqha tintefa;
minn ħalqek joħorġu t-tnejn li huma.

L-ilsien

[Sir:28:13] Isħet lil min isefsef u jgħid kliem b'ieħor.
għaliex lil ħafna tellfilhom is-sliem.
[Sir:28:14] L-ilsien kalunjuż heżheż lil ħafna,
u xerridhom minn ġens għal ieħor,
ġarraf bliet b'saħħithom,
u djar ta' nies kbar qalibhom ta' taħt fuq.
[Sir:28:15] L-ilsien kalunjuż tefa' 'l barra nisa ta'
karattru,
u ċaħħadhom mill-qligħ ta' xogħolhom.
[Sir:28:16] Min jagħti widen tas-sefsif ma jsibx
mistrieħ,
u ma jgħammarx fis-sliem.
[Sir:28:17] Daqqa ta' sawt tagħmillek tbenġila,
imma daqqa ta' lsien tkissirlek għadmek.
[Sir:28:18] Ħafna waqgħu bil-ponta tas-sejf,
imma mhux daqs kemm iġġarrfu minħabba l-ilsien.
[Sir:28:19] Hieni min jinsab għall-kenn minnu,
u m'għaddiex mill-qilla tiegħu,
min ma ġarrx il-madmad tiegħu,
u ma ntrabatx bl-irbit tiegħu.
[Sir:28:20] Għax il-madmad tiegħu madmad
tal-ħadid,
u l-irbit tiegħu rbit tal-bronż.
[Sir:28:21] Il-mewt li jġib hi mewta kerha,
aħjar qiegħ l-art minnha.
[Sir:28:22] Ma jaħkimx fuq it-twajbin,
u dawn ma jinħaqrux b'ilsien in-nar tagħha.
[Sir:28:23] Dawk li telqu l-Mulej jaqgħu taħt
setegħtu,
u jħeġġeġ fosthom bla ma jintefa.
Jintbagħat għalihom bħal iljun,
u bħal ljupard jagħmilhom trietaq.
[Sir:28:24] Tella' ċint ta' l-għollieq mal-qasam
tiegħek,
u aqfel id-deheb u l-fidda tiegħek.
[Sir:28:25] Kliemek iżnu u kejjlu,
u fommok agħmillu bieb u stanga.
[Sir:28:26] Qis li ma tonqosx bi lsienek,
li ma taqax quddiem min jissajjalek.

29. Is-self

[Sir:29:1] Min jagħmel ħniena jislef
lill-proxxmu tiegħu,
u min jgħinu, iħares il-kmandamenti.
[Sir:29:2] Islef lill-proxxmu tiegħek meta hu
fil-bżonn,
rodd lura lill-ġar tiegħek fil-ħin.
[Sir:29:3] Żomm kelmtek u kun fidil miegħu,
u kull ħin issib dak li teħtieġ.
[Sir:29:4] Għal ħafna s-self qisu kien xi sejba,
u jaqilgħu l-għawġ għal dawk li jgħinuhom.
[Sir:29:5] Sa ma bniedem jieħu dak li jrid, ibus id
ħaddieħor,
u fuq il-ġid tal-proxxmu tiegħu jitkellem minn
taħt l-ilsien;
imma meta għandu jrodd lura jtawwal iż-żmien,
u jrodd bi kliem ta' wieħed li ma jimpurtahx,
u jġib skuża biż-żmien.
[Sir:29:6] Jekk jista' jħallas, min silfu bilkemm
jingħata n-nofs,
u jqis dan daqskieku kien xi sejba.
Jekk ma jkunx jista', ikun seraqlu ġidu,
u għal xejn b'xejn ikun għamlu għadu tiegħu;
iroddlu saħtiet u żebliħ,
u flok ġieħ iroddlu disprezz.
[Sir:29:7] Ħafna, mhux minħabba xi ħżunija,
jibqgħu lura milli jisilfu,
u joqogħdu attenti li ma jiġux misruqa għal
xejn b'xejn.

L-għoti bil-qalb

[Sir:29:8] Madankollu, lill-magħkus ħudu bis-sabar,
u tħallihx jistenna għall-karità.
[Sir:29:9] Minħabba l-kmandament għin lill-fqir,
u għax hu fil-bżonn tibagħtux lura b'idejh vojta.
[Sir:29:10] Itlef il-fidda tiegħek minħabba ħuk jew
ħabibek;
tħallihiex issaddad u tintilef taħt il-maduma.
[Sir:29:11] It-teżor tiegħek agħmel minnu skond
il-Liġi ta' l-Għoli,
u jkun għalik ta' qligħ aktar mid-deheb.
[Sir:29:12] Agħlaq il-karità fl-imħażen tiegħek,
u hi teħilsek minn kull hemm.
[Sir:29:13] Iktar minn tarka b'saħħitha jew lanza tqila
tiġġieled għalik ma' l-għadu tiegħek.

Ir-rahan

[Sir:29:14] Raġel sewwa jidħol rahan għall-ġar tiegħu,
u min tilef il-mistħija jħallih warajh.
[Sir:29:15] Tinsiex il-pjaċir ta' min daħal rahan
għalik,
għax dan ikun ta ħajtu minħabba fik.
[Sir:29:16] Il-midneb iħarbat il-ġid ta' min daħal
rahan għalih,
u min hu qalbu ħażina jitlaq lil min ħelsu.
[Sir:29:17] Għax għamluha ta' rahan, ħafna li
kellhom il-ġid ġew fix-xejn,
u theżhżu bħal mewġa tal-baħar;
[Sir:29:18] tbiegħdu minn darhom nies ta' setgħa,
u ġġerrew fost ġnus barranin.
[Sir:29:19] Il-midneb li jindaħal biex jirhan,
u jiġri wara l-qligħ, jaqa' f'idejn il-ġustizzja.
[Sir:29:20] Għin il-ġar tiegħek skond ma tista',
u oqgħod b'għajnejk miftuħa li ma taqax int
ukoll f'għawġ bħal dan.

Id-dar u l-merħba

[Sir:29:21] Il-ħwejjeġ ewlenija tal-ħajja huma l-ilma,
il-ħobż, u l-ilbies,
u dar fejn tostor l-għera tiegħek.
[Sir:29:22] Aħjar il-ħajja ta' fqir fil-kenn taħt saqaf
ta' l-injam,
minn ikel bil-ħala għand il-barranin.
[Sir:29:23] Ħa jkun jogħġbok kemm il-ftit u kemm
il-ħafna,
u hekk ma tismax ċanfir,
għax tkun ma' ħaddieħor.
[Sir:29:24] Jekk tgħix minn dar ħiereġ u f'oħra
dieħel, tgħaddi ħajja ta' niket;
u fejn tkun qiegħed ta' barrani
lanqas ħalqek ma tkun tista' tiftaħ.
[Sir:29:25] Tilqa' għandek u tagħti jixrob lil min ma
jafhulekx,
u minn fuq tisma' kliem iniggeż:
[Sir:29:26] "Ejja, barrani, ħejji l-mejda,
u jekk għandek xi ħaġa f'idek, agħtihieli ħalli
nikolha".
[Sir:29:27] "Itlaq, barrani, għax hawn min hu aqwa
minnek;
ġie joqgħod għandi ħija u neħtieġ id-dar".
[Sir:29:28] Dawn huma ħwejjeġ tqal għal bniedem
li għandu s-sens:
it-tmaqdir ta' sid id-dar, u t-tagħjir ta' min jislef.

30. It-trobbija ta' l-ulied

[Sir:30:1] Min iħobb 'il ibnu, ta' sikwit,
jagħtih is-swat,
ħalli fl-aħħar ikollu biex jifraħ.
[Sir:30:2] Min lil ibnu jżommlu, ibnu jkun għalih
ta' ġieħ,
u jiftaħar bih man-nies li jafhom.
[Sir:30:3] Min irabbi tajjeb 'il ibnu jqanqal l-għira
ta' l-għadu,
u jkun ferħan bih quddiem il-ħbieb.
[Sir:30:4] Itemm ħajtu missieru, imma daqskieku
ma mietx,
għax iħalli warajh wieħed bħalu.
[Sir:30:5] Tul ħajtu rah u kellu biex jifraħ,
u meta wasal fit-tmiem ma kellux biex jitnikket.
[Sir:30:6] Ħalla warajh wieħed biex jitħallas
mill-għedewwa,
u ieħor biex irodd lura lil ħbiebu l-favuri tagħhom.
[Sir:30:7] Min ifissed lil ibnu,
ikollu mbagħad jinfaxxa l-ġrieħi tiegħu stess,
u jinfena minn ġewwa bl-hemm ma' kull għajta.
[Sir:30:8] Żiemel li m'hux mans ikun ta' rasu,
u iben mhux imrażżan ikun rasu iebsa.
[Sir:30:9] Fissed lil ibnek, u jħallik imnixxef,
iċċajta miegħu u jgħallik.
[Sir:30:10] Tidħaklux biex ma jnikktekx,
u fl-aħħar tgħażżeż snienek.
[Sir:30:11] Tagħtihx setgħat f'żgħożitu,
u tagħlaqx għajnejk għan-nuqqas tiegħu.
[Sir:30:12] Baxxilu rasu f'żgħożitu,
agħtih fuq ġenbejh sakemm għadu tifel,
li ma jmurx joħroġ rasu iebsa u ma joqgħodx għalik.
[Sir:30:13] Widdeb lil ibnek u żommlu iebes,
biex ma tixgħofx bl-għajb tiegħu.

Is-saħħa

[Sir:30:14] Aħjar fqir imma qawwi u sħiħ,
minn wieħed għani u ġismu kollu wġigħ.
[Sir:30:15] Aħjar wieħed f'saħħtu u f'siktu milli
jkollu ħafna deheb,
u ġisem mibni sewwa b'ġid bla qjies,
[Sir:30:16] M'hawnx ġid aqwa mis-saħħa tal-ġisem,
u m'hawnx ferħ aqwa mill-hena tal-qalb.
[Sir:30:17] Aħjar il-mewt minn ħajja ta' mrar,
u l-mistrieħ ta' dejjem minn marda għal għomrok.
[Sir:30:18] Ġid imsawwab f'ħalq magħluq,
hu bħal offerti ta' ikel fuq xi qabar.
[Sir:30:19] X'tiswa offerta tal-frott lil idolu?
Għax hu la jiekol u lanqas ixomm;
hekk min laqtu l-Mulej:
[Sir:30:20] jara b'għajnejh u jitriegħed,
bħal ewnuku li jħaddan xebba.

L-hena

[Sir:30:21] Tintrebaħx min-niket
u tinfeniex bl-inkwiet.
[Sir:30:22] Hena tal-qalb hi ħajja għall-bniedem,
u l-ferħ ta' bniedem itawwallu jiemu.
[Sir:30:23] Derri u farraġ qalbek,
u n-niket warrbu 'l bogħod,
għax in-niket wassal ħafna għat-telfien,
u ma jiswa għal xejn.
[Sir:30:24] L-għira u l-għadab iqassrulek jiemek,
u l-inkwiet żejjed ixejjħek qabel iż-żmien.
[Sir:30:25] Bniedem ferrieħi jiekol bil-qalb;
u joqgħod attent x'jiekol.

31. L-għana

[Sir:31:1] In-nuqqas ta' rqad minħabba
l-għana jherri l-ġisem,
u t-tħassib tiegħu jtajjar in-ngħas.
[Sir:31:2] It-tħassib biex tgħix ma jħallikx torqod,
bħal marda kiefra jtellfek in-ngħas.
[Sir:31:3] L-għani jitħabat biex ikattar ġidu,
u meta jistrieħ, jitpaxxa bih.
[Sir:31:4] Il-fqir jitħabat biex ikollu biex jgħix,
u jekk jistrieħ jiġi fil-bżonn.
[Sir:31:5] Min iħobb id-deheb ma jibqax fis-sewwa,
u min jiġri wara l-flus joħroġ barra minn triqtu.
[Sir:31:6] Ħafna ħadu tisbita minħabba d-deheb,
u ħabbtu wiċċhom mat-telfien tagħhom.
[Sir:31:7] Hu xkiel għal dawk li huma mogħmija bih,
u kull iblah isir ilsir tiegħu.
[Sir:31:8] Hieni l-għani li jinstab mingħajr ħtija,
u li ma jiġrix wara d-deheb.
[Sir:31:9] Min hu dan biex infaħħruh,
għax fost niesu għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.
[Sir:31:10] Min kien imġarrab minnu, u baqa' bla
ħtija?
Għandu biex jiftaħar.
Min jista' jaqbeż il-limiti u ma jaqbiżhomx,
jew jista' jagħmel il-ħażen u ma jagħmlux?
[Sir:31:11] Ġidu jkun fis-sod,
u l-opri ta' ħnientu xxandarhom il-ġemgħa.

Il-pranzijiet

[Sir:31:12] Qiegħed bilqiegħda ma' mejda għal xi
ikla kbira?
Tħallix il-kilba għaliha tegħlbek,
u tgħidx: "Hemm bil-ħala fuqha."
[Sir:31:13] Ftakar li m'hux sew tħares b'għajn
kollha kilba.
X'inħoloq b'kilba akbar mill-għajn?
Għalhekk tnixxi dmugħ minn kull wiċċ.
[Sir:31:14] Jekk ħaddieħor jitfa' ħarstu fuq xi ħaġa,
toħroġx idek għaliha,
u trossx fuqu biex taħtaf mill-platt.
[Sir:31:15] Kun af li dak li tħoss int iħossu għajrek,
u f'kull ma tagħmel aħsibha sewwa.
[Sir:31:16] Kul bħan-nies dak li jitqiegħed
quddiemek;
tomogħdux bil-ħatfa, biex ma jmaqdrukx.
[Sir:31:17] Kun l-ewwel li tieqaf kif titlob l-imġiba
tajba,
u tkunx wieħed li qatt ma jixba', biex ma
triegħexx lil xi ħadd.
[Sir:31:18] U jekk qiegħed bilqiegħda qalb ħafna
nies,
tmiddx idek qabilhom.
[Sir:31:19] Biżżejjed il-ftit għal bniedem imrobbi
sewwa!
Fuq soddtu ma jaqtax nifsu.
[Sir:31:20] Raqda tajba fuq stonku ħafif;
tqum kmieni, u tħossok f'sikktek.
Nuqqas ta' rqad, tqalligħ,
u brim ta' msaren,
ibati bihom iż-żaqqieq.
[Sir:31:21] U jekk kont imġiegħel tiekol ħafna,
qum u mur aqla', ħa tistrieħ.
[Sir:31:22] Isma' minni, ibni, u twarrabnix,
għax fl-aħħar tiġi fi kliemi;
kull ma tagħmel, agħmlu bil-qjies,
u ebda marda qatt ma tilħqek.
[Sir:31:23] In-nies ifaħħru 'l min hu idejh miftuħa
fl-ikel,
ix-xhieda tagħhom hi minnha.
[Sir:31:24] In-nies imaqdru lil min hu idejh
magħluqa fl-ikel,
ix-xeħħa tiegħu hi flokha.

L-inbid

[Sir:31:25] Tagħmilhiex ta' raġel b'saħħtu bl-inbid fih,
għax l-inbid wassal ħafna għat-telfien.
[Sir:31:26] Il-forġa tistħarreġ l-ebusija ta' l-azzar,
hekk l-inbid iġarrab il-qlub fit-tilwim tal-kburin.
[Sir:31:27] L-inbid hu daqs il-ħajja għall-bnedmin,
jekk tixorbu bil-qjies tiegħu.
X'inhi ħajja nieqsa mill-inbid?
Għalhekk kien maħluq,
biex iferraħ lill-bnedmin.
[Sir:31:28] Hena tal-qalb u ferħ fir-ruħ
meta l-inbid jinxtorob bil-qjies u f'waqtu.
[Sir:31:29] Mrar ir-ruħ meta l-inbid bl-adoċċ
nxtorob,
waqt tinbix u tfixkil.
[Sir:31:30] Is-sokor iżid l-herra ta' l-iblah hekk li
jinfixel,
idgħajjiflu ħiltu u jimlieh bil-ġrieħi.
[Sir:31:31] Fil-laqgħa fejn jinxtorob l-inbid teħodhiex
mal-ġar tiegħek,
u tkasbrux fix-xalar tiegħu.
U ċanfira ma tgħidhilux,
u ddejjqux b'xi talba tiegħek.

32. Il-pranzijiet

[Sir:32:1] Qegħduk f'ras il-mejda? Tintefaħx!
Kun magħhom bħallikieku wieħed minnhom;
aħseb fihom u wara oqgħod bilqiegħda.
[Sir:32:2] U meta tkun ħsibt għal kollox inxteħet
bilqiegħda,
ħa tifraħ magħhom,
u għall-imġiba tajba tiegħek tikseb kuruna.
[Sir:32:3] Tkellem, int li int ixjeħ, għax jixraqlek;
imma tkellem bl-għaqal u twaqqafx id-daqq.
[Sir:32:4] Fejn hemm ix-xalar, tintilifx fil-kliem;
u toqgħodx tilgħabha ta' l-għaref barra minn ħinu.
[Sir:32:5] Bħal siġill b'rubin ingastat fid-deheb,
hekk hu kunċert tal-mużika waqt xi festa ta' l-inbid.
[Sir:32:6] Bħal siġill bi żmerald tad-deheb,
hekk hu d-daqq tal-mużika ma' nbid ħelu.
[Sir:32:7] Tkellem, żagħżugħ, jekk għandhom
bżonnok,
l-aktar darbtejn jekk tkun mitlub.
[Sir:32:8] Tkellem fil-qosor, u għid ħafna fi ftit kliem,
kun bħal wieħed li jaf imma fl-istess ħin iżomm
is-skiet.
[Sir:32:9] Fost il-kbarat toqgħodx tintrefa',
u toqgħodx tpaċpaċ waqt li ħaddieħor ikun jitkellem.
[Sir:32:10] Qabel ir-ragħda tasal ħafifa l-berqa,
qabel il-modestja tiġi l-grazzja.
[Sir:32:11] Qum meta jkun sar il-ħin u tkunx
l-aħħar wieħed,
iġri lura lejn darek bla tnikkir.
[Sir:32:12] Hemmhekk ixxala u agħmel dak li
għandek f'rasek,
u tidnibx bi kliem kburi.
[Sir:32:13] U ta' dan bierek 'il min ħalqek,
u qed ixebbgħek bil-ġid tiegħu.

Il-biża' ta' Alla

[Sir:32:14] Min jibża' mill-Mulej jilqa' twiddibu,
u dawk li jbakkru biex ifittxuh isibu r-rieda
tajba tiegħu.
[Sir:32:15] Min ifittex il-Liġi, jimtela biha,
imma min juri wiċċ b'ieħor jitfixkel fiha.
[Sir:32:16] Dawk li jibżgħu mill-Mulej isirilhom
il-ħaqq,
u l-għemejjel tajba tagħhom jiddu bħad-dawl.
[Sir:32:17] Bniedem midneb ċanfira ma jagħtix kasha,
u jgħawweġ il-Liġi skond kapriċċih.
[Sir:32:18] Bniedem bis-sens ma jwarrab ebda ħsieb;
imma l-insolenti u l-imkabbar ma jċedix bil-biża'.
[Sir:32:19] Tagħmel xejn mingħajr ħsieb,
u mbagħad ma jkollokx għalfejn jisgħob bik.
[Sir:32:20] Timxix fi triq kollha tfixkil,
u ma titfixkilx darbtejn fiż-żrar.
[Sir:32:21] M'għandux ikollok fiduċja żejda fi triq
watja,
[Sir:32:22] u oqgħod għassa għal mogħdijietek.
[Sir:32:23] Oqgħod għassa fuqek innifsek f'kull ma
tagħmel,
għax dan hu l-ħarsien tal-kmandamenti.
[Sir:32:24] Min joqgħod għal-Liġi jagħti kas
tal-kmandamenti,
u min jafda fil-Mulej ma jitlef xejn.

33. [Sir:33:1] L-għawġ ma jiġix fuq min jibża'
mill-Mulej,
u f'kull tiġrib jeħilsu għal darba tnejn.
[Sir:33:2] Bniedem għaqli ma jobgħodx il-Liġi,
u min juri wiċċ b'ieħor fil-ħarsien tagħha qisu
dgħajsa fil-maltemp.
[Sir:33:3] Min jifhem jafda fil-Liġi,
u joqgħod fuqha daqs kelmet oraklu.
[Sir:33:4] Ħejji dak li għandek tgħid, u hekk tkun
mismugħ,
iġbor flimkien dak li tgħallimt, u mbagħad
agħti tweġiba.
[Sir:33:5] Bħal rota ta' karettun qalb l-iblah;
u ħsibijietu bħal rota ddur.
[Sir:33:6] Żiemel għar-razza l-ħabib tad-daħk;
jiżher taħt kull min jirkeb fuqu.

Ħaġa m'hix bħal oħra

[Sir:33:7] Għaliex jum hu aħjar minn ieħor
meta d-dawl ta' kull jum is-sena kollha ġej
mix-xemx?
[Sir:33:8] Bl-għerf tiegħu l-Mulej għażel wieħed
minn ieħor
u qassam iż-żminijiet u l-festi.
[Sir:33:9] Uħud minnhom għolliehom fuq l-oħrajn
u qaddishom,
u wħud minnhom għamilhom jiem tas-soltu.
[Sir:33:10] U l-bnedmin kollha ġejjin mit-trab,
u Adam kien maħluq mill-art.
[Sir:33:11] Fil-milja ta' għerfu l-Mulej għażel
wieħed minn ieħor,
u għamel li triqathom ma jkunux jixxiebhu.
[Sir:33:12] Uħud minnhom berikhom u għolliehom,
uħud minnhom qaddishom u ressaqhom lejh;
imma wħud minnhom seħethom u tefagħhom 'l isfel,
u warrabhom minn fejn kienu.
[Sir:33:13] Bħal tafal f'idejn il-fuħħari,
- kollox jagħmel skond ma jogħġob lilu –
hekk il-bnedmin f'idejn min għamilhom:
jagħtihom skond kif jaqtagħha hu.
[Sir:33:14] Kontra l-ħażin hemm it-tajjeb,
u kontra l-mewt hemm il-ħajja,
kontra l-midneb hemm il-bniedem sewwa.
[Sir:33:15] Hekk ukoll jekk tħares lejn l-għemejjel
kollha ta' l-Għoli;
qegħdin tnejn tnejn, wieħed kontra l-ieħor.
[Sir:33:16] U jien l-aħħar wieħed li bqajt nishar,
bħal min ilaqqat il-fdal wara ġbir il-għeneb.
[Sir:33:17] Bil-barka tal-Mulej ġejt 'il quddiem,
bħal min jiġbor l-għeneb u jimla l-magħsar.
[Sir:33:18] Araw li mhux għalija biss tħabatt,
imma għal dawk kollha li jfittxu t-tagħlim.
[Sir:33:19] Isimgħu minni, kbarat tal-poplu;
mexxejja tal-ġemgħa, agħtuni widen.

Mingħajr xkiel

[Sir:33:20] Lil ibnek u 'l martek, lil ħuk u 'l ħabibek,
tul ħajtek tagħtihomx setgħa fuqek.
Il-ġid li għandek tagħtihx lil ħaddieħor,
biex ma jisgħobx bik u titlobhulu lura.
[Sir:33:21] Sakemm għadek ħaj u qed tieħu n-nifs,
tintreħa f'idejn l-ebda bniedem.
[Sir:33:22] Għax aħjar li wliedek jitolbu lilek,
milli int tistenna xi ħaġa minn idejn uliedek.
[Sir:33:23] Kun mill-aħjar f'kull ma tagħmel,
u ttebbax ġieħek.
[Sir:33:24] Dakinhar li jaslu fit-tmiem jiem ħajtek,
meta tkun wasalt fl-aħħar, qassam wirtek.

L-ilsiera

[Sir:33:25] Għalf, bastun, u tagħbija għall-ħmar,
ħobż, dixxiplina, u xogħol għall-qaddej tiegħek.
[Sir:33:26] Qabbad il-qaddej tiegħek jaħdem, u ssib
il-mistrieħ,
ħallih b'idejh qiegħda, u jfittex il-ħelsien.
[Sir:33:27] Madmad u riedni jgħawwġu l-għonq,
xkiel u frosta għall-qaddej ħażin.
[Sir:33:28] Itfgħu għax-xogħol biex ma jitgħażżinx,
għax l-għażż jgħallem il-ħażen kollu.
[Sir:33:29] Qiegħdu fuq xogħol bħalma jistħoqqlu,
u jekk ma jobdix xekkillu riġlejh.
[Sir:33:30] Imma lil ħadd m'għandek tgħabbi żżejjed,
u tagħmel xejn mingħajr ma taħsibha.
[Sir:33:31] Jekk għandek qaddej, għandu jkun bħalek,
għaliex inti ksibtu bil-prezz ta' demmek.
[Sir:33:32] Jekk għandek qaddej, żommu bħal ħuk,
għax teħtieġu daqsek innifsek.
[Sir:33:33] Jekk iġġib ruħek ħażin miegħu u jitilqek
u jaħrab,
fejn taqbad tfittxu?

34. Il-ħolm

[Sir:34:1] Tamiet fiergħa u qarrieqa ssibhom
għand bniedem bla moħħ,
u bil-ħolm il-boloh itellgħu l-ġwienaħ.
[Sir:34:2] Bħal wieħed jipprova jaqbad id-dellijiet
jew jiġri wara r-riħ,
hekk hu min jagħti kas tal-ħolm.
[Sir:34:3] Dan biswit dak: hekk hi dehra fil-ħolm;
quddiem wiċċ xbieha ta' wiċċ.
[Sir:34:4] X'jiġi msoffi b'ħaġa mniġġsa?
U x'jiġi ppruvat veru b'ħaġa qarrieqa?
[Sir:34:5] Tbassir, teħbir, u ħolm kollhom frugħa,
bħal thewdin il-moħħ ta' mara fil-ħlas.
[Sir:34:6] Jekk m'humiex mibgħuta mill-Għoli
bħallikieku qed iżurek,
lanqas biss m'għandek taħseb fuqhom.
[Sir:34:7] Il-ħolm qarraq b'ħafna,
u dawk li ttamaw fih stennew ta' xejn.
[Sir:34:8] Mingħajr dal-qerq isseħħ il-Liġi,
u l-milja ta' l-għerf qiegħda fuq fomm sinċier.

L-ivvjaġġar

[Sir:34:9] Bniedem li jivvjaġġa,
u min hu ta' esperjenza, jaf x'għandu jgħid.
[Sir:34:10] Ftit jaf min ma ġarrabx;
imma min ġera jitkellem ta' wieħed li jifhem.
[Sir:34:11] Rajt ħafna fil-vjaġġi tiegħi,
u fhimt iktar milli nista' ngħid bil-kliem.
[Sir:34:12] Ħafna drabi rajt il-mewt,
imma ħlistha minħabba l-esperjenza.
[Sir:34:13] L-ispirtu ta' dawk li jibżgħu mill-Mulej
jibqa' ħaj,
għax it-tama tagħhom qiegħda f'dak li jsalvahom.
[Sir:34:14] Min għandu l-biża' tal-Mulej minn xejn
ma jibża';
u ma jaqtax qalbu, għax il-Mulej it-tama tiegħu.
[Sir:34:15] Hieni min jibża' mill-Mulej!
Fuq min se joqgħod? U fuq min se jserraħ?
[Sir:34:16] Għajnejn il-Mulej fuq dawk li jħobbuh;
hu ta' qawwa biex tistkenn warajh,
u ta' saħħa biex isserraħ fuqu,
jagħtik kenn mir-riħ sħun u mis-sħana ta' nofsinhar,
iħarsek mit-tfixkil u jgħinek biex ma taqax,
[Sir:34:17] jerfgħek fl-ispirtu u jdawwallek għajnejk,
jagħtik il-fejqan, il-ħajja, u l-barka.

Is-sagrifiċċji

[Sir:34:18] Jekk xi ħadd joffri b'sagrifiċċju mill-qligħ
inġust tiegħu l-offerta tkun daħka fil-wiċċ,
u l-għotjiet ta' min ma jħarisx il-Liġi ma
jogħġbux il-Mulej.
[Sir:34:19] Ma jogħġbux lill-Għoli l-offerti ta' dawk
li ma jibżgħux minnu,
u ma jitħallasx għad-dnubiet b'kotra ta' sagrifiċċji.
[Sir:34:20] Bħal min joqtol iben quddiem għajnejn
missieru,
hekk hu min joffri sagrifiċċju minn ħwejjeġ il-fqir.
[Sir:34:21] Il-ħobż ta' min hu fil-bżonn hu l-għajxien
tal-fqir,
u min jeħodhulu hu bniedem imċappas bid-demm.
[Sir:34:22] Joqtol il-proxxmu min jeħodlu l-għajxien
tiegħu,
u jċarċar id-demm min iżomm ħlas il-lavrant.
[Sir:34:23] Wieħed jibni u ieħor iħott;
x'se jieħdu aktar minn tbatija?
[Sir:34:24] Wieħed jitlob u ieħor jisħet;
leħen min se jisma' s-Sid?
[Sir:34:25] Min jinħasel wara li jkun mess ġisem
mejjet u mbagħad jerġa' jmissu,
xi jkun ħa bil-ħasil tiegħu?
[Sir:34:26] Hekk il-bniedem li jsum għal dnubietu
u jerġa' jmur jagħmel l-istess;
min se jagħti widen għat-talba tiegħu?
Xi jkun ħa billi jkun ċekken lilu nnifsu?

35. Il-Liġi u s-sagrifiċċji

[Sir:35:1] Min iħares il-Liġi jkun qed jagħmel
kotra ta' offerti,
min iħares il-kmandamenti jagħmel sagrifiċċju
tas-sliem.
[Sir:35:2] Min ipatti l-ħniena għall-ħniena jkun qed
iressaq offerta tal-qmuħ
u min jagħmel karità jkun qed joffri sagrifiċċju
ta' tifħir.
[Sir:35:3] Jogħġob lill-Mulej min iżomm 'il bogħod
mill-ħażen
u jħallas għal dnubietu min jibqa' 'l bogħod
mill-inġustizzja.
[Sir:35:4] Tidhirx quddiem il-Mulej b'idek vojta;
dan kollu għandu jsir minħabba l-kmandament.
[Sir:35:5] L-offerta tal-ġust tikkonsagra l-artal
biż-żejt,
u l-fwieħa tagħha titla' quddiem l-Għoli.
[Sir:35:6] Is-sagrifiċċju tal-ġust jilqgħu l-Mulej,
u t-tifkira tiegħu ma tintesiex.
[Sir:35:7] Agħti ġieħ lill-Mulej b'idejk miftuħa,
u toffrix bit-tqanċiċ mill-bikri.
[Sir:35:8] Kull għotja tiegħek agħtiha bil-ferħ,
u agħti l-għexur tiegħek bil-qalb.
[Sir:35:9] Agħti lill-Għoli skond ma tak hu,
b'qalb kbira skond ma ssib f'idejk.
[Sir:35:10] Għax il-Mulej irodd lura,
u jħallsek seba' darbiet aktar.

Il-ġustizzja ta' Alla

[Sir:35:11] Tippruvax ixxaħħmu għax ma jilqax dak
li toffrilu,
u sserraħx rasek fuq sagrifiċċju inġust,
[Sir:35:12] għax il-Mulej hu mħallef,
u ma jħarisx lejn l-uċuħ.
[Sir:35:13] Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun
b'dannu tal-fqir,
u jagħti widen għat-talba tal-magħkus.
[Sir:35:14] Ma jagħlaqx widnejh għat-talba
bil-ħniena ta' l-iltim,
jew ta' l-armla li tibki xortiha.
[Sir:35:15] Jaqaw dmugħ l-armla ma jġelbinx
ma' ħaddejha,
hi u tixher kontra min kien kaġun tiegħu?
[Sir:35:16] Min jaqdi mill-qalb lil Alla jintlaqa',
u t-talba tiegħu titla' m'ogħla s-sħab.
[Sir:35:17] It-talba ta' l-umli tinfed is-sħab,
u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib il-Mulej,
[Sir:35:18] u ma tiqafx qabel ma' l-Għoli jagħti widen,
u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.
[Sir:35:19] Il-Mulej ma jitnikkirx,
u ma joqgħodx jissaportihom,
[Sir:35:20] sa ma jfarrak ġenbejn il-kiefra,
u jrodd il-kastigi lill-ġnus;
[Sir:35:21] sa ma jneħħi l-kotra tal-ħżiena
u jfarrak ix-xettri ta' l-inġusti;
[Sir:35:22] sa ma jħallas il-bniedem skond għemilu.
u xogħlijiet il-bniedem skond ħsibijietu;
[Sir:35:23] sa ma jiġġudika l-kawża tal-poplu tiegħu,
u jferraħhom bil-ħniena tiegħu.
[Sir:35:24] Għażiża ħnientu fit-tiġrib tiegħu,
daqs sħab tax-xita fi żmien in-nixfa.

36. Talba għall-ħelsien u l-qawmien ta' Iżrael

[Sir:36:1] Ikollok ħniena minna,
Sidna, Alla tal-ħolqien kollu, u ħares lejna,
u niżżel fuq il-ġnus kollha l-biża' tiegħek.
[Sir:36:2] Erfa' idek fuq il-ġnus, il-barranin,
ħa jaraw il-qawwa tiegħek.
[Sir:36:3] Bħalma quddiemhom urejt qdusitek bina,
hekk ukoll quddiemna uri l-kobor tiegħek bihom.
[Sir:36:4] U jagħrfuk bħalma għarafniek aħna,
li m'hemmx Alla ħliefek, Mulej.
[Sir:36:5] Uri sinjali ġodda u erġa' agħmel
għeġubijiet,
agħti glorja lil idek u lil driegħek il-lemini.
[Sir:36:6] Qanqal l-għadab tiegħek, u żvoga
l-korla tiegħek,
eqred lil min jeħodha miegħek, u ġib
fix-xejn lill-għadu tiegħek.
[Sir:36:7] Qassar iż-żmien u ftakar fil-ħalfa,
ħa jixxandru għeġubijietek.
[Sir:36:8] Min ħelisha, ħa jinfena b'nar għadbek,
u dawk li jagħmlu ħsara lill-poplu tiegħek
ħa jintilfu.
[Sir:36:9] Farrak l-irjus tal-mexxejja ta' l-għedewwa,
dawk li jgħidu: "M'hawnx għalina?"
[Sir:36:10] Iġma' t-tribujiet kollha ta' Ġakobb,
u agħtihom wirthom bħalma għamilt fil-bidu.
[Sir:36:11] Ikollok ħniena, Mulej, mill-poplu li
jsejjħulu b'ismek,
minn Iżrael, li int għaddejtu b'ibnek il-kbir.
[Sir:36:12] Ħa tiġik ħasra mill-belt qaddisa tiegħek,
Ġerusalemm, il-post tal-mistrieħ tiegħek.
[Sir:36:13] Imla 'l Sijon bl-għana ta' tifħirek,
u t-tempju tiegħek bil-glorja tiegħek.
[Sir:36:14] Ixhed għal dawk li int ħlaqt fil-bidu,
u temm il-profeziji li ngħataw f'ismek.
[Sir:36:15] Agħti ħlashom lil dawk li jittamaw fik,
u hekk jitwemmnu l-profeti tiegħek.
[Sir:36:16] Agħti widen, Mulej, għat-talba
tal-qaddejja tiegħek,
skond il-barka ta' Aron fuq il-poplu tiegħek.
[Sir:36:17] U kull min hu fuq l-art jagħraf
li int il-Mulej, o Alla ta' dejjem.

L-għażla bejn ħaġa u oħra

[Sir:36:18] Fl-istonku jintefa' kull xorta ta' ikel,
imma hemm ikel itjeb minn ieħor.
[Sir:36:19] Bħalma l-ħalq itiegħem laħam l-annimali,
hekk ukoll min jilħaqlu moħħu jintebaħ bi
kliem qarrieq.
[Sir:36:20] Min hu qalbu mħassra hu kaġun ta' niket,
imma l-bniedem imġarrab jaf kif għandu jħallsu.

L-għażla

[Sir:36:21] Mara tilqa' 'l kull raġel,
imma xi bniet huma aħjar minn oħrajn.
[Sir:36:22] Is-sbuħija ta' mara tnissel hena fuq wiċċ
dak li jkun,
u tisboq kull ma jixtieq bniedem.
[Sir:36:23] U jekk il-kliem ta' fommha hu ħelu u
ħlejju,
żewġha m'hawnx bħalu fost il-bnedmin.
[Sir:36:24] Min jikseb mara jsib fortuna,
għajnuna taqbel għal miegħu u kolonna biex
iserraħ fuqha.
[Sir:36:25] Fejn m'hemmx ħajt, dak li għandek
jeħduhulek;
u fejn m'hemmx mara r-raġel imdejjaq,
jiġġerra 'l hemm u 'l hawn.
[Sir:36:26] Għax min se jafda f'ħalliel ħafif,
li jaqbeż bil-ġiri minn belt għal oħra.
[Sir:36:27] Hekk ukoll bniedem li m'għandux bejta,
u jorqod fejn jilħqu l-lejl.

37. Ħbieb ta' l-isem

[Sir:37:1] Kull ħabib jgħid: "Jien ukoll ħabibek?"
imma hemm ħbieb ta' l-isem biss.
[Sir:37:2] M'hux għali għall-mewt
meta sieħbek jew ħabibek idur kontrik?
[Sir:37:3] Ja ħsieb ħażin, għalfejn inħlaqt?
Biex tiksi l-art bil-qerq?
[Sir:37:4] Hemm ħabib li jifraħ bil-ferħ ta' sieħbu,
imma fi żmien l-għawġ idur kontrih.
[Sir:37:5] Hemm sieħeb li għal żaqqu jbati ma'
ħabibu,
imma quddiem l-għadu jaqbad it-tarka.
[Sir:37:6] Ara li moħħok ma jinsiex 'il ħabibek;
u tonqosx li tiftakar fih meta int fil-ġid.

Min jagħti parir

[Sir:37:7] Kull kunsillier ifaħħar il-parir tiegħu;
imma hawn min jagħti parir għall-interess
tiegħu nnifsu.
[Sir:37:8] Ħares ruħek minn min jagħtik parir,
u l-ewwel kun af xi jrid
- għax hu wkoll jaħseb għal rasu –
li ma jmurx itella' x-xorti kontrik,
[Sir:37:9] u jgħidlek: "Qiegħed fit-triq it-tajba?"
biex imbagħad iwarrab in-naħa l-oħra
jistenna x'se jsir minnek.
[Sir:37:10] Tiħux parir mingħand min iħarislek minn
taħt il-għajn,
u żomm mistur il-pjan tiegħek minn dawk
li jgħiru għalik.
[Sir:37:11] Tiħux parir mingħand mara dwar waħda
li għandha għaliha,
jew mingħand beżżiegħi dwar it-taqbid,
mingħand bejjiegħ dwar ix-xiri,
jew mingħand xerrej dwar il-bejgħ,
mingħand l-ingrat dwar radd il-ħajr,
jew mingħand il-kiefer dwar xi għemil ta' ħniena,
mingħand l-għażżien dwar xi biċċa xogħol,
jew mingħand ħaddiem mikri għal sena dwar
it-tmiem ta' xogħlu,
mingħand qaddej bla ħeġġa dwar xi biċċa
xogħol kbira;
toqgħodx fuq dawn għal xi parir.
[Sir:37:12] Imma ibqa' l-ħin kollu ma' bniedem
twajjeb,
li int taf li jħares il-kmandamenti;
li jħoss bħalma tħoss int,
u jekk titfixkel jagħli għalik.
[Sir:37:13] Oqgħod fuq li tgħidlek qalbek,
għax fuq ħadd ma tista' toqgħod aħjar minnha,
[Sir:37:14] għax xi drabi l-bniedem qalbu teħbru
aħjar
minn seba' għassiesa fuq torri fl-għoli.
[Sir:37:15] U barra minn dan itlob lill-Għoli,
li jmexxik dritt fi triq is-sewwa.

L-għerf veru u l-għerf falz

[Sir:37:16] Ir-raġuni hi l-bidu ta' kull għemil,
u l-ħsieb jiġi qabel kull ma tagħmel.
[Sir:37:17] Bħala sinjal ta' bidla fil-qalb
erba' ishma jidhru:
[Sir:37:18] it-tajjeb u l-ħażin, il-ħajja u l-mewt,
u dak li jaħkem dejjem fuqhom hu l-ilsien.
[Sir:37:19] Hemm bniedem moħħu jilħaqlu li
jgħallem lil ħafna,
imma għalih innifsu ma jiswa xejn.
[Sir:37:20] Hemm min, għalkemm jinqala' biex
jitkellem, ma jaħmluhx;
u jisfa' nieqes minn kull ikel,
[Sir:37:21] ma ngħatatx lilu l-grazzja mill-Mulej,
għax hu nieqes minn kull għerf.
[Sir:37:22] Hemm min hu għaref għalih innifsu,
u l-frott ta' għerfu f'fommu biss.
[Sir:37:23] Bniedem għaref jgħallem lill-poplu
tiegħu stess,
u l-frott ta' għerfu ta' min joqgħod fuqu.
[Sir:37:24] Bniedem għaref jimtela bit-tifħir,
u jsejjħulu hieni dawk kollha li jarawh.
[Sir:37:25] Il-ħajja ta' bniedem titkejjel bl-għadd ta'
jiemu,
imma jiem Iżrael ma jingħaddux.
[Sir:37:26] Min hu għaref jikseb il-fiduċja tal-poplu
tiegħu,
u ismu jibqa' ħaj għal dejjem.

Il-qjies

[Sir:37:27] Ibni, tul ħajtek qiegħed ruħek fil-prova,
u ara x'inhu ħażin għaliha u tagħtihulhiex;
[Sir:37:28] għax mhux kollox jgħodd għal kulħadd,
u mhux kulħadd kollox jogħġbu.
[Sir:37:29] Tkunx wieħed li ma xxebbgħek l-ebda
ħaġa bnina,
u tingħatax għall-ikel żejjed,
[Sir:37:30] għax l-ikel żejjed iġib il-mard,
u l-kilba għall-ikel twassal għad-dardir.
[Sir:37:31] Ħafna mietu għax ma kilux bil-qjies;
imma min joqgħod attent itawwal ħajtu.

38. Id-duwa u l-mard

[Sir:38:1] Agħti ġieħ lit-tabib kif jistħoqqlu
minħabba li teħtieġu,
għax lilu wkoll ħalaq il-Mulej;
[Sir:38:2] għax il-fejqan ġej mingħand l-Għoli
u hu jieħu r-rigal mingħand is-sultan.
[Sir:38:3] Is-sengħa tat-tabib terfagħlu rasu,
u quddiem il-kbarat jistagħġbu bih.
[Sir:38:4] Il-Mulej ħalaq id-duwa mill-art,
u l-bniedem li għandu s-sens ma jżeblaħhiex.
[Sir:38:5] M'hux b'zokk l-ilma sar ħelu,
biex hekk tingħaraf ħilet Alla?
[Sir:38:6] Il-Mulej ta wkoll is-sengħa lill-bnedmin
biex jiftaħru bl-għeġubijiet tiegħu.
[Sir:38:7] Bihom ifejjaq u jeħles lil min ibati;
bihom l-ispiżjar jagħmel it-taħlita.
[Sir:38:8] B'hekk xogħol il-Mulej ma jintemm qatt,
u mingħandu hemm is-saħħa fuq wiċċ l-art.
[Sir:38:9] Ibni, fil-mard tiegħek tħarisx bl-ikrah,
imma itlob lill-Mulej, u hu jfejjqek.
[Sir:38:10] Tbiegħed min-nuqqas tiegħek
u imxi b'subgħek dritt,
u naddaf qalbek minn kull dnub.
[Sir:38:11] Agħmel l-offerta tfuħ u t-tifkira ta' dqiq
fin,
u fuq l-offerta sawwab żejt kemm tista'.
[Sir:38:12] U fittex lit-tabib għax lilu wkoll ħalaq
il-Mulej,
u tħallihx jitilqek, għax għandek bżonnu.
[Sir:38:13] Hemm żmien meta l-fejqan qiegħed
f'idejhom;
[Sir:38:14] għax huma wkoll jitolbu l-Mulej,
biex jagħtihom li jserrħu,
li jifhmu l-marda u jfejjqu ħalli l-bniedem
iżommuh ħaj.
[Sir:38:15] Min jidneb quddiem min ħalqu,
jaqa' f'idejn it-tabib!

Il-vistu

[Sir:38:16] Ibni, xerred id-dmugħ fuq mejjet,
u bħal wieħed muġugħ għall-aħħar tniehed.
Idfen il-katavru tiegħu skond ma jistħoqqlu,
u twarrabx fid-difna tiegħu.
[Sir:38:17] Il-biki tiegħek ikun ta' mrar u l-għajat
tiegħek ikun imħeġġeġ,
u għamillu l-vistu kif inhu xieraq,
jum wieħed jew tnejn biex ma jgħidux bik,
u mbagħad stabar fl-għali tiegħek.
[Sir:38:18] Għax mill-għali tista' tiġi l-mewt,
u s-swied il-qalb jifnilek saħħtek.
[Sir:38:19] Fl-inkwiet jibqagħlek biss in-niket,
ħajja ta' inkwiet issewwidlek qalbek.
[Sir:38:20] Tħallix qalbek timtela bin-niket,
warrbu minnek u ftakar fi tmiem ħajtek.
[Sir:38:21] Tinsiex, ħadd ma jiġi lura;
lill-mejjet m'int tagħmillu l-ebda ġid,
imma deni lilek innifsek:
[Sir:38:22] "Ftakar fil-kundanna tiegħi, għax għad
tasal tiegħek ukoll,
ilbieraħ jien, u għada int."
[Sir:38:23] Kif jistrieħ il-mejjet,
ħalli tistrieħ tifkirtu wkoll,
u int tfarraġ malli tkun ħarġet ruħu.

Il-professjonijiet u s-snajja'

[Sir:38:24] Il-kittieb jikseb l-għerf fil-ħin liberu,
min għandu ftit x'jagħmel jista' jikseb l-għerf.
[Sir:38:25] Kif jista' jsir għaref min jaħdem
bil-moħriet,
jew min jiftaħar bil-lasta tan-niggieża?
Min isuq il-gniedes u hu medhi bix-xogħol
tagħhom,
u kliemu fuq nisel il-gniedes?
[Sir:38:26] Għandu għal qalbu li jaħrat raddiet,
u s-sahra tiegħu jgħaddiha jagħlef il-barrin.
[Sir:38:27] Hekk ukoll kull ħaddiem u mgħallem
tas-sengħa,
li jaħdem lejn u nhar;
dawk li jonqxu inċiżjonijiet fuq is-siġilli,
li bis-sabar ifittxu kif se jonqxu xbihat ta'
għamla ġdida:
ħsiebhom li jpittru xi xbieha sabiħa,
u jagħmlu s-sahra biex ilestu xogħolhom.
[Sir:38:28] Hekk ukoll ħaddied maġenb l-inkwina,
ħsiebu fix-xogħol tal-ħadid;
is-sħana tan-nar tixwilu ġismu,
u jkollu jeħodha mas-sħana tal-forn;
il-ħoss tal-martell itarraxlu widnejh,
u għajnejh ma jaqlagħhomx minn fuq il-mudell,
ħsiebu li jlesti xogħlu,
u jishar biex jorqmu sewwa.
[Sir:38:29] Hekk ukoll il-fuħħari hu u jaħdem
bilqiegħda,
b'saqajh ir-rota jdawwar;
il-ħin kollu mitluf fuq xogħlu,
u kull ma jagħmel jagħmlu bil-qjies.
[Sir:38:30] B'dirgħajh isawwar it-tafal,
u b'saqajh irattbu;
ħsiebu li jtemm il-lostru,
u jishar biex inaddaf il-forn.
[Sir:38:31] Dawn kollha jinqalgħu b'idejhom
u kull wieħed mgħallem f'senegħtu.
[Sir:38:32] Mingħajrhom ma tinbeniex belt,
u ma jkunx hemm fejn toqgħod jew fejn iddur.
[Sir:38:33] Imma ma jfittxuhomx għall-kunsill
tal-poplu,
u fil-ġemgħa ma jkunux minn ta' quddiem;
fuq is-sedja ta' mħallef ma joqogħdux,
u ma jifhmux kif għandu jsir il-ħaqq.
[Sir:38:34] Lanqas ma juru tagħlim u ġudizzju,
u ma ssibhomx jitkellmu bil-qwiel,
imma jirfdu d-dinja maħluqa,
u t-talba tagħhom hi għal xogħol sengħethom.

39. Il-bniedem ta' l-iskola

[Sir:39:1] Mhux hekk min jagħti ruħu
għall-istudju tal-Liġi ta' l-Għoli.
Hu jitkixxef l-għerf tan-nies ta' dari,
u jkun medhi bil-profeziji.
[Sir:39:2] Iħares l-għajdut ta' nies magħrufa,
u jsir midħla ta' l-irqaqat tal-parabboli.
[Sir:39:3] Jitkixxef it-tifsir moħbi tal-proverbji,
u hu midħla wkoll tal-parabboli bil-kliem mistur.
[Sir:39:4] Ikun jaqdi qalb in-nies kbar,
u jidher quddiem il-mexxejja.
Idur f'artijiet il-ġnus ta' barra,
iġarrab it-tajjeb u l-ħażin tal-bniedem.
[Sir:39:5] Ħa jdur lejn il-Mulej li ħalqu,
u jitlob quddiem l-Għoli;
u jiftaħ fommu fit-talb,
u jitlob maħfra ta' dnubietu.
[Sir:39:6] Jekk tkun ir-rieda tal-Mulej fil-kobor
tiegħu,
jimtela bi spirtu ta' fehma.
Minnu toħroġ xmara ta' kliem l-għerf,
u fit-talb irodd ħajr lill-Mulej.
[Sir:39:7] Iżomm dritt fil-parir tiegħu u t-tagħlim,
u jaħseb fuq il-misteri tal-Mulej.
[Sir:39:8] Juri t-tagħlim li kien imrobbi fih,
u jiftaħar bil-Liġi tal-patt tal-Mulej.
[Sir:39:9] Ħafna jfaħħru l-għaqal tiegħu,
u dan qatt ma jintesa.
It-tifkira tiegħu ma titwarrabx,
u ismu jkun imfittex minn nisel għal nisel.
[Sir:39:10] L-għerf tiegħu ixandruh il-ġnus,
u t-tifħir tiegħu tħabbru l-ġemgħa.
[Sir:39:11] Sakemm idum ħaj jistmawh aktar minn elf,
u meta jmur jistrieħ ismu jibqa' għal dejjem.

Stedina għal tifħir lil Alla

[Sir:39:12] Irrid ngħid iktar fuq dak li qed naħseb,
għax inħossni mimli daqs qamar kwinta.
[Sir:39:13] Isimgħu minni, ulied il-qaddisin, u
tarmu ż-żahar,
bħal ward li jikber qrib nixxiegħa ilma,
[Sir:39:14] u tarmu riħa tfuħ daqs l-inċens,
u tiftħu n-nwar bħal ġilju.
Xerrdu l-fwieħa u għannu għanja ta' tifħir,
bierku l-Mulej għall-għemejjel kollha tiegħu.
[Sir:39:15] Xandru l-kobor ta' ismu
u stqarru t-tifħir tiegħu,
b'għanjiet bl-arpi u biċ-ċetri,
u fit-tifħir tagħkom għidu hekk:
[Sir:39:16] "L-għemejjel kollha tal-Mulej, huma
tajbin wisq,
u kull ma jordna jseħħ f'waqtu.
Ma jkunx hemm min jgħid, 'Dan x'inhu?
U dak għalfejn?'
Kollox jiġi mfittex f'waqtu.
[Sir:39:17] Għall-kelma tiegħu l-ilma nġama' gozz,
u għall-kelma ta' fommu jinfetħu mħażen l-ilmijiet.
[Sir:39:18] Għall-kmand tiegħu jsir kull ma jogħġbu,
u m'hawnx min inaqqas il-fejda ta' qawwietu.
[Sir:39:19] Quddiemu huma għemejjel kull bniedem,
u m'hemm xejn moħbi għal għajnejh.
[Sir:39:20] Jara mill-bidu sa tmiem iż-żmien,
u xejn m'hu ta' l-għaġeb quddiemu.
[Sir:39:21] Ma jkunx hemm min jgħid, 'Dan x'inhu?
U dak għalfejn?'
Għax kollox hu maħluq skond il-fehma tiegħu.
[Sir:39:22] Il-barka tiegħu tiksi l-art u tfur bħal
xmara,
u bħal għargħar issaqqi l-art niexfa.
[Sir:39:23] Hekk jirtu l-ġnus il-qilla tiegħu,
bħalma biddel l-art tas-saqwi f'deżert mielaħ.
[Sir:39:24] Dritti huma triqatu għall-qaddisin
daqs kemm ta' tfixkil huma għall-ħżiena.
[Sir:39:25] Ħwejjeġ tajba ġew maħluqa mill-bidu
għat-tajbin,
bħalma ħwejjeġ ħżiena kienu sa mill-bidu
għall-midinbin.
[Sir:39:26] Il-ħtiġiet ewlenin għall-ħajja tal-bniedem
huma:
ilma u nar, ħadid u melħ,
dqiq tal-qamħ, ħalib u għasel,
meraq l-għenba, żejt u lbies.
[Sir:39:27] Dawn kollha huma għall-ġid tat-tajbin
u fil-qilla tagħhom isawwtu bl-aħrax.
[Sir:39:28] Hemm irjieħ li ġew maħluqa
għall-vendetta,
u fil-qilla tagħhom isawwtu bil-frosti tagħhom;
fi żmien it-tmiem iferrgħu l-qawwa tagħhom,
u jtaffu l-għadab ta' Min għamilhom.
[Sir:39:29] Nar u silġ, ġuħ u mewt:
dawn kollha nħalqu b'kastig.
[Sir:39:30] Is-snien tal-bhejjem, skorpjuni u lifgħat,
u s-sejf tal-kastig inħalqu għat-telfien ta' min
ma jibżax minn Alla.
[Sir:39:31] Għall-kmand tiegħu jaqbżu bil-ferħ,
u dejjem lesti għal li jista' jinqala',
u meta jasal waqthom kelmtu ma jiskruhiex.
[Sir:39:32] Għalhekk, mill-bidu kont sod f'fehemti,
u ħsibt ħafna, u ħallejt bil-miktub:
[Sir:39:33] "Kollu tajjeb li għamel il-Mulej,
u jagħti f'waqtu kull ma jeħtieġ,
[Sir:39:34] u ħadd m'għandu jgħid: 'Dan agħar
minn dak,"
għax kollox jiġi stmat meta jkun il-waqt.
[Sir:39:35] Mela issa ħoll ilsienek f'għana
ta' tifħir b'qalbek kollha,
u bierek isem il-Mulej!

40. Il-miżerja tal-bniedem

[Sir:40:1] Taħbit kbir fassal għal kull bniedem,
u hemm madmad tqil fuq ulied Adam,
minn dakinhar li joħorġu minn ġuf ommhom
sa dakinhar li jerġgħu lura għand l-omm
tagħhom ilkoll.
[Sir:40:2] Sehemhom taħbil il-moħħ u taqtiq il-qalb;
u l-ħsieb ta' jum il-mewt
li ma jħallikx kwiet.
[Sir:40:3] Minn dak li qiegħed bilqiegħda fuq xi tron
ta' glorja;
sa dak li qiegħed fl-art fl-irmied u t-trab;
[Sir:40:4] minn dak li jilbes il-porpra u l-kuruna
sa dak li hu mgeżwer fi xkora,
għalihom hemm għadab u għira, taħwid u taqlib,
u biża' tal-mewt, korla u ġlied.
[Sir:40:5] U meta wieħed jidħol fi friexu biex jistrieħ,
l-irqad tal-lejl iħawwadlu moħħu.
[Sir:40:6] Ftit li xejn jistrieħ,
u minn xħin jorqod, bħal wieħed għassa,
jitħawwad bit-thewdin ta' moħħu bħal
maħrub minn xi taqbida.
[Sir:40:7] Xħin jaħseb li jkun ħieles jistenbaħ,
u jistagħġeb għaliex kien jibża għal xejn.
[Sir:40:8] Għax għall-ħlejjaq kollha, mill-bnedmin u
bhejjem,
u seba' darbiet aktar għall-midinbin
[Sir:40:9] hemm il-mewt u d-demm, il-ġlied u s-sejf,
l-hemm u l-ġuħ, in-niket u l-pesta.
[Sir:40:10] Dawn kollha saru għall-ħżiena,
u kien minħabba fihom li ġie dilluvju.
[Sir:40:11] Kull ma hu mill-art, lejn l-art għad
jerġa' jmur,
u kull ma hu mill-ilmijiet, lejn il-baħar għad
jerġa' lura.

Qwiel oħra

[Sir:40:12] Kull tixħim u inġustizzja għad jgħibu,
imma s-sinċerità tibqa' għal dejjem.
[Sir:40:13] Il-ġid tal-ħżiena jixxotta bħal xmara,
jgħib bħat-tkarwit ta' ragħda fix-xita.
[Sir:40:14] Bħalma jithenna min jiftaħ idejh;
hekk il-ħżiena jisfaw fix-xejn.
[Sir:40:15] Nisel il-ħżiena ma joħroġx friegħi,
hu bħal għeruq morda fuq il-blat aħrax.
[Sir:40:16] Il-qasab ħdejn kull ilma jew xatt ta' xmara
jinqala' qabel kull ħaxix ieħor.
[Sir:40:17] Imma t-tjieba bħal ġnien kollu barka,
u l-għoti ta' karità jibqa' għal dejjem.

Il-paraguni

[Sir:40:18] Ħelwa l-ħajja għal min xejn ma jonqsu
u għall-ħaddiem,
imma aqwa mit-tnejn min isib teżor.
[Sir:40:19] Ulied u bini ta' belt jagħmlu isem lil
dak li jkun,
imma mara bla għajb tgħaddihom it-tnejn.
[Sir:40:20] Nbid u daqq iferrħu l-qalb,
imma l-imħabba għall-għerf tgħaddihom it-tnejn.
[Sir:40:21] Il-flawt u l-arpa jagħtu melodija ħelwa,
imma lsien ħelu jgħaddihom it-tnejn.
[Sir:40:22] Il-grazzja u l-ġmiel jiġbdu l-għajn,
imma l-ħdura tal-qamħ tiġbidha aktar
minnhom it-tnejn.
[Sir:40:23] Ħabib u sieħeb jgħinu lil xulxin fil-waqt,
imma l-mara u r-raġel aktar minnhom it-tnejn.
[Sir:40:24] L-aħwa u l-għajnuna ssibhom fi żmien
l-għawġ,
imma l-għoti ta' karità jgħaddihom it-tnejn.
[Sir:40:25] Deheb u fidda jgħinuk tieqaf fuq riġlejk;
imma parir tajjeb tistmah aktar minnhom.
[Sir:40:26] Ġid u qawwa jagħmlulek il-qalb,
imma l-biża' tal-Mulej hu aqwa minnhom it-tnejn.
Meta għandek il-biża' tal-Mulej ma jonqsok xejn,
u meta jkollok lilu
m'għandek bżonn xejn.
[Sir:40:27] Il-biża' tal-Mulej hu bħal ġnien kollu
barka,
u jlibbes lill-bniedem aħjar minn kull glorja oħra.

It-talba għall-karità

[Sir:40:28] Ibni, tgħaddix ħajtek ta' tallab;
aħjar il-mewt milli tittallab.
[Sir:40:29] Min iħares lejn il-mejda ta' ħaddieħor,
ħajtu m'hi ħajja xejn;
iniġġes ruħu b'ikel ħaddieħor.
Imma min hu għaqli u mgħallem ma jġibx
ruħu hekk.
[Sir:40:30] Min hu wiċċu tost jittallab bil-kliem ħelu
iżda f'qalbu jkollu nar iħeġġeġ.

41. Il-mewt

[Sir:41:1] O mewt, bħall-imrar tifkirtek
għal min jgħix fis-sliem ta' ġidu,
għal min m'għandux fuqiex iħabbel rasu u riżqu
tajjeb f'kollox,
u li għadu f'saħħtu biex jitpaxxa bl-ikel!
[Sir:41:2] O mewt, il-ħaqq tiegħek jogħġob
lil min hu fil-bżonn u saħħtu nieżla,
mdaħħal fiż-żmien u moħħu inkwiet fuq kollox,
u lil wieħed li ma joqgħod għal xejn u tilef sabru.
[Sir:41:3] Tibżax mill-piena tal-mewt,
ftakar fiż-żmien l-imgħoddi u fl-aħħar jiem.
[Sir:41:4] Dan hu l-ordni ta' Alla għal kull bniedem.
Għala tieqaf lir-rieda ta' l-Għoli?
Jekk tgħix għal għaxra, għal mija, jew għal elf sena,
f'Art l-Imwiet dwar il-ħajja m'hemm l-ebda ħsieb.

Ix-xorti tal-ħżiena

[Sir:41:5] Ulied il-midinbin joħorġu tfal ta' min
jistmerrhom,
u dawk ukoll imrobbija f'dar il-ħżiena.
[Sir:41:6] Wirt ulied il-midinbin jintilef,
u nisilhom jitgħabba bl-għajb għal dejjem.
[Sir:41:7] Missier ħażin imaqdruh uliedu,
għaliex minħabba fih jitkasbru huma.
[Sir:41:8] Ħażin għalikom, nies ħżiena,
intom li tlaqtu l-Liġi ta' Alla l-Għoli.
[Sir:41:9] Meta titwieldu, titwieldu għal saħta,
u meta tmutu, saħta jkun sehemkom.
[Sir:41:10] Kull ma ġie mill-art, lejn l-art jerġa' lura,
hekk il-ħżiena mis-saħta għat-telfien.
[Sir:41:11] Il-bnedmin jibku t-telfa ta' ġisimhom;
u jisfa fix-xejn l-isem ħażin tal-midinbin.
[Sir:41:12] Ħu ħsieb ismek, għax dan li jibqagħlek,
iktar minn elf teżor kbir tad-deheb.
[Sir:41:13] Ħajja tajba jiemha magħduda,
imma isem tajjeb jibqa' għal dejjem.

Sens ta' mistħija

[Sir:41:14] Uliedi, ħarsu t-tagħlim tiegħi fis-sliem.
Għerf moħli u teżor midfun,
x'jiswew it-tnejn li huma?
[Sir:41:15] Aħjar bniedem li jaħbi bluhatu
minn bniedem li jaħbi għerfu.
[Sir:41:16] Għalhekk oqgħod għal li se ngħidlek;
għax mhux kull mistħija ta' min jgħożżha;
u mhux kulħadd japprezzaha skond is-sewwa.
[Sir:41:17] Istħi miż-żína quddiem ommok u
missierek;
mill-gideb quddiem prinċep jew xi kap;
[Sir:41:18] mill-ksur tal-liġi quddiem l-imħallef;
mill-ħtija quddiem il-ġemgħa u l-poplu;
[Sir:41:19] mill-qerq quddiem sieħeb jew ħabib;
mis-serq quddiem il-ġirien fejn toqgħod.
[Sir:41:20] Istħi quddiem il-fedeltà u l-patt ta' Alla.
Istħi milli tqiegħed minkbek fuq il-mejda
int u tiekol;
[Sir:41:21] li tieħu jew tagħti b'wiċċ imqarras;
u minn dawk li jsellmulek u ma tweġibhomx.
[Sir:41:22] Istħi milli tħares fuq mara tat-triq;
milli ddawwar wiċċek minn qrabatek;
[Sir:41:23] Milli tisraq lil ħaddieħor mis-sehem jew
l-għotja tiegħu;
milli titfa' għajnejk fuq mart ħaddieħor;
[Sir:41:24] milli jkollok x'taqsam mal-qaddejja
tiegħu,
- tinxteħitx fuq friexha.
[Sir:41:25] Istħi minn ħabib għal xi kliem ta' żebliħ,
- titgħajjarx wara li tkun tajt.
[Sir:41:26] Istħi milli ttenni u tgħid kliem li tkun
smajt,
u li tikxef ħwejjeġ moħbija.
[Sir:41:27] U tkun tabilħaqq mistħi tassew,
u kulħadd ikun iġibek.

42. [Sir:42:1] M'għandekx tistħi minn dan li ġej,
u tħarisx lejn l-uċuħ għax tidneb:
[Sir:42:2] tistħix mil-Liġi u l-patt ta' l-Għoli,
tistħix mill-kundanna b'ġustizzja mal-ħażin;
[Sir:42:3] tistħix tagħmel il-kontijiet ma' sieħbek
jew ma' min jimxi miegħek fit-triq,
u tqassam il-wirt lill-oħrajn;
[Sir:42:4] li tkun tal-qjies fl-użin u l-piż,
u li tagħmel ħafna jew ftit qligħ,
[Sir:42:5] u li taqla' min-negozju ma' bejjiegħ;
li tkun iebes fit-trobbija ta' wliedek;
u li ssawwat bl-aħrax ġenb il-qaddej ħażin;
[Sir:42:6] li taqfel ġewwa l-mara ħażina,
u ssakkar fejn hemm ħafna idejn.
[Sir:42:7] Dak li terfa', ara li jkun bl-għadd u l-piż;
u f'dak li toħroġ u ddaħħal, ħalli kollox bil-kitba.
[Sir:42:8] Tistħix twissi lil min hu iblah u bla moħħ,
jew lil xiħ għakka li jitlewwem ma' żagħżugħ.
Hekk turi li int imrobbi sewwa,
u tintlaqa' tajjeb minn kulħadd.

Il-ħsieb tal-missier dwar bintu

[Sir:42:9] Bint iżżomm lil missierha mqajjem bla ma
tintebaħ,
l-inkwiet tagħha jtajjarlu n-ngħas;
f'żgħożitha, li ma tmurx ma tiżżewwiġx,
u fiż-żwieġ tagħha, li ma tmurx tinbagħad,
[Sir:42:10] fi xbubitha, li ma tmurx tittiefes,
u toħroġ tqila f'dar missierha;
meta għandha r-raġel, li ma tmurx tibdlu,
u meta hi miżżewwġa, li tibqa' bla tfal.
[Sir:42:11] Agħmel għassa sewwa fuq tifla rasha
iebsa,
li ma tmurx iddaħħak l-għedewwa tiegħek bik,
iġġibek f'ilsien il-belt kollha
jew tagħmlek l-għajdut tan-nies,
u ġġagħlek tistħi quddiem kotra kbira.
[Sir:42:12] Tħallihiex tikxef ġmielha lil ebda raġel,
u lanqas tpaċpaċ qalb in-nisa.
[Sir:42:13] Għax mill-ħwejjeġ toħroġ il-kamla,
u minn mara l-ħażen ta' mara.
[Sir:42:14] Aħjar ħżunit raġel minn mara li tagħmel
it-tajjeb;
hi l-mara li ġġib fuqek mistħija u għajb.

Sebħ Alla fin-natura

[Sir:42:15] Sa nfakkar issa l-għemejjel tal-Mulej,
u nitkellem fuq dak li rajt.
Bi kliem il-Mulej saru l-għemejjel tiegħu.
[Sir:42:16] Ix-xemx iddawwal hi u tħares fuq kollox;
hekk b'sebħ il-Mulej hu mimli xogħlu.
[Sir:42:17] Lanqas lill-qaddisin tiegħu ma ta l-Mulej
is-setgħa,
li jgħoddu u jfissru għeġubijietu,
dak li għamel il-Mulej li jista' kollox
biex il-ħolqien kollu jkun fis-sod fil-glorja tiegħu.
[Sir:42:18] Jifli l-abbissi u qlub il-bnedmin,
u jagħraf it-triqat imwiegħra tagħhom,
għax Alla l-għoli jagħraf kull ma jista' jingħaraf,
u jħares lejn is-sinjali taż-żmien.
[Sir:42:19] Iħabbar dak li għadda u dak li għad ikun,
u jikxef triqat il-ħwejjeġ mistura.
[Sir:42:20] Ma jaħrablu l-ebda ħsieb,
u lanqas kelma waħda m'hi moħbija minnu.
[Sir:42:21] Qassam bl-ordni l-opri l-kbar ta' għerfu,
u hu minn dejjem u għal dejjem.
Xejn ma jiżdiedlu u lanqas jitnaqqaslu,
u ma jeħtieġ il-parir ta' ħadd.
[Sir:42:22] X'għaxqa fihom l-għemejjel tiegħu kollha!
U minnhom ma tidhirx ħlief xrara!
[Sir:42:23] Kollha jgħixu u jibqgħu għal dejjem,
kollha meħtieġa, u kollha jisimgħu minnu.
[Sir:42:24] Kollox tnejn tnejn, wieħed il-maqlub ta'
l-ieħor,
u m'għamel xejn bin-nieqes.
[Sir:42:25] B'wieħed isaħħaħ it-tajjeb ta' l-ieħor,
u min se jixba' jħares lejn sebħu?

43. Ix-xemx

[Sir:43:1] Għaxqet is-smewwiet il-firmament
fis-safa tiegħu;
hekk, f'wirja ta' glorja, jidhru s-smewwiet.
[Sir:43:2] Meta tidher ix-xemx tħabbar hi u tielgħa:
'Ħaġa ta' l-għaġeb, għemil l-Għoli!'
[Sir:43:3] F'nofsinhar tikwi l-art,
u min jiflaħ joqgħod għas-sħana tagħha?
[Sir:43:4] Hemm min jaħdem għas-sħana qawwija
tal-forn;
imma x-xemx tisreġ fuq il-muntanji għal tliet
darbiet aktar;
hi titfa' arja tikwi
u tarmi raġġi jgħammxu l-għajnejn.
[Sir:43:5] Kbir il-Mulej li għamilha,
u b'kelmtu jħaffilha mixjietha.

Il-qamar

[Sir:43:6] Il-qamar ukoll hu kollox mal-ħin,
juri x-xhur u jagħmilha ta' sinjal iż-żmien.
[Sir:43:7] Mill-qamar jingħata s-sinjal għall-festi,
mnara li tiċkien wara l-milja tagħha.
[Sir:43:8] Ix-xahar hu msemmi għalih,
jikber b'mod ta' l-għaġeb hu u jinbidel,
dawl għall-eżerċti fis-smewwiet,
jiddi fil-firxa tas-smewwiet.

Il-kwiekeb

[Sir:43:9] Ġmiel is-sema sebħ il-kwiekeb,
tiżjin jiddi fl-ogħla smewwiet.
[Sir:43:10] Bil-kelma tal-Qaddis ħadu posthom,
u ma jehdewx mill-għassa tagħhom.

Il-qawsalla

[Sir:43:11] Ara l-qawsalla u faħħar lil min għamilha,
sabiħa għall-aħħar fid-dija tagħha.
[Sir:43:12] Idur mas-smewwiet dawramejt fi
ħnejja ta' glorja,
qaws miġbud minn idejn l-Għoli.

L-għeġubijiet tan-natura

[Sir:43:13] Bil-kmand tiegħu jibgħat ħafif is-silġ,
u jibgħat il-beraq mgħaġġel, skond l-ordni tiegħu.
[Sir:43:14] Hekk jinfetħu l-imħażen,
u s-sħab jittajjar bħall-għasafar;
[Sir:43:15] fil-kobor tiegħu jħaxxen is-sħab,
u jsiru frak l-għoqod tas-silġ.
[Sir:43:16] Mad-dehra tiegħu jitheżhżu l-għoljiet,
bir-rieda tiegħu jonfoħ ir-riħ isfel.
[Sir:43:17] Il-ħoss tar-ragħda tiegħu jheżheż l-art,
hekk ukoll tempesta mit-tramuntana u tromba riħ.
[Sir:43:18] Iroxx is-silġ bħal għasafar neżlin 'l isfel,
u jinżel bħal ġradi li jpoġġu fl-art.
Ġmiel il-bjuda tiegħu jgħammex l-għajnejn,
u meta jagħmel is-silġ il-bniedem jibqa' miblugħ.
[Sir:43:19] U jxerred fuq l-art il-ġlata bħal melħ,
tagħqad u ssir qisha ponot tax-xewk.
[Sir:43:20] Jonfoħ ir-riħ fuq kiesaħ tat-tramuntana
u jagħqad is-silġ fuq l-ilma,
joqgħod fuq kull roqgħa ilma,
u l-ilma jilbes bħal kurazza.
[Sir:43:21] Bih jittieklu l-għoljiet u jinkewa d-deżert,
u l-ħxejjex jinħarqu daqskieku bin-nar.
[Sir:43:22] Ftit ċpar malajr ifejjaq kollox,
u n-nida li tinżel isserraħ mill-għomma.
[Sir:43:23] Bil-ħsieb meqjus tiegħu mmansa l-abbiss,
u ħawwel gżejjer fih.
[Sir:43:24] Dawk li jaqsmu l-ibħra jitkellmu fuq
il-perikli tiegħu,
u nistagħġbu b'dak li jisimgħu widnejna.
[Sir:43:25] Għax hemm ħwejjeġ ta' l-għaġeb ma
jitwemmnux,
kull xorta ta' bhejjem u ħlejjaq kbar tal-baħar.
[Sir:43:26] Bl-għajnuna tal-Mulej, il-messaġġier
tiegħu jagħmel vjaġġ tajjeb,
u b'kelma tiegħu kollox iżomm flimkien.
[Sir:43:27] Ngħidu kemm ngħidu ma naslux biex
ngħidu kollox,
imma fi ftit kliem: "Hu kollox".
[Sir:43:28] Mnejn se tiġina l-ħila li nsebbħuh?
Għax hu l-Kbir, akbar mill-għemejjel kollha tiegħu.
[Sir:43:29] Tal-biża' l-Mulej u ta' kobor bla qjies,
u ta' l-għaġeb il-qawwa tiegħu.
[Sir:43:30] Intom li ssebbħu l-Mulej, għolluh kemm
tifilħu,
għax jistħoqqlu aktar minn hekk,
u b'ħilitkom kollha faħħruh,
tegħjewx għax qatt ma taslu biex tfaħħruh
biżżejjed.
[Sir:43:31] Min qatt rah biex jista' jitkellem fuqu?
U min jista' jfaħħar kburitu daqs kemm jistħoqqlu?
[Sir:43:32] Ħafna ħwejjeġ moħbija huma akbar
minn dawn,
għax aħna rajna biss ftit mill-għemejjel tiegħu.
[Sir:43:33] Għax kollox għamel il-Mulej,
u lit-twajbin tahom l-għerf.

44. Sebħ Alla fl-istorja

[Sir:44:1] Infaħħru issa lil nies ta' ġieħ,
u lil missirijietna nisel wara ieħor.
[Sir:44:2] Il-Mulej ħejja għalihom glorja kbira,
u wera l-kobor tiegħu minn dejjem.
[Sir:44:3] Uħud kienu jaħkmu f'saltniethom,
u kienu nies li kellhom isem għal qawwiethom.
Uħud kienu jagħtu parir għax kienu jifhmu,
u kienu jħabbru bi profezija.
[Sir:44:4] Uħud kienu jmexxu l-poplu bil-parir
tagħhom;
u għax kienu jifhmu fi trawwim il-poplu,
kienu jgħidu kliem għaref f'tagħlimhom.
[Sir:44:5] Uħud kienu jikkomponu l-mużika,
u ħallew versi bil-kitba tagħhom.
[Sir:44:6] Uħud kienu nies għonja mogħnija b'saħħa,
jgħixu fis-sliem fi djarhom.
[Sir:44:7] Dawn kollha kienu mweġġħin fi żmienhom,
u f'jiemhom kienu jiftaħru bihom.
[Sir:44:8] Uħud minnhom ħallew isem warajhom,
u hekk tingħad foħrithom.
[Sir:44:9] Imma hemm uħud li m'għandhomx tifkira,
u għebu bħalkieku qatt ma għexu,
u saru bħalkieku qatt ma kienu,
u hekk ukoll uliedhom warajhom.
[Sir:44:10] Imma dawn huma n-nies ta' ħniena,
li l-għemejjel tajba tagħhom ma jintesewx.
[Sir:44:11] Għand uliedhom jibqa'
l-ġid li kellhom.
[Sir:44:12] Nisilhom joqgħod għall-patt,
u minħabba fihom uliedhom ukoll.
[Sir:44:13] Nisilhom jibqa' għal dejjem,
u sebħhom ma jitħassarx.
[Sir:44:14] L-iġsma tagħhom midfuna fis-sliem,
imma isimhom jibqa' ħaj minn nisel għal ieħor.
[Sir:44:15] L-għerf tagħhom jitkellem fuqu l-poplu,
u tifħirhom ixxandru l-ġemgħa.

Ħenok

[Sir:44:16] Ħenok kien jogħġob lill-Mulej u l-Mulej
ħadu,
kien eżempju ta' ndiema għall-ġenerazzjonijiet
kollha.

Noè

[Sir:44:17] Noè nstab ġust għalkollox,
fi żmien l-għadab deher għall-oħrajn:
bis-saħħa tiegħu baqa' fdal fuq l-art
meta ġie d-dilluvju.
[Sir:44:18] Saru miegħu pattijiet għal dejjem
biex ħadd mill-ħajjin ma jerġa' jinqered f'dilluvju.

Abraham

[Sir:44:19] Abraham, missier kbir ta' kotra ġnus,
ma nstabx ieħor bħalu fil-ġieħ.
[Sir:44:20] Kien iħares il-Liġi ta' l-Għoli
u daħal miegħu f'patt;
wettaq il-patt f'ġismu,
meta ġarrbu Alla baqa' fidil lejh.
[Sir:44:21] Għalhekk il-Mulej wiegħdu b'ġurament
li b'nislu jitbierku l-ġnus,
li jkattru daqs it-trab ta' l-art,
u jgħolli nislu m'ogħla l-kwiekeb,
u jagħtihom b'wirt minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art.

Iżakk u Ġakobb

[Sir:44:22] U lil Iżakk wiegħdu hekk ukoll
minħabba f'Abraham missieru.
[Sir:44:23] Il-barka tal-bnedmin kollha u l-patt
serraħhom fuq ras Ġakobb.
Wettqu bil-barkiet tiegħu,
u tah l-art b'wirtu;
u qasamha għalih f'partijiet
u tahom b'sehemhom lit-tnax-il tribù.

45. Mosè

[Sir:45:1] U ħareġ minnu raġel qalbu tajba,
li sab grazzja f'għajnejn il-bnedmin kollha;
kien maħbub minn Alla u mill-bnedmin,
Mosè, mbierka t-tifkira tiegħu.
[Sir:45:2] Tah glorja daqs dik tal-qaddisin,
u kobor li jbażża' l-għedewwa tiegħu.
[Sir:45:3] Għall-kelma tiegħu għamel l-għeġubijiet
u tah glorja quddiem is-slaten;
tah il-kmandamenti għall-poplu tiegħu
u wrieh xi ħaġa mill-glorja tiegħu.
[Sir:45:4] Qaddsu għax kien fidil u umli,
għażlu minn fost il-bnedmin kollha.
[Sir:45:5] Semmagħlu leħnu,
u daħħlu fid-dalma,
u wiċċ imbwiċċ tah il-kmandamenti,
il-Liġi tal-ħajja u l-għerf,
biex jgħallem lil Ġakobb l-ordnijiet tal-patt,
u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.

Aron

[Sir:45:6] Qajjem lil Aron, qaddis bħal Mosè,
ħuh, mit-tribù ta' Levi.
[Sir:45:7] Għamel miegħu patt għal dejjem,
u tah is-setgħa ta' qassis fuq il-poplu;
żejjnu b'ilbies mill-isbaħ,
u xeddlu libsa ta' glorja.
[Sir:45:8] Libbsu b'ġieħ perfett,
u wettqu b'simboli ta' setgħa:
il-qalziet ta' l-għażel, il-libsa twila u l-efod.
[Sir:45:9] U dawwru dawramejt bir-rummien,
b'ħafna qniepen tad-deheb madwaru,
biex isemmgħu d-daqq tagħhom mal-mixi tiegħu,
biex jagħmlu ħoss jinstama' fit-tempju,
bħala tifkira għal ulied il-poplu tiegħu.
[Sir:45:10] Libbsu b'libsa sagra, bid-deheb, kulur
il-vjola
u l-porpra, xogħol tas-sengħa,
bil-pettoral tal-ħaqq, l-Urim u t-Tummim,
maljatura ta' l-iskarlatt, xogħol ta' bniedem
tas-sengħa;
[Sir:45:11] b'ħaġar prezzjuż imnaqqax bħal siġill,
mqiegħed fuq id-deheb, xogħol min jaħdem il-ħaġar,
b'kitba mnaqqxa b'tifkira ta' l-għadd
tat-tribujiet ta' Iżrael;
[Sir:45:12] b'kuruna tad-deheb fuq it-turbant tiegħu,
minquxa bis-siġill tal-konsagrazzjoni,
oġġett ta' stima ta' min jiftaħar bih, xogħol ta' ħila,
tiżjin li l-għajnejn jitgħaxxqu bih.
[Sir:45:13] Fiż-żminijiet ta' qablu ma kienx hemm
ħwejjeġ sbieħ bħal dawn,
u qatt ħadd ma libishom
ħlief uliedu biss
u nislu għal dejjem.
[Sir:45:14] Is-sagrifiċċji tiegħu jinħarqu għalkollox,
darbtejn kuljum għal dejjem.
[Sir:45:15] Mosè kkonsagrah
u dilku biż-żejt imqaddes;
dan kien għalih patt għal dejjem
u għal nislu sakemm idumu s-smewwiet,
biex jaqdi lill-Mulej u jservi ta' qassis,
u jbierek il-poplu tiegħu f'ismu.
[Sir:45:16] Għażlu minn fost il-ħajjin kollha
biex joffri sagrifiċċju lill-Mulej,
inċens u sagrifiċċju jfuħ b'tifkira,
biex ipatti f'isem il-poplu.
[Sir:45:17] Bil-kmandamenti tiegħu tah
setgħa fl-ordnijiet u d-digrieti
biex jgħallem lil Ġakobb il-Liġi,
biex idawwal lil Iżrael bil-Liġi tiegħu.
[Sir:45:18] Oħrajn qamu kontrih
u ġiethom l-għira għalih fid-deżert,
in-nies ta' madwar Datan u Abiram
u l-ġemgħa ta' Koraħ, bil-qilla u l-għadab.
[Sir:45:19] Dan rah il-Mulej u ma għoġbux,
u bil-qilla ta' għadbu temmhom f'salt wieħed,
u għamel għeġubijiet kontrihom,
u kielhom in-nar iħeġġeġ tiegħu.
[Sir:45:20] U żied il-glorja ta' Aron
u tah il-wirt;
tah b'sehmu l-aqwa frott tal-bikri,
ħejjielu l-ewwel ħobż bix-xaba'.
[Sir:45:21] Għax jieklu s-sagrifiċċji tal-Mulej,
li l-Mulej ta lilu u lil nislu.
[Sir:45:22] Imma ma wiret xejn minn art il-poplu,
u fost il-poplu m'għandux sehem,
għax il-Mulej hu sehmu u wirtu.

Fineħas

[Sir:45:23] Fineħas bin Elgħażar hu t-tielet wieħed
fil-glorja
għall-ħeġġa tiegħu fil-biża' tal-Mulej;
hu żamm sħiħ waqt li l-poplu ħareġ minn triqtu,
meta ruħu kienet ħerqana fi tjubitha;
u ħallas għal Iżrael.
[Sir:45:24] Minħabba f'hekk sar miegħu patt ta' sliem,
li jkun imexxi s-santwarju u l-poplu tiegħu,
biex hu u nislu
jkollhom il-ġieħ tas-saċerdozju għal dejjem.
[Sir:45:25] U l-patt ma' David bin Ġesse,
mit-tribù ta' Ġuda,
kien li wirt is-sultan jgħaddi biss minn iben għal iben,
imma wirt Aron jgħaddi għand nislu kollu.
[Sir:45:26] Jagħtikom il-Mulej l-għerf f'qalbkom
biex tagħmlu ħaqq mill-poplu tiegħu bil-ġustizzja,
biex ma jgħibx it-tajjeb tiegħu,
u l-glorja tiegħu tibqa' għall-ġenerazzjonijiet
tiegħu.

46. Ġożwè

[Sir:46:1] Qawwi fit-taqbid kien Ġożwè bin Nun,
u suċċessur ta' Mosè bħala profeta.
Dan ismu miegħu:
kien feddej kbir tal-magħżulin ta' Alla,
biex jitħallas mill-għedewwa li qamu għalihom,
u hekk jagħti wirtu lil Iżrael.
[Sir:46:2] Kemm kien ta' ġieħ meta rafa' idejh
u venven ix-xabla kontra l-ibliet!
[Sir:46:3] Min qatt waqaf hekk qablu?
Għax hu mexxa l-gwerer tal-Mulej.
[Sir:46:4] Ma kienx b'idu li waqqaf ix-xemx,
u jum wieħed twal daqs tnejn?
[Sir:46:5] Sejjaħ lill-Għoli, is-Setgħan,
waqt li għafas fuqu l-għadu minn kull naħa,
u l-Mulej ta' kobor bla qjies wieġbu
b'xita ta' silġ li niżlet b'saħħa kbira.
[Sir:46:6] Ġieb gwerra fuq dak il-ġens
u fin-niżla xejjen lil dawk li waqfulu,
biex il-ġnus jagħrfu l-ħila tiegħu fit-taqbid,
għax kien jiġġieled taħt il-ħarsien tal-Mulej.

Kaleb

[Sir:46:7] Għax hu mexa wara l-Qawwi,
u fi żmien Mosè għamel att ta' ħniena,
hu u Kaleb bin Ġefunni,
meta waqfu lill-ġemgħa
u ma ħallewhiex tidneb,
u sikktu tgergir malizzjuż.
[Sir:46:8] U dawn it-tnejn biss inħelsu
minn sitt mitt elf li kienu miegħu,
biex idaħħlu lil Iżrael f'wirtu,
fl-art li tnixxi ħalib u għasel.
[Sir:46:9] U l-Mulej ta saħħa lil Kaleb,
li baqgħet għandu sa xjuħitu,
biex jitla' f'naħa għolja ta' l-art,
li nislu ħadha f'idejh b'wirt,
[Sir:46:10] biex hekk jaraw l-ulied kollha ta' Iżrael
kemm hu sewwa li wieħed jimxi wara l-Mulej.

L-Imħallfin

[Sir:46:11] L-imħallfin ukoll, kull wieħed b'ismu,
li qalbhom ma kinitx waqgħet fiż-żína,
u li ma tbegħdux mill-Mulej:
tkun imbierka t-tifkira tagħhom!
[Sir:46:12] Jalla għadamhom jieħu r-ruħ minn fejn
qiegħed,
u isimhom jiġġedded
u jissebbaħ f'uliedhom.

Samwel

[Sir:46:13] Samwel kien maħbub mill-Mulej tiegħu;
bħala l-profeta tal-Mulej waqqaf is-saltna,
u bid-dilka ħatar mexxejja fuq il-poplu tiegħu.
[Sir:46:14] Għamel ħaqq mill-ġemgħa bil-Liġi
tal-Mulej,
u l-Mulej ħa ħsieb Ġakobb.
[Sir:46:15] Bil-fedeltà tiegħu deher li kien tabilħaqq
profeta,
u minn kliemu kont tara li
kien ta' min joqgħod fuqu.
[Sir:46:16] Sejjaħ lill-Mulej, il-Qawwi,
meta l-għedewwa tiegħu kienu qed
irossu fuqu minn kull naħa,
bl-offerta ta' ħaruf tal-ħalib.
[Sir:46:17] U l-Mulej riegħed mis-smewwiet,
u samma' leħnu f'ħoss kbir;
[Sir:46:18] u ġieb fix-xejn il-mexxejja ta' Tir
u l-kapijiet tal-Filistin.
[Sir:46:19] U qabel ma wasallu żmien il-mistrieħ
ta' dejjem,
xehed quddiem il-Mulej u l-midluk tiegħu:
"Ebda ġid, lanqas biss qorq,
qatt ma ħadt lil ħadd."
U l-ebda bniedem ma qam jixlih.
[Sir:46:20] Saħansitra wara li miet ħabbar,
u wera lis-sultan it-tmiem tiegħu,
u mill-art għolla leħnu bil-profezija
biex iħassar ħażen il-poplu.

David

[Sir:47:1] Warajh qam Natan
jipprofetizza fi żmien David.
[Sir:47:2] Bħalma jingħażel il-grass mis-sagrifiċċju
tas-sliem,
hekk ukoll intgħażel David minn ulied Iżrael.
[Sir:47:3] Kien jilgħab bl-iljuni bħalkieku gidjien,
u bl-orsijiet bħalkieku ħrief mill-merħla.
[Sir:47:4] F'żgħożitu ma qatilx ġgant
u neħħa għajb minn fuq il-poplu
meta rafa' idu b'ċagħka fl-iżbandola
u tafa' fl-art il-kburija ta' Gulija?
[Sir:47:5] Għax sejjaħ lill-Mulej, lill-Għoli,
u tah is-saħħa t'idu l-leminija
biex joqtol bniedem ta' ħila għall-ġlied,
ħa jgħolli l-qawwa tal-poplu tiegħu.
[Sir:47:6] Hekk tawh glorja għall-għaxart elef,
u faħħruh huma u jbierku l-Mulej
meta tawh il-kuruna ta' glorja.
[Sir:47:7] Għax qered l-għedewwa ta' madwaru,
u ġieb fix-xejn il-Filistin li kienu kontrih,
u farrak il-qawwa tagħhom sa llum.
[Sir:47:8] F'kull ma għamel radd ħajr
lill-Qaddis, lill-Għoli, bi kliem ta' glorja,
u għanna b'qalbu kollha,
u ħabb lil Dak li għamlu.
[Sir:47:9] U qiegħed għannejja quddiem l-artal
biex iħollu leħenhom b'melodija ħelwa.
[Sir:47:10] Il-festi tahom il-ġmiel tagħhom,
u sebbaħhom għall-aħħar iż-żminijiet,
biex hekk jingħata t-tifħir
lill-isem qaddis ta' Alla,
sa minn filgħodu jidwi l-għana fit-tempju.
[Sir:47:11] Il-Mulej neħħielu dnubietu,
u għollielu għal dejjem qawwietu,
u għamel miegħu patt tas-slaten,
u tah tron ta' glorja f'Iżrael.

Salamun

[Sir:47:12] Warajh qam iben għaref
u bis-saħħa tiegħu għammar fil-wisa'.
[Sir:47:13] Salamun kien isaltan f'jiem ta' sliem;
lilu l-Mulej tah mistrieħ minn kull naħa,
biex jibnilu dar għal ismu,
u jħejjilu tempju għal dejjem.
[Sir:47:14] Kemm sirt għaref f'żgħożitek!
U bħal xmara kont tfur bid-dehen!
[Sir:47:15] B'moħħok imraħt fl-art,
mlejtha bi qwiel ta' ħsieb tqil.
[Sir:47:16] Ismek wasal sa gżejjer imbiegħda,
u kont maħbub għas-sliem tiegħek.
[Sir:47:17] Għall-għanjiet, il-qwiel, il-parabboli,
U t-tifsiriet tiegħek, stagħġbu bik l-artijiet.
[Sir:47:18] F'isem il-Mulej Alla,
li jsejjħulu Alla ta' Iżrael,
ġmajt deheb daqskieku landa,
u mtlejt bil-fidda daqskieku ċomb.
[Sir:47:19] Imma mbagħad imteddejt ma ġenb
in-nisa.
u sfajt maħkum mill-ġibdiet ta' ġismek.
[Sir:47:20] Tebbajt ġieħek
u niġġist nislek;
ġibt għadab fuq uliedek,
u tnikktu minħabba bluhatek:
[Sir:47:21] saltnatek inqasmet tnejn,
u minn Efrajm ħarġet saltna li ma qagħditx għalik.
[Sir:47:22] Imma l-Mulej ma jwarrabx ħnientu;
lanqas iħalli xi kelma tiegħu tisfa fix-xejn;
ma jeqridx ulied il-magħżul tiegħu,
u lanqas ma jneħħi ulied dak li ħabbu;
u ħalla fdal lil Ġakobb,
u għal David għerq minn nislu.

Reħobogħam

[Sir:47:23] U Salamun mar jistrieħ ma' missirijietu,
u ħalla warajh wieħed minn uliedu,
kollu bluha u nieqes mill-għaqal u
mid-dehen fost il-poplu,
Reħobogħam, li bi mġibtu qajjem il-poplu kontrih.

Ġerobogħam

[Sir:47:24] Mbagħad, Ġerobogħamn bin Nebat,
li waqqa 'l Iżrael fid-dnub,
u qiegħed lil Efrajm fit-triq tad-dnub;
dnubiethom kotru għall-aħħar
hekk li keċċewhom minn arthom.
[Sir:47:25] Fittxew kull xorta ta' ħażen
sakemm ġie fuqhom ħlashom.

48. Elija

[Sir:48:1] Mbagħad qam qisu nar Elija, il-profeta,
u kelmtu kienet taqbad bħal ħuġġieġa.
[Sir:48:2] Hu ġieb fuqhom il-ġuħ,
u fil-ħeġġa tiegħu ċekkinhom fl-għadd.
[Sir:48:3] B'kelmet il-Mulej għalaq is-smewwiet,
u tliet darbiet niżżel ukoll in-nar.
[Sir:48:4] Kemm kont imsebbaħ, Elija,
f'għeġubijietek!
U min jista' jiftaħar daqsek?
[Sir:48:5] Qajjimt mejjet mill-mewt,
minn Art l-Imwiet b'kelmet l-Għoli.
[Sir:48:6] Tfajt ma' l-art slaten sa ntilfu
u nies ta' ġieħ mis-sodda tagħhom.
[Sir:48:7] Smajt ċanfira fis-Sinaj,
u f'Ħoreb sentenza ta' kastig.
[Sir:48:8] Dlikt slaten biex jitħallsu
u profeti biex jilħqu warajk.
[Sir:48:9] Kont meħud f'riefnu tan-nar
f'karru bi żwiemel tan-nar.
[Sir:48:10] Int, li kien miktub għalik, li kellek
iċċanfar għal żmien,
biex tberred għadab Alla qabel ma jħeġġeġ,
biex iddawwar qalb il-missier lejn ibnu,
u biex terġa' tqajjem tribujiet Ġakobb.
[Sir:48:11] Mberkin dawk li jarawk
u dawk li raqdu fl-imħabba;
għax żgur li aħna wkoll ikollna l-ħajja.

Eliżew

[Sir:48:12] Kien Elija li nħataf minn riefnu
u Eliżew imtela bl-ispirtu tiegħu.
Fi żmienu ma kienx jirtogħod quddiem il-kapijiet,
u ħadd ma ħakem fuqu.
[Sir:48:13] Xejn ma kien tqil wisq għalih,
sa wara mewtu baqa' profeta f'qabru.
[Sir:48:14] F'ħajtu għamel għeġubijiet,
u f'mewtu l-għemejjel tiegħu kienu ta' l-għaġeb.

Infedeltà u kastig

[Sir:48:15] Madankollu l-poplu ma nidimx,
u ma reġax lura minn dnubietu,
sakemm ma ġiex itturufnat minn artu,
u mxerred ma' l-art kollha.
[Sir:48:16] U kien fadal poplu ta' ftit nies,
imma b'mexxej mid-dar ta' David.
Uħud minnhom għamlu dak li jogħġob lill-Mulej,
imma oħrajn kattru dnubiethom.

Ħeżekija

[Sir:48:17] Ħeżekija saħħaħ beltu,
u daħħal l-ilma fil-qalba tagħha;
ħaffer bil-ħadid fil-blat,
u bena ġwiebi għall-ilma.
[Sir:48:18] F'jiemu tala' Sanħerib,
u bagħat lil Rabsaki,
u rafa' idejh fuq Sijon,
u fi kburitu qagħad jiftaħar.
[Sir:48:19] Mbagħad bdew jirtogħdu qlubhom u
idejhom,
u qabadhom uġigħ bħal ta' mara fil-ħlas.
[Sir:48:20] U sejjħu lill-Mulej li hu tal-ħniena,
u meddew idejhom lejh.
U l-Qaddis malajr semagħhom mis-sema,
u fdiehom b'id Isaija.
[Sir:48:21] Laqat il-kamp ta' l-Assiri,
u qeridhom l-anġlu tiegħu.

Isaija

[Sir:48:22] Għax Ħeżekija għamel dak li jogħġob
lill-Mulej,
u żamm sħiħ fi triq David missieru,
kif ordnalu Isaija l-profeta,
li kien kbir u ta' min jorbot fuqu għad-dehriet
li kellu.
[Sir:48:23] F'jiemu mxiet lura x-xemx,
u tawwal ħajjet is-sultan.
[Sir:48:24] Bis-saħħa ta' l-ispirtu ra l-ħwejjeġ ta'
l-aħħar,
u sabbar lill-imnikktin ta' Sijon.
[Sir:48:25] Wera x'għandu jiġri sa tmiem iż-żmien,
u ħwejjeġ moħbija qabel ma ġraw.

49. Ġosija

[Sir:49:1] It-tifkira ta' Ġosija hi bħal taħlita inċens,
mħejjija bis-sengħa ta' fewwieħ.
Fuq fomm kulħadd hi ħelwa għasel,
u hi bħal mużika waqt festa bl-inbid.
[Sir:49:2] Hu mexa dritt u kkonverta l-poplu,
u neħħa l-għajb ta' l-idoli pprojbiti mil-Liġi.
[Sir:49:3] Ħsiebu kien fil-Mulej,
u fi żmien nies li ma ridux jafu b'Liġi saħħaħ
il-qima ta' Alla.

L-aħħar slaten u l-profeti

[Sir:49:4] Barra minn David, Ħeżekija, u Ġosija,
kollha żbaljaw bl-ikrah;
għax telqu l-Liġi ta' l-Għoli,
is-slaten ta' Ġuda għebu,
[Sir:49:5] għax qawwiethom tawha lil ħaddieħor,
u sebħhom lil ġens barrani.
[Sir:49:6] Taw in-nar lill-belt magħżula tat-tempju,
u triqatha għamluhom ħerba,
[Sir:49:7] kif kien qal Ġeremija.
Għax ġiebu ruħhom ħażin miegħu,
għad li kien ikkonsagrat profeta
sa minn ġuf ommu,
biex jaqla', jeqred u jħott,
jibni u jħawwel.
[Sir:49:8] Kien Eżekjel li ra d-dehra tal-glorja,
li Alla wrieh fuq il-karrijiet tal-kerubini.
[Sir:49:9] Għax ftakar fl-għedewwa tiegħu
b'xita qalila,
u għamel il-ġid ma' dawk li triqathom kienu dritti.
[Sir:49:10] U l-għadam tat-tnax-il profeta
jalla jieħu r-ruħ minn fejn qiegħed;
għax sabbru lil ulied Ġakobb,
u fdewhom b'fidi u tama.

Żerubbabel u Ġożwè

[Sir:49:11] Kif nistgħu nuru l-kobor ta' Żerubbabel?
Kien bħal siġill f'id il-leminija,
[Sir:49:12] hekk ukoll Ġożwè bin Ġeħosadak;
fi żmienhom bnew it-tempju,
u tellgħu d-dar qaddisa tal-Mulej,
iddestinata għall-glorja ta' dejjem.

Neħemija

[Sir:49:13] It-tifkira ta' Neħemija tibqa' wkoll
għal dejjem,
hu talla' għalina d-djar imġarrfa tagħna,
u qiegħed il-bibien u l-istaneg,
u raġa' bena djarna.

Ħarsa lura

[Sir:49:14] Ħadd ma kien maħluq fuq l-art bħal
Ħenok;
hu ttieħed minn fuq l-art.
[Sir:49:15] Qatt ma twieled bniedem bħal Ġużeppi,
kien mexxej ta' ħutu, fuqu l-poplu kien iserraħ.
Dawn ħadu ħsieb sal-fdal t'għadmu.
[Sir:49:16] Sem u Set kienu mweġġħin mill-bnedmin,
u fuq kull ħaj fil-ħolqien hemm Adam.

50. Xmun il-qassis il-kbir

[Sir:50:1] Kien il-qassis il-kbir Xmun bin Onija,
li tul ħajtu sewwa t-tempju,
u f'jiemu saħħaħ is-santwarju.
[Sir:50:2] Hu qiegħed is-sisien tal-ħajt għoli u
dobblu,
l-ilqugħ għolja li jdawwru t-tempju.
[Sir:50:3] F'jiemu tħaffret ġiebja għall-ilma,
vaska kbira fid-dawra tagħha qisha baħar.
[Sir:50:4] Ħaseb biex isalva l-poplu tiegħu
mill-waqgħa
u saħħaħ il-belt biex tilqa' għal assedju.
[Sir:50:5] Kemm kien ikun imsebbaħ bil-poplu
madwaru,
meta kien joħroġ mis-santwarju minn wara
l-purtiera!
[Sir:50:6] Bħall-kewkba ta' filgħodu qalb is-sħab,
bħall-qamar fil-jiem meta jkun mimli;
[Sir:50:7] bħax-xemx tiddi fuq it-tempju ta' l-għoli,
u bħall-qawsalla tilma fi sħab jiddi;
[Sir:50:8] bħal ward fil-jiem tar-rebbiegħa,
bħal ġilji ħdejn nixxiegħa ilma,
bħal żarġuna ta' inċens fiċ-ċensier;
[Sir:50:9] bħal nar u inċens fiċ-ċensier;
bħal oġġett tad-deheb battut
mżejjen b'kull xorta ta' ħaġar prezzjuż;
[Sir:50:10] bħal siġra taż-żebbuġ li ħarġet il-frott,
u bħal siġra taċ-ċipress għolja sas-sħab.
[Sir:50:11] Meta kien jitfa' fuqu l-ilbies tal-glorja,
u kien ikun imlibbes sabiħ għall-aħħar,
meta kien jitla' l-artal imqaddes,
u kien jimla bil-glorja l-bitħa tat-tempju,
[Sir:50:12] meta kien jilqa' l-ishma minn idejn
il-qassisin,
wieqaf maġenb il-qiegħa tan-nar ta' l-artal,
b'ħutu madwaru bħal kuruna,
kien ikun qisu ċedru żgħir tal-Libanu,
u huma madwaru bħalkieku siġar tal-palm;
[Sir:50:13] meta wlied Aron kollha fil-glorja tagħhom,
bl-offerti tal-Mulej f'idejhom,
weqfin quddiem il-ġemgħa kollha ta' Iżrael,
[Sir:50:14] hu u jtemm ir-rit tal-liturġija fuq l-artal,
u kien iħejji bl-ordni l-offerta ta' l-Għoli li
jista' kollox;
[Sir:50:15] kien imidd idejh lejn il-bieqja,
u jferragħ minnha meraq ta' l-għeneb,
kien isawwbu man-naħa t'isfel ta' l-artal;
riħa tfuħ lill-Ogħla, is-sultan ta' kulħadd;
[Sir:50:16] mbagħad ulied Aron kienu jgħajjtu,
u kienu jdoqqu trumbetti tal-metall battut,
u kienu jagħmlu ħoss kbir li jinstama' minn
kullimkien,
b'tifkira quddiem Alla l-Għoli;
[Sir:50:17] mbagħad il-poplu kollu f'daqqa
fil-pront jinżel wiċċu ma' l-art biex jagħti
qima lill-Mulej tiegħu,
lil dak li jista' kollox, Alla l-Għoli;
[Sir:50:18] u l-għannejja kienu jgħannu għanjiet ta'
tifħir,
b'leħenhom jidwi f'melodija,
[Sir:50:19] u l-poplu kien jagħmel talb lill-Mulej,
lill-Għoli,
kien jitlob quddiem Dak li hu ħanin,
sa ma jasal fi tmiemu l-ordni taċ-ċelebrazzjoni,
u kienu jtemmu r-rit tal-liturġija;
[Sir:50:20] mbagħad hu u nieżel Xmun kien jgħolli
idejh
fuq il-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael
biex minn fommu jagħtihom il-barka tal- Mulej,
mkabbar b'isem il-Mulej;
[Sir:50:21] u n-nies kienet tinżel tagħti qima
għat-tieni darba
biex tilqa' l-barka mingħand l-Għoli.

Twissija

[Sir:50:22] U issa bierku lil Alla tal-ħolqien kollu,
li ħwejjeġ ta' l-għaġeb jagħmel ma' kullimkien,
li minn ġuf ommna jgħollilna jiemna,
u li jimxi magħna skond ħnientu.
[Sir:50:23] Jalla jagħtina hena tal-qalb,
u li jkollna s-sliem fi żmienna,
f'Iżrael, bħalma kellna fl-imgħoddi.
[Sir:50:24] Ħa juri magħna l-ħniena u l-fedeltà
tiegħu, u jifdina fi żmienna.

Qawl numeriku

[Sir:50:25] B'żewġt iġnus hi mxabba' ruħi,
u t-tielet wieħed m'hu ġens xejn:
[Sir:50:26] dawk li joqogħdu fuq l-għolja ta' Xegħir
u l-Filistin,
u l-poplu iblah li joqgħod f'Sikem.

Għeluq

[Sir:50:27] Tagħlim ta' dehen u għerf
jien ktibt f'dan il-ktieb,
Ġożwè bin Sirak, bin Elgħażar, ta' Ġerusalemm,
li sawwab għerfu minn qalbu.
[Sir:50:28] Hieni min jedha b'dawn il-ħwejjeġ,
u għaref hu min idaħħalhom f'qalbu!
[Sir:50:29] Jekk jagħmilhom, ikun jiflaħ għal kollox,
għax dawl il-Mulej ikun il-mogħdija tiegħu.

51. Innu ta' radd il-ħajr

[Sir:51:1] Nroddlok ħajr, Mulej, sultan tiegħi,
u nfaħħrek, Alla Salvatur tiegħi,
nrodd ħajr lil ismek,
[Sir:51:2] għaliex int sirt kenn u għajnuna għalija,
u fdejtli 'l ġismi mit-telfien,
u min-nassa ta' lsien giddieb
u minn xufftejn qarrieqa.
Quddiem dawk li daru għalija
kont ta' għajnuna għalija u fdejtni,
[Sir:51:3] skond il-kobor tal-ħniena u l-isem tiegħek,
minn snien dawk li kienu lesti li jqattgħuni,
minn idejn dawk li kienu jfittxu li joqtluni,
mill-ħafna għawġ li ġarrabt,
[Sir:51:4] min-nar madwari li kien jifgani,
u minn qalb ħuġġieġa li ma qabbadthiex jien,
[Sir:51:5] mill-fond tal-ġewwieni ta' Art l-Imwiet,
u minn ilsien iniggeż u kliem qarrieq –
[Sir:51:6] il-qlajja' ta' lsien ħażin quddiem is-sultan.
Ruħi kienet qorbot lejn il-mewt,
u ħajti kienet għoddha f'xifer il-qabar.
[Sir:51:7] Dawwruni minn kull naħa,
u ma kienx hemm min jgħinni;
ħarist biex xi ħadd jagħtini l-għajnuna,
imma ma kienx hemm min.
[Sir:51:8] Imma ftakart fil-ħniena tiegħek, Mulej,
fl-għemejjel tiegħek fiż-żmien ta' dari,
għax int teħles lil dawk li stennewk
u ssalvahom minn idejn l-għedewwa.
[Sir:51:9] Mbagħad għollejt mill-art it-talba tiegħi,
u tlabtek teħlisni mill-mewt.
[Sir:51:10] U sejjaħt lill-Mulej: "Mulej, int missieri,
titlaqnix f'jiem l-għawġ,
meta jiena bla għajnuna kontra l-kburin.
Nfaħħar ismek il-ħin kollu,
u ngħannilek b'radd il-ħajr."
[Sir:51:11] U int smajt it-talba tiegħi,
għax salvajtni mit-telfien,
u ħlistni minn żmien ikrah.
[Sir:51:12] Għalhekk inroddlok ħajr u nfaħħrek,
u nbierek l-isem tal-Mulej.

Poeżija fuq it-tiftix għall-għerf

[Sir:51:13] Meta kont għadni żagħżugħ, qabel ma
bdejt nivvjaġġa,
fittixt l-għerf bid-dieher fit-talb tiegħi.
[Sir:51:14] Quddiem it-tempju kont nitlob għalih,
u nibqa' nfittxu sa l-aħħar.
[Sir:51:15] Xħin tiżhar id-dielja
sa ma ssajjar l-għeneb,
qalbi kienet tithenna bl-għerf.
Meddejt riġli f'mogħdija dritta,
minn żgħożiti kont insus warajh.
[Sir:51:16] Tajtu ftit widen u ngħatali,
imma sibt għalija ħafna tagħlim.
[Sir:51:17] Bih imxejt 'il quddiem;
lil Min tani l-għerf glorja nagħtih.
[Sir:51:18] Għax għandi f'moħħi li nġib ruħi bl-għerf,
u sirt ħerqan għat-tajjeb u ma jkollix għax nistħi.
[Sir:51:19] Tħabatt ħafna biex nikseb l-għerf,
u ħarist il-Liġi bir-reqqa.
Rfajt idejja 'l fuq
u bkejt għax ma kontx nagħrfu.
[Sir:51:20] Mexxejt lili nnifsi lejn l-għerf
imma sibtu fis-safa.
Miegħu kont mill-ewwel għal qalbi,
u għalhekk ma nibqax waħdi.
[Sir:51:21] Kont imħeġġeġ ġo fija biex infittxu,
u għalhekk ksibt ħaġa tajba.
[Sir:51:22] Il-Mulej tani lsieni bi ħlas tiegħi,
u bih jien infaħħru.
[Sir:51:23] Ersqu lejja intom li m'għandkomx tagħlim,
u ħudu postkom fl-iskola tiegħi.
[Sir:51:24] Għaliex tgħidu li intom lura f'dawn
il-ħwejjeġ,
u li rwieħkom huma bl-għatx għall-aħħar?
[Sir:51:25] Ftaħt fommi u tkellimt,
"Iksbu għalikom l-għerf bla ma tħallsu l-flus.
[Sir:51:26] Middu għonqkom għall-madmad tiegħu,
u qisu li ruħkom tilqa' t-tagħlim.
Hu qrib biex issibuh.
[Sir:51:27] Araw b'għajnejkom kemm tħabatt ftit,
imma sibt għalija ħafna mistrieħ.
[Sir:51:28] Ixtru t-tagħlim b'somma kbira tal-fidda,
u tiksbu bih ħafna deheb.
[Sir:51:29] Jalla rwieħkom jifirħu fil-ħniena tal-Mulej
u ma tistħux fit-tifħir tiegħu.
[Sir:51:30] Aqdu dmirkom qabel jasal iż-żmien,
U l-Mulej iħallaskom fi żmienu.”

L-Għerf ta’ bin Sirak