IL-KTIEB TA’ BĀRUK

1. Laqgħa f'Babilonja

[Bar:1:1] Dan hu kliem il-ktieb, li kiteb Bāruk bin Nerija, bin Magħxija, bin Sedekija, bin Għasadija, bin Ħilkija, f'Babilonja, [Bar:1:2] fil-ħames sena, is-sebgħa tax-xahar, minn meta l-Kaldin ħadu Ġerusalemm u tawha n-nar. [Bar:1:3] U Bāruk qara kliem dan il-ktieb quddiem Ġekonija bin Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, u quddiem il-poplu kollu li kien ġie għall-qari tal-ktieb, [Bar:1:4] u quddiem ix-xjuħ u quddiem il-poplu kollu, mill-kbir saż-żgħir, dawk kollha li kienu jgħammru f'Babilonja ħdejn ix-xmara Sud.

[Bar:1:5] U bkew, u samu, u talbu quddiem il-Mulej; [Bar:1:6] u ġabru l-flus, kulħadd skond ma kien jista', [Bar:1:7] u bagħtuhom Ġerusalemm u Ġeħojakin, il-qassis il-kbir, bin Mikija bin Salom, u lill-qassisin u lill-poplu kollu li kien hemm miegħu f'Ġerusalemm, [Bar:1:8] meta Bāruk qala' li t-tagħmir tad-dar tal-Mulej, li ttieħed mit-tempju, jittieħed lura lejn l-art ta' Ġuda fl-għaxra tax-xahar Siwan. Dan it-tagħmir tal-fidda kien dak li kien għamel Sedekija bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, [Bar:1:9] wara li Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, kien ħa marbutin lil Ġekonija, l-prinċpijiet, il-priġunieri, il-kbarat u l-poplu tal-pajjiż minn Ġerusalemm għal Babilonja.

[Bar:1:10] U qalulhom: "Ara qegħdin nibagħtulkom il-flus; bihom ixtru vittmi għas-sagrifiċċji tal-ħruq u għas-sagrifiċċji tal-purifikazzjoni, u inċens. Agħmlu offerta tal-qmugħ u offruha fuq l-artal tal-Mulej Alla tagħna. [Bar:1:11] U itolbu għall-ħajja ta' Nabukodonosor, sultan tal-Babilonja, u għall-ħajja ta' Beltassar ibnu, biex jiemhom ikunu daqs jiem is-sema fuq l-art. [Bar:1:12] U l-Mulej jagħtina s-saħħa u jdawwlilna għajnejna, u hekk inkunu nistgħu ngħixu taħt il-ħarsien ta' Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u taħt id-dell ta' Beltassar ibnu, u naqduhom għal ħafna żmien u mmorru tajjeb magħhom. [Bar:1:13] Itolbu għalina l-Mulej, Alla tagħna, għax aħna dnibna kontra l-Mulej Alla tagħna, u sa llum għadhom ma tbegħdux is-saħna u l-għadab tal-Mulej minna.

It-talba tal-poplu niedem

[Bar:1:14] "U aqraw ukoll dan il-ktieb, li qegħdin nibagħtulkom, biex tagħmlu l-istqarrija tagħkom fid-dar tal-Mulej f'jum ta' festa u fil-ġranet tal-laqgħat solenni. [Bar:1:15] Għidu dan: 'Il-ġustizzja hi min-naħa tal-Mulej, Alla tagħna, iżda min-naħa tagħna, kif aħna llum, aħna għandna l-għajb ma' wiċċna, ma' wiċċ kull bniedem ta' Ġuda, u ma' wiċċ kull min joqgħod Ġerusalemm, [Bar:1:16] ma' wiċċ is-slaten u l-prinċpijiet, u ma' wiċċ il-qassisin u l-profeti tagħna, u ma' wiċċ missirijietna. [Bar:1:17] Għax aħna dnibna quddiem il-Mulej, [Bar:1:18] ma tajniex widen għall-Mulej Alla tagħna, meta sejjħilna biex inġibu ruħna skond il-kmandamenti li tana l-Mulej, ma smajniex minnu.

[Bar:1:19] " 'Sa minn meta l-Mulej ħareġ lil missirijietna mill-art ta' l-Eġittu sa llum, aħna qomna kontra l-Mulej Alla tagħna, ġibna ruħna bla ħsieb u ma smajniex il-leħen tiegħu. [Bar:1:20] Għalhekk qabdu magħna l-hemm u s-saħta, li l-Mulej kien ħabbrilna permezz tal-qaddej tiegħu Mosč, meta ħareġ lil missirijietna mill-art ta' l-Eġittu, biex jagħtina art tnixxi ħalib u għasel; u hekk għadna sa llum. [Bar:1:21] Ma smajniex leħen il-Mulej, Alla tagħna, f'kull ma qalilna permezz tal-profeti li bagħtilna, [Bar:1:22] iżda kull wieħed minna mexa skond il-qalb ħażina tiegħu billi qdejna allat oħra u għamilna dak li hu ħażin quddiem il-Mulej, Alla tagħna.

2. [Bar:2:1] " 'Għalhekk il-Mulej temm il-kelma li kien qal għalina u għall-imħallfin li kienu jaħkmu fuq Iżrael, u għas-slaten u l-prinċpijiet tagħna, u għan-nies kollha ta' Iżrael u ta' Ġuda. [Bar:2:2] Qatt ma seħħ taħt is-smewwiet kollha dak li hu għamel f'Ġerusalemm, kif hemm miktub fil-Liġi ta' Mosč; [Bar:2:3] wasalna biex nieklu l-laħam ta' wliedna, bniet u subjien. [Bar:2:4] Rħiehom f'idejn is-slaten kollha ta' madwarna biex ikunu mistkerrha u mwarrba mill-popli kollha ta' madwar, li fosthom xerridhom il-Mulej. [Bar:2:5] U flok sidien sabu ruħhom ilsiera, għaliex dnibna kontra l-Mulej, Alla tagħna, billi ma smajniex minn kelmtu.

[Bar:2:6] " 'Għall-Mulej, Alla tagħna, il-ġustizzja għalina u għal missirijietna l-wiċċ mistħi kif aħna llum. [Bar:2:7] Kull ma qal il-Mulej għalina – dawn il-ħsarat kollha - laħaqna. [Bar:2:8] Imma aħna ma rattabniex wiċċ il-Mulej, u ħadd minna ma raġa' lura mill-fehmiet ta' qalbna ħażina. [Bar:2:9] U l-Mulej qagħad għassa fuq il-ħsarat, u ġiebhom fuqna, għax il-Mulej ġust fl-għemejjel kollha tiegħu, li kkmandana nagħmlu. [Bar:2:10] Aħna ma smajniex minn leħnu li kien widdibna biex nimxu skond il-kmandamenti li l-Mulej qegħdilna quddiemna.

[Bar:2:11] " 'U issa, Mulej, Alla ta' Iżrael, li ħriġt lill-poplu tiegħek mill-Eġittu bi driegħ qawwi, b'sinjali u b'għeġubijiet, u b'qawwa kbira u bi driegħ merfugħ, u għamilt isem għalik, kif inhu issa, [Bar:2:12] aħna dnibna, mxejna bid-dnewwa u t-tagħwiġ, Mulej, Alla tagħna, fil-kmandamenti tiegħek kollha. [Bar:2:13] Ħa jerġa' lura l-għadab tiegħek minna, għax bqajna ftit fost il-ġnus, li fosthom int xerridtna. [Bar:2:14] Isma', Mulej, it-talb u s-supplika tagħna, eħlisna f'ġieħek u għamel li nsibu l-ħniena f'għajnejn dawk li eżiljawna, [Bar:2:15] sabiex tkun taf l-art kollha li int il-Mulej, Alla tagħna, għax ismek jissejjaħ fuq Iżrael u nislu. [Bar:2:16] Ħares fuqna, Mulej, mid-dar imqaddsa tiegħek, u aħseb fina. Agħtina widen, Mulej, u ismagħna. [Bar:2:17] Iftaħ għajnejk, Mulej, u ara, għax mhux il-mejtin f'Qiegħ l-Art, li ruħhom infirdet minn ġisimhom, isebbħu u jfaħħru l-ġustizzja tal-Mulej, [Bar:2:18] imma r-ruħ imnikkta għall-aħħar, min jimxi mgħawweġ u mifni, l-għajnejn għajjiena u r-ruħ imġewwħa, dawn isebbħuk u jroddulek il-ġustizzja, Mulej. [Bar:2:19] Għax mhux għall-merti ta' missirijietna u tas-slaten tagħna aħna nressqu t-talb tagħna quddiemek, Mulej, Alla tagħna, [Bar:2:20] imma għaliex int xħett fuqna l-korla u l-qilla tiegħek bħalma kont għedt permezz tal-qaddejja tiegħek il-profeti li kienu jgħidu: [Bar:2:21] Dan jgħid il-Mulej: Middu għonqkom u aqdu s-sultan ta' Babilonja, u tibqgħu fuq l-art, li kien ta lil missirijietkom. [Bar:2:22] Jekk imbagħad ma tisimgħux mill-kelma tal-Mulej u ma taqdux lis-sultan ta' Babilonja, [Bar:2:23] nsikket mill-ibliet ta' Ġuda u f'Ġerusalemm l-għana tal-ferħ u l-għana ta' l-hena, l-għana ta' l-għarus u l-għana ta' l-għarusa, u tkun l-art deżert, u ħadd ma jgħammar fiha.

[Bar:2:24] " 'U aħna ma smajniex mill-kelma tiegħek, u ma qdejniex is-sultan ta' Babilonja; u inti temmejt il-kelma tiegħek, li int kont għedt permezz tal-qaddejja tiegħek il-profeti, jiġifieri, li jitneħħa minn postu l-għadam tas-slaten tagħna u l-għadam ta' missirijietna. [Bar:2:25] U, ara, issa mxerrdin fil-beraħ għas-sħana tal-jum u l-kesħa tal-lejl. Huma mietu b'mard tal-biża', bil-ġuħ, u bix-xabla, u bil-pesta. [Bar:2:26] U int ġibt id-dar, fejn kien jissejjaħ ismek fuqha, f'dak li hi llum, minħabba l-ħażen ta' dar Iżrael u d-dar ta' Ġuda.

[Bar:2:27] " 'Imma int, Mulej, Alla tagħna, mxejt magħna skond it-tjieba u l-ħniena kbira kollha tiegħek. [Bar:2:28] Hekk kont għedt permezz tal-qaddej tiegħek Mosč dakinhar, meta int ordnajtlu li jikteb il-Liġi tiegħek quddiem ulied Iżrael, u għedtlu: [Bar:2:29] Jekk ma tisimgħux minn kliemi, din il-kotra kbira ta' nies issir l-iżgħar fost il-ġnus, li fosthom inxerridhom. [Bar:2:30] Għax jien naf li m'humiex se jisimgħu minni, għax hu poplu rashom iebsa. Imma jidħlu fihom infushom fl-art ta' l-eżilju tagħhom. [Bar:2:31] Mbagħad jagħrfu li jien il-Mulej, Alla tagħhom. Jien nagħtihom qalb u widnejn li jisimgħu.

[Bar:2:32] " 'Huma jfaħħruni f'art l-eżilju tagħhom u jiftakru f'ismi; [Bar:2:33] u għad jerġgħu lura mill-ebusija ta' rashom u mill-għemejjel ħżiena tagħhom, huma u jiftakru bix-xorti ta' missirijiethom, li kienu dinbu quddiem il-Mulej. [Bar:2:34] U jien inreġġagħhom lura fl-art, li ħlift lil missirjiethom - lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb - u jeħduha f'idejhom: nkattarhom u ma jiċkienu qatt iżjed. [Bar:2:35] Nagħmel patt magħhom għal dejjem, li nkun Alla tagħhom u huma jkunu l-poplu tiegħi. U ma nċaqlaqx aktar il-poplu tiegħi Iżrael mill-art li jiena tajthom.

3. Talba għall-ħelsien

[Bar:3:1] " 'Mulej Alla ta' Iżrael, li tista' kollox, ruħ imnikkta u qalb imġarrba qegħdin jgħajjtulek: [Bar:3:2] Isma' u ħenn, Mulej, għax dnibna quddiemek. [Bar:3:3] Int qiegħed fuq it-tron tiegħek għal dejjem u aħna bla heda qegħdin nintilfu. [Bar:3:4] Mulej Alla ta' Iżrael, li tista' kollox, isma' t-talba tal-mejtin ta' Iżrael, ta' wlied dawk li dinbu kontrik, u ma semgħux il-kelma tal-Mulej, Alla tagħhom; għalhekk ġie fuqna dan it-tiġrib kollu. [Bar:3:5] Tiftakarx fil-ħażen ta' missirijietna, imma f'din is-siegħa ftakar fil-qawwa tiegħek u fl-isem tiegħek. [Bar:3:6] Għax int il-Mulej, Alla tagħna, u aħna nixtiequ nfaħħruk, Mulej; [Bar:3:7] għax int nissilt f'qalbna l-biża' tiegħek biex tħajjarna nsejjħu 'l ismek. Nixtiequ nfaħħruk f'dan l-eżilju tagħna, għax battalna qlubna mill-ħażen kollu ta' missirijietna, li dinbu kontrik. [Bar:3:8] Ara, aħna llum għadna fl-eżilju fejn xerridtna bħala ħaġa ta' għajb, misħuta, ikkastigati għall-ħażen kollu ta' missirijietna li tbiegħdu mill-Mulej Alla tagħna.' "

Fl-għerf tinsab is-salvazzjoni ta' Iżrael

[Bar:3:9] Isma', Iżrael, il-kmandamenti tal-ħajja,
agħtu widen, tgħallmu l-għerf!
[Bar:3:10] Għala, Iżrael, għala tinsab f'art
l-għedewwa tiegħek?
Għala qiegħed tixjieħ f'art barranija?
[Bar:3:11] Għala int imniġġes mal-mejtin,
magħdud fost dawk li jinżlu f'Qiegħ l-Art?
[Bar:3:12] Int twarrabt mill-għajn ta' l-għerf.
[Bar:3:13] Li kieku mxejt fit-triq ta' Alla,
kont tkun tgħix fis-sliem għal dejjem!
[Bar:3:14] Tgħallem fejn hemm l-għaqal,
fejn hemm il-qawwa, fejn hemm id-dehen,
biex f'ħin wieħed tagħraf fejn hemm
it-tul ta' l-għomor u t-tul tal-ħajja,
fejn hemm id-dawl għall-għajnejn u s-sliem.

[Bar:3:15] Imma min kixef fejn jinsab l-għerf?
U min daħal fl-imħażen tiegħu?
[Bar:3:16] Fejn huma l-prinċpijiet tal-ġnus,
jew dawk li jimmansaw il-bhejjem
li hawn fl-art?
[Bar:3:17] Jew dawk li jilagħbu bit-tajr ta' l-ajru,
dawk li jaħżnu fidda u deheb,
li fihom jafdaw il-bnedmin,
u m'hemmx qjies għar-regħba tagħhom?
[Bar:3:18] Fejn huma dawk li jaħdmu l-fidda,
u dejjem ħsiebhom fiha?
Ebda ħjiel ma fadal ta' xogħolhom.
[Bar:3:19] Għebu, niżlu f'Qiegħ l-Art,
u posthom ħaduh oħrajn.

[Bar:3:20] Oħrajn, żgħażagħ, raw id-dawl,
u għammru fl-art,
imma m'għarfux triq l-għerf.
[Bar:3:21] Dawn m'għarfux mogħdijietu,
u anqas uliedhom ma laħquh,
u tbiegħdu ħafna minn triqtu.
[Bar:3:22] Ma semgħux bih f'Kangħan,
anqas feġġ f'Teman.
[Bar:3:23] Lanqas ulied Ħagar,
li fittxew l-għerf ta' din l-art;
in-neguzjanti ta' Merran u ta' Teman,
dawk li jfasslu l-ħrejjef;
u dawk li jfittxu l-għaqal,
triq l-għerf ma sabuhiex
u lanqas ħasbu f'mogħdijietu.

[Bar:3:24] Kemm hi kbira, Iżrael, dar Alla,
kemm hu wiesa' l-imkien tal-ħakma tiegħu,
[Bar:3:25] wiesa' bla qjies, għoli bla tarf.
[Bar:3:26] Fiha għexu l-ġganti, magħrufin
mill-qedem,
nies twal, jinqalgħu għall-ġlied.
[Bar:3:27] Mhux lil dawn għażel Alla,
mhux lilhom għarraf triq għerfu;
[Bar:3:28] nqerdu għax kienu nieqsa mill-għerf,
ntilfu minħabba bluhathom.
[Bar:3:29] Min qatt tala' s-sema u sabu,
u niżżlu mis-sħab?
[Bar:3:30] Min qasam l-ibħra u sabu,
u kisbu b'deheb l-aktar fin?
[Bar:3:31] Ħadd ma jaf it-triq li twassal għandu,
ħadd ma jsib il-mogħdija tiegħu.
Bar:3:32] Imma Dak li jaf kollox jaf fejn hu l-għerf,
għax sabu hu bid-dehen tiegħu;
Dak li ħejja l-art għal dejjem,
li mlieha bil-bhejjem li jimxu fl-art;
[Bar:3:33] hu, li jibgħat id-dawl, u dan imur;
isejjaħlu, u jisma' minnu mriegħed;
[Bar:3:34] jiddu l-kwiekeb għassiesa f'posthom,
kollhom ferħana;
[Bar:3:35] Hu jsejjħilhom, u huma jwieġbu:
'Hawn aħna';
jiddu ferħana għal dak li għamilhom.
[Bar:3:36] Dan hu Alla tagħna:
ħadd ma joqgħod ħdejh!
[Bar:3:37] Hu sab it-triq kollha ta' l-għerf,
u tah lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu,
u lil Iżrael, il-maħbub tiegħu.
[Bar:3:38] Mbagħad dan l-għerf deher fid-dinja
u għammar fost il-bnedmin.

4. [Bar:4:1] Hu ktieb il-kmandamenti ta' Alla,
hu l-Liġi li tibqa' għal dejjem;
kull min iħarsu jgħix,
dawk li jħalluh imutu.
[Bar:4:2] Erġa' lura, Ġakobb, u ilqa' l-għerf,
imxi lejn id-dija ta' dawlu;
[Bar:4:3] titlaqx il-glorja tiegħek lil ħaddieħor,
lanqas ġieħek lil ġens barrani.
[Bar:4:4] Hienja aħna, Iżrael,
għax dak li jogħġob 'l Alla kien mgħarraf lilna.

Agħmel il-qalb, Iżrael

[Bar:4:5] Agħmel il-qalb, poplu tiegħi,
int, it-tifkira ta' Iżrael!
[Bar:4:6] Kontu mibjugħa lill-ġnus,
iżda mhux biex tiġu fix-xejn;
kontu mogħtija f'idejn l-għedewwa,
għax kebbistu l-korla ta' Alla.
[Bar:4:7] Xgħeltu l-għadab ta' min sawwarkom,
għax offrejtu s-sagrifiċċju lill-allat,
u mhux lil Alla.
[Bar:4:8] Nsejtu lil Alla ta' dejjem,
lil dak li għajjixkom.
Mlejtu bl-imrar lil Ġerusalemm,
lil dik li rabbietkom.
[Bar:4:9] Għax hi rat il-korla ta' Alla nieżel fuqkom,
u qalet: "Isimgħu ġirien Sijon:
Alla bagħat niket kbir fuqi,
[Bar:4:10] għax ġarrabt jasar uliedi, subjien u bniet,
il-jasar li fih bagħathom Alla ta' dejjem.

[Bar:4:11] Jekk it-trobbija tagħhom ferrħitni,
it-tlugħ tagħhom bikkieni u qasamli qalbi.
[Bar:4:12] Ħadd m'għadu jifraħ bija,
armla li baqgħet weħidha;
kelli ħafna u telquni,
għax uliedi dinbu,
u daru lura mil-Liġi ta' Alla.
[Bar:4:13] Il-kmandamenti tiegħu m'għarfuhomx,
lanqas ma mxew fi triqat il-preċetti ta' Alla.
Lanqas ħadu l-mogħdijiet ta' tagħlim
il-ġustizzja tiegħu.
[Bar:4:14] Ħa jiġu ġirien Sijon!
Ftakru fl-eżilju ta' wliedi,
subjien u bniet,
li ġieb fuqhom Alla ta' dejjem.
[Bar:4:15] Għax ġie fuqhom ġens mill-bogħod,
ġens kiefer, u b'ilsien barrani,
ġens bla qima għax-xjuħ,
ġens bla ħasra għat-trabi.
[Bar:4:16] Lill-armla ħadulha l-għeżież tagħha,
ħallewni waħdi, ċaħħduni minn bnieti.

[Bar:4:17] "Imma jien kif nista' ngħinkom?
[Bar:4:18] Dak li ġieb fuqkom dan id-deni,
hu biss jista' jeħliskom mill-għedewwa.
[Bar:4:19] Morru, uliedi, morru,
jien nibqa' hawn mitluqa waħdi.
[Bar:4:20] Neħħejt minn fuqi lbies is-sliem,
u xeddejt l-ixkora tal-penitenza;
nibqa' ngħajjat lil Alla ta' dejjem,
għomri kollu.
[Bar:4:21] Agħmlu l-qalb, uliedi,
sejjħu lil Alla,
u hu jeħliskom mit-tirannija,
minn id l-għedewwa tagħkom.
[Bar:4:22] Jien stennejt is-salvazzjoni tagħkom
mingħand Alla ta' dejjem,
u ġieni l-ferħ mingħand il-Qaddis.
Minħabba l-ħniena li dalwaqt tilħaqkom
mingħand Alla ta' dejjem,
is-Salvatur tagħkom.

[Bar:4:23] Jien bgħattkom, mnikkta u mbikkija,
imma Alla jreġġagħkom għal għandi,
bil-hena u l-ferħ għal dejjem.
[Bar:4:24] Bħalma issa ġirien Sijon
raw l-eżilju,
hekk għad jaraw dalwaqt
is-salvazzjoni mingħand Alla tagħkom,
li se tiġikom b'sebħ kbir,
u bid-dija ta' Alla ta' dejjem.

[Bar:4:25] Uliedi, stabru bil-korla ta' Alla,
li laħqitkom.
Ħaqarkom l-għadu,
imma dalwaqt taraw il-qerda tiegħu,
u minn fuq għonqu għad tgħaddi.
[Bar:4:26] Uliedi mħejjma
kellhom jgħaddu minn toroq imħarbta;
ħaduhom bħal merħla maħtufa mill-għadu.

[Bar:4:27] Agħmlu l-qalb, uliedi, sejjħu lil Alla;
dak li ġarrabkom għad jiftakar fikom.
[Bar:4:28] Bħalma fittixtu titbiegħdu minn Alla
hekk issa duru lejh u fittxuh
b'ħerqa għaxar darbiet aqwa.
[Bar:4:29] Għax dak li bagħat fuqkom dan l-hemm
kollu,
hekk għad isalvakom,
u jimliekom b'ferħ dejjiemi."

[Bar:4:30] Agħmel il-qalb Ġerusalemm,
min tak ismek għad ifarrġek.
[Bar:4:31] Msejkna dawk li għamlulek id-deni,
u ferħu b'waqegħtek.
[Bar:4:32] Msejkna l-ibliet li jassru lil uliedek;
msejkna l-belt li ħadet lil uliedek.
[Bar:4:33] Għax bħalma ferħet b'waqegħtek
u tgħaxxqet bil-qerda tiegħek,
hekk għad titnikket għall-ħerba tagħha.
[Bar:4:34] Jien inneħħilha l-ferħ tal-kotra tagħha,
u għaxqitha fi swied il-qalb nibdilha.
[Bar:4:35] Xita ta' nar għad tinżel fuqha
mingħand Alla ta' dejjem,
għal ħafna żmien,
u jgħammru fiha l-ispirti ħżiena
għal żmien twil.

[Bar:4:36] Ħares lejn il-lvant, Ġerusalemm,
u ara l-ferħ li ġej għalik
mingħand Alla.
[Bar:4:37] Arahom ġejjin uliedek,
li darba int bgħatt 'il bogħod;
ġejjin flimkien miġbura
mil-lvant u mill-punent,
għall-kelma tal-Qaddis,
kollhom ferħana bil-glorja ta' Alla.

5. Il-glorja ta' Ġerusalemm

[Bar:5:1] Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm,
lbies il-vistu u n-niket tiegħek,
u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta' Alla.
[Bar:5:2] Ilbes mantar il-ġustizzja ta' Alla,
qiegħed fuq rasek id-dijadema
tal-glorja ta' Alla ta' dejjem.
[Bar:5:3] Għax Alla għad juri sbuħitek
lid-dinja taħt ix-xemx,
[Bar:5:4] Alla jsemmik għal dejjem:
"Sliem tal-Ġustizzja u Glorja tal-Qima ta' Alla."

[Bar:5:5] Qum, Ġerusalemm, itla' fl-għoli,
u ħares madwarek lejn il-lvant,
ara 'l uliedek miġmugħa,
minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla',
għall-kelma tal-Qaddis,
ferħana li Alla ftakar fihom.
[Bar:5:6] Telqu mingħandek bil-mixi,
mkarkra mill-għedewwa,
u issa Alla se jġibhomlok,
merfugħin fil-ġieħ bħalkieku
fuq tronijiet is-slaten.

[Bar:5:7] Għax Alla ordna;
jitniżżlu l-muntanji għolja,
u l-għoljiet ta' dejjem,
jimtlew il-widien u titwitta l-art,
biex hemm Iżrael jimxi 'l quddiem,
bla tfixkil ta' xejn,
taħt il-ħarsien ta' Alla.
[Bar:5:8] U l-foresti u s-siġar tal-fwieħa,
jixħtu dellhom għal fuq Iżrael,
bl-ordni ta' Alla.
[Bar:5:9] Għax Alla jmexxi lil Iżrael ferħan,
b'dawl il-glorja tiegħu,
msieħba mill-ħniena u l-ġustizzja
ħierġa minnu.

6. L-ittra ta' Ġeremija

Kopja ta’ l-ittra, li Ġeremija bagħat lil dawk li kienu se jittieħdu fl-eżilju f’Babilonja, mis-sultan tal-Babiloniżi, biex tħabbrilhom dak li ordnalu Alla:

[Bar:6:1] "Minħabba dnubietkom li għamiltu kontra Alla, se jeħodkom Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja, lsiera f'Babilonja. [Bar:6:2] Meta tkunu dħaltu, intom tibqgħu hemm għal ħafna snin u żmien twil, għal seba' ġenerazzjonijiet; mbagħad noħroġkom minn hemm bis-sliem.

[Bar:6:3] Issa fil-Babilonja taraw allat tal-fidda, tad-deheb, u ta' l-għuda, merfugħin fuq l-ispallejn, biex ibeżżgħu lill-ġnus. [Bar:6:4] Oqogħdu attenti li ma ssirux tixbhu lill-barranin u bħalhom jaqbadkom il-biża' quddiemhom. [Bar:6:5] Meta taraw il-folla quddiemhom u warajhom iqimuhom, għidu f'qalbkom; 'Lilek għandna nqimu, o Sidna!' [Bar:6:6] Għax l-anġlu tiegħi magħkom, u hu jieħu ħsieb ħajjitkom.

[Bar:6:7] Għandhom ilsienhom illimat minn ħaddiem tas- sengħa, u miksija bid-deheb u l-fidda, imma huma xbihat foloz, u ma jistgħux jitkellmu. [Bar:6:8] U bħalma jagħmlu ma' xebba li tħobb tiżżejjen, jieħdu d-deheb u jagħmlu minnu kuruni għal fuq ras allathom. [Bar:6:9] Xi drabi wkoll jiġri li l-qassisin jieħdu l-fidda u d-deheb minn fuq allathom u jonfquhom għalihom infushom, u jagħtu minnhom ukoll lin-nisa żienja fuq il-bjut. [Bar:6:10] Dawn l-allat tal-fidda tad-deheb u ta' l-għuda jżejjnuhom ukoll b'ilbies bħallikieku nies; imma huma ma għandhomx ħila jeħilsu mis-sadid u s-susa. [Bar:6:11] Huma mlibbsin bil-porpra, imma jeħtieġ li jfarfrulhom wiċċhom mill-ħafna għabra tat-tempju, li taqa' fuqhom bil-kotra. [Bar:6:12] Bħallikieku gvernatur ta' xi provinċja, l-alla għandu x-xettru imma m'għandux ħila joqtol lil min joffendih. [Bar:6:13] Ieħor iżomm f'idejh is-sejf u l-mannara, iżda ma jistax jeħles lilu nnifsu mill-gwerra u lanqas mill-ħallelin.

[Bar:6:14] Minn dan jidher li m'humiex allat: mela la tibżgħux minnhom!

[Bar:6:15] Bħal meta xi biċċa tagħmir ta' xi ħadd titkisser u ma tkun tiswa għal xejn, hekk l-allat tagħhom imwaqqfa fit-tempju. [Bar:6:16] Għajnejhom mimlija għabra tas-saqajn tan-nies dieħla u ħierġa. [Bar:6:17] U bħalma lil xi ħadd li jkun ħati kontra s-sultan u jkun se jagħtuh il-mewt isakkrulu l-bibien warajh minn kull naħa tal-btieħi, hekk il-qassisin isaħħu t-tempji tagħhom b'bibien kbar, serraturi u staneg, biex dawn l-allat tagħhom ma jisirquhomx il-ħallelin. [Bar:6:18] Jixegħlu msiebaħ għalihom aktar milli għalihom infushom, imma l-allat ma jistgħu jaraw xejn. [Bar:6:19] Huma bħat-travi ta' tempju, li skond ma jgħidu jittieklu minn ġewwa; id-dud tiela' mill-art jiekol lilhom u lbieshom u huma ma jħossu xejn. [Bar:6:20] Wiċċhom jiswied bid-duħħan tat-tempju. [Bar:6:21] Fuq ġisimhom u fuq rashom jittajjru l-friefet il-lejl, il-ħuttaf, u l-għasafar tal-bejt; u hekk ukoll il-qtates jgħaddu minn fuqhom.

[Bar:6:22] Minn dan jidher li m'humiex allat: mela la tibżgħux minnhom!

[Bar:6:23] Minkejja d-deheb li jiksihom biex isebbaħhom, ma jleqqux, jekk ħadd ma jnaddafhom mis-sadid; u lanqas ħassew xejn meta dewwbuhom. [Bar:6:24] B'kull prezz jinxtraw, u ma fihomx nifs. [Bar:6:25] Billi m'għandhomx riġlejn, iġorruhom fuq l-ispallejn, u hemm juru l-għajb tagħhom lin-nies; u dawk stess li jqimuhom jistħu, għax, jekk xi wieħed jaqa' fl-art, waħdu ma jqum qatt; [Bar:6:26] jekk jarbulawh, ma jkunx jista' jitħarrek waħdu; u jekk imil, ma jkunx jista' jiddritta waħdu. Mbagħad iqegħdulhom quddiemhom offerti bħallikieku quddiem il-mejtin. [Bar:6:27] U l-qassisin tagħhom ibigħu l-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom biex jaqilgħu huma; hekk in-nisa ta' dawn imellħu biċċa minnhom, u ma jagħtu xejn lill-fqar jew lil min hu bla saħħa. U l-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom imissuhom saħansitra n-nisa fix-xahar tagħhom jew wara l-ħlas.

[Bar:6:28] Issa, la tafu minn dan li m'humiex allat: mela la tibżgħux minnhom!

[Bar:6:29] Kif jistgħu dawn jissejjħu allat? Għax imqar in-nisa jressqu l-offerti quddiem dawn l-allat tal-fidda u tad-deheb u ta' l-għuda. [Bar:6:30] U fit-tempji tagħhom il-qassisin joqogħdu bilqiegħda b'ilbieshom imċarrat, u b'rashom u l-leħja mqaxxrin u rashom xuxa, [Bar:6:31] u jgħajjtu u jwerżqu quddiem l-allat tagħhom bħalma xi wħud jagħmlu f'ikla ta' xi mejjet. [Bar:6:32] Il-qassis imbagħad jeħdulhom ilbieshom u jlibbsu n-nisa u t-tfal tagħhom. [Bar:6:33] Jekk xi ħadd jagħmlilhom xi ġid jew xi deni, ma jistgħu jpattulu b'xejn; lanqas jistgħu jlaħħqu jew ineħħu xi sultan. [Bar:6:34] Hekk ukoll lanqas ma jistgħu jagħtu ġid u lanqas flus. Jekk imbagħad xi ħadd jagħmel xi wegħda u ma jżommhiex, ma jfittxuhx. [Bar:6:35] Bniedem ma jeħilsuhx mill-mewt, u lanqas ma jeħilsu d-dgħajjef minn id is-setgħan. [Bar:6:36] Ma jistgħux lill-bniedem agħma jroddulu d-dawl, lanqas jeħilsu 'l ħadd mid-dwejjaq. [Bar:6:37] U m'għandhomx ħniena mill-armla u lanqas lill-iltim ma jagħmlulu l-ġid. [Bar:6:38] Jixbhu l-ġebel maqtugħ mill-iġbla dawn l-allat ta' l-għuda, miksija bid-deheb u l-fidda; u d-devoti tagħhom għad jistħu minnhom.

[Bar:6:39] Mela kif jista' wieħed jemmen u jmur jgħid li huma allat?

[Bar:6:40] Il-Kaldin stess m'għandhom ebda rispett lejhom: dawn meta jsibu xi mbikkem ma jistax jitkellem, iressquh quddiem Bel u jitolbuh li jagħtih il-kliem, bħallikieku dan jista' jifhimhom. [Bar:6:41] Huma stess ma jistgħux jintebħu b'dan, u jitilquhom, għax m'għandhomx moħħ. [Bar:6:42] In-nisa, mbagħad, imħażżma bir-rumnell, joqogħdu bilqiegħda fit-triq jaħarqu n-nuħħala flok l-inċens. [Bar:6:43] Meta, mbagħad, xi waħda minnhom jiġbidha xi ħadd li jkun għaddej, u timtedd miegħu, din tgħajjar il-ġara, li ma stmawhiex bħalha, u r-rumnell tagħha ma qatgħuhulhiex. [Bar:6:44] Kull ma jsir lill-idoli kollu gideb.

Mela kif jista' wieħed jemmen u jmur jgħid li dawn huma allat?

[Bar:6:45] Dawn ħadmuhom in-nies tas-sengħa u l-arġentiera, u m'huma xejn ħlief dak li riduhom ikunu l-ħaddiema. [Bar:6:46] U jekk dawk li ħadmuhom m'għandhomx għomor twil, jistgħu jkunu allat dawn l-oġġetti maħduma minnhom? [Bar:6:47] Gideb u għajb ħallew lil ta' warajhom. [Bar:6:48] Għalhekk meta l-gwerra jew xi ħsara oħra tilħaqhom, il-qassisin jiltaqgħu bejniethom biex jaraw fejn jistaħbew ma' allathom. [Bar:6:49] Kif mela ma jintebħux li m'humiex allat, dawk li ma jistgħux isalvaw lilhom infushom, la mill-gwerra u lanqas minn xi ħsara oħra. [Bar:6:50] Wara kollox in-nies għad jagħrfu li dawn l-allat, miksija bid-deheb u l-fidda, m'humiex ħlief gidba. U għad jidher ċar quddiem il-ġnus u quddiem is-slaten li dawn m'humiex allat, imma xogħol idejn il-bnedmin u m'għandhom xejn minn Alla.

[Bar:6:51] Min mela ma jafx li m'humiex allat?

[Bar:6:52] Sultan fuq pajjiż ma jistgħux jagħmluh, u lanqas jagħtu x-xita lill-bnedmin. [Bar:6:53] Il-kawża tagħhom stess ma jistgħux jiddefenduha, u lanqas jistgħu jeħilsu 'l ħadd mill-inġustizzja, għax bla saħħa bħaċ-ċawl bejn sema u art. [Bar:6:54] U jekk it-tempju ta' dawn l-allat ta' l-għuda, miksija bid-deheb u l-fidda, jieħu n-nar, il-qassisin tagħhom jaħarbu bħat-travi li hemm fin-nofs. [Bar:6:55] Slaten u għedewwa, ma jistgħux jiqfulhom.

[Bar:6:56] Kif jista' mela wieħed iżomm jew jemmen li huma allat?

[Bar:6:57] La mill-ħallelin u lanqas mill-briganti, ma jistgħu jeħilsuha dawn l-allat ta' l-għuda, miksija bid-deheb u l-fidda. U għax jifilħu aktar minnhom jeħdulhom id-deheb, il-fidda u l-ilbies ta' fuqhom u jitilqu bihom; lanqas biss jistgħu jgħinu lilhom infushom. [Bar:6:58] Aħjar sultan li juri ħiltu jew xi għamara meħtieġa fid-dar, li biha jinqeda min għamilha, minn dawn l-allat foloz. Aħjar il-bieb tad-dar li jħares kull ma hemm fiha, minn dawn l-allat foloz; jew kolonna ta' l-injam fil-palazz ta' xi sultan minn dawn l-allat foloz.

[Bar:6:59] Ix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb, li jiddu u qegħdin hemm għall-ħtieġa, jobdu. [Bar:6:60] Hekk ukoll il-berqa sabiħa meta tleħħ, u r-riħ jonfoħ ma' l-art kollha. [Bar:6:61] U s-sħab ukoll, meta Alla jikkmandah, jiġġerra mad-dinja kollha, joqgħod għall-ordni; mqar in-nar mibgħut mill-għoli biex jaħraq il-muntanji u l-foresti, jagħmel li jkun ikkmandat. [Bar:6:62] Imma dawn l-allat ma jixbhuhomx, la fil-ġmiel u lanqas fil-qawwa.

[Bar:6:63] Għalhekk kif wieħed jista' jemmen, jew jgħid, li dawn huma allat, meta dawn ma jistgħux, u la jaqtgħu kawżi, u lanqas jagħmlu l-ġid lill-bnedmin?

[Bar:6:64] La darba tafu li m'humiex allat: mela la tibżgħux minnhom!

[Bar:6:65] U lis-slaten la jistgħu jisħtuhom u lanqas iberkuhom. [Bar:6:66] Sinjali fis-sema ma jurux lill-ġnus, u la jiddu bħax-xemx, u lanqas idawwlu bħall-qamar. [Bar:6:67] Il-bhejjem aħjar minnhom, għax jistgħu jaħarbu f'moħba u jaħsbu għal rashom.

[Bar:6:68] Bl-ebda mod, mela, ma jidhrilna ċar li huma allat: mela la tibżgħux minnhom!

[Bar:6:69] Bħal raġel tat-tiben f'għalqa ħjar, ma jgħasses xejn; hekk huma dawn l-allat tagħhom ta' l-għuda, miksija bid-deheb u l-fidda. [Bar:6:70] Bl-istess mod, bħal siġra tax-xewk fi ġnien li fuqha jistrieħ kull xorta ta' għasfur, huma dawn l-allat ta' l-għuda, miksija bid-deheb u l-fidda; jonkella bħal ġisem mejjet mixħut fid-dlam. [Bar:6:71] Mill-porpra u mill-għażel fin immermra fuqhom tistgħu tagħrfu li m'humiex allat; huma wkoll fl-aħħar mill-aħħar għad jissewwsu u jsiru għajb fil-pajjiż.

[Bar:6:72] Kemm hu aħjar il-bniedem ġust, li ma għandux idoli, u jibqa' 'l bogħod mill-għajb!"