IT-TIELET ITTRA TA' SAN ĠWANN

1. Tislima

[3Ġw:1:1] Il-presbiteru, lil Gaju l-għażiż, li jiena nħobb fis-sewwa. [3Ġw:1:2] Għażiż, nitlob lil Alla li kollox imurlek tajjeb u li tkun f'saħħtek, l-istess bħalma inti sejjer tajjeb f'ruħek. [3Ġw:1:3] Fraħt ħafna b'dawk l-aħwa li ġew u taw xhieda tal-verità tiegħek, kif inti miexi fil-verità. [3Ġw:1:4] Ngħid għalija, ma nafx b'ferħ akbar minn dak li nħoss meta nisma' li wliedi mexjin fil-verità.

Għajnuna u tfixkil

[3Ġw:1:5] Int, għażiż, qiegħed iġġib ruħek bħala bniedem tal-fidi f'dak li qiegħed tagħmel għal ħutna, mqar meta jkunu barranin. [3Ġw:1:6] Huma xehdu dwar l-imħabba tiegħek quddiem il-knisja. Tagħmel sew jekk tieqaf magħhom fil-vjaġġi tagħhom kif jixraq lis-servizz ta' Alla. [3Ġw:1:7] Għax jekk dawn siefru, dan għamluh għall-Isem, bla ma ħadu xejn mingħand il-pagani. [3Ġw:1:8] Mela nies bħal dawn aħna fid-dmir li nilqgħuhom, ħalli b'hekk nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità. [3Ġw:1:9] Jien ġa ktibt xi ħaġa lill-knisja, imma Dijotrefi, dak li jħobb jaqbeż lil kulħadd, ma riedx jilqa' l-kelma tagħna. [3Ġw:1:10] Għalhekk, jekk niġi, nurih kull ma qiegħed jagħmel, it-tpaċpiċ żejjed u l-kliem ħażin li qiegħed jgħid fuqna. U mhux kuntent b'dan, anqas lill-aħwa ma jilqa', u anqas ma jħalli lil dawk li jkunu jridu jilqgħuhom; imma jkeċċihom 'il barra mill-knisja.

[3Ġw:1:11] Għażiż, timxix fuq il-ħażin, imma fuq it-tajjeb. Min jagħmel it-tajjeb ġej minn Alla; min jagħmel il-ħażin ma rax lil Alla.

[3Ġw:1:12] Demetriju għandu x-xhieda tiegħu minn kulħadd, sa mill-istess verità. U aħna wkoll nixhdu għalih, u inti taf li x-xhieda tagħna hija vera.


L-aħħar tislijiet

[3Ġw:1:13] Kont kieku niktiblek wisq iżjed minn hekk, imma ma rridx ngħidhulek bil-linka u l-pinna. [3Ġw:1:14] Nittama li narak ma ndumx; mbagħad inkellmek wiċċ imbwiċċ.

[3Ġw:1:15] Is-sliem għalik. Il-ħbieb jibagħtu jsellu għalik. Sellili għall-ħbieb, wieħed wieħed.